RAPPORT dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju

14.6.2017 - (2016/2221(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Neoklis Sylikiotis


Proċedura : 2016/2221(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0224/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju

(2016/2221(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 151 u 153,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol[1],

  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[2],

  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija ("Direttiva dwar ix-Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija")[3],

  wara li kkunsidra r-reviżjoni mmirata tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (id-Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema)[4] u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi (id-Direttiva dwar l-Infurzar)[5],

  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)[6],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji[7],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-Ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi,[8]

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea[10],

(Ex AM FEMM recital B( Or. EN) of FdR R:\DocEP\1116681EN.docx){AM\EN\1116681}; Ex AM FEMM recital S( Or. EN) of FdR R:\DocEP\1116681EN.docx){AM\EN\1116681}

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[11],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali[12],

  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta' paga li tiggarantixxi l-għajxien"[13],

  wara li kkunsidra l-Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-2016 bit-titolu "L-impjieg prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika"[14],

  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tal-Kwalità dwar l-Internships u l-Apprendistati mnedija fl-14 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-"Employment and Social Developments in Europe – Quarterly Review, Autumn 2016" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa – Rieżami Trimestarli, Ħarifa 2016) tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Strategic Engagement for Gender Equality) 2016-2020, tal-Kummissjoni,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2010 dwar "Flexible forms of work: "very atypical" contractual arrangements" (Forom flessibbli ta' xogħol: arranġamenti kuntrattwali "atipiċi ħafna"),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2014) bit-titolu "The impact of the crisis on industrial and working conditions in Europe" (l-impatt tal-kriżi fuq il-kundizzjonijiet industrijali u tax-xogħol fl-Ewropa)[15],

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2015) dwar "New forms of employment" (Forom ġodda ta' impjieg)[16],

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2016) dwar "Exploring the fraudulent contracting of work in the European Union"[17] (Nesploraw l-ikkuntrattar frawdolenti tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea),

  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Eurofound dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa u s-Sitt Stħarriġ tiegħu dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa – Rapport ta' sinteżi[18],

  wara li kkunsidra d-Dizzjunarju tal-Eurofound dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali[19],

–  wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni R198 tal-2006 tal-ILO dwar ir-relazzjoni ta' impjieg (ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-Relazzjoni ta' Impjieg)[20] u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-determinazzjoni ta' relazzjoni ta' impjieg,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2011 dwar politiki u regolamenti għall-ġlieda kontra l-impjieg prekarju[21],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2016 dwar l-impjieg mhux standard madwar id-dinja[22],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2016 dwar il-bini ta' pilastru soċjali għall-konverġenza Ewropea[23],

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 28, tal-2010, tan-NU, dwar l-Obbligi Ewlenin ta' Stati Partijiet skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-2011 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2014-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0224/2017),

A.  billi qed jitfaċċaw forom mhux standard u atipiċi tal-impjieg; billi l-għadd ta' ħaddiema b'kuntratti għal żmien fiss jew part-time żdied fl-UE matul l-aħħar 15-il sena; billi hemm bżonn ta' politiki effiċjenti li jqisu d-diversi forom ta' impjieg u jħarsu b'mod adegwat lill-ħaddiema;

B.  billi f'dawn l-aħħar 10 snin l-impjieg standard naqas minn 62 % għal 59 %[24]; billi, jekk din it-tendenza tkompli, jista' jkun il-każ li l-kuntratti standard isiru japplikaw biss għal minoranza ta' ħaddiema;

C.  billi l-kuntratti full-time permanenti għadhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-kuntratti ta' impjieg fl-UE u f'xi setturi, flimkien mal-impjieg standard, wieħed isib ukoll forom atipiċi ta' impjieg; billi l-impjieg atipiku jista' jkollu effetti negattivi wkoll fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajjadwar il-Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju dwar il-Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju privata, minħabba ħinijiet tax-xogħol mhux standard kif ukoll pagi u kontribuzzjonijiet għall-pensjoni irregolari;

D.  billi l-forom ġodda ta' impjieg li qed jitfaċċaw, b'mod partikolari fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, qed iċajpru l-limiti bejn l-impjieg dipendenti u l-impjieg indipendenti[25], li jista' jwassal ukoll għal tnaqqis fil-kwalità tal-impjieg;

E.  billi xi forom ġodda ta' impjieg huma differenti mill-impjieg standard tradizzjonali b'diversi modi; billi xi wħud qegħdin jittrasformaw ir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiem, oħrajn qed jibdlu l-mudell tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u oħrajn qed jagħmlu t-tnejn; billi dan jista' jwassal biex tiżdied ir-rata tal-impjieg indipendenti fittizju, jiħżienu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u titnaqqas il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, iżda jista' wkoll iġib miegħu vantaġġi; billi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija, għalhekk, ta' importanza kbira;

F.  billi ż-żidiet fir-rati tal-impjieg fl-Unjoni wara l-kriżi ekonomika għandhom jintlaqgħu b'sodifazzjon, iżda dawn jistgħu jiġu attribwiti għal żieda fl-għadd ta' kuntratti atipiċi, li f'ċerti każijiet toħloq riskju akbar ta' prekarjetà mill-impjiegi standard; billi jenħtieġ li ssir enfasi akbar fuq il-kwalità fil-ħolqien tax-xogħol;

G.  billi x-xogħol part-time fl-ebda mument ma naqas mindu bdiet il-kriżi, u x-xogħol full-time fil-livell tal-Unjoni għadu taħt il-livell tiegħu ta' qabel il-kriżi tal-2008; billi minkejja ż-żidiet f'dawn l-aħħar snin, ir-rata ta' impjieg għadha taħt il-mira ta' 75 % ta' Ewropa 2020 u turi disparitajiet kbar fost l-Istati Membri;

H.  billi huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-forom ġodda ta' impjieg li qed jitfaċċaw u l-eżistenza ta' impjiegi prekarji;

I.  billi l-kompetenza għall-politika soċjali hija kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri; billi l-UE tista' biss tikkomplementa u tappoġġja lill-Istati Membri f'dan il-qasam;

J.  billi l-UE tista' biss tadotta rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr ma tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri;

K.  billi diġà ġiet stabbilita Pjattaforma Ewropea biex tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, li tippermetti kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib u azzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u partijiet oħra kkonċernati sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat b'mod effettiv u effiċjenti;

L.  billi l-impjieg prekarju jwassal għal segmentazzjoni tas-suq u jaggrava l-inugwaljanzi fil-pagi;

M.  billi sa issa ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta' impjieg prekarju; billi definizzjoni bħal din għandha titfassal f'konsultazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali; billi t-tip ta' kuntratt ma jistax, waħdu, jipprevedi r-riskju ta' impjiegi prekarji iżda, għall-kuntrarju, dan ir-riskju jiddependi fuq firxa wiesgħa ta' fatturi;

N.  billi l-impjieg standard jista' ifisser impjieg regolari full-time jew part-time volontarju abbażi ta' kuntratti għal żmien indeterminat; billi kull Stat Membru għandu l-liġijiet u l-prattiki tiegħu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għal tipi differenti ta' kuntratti ta' xogħol u internships; billi ma hemm l-ebda definizzjoni aċċettata b'mod universali ta' "impjieg standard";

O.  billi l-kwistjonijiet l-aktar riċenti tar-rappreżentanza, minħabba dgħufijiet tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali f'ċerti setturi jew minħabba riformi f'diversi pajjiżi Ewropej li jillimitaw ir-rwoli tas-sħab soċjali, jaffettwaw kull relazzjonijiet ta' impjieg;

P.  billi xi setturi bħall-agrikoltura, il-kostruzzjoni u l-arti huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-impjieg prekarju; billi l-impjieg prekarju nfirex ukoll għal setturi oħra fis-snin riċenti bħall-avjazzjoni u l-industrija tal-lukandi[26];

Q.  billi, skont studji li saru dan l-aħħar, il-ħaddiema f'okkupazzjonijiet manwali b'ħiliet medji u dawk bi ftit ħiliet għandhom anqas qligħ, prospetti u kwalità intrinsika tal-impjiegi; billi huma jirrappurtaw b'mod aktar frekwenti esponiment għal riskji ambjentali u għall-qagħda tal-ġisem, u jesperjenzaw livelli aktar baxxi ta' benessri fiżiku kif ukoll mentali[27];

R.  billi n-nisa jammontaw għal 46 % tal-forza tax-xogħol tal-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-insigurtà tal-impjieg li tirriżulta mid-diskriminazzjoni, inkluż fil-qasam tal-paga, u billi n-nisa jaqilgħu madwar 16 % anqas mill-irġiel fl-UE; billi n-nisa għandhom probabbiltà ogħla li jaħdmu part-time jew b'kuntratti ta' żmien limitat jew b'pagi baxxi u għalhekk jinsabu f'riskju akbar ta' prekarjetà; billi dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol joħolqu telf tul il-ħajja f'termini ta' dħul u protezzjoni, kemm fir-rigward tal-pagi, il-pensjonijiet, kif ukoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali; billi l-irġiel għandhom aktar probabbiltà li jaħdmu fuq bażi full-time u permanenti min-nisa; billi n-nisa huma partikolarment affettwati minn xogħol part-time involontarju, impjieg indipendenti fittizju u xogħol mhux iddikjarat[28];

S.  billi r-rata tal-impjiegi fl-UE hija ogħla għall-irġiel milli għan-nisa; billi r-raġunijiet ewlenin għaliex in-nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol huma l-ħtieġa li jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani, il-mard jew id-diżabilità tagħhom stess, u responsabbiltajiet oħra personali jew tal-familja; billi n-nisa spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni u ostakli minħabba l-maternità attwali jew potenzjali tagħhom; billi n-nisa waħedhom u bi tfal dipendenti jiffaċċjaw riskju partikolarment għoli ta' prekarjetà;

T.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija dritt fundamentali li jippresupponi l-garanzija ta' opportunitajiet indaqs u trattament indaqs fl-oqsma kollha tal-ħajja, u billi l-politiki mmirati li jiggarantixxu tali ugwaljanza jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti u sostenibbli;

U.  billi ħafna ħaddiema li huma f'impjiegi prekarji jew qiegħda m'għandhomx id-dritt għal-liv tal-ġenituri;

V.  billi l-ħaddiema żgħażagħ huma f'riskju ogħla li jsibu ruħhom f'pożizzjoni ta' impjieg prekarju; billi l-possibbiltà li wieħed ikun f'pożizzjoni bi żvantaġġi multipli hija darbtejn ogħla għall-ħaddiema ta' anqas minn 25 sena minn dik għall-ħaddiema ta' 50 sena jew aktar[29];

I. Lejn xogħol diċenti – nindirizzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg prekarju

1.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-indikaturi tal-ILO li ġejjin biex jiddeterminaw l-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg:

- ix-xogħol jitwettaq skont l-istruzzjonijiet u taħt il-kontroll ta' parti oħra;

- ikun jinvolvi l-integrazzjoni tal-ħaddiem fl-organizzazzjoni tal-intrapriża;

- ikun jitwettaq biss jew prinċipalment għall-benefiċċju ta' persuna oħra;

- irid jitwettaq personalment mill-ħaddiem;

- ikun jitwettaq f'ħinijiet tax-xogħol speċifiċi jew f'post tax-xogħol speċifikat jew miftiehem mill-parti li qed titlob ix-xogħol;

- ikun ta' tul ta' żmien partikolari u jkollu ċerta kontinwità;

- ikun jeħtieġ id-disponibbiltà tal-ħaddiem jew jinvolvi l-provvista ta' għodod, materjal u makkinarju mill-parti li titlob ix-xogħol;

- il-ħaddiem jitħallas remunerazzjoni perjodika li tikkostitwixxi l-uniku sors jew is-sors prinċipali tal-introjtu tiegħu, u jista' jkun hemm ukoll l-għoti ta' ħlas in natura, bħal ikel, akkomodazzjoni jew trasport;

- il-ħaddiem ikollu intitolamenti bħal perjodi ta' mistrieħ fil-ġimgħa u vaganzi annwali;

2.  Jinnota d-definizzjoni tal-Eurofound ta' xogħol atipiku, li tirreferi għal relazzjonijiet ta' impjieg li ma jikkonformawx mal-mudell standard jew tipiku ta' impjieg full-time, regolari u għal żmien indeterminat ma' impjegatur wieħed fuq perjodu ta' żmien twil[30]; jenfasizza li t-termini "atipiċi" u "xogħol prekarju" ma jistgħux jintużaw b'mod sinonimu;

3.  Jikkunsidra li l-impjieg prekarju jfisser impjieg li ma jikkonformax mal-istandards u l-liġijiet tal-UE, internazzjonali u nazzjonali u/jew li ma jipprovdix biżżejjed riżorsi għal ħajja diċenti jew għal protezzjoni soċjali adegwata;

4.  Jinnota li xi wħud mill-forom atipiċi ta' impjieg jistgħu jinkludu riskji akbar ta' prekarjetà u insigurtà, pereżempju, xogħol part-time u b'kuntratt għal żmien fiss involontarju, kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol (zero-hours) u internships u apprendistati mingħajr ħlas;

5.  Jenfasizza li fejn l-għażla ta' involviment f'forom ta' xogħol part-time tkun waħda magħmula mill-ħaddiem, jeħtieġ li jiġi żgurat li dan l-impjieg ikun ekonomikament u soċjalment sostenibbli;

6.  Jemmen bis-sħiħ li l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol ma tfissirx it-tnaqqir tad-drittijiet tal-ħaddiema bil-pretest tal-produttività u l-kompetittività, iżda tfisser li tiġi bbilanċjata b'suċċess il-protezzjoni tal-ħaddiema mal-opportunità li l-individwi u min iħaddem jaqblu dwar modi tax-xogħol li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tat-tnejn li huma;

7.  Jinnota li r-riskju tal-prekarjetà jiddependi fuq it-tip ta' kuntratt iżda anke fuq il-fatturi li ġejjin:

- ftit li xejn jew kważi l-ebda sigurtà tax-xogħol minħabba n-natura tax-xogħol mhux permanenti, bħal f'kuntratti part-time involontarji u ta' sikwit marġinali, u, f'xi Stati Membri, sigħat tax-xogħol mhux ċari, u dmirijiet li jinbidlu minħabba xogħol fuq talba;

- protezzjoni rudimentarja mit-tkeċċija u nuqqas ta' protezzjoni soċjali suffiċjenti f'każ ta' tkeċċija;

- remunerazzjoni insuffiċjenti għal ħajja diċenti;

- ftit li xejn, jew l-ebda, drittijiet għal protezzjoni jew benefiċċji soċjali;

- ftit li xejn jew l-ebda protezzjoni minn kull forma ta' diskriminazzjoni;

- prospetti limitati jew l-ebda prospetti għall-avvanz fis-suq tax-xogħol jew fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera u tat-taħriġ;

- livell baxx ta' dritt kollettiv u dritt limitat għal rappreżentanza kollettiva;

- ambjent tax-xogħol li ma jissodisfax l-istandards minimi tas-saħħa u s-sigurtà[31];

8.  Ifakkar fid-definizzjoni ta' "xogħol diċenti" tal-ILO li tgħid li: "Ix-xogħol diċenti huwa xogħol li hu produttiv u li jagħti dħul ġust, b'mod sikur fuq il-post tax-xogħol u protezzjoni soċjali, prospetti aħjar għall-iżvilupp personali u l-integrazzjoni soċjali, il-libertà li n-nies jesprimu t-tħassib tagħhom, jorganizzaw u jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom u l-opportunitajiet u t-trattament indaqs għan-nisa u l-irġiel kollha"[32]; iħeġġeġ lill-ILO iżżid paga li tiggarantixxi l-għajxien ma' dik id-definizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw din id-definizzjoni fir-reviżjoni jew it-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi;

9.  Ifakkar il-fatturi ta' suċċess għall-prattika tajba kontra x-xogħol prekarju, li huma: bażi ġuridika b'saħħitha; l-involviment tas-sħab soċjali u l-kunsilli tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol; il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti; il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà; enfasi settorjali; piż amministrattiv baxx għal min iħaddem; l-infurzar mill-ispettorati tax-xogħol; u kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

10.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu adottati politiki ekonomiċi kontroċikliċi mfassla biex jipproteġu l-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiema, skont it-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri;

11.  Jinnota li l-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO hija speċifikament maħsuba biex tiggarantixxi l-ħolqien tax-xogħol, id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li x-xogħol diċenti għandu speċifikament jipprovdi:

- paga li tiggarantixxi l-għajxien, u li tiggarantixxi wkoll id-dritt tal-libertà tal-assoċjazzjoni;

- ftehimiet kollettivi skont il-prattiki tal-Istati Membri;

- il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kwistjonijiet tal-kumpaniji skont il-prattiki tal-Istati Membri;

- ir-rispett tan-negozjar kollettiv;

- it-trattament ugwali tal-ħaddiema fl-istess post tax-xogħol;

- is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

- il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema u d-dipendenti tagħhom;

- id-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ;

- il-ħarsien mit-tkeċċija;

- l-aċċess għal taħriġ u tagħlim tul il-ħajja;

- appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema kollha; jenfasizza li biex jitwettqu dawn id-drittijiet huwa essenzjali wkoll li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-liġi tax-xogħol u dik soċjali;

12.  Jinnota li għadd ta' fatturi, bħad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni, qed jikkontribwixxu għall-bidla tan-natura tax-xogħol, inkluża l-miġja ta' forom ġodda ta' impjieg; jinnota f'dan ir-rigward li forom ġodda ta' xogħol jistgħu jeħtieġu regolamentazzjoni ġdida, reattiva u proporzjonata biex jiġi żgurat li l-forom kollha tal-impjieg ikunu koperti;

13.  Itenni, fil-kuntest tal-impjiegi diġitali, li l-ħaddiema fil-pjattaforma diġitali u intermedjarji oħra jenħtieġ li jiġu ggarantiti biżżejjed kopertura u protezzjoni soċjali u tas-saħħa;

14.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni ma tridx titqies sempliċement bħala xi ħaġa li teqred l-impjiegi, u jenfasizza, għall-kuntrarju, li din toffri opportunitajiet għall-iżvilupp u l-estensjoni ta' ħiliet individwali;

15.  Jenfasizza li huwa stmat li se jkun hemm 756 000 post tax-xogħol li se jibqgħu battala fis-settur tal-ICT fl-2020, u dan juri l-ħtieġa li jitjiebu l-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol Ewropea;

16.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika wasslet għal flussi migratorji fl-UE li xeħtu dawl fuq l-ostakli eżistenti għall-moviment liberu tal-persuni bejn l-Istati Membri u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, fejn iċ-ċittadini tal-UE ġew esposti għal sitwazzjoni ta' insigurtà tal-impjieg;

17.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet prekarji tal-impjieg, inklużi x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju, għandhom effetti fuq tul taż-żmien fuq is-saħħa mentali u l-benessri fiżiku u jistgħu jpoġġu lill-ħaddiema f'riskju akbar ta' faqar, esklużjoni soċjali u deterjorament tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

18.  Jenfasizza li l-ħaddiema b'kuntratti qosra ħafna huma dawk li huma l-aktar esposti għal kundizzjonijiet ħżiena fl-aspetti fiżiċi tax-xogħol tagħhom; jenfasizza li t-taħlita tal-insigurtà tal-impjiegi u n-nuqqas ta' kontroll fuq il-ħinijiet tax-xogħol sikwit tiġi minn perikli fuq ix-xogħol relatati mal-istress;

19.  Jenfasizza li f'ċerti setturi tal-ekonomija, ir-relazzjonijiet tax-xogħol flessibbli jew atipiċi qed jintużaw b'mod eċċessiv sal-punt ta' abbuż;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki li jemanċipaw lill-ħaddiema, l-interns u l-apprendisti, billi jsaħħu d-djalogu soċjali u jippromwovu n-negozjar kollettiv, u jiżguraw li l-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu jistgħu jaċċessaw u jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' assoċjazzjoni u ta' negozjar kollettiv, liberament u mingħajr biża' ta' sanzjonijiet diretti jew indiretti mill-impjegatur;

21.  Jenfasizza l-importanza tas-sħab soċjali fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, fid-definizzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-iffissar ta' pagi u dħul diċenti skont il-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri, u fl-għoti ta' konsultazzjoni u gwida lil min iħaddem u lill-ħaddiema;

22.  Jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, biex jappoġġjaw perkorsi tal-karriera sabiex ikun eħfef għan-nies biex jadattaw għas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jiltaqgħu magħhom f'ħajjithom, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, benefiċċji tal-qgħad xierqa, it-trasferibbiltà tad-drittijiet soċjali, u politiki attivi u effettivi fis-suq tax-xogħol;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jiggarantixxu protezzjoni effettiva u paga ndaqs għall-ħaddiema rġiel u nisa li jwettqu xogħol fil-kuntest ta' relazzjoni ta' impjieg, bis-saħħa ta' reazzjoni ta' politika komprensiva li jkollha l-għan li tindirizza l-impjiegi prekarji u tiggarantixxi perkorsi ta' karriera u kopertura xierqa tas-sigurtà soċjali;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri, u jissottolinja li dawn jenħtieġ li jiffukaw fuq l-għan tal-monitoraġġ, jiżguraw il-konformità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll li jtejbuhom, u li jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat jew illegali, u m'għandhom għall-ebda ċirkostanza jiġu abbużati b'mod li jsiru mekkaniżmi ta' kontroll tal-migrazzjoni; jiġbed l-atenzjoni għar-riskju tad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u jikkundanna bil-qawwa l-prattika tal-kumpaniji li jimpjegaw lill-migranti mingħajr ma jiżgurawlhom id-drittijiet u l-benefiċċji kollha tagħhom u mingħajr ma jgħarrfuhom dwar dan; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi adegwati lill-ispettorati tax-xogħol biex jiżguraw monitoraġġ effettiv;

II. Proposti

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-impjiegi prekarji, inkluż ix-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju, sabiex jiżguraw li kull tip ta' kuntratt tax-xogħol joffri kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti b'kopertura xierqa tas-sigurtà soċjali, f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO, l-Artikolu 9 tat-TFUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Karta Soċjali Ewropea;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissieltu kontra kull prattika li tista' twassal għal żieda fl-impjiegi prekarji, biex b'hekk jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 li jitnaqqas il-faqar;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kwalità tal-impjiegi fl-impjiegi mhux standard billi jipprovdu, tal-anqas, sett ta' standards minimi fir-rigward tal-protezzjoni soċjali, livell minimu tal-pagi u aċċess għat-taħriġ u l-iżvilupp; jenfasizza li jenħtieġ li dan iseħħ filwaqt li jinżammu l-opportunitajiet ta' dħul;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkunu adattati għall-iskop f'dak li jirrigwarda forom ġodda ta' impjieg;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta forom ġodda ta' impjieg immexxija mid-diġitalizzazzjoni; jitlob b'mod speċjali li jkun hemm valutazzjoni tal-istatus legali tal-intermedjarji tas-suq tax-xogħol u tal-pjattaformi online u tar-responsabbiltà tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta' l-impjieg ("Id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub")[33] biex jitqiesu l-forom ġodda ta' impjieg;

30.  Jenfasizza l-potenzjal li għandha l-ekonomija kollaborattiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' impjiegi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw ir-regoli ta' impjieg ġodda potenzjali maħluqa mill-ekonomija kollaborattiva; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li tiżdied il-protezzjoni offruta lill-ħaddiema f'dan is-settur billi tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-istatus tagħhom, l-informazzjoni li jingħataw u n-nondiskriminazzjoni;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bir-reviżjoni mmirata tagħha tad-Direttiva dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema u tirrevedi d-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija biex tiżgura d-drittijiet soċjali fundamentali għall-ħaddiema kollha inkluża paga ndaqs għal xogħol ugwali fl-istess post;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat u jippromwovi b'mod partikolari dawk is-setturi tal-ekonomija li jwiegħdu l-akbar effett multiplikatur possibbli, sabiex tiġi promossa l-konverġenza soċjali 'l fuq u l-koeżjoni fl-Unjoni u l-ħolqien ta' impjiegi diċenti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-SMEs u n-negozji l-ġodda;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, minħabba li dan inaqqas id-dħul mit-taxxa u s-sigurtà soċjali u joħloq kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u ħżiena u kompetizzjoni inġusta bejn il-ħaddiema; jilqa' l-ħolqien ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat;

34.  Jinnota li, minħabba l-għadd ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li issa qed jitilqu l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom għal Stati Membri oħra biex ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati miżuri adegwati li jiggarantixxu li l-ebda ħaddiem ma jibqa' mingħajr kopertura mill-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu aktar il-mobilità tax-xogħol tal-UE filwaqt li jħaddnu l-prinċipju tat-trattament ugwali, u jħarsu l-pagi u l-istandards soċjali u jiggarantixxu l-portabbiltà sħiħa tad-drittijiet soċjali; jistieden lil kull Stat Membru jistabbilixxi l-politiki soċjali u tax-xogħol għal drittijiet ugwali u paga ugwali fl-istess post tax-xogħol;

35.  Jinnota bi tħassib id-dgħajfien tan-negozjar kollettiv u tal-kopertura tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki strateġiċi ta' kopertura universali tal-ħaddiema fil-qafas ta' ftehimiet kollettivi, filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardjaw u jsaħħu r-rwol tat-trejdjunjins u tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem;

36.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali rigward id-direttivi tal-Unjoni dwar xogħol part-time, kuntratti b'terminu fiss u xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, tirregola l-forom ġodda ta' impjieg, fejn ikun il-każ; jistieden lill-Eurofound tistudja kif is-sħab soċjali jistgħu jiżviluppaw strateġiji biex jiżguraw il-kwalità tal-impjiegi u jindirizzaw l-impjieg prekarju;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jiżguraw li l-ħaddiema individwali li jaħdmu għal rashom u li huma legalment meqjusa bħala kumpanija b'membru uniku jkollhom id-dritt għal negozjar kollettiv u li jkunu liberament assoċjati;

38.  Ifakkar li, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol)[34], kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat tax-xogħol massimi, għal perjodu ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u għal perjodu annwali ta' liv imħallas; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet japplikaw għall-ħaddiema kollha inklużi ħaddiema fuq talba, ħaddiema f'impjieg part-time marġinali u crowd workers; ifakkar li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol hija miżura ta' saħħa u sigurtà; jitlob li jkun hemm infurzar tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonfermaw li l-ħin tal-għassa fuq il-post tax-xogħol huwa ħin tax-xogħol u jrid jiġi segwit minn mistrieħ obbligatorju;

39.  Ifakkar li l-impjieg part-time marġinali huwa mmarkat minn livelli aktar baxxi tas-sigurtà tal-impjiegi, anqas opportunitajiet għall-karriera, anqas investiment fit-taħriġ minn min iħaddem, u sehem akbar ta' paga baxxa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu miżuri li jappoġġjaw sigħat itwal għal dawk li jixtiequ jaħdmu aktar;

40.  Ifakkar li skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kulħadd għandu d-dritt ta' aċċess għal taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-taħriġ vokazzjonali u kontinwu jkun disponibbli wkoll għal ħaddiema f'relazzjonijiet ta' impjieg atipiċi; ifakkar li miżuri tat-titjib tal-ħiliet huma partikolarment importanti f'ekonomija diġitali li qed tinbidel b'mod mgħaġġel; ifakkar li n-nuqqas u l-ispariġġ tal-ħiliet jikkontribwixxu għal livelli għolja ta' qgħad; jilqa' l-inizjattivi riċenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet;

41.  Jitlob li jkun hemm Garanzija ta' Ħiliet bħala dritt ġdid għal kulħadd, f'kull stadju tal-ħajja, biex kulħadd jikseb il-ħiliet fundamentali għas-seklu 21, inklużi l-litteriżmu, in-numeriżmu, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali u l-kompetenzi rilevanti meħtieġa għall-ekonomija ekoloġika u ċirkolari, billi jiġu kkunsidrati l-industriji emerġenti u s-setturi ta' tkabbir ewlenin u li jiġi żgurat l-involviment sħiħ għall-persuni f'sitwazzjonijiet żvantaġġati, inklużi l-persuni b'diżabilità, dawk li jfittxu l-ażil, il-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil u gruppi sottorappreżentati oħrajn; jenfasizza li s-sistemi edukattivi jenħtieġ li jkunu inklużivi, u jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità tajba għall-popolazzjoni kollha, jippermettu lill-persuni jkunu ċittadini Ewropej attivi, jippreparawhom biex ikunu kapaċi jitgħallmu u jadattaw tul ħajjithom, u jwieġbu għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol;

42.  Jenfasizza li l-politiki tal-Istati Membri għandhom jiġu fformulati u implimentati f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, u f'konsultazzjoni u b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem;

43.  Ifakkar li l-impjieg prekarju mhux biss jagħmel ħsara lill-individwu iżda jfisser ukoll spejjeż kbar għas-soċjetà f'termini ta' telf ta' taxxa u finalment għal nefqa pubblika ogħla, kif ukoll f'termini tal-appoġġ għal dawk li jsofru mill-effetti fit-tul tat-telf tad-dħul u kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-użu ta' kuntratti għal żmien indeterminat u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri sabiex jiġi indirizzat l-impjieg prekarju;

44.  Ifakkar li l-ħaddiema fl-ekonomija informali jiffaċċjaw livell għoli ta' prekarjetà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politiki adatti għal dan il-grupp ta' ħaddiema li jipproteġuhom billi jindirizzaw il-problemi tagħhom irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, l-impjieg indipendenti fittizju u l-forom kollha ta' prattiki ta' impjieg illegali li jimminaw id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sistemi tas-sigurtà soċjali; itenni l-fehma tiegħu li l-prevenzjoni tal-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol għandha tiġi kkunsidrata f'kull politika futura dwar l-impjiegi;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema sostituti fis-settur pubbliku u l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tas-servizzi pubbliċi;

47.  Jenfasizza li l-impjieg prekarju fil-biċċa l-kbira tiegħu jbatuh l-aktar ħaddiema vulnerabbli li huma f'riskju ta' diskriminazzjoni, faqar u esklużjoni; ifakkar b'mod partikolari li, il-fatt li persuna jkollha diżabilità, tkun ta' etniċità, oriġini, reliġjon jew twemmin differenti, jew tkun mara, iżid ir-riskju li tkun iffaċċjata b'kundizzjonijiet tal-impjieg prekarji; jikkundanna l-forom kollha tal-prekarjetà irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effettiva fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol hijiex adatta għall-forom ġodda ta' impjieg;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw kull leġiżlazzjoni li timmira lejn l-aspetti tax-xogħol prekarju fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-sessi; iqis li huwa meħtieġ li jiġu mmirati miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi lejn il-ħtiġijiet tan-nisa fix-xogħol prekarju peress li, inkella, dan il-grupp diġà rrappreżentat iżżejjed se jkompli jiġi affettwat iżżejjed;

50.  Iqis li taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha żieda fit-talbiet għal flessibilità fis-suq tax-xogħol tirriżulta f'li n-nisa jkomplu jiġu rrappreżentati żżejjed f'impjiegi atipiċi u fost dawk bi status ta' impjieg insigur;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jindirizzaw b'mod determinat il-fenomenu tal-"fastidju morali" fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju ta' impjegati nisa tqal jew kwalunkwe żvantaġġ esperjenzat wara li jirritornaw mil-liv tal-maternità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità sabiex in-nisa ma jsofrux żvantaġġi f'termini ta' pensjonijiet għax ikunu saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom; jenfasizza li l-liv tal-maternità jrid ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa tqal u ta' ommijiet ġodda, waħedhom u li jreddgħu, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

52.  Itenni t-talba tiegħu li l-persuni kollha fir-relazzjonijiet kollha ta' impjieg għandhom ikunu jistgħu jakkumulaw intitolamenti li jipprovdu s-sigurtà tad-dħul f'ċirkostanzi bħalma huma l-qgħad, in-nuqqas ta' saħħa, età avvanzata, interruzzjonijiet fil-karriera għat-trobbija tat-tfal jew sitwazzjonijiet oħra ta' kura, jew għal raġunijiet ta' taħriġ;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għal kulħadd, opportunitajiet tal-ewwel esperjenza tax-xogħol għaż-żgħażagħ bħal internships, apprendistati jew opportunitajiet fil-qafas tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw oqfsa ta' kwalità għal internships, traineeships u apprendistati li jiżguraw id-drittijiet tal-ħaddiema u l-fokus edukattiv tal-opportunitajiet ta' esperjenza ta' xogħol għaż-żgħażagħ;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, u lill-Istati Membri, biex jieħdu passi sabiex jiġġieldu l-impjieg insigur fost iż-żgħażagħ; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Kummissjoni timplimenta l-garanzija għaż-żgħażagħ f'dan ir-rigward;

55.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-gruppi kollha t'età taż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja u mingħajr ħlas, b'mod partikolari fil-livelli ogħla ta' edukazzjoni u taħriġ, peress li ntwera li meta jogħla l-livell tal-formazzjoni jkunu jistgħu jitnaqqsu l-inugwaljanzi tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa;

56.  Jenfasizza li l-użu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-kunċett tal-ILO ta' "ħaddiem" pjuttost milli d-definizzjoni aktar stretta ta' "impjegat", jista' jikkontribwixxi għall-applikazzjoni u l-fehim aħjar tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorija u l-moviment kooperattiv fost il-ħaddiema f'kumpaniji ta' ħafna servizzi u s-settur li qed jiżviluppa b'mod rapidu tal-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi diġitali, bil-għan li jitnaqqsu r-riskji ppreżentati mill-mudelli tan-negozju dwar id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema;

58.  Jirrimarka li l-kuntratti fuq żmien qasir fis-settur tal-agrikoltura jirriflettu n-natura staġjonali tax-xogħol tal-biedja; jitlob li din ir-restrizzjoni naturali maġġuri tiġi rispettata billi l-bdiewa jkunu jistgħu jkomplu r-reklutaġġ fuq bażi staġjonali u ma jkollhomx għalfejn jgħaddu mill-piż ta' aktar burokrazija fir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-ħaddiema tagħhom;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali u tqajjem kuxjenza dwarha, u jistieden lill-Istati Membri jirregolaw l-istatus soċjali u legali tal-ħaddiema staġjonali, biex jissalvagwardjaw is-saħħa u tas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tal-iġjene tagħhom fuq il-post tax-xogħol u biex jagħtuhom kopertura tas-sigurtà soċjali, filwaqt li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014[35] dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw "paga ugwali u protezzjoni soċjali ugwali"; jenfasizza l-ħtieġa li l-ħaddiema staġjonali kollha jingħataw informazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali tagħhom, inklużi d-drittijiet għal pensjoni, filwaqt li jitqies ukoll l-aspett transfruntier tax-xogħol staġjonali;

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12.
  • [2]  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
  • [3]  ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.
  • [4]  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
  • [5]  ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
  • [6]  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
  • [7]  ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 1.
  • [8]  Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
  • [9]  Testi adottati, P8_TA(2016)0059.
  • [10]  Testi adottati, P8_TA(2016)0346.
  • [11]  Testi adottati, P8_TA(2016)0360.
  • [12]  Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
  • [13]  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2016.303.01.0054.01.MLT&toc=OJ:C:2016:303:TOC
  • [14]  www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/587285/IPOL_STU(2016)587285_EN.pdf.
  • [15]  http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1398en.pdf
  • [16]  https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1461en.pdf
  • [17]  http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1639en.pdf
  • [18]  http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1634en.pdf
  • [19]  https://www.eurofound.europa.eu/mt/observatories/eurwork/industrial-relations-dictionary
  • [20]  http://www.ilo.org/dyn/normlex/en/f?p=NORMLEXPUB:12100:0::NO::P12100_INSTRUMENT_ID:312535.
  • [21]  www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---.../wcms_164286.pdf.
  • [22]  www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---.../wcms_534496.pdf.
  • [23]  www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---.../wcms_490959.pdf.
  • [24]  Il-kuntratti permanenti full-time jammontaw għal 59 % tal-impjiegi totali fl-UE; l-impjieg indipendenti bl-impjegati għal 4 %, ix-xogħol freelance għal 11 %, ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija għal 1 %, ix-xogħol b'kuntratt fiss għal 7 %, l-apprendistat jew it-traineeships għal 2 %, ix-xogħol part-time marġinali (anqas minn 20 siegħa kull ġimgħa) għal 9 % u x-xogħol permanenti part-time għal 7 %;
  • [25]  Ara r-rapport tal-ILO tal-2016 bit-titolu "Building a social pillar for European convergence" (il-bini ta' pilastru soċjali għall-konverġenza Ewropea).
  • [26]  Ara l-istudju tal-2016 dwar "Precarious Employment in Europe: Patterns, trends and policy strategies" (L-Impjieg Prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika), http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/587285/IPOL_STU%282016%29587285_EN.pdf
  • [27]  Eurofound (2014), "Occupational profiles in working conditions: Identification of groups with multiple disadvantages" (profili okkupazzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol: Identifikazzjoni ta' gruppi bi żvantaġġi multipli)
  • [28]  www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD//2016/587285/IPOL_STU(2016)587285_EN.pdf.
  • [29]  Eurofound (2014), "Occupational profiles in working conditions: Identification of groups with multiple disadvantages" (profili okkupazzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol: Identifikazzjoni ta' gruppi bi żvantaġġi multipli)
  • [30]  Ara: https://www.eurofound.europa.eu/observatories/eurwork/industrial-relations-dictionary/atypical-work
  • [31]  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji (ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 1).
  • [32]  Ir-rapport tal-ILO tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-impjieg mhux standard madwar id-dinja, http://www.ilo.org/global/publications/books/WCMS_534326/lang--en/index.htm.
  • [33]  ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32.
  • [34]  ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
  • [35]  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.

NOTA SPJEGATTIVA

Skont il-konklużjonijiet ta' għadd ta' studji inkorporati f'dan ir-rapport mir-rapporteur, il-forom atipiċi ta' impjieg qed jiżdiedu b'mod evidenti fl-UE. L-għadd ta' ħaddiema b'kuntratti ta' impjieg għal żmien fiss jew part-time – ħafna drabi involontarji – żdied b'mod konsiderevoli fl-UE matul l-aħħar 15-il sena.

Fl-istess waqt, forom ġodda ta' impjieg qed iċajpru l-limiti bejn l-impjieg dipendenti u l-impjieg indipendenti ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li qed iwassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-impjiegi u żieda fl-għadd ta' impjiegi indipendenti fittizji.

Għalkemm il-kriżi ekonomika ma kinitx il-kawża operattiva ta' dawn il-forom prekarji ġodda ta' impjieg, il-kontromiżuri inadegwati u mhux adattati meħudin mill-UE ma għamlu xejn ħlief aggravaw il-problema. Dawn jinkludu miżuri ta' awsterità u dispożizzjonijiet fil-memorandum li ħonqu t-tkabbir, ħarbtu t-tessut soċjali u faqqru partijiet kbar tal-popolazzjoni, l-aktar il-ħaddiema. It-tkabbir apparenti fir-rati attwali tal-impjiegi jaħbi l-użu dejjem akbar ta' impjiegi prekarji f'forma ta' kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti, impjieg indipendenti fittizju u xogħol part-time involontarju, li lill-ħaddiema ma jiggarantulhomx standards ta' għajxien diċenti jew iħalluhom igawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

Id-deprivazzjoni soċjali u dispożizzjonijiet tax-xogħol retrogradi ġiegħlu lill-Parlament Ewropew jindirizza l-problema tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, pereżempju fir-rapporti tiegħu dwar id-dumping soċjali[1] jew dwar in-nisa f'impjiegi prekarji[2]. Dan ir-rapport isegwi għadd ta' oħrajn u l-għan tar-rapporteur kien li jgħin sabiex jintlaħaq kunsens minimu bażiku fid-dibattitu politiku dwar x'inhu mfisser b'impjieg prekarju, filwaqt li jintroduċi għadd ta' elementi, inkluża d-definizzjoni ta' xogħol diċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

Qbil dwar definizzjoni bażika relatata max-xogħol ta' impjieg standard, l-impjiegi atipiku u x-xogħol diċenti. L-impjieg standard huwa mifhum bħala kuntratti indefiniti full-time, filwaqt li l-impjieg atipiku jinkludi x-xogħol part-time kontinwu (u marġinali), temporanju u b'kuntratti fissi jew mingħajr sigħat stabbiliti, l-apprendistati u x-xogħol informali jew mhux iddikjarat.

Definizzjoni bażika ta' xogħol prekarju tista' tieħu bħala l-punt ta' tluq tagħha impjieg f'forma mhux standard ikkaratterizzat minn tal-anqas wieħed minn dawn li ġejjin:

  - ftit jew kważi ebda sigurtà tax-xogħol minħabba n-natura mhux permanenti tax-xogħol, termini kuntrattwali mhux speċifiċi jew in-nuqqas ta' kuntratt bil-miktub, pereżempju fil-każ ta' xogħol part-time jew temporanju jew impjieg b'sigħat u doveri ta' ħidma mhux ċari li jinbidlu skont ix-xewqa ta' min iħaddem;

  - ħlas baxx, u fejn kultant isir fuq bażi mhux uffiċjali jew mhux definita;

  - ftit li xejn jew l-ebda protezzjoni soċjali jew drittijiet relatati;

  - ebda protezzjoni mid-diskriminazzjoni;

  - prospetti limitati, jew l-ebda, għal avvanz fis-suq tax-xogħol;

  - ftit li xejn jew l-ebda drittijiet ta' rappreżentanza kollettiva;

  - in-nonkonformità mal-istandards minimi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

L-ILO tiddefinixxi x-xogħol diċenti bħala impjieg sħiħ u produttiv, li jiżgura d-dinjità, ir-remunerazzjoni ġusta, f'post tax-xogħol mingħajr periklu, il-libertà tal-espressjoni tal-opinjoni, il-libertà li wieħed jorganizza u jipparteċipa f'deċiżjonijiet li jaffettwawlu ħajtu, l-opportunitajiet indaqs, it-trattament ugwali għal kulħadd u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

L-isfidi l-ġodda bħad-diġitalizzazzjoni, li qed iħabbtu wiċċhom magħhom kemm il-ħaddiema kif ukoll min iħaddem, qed iwasslu għal bidla radikali tax-xogħol, fejn il-forom atipiċi ta' impjieg qed isiru dejjem aktar prevalenti, xejra li jidher li se tkompli għaddejja bla waqfien dment li ma jiddaħħlux fis-seħħ id-disposizzjonijiet tal-qafas regolatorju l-ġdid. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jassiguraw kundizzjonijiet diċenti ta' impjieg f'impjiegi ġodda ġġenerati mid-diġitalizzazzjoni. Il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol għandhom effetti fuq tul ta' żmien f'termini ta' protezzjoni soċjali u pensjonijiet, u jpoġġu lill-ħaddiema f'riskju akbar ta' faqar u ta' deterjorament tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-protezzjoni soċjali, u l-protezzjoni permezz ta' ftehimiet kollettivi u permezz ta' drittijiet ta' negozjar kollettiv, jiġu estiżi għall-ħaddiema kollha. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, għalhekk, jiżguraw protezzjoni effettiva fuq il-post tax-xogħol u jintroduċu politiki komprensivi mfassla biex inaqqsu u jeliminaw b'mod gradwali l-forom prekarji ta' impjieg.

Jeħtieġ, f'dan ir-rigward, li l-ħaddiema jingħataw is-setgħa permezz tad-djalogu soċjali u rikors akbar għan-negozjar kollettiv, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jgawdu minn libertà ta' assoċjazzjoni mingħajr restrizzjoni u negozjar kollettiv ħieles mingħajr biża' ta' xi konsegwenza. L-ispettorati tax-xogħol u l-miżuri meħuda mis-sħab soċjali wkoll għandhom rwol importanti billi jiddefendu d-dritt tal-ħaddiema, jiżguraw ħlas diċenti b'konformità mal-liġijiet u l-prattiki f'kull Stat Membru, kif ukoll jipprovdu gwida u informazzjoni lil min iħaddem.

L-ispettorati tax-xogħol għandhom jiffukaw fuq il-monitoraġġ u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u miżuri biex jintemm l-impjieg mhux iddikjarat.

Il-prattiki segwiti minn kumpaniji li jimpjegaw immigranti filwaqt li jonqsu milli jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet kollha tagħhom bħala impjegati huma totalment inammissibbli.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiġġieldu l-impjieg atipiku u insigur f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO u l-Karta Soċjali Ewropea; Jinħtieġu wkoll politiki li jippromwovu l-investiment pubbliku, il-konverġenza soċjali 'l fuq u l-ħolqien ta' xogħol diċenti. L-erożjoni tal-protezzjoni pprovduta fil-qafas ta' ftehimiet kollettivi u tad-drittijiet għal negozjar kollettiv tal-ħaddiema huma partikolarment allarmanti u għalhekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu li jippromwovu kopertura universali strateġika għall-ħaddiema taħt ftehimiet kollettivi u li jissalvagwardjaw ir-rwol tat-trejdjunjins bħala sħab soċjali.

Fl-aħħar nett ir-rapporteur iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni effettiva għall-ħaddiema, speċjalment dawk milquta mill-insigurtà u l-prekarjetà, u jagħtu prijorità speċjali lill-ħaddiema nisa, lill-ħaddiema żgħażagħ, il-ħaddiema akbar fl-età, il-ħaddiema fl-ekonomija informali (klandestina), il-ħaddiema migranti u l-ħaddiema b'diżabilità.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (28.2.2017)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju
(2016/2221(INI))

Rapporteur: Viorica Dăncilă

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari jirrappreżentaw 6 % tal-PDG tal-UE, 15-il miljun negozju u 46 miljun impjieg;

B.  billi l-ġeografija, it-topografija u l-aċċessibilità tal-art, b'mod partikolari fil-gżejjer, fiż-żoni muntanjużi u remoti u r-reġjuni ultraperiferiċi, neċessarjament jagħmlu l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-biedja aktar diffiċli u mhux sikuri;

C.  billi dawn il-problemi inerenti huma aggravati minn fatturi temporanji, bħal inċertezzi ekonomiċi u temp imprevedibbli, li, kif jirriżulta illum, jagħmlu s-sitwazzjoni tal-ħaddiema fis-settur agrikolu aktar u aktar diffiċli, ħaġa li twassal għal tnaqqis fl-għadd tal-bdiewa u ta' azjendi agrikoli żgħar tal-familja, u billi l-popolazzjoni li qed tixjieħ u d-depopolazzjoni huma xejriet li huma partikolarment evidenti fiż-żoni rurali tal-UE;

D.  billi l-kriżi tas-snin reċenti kkontribwiet għal kriżi aktar gravi fis-settur agrikolu u affettwat il-kapaċità tal-bdiewa li jinvestu u li joħolqu l-impjiegi, għad-detriment tal-modernizzazzjoni, l-innovazzjoni, l-involviment taż-żgħażagħ fil-produzzjoni agrikola u t-tiġdid ġenerazzjonali; billi l-investiment tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għadha mhix konformi mal-miri ta' sostenibilità tal-UE għal Ewropa 2020 billi għadha mhix tinvesti mill-inqas wieħed mill-kull ħames euro f'agrikoltura sostenibbli; billi l-agrikoltura trid titħalla tadatta ruħha sabiex tiffaċċja ċirkostanzi diffiċli billi trawwem l-innovazzjoni;

E.  billi l-istruttura tal-età fis-settur agrikolu hija kawża ta' tħassib minħabba li, mill-2010 kienu 7.5 % biss tal-bdiewa li għandhom inqas minn 35 sena u aktar minn 4.5 miljun minnhom li issa qed imexxu l-azjendi agrikoli li għandhom 'il fuq minn 65 sena; billi fil-perjodu bejn l-2000 u l-2012, 4.8 miljun impjieg full-time intilfu fl-industrija agrikola tal-UE, li 70 % minnhom kienu fl-Istati Membri l-ġodda u billi 93 % minnhom kienu jikkonċernaw ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u billi, f'dan ir-rigward, huwa diffiċli li wieħed jikkalkula bi preċiżjoni l-għadd ta' nies impjegati fl-agrikoltura billi l-impjieg "illegali" huwa, min-natura tiegħu stess, mhux inkluż fid-data disponibbli[1];

F.  billi, f'ħafna Stati Membri, in-nisa f'reġjuni rurali għandhom aċċess limitat għall-impjiegi fil-biedja jew setturi oħra tas-suq tax-xogħol u jesperjenzaw distakk ikbar fil-pagi milli f'oqsma oħra, iżda dawn għandhom rwol estremament importanti fl-iżvilupp u n-nisġa soċjali taż-żoni rurali, b'mod partikolari fl-irziezet;

G.  billi x-xogħol agrikolu ta' spiss huwa dipendenti fuq it-temp u huwa staġjonali;

H.  billi d-dħul annwali medju tal-bdiewa tal-UE staġna, jew saħansitra naqas matul dawn l-aħħar għaxar snin, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni żdiedu kontinwament u investimenti kbar u r-riskji finanzjarji neċessarji biex imantnu l-azjendi agrikoli tagħhom poġġewhom f'sitwazzjoni kulma jmur aktar prekarja, li tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta' azjendi agrikoli u t-theddida ta' telf kbir ta' impjiegi fiż-żoni rurali;

I.  billi ħafna attivitajiet agrikoli jitwettqu minn assistenti membri tal-familja, spiss mingħajr protezzjoni soċjali;

J.  billi ċ-ċirkustanzi soċjali u ekonomiċi u l-kundizzjonijiet ta' ħajja nbidlu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u billi hemm differenzi kbar f'dan ir-rigward bejn u fi ħdan l-Istati Membri;

K.  billi s-settur tal-esportazzjoni agroalimentari tal-UE qed jikber b'rata stabbli u għandu rwol prinċipali biex iwassal għall-irkupru ekonomiku u, b'riżultat tal-ħafna negozji ġodda li qed jiġu stabbiliti, anke fil-ħolqien ta' impjiegi;

1.  Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli huma, minħabba l-professjoni tagħhom, iktar esposti għal firxa ta' fatturi esterni li jagħmlu l-prospetti ta' impjiegi prekarji u mhux sikuri, bħall-fluttwazzjonijiet u l-iżbilanċi tal-prezzijiet u s-swieq fil-katina agroalimentari, u billi t-temp imprevedibbli għandu wkoll effetti severi, b'mod partikolari fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni muntanjużi; iqis il-prezzijiet rimunerattivi mal-ħruġ mill-azjenda agrikola, li jkopru l-ispejjeż tal-produzzjoni, huma fundamentali biex jassiguraw id-dħul tal-bdiewa fuq perjodu twil ta' żmien; iqis, madankollu, li għodod li jistabilizzaw id-dħul u għall-ġestjoni tar-riskju u fondi reċiproki agrikoli jistgħu jgħinu biex il-ħaddiema fl-azjendi agrikoli jsiru inqas vulnerabbli, kif ukoll tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jaqsmu bejniethom l-aħjar prattika u jqisu modi innovattivi ġodda ta' kif jiżviluppaw suq tax-xogħol adattabbli u flessibbli biex jilqgħu għall-isfidi ta' ekonomija rurali;

3.  Jenfasizza li dħul stabbli huwa essenzjali jekk il-bdiewa għandhom jiksbu aċċess għal self;

4.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-każ speċifiku tal-ħaddiema staġonali li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma partikolarment prekarji; jifhem b'"ħaddiema staġjonali" dawk il-ħaddiema li jkunu kkonkludew kuntratti tal-impjieg għal żmien indeterminat jew determinat li t-tul u r-rinnovament tagħhom jiddependu ferm minn fatturi staġonali, bħalma huma t-tibdil tat-temp, il-vaganzi pubbliċi u/jew iż-żmien tal-ħsad;

5.  Ifakkar li d-Direttiva 2014/36/UE dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali tistabbilixxi standard minimu ta' drittijiet; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li din tiġi implimentata b'mod korrett, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tagħha sa Settembru 2019;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema staġonali u tqajjem kuxjenza dwarha u lill-Istati Membri biex jirregolaw l-istatus soċjali u legali tal-ħaddiema staġonali, biex jissalvagwardjaw l-iġjene u l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol u biex jagħtuhom kopertura tas-sigurtà soċjali, filwaqt li jikkonformaw mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/36/UE, filwaqt li jiżguraw trattament ugwali ma' ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, inkluż il-prinċipju ta' "paga ugwali u protezzjoni soċjali ugwali"; jenfasizza l-ħtieġa li l-ħaddiema staġonali kollha jingħataw informazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, inklużi l-pensjonijiet, b'kont meħud ukoll tal-aspett transfruntier tax-xogħol staġonali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol minimi fl-agrikoltura sabiex ikunu żgurati s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, il-faċilitajiet ta' taħriġ bażiku u avvanzat u d-drittijiet tal-ħaddiema;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jesploraw skemi li jagħtu lill-ħaddiema staġonali impjieg għal żmien twil, bħall-implimentazzjoni ta' kuntratti b'aktar minn attività waħda madwar l-UE jew anki Ftehim Ewropew;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni teskludi mill-PAK u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali appoġġ għal kwalunkwe persuna li timpjega li tkun instabet ħatja ta' ksur tar-regolamenti tas-sikurezza tal-ħaddiema jew li tuża ħaddiema mhux dikjarati;

10.  Jinnota rapporti ta' każijiet ta' abbuż tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti minn gruppi ta' kriminalità organizzata li joperaw fl-UE u li jisfruttaw trasparenza insuffiċjenti tas-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu s-superviżjoni tagħhom tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema migranti; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jindirizzaw il-każijiet ta' sfruttament ta' immigranti fis-settur agrikolu f'dawk ir-reġjuni fejn ħaddiema agrikoli jaħdmu għal ftit flus u jgħixu f'kundizzjonijiet deplorevoli; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni effettiva, inklużi spezzjonijiet u kontrolli mmirati, biex jiġi żgurat li l-ħaddiema agrikoli jkollhom kundizzjonijiet deċenti ta' xogħol u ta' għajxien, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-impjieg u tax-xogħol jiġu rispettati;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tkejjel l-iskala tan-netwerks tax-xogħol illegali fl-UE billi tmexxi investigazzjonijiet u tiġbor statistika, b'mod partikolari f'dawk il-partijiet tal-UE fejn ix-xogħol mhux dikjarat u l-isfruttament tal-ħaddiema agrikoli huma l-aktar komuni;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-appoġġ tagħhom għal taħriġ tekniku għal ħaddiema staġonali fl-azjendi agrikoli biex jindirizzaw ir-riskju relattivament għoli ta' inċidenti kif ukoll il-qgħad strutturat u staġonali, filwaqt li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tal-produtturi f'dan il-proċess, kemm fir-rigward tat-tfassil ta' pjanijiet ta' taħriġ u t-tixrid u l-inċentivi għall-ħaddiema, kif ukoll għal azzjonijiet biex titqajjem il-kuxjenza tal-ħaddiema dwar drittijiethom, u b'hekk tiġi evitata l-possibilità ta' sfruttament tal-ħaddiema;

13.  Jirrimarka li aktar minn 4.5 miljun bidwi għandhom 'il fuq minn 65 sena u li l-bdiewa taħt il-35 sena jammontaw biss għal 6 % ta' dawk li għandhom ir-responsabilità ta' azjendi agrikoli; jinnota li ż-żgħażagħ u n-nisa qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi partikolari biex isibu impjieg fiż-żoni rurali fl-agrikoltura jew barra minnha jew biex jibdew azjenda agrikola tagħhom stess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod effiċjenti jinkoraġġixxu l-adozzjoni tal-miżuri previsti fil-qafas tal-PAK biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu ruħhom, u biex jiżguraw li l-finanzjament għal bdiewa żgħażagħ u programmi ta' appoġġ għan-nisa fiz-zoni rurali, jiżguraw impjiegi deċenti b'pagi ġusti fl-agrikoltura u f'setturi 'il fuq u 'l isfel fil-katina;

14.  Ifakkar fl-importanza ta' PAK b'saħħtu li jkun kapaċi jgħin lill-bdiewa żgħar jaqdu rwol sikur fis-suq, jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jidħlu fis-settur agrikolu u jiggarantixxi li l-bdiewa jibqgħu fil-biedja għal żmien twil; jirrimarka li l-investiment fl-infrastruttura rurali se jgħin biex tiżdied l-attrattività tal-kampanja, tiġi żviluppata ekonomija lokali b'mod sostenibbli, u l-ħaddiema jiġu attratti lejn l-agrikoltura u tiġi evitata d-depopolazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi bl-iskop li joħolqu impjiegi sostenibbli fil-qasam tal-biedja sabiex jiġu stimulati l-impjiegi fiż-żoni rurali;

15.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fiż-żoni rurali, li huwa kruċjali biex il-komunitajiet rurali jkunu konnessi mad-dinja globali, li huwa kruċjali għal dawk li qed ifittxu xogħol, kruċjali għal dawk li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom stess u kruċjali għal dawk li jgħixu fil-partijiet l-iżjed iżolati tal-komunitajiet rurali tagħna;

16.  Iħeġġeġ azzjoni biex jiġi indirizzat id-distakk bejn is-sessi fiż-żoni rurali u tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjieg tan-nisa, bħalma huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa u l-aċċess għall-art; jinnota li d-distakk fil-pagi bejn is-sessi huwa aktar minn 10 % ogħla fiż-żoni rurali milli f'żoni oħrajn; jenfasizza l-bżonn ta' statistiċi aġġornati dwar is-sjieda tal-azjendi agrikoli u l-impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali biex tingħata informazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-sessi u din tiġi integrata fil-politiki agrikoli u rurali tal-UE f'konformità mal-prinċipju ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-ugwaljanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fiż-żoni rurali, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mad-dħul, id-drittijiet soċjali u tal-pensjoni, il-promozzjoni ta' kwalifiki ġodda u opportunitajiet għan-nisa, u billi jiġu indirizzati l-ostakli għall-involviment tagħhom f'impjieg agrikolu, bħall-aċċess inugwali għall-kreditu, it-tagħmir tekniku u riżorsi importanti oħra bħalma hija l-art; jenfasizza l-importanza li x-xogħol tal-familja qatt ma jiġi konfuż max-xogħol prekarju, filwaqt li jfakkar li l-azjendi agrikoli tal-familji jammontaw għal madwar 85 % tal-azjendi agrikoli kollha fl-Ewropa u jkopru 68 % tat-total taż-żona agrikola utilizzata, li jfisser li huwa importanti li jiġi stabbilit qafas legali għal dan it-tip ta' xogħol fil-livell Ewropew, bl-istatus id-drittijiet u obbligi tiegħu stess; jinnota li fir-reġjuni ultraperifieriċi t-tfittxija għal soluzzjonijiet ta' impjieg, speċjalment fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku, hija kompromessa min-nuqqas ta' interkonnettività, u, minħabba l-importanza tas-settur agrikolu f'dawn ir-reġjuni, huwa tal-fehma li l-fondi tal-PAK għandhom ikomplu japplikaw diskriminazzjoni pożittiva għal dawn it-territorji li jiffaċċjaw limitazzjonijiet speċifiċi, kif rikonoxxut fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-effett multiplikatur ta' dawn il-fondi f'termini tal-promozzjoni ta' attivitajiet relatati oħra, bħall-industrija agrikola, it-turiżmu, il-konservazzjoni tan-natura, il-produzzjoni tal-enerġija u l-ekonomija ċirkolari, b'mod li jikkomplementa l-istrateġija ta' fondi differenti għal aktar koeżjoni u żvilupp territorjali bbilanċjat;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li proporzjon mill-fondi ta' koeżjoni tal-UE tingħata lil reġjuni żvantaġġati, bħar-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġu żgurati l-ħolqien, iż-żamma u l-iżvilupp ġusti ta' kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u ħlas fir-reġjuni kollha tal-UE;

18.  Jistieden lill-industrija biex tisfrutta l-opportunitajiet kollha li jirriżultaw mill-innovazzjoni biex tiżviluppa biedja ta' preċiżjoni li tkun aċċessibbli għal kulħadd, u b'hekk tagħti s-setgħa lill-persuni b'diżabilità, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u twessa' l-bażi ta' ħiliet u l-opportunitajiet ta' impjieg fil-komunitajiet rurali;

19.  Jistieden lill-Istati Membri joffru lill-bdiewa żgħażagħ prospetti fit-tul sabiex jindirizzaw il-problema tad-depopolazzjoni rurali, biex jimplimentaw strateġija globali ta' tiġdid tal-ġenerazzjonijiet u, għal dan l-għan, biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet kollha disponibbli fl-ambitu tal-PAK l-ġdida biex jappoġġaw lill-bdiewa żgħażagħ u dawk li jidħlu ġodda fil-qasam tal-biedja, b'attenzjoni partikolari għall-miżuri ta' għajnuna tal-ewwel u t-tieni pilastru għall-bdiewa żgħażagħ, kif ukoll biex jgħinu lill-operaturi ġodda li għandhom aktar minn 40 sena biex iwaqqfu xi attività fis-settur tal-biedja;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkretizza r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport Andrieu "How can the CAP improve job creation in rural areas?" ("Kif tista' l-PAK ttejjeb il-ħolqien ta' impjiegi fiż-żoni rurali?"), li ġie adottat mill-Parlament Ewropew fis-27 ta' Ottubru 2016, u b'mod partikolari biex tippromwovi u timmassimizza l-kapaċità sħiħa ta' fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fi sforz biex tiġi żviluppata ekonomija soċjali ġenwina reali u ekonomija tas-suq dinamika fiż-żoni rurali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta l-potenzjal ta' sinerġiji ġodda bejn il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, b'mod partikolari l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, sabiex tisfrutta l-effett multiplikatur tal-investiment imfassal biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jikkumbatti l-impjieg prekarju;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu r-rwol tas-sħab soċjali u tal-aġenziji tal-protezzjoni soċjali meta meħtieġ, u biex jipprovdu strumenti effettivi, inklużi spezzjonijiet u kontrolli adegwati, fiż-żoni rurali biex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jtejbu s-sigurtà u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol, bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni tat-tipi kollha ta' ħaddiema agrikoli, partikolarment iż-żgħażagħ, in-nisa u l-ħaddiema migranti, anke, u fuq kollox, dawk impjegati f'xogħol staġonali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi, u lill-Istati Membri jimplimentaw, rekwiżiti amministrattivi simplifikati, u biex inaqqsu l-burokrazija rigward is-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni u l-impjiegi, filwaqt li jrendu l-proċess ta' reklutaġġ inqas kumpless u inqas fastidjuż; jistieden lill-Istati Membri fl-istess ħin jimplimentaw tali simplifikazzjonijiet b'mod korrett sabiex jitnaqqsu l-kumplessità u l-volum tar-regolamentazzjoni;

24.  Jinnota l-esponiment professjonali regolari, ripetut u kumulattiv ta' bdiewa u ħaddiema agroalimentari għal taħlit ta' sustanzi perikolużi li huma ssuspettati li jikkawżaw mard speċifiku li possibbilment iwasslu għal disturbi riproduttivi u effetti karċinoġeniċi; jinnota, barra minn hekk, l-importanza li titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji assoċjati ma' dawn is-sustanzi, li jiġi pprovdut taħriġ għall-manipulazzjoni, l-użu u l-ħżin tagħhom u li jitnaqqas ir-riskju ta' esponiment, filwaqt li jiġi ggarantit li l-miżuri maħsuba biex jillimitaw l-esponiment ikunu implimentati u kkontrollati b'mod suffiċjenti;

25.  Ifakkar fl-importanza ta' PAK b'saħħitha li tkun kapaċi tgħin lill-bdiewa żgħar jaqdu rwol akbar fis-suq, u wkoll li toħloq kundizzjonijiet ta' għajxien li jwasslu sabiex dawn jibqgħu fil-biedja għal żmien twil;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

28.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Michela Giuffrida, Anthea McIntyre, Susanne Melior, Sofia Ribeiro, Miguel Viegas

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

35

+

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Ulrike Müller

ECR

Jørn Dohrmann, Anthea McIntyre, James Nicholson

ENF

Laurenţiu Rebega

GUE/NGL

Matt Carthy, zLuke Ming Flanagan, Anja Hazekamp

PPE

Franc Bogovič, Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Esther Herranz García, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Mairead McGuinness, Marijana Petir, Czesław Adam Siekierski

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Viorica Dăncilă, Michela Giuffrida, Susanne Melior, Tibor Szanyi, Marc Tarabella

VERTS/ALE

José Bové, Martin Häusling, Bronis Ropė

3

-

ECR

Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk

EFDD

John Stuart Agnew

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  Il-Kummissjoni Ewropea — Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Pjan ta' Ġestjoni 2014 (Lulju).

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (9.2.2017)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju
(2016/2221(INI))

Rapporteur għal opinjoni: João Pimenta Lopes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 28, tal-2010, dwar l-Obbligi Ewlenin ta' Stati Partijiet taħt l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Strategic Engagement for Gender Equality) 2016-2020, tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-2011 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2014-2017,

A.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija dritt fundamentali li jippresupponi l-garanzija ta' opportunitajiet indaqs u trattament indaqs fis-setturi kollha tal-ħajja, u billi l-politiki mmirati li jiggarantixxu tali ugwaljanza jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti u sostenibbli;

B.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi") (2015/2116(INI));

C.  billi l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' ġeneru u ta' sess, jeħtieġ jiġu miġġielda b'mod sod;

D.  billi l-kunċett ta' "sess" huwa definit bħala li jirreferi għad-differenzi bijoloġiċi bejn l-irġiel u n-nisa, filwaqt li l-kunċett ta' "ġeneru" jirreferi għal identitajiet, rwoli u attributi għan-nisa u l-irġiel mibnija soċjalment u t-tifsira soċjali u kulturali li s-soċjetà tagħti lil dawk id-differenzi bijoloġiċi, u billi huwa l-ġeneru li jirriżulta f'relazzjonijiet ġerarkiċi bejn in-nisa u l-irġiel u fid-distribuzzjoni u l-assenjament tas-setgħa u d-drittijiet li jiffavorixxu lill-irġiel u jiżvantaġġaw lin-nisa;

E.  billi "it-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi, il-qligħ u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u b'hekk jiġi miġġieled il-l-faqar fost in-nisa" huwa wieħed mill-oqsma ta' prijorità identifikati mill-Kummissjoni fid-dokument tagħha bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" ("L-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019").

F.  billi huwa deplorabbli li wieħed jinnota li n-nisa jsofru diskriminazzjoni partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, jaħdmu għal pagi sostanzjalment aktar baxxi u jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-forza tax-xogħol fl-impjiegi part-time, impjiegi li huma spiss jaċċettaw kontra l-volontà tagħhom; billi dawn ikollhom jiffaċċjaw disparitajiet mill-akbar fil-pensjonijiet, rabtiet tal-impjieg aktar inċerti u aktar prekarji, u jinsabu f'riskju akbar ta' faqar mill-irġiel, fejn insibu li l-ommijiet waħedhom, in-nisa anzjani li jgħixu waħedhom u n-nisa b'diżabilità huma affettwati l-aktar; billi l-familji bi tlitt itfal jew aktar ukoll jiffaċċjaw riskju akbar ta' faqar; billi l-maternità tirrappreżenta raġuni inaċċettabbli għad-diskriminazzjoni kontra n-nisa f'dak li jirrigwarda l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u kemm jibqgħu fih;

G.  billi fl-2014 ir-rata ta' impjieg fl-Unjoni Ewropea għall-persuni ta' bejn il-15 u l-64 sena kienet ta' 59.6 % għan-nisa u 70.1 % għall-irġiel; billi din id-diskrepanza fl-impjieg bejn l-irġiel u n-nisa hija iżgħar fil-livelli ogħla ta' kwalifika professjonali; billi r-Rapport tal-Eurofound tal-2016 dwar id-distakk fl-impjieg bejn l-irġiel u n-nisa jistma li l-kosti ekonomiċi ta' dan id-distakk għall-ammont sostanzjali ta' EUR 370 biljun jew 2.8 % tal-PDG tal-UE-28; billi r-rata ta' impjieg tan-nisa żdiedet biss bi ftit mill-2008 'l hawn, bil-konverġenza fl-impjieg xprunata mit-tnaqqis fir-rata tal-impjieg tal-irġiel[1];

H.  billi għadu jeżisti saqaf tal-ħġieġ għan-nisa fis-suq tax-xogħol, u dan hu parzjalment attribwibbli għall-fatt li n-nisa huma meqjusa b'referenza għall-karatteristiċi riproduttivi tagħhom, li jfisser li l-opportunitajiet ta' karriera tan-nisa huma mxekkla minn dik l-istess possibilità ta' tqala aktar 'il quddiem fil-ħajja tax-xogħol;

I.  billi l-kriżi ekonomika kellha impatt fuq l-Unjoni Ewropea kollha, waqt li ż-żoni rurali b'mod speċjali qed jesperjenzaw livelli diżastrużi ta' qgħad, faqar u depopolazzjoni, li jolqtu lin-nisa b'mod partikolari;

J.  billi wisq spiss in-nisa waħedhom bi tfal dipendenti huma mġiegħla jaċċettaw impjiegi prekarji u atipiċi sabiex jirrikonċiljaw il-ħajja privata u l-ħajja tax-xogħol tagħhom;

K.  billi r-rata tal-qgħad żdiedet ħafna matul il-perjodu 2008-2014 minħabba l-kriżi ekonomika profonda li nfirxet bi ħruxija madwar l-UE, u fl-2014 ir-rata tal-qgħad fost in-nisa (10.4 %) kienet għadha ogħla minn dik għall-irġiel (10.2 %);

L.  billi fl-2015, 33 % tan-nisa kienu qed jaħdmu part-time meta mqabbel ma' 10 % tal-irġiel[2], u proporzjon sinifikanti minnhom kienu qed jaħdmu part-time mhux b'għażla tagħhom;

M.  billi bħala medja fl-2014, il-ħlas fis-siegħa għan-nisa kien ta' 16.1 % inqas mill-ħlas korrispondenti għall-irġiel; billi s-sitwazzjoni ekonomika tan-nisa fl-unità domestika hija kkaratterizzat ukoll minn inugwaljanzi sinifikanti, u fejn l-unità domestika hija magħmul minn mara waħedha, 40 % għandhom introjtu li jaqa' fl-aktar kwintil baxx meta mqabbla ma' 18 % fost l-irġiel, filwaqt li fejn l-unità domestika tikkonsisti f'mara li taħdem full-time u raġel li jaħdem part-time, 30 % tan-nisa għandhom introjtu li jaqa' fl-aktar kwintil baxx, meta mqabbel ma' 6 % tal-irġiel fl-istess sitwazzjoni;

N.  billi d-data turi li r-raġunijiet ewlenin għaliex in-nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol huma l-ħtieġa li jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani (27 %), il-mard jew id-diżabilità tagħhom stess (23 %), u responsabilitajiet oħra personali jew tal-familja (18 %);

O.  billi fil-perjodu 2008-2014, l-hekk imsejħa NEETs (dawk li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) fil-grupp ta' etajiet ta' bejn il-15 u d-29 sena wrew żieda perċentwali, fejn kienu n-nisa li kienu l-grupp l-aktar rappreżentat(17.1 % fl-2014), u billi 34 % minn dawn in-nisa jinsabu f'din is-sitwazzjoni minħabba responsabilitajiet tal-familja u 16.5 % ilhom qiegħda għal żmien twil;

P.  billi dan il-kuntest tax-xogħol u soċjali huwa l-għerq tad-differenza bejn il-pensjonijiet, li hija ta' medja ta' 40 %;

Q.  billi n-nisa huma affettwati b'mod partikolari mix-xogħol prekarju u minn diversi forom ta' "xogħol atipiku", u kulma jmur qed ikollhom jiffaċċjaw dejjem aktar il-fenomenu tal-"individwalizzazzjoni tal-ħaddiem u tal-karriera", approċċ li jirfed l-offensiva b'bażi usa' kontra n-negozjar kollettiv;

R.  billi huwa vitali li n-nisa jkollhom id-dritt għal-impjiegi bid-drittijiet u d-dritt għall-maternità mingħajr ma jiġu ppenalizzati minħabba fiha, peress li n-nisa għadhom dawk li jintlaqtu l-agħar u jbatu l-aktar mid-diskriminazzjoni; billi eżempji ta' din id-diskriminazzjoni jinkludu pressjoni min-naħa ta' min iħaddem fuq nisa li jattendu intervisti għal impjieg li matulhom jintalbu jgħidu għandhomx tfal u l-etajiet ta' dawn it-tfal, bil-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tan-nisa u jagħżlu ħaddiema mingħajr tfal li huma "aktar disponibbli", flimkien ma' pressjonijiet ekonomiċi u pressjonijiet marbuta max-xogħol dejjem jikbru fuq impjegati nisa biex ma jiħdux liv tal-maternità;

S.  billi ħafna ħaddiema li huma f'impjiegi prekarji jew qiegħda m'għandhomx id-dritt għal-liv tal-ġenituri;

T.  billi huwa deplorabbli li wieħed jinnota li l-politiki makroekonomiċi u l-politiki ta' awsterità tal-UE wasslu għal livelli dejjem ogħla ta' faqar u inugwaljanza, li jolqtu b'mod partikolari lin-nisa, fl-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-Ewropa, bħalma huma l-Greċja, l-Italja, Spanja u l-Portugall; billi dan għandu riperkussjonijiet negattivi fuq il-kundizzjonijiet li fihom jgħixu l-familji tagħhom, b'mod partikolari uliedhom;

U.  billi l-politiki makroekonomiċi u l-politiki ta' awsterità tal-UE kellhom effett detrimentali kemm fuq il-politiki tax-xogħol flessibbli u kemm fuq is-sigurtà tal-impjiegi, u kellhom impatt qawwi fuq l-impjiegi soċjali u tas-settur pubbliku u fuq is-servizzi tal-kura tat-tfal u fuq dawk tal-kura tal-anzjani, b'riperkussjonijiet mill-akbar għall-impjiegi tan-nisa; billi n-nisa, b'mod partikolari l-ommijiet waħedhom, in-nisa migranti u n-nisa aktar żgħażagħ u ikbar fl-età, huma l-aktar milquta mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali, sitwazzjoni aggravata b'dawk l-istess politiki;

V.  billi l-livelli ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE-28 għadhom estremament għolja, fejn irrappreżentaw aktar minn 118.6 miljun ruħ fl-2015 (23.7 % tal-popolazzjoni), u n-nisa huma partikolarment affettwati, b'aktar minn 62.4 miljun mara f'din is-sitwazzjoni (24.4 %);

W.  billi l-impjieg prekarju huwa fattur kontributorju għas-saħħa mentali u fiżika dgħajfa fost in-nisa, billi jissoġġettahom għal ħames darbiet aktar tensjoni, ansjetà u dipressjoni minn kollegi, sew jekk tal-ġeneru maskili jew dak femminili, li huma impjegati fuq kuntratti għal żmien indeterminat;

X.  billi wisq spiss in-nisa huma soġġetti għal diversi forom ta' diskriminazzjoni tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol tagħhom, inkluż billi jiġu impjegati f'livelli aktar baxxi u jiġu maqbuża għall-promozzjoni, flimkien ma' fastidju verbali, psikoloġiku u fiżika u abbuż (sesswali jew ta' xorta oħra);

Y.  billi l-inugwaljanzi soċjali u l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa jistgħu jiġu miġġielda biss permezz ta' politiki li jiggarantixxu tqassim aħjar tal-ġid, fuq il-bażi ta' miżuri għall-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, żieda fil-pagi reali, azzjoni biex jiġu promossi r-regolamentazzjoni tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema, b'mod partikolari permezz tan-negozjar kollettiv u r-regolamentazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u l-garanzija ta' aċċess universali bla ħlas għall-kura tas-saħħa pubblika u s-servizzi ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja;

Z.  billi huwa importanti li jiġi stabbilit sett ta' miżuri biex jitneħħew l-ostakli eżistenti u jiġu ggarantiti opportunitajiet ġenwinament ugwali għan-nisa u l-irġiel mil-lat tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u għal xogħol deċenti, u mil-lat tat-twettiq ta' dik il-ħidma;

AA.  billi huwa importanti li jiġu indirizzati b'mod determinat u eliminati x-xogħol mhux iddikjarat u s-sahra mhux imħallsa li jżidu l-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi l-ħaddiema domestiċi nisa b'mod ġenerali, u b'mod partikolari n-nisa migranti u li jaħdmu għal rashom b'mod fittizju, huma vulnerabbli b'mod speċjali u jiffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment prekarji;

1.  Jinsab allarmat dwar l-impatt diżastruż fit-tul tal-miżuri ta' awsterità fuq l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, fejn qed naraw qgħad li qed jiżdied u tnaqqis fis-servizzi pubbliċi u fil-benefiċċji li qed jirriżultaw fi kriżi tal-indukrar; jenfasizza li t-tnaqqis fis-servizzi tal-indukrar, it-tnaqqis fil-benefiċċji għat-tfal, għad-diżabilità u għall-indukraturi, u t-tnaqqis fil-krediti tat-taxxa, it-tnaqqis fil-liv statutorju, inkluż il-liv tal-ġenituri u tal-paternità, għandhom it-tendenza li jgħaddu s-servizzi tal-indukrar lil nisa mhux imħallsa li, b'riżultat ta' dan, ma jkunux jistgħu jfittxu impjieg assigurabbli jew ikunu jistgħu jiġu impjegati biss fuq bażi part-time;

2.  Jinnota li l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi ta' bejn l-irġiel u n-nisa neċessarjament tinvolvi d-distribuzzjoni aktar ġusta tal-ġid u leġiżlazzjoni aħjar dwar l-impjiegi, b'mod partikulari permezz tan-negozjar kollettiv, pagi ogħla, u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali", kif ukoll permezz tal-protezzjoni soċjali; iqis li hemm ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata definizzjoni fil-livell tal-UE ta' xogħol ta' valur ugwali, b'kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex jiġi żgurat li fatturi bħalma huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-responsabbiltà konferita fuq il-ħaddiema u r-rekwiżiti fiżiċi jew mentali tax-xogħol jiġu kkunsidrati; iqis li huwa urġenti li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-paga ugwali għal "xogħol ta' valur ugwali"; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol, inkluż permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-Differenza bejn il-Pagi tal-Irġiel u n-Nisa, id-Differenza fil-Pagi Ugwali fl-Ewropa (European Equal Pay Gap) u l-iskambju ta' prattiki tajba;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw, jipproteġu u jindirizzaw b'mod determinat il-fenomenu tal-"fastidju morali" fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju ta' impjegati nisa tqal jew kwalunkwe żvantaġġ esperjenzat wara li jirritornaw mil-liv tal-maternità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu data diżaggregata mil-lat tal-ġeneri, mil-lat tal-ġenituri u mil-lat tal-maternità fir-rigward tad-differenzi fil--pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;

4.  Iqis li, sabiex jiġu miġġielda l-faqar u n-nuqqas ta' ugwaljanza, jeħtieġ li jittieħdu miżuri qawwija kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju fis-suq tax-xogħol, flimkien ma' politika ta' distribuzzjoni aktar ekwa; iqis li għandha tiġi istitwita l-mira ta' żero għall-fastidju sesswali bħala kodiċi ta' kondotta fis-suq tax-xogħol Ewropew;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jeliminaw id-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u jwaqqfu għalkollox kull forma ta' leġiżlazzjoni u politika li jilleġittimizzaw l-impjieg prekarju; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol li tippromwovi r-regolamentazzjoni tax-xogħol, in-negozjar kollettiv, il-protezzjoni soċjali u pagi ogħla, u jinvestu fil-ħolqien ta' impjiegi permanenti u fit-tagħlim tul il-ħajja u fit-taħriġ professjonali bħala mezz biex jingħelbu l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel; bl-istess mod iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-abbozzar ta' politiki attivi u lit-teħid ta' azzjoni pożittiva biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tagħhom, u jeliminaw id-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa f'dawk li huma pagi, il-livelli li fihom jiġu impjegati, il-promozzjonijiet, il-qligħ u l-pensjonijiet;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jibnu u jsaħħu l-korpi nazzjonali ta' spezzjoni tax-xogħol billi jipprovdulhom il-kundizzjonijiet meħtieġa u r-riżorsi finanzjarji u umani biex jagħtuhom preżenza effettiva fil-prattika u b'hekk ikunu jistgħu jiġġieldu l-insigurtà tal-impjiegi, ix-xogħol mhux regolat, u d-diskriminazzjoni fix-xogħol u fil-pagi, b'mod partikolari mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

7.  Iqis li taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha ż-żieda fit-talbiet għal flessibilità fis-suq tax-xogħol tirriżulta f'li n-nisa jkomplu jiġu rrappreżentati żżejjed f'impjiegi atipiċi u fost dawk bi status ta' impjieg insikur;

8.  Jinnota li l-miżuri maħsuba biex iżidu t-trasparenza tal-pagi huma fundamentali biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza fil-pagi;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu leġiżlazzjoni biex iħarsu jew jżidu d-drittijiet tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri u jitlob li dan il-ħarsien jiġi rifless ukoll fil-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tirrispetta l-pożizzjoni tal-Parlament, teżamina mill-ġdid id-direttiva dwar il-maternità eżistenti bi standards ta' livell għoli, inkluża l-adozzjoni possibbli ta' miżuri li jiggarantixxu l-allokazzjoni ta' allowances ta' liv tal-ġenituri li huma dejjem ikkalkulati fuq il-bażi ta' 100 % tal-paga ta' referenza, li jiżguraw li n-nisa jitħallsu u jkunu koperti minn protezzjoni soċjali għad-durata tal-liv tal-maternità tagħhom, bl-għan li jiġi salvagwardjat il-benessri soċjali u ekonomiku tal-familji, u jiġi promoss l-użu tal-liv tal-ġenituri min-naħa tal-missirijiet; jenfasizza li l-liv tal-maternità jrid ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa tqal u ta' ommijiet ġodda, waħedhom u li jreddgħu, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jenfasizza li l-proposta leġiżlattiva komprensiva għandu jkollha l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa bħala l-bażi ġuridika tagħha, sabiex jiġi żgurat il-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol;

10.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jifformulaw mill-ġdid is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji li jagħtu inċentivi finanzjarji biex il-konjuġi li jaqla'/taqla' inqas jirtira/tirtira mis-suq tax-xogħol jew jaħdem/taħdem part-time, peress li dan jista' jmur kontra rata ta' utilizzazzjoni ogħla tal-liv tal-ġenituri mill-missirijiet u jġib miegħu konsegwenzi negattivi għan-nisa, bħalma hu t-tisħiħ tad-differenzi bejn il-pagi, l-indukrar u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni biex jiggarantixxu l-inklużjoni tan-nisa fis-sistema tas-sigurtà soċjali, biex b'hekk jipproteġu lill-ħaddiema nisa matul perjodi ta' qgħad u jiggarantixxu d-dritt li jiksbu pensjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u infurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità bil-għan li n-nisa ma jsofrux l-iżvantaġġi f'dawk li huma pensjonijiet minħabba l-fatt li kienu ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu politiki pubbliċi biex jingħata appoġġ lill-familji, b'enfasi partikolari fuq il-ħolqien ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja ta' indokrar tat-tfal mingħajr ħlas, bħalma huma l-crèches u s-servizzi għat-tfal li għadhom mhux tal-età tal-iskola, u jissaħħaħ in-netwerk ta' servizzi speċjalizzati li jipprovdu servizzi ta' indukrar u wens tal-anzjani, b'mod partikolari fi djarhom stess, bil-għan li jippromwovu bilanċ san bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-benefiċċju tal-ħaddiema nisa u bħala mod kif jitneħħew ir-restrizzjonijiet li, billi jiddiskriminaw kontra n-nisa, oġġettivament jikkontribwixxu biex in-nisa jirtiraw mis-suq tax-xogħol;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' skemi ta' dħul minimu adegwat għaż-żamma tad-dinjità tal-bniedem u biex jiġi miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll ir-rwol ta' dawn l-iskemi bħala forma ta' investiment soċjali li jippermetti lin-nies jipparteċipaw fis-soċjetà u jidħlu għal taħriġ u/jew ifittxu x-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-iskemi ta' dħul minimu fl-UE, inkluż jekk l-iskemi jippermettux li l-familji jlaħħqu ma' ħtiġijiethom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw fuq din il-bażi l-mod u l-mezzi kif jiġi pprovdut dħul minimu adegwat fl-Istati Membri kollha, u jikkunsidraw passi ulterjuri bil-għan li jirfdu l-konverġenza soċjali fl-UE kollha kemm hi, fil-qies taċ-ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru, kif ukoll il-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali;

15.  Jinnota li s-sħab soċjali Ewropej ma ressqux ftehim dwar pakkett komprensiv ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr kemm jista' jkun proposta għal pakkett bħal dan bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017, fil-kuntest tal-pilastru Ewropew imħabbar dwar id-drittijiet soċjali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jabbozzaw leġiżlazzjoni li tintroduċi politiki preventivi bħalma huma pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni tas-sessi fuq il-post tax-xogħol u jinħoloq ambjent tax-xogħol xieraq għan-nisa u għall-irġiel;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi sabiex jirregolarizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat u l-abbuż ta' kuntratti temporanji li għalihom huma soġġetti n-nisa b'mod partikolari, bl-għan li jittejbu l-pożizzjoni u l-protezzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari l-ħaddiema domestiċi nisa u l-ħaddiema nisa li jaħdmu għal rashom b'mod fittizju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri bħalma huma l-provvediment ta' servizzi li joffru pariri u li jaġixxu biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, u l-istabbiliment ta' awtoritajiet ta' sorveljanza u regolamentazzjoni tal-impjieg biex jiżguraw il-konformità mar-regoli dwar l-impjegar, il-ħlasijiet, it-taħriġ, il-prattiki tax-xogħol u t-terminazzjoni tal-kuntratti;

18.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja u mingħajr ħlas fl-etajiet kollha, b'mod partikulari fil-livelli ogħla ta' edukazzjoni u taħriġ, peress li ntwera li meta jogħla l-livell ta' taħriġ ikunu jistgħu jitnaqqsu l-inugwaljanzi tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa;

19.  Jappella lill-Istati Membri jipprovdu sostituzzjoni tad-dħul u protezzjoni soċjali adegwati matul kwalunkwe tip ta' liv relatat mal-familja jew mal-indukrar, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema bi dħul baxx ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta' liv bl-istess kundizzjonijiet bħall-oħrajn;

20.  Jenfasizza li l-migranti u r-rifuġjati għandu jkollhom l-istess drittijiet u għandu jkollhom aċċess għall-istess benefiċċji u servizzi bħal ħaddiema oħra, permezz ta' mudell universali li mhuwiex relatat mal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni u mal-istorja tal-impjieg;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal ġabra ta' prattiki li ħarġu ta' suċċess fl-Istati Membri, bil-ħsieb tat-tixrid u l-promozzjoni tagħhom bl-għan li tiġi pprevenuta d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol u jiġu protetti d-drittijiet tan-nisa b'mod partikolari;

22.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u impjieg ta' kwalità għall-ħaddiema li jindukraw, inkluż permezz ta' paga diċenti, rikonoxximent tal-istatus tal-ħaddiema li jindukraw u l-iżvilupp ta' rotot ta' taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja għall-ħaddiema li jindukraw;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-ħaddiema li jaħdmu part-time, il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw it-twaqqif mix-xogħol u l-ħaddiema b'waqfiet fil-karriera jew b'perjodi fejn ħadmu sigħat inqas ikollhom ekwalizzazzjoni effettiva għall-ħaddiema li jaħdmu full-time f'dak li għandu x'jaqsam mad-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għal skema ta' pensjoni diċenti mingħajr l-ebda forma ta' diskriminazzjoni;

24.  Jenfasizza li l-ħaddiema nisa bi problemi tas-saħħa mentali jinsabu f'riskju għoli ħafna fir-rigward tal-elementi kollha tax-xogħol prekarju; jenfasizza li dawk il-ħaddiema huma rappreżentati b'mod predominanti fil-kuntratti ta' żmien limitat, fil-faqar fost dawk li jaħdmu, fix-xogħol part-time, fl-interruzzjonijiet tal-karriera u f'arranġamenti kuntrattwali prekarji oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġislazzjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza hija b'saħħitha u effiċjenti biżżejjed biex tipproteġi lil dawk il-ħaddiema vulnerabbli b'mod aħjar; jenfasizza li t-tipi kollha ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol jaffettwaw b'mod qawwi l-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol, is-saħħa u l-benessri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

6.2.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

7

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Vilija Blinkevičiūtė, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Anna Hedh, Mary Honeyball, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Maria Noichl, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Michaela Šojdrová, Ángela Vallina, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Evelyn Regner, Mylène Troszczynski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Claudia Schmidt

  • [1]  Data mir-rapport tal-Eurofound "The gender employment gap: challenges and solutions" (2016) ("Id-diskrepanza bejn l-impjieg tan-nisa u l-irġiel: sfidi u soluzzjonijiet" (2016))
  • [2]  Data mir-rapport tal-Eurofound "6th European working conditions survey" ("Is-Sitt Stħarriġ Ewrope dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol")

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

30.5.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, João Pimenta Lopes, Marek Plura, Terry Reintke, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Dieter-Lebrecht Koch, Paloma López Bermejo, Joachim Schuster, Csaba Sógor, Neoklis Sylikiotis

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophia in ‘t Veld

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

38

+

ALDE

EFDD

GUE/NGL

NI

PPE

S&D

VERTS/ALE

Enrique Calvet Chambon, Yana Toom, Sophia in 't Veld

Laura Agea

Paloma López Bermejo, João Pimenta Lopes, Neoklis Sylikiotis

Lampros Fountoulis

Georges Bach, Danuta Jazłowiecka, Dieter-Lebrecht Koch, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Csaba Sógor, Romana Tomc

Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Joachim Schuster, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog

Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Ždanoka

1

-

ENF

Dominique Martin

5

0

ECR

Arne Gericke, Czesław Hoc, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni