Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Lulju 2016
PDF 1546k
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ

TITOLU V  : RELAZZJONIJIET MA' KORPI OĦRA
KAPITOLU 3  : MISTOQSIJIET PARLAMENTARI

Artikolu 130  : Mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub

1.    Kull Membru jista' jagħmel mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà skont kriterji stipulati f'anness ma’ dawn ir-Regoli ta' Proċedura (1). L-awturi tal-mistoqsijiet għandhom ikunu esklussivament responsabbli mill-kontenut tal-mistoqsijiet.

2.    Il-mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-President. Id-dubji dwar l-ammissibilità ta' mistoqsija għandhom jiġu trattati mill-President. Id-deċiżjoni tal-President ma għandhiex tkun bbażata esklussivament fuq id-dispożizzjonijiet tal-anness imsemmi fil-paragrafu 1 iżda fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura b'mod ġenerali. Id-deċiżjoni tal-President għandha tkun innotifikata lill-persuna li tagħmel il-mistoqsija.

3.    Il-mistoqsijiet għandhom jiġu ppreżentati f’format elettroniku. Kull Membru jista’ jippreżenta massimu ta’ ħames mistoqsijiet fix-xahar.

Bħala eċċezzjoni, il-mistoqsijiet addizzjonali jistgħu jiġu ppreżentati fil-forma ta’ dokument stampat depożitat u ffirmat personalment mill-Membru kkonċernat fis-servizz rilevanti tas-Segretarjat.

Wara perjodu li jiskadi sena wara l-bidu tat-tmien leġiżlatura, il-Konferenza tal-Presidenti għandha twettaq valutazzjoni tar-reġim dwar il-mistoqsijiet addizzjonali.

L-espressjoni "bħala eċċezzjoni" għandha tiġi interpretata li tfisser li l-mistoqsija addizzjonali tikkonċerna kwistjoni ta' urġenza u li t-tressiq ta' dik il-mistoqsija ma jkunx jista' jistenna sax-xahar ta' wara. Barra minn hekk, in-numru ta' mistoqsijiet imressqa skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jkun iżgħar min-norma ta' ħames mistoqsijiet fix-xahar.

4.    Jekk mistoqsija ma tkunx tista' titwieġeb fil-ħin stipulat għandha titqiegħed, fuq talba ta' l-interpellant, fl-aġenda tal-laqgħa ta' wara tal-kumitat responsabbli. L-Artikolu 129 għandu japplika mutatis mutandis.

Peress li l-President ta’ kumitat għandu s-setgħa li jsejjaħ laqgħa ta' dak il-kumitat, kif stipulat fl-Artikolu 206(1), huwa għandu wkoll, fl-interess ta' organizzazzjoni tajba tal-proċeduri, jiddeċiedi dwar l-abbozz ta’ aġenda għal-laqgħa li jsejjaħ. Din il-prerogattiva tapplika mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-President skont l-Artikolu 130(4) li jissottometti mistoqsija bil-miktub, fuq talba tal-awtur tagħha, fl-abbozz ta’ aġenda tal-laqgħa li jkun imiss tal-Kumitat. Madankollu, il-President għandu s-setgħa diskrezzjonali li jipproponi, filwaqt li jikkunsidra l-prijoritajiet politiċi, l-ordni tal-ħidma tal-laqgħa u l-modalitjiet tal-proċedura (pereżempju, proċedura mingħajr dibattitu bl-adozzjoni, eventwalment, ta' deċiżjoni dwar is-segwitu, kif ukoll, fejn xieraq, rakkomandazzjoni sabiex il-punt ikompli jiġi diskuss f’laqgħa sussegwenti).

5.    Mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba minnufih iżda ma jeħtiġux riċerka dettaljata (mistoqsijiet ta' prijorità) għandhom jingħataw tweġiba fi żmien tliet ġimgħat minn meta jkunu mibgħuta lid-destinatarji. Kull Membru jista' jqiegħed fuq il-Mejda mistoqsija prijoritarja waħda fix-xahar.

Mistoqsijiet oħra (mistoqsijiet mhux prijoritarji) għandhom jingħataw tweġiba fi żmien sitt ġimgħat minn meta jkunu mibgħuta lill-istituzzjoni konċernata.

6.    Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet għandhom jiġu ppubblikati fil-websajt tal-Parlament.

(1)Ara Anness III.
Avviż legali - Politika tal-privatezza