RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra

27.3.2018 - (15467/2016 – C8-0327/2017 – 2016/0367(NLE) – 2017/2227(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Francisco José Millán Mon

Proċedura : 2017/2227(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0119/2018
Testi mressqa :
A8-0119/2018
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra

(15467/2016 – C8-0327/2017 – 2016/0367(NLE)2017/2227(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15467/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim Qafas (FA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra[1] (09776/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 212(1), u flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0327/2017),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), kif adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sħubija UE-Awstralja ffirmat f'Ottubru 2008, li għandu jiġi ssostitwit mill-FA,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja adottata fil-Lussemburgu fis-26 ta' Ġunju 1997,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ tan-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) mal-Awstralja u ma' New Zealand[2] u r-riżoluzzjoni tas-26 ta' Ottubru 2017 li tinkludi r-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għan-negozjati kummerċjali mal-Awstralja[3],

  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-15 ta' Novembru 2015 tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u tal-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull,

  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-22 ta' April 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan bit-titolu "Lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Awstralja",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżijiet, iffirmat fl-2015[4],

  wara li kkunsidra l-Ftehim Amministrattiv bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, li ntlaħaq ftehim dwaru f'Diċembru 2014 u li jistabbilixxi programm għal relazzjoni diplomatika,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Rikonoxximent Reċiproku dwar iċ-Ċertifikazzjoni tal-Istandards, iffirmat fl-1999[5], u l-Ftehim UE-Awstralja li jemenda l-ftehim imsemmi hawn fuq fl-2012[6],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) UE-Awstralja ffirmat fid-29 ta' Settembru 2011[7],

  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni kklassifikata bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, iffirmat fit-13 ta' Jannar 2010[8],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja, iffirmat fl-1994[9],

–  wara li kkunsidra t-38 laqgħa interparlamentari UE-Awstralja (IPM), li saret fi Strasburgu bejn l-4 u l-5 ta' Ottubru 2017,

  wara li kkunsidra l-ewwel Forum ta' Tmexxija UE-Awstralja li sar f'Sydney f'Ġunju 2017 u li laqqa' flimkien il-mexxejja politiċi u l-kapijiet tan-negozju, l-akkademiċi, il-midja u s-soċjetà ċivili;

  wara li kkunsidra l-White Paper dwar il-Politika Esterna ppubblikata mill-Gvern Awstraljan f'Novembru 2017 li tiddeskrivi l-prijoritajiet u l-isfidi tal-Awstralja fix-xena esterna u tissottolinja l-importanza primarja tal-hekk imsejjaħ reġjun Indo-Paċifiku għall-Awstralja,

  wara li kkunsidra l-fatt li l-White Paper dwar il-Politika Esterna tistabbilixxi r-rwoli ewlenin li għandhom l-Istati Uniti u ċ-Ċina fir-reġjun Indo-Paċifiku u fil-politika esterna tal-Awstralja, filwaqt li tagħmel referenza għall-importanza tar-relazzjonijiet tal-Awstralja mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,

  wara li kkunsidra r-Reviżjoni tal-Politiki dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2017 li l-Gvern Awstraljan ħareġ f'Diċembru 2017,

  wara li kkunsidra d-dokument tal-Gvern Awstraljan bit-titolu "Australian climate change science: a national framework", ippubblikat fl-2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta'... dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0119/2018),

A.  billi fis-7 ta' Awwissu 2017 l-UE u l-Awstralja kkonkludew FA; billi r-relazzjoni b'saħħitha u mill-qrib bejn l-Awstralja u l-UE u l-Istati Membri tagħha għandha għeruq storiċi li jmorru lura fiż-żmien u hija bbażata fuq valuri u prinċipji komuni, bħar-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt internazzjonali, il-paċi u s-sigurtà; billi r-rabtiet bejn in-nies huma profondi u dejjiema;

B.  billi l-UE u l-Awstralja fl-2017 iċċelebraw 55 sena ta' kooperazzjoni u relazzjonijiet diplomatiċi; billi din ir-relazzjoni kisbet dinamiżmu mġedded fl-aħħar ftit snin; billi l-Istati Membri kollha stabbilew relazzjonijiet diplomatiċi mal-Awstralja u 25 minnhom għandhom ambaxxati f'Canberra;

C.  billi l-White Paper dwar il-Politika Barranija tal-Gvern Awstraljan tgħid li "Unjoni Ewropea b'saħħitha tibqa' vitali għall-interessi tal-Awstralja u se tkun sieħeb dejjem aktar importanti fil-protezzjoni u l-promozzjoni ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli"; billi l-White Paper tissottolinja l-bżonn li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-UE u l-Istati Membri tagħha "dwar sfidi bħat-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta' armi tal-qerda massiva (AQM), l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem";

D.  billi l-UE u l-Awstralja huma involuti f'kooperazzjoni u djalogu ma' pajjiżi fix-Xlokk tal-Asja, inkluż permezz tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), il-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF), il-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) u s-Summit tal-Asja tal-Lvant (EAS); billi l-Awstralja hija membru fundatur tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF) u għandha sħubija strateġika mal-ASEAN; billi bejn is-17 u t-18 ta' Marzu 2018, l-Awstralja se tospita Summit Speċjali bejn l-ASEAN u l-Awstralja;

E.  billi l-UE, bħala attur globali, għandha ssaħħaħ aktar il-preżenza tagħha fiż-żona tal-Asja-Paċifiku kbira u dinamika, fejn l-Awstralja hija sieħeb naturali tal-UE kif ukoll attur importanti hi stess; billi reġjun tal-Asja-Paċifiku li jkun stabbli, paċifiku u bbażat fuq ir-regoli, b'konformità mal-prinċipji u l-istandards tagħna, huwa utli għas-sigurtà u l-interessi tal-UE nnifisha;

F.  billi l-UE u l-Awstralja huma allinjati mill-qrib dwar kwistjonijiet relatati mal-politika barranija, bħal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-Ukrajna, ir-Russja, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u l-Lvant Nofsani;

G.  billi l-Awstralja għandha rabtiet politiċi, ta' sigurtà u ta' difiża mill-qrib mal-Istati Uniti li huma kompatibbli mar-rabtiet dejjem jikbru tagħha maċ-Ċina, li magħha tmantni Sħubija Strateġika Komprensiva;

H.  billi fl-2016 l-UE kienet it-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Awstralja – it-tieni sors ta' importazzjonijiet (19,3 %) u t-tielet destinazzjoni għall-esportazzjonijiet (10,3 %) tagħha – u billi ż-żewġ naħat jikkondividu firxa wiesgħa ta' interessi ekonomiċi; billi fl-2015, l-istokk ta' investiment dirett barrani tal-UE fl-Awstralja kien jammonta għal EUR 117.7 biljun u l-istokk ta' investiment dirett Awstraljan fl-UE kien ta' EUR 21.7 biljun;

I.  billi l-Awstralja hija impenjata bis-sħiħ favur il-kummerċ ħieles u kkonkludiet FTAs bilaterali ma' pajjiżi importanti fl-Asja tal-Lvant – iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, Singapore, il-Malasja u t-Tajlandja – (kif ukoll ftehim reġjonali mal-ASEAN) u ma' New Zealand, iċ-Ċilì, l-Istati Uniti u l-Perù, u l-ftehim PACER Plus mal-Gżejjer tal-Paċifiku;

J.   billi fit-23 ta' Jannar 2018, l-Awstralja u 10 pajjiżi oħra li jinsabu fi fruntiera mal-Oċean Paċifiku ħabbru li kienu laħqu ftehim dwar patt kummerċjali trans-Paċifiku, l-hekk imsejjaħ Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP), li ġie ffirmat fiċ-Ċilì fit-8 ta' Marzu 2018; billi attwalment l-Awstralja qed tinnegozja għadd kbir ta' ftehimiet kummerċjali, inkluża s-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) imnedija f'Summit tal-ASEAN fl-2012;

K.  billi l-Awstralja, pajjiż li huwa impenjat favur il-governanza globali internazzjonali, f'ħames okkażjonijiet kienet membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) u kienet membru attiv tal-G20 mit-twaqqif tiegħu, u fl-2014 ippresediet is-summit tiegħu f'Brisbane f'kooperazzjoni tajba ħafna mal-UE; billi riċentament l-Awstralja ġiet eletta fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

L.  billi l-Awstralja bagħtet truppi biex jingħaqdu fil-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh fl-Iraq u s-Sirja; billi fl-Afganistan, l-Awstralja kienet l-akbar kontributur mhux membru tan-NATO ta' truppi fil-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF);

M.  billi l-Awstralja kkontribwiet għal bosta missjonijiet taż-żamma tal-paċi appoġġjati min-NU fi tliet kontinenti kif ukoll f'Papua New Guinea u l-Gżejjer Solomon;

N.  billi fl-2014 l-Awstralja kkontribwiet għall-ewwel darba għal missjoni tal-immaniġġjar tal-kriżi mmexxija mill-UE, l-EUCAP Nestor, fil-Qarn tal-Afrika; billi l-flotta Awstraljana qed twettaq operazzjonijiet kontra l-piraterija u kontra t-terroriżmu fi ħdan il-Forzi Marittimi Kombinati fil-Qarn tal-Afrika u fl-Oċean Indjan tal-Punent;

O.  billi ċittadini Awstraljani ġewwa u barra l-fruntieri ta' pajjiżhom sofrew minn għadd ta' attakki terroristiċi ta' oriġini Iżlamista radikali; billi l-UE u l-Awstralja t-tnejn jikkooperaw f'attivitajiet kontra t-terroriżmu, inkluża azzjoni li tiġġieled l-estremiżmu vjolenti, sforzi biex itemmu l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi u l-koordinazzjoni ta' proġetti speċifiċi għall-bini tal-kapaċità;

P.  billi ċ-Ċentru ta' Jakarta għal Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (JCLEC), li huwa inizjattiva Awstraljana-Indoneżjana, għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien espert tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Asja tax-Xlokk fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transnazzjonali u rċieva wkoll fondi tal-UE;

Q.  billi f'Ottubru 2017 il-Gvern Awstraljan nieda l-istrateġija internazzjonali ta' impenn ċibernetiku bil-għan li tindirizza kwistjonijiet bħall-kummerċ diġitali, iċ-ċiberkriminalità, is-sigurtà internazzjonali u l-gvern elettroniku;

R.  billi l-Awstralja appoġġat lill-Filippini fil-promozzjoni tas-sigurtà u fil-ġlieda kontra l-ġiħadiżmu;

S.  billi l-UE u l-Awstralja jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni fid-Djalogu annwali tal-Uffiċjali Għoljin UE-Awstralja dwar Kwistjonijiet ta' Migrazzjoni, Asil u Diversità; billi l-Proċess ta' Bali dwar il-Kuntrabbandu tal-Persuni, it-Traffikar tal-Bnedmin u l-Kriminalità Transnazzjonali Relatata huwa kopresedut mill-Awstralja;

T.  billi l-Awstralja għandha introjtu per capita għoli ħafna u hija soċjetà miftuħa, demokratika u multikulturali; billi persuna minn kull erbgħa tal-popolazzjoni tagħha twieldet barra mill-pajjiż u billi, mill-1945, madwar seba' miljun migrant permanenti, inklużi bosta li oriġinaw mill-Ewropa, marru jgħixu fl-Awstralja; billi l-Awstralja tinsab f'sitwazzjoni ġeografika speċjali li tokkupa żona vasta bejn l-Oċean Indjan u n-Nofsinhar tal-Paċifiku;

U.  billi fl-FA l-Awstralja u l-UE jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur il-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima; billi r-Reviżjoni tal-Politiki dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2017 tenniet mill-ġdid l-impenn tal-Awstralja li tiġġieled din it-theddida;

V.  billi l-Awstralja tħabbat wiċċha ma' impatti ekonomiċi u ambjentali sinifikanti li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima f'għadd ta' setturi, inklużi s-sigurtà tal-ilma, l-agrikoltura, il-komunitajiet ta' max-xtut u l-infrastruttura;

W.  billi l-Awstralja, bħala membru tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD, hija partikolarment impenjata li tappoġġja l-governanza tajba u t-tkabbir ekonomiku f'Papua New Guinea, fl-Indoneżja, f'Timor-Leste u fi gżejjer Paċifiċi u f'pajjiżi Asjatiċi oħrajn, fejn l-UE u l-Istati Membri tagħha huma wkoll donaturi ewlenin;

X.  billi l-Gvern Awstraljan qed jinvesti fi programmi bħalma huma l-Programm ta' Xjenza Awstraljan għat-Tibdil fil-Klima (Australian Climate Change Science Programme) u l-Programm ta' Riċerka dwar l-Impatti tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament għaliha (Climate Change Impacts and Adaptation Research Programme) tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Naturali (Natural Resource Management), biex jgħin lil min jieħu d-deċiżjonijiet jifhem u jimmaniġġja l-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima;

Y.  billi l-Awstralja stabbiliet qafas nazzjonali u Grupp ta' Koordinazzjoni ta' Livell Għoli biex tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni għax-xjenza dwar il-bidla fil-klima, li jipprovdu approċċ ikkoordinat sabiex tindirizza l-kwistjoni fil-komunitajiet madwar il-pajjiż;

Z.  billi fl-10 ta' Novembru 2016, l-Awstralja rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi u l-emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto, u b'hekk saħħet l-impenn tagħha li tieħu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, u żviluppat sensiela ta' politiki biex tnaqqas l-emissjonijiet domestiċi u tappoġġa l-azzjoni globali;

AA.  billi l-pjan dwar it-tibdil tal-klima tal-Gvern Awstraljan jinkludi li l-emissjonijiet jitnaqqsu b'5 % mil-livelli tal-2000 sal-2020 u b'26-28 % mil-livelli tal-2005 sal-2030, kif ukoll li tirdoppja l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tal-pajjiż sal-2020;

AB.  billi l-Gvern Awstraljan kellu rwol ewlieni fl-appoġġ tas-servizzi meteoroloġiċi nazzjonali tal-Paċifiku u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex iwaqqfu sistemi ta' twissija bikrija dwar il-klima u t-temp;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-abbozz tal-FA, li se jipprovdi strument legalment vinkolanti sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali UE-Awstralja jitjiebu u jissaħħew u sabiex tiżdied il-kooperazzjoni f'oqsma bħall-politika esterna u l-kwistjonijiet ta' sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-iżvilupp globali u l-għajnuna umanitarja, il-kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, il-ġustizzja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, l-agrikoltura, l-affarijiet marittimi u s-sajd, fid-dawl tal-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, is-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva (AQM);

2.  Jenfasizza li l-UE u l-Awstralja huma sħab b'saħħithom u li jaħsbuha l-istess b'relazzjoni bilaterali profonda u li t-tnejn jikkondividu l-valuri u l-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, iżommu rabtiet politiċi u ekonomiċi dejjem aktar b'saħħithom u jgawdu konnessjonijiet kulturali, akkademiċi u bejn in-nies li huma mill-qrib u attivi;

3.  Jissottolinja l-valur speċjali għall-UE u l-Awstralja, bħala sħab bl-istess viżjoni dinjija, li jikkooperaw fuq livell bilaterali u multilaterli dwar kwistjonijiet reġjonali u globali; jenfasizza l-vantaġġ li l-UE u l-Awstralja jaġixxu flimkien fin-NU u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), kif ukoll f'entitajiet bħall-G20, sabiex jippreservaw u jsaħħu ordni globali bbażat fuq il-kooperazzjoni u r-regoli f'dinja kumplessa u li qed tinbidel li qed tiffaċċja inċertezza kbira;

4.  Jilqa' t-twaqqif ta' kumitat konġunt fil-qafas tal-FA sabiex jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim u jżomm il-koerenza ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Awstralja;

5.  Jappoġġja t-tnedija li ġejja tan-negozjati għall-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Awstralja, li jridu jitwettqu fi spirtu ta' reċiproċità, trasparenza, responsabilità u benefiċċju reċiproku, filwaqt li titqies ukoll is-sensittività ta' ċerti prodotti, bħal dawk agrikoli, minħabba l-fatt li l-Awstralja hija esportatur agrikolu ewlieni; iħeġġeġ liż-żewġ sħab ikollhom livell għoli ta' ambizzjoni fil-qasam tas-servizzi; jenfasizza li fin-negozjati l-UE għandha tqis il-ħtiġijiet u t-talbiet tal-SMEs, u mhux tbaxxi l-istandards ambjentali, soċjali u tax-xogħol; jirrimarka dwar it-tnedija f'waqtha ta' dawn in-negozjati, peress li l-Awstralja diġà kkonkludiet bosta FTAs ma' pajjiżi importanti fl-Asja tal-Lvant u l-Paċifiku u waslet biex tikkonkludi ftehimiet bħal dawn ma' pajjiżi rilevanti oħra;

6.  Jissottolinja r-rwol attiv tal-Awstralja fil-programmi ta' kooperazzjoni għal edukazzjoni għolja tal-UE permezz tal-programm Edukazzjoni Bilaterali UE-Awstralja u jinnota b'mod pożittiv li mill-2015 l-universitajiet Awstraljani jistgħu jidħlu fi ftehimiet ta' mobilità Erasmus+; jinnota li din il-kooperazzjoni għandha tissaħħaħ aktar biex tippromovi benefiċċji reċiproki għall-istudenti u r-riċerkaturi u tpoġġihom f'pożizzjoni li jakkwistaw ħiliet multikulturali u innovattivi;

7.  Ifakkar li l-UE u l-Awstralja huma sħab importanti fil-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jikkontribwixxu għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u bħala mezz biex tkompli tinbena soċjetà bbażata fuq l-għarfien;

8.  Ifaħħar lill-Awstralja għall-appoġġ tagħha u talli allinjat ir-reġim tas-sanzjonijiet tagħha mal-UE wara l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-interventi militari fil-Lvant tal-Ukrajna mir-Russja;

9.  Jilqa' l-appoġġ tal-Awstralja għas-sanzjonijiet internazzjonali mmirati kontra individwi u entitajiet responsabbli għall-aggressjoni militari, it-terroriżmu u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż bi tweġiba għall-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u fil-Krimea okkupata;

10.  Ifaħħar lill-Uffiċċju tal-Valutazzjonijiet Nazzjonali tal-Awstralja għall-appoġġ tiegħu fl-għoti ta' analiżi internazzjonali, politika, strateġika u ekonomika u għall-koordinazzjoni tiegħu mas-sħab internazzjonali sabiex jiżgura tweġibiet għall-kwistjonijiet ta' interess komuni;

11.  Jirrikonoxxi r-rwol kritiku tal-Awstralja fil-Komunità tal-Intelligence "Five Eyes" u l-appoġġ tagħha għas-sigurtà kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tas-sħab transatlantiċi, u jfaħħar il-ftehim operazzjonali tal-Awstralja mal-Europol u jenfasizza l-potenzjal ta' espansjoni akbar tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni operattiva mal-Gvern Awstraljan;

12.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-Awstralja fil-ko-sponserizzazzjoni fl-2014 tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU dwar il-kundanna tat-twaqqigħ tat-titjira MH17 u dwar l-eliminazzjoni tal-armi kimiċi tas-Sirja; ifaħħar il-kontribut ewlieni tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà fejn fittxet li ttejjeb is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja, immaniġġjat it-tranżizzjoni ta' sigurtà fl-Afganistan u indirizzat is-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK;

13.  Jilqa' l-impenn b'saħħtu taż-żewġ sħab dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu kif stabbilit fl-FA; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bilaterali dejjem eqreb b'rabta mal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-ġellieda barranin u r-ritorn tagħhom; iħeġġeġ liż-żewġ sħab ikomplu jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-erba' pilastri tal-Istrateġija tan-NU Kontra t-Terroriżmu; ifaħħar ir-rwol Awstraljan fil-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh u l-ħidma sinifikanti tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fix-Xlokk tal-Asja;

14.  Jenfasizza l-inizjattivi tal-ispazju ċibernetiku internazzjonali tal-Awstralja u jfaħħar il-fatt li, skont l-FA, iż-żewġ sħab se jikkooperaw f'materji tas-sigurtà ċibernetika, inkluża l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

15.  Jitlob li jittieħdu passi biex issaħħu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta' eżerċizzji konġunti ta' taħriġ bejn timijiet ta' rispons ta' emerġenza tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol u ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) tiegħu, minn naħa, u elementi ewlenin tal-arkitettura tas-sigurtà nazzjonali Awstraljana, bħall-Organizzazzjoni Awstraljana tal-Intelligence dwar is-Sigurtà (Australian Security Intelligence Organisation (ASIO)), il-Forzi tad-Difiża Awstraljan (ADF) u l-Pulizija Federali Awstraljana, min-naħa l-oħra;

16.  Jilqa' l-impenn mill-UE u l-Awstralja previst fl-FA għall-intensifikazzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-asil; jissottolinja li l-livell għoli ta' mobilità globali jirrikjedi approċċ olistiku u multilaterali bbażat fuq il-kooperazzjoni internazzjonali u fuq responsabbiltajiet kondiviżi; jilqa' l-fatt li ż-żewġ sħab qed jikkontribwixxu b'mod proattiv għan-negozjati li għaddejjin dwar kemm il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tan-NU kif ukoll il-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati;

17.  Jissottolinja l-importanza ta' oqfsa reġjonali ta' kooperazzjoni – bħall-Proċess ta' Bali – ma' pajjiżi tal-oriġini, tranżitu u destinazzjoni sabiex jiġu salvati l-ħajjiet, jitkissru n-netwerks tat-traffikanti u sabiex jiġu mmaniġġjati l-flussi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati; jilqa' l-impenn b'saħħtu tal-Awstralja fir-rigward tal-UNHCR għar-risistemazzjoni tar-rifuġjati u biex jiżdied il-finanzjament umanitarju globali tagħha; iħeġġeġ lill-Awstralja tkompli tikkontribwixxi sabiex tinstab soluzzjoni pożittiva għas-sitwazzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil u l-migranti miżmuma f'Papua New Guinea u Nauru;

18.  Jilqa' l-impenn taż-żewġ partijiet għat-tmexxija 'l quddiem tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, inkluż f'fora multilaterali u ma' sħab terzi, kif previst fil-Ftehim Qafas; jilqa' l-elezzjoni tal-Awstralja għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2018-2020; jenfasizza li fl-2008 l-Awstralja nediet l-istrateġija Closing the Gap dwar l-indirizzar tal-iżvantaġġi tal-popli indiġeni, bħad-differenza fl-istennija tal-ħajja u inugwaljanzi oħrajn; jenfasizza li din l-istrateġija għandha l-appoġġ miż-żewġ partiti u li l-Prim Ministru jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Awstraljan; jenfasizza l-fatt li l-Gvern Awstraljan qed jaħdem mal-istati u t-territorji u mal-popli Aboriġinali u mal-popli tal-Gżejjer tal-Istrett ta' Torres biex jagħti spinta lill-istrateġija Closing the Gap;

19.  Itenni mill-ġdid li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tirrikjedi l-appoġġ tal-komunità internazzjonali fis-sħuħija tagħha; jilqa' r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Awstralja u l-impenn stabbilit fl-FA li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-isforzi tal-politika esterna biex tiġġieled it-tibdil fil-klima; jinnota l-objettiv tal-Awstralja li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b'26 sa 28 % taħt il-livelli tal-2005, u li dan ġie affermat mill-ġdid fir-Reviżjoni tal-Politiki dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2017; jissottolinja l-fatt li din ir-reviżjoni żżomm l-impenn li tgħin lil pajjiżi oħrajn permezz ta' inizjattivi bilaterali u multilaterali; jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Awstralja biex tagħti appoġġ finanzjarju bis-saħħa ta' programmi ta' għajnuna lir-reġjun tal-Paċifiku u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma vulnerabbli sabiex dawn ikunu jistgħu jkabbru l-ekonomiji tagħhom b'mod sostenibbli u jnaqqsu l-emissjonijiet u biex jiġu megħjuna jadattaw għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-kopresidenza u l-finanzjament tal-Awstralja tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima;

20.  Ifakkar li l-Awstralja, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma atturi importanti fil-kooperazzjoni ta' żvilupp u assistenza umanitarja fir-reġjun tal-Paċifiku; jenfasizza l-fatt li ż-żewġ naħat jiffukaw il-kooperazzjoni tagħhom fuq oqsma bħat-tkabbir ekonomiku, il-governanza tajba u r-reżiljenza ambjentali;

21.  Ifakkar it-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; iħeġġeġ liż-żewġ sħab ikomplu jippromwovu l-istabbiltà u l-libertà tan-navigazzjoni f'dan il-passaġġ tal-ilma internazzjonali kruċjali; ifaħħar il-pożizzjoni tal-Awstralja favur soluzzjoni paċifika tat-tilwim ibbażata fuq il-liġi internazzjonali;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Awstralja.

  • [1]  ĠU L 237, 15.9.2017, p. 7.
  • [2]  Testi adottati, P8_TA(2016)0064.
  • [3]  Testi adottati, P8_TA(2017)0419.
  • [4]  ĠU L 149, 16.6.2015, p. 3.
  • [5]  ĠU L 229, 17.8.1998, p. 1.
  • [6]  ĠU L 359, 29.12.2012, p. 2.
  • [7]  ĠU L 186, 14.7.2012, p. 4.
  • [8]  ĠU L 26, 30.1.2010, p. 31.
  • [9]  ĠU L 188, 22.7.1994, p. 18.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Laima Liucija Andrikienė, Brando Benifei, Antonio López-Istúriz White, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Igor Šoltes, Bodil Valero

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

54

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Johannes Cornelis van Baalen, Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Marietje Schaake, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Jaromír Štětina, László Tőkés

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Brando Benifei, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Igor Šoltes, Bodil Valero

2

-

EFDD

James Carver

NI

Georgios Epitideios

4

0

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza