Proċedura : 2016/2243(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0176/2017

Testi mressqa :

A8-0176/2017

Dibattiti :

PV 16/05/2017 - 16
CRE 16/05/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 17/05/2017 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0211

RAPPORT     
PDF 749kWORD 77k
28 t'April 2017
PE 597.523v01-00 A8-0176/2017

dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju

(2016/2243(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Cora van Nieuwenhuizen

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju

(2016/2243(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u ż-żieda tad-diversità tal-finanzjament tal-SMEs f'Unjoni tas-Swieq Kapitali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "L-Unjoni tas-Swieq Kapitali – Naċċelleraw ir-Riforma" (COM(2016)0601),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2016 dwar il-finanzjament kollettiv fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE (SWD(2016)0154),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "Il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-data" (COM(2017)0009),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar l-użu tal-Big Data mill-istituzzjonijiet finanzjarji (JC 2016 86),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tas-26 ta' Frar 2015 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self (EBA/Op/2015/03),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-4 ta' Mejju 2016 dwar użi innovattivi tad-data dwar il-konsumatur mill-istituzzjonijiet finanzjarji (EBA/DP/2016/01),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment (ESMA/2014/1378),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-7 ta' Jannar 2017 dwar id-distributed ledger technology applikata għas-swieq tat-titoli,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-7 ta' Settembru 2016 dwar ir-riskji u l-vulnerabilitajiet tas-sistema finanzjarja tal-UE,

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Bankarja Ewropea bbażata fuq id-data fit-tielet trimestru tal-2016,

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ħames Rapport tal-EIOPA dwar it-Tendenzi tal-Konsumatur tas-16 ta' Diċembru 2016 (EIOPA-BoS-16-239),

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tar-raba' trimestru tal-2016,

–  wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 172 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' April 2016 bit-titolu: Distributed ledger technologies in securities post-trading: Revolution or evolution?" (Teknoloġiji tar-reġistru distribwit fil-fażi ta' wara n-negozjar fit-titoli: Revoluzzjoni jew evoluzzjoni?)

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kumitat dwar il-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-Suq ta' Frar 2017 bit-titolu "Distributed ledger technology in payment, clearing and settlement: An analytical framework" (Teknoloġija tar-reġistru distribwit fil-pagamenti, l-ikklirjar u s-saldu: Qafas analitiku)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0176/2017),

A.  billi l-FinTech għandha tinftiehem bħala attività finanzjarja magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, li taffettwa s-settur finanzjarju kollu fil-komponenti kollha tiegħu, mis-settur bankarju għal dak tal-assigurazzjoni, il-fondi tal-pensjonijiet, il-konsulenza dwar l-investiment, is-servizzi ta' pagament u l-infrastrutturi tas-suq;

B.  billi s-servizzi finanzjarji minn dejjem kienu bbażati fuq it-teknoloġija u evolvew b'mod allinjat mal-innovazzjoni teknoloġika;

C.  billi kwalunkwe attur jista' jkollu funzjoni ta' FinTech, irrispettivament mit-tip ta' entità ġuridika li jkun; billi l-katina tal-valur fis-servizzi finanzjarji tinkludi dejjem aktar lil atturi alternattivi bħal negozji ġodda jew tech giants; billi, għaldaqstant, dan it-terminu jinkludi firxa wiesgħa ta' kumpaniji u ta' servizzi li jvarjaw ħafna minn xulxin, li jirrappreżentaw sfidi differenti u li t-trattament regolatorju tagħhom irid ivarja;

D.  billi firxa wiesgħa ta' żviluppi fil-qasam tal-FinTech hija msejsa fuq teknoloġiji ġodda, bħall-applikazzjonijiet tad-distributed ledger technology (DLT), il-pagamenti innovattivi, ir-robo-advice, il-Big Data, l-użu tal-cloud computing, soluzzjonijiet innovattivi fl-onboarding/identifikazzjoni tal-konsumaturi, pjattaformi tal-finanzjament kollettiv u ħafna aktar;

E.  billi l-investiment fl-applikazzjoni tal-FinTech jirrappreżenta biljuni ta' euro u qed ikompli jiżdied kull sena;

F.  billi l-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji qed jiżviluppaw b'passi differenti filwaqt li l-iskala u l-impatt tal-iżvilupp tagħhom jiqbgħu inċerti, iżda għandhom il-potenzjal li jittrasformaw is-settur finanzjarju b'mod sostanzjali ħafna; billi ċerti applikazzjonijiet tal-FinTech jistgħu xi darba jsiru ta' importanza sistemika;

G.  billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-kompetittività tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija Ewropea, inkluż il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jsaħħu l-istabbiltà finanzjarja u jżommu l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur;

H.  billi l-FinTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli, bħal servizzi finanzjarji aktar veloċi, orħos, aktar imfassla apposta, aktar inklużivi, reżiljenti u trasparenti u aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji, u tista' tiftaħ bosta opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-intraprendituri Ewropej; billi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, l-esperjenza tal-konsumaturi hija l-forza li tixpruna lill-atturi tas-suq; billi l-progress u l-innovazzjoni fis-settur finanzjarji m'għandhomx jeskludu l-flus bħala mezz ta' pagament;

I.  billi l-iżvilupp ta' servizzi finanzjarji ġodda u d-diġitalizzazzjoni ta' servizzi eżistenti se jbiddlu d-dinamiċi tas-suq għas-settur tas-servizzi finanzjarji, billi jintroduċu forom ġodda ta' kompetizzjoni, innovazzjoni, sħubiji u esternalizzazzjoni minn atturi u bejniethom;

J.  billi l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, in-newtralizzazzjoni tar-renti ekonomiċi fejn dawn jeżistu u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għas-servizzi finanzjarji fl-UE huma prerekwiżiti għat-tisħiħ tal-FinTech fl-Ewropa u għat-twassil tal-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha;

K.  billi r-riċerka ekonomika wriet li l-kosteffiċjenza tas-sistema finanzjarja tista' twassal għal prezzijiet tal-konsumaturi aktar baxxi għal prodotti u servizzi finanzjarji għall-konsumaturi; billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għan dan it-tnaqqis fil-prezzijiet;

L.  billi soluzzjonijiet fil-qasam tal-FinTech jistgħu jżidu l-aċċess għall-kapital, b'mod partikolari għall-SMEs, permezz ta' servizzi finanzjarji transfruntieri, self alternattiv u kanali ta' investiment bħall-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari, u b'hekk isaħħu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU);

M.  billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-flussi finanzjarji transfruntieri u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali fl-Ewropa u b'hekk iħeġġu n-negozju transfruntier u jippermettu l-ikkompletar tas-CMU;

N.  billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech, b'mod partikolari fil-qasam tas-soluzzjonijiet ta' pagamenti domestiċi u transfruntieri, jistgħu wkoll jappoġġjaw l-iżvilupp kontinwu ta' suq uniku fl-oġġetti u fis-servizzi u jiffaċilitaw il-kisba "tal-objettivi 5x5" tal-G20 u tal-G8 tat-tnaqqis tal-ispejjeż tar-rimessi;

O.  billi l-FinTech tista' sservi bħala għodda effikaċi għall-inklużjoni finanzjarja, billi tiftaħ servizzi finanzjarji mfassla apposta għal dawk li ma setgħux jaċċessawhom qabel, u b'hekk tagħmel it-tkabbir aktar inklużiv; billi l-indirizzar tal-problemi tal-edukazzjoni finanzjarja u l-ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini Ewropej huwa neċessarju għall-FinTech biex tiġġenera inklużjoni finanzjarja reali;

P.  billi l-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni għandhom jadattaw għall-innovazzjoni u jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn l-inċentivi għal protezzjoni innovattiva tal-konsumaturi u l-investituri u l-istabbiltà finanzjarja; billi l-FinTech tirrikjedi attitudni aktar ibbilanċjata bejn "ir-regolamentazzjoni tal-istituzzjoni" u "r-regolamentazzjoni tal-attività"; billi l-interazzjoni kumplessa bejn il-FinTech u r-regolamentazzjoni attwali tista' twassal għal assimetriji, peress li l-kumpaniji u l-fornituri ta' servizzi huma rregolati b'mod differenti anki meta jwettqu sostanzjalment l-istess attivitajiet u peress li xi attivitajiet mhumiex koperti sew mid-definizzjoni u/jew il-kamp ta' applikazzjoni fir-regolamentazzjoni attwali; billi l-qafas attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri għas-servizzi finanzjarji ma jindirizzax l-innovazzjonijiet kollha tal-FinTech b'mod adegwat;

Q.  billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) bdew jidentifikaw ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġiji finanzjarji innovattivi; billi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qed jissorveljaw dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u ħarġu b'approċċi differenti; billi sal-lum, l-iżvilupp ta' ekosistema tal-FinTech fl-Ewropa kien imxekkel minn regolamentazzjoni diverġenti bejn Stati Membri differenti u minn nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn is-swieq; iqis li azzjoni deċiżiva tal-UE bl-għan li jitrawwem approċċ komuni għall-FinTech hija importanti fl-iżvilupp ta' ekosistema b'saħħitha tal-FinTech fl-Ewropa;

R.  billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju fis-sistema finanzjarja b'deċentralizzazzjoni u b'dekonċentrazzjoni tar-riskji, b'ikklirjar u b'saldu aktar veloċi tal-pagamenti fi flus u ta' negozji ta' titoli, u mmaniġġjar tal-kollateral aħjar u ottimizzazzjoni tal-kapital;

S.  billi huwa mistenni li l-FinTech ikollha wħud mill-aktar impatti sinifikanti tagħha fuq il-katina tal-valur ta' wara n-negozjar, li tinkludi servizzi bħall-ikklirjar, is-saldu, il-kustodja tal-assi u r-rapportar regolatorju, meta teknoloġiji bħad-DLT jista' jkollhom il-potenzjal li jsawru mill-ġdid is-settur sħiħ; billi, fi ħdan din il-katina tal-valur, ċerti intermedjarji bħal kustodji, kontropartijiet ċentrali (CCPs) u depożitorji ċentrali tat-titoli jistgħu, fit-tul, isiru obsoleti filwaqt li xi funzjonijiet oħrajn se jibqa' jkollhom jitwettqu minn entitajiet regolati u indipendenti;

T.  billi r-RegTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli għall-istituzzjonijiet u s-superviżuri finanzjarji billi tippermetti li teknoloġiji ġodda jintużaw biex jiġu indirizzati rekwiżiti regolatorji u ta' konformità b'mod aktar trasparenti u effiċjenti u f'ħin reali;

U.  billi l-InsurTech tirreferi għal assisgurazzjoni magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju permezz tal-konsulenza awtomatizzata, il-valutazzjoni tar-riskju u l-Big Data, iżda anke permezz tal-assigurazzjoni kontra riskji ġodda bħall-attakki ċibernetiċi;

V.  billi jinħtieġ b'mod urġenti aċċess akbar għall-finanzjament għall-kumpaniji li jaħdmu fuq prodotti u servizzi tal-FinTech, u għas-sħab kummerċjali innovattivi li jfornuhom bil-materjal teknoloġiku meħtieġ sabiex jipprovdu dawn il-prodotti u s-servizzi, biex tingħata spinta lill-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa, b'mod partikolari biex in-negozji ġodda jespandu; billi, f'dan il-kuntest, id-disponibbiltà tal-kapital ta' investiment bħala sors ta' finanzjament u l-preżenza ta' settur tat-teknoloġija b'saħħtu huma fatturi ewlenin għat-trawwim ta' ekosistema tal-FinTech dinamika fl-Ewropa;

W.  billi l-attakki ċibernetiċi huma theddida li qed tikber għall-infrastruttura diġitali kollha, u għaldaqstant anke għall-infrastruttura finanzjarja; billi s-settur finanzjarju huwa tliet darbiet aktar espost għar-riskju ta' attakki minn kwalunkwe settur ieħor; billi s-sikurezza, l-affidabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi tiegħu huma prerekwiżiti għall-garanzija tal-fiduċja pubblika fis-settur; billi l-konsumaturi bl-imnut huma wkoll vulnerabbli ħafna għal attakki simili jew għal serq ta' identità;

X.  billi t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu huwa parti integrali tas-servizzi tal-FinTech; billi l-Internet tal-Oġġetti (IoT) huwa speċjalment vulnerabbli għaċ-ċiberattakki u, għalhekk, jirrappreżenta sfida partikolari għaċ-ċibersigurtà; billi sistema konnessa hija sikura biss daqs kemm ikun sikur l-aktar element dgħajjef tagħha;

Y.  billi, hekk kif il-FinTech tiżviluppa, il-konsumaturi u l-investituri jridu jkunu kapaċi jkomplu jiddependu fuq standards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri, tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet għall-privatezza u tar-responsabbiltà legali min-naħa tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji;

Z.  billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-FinTech, huwa importanti li jinħolqu qafas regolatorju koerenti u favorevoli u ambjent kompetittiv li jistgħu jippermettu lill-FinTech tiżviluppa u tagħmel użu minn diversi għodod innovattivi għal kriptaġġ sikur u identifikazzjoni u awtentikazzjoni online b'interfaċċa sempliċi;

AA.  billi l-awtomatizzazzjoni fis-settur finanzjarju, bħal f'setturi oħra, tista' tfixkel tendenzi eżistenti ta' impjieg; billi t-titjib u l-iżvilupp tat-taħriġ u tat-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet se jkollhom bżonn jitqiegħdu fil-qalba ta' kull strateġija Ewropea għall-FinTech;

BB.  billi, minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din timponi sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust;

Definizzjoni ta' qafas tal-UE għall-FinTech

1.  Jilqa' l-iżviluppi l-ġodda fil-qasam tal-FinTech, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech komprensiv fil-qafas tal-istrateġiji tagħha tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u tas-Suq Uniku Diġitali (DSM), li jista' jikkontribwixxi b'mod ġenerali għall-kisba ta' sistema finanzjarja Ewropea effiċjenti u kompetittiva, aktar profonda u aktar integrata u stabbli u sostenibbli, jipprovdi benefiċċji fit-tul għall-ekonomija reali u jindirizza l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u taċ-ċertezza regolatorja;

2.  Jilqa' l-ħolqien riċenti tat-Task Force tal-FinTech, li għandu r-rwol li jivvaluta l-innovazzjoni f'dan il-qasam u, fl-istess ħin, jiżviluppa strateġiji biex jintlaħqu l-isfidi potenzjali kkawżati mill-FinTech, kif ukoll it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-FinTech mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament fil-ħidma tat-Task Force tal-FinTech; iqis dawn l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni bħala pass fundamentali lejn l-iżvilupp mill-Kummissjoni ta' strateġija komprensiva għall-FinTech u għat-tnaqqis tal-inċertezza regolatorja għall-FinTech;

3.  Iqis li l-FinTech tista' tgħin sabiex l-inizjattivi tas-CMU jiksbu suċċess, pereżempju billi jiġu diversifikati l-opzjonijiet ta' finanzjament fl-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta l-benefiċċji tal-FinTech fit-tmexxija 'l quddiem tas-CMU;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta approċċ proporzjonat, transettorjali u olistiku għall-ħidma tagħha fuq il-FinTech, billi tislet tagħlimiet minn dak li jsir f'ġurisdizzjonijiet oħra u tadatta għad-diversità tal-atturi u l-mudelli ta' negozju li jsir użu minnhom; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi bħala l-ewwel innovatur fejn ikun neċessarju sabiex toħloq ambjent aktar favorevoli għall-hubs u d-ditti tal-FinTech Ewropej biex jespandu;

5.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għandha tiġi riveduti meta jkun neċessarju u għandha tkun favorevoli biżżejjed għall-innovazzjoni, b'tali mod li jkunu jistgħu jinkisbu u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi; jirrakkomanda b'mod partikolari li, skont "il-Prinċipju ta' Innovazzjoni", l-effetti potenzjali tal-leġiżlazzjoni dwar l-innovazzjoni jiġu vvalutati kif xieraq bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, sabiex dawn l-iżviluppi jipprovdu bis-sħiħ "benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti";

6.  Jenfasizza li, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju fl-Istati Membri kollha u l-istatuses legali, il-leġiżlazzjoni u s-superviżjoni fil-qasam tal-FinTech għandhom ikunu bbażati fuq dawn il-prinċipji li ġejjin:

a.  L-istess servizzi u l-istess riskji: għandhom japplikaw l-istess regoli, irrispettivament mit-tip ta' entità legali kkonċernata jew il-post tagħha fl-Unjoni;

b.  Newtralità teknoloġika;

c.  Approċċ ibbażat fuq ir-riskju, b'kunsiderazzjoni tal-proporzjonalità tal-azzjonijiet leġiżlattivi u superviżorji għar-riskji u l-materjalità tar-riskji;

7.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet kompetenti jippermettu u jħeġġu sperimentazzjoni kkontrollata b'teknoloġiji ġodda, kemm għal parteċipanti ġodda kif ukoll għal parteċipanti fis-suq eżistenti; jinnota li tali ambjent ikkontrollat għal sperimentazzjoni jista' jieħu l-forma ta' regulatory sandbox għas-servizzi tal-FinTech b'benefiċċji potenzjali għas-soċjetà, li jgħaqqad flimkien firxa wiesgħa ta' parteċipanti fis-suq u li diġà kiseb suċċess f'diversi Stati Membri; jissottolinja li impenn proattiv u progressiv mill-awtoritajiet, fi djalogu mal-parteċipanti fis-suq u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha l-oħra, huwa neċessarju u jista' jgħin lis-superviżuri u lir-regolaturi biex jiżviluppaw għarfien espert teknoloġiku; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw l-iżvilupp ta' għodod għall-ittestjar tal-istress finanzjarji u/jew operazzjonali għall-applikazzjonijiet tal-FinTech fejn jistgħu jikkawżaw riskji sistemiċi, li jkun komplimentari għall-ħidma tal-BERS;

8.  Jenfasizza li xi banek ċentrali diġà qed jesperimentaw b'munita diġitali tal-bank ċentrali (CBDC) kif ukoll b'teknoloġiji ġodda oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti fl-Ewropa jivvalutaw l-impatt tar-riskji u l-benefiċċji potenzjali ta' verżjoni bbażata fuq reġistru distribwit ta' CBDC u r-rekwiżiti relatati neċessarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u t-trasparenza; iħeġġiġhom jesperimentaw ukoll, sabiex iżommu l-pass mal-iżviluppi fis-suq;

9.  Jenfasizza l-importanza li r-regolaturi u s-superviżuri jiżviluppaw biżżejjed għarfien espert tekniku biex jiskrutinizzaw b'mod adegwat is-servizzi tal-FinTech dejjem aktar kumplessi; jissottolinja li, permezz ta' dan l-iskrutinju fuq bażi kontinwa, ir-regolaturi se ikunu jistgħu jsibu u jantiċipaw riskji speċifiċi ta' teknoloġiji differenti u jieħdu passi immedjatament u b'aġenda ċara meta dan isir meħtieġ;

10.  Jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' punt uniku ta' servizz għall-fornituri u l-utenti tas-servizzi Fintech fi ħdan l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitkissru dekompartimentalizzazzjonijiet superviżorji bejn is-setturi, u jirrakkomanda kooperazzjoni mill-qrib mis-superviżuri tas-settur finanzjarju ma' korpi nazzjonali u Ewropej rilevanti oħra li jkollhom l-għarfien espert teknoloġiku meħtieġ;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikoraġġixxu u jappoġġjaw aktar proġetti ta' riċerka relatati mal-FinTech;

12.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa; jitlob aċċess iffaċilitat għal finanzjament għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji innovattivi u għall-intrapriżi innovattivi li jfornuhom bil-materjal meħtieġ sabiex jipprovdu dawn is-servizzi;

13.  Jenfasizza li l-kumpaniji tal-FinTech jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-iżvilupp ta' intermedjazzjoni finanzjarja, iżda joħolqu wkoll xi riskji ġodda relatati mal-istabbiltà finanzjarja; jinnota li l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jirċievu ammont kbir ta' informazzjoni permezz tal-karti bilanċjali ta' istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti b'rabta mal-implimentazzjoni ta' ħafna oqfsa regolatorji bħar-rekwiżiti kapitali, il-proporzjon ta' ingranaġġ, il-proporzjon ta' likwidità u oħrajn, filwaqt li, fil-każ ta' entitajiet mhux bankarji li jisilfu bħall-finanzjament kollettiv u Bejn il-Pari (P2P), huwa diffiċli li tinkiseb biżżejjed informazzjoni mill-karti bilanċjali tagħhom dwar l-attivitajiet li jwettqu bħala intermedjarji finanzjarji; għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jikkunsidraw kif jistgħu jiksbu l-informazzjoni superviżorja xierqa għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u, fejn hemm bżonn, sabiex jimponu restrizzjonijiet regolatorji fuq il-karti bilanċjali tagħhom sabiex jiksbu u jżommu l-istabbiltà finanzjarja;

14.  Jenfasizza li r-RegTech għandha l-potenzjal li ttejjeb il-proċessi ta' konformità, b'mod partikolari l-kwalità u l-puntwalità tal-informazzjoni superviżorja, billi tagħmilhom anqas ikkumplikati u aktar kosteffiċjenti; jistieden lill-awtoritajiet jiċċaraw il-kundizzjonijiet legali li taħthom hija permessa l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' konformità minn entità taħt superviżjoni lil partijiet terzi, waqt li jiżguraw li l-arranġamenti superviżorji xierqa fuq il-partijiet terzi jkunu fis-seħħ u li r-responsabbiltà legali għal konformità tibqa' f'idejn l-entità taħt superviżjoni; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti, b'mod partikolari l-Kummissjoni bħala parti mill-ħidma tagħha relatata mal-Forum Ewropew ta' Wara n-Negozjar, biex jadottaw approċċ proattiv biex jippruvaw jifhmu l-ostakli biex jintużaw soluzzjonijiet ġodda tal-FinTech u tar-RegTech fl-oqsma tal-proċessi ta' qabel u wara n-negozjar li huma koperti mid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID), ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), u r-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) u, fejn ma jeżisti l-ebda ostaklu, li jiċċaraw id-dritt ta' atturi li jużaw soluzzjonijiet bħal dawn bl-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dawk il-biċċiet ta' leġiżlazzjoni;

15.  Jinnota li servizzi finanzjarji innovattivi għandhom ikunu disponibbli fl-UE kollha u għalhekk m'għandhomx jiġu mxekkla għalxejn mill-provvista transfruntiera fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jissorveljaw u jevitaw trikkib tar-regolamentazzjoni, ostakli ġodda għad-dħul fis-suq u ostakli nazzjonali għal dawk is-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni l-ostakli bejn l-Istati Membri minħabba l-inkonsistenzi bejn ir-reġimi nazzjonali u tippromwovi l-aħjar prattiki fl-approċċi regolatorji tal-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-ASE biex, meta jkun applikabbli, japplikaw reġimi ta' passaportar għal fornituri ta' servizzi finanzjarji ġodda offruti fl-Unjoni kollha; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fl-indirizzar ta' kif l-UE tista' tgħin sabiex ittejjeb l-għażla, it-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej, u jenfasizza li jenħtieġ li dan l-għan ikun komplimentari għall-objettiv ta' tisħiħ tal-effiċjenza tas-sistema finanzjarja;

16.  Jilqa' l-fatt li madwar l-UE feġġ sett vibranti ta' komunitajiet tal-FinTech; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet relatati ta' governanza ekonomika tal-UE sabiex jaħdmu mill-qrib mal-hubs tal-FinTech, iżidu l-intraprenditorija intelliġenti ta' dawn il-komunitajiet u tal-impenji tagħhom, billi jħeġġu u jiffinanzjaw l-innovazzjoni u jilqgħuhom bħala sors ta' vantaġġ kompetittiv futur tal-UE fis-settur finanzjarju;

17.  Jinnota li n-negozji ġodda tal-FinTech huma partikolarment vulnerabbli għal entitajiet li jabbużaw mill-privattivi, li huma entitajiet li jixtru l-privattivi bl-intenzjoni li jħaddmuhom kontra negozji li diġà jkunu qed jużaw id-drittijiet tat-teknoloġija permezz ta' theddidiet ta' kawżi għal ksur tal-privattivi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza din is-sitwazzjoni u tissuġġerixxi miżuri għall-ġlieda kontra dawk li jabbużaw mill-privattivi fil-qasam tal-FinTech;

18.  Jenfasizza r-rwol potenzjali tal-FinTech għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, u b'hekk jikkontribwixxi għal żieda fl-effiċjenza tagħhom, pereżempju fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni tal-frodi fiskali;

19.  Jenfasizza li minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din tirrappreżenta sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-adegwatezza tal-qafas regolatorju għall-kompetizzjoni għall-indirizzar tal-isfidi tal-ekonomija diġitali b'mod ġenerali u tal-FinTech b'mod partikolari;

20.  Jenfasizza li hemm skop għal titjib ulterjuri fil-mezzi li jistgħu jintużaw għall-pagamenti transfruntieri; jappoġġja l-iżvilupp ta' tali mezzi ta' pagamenti fl-Ewropa, u jiddispjaċih dwar il-livell għoli ta' frammentazzjoni tas-suq bankarju online fl-UE u n-nuqqas ta' skema madwar l-UE kollha, ta' karti tal-kreditu jew tad-debitu bi sjieda Ewropea; jemmen li dan huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-CMU, u huwa parti kruċjali tas-Suq Uniku Diġitali, li jrawwem il-kummerċ elettroniku Ewropew u l-kompetizzjoni transfruntiera fis-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-passi li jmiss lejn il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' tali sistema; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tali sistema tikkoeżisti u, meta jkun xieraq, tkun interoperattiva ma' soluzzjonijiet ta' pagamenti innovattivi oħra fl-interessi tal-kompetizzjoni;

21.  Jenfasizza li l-konsumaturi huma l-ixprun li wassal għaż-żieda tal-FinTech; jissottolinja li l-għan ta' kwalunkwe tibdil leġiżlattiv futur jenħtieġ li jkun li jappoġġja lill-konsumaturi f'din it-trasformazzjoni;

Data

22.  Ifakkar li l-ġbir u l-analiżi tad-data għandhom rwol ċentrali għall-FinTech, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta' applikazzjoni konsistenti u teknoloġikament newtrali tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-data, inklużi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), id-Direttiva Riveduta dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSD2), ir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi ta' awtentikazzjoni (eIDAS), ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD4) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS); jenfasizza li, sabiex tingħata spinta lill-finanzjament innovattiv fl-Ewropa, jenħtieġ fluss liberu ta' data fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bl-għan li tiżgura li jintużaw elementi ta' data oġġettivi u rilevanti biss fil-kuntest tal-forniment ta' servizzi finanzjarji; jilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "l-ekonomija tad-data" (COM(2017)0009), li għandha tipprovdi evidenza u tistabbilixxi jekk jeżistux jew le ostakli għall-flus liberu tad-data fl-Unjoni kollha;

23.  Jenfasizza l-bżonn ta' regoli ċari dwar is-sjieda, l-aċċess u t-trasferiment tad-data; jixħet dawl fuq il-fatt li ammonti dejjem ikbar ta' data qed jiġu ġġenerati minn magni jew minn proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħat-tagħlim tal-magni; jenfasizza li l-GDPR jipprovdi qafas legali ċar dwar id-data personali iżda li hemm bżonn ta' aktar ċertezza tad-dritt rigward kategoriji oħrajn ta' data; f'dan ir-rigward, jemmen li għandha ssir distinzjoni ċara bejn data mhux ipproċessata u data li tirriżulta minn ipproċessar ulterjuri;

24.  Jenfasizza li l-ibbankjar miftuħ u l-kondiviżjoni tad-data jikkontribwixxu għall-iżgurar li l-mudelli ta' negozju FinTech kollha jistgħu jevolvu flimkien, għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-kisbiet riċenti tal-PSD2 dwar bidu ta' pagamenti u aċċess għal data dwar kontijiet;

25.  Jixħet dawl fuq il-fatt li l-benefiċċji li jista' jkollu l-cloud computing għall-konsumaturi u għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji, f'termini tal-kosteffiċjenza, tal-inqas żmien għat-tqegħid fis-suq u ta' użu aħjar tar-riżorsi tal-ICT; jinnota li m'hemmx regoli jew linji gwida Ewropej ċari u komprensivi għall-esternalizzazzjoni tad-data għall-cloud fir-rigward tas-settur finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' tali linji gwida u għal approċċ komuni għall-użu ta' cloud computing f'awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs); jenfasizza li regoli jew linji gwida bħal dawn huma neċessarji sabiex iwasslu aġilità u veloċità għall-adozzjoni tal-cloud; jissottolinja li standards għoljin ta' sigurtà tad-data u ta' protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ikunu parti minn dawn il-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jistudjaw il-possibbiltajiet differenti f'dan ir-rigward, bħal kuntratti approvati minn qabel bejn il-fornituri ta' servizzi tal-cloud u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

26.  Josserva n-neċessità ta' ħolqien ta' aktar għarfien fost il-konsumaturi rigward il-valur tad-data personali tagħhom; jinnota li l-konsumaturi jistgħu jidħlu f'kuntratti biex jikkondividu kontenut diġitali bi skambju ta' pagament ta' tariffa; jissottolinja li dan jista' jwassal għal benefiċċji ekonomiċi iżda jista' jintuża b'mod diskriminatorju wkoll; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà ta' strateġija Ewropea għall-kondiviżjoni tad-data bl-għan li jkollha l-objettiv li tqiegħed lill-konsumaturi fil-kontroll tad-data tagħhom; jemmen li approċċ ċar iffokat fuq il-konsumaturi se jżid il-fiduċja fis-servizzi bbażati fuq il-cloud u jistimola servizzi innovattivi ġodda offruti minn atturi diversi fil-katina tal-valur finanzjarju, eż. bl-użu ta' interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) jew bl-iffaċilitar ta' aċċess dirett għad-data għal servizzi tal-pagamenti elettroniċi; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-potenzjal futur tas-Sistemi ta' Informazzjoni Personali Maniġerjali (PIMS) bħala għodod tekniċi sabiex il-konsumaturi jimmaniġġjaw id-data personali tagħhom;

27.  Ifakkar, fil-kuntest taż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji, fl-Artikolu 71 tal-GDPR li jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb spjegazzjoni ta' deċiżjoni meħuda bl-ipproċessar awtomatizzat u li jikkontesta din id-deċiżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li data żbaljata tkun tista' tinbidel u li tintuża biss data rilevanti u li tista' tiġi verifikata. jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha isaħħu l-isforzi bl-għan li jiggarantixxu l-infurzar ta' dawn id-drittijiet; huwa tal-fehma li l-kunsens mogħti għall-użu ta' data personali jrid ikun dinamiku u li suġġetti tad-data jridu jkunu jistgħu jbiddlu u jadattaw il-kunsens tagħhom;

28.  Jinnota li ż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji tista' twassal għal benefiċċji għall-konsumaturi, bħall-iżvilupp ta' offerti aktar imfassla apposta, issegmentati u orħos ibbażati fuq allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskju u l-kapital; jinnota, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-ipprezzar dinamiku u l-potenzjal tiegħu li jwassal għall-effett oppost, li jista' jkun ta' ħsara għall-komparabbiltà tal-offerti u l-kompetizzjoni effettiva u għar-raggruppament u l-mutwalizzazzjoni tar-riskji, pereżemju fis-settur tal-assigurazzjoni;

29.  Jirrikonoxxi l-kombinament li qed jiżdied ta' data u algoritmi personali sabiex jiġu pprovduti servizzi bħar-robo-advice; jenfasizza l-potenzjal ta' effiċjenza tar-robo-advice u l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-inklużività finanzjarja; jenfasizza li, potenzjalment, żbalji jew preġudizzji fl-algoritmi jew fid-data sottostanti jistgħu jikkawżaw riskju sistemiku u dannu lill-konsumaturi, pereżempju permezz ta' esklużjoni li qed tiżdied; jitlob lill-Kummissjoni u lill-ASE jimmonitorjaw dawn ir-riskji sabiex jiġi żgurat li l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja tkun tista' toħloq realment konsulenza aħjar, trasparenti, aċċessibbli u kosteffiċjenti, u biex jindirizzaw iż-żieda fid-diffikultà tal-ittraċċar ta' responsabbiltà għal danni kkawżati minn dawn ir-riskji fil-qafas ta' responsabbiltà legali attwali għall-użu tad-data; jissottolinja li għar-robo-advice għandhom japplikaw l-istess dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħall-konsulenza wiċċ imb wiċċ;

Is-sigurtà ċibernetika u r-riskji tal-ICT

30.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sigurtà minn punt għall-ieħor fil-katina tal-valur kollha tas-servizzi finanzjarji; jirrimarka dwar ir-riskji kbar u diversi mill-attakki ċibernetiċi kontra l-infrastruttura tas-swieq finanzjarji, l-Internet tal-Oġġetti, il-muniti u d-data tagħna; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel iċ-ċibersigurtà l-ewwel prijorità fil-Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech, u jistieden lill-ASE u lill-BĊE fir-rwol tas-superviżjoni bankarja tiegħu sabiex jagħmluha element ewlieni tal-programmi regolatorji u superviżorji tagħhom;

31.  Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jirrieżaminaw regolarment l-istandards operattivi li jkopru r-riskji tal-ICT tal-istituzzjonijiet finanzjarji; jitlob, barra minn hekk, minħabba l-livelli differenti ta' protezzjoni fl-istrateġiji taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri, li jitfasslu linji gwida tal-ASE dwar is-superviżjoni ta' dawn ir-riskji; jenfasizza l-importanza tal-għarfien espert teknoloġiku fl-ASE biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom; iħeġġeġ aktar riċerka f'dan il-qasam;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn is-superviżuri, kif ukoll ir-regolaturi u l-gvernijiet fil-livelli rispettivi tagħhom, bejn ir-riċerkaturi u l-parteċipanti fis-suq u bejn il-parteċipanti fis-suq innifshom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parteċipanti fis-suq u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex jesploraw il-potenzjal tat-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bħala għodod kontra ċ-ċiberattakki; jissuġġerixxi li jiġu esplorati l-benefiċċji potenzjali ta' punt uniku ta' kuntatt għall-parteċipanti fis-suq f'dan ir-rigward kif ukoll li jiġi kkunsidrat approċċ aktar koordinat fl-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fid-dawl tal-karattru dejjem aktar transfruntier tagħhom;

33.  Jissottolinja li r-regolament dwar il-forniment tal-infrastruttura tas-servizzi finanzjarji jrid jipprevedi strutturi xierqa ta' inċentivi għall-fornituri sabiex jinvestu b'mod adegwat fiċ-ċibersigurtà;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni f'waqtha tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS); jilqa' s-sħubija pubblika-privata ġdida dwar iċ-ċibersigurtà mnedija reċentement mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-industrija; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sensiela ta' inizjattivi ġodda u konkreti biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-intrapriżi FinTech f'dan is-settur, b'mod speċjali tal-SMEs u tan-negozji ġodda, kontra l-attakki ċibernetiċi;

35.  Jinnota li l-fiduċja pubblika fit-teknoloġiji kkonċernati hija vitali għat-tkabbir futur tal-FinTech, u jindika l-ħtieġa ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni aħjar dwar l-impatt pożittiv tal-FinTech fuq l-attivitajiet ta' kuljum, iżda wkoll rigward ir-riskji għas-sikurezza tan-netwerk u l-informazzjoni għaċ-ċittadini u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;

36.  Jilqa' l-isforzi kontinwi fil-qasam tal-istandardizzazzjoni li jagħmlu t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu aktar sikur; madankollu, jissottolinja li s-sikurezza trid tiġi offruta lil hinn minn livell minimu ta' standardizzazzjoni, speċjalment għaliex il-prekawzjonijiet standardizzati uniformi għas-sigurtà jżidu r-riskju ta' ksur mifrux tas-sigurtà minħabba effett domino possibbli; iħeġġeġ bil-qawwa lill-kumpaniji jiżviluppaw risponsi proprji eteroġeni għas-sigurtà tal-apparati u tal-operazzjonijiet tagħhom;

Blockchains

37.  Jissottolinja l-potenzjal tal-applikazzjonijiet blockchain għat-trasferiment tal-flus u tat-titoli, kif ukoll għall-faċilitazzjoni ta' "kuntratti intelliġenti" li jiftħu firxa wiesgħa ta' possibbiltajiet għaż-żewġ naħat tal-kuntratti finanzjarji, b'mod partikolari l-arranġamenti ta' finanzjament tal-kummerċ u self kummerċjali, li għandhom il-possibbiltà li jissimplifikaw relazzjonijiet kuntrattwali kummerċjali u finanzjarji kumplessi fuq livelli minn negozju għal negozju (B2B) u min-negozju għall-konsumatur (B2C); jenfasizza li pjattaformi blockchain huma wkoll adatti għas-simplifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kumplessi B2B u B2C;

38.  Ifakkar fil-benefiċċji u r-riskji ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi; jistieden lill-Kummissjoni torganizza darba fis-sena konferenza għad-diversi partijiet ikkonċernati dwar dan is-suġġett; huwa preokkupat biż-żieda fl-użu ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi għal attivitajiet kriminali, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dawn is-sitwazzjonijiet, inkluż ir-rwol f'dan il-proċess, u tindirizzahom f'rapport;

Interoperabbiltà

39.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' APIs, bħala komplement għal għodod oħra li jistgħu jintużaw mill-konsumatur fl-għoti ta' aċċess lil atturi ġodda għall-infrastruttura finanzjarja; jirrakkomanda l-ħolqien ta' sett ta' APIs standardizzati li jistgħu jintużaw mill-fornituri, pereżempju fil-qasam tal-ibbankjar miftuħ, b'mod parallel mal-possibbiltà li t-tali fornituri jfasslu s-softwer tagħhom stess;

40.  Iqis li l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-FinTech, fi ħdan l-Ewropa u permezz tal-impenn ma' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi u ma' setturi ekonomiċi oħra, hija kundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp futur tas-settur tal-FinTech Ewropew u l-materjalizzazzjoni sħiħa tal-opportunitajiet li tista' tiġġenera; iħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-formati tad-data fejn ikun possibbli, bħal fil-każ tal-PSD2 għall-iffaċilitar ta' din;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-ħidma tal-Istati Membri u l-parteċipanti fis-suq biex tiżgura l-interoperabbiltà bejn l-iskemi nazzjonali differenti ta' identifikazzjoni elettronika; jenfasizza li l-użu ta' dawn l-iskemi għandu jkunu miftuħ għas-settur privat; Jemmen li mezzi ta' identifikazzjoni remota li mhumiex stabbiliti fir-regolament eIDAS għandhom ikunu aċċettabbli wkoll, dment li jkunu ta' livell ta' sigurtà ekwivalenti għal-livell ta' garanzija sostanzjali tal-eIDAS, u li, b'hekk, ikunu kemm sikuri kif ukoll interoperabbli;

42.  Jenfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà ta' soluzzjonijiet ta' pagamenti tradizzjonali u ġodda sabiex jinkiseb suq tal-pagamenti Ewropew integrat u innovattiv;

43.  Jitlob lill-ASE jidentifikaw f'liema każijiet l-awtentikazzjoni mmirata jew ibbażata fuq ir-riskju tista' tkun alternattiva għal awtentikazzjoni b'saħħitha; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tinvestiga jekk il-proċessi ta' awtentikazzjoni b'saħħitha jistgħux jiġu eżegwiti wkoll minn entitajiet oħrajn apparti l-banek;

44.  Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jiżviluppaw standards u liċenzji teknoloġikament newtrali għal tekniki ta' "kun af il-klijent tiegħek" u ta' identifikazzjoni remota, pereżempju abbażi ta' kriterji bijometriċi, li jirrispettaw il-privatezza tal-utenti;

L-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika, fit-tfassil tal-pjan ta' azzjoni tal-FinTech, lill-ħtiġijiet tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut u r-riskji li jistgħu jkunu vulnerabbli għalihom, fid-dawl tal-espansjoni li dejjem qed tiżdied tal-FinTech fis-servizzi għall-klijenti mhux professjonali, pereżempju fil-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari; jenfasizza li l-istess standards tal-protezzjoni tal-konsumaturi għas-servizzi tal-FinTech japplikaw ukoll għal servizzi finanzjarji oħra, irrispettivament mill-kanal ta' distribuzzjoni jew il-post tal-konsumatur;

46.  Jistieden lill-ASE ikomplu u jaċċeleraw il-ħidma li għaddejja tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-analiżi tal-benefiċċji u r-riskji potenzjali tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u tal-inklużjoni finanzjarja;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kemm il-FinTech tista' tgħin sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b'konsulenza finanzjarja ta' kwalità aħjar u jekk il-qafas regolatorju frammentat tal-UE li jittratta l-konsulenza huwiex biżżejjed sabiex jakkomodahom;

48.  Jikkunsidra li għad hemm inċertezza regolatorja konsiderevoli dwar l-InsurTech, u jenfasizza li din teħtieġ li tiġi indirizzata sabiex jiġu żgurati sigurtà, privatezza, kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja; jenfasizza li ċertezza tad-dritt aħjar se tgħin sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ta' kumpaniji tal-InsurTech li mhumiex irregolati sew ma jisfawx vittma ta' telf jew ta' bejgħ skorrett u se tgħin kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi jużaw aħjar is-soluzzjonijiet tal-InsurTech;

49.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-istabbiltà finanzjarja tissaħħaħ matul l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tal-FinTech; iħeġġeġ l-eżaminazzjoni ta' teknoloġija b'sors miftuħ u evalwata bejn il-pari bħala mezz għall-kisba ta' dan l-għan; jistieden lill-ASE jissieħbu mal-atturi mis-settur privat fl-iżvilupp u fl-evalwazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li għandhom il-potenzjal li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u jżidu l-protezzjoni tal-konsumatur, pereżempju billi jimmitigaw il-preġudizzju jew billi jżidu l-għarfien fost il-konsumaturi dwar it-theddidiet ċibernetiċi;

50.  Jinnota li d-diversità u l-kompetizzjoni fost il-parteċipanti fis-suq huma fatturi kritiċi li jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja; jistieden lir-regolaturi u lis-superviżuri jissorveljaw l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fi ħdan is-segmenti rilevanti kollha tas-settur finanzjarju, u jfasslu u jużaw għodod għall-prevenzjoni jew għar-rimedju ta' mġiba antikompetittiva jew ta' tfixkil tal-kompetizzjoni;

Edukazzjoni finanzjarja u ħiliet tal-IT

51.  Jenfasizza li kemm il-kompetenza finanzjarja kif ukoll il-kompetenza diġitali huma fatturi kruċjali għall-użu effiċjenti tal-FinTech u għal livelli aktar baxxi ta' riskju fl-ambjent tal-FinTech;

52.  Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja xierqa tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut hija neċessarja sabiex il-FinTech issir għodda reali għall-inklużjoni finanzjarja u sabiex tippermetti lil dawk il-konsumaturi u l-investituri li dejjem qed ikunu aktar esposti għal prodotti u servizzi ta' investiment finanzjarju personalizzati immedjatament aċċessibbli li jieħdu deċiżjonijiet finanjarji tajbin b'mod awtonomu dwar dawk l-offerti u li jifhmu r-riskji kollha li ġejjin mill-użu ta' dawn it-teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jżidu l-appoġġ tagħhom għall-inizjattivi li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja; jenfasizza li t-taħriġ vokazzjonali u l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u tal-investituri għandhom ikunu faċilment aċċessibbli;

53.  Ifakkar fil-previżjoni tal-Kummissjoni li sal-2020 l-Ewropa jista' jkun li tkun qed taffaċċja nuqqas ta' 825 000 professjonist fil-qasam tal-ICT; jemmen li hemm bżonn ta' aktar speċjalisti tal-informatika, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jħejju għat-tibdil fis-suq tax-xogħol li jista' jseħħ ferm aktar malajr minn dak li nistennew illum;

54.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali fi ħdan is-settur finanzjarju, fi ħdan il-korpi regolatorji u fi ħdan is-soċjetà kollha kemm hi, inkluż it-taħriġ vokazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-aħjar prattiki fil-kuntest tal-Koalizzjoni tagħha għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;

°

°  °

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0228.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0358.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0434.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

It-teknoloġiji ġodda qed ibiddlu malajr in-natura tal-infrastruttura finanzjarja madwar id-dinja. Dan joffri opportunitajiet enormi għall-Ewropa. Issa huwa f'idejn min ifassal il-politika li jagħmel l-għażliet it-tajba u joħloq ambjent li jwassal biex l-Ewropa tibbenefika bis-sħiħ.

"FinTech" spiss tintuża bħala referenza għal xena speċifika ta' negozji ġodda li jfixklu l-finanzjament bl-innovazzjoni. Din id-definizzjoni mhix se tintuża f'dan l-abbozz ta' rapport, peress li teskludi ammont kbir ta' atturi rilevanti. Minflok, il-FinTech tista' tinftiehem bħala attività finanzjarja magħmula possibbli minn teknoloġiji ġodda, li tkopri l-firxa sħiħa ta' servizzi, prodotti u infrastruttura finanzjarja. Tinkludi wkoll l-Insurtech, l-użu ta' teknoloġiji ġodda fl-assigurazzjoni, u r-RegTech, l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda għall-konformità regolatorja.

L-espansjoni attwali tas-settur tal-FinTech qed isseħħ wara l-iżvilupp ta' għadd ta' żviluppi teknoloġiċi differenti f'perjodu ta' żmien qasir, partikolarment l-Intelliġenza Artifiċjali, il-cloud computing u d-Distributed Ledger Technology (DLT). Dawn jipprovdu opportunitajiet ġodda ta' innovazzjoni f'oqsma bħall-pagamenti bil-mobile, l-ibbankjar miftuħ, il-finanzjament kollettiv, il-muniti virtwali u r-robo-advice.

Il-FinTech tista' twassal għal benefiċċji sinifikanti, bħal tnaqqis fl-ispejjeż, żieda fl-effiċjenza u aktar trasparenza. Tista' tkun għodda effikaċi għall-inklużjoni finanzjarja, u b'hekk tiftaħ servizzi ta' livell għoli għal dawk li ma setgħux jaffordjawhom qabel. Barra minn hekk, il-FinTech tista' tippermetti flussi u infrastruttura finanzjarji transfruntieri permezz ta' kanali alternattivi ta' self u ta' investiment.

Ir-rivoluzzjoni tal-FinTech li qed nesperjenzaw bħalissa hija globali. Matul dawn l-aħħar snin l-investimenti globali fil-FinTech żdiedu immens. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-investimenti saru fl-Istati Uniti, b'Silicon Valley jkun kontributur importanti. L-Asja u l-Iżrael ukoll qed iħejju ruħhom f'dan ir-rigward. L-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Iżrael jospitaw aktar minn nofs l-akbar għaxar kumpaniji tas-settur tal-FinTech. Jekk l-Ewropa trid tibqa' kompetittiva, l-innovazzjoni rapida issa għandha tkun in-norma. Dan huwa importanti mhux biss għall-infrastruttura finanzjarja tal-Ewropa, iżda anke għall-ekonomija reali, bil-konsumaturi u n-negozji jibbenefikaw mit-titjib tas-servizzi finanzjarji.

Minkejja l-benefiċċji kollha, il-FinTech iġġib magħha kwistjonijiet essenzjali ta' natura regolatorja u soċjetali. Il-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja għandhom ikunu kwistjonijiet fundamentali f'dan ir-rigward. Flimkien mal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea huma jiffurmaw it-tliet prijoritajiet ewlenin ta' dan l-abbozz ta' rapport.

Dan l-abbozz ta' rapport m'għandux l-għan li jagħti soluzzjonijiet tekniċi. Madankollu, għandu l-għan li jsaqsi l-mistoqsijiet it-tajbin. Dak għandu jkun l-ewwel pass fil-proċess tal-ħolqien ta' politika Ewropea li tħares 'il quddiem fil-qasam tat-Teknoloġiji Finanzjarji.

Definizzjoni ta' qafas tal-UE għall-FinTech

Il-FinTech tikkostitwixxi element importanti tas-soċjetà diġitali moderna li għandna bżonn biex niffaċċjaw il-kompetizzjoni mal-bqija tad-dinja. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta Pjan ta' Azzjoni komprensiv li jagħti spinta lill-FinTech fl-Ewropa.

Fir-rigward tal-involviment attwali tal-UE, il-FinTech taqa' fl-ambitu tal-istrateġiji dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u s-Suq Uniku Diġitali. Il-leġiżlazzjoni eżistenti, bħall-GDPR, il-PSD2 jew il-MiFID, diġà taffettwa l-iżviluppi fis-settur tal-FinTech. Is-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, li qed isseħħ fuq skala Ewropea, hija wkoll qasam ta' tħassib.

Dan l-abbozz ta' rapport m'għandux l-għan li jipproponi azzjonijiet leġiżlattivi speċifiċi lill-Kummissjoni. Irridu nkunu kawti bil-ħolqien ta' regoli ġodda peress li għad hemm ħafna affarijiet li mhumiex ċari dwar żviluppi futuri tat-teknoloġiji finanzjarji. Punt ta' tluq aħjar ikun li ninvestigaw fejn il-leġiżlazzjoni attwali tikkawża inċertezzi jew ostakli u li nidentifikaw fejn tinħtieġ azzjoni addizzjonali. Biex dan ikun ta' siwi, jinħtieġ approċċ olistiku, peress li l-iżviluppi teknoloġiċi tad-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà tagħna jeħtieġu ċerta dekompartimentalizzazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkun ta' eżempju f'dan ir-rigward, billi taħdem f'diversi Direttorati Ġenerali u oqsma ta' politika matul il-formulazzjoni ta' strateġija dwar il-FinTech.

L-atturi tal-FinTech diġà qed jiddekompartimentalizzaw huma stess. Sikwit joffru prodotti f'għaqda diversa u multipartitika. Żvilupp notevoli f'dan ir-rigward huwa l-"ibbankjar miftuħ", li jippermetti lil partijiet terzi joffru s-servizzi finanzjarji billi jagħmlu konnessjoni ma' infrastruttura ta' bank permezz tal-APIs. Fil-kuntest ta' din il-katina ta' valur diversifikata, huwa importanti li jiġu salvagwardjati l-kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi. Hawnhekk, il-prinċipju ta' "l-istess servizzi: l-istess regoli" huwa fundamentali. Minbarra s-servizzi mogħtija, l-ammont ta' riskju li l-fornituri tal-FinTech joħolqu għas-sistema finanzjarja għandu jkun kriterju.

It-tnaqqis tal-piż amministrattiv għandu jkun tħassib fundamentali tal-Kummissjoni Ewropea, skont l-aġenda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. Il-FinTech għandha l-potenzjal li tagħti kontribut f'dan ir-rigward billi tbiddel il-proċeduri u t-tranżazzjonijiet finanzjarji, pereżempju permezz tad-diżintermedjazzjoni jew l-intelliġenza artifiċjali.

Il-leġiżlazzjoni ġdida kollha tal-UE għandha tkun iggwidata mill-"prinċipju ta' innovazzjoni". Dan ifisser li l-effett potenzjali tal-leġiżlazzjoni fuq l-innovazzjoni għandu jiġi investigat matul il-fażi tal-valutazzjoni tal-impatt tal-proċess leġiżlattiv. In-newtralità teknoloġika f'kull livell tal-leġiżlazzjoni għandha tkun element ċentrali ta' dan.

Barra minn hekk, il-qafas superviżorju tagħna għandu jsaħħaħ l-innovazzjoni. Tibdil fundamentali tal-infrastruttura finanzjarja jimplika l-ħtieġa ta' bidla fil-metodoloġija superviżorja, li ma twaqqafx it-taqlib milli joħloq opportunitajiet tas-suq ġodda għall-Ewropa. Huwa importanti li s-superviżuri jkollhom għarfien espert tekniku suffiċjenti biex jiskrutinizzaw b'mod adegwat is-servizzi innovattivi tal-FinTech. Bl-iżviluppi fl-Intelliġenza Artifiċjali u t-tagħlim awtomatiku, l-algoritmi sottostanti saru fatturi importanti li jiddeterminaw l-eżitu tal-prodotti finanzjarji.

It-teknoloġija nnifisha tista' wkoll ittejjeb il-proċessi ta' konformità billi tippermetti aktar trasparenza, sistemi awtomatizzati aktar intelliġenti, tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u spejjeż aktar baxxi. Ir-RegTech tista' tagħmel dan billi, pereżempju, timplimenta proċessi awtomatizzati ta' rappurtar, biex b'hekk jitnaqqas ix-xogħol għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-possibbiltà li s-superviżuri jiġu konnessi mal-istituzzjonijiet finanzjarji f'DLT diġà qed tiġi sperimentata minn diversi konsorzji fi Blockchain awtorizzata.

Suġġett li jistħoqqlu attenzjoni jikkonċerna l-possibbiltà ta' sperimentazzjoni tal-innovazzjonijiet finanzjarji qabel ma jitqiegħdu fis-suq. F'dan il-qafas, reġimi ta' sperimentazzjoni speċjali li diġà qegħdin jintużaw madwar id-dinja jistgħu jservu ta' eżempju.

Hija biss mentalità li tħares 'il quddiem, miftuħa għall-isperimentazzjoni u l-innovazzjoni, li tippermetti lin-nies u lin-negozji Ewropej jibbenefikaw mill-iżviluppi tal-FinTech.

Data

Ħafna żviluppi tal-FinTech huma bbażati direttament fuq l-użu innovattiv tad-data. Il-qafas legali attwali tal-UE dwar id-data huwa pjuttost ikkumplikat, bi trikkib ta' diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni. Biex jiġi evitat li l-atturi Ewropej tas-settur tal-FinTech jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni fis-seħħ, bħall-GDPR, il-PSD2, l-AMLD4 u d-Direttiva dwar l-NIS.

Id-data personali ta' klijenti fl-ekonomija kollha llum diġà tgħaddi minn atturi differenti. Is-settur finanzjarju mhuwiex eċċezzjoni għal dan. Aħsbu dwar il-Cloud, li bosta banek diġà jiddependu minnha f'termini ta' ġestjoni tad-data. Għal dik ir-raġuni, jeħtieġ li jinstab ftehim dwar linji gwida ċari dwar l-esternalizzazzjoni għall-Cloud, linji gwida li bħalissa ma jeżistux. Barra minn hekk, il-kumpaniji FinTech spiss jużaw id-data dwar il-klijenti biex jipprovdu prodotti jew pariri mfassla apposta lill-klijent. F'dawn il-każijiet, għandu jkun ċar min hu sid id-data fil-fażijiet differenti tal-proċess.

Xi teknoloġiji ġodda jqajmu mistoqsijiet speċifiċi dwar l-użu tad-data. Id-DLT hija eżempju ta' dan. Twassal għal mistoqsijiet fundamentali rigward il-ħażna deċentralizzata tad-data, li hija inerenti għaliha.

Kwistjonijiet ta' responsabbiltà jiffurmaw qasam ieħor fejn tenħtieġ kjarifika. Żviluppi bħar-robo-advice huma possibbli minħabba l-applikazzjoni ta' algoritmi għall-big data. L-iżbalji jew il-preġudizzji f'dawn l-algoritmi jistgħu jikkawżaw riskju sistemiku u dannu lill-konsumaturi; Għandu jkun ċar min hu responsabbli f'każijiet bħal dawn.

Ċibersigurtà

Kuljum praċett, istituzzjonijiet finanzjarji fl-Ewropa u madwar id-dinja iħabbtu wiċċhom ma' bosta attakki ċibernetiċi. Jekk il-FinTech iġġibilna opportunitajiet ġodda mingħajr preċedent, il-kriminali ċibernetiċi jġibulna t-theddid ġdid mingħajr preċedent korrispondenti. Neħtieġu pjan ta' azzjoni Ewropew sod u ffukat fuq ir-riskji fir-rigward taċ-ċibersigurtà, peress li ma jeżistux fruntieri għall-kriminali ċibernetiċi u huma theddida li qed tikber, li tattakka l-infrastruttura, il-muniti u d-data tas-swieq finanzjarji tagħna. Ikun żball li wieħed jassumi li organizzazzjonijiet kbar biss huma fil-mira. Il-familji u l-SMEs qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma' attakki ċibernetiċi. Huwa għalhekk li, l-ewwel nett, tenħtieġ aktar sensibilizzazzjoni, biex l-Ewropej isiru konxji tat-theddidiet ċibernetiċi u tal-aħjar mod kif dawn jistgħu jiġu evitati.

Sfida speċifika għall-infrastruttura finanzjarja tagħna tikkonċerna l-għadd dejjem jiżdied ta' atturi ġodda b'rekwiżiti ta' ċibersigurtà potenzjalment anqas stretti minn atturi finanzjarji aktar stabbiliti. Dawn jistgħu jsiru punti uniċi ta' fraġilità fil-katina finanzjarja. Speċjalment bl-"ekonomija tal-API" li qed tevolvi u l-qafas legali attwali li jobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji jikkondividu data kruċjali ma' partijiet terzi, dan il-qasam għandu jingħata attenzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni.

Il-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tar-riskju tal-ICT jvarjaw b'mod sinifikanti. Hemm il-ħtieġa ta' qafas regolatorju u superviżorju komprensiv u koerenti li jistabbilixxi l-istandards għall-iskambju tal-aħjar prattiki u tar-rappurtar ta' inċidenti kbar.

Peress li ħafna istituzzjonijiet finanzjarji għandhom esponiment internazzjonali sinifikanti, l-istandards li għandhom jiġu stabbiliti għandhom ikunu konformi mal-istandards internazzjonali.

Interoperabbiltà

L-interoperabilità diġitali hija fundamentali biex tingħeleb sitwazzjoni ta' suq frammentat. Din fiha nnifisha hija kwistjoni Ewropea li jeħtieġ li tiġi indirizzata sabiex jinbnew DSM u CMU kompetittivi.

Bl-għan li jinħolqu servizzi aktar innovattivi, l-interazzjoni tal-fornituri ta' servizzi fl-"ekonomija tal-API" għandha tiġi ffaċilitata. L-APIs għandhom il-potenzjal li joħolqu ekosistemi innovattivi. Mod wieħed kif dan jiġi stimulat jista' jkun il-ħolqien ta' sett ta' APIs standardizzati b'aċċess miftuħ għall-fornituri ta' servizzi, pereżempju fil-qasam tal-Ibbankjar Miftuħ.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjoni tal-identifikazzjoni online. Il-proċessi ta' identifikazzjoni online għadhom ifframmentati ħafna u l-livell mitlub ta' sigurtà fil-proċessi ta' identifikazzjoni jvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tkabbir tal-FinTech fl-UE, għandha ssir ħidma fuq l-interoperabilità tal-iskemi nazzjonali ta' identifikazzjoni elettronika.

