Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Settembru 2015
PDF 2194k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU II  : PROĊEDURI LEĠISLATTIVI, TAL-BAĠIT U OĦRAJN
KAPITOLU 1  : PROĊEDURI LEĠISLATTIVI - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 42  : Eżami tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà

1.    Waqt l-eżami ta’ proposta għal att legislattiv, il-Parlament għandu jagħti attenzjoni partikulari lill-osservanza tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

2.    Il-kumitat responsabbli mill-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jista’ jiddeċiedi li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-kumitat responsabbli mis-suġġett fir-rigward ta’ kwalunkwe proposta għal att leġislattiv.

3.    Jekk parlament nazzjonali jibgħat lill-President opinjoni motivata skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, dak id-dokument għandu jkun riferut lill-kumitat responsabbli mis-suġġett u mgħoddi għall-informazzjoni lill-kumitat responsabbli mill-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

4.    Ħlief fil-każijiet ta’ urġenza stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, il-kumitat responsabbli mis-suġġett m’għandux jgħaddi għall-votazzjoni aħħarija tiegħu qabel tmiem l-iskadenza ta’ tmien ġimgħat li hija stipulata fl-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

5.    Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta’ konformità ta’ proposta għall-att leġislattiv mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jirrappreżentaw mhux inqas minn terz tal-voti kollha allokati għall-parlamenti nazzjonali jew kwart fil-każ ta’ proposta għall-att leġislattiv ippreżentat skont l-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament m'għandux jieħu deċiżjoni sakemm l-awtur tal-proposta jistipula kif ikun biħsiebu jipproċedi.

6.    Meta, skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, opinjonijiet motivati li jallegaw in-nuqqas ta’ konformità ta’ proposta għal att leġislattiv mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jirrappreżentaw mhux inqas minn maġġoranza sempliċi tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali, il-kumitat responsabbli mis-suġġett, wara li jkun qies l-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali u mill-Kummissjoni, u wara li jkun sema’ l-fehmiet tal-kumitat responsabbli mill-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, jista’ jirrakkomanda lill-Parlament li jiċħad il-proposta fuq il-bażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jew jippreżenta lill-Parlament kwalunkwe rakkomandazzjoni oħra, li tista’ tinkludi suġġerimenti għal emendi li jkollhom x'jaqsmu mal-osservanza tal-prinċipju ta' sussidjarjetà. L-opinjoni mogħtija mill-kumitat responsabbli mill-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandha tkun annessa ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni bħal din.

Ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ippreżentata lill-Parlament għal dibattitu u għal votazzjoni. Jekk rakkomandazzjoni biex tkun miċħuda l-proposta tkun adottata b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, il-President għandu jiddikjara l-proċedura magħluqa. Meta l-Parlament ma jiċħadx il-proposta, il-proċedura għandha tkompli, filwaqt li jitqiesu kwalunkwe rakkomandazzjonijiet approvati mill-Parlament.

Avviż legali - Politika tal-privatezza