RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi f'ċerti ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi

16.10.2018 - (COM(2018)0206 – C8-0158/2018 – 2018/0101(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Christofer Fjellner


Proċedura : 2018/0101(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0330/2018
Testi mressqa :
A8-0330/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi f'ċerti ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi

(COM(2018)0206 – C8-0158/2018 – 2018/0101(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0206),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0158/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0330/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)  L-Unjoni ta' spiss tikkonkludi ftehimiet kummerċjali ("Ftehimiet") ma' ċerti pajjiżi terzi li jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet ta' salvagwardja. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja li jkunu ġew miftiehma mal-pajjiżi kkonċernati.

(1)  L-Unjoni ta' spiss tikkonkludi ftehimiet kummerċjali ("Ftehimiet") ma' ċerti pajjiżi terzi li permezz tagħhom tagħti trattament preferenzjali li jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet ta' salvagwardja. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja li jkunu ġew miftiehma mal-pajjiżi kkonċernati.

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)  Il-Ftehimiet jistgħu jinkludu mekkaniżmi oħrajn għall-irtirar temporanju ta' tariffi jew ta' trattament preferenzjali ieħor. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi, meta inklużi fil-Ftehimiet.

(2)  Il-Ftehimiet jistgħu jinkludu wkoll mekkaniżmi oħrajn, inklużi mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni għal ċerti prodotti sensittivi, għall-irtirar temporanju ta' tariffi jew ta' trattament preferenzjali ieħor. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi, meta inklużi fil-Ftehimiet.

Emenda    3

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)  Jenħtieġ li s-segwitu u r-rieżami tal-Ftehimiet, it-twettiq tal-investigazzjonijiet u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja jitwettqu b'mod trasparenti.

(4)  Jenħtieġ li s-segwitu u r-rieżami tal-Ftehimiet, it-twettiq tal-investigazzjonijiet u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja jitwettqu bl-aktar mod trasparenti possibbli. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jinżamm infurmat u involut fl-istadji kollha tal-proċedura u, partikolarment, qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' salvagwardja.

Emenda    4

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)  Il-monitoraġġ mill-qrib tal-prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, għandu jiffaċilita deċiżjoni f'waqtha dwar it-tnedija possibbli ta' investigazzjoni u l-applikazzjoni sussegwenti ta' miżuri. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni timmonitorja b'mod regolari l-importazzjonijiet ta' prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, mid-data ta' applikazzjoni proviżorja jew tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet, jekk ma jkunx hemm applikazzjoni proviżorja. Il-monitoraġġ għandu jiġi estiż għal setturi oħra wara talba ġustifikata kif xieraq mill-industrija rilevanti.

(7)  Il-monitoraġġ mill-qrib tal-prodotti sensittivi, inkluż tal-prodotti li huma prodotti f'kwantitajiet sinifikanti fi kwalunkwe wieħed jew f'bosta reġjuni ultraperiferiċi, jekk ikun hemm, għandu jiffaċilita deċiżjoni f'waqtha dwar it-tnedija possibbli ta' investigazzjoni u l-applikazzjoni sussegwenti ta' miżuri. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni timmonitorja b'mod regolari l-importazzjonijiet ta' prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, mid-data ta' applikazzjoni proviżorja jew tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet, jekk ma jkunx hemm applikazzjoni proviżorja. Il-monitoraġġ jenħtieġ li jiġi estiż għal setturi oħra wara talba ġustifikata kif xieraq mill-industrija rilevanti, jew wara talba konġunta ġustifikata kif xieraq ta' industrija jew ta' trejdunjin.

Emenda    5

Proposta għal regolament

Premessa 8a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a)  Bi qbil mal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, peress li ċerti setturi minn dawk ir-reġjuni huma partikolarment vulnerabbli. Bħala riżultat, il-ftehimiet preċedenti ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni mal-pajjiżi terzi jew reġjuni diġà jinkludu mekkaniżmi speċjali għal dawk ir-reġjuni. Dawk il-mekkaniżmi jippermettu, f'ċerti każijiet, it-tneħħija ta' preferenzi jekk prodott jiġi importat f'tali kwantitajiet kbar u skont tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew li jheddu li jikkawżaw deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika ta' kwalunkwe wieħed minn dawk ir-reġjuni. Fl-eventwalità ta' żieda fl-importazzjonijiet li jistgħu eventwalment jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika ta' kwalunkwe wieħed minn dawk ir-reġjuni, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tintroduċi miżuri ta' sorveljanza preċedenti. Meta ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u pajjiż terz jew reġjun jistipula trattament speċjali għal dawk ir-reġjuni, dawk il-miżuri speċifiċi jenħtieġ li japplikaw bi qbil mad-dispożizzjonjiet ta' dan ir-Regolament.

Emenda    6

Proposta għal regolament

Premessa 12a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a)  Ċerti prodotti, inklużi prodotti agrikoli, li jiġu prodotti fi kwantitajiet sinifikanti fi kwalunkwe wieħed minn jew f'bosta reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jkunu prodotti sensittivi u jenħtieġ li jingħataw attenzjoni partikolari waqt l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ għalhekk li jiġu applikati dispożizzjonijiet adegwati meta prodott jiġi importat fi kwantitajiet talment kbar jew taħt tali kondizzjonijiet li jikkawżaw jew potenzjalment jikkawżaw ħsara lis-sitwazzjoni ekonomika ta' kwalunkwe wieħed jew bosta mir-reġjuni ultraperiferiċi.

Emenda    7

Proposta għal regolament

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)  L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja jew mekkaniżmi u kriterji oħra għas-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji jew preferenzi oħra previsti fil-ftehimiet teħtieġ kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja proviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza ta' qabel, għat-tmiem ta' investigazzjoni mingħajr miżuri u għas-sospensjoni temporanja tat-tariffi preferenzjali jew trattament preferenzjali ieħor.

(14)  L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja jew mekkaniżmi u kriterji trasparenti oħra għas-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji jew preferenzi oħra previsti fil-ftehimiet teħtieġ kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja proviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza ta' qabel, għat-tmiem ta' investigazzjoni mingħajr miżuri u għas-sospensjoni temporanja tat-tariffi preferenzjali jew trattament preferenzjali ieħor. Kriterji għas-sospensjoni temporanja ta' tariffi jew ta' preferenzi oħrajn jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rieżami, fejn xieraq.

Emenda    8

Proposta għal regolament

Premessa 18a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(18a)  Il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana huwa wieħed mill-mekkaniżmi għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji f'ċerti ftehimiet bejn l-Unjoni u ċerti pajjiżi terzi.

Emenda    9

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe definizzjoni prevista fil-Ftehim:

Emenda    10

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt e

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e)  "theddida ta' dannu serju" għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni tfisser dannu serju li jkun imminenti b'mod ċar;

(e)  "theddida ta' dannu serju" għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni tfisser dannu serju li jkun imminenti b'mod ċar; id-determinazzjoni tal-eżistenza ta' theddida ta' ħsara serja għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni verifikabbli;

Emenda    11

Proposta għal regolament

Artikolu 2 - paragrafu 1 - punt f

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(f)  "prodott sensittiv" tfisser prodott identifikat fi ftehim speċifiku bħala relattivament iktar vulnerabbli minn prodotti oħra għal żieda f'importazzjonijiet;

(f)  "prodott sensittiv" tfisser prodott identifikat fi ftehim speċifiku bħala relattivament iktar vulnerabbli minn prodotti oħra għal żieda f'importazzjonijiet, għandha tiġi determinata din il-vulnerabbiltà b'kunsiderazzjoni speċjali dwar jekk il-prodott ikunx prodott fi kwantitajiet sinifikanti fi kwalunkwe wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 349 TFUE.

Emenda    12

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-evoluzzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjoni ta' prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, li jkunu imsemmija fl-Anness fir-rigward ta' kull Ftehim. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoopera u tiskambja dejta b'mod regolari mal-Istati Membri u mal-industrija tal-Unjoni.

1.  Il-Kummissjoni għandha kull ġimgħa timmonitorja l-evoluzzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjoni ta' prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, li jkunu imsemmija fl-Anness fir-rigward ta' kull Ftehim. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoopera u tiskambja dejta b'mod regolari mal-Istati Membri u mal-industrija tal-Unjoni.

Emenda    13

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a.  Meta Ftehim ikun jinkludi kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-osservanza minn pajjiżi terzi tal-istandards soċjali u ambjentali stipulati fih. Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ser tirrapporta lilu kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni mill-pajjiżi terzi kkonċernati tal-impenji tagħhom dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

Emenda    14

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  B'talba ġġustifikata kif xieraq mill-industrija tal-Unjoni kkonċernata, il-Kummissjoni tista' twessa' l-ambitu tal-monitoraġġ għal setturi oħra, jekk ikun hemm, barra minn dawk imsemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.  B'talba ġġustifikata kif xieraq mill-industrija tal-Unjoni kkonċernata, il-Kummissjoni tista' twessa' l-ambitu tal-monitoraġġ għal prodotti jew setturi oħra, jekk ikun hemm, barra minn dawk imsemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Emenda    15

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.  Fuq talba mill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ser tirrapporta lilu kwalunkwe tħassib speċifiku relatat mal-implimentazzjoni mill-pajjiżi terzi kkonċernati tal-impenji tagħhom dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Talba tista' titressaq ukoll b'mod konġunt mill-industrija tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m'għandhiex personalità legali li taġixxi f'isimhom, u t-trejdunjins, jew tkun appoġġjata mit-trejdunjins.

Emenda    16

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali ta' monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar statistika dwar l-importazzjonijiet ta' prodotti sensittivi, u dawk is-setturi li għalihom ikun ġie estiż il-monitoraġġ.

3.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali ta' monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar statistika dwar l-importazzjonijiet ta' prodotti sensittivi, u dawk il-prodotti jew is-setturi li għalihom ikun ġie estiż il-monitoraġġ kif ukoll dwar it-twettiq tal-obbligi mill-pajjiżi kkonċernati taħt il-kapitolu il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, jekk tali kapitolu jkun ġie inkluż fil-Ftehim.

Emenda    17

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a.  Talba għat-tnedija ta' investigazzjoni tista' titressaq ukoll b'mod konġunt mill-industrija tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m'għandhiex personalità legali li taġixxi f'isimhom, u t-trejdunjins, jew tkun appoġġjata mit-trejdunjins.

Emenda    18

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4.  Investigazzjoni tista' tinfetaħ ukoll fejn ikun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f'għadd ta' Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5).

4.  Investigazzjoni tista' tinfetaħ ukoll fejn ikun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f'għadd ta' Stati Membri jew f'reġjuni ultraperiferċi, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5).

Emenda    19

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha meta tirċievi talba biex tibda investigazzjoni jew meta tikkunsidra li jkun xieraq li tibda investigazzjoni b'inizjattiva tagħha stess skont il-paragrafu 1.

5.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri kollha meta tirċievi talba biex tibda investigazzjoni jew meta tikkunsidra li jkun xieraq li tibda investigazzjoni b'inizjattiva tagħha stess skont il-paragrafu 1.

Emenda    20

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 7a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

7a.  Meta l-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex iniedi investigazzjoni ta' salvagwardja, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa jekk humiex issodisfati l-kondizzjonijiet biex titnieda investigazzjoni, u jekk dan huwa l-każ, għandha tipproċedi kif stipulat fir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet ma ġewx issodisfati, għandha tippreżenta rapport lil kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jkun jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għar-rifjut ta' tali investigazzjoni.

Emenda    21

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-bidu tagħha. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perjodu addizzjonali ta' tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta' għadd ogħla mis-soltu ta' partijiet interessati jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kull estensjoni ta' dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għaliha.

3.  L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien ħames xhur mill-bidu tagħha. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perjodu addizzjonali ta' tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta' għadd ogħla mis-soltu ta' partijiet interessati jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kull estensjoni ta' dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għaliha.

Emenda    22

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 9a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

9a.  Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-investigazzjoni għas-setturi diversi u frammentati tal-industrija, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), permezz ta' Helpdesk tal-SMEs iddedikat, pereżempju permezz ta' sensibilizzazzjoni, billi tagħti informazzjoni u spjegazzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri u dwar kif wieħed jippreżenta talba, billi toħroġ kwestjonarji standard bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u billi tirrispondi mistoqsijiet li huma ġenerali, u mhux speċifiċi għall-każ. Il-Helpdesk tal-SMEs għandha tagħmel disponibbli formoli standard għas-sottomissjoni tal-istatistika għall-finijiet permanenti u l-kwestjonarji.

Emenda    23

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

10.  Jekk it-tagħrif ma jkunx ippreżentat fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew meta l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista' tasal għal deċiżjoni fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Jekk il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew xi terza persuna tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, hija għandha tinjora dan it-tagħrif u tista' tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

10.  Jekk it-tagħrif ma jkunx ippreżentat fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew meta l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista' tasal għal deċiżjoni fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Jekk il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew xi terza persuna tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, hija għandha tinjora dan it-tagħrif, tista' tagħmel użu mill-fatti disponibbli u tivvaluta l-azzjonijiet potenzjali li għandhom jittieħdu kontra dik il-parti.

Emenda    24

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 10a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

10a.  Il-Kummissjoni għandha tkun waqqfet l-uffiċċju tal-Uffiċjal tas-Seduta ta' Smigħ li s-setgħat u r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom ikunu stabbiliti f'mandat adottat mill-Kummissjoni u li għandu jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati.

Ġustifikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet għall-Uffiċċjali tas-Seduta ta' Smigħ fir-Regolament 2018/825 għandhom japplikaw għal dawn il-miżuri wkoll.

Emenda    25

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

11.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-pajjiż ikkonċernat bil-bidu tal-investigazzjoni.

11.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-pajjiż jew lill-pajjiżi kkonċernati bil-bidu tal-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Ftehim.

Emenda    26

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja proviżorji f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien jista' joħloq dannu li jkun diffiċli jissewwa, skont determinazzjoni preliminari mill-Kummissjoni abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5) li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li prodott li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat ikun impurtat:

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja proviżorji f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien aktarx li joħloq dannu li jkun diffiċli jissewwa, li jagħmel azzjoni immedjata neċessarja, skont determinazzjoni preliminari mill-Kummissjoni abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5) li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li prodott li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat ikun impurtat:

Emenda    27

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe deċiżjoni li timponi miżuri ta' salvagwardja provviżorji.

Emenda    28

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  Il-miżuri ta' salvagwardja proviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum tal-kalendarju.

3.  Il-miżuri ta' salvagwardja proviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum tal-kalendarju, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe perjodu ta' żmien ieħor miftiehem fil-Ftehim ikkonċernat.

Emenda    29

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament. Dan il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont il-paragrafu 3.

1.  Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament. Dan il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont il-paragrafu 3, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe perjodu ieħor miftiehem fil-Ftehim ikkonċernat.

Emenda    30

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  Il-perjodu inizjali ta' tul ta' żmien ta' miżura ta' salvagwardja kif imsemmi fil-paragrafu 1, jista' jiġi estiż b'mhux iktar minn sentejn kemm-il darba l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

3.  Il-perjodu inizjali ta' tul ta' żmien ta' miżura ta' salvagwardja kif imsemmi fil-paragrafu 1, jista' jiġi estiż b'mhux iktar minn sentejn, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe perjodu taż-żmien ieħor miftiehem fil-Ftehim ikkonċernat, kemm-il darba l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

Emenda    31

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7.  It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta' salvagwardja ma jkunx jaqbeż l-erba' snin, inkluż il-perjodu ta' applikazzjoni ta' kull miżura ta' salvagwardja proviżorja, il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni u l-proroga tiegħu.

7.  It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta' salvagwardja ma jkunx jaqbeż l-erba' snin, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe perjodu taż-żmien ieħor miftiehem fil-Ftehim ikkonċernat, inkluż il-perjodu ta' applikazzjoni ta' kull miżura ta' salvagwardja proviżorja, il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni u l-proroga tiegħu.

Emenda    32

Proposta għal regolament

Artikolu 11a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 11a

 

Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni

 

Meta kwalunkwe prodott ikun qed jiġi importat fi kwantitajiet dejjem akbar u taħt tali kondizzjonijiet li jikkawżaw jew li jheddu li jikkawżaw deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika ta' wieħed jew ta' bosta mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 349 TFUE, tista' tiġi imposta miżura ta' salvagwardja bi qbil mal-proċedura stipulata f'dan ir-Regolament, jekk tali dispożizzjoni tkun stipulata fil-Ftehim ikkonċernat.

Emenda    33

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Ir-rapport għandu jkun jinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' miżuri proviżorji u definittivi, miżuri ta' sorveljanza preventivi, miżuri ta' sorveljanza u ta' salvagwardja reġjonali u t-tmiem ta' investigazzjonijiet u proċeduri mingħajr miżuri.

2.  Ir-rapport għandu jkun jinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' miżuri proviżorji u definittivi, miżuri ta' sorveljanza preventivi, miżuri ta' sorveljanza u ta' salvagwardja reġjonali u t-tmiem ta' investigazzjonijiet u proċeduri mingħajr miżuri u għandhom jiġġustifikaw ir-rilevanza tal-informazzjoni li abbażi tagħha nġibdu l-konklużjonijiet.

Emenda    34

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a.  Dan ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-korpi differenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, kif ukoll l-informazzjoni rigward it-twettiq tal-obbligi skont il-kapitolu l-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, jekk tali kapitolu kien inkluż fil-Ftehim u fuq l-attivitajiet mal-gruppi konsultattivi tas-soċjetà ċivili.

Emenda    35

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4.  Il-Parlament Ewropew jista', fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu sabiex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

4.  Wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni u fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament lil laqgħa ad hoc tal-kumitat responsabbli tiegħu.

Emenda    36

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jekk Ftehim jipprevedi mekkaniżmi u kriterji oħra li jippermettu rtirar temporanju ta' preferenzi fir-rigward ta' ċerti prodotti, il-Kummissjoni tista', jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim rilevanti jkunu sodisfati, tadotta atti ta' implimentazzjoni:

Jekk Ftehim jipprevedi mekkaniżmi u kriterji oħra li jippermettu rtirar temporanju ta' preferenzi fir-rigward ta' ċerti prodotti, bħal mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni, il-Kummissjoni tista', jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim rilevanti jkunu sodisfati, tadotta atti ta' implimentazzjoni:

Emenda    37

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a)  tissospendi l-preferenzi għall-prodott ikkonċernat;

(a)  tissospendi jew tikkonferma n-nuqqas ta' sospensjoni tal-preferenzi għall-prodott ikkonċernat;

Emenda    38

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu debitament ġustifikati, jekk dewmien fl-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja proviżorji jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli biex jissewwa jew biex tipprevjeni impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni, b'mod partikulari b'riżultat ta' żieda fl-importazzjoni, jew if ipprovdut mod ieħor fil-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(4).

2.  Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu debitament ġustifikati, jekk dewmien fit-teħid ta' tali azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ikun jikkawża dannu li jkun diffiċli biex jissewwa jew biex tipprevjeni impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni, b'mod partikulari b'riżultat ta' żieda fl-importazzjoni, jew if ipprovdut mod ieħor fil-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(4).

Emenda    39

Proposta għal regolament

Artikolu 15 – paragrafu -1 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet rigward il-monitoraġġ, l-iskadenzi għall-investigazzjonijiet, ir-rappurtar u l-kriterji għall-eżami ta' proċeduri għall-mekkaniżmi skont l-Artikolu 14. Id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi bħal dawn.

NOTA SPJEGATTIVA

Fit-18 ta' April 2018 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi f'ċerti ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi.

Il-maġġoranza tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE jinkludu mekkaniżmi ta' salvagwardja bilaterali li jippermettu lill-partijiet jirrispondu għal żidiet sinifikanti fl-importazzjonijiet li jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tat-tariffi taħt Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) li jwasslu għal dannu serju lill-industrija domestika. Barra minn hekk, xi ftehimiet kummerċjali tal-UE jistgħu jinkludu xi mekkaniżmi speċjali li wkoll jagħtu l-possibbiltà li terġa' tiddaħħal it-tariffa tal-pajjiż l-aktar favorit f'ċirkostanzi speċifiċi. L-applikazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi ta' salvagwardja speċifiċi tirrikjedi l-implimentazzjoni fil-livell tal-UE. Minflok ma jiġi propost regolament speċifiku tal-FTA adottat permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja bħalma sar għal ftehimiet preċedenti (eż. il-Korea t'Isfel, il-Kolombja, il-Perù, l-Ekwador), il-Kummissjoni qed tipproponi regolament orizzontali li jista' jintuża għal bosta FTAs. L-ewwel FTAs tal-UE li se jkunu koperti minn dan ir-regolament orizzontali se jkunu dawk mal-Ġappun, Singapore u l-Vjetnam. Madankollu, ir-Regolament ma japplikax biss għall-ftehimiet kummerċjali li jmiss iżda wkoll għal dawk futuri billi jiġi emendat l-Anness permezz ta' atti delegati.

Strument ta' salvagwardja huwa mfassal biex jipprovdi xibka ta' sikurezza billi jissospendi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ulterjuri jew iż-żieda fid-dwana sar-rata tal-pajjiż l-aktar favorit meta, bħala konsegwenza tal-impenji f'FTA u ta' żviluppi mhux previsti, isiru importazzjonijiet bi kwantitajiet tant ikbar min-normal u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawżaw (jew jheddu li jikkawżaw) dannu serju lill-produtturi domestiċi li jipproduċu l-prodott simili jew li jikkompeti direttament miegħu.

Id-dispożizzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea għall-klawżola ta' salvagwardja orizzontali huma simili ħafna għax-xejra tar-Regolamenti li jimplimentaw il-klawżoli bilaterali ta' salvagwardja tal-ftehimiet mal-Kolombja, il-Perù, l-Ekwador, il-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia.

Madankollu, hemm xi differenzi li jistgħu jkunu ta' importanza fid-dawl tan-negozjati kummerċjali attwali u l-ftehimiet previsti ma' eż. il-MERCOSUR. Għandha tittieħed nota tal-fatt li l-proposta hija nieqsa minn dispożizzjonijiet dettaljati għal mekkaniżmu speċjali possibbli għal prodotti sensittivi bħall-banana (mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana). Il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana li huwa parti mir-regolament ta' salvagwardja mal-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador huwa sistema li tippermetti (sal-2019) li jiġu sospiżi l-preferenzi meta livell speċifiku ta' importazzjoni, il-volum ta' skattar, jintlaħaq matul sena kalendarja partikolari.

Il-kunsiderazzjonijiet tar-rapporteur

Applikazzjoni orizzontali

Ir-rapporteur jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni ta' regolament orizzontali biex jiġi applikat għall-FTAs li jmiss, tinħoloq ċarezza legali u applikazzjoni koerenti tal-proċeduri għall-partijiet interessati kollha. Ir-rapporteur jaqbel ukoll mal-Kummissjoni fis-sens li r-regolament m'għandu jieħu post l-ebda regolamenti ta' salvagwardja bilaterali attwali diġà fis-seħħ sabiex ma tinħoloqx inċertezza fir-rigward ta' investigazzjonijiet jew monitoraġġ għal dawn il-ftehimiet. Ir-rapporteur jixtieq jissottolinja li dispożizzjoni ta' salvagwardja hija għodda biex tilliberalizza l-kummerċ u tieħu aktar impenji fin-negozjati tal-FTA u toħloq appoġġ u aċċettazzjoni għal dawn l-impenji fost id-diversi partijiet interessati. Miżuri ta' salvagwardja m'għandhomx jintużaw ħażin għal finijiet protezzjonisti. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu inkorporati d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi ggarantit li l-miżuri jiġu introdotti biss fiċ-ċirkostanzi xierqa skont il-ġurisprudenza ta' salvagwardja.

Trasparenza u prevedibbiltà

Bħal fil-każ ta' strumenti oħra ta' difiża kummerċjali, ir-rapporteur jikkunsidra li l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu b'mod kemm jista' jkun trasparenti u prevedibbli. Huwa importanti wkoll li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jkollhom aċċess tajjeb għall-istrumenti bħala partijiet interessati u li d-drittijiet proċedurali tagħhom ikunu salvagwardjati. Id-dispożizzjonijiet dwar il-Helpdesk tal-SMEs u l-Uffiċjal tas-Seduta fir-regolamenti bażiċi kontra d-dumping u kontra s-sussidji għandhom, għalhekk, jiġu inkorporati f'dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew għandu wkoll jiġi infurmat kif xieraq dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Regolament flessibbli u reżistenti għall-futur

Filwaqt li l-klawżoli ta' salvagwardja fl-FTAs spiss jieħdu forma simili, l-ebda dispożizzjoni f'dan ir-Regolament m'għandha sservi bħala limitu a priori għal dak li l-Kummissjoni tista' tinnegozja f'FTAs oħra fil-futur. Għalhekk, jeħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet ikunu flessibbli f'każ li jista' jkun hemm qbil differenti fi ftehimiet futuri. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi speċifikat li dispożizzjonijiet dettaljati għal mekkaniżmi speċjali possibbli huma stabbiliti fl-att delegat rilevanti għal dak il-ftehim.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta’ preferenzi f’ċerti ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi

Referenzi

COM(2018)0206 – C8-0158/2018 – 2018/0101(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

17.4.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

19.4.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Christofer Fjellner

23.4.2018

 

 

 

Eżami fil-kumitat

10.7.2018

29.8.2018

 

 

Data tal-adozzjoni

11.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

1

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Christophe Hansen, Yannick Jadot, France Jamet, Elsi Katainen, Jude Kirton-Darling, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, David Martin, Anne-Marie Mineur, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Adam Szejnfeld, William (The Earl of) Dartmouth, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Klaus Buchner, Sander Loones, Fernando Ruas, Paul Rübig, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Czesław Hoc, Stanisław Ożóg, Jozo Radoš, Anders Sellström

Data tat-tressiq

16.10.2018

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Elsi Katainen, Jozo Radoš

ECR

Czesław Hoc, Sander Loones, Stanisław Ożóg, Jan Zahradil

EFDD

Tiziana Beghin

ENF

France Jamet, Danilo Oscar Lancini

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Christofer Fjellner, Christophe Hansen, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Paul Rübig, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anders Sellström, Adam Szejnfeld

S&D

Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

1

-

EFDD

William (The Earl of) Dartmouth

9

0

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz

S&D

Maria Arena, Goffredo Maria Bettini, Karoline Graswander-Hainz, Jude Kirton-Darling

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Yannick Jadot

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Ottubru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza