RAPPORT dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja

8.2.2019 - (2018/2158(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Sandra Kalniete


Proċedura : 2018/2158(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0073/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja

(2018/2158(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja[1],

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet milħuqa f'Minsk fil-5 u fid-19 ta' Settembru 2014 u fit-12 ta' Frar 2015[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani 10 snin wara l-invażjoni Russa[3], kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea[4],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky[5],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar ir-Russja tal-14 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Premju Sakharov tal-2018 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-produttur tal-films u l-kittieb Ukren Oleg Sentsov.

–  war li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ tal-priġunier politiku Ukren Oleg Sentsov[6],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar ta' Azov[7],

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-OSKE/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) dwar l-Elezzjonijiet Presidenzjali tat-18 ta' Marzu 2018 fil-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0073/2019),

A. billi l-UE hija komunità bbażata fuq ġabra fundamentali ta' valuri komuni, fosthom il-paċi, il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem;

B.  billi jirrikonoxxi li l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għal kontinent Ewropew paċifiku;

C.  billi tali valuri jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi;

D.  billi r-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u, bħala riżultat tan-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja ta' dawn il-prinċipji, ir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja huma attwalment ibbażati fuq kooperazzjoni f'oqsma magħżula ta' interess komuni kif definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Marzu 2016 u dwar deterrenza kredibbli;

E.  billi l-UE tibqa' miftuħa għal relazzjoni aktar b'saħħtiha u għal djalogu li jwassal għaliha, u tixtieq li jissuktaw ir-relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mar-Russja, kemm-il darba l-awtoritajiet Russi jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi u internazzjonali tagħhom u jippruvaw l-impenn ġenwin għat-treġġigħ lura tal-fiduċja mitlufa; billi relazzjoni kostruttiva u prevedibbli tkun ta' benefiċċju reċiproku u idealment fl-interess taż-żewġ partijiet;

F.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, impenjat ruħha għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi t-tkomplija ta' ksur serju tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi fis-snin riċenti qegħdin jiddubitaw dejjem aktar il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha; billi r-Russja naqset milli timplimenta aktar minn elf sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB);

G.  billi għadd ta' rapporti governattivi jindikaw żieda qawwija fl-attività ta' spjunaġġ mir-Russja f'dawn l-aħħar snin, li laħqet livelli ogħla mill-Gwerra Bierda;

H.  billi l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Minsk u r-rispett aktar usa' għad-dritt internazzjonali jibqgħu prekundizzjonijiet ewlenin għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mar-Russja; billi b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u għall-gwerra ibrida kontra l-Ukrajna mir-Russja, l-UE adottat serje ta' miżuri restrittivi li għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm il-Ftehimiet ta' Minsk ikunu ġew issodisfati;

I.  billi mill-2015 nibtu oqsma ġodda ta' tensjoni bejn l-UE u r-Russja, fosthom: l-intervent Russu fis-Sirja u l-indħil f'pajjiżi bħal-Libja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana; l-eżerċizzji militari fuq skala kbira (Zapad 2017); l-indħil Russa kellu l-għan li jinfluwenza l-elezzjonijiet u r-referenda u biex jitrażżnu t-tensjonijiet fis-soċjetajiet Ewropej; l-appoġġ mill-Kremlin għal partiti kontra l-UE u movimenti tal-lemin estrem; ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali u ksur estensiv tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, u t-tixrid tas-sentiment kontra l-LGBTBI; ir-ripressjoni kontra l-oppożizzjoni politika; l-immirar sistemiku tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tas-soċjetà ċivili fir-Russja, inkluża d-detenzjoni arbitrarja ta' Oyub Titiev, il-Kap tal-uffiċċju taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem Memorial fiċ-Ċeċenja jew il-każ ta' Yury Dmitriev mill-fergħa ta' Memorial tal-Karelian; l-istigmatizzazzjoni ta' attivisti tas-soċjetà ċivili permezz tat-tikkettar tagħhom bħala "Aġenti Barranin"; il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana, b'mod partikolari fir-Repubblika taċ-Ċeċenja (ħtif, tortura, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, manifattura ta' kawżi kriminali, eċċ.); id-diskriminazzjoni kontra l-minoranza Tartara fil-Krimea okkupata, u l-persekuzzjoni politikament motivata ta' Alexei Navalny u ħafna oħrajn, kif ukoll qtil, l-aktar każijiet notevoli jkunu dawk ta' Boris Nemtsov u Sergei Magnitsky; l-attakki ċibernetiċi u ibridi u qtil fuq territorju Ewropew imwettaq minn aġenti tal-intelligence Russi bl-użu ta' armi kimiċi; l-intimidazzjoni, l-arrest u l-priġunerija ta' ċittadini barranin fir-Russja bi ksur tad-dritt internazzjonali, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2018 Oleg Sentsov u ħafna oħrajn; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet illegali u illeġittimi fid-Donbas; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali mhux demokratiċi li huma nieqsa minn kwalunkwe għażla reali u b'restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali; il-kampanji ta' diżinformazzjoni, il-bini illegali tal-Pont Kerch; il-militarizzazzjoni fuq skala kbira tal-Krimea okkupata u annessa illegalment, kif ukoll ta' partijiet tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar ta' Azov; ir-restrizzjonijiet fuq it-tbaħħir internazzjonali fil-Baħar ta' Azov u fil-Kanal ta' Kerch, inklużi l-bastimenti li jbaħħru taħt il-bnadar tal-Istati Membri tal-UE; l-attakk illegali fuq il-bastimenti navali tal-Ukrajna u l-qbid tagħhom u l-arrest ta' membri tas-servizzi Ukrajni fl-Istrett ta' Kerch; il-ksur ta' ftehimiet ta' kontroll tal-armi; il-klima oppressiva għall-ġurnalisti u l-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti b'detenzjonijiet kontinwi ta' ġurnalisti u bloggers; u l-klassifikazzjoni tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tar-Russja fil-post 148 minn 180 rigward il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni fl-2018;

