Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 7 ta' April 2011 - Strasburgu
It-tilqima kontra l-bluetongue ***I
 Is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
 Ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Unit dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati
 Ir-Rapport ta' progress 2010 dwar l-Islanda
 Ir-Rapport ta' progress 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
 Is-Sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire
 Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant
 Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar
 L-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani
 Rapport annwali tal-BEI għall-2009
 Il-każ ta' Ai WeiWei fiċ-Ċina
 Projbizzjoni tal-elezzjoni tal-Gvern Tibetan eżiljat fin-Nepal
 Iż-Żimbabwe

It-tilqima kontra l-bluetongue ***I
PDF 389kWORD 55k
Riżoluzzjoni
Test konsolidat
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue (COM(2010)0666 – 05499/2011 – C7-0032/2011 – 2010/0326(COD))
P7_TA(2011)0147A7-0121/2011

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0666),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kunsill fid-data 26 ta' Jannar 2011, li fiha l-Kunsill iqis li l-bażi ġuridika għandha tiġi modifikata u jitlob lill-Parlament Ewropew jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (05499/2011 - C7-0032/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Marzu 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-modifika mitluba tal-bażi ġuridika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0121/2011),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' April 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2011/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/75/KE fir-rigward tat-tilqima kontra l-bluetongue

P7_TC1-COD(2010)0326


IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(2),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue(4) tistipula regoli u miżuri ta' kontroll biex jiġġieldu u jeradikaw il-bluetongue, inklużi regoli dwar l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u l-użu ta' vaċċini kontra l-bluetongue.

(2)  Fil-passat, ġew irreġistrati biss inkursjonijiet sporadiċi ta' ċerti stereotipi tal-virus tal-bluetongue fl-Unjoni. Dawk l-inkursjonijiet ġew irrappurtati prinċipalment fil-partijiet tan-Nofsinhar tal-Unjoni. Madankollu, mill-adozzjoni tad-Direttiva 2000/75/KE, u partikolarment mill-introduzzjoni fl-Unjoni tal-istereotipi 1 u 8 tal-virus tal-bluetongue fis-snin 2006 u 2007, il-virus tal-bluetongue infirex iktar mal-Unjoni, bir-riskju li jsir endemija f'ċerti żoni. Għalhekk, sar iktar diffiċli biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus.

(3)  Ir-regoli dwar it-tilqim kontra l-bluetongue stipulati fid-Direttiva 2000/75/KE huma bbażati fuq l-esperjenza tal-użu tal-hekk imsejħa “vaċċini ħajjin immodifikati”, jew “vaċċini ħajjin immoderati”, li kienu l-uniċi vaċċini disponibbli meta d-Direttiva ġiet adottata. L-użu ta' dawk il-vaċċini jista' jwassal għal ċirkolazzjoni lokali mhux mixtieqa tal-virus tal-vaċċin anke f'annimali li ma jingħatawx it-tilqima.

(4)  Reċentement, bħala riżultat ta' teknoloġija ġdida, “vaċċini inattivati” kontra l-bluetongue saru disponibbli, li ma jippreżentawx riskju għal annimali li ma jkunux ingħataw it-tilqima. L-użu estensiv ta' tali vaċċini waqt il-kampanja ta' tilqim fis-snin 2008 u 2009 wassal għal titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tal-marda. Attwalment jeżisti qbil ġenerali li t-tilqim b'vaċċini inattivati huwa l-għodda preferuta għall-kontroll tal-bluetongue u għall-prevenzjoni ta' mard kliniku fl-Unjoni.

(5)  Biex jiġi żgurat kontroll aħjar tal-firxa tal-virus tal-bluetongue u biex jitħaffef il-piż fuq is-settur agrikolu ppreżentat minn dik il-marda, huwa xieraq li r-regoli eżistenti dwar it-tilqim stipulati fid-Direttiva 2000/75/KE jiġu emendati sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi teknoloġiċi fil-produzzjoni tal-vaċċini.

(6)  Sabiex tippermetti liż-żmien tat-tilqim fl-2011 jibbenefika mir-regoli l-ġodda, id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)  L-emendi stipulati f'din id-Direttiva għandhom jagħmlu r-regoli dwar it-tilqim iktar flessibbli u jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll il-fatt li vaċċini inattivati, li jistgħu jintużaw b'suċċess ukoll barra miż-żoni suġġetti għar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq tal-annimali, issa huma disponibbli.

(8)  Barra minn hekk, u sakemm jittieħdu l-miżuri prekawzjonarji adegwati, l-użu ta' vaċċini ħajjin immoderati ma għandux jiġi eskluż, billi l-użu tagħhom xorta waħda jista' jkun neċessarju taħt ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju wara l-introduzzjoni ta' stereotip ta' virus ġdid tal-bluetongue li jista' jkun li ma jkunx hemm disponibbli vaċċini inattivati kontrih.

(9)  Għalhekk, id-Direttiva 2000/75/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2000/75/KE hija b'dan emendata kif ġej:

(1)  Fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt li ġej:"

   (j) vaċċini ħajjin immoderati’: vaċċini li huma mmanifatturati bl-adattament ta' varjetajiet puri tal-virus tal-bluetongue minn każ ta' studju partikolari permezz ta' serje ta' passaġġi fit-trobbija tat-tessut jew fil-bajd tat-tiġieġ b'embriju.
"

(2)  L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

Artikolu 5

1.  L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tiddeċiedi li tippermetti l-użu ta' vaċċini kontra l-bluetongue jekk:

   (a) tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju speċifika mwettqa mill-awtorità kompetenti;
   (b) il-Kummissjoni tiġi infurmata qabel tingħata tali tilqima.

2.  Kull meta jintużaw vaċċini ħajjin immoderati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tiddemarka:

   (a) żona ta' protezzjoni, li tikkonsisti minn tal-inqas żona waħda ta' tilqim;
   (b) żona ta' sorveljanza, li tikkonsisti minn parti mit-territorju tal-Unjoni b'fond ta' tal-inqas 50 kilometru li testendi lil hinn mil-limiti taż-żona ta' protezzjoni.

"

(3)  Fl-Artikolu 6(1), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

   (d) jiġu implimentati l-miżuri adattati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), b'mod partikolari fir-rigward tal-introduzzjoni ta' kull programm ta' tilqim jew ta' xi miżuri alternattivi oħra;
"

(4)  Fl-Artikolu 8(2), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

(b)  Iż-żona ta' sorveljanza għandha tikkonsisti minn parti mit-territorju tal-Unjoni b'fond ta' tal-inqas 50 kilometru u li testendi lil hinn mil-limiti taż-żona ta' protezzjoni u li fiha ma jkun sar l-ebda tilqim kontra l-bluetongue b'vaċċini ħajjin immoderati matul it-12-il xahar ta' qabel.

"

(5)  Fl-Artikolu 10, il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

   2. kull tilqim kontra l-bluetongue bl-użu ta' vaċċini ħajjin immoderati huwa pprojbit fiż-żona ta' sorveljanza.
"

Artikolu 2

(1)  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejnhom u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

(2)  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Opinjoni tal-15.3.2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011.
(4) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.


Is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
PDF 228kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen
P7_TA(2011)0148RC-B7-0249/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u l-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 bir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehima ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2011 mill-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek dwar l-attakk mortali kontra d-dimostranti fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li l-Baħrejn, is-Sirja u l-Jemen huma firmatarji tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1975, li l-Baħrejn, is-Sirja u l-Jemen huma firmatarji tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Baħrejn u l-Jemen tal-21 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-Baħrejn tal-10, tal-15 u tas-17 ta' Marzu 2011, dwar is-Sirja tat-18, tat-22, tal-24 u tas-26 ta' Marzu 2011 u dwar il-Jemen tal-10, tat-12 u tat-18 ta' Marzu 2011 u tal-5 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-8 ta' Marzu 2011 mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni dwar “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran”,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2004 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara żviluppi simili f'pajjiżi Għarab oħra, dimostranti fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen esprimew aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u sejħa popolari qawwija għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali mmirati lejn il-kisba ta' demokrazija ġenwina, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, l-iżgurar tar-rispett tal-istat ta' dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar,

B.  billi l-gvernijiet rispettivi rreaġixxew billi żiedu r-repressjoni vjolenta, billi ddikjaraw stat ta' emerġenza u billi applikaw liġijiet ta' kontra t-terroriżmu biex jiġġustifikaw delitti serji, inklużi każijiet ta' qtil extra-ġudizzjarju, ħtif u għajbien, arresti arbitrarji, tortura u proċessi mhux ġusti,

C.  billi l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen wassal għal telf konsiderevoli ta' ħajjiet, korrimenti u priġuneriji, u jikser il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li dawn il-pajjiżi huma firmatarji tiegħu,

D.  billi d-dimostrazzjonijiet fis-Sirja bdew fil-belt ta' Deraa fin-Nofsinhar tal-pajjiż, qabel ma nfirxu fil-pajjiż kollu; billi l-awtoritajiet Sirjani rażżnu d-dimostrazzjonijiet bl-użu ta' balal ta' vera biex ixerrdu l-ġemgħa paċifika, arrestaw mijiet ta' ċivili u mmobilizzaw dimostranti favur ir-reġim f'Damasku u fi bliet oħra; billi fid-29 ta' Marzu 2011 il-gvern Sirjan irreżenja u s-Sur Adel Safar inħatar biex jifforma gvern ġdid; billi d-diskors li għamel il-President Bashar al-Assad fil-Parlament Sirjan fit-30 ta' Marzu 2011 naqas milli jilħaq l-aspettattivi u jissodisfa t-tamiet għal riformi sinifikanti,

E.  billi s-Sirja ilha taħt Liġi ta' Emerġenza mill-1963; billi l-liġi ta' emerġenza qegħda effettivament tillimita liċ-ċittadini fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom filwaqt li tippermetti kontroll kontinwu lill-awtoritajiet Sirjani fuq is-sistema ġudizzjarja,

F.  billi l-gvern Sirjan għamel numru ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn impenja ruħu favur il-libertà tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni politika (it-tneħħija tal-liġi ta' emerġenza, l-abolizzjoni tal-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Sirjana, li jgħid li l-partit Ba'ath imexxi l-istat u s-soċjetà, is-soluzzjoni tal-problemi kkawżati miċ-ċensiment tal-1962 fil-gvernaturat ta' al-Hasaka, li wassal sabiex mijiet ta' eluf ta' Kurdi ċċaħħdu mill-passaport tagħhom u ġew irreġistrati bħala barranin) iżda naqas milli jwettaq progress tanġibbli fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet; billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem u kritiku tal-gvern prominenti, Haitham al-Maleh, inħeles mill-ħabs f'Marzu 2011 u talab lill-komunità internazzjonali tagħmel pressjoni fuq ir-reġim Sirjan biex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

G.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għad irid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta' dan il-Ftehim ġie pospost fuq talba tas-Sirja minn Ottubru 2009; billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi parti essenzjali ta' dan il-Ftehim,

H.  billi d-dimostrazzjonijiet fil-Baħrejn bdew fl-14 ta' Frar 2011, bid-dimostranti jitolbu riformi politiċi, bħal monarkija kostituzzjonali u gvern elett, kif ukoll it-tmiem tal-korruzzjoni u tal-marġinalizzazzjoni tax-Xiti, li jirrappreżentaw “il fuq minn 60% tal-popolazzjoni, billi s-sitwazzjoni fil-Baħrejn għadha kkaratterizzata minn tensjoni, u fil-ġimgħa li għaddiet bejn 50 ruħ u 100 ruħ ġew irrappurtati neqsin; billi, skont ir-rapporti, il-persunal mediku, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi ġew miżmuma fil-Baħrejn, u l-forzi tas-sigurtà ħadu kontroll tas-swali fl-isptarijiet,

I.  billi, wara t-talba li saret mill-Gvern tal-Baħrejn, il-forzi tas-sigurtà tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf, mill-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Kuwajt intbagħtu l-Baħrejn,

J.  billi miljuni ta' ċittadini ilhom jipprotestaw fil-Jemen minn Jannar, fil-parti l-kbira b'mod paċifiku, u allegatament inqatlu madwar mitt persuna, primarjament mill-forzi tas-sigurtà bl-użu ta' munizzjonijiet ta' vera sparati fuq il-folol, filwaqt li mijiet ġew feruti; billi fil-Jemen l-ambulanzi li kienu qed iwasslu l-isptar lid-dimostranti li huma kontra l-gvern ġew ostakolati mill-forzi tas-sigurtà,

K.  billi l-President tal-Jemen Ali Abdullah Saleh, li ilu jmexxi l-pajjiż għal 32 sena, wiegħed li jirreżenja; billi, madankollu, il-President s'issa ma ħa ebda passi serji biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu ta' tranżizzjoni demokratika u paċifika,

L.  billi l-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf iddeċidew li jistiednu rappreżentanti tal-gvern Jemenit u tal-oppożizzjoni għal taħditiet f'Riyadh biex isolvu l-imblokk fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet speċifiċi,

M.  billi l-Jemen hu l-aktar pajjiż fqir fil-Lvant Nofsani, b'malnutrizzjoni mifruxa, riżervi taż-żejt li qed jonqsu, popolazzjoni li qed tikber, gvern ċentrali dgħajjef, nuqqas ta' ilma li dejjem jiżdied u ftit investiment fl-ekonomija tal-pajjiż; billi hemm tħassib serju dwar id-diżintegrazzjoni tal-istat Jemenit, bi tregwa fraġli li ilha fis-seħħ minn Frar mar-ribelli Xiti fit-Tramuntana, moviment seċessjonista fin-Nofsinhar u ħafna ġellieda ta' Al Qaeda li huma rrappurtati li jużaw il-Jemen bħala bażi,

N.  billi dan l-aħħar ġie ddikjarat stat ta' emerġenza fil-Baħrejn u l-Jemen; billi d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza fi kwalunkwe pajjiż ma teżentax lill-gvern tan-nazzjon mill-obbligu essenzjali tiegħu li jiddefendi l-istat tad-dritt u l-impenji internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

1.  Jikkundanna bis-saħħa r-repressjoni vjolenta mill-forzi tas-sigurtà ta' dimostranti paċifiċi fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popli f'dawk il-pajjiżi, ifaħħar il-qlubija u d-determinazzjoni tagħhom u jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex iżommu lura mill-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti u jirrispettaw il-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni tagħhom; jikkundanna l-indħil mill-awtoritajiet fil-Baħrejn u fil-Jemen fil-forniment ta' trattamenti mediċi u ċ-ċaħda u l-limitazzjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet ta' saħħa; jenfasizza li dawk responsabbli għat-telf tal-ħajja u l-korrimenti kkawżati għandhom jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob lill-awtoritajiet biex immedjatament jeħilsu lill-priġunieri politiċi, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti kollha u lil dawk kollha miżmuma b'rabta mal-attivitajiet paċifiċi tagħhom fil-kuntest tal-protesti;

3.  Jistqarr li l-użu ta' vjolenza minn stat kontra l-popolazzjoni tiegħu stess għandu jkollu riperkussjonijiet diretti fuq ir-relazzjonijiet bilaterali tiegħu mal-Unjoni Ewropea; ifakkar lir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni li l-UE tista' tuża numru kbir ta' għodod biex tiskoraġġixxi azzjonijiet bħal dawn, bħal iffriżar tal-assi, projbizzjoni ta' vjaġġar, eċċ.; ifakkar madankollu li l-popli b'mod ġenerali qatt ma għandhom ikunu affettwati minn rieżami bħal dan tar-relazzjonijiet bilaterali;

4.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar u li għadhom għaddejjin kif ukoll żviluppi oħra fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen fir-relazzjonijiet bilaterali ma' dawn il-pajjiżi, inkluża s-sospensjoni ta' negozjati addizzjonali dwar l-iffirmar ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni li għadu pendenti bejn l-UE u s-Sirja; huwa tal-fehma li l-konklużjoni ta' ftehim bħal dan għandu jiddependi mill-ħila tal-awtoritajiet Sirjani li jwettqu r-riformi demokratiċi mistennija f'forma tanġibbli;

5.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw it-talbiet biex jitwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar l-attakki fuq id-dimostranti f'dawk il-pajjiżi, b'attenzjoni speċjali għal investigazzjoni indipendenti li għandha titwettaq min-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew mill-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar l-attakk fuq id-dimostranti fit-18 ta' Marzu 2011 f'Sana'a, il-Jemen, fejn inqatlu 54 persuna u ndarbu aktar minn 300; jistieden lill-UE tieħu r-riedni f'idejha minnufih u tlaqqa' Sessjoni Speċjali tal-HRC biex jiġu ttrattati l-abbużi li twettqu fil-Baħrejn, fis-Sirja u fil-Jemen matul it-trażżin tad-dimostrazzjonijiet u r-repressjoni tad-dissidenza;

6.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex jinvolvu ruħhom fi proċess u fi djalogu politiku miftuħ u sinifikanti mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet, bil-parteċipazzjoni tal-forżi politiċi demokratiċi kollha u tas-soċjetà ċivili, maħsuba biex titwitta t-triq għal demokrazija ġenwina, jitneħħa l-istat ta' emerġenza u jkunu implimentati riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali konkreti, ambizzjużi u sinifikanti, li huma essenzjali għal stabilità u żvilupp fit-tul;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen biex jirrispettaw l-impenji internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet f'dawk il-pajjiżi biex ineħħu immedjatament l-istat ta' emerġenza, jeħilsu immedjatament il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u d-dimostranti paċifiċi kollha, idaħħlu fil-liġi u fil-prattika l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, jintensifikaw il-miżuri biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jiggarantixxu drittijiet ugwali għall-minoranzi, jiżguraw aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni, bħall-internet u t-telefonija mobbli, u jiżguraw l-aċċess għall-midja indipendenti;

8.  Jieħu nota tar-riżenja tal-Gvern Sirjan fid-29 ta' Marzu 2011, iżda jemmen li dan mhux se jkun biżżejjed biex jikkontrobatti l-frustrazzjonijiet li qed jiżdiedu tal-poplu Sirjan; jistieden lill-President Bashar al-Assad itemm il-politika ta' repressjoni tal-oppożizzjoni politika u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ineħħi realment l-istat ta' emerġenza li ilu fis-seħħ mill-1963, jippromwovi l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika fis-Sirja u jistabbilixxi aġenda konkreta għal riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn u lil partijiet oħra biex jinvolvu ruħhom fi djalogu sinifikanti u kostruttiv mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet, biex jitwettqu r-riformi; jilqa' l-aħbar mis-Segretarju Ġenerali tan-NU li n-NU hija lesta tipprovdi appoġġ għall-isforzi mmexxija nazzjonalment, jekk tkun mitluba li tagħmel dan;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-preżenza ta' truppi barranin taħt il-bandiera tal-GCC fil-Baħrejn; jistieden lill-GCC biex juża r-riżorsi tiegħu bħala parteċipant kollettiv reġjonali biex jaġixxi b'mod kostruttiv u jagħmilha ta' medjatur fl-interess ta' riformi paċifiċi fil-Baħrejn;

11.  Jitlob lill-President Saleh tal-Jemen jieħu passi konkreti favur l-implimentazzjoni tal-wegħda tiegħu li “jittrasferixxi l-poter b'mod paċifiku permezz ta' istituzzjonijiet kostituzzjonali”; jitlob lill-partijiet kollha, inkluża l-oppożizzjoni, biex jaġixxu b'mod responsabbli, jinvolvu ruħhom fi djalogu miftuħ u kostruttiv mingħajr dewmien, sabiex tintlaħaq tranżizzjoni politika ordnata, u biex jinkludu f'dan id-djalogu l-partiti u l-movimenti kollha li jirrappreżentaw lill-poplu Jemenit;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-livell tal-faqar u tal-qgħad u l-instabilità politika u ekonomika li qed tiżdied fil-Jemen; jinsisti li t-twettiq, fil-post, tal-wegħdiet li saru fil-konferenza tad-donaturi tal-2006 għandu jitħaffef; barra minn hekk jistieden lill-UE u lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jagħmlu sforz partikolari biex jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku hekk kif il-President Saleh ikun lest li jċedi t-triq għal gvern stabbilit demokratikament;

13.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw l-aspirazzjonijiet demokratiċi u paċifiċi tal-poplu tal-Baħrejn, tas-Sirja u tal-Jemen, jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom rigward dawk il-pajjiżi, jirrispettaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u jkunu lesti jgħinu, f'każ ta' impenn serju mill-awtoritajiet nazzjonali, fl-implimentazzjoni ta' aġendi konkreti ta' riforma politika, ekonomika u soċjali f'dawk il-pajjizi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża b'mod sħiħ u effikaċi l-appoġġ eżisteni mogħti permezz tal-ENPI, l-EIDHR u l-IfS, u tfassal urġentement proposti konkreti dwar kif l-għajnuna finanzjarja futura tal-UE tista' tgħin aħjar lill-pajjiżi u lis-soċjetajiet ċivili fil-Lvant Nofsani u fil-Golf fit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jenfasizza l-impenji meħuda mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran biex jiġu appoġġjati aktar il-bidla demokratika u s-soċjetà ċivili b'reazzjoni għall-iżviluppi storiċi attwali fir-reġjun; jitlob għajnuna tal-UE favur il-proċessi demokratiċi fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Golf biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini kollha – partikolarment tan-nisa, li kellhom rwol kruċjali fit-talbiet favur il-bidla demokratika – fil-ħajja politika;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0109.
(2) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 436.


Ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Unit dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati
PDF 224kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati
P7_TA(2011)0149RC-B7-0228/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  billi fl-1971 in-NU għarfu l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) bħala “l-iktar parti fqira u dgħajfa” tal-komunità internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-kriterji stabbiliti mill-Kumitat tan-NU għall-Politika tal-Iżvilupp (CDP) biex jidentifikaw l-LDCs,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati adottata f'Settembru 1990,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar “l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għal-LDCs għad-Deċennju 2001-2010” (A/65/80),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) f'Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Brussell (BPoA) għal-LDCs adottat fit-Tielet Konferenza tan-NU dwar l-LDCs (LDC-III) fi Brussell, f'Mejju 2001,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda fl-2008 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex tlaqqa' r-Raba' Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-LDCs (LDC-IV),

–  billi LDC-IV se tivvaluta r-riżultati tal-BPoA hekk kif dan joqrob lejn tmiemu u tipproponi azzjonijiet ġodda (2011-2020) maħsuba biex jinkoraġġixxu l-iskambju tal-l-aħjar prattiki u tat-tagħlimiet meħuda u jidentifikaw deċiżjonijiet ta' politika u sfidi li l-LDCs se jħabbtu wiċċhom magħhom fid-deċennju li ġej u l-azzjonijiet meħtieġa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

–  wara li kkunsidra l-MDG li l-faqar jitnaqqas b'nofs sal-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 48 pajjiż bħalissa huma kklassifikati bħala LDCs, 33 fl-Afrika, 14 fl-Ażja u 1 fl-Amerika Latina; billi 16 minnhom huma mdawrin b'pajjiżi oħra u 12 huma gżejjer żgħar,

B.  billi 75% mit-800 miljun abitant tal-LDCs jgħixu b'inqas minn USD 2 kuljum, u billi l-għadd ta' Pajjiżi l-Anqas Żviluppati kiber minn 25 għal 48 mindu n-NU stabbiliet din il-kategorija fl-1971, u billi kienu biss il-Botswana fl-1994, il-Kap Verde fl-2007 u l-Madive f'Jannar 2011 li ħarġu mill-istatus ta' LDC,

C.  billi l-medja tal-Indiċi tal-Iżvilupp Uman għal-LDCs telgħet minn 0,34 għal biss 0,39 bejn l-2000 u l-2010; billi fil-medja l-LDCs mistennijin jilħqu biss tnejn minn seba' MDGs,

D.  billi mil-LDC-III “l hawn u mill-adozzjoni tal-BPoA ittieħdu xi passi pożittivi, pereżempju l-inizjattiva ”Kollox Għajr l-Armi' (EBA) u ż-żidiet fl-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), li rduppjat bejn l-2000 u l-2008, u l-investiment dirett barrani li żdied minn USD 6 biljun għal USD 33 biljun, bir-riżultat li 19-il pajjiż laħquu rata ta' tkabbir ta' 3%,

E.  billi r-rakkomandazzjoni tal-LDC-IV tista' tintlaħaq biss jekk jiġu indirizzati sewwa kwistjonijiet kruċjali li jaffettwaw lil-LDCs bħall-koerenza tal-politiki bejn il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikolatura, is-sajd, l-investiment u t-tibdil fil-klima, u jekk jitqiegħdu fl-aġenda temi importanti, bħall-governanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment il-kunċett ta' “kuntratt ta' governanza” (li jinkorpora b'mod partikolari livell ta' limitu soċjali) bejn pajjiżi sħab u dawk donaturi, flimkien mal-bini ta' kapaċità umana,

F.  billi l-LDC-IV se terġa' tafferma l-impenn globali favur is-sħubija biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-LDCs; billi l-proċess li għaddej bħalissa ta' tħejjija għal-LDC-IV jinkludi konsultazzjonijiet nazzjonali, laqgħat reġjonali li jinvolvu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, bħal parlamentari, is-soċjetà ċivili u s-settur privat,

G.  billi l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli jimplika appoġġ għas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li huma komponenti essenzjali tal-politika tal-iżvilupp tal-UE,

H.  billi l-qagħda fl-LDCs kompliet sejra għall-agħar minħabba l-kriżijiet dinjija reċenti tal-finanzi, tal-ikel, tat-tibdil fil-klima u tal-enerġija,

I.  billi, minkejja li l-agrikoltura tifforma l-bażi ta' bosta mill-ekonomiji tal-LDCs u tipprovdi sa 90% tal-impjiegi, is-sigurtà tal-ikel hija mhedda,

J.  billi ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sinifikanti mingħajr rwol sinifikanti tal-Istati abbażi ta' kapaċità mtejba għall-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tal-għana u t-tqassim mill-ġdid tal-għana b'mod ġust, is-sħubijiet bejn il-privat u l-pubbliku u investimenti barrani ppjanat sewwa li jirrispetta għalkollox l-istandards tal-qofol tal-ILO dwar ix-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent; billi l-Istat jeħtieġlu jerfa' r-responsabbiltà li jipprovdi stabbiltà u qafas legali,

K.  billi kull LDC jeħtieġlu jidentifika prijoritajiet u soluzzjonijiet f'lokhom fil-kuntest nazzjonali tiegħu, abbażi tal-parteċipazzjoni demokratika tal-popolazzjoni fil-proċessi deċiżjonali,

L.  billi s-suċċess tal-konferenza ta' Istanbul jiddependi fuq riżultati konkreti (eż. kuntratt ta' governanza, livell ta' limitu soċjali, tnaqqis tad-dejn, għajnuna għall-iżvilupp, finanzjament innovattiv) u l-kwalità tal-kontributi mill-parteċipanti,

1.  Iqis li l-LDC-IV għandha tkun orjentata lejn ir-riżultati, abbażi ta' indikaturi ċari u bl-objettiv li l-LDCs jitnaqqsu bin-nofs sal-2020, flimkien ma' monitoraġġ effiċjenti u trasparenti u mekkaniżmi ta' segwitu;

2.  Jenfasizza li l-għajnuna tal-UE lil-LDCs għandha tkun orjentata primarjament lejn il-ħolqien tal-għana u l-żvilupp ta' ekonomija tas-suq, li huma prirekwiżiti bażiċi għall-eliminazzjoni tal-faqar;

3.  Jitlob li jingħata prijorità t-tkabbir ekonomiku bħala element ewlieni għall-iżvilupp u għat-tnaqqis ġenerali tal-faqar fl-LDCs;

4.  Jemmen li LDC-IV għandha tiffoka fuq il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp bħala fattur importanti fit-tibdil tal-politiki, fil-livell nazzjonali u f'dak internazzjonali; jitlob għalhekk li t-tfassil tal-politiki fl-oqsma kollha – bħall-kummerċ, is-sajd, l-ambjent, l-agrikoltrua, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-investiment u l-finanzi – isir b'tali mod li jirfdu l-ħtiġijiet tal-LDCs biex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra l-faqar u jiggarantixxu dħul u għajxien deċenti;

5.  Iħeġġeġ lill-UE tirrispetta l-impenji tagħha f'dak li jirrigwarda l-aċċess għas-swieq u t-taffija tad-djun; jerġa' jafferma l-importanza li tintlaħaq il-mira li l-ODA tikber għal 0.15 - 0.20% sabiex l-LDCs jimmobilizzaw, għal dan il-għan, ir-riżorsi domestiċi u, bħala miżura komplementarja, mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi;

6.  Ifakkar fil-mira tal-ħruġ mill-kategorija ta' LDC, u jiġbed l-attenzjoni għall-qafas stabbilit mil-Laqgħa Għolja tal-MDG f'Settembru 2010 bil-għan jħaffef l-eradikazzjoni tal-faqar, joħloq żvilupp ekonomiku sostenibbli li jkollu l-għan li jtejjeb il-livell tal-għajxien tal-popolazzjoni tal-LDCs, jistabbilixxi governanza tajba u jrawwem il-bini tal-kapaċitajiet;

7.  Jenfasizza l-bżonn ta' miżuri ġodda biex jintegraw l-LDCs fl-ekonomija globali u jetjbulhom l-aċċess għas-swieq Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għajnuna tagħha relatata mal-kummerċ sabiex tgħin il-pajjiżi l-aktar fqar jindirizzaw il-kompetizzjoni li tirriżulta mil-liberalizzazzjoni tas-suq;

8.  Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma vitali għall-effikaċja ta' politiki tal-iżvilupp u li l-UE għandha tikkoordina l-approċċ tagħha aħjar sabiex tindirizza kwistjonijiet ta' stabbilità f'LDCs u tappoġġja sforzi sabiex jinkisbu l-kapaċitajiet għall-bini ta' stati paċifiċi, demokratici u inklussivi;