L-interoperabbiltà tal-Cloud hija strumentali wkoll sabiex wieħed ikun jista' jaqleb minn fornitur ta' cloud għal ieħor u biex jingħelbu l-effetti lock-in tal-bejjiegħa għall-fornituri ta' servizzi tal-FinTech.

Ħiliet

Il-ħiliet diġitali qed isiru neċessità fundamentali għal kulħadd. Dan huwa l-każ anke fis-settur finanzjarju: l-iżviluppi fis-settur tal-FinTech jeħtieġu aktar ħiliet fil-qasam tal-ICT għal dawk attivi fl-infrastruttura finanzjarja u għall-konsumaturi, is-superviżuri u min ifassal il-politika. Il-konsumaturi għandhom ikunu konxji mill-benefiċċji u r-riskji ta' pariri awtomatizzati u s-superviżuri għandhom ikunu kapaċi jifhmu l-algoritmi wara l-prodotti dejjem aktar robotizzati li jkunu qed jissorveljaw.

Id-diġitalizzazzjoni diġà għandha effetti mifruxa fuq is-suq tax-xogħol fis-setturi kollha. Is-settur finanzjarju mhuwiex eċċezzjoni. Meta l-konsulenza tista' tiġi awtomatizzata, dan ifisser li l-impjegat li qabel kien inkarigat bl-għoti tal-pariri jeħtieġ xogħol ieħor. L-awtomatizzazzjoni tkun kapaċi toħloq dak ix-xogħol, iżda dan ikun ta' natura differenti minn qabel. Għal din ir-raġuni huwa importanti li s-soċjetà tinvesti sew f'ħiliet ġodda, bħall-ikkowdjar. Fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet u tal-Ħiliet Diġitali u l-Koalizzjoni tal-Impjiegi tagħha, il-Kummissjoni Ewropea għandha tindirizza l-ispariġġ li qed jikber fis-suq tax-xogħol.


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (22.3.2017)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju

(2016/2243(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Dita Charanzová

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li t-Teknoloġija Finanzjarja (FinTech) qed tespandi rapidament, u jirrikonoxxi li tista' tittrasforma kemm is-settur finanzjarju globali kif ukoll l-ekonomija inġenerali; jenfasizza li l-iżviluppi fil-FinTech għandhom il-potenzjal li jġibu magħhom benefiċċji kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, u b'mod iktar partikolari għall-SMEs, permezz ta' titjib fl-effiċjenza, aċċessibilità, tnaqqis tal-ispejjeż u żieda fit-trasparenza; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li tiġi promossa l-attrattività tal-UE u tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji bħala ċentru għan-negozji tal-FinTech tagħhom;

2.  Jemmen li l-innovazzjoni fis-settur finanzjarju tista' toħloq opportunitajiet ta' impjiegi u potenzjal għal tkabbir ulterjuri fi ħdan l-UE, u tikkontribwixxi favur għażla usa' ta' servizzi mfassla għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi; jilqa' l-impetu favur l-iżvilupp ta' servizzi u prodotti finanzjarji ġodda, kif ukoll l-iżvilupp ulterjuri tas-servizzi finanzjarji eżistenti, li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-konsumaturi u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif l-UE tista' taħsad bis-sħiħ il-benefiċċji tal-FinTech;

3.  Iqis li l-innovazzjoni teknoloġika fl-industrija finanzjarja tippreżenta opportunitajiet, mhux biss għall-intrapriżi l-ġodda tal-FinTech iżda anke għall-atturi stabbiliti, bis-saħħa tal-possibilitajiet varji ta' kooperazzjoni, sinerġiji u tnaqqis potenzjali fl-ispejjeż; josserva li l-kompetizzjoni, xprunata minn innovazzjoni u dinamiżmu qawwija, toffri bosta opportunitajiet għall-operaturi tas-suq stabbiliti;

4.  Jemmen li s-servizzi u l-prodotti relatati mal-FinTech għandhom ikunu komplementari għall-istituzzjonijiet finanzjarji tradizzjonali, speċjalment f'żoni anqas żviluppati u f'żoni remoti tal-Ewropa;

5.  Jilqa' t-Task Force dwar it-Teknoloġija Finanzjarja stabbilita mill-Kummissjoni, li għandha l-għan li tivvaluta l-innovazzjoni f'dan il-qasam u, fl-istess ħin, tfassal strateġiji biex jingħelbu l-isfidi potenzjali li jġibu magħhom il-kumpaniji FinTech; iqis it-Task Force bħala pass fundamentali lejn l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u t-tnaqqas tal-inċertezza regolatorja għall-kumpaniji FinTech;

6.  Jistieden lit-Task Force dwar it-Teknoloġija Finanzjarja tippreżenta, qabel tmiem il-mandat tagħha, Pjan ta' Azzjoni komprensiv u orizzontali dwar il-FinTech ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi; jenfasizza li tali Pjan ta' Azzjoni jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-kompetittività, l-istabbiltà finanzjarja, l-interoperabbiltà, it-trasparenza u l-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li jkollu l-għan li joħloq ambjent ta' ċertezza u ċarezza regolatorji għall-FinTech; jemmen li dan il-pjan jenħtieġ li jkun appoġġjat minn analiżi settorjali dettaljata tas-segmenti varji li jagħmlu parti mis-suq, sabiex tinkiseb leġiżlazzjoni aħjar u mfassla apposta li tirrifletti l-mudelli ta' negozju differenti tal-kumpaniji FinTech;

7.  Jissottolinja l-benefiċċji potenzjali tal-FinTech għall-intrapriżi, b'mod partikolari għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, iżda anke għall-familji u l-klijenti li mhumiex moqdijin biżżejjed, f'termini ta' estensjoni tad-disponibbiltà tal-kreditu u aċċelerazzjoni tal-proċess ta' self permezz ta' kanali ta' self u ta' investiment alternattivi, bħalma huma l-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari; jemmen li tali skemi jenħtieġ li jkunu soġġetti għal miżuri sabiex jiġu evitati prattiki kummerċjali abbużivi jew inġusti;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, biex issawwar il-miżuri leġiżlattivi tagħha b'mod li jħallu flessibbiltà suffiċjenti biex id-ditti joperaw u jorganizzaw il-finanzjament, u biex tistimola wkoll sħubijiet bejn il-banek u l-kumpaniji FinTech fil-qasam tas-self;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakli eżistenti għas-suq uniku li attwalment qed jipprevjenu l-avvanz tas-servizzi diġitali, inkluż fil-qasam tal-FinTech, filwaqt li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja u ż-żamma ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri; jinnota li huwa imperattiv li l-operaturi ekonomiċi fis-suq uniku jkunu jistgħu jaċċessaw l-investiment minn operaturi f'pajjiżi terzi u jkunu reattivi għall-evoluzzjoni teknoloġika;

10.  Huwa tal-fehma li l-FinTech tista' taqdi rwol pożittiv billi toħloq diversifikazzjoni akbar tas-servizzi u tal-mezzi li bihom jiġu pprovduti; huwa tal-fehma li jinħtieġ approċċ proporzjonat u bilanċjat li jippromwovi wkoll l-innovazzjoni sabiex jinħoloq ambjent li jwassal għall-kompetizzjoni u li jżomm kundizzjonijiet kompetittivi ugwali għall-operaturi kollha tas-suq; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt tal-FinTech, b'mod partikolari fir-rigward tal-innovazzjoni, filwaqt li żżomm f'moħħha l-ħtieġa li jiġu żgurati stabbiltà finanzjarja u livell xieraq ta' protezzjoni tal-konsumaturi;

11.  Jenfasizza li s-servizzi relatati mal-FinTech jista' jkollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' Suq Uniku Diġitali Ewropew b'validità għall-futur, pereżempju billi jagħmlu l-mezzi eżistenti aktar effiċjenti, billi joffru soluzzjonijiet ta' ħlas innovattivi u iktar trasparenti u rapidi, u billi jżidu l-fiduċja tal-konsumaturi fit-teknoloġiji diġitali; jemmen li l-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu approċċ teknoloġikament newtrali fl-inizjattivi ta' politika tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inizjattivi jkunu idonei għall-għan li maħsubin għalih, miftuħa u bbażati fuq il-prinċipju ta' innovazzjoni;

12.  Jemmen li l-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jgħin l-appoġġ tal-iżvilupp tal-kumpaniji FinTech u Suq Uniku veru għall-prodotti u s-servizzi finanzjarji;

13.  Jenfasizza li hemm abitu għal titjib ulterjuri fil-mezzi li jistgħu jintużaw għall-ħlasijiet transfruntieri; jappoġġja l-iżvilupp ta' tali mezzi ta' ħlas fl-Ewropa, u jiddispjaċih dwar il-livell għoli ta' frammentazzjoni tas-suq bankarju online fl-UE u n-nuqqas ta' skema madwar l-UE kollha, ta' karti tal-kreditu jew tad-debitu b'sjieda Ewropea; jemmen li dan huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u huwa parti kruċjali tas-Suq Uniku Diġitali, li jrawwem il-kummerċ elettroniku Ewropew u l-kompetizzjoni transfruntiera fis-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-passi li jmiss lejn il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' tali sistema; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tali sistema tikkoeżisti u, meta jkun xieraq, tkun interoperattiva ma' soluzzjonijiet ta' ħlas innovattivi oħra fl-interessi tal-kompetizzjoni;

14.  Jenfasizza li l-Istandards Tekniċi Regolatorji (RTS) tal-EBA dwar "awtentikazzjoni qawwija tal-klijent" jinħtieġ li jieħdu inkonsiderazzjoni l-prattiki fil-qasam tal-FinTech u tal-kummerċ elettroniku; jilqa' l-adattamenti li saru dan l-aħħar mill-ABE għas-suġġerimenti ta' RTS tiegħu, biex jiġi evitat effett negattiv potenzjali fuq is-servizzi online u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi li jħeġġu l-innovazzjoni finanzjarja u jtejbu l-kompetizzjoni bejn l-atturi kollha tas-suq filwaqt li jiġu kkunsidrati l-politiki ta' sigurtà bbażati fuq ir-riskju;

15.  Jenfasizza li l-konsumaturi huma l-ixprun li wassal għaż-żieda tal-kumpaniji FinTech; jissottolinja li l-għan ta' kwalunkwe tibdil leġiżlattiv futur jenħtieġ li jkun li jappoġġja lill-konsumaturi f'din it-trasformazzjoni;

16.  Jieħu nota tal-ħidma tal-Kummissjoni biex tarmonizza l-istandards għas-servizzi finanzjarji, iżda fl-istess ħin jenfasizza li l-potenzjal għall-innovazzjoni u għal dħul fis-suq ġdid għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe stabbiliment ta' standards fil-futur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi favur id-definizzjoni ta' standards komuni, miftuħa u interoperabbli għall-FinTech;

17.  Jirrikonoxxi li l-FinTech tirreferi għall-innovazzjoni li sseħħ f'salib it-toroq tal-finanzi u t-teknoloġija;

18.  Ifakkar li l-FinTech tinkludi wkoll it-teknoloġija regolatorja (RegTech) u t-teknoloġija tal-assigurazzjoni; jissottolinja li t-teknoloġija jenħtieġ li tintuża sabiex tippermetti sorveljanza aħjar u aktar effiċjenti mill-awtoritajiet pubbliċi; jirrikonoxxi l-benefiċċji tar-RegTech fit-titjib tal-proċessi regolatorji u fil-protezzjoni tal-konsumaturi finanzjarji; iħeġġeġ lir-regolaturi nazzjonali jqisu l-iżviluppi futuri f'teknoloġiji ta' konformità meta dan jitqies meħtieġ;

19.  Jinnota l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-edukazzjoni diġitali u finanzjarja fost il-konsumaturi u l-operaturi fl-UE kollha; jissottolinja l-importanza ta' kompetenzi adegwati u ħiliet diġitali ġodda u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industriji FinTech jippermettu l-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, minħabba li dawn huma r-rekwiżiti ewlenin biex kemm jista' jkun individwi jkollhom aċċess sħiħ għas-servizzi finanzjarji u l-għodod tal-FinTech;

20.  Jinnota l-għadd dejjem jiżdied ta' konsulenti finanzjarji robotiċi u jilqa' dan il-fatt minħabba li jista' jnaqqas l-ostakli għall-investimenti fis-suq mill-konsumaturi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-iżviluppi rigward l-użu akbar ta' algoritmi fil-FinTech; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jeżaminaw il-potenzjal ta' żbalji u biases fl-algoritmi; Jenfasizza li, fl-istess ħin, f'każ li jinqala' tħassib dwar żball jew diskriminazzjoni, id-deċiżjonijiet meħuda permezz ta' servizzi tal-FinTech awtomatizzati jenħtieġ li jkunu soġġetti għal proċess ta' lment u rieżami kif ukoll għal rettifika xierqa;

22.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji potenzjali tas-"sandboxing" regolatorju billi jippermetti lill-iscale-ups u lid-ditti finanzjarji jittestjaw il-prodotti FinTech f'ambjent reali; jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki li wieħed jista' jitgħallem minn inizjattivi regolatorji fis-"sandboxing"; huwa tal-fehma li approċċ simili fil-livell Ewropew jista' jitħeġġeġ waqt li, fl-istess ħin, jiġi żgurat li l-konsumaturi, jekk ikunu parti minn tali proġett pilota, ikunu konxji tar-riskji relatati, u li jiġu evitati l-prattiki mhux kompetittivi;

23.  Jenfasizza li l-kwistjonijiet ta' sigurtà ċibernetika għandhom jiġu indirizzati fl-istadju tal-ippjanar tal-inizjattivi tal-FinTech kollha u għandhom jiġu adottati azzjonijiet protettivi qawwija biex l-infrastruttura tagħhom tkun protetta mill-attakki ċibernetiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw l-adegwatezza tal-miżuri protettivi kontra l-attakki ċibernetiċi adottati f'dan il-qasam, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industriji FinTech jikkooperaw b'mod effettiv permezz tal-iskambju ta' informazzjoni;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni f'waqtha tad-"Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà"; jilqa' s-sħubija pubblika-privata ġdida dwar iċ-ċibersigurtà mnedija reċentement mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-industrija; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sensiela ta' inizjattivi ġodda u konkreti biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-intrapriżi FinTech f'dan is-settur, b'mod speċjali tal-SMEs u tal-istart-ups, kontra l-attakki ċibernetiċi;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tkompli tibni fuq il-ħidma tar-Regolament eIDAS, tivvaluta ulterjorment il-qafas għal skemi Ewropej ta' eID sabiex tiżgura li dawn jiffaċilitaw il-forniment ta' servizzi finanzjarji online transfruntieri; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tivvaluta b'urġenza l-ostakli regolatorji attwali li jxekklu l-użu usa' ta' tekniki ta' identifikazzjoni elettronika;

26.  Jilqa' r-rapport tal-Parlament dwar il-muniti virtwali u jfakkar fil-benefiċċju potenzjali tad-distributed ledger technology (DLT) lil hinn mill-muniti virtwali; jinnota wkoll, madankollu, ir-riskji inerenti tad-diffużjoni rapida tal-muniti virtwali u tad-DLTs; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-użi possibbli tad-DLT fis-settur tal-FinTech u fi skemi oħra tas-Suq Uniku Diġitali, u tissorvelja u tevita r-riskji msemmija qabel;

27.  Jinnota li l-ġbir u l-analiżi tad-data huwa rwol ċentrali għall-kumpaniji FinTech li jixtiequ joffru lill-klijenti tagħhom servizzi mmirati, u jinnota ż-żieda fl-użu ta' "digital/data on boarding" minn kumpaniji FinTech; Jappoġġja, inter alia, l-użu tal-big data fil-ġestjoni tar-riskju mill-kumpaniji FinTech; fl-istess ħin jinnota r-riskji potenzjali marbuta mas-soluzzjonijiet ta' ħlas ġodda, bħal dawk relatati ma' frodi, użu ħażin tad-data tal-konsumaturi, proċedura ta' awtentikazzjoni dgħajfa, jew nuqqas ta' trasparenza u termini u kundizzjonijiet ċari; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw livell adegwat ta' salvagwardji u rimedji effettivi;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis kemm ix-xejriet ta' ġbir u użu ikbar ta' data u verifika mill-bogħod, kif ukoll ir-riskji relatati, b'mod partikolari fir-rigward tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u t-Tieni Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas u regoli "Kun Af il-Klijent Tiegħek", sabiex jiġi permess aċċess aħjar għall-konsumaturi għal servizzi FinTech transfruntieri; jissottolinja li għandhom jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tad-data u li l-konsumaturi jenħtieġ li jingħataw għażla dwar kif id-data tintuża u tinġabar, b'konformità mal-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

29.  Jissottolinja l-importanza tal-portabbiltà tad-data, li għandha tkun parti mis-servizzi FinTech sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jkunux marbutin ma' fornitur tas-servizzi wieħed jew ma' prodott wieħed; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tanalizza l-benefiċċji ta' aċċess akbar għall-interface ta' programmar tal-applikazzjonijiet (API) għall-kumpaniji FinTech li jagħti lok għal servizzi supplementari għall-konsumaturi;

30.  Jinnota li jekk tiġi introdotta armonizzazzjoni minima fis-settur, il-passaportar għal servizzi finanzjarji jista' jippermetti li jiġu offruti servizzi FinTech madwar l-Ewropa filwaqt li jkunu soġġetti għall-kontroll regolatorju ta' Stat Membru wieħed.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.3.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Nicola Danti, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Morten Løkkegaard, Marlene Mizzi, Jiří Pospíšil, Marcus Pretzell, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

 

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

32

+

ALDE

Dita Charanzová, Morten Løkkegaard, Jasenko Selimovic

ECR

Edward Czesak, Vicky Ford, Ulrike Trebesius, Anneleen Van Bossuyt

PPE

Pascal Arimont, Carlos Coelho, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Ildikó Gáll-Pelcz, Antonio López-Istúriz White, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu, Sabine Verheyen

S&D

Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Arndt Kohn, Marlene Mizzi, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Catherine Stihler

Verts/ALE

Jan Philipp Albrecht, Julia Reda

3

-

EFDD

David Coburn

ENF

Marcus Pretzell, Mylène Troszczynski

2

0

EFDD

Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Marco Zullo

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.4.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Pervenche Berès, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Gabriel Mato, Costas Mavrides, Luigi Morgano, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Beatrix von Storch, Jakob von Weizsäcker

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Mady Delvaux, Ashley Fox, Ramón Jáuregui Atondo, Eva Kaili, Thomas Mann, Michel Reimon, Andreas Schwab, Lieve Wierinck


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ALDE

Petr Ježek, Lieve Wierinck, Cora van Nieuwenhuizen

ECR

Ashley Fox, Sander Loones, Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Kay Swinburne

PPE

Burkhard Balz, Markus Ferber, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Gabriel Mato, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Andreas Schwab, Theodor Dumitru Stolojan, Tom Vandenkendelaere, Esther de Lange

S&D

Pervenche Berès, Mady Delvaux, Jonás Fernández, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Ramón Jáuregui Atondo, Eva Kaili, Olle Ludvigsson, Costas Mavrides, Luigi Morgano, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

Verts/ALE

Sven Giegold, Michel Reimon, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

6

-

EFDD

Marco Valli, Beatrix von Storch

ENF

Gerolf Annemans

GUE/ NGL

Matt Carthy, Dimitrios Papadimoulis, Miguel Viegas

1

0

ENF

Bernard Monot

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Mejju 2017Avviż legali