RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 978/2012 dwar is-SĠP

26.2.2019 - (2018/2107(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Christofer Fjellner

Proċedura : 2018/2107(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0090/2019
Testi mressqa :
A8-0090/2019
Testi adottati :

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Fid-19 ta' Frar 2018, ir-rapporteur ingħata l-kompitu li jipprepara rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 2012 dwar is-SĠP li japplika Skema ta' Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008.

I.   Sorsi ta' informazzjoni

Mindu nħatar, ir-rapporteur ġabar informazzjoni u bbaża ruħu, fost l-oħrajn, fuq is-sorsi li ġejjin:

•  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012;

•  Ir-Regolament (UE) Nru 607/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 li jirtira temporanjament l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-Myanmar/Burma, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-ristabbiliment tal-aċċess tal-Myanmar/Burma għas-sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (2012/2929(RSP));

•  L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tar-regolament attwali dwar is-SĠP (ir-Regolament (UE) Nru 978/2012) u r-rapport mill-Kummissjoni Ewropea akkumpanjat mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2018;

•  Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li jkopru l-perjodu 2014-2015 u 2016-2017 li jivvalutaw l-effetti tas-SĠP b'fokus fuq il-prestazzjoni tal-benefiċjarji tas-SĠP+;

•  Is-Smigħ Pubbliku "Trade preferences for sustainable development: Scrutinising the new GSP+ mechanism after two years" (Preferenzi kummerċjali għall-iżvilupp sostenibbli: Skrutinju tal-mekkaniżmu SĠP+ ġdid wara sentejn) organizzat fil-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) fis-16 ta' Frar 2016;

•  l-iskambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni tas-SĠP fil-laqgħa tal-kumitat INTA tad-19 ta' Frar 2018 u l-iskambju ta' fehmiet dwar l-għoti tas-SĠP+ lis-Sri Lanka fil-21 ta' Marzu 2017;

•  L-istudju dwar id-Drittijiet tal-ħaddiema f'Żoni ta' Pproċessar tal-Esportazzjoni b'fokus fuq il-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+ mid-Dipartiment tal-Politika, DĠ tal-Politiki Esterni, il-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2017;

•  L-istudju dwar "Generalised Scheme of Preferences Regulation (No 978/2012): European Implementation Assessment" (ir-Regolament tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (Nru 978/2012): Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea) imħejji mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS).

II.  Sejbiet ewlenin

Abbażi tas-sorsi komparattivi tal-informazzjoni hawn fuq, joħroġ ċar li:

•  Il-pajjiżi eliġibbli għall-preferenzi SĠP matul il-perjodu 2011-2016, tliet snin qabel u wara li daħal fis-seħħ ir-regolament il-ġdid, żiedu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE b'mod sostanzjali. Dan kien partikolarment il-każ għal pajjiżi taħt l-iskema EBA, minħabba li l-valur tal-importazzjoni totali tagħhom żdied bi 62,1 %, filwaqt li l-valur tal-importazzjoni tal-pajjiżi SĠP+ eliġibbli tela' bi 53,8 %. L-importazzjonijiet minn SĠP standard baqgħu stabbli, li naqsu biss b'0,3 %.

•  L-importazzjonijiet SĠP bħala sehem mill-importazzjonijiet kollha tal-UE naqsu minn 6,1 % fl-2013, l-aħħar sena qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid, għal 4,9 % fl-2016, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jista' jiġi spjegat min-numru aktar baxx ta' benefiċjarji. L-istrettezza tal-kriterji ta' eliġibilità tas-SĠP fir-regolament il-ġdid naqset in-numru ta' benefiċjarji ta' SĠP għal 92, b'aktar pajjiżi, bħaċ-Ċina, li ggradwaw wara li beda japplika r-regolament.

•  Kemm il-benefiċjarji tal-EBA kif ukoll tas-SĠP+ żiedu r-rati ta' utilizzazzjoni ta' preferenza tagħhom konsiderevolment mill-2014 fuq medja, b'aktar minn 10 punti perċentwali, madankollu, 10 minn 49 pajjiż tal-EBA esperjenzaw tnaqqis fir-rata ta' utilizzazzjoni ta' preferenza tagħhom b'aktar minn 10 punti perċentwali, u pajjiżi benefiċjarji ta' SĠP standard matul il-perjodu 2011-2016, esperjenzaw rati ta' utilizzazzjoni mnaqqsa fuq medja bi 3 punti perċentwali;

•  L-effett tas-SĠP fuq id-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni jidher li huwa ambigwu, peress li d-data turi li għall-benefiċjarji tal-EBA, il-livell żdied minn wieħed inizjalment ta' livell baxx, filwaqt li dan naqas konsiderevolment fil-livelli settorjali kollha għall-benefiċjarji tas-SĠP standard, u l-benefiċjarji tas-SĠP+ eteroġeni jvarjaw konsiderevolment fil-prestazzjoni tagħhom dwar id-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet;

•  It-tessut huwa s-settur dominanti tal-importazzjonijiet tas-SĠP, filwaqt li l-importazzjonijiet tat-tessut jammontaw għal 50 fil-mija tal-importazzjonijiet totali tas-SĠP fl-2016, b'hekk għal aktar mid-doppju tas-sehem tiegħu fl-importazzjonijiet tas-SĠP meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel ir-riforma;

•  Id-diversifikazzjoni tidher li xxekklet mill-fatt li r-regolament SĠP ma jippermettix kumulazzjoni jew l-użu ta' inputs li ma joriġinawx minn pajjiżi li ggradwaw mis-SĠP u dawk li baqgħu fl-iskema, eżempju prattiku huwa l-industrija tar-roti fil-Kambodja;

•  Kien hemm impatt negattiv limitat fuq dawk il-pajjiżi li waqfu milli jkunu eliġibbli għall-preferenzi SĠP wara r-riforma tal-2012, peress li l-pajjiżi li ggradwaw jidhru li ma batewx minn impatt fit-tul, ħlief għal xi setturi speċifiċi, bħall-produtturi tat-tabakk f'Kuba;

•  B'mod ċar, is-SĠP inċentivat lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali, filwaqt li jfittxu li jippreparaw irwieħhom għal aċċess imtejjeb għas-suq tal-UE permezz tas-SĠP+. Filwaqt li r-ratifika nnifisha mhux neċessarjament tfisser li d-drittijiet stipulati fil-konvenzjonijiet jiġu rrispettati, din tipprovdi impetu importanti u qafas għal titjib;

•  Il-monitoraġġ akbar tal-pajjiżi li jibbenefikaw mis-SĠP+, b'fokus fuq implimentazzjoni effettiva - domanda ewlenija tal-Parlament Ewropew fir-riforma- tas-27 konvenzjoni internazzjonali relatata mad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba, ippermetta djalogu sostanzjali, billi ppermetta lill-UE tinvolvi ruħha mal-pajjiżi benefiċjarji fl-oqsma kollha fejn l-implimentazzjoni ma tkunx sodisfaċenti;

•  L-impatti ambjentali tal-iskema SĠP huma diffiċli li jiġu ddeterminati minħabba nuqqas ta' data disponibbli dwar indikaturi ambjentali kif ukoll dewmien fit-tul fid-disponibbiltà tagħhom, l-evidenza tissuġġerixxi li s-SĠP+ inċentivat lill-pajjiżi benefiċjarji biex jaderixxu mal-ħarsien tal-ambjent iżda wkoll żiedet l-esportazzjoni tat-tessuti u tal-ilbies li għandhom tendenza li jkollhom effett detrimentali fuq l-ambjent;

•  Kien hemm kemm konsegwenzi mhux intiżi pożittivi kif ukoll negattivi tar-riforma SĠP, bħall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol għan-nisa u titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol f'industriji tal-esportazzjoni li jinnegozjaw mal-UE, iżda wkoll degradazzjoni ambjentali aċċellerata marbuta mal-industriji tal-esportazzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji;

III.  Rakkomandazzjonijiet prinċipali

•  Jiġu kkunsidrati miżuri differenti biex tiżdied id-diversifikazzjoni fost il-benefiċjarji.

•  F'dan ir-rigward, fir-regolament SĠP li jmiss tiġi introdotta mill-ġdid il-possibbiltà ta' kumulazzjoni ma' pajjiżi li ggradwaw mill-iskema SĠP, billi jiġi segwit l-approċċ tal-Kanada fir-riforma tal-iskema SĠP tagħhom.

•  Għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll għall-modi ta' kif jiġu inklużi s-servizzi fir-regolament SĠP li jmiss, bħala mod ta' kif tiġi promossa diversifikazzjoni akbar u fid-dawl ta' importanza akbar tal-kummerċ fis-servizzi b'mod ġenerali abbażi tal-esperjenza meħuda mill-eżenzjoni tad-WTO fuq is-Servizzi għal-LDC.

•  Filwaqt li l-Kummissjoni b'mod ċar tejbet il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet meħtieġa, b'mod partikolari għall-benefiċjarji tas-SĠP+ iżda wkoll xi pajjiżi tal-EBA, dan il-proċess xorta jista' jkun aktar trasparenti bi proċess definit b'mod aktar ċar għas-sottomissjoni ta' informazzjoni minn atturi tas-soċjetà ċivili.

•  Il-benefiċjarji tas-SĠP, u l-pajjiżi tas-SĠP+ b'mod partikolari, għandhom jibbenifikaw ukoll minn żieda fil-bini ta' kapaċità sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw il-konvenzjonijiet b'mod aktar effettiv.

•  Hemm ħtieġa għal approċċ aktar immirat għall-irtirar tal-preferenzi li jillimita dan għal setturi speċifiċi jew, fil-każ ta' ksur speċifiku, jistgħu jitqiesu l-possibbiltajiet ta' rtirar taċ-ċertifikazzjoni tal-esportazzjoni minn operaturi ekonomiċi speċifiċi, b'sistema ta' "tniżżil fuq lista sewda" fis-sistema tal-Esportaturi Rreġistrati.

•  Huma meħtieġa aktar miżuri sabiex jiġi żgurat li s-SĠP ittejjeb żvilupp ambjentali pożittiv.

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament SĠP (UE) Nru 978/2012

(2018/2107(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 607/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 li jirtira temporanjament l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-Myanmar/Burma[2], u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-ristabbiliment tal-aċċess tal-Myanmar/Burma għas-sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati[3],

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tar-regolament SĠP attwali ta' Lulju 2018[4] u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012[5] akkumpanjat mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2018[6],

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 u tad-19 ta' Jannar 2018 dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li jkopru l-perjodi 2014-2015[7] u 2016-2017[8] rispettivament, li jivvalutaw l-effetti tas-SĠP b'fokus fuq il-prestazzjoni tal-benefiċjarji tas-SĠP+,

–  wara li kkunsidra s-Smigħ Pubbliku dwar is-SĠP organizzat mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) fis-16 ta' Frar 2016, l-iskambju ta' fehmiet dwar l-għoti tas-SĠP+ lis-Sri Lanka fil-21 ta' Marzu 2017; u l-iskambju ta' fehmiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament SĠP fid-19 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali tal-2017 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[11],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ[12],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh[13],

–  wara li kkunsidra sħubijiet volontarji speċifiċi għall-pajjiżi, bħall-inizjattiva tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh u l-inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tal-2007 tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bit-titolu "Għajnuna għall-Kummerċ: It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp",

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU għall-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar it-tħaddim tat-tfal, ix-xogħol furzat, id-diskriminazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-UE u dwar il-katini ta' valur mondjali responsabbli,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali[14],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja[15],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0090/2019),

A.  billi l-UE kienet l-ewwel li implimentat skema SĠP fl-1971 wara r-rakkomandazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) li skontha l-pajjiżi industrijalizzati jagħtu preferenzi kummerċjali ġeneralizzati, mhux reċiproċi u mhux diskriminatorji lil pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'hekk jgħinuhom biex jiġġeneraw dħul addizzjonali permezz ta' kummerċ internazzjonali bi sforz biex jitnaqqas il-faqar, tiġi promossa l-governanza tajba, u jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli;

B.  billi l-Artikolu 207 tat-TFUE jistipula li l-politika kummerċjali tal-UE jeħtiġilha tkun imsejsa fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE u tippromwovi l-valuri li l-Unjoni tiddefendi, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE u għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21, bħat-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet soċjali;

C.  billi fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Ombudsman tal-UE stqarr li: amministrazzjoni tajba tfisser li jiġu osservati u rrispettati d-drittijiet fundamentali; meta d-drittijiet fundamentali ma jiġux irrispettati m'hemmx lok għal amministrazzjoni tajba; l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jeħtiġilhom dejjem jikkunsidraw li l-azzjonijiet tagħhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali u għandhom ifittxu wkoll li jtejbu l-argument tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab.

D.  billi l-iskema SĠP attwali ġiet stabbilita taħt ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-25 ta' Ottubru 2012, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 2017 tat-TFUE skont il-proċess leġiżlattiv ordinarju mal-Parlament Ewropew li għall-ewwel darba aġixxa bħala koleġiżlatur għal regolament SĠP;

E.  billi skont l-Artikolu 40 tar-Regolament SĠP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament SĠP lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ħames snin wara l-adozzjoni, li għandu r-Regolament SĠP li jmiss u li ser jiġi adottat sal-2022; billi dan ir-Regolament ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2014; billi saret evalwazzjoni indipendenti bir-reqqa tal-funzjonament tar-Regolament attwali bħala sforz sabiex tiġi pprovduta informazzjoni fl-ambitu tal-eżerċizzju ta' rieżami mill-Kummissjoni u billi tfasslet lista ta' rakkomandazzjonijiet konkreti;

F.  billi l-iskema fiha tliet arranġamenti: l-iskema SĠP ġenerali, l-iskema ta' inċentivi SĠP+; u l-iskema Kollox ħlief Armi (EBA); billi l-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP standard – attwalment 18-il pajjiż – jibbenefikaw minn tnaqqis fid-dazji doganali f'66 % tal-kategoriji tal-prodotti kollha tal-UE; billi t-tmien benefiċjarji tas-SĠP+ jesportaw madwar 66 % tal-kategoriji tal-prodotti kollha mingħajr dazju għall-impenn tagħhom biex jimplimentaw effettivament 27 konvenzjoni ewlenija internazzjonali li jkopru d-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u t-tħassib ambjentali; billi d-49 pajjiż l-anqas żviluppati (LDCs) fl-ambitu tal-arranġament tal-EBA tas-SĠP jingħataw aċċess mingħajr dazju għall-UE għall-prodotti kollha, ħlief għall-armi u l-munizzjon; billi l-pajjiżi benefiċjarji kollha huma marbuta minn konvenzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tax-xogħol skont ir-Regolament SĠP, filwaqt li l-pajjiżi SĠP+ huma marbuta wkoll minn konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ambjent u governanza tajba; billi hija biss l-iskema SPĠ+ li toffri djalogu strutturat fejn tiġi vvalutata l-implimentazzjoni effikaċi ta' dawn il-konvenzjonijiet mill-pajjiżi benefiċjarji; billi l-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw ukoll standards u normi internazzjonali, inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni xierqa, b'mod partikolari fil-qasam tal-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

G.  billi l-objettivi ewlenin tar-riforma tas-SĠP tal-2012 kienu li jkun hemm aktar enfasi fuq il-pajjiżi fil-bżonn – LDCs u pajjiżi oħra bi fejn id-dħul huwa aktar baxx – fejn jiġu promossi aktar il-prinċipji ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, jissaħħu l-istabbiltà u l-prevedibbiltà filwaqt li tittejjeb iċ-ċertezza għall-operaturi kummerċjali;

H.  billi bosta konvenzjonijiet internazzjonali, linji gwida u regoli għandhom l-għan li jipprevjenu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi, b'mod partikolari, il-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP għandhom l-obbligu li jimplimentaw dawn il-linji gwida u joħolqu l-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi xierqa li fihom in-negozji jistgħu joperaw u jsibu posthom fil-katini ta' provvista mondjali;

I.  billi l-UE jenħtieġ li twieġeb b'mod saħansitra aktar effettiv għad-dumping soċjali u ambjentali u għal prattiki kummerċjali u ta' kompetizzjoni inġusti fl-istess waqt li tassigura kundizzjonijiet ekwi;

J.  billi f'diversi pajjiżi, iż-żoni ta' pproċessar tal-esportazzjonijiet (EPZs) huma eżentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol u b'hekk dan ma jippermettix id-dritt komplut ta' parteċipazzjoni fl-attività ta' trade union jew ta' tiftix ta' rimedju legali; billi l-ewwel istanza tikkostitwixxi ksur tal-istandards ewlenin tal-ILO u tista' twassal għal aktar impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE hija stabbilita sew fl-Artikolu 8 tat-TFUE; billi l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment għandhom ħabta jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali bejn il-ġeneri; billi skont l-ILO, fl-2012 21 miljun persuna madwar id-dinja, li minnhom 55 % kienu nisa u bniet, sfaw vittmi ta' xogħol furzat u 90 % minnhom kienu fis-settur tal-ekonomija privata;

L.  billi l-Artikolu 19(6) tar-Regolament SĠP jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis "l-informazzjoni rilevanti kollha" meta tiddetermina jekk il-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP humiex debitament konformi mal-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-informazzjoni pprovduta mis-soċjetà ċivili; billi l-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tal-iskema SĠP jista' jsaħħaħ il-leġittimità u l-effikaċja tal-politika kummerċjali komuni tal-UE;

M.  billi r-Regolament SĠP jippermetti lill-UE tissospendi l-preferenzi fl-aktar każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, abbażi tal-Kapitolu V, Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP, li jipprevedi l-irtirar temporanju ta' trattament preferenzjali għal għadd ta' raġunijiet, inkluż il-ksur sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII;

N.  billi l-Kummissjoni nediet il-proċess fil-każ tal-Kambodja u tinsab fil-proċess li tniedi investigazzjonijiet fil-każ tal-Myanmar rigward abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas ta' irtirar possibbli mill-arranġamenti Kollox ħlief Armi;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin

1.  Jilqa' r-Rapport ta' Nofs it-Terminu li dwar l-applikazzjoni tar-Regolament SĠP attwali li jivvaluta jekk l-objettivi li stabbilixxa għandhomx probabbiltà li jinkisbu; jilqa' l-fatt li r-Regolament il-ġdid ra żieda fl-esportazzjonijiet mill-benefiċjarji tal-arranġamenti Kollox ħlief Armi (EBA) u SĠP+, li huwa fattur importanti li jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 EUR 62.6 biljun f'importazzjonijiet daħlu fl-UE skont il-preferenzi tas-SĠP (tendenza li qiegħda tiżdied), imqassma kif ġej: EUR 31.6 biljun minn benefiċjarji tas-SĠP standard, madwar EUR 7.5 biljun mill-benefiċjarji tas-SĠP+ u EUR 23.5 biljun mill-benefiċjarji tal-EBA (data tal-Eurostat minn Settembru 2017);

3.  Ifakkar li s-SĠP tgħin lill-industriji fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jegħlbu d-diffikultajiet li dawn il-pajjiżi jiffaċċjaw fis-swieq tal-esportazzjoni bħala riżultat ta' spejjeż inizjali għoljin; ifakkar li, f'konformità mal-objettivi tal-UNCTAD, l-għanijiet tas-SĠP huma li jiżdied id-dħul mill-esportazzjoni u li tiġi promossa l-industrijalizzazzjoni ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u konsegwentement tal-LDCs u li jiġi aċċellerat it-tkabbir tagħhom bil-għan li jinqered il-faqar;

4.  Jenfasizza li s-SĠP+ hija strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE li tipprovdi aċċess aħjar għas-suq u hija akkumpanjata minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza t-tajba fil-pajjiżi vulnerabbli fil-fażi tal-iżvilupp;

5.  Jinnota li r-Regolament SĠP attwali ilu fis-seħħ għal tliet snin, mill-bidu tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, li diġà identifika elementi li fir-Regolament SĠP ser jitqies li jkun hemm riforma tagħhom; jilqa' r-rakkomandazzjonijiet previsti fir-rapport finali tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu;

6.  Jenfasizza li s-SĠP, bħala parti mill-politika kummerċjali tal-UE għandha tinbena fuq il-prinċipji tal-politika esterna tal-UE (effikaċja, trasparenza u valuri) kif minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE; jisħaq li l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv ewlieni; jisħaq li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tirriafferma dawn il-prinċipji;

7.  Jirrikonoxxi l-fatt li s-SĠP+ għandha rwol importanti fil-promozzjoni tad-drittijiet internazzjonali tax-xogħol, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza tajba u tal-istandards għall-ħarsien tal-ambjent fil-pajjiżi benefiċjarji tagħha, mhux biss billi toffri inċentivi biex jikkonformaw ma' dawn l-istandards iżda wkoll billi tistabbilixxi pjattaforma għal djalogu regolari fl-oqsma koperti mill-konvenzjonijiet u billi tippromwovi l-involviment f'riformi sostantivi;

8.  Jirrikonoxxi li l-iskema SĠP ġabet gwadanji ekonomiċi għall-pajjiżi benefiċjarji u għall-UE, b'żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-UE u b'rati ta' utilizzazzjoni ta' preferenza mtejba mill-benefiċjarji tal-EBA u tas-SĠP+; iħeġġeġ lill-UE taħdem biex iżżid l-għarfien dwar ir-regoli tas-SĠP fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex tippromwovi implimentazzjoni saħansitra aħjar tal-iskema; jitlob lill-Kummissjoni biex, fejn possibbli, tivvaluta d-distribuzzjoni tal-qligħ fir-rigward tal-iskema SĠP abbażi tad-disponibbiltà tad-data; jieħu nota li, f'xi każijiet, iż-żieda fl-esportazzjonijiet u fl-opportunitajiet ekonomiċi kellha impatti indiretti negattivi mhux intenzjonati fuq id-drittijiet fundamentali u l-iżvilupp soċjali, pereżempju f'każijiet fejn wasslu għall-ħtif tal-art jew għal nonkonformità mad-drittijiet tax-xogħol; jisħaq, għaldaqstant, li jeħtieġ li l-preferenzi kummerċjali jiġu segwiti mill-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali u riformi sabiex jiġi evitat li l-programmi SĠP potenzjalment iwasslu għal livelli ogħla ta' dumping ambjentali u soċjali;

9.  Jilqa' l-mekkaniżmu ta' dħul tas-SĠP+ issimplifikat biex jagħmlu aktar attraenti għall-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP standard; jaċċentwa l-fatt li ħafna mill-pajjiżi kandidati għas-SĠP+ irratifikaw bosta mill-konvenzjonijiet internazzjonali meħtieġa għal dħul fis-SĠP+; jisħaq li l-monitoraġġ imtejjeb, kostanti u sistematiku tal-proċess ta' implimentazzjoni huwa ta' importanza kbira u jista' jinkiseb billi tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha sabiex il-ġbir ta' informazzjoni u l-analiżi fil-fond isiru aħjar bl-użu tal-informazzjoni u r-riżorsi kollha disponibbli, bħar-rapporti tal-korpi ta' monitoraġġ internazzjonali, inkluż in-NU, l-ILO, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u inkluż l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fil-proċess; jisħaq li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-potenzjal sħiħ li l-iskema SĠP+ ittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-qerda tax-xogħol tat-tfal u x-xogħol furzat permezz tal-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet tal-ispazju li qiegħed jiċkien għas-soċjetà ċivili u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju meta taħdem ma' pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+ u permezz ta' involviment aħjar permezz tal-EBA hekk kif dawn il-kwistjonijiet huma relatati direttament mal-obbligi fl-ambitu tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd"; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tesplora possibilitajiet oħra għal parteċipazzjoni strutturata, formali u indipendenti tas-soċjetà ċivili, tar-rappreżentanti tat-trade unions u tas-settur privat fejn kollha jistgħu jservu bħala mezzi potenzjali biex jissaħħaħ il-proċess ta' monitoraġġ;

11.  Jenfasizza li, b'mod globali, l-iskema SĠP tidher li ħolqot inċentivi għar-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali u għalhekk ħolqot qafas aħjar għal progress; jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati aktar miżuri preċiżi biex jiżguraw li s-SĠP irawwem żvilupp ambjentali pożittiv; jirrakkomanda li l-Ftehim ta' Pariġi jiżdied mal-lista ta' 27 konvenzjoni internazzjonali fundamentali li l-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP+ jeħtiġilhom ikunu konformi magħhom; jisħaq li għad irid isir ħafna aktar progress fil-pajjiżi benefiċjarji sabiex jinkiseb mudell ta' żvilupp sostenibbli;

12.  Jirrikonoxxi l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni effettiva, miksub permezz ta' żieda fil-monitoraġġ u djalogu bejn l-UE u l-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni fundamentali; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), id-delegazzjonijiet tal-Unjoni, il-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, il-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-negozji, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili sabiex jittejjeb il-ġbir tal-informazzjoni u tiġi pprovduta analiżi aktar fil-fond tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ; jirrakkomanda li, kemm jista' jkun, jkun hemm aktar trasparenza u komunikazzjoni bejn il-koleġiżlaturi u l-partijiet ikkonċernati fil-proċessi tal-irtirar tas-SĠP, b'mod partikolari matul il-proċedura ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni;

13.  Jirrikonoxxi li r-ratifika u l-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva ta' konvenzjonijiet rilevanti huma punti ta' riferiment importanti sabiex jinkiseb il-progress meħtieġ fi ħdan l-iskema; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet meħuda rigward il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet, mill-pajjiżi benefiċjarji, ikunu kompletament konformi mad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiż, bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki, il-konsistenza u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kummerċjali;

14.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' involviment kontinwu u aktar titjib tat-trasparenza fil-monitoraġġ tas-SĠP+ filwaqt li jiġi żgurat li l-UE tkun tista' żżomm l-ingranaġġ kollu tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji f'dan id-djalogu, b'mod partikolari fl-eżerċizzju ta' valutazzjoni; jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra passi ulterjuri f'dan il-qasam u fil-qasam tad-djalogu mal-pajjiżi benefiċjarji sabiex tiżdied it-trasparenza, is-sorveljanza u l-effikaċja tal-iskema;

15.  Iqis li kwalunkwe deċiżjoni li jiġu sospiżi l-preferenzi trid tkun konsistenti fl-intier tagħha mal-objettiv sovrastanti li jittaffa l-faqar u jenfasizza li atti tad-dritt sekondarju tal-UE jridu jitfasslu u jiġu interpretati skont id-dritt primarju tal-UE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE f'dan ir-rigward; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li jinżamm l-approċċ speċjalizzat użat attwalment għall-irtirar tal-preferenzi u jiġi żgurat li dan l-irtirar ikun limitat għal setturi speċifiċi u mfassal b'tali mod li jillimita għall-inqas possibbli l-effetti negattivi għall-popolazzjoni lokali; jappella lill-Kummissjoni biex, fejn xieraq, tagħmel użu minn irtirar gradwali fir-rigward tal-preferenzi kummerċjali jew miżuri oħra ta' rtirar li huma marbuta b'perjodu ta' żmien; jisħaq, fl-aħħar nett, li l-irtirar ta' preferenzi kummerċjali għandu jitqies bħala miżura tal-aħħar rikors li tiġi applikata biss f'każijiet ta' nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali u nuqqas ċar ta' rieda u involviment min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju sabiex jindirizzahom; jisħaq, fl-istess waqt, fuq in-natura kundizzjonali tal-iskemi u li din il-kundizzjonalità għandha tintuża biex tiġi ppreservata l-kredibilità ta' kull skema u biex tiġi żgurata azzjoni f'każijiet ta' ksur serju u sistematiku tal-konvenzjonijiet;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni li tniedi l-proċess għall-irtirar tal-preferenzi fi ħdan l-EBA għall-Kambodja u li tibgħat missjoni tal-UE ta' emerġenza u ta' livell għoli fil-Myanmar b'reazzjoni għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ pajjiżi; jistenna li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat mill-qrib u involut fil-passi sussegwenti, inkluż fir-rigward tas-sospensjoni tal-preferenzi;

17.  Jinnota li n-numru ta' pajjiżi benefiċjarji naqas konsiderevolment minħabba r-riforma fil-kriterji ta' eliġibilità li, flimkien mal-kwalifika tal-prodott, irriżultat fi tnaqqis globali fil-volum tal-importazzjonijiet tal-UE minn pajjiżi SĠP; jirrikonoxxi li dawn ir-riformi jippermettu li l-preferenzi jiġu ffukati fuq il-pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koerenza u konsistenza bejn is-sistemi SĠP u FTA fil-valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament li jmiss sabiex jiġi żgurat ir-rwol ċentrali tas-SĠP għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fi ħdan il-politika kummerċjali tal-UE; jinnota f'dan ir-rigward li l-pajjiżi benefiċjarji tal-EBA qegħdin jiffaċċjaw pressjoni kompetittiva dejjem akbar minn pajjiżi li stabbilew FTAs mal-UE; jinnota, barra minn hekk, li xi pajjiżi li qabel kienu soġġetti għall-monitoraġġ tas-SĠP+ issa huma koperti minn FTAs li jinkludu kapitli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, li għandhom ikunu effettivi u infurzabbli;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-iskema SĠP, b'mod partikolari fil-każ tad-29 pajjiż fl-EBA, ma wasslet għal ebda bidla u, f'xi każijiet, kien hemm deterjorament fil-profili tagħhom tad-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet fil-livell tal-prodott; jiddispjaċih ukoll mill-fatt li din ma kkontribwietx biżżejjed għad-diversifikazzjoni ekonomika; jappella biex jittieħdu aktar miżuri sabiex tittejjeb id-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet mill-pajjiżi SĠP; jiddispjaċih mill-fatt li d-diversifikazzjoni fost il-benefiċjarji tidher li xxekklet mit-tneħħija tal-possibbiltà ta' kumulazzjoni ma' pajjiżi li ggradwaw mis-SĠP, peress li ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw mir-regoli tal-oriġini għall-benefiċjarji tas-SĠP; jappella bis-sħiħ li din il-possibbiltà tiġi riintrodotta, b'mod partikolari għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli; jinnota t-tnaqqis sinifikanti fid-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet fil-livelli settorjali kollha għall-benefiċjarji tas-SĠP standard; jappella wkoll lill-Kummissjoni tqis riforma u espansjoni tal-lista ta' prodotti li għandhom jiġu koperti mir-Regolament fir-rigward, b'mod partikolari, ta' prodotti nofshom lesti u prodotti lesti u, fejn meħtieġ, tiffaċilita r-regoli tal-oriġini għall-pajjiżi l-aktar vulnerabbli; jinkoraġġixxi aktar lill-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP sabiex jintroduċu miżuri effettivi maħsuba għad-diversifikazzjoni tal-prodotti; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-ħtieġa li jinħoloq aċċess għall-għarfien u għat-teknoloġija sabiex b'hekk il-prodotti jiġu diversifikati b'tali mod li l-esportazzjonijiet ikunu awtosuffiċjenti fil-kompetizzjoni globali u b'mod partikolari fl-Ewropa;

19.  Jappella lill-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ biex jadottaw u jimplimentaw b'mod effettiv miżuri legali biex jipproteġu l-proprjetà intellettwali;

20.  Jilqa' l-fatt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi għall-benefiċjarji tal-EBA hija għolja; jisħaq fuq l-importanza tal-bini ta' kapaċità fil-pajjiżi benefiċjarji biex jiġu megħjuna jibbenefikaw l-aktar possibbli mill-iskema; jappella biex il-miżuri fl-ambitu tal-inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ jintużaw b'mod aktar effettiv f'dan ir-rigward; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni biex jiġu inklużi servizzi fir-regolament SĠP li jmiss sabiex tiġi promossa ulterjorment diversifikazzjoni akbar; jisħaq, barra minn hekk, f'dan il-kuntest dwar l-importanza ta' approċċ minn negozju għal negozju; jappella għall-istabbiliment ta' pjattaformi u faċilitajiet online għas-setturi u għad-diversi partijiet ikkonċernati, li jlaqqgħu flimkien kumpaniji tal-esportazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ, kumpaniji tal-importazzjonijiet fl-UE u parteċipanti ġodda potenzjali fiż-żewġ naħat – dawk li attwalment mhumiex qegħdin jesportaw jew jimportaw – sabiex isir skambju tal-aħjar prattiki u jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli, il-kundizzjonijiet u l-perspettivi ekonomiċi li s-SĠP toffri;

21.  Jilqa' l-konklużjoni tal-ewwel investigazzjoni ta' salvagwardja taħt ir-Regolament u huwa tal-fehma li din il-klawżola għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-UE jiġu protetti; jisħaq fuq li meta jiġu offruti preferenzi għal prodotti sensittivi, hemm bżonn li jkun possibbli li dawn jingħataw trattament speċjali sabiex jiġi evitat li ċerti setturi jitqiegħdu f'riskju;

22.  Jenfasizza li l-partijiet kollha tat-territorju tal-pajjiżi benefiċjarji, inkluż l-EPZs, ikunu koperti mill-iskema u l-obbligi li jirriżultaw mir-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti; iħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji jimplimentaw b'mod effettiv l-istandards tax-xogħol u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza l-ksur tal-istandards tal-ILO, inkluż in-negozjar kollettiv u l-libertà ta' assoċjazzjoni fl-EPZs li jinsabu f'pajjiżi benefiċjarji attwali jew potenzjali u biex tiżgura li titneħħa kwalunkwe konċessjoni; jappella lill-Kummissjoni tesplora mezzi biex tiżgura li l-prodotti mill-EPZs ma jaqgħux fl-ambitu tal-iskema ta' preferenzi billi dawn huma eżentati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u huma bi ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti;

23.  Jaċċentwa li s-SĠP għamlet is-settur korporattiv aktar dinamiku, ikkontribwiet, sa ċertu punt, għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u kienet ta' vantaġġ għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol, b'mod partikolari fl-industriji tal-pajjiżi ta' esportazzjoni li għandhom kummerċ mal-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, li huwa importanti li jinħolqu ambjenti tan-negozju adegwati għan-nisa sabiex dawn jagħmlu użu tajjeb minn dawn il-ħiliet u esperjenzi ġodda u jkunu jistgħu javvanzaw fl-istrutturi tal-kumpaniji jew ikunu jistgħu jistabbilixxu intrapriżi proprji ġodda; madankollu jinnota li n-nisa għadhom qegħdin jiġu diskriminati u jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa speċjalment fis-settur tat-tessuti u tal-ilbies; itenni r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ[16], u jappella lill-Kummissjoni tipprovdi segwitu rigward din;

24.  Jilqa' l-effett li s-SĠP kellha fuq l-adozzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u sikuri u fuq inizjattivi volontarji tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, li ħalla impatt pożittiv dirett fuq il-ħaddiema u fuq l-ambjent; huwa tal-fehma li għandhom jiġu ppjanati miżuri biex ikomplu jħeġġu u jivvalutaw b'mod affidabbli dan l-iżvilupp; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-azzjoni regolatorja u dik volontarja dwar id-diliġenza dovuta tal-kumpaniji f'dan ir-rigward, u jappella lill-Kummissjoni tfittex modi kif tistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta;

25.  Iqis li l-UE għandha tiżgura koerenza politika billi tinkoraġġixxi atturi internazzjonali oħra, bħall-intrapriżi multinazzjonali, biex jipparteċipaw bis-sħiħ fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet soċjali u tal-istandards ambjentali fid-dinja kollha, kif ukoll billi tobbliga operaturi ekonomiċi jdaħħlu fis-seħħ prattiki ta' diliġenza dovuta f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappella lill-Kummissjoni turi sens ta' tmexxija sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol jiġu rispettati fil-ktajjen tal-valur globali, u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), inkluż l-appell tiegħu biex ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tiġi inkluża fir-Regolament u biex jiġu riformati r-regoli tad-WTO sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' diliġenza dovuta u trasparenza, abbażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

26.  Ifakkar li l-UE għandha tinkoraġġixxi, fl-interessi tal-koerenza mal-politiki ta' atturi internazzjonali oħra, bħal kumpaniji multinazzjonali, parteċipazzjoni sħiħa fit-titjib tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet soċjali, id-drittijiet ambjentali u s-saħħa pubblika fid-dinja; jappella lill-UE tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati fir-rigward tad-dritt għax-xogħol f'katini ta' valur mondjali, jiġifieri tul il-katina ta' provvista;

27.  Jappella lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-Regolament SĠP li jmiss, biex tesplora l-possibbiltà li tintroduċi preferenzi tariffarji addizzjonali għal prodotti li ġew prodotti b'mod sostenibbli u li hemm evidenza ta' dan; iqis li l-oġġetti għandhom jiġu ppreżentati fuq bażi volontarja għaċ-ċertifikazzjoni ta' tip ta' produzzjoni sostenibbli tagħhom u li l-prova tagħhom għandha tiġi prodotta fuq l-importazzjoni fl-UE;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
  • [2]  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 13.
  • [3]  ĠU C 55, 12.2.2016, p. 112.
  • [4]  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/october/tradoc_157434.pdf
  • [5]  COM(2018)0665.
  • [6]  SWD(2018)0430.
  • [7]  COM(2016)0029.
  • [8]  COM(2018)0036.
  • [9]  https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/en/64308
  • [10]  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.
  • [11]  Testi adottati, P8_TA(2018)0515.
  • [12]  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 100.
  • [13]  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 100.
  • [14]  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 33.
  • [15]  http://www.europarl.europa.eu/RegData/organes/conf_pres_groupes/proces_verbal/2002/12-12/CPG_PV(2002)12-12(ANN01)_EN.doc
  • [16]  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 100.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (22.1.2019)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 978/2012 dwar l-Iskema ta' Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati (SĠP)
(2018/2107(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pier Antonio Panzeri

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi l-obbligu tal-UE li tiżgura konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha, inkluż il-politiki tagħha dwar il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem, b'hekk issaħħaħ b'mod reċiproku l-effikaċja potenzjali ta' dawn il-politiki; billi l-Artikolu 3(5) tat-TUE jiddikjara li l-UE għandha tikkontribwixxi, fost oħrajn, għall-iżvilupp sostenibbli, għall-eradikazzjoni tal-faqar u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-politika kummerċjali tal-UE trid tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-valuri difiżi mill-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, u għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, bħat-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet soċjali; billi s-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), SĠP+ u s-sistema Kollox ħlief Armi (EBA) jistgħu jkunu għodod essenzjali għall-promozzjoni tar-rispett ta' dawn il-valuri, u huwa importanti li dawn jiġu implimentati u mmonitorjati b'mod effikaċi;

C.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva[1], il-Parlament ippropona li: tiġi introdotta r-responsabbiltà soċjali korporattiva fir-Regolament SĠP (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament"); jiġi żgurat li l-korporazzjonijiet transnazzjonali jikkonformaw mad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol; u jiġu riformati r-regoli tad-WTO biex jiġu introdotti d-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista u r-rekwiżiti tat-trasparenza, abbażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-SĠP saret strument ta' ingranaġġ politiku applikat mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha sabiex jiġbru l-appoġġ tal-pajjiżi terzi għal diversi aspetti tal-aġendi internazzjonali tagħhom; billi l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi mudelli kummerċjali differenti bbażati fuq l-ugwaljanza bejn is-sħab;

1.  Jafferma li l-SĠP uriet li hija għodda importanti għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli; jilqa' r-rikonoxximent tal-ħtieġa li tissaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta' atturi oħra bħas-sħab soċjali, il-Parlament u l-Kunsill fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effikaċi tal-impenji tad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fl-iskema SĠP+; jappella għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ strutturat biex tiġi żgurata l-konformità mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-SĠP, li għandhom japplikaw ukoll għall-arranġament ġenerali tal-SĠP u tal-EBA; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra strutturi aktar permanenti għall-involviment tas-soċjetà ċivili, pereżempju billi tistabbilixxi kummissjonijiet konġunti ta' sorveljanza jew gruppi konsultattivi domestiċi bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili lokali, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rappreżentanti tat-trade unions;

2.  Ifakkar fl-importanza ta' involviment kontinwu mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi ta' monitoraġġ rilevanti stabbiliti skont il-konvenzjonijiet rilevanti, bħal dawk tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), tal-OECD u tan-NU, u li jingħata appoġġ lill-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li għandhom rwol fid-difiża tal-interessi tal-komunitajiet marġinalizzati, inklużi l-persuni b'diżabbiltà;

3.  Jenfasizza li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-SĠP+ għandhom iqisu r-rapporti tal-korpi ta' monitoraġġ internazzjonali, bħan-NU, l-ILO u l-NGOs internazzjonali, u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom għal kull pajjiż fl-ambitu ta' kull konvenzjoni, u għandhom jippruvaw jiddeterminaw li r-Regolament qiegħed jiġi implimentat b'mod effikaċi;

4.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-tabelli ta' valutazzjoni użati għall-monitoraġġ tal-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP+ għandhom kunfidenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjonijiet tal-SĠP+ għall-eliġibbiltà u t-tabelli ta' valutazzjoni sabiex tiżdied it-trasparenza u s-sorveljanza tal-iskema;

5.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-SĠP+ għandha rwol importanti fil-promozzjoni tad-drittijiet internazzjonali tax-xogħol, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza tajba u tal-istandards għall-ħarsien tal-ambjent fil-pajjiżi benefiċjarji tagħha, mhux biss billi toffri inċentivi biex jikkonformaw ma' dawn l-istandards iżda wkoll billi tistabbilixxi pjattaforma għal djalogu regolari fl-oqsma koperti mill-konvenzjonijiet u billi tippromwovi l-involviment f'riformi sostantivi;

6.  Ifakkar fil-potenzjal tal-iskema SĠP+ biex tittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tal-iżvilupp sostenibbli u tal-governanza tajba, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema, l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, applikazzjoni ristretta tal-piena tal-mewt li tkun konformi mal-obbligi kollha stabbiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali, id-drittijiet ċivili u politiċi, il-libertà tar-reliġjon u l-libertà ta' espressjoni, u l-protezzjoni tal-ambjent; ifakkar li l-potenzjal sħiħ tal-iskema jista' jiġi ssodisfat bi sħiħ biss jekk jittejbu r-rekwiżiti ta' rapportar u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni effikaċi tal-obbligi skont is-27 konvenzjoni meħtieġa għall-għoti ta' preferenzi kummerċjali skont l-SĠP+, u jekk l-inċentiv ta' preferenzi kummerċjali jkun akkumpanjat b'miżuri ta' appoġġ oħra, abbażi tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità mal-impenji vinkolanti; jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mad-Delegazzjonijiet tal-UE, mal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-intrapriżi, mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili biex ittejjeb il-ġbir ta' informazzjoni tagħha u tipprovdi analiżi aktar fil-fond tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ biex tasal għal evalwazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tas-sistema;

8.  Jappella biex il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tkun inkluża bħala waħda mill-konvenzjonijiet vinkolanti fundamentali li huma kundizzjonali għall-għoti tal-preferenzi kummerċjali;

9.  Jissottolinja l-fatt li l-progress fil-livell leġiżlattiv għadu ma ġiex imqabbel mill-progress fil-livell ta' implimentazzjoni f'ħafna pajjiżi benefiċjarji;

10.  Jenfasizza li l-involviment lokali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali sabiex l-interessi jiġu affermati b'mod effettiv, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina b'mod oġġettiv u komparabbli, l-ispazju li qed jiċkien għas-soċjetà ċivili, u tindirizza t-theddid lil trade unions indipendenti, ir-riskji u t-theddid fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-ostakli għall-finanzjament tal-UE lil NGOs fit-tabelli ta' valutazzjoni u fid-djalogi ta' SĠP+, peress li dawn il-kwistjonijiet huma direttament relatati mal-obbligi legali skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal darb'oħra, tkompli tiffinanzja l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili li jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi;

11.  Jenfasizza li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-kompitu tagħhom b'mod ħieles u bla xkiel u li ċ-ċirkostanzi li fihom tad-dmirijiet tagħhom għandhom jiġu analizzati fil-valutazzjoni tal-konformità tal-SĠP+;

12.  Jirrakkomanda, fi ħdan il-qafas tar-reviżjoni tar-Regolament, li jiġu estiżi l-konvenzjonijiet elenkati attwalment fl-ambitu tal-SĠP+ għall-pajjiżi benefiċjarji tal-EBA u tal-SĠP; itenni l-appell tiegħu li l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jiġi inkluż fil-lista tal-konvenzjonijiet meħtieġa għall-istatus tal-SĠP+;

13.  Ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti punti ta' riferiment ċari li jkunu rilevanti għall-problemi u n-nuqqasijiet ta' kull pajjiż sabiex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni internazzjonali u, kif xieraq, li dawn il-punti ta' riferiment jiġu inklużi b'mod sistematiku fid-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika;

14.  Jappella għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu u korp ta' lmenti indipendenti fi ħdan l-iskema tal-SĠP li jippermettu lill-partijiet interessati kollha, inkluż il-partijiet ikkonċernati lokali, jissottomettu lmenti relatati mal-allegat ksur tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem imwettqa minn Stati jew korporazzjonijiet li jibbenefikaw minn preferenzi kummerċjali skont ir-Regolament;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-istandards tax-xogħol, inklużi n-negozjar kollettiv u l-libertà ta' assoċjazzjoni, f'Żoni tal-Ipproċessar għall-Esportazzjoni (EPZ) li jinsabu f'pajjiżi benefiċjarji attwali jew potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li l-konċessjonijiet jitneħħew mill-protezzjonijiet tad-drittijiet tax-xogħol fl-EPZ u tistabbilixxi pjan direzzjonali fit-tul mal-pajjiżi sħab ikkonċernati;

16.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti li l-iskema tal-SĠP+ tikkontribwixxi għall-ħtif tal-art u għal ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod effettiv tali impatti negattivi u tiżgura li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwati ta' mitigazzjoni u ta' rimedju;

17.  Jappoġġa aktar involviment mal-pajjiżi l-anqas żviluppati skont l-iskema Kollox ħlief Armi fir-rigward tal-prevenzjoni u l-indirizzar ta' każijiet ta' ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem; jappella, f'dan ir-rigward, biex tiġi estiża s-sistema tat-tabella ta' valutazzjoni tal-iskema Kollox ħlief Armi; iqis li t-theddid ta' rtirar ta' preferenzi kummerċjali jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn assistenza u inizjattivi politiċi sostenibbli sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi benefiċjarji ġenwinament jikkonformaw mal-impenji internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

18.  Iqis li kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu sospiżi l-preferenzi trid tkun konsistenti kompletament mal-għan ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar u li jekk jintgħażel il-metodu ta' sospensjoni parzjali, dan għandu jkun imfassal biex jimminimizza l-effetti negattivi għall-popolazzjoni lokali; jenfasizza li l-irtirar ta' preferenzi kummerċjali għandu jitqies bħala miżura tal-aħħar rikors li tiġi applikata biss f'każijiet ta' nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali u nuqqas ċar ta' rieda u involviment min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju EBA li jindirizzahom;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet riċenti tal-Kummissjoni li tniedi l-proċess għall-irtirar tal-preferenzi EBA lill-Kambodja u li tibgħat missjoni tal-UE ta' emerġenza u ta' livell għoli fil-Myanmar b'reazzjoni għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ pajjiżi; jistenna li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat mill-qrib u involut fil-passi sussegwenti, inkluż fir-rigward tas-sospensjoni tal-preferenzi;

20.  Iqis li l-UE għandha tiżgura koerenza politika billi tinkoraġġixxi atturi internazzjonali oħra, bħall-intrapriżi multinazzjonali, biex jipparteċipaw bis-sħiħ fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet soċjali u tal-istandards ambjentali fid-dinja kollha, kif ukoll billi tobbliga operaturi ekonomiċi jdaħħlu fis-seħħ prattiki ta' diliġenza dovuta f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni turi sens ta' tmexxija sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol jiġu rispettati fil-ktajjen tal-valur globali, u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà soċjali korporattiva, inkluż l-appell tiegħu biex ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tiġi inkluża fir-Regolament u biex jiġu riformati r-regoli tad-WTO sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' diliġenza dovuta u trasparenza, abbażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u tibda leġiżlazzjoni obbligatorja dwar id-diliġenza dovuta fil-livell tal-UE mingħajr aktar dewmien;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-iskemi standard tal-SĠP u tal-EBA fir-Regolament il-ġdid wara l-2023 sabiex tippermetti t-tqegħid f'lista sewda ta' dawk il-kumpaniji responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li jixtiequ jesportaw lejn l-UE.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

2

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Klaus Buchner, James Carver, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Doru-Claudian Frunzulică, Elisabetta Gardini, Rebecca Harms, Patricia Lalonde, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Axel Voss, Martina Werner

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

50

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Aymeric Chauprade

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Arnaud Danjean, Norbert Erdős, Michael Gahler, Elisabetta Gardini, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Dubravka Šuica, László Tőkés, Axel Voss, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Wajid Khan, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Martina Werner, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Rebecca Harms, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

2

-

EFDD

James Carver

NI

Georgios Epitideios

6

0

ECR

Geoffrey Van Orden

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat

NI

Dobromir Sośnierz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (24.1.2019)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 dwar l-SĠP
(2018/2107(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Frank Engel

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Evalwazzjoni ta' Nofs it-Terminu tal-Kummissjoni dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE; jilqa' l-fatt li r-Regolament il-ġdid ra żieda fl-esportazzjonijiet mill-benefiċjarji tal-arranġamenti ta' Kollox ħlief Armi (EBA) u SĠP+, li huwa fattur importanti li jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar;

2.  Jenfasizza li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tinbena fuq il-prinċipji tal-politika esterna tal-UE (effikaċja, trasparenza u valuri); billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-qerda tal-faqar bħala l-objettiv ewlieni;

3.   Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 EUR 62.6 biljun f'importazzjonijiet daħlu fl-UE skont il-preferenzi tal-SĠP (tendenza li qed tiżdied), imqassma kif ġej: EUR 31.6 biljun minn benefiċjarji standard tal-SĠP, madwar EUR 7.5 biljun mill-benefiċjarji tal-SĠP+ u EUR 23.5 biljun mill-benefiċjarji tal-EBA (data tal-Eurostat minn Settembru 2017);

4.  Ifakkar li l-SĠP tgħin lill-industriji fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jegħlbu d-diffikultajiet li dawn il-pajjiżi jiffaċċjaw fis-swieq tal-esportazzjoni bħala riżultat ta' spejjeż inizjali għoljin; ifakkar li, f'konformità mal-objettivi tal-Unctad, l-għanijiet tal-SĠP huma li jiżdied id-dħul mill-esportazzjoni u li tiġi promossa l-industrijalizzazzjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u konsegwentement tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), u li jitħaffef it-tkabbir tagħhom bil-għan li jinqered il-faqar;

5.  Jenfasizza li l-SĠP+ hija strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE li tipprovdi aċċess aħjar għas-suq u hija akkumpanjata minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza t-tajba fil-pajjiżi vulnerabbli fil-fażi tal-iżvilupp;

6.  Jilqa' l-fatt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi għall-benefiċjarji tal-EBA hija għolja; ifakkar li l-aċċess għas-suq waħdu mhuwiex biżżejjed biex jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi fl-LDCs; jenfasizza, għalhekk, li l-EBA jenħtieġ li tiġi kkumplementata b'għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll assistenza relatata mal-kummerċ u l-bini tal-kapaċità jekk trid issir aktar effettiva; jinnota b'mod partikolari li huwa meħtieġ sforz akbar biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-ħtif tal-art u d-degradazzjoni ambjentali fil-kuntest tal-EBA;

7.  Jiddispjaċih li l-Evalwazzjoni ta' Nofs it-Terminu tindika li l-SĠP kellha biss impatt limitat fuq l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent; b'mod partikolari, jinnota bi tħassib li l-produzzjoni u l-kummerċ tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, li huma l-prodotti ta' importazzjoni ewlenin taħt l-SĠP, aċċelleraw id-degradazzjoni ambjentali fil-pajjiżi benefiċjarji fl-assenza ta' mekkaniżmi tal-ġestjoni ambjentali u tal-iskart adegwati[1]; jistenna li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-SĠP se jinkoraġġixxi aktar lis-sħab kummerċjali tal-UE biex jadottaw standards soċjali, tax-xogħol u tal-ambjent ogħla, li jistgħu jinkisbu permezz ta' inċentivi bħal preferenzi tariffarji addizzjonali għal oġġetti prodotti b'mod sostenibbli;

8.  Jieħu nota tal-valutazzjonijiet li jargumentaw li l-SĠP, b'mod ġenerali, ikkontribwixxa għall-iżvilupp soċjali u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-impjieg tan-nisa, id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tax-xogħol, l-osservazzjoni ta' standards ambjentali, l-implimentazzjoni ta' prattiki ta' governanza tajba, inkluża l-ġlieda kontra d-drogi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u t-terroriżmu, u r-ratifika tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu mal-pajjiżi sħab dwar dawn il-kwistjonijiet sabiex tiżgura progress kontinwu;

9.  Ifakkar, madankollu, li l-SĠP huwa reġim ibbażat fuq l-inċentivi li għandu jintuża b'mod konsistenti sabiex ikun effettiv; jiddispjaċih li l-investigazzjonijiet dwar l-allegat nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ma tnedewx b'mod koerenti jew f'waqtu; jemmen li l-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji fil-każ ta' ksur serju u sistematiku tad-drittijiet fundamentali għandu jintuża b'mod konsistenti u effettiv; jenfasizza l-importanza tal-impenn u l-monitoraġġ kontinwi, flimkien mal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f'dawn il-proċessi;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar rapida u aktar deċiżiva dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew tax-xogħol skont ir-rekwiżiti tal-SĠP; jappella għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu li jkun jista' jiġi invokat mill-individwi jew mill-gruppi li ntlaqtu b'mod negattiv mill-implimentazzjoni tal-SPĠ;

11.  Jitlob li jingħata aktar appoġġ lill-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP+ biex ireġġgħu lura x-xejra ta' tnaqqis fid-diversifikazzjoni tal-prodotti; huwa tal-fehma li s-sistema ta' monitoraġġ SĠP+ aktar intensifikata, flimkien mas-sejbiet tal-korpi ta' monitoraġġ tan-NU u tal-ILO u l-informazzjoni pprovduta minn partijiet terzi, ikkontribwixxiet għall-fatt li l-benefiċjarji kollha tal-SĠP+ qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb it-trasparenza tal-monitoraġġ tal-SĠP+ tal-UE, li l-mekkaniżmu għaliha għandu japplika b'mod ugwali għall-pajjiżi benefiċjarji tas-SPĠ u tal-EBA;

12.  Jinnota bi tħassib li ma hemm l-ebda kundizzjonalità li tmexxi l-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP u l-EBA biex jaderixxu mal-istandards ambjentali u jikkonformaw mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent; huwa tal-fehma li l-lista ta' konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol ewlenin u dwar il-prinċipji ambjentali u ta' governanza jenħtieġ li tiġi aġġornata fir-riforma li jmiss tar-Regolament dwar l-SĠP, b'mod partikolari billi tiġi inkluża bħala kundizzjonalità ġdida r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, b'mod aktar wiesa', jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku biex ittejjeb il-ħarsien tal-ambjent fl-implimentazzjoni ta' kull wieħed mit-tliet arranġamenti tal-SĠP;

13.  Ifakkar li l-UE għandha tinkoraġġixxi, fl-interessi tal-koerenza mal-politiki ta' atturi internazzjonali oħra, bħal kumpaniji multinazzjonali, parteċipazzjoni sħiħa fit-titjib tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet soċjali, id-drittijiet ambjentali u s-saħħa pubblika fid-dinja; jistieden lill-UE tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati fir-rigward tad-dritt għax-xogħol f'katini ta' valur mondjali, jiġifieri tul il-katina ta' provvista;

14.  Ifakkar li l-SĠP tkopri s-settur tal-produzzjoni tat-tessuti u l-ħwejjeġ aktar minn kull settur ieħor, li l-ispejjeż baxxi tal-investiment u d-disponibilità ta' impjiegi b'ħiliet baxxi jfissru li l-industriji tat-tessuti u tal-ħwejjeġ huma settur importanti f'termini tal-industrijalizzazzjoni tal-LDCs, u li t-tessuti u l-ħwejjeġ jaqdu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas ta' diliġenza dovuta legalment vinkolanti għall-kumpaniji u testendi l-mudelli żviluppati fil-kuntest ta' minerali ta' kunflitt, b'mod partikolari f'termini ta' trasparenza u traċċabilità, għas-settur tat-tessuti;

15.  Jitlob għal parteċipazzjoni akbar fil-proċess ta' monitoraġġ mis-soċjetà ċivili u aġenziji ta' żvilupp;

16.  Jisħaq fuq l-importanza tal-bini ta' kapaċità fil-pajjiżi benefiċjarji biex jitnaqqsu l-limiti fil-lat tal-provvista fuq id-diversifikazzjoni u l-użu tal-preferenzi; jitlob biex il-miżuri taħt l-Għajnuna għall-Kummerċ jintużaw b'mod aktar effettiv f'dan ir-rigward;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mireille D’Ornano, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Bogusław Sonik, Eleni Theocharous, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Stefan Gehrold, Maria Noichl, Judith Sargentini

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

20

+

ECR

Eleni Theocharous

GUE/NGL

Marina Albiol Guzmán, Lola Sánchez Caldentey

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Stefan Gehrold, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Bogusław Sonik, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maria Noichl, Vincent Peillon, Elly Schlein

VERTS/ALE

Maria Heubuch, Judith Sargentini

0

-

 

 

1

0

EFDD

Mireille D’Ornano

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  Ara l-Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-SĠP, imsemmija hawn fuq.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Karoline Graswander-Hainz, Heidi Hautala, Nadja Hirsch, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Patricia Lalonde, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Kārlis Šadurskis, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Ramona Nicole Mănescu, Georg Mayer, Ralph Packet, Bolesław G. Piecha, Fernando Ruas, Lola Sánchez Caldentey, Wim van de Camp, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Malin Björk, Ramón Jáuregui Atondo, Bernd Kölmel, Julia Pitera, Mirja Vehkaperä, Marco Zanni

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

36

+

ALDE

Nadja Hirsch, Patricia Lalonde, Marietje Schaake, Mirja Vehkaperä

ECR

Bernd Kölmel, Emma McClarkin, Ralph Packet, Bolesław G. Piecha

EFDD

Tiziana Beghin

GUE/NGL

Malin Björk, Anne-Marie Mineur, Lola Sánchez Caldentey, Helmut Scholz

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Georges Bach, Wim van de Camp, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Ramona Nicole Mănescu, Sorin Moisă, Julia Pitera, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Kārlis Šadurskis, Jarosław Wałęsa

S&D

Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Ramón Jáuregui Atondo, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala

2

-

ENF

France Jamet, Marco Zanni

1

0

ENF

Georg Mayer

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza