RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017

27.2.2019 - (2018/2177(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Marco Valli


Proċedura : 2018/2177(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0107/2019
Testi mressqa :
A8-0107/2019
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rendikonti finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0519 – C8-0328/2018),

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni finanzjarja dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (COM(2018)0475),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-tmien, id-disa', l-għaxar u il-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[2] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017 (05368/2019 – C8-0064/2019, 05369/2019 – C8-0065/2019, 05370/2019 – C8-0066/2019, 05371/2019 – C8-0067/2019),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2018)0545),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2017 intitolat "Midterm Review Report on the External Financing Instruments" (Rapport tar-rieżami f'nofs it-terminu dwar l-Istrumenti tal-Finanzjament Estern) (COM(2017)0720), u d-dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni relatati, "Evaluation of the Development Cooperation Instrument" (Evalwazzjoni tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0600) u "Evaluation of the eleventh European Development Fund" (Evalwazzjoni tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0601),

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Esterna tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (rapport finali ta' Ġunju 2017), ikkummissjonata mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou (il-Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000[3] u emendat f'Ouagadougou (il-Burkina Faso) fit-22 ta' Ġunju 2010[4],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija")[5],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tal-Ftehim Intern tal-20 ta' Diċembru 1995 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità taħt it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-raba' Konvenzjoni AKP-KE[6],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li dwarhom il-Parti Erbgħa tat-Trattat KE hija applikabbli[7],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tas-17 ta' Lulju 2006 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2008-2013 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u t-territorji barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE[8],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tal-24 ta' Ġunju 2013 u tas-26 ta' Ġunju 2013 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[9],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta' Ġunju 1998 applikabbli għall-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba' Konvenzjoni AKP-KE[10],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp[11],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp[12],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp[13],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94, it-tielet inċiż u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0107/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rendikonti finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0519 – C8-0328/2018),

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni finanzjarja dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (COM(2018)0475),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-tmien, id-disa', l-għaxar u il-ħdax-il-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni[14],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[15] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017 (05368/2019 – C8-0064/2019, 05369/2019 – C8-0065/2019, 05370/2019 – C8-0066/2019, 05371/2019 – C8-0067/2019),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2018)0545),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2017 intitolat "Midterm Review Report on the External Financing Instruments" (Rapport tar-rieżami f'nofs it-terminu dwar l-Istrumenti tal-Finanzjament Estern) (COM(2017)0720), u d-dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni relatati, "Evaluation of the Development Cooperation Instrument" (Evalwazzjoni tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0600) u "Evaluation of the eleventh European Development Fund" (Evalwazzjoni tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0601),

–   wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Esterna tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (rapport finali ta' Ġunju 2017), ikkummissjonata mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou (il-Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000[16] u emendat f'Ouagadougou (il-Burkina Faso) fit-22 ta' Ġunju 2010[17],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea ("Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija")[18],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tal-Ftehim Intern tal-20 ta' Diċembru 1995 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità taħt it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-raba' Konvenzjoni AKP-KE[19],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 32 tal-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li dwarhom il-Parti Erbgħa tat-Trattat KE hija applikabbli[20],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tas-17 ta' Lulju 2006 bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2008-2013 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u t-territorji barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE[21],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern tal-24 ta' Ġunju 2013 u tas-26 ta' Ġunju 2013 bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[22],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta' Ġunju 1998 applikabbli għall-kooperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba' Konvenzjoni AKP-KE[23],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju tas-27 ta' Marzu 2003 applikabbli għad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp[24],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp[25],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp[26],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94, it-tielet inċiż u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0107/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93, l-Artikolu 94, it-tielet inċiż u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0107/2019),

A.  billi l-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ il-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), filwaqt li terfa' kemm ir-responsabbiltà aħħarija għal-legalità/regolarità tal-operazzjonijiet tal-FEŻ kif ukoll dik għas-sorveljanza tal-proċess ta' rappurtar finanzjarju tal-FEŻ;

B.  billi l-għajnuna għall-iżvilupp tal-FEŻ huwa effettivament implimentat f'79 pajjiż avolja l-kundizzjonijiet politiċi u soċjoekonomiċi spiss huma kumplessi, instabbli u assoċjati mar-riskju;

C.  billi huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża f'konformità mal-iskop oriġinali tagħha kif iddikjarat fl-Artikolu 208 tat-TFUE, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna u tal-iżvilupp;

D.  billi diversi politiki tal-Unjoni huma implimentati fl-istess pajjiż jew grupp ta' pajjiżi b'raġunament u b'objettivi differenti, b'riskju li jikkontradixxu lil xulxin;

E.  billi koerenza akbar mal-objettiv primarju tat-tnaqqis tal-faqar u, fit-tul, tal-qerda tiegħu, enfasi akbar fuq il-prestazzjoni u azzjonijiet viżibbli jiffurmaw fus rikorrenti li l-FEŻ għandu jaħdem fuqu;

F.  billi l-modi tat-twassil tal-għajnuna mill-FEŻ għandhom jieħdu kont tal-istadji ta' żvilupp differenti tal-pajjiżi sħab, b'mod partikolari għall-pajjiżi sħab li ggradwaw minn status ta' introjtu baxx għal dak ta' introjtu medju;

G.  billi l-prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli huwa proċess parteċipattiv ta' tfassil ta' politika li jkun trasparenti, inklużiv u effiċjenti u jirrispetta l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi prekundizzjonalitajiet effikaċi u kontrolli regolari huma komponenti ewlenin fl-iżgurar ta' ġestjoni finanzjarja tajba u effikaċi tal-FEŻ;

I.  billi l-Parlament mhuwiex involut fl-istabbiliment u fl-allokazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, meta mqabbel ma' strumenti oħra ta' żvilupp;

Dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni

Konstatazzjonijiet ewlenin dwar l-implimentazzjoni finanzjarja 2017

1.  Jieħu nota li l-impenji tal-FEŻ laħqu EUR 6 218-il miljun sa tmiem l-2017, somma li tirrappreżenta 95 % tal-objettiv annwali kif rivedut f'Ottubru 2017 (jiġifieri EUR 6 510 miljun), il-pagamenti sħaħ tal-FEŻ kienu jammontaw għal EUR 4 256 miljun fil-31 ta' Diċembru 2017, somma li tikkorrispondi għal rata ta' eżekuzzjoni ta' 98,89 % tal-objettiv annwali kif rivedut f'Ottubru 2017 (jew EUR 6 510 miljun); jieħu nota, minbarra l-impenji u l-pagamenti tal-FEŻ imsemmija hawn fuq, li l-impenji totali tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) laħqu EUR 667 miljun u EUR 456 miljun f'pagamenti għall-2017;

2.  Jieħu nota li s-sehem tar-Renju Unit jirrappreżenta 14,82 % tal-għaxar FEŻ u 14,68 % tal-ħdax-il FEŻ; jissottolinja l-importanza li jinżammu rabtiet stretti bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara li dan joħroġ mill-Unjoni Ewropea għal dak li għandu x'jaqsam mal-FEŻ u mal-għajnuna għall-iżvilupp, u jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li żżid l-intestatura VI (li tkopri l-ex intestatura IV u l-FEŻ) b'26 % għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

3.  Jilqa' l-isforzi regolari tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) biex inaqqas il-prefinanzjament l-antik, l-impenji antiki li ma ntefqux u l-kuntratti qodma skaduti, b'objettiv ta' 25 %; jinnota li din l-objettiv inqabeż, bi tnaqqis ta' 32,58 % tal-prefinanzjament antik tal-FEŻ (37,6 % għall-kamp ta' responsabbiltà tagħha) u tnaqqis ta' 37,63 % għall-impenji antiki tal-FEŻ li ma ntefqux; jinnota wkoll li, għall-kuntratti antiki skaduti tal-FEŻ, ma ntlaħaqx tnaqqis, hekk li l-livell baqa' 18,75 % kontra l-objettiv ta' 15 %; jieħu nota, mal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), tal-kumplessità kbira tal-proċess tal-għeluq ta' kuntratti antiki skaduti tal-FEŻ, kif ukoll it-twaqqif ta' proċedura ġdida ddedikata biex tindirizza din il-kwistjoni rikorrenti;

4.  Jistieden lid-DĠ DEVCO jikkunsidra li jirfina jew saħansitra jadatta s-sett eżistenti ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni tiegħu biex, fost l-oħrajn, jimmonitorja aħjar it-tixjiħ tal-kontribuzzjonijiet bil-quddiem imħallsa lil fondi fiduċjarji tal-Unjoni (il-Fondi Fiduċjarji ta' Bêkou u l-fond fiduċjarju ta' emerġenza tal-Unjoni għall-Afrika);

Affidabbiltà tal-kontijiet

5.  Jilqa' l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali finali tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il FEŻ għas-sena 2017 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ fil-31 ta' Diċembru 2017, u li r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, huma f'konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ u mal-istandards kontabilistiċi għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment;

Il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

6.  Jilqa' l-opinjoni tal-Qorti, skont liema d-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena 2017 hu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-opinjoni avversa li l-Qorti tal-Awdituri stqarret dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti, minħabba li l-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet huma materjalment milquta minn żbalji;

8.  Jiddispjaċih li, f'kull rapport ta' attività annwali mill-2012 'il hawn, id-DĠ DEVCO kellu jifformula riżerva dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, fatt li jindika nuqqasijiet serji fil-ġestjoni interna;

9.  Jinnota bi tħassib li, skont l-istimi tal-Qorti fir-rapport annwali tagħha, il-livell ta' rata ta' żball għall-infiq li fuqu huma bbażati l-kontijiet mit-tmien, mid-disa', mill-għaxar u mill-ħdax-il FEŻ huwa 4,5 %, imqabbel ma' 3,8 % fl-2016, 3,8 % fl-2014 u fl-2015, 3,4 % fl-2013 u 3 % fl-2012;

10.  Jesprimi tħassib rigward ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni mill-Qorti bi rbit ma' tranżazzjonijiet ta' pagament, li fihom 29 % kien fihom żbalji (37 fost il-128 pagament li ġew awditjati); jiddispjaċih li t-tipoloġija tal-iżbalji fl-2017 baqgħet tixbah lil dawk ta' diversi snin preċedenti, jiġifieri nefqa mhux imġarrba (42 %), nuqqas ta' dokumenti essenzjali ta' sostenn (29 %) u nuqqas serju ta' rispett tar-regoli tal-akkwist pubbliku (12 %); jiddispjaċih li 33 % tat-30 tranżazzjoni ta' pagament li kien fihom żbalji kwantifikabbli kienu tranżazzjonijiet finali li ġew awtorizzati wara kontrolli ex ante;

11.  Jiddispjaċih li żbalji oħra, bħal fis-snin preċedenti, kienu jikkonċernaw stimi tal-programmi, għotjiet, ftehimiet ta' kontribuzzjonijiet ġestiti kemm ma' organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll ma' aġenziji ta' kooperazzjoni tal-Istati Membri; ifakkar fit-tħassib tiegħu rigward il-fatt li l-approċċ nozzjonali mħaddem fi proġetti ffinanzjati minn bosta donaturi u implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali u attivitajiet ta' appoġġ baġitarju jillimitaw l-ispazju tal-awditjar tal-Qorti; jilqa' madankollu t-titjib li sar mill-Kummissjoni fl-2018 inkluża l-adozzjoni tat-"Termini ta' Referenza għall-Verifiki tan-Nefqa" u l-Pjan Direzzjonali għat-Tisħiħ tal-Kontrolli fl-ambitu tal-Estimi tal-Programmi"; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirrifletti fuq is-suppożizzjoni tagħha li l-kriterji ta' eliġibbiltà tal-Unjoni jkunu ġew irrispettati dment li l-ammont miġbur flimkien jinkludi biżżejjed infiq eliġibbli biex ikopri l-kontribuzzjoni tal-Unjoni; jitlob li l-Kummissjoni tindirizza b'urġenza n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-kuntratti, fil-proċeduri tal-għażla, fil-ġestjoni tad-dokumenti u fis-sistema ta' akkwist;

12.  iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproduċi spjegazzjonijiet dettaljati b'reazzjoni għal dawn il-konstatazzjonijiet u tippreżenta lill-Parlament Ewropew pjan ċar li jiddeskrivi l-passi meħtieġa għall-korrezzjoni ta' din is-sitwazzjoni preokkupanti ħafna;

13.  Huwa mħasseb dwar ir-rikorrenza fl-2017 ta' każijiet relatati ma' rkupri ta' prefinanzjament mhux minfuq li ġie rreġistrat b'mod skorrett bħala dħul operattiv, għalkemm il-korrezzjonijiet fl-2017 żdiedu għal EUR 5,1 miljun (meta mqabbla ma' EUR 3,1 miljun fl-2016);

Effikaċja (u affidabbiltà) tal-katina tal-assigurazzjoni

Komponent ta' sorveljanza

14.  Jemmen li t-tisħiħ tad-diversi elementi kostitwenti tal-qafas ta' assigurazzjoni għandu jsir b'mod koordinat; itenni l-ħtieġa li tinżamm strateġija ta' sorveljanza konsistenti li tiżgura bilanċ bejn ir-rispett tad-dispożizzjonijiet ta' konformità, l-objettivi u l-kriterji ta' valur miżjud affidabbli relatati mal-prestazzjoni u l-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi sħab, li għandhom ikunu riflessi debitament fil-ġestjoni tad-diversi operazzjonijiet u modi ta' twassil tal-għajnuna;

15.  Jirrikonoxxi l-punti dgħajfa rikorrenti tas-sistema ta' kontrolli ex ante tal-Kummissjoni u jfakkar lill-Kummissjoni timplimenta miżuri biex tevita l-falliment, diġà verifikat, ta' ċerti kontrolli ex ante; jinnota li l-Qorti enfasizzat li, f'xi każijiet ta' żbalji, il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti mis-sistemi ta' informazzjoni tagħha biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi qabel ma tagħmel in-nefqa, bil-konsegwenza li l-livell ta' żball stmat kien ikun 1,8 % inqas; iqis lill-kunċett il-ġdid tal-verifika tan-nefqa fit-Termini ta' Referenza l-ġodda adottati mill-Kummissjoni bħala mod utli biex jitranġaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tas-sistema ta' kontroll;

16.  Jinnota l-approċċ anqas prudenti applikat fl-2017 mid-DĠ DEVCO fis-sitt analiżi tagħha dwar "Rata tal-iżball residwu", b'mod partikolari għall-kalkolu u l-estrapolazzjoni ta' żbalji minħabba l-fatt li għadd limitat ħafna ta' verifiki fil-post u eżamijiet tal-proċeduri ta' akkwist ġew inklużi fir-rieżami annwali tal-2017, bir-riżultat li ġiet ifformulata riżerva limitata għall-ambitu tal-għotjiet f'reġim ta' ġestjoni diretta (bi EUR 82,96 miljun f'riskju); jirrikonoxxi l-isforzi kostanti li saru s'issa biex inaqqsu l-livell ta' żball stmat taħt is-soll ta' materjalità tal-iżbalji ta' 2 %; jenfasizza, madankollu, li l-ilħiq ta' dan l-objettiv ma għandux iwassal għal viżjoni mċajpra dwar ir-regolarità u l-legalità tal-operazzjonijiet, li tipprevjeni wkoll il-komparabbiltà tar-riżultati tul diversi snin; jistieden lill-partijiet interessati kollha jevitaw metodoloġiji li jikkompetu kontra xulxin meta jivvalutaw il-livelli ta' żbalji stmati, sabiex jippreżentaw stampa affidabbli tas-sitwazzjoni u jqawwu l-kunfidenza u l-ġustizzja kemm fil-ħidma ta' kontroll imwettqa kif ukoll fis-sistemi ta' kontroll ġenerali;

Ġestjoni tar-riskju

17.  Ifakkar li monitoraġġ regolari tal-fatturi ta' riskju għoli (esterni, finanzjarji u operazzjonali) flimkien ma' kwantifikazzjoni adegwata tagħhom huma prerekwiżiti ewlenin għal ġestjoni finanzjarja tajba u nfiq ta' kwalità u għall-iżvilupp tal-kredibilità, is-sostenibbiltà u r-reputazzjoni tal-interventi tal-Unjoni; iħeġġeġ lid-DĠ DEVCO jkompli jirfina l-proċessi tiegħu skont ir-riskji u l-volum tal-finanzi u, jadatta l-kundizzjonalitajiet skont il-livelli differenti ta' żvilupp, il-profili ta' riskju tal-pajjiżi u l-oqfsa ta' governanza;

18.  Jirrileva l-ħtieġa li l-immappjar jew matriċi tar-riskju tad-DĠ DEVCO jibda b'mod regolari jevolvi b'risposta għall-feġġ ta' forom ġodda ta' strumenti u faċilitajiet ta' assistenza fi ħdan is-sett ta' għodod tal-UE, bħall-finanzjament imħallat, fondi fiduċjarji ddedikati u sħubijiet finanzjarji ma' istituzzjonijiet internazzjonali jew banek ta' żvilupp multilaterali oħrajn;

Komponenti ta' evalwazzjoni u rappurtar

19.  Jistieden lid-DĠ DEVCO jtejjeb b'mod sinifikanti l-arranġamenti tiegħu dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar tal-prestazzjoni sabiex jiżgura li l-indikaturi ewlenin stabbiliti fis-sistemi ta' prestazzjoni differenti jiġu mmonitorjati b'mod sistematiku u li min ifassal il-politiki jingħata informazzjoni affidabbli, komprensiva u f'waqtha; jitlob li ssir evalwazzjoni fit-tul li tinkludi ġbir ta' data, riċerki u analiżi biex jittejbu l-indikaturi ewlenin; jemmen li tidgħif tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-evalwazzjoni tar-riżultati jagħmel ħsara lir-responsabbiltà lejn il-pubbliku;

20.  Jemmen li l-istrument ROM għandu jintuża b'mod proattiv u b'aktar ħeffa meta jseħħu jew jippersistu sitwazzjonijiet kritiċi; jenfasizza li għandhom jittieħdu mingħajr dewmien miżuri korrettivi u n-natura tan-nuqqasijiet fil-livell tad-disinn għandhom jkunu valutati strutturalment; jenfasizza li huwa indispensabbli li l-Parlament u l-awtorità għall-kontroll baġitarju jingħataw stampa ċara tal-grad reali sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni;

21.  Iqis li r-Rapporti dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni huma strument ta' rappurtar korporattiv utli li jikkontribwixxi għall-bini tal-aċċertament għall-kejl tal-prestazzjoni ta' kull delegazzjoni tal-Unjoni; jinnota s-sehem ta' proġetti bi kwistjonijiet ta' implimentazzjoni qed jonqos, minn 31,1 % (980 proġett minn 3 151 proġett li kienu għaddejjin) fl-2016 għal 23,8 % (jew 1 059 proġett minn 4 444 proġett li kienu għaddejjin) għall-2017; huwa mħasseb, madankollu, li għas-27 % tal-proġetti attwali li l-implimentazzjoni tagħhom hija diffiċli, ir-raġunijiet ewlenin huma l-perċezzjoni ta' kapaċità jew prestazzjoni baxxa ta' sħab fl-implimentazzjoni, interess u impenn baxx tal-partijiet interessati jew kofinanzjament insuffiċjenti minn sħab, fatturi li għandhom jiġu identifikati fi stadju bikri fid-djalogu politiku u fil-koordinament tad-donaturi;

Implimentazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-FEŻ

Evalwazzjoni tal-ħdax-il FEŻ

22.  Jieħu nota tal-istqarrija tal-evalwazzjoni tal-ħdax-il FEŻ li (i) "hemm theddida reali li l-FEŻ jiġi mġiegħel jirrispondi għal aġendi li jitbiegħdu mill-objettiv primarju tiegħu li jtaffi l-faqar, aġendi li diffiċilment jistgħu jiġu rikonċiljati mal-valuri fundamentali tal-FEŻ u jikkompromettu dak li l-FEŻ jirnexxilu jagħmel sew" u (ii) li "minkejja l-konsultazzjonijiet, il-fehmiet tal-gvernijiet u [tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili] (b'xi eċċezzjonijiet notevoli bħal fir-reġjun Paċifiku), rari li ġew ikkunsidrati fl-għażliet ta' programmazzjoni" u li "il-programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ b'hekk ħaddmet approċċ minn fuq 'l isfel biex tapplika l-prinċipju ta' konċentrazzjoni, iżda dan għamlitu akkost tal-prinċipju ċentrali ta' sħubija tal-Ftehim ta' Cotonou"; jiddispjaċih li l-Kummissjoni sal-lum injorat kompletament dawn il-konstatazzjonijiet; iqis madankolli l-konsolidament tal-paċi u l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-migrazzjoni huma aspetti fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli;

23.  Jieħu nota wkoll li, skont l-evalwazzjoni tal-ħdax-il FEŻ, kważi EUR 500 miljun mir-riżerva tal-FEŻ ġew żborżati sa April 2017 biex jappoġġjaw id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej, kważi EUR 500 miljun ġew allokati f'appoġġ ta' emerġenza lil pajjiżi individwali u EUR 1,5 biljun ġew żborżati lill-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni għall-Afrika; billi l-FEŻ jikkontribwixxi wkoll għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli l-ġdid;

Rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrumenti finanzjarji esterni

24.  Jilqa' l-fatt li l-evalwazzjoni turi li l-objettivi tal-FEŻ fil-biċċa l-kbira kienu rilevanti għall-prijoritajiet politiċi fiż-żmien meta l-Fond tfassal u li dan kien ġeneralment adatt għall-iskop tiegħu u kienet allinjat mal-valuri u mal-objettivi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG);

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon li ċerti pajjiżi fejn joperaw programmi ġeografiċi tal-FEŻ raw progress fit-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp tal-bniedem u dak ekonomiku u matul dawn l-aħħar għaxar snin; jinnota li s-sitwazzjoni tal-pajjiżi l-oħra għadha kritika; josserva b'sodisfazzjon li l-prijoritajiet tal-FEŻ huma allinjati mal-valuri u mal-objettivi tal-SDGs;

26.  Jenfasizza li l-interessi interni ta' żmien qasir tal-Unjoni m'għandhomx ikunu l-uniku mutur tal-aġenda tal-iżvilupp tagħha, u li l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna għandhom jiġu applikati bis-sħiħ għal kull forma ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

27.  Jitlob li d-DĠ DEVCO jikkunsidra l-punti li ġejjin dwar il-ġestjoni tal-FEŻ biex jiżgura l-effikaċja, l-effiċjenza u l-valur miżjud tiegħu:

–  li joħroġ aktar fid-dieher il-komplementarjetà tal-finanzjament tal-FEŻ, il-koerenza tal-għodda tal-Unjoni u s-sinerġiji ma' strumenti oħra ta' għajnuna esterna;

–  li jiżgura l-ogħla livell ta' regolarità u obbligu ta' rendikont għar-riżultati għal azzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻ;

–  il-Kummissjoni hija mistiedna, f'dak il-kuntest, biex tispjega aħjar il-qafas loġiku sottostanti għall-interventi tagħha, speċjalment biex tikseb viżibbiltà aħjar tal-impatti mistennija fit-tul jew tas-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻ;

–  li jinkludi fir-rapport ta' attività annwali li jmiss valutazzjoni strutturata tal-impatt tal-attivitajiet tal-ħdax-il FEŻ, b'enfasi partikolari fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-riżultati ambjentali miksuba;

  li jqis li għad hemm bżonn ta' approċċ aktar sistematiku fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-għotjiet, bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà tal-Unjoni u jissaħħu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tul il-katina tal-finanzjamenti;

–  li jtejjeb l-ispirtu ta' sħubija permezz tal-istabbiliment ta' sjieda demokratika fuq il-programm u l-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-FEŻ;

28.  Iqis li, għall-proġetti infrastrutturali ffinanzjati permezz tal-FEŻ, valutazzjoni ex ante indipendenti li tqis l-impatt soċjali u ambjentali tal-proġetti, kif ukoll il-valur miżjud tagħhom, hija essenzjali; iqis li d-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom ikunu korrelatati ma' analiżi xierqa tal-kostijiet u l-benefiċċji, hekk li jiġu ffinanzjati proġetti li l-implimentazzjoni tagħhom tkun sostenibbli mil-lat ambjentali, finanzjarju jew soċjali;

29.  Jirrileva l-konstatazzjonijiet negattivi ħafna tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati[27] (PPPs) u r-rakkomandazzjoni tal-Qorti "li ma jiġix promoss użu aktar intensiv u mifrux tal-PPPs" fi ħdan l-UE; jitlob li l-Kummissjoni tqis din ir-rakkomandazzjoni bis-sħiħ meta tittratta l-PPPs f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn l-ambjent għal implimentazzjoni b'suċċess tal-PPPs huwa saħansitra aktar diffiċli milli fl-Unjoni;

30.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li, fis-snin 2016, 2017 u 2018, il-ġuħ qiegħed jiżdied fid-dinja kollha, u issa aktar minn 820 miljun persuna jbatu min-nuqqas ta' nutrizzjoni kroniku, filwaqt li fl-istess ħin il-proporzjon tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp mill-UE u l-Istati Membri tagħha għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni naqset minn madwar 8 % fl-2014 għal 6 % fl-2016, u l-impenji baġitarji għas-sigurtà alimentari fl-ambitu tal-istrumenti ġestiti mill-Kummissjoni naqsu b'mod sinifikanti fl-2017;

31.  Itenni r-riżervi qawwija tiegħu dwar il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Eritrea u Programm ta' Azzjoni Annwali fl-2017, u li l-Kumitat tal-FEŻ adottahom, mingħajr evidenza konklużiva ta' riformi jew titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; ifakkar fl-impenji tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli li jinfurmaw lill-Parlament regolarment f'dan ir-rigward.

32.  Jitlob approċċ għall-iżvilupp abbażi ta' inċentivi permezz tal-introduzzjoni tal-prinċipju "aktar għal aktar", fuq l-eżempju tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jemmen li aktar ma pajjiż jimxi 'l quddiem u jħaffef fir-riformi interni tiegħu għall-bini u l-konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, aktar għandu jirċievi appoġġ mill-Unjoni;

33.  Jissottolinja l-importanza ta' żieda fl-allokazzjoni ta' fondi maħsuba biex jappoġġjaw il-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan jinġiebu 'l quddiem istituzzjonijiet responsabbli u trasparenti, jiġi appoġġjat il-bini tal-kapaċità u jitrawmu proċessi deċiżjonali parteċipattivi u aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni;

34.  Fid-dawl tal-bidla fil-modalitajiet tal-għajnuna minn għotjiet diretti għal fondi fiduċjarji u finanzjament imħallat, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BEI jadottaw ftehim interistituzzjonali mal-Parlament dwar it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-iskrutinju parlamentari, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' politika stabbiliti fil-Kunsens Ewropew il-Ġdid dwar l-Iżvilupp;

35.  Itenni b'mod qawwi l-appell tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jipproċedu bl-integrazzjoni tal-FEŻ fil-baġit tal-Unjoni bl-iskop li jsaħħu l-iskrutinju demokratiku; jilqa' l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni biex tikkonforma mat-talba rikorrenti tal-Parlament biex il-FEŻ ikun integrat fil-baġit tal-Unjoni; jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament bl-istat attwali tat-taħditiet relatati mas-sostituzzjoni tal-ftehim ta' Cotonou wara l-2020;

36  Jilqa' l-proċess tan-negozjati ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou biex jinżamm il-qafas AKP-UE;

Il-FEŻ u l-ġestjoni ta' rabta ġdida

37.  Jirrikonoxxi li l-FEŻ qed jiffaċċja pressjoni kbira biex jirrispondi għal għadd dejjem jikber ta' rikjesti politiċi, bħas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, li diffiċilment jistgħu jiġu allinjati mal-valuri ċentrali tal-FEŻ u mal-prinċipji tal-politika ta' żvilupp u kooperazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-qerda tal-faqar kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE; josserva li l-ġestjoni ta' rabta ġdida tqiegħed f'riskju l-bilanċ komprensiv tal-politika ta' żvilupp;

38.  Jieħu nota li l-ġestjoni tar-rabta l-ġdida tiftaħ il-kwistjoni tal-bilanċ komprensiv tal-politika ta' żvilupp; huwa tal-fehma li r-reazzjonijiet ta' emerġenza għal sitwazzjonijiet ta' kriżi suċċessivi għandhom isegwu approċċ olistiku; ifakkar li r-rispett tal-prinċipju ta' koerenza tal-politiki tagħha huwa tal-akbar importanza għall-istabbiltà tal-pajjiżi li qegħdin jibbenefikaw mill-għajnuna għall-iżvilupp Ewropea;

Ġestjoni ta' strumenti finanzjarji barra mill-baġit (kontribuzzjonijiet tal-FEŻ lill-fondi fiduċjarji tal-Unjoni)

39.  Jieħu nota li l-impenji totali fl-ambitu tal-fondi fiduċjarji tal-Unjoni sal-lum laħqu l-ammont ta' EUR 4,09 biljun, li fih il-kontribuzzjoni ewlenija ta' EUR 3 biljun toriġina mill-FEŻ u EUR 442,7 miljun mill-Istati Membri u minn donaturi oħrajn; jieħu nota tal-impenji ta' kważi EUR 240 miljun għall-fond fiduċjarju ta' Bêkou fl-2017, b'EUR 113-il miljun mill-FEŻ u EUR 65,9 miljun mill-Istati Membri u minn donaturi oħrajn;

40.  Ifakkar fil-konstatazzjonijiet ewlenin tar-Rapport Speċjali tal-Qorti dwar il-Fond Fiduċjarju Bêkou, fosthom li l-istruttura tal-Fond kienet adatta għall-kuntest tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u li l-effetti tiegħu kienu pożittivi; jissottolinja li din il-valutazzjoni kienet fil-biċċa l-kbira riflessa fil-konstatazzjonijiet tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għall-Iżvilupp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fi Frar 2018, u li d-delegazzjoni kkonkludiet li "l-fond jista' jindirizza b'mod adegwat il-ħtiġijiet li jgħaddu mir-riabilitazzjoni, għall-provvista tal-mezzi tal-għajxien u għall-iżvilupp fuq medda itwal ta' żmien"; ifakkar li l-Fond ġie stabbilit bħala Fond Fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE b'durata ta' 60 xahar, li jiskadi f'Lulju 2019, u li l-estensjoni tiegħu tidher li tkun siewja, iżda se tirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament;

41  Jirrileva r-riskju ta' devjazzjoni minn objettivi ta' żvilupp klassiċi, bħall-qerda tal-faqar, filwaqt li jirrikonoxxi ċerti potenzjalitajiet ta' dawn l-istrumenti, pereżempju li jaċċeleraw l-iżvilupp tal-għanijiet ta' żvilupp jew li jirreaġixxu malajr għal kriżi internazzjonali;

42.  Jieħu nota tal-kisbiet tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika (EUTF); ifakkar, madankollu, li l-finanzjament tal-EUTF li ġej mil-linji baġitarji tal-iżvilupp m'għandux jintuża għal miżuri ta' sigurtà li jipperikolaw id-drittijiet tal-migranti; ifakkar li l-objettivi ewlenin tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandhom ikunu l-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-proġetti tal-EUTF iridu jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-programmazzjoni u jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kkonċernati; jirrakkomanda bil-qawwa li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa jiġu promossi fil-programmi tal-EUTF, kif ukoll il-protezzjoni ta' dawk l-aktar vulnerabbli, inklużi t-tfal u l-persuni b'diżabilità;

43.  Jieħu nota tal-bosta preokkupazzjonijiet li esprimew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri[28] u l-awturi tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-ħdax-il FEŻ esprimew rigward l-implimentazzjoni tal-EUTF:

–  f'termini ta' implimentazzjoni tal-proġetti, l-EUTF kellu biss impatt limitat fit-tħaffif tal-proċess meta mqabbel mal-għajnuna tradizzjonali għall-iżvilupp;

–  hemm ukoll tħassib dwar l-effikaċja u s-sostenibbiltà probabbli tal-proġetti tal-EUTF, u dwar kemm l-Unjoni hija kapaċi tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom;

–  iż-żoni tal-Afrika ta' Fuq u tal-Qarn tal-Afrika ma għandhomx kriterji ddokumentati għall-għażla tal-proposti għall-proġetti;

–  hemm difetti serji fil-kejl tal-prestazzjoni;

–  ma hemm ebda qafas speċifiku ta' valutazzjoni tar-riskju;

Iqis li, minħabba dawn il-konstatazzjonijiet, il-valur miżjud tal-EUTF huwa dubjuż ħafna;

44.  Jemmen li fil-governanza operazzjonali u fit-tfassil tal-politika għandhom ikunu żgurati biżżejjed sjieda lokali u involviment tas-sħab, biex jiġi evitat modus operandi ċentralizzat wisq bi rwol prominenti għad-donaturi u fir-rispett, fl-istess ħin, tal-prinċipju tal-ġestjoni skont ir-riżultati;

45.  Jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwistjoni sistemika tal-koordinament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-donaturi skont approċċ aktar sistemiku biex jinkisbu garanziji tal-effikaċja tal-fondi fiduċjarji;

Appoġġ baġitarju għall-pajjiżi sħab

46.  Josserva li l-appoġġ baġitarju ffinanzjat mill-FEŻ fl-2017 kien jikkorrispondi għal EUR 860,2 miljun li minnhom EUR 703,1 miljun kienu impenji ġodda (li jkopru 54 pajjiż u jirrappreżentaw 102 kuntratti ta' appoġġ baġitarju); jieħu nota li, għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, l-iżborżi tal-FEŻ fl-2017 ammontaw għal EUR 57,7 miljun (għal 11-il pajjiż u 15-il kuntratt ta' appoġġ baġitarju); jieħu nota li, fl-2017, id-DĠ DEVCO temm l-appoġġ baġitarju f'żewġ pajjiżi tal-AKP, rispettivament minħabba nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi (ĠFP) u nuqqas ta' politika makroekonomika orjentata lejn l-istabbiltà u ta' trasparenza fil-ĠFP;

47.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali (RFĠ) skont l-Artikolu 236 u l-Artikolu 36 tar-Regolament Finanzjarju propost applikabbli għall-ħdax-il FEŻ fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-appoġġ baġitarju li għandu jingħata lil pajjiżi terzi; josserva li r-Regolament Finanzjarju propost tal-ħdax-il FEŻ jinkludi dispożizzjonijiet li mhumiex inklużi fir-RFĠ, b'mod partikolari li l-appoġġ baġitarju għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ is-sħubija kuntrattwali bejn l-Unjoni u l-Istati tal-AKP jew l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej sabiex jappoġġja, fost affarijiet oħra, tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, u jgħin biex jinqered il-faqar, hekk li dan tal-aħħar iwassal għal diffikultajiet potenzjali ta' applikazzjoni tar-regoli tal-FEŻ;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora aktar, u tiċċara, il-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira eżatta tal-marġini ta' flessibbiltà jew ta' interpretazzjoni tagħha fil-valutazzjoni ta' jekk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-eliġibbiltà għall-ħruġ ta' pagamenti lil pajjiż sieħeb ikunux issodisfati, fir-rigward tal-hekk imsejħa "differenzjazzjoni u approċċ dinamiku għall-eliġibbiltà"; jinsab imħasseb dwar l-użu finali tal-fondi trasferiti u n-nuqqas ta' traċċabbiltà meta l-fondi tal-Unjoni jingħaqdu mar-riżorsi baġitarji tal-pajjiż sieħeb;

49.  Jemmen li l-appoġġ baġitarju għandu jappoġġja soluzzjonijiet speċifiċi għal problemi fil-livell settorjali, ikkomplementat kif meħtieġ mill-assistenza teknika relatata;

50.  Għadu mħasseb dwar l-użu finali ta' dawk il-fondi trasferiti u dwar in-nuqqas possibbli ta' traċċabbiltà tagħhom f'każ ta' ġestjoni finanzjarja skarsa, instabbli u deterjorata tas-settur pubbliku; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jingħata appoġġ lill-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fis-setturi kollha tal-gvern koperti mill-istrateġija ta' kooperazzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li r-riskju li r-riżorsi jiġu ddevjati għadu għoli, u li huwa fl-oqsma fejn issir ġestjoni ta' riżorsi pubbliċi li hemm lok għal korruzzjoni u frodi;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi aħjar u tivvaluta b'mod ċar l-eżiti tal-iżvilupp li għandhom jinkisbu f'kull każ, u fuq kollox ittejjeb il-mekkaniżmi ta' kontroll rigward l-imġiba tal-Istat benefiċjarju fl-oqsma tal-korruzzjoni, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija; jesprimi tħassib serju dwar l-użu potenzjali tal-appoġġ baġitarju f'pajjiżi neqsin mis-sorveljanza demokratika minħabba n-nuqqas ta' demokrazija parlamentari li tiffunzjona u ta' libertajiet għas-soċjetà ċivili u għall-midja, jew inkella minħabba n-nuqqas ta' kapaċità tal-korpi ta' sorveljanza;

52.  Jilqa' l-approċċ reattiv u konsistenti tal-Kummissjoni biex tissospendi l-appoġġ baġitarju f'żewġ pajjiżi fl-2017 u fl-2018 billi l-kriterji ta' eliġibbiltà ma baqgħux jiġu ssodisfati; jemmen li l-Kummissjoni se żżomm djalogu kostruttiv ma' dawn il-pajjiż u toffri possibbiltà biex jissokta l-appoġġ baġitarju, fl-eventwalità li l-pajjiżi jimplimentaw ir-riformi neċessarji stabbiliti fil-programm tal-appoġġ baġitarju;

53.  Jirrimarka għodod ta' monitoraġġ adatti jridu jissaħħu biex jiġi vvalutat il-mod kif l-appoġġ baġitarju kkontribwixxa għat-titjib tal-mobilizzazzjoni tad-dħul intern u għal riformi relatati; jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar informazzjoni rigward l-użu ta' kuntratti ta' appoġġ baġitarju għall-mobilizzazzjoni tad-dħul intern fir-rapporti tagħha dwar l-appoġġ baġitarju; itenni, madankollu, li jeħtieġ li r-riskji relatati mal-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u mal-flussi finanzjarji illeċiti jkunu segwiti b'mod strett;

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

54.  Josserva li, fl-2017, il-pagamenti mill-FEŻ lill-proġetti ffinanzjati minn bosta donaturi u implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali kienu jammontaw għal EUR 812-il miljun;

55.  Jinnota li, fl-2017, il-Kummissjoni ffirmat kuntratti ma' aġenziji tan-NU għall-valur ta' aktar minn EUR 411-il miljun f'kontribuzzjonijiet mill-FEŻ, mal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (EUR 166,33 miljun), mal-FAO (EUR 152,86 miljun) u mal-UNICEF (EUR 98,44 miljun) bħala l-akbar benefiċjarji, u kuntratti mal-Bank Dinji b'valur ta' EUR 92 miljun;

56.  Jieħu nota li d-DĠ DEVCO ma jimmonitorjax sistematikament il-prestazzjoni operazzjonali tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) u l-aspetti ewlenin tal-operazzjonijiet ta' finanzjament imħallat; jitlob li d-DĠ DEVCO jtejjeb il-kwalità, l-adegwatezza u l-puntwalità tar-rappurtar ippreżentat mill-IFI; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari fil-każ ta' inizjattivi kofinanzjati u b'diversi donaturi, biex japprossimaw l-oqfsa ta' ġestjoni tar-riżultati tagħhom mal-Unjoni;

57.  Itenni l-ħtieġa li jiġu żgurati trasparenza u aċċess sħaħ għad-data, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, dwar il-proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll li jingħataw regoli ċari dwar il-kontroll u l-monitoraġġ;

58.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet għal titjib fit-trasparenza tal-fondi tal-Unjoni implimentati mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) ippubblikati fir-rapport speċjali 35/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li, fost affarijiet oħra, tirrakkomanda li l-Kummissjoni ttejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar l-NGOs fis-sistema kontabilistika tagħha, u li l-Kummissjoni ttejjeb l-informazzjoni li tinġabar dwar il-fondi implimentati mill-NGOs; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni timplimenta dawn il-proposti qabel tmiem il-mandat kurrenti;

Fond għall-Paċi fl-Afrika

59.  Jiddispjaċih li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern ma kopriex il-Fond għall-Paċi fl-Afrika (FPA), li mill-2011 sal-lum għadha ma ġietx evalwata sewwa;

60.  Jitlob li d-DĠ DEVCO, f'konformità mar-riżerva li sostna fir-rapport ta' attività annwali tiegħu tal-2017 dwar il-ġestjoni tal-FPA, jikkontrolla b'mod strett li l-miżuri ta' rimedju introdotti biex jimmitigaw kemm ir-riskji finanzjarji kif ukoll ir-riskju ta' pagamenti irregolari u illegali jiġu implimentati b'mod effikaċi; itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha fi ħdan l-eżerċizzju ta' valutazzjoni tal-pilastru favur it-tisħiħ tas-sistema ta' kontroll għall-monitoraġġ amministrattiv u operazzjonali tal-FPA, bil-għan li tipproteġi l-FEŻ minn nefqa illegali u irregolari;

61.  Jirrileva l-konstatazzjonijiet negattivi li ġejjin tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam tal-appoġġ tal-UE għas-sigurtà Afrikana, li ta' spiss tiġi ffinanzjata permezz tal-FEŻ:

–  it-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u fil-Mali seħħ bil-mod u hemm tħassib serju dwar is-sjieda u s-sostenibbiltà[29];

–  l-appoġġ tal-UE għall-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) ma kellux l-effett mixtieq[30].

Jenfasizza wkoll ir-riskju serju li l-appoġġ tal-Unjoni, permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika, lil suldati Burundjani li qed jipparteċipaw fil-missjoni tal-AMISOM jiffinanzja indirettament ir-reġim tal-Burundi, li huwa suġġett għal sanzjonijiet tal-Unjoni; ifakkar li, għal ħafna snin, id-DĠ DEVCO esprima riżervi dwar in-nefqa tiegħu fuq l-appoġġ għall-APF;

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli

62.  Jieħu nota li dan l-istrument ta' investiment ġdid ġie varat dan l-aħħar, bħala parti mill-Pjan ta' Investiment Estern, sabiex jipprovdi aktar kapaċità ta' effett ta' lieva billi jattira investimenti mis-settur privat fi sħubijiet għall-iżvilupp; jemmen li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-addizzjonalità tiegħu, iżda wkoll lill-kriterji applikati fil-ġestjoni tiegħu, sabiex tiġi evitata kwalunkwe devjazzjoni tal-finanzjament għall-iżvilupp lejn investituri privati, jew lejn eżiti ta' interessi jew ta' lukru;

Faċilità ta' Investiment tal-BEI fl-AKP

63.  Jirrikonoxxi s-sett ta' prijoritajiet tal-BEI fil-pajjiżi AKP, jiġifieri l-appoġġ għall-SDGs, l-azzjoni klimatika, id-diplomazija ekonomika Ewropea u r-reżiljenza; jinnota li fl-2017 inbdew 39 proġett fl-ambitu tal-faċilità ta' investiment fl-AKP għal ammont globali ta' EUR 1,5 biljun, li minnhom EUR 549 miljun kienu ddedikati għall-iżvilupp tas-settur privat lokali u EUR 952 miljun għall-infrastruttura soċjali u ekonomika;

64.  Ifakkar fl-importanza li jsiru evalwazzjonijiet ex ante u ex post preċiżi, bil-għan li jiġi żgurat li l-proġetti jkunu sostenibbli u li jiżguraw valur miżjud reali f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali; itenni li l-ebda appoġġ, fl-ebda forma, ma għandu jingħata għal proġetti relatati ma' teknoloġiji li jniġġsu ħafna;

65.  Jitlob li jsir skrutinju bir-reqqa tal-partijiet u l-intermedjarji lokali potenzjali matul l-identifikazzjoni u s-selezzjoni ta' tali partijiet u intermedjarji; jitlob li l-BEI jiżgura li l-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini kkonċernati mill-operazzjonijiet tiegħu jiġu kkonsultati b'mod xieraq u li dawn ikollhom aċċess għal mekkaniżmu effiċjenti u indipendenti għat-trattament ta' lmenti;

66.  Jitlob li l-programm "Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ" jiġi estiż lil hinn mill-Ewropa, b'mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jiġu offruti l-mezzi finanzjarji neċessarji;

67.  Jissottolinja li huwa importanti ħafna li l-mikroimpriżi u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju jiġu appoġġjati, u jitlob b'mod partikolari li jiġu stabbiliti soluzzjonijiet lokali li jagħtu aktar aċċess għall-finanzi b'aktar tisħiħ tas-sistema ta' self u ta' garanziji mikrofinanzjarji;

68.  Jirrikonoxxi li ebda pajjiż ma żviluppa bla ma daħal f'aktar relazzjonijiet kummerċjali mal-ġirien tiegħu u mal-bqija tad-dinja; iħeġġeġ ulterjorment il-finanzjament ta' għajnuna għall-attivitajiet kummerċjali, sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jieħdu sehem ħafna iktar f'katini ta' valur mondjali fil-futur; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li qed isir aktar importanti li l-konnettività diġitali tikber, sabiex il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jitqassmu b'mod aktar bilanċjat favur il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

69.  Jenfasizza li huwa importanti li jkun hemm provvisti tal-ilma nadif u li jinbnew faċilitajiet addizzjonali għall-ilma ta' skart;

70.  Jiġbed l-attenzjoni għall-iskala u l-implikazzjonijiet tal-faqar fl-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għall-involviment qawwi tal-Unjoni fl-isforzi biex dan il-faqar jitnaqqas; jissottolinja l-ħtieġa ta' sforzi qawwija u kkoordinati mill-gvernijiet u l-partijiet interessati fil-pajjiżi affettwati biex inaqqsu l-faqar fl-enerġija.

30.1.2019

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa', tal-għaxar u tal-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2177(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Nirj Deva

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifaħħar lill-UE għall-varar b'suċċess tal-Pjan ta' Investiment Ewropew u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, issottolinjat bl-approvazzjoni ta' 28 għodda ta' garanzija li jammontaw għal EUR 1,54 biljun f'garanziji sa Novembru 2018, li mistennija jagħmlu disponibbli EUR 17,5 biljun f'investimenti totali; jissottolinja li s'issa għad m'hemm ebda evalwazzjoni dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni, u li kwalunkwe konklużjoni dwar it-twessigħ tal-mezzi u tal-kamp ta' applikazzjoni hija prematura; jirrileva l-konstatazzjoni tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-ħdax-il FEŻ li t-taħlit jimmobilizza biss riżorsi addizzjonali f'nofs il-każijiet; jiddispjaċih, għaldaqstant, li l-Kummissjoni pproponiet aktar mezzi għall-finanzjament imħallat għall-perjodu finanzjarju futur 2021-2027;

2.  Jilqa' l-inklużjoni tal-FEŻ fil-baġit fil-proposta tal-Kummissjoni tal-Istrument futur tal-UE għall-Viċinat, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI);

3.  Jirrileva l-konstatazzjonijiet negattivi ħafna mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati[31] (PPPs) u r-rakkomandazzjoni tal-Qorti "li ma jiġix promoss użu aktar intensiv u mifrux tal-PPPs" fi ħdan l-UE; jitlob li l-Kummissjoni tqis din ir-rakkomandazzjoni bis-sħiħ meta tittratta l-PPPs f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn l-ambjent għal implimentazzjoni b'suċċess tal-PPPs huwa saħansitra aktar diffiċli milli fl-Unjoni;

4.  Huwa preokkupat dwar il-konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-ħdax-il FEŻ li tistqarr li "hemm theddida reali li l-FEŻ jiġi mġiegħel jirrispondi għal aġendi li jitbiegħdu mill-objettiv primarju tiegħu li jtaffi l-faqar, aġendi li diffiċilment jistgħu jiġu rikonċiljati mal-valuri fundamentali tal-FEŻ u jikkompromettu dak li l-FEŻ jirnexxilu jagħmel sew", u li "minkejja l-konsultazzjonijiet, il-fehmiet tal-gvernijiet u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (b'xi eċċezzjonijiet notevoli bħal fir-reġjun Paċifiku), rari li ġew ikkunsidrati fl-għażliet ta' programmazzjoni", u li "il-programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ b'hekk ħaddmet approċċ minn fuq 'l isfel biex tapplika l-prinċipju ta' konċentrazzjoni, iżda dan għamlitu akkost tal-prinċipju ċentrali ta' sħubija tal-Ftehim ta' Cotonou"; jiddispjaċih li l-Kummissjoni sal-lum injorat dawn il-konstatazzjonijiet kompletament;

5.  Ifakkar fil-konstatazzjonijiet ewlenin tar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Fond Fiduċjarju Bekou, fosthom li l-istruttura tal-Fond kienet adatta għall-kuntest tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u li l-effetti tiegħu kienu pożittivi; jissottolinja li din il-valutazzjoni kienet fil-biċċa l-kbira riflessa fil-konstatazzjonijiet tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għall-Iżvilupp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fi Frar 2018, u li d-delegazzjoni kkonkludiet li "l-fond jista' jindirizza b'mod adegwat il-ħtiġijiet li jgħaddu mir-riabilitazzjoni, għall-provvista tal-mezzi tal-għajxien u għall-iżvilupp fuq medda itwal ta' żmien"; ifakkar li l-Fond ġie stabbilit bħala Fond Fiduċjarju ta' emerġenza tal-UE b'durata ta' 60 xahar, li jiskadi f'Lulju 2019, u li l-estensjoni tiegħu tidher li tkun siewja, iżda se tirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament;

6.  Jieħu nota tal-kisbiet tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika (EUTF); ifakkar, madankollu, li l-finanzjament tal-EUTF li ġej mil-linji baġitarji tal-iżvilupp m'għandux jintuża għal miżuri ta' sigurtà li jipperikolaw id-drittijiet tal-migranti; ifakkar li l-objettivi ewlenin tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandhom ikunu l-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li l-proġetti tal-EUTF iridu jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-ipprogrammar u jikkontribwixxu għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kkonċernati; jirrakkomanda bil-qawwa li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa jiġu promossi fil-programmi tal-EUTF, kif ukoll il-protezzjoni ta' dawk l-aktar vulnerabbli, inklużi t-tfal u l-persuni b'diżabilità;

7.  Jieħu nota tal-bosta preokkupazzjonijiet li esprimew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri[32] u l-awturi tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-ħdax-il FEŻ esprimew rigward l-implimentazzjoni tal-EUTF:

•  F'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-proġetti, l-EUTF kellu biss impatt limitat fit-tħaffif tal-proċess, meta mqabbel mal-għajnuna tradizzjonali għall-iżvilupp;

•  hemm ukoll tħassib dwar l-effikaċja u s-sostenibbiltà probabbli tal-proġetti tal-EUTF, u dwar kemm l-Unjoni hija kapaċi tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom;

•  it-taqsimiet tal-Afrika ta' Fuq u tal-Qarn tal-Afrika ma għandhom ebda kriterju dokumentat għall-għażla fost il-proġetti proposti;

•  hemm nuqqasijiet serji fil-kejl tal-prestazzjoni;

•  ma hemm ebda qafas speċifiku għall-valutazzjoni tar-riskji;

iqis li, minħabba dawn il-konstatazzjonijiet, il-valur miżjud tal-EUTF huwa dubjuż ħafna;

8.  Jiddispjaċih li n-nefqa rreġistrata fl-2017 skont it-tmien, id-disa', l-għaxar u l-ħdax-il FEŻ hija materjalment milquta minn żbalji u li r-rata ta' żball qed tiżdied, bil-kontra tan-nefqa tal-baġit ġenerali tal-UE; jirrileva li l-iżbalji jsiru b'mod predominanti fi tranżazzjonijiet relatati ma' proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji ta' kooperazzjoni tal-Istati Membri, u li, fit-tranżazzjonijiet ta' dan it-tip li ġew eżaminati, 36 % kien fihom żbalji kwantifikabbli, li hija rata enormi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproduċi spjegazzjonijiet dettaljati b'reazzjoni għal dawn il-konstatazzjonijiet u tippreżenta lill-Parlament Ewropew pjan ċar li jiddeskrivi l-passi meħtieġa għall-korrezzjoni ta' din is-sitwazzjoni preokkupanti ħafna;

9.  Jiddispjaċih li, f'kull rapport ta' attività annwali mill-2012 'il hawn, id-DĠ DEVCO kellu joħroġ riżerva dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, fatt li jindika nuqqasijiet serji fil-ġestjoni interna;

10.  Jirrileva l-konstatazzjonijiet negattivi tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam tal-appoġġ tal-UE għas-sigurtà Afrikana, li ta' spiss tiġi ffinanzjata permezz tal-FEŻ:

•  It-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u f'Mali seħħ bil-mod u hemm tħassib serju dwar is-sjieda u s-sostenibbiltà[33]

•  L-appoġġ tal-UE għall-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) ma kellux l-effett mixtieq[34].

Jenfasizza wkoll ir-riskju serju li l-appoġġ tal-UE, permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, lil suldati Burundjani li qed jipparteċipaw fil-missjoni tal-AMISOM jiffinanzja indirettament ir-reġim tal-Burundi, li huwa espost għal sanzjonijiet tal-UE; ifakkar li, għal ħafna snin, id-DĠ DEVCO esprima riżervi dwar l-infiq tiegħu fuq l-appoġġ għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika;

11.  Iqis, f'dan il-kuntest, il-konċentrazzjoni dejjem akbar tal-UE fuq ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp bħala kwistjoni li tqajjem kwistjonijiet ta' ġestjoni finanzjarja serja u soda, u jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jħaddmu approċċ aktar prudenti għall-appoġġ tal-UE għas-sigurtà Afrikana;

12.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li, fis-snin 2016, 2017 u 2018, il-ġuħ qiegħed jiżdied madwar id-dinja kollha, u issa aktar minn 820 miljun persuna jbatu min-nuqqas ta' nutrizzjoni kronika, filwaqt li fl-istess ħin il-proporzjon tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp mill-UE u l-Istati Membri tagħha għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni naqqset minn madwar 8 % fl-2014 għal 6 % fl-2016, u l-impenji baġitarji għas-sigurtà alimentari fl-ambitu tal-istrumenti ġestiti mill-Kummissjoni naqqsu b'mod sinifikanti fl-2017;

13.  Jinnota li, fl-2017, il-Kummissjoni ffirmat kuntratti ma' aġenziji tan-NU għall-valur ta' aktar minn EUR 411-il miljun f'kontribuzzjonijiet mill-FEŻ, mal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (EUR 166,33 miljun), mal-FAO (EUR 152,86 miljun) u mal-UNICEF (EUR 98,44 miljun) bħala l-akbar benefiċjarji, u kuntratti mal-Bank Dinji b'valur ta' EUR 92 miljun;

14.  Jinsisti, fid-dawl tar-rwol importanti li għandu r-Renju Unit fl-iżvilupp, li jinżammu rabtiet mill-qrib bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-ħruġ ta' dan il-pajjiż, sabiex jiġi minimizzat it-telf li jirriżulta;

15.  Itenni r-riżervi qawwija tiegħu dwar il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Eritrea u Programm ta' Azzjoni Annwali fl-2017, u li l-Kumitat tal-FEŻ adottahom, mingħajr evidenza konklużiva ta' riformi jew titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; ifakkar fl-impenji tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli li jinfurmaw lill-Parlament regolarment f'dan ir-rigward.

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi aħjar u tivvaluta ċar l-eżiti tal-iżvilupp li għandhom jinkisbu f'kull każ, u fuq kollox ittejjeb il-mekkaniżmi ta' kontroll rigward l-imġiba tal-Istat benefiċjarju fl-oqsma tal-korruzzjoni, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija; jesprimi tħassib serju dwar l-użu potenzjali tal-appoġġ baġitarju f'pajjiżi neqsin mis-sorveljanza demokratika minħabba n-nuqqas ta' demokrazija parlamentari li tiffunzjona u ta' libertajiet għas-soċjetà ċivili u għall-midja, jew inkella minħabba n-nuqqas ta' kapaċità tal-korpi ta' sorveljanza;

17.  Fid-dawl tal-bidla fil-modalitajiet tal-għajnuna minn għotjiet diretti għal fondi fiduċjarji u finanzjament imħallat, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jadottaw ftehim interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-iskrutinju parlamentari, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' politika stabbiliti fil-Kunsens Ewropew il-Ġdid dwar l-Iżvilupp;

18.  Jilqa' l-proċess tan-negozjati ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou biex jinżamm il-qafas AKP-UE;

19.  Jissottolinja li huwa importanti ħafna li l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiġu appoġġjati, u jitlob b'mod partikolari li jiġu stabbiliti soluzzjonijiet lokali li jagħtu aktar aċċess għall-finanzi b'aktar tisħiħ tas-sistema ta' self u ta' garanziji mikrofinanzjarji;

20.  Jitlob li l-programm "Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ" jiġi estiż lil hinn mill-Ewropa, b'mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jiġu pprovduti l-mezzi finanzjarji neċessarji;

21.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet għal titjib fit-trasparenza tal-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs ippubblikati fir-rapport speċjali 2018/35 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li, fost affarijiet oħra, tirrakkomanda li l-Kummissjoni ttejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar l-NGOs fis-sistema kontabilistika tagħha, u li l-Kummissjoni ttejjeb l-informazzjoni li tinġabar dwar il-fondi implimentati mill-NGOs; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni timplimenta dawn il-proposti qabel tmiem il-mandat kurrenti;

22.  Jitlob approċċ għall-iżvilupp abbażi ta' inċentivi permezz tal-introduzzjoni tal-prinċipju "aktar għal aktar", fuq l-eżempju tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jemmen li aktar ma pajjiż jimxi 'l quddiem u jħaffef fir-riformi interni tiegħu għall-bini u l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, aktar għandu jirċievi appoġġ mill-Unjoni;

23.  Jirrikonoxxi li ebda pajjiż ma żviluppa bla ma daħal f'aktar relazzjonijiet kummerċjali mal-ġirien tiegħu u mal-bqija tad-dinja; iħeġġeġ ulterjorment il-finanzjament ta' għajnuna għall-attivitajiet kummerċjali, sabiex il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikunu jistgħu jieħdu sehem ħafna iktar f'katini ta' valur globali fil-futur; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li qed isir aktar importanti li l-konnettività diġitali tikber, sabiex il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jitqassmu b'mod aktar bilanċjat favur il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

24.  Jissottolinja l-importanza ta' żieda fl-allokazzjoni ta' fondi maħsuba biex jappoġġjaw il-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan jinġiebu 'l quddiem istituzzjonijiet responsabbli u trasparenti, jiġi appoġġjat il-bini tal-kapaċità u jitrawmu proċessi deċiżjonali parteċipattivi u aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni;

25.  Jenfasizza li huwa importanti li jkun hemm provvisti tal-ilma nadif u li jinbnew faċilitajiet addizzjonali għall-ilma ta' skart;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-iskala u l-implikazzjonijiet tal-faqar fl-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għall-involviment qawwi tal-Unjoni fl-isforzi biex dan il-faqar jitnaqqas; jissottolinja l-ħtieġa ta' sforzi qawwija u kkoordinati mill-gvernijiet u l-partijiet interessati fil-pajjiżi affettwati biex inaqqsu l-faqar fl-enerġija.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mireille D’Ornano, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Bogusław Sonik, Eleni Theocharous, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Stefan Gehrold, Maria Noichl, Judith Sargentini

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

18

+

ECR

Eleni Theocharous

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Stefan Gehrold, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Bogusław Sonik, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maria Noichl, Vincent Peillon, Elly Schlein

VERTS/ALE

Maria Heubuch, Judith Sargentini

0

-

 

 

3

0

EFDD

Mireille D'Ornano

GUE/NGL

Marina Albiol Guzmán, Lola Sánchez Caldentey

Key to symbols:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Pitera

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, John Flack, Czesław Hoc, Edouard Martin

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Rosa D'Amato

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Arndt Kohn, Edouard Martin, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

4

-

ECR

John Flack, Czesław Hoc

ENF

Jean-François Jalkh

PPE

Tomáš Zdechovský

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  ĠU C 357, 4.10.2018, p. 315.
  • [2]  ĠU C 357, 4.10.2018, p. 323.
  • [3]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [4]  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.
  • [5]  ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.
  • [6]  ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108.
  • [7]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.
  • [8]  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.
  • [9]  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.
  • [10]  ĠU L 191, 7.7.1998, p. 53.
  • [11]  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.
  • [12]  ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.
  • [13]  ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.
  • [14]  ĠU C 357, 4.10.2018, p. 315.
  • [15]  ĠU C 357, 4.10.2018, p. 323.
  • [16]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [17]  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.
  • [18]  ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.
  • [19]  ĠU L 156, 29.5.1998, p. 108.
  • [20]  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.
  • [21]  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.
  • [22]  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.
  • [23]  ĠU L 191, 7.7.1998, p. 53.
  • [24]  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 1.
  • [25]  ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.
  • [26]  ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.
  • [27]  Rapport Speċjali Nru 9/2018: Sħubiji Pubbliċi-Privati fl-UE: Nuqqasijiet mifruxa u benefiċċji limitati
  • [28]    Ir-Rapport Speċjali 32/2018, "Il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika: għodda flessibbli, iżda mhuwiex iffukat biżżejjed".
  • [29]    Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2018: Tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali: il-progress huwa limitat u miexi bil-mod.
  • [30]    Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2018: L-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà: jeħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE jiġi ffukat mill-ġdid.
  • [31]  Rapport Speċjali Nru 9/2018: Sħubijiet Pubbliċi-Privati fl-UE: Nuqqasijiet mifruxa u benefiċċji limitati
  • [32]   Rapport Speċjali 32/2018.
  • [33]   Ir-rapport Speċjali 15/2018, Tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali: il-progress huwa limitat u miexi bil-mod.
  • [34]   Rapport Speċjali Nru 20/2018: L-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà: jeħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE jiġi ffukat mill-ġdid.
Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza