Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-16-il edizzjoni - Frar 2008
   PDF PDF
KONTENUT
INDIĊI
INFORMAZZJONI UTLI

TITOLU IX : OMBUDSMAN

Artikolu 194 : Ħatra ta' l-Ombudsman

1.   Fil-bidu ta' kull leġiżlatura, minnufih wara l-elezzjoni tal-President jew fil-każi imsemmija fil-paragrafu 8, il-President għandu jsejjaħ għal nominazzjonijiet għall-uffiċċju ta' l-Ombudsman u għandu jagħti żmien sa meta jistgħu jiġu ppreżentati. Avviż li jsejjaħ għal nominazzjonijiet għandu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   In-nominazzjonijiet għandu jkollhom l-appoġġ ta' mhux inqas minn erbgħin Membru li jkollhom nazzjonalita` ta' mhux inqas minn żewġ Stati Membri.

Kull membru jista' jappoġġja biss nominazzjoni waħda.

In-nominazzjonijiet għandhom jinkludu d-dokumenti kollha ta' prova meħtieġa sabiex juru b'mod ċert li l-persuna nominata tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba mir-Regolamenti dwar l-Ombudsman.

3.   In-nominazzjonijiet għandhom jitressqu quddiem il-kumitat responsabbli, li jista' jitlob li jisma' lill-persuni nominati.

Dan is-smiegħ għandu jkun miftuħ għall-Membri kollha.

4.   Il-Parlament imbagħad għandu jivvota biex japprova lista ta' nominazzjonijiet ammissibbli f'ordni alfabetiku.

5.   Il-votazzjoni għandha ssir b'vot sigriet fuq il-bażi ta' maġġoranza tal-voti mitfugħa.

Jekk ebda kandidat ma jkun elett wara l-ewwel żewġ votazzjonijiet, ikomplu jikkontestaw biss iż-żewġ kandidati li jkunu ġabu l-akbar numru ta' voti fit-tieni votazzjoni.

Fil-każ ta' voti ndaqs jinħatar l-aktar membru anzjan.

6.   Qabel ma tinfetaħ il-votazzjoni, il-President għandu jiżgura li jkunu preżenti mhux inqas minn nofs il-Membri kollha tal-Parlament.

7.   Il-persuna maħtura għandha tissejjaħ minnufih sabiex tieħu ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

8.   L-Ombudsman għandu jeżerċita d-dmirijiet tiegħu sakemm is-suċċessur tiegħu jieħu l-kariga, ħlief fil-każ ta' mewt jew ta' tneħħija mill-kariga.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Frar 2008Avviż legali