RAPPORT fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì

19.7.2017 - (2017/2057(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández


Proċedura : 2017/2057(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0267/2017
Testi mressqa :
A8-0267/2017
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì

(2017/2057(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, li ġie konkluż fl-2002, u l-pilastru kummerċjali tiegħu li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2003[1] (minn hawn 'il quddiem il-''Ftehim ta' Assoċjazzjoni''),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-sitt laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì li saret f'April 2015[2],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali adottata mill-Kumitat Konsultattiv Konġunt (KKK) tal-5 ta' Ottubru 2016[3],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu ''Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497)[4] u d-dokumenti ta' riflessjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2017 dwar ''L-isfruttar tal-globalizzazzjoni''[5] u ''Id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa''[6],

–  wara li kkunsidra s-sentenzi u l-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-350/12 P, 2/13, 1/09) u d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-6 ta' Jannar 2015 li tingħalaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/10/2014/RA dwar it-trattament tal-informazzjoni u l-aċċess għad-dokumenti[7], u wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017[8],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar in-negozjati rigward il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) tat-3 ta' Frar 2016[9],

–  wara li kkunsidra l-emendi li adotta fl-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal direttiva fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva[10], u tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima[11],

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS dwar l-effetti ta' klawsoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì[12],

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-Impriżi Multinazzjonali, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima (il-Ftehim ta' Pariġi) li daħlet fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016[13], ratifikata wkoll miċ-Ċilì,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) bejn l-UE u ċ-Ċilì tat-3 ta' Novembru 2016[14],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 207(3) u 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' linji gwida għan-negozjati adottati mill-Kummissjoni fl-24 ta' Mejju 2017,

  wara li kkunsidra l-artikolu dwar iċ-Ċilì fl-annwarju tal-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali għal Kwistjonijiet Indiġeni (IWGIA) dwar il-Popli Indiġeni fid-Dinja 2016[15],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0267/2017),

A.  billi l-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd'' tiddikjara li l-''Kummissjoni trid issegwi politika li tibbenefika lis-soċjetà fit-totalità tagħha u tippromwovi l-istandards u l-valuri Ewropej u universali flimkien mal-interessi ekonomiċi ewlenin, filwaqt li tpoġġi aktar enfasi fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-evażjoni tat-taxxa, il-protezzjoni tal-konsumatur u kummerċ responsabbli u ġust";

B.  billi l-UE u ċ-Ċilì huma sħab li huma qrib ta' xulxin, b'valuri komuni u impenn kondiviż biex jippromwovu governanza kummerċjali multilaterali effettiva u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll prosperità u sigurtà kondiviżi fi ħdan sistema globali bbażata fuq ir-regoli; billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċilì; billi ċ-Ċilì min-naħa tiegħu huwa attur reġjonali importanti, b'waħda mill-aktar ekonomiji li qed jikbru malajr fl-Amerka t'Isfel f'dawn l-aħħar deċennji, filwaqt li l-isforzi ta' riforma tiegħu għadhom għaddejjin;

C.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali, inkluż il-pilastru kummerċjali tiegħu, ġie konkluż fl-2002[16] u kien ta' benefiċċju kbir għaż-żewġ partijiet mindu ġie implimentat mill-2003 'l hawn, irdoppja il-kummerċ fil-prodotti u rreġistra żieda fil-kummerċ fis-servizzi u l-investimenti[17]; filwaqt li jitqies, madankollu, li kemm l-UE u kemm iċ-Ċilì ffirmaw ftehimiet kummerċjali aktar moderni ambizzjużi minn dak iż-żmien 'l hawn;

D.  billi fl-2016 l-UE esportat prodotti għaċ-Ċilì b'valur ta' aktar minn EUR 8.6 biljun, filwaqt li ċ-Ċilì esporta prodotti lill-UE b'valur ta' EUR 7.4 biljun; billi fl-2015 il-valur tal-kummerċ tal-UE fis-servizzi maċ-Ċilì ammonta għal EUR 3.8 biljun u dak taċ-Ċilì għal EUR 2 biljuni; billi l-istokks tal-UE ta' investiment dirett barrani fiċ-Ċilì ammontaw għal EUR 42.8 biljun[18];

E.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali ma jinkludix, fost oħrajn, kapitoli separati dwar l-investiment, l-SMEs, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR), l-enerġija u l-ġeneru, u lanqas ma jinkludi kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSDC), inklużi obbligi għall-infurzar tal-istandards tax-xogħol u l-ambjent, u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki f'oqsma bħalma huma r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u l-assigurazzjoni tas-sostenibbiltà;

F.  billi kwalunkwe negozjar kummerċjali tal-UE jrid jippreserva d-dritt u l-kapaċità tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku, bħalma huma l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, il-ħarsien soċjali u tal-konsumatur, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-benesseri tal-annimali, il-moralità pubblika, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali;

G.  billi kwalunkwe negozjar kummerċjali tal-UE jrid jiggarantixxi l-ogħla livelli ta' protezzjoni soċjali, tax-xogħol u ambjentali milħuqa mill-partijiet, u jista' jservi bħala għodda għall-promozzjoni ta' aġenda tal-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwar id-dinja; billi l-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jenħtieġ li titqies bħala opportunità għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jippromwovu standards u impenji komuni u għoljin fil-ftehimiet kummerċjali tagħhom, b'mod partikolari fl-oqsma tad-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-konsumatur u l-benesseri pubbliku; billi l-Kummissjoni ħabbret riflessjoni dwar modi differenti biex tinforza dawn l-impenji, li se tikkunsidra wkoll mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet;

H.  billi l-KKK UE-Ċilì, li jinkludi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ partijiet, kellu l-ewwel laqgħa tiegħu fl-4 u l-5 ta' Ottubru 2016 bil-ħsieb li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti, kif ukoll in-negozjati għall-aġġornament tiegħu, billi jidderieġi l-kontribut mis-soċjetà ċivili u jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì lil hinn mill-kanali governattivi; billi d-dewmien sinifikanti fl-istabbiliment tal-KKK ma jridx jiġi ripetut fir-rigward tal-ftehim modernizzat; billi ladarba il-ftehim modernizzat jidħol fis-seħħ, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili trid tkun ibbażata fuq strutturi ċari, bilanċ ta' sħubija u mandati ta' rappurtar;

I.  billi l-UE u ċ-Ċilì kienu impenjati f'negozjati plurilaterali biex ikomplu jilliberalizzaw il-kummerċ fis-servizzi (TiSA);

J.  billi ċ-Ċilì mhux parti, iżda osservatur għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi, u mhux qed jipparteċipa f'negozjati plurilaterali b'rabta ma' Ftehim dwar il-Beni Ambjentali;

K.  billi l-Artikolu 45 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2002 bejn l-UE u ċ-Ċilì jinkludi dispożizzjonijiet fil-kapitolu dwar il-kooperazzjoni li jispeċifikaw li għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-politiki u l-programmi li jtejbu, jiggarantixxu u jestendu l-parteċipazzjoni ugwali tal-irġiel u tan-nisa fis-setturi kollha tal-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali;

L.  billi ċ-Ċilì huwa firmatarju tal-Ftehim ta' Sħubija Trans Paċifika (TPP), li bħalissa l-futur tiegħu jidher inċert, u ffirma Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles mal-firmatarji kollha tat-TPP u huwa ġeneralment meqjus bħala sieħeb stabbli u affidabbli;

M.  billi fl-2010 iċ-Ċilì kien l-ewwel pajjiż tal-Amerka t'Isfel li sar membru tal-OECD, u għandu qafas makroekonomiku sod;

N.  billi huwa importanti li jiġu massimizzati l-opportunitajiet offruti mill-modernizzazzjoni tal-pilastru kummerċjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bl-iktar mod inklużiv għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u għaċ-ċittadini kemm fl-UE u kemm fiċ-Ċilì; billi jista' jsir aktar f'dan ir-rigward, inkluż, fost l-oħrajn it-tixrid ta' informazzjoni aċċessibbli, li jista' jwassal għal effett ta' multiplikazzjoni importanti tal-benefiċċji għall-partijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

O.  billi ċ-Ċilì għandu trattati bilaterali ta' investiment (BITs) ma' 17-il Stat Membru tal-UE, li l-kontenut tagħhom ma jirriflettux l-aħħar żviluppi u l-aħjar prattika fil-politika ta' investiment, u li se jiġu sostitwiti u jieqfu japplikaw ladarba jidħol fis-seħħ ftehim li jkun fih kapitolu ta' investiment bejn l-Unjoni u ċ-Ċilì;

P.  billi l-kundizzjonijiet sproporzjonalment stretti tal-leġiżlazzjoni Ċilena, li l-bastimenti tas-sajd tal-UE jridu jikkonformaw magħhom, jimpedixxu lil dawk il-bastimenti meta jużaw il-faċilitajiet tal-port fiċ-Ċilì sabiex jiżbarkaw, jittrażbordaw, jerġgħu jieħdu l-fjuwil jew biex jiksbu apparat għas-sajd;

Q.  billi x-xejra attwali tal-esportazzjoni taċ-Ċilì hija f'kuntrast qawwi ma' dik tal-UE, peress li hija ddominata bil-kbir mill-esportazzjonijiet ta' materja prima, bħar-ram, frott u ħaxix;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dan li ġej:

  (a) jiżguraw li l-Parlament Ewropew jirċievi informazzjoni sħiħa, immedjata u preċiża matul in-negozjati, fid-dawl tar-rwol tiegħu biex jiddeċiedi jekk jagħtix jew le l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat maċ-Ċilì, inkluż il-ftehim dwar il-pilastru kummerċjali; iżommu f'moħħhom li, filwaqt li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni li jintlaħqu skont l-Artikolu 217 TFUE huma tradizzjonalment ta' natura mħallta u jkopru oqsma lil hinn mill-politika kummerċjali komuni, b'segwitu għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore, hemm bżonn ta' riflessjoni profonda dwar it-triq 'il quddiem tal-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì, biex b'hekk jiġu separati u salvagwardjati l-oqsma ta' kompetenza esklużiva kif ukoll kondiviża fil-kummerċ, u jiġi rispettat bis-sħiħ it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha matul il-proċess ta' negozjar, kif ukoll bil-ħsieb li jiġu ffirmati u konklużi l-ftehimiet; biex jikkonkludu, għalhekk, żewġ ftehimiet separati, li jiddistingwu b'mod ċar bejn ftehim ta' kummerċ u ta' investiment li fih biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u ftehim ieħor li jkopri s-suġġetti li l-kompetenzi tagħhom huma maqsumin ma' Stati Membri oħrajn;

  (b) jinnutaw li kemm l-UE u kemm iċ-Ċilì kkonkludew ftehimiet kummerċjali aktar moderni, ambizzjużi u komprensivi mindu daħal fis-seħħ il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bilaterali tagħhom, u li għadd ta' oqsma għadhom ma ġewx indirizzati minnu, li huma importanti biex niżguraw li dan iwassal għal tkabbir kondiviż, opportunitajiet ugwali, impjiegi deċenti u żvilupp sostenibbli, inkluż ir-rispett u l-promozzjoni tal-istandards tax-xogħol u ambjentali, il-benesseri tal-annimali, u l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat;

  (c) iqisu importanti u meħtieġ li jfittxu li jimmodernizzaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì biex iqisu l-iżvilupp ekonomiku u politiku tul dawn l-aħħar ħmistax-il sena, b'mod partikolari l-komponent kummerċjali tiegħu, fi spirtu ta' reċiproċità, benefiċċju u bilanċ reċiproku, u jinnutaw l-appoġġ konsistenti għal modernizzazzjoni espress mill-KPK UE-Ċilì, kif ukoll il-fatt li l-KKK laqa' l-passi meħuda lejn aġġornament;

  (d) jiftakru li l-globalizzazzjoni u l-politika kummerċjali dan l-aħħar kienu s-suġġett ta' dibattitu intens fl-Ewropa u bnadi oħra, minħabba d-distribuzzjoni potenzjalment mhux ugwali tal-kisbiet tagħhom; jikkunsidraw neċessarju li jiġu antiċipati xejriet u konsegwenzi possibbli, jiggarantixxu tqassim aktar inklużiv tal-benefiċċji għall-kummerċ u jipprovdu protezzjoni adegwata lil dawk li ma jibbenefikawx minn dan il-ftehim u li jistgħu jkunu żvantaġġati fil-proċess sussegwenti; jiżviluppaw għaldaqstant azzjoni politika f'oqsma oħra, primarjament fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livell tal-Unjoni, lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali nnifishom, minn politiki industrijali u fiskali, għal dawk soċjali;

  (e) jiftakru fl-importanza tal-aġenda multilaterali u li kwalunkwe negozjar bilaterali m'għandux idgħajef l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali; iqisu li relazzjonijiet bilaterali msaħħa u kooperazzjoni konġunta bejn l-UE u ċ-Ċilì jenħtieġ li jiffaċilitaw ukoll kollaborazzjoni u sinerġija akbar fost il-partijiet f'kuntesti multilaterali u plurilaterali; iħeġġu f'dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni sħiħa taċ-Ċilì fin-negozjati tad-WTO b'rabta mal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali u l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi Rivedut tad-WTO;

  (f) biex iqiegħdu l-valuri kondiviżi fil-qalba tal-proċess ta' modernizzazzjoni u jkomplu bil-prattika li jinkludu klawsola tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma jsir fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni kollha;

  (g) jiżguraw li Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jiggarantixxi, fit-test kollu, u jistabbilixxi, b'mod espliċitu u inekwivokabbli, id-dritt u l-abbiltà tal-partijiet li jadottaw u japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess fl-interess pubbliku, biex jintlaħqu objettivi leġittimi tal-politika pubblika bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ilma, is-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-moralità pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali; jiżguraw li l-ebda talba min-naħa ta' investitur ma tkun tista' tippreġudika dawn l-objettivi; jissottolinjaw, f'dan ir-rigward, li l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE m'għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-interessi leġittimi tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha jew l-entitajiet subfederali li jirregolaw fl-interess pubbliku;

  (h) biex, b'rabta man-negozjati dwar il-kummerċ ta' prodotti, ifittxu titjib ambizzjuż fl-aċċess għas-suq fost il-linji tariffarji, ineħħu ostakli bla bżonn, inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-faċilitajiet tal-port għall-bastimenti tal-UE, filwaqt li jirrispettaw il-fatt li hemm għadd ta' prodotti agrikoli, tal-manifattura u industrijali sensittivi li jenħtieġ li jingħatalhom trattament adatt, pereżempju permezz ta' kwoti tar-rata tariffarja (TRQs), perjodi adegwati ta' tranżizzjoni jew li jiġu esklużi kompletament, jekk neċessarju; jinkludu klawsola ta' salvagwardja bilaterali effettiva u li tista' tintuża li tippermetti s-sospensjoni temporanja ta' preferenzi, jekk, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat, żieda fl-importazzjonijiet tikkawża jew thedded li tikkawża danni serji lil setturi sensittivi;

  (i) jinkludu fid-direttivi ta' negozjati tiegħu, l-objettiv li jiġu semplifikati r-regoli tal-oriġini u l-proċeduri doganali, bl-iskop li jaddattawhom għar-realtà ta' katini tal-valur globali dejjem aktar kumplessi; jiżguraw li Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jinkludi dispożizzjonijiet u miżuri kontra l-frodi, u impenji biex jistandardizzaw ir-regoli u l-prattiki doganali, bil-għan li jinkisbu aktar trasparenza, effettività, ċertezza ġuridika u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali, filwaqt li jiġu modernizzati u semplifikati l-proċeduri, kif stabbilit fil-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO u l-Konvenzjoni riveduta ta' Kyoto;

  (j) jikkunsidraw, fir-rigward tal-kummerċ fis-servizzi, li l-potenzjal tas-settur tas-servizzi għadu ma ntlaħaqx kompletament fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali, u li Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jenħtieġ li jindirizza ostakoli mhux neċessarji għall-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali; iqisu li l-impenji meħuda jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u li r-regoli jenħtieġ li jiġu aġġornati meta jkun neċessarju biex jittieħed kont ta' żviluppi ġodda; jeskludu s-servizzi awdjoviżivi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim; jiżguraw u jipprevedu b'mod espliċitu li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat ma jxekkilx il-kapaċità tal-partijiet li jiddefinixxu, jirregolaw, jipprovdu u jappoġġaw servizzi pubbliċi fl-interess pubbliku, li bl-ebda mod ma jitlob lill-gvernijiet jipprivatizzaw xi servizz, u li lanqas ma jipprevjeni lill-gvernijiet milli jipprovdu servizzi pubbliċi li preċedentement kienu fornuti minn fornituri privati tas-servizz jew milli jinġiebu lura taħt kontroll pubbliku servizzi li l-gvernijiet preċedentement għażlu li jipprivatizzaw, u lanqas mhu se jipprekludi lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu lill-pubbliku bl-esklużjoni ta' xi klawsoli, dispożizzjonijiet jew impenji li jimminaw il-flessibbiltà meħtieġa biex servizzi attwali u futuri ta' interess ekonomiku ġenerali jerġgħu jiġu taħt kontroll pubbliku;

  (k) jiżguraw li ftehim modernizzat jistabbilixxi l-passi meħtieġa għal aktar trasparenza regolatorja u rikonoxximent reċiproku, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw l-imparzjalità u r-rispett tal-ogħla standards ta' protezzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti, kwalifiki u liċenzji, u jipprevedu, f'dan ir-rigward, mekkaniżmi istituzzjonali għal konsultazzjoni li tinvolvi lill-atturi kollha kkonċernati bħall-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

  (l) jiżguraw li, filwaqt li jittieħdu impenji li jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta' persuni fiżiċi għal finijiet ta' negozju, il-fornituri tas-servizz barranin iridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-UE u l-Istati Membri, u ma' ftehimiet kollettivi applikabbli meta l-ħaddiema jibbenefikaw mill-impenji tal-Modalità 4;

  (m) jiżguraw li kooperazzjoni regolatorja ambizzjuża u l-armonizzazzjoni tal-istandards jibqgħu volontarji, jirrispettaw l-awtonomija tal-awtoritajiet regolatorji, ikunu bbażati fuq skambju msaħħaħ ta' informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva, bil-għan li jiġu identifikati ostakli żejda u piżijiet amministrattivi, u jiġi protett il-prinċipju ta' prekawzjoni; jiftakru li l-kooperazzjoni regolatorja trid timmira li tibbenefika l-governanza tal-ekonomija globali permezz ta' konverġenza u kooperazzjoni intensifikati dwar l-istandards internazzjonali, biex b'hekk jiġi garantit l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll dak ambjentali, soċjali u tax-xogħol;

  (n) iqisu li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jinkludi konċessjoni prudenzjali għas-servizzi finanzjarji li tibni fuq dik li tinsab fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) biex jiġi stabbilit l-ispazju politiku għall-partijiet biex jirregolaw is-setturi finanzjarji u bankarji tagħhom bil-ħsieb li tiġi żgurata l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja; jinkludu miżuri ta' salvagwardja u eċċezzjonijiet ġenerali fir-rigward ta' movimenti tal-kapital u pagamenti, li għandhom japplikaw meta dawn jistgħu jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għat-tħaddim bla xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja jew tal-bilanċ tal-pagamenti tal-UE;

  (o) jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-istandards ta' trasparenza li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw standards internazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt, inklużi rekwiżiti għal skambji awtomatiċi tal-informazzjoni u l-istabbiliment ta' reġistri pubbliċi tas-sjieda benefiċjarja għal trusts tan-negozju u dispożizzjonijiet konkreti fil-kapitoli dwar is-servizzi finanzjarji, il-moviment tal-kapital u l-istabbiliment, għall-esklużjoni ta' ppjanar tat-taxxa bil-moħbi minn korporazzjonijiet;

  (p) jiftakru li l-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġodda, u b'hekk ixekkel it-tkabbir ekonomiku; jorbtu espliċitament lill-partijiet permezz tal-inklużjoni ta' taqsima speċifika li telenka impenji u miżuri ċari u b'saħħithom, li jiġġieldu l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha u li jimplimentaw standards internazzjonali u konvenzjonijiet multilaterali kontra l-korruzzjoni;

  (q) iqisu li dispożizzjonijiet b'saħħithom dwar il-ftuħ tal-akkwist pubbliku, li jippromwovu l-prinċipju tal-aktar offerta vantaġġuża li jinkludi kriterji soċjali, ambjentali u innovattivi, proċeduri semplifikati u trasparenza għall-offerenti, inkluż aċċess effettiv għal dawk minn pajjiżi oħra, jistgħu wkoll ikunu għodda effettivi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u titrawwem l-integrità fl-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jiġi pprovdut valur għall-flus għall-kontribwenti; biex il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jagħti aċċess imtejjeb għas-swieq tal-akkwist pubbliku, inkluż fil-livell subċentrali, u proċeduri trasparenti bbażati fuq it-trattament nazzjonali, l-imparzjalità u l-ekwità;

  (r) jiżguraw li l-politika ta' investiment tinkludi l-governanza tajba u l-iffaċilitar tal-investiment, u jiżviluppaw u jistabbilixxu l-obbligi tal-investituri filwaqt li titjieb il-protezzjoni tal-investituri;

  (s) jiżguraw li d-direttivi ta' negozjati jagħtu istruzzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja kapitolu modern ta' investiment, b'kont meħud tal-aħjar prattiki internazzjonali, bħall-Qafas ta' Politika ta' Investiment għal Żvilupp Sostenibbli tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-aħħar opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore;

  (t) biex isir progress lejn riforma internazzjonali meħtieġa għas-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim; ifittxu li jkun hemm impenn mill-partijiet kollha biex jagħtu prijorità lill-użu ta' qrati kompetenti u jibdlu s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat (ISDS) b'sistema ta' qorti tal-investiment pubblika (ICS), b'mekkaniżmu ta' appell, regoli stretti dwar il-kunflitt ta' interess u kodiċi ta' kondotta infurzabbli; jikkunsidraw l-obbligi tal-investituri u jżommu d-dritt li jirregolaw biex jinkisbu objettivi leġittimi ta' politika pubblika bħal dawk relatati mas-saħħa u d-distribuzzjoni tal-ilma, kif ukoll il-protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent; jimmiraw li jevitaw kunflitti frivoli u li jinkludu l-garanziji proċedurali demokratiċi kollha, bħad-dritt għal aċċess nondiskriminatorju għall-ġustizzja (b'attenzjoni partikolari għall-SMEs), indipendenza ġudizzjarja, u trasparenza u responsabbiltà, filwaqt li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' qorti tal-investiment multilaterali (MIC);

(u) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat ikun fih TSDC solidu u ambizzjuż li jinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli li huma suġġetti għal mekkaniżmi adegwati u effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet, u li jippermetti lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod xieraq; iqisu li t-TSDC jenħtieġ li jkopri, fost affarijiet oħra, l-impenn tal-partijiet li jadottaw u jżommu fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom, il-prinċipji stabbiliti f'konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u li jimplimentaw b'mod effettiv strumenti tal-ILO aġġornati, speċjalment il-konvenzjonijiet dwar il-governanza, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar id-drittijiet ta' popli indiġeni, il-Konvenzjoni dwar l-Opportunitajiet Indaqs u t-Trattament Ugwali għall-Ħaddiema Rġiel u Nisa, il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi u l-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b'Responsabbilitajiet tal-Familja, kif ukoll standards tax-xogħol għall-ħaddiema migranti u s-CSR, inkluża l-inkorporazzjoni tal-linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem u proċedura li fiha s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili miġbura fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv Konġunt ikunu jistgħu jappellaw għat-tnedija ta' konsultazzjonijiet tal-gvern;

(v) jiżguraw, b'referenza għall-progress miksub miċ-Ċilì fin-negozjati kummerċjali bilaterali mal-Urugwaj u l-Kanada, li l-partijiet jinkludu kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa, lil hinn mill-konformità tal-partijiet u r-rispett tagħhom għall-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u soċjali, li jipprevedi miżuri attivi bil-għan li jitjiebu l-opportunitajiet għan-nisa biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet ipprovduti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jipprovdu miżuri mmirati fost l-oħrajn biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja u għall-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa; jiżguraw, fost oħrajn, li l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiġbru data diżaggregata li tippermetti analiżi ex ante u ex post bir-reqqa dwar l-impatt tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi; ifittxu parteċipazzjoni ikbar ta' intrapriżi mmexxija min-nisa (b'mod partikolari mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)) fl-akkwist pubbliku, abbażi tal-esperjenza tal-Ministeru taċ-Ċilì tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi li, fl-2015, stabbilixxa programm ta' appoġġ biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-imprendituri nisa bħala fornituri fis-suq tal-akkwist pubbliku ta' ''Chile Compras''; jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi mmexxija min-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'opportunitajiet ta' Modalità 4; jiżguraw l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-timijiet tan-negozjati u f'diskussjonijiet perjodiċi dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-kapitolu fi ħdan il-KKK, li jenħtieġ li jintegra wkoll organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;

  (w) jinkludu wkoll kapitolu ddedikat lill-mikrointrapriżi u l-SMEs li jipprevedi progress sostanzjali f'termini ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ u piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, kif ukoll miżuri attivi mmirati li jiżguraw li l-opportunitajiet li jirriżultaw jistgħu jintużaw u jiġu kkomunikati b'mod suffiċjenti lill-atturi ewlenin u potenzjali kollha (jiġifieri permezz tal-istabbiliment ta' punti uniċi ta' kuntatt, siti web iddedikati u l-pubblikazzjoni ta' gwidi settorjali b'informazzjoni dwar proċeduri u opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u l-investiment);

  (x) jinkludu kapitolu tal-enerġija li jkun ikopri, fost l-oħrajn, l-enerġija rinnovabbli u l-materja prima; jirrikonoxxu l-importanza tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet ambjentali multilaterali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, jinkludu dispożizzjonijiet u impenji li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ biex jinvolvu ruħhom fi strumenti u negozjati internazzjonali kif ukoll f'politiki kummerċjali u ambjentali ta' sostenn reċiproku li jirrispondu għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, inklużi impenji dwar it-tkabbir ekoloġiku, u jappoġġaw u jkomplu jippromwovu l-kummerċ u l-investiment fi prodotti u servizzi ambjentali u enerġiji rinnovabbli, kif ukoll teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima;

(y) jadottaw direttivi ta' negozjati li jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali inklużi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali, permezz tal-istabbiliment ta' kooperazzjoni bilaterali effettiva dwar il-kwistjoni u l-liberalizzazzjoni kundizzjonali għal meta jkun qed jitqiegħed f'riskju l-benesseri tal-annimali fil-produzzjoni ta' ċerti prodotti;

  (z) jadottaw direttivi ta' negozjati li jiddefinixxu rekwiżiti biex jiġi indirizzat l-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, dispożizzjonijiet dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji, u jiġu riflessi l-prinċipji ta' trasparenza, ġustizzja proċedurali u n-nondiskriminazzjoni kif ukoll regoli rigward is-sussidji;

  (aa) iżommu f'moħħhom li kull ftehim kummerċjali jrid jinkludi l-benesseri tal-konsumatur bħala wieħed mill-objettivi ġenerali u jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jimpenja lill-partijiet biex jilħqu livell għoli ta' sikurezza u protezzjoni tal-konsumatur, u ż-żamma tal-ogħla standards internazzjonali, u jiżviluppaw l-aħjar prattika koerenti, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, it-tikkettar tal-prodotti u l-kummerċ elettroniku;

  (ab) jaċċettaw li n-negozjati jridu jwasslu għal dispożizzjonijiet b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni ta' kull tip ta' dritt tal-proprjetà intellettwali, fosthom dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, billi jibnu fuq dawk eżistenti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jibnu fuqhom, biex b'hekk jiżguraw aċċess aħjar tas-suq, infurzar imsaħħaħ u l-possibbiltà ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda; jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni rivedut jinkludi kapitolu dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jiggarantixxi l-flessibbiltà meħtieġa u li d-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jnaqqsux l-aċċess għal mediċini essenzjali bi prezzijiet raġonevoli u kura medika fi programmi nazzjonali tas-saħħa pubblika; jiżguraw li dan il-kapitolu jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS);

  (ac) jiżguraw li l-partijiet jiggarantixxu l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza u parteċipazzjoni, filwaqt li jiżguraw li l-objettivi tan-negozjati jiġu sodisfatti, u li dan jinvolvi djalogi kostanti u debitament infurmati mal-partijiet kollha kkonċernati, li jinkludu kemm il-partijiet interessati, bħalma huma n-negozji u t-trade unions, kif ukoll is-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti indiġeni; jinvolvu sistematikament, f'dan ir-rigward, kemm lill-korpi parlamentari kompetenti, partikolarment il-KPK UE-Ċilì, kif ukoll il-KKK, matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, min-negozjati sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni, u jappoġġaw fir-rigward tal-fażi ta' implimentazzjoni, il-ħolqien ta' korp parteċipattiv tas-soċjetà ċivili Ċilen uffiċjali li jirrifletti l-pluraliżmu tas-soċjetà ċivili Ċilena, b'attenzjoni partikolari lill-popli indiġeni tiegħu; jiżguraw, għal dan l-għan, flimkien maċ-Ċili, mingħajr ma tiġi mminata l-istrateġija tan-negozjati tal-UE, li l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi ppubblikata bl-aktar mod aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, inklużi skedi ta' informazzjoni tradotti għall-Ispanjol bħala l-lingwa uffiċjali komuni;

  (ad) iżommu f'moħħhom l-appelli tal-Parlament sabiex il-mandati għal negozjati kummerċjali jsiru aċċessibbli għall-pubbliku, u biex jippubblikaw id-direttivi ta' negozjati għall-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom;

  (ae) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdi l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġi rispettat fil-prattika matul l-implimentazzjoni, inkluż mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u stat modern u effettiv;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċilì.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.7.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

2

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Heidi Hautala, Yannick Jadot, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Edouard Ferrand, Agnes Jongerius, Sajjad Karim, Gabriel Mato, Georg Mayer, Fernando Ruas, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Constanze Krehl

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

32

+

ALDE

Dita Charanzová, Marietje Schaake, Hannu Takkula

ECR

David Campbell Bannerman, Sajjad Karim, Emma McClarkin, Joachim Starbatty

EFDD

William (The Earl of) Dartmouth

PPE

Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Gabriel Mato, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld, Jarosław Wałęsa, Iuliu Winkler

S&D

Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Constanze Krehl, Bernd Lange, David Martin, Sorin Moisă, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Yannick Jadot

2

-

EFDD

Tiziana Beghin

ENF

Edouard Ferrand

5

0

ENF

Georg Mayer, Franz Obermayr

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni