Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Is-seba' leġislatura - Diċembru 2009
PDF 1335k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU II  : PROĊEDURI LEĠISLATTIVI, TAL-BAĠIT U OĦRAJN
KAPITOLU 11  : PROĊEDURI OĦRA

Artikolu 88  : Miżuri ta' implimentazzjoni

1.    Meta l-Kummissjoni tgħaddi abbozz ta' miżuri implimentattivi lill-Parlament, il-President għandu jirreferi l-abbozz ta’ miżuri lill-kumitat responsabbli għall-att li minnu joħorġu l-miżuri ta' implimentazzjoni. Jekk tkun ġiet applikata il-proċedura b'kumitati assoċjati fir-rigward ta' l-att bażiku, il-kumitat responsabbli għandu jistieden lil kwalunkwe kumitat assoċjat biex jistqarr il-fehmiet tiegħu bil-fomm jew permezz ta' ittra.

2.    Il-president tal-kumitat responsabbli għandu jistipola skadenza biex il-Membri jipproponu li l-kumitat joġġezzjona għall-abbozz ta' miżuri. Jekk il-kumitat iqis li hu xieraq, jista’ jiddeċiedi li jaħtar rapporteur minn fost il-membri tiegħu jew minn fost is-sostituti permanenti. Jekk il-kumitat joġġezzjona għall-abbozz ta’ miżuri, għandu jqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni li topponi l-adozzjoni ta’ l-abbozz ta’ miżuri li tista’ tindika wkoll il-bidliet li għandhom isiru għall-abbozz ta’ miżuri.

Jekk il-Parlament sa' l-iskadenza applikabbli ikkalkulata mid-data ta’ riċeviment ta' l-abbozz ta’ miżuri, jadotta riżoluzzjoni bħal din il-President għandu jitlob lill-Kummissjoni tirtira jew temenda l-abbozz ta’ miżuri jew tressaq proposta skond il-proċedura leġislattiva xierqa.

3.    Fejn m’hemm l-ebda sessjoni parzjali qabel ma jagħlaq iż-żmien, id-dritt ta’ tweġiba għandu jkun meqjus li jkun ġie ddelegat lill-kumitat responsabbli. Din it-tweġiba għandha tieħu s-sura ta’ ittra mill-president tal-kumitat lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli, u għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-Membri kollha tal-Parlament.

4.    Jekk il-miżuri ta' implimentazzjoni previsti mill-Kummissjoni jaqgħu taħt il-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-paragrafu 3 m’għandux japplika u l-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu ssupplimentati kif ġej:

(a)    iż-żmien ta’ l-iskrutinju għandu jibda jgħodd meta l-abbozz ta’ miżuri jkun ġie mressaq lill-Parlament bil-lingwi uffiċjali kollha. Fejn japplikaw limiti iqsar ta’ żmien (Artikolu 5a(5)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni) u f’każijiet ta’ urġenza (Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE), il-perjodu taż-żmien għall-iskrutinju għandu jibda jgħodd mid-data meta l-Parlament jirċievi l-abbozz aħħari tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi ppreżentati lill-membri tal-kumitat stabbilit skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ħlief jekk ikun hemm oġġezzjoni mill-president tal-kumitat responsabbli. L-Artikolu 146 m'għandux japplika f'dan il-każ;

(b)    Il-Parlament, billi jaġixxi b'maġġoranza tal-Membri kollha tiegħu, jista’ jopponi l-adozzjoni ta’ l-abbozz ta’ miżuri, filwaqt li jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu billi jindika li l-abbozz ta’ miżuri jisboq s-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fl-istrument bażiku, li mhux kompatibbli ma’ l-għan jew il-kontenut ta’ l-istrument bażiku jew li ma jirrispettax il-prinċipji tas- sussidjarjetà jew proporzjonalità;

(c)    Jekk l-abbozz ta' miżuri ikun ibbażat fuq il-paragrafu 5 jew 6 ta' l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, li jistipula limiti ta' żmien imqassra għal oppożizzjoni mill-Parlament, tista' titqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni li topponi l-adozzjoni ta' l-abbozz ta' miżuri mill-president tal-kumitat responsabbli jekk dak il-kumitat ma jkunx seta' jiltaqa' fiż-żmien disponibbli.

Avviż legali - Politika tal-privatezza