J.  billi sal-1 ta' Marzu 2018, il-Memorial tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem kien irreġistra 143 każ ta' priġunieri politiċi, inklużi 97 persuna li kienu qed jiġu ppersegwitati minħabba raġunijiet reliġjużi; billi analiżi tal-lista ta' priġunieri politiċi tal-Memorial tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem turi li fl-2017, kien hemm 23 każ ta' prosekuzzjoni għal reati relatati ma' avvenimenti pubbliċi (rewwixti tal-massa, azzjonijiet vjolenti kontra awtorità pubblika), u kien hemm 21 każ, l-aktar marbuta mal-pubblikazzjoni ta' kummenti fuq l-Internet, ta' prosekuzzjonijiet li nbdew skont l-artikoli "kontra l-estremisti" tal-kodiċi kriminali;

K.  billi r-Russja hija direttament jew indirettament parti għal għadd ta' kunflitti mtawla fil-viċinat komuni – fit-Transnistrija, l-Ossezja tan-Nofsinhar, l-Abkażja, id-Donbas u Nagorno Karabakh – li jikkostitwixxu impediment serju għall-iżvilupp u l-istabbiltà tal-pajjiżi ġirien ikkonċernati, jimminaw l-indipendenza tagħhom u jillimitaw l-għażliet sovrani ħielsa tagħhom;

L.  billi l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna tawwal aktar minn erba' snin u kkawża l-mewt ta' aktar minn 10 000 persuna, bi kważi terz minnhom ikunu ċivili, u eluf ta' korrimenti ċivili relatati mal-kunflitt;

M.  billi t-tensjonijiet u l-konfrontazzjonijiet persistenti kurrenti bejn l-UE u r-Russja mhumiex fl-interess ta' l-ebda waħda mill-partijiet; billi l-kanali ta' komunikazzjoni għandhom jibqgħu miftuħa minkejja r-riżultati diżappuntanti; billi d-diviżjoni l-ġdida tal-kontinent tipperikola s-sigurtà kemm tal-UE kif ukoll tar-Russja;

N.  billi bħalissa r-Russja hija l-fornitur estern l-aktar importanti tal-UE tal-gass naturali; billi l-enerġija għad għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; billi r-Russja tuża l-enerġija bħala mezz biex tipproteġi u tippromwovi l-interessi tal-politika barranija tagħha; billi d-dipendenza tal-UE mill-fornimenti ta' gass Russu żdiedet mill-2015; billi r-reżiljenza tal-UE għal pressjonijiet esterni tista' tinbena permezz ta' diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u ta' tnaqqis fid-dipendenza mir-Russja; billi l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà interna b'saħħitha fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija tagħha; billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u bbażat fuq il-valuri fir-rigward tar-Russja; billi hemm bżonn ta' infrastruttura tal-enerġija aktar affidabbli u strateġika fl-UE, fl-Istati Membri u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-attività ibrida Russa;

O.  billi azzjonijiet irresponsabbli ta' ġettijiet tal-gwerra Russi qrib l-ispazju tal-ajru tal-UE u l-Istati Membri tan-NATO jikkompromettu s-sikurezza ta' titjiriet ċivili u jistgħu jkunu ta' theddida għas-sigurtà tal-ispazju tal-ajru Ewropew; billi manuvri provokattivi militari fuq skala kbira twettqu mir-Russja fil-viċinanza immedjata tal-UE;

P.  billi r-Russja qed tkompli tinjora s-sentenzi tal-QEDB, kif ukoll l-għotjiet vinkolanti mill-Qorti Permanenti ta' Arbitraġġ bħal fil-każ ta' Naftogaz, li jdgħajjef il-mekkaniżmi internazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-kummerċ;

Q.  billi l-viżjoni poliċentrika tar-Russja tal-kunċert tal-potenzi tmur kontra dik tal-UE ta' ordni multilaterali u ta' ordni bbażat fuq ir-regoli; billi l-adeżjoni tar-Russja ma' u l-appoġġ għal ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli toħloq il-kundizzjonijiet għal relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE;

R.  billi l-awtoritajiet Russi jkomplu jittrattaw ir-reġjuni okkupati illegalment daqslikieku kienu parti interna tat-territorju Russu billi ppermettew il-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' dawn it-territorji fil-korpi leġiżlattivi u eżekuttivi tal-Federazzjoni Russa, li jikser id-dritt internazzjonali;

S.  billi fil-21 ta' Diċembru 2018, il-Kunsill, wara li vvaluta l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, tawwal is-sanzjonijiet ekonomiċi mmirati lejn setturi speċifiċi tal-ekonomija Russa sal-31 ta' Lulju 2019;

T.  billi l-azzjonijiet tar-Russja jiksru d-dritt internazzjonali u l-impenji u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

U.  billi fid-dokumenti strateġiċi tal-Federazzjoni Russa, l-UE u n-NATO huma ppreżentati bħala avversarji primarji tar-Russja;

Sfidi u interessi komuni

1.  Jissottolinja li l-okkupazzjoni u l-annessjoni illegali tal-Krimea, reġjun tal-Ukrajna, l-involviment dirett u indirett tar-Russja fil-kunflitti armati fil-parti tal-Lvant tal-Ukrajna u l-ksur kontinwu tal-integrità territorjali tal-Georgia u tal-Moldova jikkostitwixxu ksur intenzjonali tad-dritt internazzjonali, tal-prinċipji demokratiċi u tal-valuri fundamentali; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn rappreżentanti Russi fit-territorji okkupati;

2.  Jenfasizza li l-UE ma tistax tipprevedi ritorn gradwali għal "negozju bħas-soltu" sakemm ir-Russja timplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Minsk u treġġa' lura l-integrità territorjali tal-Ukraina; jitlob, f'dan ir-rigward, għal rivalutazzjoni kritika u komprensiva mill-UE tar-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa;

3.  Jenfasizza li fiċ-ċirkostanzi preżenti, ir-Russja ma tistax tibqa' titqies bħala "sieħba strateġika"; huwa tal-fehma li l-prinċipji tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) m'għadhomx jiġu ssodisfati, u li l-FSK għandu għalhekk jerġa' jiġi kkunsidrat mill-ġdid; jemmen li kwalunkwe qafas għar-relazzjoni UE-Russja għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali, il-prinċipji ta' Ħelsinki tal-OSKE, il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u jippermetti djalogu dwar il-ġestjoni tal-isfidi globali, it-tisħiħ tal-governanza globali u l-iżgurar tal-infurzar tar-regoli internazzjonali, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ggarantiti l-ordni tal-paċi Ewropea, u s-sigurtà fil-viċinat tal-UE u fil-Balkani tal-Punent;

4.  Jemmen li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk tkun qed turi r-rieda tajba tar-Russja li tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u l-kapaċità tagħha li tiggarantixxi s-sigurtà Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li jitmexxew 'il quddiem il-konsultazzjonijiet fi ħdan il-proċess tal-format tan-Normandija, inkluż rwol aktar b'saħħtu tal-UE; ittenni l-appoġġ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

5.  Jemmen fl-importanza li jitnaqqsu t-tensjonijiet kurrenti u li jsiru konsultazzjonijiet mar-Russja bil-għan li jiġu identifikati miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tar-riskju ta' nuqqas ta' fehim u ta' żbalji ta' kalkolu; jirrikonoxxi, madankollu, li l-UE għandha żżomm sod fir-rigward tal-aspettattivi tagħha dwar ir-Russja; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fl-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u ta' impenn pożittiv fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u multilaterali li r-Russja hija membru ta', b'mod partikolari fil-qafas tal-OSKE fir-rigward tal-kwistjonijiet u l-kriżijiet kontroversjali;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-involviment tar-Russja fil-kawża Skripal, u fil-kampanji ta' diżinformazzjoni u fl-attakki ċibernetiċi mwettqa mis-servizzi tal-intelligence Russi mmirati biex jiddestabbilizzaw l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet pubbliċi u privati u biex iżidu t-tensjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri tagħha;

7.  Huwa mħasseb ħafna dwar ir-rabtiet bejn il-Gvern Russu u l-partiti u l-gvernijiet populisti nazzjonalisti tal-lemin estrem fl-UE, bħall-Ungerija, li huma ta' theddida għall-valuri fundamentali tal-Unjoni, li huma minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għad-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-isforzi tar-Russja biex tiddestabilizza l-pajjiżi kandidati tal-UE fir-rigward, b'mod partikolari u pereżempju, tal-appoġġ mogħti minn Moska lill-organizzazzjonijiet u l-forzi politiċi li jopponu l-Ftehim ta' Prespa li għandu jtemm it-tilwima li ilha għaddejja dwar l-isem bejn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja;

9.  Jemmen li atturi statali Russi indaħlu fil-kampanja tar-referendum dwar il-Brexit permezz ta' mezzi aperti u moħbija, inklużi mezzi tax-xandir soċjali u appoġġ finanzjarju potenzjalment illegali, li bħalissa qed jiġi investigat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit;

10.  Jenfasizza li, biex ikunu evitati tensjonijiet ulterjuri, huwa importanti li tiżdied it-trasparenza reċiproka fl-attivitajiet militari u tal-gwardji tal-fruntiera; jiddenunzja bil-qawwa l-ksur min-naħa tar-Russja tal-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri tal-UE; jitlob kodiċi ta' kondotta ċar fir-rigward tal-ispazju tal-ajru użat mill-inġenji tal-ajru militari u ċivili; jikkundanna bil-qawwa, f'dan il-kuntest, il-ksur ripetut tar-Russja tal-ilmijiet territorjali u tal-ispazju tal-ajru tal-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar Baltiku; jikkundanna lill-Federazzjoni Russa għar-responsabbiltà tagħha fit-twaqqigħ tat-titjira MH17 fuq il-Lvant tal-Ukrajna fl-2014, kif muri minn tim internazzjonali ta' investigaturi, u jitlob li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

11.  Jiddispjaċih għad-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, għar-restrizzjonijiet mifruxa u mhux xierqa tad-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika fir-Russja, u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-trażżin li għaddej bħalissa, u l-fastidju u l-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ta' attivisti ta' protesta u ta' kritiċi oħra;

12.  Huwa mħasseb ħafna li r-Russja tant turi biċ-ċar is-setgħat militari tagħha, tispjega t-theddid lejn pajjiżi oħra u timmanifesta r-rieda u r-rieda li tuża forza militari kontra nazzjonijiet oħra f'azzjonijiet reali, inklużi armi nukleari avvanzati, kif imtenni mill-President Putin f'diversi okkażjonijiet fl-2018;

13.  Jikkundanna t-trażżin persistenti tal-gvern kontra d-dissens u l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, kif ukoll ir-repressjoni tal-attivisti, tal-avversarji politiċi u ta' dawk li jesprimu apertament in-nuqqas ta' qbil mal-gvern;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għal rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala gay fiċ-Ċeċenja, u jikkundanna d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern taċ-Ċeċenja li jċaħħdu l-eżistenza tal-omosesswali f'pajjiżhom u li jinċitaw il-vjolenza kontra persuni LGBTI;

15.  Jenfasizza li l-isfidi globali tat-tibdil fil-klima, l-ambjent, is-sigurtà tal-enerġija, id-diġitalizzazzjoni flimkien mat-teħid ta' deċiżjonijiet algoritmiċi u l-intelliġenza artifiċjali, kwistjonijiet barranin u ta' sigurtà, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u l-iżviluppi fl-ambjent Artiku sensittiv, jitolbu impenn selettiv mar-Russja;

16.  Jesprimi tħassib dwar il-potenzjal ta' mijiet ta' biljuni ta' euro maħsula fl-UE kull sena minn kumpaniji u individwi Russi li qed ifittxu li jilleġittimizzaw ir-rikavat tal-korruzzjoni, u jitlob li jsiru investigazzjonijiet dwar dawn ir-reati;

17.  Jissottolinja li l-ħasil tal-flus u l-attivitajiet finanzjarji tal-kriminalità organizzata mir-Russja qed jintużaw għal skopijiet politiċi sovversivi u huma ta' theddida għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea; iqis li l-iskala ta' dan il-ħasil tal-flus huwa tali li jagħmel parti mill-attivitajiet ostili maħsuba biex idgħajfu, jgħarrfu ħażin u jiddestabbilizzaw, filwaqt li fl-istess ħin isostnu l-attivitajiet kriminali u l-korruzzjoni; jinnota li l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus Russi fi ħdan l-UE jikkostitwixxu theddida għas-sovranità u għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha fejn ir-Russja topera attivitajiet bħal dawn; jiddikjara li dan il-fatt hu ta' theddida għas-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea, u ta' sfida ewlenija għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea;

18.  Jikkundanna l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus, attivitajiet finanzjarji illegali u mezzi oħra ta' gwerra ekonomika mir-Russja; jitlob li l-awtoritajiet finanzjarji kompetenti fl-UE jżidu l-kooperazzjoni kemm ma' xulxin kif ukoll mas-servizzi tal-intelligence u tas-sigurtà rilevanti, sabiex jiġu indirizzati l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus Russi;

19.  Jevidenzja, f'dan il-kuntest, li m'hemm l-ebda lok, spazju jew ħin għal inizjattivi importanti ġodda;

20.  Itenni l-fatt li filwaqt li pożizzjoni tal-UE hija soda, koerenti u miftiehma fir-rigward tas-sanzjonijiet tal-UE fil-konfront tar-Russja, li se jibqgħu għaddejjin sakemm ir-Russja tibqa' għaddejja bil-ksur tad-dritt internazzjonali, jeħtieġ li jkun hemm aktar koordinament u koerenza fl-approċċ tal-politika estera u ta' sigurtà tagħha fir-rigward tar-Russja; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jtemmu programmi ta' "viża/passport tad-deheb" li jibbenefikaw l-oligarki Russi li ta' spiss huma sostenituri tal-Kremlin, u li jistgħu jdgħajfu l-effettività tas-sanzjonijiet internazzjonali; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għal Att Magnitsky Ewropew, u jistieden lill-Kunsill ikompli bil-ħidma tiegħu dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien żejjed; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ fil-livell Ewropew fir-rigward tal-politika tagħhom fir-rigward tar-Russja;

21.  Jenfasizza li l-miżuri restrittivi mmirati relatati mal-Ukrajna tal-Lvant u l-Krimea okkupata mhumiex diretti kontra l-poplu Russu iżda kontra ċerti individwi u intrapriżi konnessi mat-tmexxija Russa;

22.  Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha u l-koordinament aħjar ta' dawn tal-aħħar huwa essenzjali għal politika esterna u ta' sigurtà tal-UE aktar koerenti, effettiva u ta' suċċess, anki fil-konfront tar-Russja; jenfasizza li dan japplika b'mod partikolari għal oqsma politiċi bħall-Unjoni Ewropea tad-Difiża, l-Unjoni Ewropea għall-Enerġija, id-difiża ċibernetika u l-għodod ta' komunikazzjoni strateġika;

23.  Jikkundanna l-ksur min-naħa tar-Russja tal-integrità territorjali tal-pajjiżi ġirien permezz tal-ħtif illegali taċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jitressqu quddiem qorti Russa; jikkundanna wkoll l-abbuż tar-Russja tal-Interpol billi toħroġ "twissijiet ta' persuni mfittxija" – l-hekk imsejħa "avviżi ħomor" – għall-persekuzzjoni tal-avversarji politiċi;

24.  Jikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja fil-Baħar ta' Azov sa fejn dawn jikkostitwixxu ksur tal-liġi marittima internazzjonali u l-impenji internazzjonali tar-Russja, kif ukoll il-bini tal-Pont Kerch u t-tqegħid ta' kejbils taħt l-ilma lejn il-peniżola tal-Krimea annessa illegalment mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna; jibqa' mħasseb ħafna dwar il-militarizzazzjoni Russa tal-Baħar ta' Azov, ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u d-Distrett ta' Kaliningrad, kif ukoll ix-xejra rikorrenti ta' ksur tal-ilmijiet territorjali tal-pajjiżi Ewropej fil-Baħar Baltiku;

25.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, bla riżervi, għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jitlob li l-Federazzjoni Russa ttemm l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tissodisfa bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Georgia;

26.  Jenfasizza li l-ksur min-naħa tar-Russja tar-regoli internazzjonali – f'dan il-każ il-libertà tal-ibħra, il-ftehimiet bilaterali u l-annessjoni illegali tal-Krimea – huwa ta' theddida għall-ġirien tar-Russja fil-partijiet kollha tal-Ewropa, mhux biss fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, iżda wkoll fir-reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Mediterran; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata politika soda fir-rigward tar-Russja f'dawn l-aspetti kollha;

27.  Jinnota li l-elezzjonijiet Presidenzjali tat-18 ta' Marzu 2018 kienu osservati mill-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-ODIHR MOE u tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE); jinnota li r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni tal-ODIHR jiddikjara li l-elezzjonijiet saru f'ambjent legali u politiku kkontrollat b'mod eċċessiv u kkaratterizzat minn pressjoni kontinwa fuq ilħna kritiċi u restrizzjonijiet li tpoġġew fuq il-libertajiet fundamentali ta' għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni, kif ukoll fuq ir-reġistrazzjoni ta' kandidati, u għalhekk ma kienx hemm kompetizzjoni ġenwina;

28.  Jinsab imħasseb dwar l-appoġġ kontinwu tar-Russja għal reġimi u pajjiżi awtoritarji bħall-Korea ta' Fuq, l-Iran, il-Venezwela, is-Sirja, Kuba, in-Nikaragwa u oħrajn, u l-prattika kontinwa tagħha li timblokka kwalunkwe azzjoni internazzjonali billi tuża s-setgħat tagħha ta' veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU);

Oqsma ta' interess komuni

29.  Itenni s-sostenn tiegħu favur il-ħames prinċipji li jiggwidaw il-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja, u jitlob definizzjoni ulterjuri tal-prinċipju tal-impenn selettiv; jirrakkomanda li l-enfasi titqiegħed fuq kwistjonijiet relatati mal-MENA u r-reġjun tat-Tramuntana u Artiku, it-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi, l-istabbiltà strateġika fil-qasam ċibernetiku, il-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima, inklużi l-isforzi konġunti biex jiġi salvagwardjat il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) tal-KSNU, u li tintemm il-gwerra fis-Sirja; itenni l-fatt li filwaqt li l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar iċ-ċiberterroriżmu u l-kriminalità organizzata jeħtieġ li jkomplu, it-theddid ibridu sistematiku tar-Russja jeħtieġ dissważjoni b'saħħitha; jappella, f'dan il-kuntest, għal djalogu dwar il-konnettività mal-Asja bejn l-UE u r-Russja;

30.  Jissottolinja li attwalment l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali tar-Russja u se żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala sieħba ekonomika ewlenija għall-futur immedjat, iżda l-proġett Nord Stream 2 jsaħħaħ id-dipendenza tal-UE fuq il-fornimenti ta' gass Russu, jhedded is-suq intern tal-UE u mhuwiex konformi mal-politika enerġetika tal-UE jew mal-interessi strateġiċi tagħha, u għaldaqstant jeħtieġ li ma jitkompliex; jenfasizza li l-UE tibqa mpenjata li tikkompleta l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija u li tiddiversifika r-riżorsi tal-enerġija tagħha; jissottolinja li l-ebda proġett ġdid m'għandu jiġi implimentat mingħajr valutazzjoni legali minn qabel tal-konformità legali tiegħu mad-dritt tal-UE u mal-prijoritajiet politiċi miftiehma; jiddeplora l-politika tar-Russja li tuża r-riżorsi tal-enerġija tagħha bħala għodda politika biex teżerċita, iżżomm u żżid l-influwenza politika tagħha fuq l-isfera perċepita tagħha ta' influwenza u fuq il-konsumaturi aħħarin;

31.  Josserva li l-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera UE-Russja jġibu magħhom benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini taż-żoni transfruntieri u jsostnu l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iż-żoni; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li jkomplu jitrawmu dawn l-oqsma pożittivi ta' kooperazzjoni kostruttiva;

32.  jinnota l-importanza tal-kuntatti bejn il-persuni, pereżempju permezz tal-edukazzjoni u l-kultura;

33.  jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom lejn riżoluzzjoni tal-hekk imsejħa "kunflitti ffriżati" fil-viċinat tal-Lvant, sabiex jiġu żgurati aktar sigurtà u stabbiltà għas-sħab tal-Lvant tal-UE;

Rakkomandazzjonijiet

34.  Jisħaq fuq l-importanza ta' appoġġ politiku u finanzjarju kontinwu favur il-kuntatti bejn il-persuni b'mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-attivisti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers, il-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti, il-ġurnalisti investigattivi, l-akkademiċi apertament kritiċi u l-personalitajiet pubbliċi u l-NGOs; jistieden lill-Kummissjoni tipprogramma għajnuna finanzjarja, istituzzjonali u għall-bini tal-kapaċità aktar ambizzjuża u fit-tul għas-soċjetà ċivili Russa mill-istrumenti finanzjarji esterni eżistenti, u jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu aktar għal din l-assistenza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod attiv il-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi jipprovdu appoġġ u protezzjoni effikaċi u f'waqthom lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti l-oħra; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Istati Membri biex joħorġu viżi fit-tul għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju u lill-membri tal-familja tagħhom; jappoġġja żieda fil-finanzjament għat-taħriġ tal-ġurnalisti u għal skambji ma' ġurnalisti Ewropej u favur strumenti li javvanzaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED);

35.  Jitlob li jkun hemm aktar kuntatti bejn il-persuni b'enfasi fuq iż-żgħażagħ, dwar it-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-esperti, ir-riċerkaturi, is-soċjetajiet ċivili u l-awtoritajiet lokali tal-UE u r-Russja u għall-intensifikar tal-iskambji tal-istudenti, tat-taħriġ vokazzjonali u taż-żgħażagħ, b'mod partikolari fil-qafas ta' Erasmus+; jappoġġja, f'dan il-kuntest, żieda fil-finanzjament għall-programmi ġodda Erasmus+ 2021-2027; josserva li l-UE toffri l-akbar numru ta' opportunitajiet ta' mobbiltà akkademika lir-Russja meta mqabbla ma' pajjiżi sħab internazzjonali oħrajn;

36.  Jitlob il-ħelsien inkondizzjonat tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u ta' persuni oħra detenuti talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inkluż id-Direttur ta' Memorial HRC fir-Repubblika taċ-Ċeċenja, Oyub Titiev, li qed isir proċess fuqu abbażi ta' akkużi vvintati ta' pussess ta' droga; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jiżguraw ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ġuridiċi tagħhom, inkluż l-aċċess għal avukat u għall-kura medika, għall-integrità fiżika u d-dinjità u l-protezzjoni mill-intimidazzjoni ġudizzjarja, mill-kriminalizzazzjoni, u mill-arrest arbitrarju;

37.  Jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta' spiss huma dgħajfa wisq biex ikollhom impatt sostanzjali fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Russja, filwaqt li l-NGOs huma sistematikament skoraġġuti milli jinvolvu ruħhom b'mod attiv fi kwalunkwe sforz kontra l-korruzzjoni jew milli jippromwovu l-integrità pubblika; jissottolinja li jeħtieġ li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fil-monitoraġġ indipendenti tal-effikaċja tal-politiki kontra l-korruzzjoni; jistieden lir-Russja timplimenta b'mod korrett l-istandards internazzjonali kontra l-korruzzjoni li ġew ifformulati, pereżempju, fil-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-OECD dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta' Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali (il-Konvenzjoni Kontra t-Tixħim);

38.  Jissottolinja li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt iridu jkomplu jinżammu fil-qalba tal-involviment tal-UE mar-Russja. jistieden, għalhekk, li l-UE u lill-Istati Membri jkomplu jsemmu kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem fil-kuntatti kollha ma' uffiċjali Russi; jinkoraġġixxi lill-UE biex kontinwament titlob lir-Russja tirrevoka jew temenda l-liġijiet u r-regolamenti kollha inkompatibbli mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dispożizzjonijiet li jillimitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni;

39.  Jikkundanna l-attentati mill-Gvern Russu biex iwaqqaf servizzi ta' messaġġi bl-internet u siti web; iħeġġeġ lill-Gvern Russu jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u tal-privatezza online kif ukoll offline;

40.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jwettqu sforzi akbar biex jibnu r-reżiljenza, partikolarment fis-settur ċibernetiku u medjatiku, inklużi mekkaniżmi ta' detezzjoni u l-ġlieda kontra l-indħil fl-elezzjonijiet; jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li r-reazzjoni tal-UE u r-rispons għall-kampanja ta' propaganda Russa u għall-attakki diretti ta' diżinformazzjoni massiva ma kinux suffiċjenti u għandhom jissaħħu aktar, b'mod partikolari qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin f'Mejju 2019; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-finanzjament tal-UE u r-riżorsi umani għat-Task Force East StratCom iridu jiżdiedu b'mod sostanzjali; jappella għal appoġġ fuq skala tal-UE favur l-industrija Ewropea taċ-ċibersigurtà, suq diġitali intern li jiffunzjona u għal involviment aktar b'saħħtu fir-riċerka; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, il-promozzjoni tal-valuri Ewropej bir-Russu permezz tal-East StratCom; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra d-Disinformazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri u lill-atturi rilevanti kollha tal-UE jimplimentaw l-azzjonijiet u l-miżuri tiegħu, b'mod partikolari fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss f'Mejju 2019; jitlob biex jiżdiedu r-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi, u l-appoġġ tal-UE għall-industrija taċ-ċibersigurtà Ewropea, kif ukoll favur impenn akbar fir-riċerka;

41.  Jistieden lill-UE tikkunsidra l-iżvilupp ta' qafas legali vinkolanti, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali, li jitratta l-gwerra ibrida li jkun jippermetti reazzjoni qawwija mill-Unjoni għal kampanji ta' theddid tad-demokrazija jew tal-istat tad-dritt, inkluż bl-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għall-orkestrar u l-implimentar ta' dawn il-kampanji;

42.  Jemmen li djalogu sinifikanti jeħtieġ unità aktar soda fost l-Istati Membri u komunikazzjoni aktar ċara tal-linji ħomor fuq in-naħa tal-UE; jenfasizza, għalhekk, li l-UE għandha tkun lesta tadotta aktar sanzjonijiet, inklużi sanzjonijiet personali mmirati, u tillimita l-aċċess għall-finanzi u t-teknoloġija, jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali; jenfasizza, madankollu, li tali miżuri mhumiex kontra l-poplu Russu iżda huma mmirati lejn individwi; jistieden lill-Kunsill iwettaq analiżi fil-fond tal-effiċjenza u r-riġidità tas-sistema ta' sanzjonijiet li tinsab fis-seħħ; jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi fuq kumpaniji Ewropej li huma involuti fil-bini illegali tal-Pont ta' Kerch; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-involviment ta' dawn il-kumpaniji li, permezz ta' din il-parteċipazzjoni, kemm konxjament u anke jekk le, dgħajfu r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tivvaluta u tivverifika l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ, u fuq l-Istati Membri rigward l-iskambjar ta' informazzjoni dwar kwalunkwe investigazzjoni doganali jew kriminali nazzjonali dwar każijiet fejn hemm possibbiltà ta' ksur;

43.  Jitlob għal mekkaniżmu mifrux mal-UE li jippermetti l-iskrinjar tal-finanzjament tal-partiti politiċi, u li jittieħdu miżuri sussegwenti biex jiġi evitat li xi partiti u movimenti jintużaw biex jiddistabbilizzaw il-proġett Ewropew minn ġewwa;

44.  Jikkundanna l-iskop u l-għadd ta' taħriġ militari Russu, li matulu l-forzi Russi jipprattikaw xenarji ta' attakk bl-użu ta' armi nukleari;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jħejju, mingħajr dewmien, proposta leġiżlattiva għal Att Magnitsky fl-UE kollha (ir-Reġim Globali tal-UE dwar is-Sanzjonijiet fuq id-Drittijiet tal-Bniedem) li jippermetti l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet ta' viża u sanzjonijiet immirati, bħall-imblukkar ta' proprjetà u ta' interessi fi proprjetà fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-UE fuq uffiċjali pubbliċi jew persuni individwali li jaġixxu f'kapaċità uffiċjali, li jkunu responsabbli għal atti ta' korruzzjoni jew ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza ta' lista immedjata ta' sanzjonijiet bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' Att Magnitsky Ewropew;

46.  Jistieden lill-UE tivverifika l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li r-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE kontra l-azzjonijiet tar-Russja ma jiddgħajjifx, iżda jiġi applikat b'mod proporzjonali mat-theddid imressaq mir-Russja; jissottolinja l-periklu li jiġu mdgħajfa s-sanzjonijiet mingħajr ma r-Russja turi permezz ta' azzjonijiet ċari, mhux biss fi kliem, li tirrispetta l-fruntieri tal-Ewropa u s-sovranità tal-ġirien tagħha u ta' nazzjonijiet oħra, kif ukoll ir-regoli u l-ftehimiet internazzjonali; itenni li n-negozju bħas-soltu biss jista' jkun possibbli ladarba r-Russja tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli u tillimita ruħha li taġixxi b'mod paċifiku;

47.  itenni li r-Russja m'għandha l-ebda dritt ta' veto fuq l-aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi tan-nazzjonijiet Ewropej;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-konsegwenzi tal-kontrosanzjonijiet Russi fuq l-atturi ekonomiċi u, jekk meħtieġ, tikkunsidra miżuri ta' kumpens;

49.  Jissottolinja li jista' jkun hemm biss soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna; jinkoraġġixxi t-teħid ta' miżuri ta' bini tal-fiduċja fir-reġjun ta' Donbas; jappoġġja mandat għall-iskjerament ta' forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi f'dan ir-reġjun tal-Lvant tal-Ukrajna; itenni t-talba tiegħu biex jinħatar Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun ta' Donbas;

50.  Jikkundanna l-miżura arbitrarja ta' projbizzjoni ta' politiċi tal-UE, fosthom Membri tal-Parlament Ewropew u ex Membri, u ta' uffiċjali tal-UE milli jaċċedu għat-territorju Russu; jitlob it-tneħħija immedjata u inkundizzjonata tal-projbizzjoni ta' aċċess;

51.  Jappella lir-Russja teħles immedjatament lill-priġunieri politiċi, inklużi ċittadini barranin, u ġurnalisti;

52.  Jappella għall-kooperazzjoni sħiħa tar-Russja fir-rigward tal-investigazzjoni internazzjonali tat-twaqqigħ tat-titjira MH17, li jista' possibbilment jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jikkundanna kwalunkwe tentattiv jew deċiżjoni li tkun konċessa l-amnestija lil dawk identifikati bħala responsabbli, jew li tiddewwem il-prosekuzzjoni ta' dawn tal-aħħar, peress li l-awturi għandhom jagħtu kont ta' għemilhom;

53.  Jappella lill-Gvern Russu jżomm lura milli jimblokka riżoluzzjonijiet tal-KSNU dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja li jfittxu li jindirizzaw il-vjolenza kontinwa kontra persuni ċivili, inkluż l-użu ta' armi kimiċi, il-ksur gravi tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-ksur tad-drittijiet universali tal-bniedem;

54.  Isostni t-tlestija malajr ta' Unjoni Ewropea tal-Enerġija integrata li fil-ġejjien tkun tinkludi lis-Sħab tal-Lvant; jenfasizza r-rwol li tista' twettaq f'dan ir-rigward politika ambizzjuża dwar l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jikkundanna bil-qawwa l-pressjoni Russa fuq il-Belarussja biex essenzjalment din tirrinunzja għall-indipendenza tagħha; jissottolinja li indipendentement mill-avvanz ta' strateġija bejn l-UE u r-Russja, l-UE trid issaħħaħ l-impenn u l-appoġġ tagħha għall-Imsieħba tal-Lvant tagħha u tappoġġja riformi li jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà, il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt;

55.  Jappoġġja ż-żieda fil-finanzjamenti tal-EED, tar-Russian Language News Exchange (RLNE) u ta' strumenti oħra għall-avvanz tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u wkoll f'postijiet oħra;

56.  Jappella lill-awtoritajiet Russi jikkundannaw il-Komuniżmu u r-reġim Sovjetiku, u jikkastigaw lill-awturi ta' delitti u reati mwettqa taħt dak ir-reġim;

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

  • [1]  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 35.
  • [2]  "Protokoll dwar ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali", iffirmat fil-5 ta' Settembru 2014, u "Pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk", adottat fit-12 ta' Frar 2015.
  • [3]  Testi adottati, P8_TA(2018)0266.
  • [4]  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 38.
  • [5]  ĠU C 408, 30.11.2017, p. 43.
  • [6]  Testi adottati, P8_TA(2018)0259.
  • [7]  Testi adottati, P8_TA(2018)0435.

OPINJONI TAL-MINORANZA

L-istat tar-relazzjonijiet politiċi UE-Russja

Artikolu 52a.4 tar-Regoli ta' Proċedura

mressqa minn Helmut Scholz, Sabine Lösing,

Il-politika tal-UE lejn ir-Russja tirrikjedi riorjentazzjoni fundamentali. It-tensjonijiet, it-tellieqa tal-armi u l-konfrontazzjoni politika u militari dejjem akbar li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tal-lum jipperikolaw il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa. L-UE għandha tikkomplementa l-valutazzjoni kritika tagħha dwar l-iżvilupp intern u l-politika esterna tar-Russja permezz ta' analiżi awtokritika tal-politika tagħha stess, dan japplika, bl-istess mod, għall-approċċ tal-Federazzjoni Russa rigward l-iżvilupp tal-UE 28.

L-UE u r-Russja għandhom jindirizzaw id-differenzi tagħhom mingħajr prekondizzjonijiet u jibdew djalogu orjentat lejn ir-riżultati. Biex din l-impostazzjoni mill-ġdid tar-relazzjonijiet isir possibbli l-ewwel pass għandu jkun it-tneħħija immedjata tas-sanzjonijiet fuq il-parlamentari, bil-għan li jerġa' jinfetaħ id-djalogu interparlamentari. L-UE u r-Russja jridu jikkontribwixxu għall-bini ta' ordni ta' paċi Ewropea li tiggarantixxi s-sigurtà ta' kulħadd, inkluż tal-Istati ta' viċinat komuni, l-isforz lejn id-diżarm, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-garanzija tad-drittijiet kollha tal-bniedem, l-iffaċilitar tal-kuntatti bejn is-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni ekonomika.

Il-ħidma preparatorja għandha tibda billi tissostitwixxi l-FSK bi ftehim qafas ġdid. Kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, bħall-INF u t-trattati START, il-bini tal-fiduċja u d-diżarm għandhom ikunu fuq quddiem nett tal-aġenda, kif ukoll l-isforzi konġunti għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u t-tisħiħ tal-kummerċ multilaterali. Għandu jitkompla l-proġett tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, u wkoll in-negozjati dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Trid tiġġedded il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija. L-UE għandha tvara djalogu ta' livell għoli dwar il-kooperazzjoni mal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika (EEU).

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

4

15

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Neena Gill, Takis Hadjigeorgiou, Liisa Jaakonsaari, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Soraya Post, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Santiago Fisas Ayxelà, Ingeborg Gräßle, Karin Kadenbach, Joachim Schuster, Ramón Luis Valcárcel Siso, Julie Ward, Flavio Zanonato

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ALDE

Iveta Grigule-Pēterse, Javier Nart, Hilde Vautmans

ECR

Bas Belder, Marek Jurek, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

PPE

Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Santiago Fisas Ayxelà, Michael Gahler, Ingeborg Gräßle, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Ramón Luis Valcárcel Siso

S&D

Clare Moody

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler

4

-

GUE/NGL

Takis Hadjigeorgiou, Helmut Scholz

NI

Georgios Epitideios

S&D

Andrejs Mamikins

15

0

ALDE

Patricia Lalonde

NI

Dobromir Sośnierz

S&D

Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Neena Gill, Liisa Jaakonsaari, Karin Kadenbach, Arne Lietz, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Soraya Post, Joachim Schuster, Julie Ward, Flavio Zanonato

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Frar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza