RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

16.7.2018 - (COM(2018)0096 – C8-0109/2018 – 2018/0044(COD)) - ***I

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Pavel Svoboda


Proċedura : 2018/0044(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0261/2018
Testi mressqa :
A8-0261/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

(COM(2018)0096 – C8-0109/2018 – 2018/0044(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0096),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0109/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0261/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)  Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jirrikjedi li, sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tar-riżultati tal-litigazzjoni, għandu jkun hemm ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi, sabiex ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fl-Istati Membri jagħżlu bħala l-liġi applikabbli l-istess liġi nazzjonali, irrispettivament mill-Istat Membru tal-qorti li fiha tinfetaħ il-kawża.

(3)  Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jirrikjedi li, sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tar-riżultati tal-litigazzjoni, iċ-ċertezza legali dwar il-liġi applikabbli kif ukoll il-moviment liberu u tas-sentenzi u r-rikonoxximent tagħhom - sabiex ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fl-Istati Membri jagħżlu bħala l-liġi applikabbli l-istess liġi nazzjonali, irrispettivament mill-Istat Membru tal-qorti li fiha tinfetaħ il-kawża.

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)  Attwalment fil-livell tal-Unjoni ma jeżistux regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jirregolaw l-effetti fuq partijiet terzi (jew proprjetarji) fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. Dawn ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet huma stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, iżda huma inkonsisteni u ħafna drabi mhumiex ċari. F'ċessjonijiet ta' pretensjonijiet transfruntiera, l-inkonsistenza tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet twassal għal inċertezza legali dwar liema liġi tapplika għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni. In-nuqqas ta' ċertezza legali joħloq riskju legali fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet transfruntierta li ma jeżistix f'ċessjonijiet domestiċi minħabba li regoli nazzjonali sostantivi differenti jistgħu jiġu applikati skont l-Istat Membru, li l-qrati jew l-awtoritajiet tiegħu jistgħu jiġġudikaw tilwima dwar it-titolu legali fuq il-pretensjonijiet.

(11)  Attwalment fil-livell tal-Unjoni ma teżisti l-ebda ġabra ta' regoli armonizzati dwar l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ta' pretensjonijiet. Dawn ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet huma stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, iżda huma inkonsistenti - peress li huma bbażati fuq fatturi ta' konnessjoni differenti sabiex tiġi determinata l-liġi applikabbli - u għalhekk mhumiex ċari, b'mod partikolari f'dawk il-pajjiżi fejn tali regoli mhumiex irregolati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi separati. F'ċessjonijiet ta' pretensjonijiet transfruntiera, l-inkonsistenza tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet twassal għal inċertezza legali dwar liema liġi tapplika għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni. In-nuqqas ta' ċertezza legali joħloq riskju legali fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet transfruntierta li ma jeżistix f'ċessjonijiet nazzjonali minħabba li regoli nazzjonali sostantivi differenti jistgħu jiġu applikati skont l-Istat Membru, li l-qrati jew l-awtoritajiet tiegħu jistgħu jiġġudikaw tilwima dwar it-titolu legali fuq il-pretensjonijiet. b'mod impliċitu, l-eżitu ta' kunflitt prijoritarju dwar min hu t-titolari ta' pretensjoni insegwitu ta' ċessjoni transfruntiera se jvarja, skont il-liġi nazzjonali applikata.

Emenda    3

Proposta għal regolament

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12)  Jekk iċ-ċessjonarji ma jkunux konxji mir-riskju legali jew jagħżlu li jinjorawh, jistgħu jaffaċċjaw telf finanzjarju mhux mistenni. L-inċertezza dwar min għandu t-titolu fuq il-pretensjonijiet ċeduti fuq bażi transfruntiera jista' jkollha effetti sekondarji u l-impatt tal-kriżi finanzjarja jista' jiggrava u jittawwal. Jekk iċ-ċessjonarji jiddeċiedu li jimmitigaw ir-riskju legali billi jfittxu parir legali speċifiku, jispiċċaw sabiex iġarrbu kostijiet tat-tranżazzjonijiet ogħla li mhumiex meħtieġa għaċ-ċessjonijiet domestiċi. Jekk iċ-ċessjonarji jiġu skoraġġuti mir-riskju legali u jagħżlu li jevitawh, jistgħu jitilfu opportunitajiet ta' negozju u l-integrazzjoni tas-suq tista' titnaqqas.

(12)  Jekk iċ-ċessjonarji ma jkunux konxji mir-riskju legali jew jagħżlu li jinjorawh, jistgħu jaffaċċjaw telf finanzjarju mhux mistenni. L-inċertezza dwar min għandu t-titolu fuq il-pretensjonijiet ċeduti fuq bażi transfruntiera jista' jkollha effetti sekondarji u l-impatt tal-kriżi finanzjarja jista' jiggrava u jittawwal. Jekk iċ-ċessjonarji jiddeċiedu li jimmitigaw ir-riskju legali billi jfittxu parir legali speċifiku, jispiċċaw sabiex iġarrbu kostijiet tat-tranżazzjonijiet ogħla li mhumiex meħtieġa għaċ-ċessjonijiet domestiċi.

Emenda    4

Proposta għal regolament

Premessa 12a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a)  Dan ir-riskju ġuridiku jista' jkollu effett dissważiv. Iċ-ċessjonarji u ċ-ċedenti jistgħu jagħżlu li jevitawh, u b'hekk ma jiħdux l-opportunitajiet ta' negozju. Dan in-nuqqas ta' ċarezza għalhekk ma jidhirx li huwa konformi mal-objettiv tal-integrazzjoni tas-suq u l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital imnaqqax fl-Artikoli 63 sa 66 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Emenda    5

Proposta għal regolament

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13)  L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jipprovdi ċertezza legali billi jistabbilixxi regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jiddeterminaw liema liġi nazzjonali tapplika rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet.

(13)  L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jipprovdi ċertezza legali billi jistabbilixxi regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jiddeterminaw liema liġi nazzjonali tapplika rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet, bil-ħsieb li jżid it-tranżazzjonijiet tal-pretensjonijiet transfruntiera, ħalli jinkoraġġixxi l-investiment transfruntier fl-UE u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-kumpanniji - inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) - u għall-konsumaturi.

Emenda    6

Proposta għal regolament

Premessa 14a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14a)  Dan ir-regolament mhuwiex intiż sabiex ibiddel id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 fir-rigward tal-effett proprjetarju ta' ċessjoni volontarja bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jew bejn ċ-ċessjonarju u d-debitur.

Emenda    7

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15)  Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stipulati f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jirregolaw l-effetti proprjetarji taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet bejn il-partijiet kollha involuti fiċ-ċessjoni (jiġifieri bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju u bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur) kif ukoll fir-rigward ta' partijiet terzi (pereżempju, il-kreditur taċ-ċedent).

(15)  Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stipulati f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jirregolaw l-effetti taċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet fir-rigward ta' partijiet terzi, pereżempju, kreditur taċ-ċedent, bl-esklużjoni tad-debitur.

Emenda    8

Proposta għal regolament

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16)  Il-pretensjonijiet koperti minn dan ir-Regolament huma riċevibbli tan-negozju, pretensjonijiet li jirriżultaw mill-istrumenti finanzjarji kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u l-flus ikkreditati f'kont f'istituzzjoni ta' kreditu. L-istrumenti finanzjarji kif definiti fid-Direttiva 2014/65/UE jinkludu titoli u derivattivi nnegozjati fis-swieq finanzjarji. Filwaqt li t-titoli huma assi, id-derivattivi huma kuntratti li jinkludu kemm drittijiet (jew pretensjonijiet) u kemm obbligi għall-partijiet kontraenti.

(16)  Il-pretensjonijiet koperti minn dan ir-Regolament jinkludu riċevibbli tan-negozju, pretensjonijiet li jirriżultaw mill-istrumenti finanzjarji kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill44 u l-flus ikkreditati f'kont f'istituzzjoni ta' kreditu. L-istrumenti finanzjarji kif definiti fid-Direttiva 2014/65/UE jinkludu titoli u derivattivi nnegozjati fis-swieq finanzjarji. Filwaqt li t-titoli huma assi, id-derivattivi huma kuntratti li jinkludu kemm drittijiet (jew pretensjonijiet) u kemm obbligi għall-partijiet kontraenti.

___________________

___________________

44 Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349–496.

44 Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349–496).

Emenda    9

Proposta għal regolament

Premessa 17

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(17)   Dan ir-Regolament jirrigwarda l-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Dan ma jkoprix it-trasferiment tal-kuntratti (bħall-kuntratti ta' derivattivi), li fihom ikun hemm inklużi kemm id-drittijiet (jew il-pretensjonijiet) u l-obbligi, jew in-novazzjoni ta' kuntratti li jinkludu t-tali drittijiet u obbligi. Billi dan ir-Regolament ma jkoprix it-trasferiment jew in-novazzjoni tal-kuntratti, in-negozjar fl-istrumenti finanzjarji, kif ukoll l-ikklerjar u s-saldu ta' dawn l-istrumenti, ser ikomplu jiġu regolati mil-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali kif inhu stipulat fir-Regolament Ruma I. Din il-liġi normalment tintgħażel mill-partijiet kontraenti jew tintgħażel permezz ta' regoli mhux diskrezzjonali applikabbli għas-swieq finanzjarji.

(17)  Dan ir-Regolament jirrigwarda l-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. B'mod partikolari, ikopri t-trasferiment tal-kuntratti (bħall-kuntratti tad-derivattivi), li fihom ikun hemm inklużi kemm id-drittijiet (jew il-pretensjonijiet) kif ukoll l-obbligi, jew in-novazzjoni ta' kuntratti li jinkludu tali drittijiet u obbligi.

Emenda    10

Proposta għal regolament

Premessa 18

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(18)  Il-kwistjonijiet li huma regolati mid-Direttiva dwar il-Kollateral Finanzjarju44, id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Settlement45, id-Direttiva dwar l-Istralċ46 u r-Regolament dwar ir-Reġistru47 jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn dan ir-Regolament.

(18)  Il-kwistjonijiet li huma regolati mid-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill44, id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill45, id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill46 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/201347 m'għandhomx jiġu affettwati minn dan ir-Regolament, peress li l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament u dak tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jinsabu f'dawk it-tliet Direttivi għaldaqstant ma jirduppjawx lil xulxin.

_________________

_________________

44 Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43–50.

44 Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

45 Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli, ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45–50.

45 Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli, (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

46 Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15–23.

46 Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, (ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15).

47 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nru 280/2004/KE u Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011, ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1–59.

47 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011, (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).

Emenda    11

Proposta għal regolament

Premessa 25

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(25)  F'konformità mal-prattika tas-suq u l-bżonnijiet tal-parteċipanti tas-suq, l-effetti fuq partijiet terzi ta' ċerti ċessjonijiet ta' pretensjonijiet jenħtieġ li, bħala eċċezzjoni, jiġu rregolati mil-liġi tal-pretensjoni ċeduta, jiġifieri, il-liġi li tirregola l-kuntratt inizjali bejn il-kreditur u d-debitur li minnu tirriżulta l-pretensjoni.

(25)  F'konformità mal-prattika tas-suq u l-bżonnijiet tal-parteċipanti tas-suq, l-effetti fuq partijiet terzi ta' ċerti ċessjonijiet ta' pretensjonijiet jenħtieġ li, bħala eċċezzjoni, jiġu rregolati mil-liġi tal-pretensjoni ċeduta, jiġifieri, il-liġi li tirregola l-kuntratt inizjali bejn il-kreditur u d-debitur li tagħti lok għall-pretensjoni.

Emenda    12

Proposta għal regolament

Premessa 28

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(28)  Jenħtieġ li fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet fil-kuntest ta' titolizzazzjoni tiġi pprovduta l-flessibbiltà, sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tat-titolizzaturi kollha u sabiex tiġi ffaċilitata l-espansjoni tas-suq tat-titolizzazzjoni transfruntier għal operaturi iżgħar. Filwaqt li l-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent jenħtieġ li tapplika bħala r-regola prestabbilita rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet ta' pretensjonijiet fil-kuntest ta' titolizzazzjoni, iċ-ċedent (l-oriġinatur) u ċ-ċessjonarju (l-entità bi skop speċjali) jenħtieġ li jkollhom l-għażla li l-liġi tal-pretensjoni ċeduta tapplika rigward l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet. Iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet fil-kuntest ta' titolizzazzjoni għandhom jibqgħu soġġetti għar-regola ġenerali tar-residenza abitwali taċ-ċedent, jew li jagħżlu l-liġi tal-pretensjoni ċeduta fid-dawl tal-istruttura u l-karatteristiċi tat-tranżazzjoni, pereżempju, l-għadd u l-lokazzjoni tal-oriġinaturi u l-għadd ta' liġijiet li jirregolaw il-pretensjonijiet ċeduti.

imħassar

Emenda    13

Proposta għal regolament

Premessa 29

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(29)  Kunflitti prijoritarji bejn ċessjonarji tal-istess pretensjoni jistgħu jirriżultaw meta l-effetti fuq partijiet terzi taċ-ċessjoni jkunu ġew soġġetti għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent f'ċessjoni waħda u għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta f'ċessjoni oħra. F'każijiet bħal dawn, il-liġi applikabbli sabiex jiġi riżolt il-kunflitt prijoritarju jenħtieġ li tkun il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjoni li l-ewwel tkun ġiet effettiva fil-konfront ta' partijiet terzi skont il-liġi applikabbli tagħha.

(29)  Kunflitti prijoritarji bejn ċessjonarji tal-istess pretensjoni jistgħu jirriżultaw meta l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni jkunu ġew soġġetti għal-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent f'ċessjoni waħda u għal-liġi tal-pretensjoni ċeduta f'ċessjoni oħra. F'każijiet bħal dawn, il-liġi applikabbli sabiex jiġi riżolt il-kunflitt prijoritarju jenħtieġ li tkun il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjoni li l-ewwel tkun ġiet effettiva fil-konfront ta' partijiet terzi skont il-liġi applikabbli tagħha. Jekk iż-żewġ ċessjonijiet tal-pretensjonijiet isiru effettivi fil-konfront ta' partijiet terzi fl-istess ħin, jenħtieġ li tipprevali l-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent.

Emenda    14

Proposta għal regolament

Premessa 30

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(30)  Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali magħżula minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet jenħtieġ li jkun uniformi. Il-liġi nazzjonali magħżula bħala applikabbli jenħtieġ li tirregola b'mod partikolari (i) l-effettività taċ-ċessjoni fil-konfront ta' partijiet terzi, jiġifieri, il-passi li jeħtieġ li jittieħdu miċ-ċessjonarju sabiex jiżgura li jakkwista t-titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta (pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta' ċessjoni ma' awtorità jew reġistru pubbliku, jew in-notifika bil-miktub ta' ċessjoni lid-debitur); u (ii) kwistjonijiet prijoritarji, jiġifieri, kunflitti bejn diversi pretendenti dwar min għandu t-titolu fuq il-pretensjoni (pereżempju, bejn żewġ ċessjonarji fejn l-istess ċessjoni tkun ġiet ċeduta darbtejn, jew bejn ċessjonarju u kreditur taċ-ċedent).

(30)  Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali magħżula minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq il-partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet jenħtieġ li jkun uniformi. Il-liġi nazzjonali magħżula bħala applikabbli jenħtieġ li tirregola b'mod partikolari (i) l-effettività taċ-ċessjoni fil-konfront ta' partijiet terzi, jiġifieri, il-passi u l-proċeduri li jeħtieġ li jiġu segwiti miċ-ċessjonarju sabiex jiżgura li jakkwista t-titolu legali fuq il-pretensjoni ċeduta (pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta' ċessjoni ma' awtorità jew reġistru pubbliku, jew in-notifika bil-miktub ta' ċessjoni lid-debitur); u (ii) kwistjonijiet prijoritarji, jiġifieri, is-soluzzjoni tal-kunflitti bejn diversi pretendenti dwar min għandu t-titolu fuq il-pretensjoni wara li ssir ċessjoni transfruntiera (pereżempju, bejn żewġ ċessjonarji fejn l-istess ċessjoni tkun ġiet ċeduta darbtejn, jew bejn ċessjonarju u kreditur taċ-ċedent).

Emenda    15

Proposta għal regolament

Premessa 34

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(34)  Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, dan ir-Regolament jara li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 17 u 47 li jirrigwardaw rispettivament id-dritt tal-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust.

(34)  Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, dan ir-Regolament jara li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 17 u 47 li jirrigwardaw, rispettivament, id-dritt tal-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif ukoll l-Artikolu 16 li jirrigwarda l-libertà li wieħed ikollu negozju.

Emenda    16

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament għandu japplika, f'sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta' liġijiet, għall-effetti fuq il-partijiet fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet f'materji ċivili u kummerċjali.

Dan ir-Regolament għandu japplika, f'sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt ta' liġijiet, għall-effetti fuq il-partijiet fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet f'materji ċivili u kummerċjali oħra apparti l-effetti fuq partijiet terzi tal-pretensjoni ċeduta għad-debituri.

Emenda    17

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a.  Dan ir-regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali u tal-UE dwar il-ħarsien tal-konsumaturi.

Emenda    18

Proposta għal regolament

Artikolu 1 - paragrafu 2 - punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)  iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn reġimi ta' proprjetà matrimonjali, reġimi ta' proprjetà ta' relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli għal dawn ir-relazzjonijiet bħala li għandhom effett komparabbli ma' dak taż-żwieġ u tas-suċċessjoni;

(b)  iċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn reġimi ta' proprjetà matrimonjali, reġimi ta' proprjetà ta' relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli għal dawn ir-relazzjonijiet bħala li għandhom effett komparabbli ma' dak taż-żwieġ, inklużi s-sħubijiet irreġistrati, it-testmenti u s-suċċessjoni;

Emenda    19

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 2 – punt fa (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(fa)  iċ-ċessjoni ta' pretensjonijiet matul proċediment kollettiv skont ir-Regolament (UE) 2015/848.

Emenda    20

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt e

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e)  "effetti fuq partijiet terzi" tfisser effetti proprjetarji, jiġifieri, id-dritt taċ-ċessjonarju li jasserixxi t-titolu legali tiegħu fuq pretensjoni ċeduta lilu fil-konfront ta' ċessjonarji jew benefiċjarji oħrajn tal-istess pretensjoni jew ta' pretensjoni ekwivalenti funzjonalment, kredituri taċ-ċedent u partijiet terzi oħrajn;

(e)  "effetti fuq partijiet terzi" tfisser id-dritt taċ-ċessjonarju li jasserixxi t-titolu legali tiegħu fuq pretensjoni ċeduta lilu fil-konfront ta' ċessjonarji jew benefiċjarji oħrajn tal-istess pretensjoni jew ta' pretensjoni ekwivalenti funzjonalment, kredituri taċ-ċedent u partijiet terzi oħrajn, bl-esklużjoni tad-debitur;

Emenda    21

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt h

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(h)  "flus" tfisser flus kkreditati f'kont f'istituzzjoni ta' kreditu fi kwalunkwe valuta;

imħassar

Emenda    22

Proposta għal regolament

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 4

Artikolu 4

Liġi applikabbli

Liġi applikabbli

1.  Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'dan l-Artikolu, l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent jkollu r-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-fatti.

1.   Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'dan l-Artikolu, l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjonijiet għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta' ċessjoni.

Fejn iċ-ċedent jibdel ir-residenza abitwali tiegħu bejn żewġ ċessjonijiet tal-istess pretensjoni indirizzati lil ċessjonarji differenti, il-prijorità tad-dritt ta' ċessjonarju fuq id-dritt ta' ċessjonarju ieħor għandha tiġi regolata mil-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent fiż-żmien meta ċ-ċessjoni tkun saret effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta' partijiet terzi skont il-liġi magħżula bħala applikabbli skont l-ewwel subparagrafu.

Fejn iċ-ċedent jibdel ir-residenza abitwali tiegħu bejn żewġ ċessjonijiet tal-istess pretensjoni indirizzati lil ċessjonarji differenti, il-prijorità tad-dritt ta' ċessjonarju fuq id-dritt ta' ċessjonarju ieħor għandha tiġi regolata mil-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent fiż-żmien meta ċ-ċessjoni tkun saret effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta' partijiet terzi oħra skont il-liġi magħżula bħala applikabbli skont l-ewwel subparagrafu.

2.  Il-liġi applikabbli għall-pretensjoni ċeduta għandha tirregola l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta':

2.  Minkejja l-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu, il-liġi applikabbli għall-pretensjoni ċeduta għandha tirregola l-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta':

(a)  flus ikkreditati f'kont f'istituzzjoni ta' kreditu;

(a)  (Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.)

(b)  pretensjonijiet li jirriżultaw minn strument finanzjarju.

(b)  pretensjonijiet li jirriżultaw minn strumenti finanzjarji.

3.   Iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għall-pretensjoni ċeduta bħala l-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni ta' pretensjonijiet fid-dawl ta' titolizzazzjoni.

 

L-għażla tal-liġi għandha ssir b'mod ċar fil-kuntratt ta' ċessjoni jew permezz ta' ftehim separat. Il-validità sostantiva u formali tal-att li bih tkun saret l-għażla tal-liġi għandha tkun regolata mil-liġi magħżula.

 

4.  Kunflitt prijoritarju bejn iċ-ċessjonarji tal-istess pretensjoni fejn l-effetti fuq partijiet terzi ta' waħda miċ-ċessjonijiet ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu u l-effetti fuq partijiet terzi f'ċessjonijiet oħrajn li jkunu rregolati mil-liġi tal-pretensjoni ċeduta, għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjoni li tkun saret effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta' partijiet terzi skont il-liġi applikabbli tagħha.

.  Kunflitt prijoritarju bejn iċ-ċessjonarji tal-istess pretensjoni fejn l-effetti fuq partijiet terzi ta' waħda miċ-ċessjonijiet ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu u l-effetti fuq partijiet terzi f'ċessjonijiet oħrajn li jkunu rregolati mil-liġi tal-pretensjoni ċeduta, għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjoni tal-pretensjoni li tkun saret effettiva għall-ewwel darba fil-konfront ta' partijiet terzi skont il-liġi applikabbli tagħha. Jekk iż-żewġ ċessjonijiet isiru effettiva fil-konfront ta' partijiet terzi fl-istess ħin, għandha tipprevali l-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu.

Emenda    23

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.  Għandu jingħata effett lid-dispożizzjonijiet mandatarji prevalenti tal-liġi tal-Istat Membru fejn iċ-ċessjoni trid titwettaq, jew twettqet, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet mandatarji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt ta' ċessjoni.

Emenda    24

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Il-liġi applikabbli skont dan ir-Regolament għandha tiddetermina jekk id-drittijiet ta' parti terza fir-rigward ta' pretensjoni ċeduta wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jieħdux prijorità fuq id-drittijiet ta' terza persuna oħra akkwistati qabel ma dan ir-Regolament isir applikabbli.

2.  Il-liġi applikabbli skont dan ir-Regolament għandha tiddetermina jekk id-drittijiet ta' parti terza fir-rigward ta' pretensjoni ċeduta wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jieħdux prijorità fuq id-drittijiet ta' terza persuna oħra akkwistati qabel ma dan ir-Regolament isir applikabbli. Fil-każ ta' pretensjonijiet li jikkompetu ma' xulxin abbażi ta' ċessjonijiet, il-liġi applikabbli skont dan ir-Regolament għandha tiddetermina d-drittijiet taċ-ċessjonarji rispettivi, u dan isir biss fir-rigward ta' ċessjonijiet konklużi wara ... [id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament].

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-regoli relatati mal-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet kienu inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni li aktar tard saret ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), iżda dawn ma sabux ruħhom fit-test finali. L-intenzjoni ċara tal-leġiżlaturi, meta neħħew dawn l-elementi mir-Regolament Ruma I, kienet li l-Kummissjoni għandha tirritorna bi proposta fi stadju aktar tard.

Il-kwistjonijiet qamu mill-ġdid fid-dawl tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2015 dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). F'Mejju 2017, ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Kummissjoni stabbilixxa l-azzjonijiet li kien baqa', u li jridu jittieħdu sabiex jitqiegħdu f'posthom l-elementi kostitwenti tas-CMU sal-2019, bl-objettiv li jitneħħew l-ostakoli għall-investiment transfruntier u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament.

L-ambitu tar-rapport

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha ħmistax-il artikolu. Hija ssegwi mill-qrib ir-Regolamenti Ruma I u Ruma II. F'dan ir-rapport, id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal din il-proposta ngħataw attenzjoni speċjali, filwaqt li dispożizzjonijiet li ġew sempliċiment ikkupjati minn Ruma I u II tħallew kif kienu. Din il-pożizzjoni ttieħdet b'mod speċifiku bil-ħsieb li dan il-fajl leġiżlattiv jiġi possibbilment konkluż qabel tmiem il-leġiżlatura.

Ir-regola prinċipali

Fil-proposta tal-Kummissjoni, ir-regola prinċipali għal-liġi applikabbli taċ-ċessjonijiet hija l-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent. Din hija r-regola fis-seħħ f'xi Stati Membri, filwaqt li oħrajn japplikaw pereżempju l-liġi applikabbli għall-pretensjoni ċeduta. Il-konsegwenzi negattivi prinċipali ta' ċessjoni jistgħu jaffettwaw lill-kredituri taċ-ċedent jew lil partijiet terzi oħra relatati maċ-ċedent. B'dawn il-kundizzjonijiet, din il-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent se tagħti livell għoli ta' trasparenza u prevedibbiltà lill-partijiet terzi possibbilment ikkonċernati.

L-esklużjoni espliċita tad-debituri

Il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi ta' ċessjoni għad-debitur hija rregolata fl-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I. Il-fatt li d-debituri ma jiġux esklużi b'mod espliċitu minn partijiet terzi skont dan ir-Regolament ikun ifisser li d-dispożizzjonijiet f'Ruma I ikunu japplikaw bħala lex specialis imma li safrattant tista' tqum il-kwistjoni sa liema punt dan ir-Regolament jissupplimenta lil Ruma I. Biex il-konsegwenzi tal-parti terza għad-debituri jiġu rregolati biss minn Ruma I, f'dan ir-Regolament għandha tiġi introdotta l-esklużjoni espliċita.

L-esklużjoni ta' proċedimenti ta' insolvenza

Ir-Regolament (UE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza jinkludi regoli relatati mal-liġi applikabbli. Għal dik ir-raġuni, iċ-ċessjonijiet magħmula matul proċediment kollettiv skont dak ir-regolament għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Titolizzazzjoni

Il-Kummissjoni pproponiet li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jkunu jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għall-konsegwenzi ta' ċessjoni fuq parti terza. Tali regola tmur kontra wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt ċivili Ewropew: li l-partijiet fi ftehim ma jistgħux jużaw il-ftehim biex jiddisponu d-drittijiet ta' partijiet terzi. Il-fatt li l-partijiet tal-ftehim ta' ċessjoni jingħataw, f'dan il-qasam, diskrezzjoni sħiħa, huwa eċċessiv, speċjalment fid-dawl tal-Artikolu 3. Madankollu, soluzzjoni li tippermetti lill-partijiet għal ftehim ta' titolizzazzjoni li jiddeċiedu li l-liġi applikabbli għall-akbar numru ta' pretensjonijiet tkun tapplika għall-pretensjonijiet kollha, tippermetti biżżejjed simplifikazzjoni filwaqt li żżomm livell suffiċjenti ta' protezzjoni għall-partijiet terzi.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

Referenzi

COM(2018)0096 – C8-0109/2018 – 2018/0044(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

7.3.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

16.4.2018

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

16.4.2018

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ECON

20.6.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Pavel Svoboda

27.3.2018

 

 

 

Eżami fil-kumitat

24.4.2018

15.5.2018

20.6.2018

 

Data tal-adozzjoni

10.7.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Rosa Estaràs Ferragut, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Pavel Svoboda, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt, Răzvan Popa

Data tat-tressiq

17.7.2018

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

17

+

ALDE

EFDD

ENF

PPE

S&D

VERTS/ALE

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

Joëlle Bergeron

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

Rosa Estaràs Ferragut, Emil Radev, Pavel Svoboda, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Evelyne Gebhardt, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Razvan Popa

Max Andersson, Pascal Durand

0

-

 

 

1

0

ECR

Angel Dzhambazki

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza