Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-sittax-il edizzjoni - Ottubru 2008
PDF 1299k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU I  : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 1  : MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 3  : Verifika ta' kredenzjali

1.    Wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-President għandu jistieden lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri sabiex jgħaddu lill-Parlament mingħajr dewmien l-ismijiet tal-Membri eletti sabiex il-Membri kollha jieħdu l-kariga fil-Parlament b'effet mill-ftuħ ta' l-ewwel seduta wara l-elezzjonijiet.

Fl-istess ħin, il-President għandu jiġbed l-attenzjoni ta' dawk l-awtoritajiet għad-dispożizzjoniiet rilevanti għall-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976 u jistedinhom jieħdu l-miżuri meħtiega sabiex jevitaw kull inkompatibbiltà mal-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

2.    Kull Membru li l-elezzjoni tiegħu jkun mgħarraf biha l-Parlament għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub, qabel jidħol fil-kariga fil-Parlament, li huwa ma għandu ebda kariga inkompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) u (2) ta' l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976. Wara l-elezzjonijiet ġenerali, din id-dikjarazzjoni għandha ssir fejn hu possibbli mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel is-seduta kostituttiva tal-Parlament. Sakemm il-kredenzjali ta' Membru jkunu vverifikati jew tkun ingħatat deċiżjoni fuq kwalunkwe tilwima u kemm-il darba jkun iffirma minn qabel id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija aktar 'l fuq, il-Membru għandu jidħol fil-kariga tiegħu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu u għandu jgawdi mid-drittijiet marbuta ma' din il-kariga.

Fejn ikun stabbilit minn fatti vverifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku li Membru għandu kariga inkompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) u (2) ta' l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976, il-Parlament, fuq informazzjoni provduta mill-President tiegħu, għandu jistabbilixxi li hemm post vakanti.

3.    Fuq il-bażi ta' rapport magħmul mill-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu jivverifika mingħajr dewmien il-kredenzjali u jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat ta' kull wieħed mill-Membri li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll dwar xi kontestazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Att ta' l-20 ta' Settembru 1976, ħlief għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq il-liġijiet elettorali nazzjonali.

4.    Ir-rapport tal-kumitat għandu jkun ibbażat fuq in-notifika uffiċjali tar-riżultati sħaħ ta' l-elezzjoni min naħa ta' kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti u l-ismijiet ta' xi sostituti flimkien ma' l-ordni tagħhom skond ir-riżultat tal-votazzjoni.

M'għandux ikun possibbli li tiġi kkonfermata l-validità tal-mandat ta' xi Membru jekk ma jkunux saru d-dikjarazzjonijiet bil-miktub meħtieġa taħt dan l-Artikolu u l-Anness I ta' dawn ir-regoli.

Fuq il-bażi ta' rapport tal-kumitat, il-Parlament jista' f'kull ħin jieħu deċiżjoni dwar xi kontestazzjoni tal-validità tal-mandat ta' xi wieħed mill-Membri tiegħu.

5.    Meta l-ħatra ta' Membru sseħħ minħabba l-irtirar ta' kandidati mill-istess lista, il-kumitat responsabbli għall-verifika tal-kredenzjali għandu jiżgura li dan l-irtirar ikun sar skond l-ispirtu u l-kelma ta' l-Att tal-20 ta' Settembru 1976 u ta' l-Artikolu 4(3).

6.    Il-kumitat għandu jiżgura li kull informazzjoni li tista' teffettwa l-qadi tad-dmirijiet ta' xi Membru tal-Parlament Ewropew jew l-ordni tas-sostituti tintbagħat minnufih lill-Parlament mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jew ta' l-Unjoni, b'indikazzjoni tad-data tas-seħħ fejn jikkonċerna xi ħatra.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jagħtu bidu għal proċedura li tista' twassal għall-iskwalifika ta' Membru milli jieħu l-kariga, il-President għandu jitlobhom biex iżommuh infurmat regolarment dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura. Huwa għandu jirreferi l-każ lill-kumitat responsabbli. Fuq proposta ta' dak il-kumitat, il-Parlament jista' jieħu pożizzjoni dwar il-każ.

Avviż legali - Politika tal-privatezza