Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Jannar 2017
EPUB EPUB   PDF PDF
KONTENUT
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 2 : PROĊEDURI FIL-KUMITAT

Artikolu 52 : Rapporti fuq inizjattiva proprja

1.   Kumitat li jkollu l-ħsieb li jħejji rapport mhux leġiżlattiv jew rapport skont l-Artikolu 45 jew 46 dwar xi suġġett li jaqa' fi ħdan il-kompetenza tiegħu, li dwaru ma jkun sar l-ebda riferiment, jista' jagħmel dan biss bl-awtorizzazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti.

Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tieħu deċiżjoni dwar talbiet għal awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti mressqa skont l-ewwel subparagrafu abbażi tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, li hija għandha tistabilixxi.

2.   Meta l-Konferenza tal-Presidenti tiddeċiedi li ma tagħtix tali awtorizzazzjoni, għandha tagħti r-raġunijiet għal dan.

Fejn is-suġġett tar-rapport jaqa' fl-ambitu tad-dritt ta' inizjattiva tal-Parlament imsemmi fl-Artikolu 45, l-Konferenza tal-Presidenti tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix tali awtorizzazzjoni biss jekk l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati ma jkunux ġew issodisfati.

3.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 45 u 46, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn.

4.   Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet li jitressqu lill-Parlament għandhom jiġu eżaminati skont il-proċedura bi preżentazzjoni qasira stipulata fl-Artikolu 151. L-emendi għal tali mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet  u t-talbiet għal votazzjonijiet maqsuma jew għal votazzjonijiet separati għandhom ikunu ammissibbli biss biex jiġu eżaminati fil-plenarja jekk jitqiegħdu fuq il-Mejda jew mir-rapporteur biex jitqies tagħrif ġdid jew minn mhux anqas minn wieħed minn kull għaxar Membri. Il-gruppi politiċi jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet alternattivi skont l-Artikolu 170(3). L-Artikolu 180 għandu japplika għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-kumitat u għall-emendi li din tkun suġġetta għalihom. L-Artikolu 180 għandu japplika wkoll għall-votazzjoni waħdanija fuq mozzjonijiet għal riżoluzzjoni alternattivi.

5.   Il-paragrafu 4 m'għandux japplika fejn is-suġġett tar-rapport jikkwalifika għal dibattitu ta' prijorità fil-plenarja, fejn ir-rapport jitfassal skont id-dritt ta' inizjattiva msemmi fl-Artikoli 45 jew 46, jew fejn ir-rapport ikun ġie awtorizzat bħala rapport strateġiku(1).

(1)Ara d-deċiżjoni rilevanti tal-Konferenza tal-Presidenti.
Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Novembru 2017Avviż legali