9.  Ifakkar fil-ħtieġa li jingħataw prijorità s-sigurtà tal-ikel, l-agrikultura, l-infrastrutturi, il-bini tal-kapaċità, it-tkabbir ekonomiku inklussiv, l-aċċess għat-teknoloġiji kif ukoll l-iżvilupp uman u soċjali fl-LDCs;

10.  Jitlob l-istabbiliment ta' regoli kummerċjali ġusti u ekwi u l-implimentazzjoni ta' politiki integrati f'firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli;

11.  Ifakkar fil-ħtieġa li jittieħdu miżuri affikaċi dwar il-volatilità tal-prezzijiet, it-trasparenza. kif ukoll dwar swieq finanzjarji rregolati aħjar, għall-protezzjoni tal-LDCs għat-tnaqqis tal-vunerabbilta tagħhom;

12.  Ifakkar fil-ħtieġa li jingħata kontribut għall-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa u ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa, u jistieden lin-NU jistabbilixxu mekkaniżmi adegwati f'dan ir-rigward;

13.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jiddiskutu l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament tal-iżvilupp fl-LDC-IV bħalma hija taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li l-impenji tal-ODA u l-mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament iridu jiġu mifhuma bħala essenzjali u komplementari fil-ġlieda kontra l-faqar;

14.  Iħeġġeġ lin-NU u lill-UE jindirizzaw bis-serjetà l-impatti ħżiena tal-akkwist tal-artijiet agrikoli, bħalma huma l-esproprju tal-bdiewa ż-żgħar u użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma;

15.  Ifakkar li l-għan fit-tul tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandu jkun li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ekonmiku sostenibbli u għat-tqassim mill-ġdid tal-għana b'mod ġust; jenfasizza għalhekk il-bżonn tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-istrateġiji tal-LDCs, tad-diversifikazzjoni tal-kummerċ billi jissedqu prezzijiet ġusti għall-produzzjoni tal-LDCs u bit-trattament ta' fatturi min-naħa tal-provvista b'tali mod li jitqawwew il-kapaċità l-kapaċità tal-LDCs għall-kummerċ u dik li jattiraw l-investiment li jkun skont l-istandards tal-qofol tal-ILO dwar ix-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent;

16.  Jagħraf li l-EBA ma' laħqitx għalkollox il-miri oriġinali tagħha u, għalhekk, il-kwalità u l-volum ta' kummerċ minn LDCs għas-suq tal-UE baqa' ma laħaqx il-livell mistenni, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' infrastutturi adegwati portijiet f'konnessjoni mal-kummerċ; huwa favur l-iżvilupp ta' tali infrastrutturi, li jibqa' l-muftieħ għat-tkattir tal-kapaċitajiet kummerċjali;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp, skont id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Accra;

18.  Jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew u r-rwol deċiżiv tiegħu fl-approvazzjoni tal-baġit tal-UE għall-iżvilupp; għalhekk huwa konvint li l-Parlament għandu jkun involut aktar mill-qrib fit-tħejjija tal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp; iqis li huwa essenzjali, barra minn hekk, li jkun implimentat mekkaniżmu ta' rappurtar;

19.  Iqis li l-adozzjoni tal-Liġi ġdida tal-Istati Uniti “Minerali ta' Kunflitt” hija pass enormi “l quddiem fil-ġlieda kontra l-estrazzjoni u l-kummerċ illegali tal-minerali fl-Afrika, li jitma” l-gwerer ċivili u l-kunflitti; huwa tal-fehma li n-NU għandhom joħroġu bi proposta simili biex tiżgura t-traċċabbiltà tal-minerali importati fis-suq dinji;

20.  Jitlob li ssir valutazzjoni sistematika tar-riskju tat-tibdil fil-klima rigward l-aspetti rilevanti kollha tal-pjanifikazzjoni tal-politika tal-iżvilupp, inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, u jitlob li l-eżitu ta' din il-valutazzjoni jintuża għat-tfassil ta' linji gwida ċari għall-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

21.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità dejjem ikbar ta' diżastri ambjentali li jikkawżaw migrazzjonijiet tal-massa, li tagħmilha essenzjali li din il-kategorija l-ġdida ta' persuni spustati tingħata għajnuna ta' emerġenza;

22.  Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali, u jitlob li jissaħħu l-oqfsa reġjonali li primarjament iħallu lill-pajjiżi ż-żgħar jiġbru riżorsi, għarfien u kompetenzi;

23.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi għadu jiskwalifika l-parti l-kbira ta' dawn il-pajjiżi milli jirċievu għajnuna baġitjarja, fattur essenzjali fil-proċess tal-bini tal-kapaċità ta' kull pajjiż;

24.  Jisħaq fuq l-importanza għal-LCDs li jiżviluppaw il-kooperazzjoni trilaterali, b'mod partikolari ma' pajjiżi emerġenti, bil-għan li jimxu fid-direzzjoni ta' kooperazzjoni komprensiva għall-ilħiq ta' benefiċċji reċiproċi u żvilupp komuni;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


Ir-Rapport ta' progress 2010 dwar l-Islanda
PDF 295kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapport ta' progress 2010 dwar l-Islanda
P7_TA(2011)0150B7-0226/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2010 li jżid l-Islanda mal-lista tal-pajjiżi eliġibbli għall-għajnuna mill-UE ta' qabel l-adeżjoni, maħsuba biex tgħin lill-pajjiżi applikanti jikkonformaw mal-korp tal-liġi Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea (SEC(2010)0153),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 biex jinbdew negozjati mal-Islanda dwar l-adeżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Ġenerali tal-UE u l-Pożizzjoni Ġenerali tal-Gvern tal-Islanda adottati matul il-laqgħa ministerjali li tat bidu għall-Konferenza Intergovernattiva dwar l-Adeżjoni tal-Islanda mal-Unjoni Ewropea fis-27 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “L-Istrateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011” (COM(2010)0660) u r-Rapport ta' Progress 2010 dwar l-Islanda, adottat fid-9 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tat-tkabbir li tikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija mal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Islanda, adottati f'Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Islanda tissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, u n-negozjati tal-adeżjoni mal-Islanda bdew fis-27 ta' Lulju 2010 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill,

B.  billi l-proċess ta' screening beda fil-15 ta' Novembru 2010 u huwa ppjanat li jibqa' sejjer sas-17 ta' Ġunju 2011,

C.  billi, hekk kif ġie enfasizzat fil-konsensus imġedded dwar it-tkabbir, il-progress ta' kull pajjiż lejn is-sħubija mal-Unjoni Ewropea huwa bbażat fuq il-mertu,

D.  billi l-Islanda diġà qed tikkoopera mill-qrib mal-UE bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-Ftehimiet ta' Schengen u r-Regolament ta' Dublin, u għaldaqstant diġà adottat parti sinifikanti mill-acquis,

E.  billi l-Islanda tikkontribwixxi għall-koeżjoni u s-solidarjetà Ewropea permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju fil-qafas taż-ŻEE u tikkoopera mal-UE għaż-żamma tal-paċi u l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet,

1.  Jilqa' t-tnedija tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Islanda f'Lulju 2010; iqis li huwa essenzjali li jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex jitlesta l-proċess ta' adeżjoni mal-Islanda u biex jiġi żgurat li l-adeżjoni tagħha tkun ta' suċċess;

Kriterji politiċi

2.  Jilqa' l-prospettiva li, bħala Stat Membru ġdid tal-UE, se jkollna pajjiż bi tradizzjoni demokratika u kultura ċivika b'saħħithom; jenfasizza li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE se tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala promotur u difensur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali fid-dinja;

3.  Ifaħħar lill-Islanda għar-riżultati tajbin li kisbet biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem u jiġi żgurat livell għoli ta' kooperazzjoni mal-mekkaniżmi internazzjoanli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jappoġġa l-ħidma li għaddejja attwalment biex jissaħħaħ l-ambjent leġiżlattiv fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva Islandiża dwar il-Midja Moderna, li tippermetti kemm lill-Islanda, kif ukoll lill-UE jpoġġu rwieħhom f'qagħda b'saħħitha fir-rigward tal-protezzjoni legali tal-libertajiet ta' espressjoni u ta' informazzjoni;

5.  Jilqa' t-twaqqif tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Islanda f'Ottubru 2010 u jinsab konvint li dan il-forum se jikkontribwixxi għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Althingi u l-Parlament Ewropew matul il-proċess ta' adeżjoni;

6.  Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-awtoritajiet Islandiżi biex jarmonizzaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE rigward id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali fl-Islanda;

7.  Jinnota l-progress tajjeb fit-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura u jilqa' l-miżuri meħudha mill-awtoritajiet Islandiżi f'Mejju 2010 sabiex tiġi indirizzata l-predominanza mogħtija lill-Ministru tal-Ġustizzja fil-ħatriet ġudizzjarji, kif ukoll l-emendi li saru fl-Att tal-Ġudikatura li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-miżuri;

8.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni Speċjali li twaqqfet f'Diċembru 2008 mill-Parlament Islandiż biex tinvestiga u tanalizza l-proċessi li wasslu għall-kollass tas-sistema bankarja, u l-progress li sar biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi politiċi, istituzzjonali u amministrattivi tal-kollass tas-sistema bankarja Islandiża, filwaqt li ġie nnotat li l-implimentazzoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha għadha qed issir u jeħtieġ li titwettaq permezz ta' sforzi li ma jaqtgħu xejn;

Kriterji ekonomiċi

9.  Jilqa' l-livell ġeneralment sodisfaċenti li laħqet l-Islanda fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha fil-kuntest taż-ŻEE u fil-ħila tagħha li tirreżisti għall-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE;

10.  Jinnota, madankollu, li l-aħħar rapport tat-tabella ta' valutazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles wera li d-defiċit ta' traspożizzjoni tal-Islanda żdied ftit u li, billi laħaq 1,3%, baqa' ogħla mill-mira interim ta' 1%, għalkemm id-dewmien fit-traspożizzjoni tnaqqas;

11.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernjiet tal-Islanda, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit dwar il-kwistjoni Icesave, partikularment biex jiġi ggarantit il-ħlas lura tal-ispejjeż li jkunu saru biex jitħallsu l-garanziji minimi lid-depożituri f'fergħat tal-Landsbanki Islands hf. fir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi; jilqa' l-approvazzjoni tal-ftehim b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-Parlament Islandiż fis-17 ta' Frar 2011; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-President tal-Islanda li jirreferi l-abbozz ta' liġi għal referendum u jittama li tintemm il-proċedura ta' ksur li bdiet fis-26 ta' Mejju 2010, li tressqet mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Gvern tal-Islanda;

12.  Jilqa' l-fatt li n-nuqqasijiet istituzzjonali fis-settur finanzjarju ġew indirizzati u li sar progress biex jissaħħu l-prattiki regolatorji u superviżorji tal-banek, partikularment fir-rigward tal-poteri tal-Awtorità għas-Sorveljanza Finanzjarja;

13.  Jilqa' l-preżentazzjoni mill-Islanda lill-Kummissjoni Ewropea tal-ewwel Programm Ekonomiku ta' Qabel l-Adeżjoni tagħha bħala pass importanti fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni u jittama li d-djalogu ekonomiku bilaterali annwali li tħabbar se jikkonsolida l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet;

14.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi jkomplu fit-triq biex ifasslu strateġija għal-liberalizzazzjoni tal-kontrolli tal-kapital, li hi rekwiżit importanti għall-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE;

15.  Jilqa' r-raba' rieżami pożittiv riċenti tal-programm stand-by tal-Fond Monetarju Internazzjonali li jenfasizza l-iżviluppi importanti tal-konsolidazzjoni fiskali u ekonomika tal-Islanda, kif ukoll il-fatt li wara d-deterjorazzjoni għal seba' kwarti konsekuttivi, l-ekonomija tal-Islanda ħarġet mir-reċessjoni ekonomika, u l-prodott gross domestiku reali rreġistra tkabbir ta' 1,2% fil-perjodu bejn Lulju u Settembru 2010 meta mqabbel mal-kwart preċedenti;

16.  Jilqa' l-politiki biex tkompli tiġi ddiversifikata l-ekonomija tal-Islanda bħala pass meħtieġ għall-benessri ekonomiku tal-pajjiż fuq perjodu twil ta' żmien; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi jkomplu jiżviluppaw in-negozju tat-turiżmu li hu meqjus bħala settur ta' tkabbir promettenti fuq perjodu itwal ta' żmien u li globalment wera sehem dejjem jikber fil-produzzjoni u l-impjiegi;

17.  Jinnota l-pożizzjoni tal-Islanda dwar l-adeżjoni maż-żona tal-euro, ambizzjoni li tista' tinkiseb wara li ssir membru tal-UE u ladarba jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa;

18.  Huwa kkonċernat dwar il-livell għoli ta' qgħad u partikularment qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Islanda, kif ukoll it-tnaqqis fl-investimenti u l-konsum intern b'segwitu għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, minkejja li qed jinnota xi sinjali ta' titjib f'xi wħud minn dawn l-oqsma; jinnota li l-enerġija ħadra b'kostijiet baxxi u t-teknoloġija tal-enerġija ħadra li tipproduċi l-Islanda jistgħu jkunu fattur importanti ħafna biex l-ekonomija tkun varata mill-ġdid;

19.  Ifaħħar lill-Islanda għar-rati għolja tagħha ta' investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-appoġġ u l-involviment tagħha fl-istrateġija ta' Lisbona, inkluż l-adozzjoni ta' strateġija tal-Islanda 2020 li tenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u tenfasizza miri li jistgħu jitkejlu;

Kapaċità li tadotta l-obbligi tas-sħubija

20.  Jinnota li l-Islanda, bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija avvanzata sewwa fir-rekwiżiti ta' 10 mill-kapitoli tan-negozjati u tissodisfa parzjalment il-ħtiġijiet ta' 11-il kapitolu tan-negozjati; jenfasizza li t-twettiq tal-obbligi tal-Islanda skont il-Ftehim ŻEE huma rekwiżiti importanti fin-negozjati tal-adeżjoni;

21.  Jistieden lill-Islanda ttejjeb il-preparazzjonijiet għall-allinjament mal-acquis tal-UE, partikularment fl-oqsma li mhumiex koperti miż-ŻEE, u tiżgura l-implimentazzjoni u t-twettiq tiegħu sad-data tal-adeżjoni;

22.  Jistieden lill-Islanda tipprepara għall-parteċipazzjoni tagħha fil-politika tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali tal-UE, u partikularment biex ittejjeb l-isforzi tagħha għat-twaqqif tal-istrutturi amministrattivi meħtieġa biex jiġu implimentati dawn il-politiki sad-data tal-adeżjoni; jenfasizza, madankollu, il-partikolarità tal-ekosistema Islandiża u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Islandiżi biex jilħqu ftehim reċiprokament sodisfaċenti, li jqis il-karatteristiċi uniċi tal-ambjent tal-Islanda;

23.  Wara li kkunsidra l-fatt li l-politika komuni tas-sajd attwalment qed tiġi rriveduta, u li l-acquis jista' jiġi mmodifikat qabel l-adeżjoni tal-Islanda, jistieden lill-Islanda u lill-UE jittrattaw dan il-kapitolu tan-negozjati b'mod kostruttiv bil-għan li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti reċiproka għall-ġestjoni sostenibbli u l-użu ta' riżorsi tas-sajd;

24.  Jinnota r-rekord tajjeb tal-Islanda għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd tagħha b'mod sostenibbli u bbażat fuq valutazzjonijiet xjentifiċi;

25.  Jistieden lill-awtoritajiet Islandiżi jadattaw il-leġiżlazzjoni Islandiża skont l-acquis tas-suq intern rigward id-dritt ta' stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital fis-setturi tal-produzzjoni u l-ipproċessar tas-sajd;

26.  Jistieden lill-Islanda tkompli f'taħditiet kostruttivi mal-UE u man-Norveġja, bil-għan li tintlaħaq riżoluzzjoni tal-kontroversja dwar il-kavalli abbażi ta' proposti realistiċi li jissalvagwardjaw il-ġejjieni tal-istokk, jipproteġu u jżommu l-impjiegi fis-sajd pelaġiku u jiżguraw sajd sostenibbli u fit-tul;

27.  Jinnota li l-Islanda tista' tagħti kontribut prezzjuż lill-politiki tal-UE minħabba l-esperjenza tagħha fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded, b'mod partikulari rigward l-użu tal-enerġija ġeotermika, il-ħarsien tal-ambjent u l-miżuri li jittrattaw it-tibdil fil-klima;

28.  Jinnota, madankollu, li għad fadal diverġenzi serji bejn l-UE u l-Islanda dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-ħajja fil-baħar, partikularment il-kaċċa tal-balieni; jirrimarka li l-projbizzjoni tal-kaċċa tal-balieni hi parti mill-acquis tal-UE u jitlob għal diskussjonijiet usa' dwar il-kwistjoni tal-qerda tal-kaċċa tal-balieni u l-kummerċ tal-prodotti tal-balieni;

29.  Jinnota l-fatt li l-Islanda hija stat li mhux militari u ma tipproduċix armi; jilqa' l-appoġġ kontinwu tal-Islanda għall-operazzjonijiet ċivili tal-PSDK u l-allinjament tagħha mal-maġġoranza tad-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK;

30.  Jilqa' l-fatt li t-tradizzjoni tal-politika barranija tal-Islanda għandha l-għeruq tagħha fid-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u li l-kunċett tal-politika ta' sigurtà tagħha hu bbażat fuq valuri ċivili;

Kooperazzjoni reġjonali

31.  Iqis li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE ssaħħaħ il-prospetti tal-Unjoni li jkollha rwol aktar attiv u kostruttiv fl-Ewropa ta' fuq u l-Artiku billi tikkontribwixxi għall-governanza multilaterali u s-soluzzjonijiet ta' politika sostenibbli fir-reġjun; iqis pożittivament il-parteċipazzjoni tal-Islanda fil-Kunsill Nordiku, kif ukoll fil-Politika tal-UE fid-Dimensjoni tat-Tramuntana, fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents u fil-Kunsill Artiku li hu l-forum multilaterali ewlieni għall-kooperazzjoni fl-Artiku; jemmen li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE tkompli titfa' għeruq sodi għall-preżenza Ewropea fil-Kunsill Artiku;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' politika tal-Unjoni Ewropea aktar effikaċi u kkoordinata dwar l-Artiku u jesprimi l-opinjoni li l-adeżjoni tal-Islanda fl-UE ssaħħaħ id-dimensjoni tat-Tramuntana tal-Atlantiku tal-politiki esterni tal-Unjoni;

Opinjoni pubblika u appoġġ għat-tkabbir

33.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi jwessgħu d-dibattitu pubbliku dwar l-adeżjoni tal-UE, filwaqt li jikkunsidraw il-ħtieġa ta' impenn sħiħ sabiex in-negozjati jkunu ta' suċċess; ifaħħar lill-Islanda għat-twaqqif tas-sit pubbliku eu.mfa.is u jilqa' d-diskussjoni dejjem tikber u aktar ibbilanċjata fil-midja Islandiża dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sħubija fl-UE;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi materjal u appoġġ tekniku, jekk l-awtoritajiet Islandiżi jitolbuhomlha, sabiex tgħinhom itejbu t-trasparenza u r-responsabilità rigward il-proċess ta' adeżjoni u tikkontribwixxi fl-organizzazzjoni ta' kampanja ta' informazzjoni ċara, bir-reqqa, ibbażata fuq il-fatti u estensiva mal-pajjiż kollu dwar l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni mal-UE, sabiex iċ-ċittadini Islandiżi jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata fir-referendum ġejjieni dwar l-adeżjoni;

35.  Jittama li, lil hinn minn opinjonijiet politiċi differenti, opinjoni pubblika infurmata tista' tinfluwenza b'mod pożittiv l-impenn tal-awtoritajiet Islandiżi għas-sħubija mal-UE;

36.  Huwa tal-fehma li hu kruċjali li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw informazzjoni ċara u komprensiva dwar l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni tal-Islanda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi għal dan il-għan, u jikkunsidra li hu ugwalment importanti li l-preokkupazzjonijiet u l-mistoqsijiet taċ-ċittadini jinstemgħu u jiġu indirizzati kif ukoll li jitqiesu l-fehmiet u l-interessi tagħhom;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Althingi u lill-Gvern tal-Islanda.

(1) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 47.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0278.


Ir-Rapport ta' progress 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
PDF 324kWORD 97k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapport ta' progress 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
P7_TA(2011)0151B7-0225/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 biex jagħti lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-istatus ta' pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 u tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU 845 (1993) u 817 (1993), kif ukoll il-Ftehim Interim tal-1995 bejn ir-Repubblika Ellenika u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (SEC(2010)1332) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Strateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011” (COM(2010)0660),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport ta' progress 2009 rigward dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari Konġunt tal-UE u ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tat-30 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/212/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-13 u tal-14 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proċess ta' tkabbir tal-UE jagħti impetu kbir għall-paċi, l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun,

B.  billi fl-2005 l-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta' kandidat lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja imma minn dak inhar “l hawn naqas li jistipula data għall-ftuħ tan-negozjati, minkejja l-progress sostanzjali li sar minn dan il-pajjiż fi triqtu lejn l-UE; billi kwistjonijiet bilaterali m'għandhomx jirrappreżentaw ostakolu u m'għandhomx jintużaw bħala tali fil-proċess ta' adeżjoni, għalkemm għandhom jissolvew qabel is-sħubija; billi l-kontinwazzjoni tal-proċess ta' adeżjoni tikkontribwixxi għall-istabbiltà ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u ssaħħaħ iktar id-djalogu interetniku,

C.  billi l-intensifkazzjoni tad-djalogu ekonomiku u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi kandidati għat-tkabbir jgħin lill-UE biex flimkien magħhom tikkonċentra sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika u tikkontribwixxi għall-kompetittività globali tal-Unjoni,

D.  billi l-istrateġija għat-tkabbir tal-2010 tenfasizza bħala prijoritajiet ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, kif ukoll id-djalogu bejn l-atturi politiċi,

E.  billi l-UE topera proċeduri komprensivi ta' approvazzjoni li jiżguraw li l-membri l-ġodda jiddaħħlu biss meta jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti kollha, u biss bil-kunsens tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE,

F.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja jibqgħu element ta' tħassib fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li se jissieħbu mal-UE,

Żviluppi politiċi

1.  Jaqbel mal-evalwazzjoni tar-rapport ta' progress tal-Kummissjoni 2010 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jiddispjaċih li l-Kunsill għadu ma ħax deċiżjoni sabiex jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni kif irrakkomandat il-Kummissjoni għat-tieni sena konsekuttiva u bi qbil ma' riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament; ifakkar ir-rakkomandazzjoni preċedenti tiegħu lill-Kunsill biex in-negozjati jibdew immedjatament;

2.  Jinnota l-iżviluppi politiċi reċenti li qed iwasslu għal elezzjonijiet bikrin; jitlob lill-partiti politiċi kollha biex ikollhom rwol attiv u kostruttiv fil-proċess tat-tħejjija għall-elezzjonijiet; jenfasizza li elezzjonijiet ħielsa u ġusti mmexxija fuq bażi ta' trasparenza sħiħa u skont l-istandards internazzjonali huma element importanti għal demokrazija kkonsolidata; jitlob lill-partiti politiċi kollha biex jipparteċipaw attivament fl-elezzjonijiet; jinsab imħasseb bis-sitwazzjoni politika attwali u jappella lill-mexxejja politiċi kollha biex ifittxu l-kunsens fuq il-bażi ta' istituzzjonijiet demokratiċi;

3.  Jirrimarka li kwistjonijiet bilaterali jeħtieġ li jiġu solvuti mill-partijiet konċernati fi spirtu ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u billi jitqies l-interess ġenerali tal-UE; jappella sabiex l-atturi prinċipali u l-partijiet ikkonċernati kollha jżidu l-isforzi u juru s-sens ta' responsabbiltà u d-determinazzjoni tagħhom sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti kollha li qed ixekklu mhux biss il-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż kandidat kif ukoll il-politika tal-UE stess fir-reġjun, iżda qed ikollhom ukoll riperkussjoniiet fuq ir-relazzjonijiet interetniċi, l-istabbiltà reġjunali u l-iżvilupp ekonomiku;

4.  Jikkongratula l-pajjiż għal Għaxar anniversarju tal-Ftehim ta' Qafas Ohrid, li jibqa' s-sinsla tar-relazzjonijiet interetniċi fil-pajjiż, u jistieden lill-gvern u lill-istituzzjonijiet tal-istat kollha jużaw dan l-anniversarju memorabbli bħala mezz biex jitħeġġeġ it-trawwim kontinwu tal-kooperazzjoni u l-fiduċja interetnika; hu madanakollu mħasseb dwar iż-żieda fit-tensjonijiet interetniċi minħabba l-konstruzzjoni li qed ssir fuq is-sit tal-fortizza Kale fi Skopje; jappella lill-mexxejja politiċi u reliġjużi kollha biex jaġixxu b'mod responsabbli, u biex joqogħdu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista' żżid it-tensjonijiet interetniċi; jinnota bi tħassib ir-riskju ta' mentalità ta' iżolazzjoni li dejjem qed tikber, li tista' tiżviluppa f'politika sostituta fl-assenza ta' perspettiva tanġibbli tal-UE;

5.  Jistieden lill-gvern biex irawwem djalogu komprensiv bejn il-komunitajiet etniċi, biex iqis is-sensitivitajiet tal-komunitajiet u l-minoritajiet kollha fid-deċiżjonijiet tiegħu, bħall-pjan urban għal “Skopje 2014”, u biex jevita atti u inizjattivi mmirati għat-tisħiħ tal-identità nazzjonali għad-dannu ta' komunitajiet oħra; jiġbed l-attenzjoni li jeħtieġ li l-kumitat parlamentari dwar ir-relazzjonijiet interetniċi jiffunzjona b'mod effettiv fl-integrazzjoni tal-minoranzi fil-proċess leġiżlattiv u jenfasizza li jinħtieġu sforzi addizzjonali biex jitmexxa “l quddiem il-proċess ta' deċentralizzazzjoni b'konformità mal-Ftehim Qafas ta' Ohrid;

6.  Jiddispjaċih li l-isforzi ta' medjazzjoni tan-NU biex jissolva t-tilwim dwar l-isem ma wasslux għal riżultati konkreti;

Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem

7.  Ifakkar li kultura politika sana hija l-pedament tad-demokrazija; jistieden lill-partijiet tal-oppożizzjoni biex iwaqqfu l-bojkott tal-parlament nazzjonali u jerġgħu jibdew djalogu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet; jikkunsidra li l-gvern u l-oppożizzjoni huma responsabbli milli jiżguraw djalogu immedjat u miftuħ dwar l-isfidi eżistenti kollha li l-pajjiż qed jiffaċċja; jenfasizza li n-nuqqas ta' stabbiltà politika jista' jaffettwa l-proċess ta' integrazzjoni Ewropew, li għandu jirrappreżenta prijorità komuni kondiviża għall-komponenti kollha tas-soċjetà; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-emendi għar-regoli ta' proċedura tal-parlament li jippermettu impenn aqwa tal-oppożizzjoni fix-xogħol tagħha; hu madanakollu mħasseb li hemm djalogu insuffiċjenti bejn il-gvern u l-partijiet tal-opożizzjoni u li teżisti klima ġenerali ta' sfiduċja u konfrontazzjoni; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex itejbu l-klima ta' fiduċja u juru impenn qawwi biex jużaw regoli ta' proċedura parlamentari ġodda biex kemm id-djalogu politiku kif ukoll il-kooperazzjoni kostruttiva jissaħħew fil-proċess leġiżlattiv u fl-iskrutinju parlamentari tal-attivitajiet tal-gvern;

8.  Jilqa' r-rieda politika li jitkompla t-tħabbir li ilu ħafna mistenni tal-ismijiet tal-aġenti affiljati mas-servizzi sigrieti ta' dik li kienet il-Jugoslavja bħala pass maġġuri biex il-pajjiż finalment jinqata' mill-epoka tal-Komuniżmu; jinnota, madankollu, progress insuffiċjenti lejn l-infurzar sħiħ tal-liġijiet rilevanti; iħeġġeġ lill-gvern biex itemm mingħajr dewmien il-proċess ta' tisfija billi jevita li jużah b'mod selettiv għal skopijiet politiċi, bħalma huma l-awtoleġittimizzazzjoni politika jew il-malafama tal-avversarji politiċi;

9.  Jagħti ġieħ lix-xogħol eċċellenti tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE/Kap tad-Delegazzjoni tal-UE; jikkundanna l-attakki mhux xierqa mill-politikanti tal-partit fil-gvern kontra r-rappreżentanti tal-UE u jiddispjaċih li l-gvern ma wriex b'mod ċar u fil-pubbliku li jiddissassoċja ruħu minn insulti bħal dawn; iqis dawn l-inċidenti bħala ta' ħsara kbira għall-immaġni tal-pajjiż;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tittejjeb il-leġiżlazzjoni elettorali sabiex din tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja stipulati fir-rapport dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u lokali tal-2009;

11.  Itenni li midja ħielsa u indipendenti hija prekundizzjoni neċessarja għall-iżvilupp ta' demokrazija stabbli; jinnota l-eżistenza ta' varjetà u taħlita wiesgħa ta' stabbilimenti pubbliċi u privati tal-midja fil-pajjiż; jesprimi madankollu tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni tal-midja u l-indħil fil-ħidma tagħha; jinsab imħasseb dwar id-dipendenza ekonomika u l-konċentrazzjoni tal-poter politiku tal-midja, li ħafna drabi jirriżultaw f'nuqqas ta' indipendenza editorjali u fi standards tal-ġurnaliżmu baxxi; jinsab imħasseb bid-deterjorazzjoni konsiderevoli tal-libertà tal-midja fil-pajjiż kif tidher minn kif il-pajjiż niżel fil-klassifika (mill-34 post għat-68 post) tal-istampa tar-“Reporters Without Borders” għall-2010; jieħu nota tal-fatt li l-Ministeru tal-Intern xandar fuq il-paġna ewlenija tal-internet tiegħu sejħa sabiex iċ-ċittadini jiddenunzjaw rapporti tal-istampa “mhux oġġettivi”, jistieden lill-ġurnalisti biex iżommu standards professjonali għoljin fix-xogħol tagħhom, iżommu d-distanza mill-influwenzi politiċi u jistabbilixxu assoċjazzjonijiet professjonali tal-ġurnalisti, filwaqt li fl-istess ħin iħeġġeġ l-awtoritajiet responsabbli biex isaħħu l-indipendenza u l-libertà tal-midja billi japplikaw standards ugwali għal kull wieħed minnhom u jtejbu t-trasparenza tas-sjieda tagħhom;

12.  Jilqa' l-liġijiet numerużi li ġew adottati għar-riforma ġudizzjarja u jitlob li jkun hemm iktar sforzi intensivi tal-ġudikatura sabiex ikunu żgurati l-professjonaliżmu u l-indipendenza tagħha minn pressjonijiet politiċi; għal dan il-fini, jenfasizza li l-qafas legali eżistenti jeħtieġ li jiġi implimentat malajr u b'mod effettiv; jinsab imħasseb bir-rwol kontinwu tal-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Kunsill Ġudizzjarju u bil-kritika tal-Qorti Kostituzzjonali mill-gvern u l-parlamentari, li joħolqu r-riskju li l-ġudikatura tkun suġġetta għall-indħil politiku; madanakollu, jieħu nota b'sodisfazzjon li, minkejja dan in-nuqqas ta' qbil, is-sentenzi tal-qorti ġew implimentati kollha; jilqa' bi pjaċir l-isforzi sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema tal-qorti, b'mod partikolari bit-tnaqqis tal-każijiet li waqgħu lura fil-biċċa kbira tal-qrati; jilqa' wkoll id-dħul fis-seħħ tal-liġi rigward l-għajnuna legali;

13.  Jilqa' bi pjaċir it-tkomplija tal-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni murija fost affarijiet oħra permezz tal-implimentazzjoni tat-tieni ronda tar-rakkomandazzjonijiet GRECO u d-dħul fis-seħħ tal-emendi għall-Kodiċi Kriminali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu jimplimentaw leġiżlazzjoni li tiġġieled il-korruzzjoni, kif ukoll li ttejjeb l-indipendenza, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-ġudikatura; ifakkar madankollu li l-korruzzjoni għadha prevalenti u jitlob sabiex ikun hemm sforzi intensivi għall-eradikazzjoni tagħha; jenfasizza l-importanza tal-infurzar effettiv u imparzjali ta' leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, partikolarment rigward il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-konflitti ta' interess; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġi żgurat li s-sistema tal-qorti tiffunzjona ħielsa minn kull interferenza politika; jilqa' l-isforzi biex jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema tal-qorti; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm rekord tal-infurzar ta' prosekuzzjonijiet u sentenzi li permezz tiegħu jista' jitkejjel il-progress li jsir; jitlob l-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja trasparenti u l-fiduċja taċ-ċittadini;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi, fir-Rapport ta' Progress tagħha li jmiss, stima tal-impatt u r-riżultati miksuba permezz tal-allokazzjoni ta' fondi tal-UE fir-riforma tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament valutazzjoni aktar dettaljata tal-effiċjenza tal-miżuri kontra l-korruzzjoni meħuda minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-qasam kemm tal-akkwist pubbliku kif ukoll tal-frodi, u biex tippreżentaha flimkien mar-Rapport ta' Progress li jmiss.

15.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika iżda jitlob għal sforzi ulterjuri fil-qasam, li għadu politiċizzat u nieqes mill-kapaċitajiet u l-professjonaliżmu; jappoġġa l-adozzjoni min-naħa tal-gvern tal-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-ħolqien tas-sottokumitat tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jinsab imħasseb dwar il-proċess mhux trasparenti u ad hoc għall-konverżjoni ta' postijiet temporanji f'postijiet permanenti, li jġib miegħu aktar politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni; jitlob li tiġi żviluppata strateġija għar-riżorsi umana ċara li tiddefinixxi l-bżonnijiet tal-amministrazzjoni f'termini ta' kapaċitajiet u kompetenzi u l-implimentazzjoni tagħha permezz ta' reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu u l-iżvilupp ta' karrieri; jilqa' bi pjaċir iż-żieda fir-reklutaġġ minn komunitajiet mhux maġġoritarji iżda jenfasizza li dan għandu jsir abbażi ta' evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-amministrazzjoni, sabiex ikun żgurat li l-kapaċitajiet ta' impjegati ġodda jkunu jaqblu mar-rekwiżiti tal-impjiegi;

16.  Ifaħħar il-progress kontinwu fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni; jinnota, madankollu, li baġits adegwati għandhom jakkumpanjaw it-trasferiment tar-responsabilitajiet għall-awtoritajiet iktar baxxi;

17.  Jilqa' l-progress li nkiseb fir-rigward tar-riforma tas-sistema tal-ħabs; jibqa“, madankollu, imħasseb serjament dwar il-kundizzjonijiet li qed jiddegradaw f'xi ħabsijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' popolazzjoni iktar milli jifilħu l-ħabsijiet u sistema mhux adegwata ta' kura tas-saħħa; jenfasizza l-bżonn li jiġi osservat il-prinċipju li l-persuni f'detenzjoni għandhom ikunu suġġetti għal trattament xieraq, skont il-prinċipji tan-NU;

18.  Jilqa' l-adozzjoni tal-liġi dwar iċ-ċens tal-popolazzjoni u l-unitajiet domestiċi tal-2011, u jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-preparazzjoni u l-organizzazzjoni operattiva adegwati sabiex jitwettaq ċens preċiż; jistieden lill-gvern biex jalloka fondi xierqa għall-organizzazzjoni tiegħu u jisħaq fuq l-importanza tad-depolitiċizzazzjoni tal-kwistjoni sabiex isir ċens mhux suġġettiv bl-usa' parteċipazzjoni possibbli;

19.  Jisħaq fuq kemm huwa tassew importanti li jiġi żgurat li s-sistema edukattiva tappoġġa l-integrazzjoni etnika; għal dan il-għan, jilqa' bi pjaċir l-istrateġija tal-edukazzjoni integrata u jitlob li din tiġi implimentata malajr billi fost affarijiet oħra titneħħa gradwalment is-segregazzjoni abbażi ta' kunċetti etniċi u biż-żieda tat-tagħlim tal-lingwi uffiċjali kollha f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jistieden lill-gvern sabiex itejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni mal-komunitajiet differenti u sabiex jikkoopera magħhom mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

20.  Jidentifika nuqqas ta' progress fit-tfakkir konġunt ta' ġrajjiet storiċi komuni ma' Stati Membri ġirien tal-UE bl-għan tal-kontribut għall-fehim aħjar tal-istorja u għal rabtiet tajba bejn il-ġirien, kif enfasizzat mir-rapport preċedenti; iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' kotba tal-iskola bla ħlas dwar l-interpretazzjonijiet ideoloġiċi tal-istorja;

21.  Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni tal-komunitá tar-Roma, li għadha qed tiffaċċja kundizzjonijiet ta' ħajja iebsa u diskriminazzjoni fl-aċċess għas-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jenfasizza partikolarment is-sitwazzjoni diffiċli tat-tfajliet u n-nisa Roma li qed ikomplu jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni doppja bbażata kemm fuq l-etniċità kif ukoll is-sess; jistieden lill-gvern sabiex jimpenja ruħu biex jimplimenta l-istrateġija għar-Roma u l-pjan ta' azzjoni tad-Deċenju tar-Roma; f'dan ir-rigward, jilqa' l-attivitajiet tal-gvern immirati lejn l-integrazzjoni politika tar-Roma, inkluż li jkun hemm ministru għall-etniċità Roma inkarigat mill-kwistjonijiet relatati mal-komunità tar-Roma; ifaħħar lill-gvern għall-organizzazzjoni ta' laqgħa dwar is-suġġett tal-integrazzjoni tar-Roma filwaqt li kellu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa;

22.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni bħala pass vitali fil-ġlieda kontra prattiki diskriminatorji, li għadhom mifruxa sew, u jappella biex din tiġi implimentata b'ħeffa u b'mod effikaċi; madankollu jiddispjaċih li, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni Ewropea, l-orjentazzjoni sesswali ma ġietx inkluża fil-liġi bħala bażi ta' diskriminazzjoni; jitlob li jsir malajr allinjament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam mal-acquis u li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u jenfasizza li din hija kundizzjoni għall-adeżjoni; jinsab imħasseb dwar l-andament tal-proċedura tal-għażla għall-membri tal-Kummissjoni għall-ħarsien mid-diskriminazzjoni; jiddispjaċih li l-ebda rappreżentant tas-soċjetà ċivili ma ġie nnominat fil-Kummissjoni; jitlob li jsiru aktar sforzi rigward id-drittijiet tan-nisa, biex jiżdied is-sehem tagħhom fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ta' negozju, u sabiex in-nisa u t-tfal jitħarsu mill-vjolenza domestika;

23.  Jitlob għal iktar sforzi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ il-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u biex jiżguraw li l-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi ikun iktar konsistenti; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika; jitlob għall-implimentazzjoni ta' sistema ta' appoġġ għall-vittmi; iħeġġeġ lill-gvern u lis-settur nongovernattiv jippromwovu għarfien ikbar dwar dawn il-kwistjonijiet;

24.  Jikkundanna l-każijiet riċenti ta' intimidazzjoni u l-attakki diretti fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-malafama personali tal-attivisti prominenti tagħhom; jilqa' l-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili introdotti mill-gvern iżda jinsab imħasseb li m'hemm l-ebda mekkaniżmu sistematiku u trasparenti għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar politiki nazzjonali ta' żvilupp, ta' leġiżlazzjoni, ta' programmi jew dokumenti strateġiċi oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'mod mhux selettiv sabiex jiġi stimulat dibattitu pubbliku effikaċi u li jiġu inklużi dawk interessati fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-kontribuzzjoni tagħha għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa fir-rigward tal-aspetti soċjali u politiċi; ifaħħar l-adozzjoni tal-Liġi ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet taċ-Ċittadin u jħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw organizzazzjonijiet ta' “benefiċċju pubbliku” billi jiżguraw skemi ta' finanzjament kemm jista' jkun malajr;

25.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għajnuna tal-IPA taħdem sew f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jinkuraġġixxi kemm lill-gvern tagħha kif ukoll lill-Kummissjoni biex jissimplifikaw il-proċedura ta' amministrazzjoni tal-finanzjament mill-IPA, bil-għan li din issir aktar aċċessibbli għal organizzazzjonijiet ċivili iżgħar u mhux ċentralizzati, trejdjunjins u benefiċjarji oħra;

26.  Jenfasizza li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li jikkonċernaw id-drittijiet tax-xogħol; jinsab imħasseb li sar biss progress dgħajjef fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins; jistieden lill-awtoritajiet isaħħu aktar id-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins u, f'dan ir-rigward jinkuraġġixxi wkoll lill-Gvern jiżgura biżżejjed kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-liġi tax-xogħol; jirrimarka dwar ir-rwol importanti tad-djalogu soċjali u jinkuraġġixxi lill-gvern isaħħaħ l-ambizzjonijiet tiegħu u jwaqqaf djalogu soċjali li jinkludi l-aspetti kollha mas-sħab relevanti;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-ħarsien u ż-żamma tal-wirt kulturali, li huwa pilastru tal-valuri u l-prinċipji Ewropej; jinnota b'dispjaċir li għadd ta' ċimiterji, affreski u artefatti li jagħmlu parti mill-wirt kulturali Bulgaru, ġew kompletament abbandunati u rvinati;

28.  Jilqa' l-progress tal-pajjiż lejn ekonomija tas-suq li taħdem u kunsens wiesa' dwar aspetti fundamentali tal-politika ekonomika tal-pajjiż; ifaħħar lill-gvern għaż-żamma tal-istabbiltà makroekonomika, minkejja l-impatt negattiv li kellha l-kriżi finanzjarja globali, u jinnota l-prospettivi tajbin għal tkabbir ekonomiku fis-snin li ġejjin;

Żviluppi soċjoekonomiċi

29.  Huwa mħasseb dwar il-qgħad għoli ħafna u persistenti, partikolarment fost iż-żgħażagħ, li huwa problema komuni f'ħafna pajjiżi tar-reġjun; jistieden lill-gvern sabiex jimplimenta malajr miżuri aktar effiċjenti sabiex itejbu l-investimenti pubbliċi ffukati fuq il-politiki tal-impjiegi u t-tqegħid tal-forza tax-xogħol f'impjiegi ta' kwalità għolja, stabbli u diċenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet b'aktar assistenza mill-IPA;

30.  Jinnota t-titjib li sar fil-klima tan-negozju li rriżulta minn riformi ekonomiċi li twettqu tul dawn l-aħħar snin u jenfasizza l-ħtieġa għal riforma strutturali kontinwa fil-pajjiż; jinnota fl-istess ħin li l-investiment barrani reġa' naqas minn livell li diġà kien baxx, u li s-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-kriżi finanzjarja globali; jitlob lill-aġenziji statali li huma responsabbli biex iħajru l-investiment dirett barrani, sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom biex iħajru investituri barranin potenzjali;

31.  Jifraħ lill-gvern tal-implimentazzjoni effikaċi u bla xkiel tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-UE; għal dan il-għan, jilqa' d-deċiżjoni riċenti tal-gvern biex jabolixxi t-tariffi tad-dwana fuq aktar minn mitt prodott differenti bħala pass lejn il-liberalizzazzjoni kummerċjali sħiħa mal-UE; jittama li dawn il-bidliet iżidu l-kompetittività tal-produtturi domestiċi u b'hekk jistimulaw tkabbir ekonomiku usa“; iqis dan l-iżvilupp bħala stadju importanti li juri l-isforzi tal-pajjiż biex jiffaċċja l-kompetizzjoni li se tiżdied hekk kif isir membru tal-UE;

32.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu applikati prinċipji ta' governanza tajba fl-infiq tal-baġit billi jittejjeb l-aċċess liberu għall-informazzjoni pubblika, isiru konsultazzjonijiet ma' dawk interessati fil-proċedura baġitarja, u bit-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' rappurtaġġ li bih trid tittieħed responsabbilità għall-flus li jintnefqu; ifakkar li l-infiq tal-baġit mhux trasparenti jwassal għall-esklużjoni soċjali u l-kunflitti, u għandu dubji dwar il-leġittimità ta' xi kampanji nazzjonali;

33.  Jilqa' l-adozzjoni riċenti tal-Att dwar l-Enerġija, bil-għan li jiġi liberalizzat is-suq tal-elettriku tal-pajjiż, li huwa konformi mad-direttivi relevanti Ewropej;

34.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata sistema effiċjenti u affidabbli tat-trasport pubbliku, kemm fil-pajjiż kif ukoll fil-livell reġjonali (inkluż il-kollegament ferrovjarju Sofija-Skopje-Tirana); għal dan il-għan, itenni l-appell tiegħu biex l-awtoritajiet jibdew jinvestu fil-manutenzjoni u t-tijib tan-netwerk ferrovjarju bħala alternattiva vijabbli għas-sistema tat-toroq; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-gvern li jnaqqas l-investiment fil-programm annwali tal-infrastrutturi ferrovjarji u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-assistenza teknika u finanzjarja meħtieġa fi ħdan il-qafas tal-IPA;

35.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Bulgarija jerġgħu jiftħu l-linja transkonfinali għall-persuni li jimxu fit-triq u għaċ-ċiklisti bejn Staro Konjarevo u Gabrene bil-għan li titjieb il-medda tal-Mogħdija tal-Purtiera tal-Ħadid bejn Strumica u Petric;

36.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, iżda jitlob li jkun hemm aktar sforzi sabiex tiġi implimentata leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ambjent u sabiex ikunu pprovduti finanzi adegwati għal dan il-għan; b'mod partikolari jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi fil-qasam tal-kwalità tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u l-protezzjoni tan-natura; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet ambjentali transkonfinali, ibbażata fuq standards tal-UE; f'dan ir-rigward, itenni l-istedina tiegħu għal monitoraġġ effikaċi tal-kwalità u l-livell tal-ilma fil-lagi Ohrid, Prespa u Dojran mal-fruntiera, kif ukoll fix-xmara Vardar; jilqa' l-inizjattiva tal-Ewroreġjun trilaterali tal-lag Prespa li jinvolvi lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, lill-Greċja u lill-Albanija; jistieden lill-gvern biex jestendi l-esperjenza b'suċċess tas-sistema ta' ġbir tal-ilma mormi ta' Ohrid u japplikaha għal-lagi l-oħra fir-reġjun; barra minn hekk, jilqa' l-progress li nkiseb fil-konstruzzjoni ta' impjant għat-trattament tal-ilma mormi f'Gevgelia;

37.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tniġġis tal-ħamrija fil-belt ta' Veles li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjaratu bħal post perikoluż għall-ħajja tal-bniedem; jistieden lill-gvern sabiex jindirizza din il-kwistjoni u jieħu miżuri adegwati sabiex jipproteġi s-saħħa pubblika f'din iż-żona; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra jekk il-fondi tal-IPA jkunux jistgħu jintużaw għal dan il-każ partikolari;

Kwistjonijiet reġjonali

38.  Ifaħħar lill-pajjiż li qed ikompli jkollu rwol fl-istabbilità tar-reġjun; filwaqt li jenfasizza l-parteċipazzjoni tiegħu fil-missjonijiet ċivili u militari tal-UE, madankollu jfakkar lill-gvern fl-obbligu tiegħu li jaderixxi mal-Pożizzjonijiet Komuni tal-PESK, speċjalment dawk li jirreferu għal miżuri restrittivi, partikolarment rigward il-każ partikolari taż-Żimbabwe;

39.  Jilqa' d-deċiżjoni riċenti meħuda mill-awtoritajiet tas-Serbja u ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jabolixxu l-ħtieġa ta' passaporti internazzjonali għaċ-ċittadini li jsiefru bejn iż-żewġ stati bil-għan li jiġi stabbilit kontroll konġunt tal-konfini komuni ta' bejniethom;

40.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li t-tilwima dwar l-isem mal-Greċja qed tkompli timblokka t-triq tal-pajjiż lejn l-adeżjoni fl-UE, u jfakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill sabiex jibda n-negozjati għall-adeżjoni immedjatament; jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien u tal-fehim tas-sensitivitajiet tal-pajjiżi ġirien f'dan il-proċess; jistieden lill-gvernijiet sabiex jevitaw ġesti, azzjonijiet u dikjarazzjonijiet kontroversjali li jista' jkollhom effetti negattivi u li jistgħu jżidu l-piż fuq ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien; jinnota b'sodisfazzjon id-djalogu intensifikat bejn iż-żewġ Prim Ministri u jħeġġiġhom juru għarfien politiku u r-rieda li jagħmlu kompromess u jsibu malajr formola sodisfaċenti għaż-żewġ partijiet;

41.  Ifakkar li, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-14 ta' Diċembru 2010, iż-żamma ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, inkluża soluzzjoni negozjata u aċċettata miż-żewġ naħat rigward il-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċi tan-NU, hija essenzjali;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibdew jiżviluppaw mekkaniżmu ta' arbitraġġ applikabbli b'mod ġenerali bil-għan li jsolvi kwistjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi tat-tkabbir, bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir, u bejn l-Istati Membri;

43.  Jinnota bi tħassib l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu li jinsab għaddej, inkluż il-fenomenu tal-hekk imsejħa “antiquisation”, li thedded li tqawwi t-tensjonijiet mal-pajjiżi ġirien u toħloq qasmiet interni ġodda;

44.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissarju responsabbli għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat sabiex jiffaċilitaw ftehim dwar il-kwistjoni tal-isem u joffru gwida politika, b'rispett sħiħ għall-proċedura ta' negozjati li għaddejja u għad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU; iqis li t-tfittxija għal soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet mill-aktar fis possibbli sservi bħala każ ta' prova għall-politika barranija komuni ta' wara Lisbona, kif ukoll għall-kapaċità tal-Unjoni li ssolvi kontroversji persistenti internazzjonali fuq il-fruntieri tagħha;

45.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jonoraw l-impenji tagħhom lejn pajjiżi terzi u jippremjaw il-progress u l-isforzi għal riforma tal-pajjiżi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni; jirrimarka li, inkella, ir-rieda ta' dawk il-pajjiżi li jirriformaw tista' tiddgħajjef;

46.  Huwa tal-fehma li prolongazzjoni oħra tal-istatus quo dwar il-kwistjoni tal-isem u kwistjionijiet oħra pendenti ma' pajjiżi ġirien jistgħu jkunu ta' theddida mhux biss għall-istabbilità tal-pajjiż u tar-reġjun, iżda wkoll għall-kredibilità tal-politika għat-tkabbir, u għalhekk jistieden lill-partijiet kollha involuti sabiex juru r-rieda tajba tagħhom, solidarjetà u responsabilità sabiex isolvu l-kwistjonijiet pendenti; f'dan ir-rigward jistieden lill-awtoritajiet fil-pajjiż javvanzaw l-inizjattiva li jitwaqqfu kumitati ta' esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni mal-Bulgarija u mal-Greċja;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 54.
(2) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 32.


Is-Sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire
PDF 223kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire
P7_TA(2011)0152RC-B7-0256/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Côte d'Ivoire, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Diċembru 2010(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bamako tat-3 ta' Novembru 2000 dwar id-Demokrazija, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertà fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Côte d'Ivoire, b'mod partikulari r-Riżoluzzjonijiet 1946 u 1951 (2010) u 1967, 1968 u 1975 (2011),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-RGħ/VP il-Barunessa Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire, b'mod partikolari dawk tat-3, l-10, it-12 u d-19 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Côte d'Ivoire adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fit-3065 laqgħa tiegħu fil-31 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2011/18/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 li jimponi l-iffriżar tal-assi u jaħtar persuni u entitajiet oħra soġġetti għal miżuri restrittivi fil-Côte d'Ivoire,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata f'Addis Ababa fl-10 ta' Marzu 2011 mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Côte d'Ivoire tat-3 u l-11 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE, tat-18 ta' Marzu 2011, li tikkundanna l-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Côte d'Ivoire,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-President tiegħu, Jerzy Buzek, fit-18 ta' Marzu 2011 li titlob waqfien għal kull vjolenza kontra n-nies ċivili fil-Côte d'Ivoire,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire adottata fil-25 ta' Marzu 2011 f'Abuja mill-Awtorità tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-ECOWAS,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta' Marzu 2011, li tistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali sabiex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Côte d'Ivoire mill-elezzjoni presidenzjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'dawn l-aħħar erba' xhur, il-Côte d'Ivoire daħal fi kriżi politika qawwija li oriġinat mir-rifjut tal-president attwali Laurent Gbagbo li jagħti l-poter lill-president leġittimu Alassane Ouattara, minkejja l-fatt li dan tal-aħħar rebaħ l-elezzjoni presidenzjali ta' Novembru 2010 u kien rikonoxxut bħala rebbieħ mill-komunità internazzjonali, wara l-validazzjoni tar-riżultati min-Nazzjonijiet Uniti,

B.  billi l-isforzi diplomatiċi kollha biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-imblokk politiku postelettorali, inklużi dawk tal-UA, tal-ECOWAS u tal-President tal-Afrika t'Isfel, ma rnexxewx,

C.  billi minn nofs Frar il-ġlied intensifika kemm fil-belt kapitali kif ukoll fil-punent tal-pajjiż, b'rapporti allarmanti li jindikaw użu li dejjem qed jiżdied ta' artillerija tqila kontra n-nies ċivili,

D.  billi f'dawn l-aħħar jiem, il-Forzi Repubblikani tal-President Ouattara niedu offensiva kbira intiża sabiex jistabbilixxu l-awtorità tiegħu, u ħadu kontroll ta' diversi żoni importanti, inklużi l-belt kapitali politika,Yamoussoukro, u San Pedro, port prinċipali għall-esportazzjonijiet tal-kawkaw, billi l-forzi favur Ouattara issa daħlu f'Abidjan, li wassal għal ġlied qalil mal-forzi leali lejn l-ex-President,

E.  billi skont is-sorsi tan-NU mietu mijiet ta' nies fil-Côte d'Ivoire minn Diċembru tal-2010; billi n-numru eżatt ta' korruti huwa x'aktarx ħafna akbar, peress li l-vjolenza li qed isseħħ ġewwa l-pajjiż mhux dejjem tiġi rrapportata fl-istampa,

F.  billi l-attakki mmirati intenzjonalment kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi u l-istituzzjonijiet tan-NU jikkonstitwixxu delitti tal-gwerra; billi l-Missjoni tan-NU fil-Côte d'Ivoire (ONUCI) kienet il-mira għal theddid u attakki b'mod kostanti mill-forzi ta' sigurtà li jappoġġaw lil Gbagbo, filwaqt li l-ex-President uża kliem retoriku xewwiexi li jinċita lin-nies għal vjolenza kontra l-forzi tan-NU u barranin li jinsabu fil-Côte d'Ivoire; billi diversi membri tal-forza taż-żamma tal-paċi tal-NU indarbu serjament jew saħansitra nqatlu,

G.  billi twettqu atroċitajiet fil-Côte d'Ivoire, inkluż każijiet ta' vjolenza sesswali, għajbien sfurzat, eżekuzzjonijiet extra ġudizzjarji u l-użu eċċessiv u mingħajr distinzjoni ta' forza kontra n-nies ċivili, li jammontaw għal delitti kontra l-umanità,

H.  billi fid-dikjarazzjoni mressqa mill-gvern tiegħu fit-18 ta' April 2003 skont l-Artikolu 12(3) tal-Istatut ta' Ruma, il-Côte d'Ivoire aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) għal delitti mwettqa fit-territorju tagħha wara d-19 ta' Settembru 2002; billi l-Côte d'Ivoire tibqa' taħt investigazzjoni preliminarja mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI,

I.  billi r-rispett għall-istat tad-dritt kompla jiddeterjora fil-Côte d'Ivoire, filwaqt li żdiedu r-restrizzjonijiet li tpoġġew fuq il-libertà tal-kelma, tal-espressjoni u tal-midja,

J.  billi s-sitwazzjoni ekonomika fil-Côte d'Ivoire iddeterjorat sew f'dawn l-aħħar erba' xhur peress li Laurent Gbagbo wettaq nazzjonalizzazzjoni illegali fis-setturi tal-banek u tal-kawkaw u esproprjazzjonijiet arbitrarji ta' flus u proprjetà privata; billi l-FMI riċentement wissa li se jkun hemm konsegwenzi ekonomiċi negattivi serji tas-sitwazzjoni attwali fil-Côte d'Ivoire għar-reġjun kollu tal-Afrika tal-Punent,

K.  billi minħabba l-klima ta' terrur prevalenti fil-pajjiż, huwa stmat li hemm miljun persuna spostata, kemm ġewwa l-pajjiż kif ukoll f'pajjiżi ġirien bħal-Liberja, il-Gana, it-Togo, Mali u l-Ginea,

L.  billi fis-17 ta' Marzu 2011 il-Kummissjoni żiedet l-għajnuna umanitarja tal-UE lejn il-Côte d'Ivoire b'ħames darbiet,

M.  billi r-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1975(2011), li ġiet adottata unanimament, tħeġġeġ lis-sur Gbagbo biex jirriżenja immedjatament u titlob il-waqfien immedjat tal-vjolenza kontra n-nies ċivili, filwaqt li timponi sanzjonijiet finanzjarji u relatati mal-ivvjaġġar immirati kontra s-sur Gbagbo, il-mara tiegħu u tliet assoċjati tiegħu,

1.  Jikkundanna t-tentattivi mill-ex President Gbagbo u s-sostenituri tiegħu biex jużurpa b'mod vjolenti r-rieda tal-poplu Ivorjan; itenni t-talba tiegħu biex is-Sur Gbagbo jirriżenja u jgħaddi immedjatament il-poter lil Alassane Ouattara; jilqa“, f'dak ir-rigward, l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1975(2011), li fiha l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ħareġ bl-aktar dikjarazzjoni qawwija tiegħu mill-bidu tal-kriżi ta' wara l-elezzjoni fil-Côte d'Ivoire, fejn talab lis-sur Gbagbo jirriżenja immedjatament;

2.  Jiddeplora l-fatt li ma nstabet l-ebda soluzzjoni diplomatika, inklużi dawk appoġġjati mill-UA, u li l-vjolenza u l-konfrontazzjoni bl-armi kienu karatteristika tal-kriżi ta' wara l-elezzjoni;

3.  Ifaħħar it-talba tan-nisa Afrikani tal-Punent għal sejba ta' soluzzjoni paċifika għal kunflitt politiku fil-Côte d'Ivoire u biex dawk li wettqu vjolenza kontra ċittadini fil-pajjiż jitressqu quddiem il-qrati; jiddeplora l-fatt li ma sarux biżżejjed sforzi minn organizzazzjonijiet tan-nisa u minn mexxejja reliġjużi u komunitarji biex issir pressjoni interna u tkun promossa medjazzjoni għas-sejba ta' soluzzjoni paċifika għall-istall politiku fil-pajjiż;

4.  Ifakkar li l-uniku sors ta' leġittimità demokratika huwa l-vot universali u li l-elezzjoni ta' Alassane Ouattara tirrifletti r-rieda sovrana tal-poplu Ivorjan; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ivorjani kollha, inkluzi l-forzi tad-Difiża u s-Sigurtà tal-Côte d'Ivoire (FDSCI), biex jissottomettu rwieħhom mingħajr dewmien għall-awtorità tal-President Ouattara li ġie demokratikament elett u għall-gvern tiegħu;

5.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi ż-żieda fil-vjolenza fil-Côte d'Ivoire, b'mod partikolari l-użu ta' armi tqal kontra n-nies ċivili, u t-telf kunsiderevoli ta' ħajjiet li rriżulta minn dan; jesprimi l-ikbar solidarjetà tiegħu għall-vittmi innoċenti kollha tal-inġustizzja u l-vjolenza fil-Côte d'Ivoire u mal-familji tagħhom; jenfasizza li l-vjolenza kontra n-nies ċivili, inklużi nisa, tfal u persuni spostati internazzjonalment, mhijiex se tkun ittollerata u għandha tieqaf immedjatament;

6.  Jikkundanna bil-qawwi l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali allegatament imwettqa kontra n-nies ċivili, inkluż il-qtil extraġudizzjarju u l-atti ta' vjolenza sesswali; jinnota li skont il-KSNU dawn l-atti jistgħu jammontaw għal delitti kontra l-umanità; jesprimi l-oppożizzjoni qawwija tiegħu kontra kull użu tal-midja biex jinstiga l-mibegħda; jitlob it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq l-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni; jikkundanna s-serq ta' erba' persuni, inklużi żewġ ċittadini tal-UE, minn lukanda f'Abidjan li tinsab f'viċinat ikkontrollat mill-forzi li jappoġġaw lil Gbagbo, u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom;

7.  Jinsisti li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità u li għandu jsir kull sforz sabiex dawk kollha responsabbli għad-delitti kontra l-popolazzjoni ċivili jiġu identifikati u jitressqu quddiem il-qrati, inkluż fil-livell internazzjonali; jilqa“, f'dak ir-rigward, it-twaqqif ta' kummissjoni ta' inkjesta mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jinnota li l-KSNU indika li l-QKI se tiddeċiedi jekk għandhiex ġurisdizzjoni fuq is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire; jitlob lill-atturi kollha fil-Côte d'Ivoire jikkooperaw ma' dawn l-entitajiet sabiex issir il-ġustizzja; jitlob lill-UE tipprovdi l-appoġġ kollu neċessarju għal dawn l-inkjesti;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' intimidazzjoni u ta' xkiel diretti kontra l-ONUCI u l-UE;

9.  Jilqa' s-sanzjonijiet immirati addizzjonali, li jinkludu l-projbizzjoni ta' viża u l-iffriżar ta' assi, imposti mill-KSNU, l-UA u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq il-persuni u l-entitajiet kollha li jopponu l-awtorità tal-President leġittimu, u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li rrifjutaw li jittrattaw mal-gvern illeġittimu; jenfasizza li dawn is-sanzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm l-awtoritajiet leġittimi jerġgħu lura fil-poter;

10.  Jilqa' l-fatt li r-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1975(2011) fakkret fl-awtorizzazzjoni mogħtija lill-ONUCI biex tuża kull mezz neċessarju sabiex twettaq il-mandat tagħha li tipproteġi n-nies ċivili, inkluż sabiex jiġi evitat użu ulterjuri ta' armi tqal, u esprima appoġġ sħiħ mill-KSNU għal azzjoni bħal din; jitlob, f'dak ir-rigward, tisħiħ rapidu u sinifikanti tal-kapaċitajiet tal-ONUCI sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effikaċi tan-nies ċivili fil-Côte d'Ivoire;

11.  Jinnota li, f'konformità mal-mandat tagħha, l-ONUCI diġà ħadet azzjoni f'Abidjan sabiex twaqqaf l-użu ta' armi tqal u tipproteġi n-nies ċivili u l-persunal tan-NU, bl-assistenza tal-Forza Franċiża “Licorne”, fuq talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

12.  Ifaħħar u jsostni l-isforzi ta' medjazzjoni taħt l-awspiċju tal-UA u l-ECOWAS bil-għan li tiġi evitata l-konfrontazzjoni, u jtenni t-talbiet tiegħu li l-forzi politiċi kollha fil-Côte d'Ivoire juru l-impenn tagħhom għal tranżizzjoni politika demokratika u paċifika u b'hekk jiġi evitat aktar tixrid ta' demm; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-pjan tal-UA għal soluzzjoni globali paċifika għall-kriżi, u jenfasizza li l-pajjiżi Afrikani kollha jridu juru għaqda u jaġixxu flimkien bi ftehim, sabiex jerġa' jkun hemm il-paċi fil-Côte d'Ivoire;

13.  Jitlob lill-President Ouattara jiffaċilita l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, filwaqt li jfakkar li m'hemm l-ebda statut ta' limitazzjonijiet għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

14.  Huwa mħasseb sew bid-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Côte d'Ivoire u l-pajjiżi ġirien, speċjalment il-Liberja; jitlob lill-parteċipanti kollha fil-Côte d'Ivoire jiżguraw aċċess sikur u bla ostakli fil-partijiet kollha tal-pajjiż għal organizzazzjonijiet umanitarji fil-post; jilqa' l-impenn tal-UE, kif esprimiet il-Kummissarju Georgieva, biex tgħin issolvi l-kriżi umanitarja;

15.  Jenfasizza l-bżonn ta' azzjoni politika internazzjonali rapida sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja fil-Côte d'Ivoire u tiġi evitata kriżi ġdida ta' migrazzjoni fir-reġjun, jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi tagħhom ma' donaturi internazzjonali oħra; jitlob lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' għajnuna umanitarja sabiex tirrispondi għall-bżonnijiet urġenti tal-popolazzjoni fil-Côte d'Ivoire u fil-pajjiżi ġirien tagħha;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-ONUCI, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECOWAS, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-President elett tal-Côte d'Ivoire, is-Sur Alassane Ouattara.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0492.


Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant
PDF 349kWORD 117k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant
P7_TA(2011)0153B7-0198/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-13 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)(1), tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(2), tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)(3), tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-orjentazzjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK)(4), tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-Reviżjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(5), tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed(6) u tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(7),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar(8),

–  wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004 “l hawn, u b'mod partikolari r-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati ta' Kooperazzjoni Parlamentari ma' dawn il-pajjiżi bl-eċċezzjoni tal-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 41 tar-Riżoluzzjoni ta' hawn fuq tal-15 ta' Novembru 2007, li ssejjaħ għall-ħolqien ta' Assemblea Parlamentari bejn l-UE u l-Viċinat tal-Lvant (EURONEST),

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni adottati b'mod konġunt mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja u l-Moldova, u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-26 ta' Lulju 2010 dwar il-PEV,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2010 intitolata “Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (COM(2010)0207),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar Is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2007 intitolata “Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha” (COM(2007)0774), tal-4 ta' Diċembru 2006 intitolata “It-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726), tat-12 ta' Mejju 2004 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dokument ta' Strateġija (COM(2004)0373) u tal-11 ta' Marzu 2003 dwar Ewropa Usa” - Viċinat: Qafas ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar' (COM(2003)0104),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(9),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru. 13/2010 intitolat “L-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija l-Ġdid (ENPI) ġie varat b'suċċess u qiegħed jilħaq ir-riżultati fil-Kawkasu tan-Nofosinhar (l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja)?”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona ħoloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-UE biex ittejjeb l-effettività u l-koerenza tar-relazzjonijiet tagħha mal-protagonisti u s-sieħba kollha, partikolarment mal-ġirien tagħha,

B.  billi, skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tiżviluppa mal-ġirien tagħha relazzjonijiet privileġġjati, sabiex tistabbilixxi żona ta' prosperità u ta' viċinat tajjeb, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaraterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni,

C.  billi sa mit-tnedija tagħha l-PEV wasslet għal tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab u ġabet magħha xi benefiċċji tanġibbli; billi għad baqa' sfidi u l-mira issa għandha tkun l-implimentazzjoni, bi prijoritajiet iddefiniti b'mod ċar għal azzjoni, l-iffissar ta' standards ċari u differenzjazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni,

D.  billi s-Sħubija tal-Lvant (EaP) tikkostitwixxi qafas politiku sinifikanti għal r-relazzjonijiet aktar profondi mal-pajjiżi sħab u bejniethom, fuq bażi tal-prinċipji ta' sjieda u responsabilità komuni, kif ukoll ta' kondizzjonalità; billi relazzjonijiet msaħħin jeħtieġu żieda fl-impenn konġunt u progress tanġibbli lejn governanza tajba u standards demokratiċi,

E.  billi l-EaP tiffoka fuq pjattaformi tematiċi ta' kooperazzjoni, li huma: id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabilità; l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE; l-ambjent, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija; u l-kuntati bejn il-persuni,

F.  billi l-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tfittex li tikseb effetti pożittivi billi sservi ta' pjattaforma għall-iskambju ta' fehmiet, biex jinstabu pożizzjonijiet komuni dwar l-isfidi globali ta' żminijietna fir-rigward tad-demokrazija, il-politika, l-ekonomiji, is-sigurtà tal-enerġija u l-affarijiet soċjali, u biex jissaħħu r-rabtiet bejn il-pajjiżi tar-reġjun u l-UE, u wkoll fost il-pajjiżi tal-EaP innifishom,

G.  billi l-UE għandha tippromwovi u ssaħħaħ sostanzjalment approċċ minn isfel għal fuq, billi żżid l-appoġġ ekonomiku tagħha għas-soċjetà ċivili u tippromwovi l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda biex tappoġġa l-proċessi ta' demokratizzazzjoni, li huma prekundizzjoni għal stabilizzazzjoni fit-tul,

H.  billi l-kunflitti reġjonali fil-viċinat tal-UE li ma jiġux solvuti jimminaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku sostenibbli tal-pajjiżi kkonċernati u joħolqu ostaklu serju għall-kooperazzjoni reġjonali, l-istabilità u s-sikurezza, billi huma wkoll impediment serju għall-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ u tal-prijoritajiet tal-PEV, billi dawn il-kunflitti jimminaw l-iżvilupp ta' dimensjoni ġenwina u multilaterali effettiva għall-PEV; billi r-rwol li jista' jkollha s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kkonċernati għadu qed ikun sottovalutat,

I.  billi d-dimostrazzjonijiet reċenti kontra r-reġimi repressivi fil-Bjeolrussja, it-Tuneżija u l-Eġittu diġà wrew biċ-ċar l-aspirazzjonijiet leġittimi tagħhom għad-demokrazija,

J.  billi l-politika tal-UE u tal-Istati Membri għall-appoġġ u l-kooperazzjoni ma' reġimi mhux demokratiċi fit-Tuneżija u l-Eġittu falliet u għandha sservi ta' lezzjoni importanti fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Bjelorussja, u billi ġeneralment il-politika tal-UE dwar il-PEV għandha tissejjes fuq il-valuri,

K.  billi l-ENPI għen biex ġie ssimplifikat il-finanzjament tal-PEV; billi l-proċess tat-tfassil tal-istrument li għandu joħodlu postu għandu jirrefletti l-konklużjonijiet tar-reviżjoni strateġika tal-PEV u għandu jinvolvi konsultazzjonijiet vasti,

Reviżjoni PEV – Ġenerali

1.  Jilqa' l-progress fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat fi ħdan il-PEV, u jafferma mill-ġdid il-valuri, il-prinċipji u l-impenji li fuqhom ġiet mibnija l-PEV, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba; iqis li l-PEV għadha tikkostitwixxi qafas ta' importanzza strateġika biex jiġu approfonditi u msaħħa r-relazzjonijiet mas-sieħba l-aktar qrib tagħna, sabiex jiġu appoġġati r-riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom, u jenfasizza l-importanza taż-żamma tal-prinċipju ta' sjieda konġunta fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' programmi u azzjonijiet;

2.  Jilqa' r-reviżjoni kontinwa tal-PEV u jenfasizza li dan il-proċess għandu jwassal għal tisħiħ ulterjuri tar-rabtiet tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat u jenfasizza li filwaqt li l-aspirazzjonijiet u l-miri ta' dawn il-pajjiżi jistgħu jkunu differenti, kollha kemm huma għandhom il-potenzjal li jkunu l-eqreb fost l-alleati politiċi tal-UE;

3.  Jinnota li ż-żewġ dimensjonijiet (dik tan-Nofsinhar u dik tal-Lvant) tal-PEV għandhom jitqiesu bħala partijiet integrali tal-istess politika ta' prijorità; jenfasizza l-ħtieġa tal-flessibilità u ta' differenzjazzjoni tal-approċċ tagħna rigward sieħba individwali u nfiq aħjar;

4.  Jenfasizza li r-reviżjoni strateġika tal-PEV għandha tirrifletti impenn politiku miżjud mis-sħab kollha u ssaħħaħ id-differenzjazzjoni bbażata fuq ir-rendiment, fuq bażi ta' limiti definiti b'mod ċar;

5.  Iqis li huwa partikolarment utli li jiġu valutati u evalwati kontinwament mhux biss ir-riżultati li nkisbu s'issa permezz tal-programmi implimentati, iżda wkoll l-adegwatezza tar-riżorsi użati fi ħdan il-qafas tas-sħubija; huwa tal-fehma li din il-proċedura għandha tagħti opportunità għall-korrezzjoni futura ta' kull defiċjenza u għażliet magħmulin ħażin;

6.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut it-tibdil li sar permezz tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari r-rwol imsaħħaħ tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-ħolqien ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-ħatra tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat u l-poteri ġodda għall-Parlament Ewropew, biex tingħata iktar koerenza lill-politika barranija tal-UE u jiżdiedu l-effiċjenza u l-leġittimità tad-dimensjoni u l-azzjoni esterna tagħha; jistenna li l-Istati Membri ma jieħdux inizjattivi bilaterali fil-pajjiżi tal-PEV li jistgħu jimminaw l-effikaċja tal-azzjoni tal-UE;

7.  Jistieden lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jikkontribwixxu bil-qawwa biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji politiċi jiġu integrati b'mod aktar qawwi fl-analiżi tas-sitwazzjoni politika f'pajjiżi terzi u biex dawn jiddaħħlu f'politiki ta' “trasformazzjoni” permezz ta' proġetti ta' għajnuna fejn possibbli;

PEV - Il-Lvant

8.  Jilqa' t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant bħala qafas politiku biex isir progress fid-dimensjoni tal-Lvant tal-PEV, li tfittex li tapprofondixxi u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha tal-Lvant, billi jitrawmu l-assoċjazzjoni politika, l-integrazzjoni ekonomika u l-approssimazzjoni leġiżlattiva, filwaqt li jingħata appoġġ lir-riformi politiċi u soċjoekonomiċi fil-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfasslu standards ċari għall-monitoraġġ ta' dawn ir-riformi, filwaqt li jinnota li dawn l-istandards għandhom iqisu l-karatteristiċi ta' kull sieħeb, inklużi l-għanijiet speċifiċi u l-potenzjal tiegħu; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jinkludu l-Parlament fit-tfassil ta' dawn l-istandards; jenfasizza li r-riformi ekonomiċi għandhom jimxu id f'id mar-riformi politiċi u li l-governanza tajba tista' tinkiseb biss permezz ta' proċess ta' teħid ta' deċiżjoni miftuħ u trasparenti bbażat fuq istituzzjonijiet demokratiċi;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ulterjuri tal-istabilità u l-bini ta' fiduċja multilaterali fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant kif maqbul fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant;

10.  Jenfasizza li perspettiva Ewropea li tinkludi l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha tikkostitwixxi impetu għar-riformi f'dawn il-pajjiżi u ssaħħaħ ulterjorment l-impenn tagħhom favur valuri u prinċipji komuni bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

11.  Ifakkar li l-valuri fundamentali komuni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rispett tal-libertajiet tal-midja u l-promozzjoni tal-NGOs, li huma l-bażi li fuqha ġew imsejsa l-PEV u s-Sħubija tal-Lvant, għandhom jibqgħu jikkostitwixxu l-kejl ewlieni biex jiġi vvalutat ir-rendiment tal-pajjiżi sħabna; jistieden, għal dan il-għan, lis-sieħba kollha tal-PEV biex jieħdu azzjonijiet konkreti f'din id-direzzjoni; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jieħdu approċċ iktar ambizzjuż favur l-implimentazzjoni tal-programmi ta' azzjoni annwali f'dan il-qasam;

12.  Jinnota li, sa mit-tnedija tal-PEV fl-2004, ġew irreġistrati riżultati mħallta, bi żviluppi pożittivi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni f'ċerti pajjiżi sħab u xi żviluppi negattivi f'oħrajn, partikolarment fil-Bjelorussja;

13.  Jinnota li l-Bjelorussja jibqa' l-uniku pajjiż sieħeb tal-Lvant b'parteċipazzjoni limitata fir-rotta bilaterali tal-PEV u s-Sħubija tal-Lvantl-PEV u li l-impenn ulterjuri tiegħu f'dawn il-programmi se jiddependi minn kemm huwa lest li jżomm mal-valuri u mal-prinċipji bażiċi komuni; iqis li l-iżviluppi riċenti fil-Bjelorussja huma ta' offiża għall-viżjoni tal-UE tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jilqa' l-konlużjonijiet ta' Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-Bjelorussja fil-31 ta' Jannar 2011; jistieden lill-UE tieħu l-passi kollha meħteiġa biex timplimenta bis-sħiħ dawn il-konlużjonijiet, inkluż billi tipprova timpenja lill-Bjelorussi fl-idea ta' riforma billi jinqatgħu l-burokrazija u l-ispejjeż żejda involuti għall-ksib ta' viżi ta' Schengen u billi jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn il-popli; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-flessibilità kollha fi ħdan il-kodiċi tal-viża tal-UE meta jinħarġu vużu ta' Schengen; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lil donaturi oħra jappoġġaw l-iżvilupp ta' partiti politiċi b'orjentazzjoni demokratika fil-Bjelorussja, kif ukoll il-ħolqien ta' NGOs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili akbar u l-inizjattivi ċiviċi fir-reġjuni tal-Bjelorussja;

14.  Jenfasizza li f'numru ta' pajjiżi l-qafas legali għall-elezzjonijiet u t-tmexxija tagħhom ma kinux konsistenti mal-istandards internazzjonali; jinsisti fuq l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti b'konformità mal-istandards u l-impenji internazzjonali;

15.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-ġudikatura u fil-pulizija, għandha tkun prijorità ewlenija għall-UE fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħha mas-sħab tal-Lvant, u li dan għandu jkun rifless fil-bini komprensiv tal-istituzzjonijiet; jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra n-netwerks internazzjonali tal-kriminalità organizzata u jitlob iktar kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija mal-Aġenziji tal-UE;

16.  Jenfasizza l-importanza li r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jiġu kkompletati b'dimensjoni multilaterali billi jiżdied l-ammont ta' attivitajiet u ta' inizjattivi inklużi fil-pjattaformi tematiċi, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ ta' proġetti transkonfinali, iż-żieda ta' programmi min-nies għan-nies, l-iżvilupp ta' inċentivi għall-kooperazzjoni reġjonali u t-tisħiħ ulterjuri ta' djalogu attiv mas-soċjetà ċivili sabiex issir promozzjoni tal-istabbiliment meħtieġ ta' istituzzjonijiet mhux governattivi miftuħa u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali; jinnota, madankollu, li d-dimensjoni bilaterali għadha importanti, u jitlob li jkun hemm differenzjazzjoni u kundizzjonalità iktar ċari u rigorużi, fejn l-ambizzjonijiet u l-impenji jiġu segwiti minn implimentazzjoni u fejn il-progress reali jiġi segwit b'passi konkreti lejn perspettiva Ewropea; jinsab konvint li l-intensifikazzjoni tar-rabtiet mas-sħab bl-aħjar rendiment se jkollha impatt pożittiv fuq l-oħrajn u tista' ssaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali;

17.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni jiżguraw li l-offerta ta' liberalizzazzjoni tal-viża magħmula lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant hi, f'termini tal-iskeda ta' żmien u l-kontenut, ġeneruża tal-anqas daqs dawk proposti lil pajjiżi oħra li magħhom jaqsmu fruntieri, sabiex jiġi evitat li jinħolqu inċentivi għall-għoti ta' passaporti barranin lil ċittadini ta' pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li, bħal fil-każ tal-Ġeorġja, l-Ukraina u l-Moldova, jista' jkollu l-effett li jidistabbilizza lil dawk il-pajjiżi, u għaldaqstant jista' jmur kontra s-sigurtà u l-interessi tal-UE nnifisha;

18.  Jenfasizza l-importanza li tiġi inkoraġġuta aktar il-kooperazzjoni reġjonali fiż-żona tal-Baħar l-Iswed u jittejbu l-politiki tal-UE fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, partikolarment billi tiġi mnedija Strateġija kompluta tal-UE għall-Baħar l-Iswed u jiġi żgurat li jkun hemm ir-riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom; jenfasizza l-komplementarità bejn il-politiki tal-UE dwar il-Baħar l-Iswed u s-Sħubija tal-Lvant, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jagħmlu użu pożittiv mill-approċċi differenti taż-żewġ inizjattivi u jiċċaraw, fil-livelli kollha, kif dan il-grad sostanzjali ta' komplementarjetà għandu jiġi applikat pożittivament;

19.  Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi tar-reġjun biex jikkooperaw iktar mill-qrib u biex jinvolvu ruħhom fi djalogu msaħħaħ u prolongat, fil-livelli rilevanti kollha, rigward oqsma bħal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u partikolarment dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-asil, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-persuni, l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-drogi kif ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija; ifakkar li relazzjonijiet tajba ta' viċinat huma fost l-aktar prekundizzjonijiet importanti għall-progress mill-pajjiżi tal-PEV lejn sħubija fl-UE;

20.  Jenfasizza li għad fadal problemi serji f'diversi pajjiżi rigward il-libertà tal-espressjoni, speċjalment fil-midja, il-libertà tal-għaqda l-assoċjazzjoni, u li l-ispazju disponibbli għas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jibqa' ristrett b'mod irraġonevoli;

21.  Jilqa' r-rwol attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-valuri li hija bbażata fuqhom il-PEV, b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-midja u d-demokratizzazzjoni; jenfasizza li dan ir-rwol, flimkien mal-involviment fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ ta' proġetti taħt l-ENPI u l-Pjanijiet ta' Azzjoni PEV, jeħtieġ li jiġu appoġġati ulterjorment billi jiġi allokat appoġġ finanzjarju u istituzzjonali lilhom; jilqa' l-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment ta' dawk minn pajjiżi sħab, fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili; jinkoraġġixxi lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili biex jinvolvi ruħu f'laqgħat ta' pjattaforma uffiċjali u fil-gruppi ta' ħidma tematiċi tas-Sħubija tal-Lvant;

22.  Iqis li huwa neċessarju li ssir valutazzjoni dettaljata tal-kredibilità tal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili li huma involuti f'dan il-proċess, biex jiġu żgurati l-leġittimità u l-effiċjenza tal-azzjonijiet tagħna;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiżi sħab tagħna u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġahom b'mod attiv biex jissaħħu d-demokrazija lokali u l-governanza lokali; iħeġġeġ l-espansjoni ta' programmi ta' ġemellaġġ bejn awtoritajiet lokali tal-UE u pajjiżi sħab, kif ukoll it-twaqqif ta' Assemblea Lokali u Reġjonali tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-għaqdiet tal-ħaddiema u tad-djalogu soċjali bħala parti mill-iżvilupp demokratiku tas-sħab tal-Lvant; jenfasizza li d-drittijiet tal-għaqdiet tal-ħaddiema huma limitati u jistieden lis-sħab tal-Lvant isaħħu aktar id-drittijiet tax-xogħol u tal-għaqdiet tal-ħaddiema; jirrakkomanda t-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja indipendenti, inkluż fl-Internet, għall-iżvilupp ta' demokraziji u bħala mezz ta' promozzjoni ta' skambji u komunikazzjoni bejn soċjetajiet fir-reġjun u bejn dawn is-soċjetajiet u l-UE; iħeġġeġ lill-UE tkompli tiffinanzja lil Belsat, Radyo Racyja u lir-Radju Ewropew għall-Bjelorussja, kif ukoll tappoġġa l-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' mezzi tal-midja oħra, anke permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji, inter alia bħala mod ta' promozzjoni ta' rotot diretti ta' komunikazzjoni bejn is-soċjetajiet; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rtirata l-għajnuna li tingħata lil midja kkontrollata li tkun proprjetà tal-istat, bħal dak fil-Bjelorussja;

26.  Ifakkar fil-fehma tiegħu li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni huma għodda importanti biex tiġi stimolata r-riforma u għandhom jinkludu kundizzjonijiet konkreti, skadenzi u standards ta' rendiment u jkunu akkumpanjati minn proċess ta' monitoraġġ regolari sabiex japprofondixxu r-relazzjoni bilaterali mal-UE b'mod ħolistiku u biex isaħħu l-koerenza bejn il-komponenti kollha ta' atli ftehimiet, jiġifieri l-komponenti politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-Programmi għall-Bini Komprensiv tal-Istituzzjonijiet għandu jiġi mniedi malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li, filwaqt li titqies in-natura ambizzjuża tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u l-importanza kruċjali tagħhom għall-ġejjieni tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE għandha tappoġġa lil dawn il-pajjiżi permezz ta' għajnuna teknika u finanzjarja, sabiex tagħtihom il-poter biex jonoraw l-impenji dwar l-implimentazzjoni; ifakkar lill-Kummissjoni fir-responsabilità tagħha li żżomm lill-Parlament u lir-rapporteurs responsabbli infurmati kif jixraq dwar il-mandati tan-negozjati għall-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u dwar in-negozjati nfushom;

27.  Jilqa' l-ħidma tal-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE fl-Armenja u t-tnedija ta' grupp simili fil-Moldova; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni jiddiskuti l-possibilità li tingħata din l-għajnuna lil sħab oħra tal-Lvant;

28.  Iqis li integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib tista' tkun aġent qawwi għal bidla soċjali u politika; jenfasizza li ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (DCFTAs) mal-UE għandu jiġi implimentat biss ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa; jenfasizza li dawn jibqgħu waħda mill-inizjattivi ewlenin tas-Sħubija tal-Lvant għall-pajjiżi sħab u inċentiva b'saħħitha għar-riforma, sakemm l-impatt soċjali u ambjentali tagħhom jiġi vvalutat kompletament fi żmien dovut; jirrikonoxxi li, min-naħa tiegħu, il-kunċett tad-DCFTA għandu jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu tal-pajjiżi sħab tal-Lvant rispettivament;

29.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali miżjuda fost is-sħab tal-PEV, peress li dan jirriżulta f'benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, itejjeb il-klima politika fir-reġjun u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi sħab; jinkoraġġixxi, għalhekk, it-twaqqif ta' żoni ta' kummerċ ħieles fost il-pajjiżi sħab;

30.  Jinnota l-preżenza ekonomika li kulma jmur qed tikber taċ-Ċina fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

31.  Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-mobilità taċ-ċittadini u lill-ġestjoni tal-flussi migratorji, partikolarment permezz ta' faċilitazzjoni tal-viżi u ta' ftehimiet ta' riammissjoni bl-għan li wieħed jimxi gradwalment lejn liberalizzazzjoni tal-viża, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti; jistieden lill-UE biex tipprova b'mod attiv u malajr li jkollha negozjati għal dan l-iskop, filwaqt li sadanittant tiżgura implimentazzjoni aħjar tal-ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi; jirrakkomanda li ftehimiet bilaterali għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aġġornament ta' liġijiet nazzjonali dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-PEV; jinsisti li l-implimentazzjoni ta' ftehimiet u politiki bħal dawn, b'mod partikolari l-għoti tal-asil, għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-obbligi u l-impenji internazzjonali u mal-istandards tal-UE, speċjalment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

32.  Jenfasizza ulterjorment il-fatt li l-liberalizzazzjoni tal-viżi tista' tintuża bħala inċentiv qawwi biex jiġu promossi r-riformi tad-demokratizzazzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab, kif ukoll bħala mezz kif jiġu rikonoxxuti passi konkreti lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mal-UE fil-qafas tal-PEV;

33.  Jipproponi li l-Kummissjoni tippubblika rapport annwali ta' valutazzjoni rigward il-ftehimiet ta' riammissjoni Ewropej;

34.  Jemmen li hija meħtieġa kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi tal-PEV u l-FRONTEX;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-mobilità tal-istudenti, tal-akkademiċi, tar-riċerkaturi u tal-kummerċjanti billi tiżgura li riżorsi suffiċjenti jkunu disponibbli u billi ssaħħaħ u twessa' l-programmi ta' għoti ta' boroż tal-istudju eżistenti; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati, fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, proġetti ġodda li jiffokaw fuq kooperazzjoni aktar strutturata fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla u tar-riċerka li tippromwovi skambji unversitarji u sħubijiet pubbliċi-privati fil-qasam tar-riċerka; jilqa' t-twaqqif tas-sħubiji ta' mobilità mal-Moldova u mal-Ġeorġja u jħeġġeġ il-konklużjoni ta' dawn l-isħubiji ma' sħab oħra tal-Lvant, bħala parti mill-Approċċ Globali tal-UE dwar il-Migrazzjoni; iqis, dan ir-rigward, li l-flessibilitajiet eżistenti fi ħdan il-Kodiċi tal-Viża ta' Schengen għandhom jintużaw u jiġi applikati aħjar biex tiġi ffaċilitata l-mobilità ta' dawn il-gruppi;

36.  Jerġa' jafferma l-appoġġ kbir tiegħu għall-proġett iffinanzjat mill-UE li jivolvu boroż ta' studju lil gradwati universitarji mill-PEV u mill-UE fil-Kulleġġ tal-Ewropa; jemmen li dan se jippermetti li interlokuturi futuri jiġu mħarrġa fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, jiġifieri l-persunal għal impjiegi relatati mal-UE u l-PEV, li huwa familjara kompletament u professjonalment mas-sustanza u l-ispirtu tal-politiki, tal-liġijiet u tal-istituzzjonijiet tal-UE;

37.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni settorjali, meta jitqies il-livell ta' interdipendenza dejjem jiżdied, partikolarment f'oqsma bħal ma huma s-sikurezza tal-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-inklużjoni soċjali, l-impjiegi u l-ħolqien tagħhom u l-kooperazzjoni fis-settur tas-saħħa; jenfasizza li żieda fil-kooperazzjoni settorjali tista' trawwem sinerġiji bejn politiki interni tal-UE u l-PEV; f'dan ir-rigward, iqis li għandu jkun hemm iktar pajjiżi sħab li jitħeġġu jikkonkludu protokolli mal-UE fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-programmi u l-aġenziji Komunitarji; jilqa“, f'dan ir-rigward, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina mal-Komunità tal-Enerġija;

38.  Jikkunsidra li hu neċessarju li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli li se jkunu objettivi ċentrali tal-arranġamenti tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-PEV; jenfasizza l-importanza strateġika tal-proġett Nabucco u l-implimentazzjoni rapida tiegħu, kif ukoll tat-trasport tal-gass naturali likwifikat (LNG) fi ħdan il-proġett AGRI;

39.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi pprovdut livell adegwat ta' finanzjament mill-UE għall-kooperazzjoni mal-viċinat u jtenni l-valur tal-ENPI bħala strument ta' finanzjament tal-PEV, li għandu jevolvi sabiex jirrispondi b'mod aktar flessibbli għall-bżonnijiet differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni ġirien, jiżgura li jkun hemm rabta diretta bejn l-objettivi tal-politika tal-PEV u l-ipprogrammar tal-ENPI, kif ukoll jirrifletti l-karattru bbażat fuq ir-rendiment tal-PEV tal-futur; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li jiġu żgurati flessibilità u kapaċità ta' reazzjoni akbar għall-kriżijiet, kif ukoll assistenza mmirata aħjar, li tiffoka partikolarment fuq is-soċjetà ċivili u l-livelli lokali, filwaqt li jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq u jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja ma tkunu suġġetta għall-interferenza mhuz ġustifikata mill-istat; jenfasizza l-valur tal-monitoraġġ tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi varji fi ħdan l-ENPI u jissottolija l-fatt li kriterju fundamentali għall-iffinanzjar tal-proġetti għandu jkun il-valur miżjud tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku lokali, billi tiġi kkunsidrata l-ispiża vera ta' kull proġett u l-kontribut reali li jagħti; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħmlu konsultazzjonijiet bikrin mal-Parlament u mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili waqt it-tfassil li jmiss tal-istrument suċċessur;

40.  Jitlob li tiġi pprovduta żieda fil-finanzjament tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jsir użu aħjar minnu, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tas-soċjetà ċivili biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u r-riforma demokratika, kif ukoll tal-Istrument tal-Atturi mhux Statali li jappoġġa l-attivitajiet ta' żvilupp lokali fuq skala żgħira li għandhom jiġu implimentati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari fil-Bjelorussja;

41.  Jenfasizza l-importanza li jinżammu livelli adegwati ta' finanzjament u huwa inkuraġġit mill-koordinazzjoni mtejba tal-ħidma li saret mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi oħra biex jittejbu l-effiċjenza u jiġu ġenerati sinerġiji; jenfasizza li l-UE għandha wkoll tikkontribwixxi għal użu aħjar tar-riżorsi eżistenti mill-pajjiżi sħab billi titqiegħed enfasi ikbar fuq kooperazzjoni prattika biex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi u l-impenji dovuti għad-diversi ftehimiet konklużi mal-UE; jinnota li l-konnessjoni diretta bejn ir-rendiment u l-assistenza finanzjarja (p.e. il-Faċilità ta' Governanza fi ħdan l-ENPI) jeħtieġ li tiġi msaħħa, speċjalment fil-qasam tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

42.  Iqis li l-appoġġ baġitarju jista' jiġi diskuss bħala opzjoni utli li tista' tipprovdi inċentivi reali fil-futur; jemmen, madankollu, li għandu jkunibbażat fuq il-prinċipju ta' differenzjazzjoni u jkun soġġett għall-kundizzjonalità, inkluż l-aderenza tal-pajjiżi benefiċarji lejn valuri u prinċipji komuni, ġestjoni effettiva tal-baġit u proċeduri ta' kontroll, livelli baxxi ta' korruzzjoni, u l-kapaċità li dan l-appoġġ jintuża b'mod trasparenti, effettiv u responsabbli;

43.  Jinsisti li għandu jkun hemm żieda sostanzjali tal-limiti tal-Intestatura 4 fi ħdan il-baġit ġenerali, b'mod partikolari fir-rigward tal-ENPI, peress li, minkejja li f'dawn l-aħħar snin sar xi progress fil-promozzjoni ta' kooperazzjoni msaħħa u l-integrazzjoni ekonomika progressiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab, jeħtieġ li jsir iktar hekk kif jitfaċċaw sfidi u oqsma għall-kooperazzjoni ġodda;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ finanzjarju, għalkemm mhux għad-detriment tal-iffinanzjar tal-Unjoni għall-Mediterran, għall-komponent tal-Lvant tal-PEV, sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant u tiġi assigurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha;

45.  Jinnota li għalkemm l-għajnuna tista' taġixxi bħala lieva għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mhijiex biżżejjed biex tiggarantixxi żvilupp sostenibbli u dejjiemi; għalhekk jistieden lill-pajjiżi tal-PEV biex isaħħu u jimmobilizzaw ir-riżorsi domestiċi tagħhom, jinvolvu b'mod attiv lis-settur privat, lill-gvernijiet lokali u lis-soċjetà ċivili fl-aġenda tal-PEV u biex japproprjaw ruħhom aktar mill-proġetti tal-PEV tagħhom;

46.  Jinnota li t-tisħiħ tad-dimensjoni taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant jirrappreżenta investiment importanti fil-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Viċinat tal-Lvant b'potenzjal kbir għas-snin li ġejjin u fid-demokratizzazzjoni ta' dawk is-sħab u l-armonizzazzjoni tal-legiżlazzjoni tagħhom mal-istandards Ewropej; itenni li l-EUR 1,000,000 addizzjonali allokati għall-ENPI għall-2011 fi ħdan il-Baġit tal-UE għall-2011 għandhom jintefqu mill-Kummissjoni għat-tisħiħ tad-dimensjoni taż-Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant billi jipprovdu:

   (a) għotjiet żgħar li għandhom jiġu assenjati permezz ta' sejħiet għal proposti maħruġa mill-Kummissjoni jew minn delegazzjoni tal-UE u indirizzati lill-UE u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għal proġetti komuni,
   (b) boroż ta' studju għall-istudenti li ġejjin mill-pajjiżi tal-Lvant tal-PEV;

47.  Jilqa' r-riżultat tal-konferenza tad-donaturi organizzata fit-2 ta' Frar 2011 għall-Bjelorussja b'riżultat ta' madwar EUR 87 miljun li għandhom jintefqu għall-appoġġ tal-kelliema għad-drittijiet tal-bniedem, għat-tisħiħ tal-għaqdiet tal-ħaddiema, taċ-ċentri ta' riċerka u tal-organizzazzjonijiet tal-istudenti;

48.  Jinnota l-impenn aktar qawwi tal-UE fi kwistjonijiet ta' sigurtà fil-Viċinat tal-Lvant, bit-twaqqif ta' EUBAM fil-Moldova u ta' EUMM fil-Ġeorġja; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lill-SEAE jżidu l-involviment tagħhom fis-sejba ta' soluzzjoni għal kunflitti li ilhom għaddejjin żmien fit-Tranżnistrija u fin-Nofsinhar tal-Kawkasu fuq il-bażi tal-prinċipji tal-liġi internazzjonali, partikolarment in-nuqqas ta' użu tal-forza, l-awtodeterminazzjoni u l-integrità territorjali, permezz ta' pożizzjonijiet ta' politika aktar attivi, parteċipazzjoni iktar attiva u rwol prominenti fi strutturi ta' soluzzjoni ta' kunflitti permanenti jew ad hoc, inkluż il-formati ta' negozjar diġà eżistenti, partikolarment tal-OSKE;

49.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u lis-SEAE jiżviluppaw aktar miżuri u programmi għall-bini ta' fiduċja, inkluża t-tnedija ta' missjonijiet ġodda u strateġiji ta' komunikazzjoni pubblika u billi jqisu inizjattivi prammatiċi u approċċi innovattivi bħal pereżempju kuntatti informali u konsultazzjonijiet mas-soċjetajiet tat-territorji li jfittxu l-indipendenza, filwaqt li jikkonservaw il-politika ta' nuqqasb ta' rikonoxximent tal-UE, sabiex jiġu appoġġati l-kultura ċivika u d-djalogu komunitarju; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ il-prinċipju tar-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien kif ukoll l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-PEV, is-Sħubija tal-Lvant u n-negozjati ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni; iqis li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għad għandhom rwol sinifikanti, partikolarment meta l-mandat tagħhom ikollu dimensjoni reġjonali, bħal pereżempju fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jikkunsidra li aktar miżuri ta' kwalità aħjar għandhom ikunu implimentati bl-għan li jsolvu l-kunflitti li ilhom għaddejjin żmien fir-reġjun li qegħdin jostakolaw id-dimensjoni multilaterali;

50.  Jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-fatt li n-nuqqas ta' kwalunkwe progress dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti li għad ma ġewx solvuti fil-Kawkasu tan-Nofsinhar xekkel l-iżvilupp ta' kull tip ta' kooperazzjoni fir-reġjun, bl-eċċezzjoni taċ-Ċentru Reġjonali għall-Ambjent, u sussegwentament dgħajjef il-PEV; jikkunsidra li huwa tal-akbar importanza li jiġu identifikati oqsma ta' kooperazzjoni fejn ikunu involuti t-tliet pajjiżi, b'mod partikolari fir-rigward tad-djalogu bejn is-soċjetajiet ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-midja indipendenti kif ukoll l-interazzjoni ekonomika, u jistieden lis-SEAE biex jagħmel l-isforzi kollha sabiex jinvolvi wkoll il-Federazzjoni Russa u t-Turkija f'din l-inizjattiva;

51.  Jemmen li, sabiex jitnaqqas l-ammont ta' xogħol tad-delegazzjonijiet tal-UE għal dawn il-pajjiżi u biex jitjieb l-involviment tal-UE fis-soluzzjonijiet negozjati internazzjonalment tal-kunflitti li ilhom għaddejjin żmien, il-ħatra ta' Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSRs) tista' tkun għodda utli, partikolarment fil-każ tar-reġjun tat-Transnistrija u l-Kawkasu tan-Nofsinhar; jenfasizza li x-xogħol tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) jista' jkun ikoordinat mill-Rappreżentant Għoli/Viċi President;

52.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-persuni spustati bil-forza (kemm refuġjati u persuni spustati internament (IDPs)) għadhom qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jirritornaw lura, id-drittijiet għal proprjetà u d-dritt għas-sigurtà personali, bħala riżultat tal-ġlied bl-armi fit-territorji tal-pajjiżi sħab; jistieden lill-partijiet kollha biex jirrikonoxxu dawn id-drittijiet mingħajr ambigwità u mingħajr kundizzjonijiet, il-ħtieġa li dawn jitwettqu minnufih u l-ħtieġa li malajr kemm jista' jkun tinstab soluzzjoni għal din il-problema li tkun konformi mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jistieden, f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu u jżidu l-provvista ta' assistenza u appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi rispettivi tas-Sħubija tal-Lvant fl-indirizzar ta' din is-sitwazzjoni, b'mod partikolari billi jgħinu sabiex jiġu rrinovati u mibnija l-binjiet u t-toroq meħtieġa, l-infrastruttura tal-provvista tal-ilma u tal-elettriku, l-isptarijiet u l-iskejjel;

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

53.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-Parlament Ewropew fit-trawwim ta' dibattitu politiku u biex jiżdiedu l-libertà u d-demokrazija fil-pajjiżi msieħba ġirien inkluż l-missjonijiet parlamentari għall-osservazzjoni ta' elezzjonijiet; jenfasizza l-impenn tiegħu biex tiżdied il-koerenza tal-ħidma tiegħu fost il-korpi tiegħu, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet tiegħu mas-soċjetà ċivili u l-effikaċja tax-xogħol tal-korpi tiegħu, inkluż permezz ta' użu aħjar tad-delegazzjonijiet tiegħu għall-korpi interparlamentari;

54.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Assemblea Parlamentari tal-EURONEST, filwaqt li jenfasizza li r-rwol tal-entità biex jissaħħu d-demokrazija u l-istituzzjonijiet demokratiċi u bħala d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant; jikkunsidra li l-Assemblea għandha tagħti kontribut utli fl-implimentazzjoni tal-PEV msaħħa u tagħti valur miżjud lill-partijiet kollha interessati fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni, tas-solidarjetà u tal-fiduċja reċiproka; jiddikjara li l-parlamentari tal-Bjelorussja huma milqugħa biex jissieħbu mal-Assemblea Parlamentari tal-EURONEST, iżda biss meta l-parlament tal-Bjelorussja jiġi elett b'mod demokratiku u jiġi rikonoxxut bħala tali mill-UE;

55.  Jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fil-fażijiet u l-oqsma kollha ta' żvilupp tal-PEV, kemm fit-teħid tal-għażliet strateġiċi kif ukoll fl-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-PEV, u jtenni l-impenn tiegħu li jkompli jeżerċita d-dritt ta' skrutinju parlamentari fl-implimentazzjoni tal-PEV, inkluż billi jkollu dibattiti regolari mal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-ENPI; jiddispjaċih madankollu, dwar il-konsultazzjoni u l-aċċess limitat għal dokumenti waqt it-tħejjija ta' abbozzi ta' dokumenti relevanti ta' pprogrammar; jitlob li l-Parlament jingħata aċċess għall-mandati tal-ftehimiet internazzjonali kollha fil-proċess ta' negozjati mal-pajjiżi sħab tal-PEV, bi qbil mal-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;

56.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jlaqqa' t-tieni Summit tas-Sħubija tal-Lvant fl-2011; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jisfruttaw din l-opportunità sabiex janalizzaw il-progress li sar u biex ikomplu jirrevedu l-gwida strateġika għas-Sħubija tal-Lvant biex tkun tista' tkompli twassal riżultati sostanzjali fil-futur;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kommissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-SEAE, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Pajjiżi tal-PEV, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 312.
(2) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.
(3) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 760.
(4) ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 11.
(5) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 83.
(6) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 64.
(7) Testi adottati, P7_TA(2011)0025.
(8) Testi adottati, P7_TA(2010)0193.
(9) ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.


Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar
PDF 389kWORD 139k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar
P7_TA(2011)0154B7-0199/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004 “l hawn, u b'mod partikolari r-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni adottati b'mod konġunt mal-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2003 dwar it-Tkabbir tal-Ewropa - Il-Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar (COM(2003)0104), tat-12 ta' Mejju 2004 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat - Dokument ta' Strateġija (COM(2004)0373), tal-4 ta' Diċembru 2006 dwar it-Tisħiħ tal-PEV (COM(2006)0726), tal-5 ta' Diċembru 2007 dwar Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha (COM(2007)0774), u tat-12 ta' Mejju 2010 dwar Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (COM(2010)0207),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affariiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran tat-8 ta' Marzu 2011 (COM(2011)0200),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar il-PEV tas-26 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)(1), tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)(2), tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(3), tad-19 ta' Frar 2009 dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran(4), tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-reviżjoni tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(5), tal-20 ta' Mejju 2010 dwar l-Unjoni għall-Mediterran(6), u tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija(8), tas-17 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(9) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u b'mod partikolari l-Libja, inklużi l-aspetti umanitarji(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Marokk tat-13 ta' Ottubru 2008, li taw l-istatus avvanzat lill-Marokk,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ġordan tas-26 ta' Ottubru 2010, li taw l-istatus avvanzat lill-Ġordan,

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2008 dwar “'Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (UgħM)” (COM(2008)0319),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali maħruġa fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni għall-Mediterran li saret f' Marseille fit-3 u l-4 ta' Novembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran, li sar f'Pariġi fit-13 ta' Lulju 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona li tistabbilixxi Sħubija Ewro-Mediterranja adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin li saret fis-27 u fit-28 ta' Novembru 1995,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (AP-UgħM) waqt il-laqgħat tiegħu f'Pariġi (12 ta' Lulju 2008), fil-Kajr (20 ta' Novembru 2009), f'Rabat (22 ta' Jannar 2010), f'Palermo (18 ta' Ġunju 2010) u f'Ruma (12 ta' Novembru 2010),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM) adottata f'Amman fit-13 ta' Ottubru 2008 u li tressqet għall-Ewwel Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitati tal-AP-UgħM adottati fis-sitt seduta plenarja tagħha li saret f'Amman fit-13 u fl-14 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa inawgurali tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) li saret f'Barċellona fil-21 ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)(11),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2010 dwar in-negozjati li għaddejjin bħalisas dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett u l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u b'mod speċifiku d-drittijiet tan-nisa, l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tas-sigurtà, l-istabilità demokratika, il-prosperità, id-distribuzzjoni ekwa tad-dħul, tal-ġid u tal-opportunitajiet fis-soċjetà u, għalhekk, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-governanza tajba, huma prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, kif ukoll għanijiet tagħha, u għandhom ikunu valuri komuni kondiviżi mal-pajjiżi sħab tal-PEV u għandhom isiru objettivi ewlenin tal-PEV,

B.  billi r-rieżami tal-PEV għandu jqis il-manifestazzjonijiet li qed jitolbu libertà, demokrazija u riformi f'bosta pajjiżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, peress li wrew ix-xewqa kbira fost in-nies għal bidla ġenwina u kundizzjonijiet aħjar ta' għajxien fir-reġjun,

C.  billi, immotivat fil-biċċa l-kbira tiegħu mid-distribuzzjoni inġusta tal-ġid u tat-tkabbir ekonomiku kif ukoll min-nuqqas ta' libertajiet, it-taqlib ċivili, li ġej min-nuqqas ġenerali ta' sodisfazzjon tal-popolazzjoni fir-rigward tar-reġimi fil-poter, infirxet fir-reġjun kollu,

D.   billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja żdiedu mal-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà hemm fil-pajjiżi msieħba, u b'mod partikolari ma' dawk relatati mal-problema tal-qgħad u tal-prezzijiet li qegħdin jogħlew, u li dan wassal għal rewwixiti fir-reġjun,

E.  billi l-ġrajjiet li seħħew fit-Tuneżija, fl-Eġittu,fil-Libja, fis-Sirja, fl-Alġerija, fil-Marokk, fil-Ġordan, u f'pajjiżi oħra li qed jitolbu li jsiru riformi demokratiċi, jitolbu li l-UE tagħmel bidliet adegwati fil-PEV biex issostni b'mod effikaċi l-proċess tar-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali, filwaqt li tikkundanna b'mod ċar l-użu tal-forza fit-trażżin tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi,

F.  billi mit-tnedija tagħha fl-2004, il-PEV tat prova li hija ineffikaċi biex tissodisfa l-objettivi tagħha dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u ma rnexxilhiex twassal għar-riformi politiċi, soċjali u istituzzjonali meħtieġa; billi fir-relazzjonijiet tagħha mar-reġjun, l-UE ttraskurat id-djalogu mas-soċjetajiet ċivili u mal-forzi demokratiċi fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran; billi għad baqa' sfidi u nuqqasijiet, u l-iffukar issa għandu jkun fuq l-implimentazzjoni fi sforz biex tittieħed azzjoni kollettiva mas-sħab li tassew jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili u mal-istituzzjonijiet fundamentali li huma vitali għall-ħolqien tad-demokrazija, bi prijoritajiet għal azzjoni definiti b'mod ċar, punti ta' riferiment ċari u differenzjazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni u l-kisbiet,

G.   billi hemm assimetriji sinifikanti ekonomiċi, soċjali u demografiċi bejn l-Istati Ewropej u l-Istati mill-PEV tan-Nofsinhar, li jesiġu azzjonijiet ta' rispons fl-interessi komuni tal-imsieħba kollha,

H.  billi jeħtieġ li l-UE tiddefinixxi b'mod aktar preċiż l-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet tagħha fis-sħubija tagħha mal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha u għandha tagħti l-importanza dovuta lill-punti relatati li jinsabu fl-aġenda politika tagħha u fl-ippjanar baġitarju tagħha,

I.  billi l-PEV għandha tinkludi strumenti aktar ambizzjużi u effiċjenti biex iħeġġu u jsostnu r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-viċinat tal-UE,

J.  billi t-Trattat ta' Lisbona ħoloq il-kundizzjonijiet għall-UE biex ittejjeb l-effiċjenza u l-koerenza tal-politiki u l-funzjonament tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni bil-ħolqien tal-kariga tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u billi l-VP/RGħ għandha tiżgura li l-vuċi tal-UE tinstema' fix-xena internazzjonali,

K.  billi l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiżviluppaw aktar l-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni u jqiegħdu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod aktar speċifiku, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

L.  billi, f'konformità mal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-pajjiżi ġirien, bl-għan li tistabbilixxi żona ta' prosperità u ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaratterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni,

M.  billi kunflitti mhux solvuti u ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrappreżentaw xkiel għat-twettiq tal-PEV, billi jostakolaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali, l-istabilità u s-sigurtà,

N.  billi f'dawn l-aħħar snin, it-tiftix tal-istabilità fuq medda ta' żmien qasira ħafna drabi ngħata preċedenza fuq il-valuri demokratiċi, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar,

O.  billi l-UE għandha ssegwi approċċ minn isfel għal fuq, li jżid l-appoġġ tagħha għall-bini tal-istituzzjonijiet, għas-soċjetà ċivili u għar-rieda li jinbdew proċessi ta' demokratizzazzjoni, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni tan-nisa, u żviluppi soċjoekonomiċi, li huma prekundizzjonijiet għall-istabbilizzazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil,

P.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament krudili, inuman u degradanti, kif ukoll l-oppożizzjoni kontra l-piena tal-mewt, huma prinċipji fundamentali tal-UE,

Q.  billi l-UgħM attwalment tinsab wieqfa, b'mod partikolari wara l-posponiment sine die tat-Tieni Samit tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern u tal-laqgħat ministerjali tagħha, kif ukoll wara r-riżenja tas-Segretarju Ġenerali tagħha; billi l-kuntest reġjonali li fih l-UgħM qed tieħu forma huwa wieħed ikkaratterizzat minn kunflitti territorjali, kriżijiet politiċi u żieda fit-tensjoni soċjali u ġie ssuperat minn rewwixti popolari fit-Tuneżija, fl-Eġittu u f'pajjiżi oħra Mediterranji u tal-Lvant Nofsani, li kollha qed ixekklu l-operat tal-istituzzjonijiet tal-UgħM kif ukoll il-bidu ta' proġetti ta' integazzjoni reġjonali ewlenin identifikati mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-UgħM waqt is-Samit ta' Pariġi f'Lulju 2008 u mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UgħM waqt il-laqgħa tagħhom f'Marseille fit-3 u fl-4 ta' Novembru 2008; billi l-UgħM, li kellha ttejjeb il-politika tal-UE fir-reġjun, ma kinitx effikaċi biex ittaffi n-nuqqas ta' fiduċja li kien qed jiżdied u biex tissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet ikkonċernati,

R.  wara li kkunsidra l-opportunità offruta mill-istabbiliment tal-UgħM biex tissaħħaħ il-kumplimentarjetà bejn il-politiki bilaterali, minn naħa, u l-politiki reġjonali, min-naħa l-oħra, biex jinkisbu b'mod aktar effikaċi l-għanijiet tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja,

S.  billi atturi oħra internazzjonali, u l-pajjiżi BRIC b'mod partikolari, qegħdin isaħħu aktar il-preżenza ekonomika tagħhom u l-influwenza politika li għandhom fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE,

T.  billi l-effetti tal-kriżi politika, ekonomika, soċjali u finanzjarja żiedu l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali eżistenti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar sħab tal-PEV; billi l-ispiża tar-riformi relatati mal-konverġenza tal-acquis u l-adattament għaż-żieda progressiva ta' relazzjonijiet soċjali u ekonomiċi tirrappreżenta sfida addizzjonali fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE; billi f'xi pajjiżi dawn il-fatturi kkontribwixxew ħafna għal rewixxta ċivili u għal talbiet għad-demokratizzazzjoni u r-riformi,

U.  billi l-kwestjoni tal-ġestjoni tal-ilma, u b'mod partikolari tad-distribuzzjoni ġusta tal-ilma bi qbil mal-bżonnijiet tan-nies kollha li qegħdin jgħixu fir-reġjun, hija ta' importanza kbira għall-paċi li sservi u għall-istabbiltà fil-Lvant Nofsani,

V.  billi x-xejriet demografiċi juru li fl-għoxrin sena li ġejjin, il-popolazzjoni fl-Istati Membri tal-UE se tkun stabbli, imma b'popolazzjoni dejjem ixjeħ, il-pajjiżi tan-nofsinhar tal-PEV se jiffaċċjaw żieda fil-popolazzjonijiet tagħhom, u żieda partikolari fil-firxa tal-etajiet impjegabbli; billi l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi f'dawn il-pajjiżi jafu ma jkunux kapaċi jlaħħqu maż-żieda prevista fil-popolazzjoni, speċjalment billi ċerti pajjiżi diġà qed jaffaċċjaw rati għoljin ħafna ta' nuqqas ta' impjieg u livelli ogħla ta' nuqqas ta' impjieg fost iż-żgħażagħ,

W.  billi l-koruzzjoni fil-pajjiżi tal-PEV tan-Nofsinhar tibqa' punt ta' tħassib serju, li tinvolvi sezzjonijiet kbar tas-soċjetà, kif ukoll ististuzzjonijiet tal-istat,

X.  billi l-ENPI kkontribwixxa biex ġie ssimplifikat il-finanzjament tal-PEV; billi l-proċess tal-iżvilupp tal-istrument li għandu jeħodlu postu għandu jirrefletti l-iżviluppi li saru dan l-aħħar fir-reġjun u b'mod speċjali, l-aspirazzjonijiet demokratiċi u leġittimi tal-popolazzjoni, jirrefletti l-konklużjonijiet tar-Reviżjoni Strateġika tal-PEV u għandu jsir abbażi ta' konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha u b'mod partikolari, l-atturi lokali,

Reviżjoni PEV – Ġenerali

1.  Jafferma mill-ġdid il-valuri, il-prinċipji u l-impenji li fuqhom ġiet mibnija l-PEV, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għad-drittijiet tan-nisa, il-governanza tajba, l-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli, u jtenni li l-PEV għandha tibqa' qafas validu għat-tfannid u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-aktar sħab qrib tagħna sabiex jiġu mħeġġa u appoġġati r-riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom imfassla biex jistabbilixxu u jikkonsolidaw id-demokrazija, il-progress u l-opportunitajiet soċjali u ekonomiċi għal kulħadd; jenfasizza l-importanza li jinżammew il-prinċipji ta' responsabbiltà kondiviża u sjieda konġunta fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-PEV; jikkunsidra li mit-tnedija tagħha fl-2004 l-PEV, bħala qafas ta' politika uniku u permezz tad-divrenzjar ibbażat fuq ir-rendiment u għajnuna personalizzata, ġabet benefiċċji tanġibbli kemm għas-sħab tal-PEV kif ukoll għall-UE;

2.  Ifakkar, fid-dawl tal-avvenimenti attwali fin-Nofsinhar tal-Mediterranju, partikolarment fit-Tuneżija,l-Eġittu, il-Libja, is-Sirja, l-Alġerija, il-Marokk, il-Ġordan, u pajjiżi oħra li qed jitolbu li jsiru riformi demokratiċi, fin-nuqqas tal-PEV li tippromwovi u tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE biex titgħallem minn dawk l-avvenimenti u biex tirrivedi l-politika għall-appoġġ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex toħloq mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għall-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem inkluża fil-ftehimiet kollha mal-pajjiżi terzi; jinsisti li r-rieżami tal-PEV jeħtieġlu jipprijoritizza kriterji relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, il-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob għal koordinazzjoni aħjar mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi;

3.  Jistieden lill-UE biex tagħti appoġġ kbir lill-proċess tar-riformi politiċi u ekonomiċi fir-reġjun, bl-użu tal-istrumenti kollha eżistenti fil-qafas tal-PEV u, fejn meħtieġ, bl-adozzjoni ta' dawk ġodda sabiex jakkumpanjaw, b'mod l-aktar effikaċi, il-proċess tat-tranżizzjoni demokratika, b'enfasi fuq ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba, l-indipendenza tal-ġudizzjarju u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u b'hekk tagħti rispons għall-bżonnijiet u l-aspettativi tal-popolazzjoni tal-ġirien tan-Nofsinhar tagħna;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-fondi allokati għall-PEV għal wara l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) tal-2013 fejn tingħata prijorità lid-dimensjoni tan-Nofsinhar tal-PEV fid-dawl tal-aħħar avvenimenti; iqis li l-MFF l-ġdid għandu jikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi u l-bżonnijiet ta' kull pajjiż individwali;

5.  Jenfasizza li offerta konkreta ta' sħubija politika aktar b'saħħitha u l-integrazzjoni ekonomika għandha tiġi ppreżentata lill-pajjiżi tal-viċinat tal-UE, skont il-prinċipji tat-trasparenza, sieda konġunta u l-kondizzjonalità; b'miżuri speċifiċi skont il-ħtiġijiet differenti ta' pajjiżi u reġjuni partikolari sabiex l-iktar sħab avvanzati jgawdu minn triq imħaffa lejn in-normi u l-valuri tal-UE;

6.  Jitlob biex il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetajiet ċivili tingħata aktar attenzjoni, peress li dawn kienu l-mutur prinċipali wara r-rewwixiti fir-reġjun kollu;

7.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi pprovdut livell adegwat ta' finanzjament mill-UE għall-kooperazzjoni mal-viċinat u jtenni l-valur tal-ENPI bħala l-istrument ewlieni ta' finanzjament tal-PEV, li għandu jevolvi sabiex jirrispondi b'mod aktar flessibbli għall-bżonnijiet differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni ġirien, jiggarantixxi r-rabta diretta bejn l-objettivi tal-politika tal-PEV u l-ipprogrammar tal-ENPI, kif ukoll jirrifletti l-karattru bbażat fuq ir-rendiment tal-PEV tal-futur; jenfasizza madankollu l-bżonn li tiġi pprovduta għajnuna mmirata aħjar, b'mod partikolari mmirata għas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali, billi jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq; jenfasizza l-valur tal-monitoraġġ tal-ġestjoni u tal-implimentazzjoni tad-diversi programmi taħt l-ENPI;

8.  Jenfasizza li l-miżuri kollha meħtieġa, inklużi riżorsi finazjarji, umani u tekniċi adegwati, jeħtieġ li jkunu implimentati biex jiggarantixxu li l-UE tkun tista' tagħti risposta adegwata fil-każ li jseħħ kwalunkwe ċaqliq migratorju tal-massa, bi qbil mal-Artikolu 80 tat-TFUE;

9.  Jenfasizza li r-Reviżjoni Strateġika tal-PEV għandha tindirizza sew in-nuqqasijiet tal-politika u tkun favur impenn politiku miżjud mis-sħab kollha, filwaqt li ssaħħaħ id-differenzjazzjoni bbażata fuq ir-rendiment, fuq bażi ta' limiti definiti b'mod ċar; jitlob li fir-rieżami tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-ħtieġa urġenti għall-iżvilupp tad-dimensjoni multilaterali, bi sforz għall-istabbiliment ta' djalogu politiku msaħħaħ, kontinwu u sustanzjali mal-pajjiżi sħab;

10.  Iqis li huwa partikolarment importanti li jsiru valutazzjonijiet kontinwament mhux biss tar-riżultati li nkisbu s'issa permezz tal-programmi implimentati, iżda wkoll l-adegwatezza tar-riżorsi użati fi ħdan il-qafas tas-sħubija; huwa tal-opinjoni li din il-proċedura se tipprovdi opportunità biex fil-futur ikunu jistgħu jiġu kkoreġuti kwalunkwe nuqqas u għażla żbaljata;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw mill-ġdid l-PEV għall-viċinat tan-Nofsinhar bl-għan li jipprovdu r-riżorsi u l-għajnuna għal transizzjoni demokratika ġenwina u jpoġġu l-pedamenti għal riformi politiċi, soċjali u istituzzjonali profondi; jinsisti li r-rieżami tal-politika tal-viċinat għandu jipprijoritizza kriterji relatati mal-indipendenza tal-ġudizzjarju, ir-rispett għall-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-istampa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

12.  Jirrikonoxxi u jenfasizza d-differenza bejn “il-pajjiżi tal-viċinat Ewropej” - pajjiżi li jistgħu formalment jissieħbu mal-UE wara li jkunu ssodisfaw il-kriterji ta' Copenhagen u “il-pajjiżi tal-viċinat tal-Ewropa” - stati li ma' jistgħux jissieħbu mal-UE minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

13.  Huwa tal-fehma li għalhekk huwa importanti ħafna u ta' urġenza kbira li l-Istrateġija tal-UE għall-Mediterran tkun maħsuba u mfassla mill-ġdid u li din l-istrateġija l-ġdida għandha ssaħħaħ d-djalogu politiku u tappoġġa l-forzi kollha soċjali u demokratiċi, inklużi l-atturi tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kunsill, b'rabta ma' dan, jiddefinixxi ġabra ta' kriterji politiċi li l-pajjiżi tal-PEV iridu jissodisfaw sabiex jingħataw “status avvanzat”;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut u sfruttat it-tibdil li sar permezz tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari r-rwol imsaħħaħ tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, il-ħolqien ta' Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-poteri ġodda tal-Parlament, sabiex tingħata iktar koerenza lill-politika barranija tal-UE u jiżdiedu l-effiċjenza u l-leġittimità tad-dimensjoni u l-azzjoni esterna tagħha; iqis li, sabiex l-UE tkun fil-pożizzjoni li tiżviluppa politika kredibbli u effikaċi fir-rigward tas-sħab tal-Mediterran, jeħtieġ li l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu kapaċi jitgħallmu mill-esperjenza tal-avvenimenti li seħħew u li għadhom għaddejjin bħalissa u jagħmlu analiżi komprensiva tan-nuqqasijiet tal-PEV attwali;

15.  Jenfasizza l-importanza ta' sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar u jenfasizza li din il-kooperazzjoni mill-qrib hija fl-interess taż-żewġ naħat;

16.  Jikkunsidra li l-UE għandha titgħallem mill-avvenimenti riċenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar u li l-PEV għandha tiġi rieżaminata f'dan ir-rigward, bl-għan ta' sħubija mas-soċjetajiet u mhux mal-Istati biss;

Dimensjoni tan-Nofsinhar

17.  Ifakkar fl-importanza li titwaqqaf task force, li tkun tinvolvi lill-Parlament, b'reazzjoni għat-talbiet ta' monitoraġġ tal-proċessi ta' tranżizzjoni demokratika li saru minn atturi għal bidliet demokratiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi u l-bini ta' istituzzjonijiet, inkluża l-ġudikatura indipendenti;

18.  Jappoġġa bil-qawwa, fid-dawl tal-iżviluppi riċenti fir-reġjun, l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi li esprimew in-nies f'diversi pajjiżi fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE u jitlob lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi jiżguraw kemm jista' jkun malajr tranżizzjoni paċifika għad-demokrazija ġenwina; jenfasizza li r-Rieżami Strateġiku tal-PEV għandu jqis b'mod sħiħ u jirrifletti dawn l-iżviluppi;

19.  Jitlob, f'dan il-kuntest, appoġġ sinifikanti tal-UE għat-trasformazzjoni demokratika fil-viċinat tan-Nofsinhar bi sħubija mas-soċjetajiet ikkonċernati billi jiġu mmobilizzati, rieżaminati u adattati l-istrumenti eżistenti li għandhom l-għan jassistu r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqiegħdu mekkaniżmi ta' appoġġ finanzjarju tranżitorji u fuq perjodu qasir ta' żmien, inkluż self, għad-dispożizzjoni ta' dawk il-pajjiżi li jesprimu l-ħtieġa għalihom bħala riżultat ta' bidliet demokratiċi rapidi u ta' tnaqqis straordinarju fil-likwidità; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tagħmel rieżami kemm jista' jkun malajr tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali 2011-2013 tat-Tuneżija u l-Eġittu sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet urġenti l-ġodda ta' dawk is-sħab f'termini ta' bini tad-demokrazija;

20.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied id-djalogu politiku mal-ġirien tan-Nofshinar tal-UE; jerġa' jenfasizza li t-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma elementi essenzjali ta' dan id-djalogu; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tar-rispett tal-libertà tal-kuxjenza, ir-reliġjon u l-ħsieb, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-midja, il-libertà ta' assoċjazzjoni, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-protezzjoni tal-minoranzi, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali;

21.  Jinnota li l-istatus avvanzat diġà ngħata jew qiegħed attwalment jiġi nnegozjat ma' ċerti pajjiżi sħab; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm approċċ aktar trasparenti u koerenti favur din id-differenzjazzjoni, sabiex jinħoloq proċess sustanzjali li jħalli l-frott, u biex jiġu stabbiliti limiti ċari biex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-istandards doppji rigward liema kriterji jridu jiġu ssodisfati sabiex jingħata l-istatus avvanzat;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adattati l-kriterji ta' Kopenħagen għar-rekwiżiti marbuta mal-għoti tal-istatus avvanzat; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tagħti status avvanzat lill-pajjiżi terzi meta jissodisfaw dawk il-kriterji;

23.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-ġudikatura, għandha tkun prijorità ewlenija għall-UE, fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħha mas-sħab tan-Nofsinhar;

24.  Jinsisti li l-Parlament Ewropew ikun ikkonsultat fl-istadji kollha tal-proċess tal-għoti ta' status avvanzat lill-pajjiżi sħab, u dwar l-elaborazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV skont ir-rwol il-ġdid tiegħu taħt it-Trattat ta' Lisbona; jitlob lill-Kunsill u s-SEAE biex jinvolvu lill-Parlament fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-istatus avvanzat, billi jiġi żviluppat mekkaniżmu ta' konsultazzjoni ċar li għandu jintuża fl-istadji kollha tan-negozjati, inklużi l-kriterji li jridu jiġu ssodisfati, kif ukoll fit-tfassil tal-prijoritajiet u l-linji gwida inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni;

25.  Jenfasizza li sħubija effikaċi bejn l-UE u l-ġirien tan-Nofsinhar tista' tkun ibbażata biss fuq sinerġija bejn id-dimensjonijiet bilaterali u multilaterali interkonnessi ta' dan il-proċess ta' kooperazzjoni, u għalhekk jiddeplora l-fatt li l-PEV ma tqisx biżżejjed il-ħtieġa għat-tisħiħ tad-dimensjoni multilaterali;

26.  Ifaħħar il-kuraġġ tan-nies fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fil-Libja li qamu jitolbu d-demokrazija u l-libertà, u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE joffru l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-proċess ta' tranżizzjoni demokratika f'dawk il-pajjiżi;

27.  Jiddeplora t-telf ta' ħajjiet matul ir-rewwixti paċifiċi fit-Tuneżija u fl-Eġittu u jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw l-inċidenti kkonċernati kif xieraq u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

28.  Jemmen li l-kunflitt ta' bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa fil-qalba tat-tensjonijiet politiċi fil-Lvant Nofshani u fir-reġjun tal-Mediterran b'mod ġenerali;

29.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni taħdem b'mod attiv għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-kunfidenza fir-reġjun, filwaqt li tiżgura r-rwol attiv tal-UE bħala attur u mhux biex toħroġ il-flus biss, b'mod partikulari fir-rigward tal-proċess tal-paċi tal-Lvant Nofshani u anke fil-kunflitt tas-Saħara tal-Punent; jemmen li r-riżoluzzjoni tal-kunflitt hija kruċjali għall-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fir-reġjun, kif ukoll għall-progress tad-dimensjoni reġjonali tal-PEV u l-kooperazzjoni multilaterali tagħha bħal ma hija l-Unjoni għall-Mediterran; jinnota li l-ilħuq ta' soluzzjoni komprensiva, b'konformità mal-liġi internazzjonali, għall-kunflitti varji, u b'mod partikolari għall-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżrael, fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE huwa kruċjali għas-suċċess sħiħ tal-PEV;

30.  Jemmen li d-djalogu interkulturali fi ħdan ir-reġjun tal-Mediterran huwa kruċjali biex jitjieb il-fehim reċiproku, is-solidarjetà, it-tolleranza u l-benessri tal-popolazzjonijiet tiegħu; jistenna li r-rieżami se jikkunsidra l-iżvilupp ta' strumenti għal dan l-għan;

31.  Jinsab imħasseb sew dwar il-posponiment “sine die” kontinwu tat-tieni Samit tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-UgħM, u tal-laqgħat ministerjali, li jagħti sinjal negattiv lill-poplu u l-istituzzjonijiet tar-reġjun; iqis li r-riżenja tas-Segretarju Ġenerali tenfasizza l-bżonn ta' kjarifika tan-natura tal-proċeduri u l-istituzzjonijiet tal-UgħM; ifakkar li t-tensjonijiet politiċi u l-kunflitti reġjonali fir-reġjun tal-Mediterran m'għandhomx jostakolaw il-progress konkret favur il-kooperazzjoni settorjali u multilaterali, u li hija permezz tat-tlestija tal-proġetti ta' integrazzjoni ewlenin u d-djalogu politiku miftuħ li l-UgħM tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' klima ta' kunfidenza li tiffavorixxi l-ilħuq tal-objettivi komuni tal-ġustizzja u s-sigurtà fi spirtu ta' solidarjetà u paċi;

32.  Jiddeplora n-nuqqas ta' finanzjaemnt allokat għall-UgħM u l-impenn baxx ħafna tal-Istati Membri miż-żewġ naħat tal-Mediterran; jiddeplora l-approċċ mhux definit tal-UE għall-politika tal-Mediterran u jitlob lill-UE tiżviluppa viżjoni strateġika fit-tul għall-iżvilupp u l-istabilizzazzjoni tar-reġjun; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja jsir prijorità politika tal-aġenda Ewropea;

33.  Huwa konvint li l-UgħM għandha tiġi mnedija mill-ġdid biex jitqiesu l-iżviluppi l-ġodda fir-reġjun; hu tal-opinjoni li din l-UgħM il-ġdida għandha tippromwovi żvilupp ekonomiku, soċjali u demokratiku sod u għandha toħloq bażi b'saħħitha u komuni għal relazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-ġirien tan-Nofsinhar tagħha; jemmen li din il-komunità l-ġdida toħloq ukoll prospettivi ġodda ta' paċi sostenibbli fil-Lvant Nofsani, inkorporati fis-soċjetajiet differenti u li ma jiddependux biss fuq ir-rieda politika fraġli ta' mexxejja awtoritarji tar-reġjun;

34.  Jinnota li r-rieżami għandu jindirizza n-nuqqas tal-UgħM li tilħaq l-aspettattivi u tivvaluta l-isfidi li għandha quddiema, kif ukoll li tikkunsidra mezzi ġodda biex issaħħaħ l-istrumenti bilaterali fi ħdan il-PEV; jemmen f'dan ir-rigward li għandhom jiġu ddedikati iktar riżorsi għall-oqsma fejn jista' jinkiseb progress tanġibbli;

35.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' progress fl-istabbiliment ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja; jitlob għat-tfittxija konkreta tan-negozjati miftiehma għal Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi bl-għan li tinħoloq Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja li tirrifletti r-realtajiet soċjo-ekonomiċi ta' kull wieħed mill-pajjiżi sħab bil-kundizzjoni li l-impatt soċjali u ambjentali ta' dawn il-ftehimiet jiġi vvalutat b'mod xieraq u fil-ħin dovut; jiddeplora l-fatt li ma sar l-ebda progress reali mill-atturi varji sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet necessari; iħeġġeġ, ukoll, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali Nofsinhar-Nofsinhar li għandha ġġib benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi involuti u ttejjeb il-klima politika fir-reġjun;

36.  Jenfasizza n-neċessità li jiġu mmirati l-kwistjonijiet speċifiċi l-iktar importanti f'kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, iżda jtenni li s-sitwazzjoni soċjoekonomika, speċjalment tal-ġenerazzjoni iżgħar, għandha tingħata enfasi partikulari fil-PEV;

37.  Jemmen li kooperazzjoni subreġjonali msaħħa fost l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-PEV b'interessi, valuri u tħassib komuni speċifiċi tista' toħloq dinamika pożittiva għaż-żona kollha tal-Mediterran; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jesploraw il-potenzjal ta' ġeometrija varjabbli bħala forma ta' kooperazzjoni u jenfasizza li l-PEV futura għandha tiffaċilita u tħeġġeġ dan l-approċċ b'mod partikolari permezz tal-baġit għall-fondi reġjonali tagħha;

38.  Jemmen li fil-kuntest tal-Politika tal-Viċinat tan-Nofsinhar il-problema ta' immigrazzjoni irregolari għandha tiġi affaċċata; jistiedn lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien kollha tan-Nofsinhar u ta' ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-UE u l-atturi reġjonali kollha fir-rigward tal-kwistjonijiet ta' immigrazzjoni, u b'mod partikulari, ta' riammissjoni;

39.  Jiddeplora l-approċċ asimetriku adottat mill-UE lejn il-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha fl-oqsam tal-mobilità u tal-politika tal-viża; Jirrakkomanda, rigward il-mobilità, l-iffaċilitar tal-proċeduri tal-viżi għal pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV - speċjalment għal studenti, riċerkaturi u nies tan-negozju - u l-adozzjoni ta' Sħubija Ewro-Mediterranja għall-Mobilità; jenfasizza r-rwol importanti li jista' jkollhom ċerti pajjiżi tal-PEV fil-ġestjoni tal-flussi migratorji; jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-flussi migratorji għandha tkun konsistenti bis-sħiħ mal-valuri tal-UE u l-obbligi legali internazzjonali; jinsisti li ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid ma' pajjiżi sħab għandhom jiġu previsti biss għal immigranti irregolari, billi għalhekk jiġu esklużi dawk li jiddikjaraw lilhom infushom bħala persuni li qed ifittxu l-ażil, refuġjati jew persuni fil-bżonn ta' protezzjoni, u jtenni li l-prinċipju tan-“non-refoulement” japplika għal kwalunkwe persuna li tkun f'riskju tal-piena tal-mewt, trattament mhux uman u tortura; jitlob kooperazzjoni eqreb biex jintemm it-traffikar tal-bnedmin u għat-titjib tal-kundizzjonijiet li jgħixu fihom il-ħaddiema migranti kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-PEV;

40.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex ipoġġu fuq quddiem nett fl-aġenda tagħhom tad-diskorsi mal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-PEV il-prijoritajiet politiċi tal-UE tat-tneħħija tal-piena tal-mewt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa, u r-rispett tal-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-istampa u tal-midja, l-osservanza tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament krudili u mhux uman, il-ġlieda kontra l-impunità u r-ratifika ta' bosta strumenti legali internazzjonali, fosthom l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951;

41.  Jitlob, fil-kuntest tar-rieżami tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-PEV, attenzjoni mġedda fir-rigward tar-rispett sħiħ tad-dritt għal-libertà tar-reliġjon, b'mod partikulari għall-minoritajiet reliġjużi kollha, fil-pajjiżi involuti; jenfasizza li d-dritt għal-libertà tar-reliġjon jinkludi l-libertà li persuna, waħidha jew f'komunità ma' oħrajn, kemm f'postijiet pubbliċi kif ukoll privati, timmanifesta l-fidi tagħha f'qima, tagħlim, prattika u osservanza u li tali libertà trid tinkludi wkoll id-dritt li persuna tbiddel ir-reliġjon tagħha;

42.  Jenfasizza li r-relazzjonijiet kuntrattwali tal-UE mal-pajjiżi kollha tal-PEV għandhom jinkorporaw arranġamenti għal forum regolari li jindirizza l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fil-forma ta' sottokumitati għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lis-SEAE biex jagħmel użu sħiħ minn dawn l-arranġamenti u biex jinvolvi s-sottokumitati eżistenti fi kwalunkwe negozjat, biex jinsisti li dawn ikunu iktar effettivi u orjentati lejn ir-riżultati, u biex jiżgura l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-istatus tal-grupp ta' ħidma tal-UE u l-Iżrael dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi promoss għal sottokumitat normali; jistieden lis-SEAE jipparteċipa wkoll f'kooperazzjoni strutturali bejn il-COHOM u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew;

43.  Jitlob lir-RGħ/VP tal-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsegwu b'mod attiv il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tal-komunikazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, inkluż fuq l-Internet;

44.  Jitlob lir-RGħ/VP, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex isaħħu r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tan-nisa, fl-immonitorjar tal-politiki u l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-għajnuna permezz ta' faċilità ddedikata għall-bini tal-kapaċitajiet; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li tingħata s-setgħa lin-nisa u jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni janalizzaw sistematikament l-impatt fuq il-ġeneri tal-proġetti u l-programmi tagħhom u li jirrakkomandaw li d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitqiesu fir-riforma tal-kostituzzjonijiet, il-kodiċijiet penali, il-liġi tal-familja u liġijiet ċivili oħrajn, kif ukoll fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem li jsiru mal-pajjiżi sħab tal-PEV; jinsisti li r-RGħ/VP, is-SEAE u l-Kummissjoni m'għandhomx isaħħu r-relazzjonijiet bejn pajjiżi terzi u l-UE meta l-pajjiżi kkonċernati ma jinvolvux biżżejjed lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-politiki tagħhom; jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-alleati l-iktar fidili u b'saħħithom tal-UE fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab; jitlob involvement ikbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u tal-organizzazzjonijiet professjonali u s-sħab soċjali fil-kooperazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar tagħha; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu jsaħħu u jagħmlu użu aktar effettiv tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem f'dan ir-rigward;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu appoġġati azzjonijiet speċifiċi sabiex jinkiseb approċċ effettiv u sistematiku ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pajjiżi tal-PEV; iħeġġeġ lill-gvernijiet u s-soċjetà ċivili jżidu l-inklużjoni soċjali tan-nisa, jiġġieldu l-illitteriżmu tan-nisa u jippromwovu l-impjieg tan-nisa biex tiġi żgurata preżenza sinifikanti tan-nisa fil-livelli kollha;

46.  Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni strutturata fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla u r-riċerka biex jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u s-sistemi edukattivi, sabiex b'mod partikolari tiżdied il-mobilità tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-għalliema, flimkien ma' miżuri għall-ġlieda kontra l-ħarba tal-imħuħ; jilqa' f'dak ir-rigward l-għajnuna provduta mill-programm Tempus għal edukazzjoni ogħla u l-iskambji organizzati mill-Azzjoni ERASMUS Mundus 2, kif ukoll il-ħolqien tal-Università Ewro-Mediterranja (EMUNI), li hi stabbilita bħala netwerk Ewro-Mediterran għall-universitajiet taż-żewġt ixtut;

47.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiżi sħab tagħna u jħeġġeġ l-espansjoni ta' programmi ta' ġemellaġġ bejn l-awtoritajiet lokali tal-UE u l-pajjiżi Sħab;

48.  Jenfasizza l-importanza tat-trejdjunjins u d-djalogu soċjali bħala parti mill-iżvilupp demokratiku tas-sħab tan-Nofsinhar; iħeġġiġhom lil dawk il-pajjiżi jsaħħu d-drittijiet tax-xogħol u tal-unjonijiet sindikalisti; jinnota r-rwol importanti li d-djalogu soċjali jista' jkollu fl-indirizzat tal-isfidi soċjoekonomiċi fir-reġjun;

49.  Jisħaq fuq l-importanza li l-investiment, it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni jersqu eqreb ta' xulxin, b'attenzjoni speċjali mogħtija għal taħriġ imfassal skont il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi soċjo-ekonomiċi fir-reġjun; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa u l-gruppi żvantaġġati, bħalma huma ż-żgħażagħ; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza vitali li jiġu appoġġati iktar il-proġetti lokali ta' żvilupp sabiex isir kontribut ħalli terġa' tingħata l-ħajja lill-bliet u r-reġjuni l-iktar vulnerabbli;

50.  Jenfasizza li transport multimodali li jiffunzjona kif xieraq u li joffri effiċenza, sikurezza u sigurtà huwa prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp, billi jrawwem il-kummerċ u l-intergrazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u s-sħab Mediterranji tan-Nofsinhar tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Pjan ta' Azzjoni għat-Trasport Reġjonali (2007-2013) għall-Mediterran u tqis ir-riżultat fi kwalunkwe pjan ta' azzjoni għat-trasport fil-ġejjieni;

51.  Jemmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun kriterju transversali tar-reviżjoni tal-PEV, billi l-enfasi titqiegħed fuq it-titjib tal-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp tal-potenzjal abbundanti tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun u l-promozzjoni tal-politiki u l-proġetti li jiffavorixxu użu aħjar tar-riżorsi tal-ilma skarsi;

52.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE biex iħeġġu u jappoġġaw pjan komprensiv biex titranġa d-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u biex ikomplu jagħtu sostenn finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b'mod partikolari l-medda ta' isfel tagħha, fl-ambitu wkoll tal-inizjattiva tal-UgħM;

53.  Jenfsaizza l-potenzjal għoli ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħal ma huma l-enerġija tar-riħ, solari u tal-mewġ; jappoġġa l-implimentazzjoni kkoordinata tal-Pjan Solari Mediterranju u l-inizjattivi industrijali, li għanu jkollhom l-għan li jissodisfaw il-bżonnijiet primarji tal-pajjiżi sħab, u l-adozzjoni tal-istrateġija tal-effiċjenza tal-enerġija Ewro-Mediterranja; jisħaq fuq l-importanza li jiġu mħeġġa l-interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-elettriku, tal-gass u taż-żejt sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-istabbiliment ta' sistema intelliġenti ta' distribuzzjoni li tgħaqqad ir-reġjun Ewro-Mediterran kollu;

54.  Ifakkar fl-importanza tal-agrikoltura li tiffavorixxi lill-bdiewa lokali, l-iżvilupp rurali, is-sikurezza tal-ikel u s-sovrenità tal-ikel, l-adattament għall-bidla fil-klima, l-aċċess għall-ilma u l-użu razzjonali tiegħu, u tal-enerġija; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni fl-agrikoltura ssir prijorità tal-PEV, bħala appoġġ għall-pjan direzzjonali Ewro-Mediterranju għall-agrikoltura u bħala mezz għal stabilità tal-prezzijiet tal-ikel fir-reġjuni nazzjonali, reġjonali u globali;

55.  Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta' Forza Ewro-Mediterranja għall-Protezzjoni Ċivili, billi ż-żieda fl-iskala u n-numru ta' katastrofi naturali teħtieġ l-allokazzjoni tal-mezzi rilevanti u billi tali inizjattiva ssaħħaħ is-solidarjetà fost il-popli Ewro-Mediterranji;

56.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha ma' organizzazzjonijiet reġjonali multilaterali min-Nofsinhar, partikolarment mal-Lega Għarbija, kif ukoll mal-Unjoni Afrikana, bl-għan li jiġu affrontati b'suċċess l-isfidi fl-oqsma msemmija hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra djalogu strutturat ġdid ma' dawn il-fora matul ir-rieżami tal-PEV;

57.  Itenni l-valur tal-ENPI bħala strument ta' finanzjament tal-PEV; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li tiġi pprovduta aktar flessibilità u tiġi żgurata għajnuna mmirata b'mod iktar effettiv, b'mod partikolari mmirata lejn is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali, billi jiġi żgurat approċċ minn isfel għal fuq; jitlob, barra minn hekk, li ssir analiżi komprensiva tal-effiċenza tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija bl-għan li jsir użu aħjar mill-istrumenti finanzjarji u l-fondi disponibbli fil-kuntest tal-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tan-Nofsinhar u sabiex jiġi żgurat li l-assistenza u l-għajnuna għall-iżvilupp jintużaw b'mod xieraq fil-pajjiżi benefiċjarji; iqis li t-trasparenza tal-finanzjament u l-inklużjoni ta' mekkaniżmi kontra l-korruzzjoni fl-istrumenti finanzjarji huma ta' importanza vitali; jenfasizza l-valur tal-monitoraġġ tal-ġestjoni u tal-implimentazzjoni tad-diversi programmi tal-ENPI; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-proġetti transkonfinali, jiżdiedu l-programmi bejn il-persuni u jiġu żviluppati inċentivi għall-kooperazzjoni reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkonsultaw b'mod bikri mal-Parlament u mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni li jmiss tal-istrument li jrid jieħu post l-ENPI;

58.  Jitlob lill-Kunsill biex jadotta l-proposta leġiżlattiva li temenda l-Artikolu 23 tar-regolament tal-ENPI mressqa mill-Kummissjoni f'Mejju 2008 u adottata mill-Parlament fit-8 ta' Lulju 2008, li se tagħmilha possibbli li jsir investiment mill-ġdid ta' fondi li jerġgħu jgħaddu minn operazzjonijiet passati u li għalhekk tipprovdi lill-UE b'għodda tant bżonnjuża biex tnaqqas l-impatt tal-kriżi finanzjarja kurrenti fuq l-ekonomija reali u l-impatt taż-żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-ikel tar-reġjun tal-viċinat tan-Nofsinhar;

59.  Jenfasizza li l-ENPI mhuwiex l-uniku strument disponibbli għall-finanzjament tal-programmi u l-azzjonijiet fil-PEV, u jinsisti, konsegwentement, fuq il-bżonn ta' approċċ koerenti bbażat fuq l-użu tal-istrumenti finanzjarji kollha; jistieden, għalhekk, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jipprovdu rendikont ċar tal-flus allokati skont kull pajjiż benefiċjarju u skont kull strument;

60.  Jenfasizza l-bżonn li jiżdiedu l-fondi allokati għad-dimensjoni tan-nofsinhar tal-PEV fil-perspettivi finanzjarji tal-UE li ġejjin għall-perjodu mill-2014 sal-2020 biex jiġi żgurat li l-iffinanzjar jaqbel mal-ambizzjoni politika u sabiex jiġi implimentat l-istatus avvanzat mingħajr ma jiġu affettwati l-prijoritajiet l-oħra tal-PEV; jinsisti fuq il-bżonn li jiġi rrispettat il-ftehim li ntlaħaq wara d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-COREPER fl-2006, li jipprevedi li żewġ terzi tal-fondi tal-ENPI jmorru għall-pajjiżi tan-Nofsinhar u terz għall-pajjiżi tal-Lvant skont il-ponderanza demografika;

61.  Jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe żieda fil-fondi allokati għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni bir-reqqa tal-bżonnijiet u konsistenti ma' żieda fl-effettività tal-programmi implimentati, imfaslla u prijoritizzati skont ir-rekwiżiti ta' kull pajjiż benefiċjarju;

62.  Jilqa' x-xogħol li sar mill-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija (FEMIP) tal-BEI u jenfasizza l-bżonn għal iktar sinerġiji ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn li huma wkoll attivi fir-reġjun, jerġa' jissuġġerixxi li tiġi stabbilita istituzzjoni finanzjarja Ewro-Mediterranja għall-kożvilupp, li l-BEI jibqa' l-azzjonista prinċipali tagħha; jappoġġa l-idea taż-żieda tal-limitu tal-garanziji għall-BEI sabiex ikun jista' jżomm l-intensità tal-operazzjonijiet tiegħu fir-reġjun matul is-snin li ġejjin; jistieden lill-BERŻ biex ibiddel l-istatuti tiegħu sabiex jipparteċipa wkoll f'dan il-proċess ta' għajnuna finanzjarja;

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

63.  Jenfasizza l-importanza prinċipali tal-Parlament Ewropew biex jiżgura li l-istabilità u l-prosperità tal-Ewropa jkunu marbuta mill-qrib mal-governanza demokratika u l-progress ekonomiku u soċjali fil-ġirien tan-Nofsinhar tal-PEV tagħha u fil-promozzjoni ta' dibattitu politiku, il-libertà kollha, ir-riformi demokratiċi u l-istat tad-dritt fost il-ġirien Sħab tagħha, speċjalment permezz ta' delegazzjonijiet interparlamentari u l-AP-UgħM;

64.  Itenni l-impenn tiegħu biex ikompli jeżerċita d-dritt tal-iskrutinju parlamentari fl-implimentazzjoni tal-PEV imma wkoll billi jkollu dibattiti regolari mal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-ENPI; jilqa' l-konsultazzjoni wiesgħa mill-Kummissjoni u s-SEAE dwar ir-reviżjoni tal-PEV, u jittama li l-Kummissjoni u s-SEAE jiggarantixxu wkoll il-konsultazzjoni strutturali u sħiħa tal-Parlament fil-preparazzjoni tad-dokumenti relevanti bħal ma huma l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV; barra minn hekk jitlob li l-Parlament jingħata aċċess għall-mandati ta' negozjati tal-ftehimiet internazzjonali kollha fil-proċess li jiġu konklużi mal-pajjiżi sħab tal-PEV, bi qbil mal-Artikolu 218(10) TFUE, li jgħid li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi tal-PEV u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran.

(1) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 312.
(2) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 760.
(3) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.
(4) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 76.
(5) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 83.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0192.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0314.
(8) Testi adottati, P7_TA(2011)0038.
(9) Testi adottati, P7_TA(2011)0064.
(10) Testi adottati, P7_TA(2011)0095.
(11) ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.


L-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani
PDF 225kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar l-użu tal-vjolenza sesswali fil-kunflitti fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani
P7_TA(2011)0155RC-B7-0244/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-Libja b'mod partikolari(5),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, fil-25 ta' Novembru 2010,

   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar il-Jum Internazzjonali tal-Mara, fit-8 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali Dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, kif ukoll ir-riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati,

–  wara li kkunsidra l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, kif ukoll l-entità ġdida tan-NU dwar il-Ġeneru (NU Nisa),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u l-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984, u d-Dikjarazzjoni 3318 tal-Assemblea Ġenerali dwar il-Ħarsien tan-Nisa u t-Tfal waqt Emerġenzi u Kunflitti Armati tal-14 ta' Diċembru 1974, b'mod partikolari l-paragrafu 4 li jitlob li jkun hemm miżuri effettivi kontra l-persekuzzjoni, it-tortura, il-vjolenza u t-trattament degradanti tan-nisa,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Konvenzjoni tal-1951 rigward l-Istatus tar-Refuġjati,

–  wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni tal-25 ta' Ġunju 1993 adottat mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (A/CONF. 157/23) u d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993 (A/RES/48/104),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta' Diċembru 1997 bit-titolu “Il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-miżuri ta' ġustizzja kriminali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa” (A/RES/52/86), tat-18 ta' Diċembru 2002 bit-titolu “Ħidma lejn l-eliminazzjoni tad-delitti kontra n-nisa mwettqa f'isem l-unur”, (A/RES/57/179), u tat-22 ta' Diċembru 2003 bit-titolu “L-eliminazzjoni tal-vjolenza domestika kontra n-nisa” (A/RES/58/147),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing(6), tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma ta' Azzjoni (Beijing+10)(7) u tal-25 ta' Frar 2010 dwar Beijing +15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall_ugwaljanza bejn is-Sessi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2006 bit-titolu “Intensifikazzjoni tal-isforzi għall-eliminazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa” (A/RES/61/143), u r-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, adottat fl-1998, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra u jqisuhom bħala forma ta' tortura u bħala reat serju tal-gwerra, kemm jekk dawn l-atti jitwettqu b'mod sistematiku kif ukoll jekk le waqt kunflitti internazzjonali jew interni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-nisa pparteċipaw attivament fl-irvellijiet għal iktar demokrazija, drittijiet u libertajiet fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani,

B.  billi r-reġimi stabbiliti fil-Libja u fl-Eġittu rrikorrew għal attakki sesswali bħala parti mill-kunflitt f'dawn ir-revoluzzjonijiet, billi ffukaw fuq in-nisa u, b'mod partikolari, għamluhom vulnerabbli,

C.  billi l-vjolenza sesswalli tidher li qed tintuża bħala mezz ta'' intimidazzjoni u degradazzjoni tan-nisa, inkluż fil-kampijiet tar-rifuġjati, u billi l-vojt ta' poter li rriżulta jista' jwassal għal deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet,

D.  billi mara Libaniża, Iman al-Obeidi, li qalet lil ġurnalisti f'lukanda fi Tripli li kienet sofriet stuprata u abbużata minn grupp ta' suldati, fis-26 ta' Marzu 2011 ġiet miżmuma f'post mhux magħruf u issa qed jittieħdu proċeduri kontriha minħabba malafama mill-irġiel li qed takkuża bi stupru,

E.  billi fl-Eġittu, demostranti nisa jaffermaw li ġew suġġetti għal “testijiet tal-verġinità” mis-suldati, wara li nġabru mill-Pjazza Tahrir fid-9 ta' Marzu 2011 u suċċessivament ġew suġġetti għal tortura u stupru, filwaqt li t-“testijiet tal-verġinità” ġew esegwiti, u ttieħdu ritratti, fil-preżenza ta' suldati rġiel; billi xi nisa Eġizzjani se jiġu pproċessati quddiem qrati militari talli m'għaddewx mit-“testijiet tal-verġinità”, u xi wħud sfaw mhedda li jħarrkuhom b'akkuża ta' prostituzzjoni,

F.  billi l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tikkunsidra l-istupru u l-iskjavitù sesswali, meta dawn jiffurmaw parti minn prattika sistematika u ġenerali, bħala delitti kontra l-umanità u bħala delitti tal-gwerrali għandhom jittellgħu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi l-istupru issa huwa rikonoxxut ukoll bħala element tad-delitt tal-ġenoċidju meta jitwettaq bil-ħsieb li jeqred, kompletament jew parzjalment, grupp partikulari fil-mira; billi l-UE għandha tappoġġa sforzi maħsuba biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal,

G.  billi intwera bil-provi li l-kunflitti armati għandhom impatt sproporzjonat u uniku fuq in-nisa; billi r-rwol tan-nisa fil-bini tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti għandu jissaħħaħ, u n-nisa u t-tfal fir-reġjuni tal-gwerer u l-kunflitti għandhom jingħataw protezzjoni mtejba, permezz tal-parteċipazzjoni, il-prevenzjoni u l-protezzjoni,

H.  billi l-implimentazzjoni tal-impenji tar-Riżoluzzjonijiet 1820, 1888, 1889 u 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hija kwistjoni komuni u hija responsabilità konġunta ta' kull Stat Membru tan-NU, kemm jekk ikun milqut minn kunflitti, kif ukoll jekk ikun donatur jew xorta oħra; billi f'dan ir-rigward għandha tinġibed l-attenzjoni għall-adozzjoni f'Diċembru 2008 tal-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, li hija sinjal politiku ċar li dawn huma prijoritajiet għall-Unjoni,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri jopponu bil-qawwa l-użu ta' attakki sesswali, intimidazzjoni u vittimizzazzjoni speċifika tan-nisa fil-Libja u l-Eġittu;

2.  Jikkundanna bl-aħrax it-“testijiet tal-verġinità” furzati mill-armata Eġizzjana fuq nisa li pprotestaw u sfaw arrestati fi Pjazza Tahrir u dan l-għemil iqisu inaċċettabbli, minħabba li jikkostitwixxi forma ta' tortura; jistieden lill-Kunsill Militari Suprem tal-Eġittu biex jieħu miżuri immedjati ħalli jtemm dan it-trattament degradanti u jiżgura li l-forzi kollha tas-sigurtà u l-armata jkunu mgħarrfa ċar u tond li t-tortura u kull trattament ħażin ieħor, inklużi t-“testijiet tal-verġinità” furzati, ma jistgħux ikunu ttollerati u se jiġu investigati bis-sħiħ;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jieħdu passi urġenti ħalli jwaqqfu t-tortura, jinvestigaw il-każijiet kollha tal-abbuż kontra dawk li jiddimostraw fil-paċi, u jwaqqfu l-prosekuzzjonijiet ta' persuni ċivili fi tribunali militari; huwa partikolarment imħasseb minħabba rapporti li waslu minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fejn jistqarru li minorenni sfaw arrestati u kkundannati minn tribunali militari;

4.  Jirrakkomanda li tiġi stabbilita inkjesta indipendenti biex min wettaq dawn l-atti jinżamm responsabbli, b'riferiment partikolari għal delitti, fit-tifsira tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, imwettqa minn Muammar Gaddafi; iqis li min jinsab responsabbli għal atti ta' dan it-tip irid jittella' quddiem il-ġustizzja u li jeħtieġ li n-nisa li jkunu rrappurtaw it-tali abbużi jitħarsu mir-rappreżalji;

5.  Jisħaq li kulħadd għandu jkun jista' jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar il-futur demokratiku ta' pajjiżu mingħajr ma jiġi arrestat, ittorturat jew sottopost għal trattamenti degradanti u diskriminatorji;

6.  Jemmen bis-sħiħ li t-tibdiliet li qed iseħħu fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani jeħtiġilhom jikkontribwixxu biex tintemm id-diskriminazzjoni tan-nisa u biex huma jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà b'ugwaljanza mal-irġiel u skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa ( CEDAW);

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li d-drittijiet ġenerali tan-nisa jiġu żgurati fl-istrutturi demokratiċi u legali ġodda ta' dawn is-soċjetajiet;

8.  Jenfasizza li r-rwol tan-nisa fir-rivoluzzjonijiet u fil-proċessi ta' demokratizzazzjoni għandu jiġi rikonoxxut, filwaqt li jsir enfasi fuq it-theddidiet speċifiċi li jiffaċċaw u l-ħtieġ li drittijiethom ikunu appoġġati u difiżi;

9.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu attivament, fit-tul, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament, l-iimplimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-istabbiliment fil-livell Ewropew ta' istituzzjonijiet u mekkaniżmi ta' kontroll provduti hemmekk, u lin-Nazzjonijiet Uniti biex jiżguraw l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni fil-livelli internazzjonali kollha;

10.  Jenfasizza li jeħtieġ li d-drittijiet tal-bniedem jiġu prijoritizzati f'miżuri tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) bħala parti integrali tal-proċess ta' demokratizzazzjoni, jisħaq fuq il-ħtieġa li l-esperjenza tal-UE rigward il-politika dwar l-ugwaljanza u l-ġlieda kontra l-vjolenza tal-ġeneru;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u li jiġu appoġġati azzjonijiet speċifiċi bil-għan li jintlaħaq approċċ effikaċi u sistematiku dwar l-ugwaljanza fil-pajjiżi tal-PEV; iħeġġeġ lill-gvernijiet u lis-soċjetà ċivili jqawwu l-inklużjoni soċjali tan-nisa, inklużi l-ġlieda kontra l-illitteriżmu u u l-promozzjoni tal-impjieg, u l-awtonomija finanzjarja tagħhom, biex jiżguraw preżenza sinifikanti tan-nisa fil-livelli kollha; jenfasizza li l-ugwaljanza trid issir parti integrali tal-proċess ta' demokratizzazzjoni u li, barra minn hekk, l-edukazzjoni tan-nisa u l-bniet għandha tkun prijorità, u għandha tinkludi sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom;

12.  Jitlob lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex ipoġġu fuq quddiem nett fl-aġenda tagħhom għat-taħditiet mal-pajjiżi tal-PEV tan-Nofsinhar il-prijoritajiet politiċi tal-UE dwar it-tneħħija tal-piena tal-mewt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem – inklużi d-drittijiet tan-nisa – u l-libertajiet fundamentali, flimkien mar-ratifika ta' għadd ta' strumenti legali internazzjonali, fosthom l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 83.
(2) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0439.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0064.
(5) Testi adottati, P7_TA(2011)0095.
(6) ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.
(7) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
(8) ĠUC 348 E, 21.12.2010, p. 11.


Rapport annwali tal-BEI għall-2009
PDF 400kWORD 84k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2009 (2010/2248 (INI))
P7_TA(2011)0156A7-0073/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BEI għall-2009 (Rapport dwar l-Attività u r-Responsabilità Korporattiva, Rapport Finanzjarju, Rapport Statistiku),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2008(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0073/2011),

L-istatut il-ġdid tal-BEI

1.  Jilqa' l-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, li jippermettu iktar flessibilità fil-finanzjament mill-BEI, inkluż: parteċipazzjonijiet fl-ekwità bħala komplement għall-attivitajiet ordinarji tal-Bank; il-possibilità ta' twaqqif ta' sussidjarji u entitajiet oħra, għar-regolament tal-hekk imsejħa attivitajiet speċjali u biex jipprovdu servizzi ta' assistenza teknika iktar wiesgħa; u t-tisħiħ tal-Kumitat tal-Verifika;

2.  Ifakkar fil-bidliet li saru bħala riżultat tat-Trattat ta' Lisbona, li jiċċaraw l-objettivi tal-finanzjament mill-BEI f'pajjiżi terzi, li jridu jappoġġaw il-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-interazzjoni tal-UE mal-bqija tad-dinja kif iddikjarat fl-Artikolu 3(5) TUE u kif ukoll jiggarantixxu l-appoġġ għall-għanijiet tal-azzjonijiet esterni tal-UE stipulati fl-Artikolu 21 TUE;

3.  Huwa konxju tat-talba minn xi Stati Membri li l-BEI jieħu aktar riskju fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan m'għandux jipperikola l-klassifikazzjoni AAA tal-BEI, fattur ewlieni li jippermettilu jipprovdi s-self tiegħu bl-aħjar kundizzjonijiet;

4.  Ifakkar li l-għan tal-BEI huwa li jappoġġa għanijiet tal-politika tal-UE u li huwa responsabbli quddiem il-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF u l-Istati Membri tal-UE, kif ukoll, fuq bażi volontarja, quddiem il-Parlament Ewropew;

5.  Jirrakkomanda, madanakollu, li jitqies is-suġġeriment li għandha tiġi introdotta superviżjoni regolatorja prudenzjali dwar il-kwalità tal-qagħda finanzjarja tal-BEI, il-kejl preċiż tar-riżultati tiegħu u l-konformità li jżomm mar-regoli ta' prattika kummerċjali tajba;

6.  Jipproponi li din is-superviżjoni regolatorja:

   tkun eżerċitata mill-Bank Ċentrali Ewropew fuq il-bażi tal-Artikolu 127(6) TFUE;
   jew, jekk dan ma jkunx possibbli u fuq il-bażi ta' approċċ volontarju mill-BEI, issir mill-Awtorità Bankarja Ewropea bil-parteċipazzjoni jew mingħajrha ta' regolatur nazzjonali jew iktar minn wieħed, jew minn awditur indipendenti;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament, sat-30 ta' Novembru 2011, b'analiżi ġuridika dwar l-għażliet possibbli għal superviżjoni prudenzjali tal-BEI;

8.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-BEI (fid-dawl tal-kwalita? tar-riżorsi umani tiegħu u tal-esperjenza tiegħu fil-finanzjament ta' infrastrutturi kbar), tibda twettaq proċess ta' analiżi strateġika tal-fondi tal-investimenti, li ma teskludi l-ebda ipoteżi possibbli, inklużi s-sussidji, il-liberazzjoni ta' somom sottoskritti mill-Istati Membri għall-kapital tal-BEI, sottoskrizzjonijiet mill-UE għall-kapital, is-self, l-istrumenti innovattivi, l-inġinerija finanzjarja adattata għall-proġetti fit-tul li ma jħallux profitt immedjat, l-iżvilupp ta' sistemi ta' garanzija, il-ħolqien ta' sezzjoni ta' investiment fi ħdan il-baġit tal-Unjoni, konsorzji finanzjarji bejn awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali u sħubijiet pubbliċi-privati tal-BEI;

9.  Ifakkar, madankollu, fit-twissjijiet u fit-tħassib tiegħu rigward il-fatt li parti mill-ġestjoni mill-BEI ta' programmi u fondi Ewropej ġiet eskluża mill-proċedura tal-kwittanza, u dan joħloq rekwiżiti speċifiċi ta' koordinament bejn il-Kummissjoni u l-BEI u minħabba f'hekk hu diffiċli li wieħed jikseb viżjoni kompleta tar-riżultati miksuba; jibqa' jinsisti fuq it-talba tiegħu li l-BEI jippreżenta informazzjoni sħiħa fuq ir-riżultati li jikseb: għanijiet stabbiliti u miksuba, raġunijiet għal nuqqas ta' suċċess u riżultati tal-valutazzjonijiet magħmula; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri ta' koordinament mal-BEI u l-effikaċja tagħhom;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tikseb dikjarazzjoni mill-BEI dwar attivitajiet b'effett multiplikatur sinifikanti li huma ggarantiti mill-baġit tal-UE;

11.  Jisħaq fuq il-fatt li, fl-aħħar tal-2009, il-garanziji mill-baġit tal-UE għas-self mogħti mill-BEI ammontaw għal EUR 19,2 biljun; jenfasizza li dan huwa ammont sinifikanti għall-Baġit tal-UE, u jistenna spjegazzjoni dettaljata tar-riskji involuti; hu tal-fehma li l-BEI għandu jispjega wkoll kif jintużaw l-interessi fuq is-self iġġenerat permezz ta' dawn il-garanziji sostanzjali;

12.  Jitlob spjegazzjoni ddettaljata tal-ispejjeż ta' amministrazzjoni li l-BEI rċieva mill-baġit tal-UE;

13.  Itenni l-proposta tiegħu biex l-Unjoni Ewropea tkun tista' ssir membru tal-BEI;

Il-finazjament mill-BEI fl-UE
Il-kriżi finanzjarja globali u l-implikazzjonijiet tagħha għall-BEI

14.  Jilqa' l-enfasi tal-Bank fuq it-tliet oqsma fejn il-kriżi laqtet lill-Ewropa bl-agħar mod, jiġifieri l-intrapriżi żgħar u medji, ir-reġjuni ta' konverġenza u l-azzjoni favur il-klima;

15.  Jirrikonoxxi r-rwol kritiku li għandu l-BEI fl-appoġġ għall-SMEs, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi finanzjarja u ta' diffikultajiet ekonomiċi, u jistiednu jiffaċilita l-interazzjoni tal-iskema tas-self globali tiegħu mal-għotjiet tal-Fondi Strutturali;

16.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-SMEs fl-ekonomija Ewropea u għalhekk jilqa' ż-żieda fil-finanzjament tal-BEI lill-SMEs tul l-2008 u l-2010, għal total ta' EUR 30,8 biljun, u jirrikonoxxi li dan l-ammont jaqbeż l-ammont tal-mira annwali li hu ta' EUR 7,5 biljun għal dan il-perjodu; jilqa' t-twaqqif tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress f'Marzu 2010 b'finanzjament ta' madwar EUR 200 miljun mill-Kummissjoni u mill-Bank; jenfasizza, madankollu, id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs meta jippruvaw jiksbu l-kreditu u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji; għal dan il-għan, jitlob li jkunu stabbiliti kundizzjonijiet ċari għall-finanzjament u kriterji iktar stretti dwar l-effikaċja tas-self għall-intermedjarji finanzjarji tiegħu; jitlob li l-BEI jkun obbligat li jirrapporta kull sena dwar is-self tiegħu lill-SMEs, u jinkludi evalwazzjoni tal-aċċessibilità u l-effikaċja ta' dan is-self u tal-miżuri diretti lejn l-ilħuq ta' rata ta' penetrazzjoni akbar;

17.  Jirrakkomanda li r-rwol tal-BEI fl-iżvilupp ikun aktar iffokat, selettiv u effikaċi, u orjentat lejn ir-riżultat; hu tal-fehma li biex jilħaq l-impriżi żgħar u medji, huwa għandu jissieħeb b'mod partikolari ma' intermedjarji finanzjarji li jaġixxu b'mod trasparenti u responsabbli u li huma marbuta mal-ekonomija lokali; iqis li fir-rigward ta' self lill-SMEs, il-BEI għandu jiżvela b'mod attiv l-informazzjoni fil-websajt tiegħu, b'mod partikolari l-ammont mogħti, in-numru ta' allokazzjonijiet magħmula s'issa, u r-reġjuni u s-setturi tal-industrija li ngħataw fondi; huwa tal-opinjoni li għandha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li l-intermedjarju finanzjarju għandu jissodisfa;

18.  Jilqa' l-fatt li kien miftiehem l-aċċess mill-BEI għal-likwidità tal-BĊE permezz tal-Bank Ċentrali tal-Lussemburgu bl-għan tal-faċilitazzjoni tal-programmi ta' self u tal-ġestjoni tal-likwidità tal-BEI;

19.  Jinnota li l-objettiv tal-konverġenza tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE huwa għan ewlieni tal-BEI; jenfasizza l-valur miżjud tal-azzjonijiet konġunti bejn il-BEI u l-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna teknika (JASPERS), li jipprovdu appoġġ addizzjonali u jservu ta' lieva għall-intervent tal-Fondi Strutturali;

20.  Iħeġġeġ lill-BEI biex ikompli jipprovdi lir-reġjuni koperti mill-Objettiv ta' Konverġenza bl-assistenza teknika u l-kofinanzjament li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jieħdu porzjon akbar mill-fondi li qiegħdin għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari għal proġetti fis-setturi ta' prijorità, bħas-settur tal-infrastruttura għat-trasport, u proġetti oħra li jtejbu t-tkabbir u l-impjiegi u proġetti li jagħmlu parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, skont standards soċjali, ta' trasparenza u ambjentali għoljin;

21.  Jistieden lill-BEI jikkonforma l-operazzjonijiet tiegħu bis-sħiħ mal-għan tal-UE ta' tranżizzjoni rapida lejn ekonomija b'użu baxx ta' karbonju u jadotta pjan għat-tneħħija gradwali ta' self għall-karburanti fossili, inkluż is-self tiegħu għall-impjanti mħaddma bil-faħam, u biex jirdoppja l-isforzi tiegħu biex iżid it-trasferiment ta' teknoloġiji dwar l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija effiċjenti;

22.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas persistenti ta' trasparenza fil-mod kif is-“self globali” jiġi allokat u mmonitorjat f'termini ta' goveranza tat-taxxa, u għalhekk iqis li hu neċessarju li jkun żgurat li min jirċievi s-self ma jużax rifuġji fiskali jew prattiki oħra ta' evażjoni tat-taxxa;

23.  Jitlob għal koerenza akbar bejn l-attivitajiet tal-BEI u l-FEI, notevolment sabiex l-orjentazzjoni tal-FEI toqrob iktar lejn l-objettivi tal-Ewropa 2020, u jitlob, f'dan ir-rigward, għall-qsim tax-xogħol bejn l-entitajiet u l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-karti tal-bilanċi rispettivi tagħhom;

24.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp tal-BEI biex jikkopera aktar mill-qrib mal-Kummissjoni fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni fir-rigward tat-tliet inizjattivi konġunti JESSICA, JEREMIE u JASMINE, li għandhom l-għan ta' politika ta' koeżjoni aktar effiċjenti u effikaċi kif ukoll it-tisħiħ tal-funzjoni ta' lieva tal-Fondi Strutturali; jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni msemmija hawn fuq uriet li hi utli u ta' benefiċċju, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika;

Il-finanzjament tal-BEI wara l-2013

25.  Huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li jiżdied sostanzjalment l-investiment strateġiku fit-tul fl-Ewropa, b'enfasi partikolari fuq oqsma ewlenin tal-infrastruttura u l-koeżjoni Ewropej; jitlob, f'dan ir-rigward, li:

   l-attivitajiet tal-Bank ikunu iktar trasparenti fil-konfront tal-Parlament,
   il-BEI jkun b'mod ċar responsabbli quddiem il-Parlament,
   l-istrumenti finanzjarji jintużaw b'mod immirat;

26.  Jinkoraġixxi lill-BEI biex jiżviluppa l-Istrateġija Operattiva tiegħu post 2013 skont l-Istrateġija Ewropa 2020;

27.  Jemmen li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha approċċ interessanti u pożittiv għall-istrumenti finanzjarji; sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tagħhom, jitlob lill-BEI u lill-Kummissjoni jżommu f'moħħhom l-objettivi li ġejjin: is-simplifikazzjoni tal-proċeduri u l-massimizzazzjoni tal-fatturi multiplikaturi u tal-effett katalittiku tal-Grupp tal-BEI sabiex ikunu attirati investituri pubbliċi u mis-settur privat;

28.  Jistieden lill-BEI biex ikompli jagħti rwol ewlieni lill-inizjattivi konġunti mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni; jirrikonoxxi r-rwol li dawn l-inizjattivi għandhom bħala katalisti għall-iżvilupp ulterjuri, inter alia fir-rigward tal-preparazzjoni tal-perjodu ta' programmar post 2013;

29.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jiddikjara klassifika ta' prijoritajiet fil-proġetti ta' investiment tiegħu, bl-użu ta' metodoloġiji bħall-analiżi tal-benefiċċju meta mqabbel mal-ispiża biex jintlaħaq l-ogħla effett possibbli ta' multiplikazzjoni tal-PGD;

30.  Jappoġġja l-partijiet interessati f'investiment ta' kwalità għolja bħall-BEI, partikolarment fid-dawl tal-għarfien espert tiegħu fl-użu ta' strumenti innovattivi bħalma huma l-Faċilità ta' Finanzjament Strutturat , il-Faċilità Finanzjarja b'Kondiviżjoni tar-Riskju (MFPR) u l-Faċilità Ewropea għal Trasport Nadif (ECTF);

31.  Jinkoraġġixxi l-estensjoni tal-prattika tat-taħlit tal-għotjiet tal-UE mas-self mill-BEI bħala mezz sabiex jiżdied l-effett ta' lieva fuq ir-riżorsi disponibbli, dment li l-istrumenti finanzjarji l-ġodda jkunu intelliġenti, integrati u flessibbli;

32.  Iqis li l-esperjenza estensiva fil-ħolqien u l-użu ta' strumenti finanzjarji matul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali għandha tippermetti kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-BEI li jmorru lil hinn mill-ambitu u l-użu attwali ta' dawn l-istrumenti u biex ikunu innovattivi billi jestendu l-firxa ta' prodotti offruti;

33.  Huwa tal-fehma li objettivi u oqfsa legali ċari u separati huma meħtieġa għal bonds maħruġa mill-BEI għall-finanzjament tiegħu stess, kif ukoll għal “bonds tal-proġetti” fil-futur;

34.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-BEI qed jiffinanzja lilu nnifsu b'suċċess billi joħroġ bonds komuni appoġġjati mill-Istati Membri tal-UE kollha;

35.  Jilqa' l-idea ta' “bonds għall-proġetti” bl-għan tat-tisħiħ tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ta' bonds maħruġa mill-kumpaniji nfushom fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jintużaw biex jiffinanzjaw it-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi tal-IT Ewropej u biex ikollna ekonomija li tirrispetta iktar lill-ambjent; jemmen li tali ħruġ ta' bonds għall-proġetti se jkollu impatt pożittiv fuq id-disponibilità tal-kapital għall-investiment sostenibbli għat-tkabbir u għat-titjib fil-qasam tal-impjiegi li jikkomplementaw l-investiment nazzjonali u tal-Fond ta' Koeżjoni; iqis li dan l-istrument għandu jtejjeb il-klassifikazzjoni tal-kreditu ta' proġetti magħżula u jattira finanzjament privat biex jikkomplementa l-investiment nazzjonali u tal-Fond ta' Koeżjoni;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni u għalhekk lill-BEI, biex jippreżentaw proposti konkreti biex joħolqu “bonds għall-proġetti”; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun involut bis-sħiħ fit-twaqqif ta' tali strumenti u jitlob li jitqies l-użu tal-baġit tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss bħala l-ewwel strument ta' koperatura tar-riskju b'limitu massimu, bil-BEI bħala finanzier subordinat;

37.  Jemmen li hemm ħtieġa ċara għall-appoġġ addizzjonali mill-BEI fl-oqsma li ġejjin: SMEs, kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u infrastruttura u proġetti oħra ta' tkabbir u tat-titjib tal-impjiegi bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020;

38.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jinvesti fit-trasport tal-merkanzija fis-settur ferrovjarju Ewropew kif ukoll f'Netwerks Trans-Ewropej oħra tat-trasport tal-merkanzija b'enfasi fuq il-portijiet tal-Mediterran, tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar Baltiku, sabiex jgħaqqadhom definittivament mas-swieq Ewropej;

39.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jipprovdi aktar appoġġ għall-bini tan-netwerk TEN-T, bl-għan li jiġi ġġenerat effett ta' lieva għal aktar investiment, kemm mis-settur pubbliku u kemm minn dak privat; iqis li, hawnhekk ukoll, il-“bonds għall-proġetti” jistgħu jaġixxu bħala strument ta' investiment komplementari flimkien mal-baġit fil-fond tat-TEN-T; iħeġġeġ biex l-investiment futur ikun ikkonċentrat fuq sezzjonijiet transkonfinali tan-netwerk TEN-T biex jiġi ottimizzat il-valur miżjud Ewropew iġġenerat;

40.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jinvesti fil-pajplajn tal-gass Nabucco u proġetti TEN-E importanti oħra li ser jippermettu li tkun issodisfata d-domanda futura għall-enerġija, li jkunu ddiversifikati l-pajjiżi fornituri tal-Ewropa, li tittejjeb it-taħlita tal-politiki tal-UE u li jkunu ssodisfati l-impenji ambjentali tal-Unjoni;

Il-finazjament mill-BEI barra l-UE
Ir-rwol tal-BEI fil-pajjiżi li se jissieħbu mal-UE

41.  Huwa tal-fehma li, bħala parti mill-attivitajiet tiegħu fil-pajjiżi ta' adeżjoni, il-BEI għandu jiffoka iktar fuq miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura ambjentali, TENs u TEN-Es, u l-PPPs, skont standards soċjali, ta' trasparenza u ambjentali għoljin, u li, skont l-objettivi tal-UE għall-klima, għandu jagħti prijorità lill-modi sostenibbli ta' trasport, b'mod partikolari l-ferroviji;

42.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi li se jissieħbu mal-UE, kif previst fl-Artikolu 18 il-ġdid tal-Istatut tal-Bank;

Ir-rwol tal-BEI fl-iżvilupp

43.  Jilqa' l-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona taħt l-Artikolu 209 KE (moqri flimkien mal-Artikolu 208 tal-imsemmi trattat), li jistipula li l-BEI għandu jikkontribwixxi, skont it-termini stipulati fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Komunità;

44.  Ifakkar li l-istrateġija u t-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 21 tat-TUE, għall-objettiv tal-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, għall-objettiv tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u għar-rispett tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent li għalihom aderew l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha; ifakkar li l-BEI għandu jiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, fl-istadji rilevanti kollha ta' kull proġett;

45.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-Persuni Għorrief (SCWP) li għandu jitqies l-iżvilupp ta' “Pjattaform tal-UE għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Esterni”; madankollu, iħeġġeġ lill-BEI u lil istituzzjonijiet oħra Ewropej biex jindirizzaw bir-reqqa l-fattibilità ta' dan l-approċċ il-ġdid u l-implikazzjonijiet tiegħu fit-tul għall-effettività globali tal-azzjoni esterni tal-UE biex ikun evitat li l-politiki ġenerali u l-għanijiet għall-iżvilupp jiddgħajfu bit-twaqqif ta' strumenti li jsir bla ebda valutazzjoni preliminari tal-għanijiet u l-prijoritajiet li dawn se jservu;

46.  Jilqa' d-deċiżjoni l-ġdida proposta għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-BEI ta' appoġġ għall-għanijiet tal-iżvilupp tal-UE, għas-sostituzzjoni tal-għanijiet reġjonali bl-għanijiet orizzontali ta' livell għoli u għall-iżvilupp ta' linji gwida operazzjonali għal kull reġjun skont il-mandat estern; ifakkar fil-ħtieġa li jkunu stabbiliti prijoritajiet ċari, inkluża l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura urbana, l-iżvilupp tal-muniċipalitajiet, u l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma propjetà lokali;

47.  Jirrakkomanda l-passi li ġejjin għat-tisħiħ tar-rwol tal-BEI fl-iżvilupp:

   l-allokazzjoni ta' numru akbar ta' persunal iddedikat u speċjalizzat b'għarfien espert fi kwistjonijiet ta' żvilupp u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll żieda fil-preżenza lokali tal-persunal fil-pajjiżi terzi;
   żieda fil-livell ta' parteċipazzjoni tal-atturi lokali fil-proġetti,
   kapital addizzjonali dedikat fil-qasam ta' proġetti bl-għan tal-iżvilupp,
   l-allokazzjoni ta' iktar għotjiet,
   l-esplorazzjoni tal-possibilità tar-raggruppar tal-attivitajiet tal-BEI f'pajjiżi terzi flimkien taħt entità waħda separata;

48.  Jirrakkomanda li l-BEI jiffoka fuq l-investiment fi proġetti ta' enerġija rinnovabbli f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'attenzjoni partikolari fuq l-Afrika sub-Saħarjana;

Il-kooperazzjoni bejn il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, reġjonali u nazzjonali

49.  Jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-banek multilaterali tal-iżvilupp, il-banek reġjonali tal-iżvilupp, l-aġenziji Ewropej tal-iżvilupp bilaterali u l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati finanzjarji minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandha tiżdied b'appoġġ għall-politiki tal-UE;

50.  Jemmen li kooperazzjoni akbar taħt l-istess kondizzjonijiet u bbażata fuq ir-reċiproċità ma' istituzzjonijiet finanzjarji reġjonali u nazzjonali hija meħtieġa sabiex ikun żgurat użu aktar effettiv tar-riżorsi u li jkunu fil-mira l-ħtiġijiet lokali speċifiċi;

51.  Jinkoraġġixxi l-iffirmar tal-Memorandum ta' Ftehim li bħalissa qed jiġi nnegozjat bejn il-BEI, il-BERŻ u l-Kummissjoni bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-pajjiżi komuni kollha ta' operazzjoni barra l-UE bl-għan doppju li s-self tagħhom ikun koerenti bejniethom u mal-għanijiet tal-politika tal-UE bħall-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ambjentali;

Ċentri finanzjarji offshore

52.  Jistieden lill-BEI jistabbilixxi kundizzjonijiet ta' finanzjament ċari għall-intermedjarji finanzjarji u jirrapporta dwar il-progress li seħħ fir-rigward tat-trasparenza u r-responsabilità miżjuda, b'mod partikolari fil-każ ta' self permezz ta' intermedjarji finanzjarji; iqis li l-BEI għandu jaġġorna u jagħmel aktar stretta l-politika tiegħu dwar iċ-ċentri finanzjarji offshore, u jmur lil hinn mill-parità tal-kundizzjonijiet attwali tal-listi tal-OKŻE u jqis il-ġurisdizzjonijiet kollha li jistgħu jippermettu l-iskansament u l-evażjoni fiskali;

53.  Huwa tal-fehma li mhux biżżejjed li wieħed joqgħod fuq il-lista tal-OKŻE ta' ċentri finanzjarji offshore u li l-listi rikonoxxuti internazzjonalment għandhom japplikaw sakemm l-UE tkun stabbiliet il-lista tagħha stess; iqis, madankollu, li l-BEI għandu jagħmel hu stess l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ indipendenti ta' ġurisdizzjonijiet rilevanti li ma jikkooperawx, u jippubblika regolarment ir-riżultati li jkollu, biex b'hekk jikkomplementa l-analiżi mil-Listi ta' Referenza internazzjonali u tal-UE;

54.  Huwa tal-fehma li l-BEI ma jistax jieħu sehem f'operazzjonijiet implimentati permezz ta' ġurisdizzjoni li ma tikkooperax, kif identifikata mill-OKŻE, il-FATF u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, kif ukoll mill-evalwazzjoni u l-monitoraġġ indipendenti tiegħu stess;

55.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu japplika l-politika aġġornata u ppubblikata tiegħu dwar il-pajjiżi u t-territorji li ma jikkoperawx u ċ-ċentri finanzjarji offshore biex jiżgura li l-operazzjonijiet tiegħu ma jikkontribwixxux għal xi forma ta' evażjoni tat-taxxa jew ħasil tal-flus;

56.  Jitlob lill-BEI biex jinkludi fir-Rapport Annwali tiegħu lill-PE d-dettalji relatati mal-implimentazzjoni tal-politika tiegħu dwar iċ-ċentri finanzjarji offshore, b'mod partikolari billi jirrapporta n-numru ta' applikazzjonijiet irrifjutati minħabba nuqqas ta' konformità u n-numru ta' rilokazzjonijiet li ġew mitluba u implimentati għal skopijiet ta' konformità;

57.  Jistieden lill-BEI biex itejjeb aktar l-iżvelar proattiv u f'waqtu ta' informazzjoni dwar il-proġetti, inklużi l-evalwazzjonijiet tiegħu tal-impatti soċjali, ambjentali, fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-iżvilupp tal-proġett, rapporti ta' monitoraġġ u rapporti ta' evalwazzjoni ex-post;

o
o   o

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Grupp tal-Bank Dinji, lill-banek reġjonali tal-iżvilupp kollha, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 135.
(2) ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 147.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0223.


Il-każ ta' Ai WeiWei fiċ-Ċina
PDF 208kWORD 40k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar Ai Weiwei
P7_TA(2011)0157RC-B7-0274/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fil-leġiżlatura attwali dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi mewġa ta' sejħiet fuq l-internet għal “Rivoluzzjoni Jasmine” Ċiniża (ispirata minn żviluppi politiċi fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fil-Libja) irriżultat f'serje ta' azzjonijiet u ta' ripressjoni mifruxa min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi, fuq attivisti u dissidenti tad-drittijiet tal-bniedem,

B.  billi l-artist u kritiku tar-reġim rinomat internazzjonalment, Ai Weiwei, qatt ma deher aktar minn meta ġie detenut waqt li kien qiegħed jgħaddi minn kontrolli ta' sigurtà fl-ajruport ta' Beijing, nhar il-Ħadd it-3 April 2011,

C.  billi, flimkien mad-detenzjoni tiegħu, kien hemm rapporti li sar rejd mill-pulizija fuq l-uffiċċju tiegħu, li matulu kkonfiskaw diversi oġġetti,

D.  billi Ai Weiwei dan l-aħħar ġie impedit milli jivvjaġġa lejn Oslo biex jattendi ċ-ċerimonja tal-Premju Nobel għall-Paċi u nżamm taħt arrest domiċiljari wara l-ftuħ tal-wirja tiegħu taż-żerriegħa tal-ġirasol fl-Londra, u wara li l-uffiċċju tiegħu ġie sakkeġġat f'Shanghai,

E.  billi Ai Weiwei huwa magħruf sew barra miċ-Ċina, iżda ġie impedit, bħala artist, li juri l-wirjiet tiegħu fiċ-Ċina, għalkemm ix-xogħol tiegħu sar magħruf minħabba d-disinn bi sħab tiegħu tal-istadju Olimpiku bl-isem “Bird's Nest”,

F.  billi Ai Weiwei kiseb prominenza nazzjonali u internazzjonali meta ppubblika l-ismijiet tal-vittmi tfal tat-terremot ta' Sichuan u sussegwentement ġie msawwat minn persuni mhux magħrufa, bil-konsegwenza li kellu jiddaħħal l-isptar fil-Ġermanja,

G.  billi Ai Weiwei huwa wieħed mill-firmatarji l-aktar prominenti tal-Karta 08, petizzjoni li tħeġġeġ liċ-Ċina biex tkompli għaddejja fid-direzzjoni tar-riforma politika u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

1.  Jikkundanna d-detenzjoni inġustifikabbli u inaċċettabbli tal-kritiku tar-reġim u tal-artist rinomat internazzjonalment, Ai Weiwei;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ai Weiwei u jesprimi s-solidarjetà tiegħu għall-azzjonijiet u l-inizjattivi paċifiċi tiegħu favur riformi demokratiċi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jenfasizza li l-pulizija irrifjutaw li jagħtu informazzjoni lil mara ta' Ai Weiwei, dwar ir-raġuni wara d-detenzjoni tiegħu;

4.  Jenfasizza li d-detenzjoni ta' Ai Weiwei hija karatteristika ta' ripressjoni reċenti mifruxa fuq attivisti u dissidenti tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, fejn saru għadd kbir ta' arresti, ingħataw sentenzi ta' ħabs eċċessivi, u kien hemm żieda fis-sorveljanza personali u żieda fir-restrizzjonijiet ripressivi fuq ġurnalisti barranin;

5.  Jistieden lill-VP/HR, Catherine Ashton, biex tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fuq l-aktar livell għoli, waqt il-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Ċiniżi, - inkluż il-kundanna ta' ħabs riċenti ta' Liu Xianbin għal 10 snin u ta' Liu Xiaobo għal 11-il sena kif ukoll, pereżempju, il-każijiet ta' Liu Xia, Chen Guangcheng, Gao Zhisheng, Liu Xianbin, Hu Jia, Tang Jitian, Jiang Tianyong, Teng Biao, Liu Shihui, Tang jingling, Li Tiantian, Ran Yunfei, Ding Mao u Chen Wei, filwaqt li jinnota wkoll bi tħassib il-kundizzjonijiet ripressivi li taħthom qegħdin jgħixu n-nisa jew l-irġiel taghħom kif ukoll il-familji tagħhom - u biex tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar dawk il-każijiet wara d-djalogu politiku ta' livell għoli li ġej bejn l-UE u ċ-Ċina, li fih se jipparteċipa l-VP/RGħ;

6.  Jieħu nota li r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina għadu kwistjoni gravi; jenfasizza l-bżonn li ssir valutazzjoni komprensiva tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, inkluż tas-seminar legali dwar drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, sabiex tiġi ġudikata l-metodoloġija applikata u l-progress miksub s'issa;

7.  Jitlob lid-Delegazzjonijiet tiegħu għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex iqajmu u jindirizzaw sew il-kwistjoni ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward, b'mod partikolari, għall-każijiet elenkati f'din ir-riżoluzzjoni fil-laqgħa interparlamentari li jmiss;

8.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tikkunsidra mill-ġdid dak id-djalogu sabiex isir effettiv u orjentat lejn il-ksib tar-riżultati, u biex tieħu l-passi kollha meħtieġa għall-organizzazzjoni rapida tad-djalogu li jmiss dwar id-drittijiet tal-bniedem, li matulu se jitqajmu dawk il-każijiet flimkien ma' każijiet oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, imsemmija fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

9.  Ifakkar li ċ-Ċina ilha taħt partit uniku mill-1949, u f'dan il-kuntest ta' żvilupp politiku riċenti, u fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina li qed tiddeterjora, isostni li l-partijiet politiċi fl-UE għandhom jikkunsidraw mill-ġdid ir-relazzjonijiet tagħhom;

10.  Huwa tal-fehma li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom ikunu akkumpanjati mill-iżvilupp ta' djalogu politiku, ġenwin, produttiv u effettiv u jitlob li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jagħmel parti integrali mill-ftehim ta' qafas ġdid li issa qed jiġi nnegozjat maċ-Ċina;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-VP/RGħ tal-UE, lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni, u lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Assemblea Nazzjonali Popolari tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.


Projbizzjoni tal-elezzjoni tal-Gvern Tibetan eżiljat fin-Nepal
PDF 209kWORD 42k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar il-projbizzjoni tal-elezzjonijiet għall-gvern tat-Tibet eżiljat fin-Nepal
P7_TA(2011)0158RC-B7-0263/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar in-Nepal(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar it-Tibet(2),

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Mejju 2010 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar is-sitwazzjoni politika fin-Nepal,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-okkupazzjoni tat-Tibet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tipprevjeni lit-Tibetani milli jeliġġu r-rappreżentanti tagħhom fit-territorju tat-Tibet b'mod demokratiku,

B.  billi “l fuq minn 82 000 Tibetan eżiljat madwar id-dinja ġew mistiedna jivvutaw fl-20 ta' Marzu 2011 biex jeliġġu l-Kalon Tripa (Prim Ministru) l-ġdid tal-gvern Tibetan eżiljat,

C.  billi eluf ta' Tibetani fin-Nepal ma ngħatawx il-permess biex jivvutaw mill-awtoritajiet tan-Nepal f'Kathmandu, taħt pressjoni dejjem ikbar min-naħa tal-gvern Ċiniż,

D.  billi diġà matul rawnd preċedenti ta' votazzjonijiet fin-Nepal fit-3 ta' Ottubru 2010, il-pulizija ta' Kathmandu kkonfiskat il-kaxxi tal-voti u għalqet is-siti ta' votazzjoni tal-komunità Tibetana,

E.  billi fl-10 ta' Marzu 2011, id-Dalai Lama ħabbar li kien se jabbanduna b'mod formali r-rwol tiegħu ta' mexxej politiku fil-gvern Tibetan eżiljat, li huwa bbażat f'Dharamsala, fl-Indja, sabiex tissaħħaħ l-istruttura demokratika tal-moviment Tibetan lejliet l-elezzjonijiet biex tintgħażel ġenerazzjoni ġdida ta' mexxejja politiċi Tibetani,

F.  billi l-Gvern tan-Nepal iddikjara li protesti min-naħa tat-Tibetani jmorru kontra l-politika ta' “Ċina Waħda”, tenna l-impenn tiegħu li ma jippermettix attivitajiet “kontra Pekin” fit-territorju tiegħu u b'hekk impona projbizzjoni ġenerali fuq il-moviment ta' gruppi Tibetani bl-għan li jikkuntenta lill-awtoritajiet Ċiniżi,

G.  billi l-awtoritajiet Nepaliżi, partikolarment il-pulizija, bosta drabi ġew irrappurtati li kisru d-drittijiet tal-bniedem bħal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni tat-Tibetani eżiljati fin-Nepal; billi dawn id-drittijiet huma garantiti għall-persuni kollha fin-Nepal minn konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom in-Nepal huwa pajjiż firmatarju, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

H.  billi s-sitwazzjoni ġenerali ta' ħafna refuġjati fin-Nepal, b'mod partikolari t-Tibetani, hija kawża ta' tħassib,

I.  billi l-UE tenniet l-impenn tagħha li tappoġġa governanza demokratika u parteċipattiva fir-relazzjonijiet esterni tal-UE permezz tal-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Appoġġ Demokratiku fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE tas-17 ta' Novembru 2009,

1.  Jenfasizza d-dritt ta' parteċipazzjoni f'elezzjonijiet demokratiċi bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini kollha, li għandu jinżamm, jiġi protett u garantit f'kull stat demokratiku;

2.  Jistieden lill-Gvern Nepaliż biex irawwem id-drittijiet demokratiċi tal-poplu Tibetan, li għaddej minn proċess uniku ta' elezzjoni interna li ilu jeżisti mill-1960, biex jorganizzaw u jipparteċipaw f'elezzjonijiet demokratiċi;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet demokratiċi paċifiċi biex tissaħħaħ u tiġi ppreservata l-identità Tibetana kemm ġewwa kif ukoll barra t-territorju tat-Tibet;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Nepaliżi jirrispettaw id-drittijiet tat-Tibetani fin-Nepal għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni kif inhuma garantiti għall-persuni kollha fin-Nepal minn konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom in-Nepal huwa pajjiż firmatarju;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet biex ma jibqgħux jagħmlu arresti u restrizzjonijiet fuq il-protesti u fuq il-libertà tal-espressjoni, li jimpedixxu d-dritt għal espressjoni demokratika leġittima u assemblea matul l-attivitajiet kollha li jsiru fil-komunità Tibetana fil-pajjiż u jħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jinkludi dawn id-drittijiet u jiżgura libertà reliġjuża fil-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tiġi dekretata sat-28 ta' Mejju 2011;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet Nepaliżi jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġijiet interni tagħhom stess fil-mod kif jittrattaw il-komunità Tibetana, u jħeġġeġ lill-gvern jirreżisti l-pressjoni qawwija li qed issirlu mill-Gvern Ċiniż biex isikket lill-komunità Tibetana fin-Nepal permezz ta' restrizzjonijiet li mhux biss mhumiex ġustifikati iżda huma wkoll illegali skont il-liġi interna u internazzjonali;

7.  Iqis li l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Informali dwar ir-refuġjati Tibetani mill-awtoritajiet Nepaliżi hija essenzjali biex jinżamm il-kuntatt bejn il-UNHCR u l-komunitajiet Tibetani;

8.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex, permezz tad-delegazzjoni tiegħu f'Kathmandu, jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni politika fin-Nepal, speċjalment it-trattament tar-refuġjati Tibetani u r-rispett għall-kostituzzjonalità u d-drittijiet internazzjonali, u jħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-UE tindirizza t-tħassib dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Gvern Nepaliż biex jimblokka l-elezzjonijiet Tibetani, mal-awtoritajiet Nepaliżi u Ċiniżi;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern tan-Nepal u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0245.
(2) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 463.


Iż-Żimbabwe
PDF 214kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' April 2011 dwar iż-Żimbabwe
P7_TA(2011)0159RC-B7-0265/2011

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe, li l-aktar waħda reċenti kienet dik tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar tkeċċijiet furzati fiż-Żimbabwe(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK(2) tal-15 ta' Frar 2011 li ġġedded sal-20 ta' Frar 2012 il-miżuri restrittivi imposti kontra ż-Żimbabwe skont il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK(3), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1226/2008(4) tat-8 ta' Diċembru 2008, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar iż-Żimbabwe li saret mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Livingstone tal-31 ta' Marzu 2011 tas-Samit tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) Trojka ta' Entitajiet dwar it-tliet suġġetti tal-Politika, id-Difiża u l-Kooperazzjoni għas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Globali (FPG) li ħoloq il-Gvern ta' Unità Nazzjonali taż-Żimbabwe (GUN) fi Frar 2009,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ż-Żimbabawe rratifika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fix-xhur li għaddew kien hemm żieda ġmielha fl-intimidazzjoni, l-arresti arbitrarji, u l-għajbien ta' avversarji politiċi ta' Zanu-BF, filwaqt li ġew attakkati ħafna membri tal-MDC, diversi Membri Parlamentari tal-MDC, u membri ewlnein tat-tmexxija tal-MDC, bħall-Ministru tal-Enerġija Elton Mangoma, il-Koministru tal-Affarijiet Barranin Theresa Makone u l-Ispiker imkeċċi tal-Parlament taż-Żimbabwe Lovemore Moyo,

B.  billi l-Prim Ministru taż-Żimbabwe, Morgan Tsvangirai, ikkonferma huwa stess li l-President Robert Mugabe u l-partit Zanu-PF naqsu milli jonoraw it-termini tal-FPG tal-2009 u li qed jintimidaw vjolentement lil membri tal-MDC-T u tal-MDC-M tal-GUN,

C.  billi fis-sentejn li għaddew il-GUN bata biex iġib l-istabbiltà fil-pajjiż u naqas milli jwitti t-triq għal tranżizzjoni demokratika permezz ta' elezzjonijiet kredibbli, minħabba x-xkiel apposta min-naħa ta' Zanu-PF; billi s-sitwazzjoni politika, ekonomika u umanitarja diġà tal-biża' fiż-Żimbabwe marret konsiderevolment għall-agħar minn Diċembru 2010,

D.  billi s-servizzi tas-sigurtà taż-Żimbabwe ddeċidew reċentement li jidħlu għalgħarrieda fl-uffiċċji ta' diversi NGOs (Forum tal-NGOs għad-Drittijiet tal-Bniedem, Koalizzjoni tal-Kriżi fiż-Żimababwe) kif ukoll fil-kwartieri ġenerali tal-MDC, ikkonfiskaw dokumentazzjoni tal-NGOs u żammew arbitrarjament lil persunal tal-NGOs u tal-partit MDC għall-interrogazzjoni, biex imbagħad ħelsuhom bla akkuża,

E.  billi Jenni Williams u Magodonga Mahlangu, żewġ mexxejja tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili “Women of Zimbabwe Arise” (WOZA), kif ukoll Abel Chikomo, Direttur tal-Forum tal-NGOs għad-Drittijiet tal-Bniedem, u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem, affaċċjaw fastidju sistematiku mill-pulizija,

F.  billi fid-19 ta' Frar 2011, 46 attivist tas-soċjetà ċivili ġew arrestati mis-servizzi tas-sigurtà b'akkużi ta' tradiment talli organizzaw wiri pubbliku ta' vidjow li juri l-irvellijiet popolari reċenti fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani; billi, waqt li kienu qed jinżammu taħt kustodja, uħud minn dawn l-attivisti ngħataw xebgħa, ġew ittorturati, u nżammu f'ċelel waħedhom,

G.  billi d-dritt tal-MDC li jorganizza dimostrazzjonijiet politiċi ġie llimitat mis-servizzi tas-sigurtà taż-Żimbabwe, filwaqt li Zanu-PF għadu liberu li jorganizza dimostrazzjonijiet politiċi, fatt li huwa ksur dirett tal-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe,

H.  billi attwalment Zanu-PF qed imexxi kampanja nazzjonali vjolenti biex iċ-ċittadini taż-Żimbabwe jiġu furzati jiffirmaw petizzjoni li titlob l-irtirar ta' miżuri restrittivi internazzjonali li huma fis-seħħ kontra membri ewlenin tal-klikka ta' Mugabe; jinnota li min irrifjuta li jiffirma l-petizzjoni ngħata xebgħa jew intefa' l-ħabs brutalment,

I.  billi l-“miżuri restrittivi” huma mmirati speċifikament kontra 163 membru ewlieni tar-reġim esplojtattiv ta' Mugabe u kontra min għen biex jappoġġjah, u m'għandhomx impatt fuq il-poplu taż-Żimbabwe b'mod aktar ġenerali, jew fuq l-ekonomija taż-Żimbabwe,

J.  billi l-UE, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja u l-Kanada għadhom preokkupati dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-artijiet tad-djamanti ta' Chiadzwa (Marange), b'mod partikolari b'rabta ma' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn membri tas-servizzi tas-sigurtà taż-Żimbabwe, u għaldaqstant huma riluttanti li jagħtu ċ-ċertifikazzjoni tal-Proċess ta' Kimberley lid-djamanti li joriġinaw minn Chiadzwa,

K.  billi ż-Żimbabwe għadu fqir ħafna wara snin ta' ġestjoni ekonomika ħażina mir-reġim ta' Mugabe u għadu jirċievi għajnuna umanitarja kbira kif ukoll għajnuna oħra, kemm mill-UE kif ukoll mir-Renju Unit, l-Olanda, il-Ġermanja, Franza, u d-Danimarka, kif ukoll mill-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja u n-Norveġja, għajnuna li tipprovdi l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi ta' proporzjon kbir tal-popolazzjoni taż-Żimbabwe,

L.  billi l-Prim Ministru taż-Żimbabwe ħeġġeġ lill-UE ma taċċettax il-kredenzjali ta' Margaret Muchada, l-Ambaxxatriċi nnominata taż-Żimbabwe għall-UE, billi n-nomina unilaterali tagħha mill-President Mugabe tikser il-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe u t-termini tal-FPG,

1.  Jitlob li jintemmu minnufih il-fastidju, il-vjolenza u l-arresti kollha mmotivati politikament min-naħa tas-servizzi tas-sigurtà statali u mill-milizzji taż-Żimabawe li jew huma kkontrollati direttament minn Mugabe u l-partit Zanu-PF, jew li huma leali lejhom; jenfasizza li min hu responsabbli għal tali abbużi u ksur irid jinżamm responsabbli;

2.  Jinsisti li l-poplu taż-Żimbabwe għandu jingħata l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, li kull intimidazzjoni ta' politikanti u ta' attivisti tas-soċjetà ċivili (b'mod partikolari ta' attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem) għandha tieqaf, u li kull rappreżentant elett, irrispettivament mit-twemmin politiku, kif ukoll l-NGOs, l-attivisti politiċi, l-istampa u ċ-ċittadini ordinarji għandhom ikunu jistgħu jesprimu liberament l-opinjonijiet tagħhom mingħajr biża' ta' persekuzzjoni vjolenti, priġunerija arbitrarja jew tortura;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet ta' kull min ġie arrestat arbitrarjament, b'mod partikolari l-uffiċjali u l-partitarji tal-MDC; jikkundanna l-kundizzjonijiet kollha ta' arrest u detenzjoni li jmorru kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom attivament mal-UA u mas-SADC, u b'mod partikolari mal-Afrika t'Isfel, biex jiżguraw li ma jkunx hemm intimidazzjoni u vjolenza b'rabta mal-elezzjonijiet futuri fiż-Żimbabwe; madankollu, huwa tal-fehma li elezzjoni bikrija mhijiex se ssolvi kwistjonijiet pendenti rigward ir-riforma politika u ekonomika; iqis li kull elezzjoni għandha tkun ibbażata fuq normi internazzjonali, inklużi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u tal-moviment, filwaqt li jintemmu minnufih il-fastidju u d-detenzjoni ta' individwi minħabba l-fehmiet politiċi tagħhom;

5.  Jilqa' l-Communiqué ta' Livingstone tal-31 ta' Marzu 2011 tat-Trojka tal-SADC u jħeġġeġ lill-SADC tkun minn ta' quddiem biex tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tal-Communiqué jiġu implimentati bis-sħiħ mill-partiti kollha fiż-Żimbabwe, bl-għan li jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-pajjiż;

6.  Jistieden lill-partiti politiċi taż-Żimbabwe jilħqu ftehim dwar pjan direzzjonali biex isiru elezzjonijiet ħielsa, ġusti u b'osservazzjoni internazzjonali fiż-Żimbabwe;

7.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha taż-Żimbabwe biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fit-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' riforma kostituzzjonali, bl-għan li Kostituzzjoni ġdida għaż-Żimbabwe, li tkun aċċettabbli għall-poplu taż-Żimbabwe, tkun fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet li jmiss;

8.  Jilqa' t-tiġdid reċenti (fi Frar 2011) tal-lista tal-UE ta' individwi u entitajiet pprojbiti b'rabtiet mar-reġim ta' Mugabe; jenfasizza li dawn il-miżuri restrittivi huma mmirati biss lejn il-kleptokrazija taż-Żimbabwe u mhuma se jkollhom impatt bl-ebda mod fuq il-poplu kollu taż-Żimbabwe;

9.  Iħeġġeġ lill-UE żżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi tagħha kontra individwi u entitajiet b'rabtiet mar-reġim ta' Mugabe sakemm ikun hemm evidenza reali ta' bidla għall-aħjar fiż-Żimbabwe; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jispjegaw din ir-realtà fiż-Żimbabwe u internazzjonalment, u jkunu aktar attivi biex iżidu l-appoġġ favur bidla rapida lejn id-demokrazija reali u l-progress ekonomiku fil-pajjiż;

10.  Jistieden lill-UE tirrifjuta li taċċetta kull Ambaxxatur taż-Żimbabwe għall-UE li ma jkunx maħtur abbażi ta' proċess kostituzzjonali xieraq u b'konformità mal-FPG;

11.  Jinsisti li l-awtoritajiet taż-Żimbabwe għandhom jonoraw l-obbligi tagħhom tal-Proċess ta' Kimberley, jiddemilitarizzaw għalkollox l-artijiet tad-djamanti ta' Marange, u jdaħħlu t-trasparenza rigward il-qligħ mill-produzzjoni tad-djamanti;

12.  Ifaħħar lill-UE u lil dawk l-Istati Membri u pajjiżi oħra li għadhom jipprovdu finanzjament bħala appoġġ dirett lill-poplu taż-Żimbabwe; filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li tali appoġġ jibqa' jiġi trażmess permezz ta' NGOs bona fide, li jkun immirat sew u li jingħata rendikont xieraq tiegħu, filwaqt li jiġu evitati l-aġenziji tal-gvern;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvernijiet tal-pajjiżi tal-G8, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti taż-Żimbabwe u l-Afrika t'Isfel, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Presidenti tal-Kummissjoni u l-Kunsill Eżekuttiv tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali u lill-Gvernijiet tal-SADC u l-Forum Parlamentari tal-SADC.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0388.
(2) ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6.
(3) ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66.
(4) ĠU L 331, 10.12.2008, p. 11.

Avviż legali - Politika tal-privatezza