Artikolu
138
: Proċedura f'sessjoni plenarja mingħajr emendi u diskussjoni
1.
Kull proposta għal att leġislattiv (l-ewwel qari) u kull mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġislattiva li tkun adottata fil-kumitat b'inqas minn wieħed minn għaxra tal-membri tal-kumitat li jivvutaw kontriha għandha titqiegħed fl-abbozz ta' l-aġenda tal-Parlament għall-votazzjoni mingħajr emendi.
Għaldaqstant, dak il-punt fl-aġenda għandu jittieħed vot uniku fuqu, ħlief jekk, qabel jitħejja l-aħħar abbozz ta' l-aġenda, gruppi politiċi jew Membri individwali li flimkien jiffurmaw parti waħda minn għaxra tal-Parlament, ikunu talbu bil-miktub li l-punt ikun miftuħ għal emendi, f'liema każ il-President għandu jistabbilixxi żmien sa meta jistgħu jitqiegħdu emendi fuq il-Mejda.
2.
Punti mqiegħda fl-aħħar abbozz ta' l-aġenda għal votazzjoni mingħajr emendi għandhom ikunu wkoll mingħajr diskussjoni ħlief jekk il-Parlament, meta jadotta l-aġenda tiegħu fil-bidu ta' sessjoni parzjali, jiddeċiedi mod ieħor fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, jew jekk jintalab jagħmel dan minn xi grupp politiku jew minn mhux inqas minn erbgħin Membru.
3.
Meta tkun qed tħejji l-aħħar abbozz ta' l-aġenda ta' sessjoni parzjali, il-konferenza tal-Presidenti tista' tipproponi li punti oħra jkunu eżaminati mingħajr emendi jew mingħajr diskussjoni. Meta jkun qed jadotta l-aġenda tiegħu, il-Parlament jista' ma jaċċettax proposta bħal din jekk xi grupp politiku jew mhux inqas minn erbgħin Membru jkunu qiegħdu fuq il-Mejda l-oppożizzjoni tagħhom bil-miktub mhux inqas minn siegħa qabel il-ftuħ tas-sessjoni parzjali.
4.
Meta punt ikun eżaminat mingħajr diskussjoni, ir-rapporteur jew il-president tal-kumitat responsabbli jistgħu jagħmlu diskors ta' mhux iktar minn żewġ minuti minnufih qabel ma jittieħed il-vot.