Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 14 ta' April 2016 - Strasburgu
L-ebda oġġezzjoni għal Att Delegat: regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
 Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u l-moviment liberu ta’ dik iddejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) ***II
 Il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew leżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Direttiva) ***II
 L-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (UE PNR) ***I
 Il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore
 Il-Honduras: is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
 In-Niġerja
 Il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u liżvelar illegali tagħhom ***I
 L-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017
 Ir-rapport 2015 dwar it-Turkija
 Ir-Rapport 2015 dwar l-Albanija
 Ir-Rapport 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina
 L-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji
 Is-settur privat u l-iżvilupp

L-ebda oġġezzjoni għal Att Delegat: regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
PDF 257kWORD 73k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir l-ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2016 li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (C(2016)01934 – 2016/2639(DEA))
P8_TA(2016)0124B8-0452/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jikkoreġi r-Regolament Delegat (C(2016)01934),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2016, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li ma kien se jqajjem l-ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta' April 2016 tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 160 u l-Artikolu 284(5) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-ebda oġġezzjoni ma tqajjmet fil-perjodu stipulat fit-tielet u r-raba' inċiż tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li skada fit-13 ta' April 2016,

A.  billi, wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446(2), instab li kien hemm żewġ żbalji;

B.  billi l-ewwel żball jikkonċerna l-preżunzjoni ta' dikjarazzjoni doganali stabbilita fl-Artikolu 139 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 għal uħud mit-tipi ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 136(1) ta' dak ir-regolament delegat; billi l-ordni tal-prodotti elenkata fl-Artikolu 136 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 kien mibdul matul ir-rieżami finali tar-regolament delegat qabel ma ġie adottat, iżda, bi żball, ir-referenzi għal dawk il-prodotti fl-Artikolu 139 ta' dak ir-regolament delegat ma kinux aġġornati; billi, r-referenza kkonċernata għandha tiġi korretta;

C.  billi t-tieni żball jikkonċerna l-Artikolu 141(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446; billi l-punt (b) tal-Artikolu 233(1) attwalment applikabbli tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93(3), li jipprevedi l-possibbiltà, f'għadd ta' każijiet limitati u speċifiċi ħafna, li jikkunsidra l-qsim tal-fruntiera bħala dikjarazzjoni ta' importazzjoni, esportazzjoni jew esportazzjoni mill-ġdid temporanji, bi żball ma ġiex inkluż fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 2015/2446 u billi, b‘ riżultat ta dan, ma hemm l-ebda possibbiltà li jiġu ddikjarati ċerti prodotti bl-att uniku tal-qsim tal-fruntiera tat-territorju doganali tal-Unjoni; billi l-Artikolu 141(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 għandu għalhekk jiġi kkoreġut;

D.  billi dawn iż-żewġ żbalji jaffettwaw il-flussi tal-kummerċ u ser ikollhom impatt negattiv ħafna fuq l-awtoritajiet doganali u fuq il-kummerċanti, jekk ma jiġux ikkoreġuti qabel l-1 ta' Mejju 2016, meta d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 isiru applikabbli;

E.  billi r-regolament delegat jista' jidħol fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu stabblilit għall- iskrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw; billi l-perjodu ta' skrutinju ġie stabbilit, skont l-Artikolu 284(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għal xagħrejn mid-data ta' notifika, jiġifieri, sal-5 ta' Ġunju 2016, u jista' jiġi estiż sa xagħrejn oħra;

F.  billi, madankollu, għal raġunijiet ta' urġenza l-Kummissjoni, fil-11 ta' Marzu 2016 talbet konferma bikrija tar-regolament delegat qabel l-1 ta' Mejju 2016 mill-Parlament;

1.  Jiddikjara li m'għandu l-ebda oġġezzjoni għar-regolament delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u l-moviment liberu ta’ dik iddejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) ***II
PDF 327kWORD 65k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwaril-moviment liberu ta' dik id-data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Data Ġenerali) (05419/1/2016 – C8-0140/2016 – 2012/0011(COD))
P8_TA(2016)0125A8-0139/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05419/1/2016 – C8-0140/2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati​ ppreżentati mill-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana, il-Bundesrat Ġermaniż, is-Senat Franċiż, il-Kamra tad-Deputati tal-Italja u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Mejju 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-7 ta' Marzu 2012(3) u tad-19 ta' Novembru 2015(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2016)0214),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(5) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0139/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.
(2) ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127.
(3) ĠU C 192, 30.6.2012, p. 7.
(4) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 13.
(5) Testi adottati, 12.3.2014, P8_TA(2014)0212.


Il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew leżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Direttiva) ***II
PDF 328kWORD 66k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u l-moviment liberu ta' dik id-data u li jħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (05418/1/2016 – C8-0139/2016 – 2012/0010(COD))
P8_TA(2016)0126A8-0138/2016
RETTIFIKI

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05418/1/2016 – C8-0139/2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Bundesrat Ġermaniż u mill-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2012(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-7 ta' Marzu 2012(2) u tad-19 ta' Novembru 2015(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2016)0213),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(4) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0138/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127.
(2) ĠU C 192, 30.6.2012, p. 7.
(3) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 13.
(4) Testi adottati, 12.3.2014, P8_TA(2014)0219.


L-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (UE PNR) ***I
PDF 496kWORD 104k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u delitti serji (COM(2011)0032 – C7-0039/2011 – 2011/0023(COD))
P8_TA(2016)0127A8-0248/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0032),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0039/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet imressqa mill-Parlament Bulgaru, is-Senat Ċek, il-Bundesrat Ġermaniż, is-Senat Taljan, is-Senat Olandiż, il-Kunsill Nazzjonali Awstrijakk, il-Parlament Portugiż u s-Senat Rumen dwar l-abbozz tal-att leġiżlattiv,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew tal-5 ta' Mejju 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-25 ta' Marzu 2011(2),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2014 fil-Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12, Digital Rights Ireland u Seitlinger et(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(4),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Diċembru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 188 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0150/2013),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba' leġiżlatura parlamentari,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0248/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' April 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja

P8_TC1-COD(2011)0023


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2016/681.)

(1) ĠU C 218, 23.7.2011, p. 107.
(2) ĠU C 181, 22.6.2011, p. 24.
(3) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2014, Digital Rights Ireland u Seitlinger et, Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12, ECLI:UE:C:2014:238.
(4) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


Il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore
PDF 276kWORD 91k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore (2016/2644(RSP))
P8_TA(2016)0128RC-B8-0466/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tas-27 ta' Marzu 2016 dwar l-attakk f'Lahore fil-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, tad-29 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, tas-27 ta' Marzu 2016 dwar l-attakk bil-bombi fil-Pakistan u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar l-attakk fl-Università ta' Bacha Khan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-28 ta' Marzu 2016 dwar l-attakki terroristiċi f'Lahore, fil-Pakistan,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi, Rita Izsák-Ndiaye, dwar id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-mibegħda kontra l-minoranzi fil-midja, tal-5 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Malala Yousafzai, tas-27 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, Gabriela Knaul, tal-4 ta' April 2013, u r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju tas-26 ta' Frar 2013 dwar il-missjoni tiegħu lejn il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, kif riveduti fit-12 ta' April 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pakistan, tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin ta' Marzu 2012 bejn l-UE u l-Pakistan, li jinkludi prijoritajiet bħal governanza tajba u djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-Tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan tal-25 ta' Marzu 2014, li hu relatat mill-qrib ma' dan il-Pjan ta' Impenn,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew twemmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja għall-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Marzu 2016, f'żona tal-logħob tat-tfal fil-Ġnien ta' Gulshan-e-Iqbal f'Lahore, attakk suwiċida bil-bombi kkawża l-mewt ta' aktar minn 73 persuna u darab aktar minn 300, inklużi ħafna nisa u tfal; billi l-grupp Iżlamist terroristiku Jamaat-ul-Ahrar ħa r-responsabbiltà għall-attakk, u qal li l-Insara kienu l-mira intenzjonali tiegħu; billi madanakollu l-parti l-kbira tal-persuni midruba u maqtula kienu Musulmani u kollha kienu Pakistani;

B.  billi fil-ħin tal-attakk terroristiku kienu qed isiru dimostrazzjonijiet vjolenti f'Islamabad, fejn il-partitarji ta' Mumtaz Qadri, il-qattiel ikkundannat tal-Gvernatur Salam Taseer, kienu qed jeżiġu li tiġi ġġustizzjata Asia Bibi, il-mara akkużata bi blasfemja u kkundannata għall-mewt, li l-Gvernatur Taseer kien iddefenda l-każ tagħha; billi għexieren ta' eluf ta' nies attendew il-funeral ta' Qadri wara li ngħata l-forka, waqt li sellmulu bħala eroj, u ġew iċċirkolati ritratti fuq il-midja soċjali; billi l-imħallef li ta l-ewwel kundanna lil Qadri kellu jaħrab mill-pajjiż minħabba theddid ta' mewt;

C.  billi xi gruppi estremisti jitħallew jiżviluppaw l-ideoloġiji u l-attivitajiet tagħhom mingħajr tfixkil, bħal ċerti għaqdiet tal-istudenti fl-universitajiet u l-Forum tal-Avukati Khatm-e-Nubuwwat, li allegatament huwa l-moħħ wara ż-żieda fil-prosekuzzjonijiet għal akkużi ta' blasfemja fil-qrati tal-Pakistan u li jopponi kwalunkwe tentattiv ta' riforma tal-liġi rilevanti min-naħa tal-leġiżlaturi;

D.  billi l-Insara u minoranzi oħra mhux biss iħabbtu wiċċhom ma' persekuzzjoni min-naħa tal-estremisti, iżda wkoll diskriminazzjoni legali, b'mod partikolari permezz tal-liġijiet tal-Pakistan dwar il-blasfemja, li huma diskriminatorji u li b'mod ġenerali jintużaw ħażin minn persuni b'motivi politiċi u personali; billi l-Musulmani nfushom għadhom qed jitressqu skont dawn il-liġijiet;

E.  billi għal bosta snin, it-terroriżmu u l-estremiżmu Iżlamisti kellhom effett negattiv fuq il-poplu tal-Pakistan, b'mod partikolari fuq il-minoranzi reliġjużi, in-nisa u t-tfal; billi, mill-adozzjoni tal-aktar riżoluzzjoni reċenti tal-Parlament dwar il-Pakistan tal-15 ta' Jannar 2015(2), seħħew għexieren ta' attakki terroristiċi u vjolenti oħra kontra minoranzi reliġjużi f'kuntest ta' liġijiet diskriminatorji u nuqqas ta' nfurzar;

F.  billi bosta gruppi terroristiċi fil-Pakistan għandhom fil-mira tagħhom lil minoranzi reliġjużi bħall-Ahmadi, l-Insara, ix-Xiiti u l-Ħindu, kif ukoll lis-Sunni b'opinjonijiet diverġenti; billi, fir-rapport annwali tagħha tal-2015, il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan osservat li fil-parti l-kbira tal-każijiet l-awturi tar-reati gawdew impunità;

G.  billi t-tfal qattiela suwiċidi bil-bombi allegatament għadhom qed jintużaw minn gruppi estremisti; billi l-gvern naqas milli jgħaddi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, korp indipendenti biex jipproteġi u jinforza d-drittijiet tat-tfal;

H.  billi, wara l-massakru tal-iskola minn ribelli Talibani f’Diċembru 2014, il-Gvern tal-Pakistan reġa' introduċa l-piena tal-mewt wara moratorju ta' sitt snin: l-ewwel għal attivitajiet terroristiċi biss, iżda iktar tard għad-delitti kapitali kollha; billi sa tmiem l-2015 fil-Pakistan ġew iġġustizzjati 326 persuna, l-ogħla għadd li qatt ġie rreġistrat u t-tielet l-ogħla fid-dinja;

I.  billi l-ġlied bejn il-forzi militari tal-Pakistan u gruppi armati mhux statali wassal biex aktar minn miljun persuna ġew spostati internament;

J.  billi nisa minn minoranzi reliġjużi fil-Pakistan qed jiġu maħtufa u mġiegħla jiżżewġu u jikkonvertu għall-Iżlam, fenomenu li fil-parti l-kbira jiġi injorat mill-pulizija u mill-awtoritajiet ċivili;

K.  billi l-Pakistan jiżvolġi rwol importanti fit-trawwim tal-istabilità fin-Nofsinhar tal-Asja u għandu għaldaqstant imexxi bl-eżempju fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi l-UE tibqa' impenjata għalkollox li tkompli d-djalogu u l-involviment tagħha mal-Pakistan fil-qafas tal-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin;

1.  Jinsab ixxukkjat profondament bl-attakk li seħħ fis-27 ta' Marzu 2016 f'Lahore u jikkundanna bil-qawwa dawn l-atti ta' vjolenza bla sens kontra tant persuni innoċenti;

2.  Jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu u l-Gvern tal-Pakistan;

3.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-awturi tal-attakk ta' Lahore jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani, b'mod partikolari l-awtoritajiet lokali u provinċjali, jiżguraw li dawn l-atti jkunu investigati u pproċessati b'mod effettiv;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar ksur sistemiku u gravi tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin fil-Pakistan; jenfasizza l-importanza tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fil-Pakistan b'tali mod li jkunu jistgħu jkomplu jgħixu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bil-libertà kollha mingħajr l-ebda forma ta' koerċizzjoni, diskriminazzjoni, intimidazzjoni jew fastidju, skont il-prinċipji fundamentali tal-Pakistan;

5.  Jilqa' l-inizjattivi ta' riforma min-naħa tal-gvern, bħall-abbozz ta' liġi li tikkriminalizza ż-żwieġ tat-tfal, u l-att għall-protezzjoni tan-nisa minn vjolenza u fastidju, l-iżblukkar ta' YouTube, id-deċiżjoni li tiddikjara Holi, Diwali u l-Għid bħala btajjel għall-minoranzi reliġjużi, u l-isforzi personali tal-Prim Ministru Nawaz Sharif li jżur okkażjoni reliġjuża Ħindi; iħeġġeġ lill-Gvern sabiex ikompli jżid l-isforzi tiegħu biex joħloq ambjent soċjali li jilqa' l-minoritajiet u d-diversità tal-ħsieb; ifakkar f'dan il-kuntest il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali, ir-riformi mwiegħda u urġentement meħtieġa tal-madrassas, b'mod partikolari l-azzjoni tal-gvern kontra d-diskors ta' mibegħda, u r-riforma tal-pulizija u r-riforma ġudizzjarja li għadhom pendenti; jinnota li fil-ġejjieni għandhom jittieħdu miżuri aktar ambizzjużi, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni (mingħajr xaqlibiet negattivi u preġudizzji fil-kurrikuli u l-kotba tal-iskola) u fil-prosekuzzjoni ta' dawk li jinċitaw il-vjolenza;

6.  Jilqa' l-impenn tal-Gvern tal-Pakistan fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-estremiżmu reliġjuż; iħeġġeġ djalogu kontinwu bejn l-UE u l-Istati Membri fuq naħa u l-Pakistan fuq in-naħa l-oħra, dwar l-assigurazzjoni tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-isforzi tagħhom kontra t-terroriżmu u permezz tal-implimentazzjoni ta' liġijiet fil-qasam tas-sigurtà;

7.  Jemmen li, filwaqt li l-operazzjoni militari mħabbra fil-Punjab hija vitali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, rebħa fil-gwerra ideoloġika kontra l-estremiżmu li tiżgura ambjent tolleranti u progressiv għall-futur tal-Pakistan hija ugwalment importanti;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali u ekonomika, fosthom dik tal-biċċa l-kbira tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra, li għandhom eżistenza prekarja;

9.  Huwa mħasseb dwar l-użu kontinwu ta' liġijiet dwar il-blasfemja fil-Pakistan u jemmen li dan qed jiggrava l-klima ta' intolleranza reliġjuża; jistieden, għalhekk, lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrieżamina dawn il-liġijiet u l-applikazzjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw it-twettiq xieraq u rapidu tal-ġustizzja fil-kawżi kollha dwar il-blasfemja; jinnota, b'mod partikolari, il-kawża ta' Asia Bibi u jħeġġeġ lill-Qorti Suprema biex tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiggarantixxu l-indipendenza tal-qrati, l-istat tad-dritt u proċess ġust f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar il-proċedimenti ġudizzjarji; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pakistani jipprovdu protezzjoni suffiċjenti għal dawk kollha involuti f'kawżi dwar il-blasfemja, partikolarment il-professjoni legali tal-pajjiż, u li jipproteġu lill-akkużati, lix-xhieda, lill-familji tagħhom u lill-komunitajiet tagħhom mill-vjolenza tal-marmalja, inklużi dawk li jiġu lliberati iżda li ma jkunux jistgħu jmorru lura fil-komunità tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura li rimedji legali xierqa u rimedji xierqa oħra applikabbli skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu disponibbli għall-vittmi ta' vjolenza u persekuzzjoni immirati;

11.  Ifakkar fl-oppożizzjoni konsistenti tiegħu għall-piena tal-mewt, ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi; jinnota bi tħassib serju ż-żieda qawwija fl-użu tal-piena tal-mewt fil-Pakistan, fosthom, sfortunatament, kontra trasgressuri tfal, u jitlob biex moratorju fuq il-piena kapitali jerġa' jiġi stabbilit bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt fil-Pakistan;

12.  Jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tiegħu permezz tal-indirizzar tal-faqar, l-iżgurar tat-tolleranza reliġjuża u tal-libertà tat-twemmin u l-garanzija ta' aċċess xieraq u sikur għall-edukazzjoni għat-tfal, b'mod partikolari għall-bniet;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jestendi stedina miftuħa lir-rapporteurs speċjali tan-NU, b’mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-Rapporteur Speċjali dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u r-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta’ reliġjon jew twemmin, u biex jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem b’kull mod;

14.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-istabbilimenti edukattivi, il-postijiet ta' rikreazzjoni u l-postijiet fejn jinġabru l-komunitajiet ta' minoranza f'żoni kkaratterizzati mill-insigurtà u l-kunflitt jiġu protetti b'mod xieraq, u sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' ripetizzjoni ta' ksur u abbużi simili tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali kollha biex itejbu b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; itenni l-importanza ta' impenn internazzjonali inkundizzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż it-tfixkil tal-forom kollha ta' appoġġ finanzjarju għan-netwerks terroristiċi u l-indottrinazzjoni ideoloġika li tħeġġeġ l-estremiżmu u t-terroriżmu;

16.  Jilqa' r-ratifika mill-Pakistan tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jfaħħar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Pakistani biex jiġu indirizzati d-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Pakistan jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati u sabiex jistabbilixxi Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill jikkommettu ruħhom bis-sħiħ mal-Gvern tal-Pakistan biex jindirizzaw it-theddida kkawżata mit-terroriżmu u biex jagħtu assistenza ulterjuri lill-Gvern u lill-poplu tal-Pakistan huma u jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex jeqirdu t-terroriżmu; jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini żżomm lill-Parlament regolarment infurmat dwar il-progress milħuq f'dawn l-isforzi bilaterali;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0470.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0007.


Il-Honduras: is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
PDF 275kWORD 91k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-Honduras: is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (2016/2648(RSP))
P8_TA(2016)0129RC-B8-0469/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-Unjoni Ewropea għall-Elezzjonijiet Ġenerali tal-2013 fil-Honduras, u l-missjoni ta' segwitu tagħha fl-2015 fir-rigward tal-impunità,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Honduras tat-8 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-theddid globali li qed iħabbtu wiċċhom miegħu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar is-sitwazzjoni tan-nisa li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras, maħruġa f'Ġinevra fit-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward il-miżuri ta' prekawzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti (Konvenzjoni tal-ILO 169),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE fis-17 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni diffiċli li l-komunità LGBTI qed tħabbat wiċċha magħha fil-Honduras,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-UE, inkluża d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Honduras tat-3 ta' Marzu 2016 u d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tas-16 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Amerika Ċentrali, fis-seħħ mill-2013;

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont bosta rapporti tan-NU dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti ambjentali, id-difensuri tad-drittijiet tal-popli indiġeni, il-ġurnalisti, il-professjonisti legali, is-sindakalisti, ir-raħħala, l-attivisti favur id-drittijiet tan-nisa u l-persuni LGBTI, fost attivisti oħrajn, qed ikomplu jkunu soġġetti għal abbużi, vjolenza, detenzjoni arbitrarja, theddidiet u qtil fil-Honduras;

B.  billi l-Gvern tal-Honduras ħa impenji pożittivi u beda leġiżlazzjoni biex jipproteġi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-professjonisti legali, li tinkludi l-ftuħ ta' uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, id-disponibilità min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali biex jippermettu li jsiru missjonijiet ta' monitoraġġ internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, u l-adozzjoni tal-Liġi tal-2015 għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

C.  billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, il-Honduras issa sar wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi fir-reġjun għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Honduras huwa wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fil-konfront tal-attivisti ambjentali, li minnhom inqatlu minn tal-inqas 109 bejn l-2010 u l-2015;

D.  billi, skont l-informazzjoni disponibbli, fit-3 ta' Marzu 2016 Berta Cáceres, ambjentalista magħrufa ħafna u mexxejja tad-drittijiet tal-popli indiġeni kif ukoll fondatriċi ta' Civic Council of Popular and Indigenous Organisations of Honduras (il-Kunsill Ċiviku tal-Organizzazzjonijiet Popolari u Indiġeni tal-Honduras) (COPINH), inqatlet f'darha minn irġiel mhux identifikati; billi mewtha qajmet rabja kbira fuq livell internazzjonali u tħassib pubbliku dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-popli indiġeni, l-ambjent u l-art fil-Honduras;

E.  billi biss ġimagħtejn wara, fis-16 ta' Marzu 2016, inqatel Nelson García, li wkoll kien membru tal-COPINH; billi l-intervent rapidu tal-awtoritajiet tal-Honduras wassal għad-detenzjoni ta' dak li allegatament qatlu;

F.  billi l-Messikan Gustavo Castro Soto, li kien l-uniku xhud għall-qtil tas-Sa Cáceres u li sofra ġrieħi ta' arma tan-nar huwa stess, ma tħalliex jitlaq mill-pajjiż għal kważi xahar minħabba raġunijiet marbuta mal-investigazzjoni; billi fis-6 ta' April 2016 ġie awtorizzat biex jitlaq mill-pajjiż;

G.  billi l-Gvern tal-Honduras ikkundanna fil-pront id-delitt abominabbli, iddikjara l-investigazzjoni tal-qtil tas-Sa Cáceres bħala priorità nazzjonali u informa lill-pubbliku dwar il-progress li sar; billi l-Gvern uffiċjalment talab il-kooperazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) fl-investigazzjoni ta' dan il-qtil;

H.  billi s-Sa Cáceres, li kienet taħt theddida kontinwa, kienet qed tibbenefika minn miżuri ta' prekawzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), li skont rapporti ma ġewx implimentati b'mod effikaċi min-naħa tal-istat Hondurjan; billi s-Sa Cáceres hija waħda mill-15-il difensur tad-drittijiet tal-bniedem li nqatlu bejn 2010 u 2016 fil-Honduras minkejja li kienu benefiċjarji ta' dawn il-miżuri ta' prekawzjoni;

I.  billi dan il-qtil reċenti għandu jitqies fil-kuntest tar-reżistenza li l-COPINH u attivisti oħra ilhom imexxu b'mod paċifiku għal dawn l-aħħar għaxar snin kontra d-diga idroelettrika Agua Zarca fuq ix-Xmara Gualcarque, proġett enormi li jiddependi ħafna fuq investituri u teknoloġija Ewropej u li mir-rapporti jidher li qed tinbena mingħajr konsultazzjoni libera u informata minn qabel mal-komunitajiet indiġeni milquta sabiex jinkiseb il-kunsens tagħhom, kif rikjest mill-Konvenzjoni tal-ILO 169; billi l-bank għall-iżvilupp Netherlandiż FMO u Finnfund issospendew il-pagamenti relatati mal-proġett tad-diga f'Agua Zarca, li s-Sa Cáceres kienet l-avversarju ewlieni tiegħu;

J.  billi l-qtil fl-24 ta' Jannar 2016 ta' Paola Barraza, difensur tad-drittijier LGBTI, mara transesswali u membru tal-assoċjazzjoni Arcoíris, jitfa' l-attenzjon fuq il-periklu dejjem akbar li l-komunità LGBTI qed tħabbat wiċċha miegħu fil-Honduras; billi l-qtil tagħha huwa l-aħħar f'sensiela ta' mwiet vjolenti ta' membri attivi tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI f'dawn l-aħħar 11-il xahar, inkluż il-qtil ta' Angy Ferreira, Violeta Rivas, Gloria Carolina Hernández Vásquez (magħrufa wkoll bħala Génesis Hernández), Jorge Alberto Castillo, Estefanía Zúñiga, Henry Matamoros u Josselin Janet Aceituno Suazo; billi 235 persuna LGBTI ġew irrappurtati maqtula fil-Honduras mill-1994, li minnhom 48 każ biss tressqu l-qorti; billi l-kummissarju nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem allega li 92 % tad-delitti għadhom ma ġewx investigati tajjeb u għaldaqstant għadhom ma ġewx solvuti;

K.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Michel Forst, fit-18 ta' Marzu 2016 iddikjara li "dan iċ-ċiklu ta' vjolenza ser jintemm biss meta tiġi indirizzata l-impunità u dawk responsabbli għal attakki bħal dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja", u saħaq fuq il-passi konkreti li għandhom jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u l-familji tagħhom;

L.  billi l-Honduras attwalment jinsab fi proċess ta' riforma tal-kodiċi penali tiegħu, li għandha tkun ibbażata fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali u ssir għodda importanti li tiżgura d-drittijiet ta' gruppi vulnerabbli;

M.  billi l-EU u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw it-tisħiħ tas-settur ġudizzjarju u tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' diversi programmi u proġetti ta' kooperazzjoni, partikolarment il-Programm ta' Appoġġ għad-Drittijiet tal-Bniedem (PADH) u l-Eurojusticia;

N.  billi diversi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali, li jfisser li l-pilastru tad-'djalogu politiku' għadu ma daħalx fis-seħħ; billi r-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, ċivili u politiċi tal-popli taż-żewġ reġjuni huma elementi fundamentali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-qtil reċenti ta' Berta Cáceres, Nelson García u Paola Barraza, kif ukoll kull qtil preċedenti ieħor ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras; jestendi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familji u l-ħbieb tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Ifaħħar lis-Sa Cáceres, attivista ambjentali Hondurjana u mexxejja indiġena tal-poplu Lenca, u kofundatriċi u koordinatriċi tal-COPINH, li ddedikat ħajjitha għat-tiftix ta'iġġieled għal soċjetà aktar demokratika f'pajjiżha; jenfasizza li l-qtil tagħha jservi bħala każ emblematiku f'pajjiż b'għadd eċċessivament għoli ta' omiċidji u ta' impunità ġeneralizzata;

3.  Jesprimi tħassib serju li, minkejja l-miżuri ta' prekawzjoni maħruġa mill-IACHR, l-awtoritajiet Hondurjani naqsu milli jagħtu protezzjoni adegwata lis-Sa Cáceres ; jistieden lill-Gvern Hondurjan jimmobilizza l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jimplimenta b'mod effikaċi t-92 miżura ta' prekawzjoni tal-IACHR attwalment attivi fil-pajjiż u biex jimpedixxi t-tkomplija ta' atti simili kontra attivisti ambjentalisti u indiġeni oħra li jinsabu mhedda;

4.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jittieħdu azzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u li jsiru investigazzjonijiet fil-fond ta' dawn il-każijiet ta' qtil u ta' oħrajn preċedenti sabiex l-awturi materjali u intellettwali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fuq talba tal-gvern tal-Honduras, l-investigazzjoni dwar il-qtil tas-Sa Cáceres tinkludi rappreżentanti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-OAS; huwa tal-fehma li l-istrumenti disponibbli fi ħdan il-qafas tan-NU u tal-IACHR, bħal investigazzjoni internazzjonali indipendenti, kif mitlub mill-vittmi, jistgħu jgħinu biex jiżguraw investigazzjoni imparzjali u ġusta ta' dawn id-delitti;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' vjolenza estrema, partikolarment kontra l-persuni LGBTI u dawk li jiddefendu d-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu minnufih investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar il-qtil ta' membri attivi ta' diversi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI;

6.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u biex jiġu żviluppati linji gwida dwar prattika tajba f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili; jappella għall-inklużjoni ta' miżuri ġodda rilevanti għall-prevenzjoni ta' atti ta' diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda, u għall-protezzjoni tal-komunità LGBTI bħala parti minn kwalunkwe reviżjoni tal-kodiċi penali;

7.  Jilqa', filwaqt li jinsab ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras, l-aħħar riformi ġuridiċi u l-isforzi tal-gvern tal-Honduras biex itaffi s-sitwazzjoni attwali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet tal-Honduras idaħħlu fis-seħħ u jiżviluppaw b'mod sħiħ il-liġi eżistenti tal-2015 għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżguraw, f'kooperazzjoni xierqa mas-soċjetà ċivili, li s-sistema ta' protezzjoni nazzjonali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-professjonisti legali tkun kompletament operattiva u ffinanzjata b'mod adegwat; jistieden lill-Gvern tal-Honduras biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li rċieva bħala parti mill-aħħar Eżami Perjodiku Universali (EPU);

8.  Japprezza l-ħidma tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Honduras, Ketil Karlsen, u t-tim tiegħu b'appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Honduras; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fil-pajjiż, biex jakkumpanjaw u jimmonitorjaw b'mod attiv il-proċessi assoċjati mal-investigazzjoni tal-qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jintensifikaw aktar l-isforzi lejn impenn ma' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;

9.  Iqis li l-attivitajiet tal-investituri Ewropej iridu jkunu integrati f'sett b'saħħtu ta' politiki ta' salvagwardja ambjentali u soċjali; jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, b'rekwiżiti ċari ta' diliġenza dovuta, ta' salvagwardji għall-ġestjoni tar-riskju u l-għoti ta' rimedji effettivi meta jkun meħtieġ; jilqa' l-fatt li kemm l-FMO kif ukoll il-Finnfund pubblikament ikkundannaw il-qtil ta' Berta Cáceres u talbu li ssir investigazzjoni bir-reqqa, u jilqa' wkoll il-fatt li fis-16 ta' Marzu 2016, wara rapporti tal-qtil ta' Nelson García, it-tnejn issospendew l-attivitajiet kollha tagħhom;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiżguraw li l-għajnuna Ewropea ma tippromwovix u lanqas tippermetti l-iżvilupp ta' proġetti jekk dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta' konsultazzjoni minn qabel, libera u infurmata mal-komunitajiet indiġeni, jiżguraw konsultazzjoni sinifikanti mal-komunitajiet affettwati kollha kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u salvagwardji ambjentali;

11.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali; iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika unifikata għall-Honduras li timpenja lit-28 Stat Membru u lill-istituzzjonijiet tal-UE favur messaġġ komuni b'saħħtu dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Honduras u fir-reġjun kollu kemm hu;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlament nazzjonali tat-28 Stat Membru, lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Honduras, lis-Segretarjat għall-Integrazzjoni Ekonomika Ċentru Amerikana, lill-Parlacen, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, u lill-Komunità tal-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew.

(1) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 181.


In-Niġerja
PDF 277kWORD 96k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar in-Niġerja (2016/2649(RSP))
P8_TA(2016)0130RC-B8-0478/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Muhammadu Buhari lill-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja, inklużi dawk tad-9 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/tar-RGħ u tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali tan-Niġerja fis-sitt djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar fi Brussell fil-15 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill li Boko Haram jiżdied mal-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet identifikati bħala terroristi li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali Niġerjani ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi mwettqa minn Boko Haram u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi milquta, tad-29 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU adottati f'Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, irratifikata min-Niġerja fis-16 ta' April 1991,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International "Nigeria: Still waiting for justice, still waiting for change. Government must prioritise accountability in the north-east",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Human Rights Watch ta' Jannar  2016 dwar in-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bir-riżorsi estensivi tagħha n-Niġerja hija l-akbar ekonomija fl-Afrika u n-nazzjon l-aktar popolat u kulturalment divers tagħha; billi n-Niġerja għandha rwol ewlieni fil-politiki reġjonali u Afrikani u hija mutur għall-integrazzjoni reġjonali permezz tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS); billi, madankollu, hija fost il-pajjiżi fejn hemm l-akbar inugwaljanzi fid-dinja, b'korruzzjoni mifruxa li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-differenzi ekonomiċi u soċjali, u bis-sigurtà tagħha mhedda mill-grupp estremist vjolenti Boko Haram;

B.  billi snin ta' dittatorjat militari, korruzzjoni, instabilità politika u governanza fqira wasslu għal investiment insuffiċjenti fl-infrastruttura, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali tal-pajjiż, u billi dan qed ikompli jimmina d-drittijiet soċjali u ekonomiċi fin-Niġerja;

C.  billi aktar minn sitta minn kull għaxar Niġerjani jgħixu fuq anqas minn USD 2 kuljum; billi dan il-faqar estrem huwa saħansitra aktar akut fl-istati tat-Tramuntana, li huma l-inqas żviluppati fil-pajjiż; billi dan il-faqar jikkontribwixxi direttament għal qasma soċjali, ostilità reliġjuża u diviżjoni reġjonali; billi l-indiċi Gini tan-Niġerja żdied drammatikament u laħaq 48.8 fl-2010;

D.  billi l-organizzazzjoni Transparency International ikklassifikat lin-Niġerja fil-136 post minn 175 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2015 tagħha; billi, skont ċerti stimi, bejn USD 3 biljun u 8 biljun f'żejt Niġerjan jinsterqu annwalment;

E.  billi, minkejja t-tranżizzjoni paċifika għall-poter tal-President Buhari f'Marzu 2015, il-paċi u l-istabilità fin-Niġerja ġew mhedda minn mewġa ta' attakki, qtil u ħtif mill-grupp estremista vjolenti Boko Haram, ekonomija li qed tbatti minħabba prezzijiet globalment baxxi taż-żejt, istituzzjonijiet politiċi dgħajfa, in-nuqqas li tiġi indirizzata l-korruzzjoni u kunflitti mhux solvuti fid-Delta tan-Niger u l-Middle Belt;

F.  whereas Boko Haram killed at least 8 200 civilians in 2014 and 2015; billi huwa stmat li aktar minn 2.6 miljun ruħ ġew spostati u iktar minn 14.8 miljun ġew affettwati minħabba r-rewwixta ta' Boko Haram;

G.  billi t-terroriżmu huwa theddida dinjija, iżda l-kapaċità tal-komunià dinjija li tikkoopera mal-awtoritajiet Niġerjani fil-ġlieda kontra Boko Haram tiddependi fuq il-miżura sħiħa ta' kredibilità, responsabilità u trasparenza tal-amministrazzjoni l-ġdida; billi l-inkapaċità tal-gvern li jeqred l-impunità għad-delitti tal-gwerra fl-ogħla livell tibqa' waħda mill-kwistjonijiet ewlenin f'dan il-pajjiż; billi l-President Buhari wiegħed li jagħti bidu għal investigazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet;

H.  billi l-għan ta' Boko Haram hu li jwaqqaf Stat Iżlamiku totali fin-Niġerja, inkluża l-implimentazzjoni tal-qrati kriminali tax-Sharia madwar il-pajjiż, u li jipprojbixxi l-edukazzjoni tal-Punent; billi Boko Haram ħataf nisa u bniet biex jużahom f'attakki suwiċidali; billi attakki suwiċidali bil-bombi riċenti, inklużi dawk tas-16 ta' Marzu, tal-11 ta' Frar u tal-31 ta' Jannar 2016 fil-Grigal tan-Niġerja rriżultaw f'għexieren ta' mwiet;

I.  billi l-vjolenza sesswali, il-vjolenza tal-ġeneru u l-vjolenza kontra persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) għadha qawwija fir-reġjuni tal-Grigal tan-Niġerja, fejn hemm l-inkwiet, u billi d-drittijiet fundamentali bħalma huma l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa, il-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tad-dħul statali fis-soċjetà sejrin għall-agħar b'mod drammatiku, bħalma hija l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

J.  billi madwar 270 tifla tal-iskola nħatfu minn Boko Haram fl-14-15 ta' April 2014 minn skola f'Chibok, fil-Grigal tan-Niġerja, u billi l-maġġoranza tagħhom għadhom neqsin; billi d-destin eżatt tagħhom jibqa' misteru, għalkemm hemm il-biża' li ħafna ġew sfurzati jiżżewġu ribelli jew isiru ribelli huma stess, ġew suġġetti għal vjolenza sesswali jew mibjugħa għall-iskjavitù, u bniet mhux Musulmani ġew sfurzati jikkonvertu għall-Iżlam; billi Boko Haram ħataf aktar minn 2 000 mara u tifla mill-2009 sal-lum, inkluż madwar 400 minn Damasak fl-istat ta' Borno fl-24 ta' Novembru 2014;

K.  billi l-militar Niġerjan ħabbar fis-6 ta' April 2016 li mill-inqas 800 ġellied kien ċeda fit-tliet ġimgħat ta' qabel; billi t-truppi Niġerjani salvaw 11 595 ostaġġ waqt raids fuq territorju ta' Boko Haram fir-reġjun muntanjuż bejn in-Niġerja, iċ-Chad u l-Kamerun mis-26 ta' Frar 2016 sa issa;

L.  billi s-sitwazzjoni drammatika tal-bniet maħtufa esponiet problemi fuq firxa usa', inklużi attakki regolari fuq skejjel, nuqqas ta' għalliema u l-ħtieġa urġenti ta' finanzjament internazzjonali biex jissewwew u jerġgħu jinbnew binjiet imfarrka; billi n-nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi jfisser li wħud mit-tfal ma attendewx skola għal bosta snin;

M.  billi l-estremiżmu vjolenti ta' Boko Haram ma jagħmilx diskriminazzjoni u jikkawża tbatija immensa lill-popli ta' kull twemmin u etniċità fil-mewġa ta' vjolenza tiegħu; billi matul l-aħħar snin ġiet irrappurtata żieda fl-għadd ta' Nsara maqtula fit-Tramuntana tan-Niġerja;

N.  billi r-reġjun tal-Middle Belt sofra snin ta' tensjoni ekonomika u politika bejn komunitajiet etniċi u reliġjużi, bi vjolenza reċenti kkawżata minn kompetizzjoni ħarxa għall-poter u l-aċċess għall-art bejn komunitajiet nomadi u agrikoli;

O.  billi s-setturi taż-żejt u tal-gass għadhom is-sorsi ewlenin ta' dħul fin-Niġerja, għalkemm it-tqassim tal-benefiċċji tal-ġid ekonomiku tal-pajjiż huwa inugwali ferm; billi l-livelli ta' faqar u qgħad fit-Tramuntana tan-Niġerja huma konsiderevolment ogħla minn dawk fin-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn hemm ħafna żejt; billi, skont il-Bank Dinji, mill-1960 'l hawn in-Niġerja tilfet madwar USD 400 biljun fi dħul miż-żejt b'riżultat tal-korruzzjoni u USD 20 biljun fi flus miż-żejt sparixxew mit-Teżor tan-Niġerja fl-aħħar sentejn;

P.  billi nħoloq panel ta' investigazzjoni speċjali mill-uffiċċju tal-President biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà, inklużi, qtil, tortura u għajbien sfurzat;

Q.  billi leġiżlazzjoni proposta bħalissa qiegħda quddiem is-Senat Niġerjan u għandha l-għan li tikkastiga d-disseminazzjoni ta' "dikjarazzjonijiet abbużivi" permezz tal-media soċjali jew il-kritika lill-gvern jew lil persuni oħra permezz tal-media stampata u elettronika;

1.  Jilqa' t-tranżizzjoni paċifika tal-poter fin-Niġerja wara l-elezzjonijiet presidenzjali, u huwa inkoraġġut bl-aspettattivi għoljin rigward il-programm ta' riforma ambizzjuż tal-President Buhari u l-gvern tiegħu;

2.  Huwa preokkupat ħafna dwar l-isfidi soċjali, ekonomiċi, politiċi u tas-sigurtà sinifikanti li n-Niġerja qed tħabbat wiċċha magħhom, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress reali fl-indirizzar tal-korruzzjoni li farrket is-soċjetà Niġerjana għal għexieren ta' snin;

3.  Jagħraf il-fatt li n-Niġerja għandha l-potenzjal li tkun qawwa ekonomika u politika kbira ħafna fl-Afrika, iżda li l-iżvilupp tagħha nżamm lura minn governanza ekonomika batuta, istituzzjonijiet demokratiċi dgħajfin u inugwaljanza enormi; jitlob, barra minn hekk, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jonoraw l-impenn tagħhom li jipprovdu firxa komprensiva ta' għajnuna politika u umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp biex jappoġġjaw programmi fil-livelli kollha tal-gvern li jindirizzaw il-faqar, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' emanċipazzjoni tan-nisa;

4.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni trid titmexxa mill-awtoritajiet Niġerjani, u jemmen li n-nuqqas li jsir dan ikun ifisser aktar snin ta' faqar, inugwaljanza, ħsara għar-reputazzjoni, tnaqqis fl-investiment estern u mminar tal-opportunitajiet fil-ħajja għaż-żgħażagħ; joffri wkoll l-appoġġ tiegħu biex dan l-objettiv jintlaħaq u biex titkisser ir-rabta bejn il-prattiki korrotti u t-terroriżmu;

5.  Ifaħħar l-isforzi li saru mill-Gvern ta' Buhari biex isaħħaħ il-kredenzjali tiegħu kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-fatt li ordna li t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha tal-gvern jgħaddu minn kont bankarju uniku sabiex l-infiq jiġi mmonitorjat; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri konkreti biex irażżnu b'mod effikaċi l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u jagħtu spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali demokratika fi kwistjonijiet ta' taxxa;

6.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Niġerja li qed ibati minħabba l-atti terroristiċi mwettqa minn Boko Haram, li wasslu għal eluf ta' mwiet u spostaw lil aktar minn żewġ miljun ruħ; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni taċ-ċivili tiegħu skont l-obbligi reġjonali u internazzjonali tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem, anke billi jagħti bidu għal investigazzjonijiet komprensivi, indipendenti u effikaċi dwar tali delitti;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-attakki reċenti minn Boko Haram, u jistieden lill-Gvern Federali jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u jindirizza l-kawżi ewlenin tal-vjolenza billi jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha, anke billi jindirizza l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza, il-kontroll tal-artijiet agrikoli għammiela, il-qgħad u l-faqar; jirrifjuta kwalunkwe ritaljazzjoni vjolenti bi ksur tad-dritt umanitarju mwettqa mill-militar Niġerjan; jilqa', madankollu, il-programm "Safe Corridor" tal-Armata Niġerjana mfassal biex jirriabilita l-ġellieda ta' Boko Haram;

8.  Jiddeplora l-massakru ta' nisa, irġiel u tfal innoċenti, l-atti ta' stupru u tortura, u r-reklutaġġ ta' suldati tfal, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Niġerja fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra l-forom kollha ta' terroriżmu f'pajjiżu;

9.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan jiżviluppa strateġija komprensiva li tindirizza l-kawżi ewlenin tat-terroriżmu fl-għeruq tagħhom, u jinvestiga, kif imwiegħed, evidenza li l-militar Niġerjan seta' wettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' s-Summit ta' Abuja dwar is-Sigurtà, li għandu jsir f'Mejju 2016, u jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jidentifikaw soluzzjonijiet konkreti u vijabbli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu mingħajr ma jiġu ssagrifikati r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jissottolinja wkoll l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali fl-indirizzar tat-theddida minn Boko Haram;

10.  Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali, taħt l-awspiċji tan-NU, biex tiddetermina r-responsabbiltà ta' pajjiżi terzi fl-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' gruppi terroristiċi fir-reġjun, bħal Boko Haram;

11.  Jemmen li t-tieni anniversarju tal-ħtif tal-bniet tal-iskola ta' Chibok fl-14 ta' April għandu jipprovdi impetu ġdid għall-Gvern Niġerjan u l-komunità internazzjonali biex jiżguraw il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tagħhom, kif ukoll il-ħelsien tal-400 mara u tifel u tifla maħtufa mill-belt ta' Damasak f'Novembru 2014, u tan-nisa u t-tfal l-oħra kollha li nħatfu;

12.  Jappella lill-awtoritajiet biex jiżguraw faċilità ta' aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva għan-nisa u l-bniet;

13.  Jinnota bi tħassib l-attakki fuq l-iskejjel fit-Tramuntana tan-Niġerja, li qed iċaħħdu lit-tfal minn opportunitajiet edukattivi u li jistgħu jħarrxu r-radikalizzazzjoni li gruppi estremisti vjolenti bħal Boko Haram jiddependu fuqha;

14.  Jinnota li Boko Haram attakka lill-Musulmani, lill-Insara, lil segwaċi ta' reliġjonijiet oħra u lil nies ta' ebda fidi mingħajr distinzjoni, u jikkundanna ż-żieda qawwija fil-vjolenza, anke kontra istituzzjonijiet reliġjużi u fidili;

15.  Jikkundanna wkoll l-attakki fuq bdiewa u l-kunflitti interetniċi bejn rgħajja u bdiewa fiż-żona tal-Middle Belt, b'mod partikolari fl-istati ta' Plateau u Taraba, li kienu karatterizzati minn vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u wasslu biex mietu eluf ta' persuni mill-2014 'l hawn;

16.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan u lis-sħab internazzjonali jżidu l-investiment fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti interkomunali bejn rgħajja u bdiewa bl-appoġġ tal-kooperazzjoni permezz ta' inizjattivi kondiviżi ekonomiċi u ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali;

17.  Jistieden lill-President Buhari jiżgura li l-gvern tiegħu jipproteġi d-dritt tan-Niġerjani li jqimu liberament, u d-drittijiet taċ-ċittadini kollha tagħha b'mod aktar wiesa', skont il-liġijiet u l-Kostituzzjoni tal-pajjiż, u jitlob lill-mexxejja reliġjużi tan-Niġerja jgħinu fil-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni;

18.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati favur l-isforzi diplomatiċi tagħhom fin-Niġerja, sabiex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġiġhom, b'mod partikolari, ikomplu d-djalogu politiku man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou u biex, f'dak ir-rigward, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u n-nondiskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni, kif minquxa fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

19.  Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jirrifjutaw l-abbozz ta' liġi li jipprojbixxi l-petizzjonijiet frivoli u kwistjonijiet oħra marbuta magħhom, li bħalissa qiegħed quddiem is-Senat Niġerjan, billi jikkomprometti l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni fin-Niġerja;

20.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan u lill-awtoritajiet reġjonali ma jibqgħux jikkriminalizzaw il-komunità LGBTI Niġerjana u jiggarantixxu d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

21.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan jieħu miżuri ta' emerġenza fid-Delta tan-Niger, inklużi azzjonijiet biex itemm l-attivitajiet illegali b'rabta maż-żejt;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, lill-President tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Parlament Pan-Afrikan u lir-rappreżentanti tal-ECOWAS.


Il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u liżvelar illegali tagħhom ***I
PDF 340kWORD 85k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni taʼ informazzjoni taʼ kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (COM(2013)0813 – C7-0431/2013 – 2013/0402(COD))
P8_TA(2016)0131A8-0199/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0813),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u 114, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0431/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Diċembru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0199/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta'April 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom

P8_TC1-COD(2013)0402


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2016/943.)

(1) ĠU C 226, 16.7.2014, p. 48.


L-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017
PDF 458kWORD 133k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017 (2016/2019(BUD))
P8_TA(2016)0132A8-0131/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ġenerali tal-baġit għall-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz konġunt ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau dwar it-tħejjija tal-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fil-11 ta' April 2016 skont l-Artikoli 25(7) u 96(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 96 u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0131/2016),

A.  billi din il-proċedura hija t-tieni proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u billi din hija r-raba' sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;

B.  billi l-baġit 2017, kif propost fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, se jkun ikkaratterizzat minn kontinwazzjoni u intensifikazzjoni tal-politika tal-istituzzjoni intiża li ttejjeb l-effiċjenza fl-oqsma kollha fejn dan huwa possibbli mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità tal-ambjent tax-xogħol tal-Membri u tal-persunal;

C.  billi ġew proposti erba' objettivi prijoritarji mis-Segretarju Ġenerali għall-baġit 2017, jiġifieri: is-sigurtà u s-sigurtà ċibernetika, l-eliminazzjoni gradwali tad-deroga għall-Irlandiż, miżuri attwali intiżi sabiex il-Membri jingħataw mezzi aqwa fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom u Parlament aktar attraenti għall-pubbliku u l-viżitaturi;

D.  billi, fil-kuntest politiku u tas-sigurtà attwali li jirriżulta mill-attakki terroristiċi fl-Ewropa, il-proċedura baġitarja għall-2017 għandha twassal għal żieda fis-sigurtà u ċ-ċibersigurtà tal-Parlament;

E.  billi s-Segretarju Ġenerali ppropona baġit ta' EUR 1 910 073 000 għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2017, li jirrappreżenta żieda globali ta' 3,9 % fuq il-baġit 2016, li minnhom 1,7 % huma kkunsidrati bħala nfiq ordinarju, u li jkun jikkostitwixxi 19,26 % tal-Intestatura V tal-QFP 2014-2020;

F.  billi bejn l-2017 u l-2022 id-deroga li d-dokumenti uffiċjali kollha ma jiġux tradotti għall-Irlandiż se titneħħa gradwalment, u dan ifisser li d-dokumenti uffiċjali kollha jiġu tradotti għall-Irlandiż ukoll; billi qed jiġi propost infiq straordinarju addizzjonali ta' EUR 3,7 miljun biex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit lingwistiku ġdid, li jikkorrispondi għal 0,2 % taż-żieda ġenerali;

G.  billi huma meħtieġa investimenti straordinarji addizzjonali ta' EUR 47,6 miljun biex jissaħħu s-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, liema investimenti jikkorrispondu għal 2,6% taż-żieda ġenerali;

H.  billi r-rati tal-inflazzjoni naqsu b'mod kostanti mill-2011; billi r-rata ta' inflazzjoni reali fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament fl-2015 u fl-2016 kienet anqas mir-rata attwali ta' żieda fil-baġit tiegħu;

I.  billi kważi 60 % tal-baġit jikkostitwixxi nfiq marbut bl-indiċi, li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa relatat mar-remunerazzjonijiet għall-Membri u l-persunal, aġġustati skont ir-Regolamenti tal-Persunal, u obbligi kuntrattwali, li jikkorrispondu għal indiċizzazzjoni speċifika skont is-settur li ġeneralment tkun ogħla mir-rata tal-inflazzjoni standard;

J.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016(7), il-Parlament saħaq li l-baġit 2016 għandu jiġi stabbilit fuq bażi realistika u għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;

K.  billi l-kredibilità tal-Parlament bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità tiegħu li jżomm l-infiq tiegħu stess taħt kontroll;

L.  billi fis-26 ta' Ottubru 2015, il-Bureau adotta sett ġdid ta' regoli għall-ġestjoni tal-allowances għall-assistenza parlamentari, b'mod li saħħaħ ir-rekwiżiti għar-rimborż tal-kuntratti tal-assistenti lokali, speċifikament permezz tal-allokazzjoni ta' mill-anqas 25 % tal-allowance għall-assistenza parlamentari biex tkopri nfiq fuq assistenti akkreditati;

Il-qafas ġenerali

1.  Jenfasizza li s-sehem tal-baġit tal-Parlament fl-2017 għandu jinżamm taħt 20 % tal-intestatura V; jinnota li l-livell tal-abbozz preliminari tal-estimi għall-2017, kif stipulat fil-pożizzjoni tal-Bureau tad-9 ta' Marzu 2016, ikkorrisponda għal 19,26 %, li huwa anqas minn dak li ntlaħaq fl-2016 (19,39 %) u t-tieni l-anqas parti mill-intestatura V f'dawn l-aħħar tmien snin; ikompli jnaqqas is-sehem tiegħu mill-intestatura V għal 19,17 % għall-2017;

2.  Iqis, madankollu, li, meta jitqies it-tnaqqis ekonomiku esperjenzat minn Stati Membri, il-livell previst ta' inflazzjoni għall-2017 m'għandux jitqies bħala l-parametru referenzjarju ewlieni għaż-żidiet fl-infiq ordinarju;

3.  Jikkonferma li kien hemm talba għal infiq straordinarju, li jirrappreżenta żieda ta' 0,2 % imqabbla mal-baġit 2016, biex jitneħħew gradwalment il-miżuri ta' deroga temporanji għall-użu tal-lingwa Irlandiża li kienu stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005(8);

4.  Jinnota t-talba għal żieda ta' 2,6% fl-oqsma tas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, li twassal biex ir-riżorsi allokati fl-2016 ikunu aktar mid-doppju; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Baġits informazzjoni dettaljata b'mod trasparenti rigward il-miżuri attwali u futuri fl-oqsma tas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà u l-mod kif inhuma mqassma l-ispejjeż tagħhom;

5.  Japprova l-pakkett ta' nfiq straordinarju għal investimenti fis-sigurtà fl-2017, wara l-analiżi ppreżentata lill-Bureau fi Frar 2016 u ssupplimentata mill-analiżi li saret wara l-avvenimenti tat-22 ta' Marzu 2016 (EUR 47,6 miljun), u l-pakkett ta' nfiq straordinarju marbut mat-tneħħija gradwali tad-deroga temporanja għall-użu tal-lingwa Irlandiża (EUR 3,7 miljun);

6.  Jillimita ż-żieda fl-infiq ordinarju tiegħu għall-2017, mingħajr iż-żewġ pakketti straordinarji, għal 1,4 % meta mqabbel mal-infiq ordinarju tal-baġit 2016 u 0,6 % meta mqabbel mal-baġit 2016;

7.  Jiffissa l-livell ġenerali tal-estimi tiegħu għall-2017 għal EUR 1 900 873 000, ammont li jikkorrispondi għal żieda ta' 3,4 % meta mqabbel mal-baġit 2016;

8.  Jissottolinja li l-Parlament għandu jingħata r-riżorsi suffiċjenti meħtieġa biex jikkonforma mal-funzjoni ewlenija tiegħu bħala korp leġiżlattiv u awtorità baġitarja; jenfasizza li, fil-kuntest ekonomiku attwali, dawk ir-riżorsi għandhom jiġu ġestiti b'rigorożità, prammatiżmu u effiċjenza; jindika li filwaqt li l-iżgurar ta' livell adegwat ta' finanzjament għall-Parlament huwa xieraq għall-eżerċizzju tad-demokrazija Ewropea, l-isforzi biex ikun hemm iffrankar u l-impenn biex tkompli tissaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-flus pubbliċi għandhom ikunu mħeġġa bil-qawwa;

9.  Jenfasizza li l-ikbar parti mill-baġit tal-Parlament u l-indiċizzazzjoni annwali tiegħu huma stabbiliti permezz ta' obbligi statutorji jew kuntrattwali, li ma jistgħux jiġu influwenzati mill-Parlament fil-proċedura baġitarja;

Trasparenza, aċċessibilità u leġġibilità

10.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jressaq proposta sabiex il-baġit jiġi ppreżentat lill-pubbliku ġenerali b'ammont xieraq ta' dettall u b'mod li jinftiehem u jkun faċli għall-utent fuq is-sit web tal-Parlament ħalli ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jiżviluppaw fehim aħjar tal-attivitajiet, il-prijoritajiet u x-xejriet korrispondenti ta' nfiq tal-Parlament; iqis li l-ewwel pass jista' jkun li l-grafika ta' informazzjoni attwalment disponibbli fl-intranet tibda tidher fuq is-sit web tal-Parlament;

11.  Iqis li, bħal fil-każ tal-proċess baġitarju, kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tiġi ppreżentata lill-Membri tal-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits f'kull stadju tal-proċedura b'mod f'waqtu u li jinftiehem u fil-livell meħtieġ ta' dettall u analiżijiet sabiex il-Bureau, il-Kumitat għall-Baġits u l-gruppi politiċi jkunu jistgħu jwettqu deliberazzjonijiet xierqa u jibbażaw id-deċiżjonijiet fuq stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-baġit tal-Parlament;

12.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' preċiżjoni u trasparenza fl-evoluzzjoni tal-baġit minn sena għall-oħra; jikkunsidra li, filwaqt li ċertu nfiq straordinarju bħas-sigurtà jista' jiġi ġustifikat għall-baġit 2017, l-użu dejjem jikber tal-infiq straordinarju kull sena huwa problematiku f'termini ta' skrutinju u stabilità baġitarji; jitlob definizzjoni aktar preċiża ta' nfiq straordinarju; jemmen li, għal raġunijiet ta' responsabilità u komparabilità tad-data fil-baġit ġenerali, għandha titwettaq valutazzjoni dwar jekk l-infiq straordinarju għandux jiġi inkluż fil-bażi għall-kalkolu tal-perċentwal tad-differenza bejn il-baġits minn sena għal sena;

13.  Itenni l-appell tiegħu għal ippjanar baġitarju fuq terminu medju u fit-tul, inkluża distinzjoni ċara bejn l-investimenti u l-infiq operattiv relatat mal-funzjonament tal-Parlament u l-obbligi statutorji tiegħu (inkluż fuq kirjiet u akkwisti), b'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2016(9); jitlob, għaldaqstant, bidla fil-preżentazzjoni li tagħmel distinzjoni ċara bejn l-infiq ta' investiment u l-infiq operattiv;

14.  Ifaħħar lill-Bureau u lid-DĠ ITEC għad-disinn il-ġdid tal-paġni personali tal-Membri fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament, li jipprovdi aktar trasparenza dwar il-kompożizzjoni u l-istatus tal-grupp ta' ħidma tagħhom (ħolqien ta' tab ġdida "assistenti" bit-taqsimiet li ġejjin: assistenti, assistenti akkreditati, assistenti akkreditati (grupp), assistenti lokali, fornituri ta' servizzi, aġenti tal-ħlas, trainees); jitlob lis-Segretarju Ġenerali jiżgura l-kontrolli meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sett ta' regoli ġodda dwar l-allowances għall-assistenza parlamentari adottat mill-Bureau fis-26 ta' Ottubru 2015;

15.  Jappella biex, tal-anqas darba kull ħames snin, jitfassal baġit abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-partiti individwali u mhux abbażi ta' sistema ta' koeffiċjenti;

Sigurtà u ċibersigurtà

16.  Jappella biex isir ippjanar baġitarju fuq terminu medju u fit-tul, li jkun jinkludi informazzjoni ċara fir-rigward tal-infiq relatat mas-sigurtà u s-sigurtà ċibernetika; jistieden barra minn hekk lill-Bureau, fid-dawl tal-avvenimenti li ġraw dan l-aħħar, jaġġorna l-Kunċett tas-Sigurtà Globali u jikkomunikah malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn Ġunju 2016;

17.  Iqis li kwalunkwe miżura f'dan il-qasam għandha tkun imsejsa fuq evalwazzjoni ċara tal-ħtiġijiet tal-Parlament u l-proporzjonalità mar-riskji mġarrba; jitlob lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jippreżentaw fil-ħin lill-Kumitat għall-Baġits, qabel il-qari tal-baġit 2017 min-naħa tal-Parlament, Kunċett tas-Sigurtà Globali li jinkludi evalwazzjoni globali tar-riskji perċepiti u tal-miżuri ta' sigurtà previsti, kif ukoll għażliet alternattivi, flimkien ma' evalwazzjoni dettaljata tal-impatt baġitarju tagħhom fuq il-baġit 2017 u l-baġits sussegwenti, b'distinzjoni ċara bejn l-investimenti u l-infiq rikorrenti, u jispjegaw il-miżuri previsti għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Parlament fil-bini tiegħu u barra minnu, kif ukoll l-impatt ta' tali miżuri fuq il-baġit 2017; jappella għal informazzjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali fil-qasam tas-sigurtà;

18.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta jekk hemmx ħtieġa li jiġu riveduti kuntratti tal-assigurazzjoni eżistenti (għall-Membri u l-persunal) fid-dawl tat-theddidiet terroristiċi u, jekk xieraq, jagħmel proposti ħalli jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jista' jkun hemm;

19.  Jikkunsidra li s-sistema ta' sigurtà barra l-bini tal-Parlament għandha tkompli tiġi garantita mill-awtoritajiet Belġjani;

Mezzi aqwa għall-Membri fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom

20.  Jieħu nota tal-miżuri attwali intiżi sabiex il-Membri jingħataw mezzi aqwa fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom;

21.  Jilqa' l-estensjoni tal-Portal Diġitali tal-Membri (il-portal elettroniku), madankollu jistieden lis-Segretarju Ġenerali sabiex, fid-dawl tal-"inizjattiva mingħajr karti", itejjeb din is-sistema attwali li jintbagħtu kopji stampati tad-dokumenti ta' ħlas lill-Membri, bil-għan li eventwalment din titneħħa sa tmiem is-sena 2017; iqis li l-portal elettroniku għandu jipprovdi din il-karatteristika lill-Membri kollha awtomatikament b'mod elettroniku, fattur li jwassal għal iffrankar kunsiderevoli kemm f'termini ta' ħin kif ukoll mil-lat ekonomiku;

22.  Jilqa' ż-żieda fil-kwalità tal-pariri u r-riċerka mogħtija lill-Membri u l-kumitati; ifakkar li, meta inħoloq is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) fl-2013, kienet ġiet prevista evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn dan is-servizz u d-dipartimenti tematiċi; jitlob għalhekk lis-Segretarju Ġenerali biex jipproċedi għal tali evalwazzjoni u biex jippreżenta r-riżultati lill-Kumitat għall-Baġits sa tmiem l-2016; iqis li din l-evalwazzjoni għandha tinkludi proposti dwar kif jiġi żgurat li l-appoġġ mogħti mill-EPRS ikun marbut aħjar mal-iżviluppi fil-kumitati tematiċi rispettivi filwaqt li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Membri individwali, u li dan ma jirreplikax l-attivitajiet tad-dipartimenti tematiċi u lanqas ma jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni bejn servizz u ieħor;

23.  Huwa tal-opinjoni li l-ħtiġijiet tal-Membri għandhom jiġu evalwati fil-kostitwenzi tagħhom, filwaqt li jitqiesu wkoll id-differenzi bejn il-kostitwenzi, bil-għan li l-Membri jingħataw mezzi aqwa fil-ħidma tagħhom fil-kostitwenzi; jemmen li l-ispazju tax-xogħol mobbli għall-Membri u l-appoġġ fil-kostitwenzi għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-użu reali, u m'għandhomx jiġġeneraw spejjeż sinifikanti jew rikorrenti addizzjonali għall-Parlament; jinsisti li m'għandu jingħata l-ebda hardware peress li l-allowance għall-ispejjeż ġenerali tipprovdi biżżejjed riżorsi għax-xiri ta' apparat tal-ogħla livell; jiddubita l-ħtieġa li jiġi żviluppat spazju tax-xogħol mobbli privat għall-Membri peress li dan ma jidhirx li jikkorrispondi mal-mod kif il-Membri u l-uffiċċji tagħhom jorganizzaw lilhom infushom;

24.  Jaqbel li l-għodod tal-IT huma strument importanti għall-Membri biex iwettqu l-funzjoni tagħhom; itenni madankollu l-ħtieġa li tiġi permessa l-installazzjoni ta' software free-source li tippermetti ffrankar kunsiderevoli fl-ispejjeż tal-komunikazzjoni u ttejjeb il-fluss tax-xogħol tal-uffiċċji tal-Membri, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċibersigurtà u tiġi garantita l-protezzjoni tad-data;

25.  Jitlob li l-possibilità li d-dokumenti interni jiġu ffirmati b'mod diġitali għandha ssir ħaġa komuni, f'kull ċirkostanza, bħall-iffirmar ta' formoli, dikjarazzjonijiet bil-miktub eċċ., filwaqt li jiġu żgurati l-affidabilità u s-sigurtà; jitlob li tiġi vvalutata l-possibilità li tiġi inrodotta sistema ta' verifika TAN fuq il-mowbajls tal-Membri tal-PE; jemmen, barra minn hekk, li l-użu ta' apparat tal-fax m'għandux jitħeġġeġ u għandu jitneħħa gradwalment fuq id-deċiżjoni tal-Membri tal-PE individwali;

26.  Jilqa' r-riforma l-ġdida dwar mistoqsijiet bil-miktub addizzjonali adottata fit-3 ta' Settembru 2015 mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fuq talba tal-Kumitat għall-Baġits meta ġie adottat il-baġit tal-Parlament għall-2016; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jistabbilixxi l-kontrolli neċessarji għall-implimentazzjoni tal-interpretazzjoni l-ġdida; jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti twettaq valutazzjoni ta' dan ir-reġim il-ġdid għall-mistoqsijiet bil-miktub fir-rigward tal-mistoqsijiet addizzjonali sabiex jiġi analizzat l-iffrankar iġġenerat u tinforma lill-Kumitat għall-Baġits dwar ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni sa Awwissu 2016, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa 2016;

27.  Iqis li huwa xieraq li l-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-infiq dwar l-għajnuna parlamentari għall-2017 jinżammu fuq l-istess livell bħal dawk tal-2016, suġġett għall-indiċizzazzjoni legalment vinkolanti applikabbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

28.  Jemmen li d-deskrizzjoni attwali tal-attivitajiet parlamentari tal-Membri fuq is-sit web tal-Parlament mhijiex preċiża u ma tirriflettix l-attivitajiet u l-involviment reali tal-Membri; jissuġġerixxi li jitneħħa l-użu attwali ta' siti web ta' klassifikazzjoni, filwaqt li titjieb l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Membri individwali fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-preżentazzjoni, tal-ispjegazzjonijiet tal-vot u d-diskorsi ta' minuta, b'mod partikolari, inkluża l-għażla li dawn jintwerew separatament mid-diskorsi fil-plenarja, u jitlob ukoll li ssir valutazzjoni tal-valur miżjud tal-ispjegazzjonijiet tal-vot u alternattivi possibbli; jistenna li l-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Bureau li qed jittratta din il-kwistjoni jippreżenta l-aġenda u s-sejbiet tiegħu lill-Kumitat għall-Baġits hekk kif isiru disponibbli;

Spejjeż tal-Membri

29.  Itenni t-talba tiegħu lill-Bureau biex jiddefinixxi regoli aktar preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltà tan-nefqa awtorizzata skont l-allowance għan-nefqa ġenerali, li jistgħu jinkludu miżuri kosteffikaċi bħal pereżempju li l-Membri jippubblikaw ir-rekords tal-infiq tagħhom, kif diġà jsir minn għadd dejjem akbar ta' Membri, u li jistgħu jiġu akkumpanjati minn sistema simplifikata għal rimborż ta' fondi mhux użati; itenni li dawn il-miżuri m'għandux jirrikjedi persunal addizzjonali għall-amministrazzjoni tal-Parlament;

Politika immobiljari

30.  Ifakkar li l-istrateġija immobiljari ta' nofs it-terminu, adottata mill-Bureau fl-2010, attwalment tinsab taħt reviżjoni; jiddispjaċih li l-Bureau għadu ma kkonkludiex id-deliberazzjonijiet tiegħu dwar l-istrateġija immobiljari tal-Parlament ta' nofs it-terminu; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits l-istrateġija immobiljari ta' nofs it-terminu l-ġdida mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn Awwissu 2016, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa 2016;

31.  Jistieden lill-Bureau jippreżenta strateġija fuq terminu twil għall-bini tal-Parlament; itenni li hemm bżonn li l-investimenti fit-tul, bħall-proġetti immobiljari tal-Parlament, jiġu ġestiti bi prudenza u trasparenza; jinsisti fuq ġestjoni stretta tal-ispejjeż u fuq l-ippjanar u s-superviżjoni tal-proġetti; itenni l-appell tiegħu għal proċess trasparenti tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 203 tar-Regolament Finanzjarju; jemmen li rapport dwar ir-raġunijiet għad-dewmien u l-ispejjeż ogħla ta' Dar l-Istorja Ewropea għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija immobiljari fuq terminu twil;

32.  Jappella sabiex il-pożizzjoni fir-rigward tal-istokk immobiljari tal-Parlament tiġi riflessa fedelment fil-baġit; jappella għaldaqstant sabiex l-ispiża għall-bini KAD tiġi stabbilita b'mod ċar fil-baġit definittiv tal-Parlament, u sabiex l-investiment relatat mal-proprjetà jiġi inkorporat fil-baġit, fil-futur, ħalli jiġi evitat il-bżonn ta' trasferimenti ta' tlaqqit;

33.  Huwa tal-fehma li, fil-kuntest ekonomiku attwali, ma għandu jitnieda l-ebda proġett b'rabta mal-Parliamentarium mingħajr ma l-ewwel issir konsultazzjoni mal-Kumitat għall-Baġits u l-approvazzjoni tiegħu;

34.  Jipproponi għalhekk l-introduzzjoni, mill-2018, ta' linja speċifika għal investimenti f'kostruzzjoni ta' bini li tkun tuża, bħala bażi għall-finanzjament fl-2018, il-fondi li fl-2017 huma proposti għal infiq straordinarju;

35.  Jipproponi, fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji fl-2017 li jirrikjedu investiment għoli fl-infrastruttura tas-sigurtà, li kwalunkwe fond mhux użat sa tmiem l-2017 jintuża biex jitħallsu l-ispejjeż ta' kostruzzjoni għall-bini KAD sabiex jiġi evitat li jitħallsu kemm jista' jkun pagamenti tar-rata tal-imgħax lill-banek għal self li jkun irid jiġi kkuntrattat biex tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni;

36.  Jappella għal aktar informazzjoni dwar l-istatus quo tal-proġett għar-rinnovazzjoni tal-bini PHS; jitlob li jitnieda u jiġi eżaminat studju dwar ir-rinnovazzjoni mill-Bureau; jistenna li l-Bureau jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri meta jistabbilixxi l-kalendarju tar-rinnovazzjoni; jitlob lill-Bureau jinforma lill-Kumitat għall-Baġits dwar il-passi kollha malli jsiru disponibbli; jistieden f'dan il-kuntest lill-Bureau jistabbilixxi l-bażi għat-trasformazzjoni tal-bini PHS f'bini eżemplari tal-ogħla livell, f'termini ta' effiċjenza fl-enerġija, u biex jipproċedi minnufih bil-modernizzazzjoni tal-bini;

37.  Jistieden lill-Viċi Presidenti responsabbli jippreżentaw rapport ta' progress dwar il-bini KAD lill-Kumitat għall-Baġits;

38.  Iqis li r-riformi strutturali u organizzattivi mmirati biex jiksbu aktar effiċjenza, sostenibilità ambjentali u effikaċja għandhom jitkomplew permezz ta' eżami bir-reqqa tas-sinerġiji u l-iffrankar possibbli; ifakkar li jistgħu jiġu ffrankati riżorsi sostanzjali jekk il-Parlament ikollu post tax-xogħol wieħed biss minflok tlieta (Brussell, Strasburgu, il-Lussemburgu); jissottolinja l-fatt li dan il-proċess għandu jitmexxa mingħajr ma jipperikola l-eċċellenza leġiżlattiva tal-Parlament, is-setgħat baġitarji u ta' skrutinju tiegħu, kif ukoll il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Membri, l-assistenti u l-persunal;

Kwistjonijiet relatati mal-persunal

39.  Jilqa' l-proposta li fl-2017 l-organigramma tiegħu tonqos b'60 kariga f'konformità mal-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni skont il-proċedura baġitarja fl-14 ta' Novembru 2015;

40.  Ifakkar li l-livell totali ta' persunal fil-gruppi politiċi għandu jiġi eżentat mill-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, f'konformità mad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tas-snin finanzjarji 2014, 2015 u 2016;

41.  Jappoġġa l-karigi addizzjonali meħtieġa għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni bil-lingwa Irlandiża; jeżenta dawn il-karigi addizzjonali mill-mira ta' tnaqqis ta' 5 % f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jikkonsulta mal-Membri Irlandiżi bil-ħsieb li possibilment jiġi razzjonalizzat l-użu tal-lingwa Irlandiża mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet garantiti tal-Membri;

42.  Jappoġġa l-introduzzjoni ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti plenarji kollha sabiex tal-anqas dawn ikunu ġenwinament aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej kollha;

43.  Jilqa' l-progress li sar rigward l-effiċjenza tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni; jirrikonoxxi l-kwalità u l-valur miżjud tas-servizzi mogħtija mill-interpreti; jappella għal ftehim bikri u sostenibbli bejn is-Segretarju Ġenerali u r-rappreżentanti tal-interpreti, li jgħaqqad kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja flimkien ma' ġestjoni effiċjenti sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' żbilanċi f'termini ta' sigħat ta' xogħol u nuqqas ġenerali ta' sigurtà fost l-interpreti, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet soċjali; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jagħmel aktar proposti ta' razzjonalizzazzjoni, bħal pereżempju aktar traduzzjonijiet u interpretazzjoni fuq talba, b'mod partikolari rigward l-attivitajiet tal-Intergruppi tal-Parlament Ewropew; jikkunsidra li s-sistema ta' klassifikazzjoni skont il-profil lingwistiku li ilha stabbilita minn Ottubru 2014 għall-emendi fl-istadju tal-kumitat hija eżempju tal-effiċjenzi li jistgħu jinkisbu u li jistgħu jiġu żviluppati aktar; huwa tal-fehma li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni huma komponenti essenzjali ta' demokrazija Ewropea li hija miftuħa għal kulħadd, u għaldaqstant jappella sabiex ma tkun permessa l-ebda riforma li tnaqqas l-aċċessibilità massima għall-attivitajiet u d-dokumenti tal-Parlament, u dan fuq l-aktar bażi inklużiva possibbli;

44.  Jistieden lill-Bureau jevalwa u, fejn ikun hemm bżonn, jirrevedi r-regoli dwar l-istatut tat-trainees, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' remunerazzjoni minima u l-armonizzazzjoni tal-offerta tal-prezzijiet relatata mal-forniment tal-ikel għat-trainees kollha, kemm dawk fl-amministrazzjoni tal-Parlament kif ukoll dawk fl-uffiċċji tal-Membri, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali u jitħarsu d-drittijiet soċjali tat-trainees;

45.  Jistieden lill-Bureau jirrevedi r-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet relatati mal-vjaġġi bejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament u mġarrba mill-assistenti parlamentari akkreditati, sabiex jiġu allinjati mar-regoli applikabbli għall-kumplament tal-persunal;

46.  Huwa tal-fehma li għandha tiġi introdotta t-tielet proċedura sabiex kuntratt bejn Membru u assistent ikun jista' jintemm b'kunsens reċiproku;

Servizzi tax-xufiera/mobilità

47.  Għandu riżervi rigward il-proposta biex jinternalizzaw is-servizz tax-xufiera, jiġifieri li aġenti kuntrattwali tal-Parlament jieħdu post il-fornitur estern tas-servizz, li se tikkorrispondi għal madwar EUR 3,7 miljun fi spejjeż addizzjonali immedjati; iqis li kuntratt estern organizzat tajjeb konkluż skont ir-regoli tal-akkwist pubbliku applikabbli, fejn il-fornitur estern tas-servizz jkun obbligat biċ-ċar jerfa' r-responsabilità għall-kontrolli ta' sigurtà u l-verifiki tal-preċedenti personali kif ukoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol u paga diċenti, għandu jitqies bħala għażla alternattiva; jappoġġa l-internalizzazzjoni biss jekk l-ispejjeż tagħha ma jaqbżux l-ispejjeż relatati mas-sistema attwali, u sakemm din tippermetti kundizzjonijiet tax-xogħol u paga diċenti għax-xufiera, bilanċ aħjar bejn is-sessi u użu ta' karozzi aktar ekoloġiċi; jitlob li l-Kumitat għall-Baġits jingħata informazzjoni dettaljata qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni;

48.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jikkonsulta mal-awtoritajiet Belġjani bil-għan li jiġi żgurat aċċess faċli u l-aħjar użu ġenerali tal-kollegament dirett il-ġdid bil-ferrovija bejn l-istazzjon ferrovjarju Brussell-Lussemburgu u l-ajruport ta' Zaventem, li jista' jinkludi l-aċċettazzjoni tal-badges tal-Membri minflok is-sistema attwali ta' laissez-passer;

49.  Jemmen li l-flotta tal-karozzi għandha tikkonsisti f'karozzi aktar kosteffiċjenti, effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u aktar sikuri; jisħaq fuq il-fatt li għandha tingħata preferenza għall-użu ta' minivans u xarabanks minn u lejn l-ajruport, f'ħinijiet skedati; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta rapport dwar bidla sħiħa għal mezzi tal-ivvjaġġar elettroniċi fit-tmiem tad-deċennju;

50.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jorganizza diskussjonijiet mal-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Parlament; iħeġġeġ lill-aġenzija tal-ivvjaġġar tintensifika t-tqabbil tal-prezzijiet; jistieden lill-aġenzija tal-ivvjaġġar biex, meta tkun qed tagħmel ir-riżervazzjonijiet, tfittex b'mod attiv biljetti orħos u, b'mod ġenerali, toffri prezzijiet aktar kompetittivi għall-Membri u l-kategoriji kollha tal-persunal filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet xierqa għal bdil ta' biljetti;

Komunikazzjoni

51.  Jitlob ir-riżultati tal-evalwazzjoni ex post tal-istrateġija ġenerali u l-metodoloġija tal-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni għall-2014 (ir-rapport ta' evalwazzjoni kien mistenni għat-tieni semestru tal-2015);

52.  Itenni is-sejħa lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lill-Kumitat għall-Baġits dwar l-evalwazzjoni tal-kampanja għall-elezzjonijiet parlamentari tal-2014 kif ukoll dwar l-effikaċja tal-miżuri ta' komunikazzjoni tal-Parlament intiżi għall-pubbliku ġenerali;

53.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament (EPIOs) f'termini ta' sensibilizzazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Parlament u l-Unjoni b'mod ġenerali; jemmen li għandhom jiġu previsti miżuri ta' effiċjenza fir-rigward tal-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament; iqis li l-EIPOs għandhom, sal-limitu massimu possibbli, jinżammu fl-istess bini mar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u jaqsmu magħhom is-servizzi ta' back office; jitlob li l-objettivi, il-kompiti u l-prestazzjonijiet tal-EIPOs jiġu evalwati u li fid-dawl ta' dan jiġu definiti l-prijoritajiet;

54.  Jitlob evalwazzjoni tal-possibilità għal kooperazzjoni eqreb ma' ARTE fi Strasburgu sabiex jiġi stabbilit ċentru medjatiku Ewropew għal skopijiet ta' taħriġ għall-ġurnalisti żgħażagħ;

55.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta rapport dwar il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet li ngħataw aċċess għall-Parlament sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw forums dwar l-attivitajiet tagħhom; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jżomm bilanċ bejn is-setturi differenti u t-tipi differenti ta' organizzazzjonijiet li jingħataw aċċess għall-Parlament;

Kwistjonijiet oħra

56.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-partijiet amministrattivi tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u biex, fuq din il-bażi, ifassal l-arranġamenti possibbli għal kooperazzjoni amministrattiva ulterjuri f'oqsma bħal-loġistika, l-infrastruttura jew is-sigurtà;

57.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi kjarifiki dwar il-ġestjoni attwali tal-ġinnasju tal-Parlament u dwar l-użu attwali mill-persunal tal-Parlament f'dan il-kuntest; jitlob, barra minn hekk, kjarifika dwar il-litigazzjoni pendenti u dwar l-alternattivi li jeżistu biex jiġi żgurat li jiġi ġestit b'mod effiċjenti u kosteffikaċi tal-ġinnasju fil-ġejjieni;

58.  Iqis li jista' jsir iffrankar ieħor fuq l-infiq għall-għamara, billi jqis li żieda ta' EUR 3 589 832 għall-2016 u żieda simili għall-2017 fil-konfront ta' EUR 2 415 168 fl-2015, hija aktar minn raġonevoli;

59.  Jilqa' l-użu aktar limitat u effiċjenti tal-bagolli (cantines); iħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-bagolli għall-ivvjaġġar lejn Strasburgu;

60.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jimplimenta bis-sħiħ l-ispirtu u l-ittra tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid fir-rigward tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u ekonomikament effiċjenti billi jsaħħaħ l-istrateġija tal-akkwist tal-Parlament f'dan ir-rigward;

61.  Iħeġġeġ biex tkompli tiġi segwita t-triq lejn iffrankar tal-enerġija, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistemi ta' dawl u tisħin tal-bini, hekk kif id-diskussjonijiet dwar il-baġit 2016 urew li hemm lok għal titjib;

62.  Iħeġġeġ aktar promozzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa u organiku; jistieden, barra minn hekk, lill-Bureau jevalwa l-possibilità li jiġi pprovdut ikel tajjeb għas-saħħa, mhux biss f'termini ta' diversifikazzjoni tas-servizzi imma anke, u fuq kollox, f'termini tal-forniment ta' frott u ħaxix frisk bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd;

o
o   o

63.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2017;

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0376.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0407.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0172.
(8) ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0172.


Ir-rapport 2015 dwar it-Turkija
PDF 425kWORD 173k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija (2015/2898(RSP))
P8_TA(2016)0133B8-0442/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (SWD(2015)0216),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkabbir u l-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni u tal-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar l-Istrateġija tal-UE dwar it-Tkabbir (COM(2015)0611)),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija ("is-Sħubija għall-Adeżjoni"), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-Summit UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015 u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(1),

–  wara li kkunsidra l-konferenza intergovernattiva tal-14 ta' Diċembru 2015 li matulha nfetaħ uffiċjalment il-kapitolu 17 dwar il-politika ekonomika u monetarja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, partikolarment dawk tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport ta' progress 2009(2) tat-Turkija, tad-9 ta' Marzu 2011 dwar ir-rapport ta' progress 2010(3) dwar it-Turkija u tar-rapport ta' progress tad-29 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress 2011(4) dwar it-Turkija, tat-18 ta' April 2013 dwar ir-rapport ta' progress 2012(5) dwar it-Turkija, tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija(6), tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rapport ta' progress 2013(7) dwar it-Turkija, tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-azzjonijiet Torok li ħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru(8), u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija(9) u tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rapport ta' progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija(10),

–  wara li kkunsidra t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport ta' progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija, li terġa' tivvaluta l-mod li bih in-negozjati tmexxew s'issa u kif ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni UE-Turkija jistgħu jitjiebu u jiġu intensifikati,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tal-21 ta' Settembru 2005, inklużi d-dispożizzjoni skont liema r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent meħtieġ tal-proċess ta' negozjati, u l-ħtieġa li t-Turkija timplimenta b'mod sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Ankara billi jitneħħew l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija mingħajr preġudizzju u diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE tiddependi fuq konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE, skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti minnu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-kriżi fis-Sirja, l-isforzi biex ikun hemm waqfien mill-ġlied u tinstab soluzzjoni paċifika, u l-obbligi tat-Turkija li ssaħħaħ l-istabbiltà u tippromwovi relazzjonijiet tajbin ta' viċinat permezz ta' sforzi intensivi biex jissolvew kwistjonijiet bilaterali pendenti, tilwim u kunflitti mal-pajjiżi ġirien tagħha dwar il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru, skont il-Karta tan-NU u l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE,

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett għall-istat tad-dritt, inklużi b'mod partikolari s-separazzjoni tal-poteri, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà tar-reliġjon, huma fil-qalba tal-proċess tan-negozjati.

–  wara li kkunsidra l-approvazzjoni ta' EUR 3 biljun għall-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fit-Turkija, b'EUR 1 biljun li ġejjin mill-baġit tal-UE u l-bqija mill-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Kati Piri bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għat-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 u billi l-ftuħ ta' tali negozjati huwa l-punt tat-tluq ta' proċess dejjiemi u miftuħ ibbażat fuq kundizzjonalità ġusta u rigoruża u impenn favur ir-riformi;

B.  billi l-UE għandha tibqa' l-ankra għar-riformi fit-Turkija, b'kunsiderazzjoni tas-setgħa trasformattiva tan-negozjati għall-adeżjoni u l-proċess ta' tkabbir;

C.  billi, skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, għandu jkun hemm konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE; billi t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta' Copenhagen, twettaq riformi adegwati u effikaċi u allinjament progressiv mal-acquis tal-UE; billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha u tissokta l-proċess tagħha ta' demokratizzazzjoni u modernizzazzjoni;

D.  billi r-rispett għall-istat tad-dritt huwa fil-qalba tal-proċess ta' negozjati, b'mod partikolari is-separazzjoni tal-poteri, il-libertà tal-espressjoni u l-midja, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, relazzjonijiet tajbin mal-viċinat, il-libertà ta' reliġjon, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' protesta paċifika, id-drittijiet tal-minoranzi, id-drittijiet tan-nisa, u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli bħalma huma r-Rom, il-persuni b'diżabbiltajiet, u l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI);

E.  billi, rigward il-kriterji politiċi, ir-ritmu tar-riformi naqas u kien hemm rigress sinifikanti fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda;

F.  billi t-Turkija għandha fost l-ogħla numru ta' ġurnalisti l-ħabs fid-dinja;

G.  billi, skont il-klassifikazzjoni magħmula minn Freedom House dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja, it-Turkija għadha qed tiġi kklassifikata bħala pajjiż li m'għandux libertà tal-istampa u fejn il-libertà tal-internet hi biss parzjalment ħielsa;

H.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tiddeterjora rapidament fit-Turkija, kemm internament kif ukoll esternament;

I.  billi t-Turkija ffaċċjat bosta attakki terroristiċi, minħabba l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (ISIL)/Daesh, f'Diyarbakir, Suruc, Ankara u f'Istanbul, fejn total ta' 150 persuna innoċenti tilfu ħajjithom;

J.  filwaqt li l-bombardament ta' Aleppo u ta' partijiet oħrajn tas-Sirja mir-Russja qed iwasslu għal numru kbir ta' rifuġjati addizzjonali li qed ifittxu protezzjoni fit-Turkija;

K.  billi l-UE u t-Turkija qablu li jagħtu spinta ġdida 'l quddiem lill-proċess ta' negozjati u biex jikkooperaw b'mod intensiv dwar il-migrazzjoni;

L.  billi l-popolazzjoni Torka kienet ammirevoli fil-mod kif laqgħet l-għadd kbir ta' rifuġjati li qed jgħixu fosthom; billi t-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja, b'madwar 2,7 miljun rifuġjat irreġistrat mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan, skont il-UNHCR;

M.  billi l-awtoritajiet Torok ma qablux li jerġgħu jiftħu s-Seminarju Ortodoss fuq il-gżira ta' Heybeliada;

I.Is-sitwazzjoni attwali fir-relazzjonijiet UE-Turkija

1.  Jinsab mħasseb ħafna, fid-dawl tar-rigress fir-rispett tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt ġewwa t-Turkija, li r-ritmu ġenerali tar-riformi fit-Turkija naqas b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, u li f'ċerti oqsma ewlenin bħall-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà ta' għaqda, il-libertà tal-espressjoni, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kien hemm rigressjoni u mixja kostanti lil hinn milli jiġu ssodisfati l-kriterji ta' Copenhagen li l-pajjiżi kandidati għandhom jirrispettaw;

2.  Jissottolinja li t-Turkija hija sieħba strateġika għall-UE u li negozjati ta' adeżjoni attivi u kredibbli jipprovdu qafas xieraq biex il-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-Turkija jiġi sfruttat bis-sħiħ; jieħu nota li l-proċess ta' negozjati ngħata spinta 'l quddiem mill-UE u jittama li l-ftuħ ta' kapitoli ser iwassal għal progress konkret; jappella, f'dan ir-rigward, għal progress konkret u impenn ġenwin min-naħa tat-Turkija; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex terġa' tivvaluta l-mod li bih in-negozjati tmexxew s'issa u kif ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn UE-Turkija jistgħu jitjiebu u jiġu intensifikati; jappoġġa bil-qawwa djalogu politiku strutturat ta' livell għoli, iktar frekwenti u miftuħ dwar kwistjonijiet tematiċi ewlenin ta' interess komuni bħalma huma l-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-enerġija, l-ekonomija u l-kummerċ;

3.  Jemmen li l-posponiment tar-rapport ta' progress tal-2015 tal-Kummissjoni għal wara l-elezzjonijiet ta' Novembru 2015 fit-Turkija kienet deċiżjoni żbaljata, peress li tat l-impressjoni li l-UE hija lesta li tibqa' siekta dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali min-naħa tal-gvern Tork biex tpatti għall-kooperazzjoni tiegħu fir-rigward tar-rifuġjati; jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tippubblika rapporti ta' progress annwali skont skeda ta' żmien speċifika u fissa; jappella kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kunsill ma jinjorawx l-iżviluppi interni li saru fit-Turkija u li, bla riservi, jiddefendu r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fit-Turkija, kif stipulat fil-kriterji ta' Copenhagen, u dan irrispettivament minn interessi oħrajn;

4.  Jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-1 ta' Novembru 2015 u l-iffurmar ta' gvern ġdid; itenni tl-appell tiegħu li l-limitu elettorali minimu ta' 10 % jitbaxxa, u jitlob għal trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali; ifaħħar il-parteċipazzjoni attiva tal-voluntiera tas-soċjetà ċivili matul l-elezzjonijiet u r-rata għolja ta' votanti li ħarġu jivvutaw; madankollu jikkundanna l-intimidazzjoni u l-fastidju tal-midja u d-diskriminazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni f'termini ta' kopertura fil-midja ta' qabel l-elezzjoni, il-klima ta' vjolenza u intimidazzjoni, eżemplifikati b'mod partikolari mill-attakki fuq kandidati individwali u fuq l-uffiċċji tal-partiti tal-oppożizzjoni, partikolarment tal-Partit tad-Demokrazija Popolari (HDP), u l-polarizzazzjoni politika intensa; jilqa' l-fatt li l-Gran Assemblea Nazzjonali Torka saret aktar inklużiva għal gruppi ta' minoranza fit-Turkija bħala riżultat ta' dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet u dan minkejja l-limitu ta' 10 %;

5.  Jitlob li l-Unjoni Doganali tittejjeb u li l-ambitu tagħha titwessa' biex tkopri setturi ġodda, inklużi l-prodotti agrikoli, is-servizzi u l-akkwist pubbliku; jinnota li n-negozjati dwar dan huma skedati li jibdew fit-tieni semestru tal-2016; ifakkar li l-Unjoni Doganali tista' tilħaq il-potenzjal tagħha biss meta t-Turkija timplimenta għalkollox il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istati Membri kollha; huwa tal-fehma li l-interessi tat-Turkija għandhom jiġu kkunsidrati fi ftehimiet futuri ta' Kummerċ Ħieles iffirmati mill-UE ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-każ UE-l-Istati Uniti dwar in-negozjati għall-Isħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP); jappella li l-moviment liberu tal-persuni jittejjeb u jsiru aktar skambji interkulturali;

6.  Jieħu nota pożittiva tad-djalogu politiku intensifikat bejn l-UE u t-Turkija fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà u l-allinjament ulterjuri tat-Turkija mad-dikjarazzjonijiet tal-UE u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fl-2015; jiddispjaċih li t-Turkija ma allinjatx ruħha mad-deċiżjoni tal-Kunsill wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-avvenimenti fil-Lvant tal-Ukrajna, inklużi l-miżuri restrittivi;

7.  Itenni li t-Turkija għandha tkompli tallinja l-politika barranija tagħha ma' dik tal-UE b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Qafas ta' Negozjar; jikkunsidra li huwa essenzjali li jiżdied l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u jistieden lill-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin biex jattendi laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin kull meta jkun rilevanti; ifakkar fl-importanza strateġika tat-Turkija għas-sigurtà enerġetika tal-UE bħala pajjiż ta' tranżitu ewlieni; iqis li l-iżvilupp rapidu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u t-twessigħ tal-kuritur tat-trasport tal-enerġija mit-Turkija għall-Unjoni Ewropea huma essenzjali;

8.  Itenni l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet tajbin tal-viċinat, li jikkostitwixxu element fundamentali tal-Qafas ta' Negozjar u huma element essenzjali fil-proċess ta' tkabbir; ; jappella, f'dan ir-rigward, lit-Turkija tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi obbligi ġuridiċi pendenti u tilwim li għadu mhux solvut mal-ġirien immedjati tagħha dwar il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; jappella lill-gvern Tork sabiex jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); iħeġġeġ lill-gvern Tork itemm il-ksur ripetut tal-ispazju tal-ajru u tal-ilmijiet territorjali Griegi kif ukoll il-prattika li inġenji tal-ajru militari Torok jittajru fuq il-gżejjer Griegi; jesprimi id-dispjaċir tiegħu li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata; iħeġġeġ lit-Turkija u lill-Armenja jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom billi jistabbilixxu relazzjonijiet diplomatiċi mingħajr prekundizzjonijiet, u jitlob li tinfetaħ il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja, li jista' jwassal għal titjib fir-relazzjonijiet, b'mod partikolari fil-kooperazzjoni transkonfinali u fl-integrazzjoni ekonomika;

II.Ir-rispett tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

9.  Huwa tal-fehma li, f'konformità mal-impenn tal-UE favur l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali, ir-riformi fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà huma meħtieġa b'mod urġenti fit-Turkija; jappella, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-UE biex jipproponi, ladarba l-parametri tal-ftuħ uffiċjali jiġu ssodisfati, il-ftuħ tal-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà u Sigurtà) u biex jiġi żgurat li l-proċess ta' riforma fit-Turkija jissawwar abbażi ta' valuri u standards Ewropej; jappella lit-Turkija timpenja ruħha b'mod sħiħ mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja;

10.  Jiddeplora r-rigressi serji li saru, matul dawn l-aħħar sentejn, fil-libertà tal-kelma, tal-espressjoni u tal-opinjoni kemm online kif ukoll offline fit-Turkija, li ġiet ikklassifikata l-149 pajjiż minn 180 fl-aħħar Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ta' Reporters Without Borders; ifakkar li, skont iċ-ċifri tal-awtoritajiet Torok, it-Turkija huwa l-pajjiż li għandu r-rekord għall-akbar numru ta' ġurnalisti li jinsabu l-ħabs; itenni li l-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-kelma, li jinkludu l-midja indipendenti, huma valuri Ewropej fundamentali; jilqa' s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li d-drittijiet ta' Can Dündar u Erdem Gül kienu ġew miksura; ifakkar li dawn għadhom qed jiġu proċessati, u li l-prosekuturi qed jitolbu għadd ta' sentenzi ta' għomor il-ħabs, jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni li teskludi lill-pubbliku għat-tul kollu tal-proċess, u jitlob għal investigazzjoni bir-reqqa u oġġettiva fl-allegazzjonijiet tal-ġurnalista rigward it-trasport ta' armi lejn is-Sirja; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-President tat-Turkija kontra l-Qorti Kostituzzjonali; jitlob ir-rilaxx immedjat tal-ġurnalisti arrestati kollha u jħeġġeġ lid-diplomatiċi Ewropej biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib il-kwistjonijiet kriminali kollha kontra l-ġurnalisti; jiddeplora l-attakki personali minn uffiċjali tal-gvern prominenti kontra ġurnalisti u oppożituri, u t-tendenzi dejjem aktar awtoritarji tal-mexxejja Torok; iħeġġeġ lit-Turkija taġixxi kontra l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti f'kull għamla tagħha, b'mod partikolari billi jiġu investigati l-attakki fiżiċi kollha u t-theddid kollu kontra l-ġurnalisti u timpedixxi attivament li jiġu attakkati l-mezzi tax-xandir, iżda wkoll billi tikkalma l-klima ta' tensjoni politika li toħloq ambjent li jrażżan il-libertà tal-espressjoni fil-midja u fuq l-internet;

11.  Josserva l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2015, maħruġ minn Transparency International fis-27 ta' Jannar 2016, li jindika żieda fil-korruzzjoni fit-Turkija fis-sena li għaddiet, u li issa t-Turkija tinsab fis-66 post; jissottolinja l-ħtieġa li l-gvern Tork jibgħat sinjali ċari u konsistenti li juru li għandu tassew l-intenzjoni li jiġġieled kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha ta' poter;

12.  Ifakkar li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tkun fil-qalba tal-prijoritajiet tat-Turkija; jappella għalhekk lit-Turkija taġġorna l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni, li jiġi stabbilit korp indipendenti responsabbli mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jinbena rekord kredibbli ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni, inklużi f'każijiet ta' livell għoli;

13.  Jappella sabiex terġa' tiddaħħal l-indipendenza fil-midja ta' Koza İpek Holding u fil-gruppi tal-midjaFeza u li r-rappreżentanti kollha tal-gvern jitneħħew minn fuq il-bordijiet tad-diretturi, biex jerġgħu jinħatru mill-ġdid l-għadd kbir ta' impjegati li tkeċċew wara li esprimew id-diżappunt tagħhom dwar il-ħakma tal-gvern, u biex l-akkużi ta' terroriżmu jiġu rtirati;

14.  Jikkundanna t-trattament vjolenti u l-ħakma illegali ta' diversi gazzetti Torok, l-aktar reċentement iz-Zaman, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni ta' Digiturk, allegatament ibbażata, inter alia, fuq raġunijiet politiċi, li jieqfu jittrażmettu stazzjonijiet tat-televiżjoni; jistieden lill-gvern Tork biex itemm il-pressjoni politika u ekonomika fuq il-midja indipendenti; jikkundanna bil-qawwa attakki verbali u fiżiċi u l-użu dejjem jiżdied ta' malafama u l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu fuq il-ġurnalisti; jinnota l-projbizzjonijiet fuq il-kontenut għal rappurtar online u offline, kif ukoll il-prattika ta' imblukkar ta' siti web, b'mod partikolari n-netwerks soċjali, li wasslu għal awtoċensura fost il-ġurnalisti u l-biża' ta' aktar rappreżalji għal min jikkritika l-gvern; jinsab imħasseb ħafna dwar l-ibblukkar ta' għeriexen ta' eluf ta'siti web, l-emendi adottati f'Marzu 2015 għal-"Liġi dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Internet", u l-awtorità tad-Direttorat tat-Telekomunikazzjonijiet (TIB) li tista' timblokka siti web fi żmien erba' sigħat għal għadd ta' raġunijiet vagi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li nhar il-Ġimgħa 26 ta' Frar 2016 il-fornitur satellitari Tork Turksat waqqaf ix-xandiriet minn IMC TV fuq talba ta' prosekutur ta' Ankara li qed jinvestiga jekk l-istazzjon jappoġġax grupp "terroristiku"; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar multi fiskali esaġerati fuq l-organizzazzjonijiet tal-midja; jappella li ssir reviżjoni tal-liġi dwar l-internet biex jiġi appoġġat ambjent li jwassal għal-libertà tal-espressjoni fuq l-internet u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet tal-individwi; jikkundanna t-tentattivi ta' uffiċjali tal-gvern Tork biex jintimidaw u, f'xi każijiet, jiddeportaw diversi ġurnalisti internazzjonali; jappella li ssir investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil fit-Turkija tal-ġurnalisti Naji Jerf u Ibrahim Abdel Qader u Fares Hammadi tal-blog dwar is-Sirja "Raqqa is Being Slaughtered Silently"; jiddeplora, barra minn hekk, l-investigazzjonijiet, l-arresti, is-sentenzi ta' ħabs u l-multi punittivi talli allegatament ġie insultat il-Kap tal-Istat, abbażi tal-Artikolu 299 tal-Kodiċi Penali; jappella lill-gvern Tork biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet b'mod urġenti u prijoritarju bl-għan li jiġi ssalvagwardjat il-pluraliżmu f'konformità mal-istandards internazzjonali; iqis li d-dibattitu pubbliku hu element ewlieni ta' kull demokrazija b'saħħitha;

15.  Jappella lill-gvern Tork biex jadotta liġi b'saħħitha għall-protezzjoni tad-data u biex tiġi stabbilita awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, f'konformità mal-istandards Ewropej, li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-użu effiċjenti u effikaċi tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u tal-ġudikatura u l-iskambju ta' informazzjoni, u, fl-istess ħin, jilħaq il-kriterji għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; jappella lill-awtoritajiet Torok biex jiddefinixxu b'mod ċar l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi, b'mod partikolari dwar l-ipproċessar ta' data relatata mas-saħħa, u jistabbilixxu proċedura ta' selezzjoni li tiggarantixxi l-indipendenza tal-membri tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data;

16.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-liġi kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari d-definizzjoni wiesgħa u eċċessivament vaga ta' terroriżmu, kriminalità organizzata u propaganda, li jagħmilha deċiżament impossibbli li tkun stabbilita n-natura preċiża ta' tali reati; jinsisti li l-leġiżlazzjoni kriminali u kontra t-terroriżmu għandhom jikkonformaw mal-ġurisprudenza tal-QEDB, li għandha tkun rispettata u implimentata bis-sħiħ mit-Turkija; jappella lit-Turkija toħloq ambjent politiku u legali li jħalli lill-ġudikatura twettaq id-doveri tagħha b'mod indipendenti u imparzjali, anke fil-prattika, sabiex ma sservix ta' strument għar-ripressjoni ta' dissent intern; jappella lit-Turkija timplimenta s-sentenzi kollha tal-Qrati Ewropej; jesprimi tħassib dwar l-għadd kbir ta' riassenjazzjonijiet, trasferimenti mhux mixtieqa u tkeċċijiet ta' mħallfin u prosekuturi, li jdgħajfu l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura, kif ukoll fuq ir-rispett għall-prinċipju tal-proċess dovut tal-liġi u s-separazzjoni tal-poteri; jappella għar-restituzzjoni urġenti tas-separazzjoni tal-poteri u li jittieħdu passi sinifikanti li jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura; jiddeplora l-perverżjonijiet tal-kors tal-ġustizzja għall-benefiċċju ta' ċerti politiċi li saru normali fit-Turkija wara l-iskandlu tal-korruzzjoni tal-2013; jissottolinja li r-rwol u l-influwenza tal-poter eżekuttiv fi ħdan il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi għandhom jiġu limitati, u hemm bżonn ta' garanziji suffiċjenti kontra t-trasferiment tal-imħallfin kontra r-rieda tagħhom;

17.  Ifakkar li t-tkabbir ekonomiku straordinarju tat-Turkija fl-aħħar deċennju wassal għal splużjoni bla preċedent fil-bini ta' djar u fl-infrastruttura, spiss askaptu tat-tħassib ambjentali u tal-konservazzjoni; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-megaproġetti varji fil-pajjiż, u jappella b'urġenza lill-gvern biex juża valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjali, u biex jinvolvi b'mod xieraq lill-popolazzjoni lokali fit-tfassil tal-proġetti sabiex kemm jista' jkun jiġu evitati l-effetti negattivi fit-tul tal-urbanizzazzjoni, il-konsum tal-ispazju u ta' degradazzjoni ambjentali;

18.  Hu tal-fehma li l-proċess ta' riforma kostituzzjonali għandu jwassal għal soċjetà sekolari, pluralistika, inklużiva u tolleranti; jissottolinja li l-Kostituzzjoni l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq kunsens wiesa' madwar l-ispettru politiku kollu u fis-soċjetà kollha kemm hi, bir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi, irrispettivament mill-isfond kulturali jew reliġjuż tagħhom, biex b'hekk tissawwar bażi b'saħħitha għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lit-Turkija tirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-libertà tal-minoranzi reliġjużi u etniċi; jenfasizza l-bżonn li tiġi tippromulga leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, li tinkludi l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda abbażi ta' etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, ġeneru jew identità tal-ġeneru, u biex tinkludi l-projbizzjoni ta' tali diskriminazzjoni f'Kostituzzjoni ġdida; jissottolinja li dan ma għandux jipprevjeni lit-Turkija milli tagħti drittijiet speċifiċi lil ċittadini abbażi tal-oriġini etnika, reliġjon jew lingwa, sabiex ikunu jistgħu jippreservaw l-identità tagħhom; jinnota, f'dan ir-rigward, li hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri biex jiġu trattati l-problemi ffaċċjati mill-membri tal-minoranza Griega, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet għall-edukazzjoni u ta' proprjetà; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Turkija jieħdu miżuri ġudizzjarji kontra persuni u korpi responsabbli għat-twettiq ta' kwalunkwe tip ta' reat ta' mibegħda, inkluż l-anti-Semitiżmu, kif dikjarat mill-gvern fl-2013 fil-"Pakkett ta' Demokratizzazzjoni"; jikkundanna l-attitudni passiva tal-gvern Tork fir-rigward tat-theddid serju kontra l-Insara u l-pastors tagħhom fil-midja soċjali; jistenna li l-gvern Tork jitratta kull ċittadin Tork mingħajr preġudizzju fir-rigward tat-twemmin reliġjuż tiegħu jew tagħha; jappella lill-awtoritajiet Torok, fid-dawl tal-fatt li t-Turkija għandha l-ogħla popolazzjoni tal-minoranza Rom fid-dinja, jimplimentaw miżuri konkreti u effikaċi li jiksbu de facto drittijiet ugwali għar-Roma fis-soċjetà Torka u biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Roma, b'attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni tat-tfal Roma u l-inklużjoni tan-nisa Roma;

19.  Jappella lit-Turkija tkompli taħdem mill-qrib mal-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida li qed titħejja, u dwar l-implimentazzjoni ta' liġijiet eżistenti, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-acquis tal-UE;

20.  jissottolinja l-ħtieġa li jiġi rrispettat bis-sħiħ, f'konformità mal-valuri Ewropej, id-dritt għal stili ta' ħajja differenti, kemm dawk sekulari kif ukoll dawk ibbażati fuq il-fidi, u li tinżamm is-separazzjoni tal-istat u r-reliġjon;

21.  jisħaq l-importanza li jitkompla l-proċess ta' riforma fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon billi jingħata lok lill-komunitajiet reliġjużi li jiksbu personalità ġuridika, billi jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-kleru, billi jkun hemm konformità mas-sentenzi rilevanti tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u billi jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni jew ta' ostakoli bbażati fuq ir-reliġjon; jappella lit-Turkija tirrispetta n-natura distinta u l-importanza tal-Patrijarkat Ekumeniku, u tirrikonoxxi l-personalità legali tiegħu; itenni l-bżonn li jitħalla l-ftuħ mill-ġdid tas-Seminarju ta' Halki, u biex jitneħħew l-ostakoli kollha għall-funzjonament xieraq tiegħu, u wkoll biex jiġi permess l-użu fil-pubbliku tat-titolu ekkleżjastiku ta' Patrijarka Ekumeniku;

22.  Jappella lill-gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Akkuyu; jindika li s-sit previst jinsab f'reġjun suxxettibbli għal terremoti qawwija, u għalhekk jippreżenta theddida serja mhux biss għat-Turkija iżda għar-reġjun tal-Mediterran kollu kemm hu; jitlob għaldaqstant lill-gvern Tork jingħaqad mal-Konvenzjoni Espoo, li qed timpenja l-partijiet jinnotifikaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar proġetti ewlenin taħt kunsiderazzjoni li x'aktarx ikollhom impatt ambjentali negattiv sinifikanti bejn il-fruntieri; jitlob lill-gvern Tork jinvolvi lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, li jkunu involuti jew għall-inqas ikkonsultati matul kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;

23.  Jesprimi tħassib dwar il-livelli għolja ta' vjolenza fuq in-nisa u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-liġi domestika għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-protezzjoni tagħhom; jinsisti, barra minn hekk, li l-awtoritajiet jinfurzaw b'mod effikaċi l-liġijiet eżistenti rigward il-vjolenza kontra n-nisa u l-abbuż domestiku, li huma problema mifruxa kemm f'żoni rurali, kif ukoll f'dawk urbani, li jindirizzaw in-nuqqas ta' rappurtar tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, jipprovdu servizzi ta' appoġġ u joffru kenn għall-vittmi ta' tali vjolenza u jimponu sanzjonijiet dwar min iwettaq ir-reati, u biex ikabbru s-sensibilizzazzjoni soċjali, u biex tiġi trattata l-aċċettazzjoni tas-soċjetà tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jirrakkomanda bil-qawwa li l-gvern jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor;

24.  Jappella lit-Turkija twettaq sforzi serji biex tipproteġi d-drittijiet tal-komunità LGBTI; jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' protezzjoni mogħtija lill-persuni LGBTI kontra atti ta' vjolenza; jenfasizza f'dan ir-rigward, id-dispjaċir tiegħu għan-nuqqas ta' inklużjoni tal-protezzjoni kontra r-reati ta' mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-Liġi kontra r-Reati ta' Mibegħda; jiddispjaċih li r-reati ta' mibegħda kontra persuni LGBTI spiss jibqgħu mhux ikkastigati jew li s-sentenzi tat-trasgressuri jkunu mnaqqsa minħabba allegazzjonijiet ta' "provokazzjoni inġusta" min-naħa tal-vittma;

III.Il-proċess ta' paċi Kurd u s-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija

25.  Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni li qiegħda tmur għall-agħar fix-Xlokk tat-Turkija; ifakkar li l-Gvern Tork għandu responsabilità li jipproteġi lill-persuni kollha li jgħixu fit-territorju tiegħu, irrispettivament mill-oriġini kulturali jew reliġjużi tagħhom; jirrikonoxxi d-dritt leġittimu tat-Turkija li tiġġieled kontra t-terroriżmu, skont id-dritt internazzjonali; jisħaq, madankollu, li l-miżuri ta' sigurtà għandhom jitwettqu b'rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-operazzjonijiet kollha tal-forzi tas-sigurtà għandhom ikunu proporzjonali u ma jkunux forma ta' kastig kollettiv; jikkundanna l-imġiba ħażina tal-forzi speċjali tas-sigurtà u jitlob li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob li d-dritt umanitarju jiġi infurzat b'mod li l-vittmi jkunu jistgħu jirċievu l-kura li huma intitolati għaliha;

26.  Jikkundanna u ma jikkunsidrax ġustifikat ir-ritorn tal-vjolenza min-naħa tal-PKK, li huwa fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi; jisħaq li ma hemm l-ebda soluzzjoni vjolenti għall-kwistjoni tal-Kurdi u jħeġġeġ lill-gvern tat-Turkija biex jerfa' r-responsabbiltà tiegħu li jerġa' jibda negozjati bil-għan li jikseb soluzzjoni komprensiva u sostenibbli għall-kwistjoni tal-Kurdi; jappella lill-PKK iċedi l-armi, jabbanduna t-tattiċi terroristiċi u jużaw mezzi paċifiċi u legali biex jagħtu vuċi lill-aspettativi tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra l-forzi tas-sigurtà u l-persuni ċivili; jesprimi tħassib serju, f'dan ir-rigward, dwar il-bini ta' barrikati u t-tħaffir ta' trinek mill-militanti YDG-H; jinsisti, madankollu, li l-protesti paċifiċi għandhom jitħallew isiru;

27.  Jappella lill-awtoritajiet Torok biex minnufih ineħħu l-kerfjus li ġew implimentati bi ksur tal-Kostituzzjoni tat-Turkija; jesprimi preokkupazzjoni partikolarment serja dwar is-sitwazzjoni f'Cizre u f'Sur/Diyarbakır, u jikkundanna l-fatt li persuni ċivili qed jiġu maqtula, feruti u jitħallew mingħajr ilma, ikel u attenzjoni medika; jappella lit-Turkija tippermetti lis-Salib l-Aħmar Internazzjonali ttaffi l-kriżi umanitarja li qed tiżviluppa f'Cizre u f'Sur/Diyarbakır; iħeġġeġ lill-gvern iħalli lill-feruti jittieħdu l-isptar, b'konformità mal-miżuri interim tal-QEDB, u jiżgura passaġġ sigur lill-persuni ċivili fi bliet li jinsabu taħt kerfju; jinsab imħasseb bil-kbir dwar l-għadd li qiegħed jiżdied ta' mwiet u feruti ċivili, li għandhom jiġu investigati bir-reqqa, u dwar il-fatt li madwar 400 000 persuna spiċċaw spustati internament; jissottolinja li, bħala att ta' dinjità umana l-familji jeħtiġilhom jitħallew jirkupraw l-iġsma mit-toroq u jidfnuhom; jissottolinja r-responsabbiltà tal-gvern Tork li jiżgura d-drittijiet tal-bniedem u jipprovdi sigurtà u aċċess għal prodotti u servizzi għall-popolazzjoni ċivili kollha fil-partijiet tat-Turkija bi predominanza Kurda li huma milquta mill-ġlied; jitlob lill-gvern tat-Turkija jdaħħal fis-seħħ mekkaniżmu formali għall-għajnuna u kumpens urġenti għal dawk li kellhom jaħarbu minn djarhom, spiċċaw qiegħda, u tilfu l-għajxien tagħhom; jiddispjaċih għall-qerda tal-wirt storiku;

28.  Jinnota bi tħassib il-proġetti ta' trasformazzjoni urbana u ta' rilokazzjoni f'żoni milquta mill-kunflitt li tħabbru dan l-aħħar mill-gvern Tork u jiddeplora d-deċiżjoni li titwettaq esproprjazzjoni estensiva fid-distrett Sur ta' Diyarbakir, fosthom ta' proprjetajiet li jappartjenu lill-muniċipalità kif ukoll proprjetajiet tal-knisja, li tkun ksur tad-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi; jappella lill-gvern Tork jirrispetta l-karattru kulturali distintiv tar-reġjun u jastjeni milli jsaħħaħ ulterjorment l-istruttura ċentralizzata tal-gvern lokali fir-reġjun; jitlob reviżjoni tad-deċiżjoni ta' esproprjazzjoni u tal-pjanijiet ta' rikostruzzjoni permezz ta' dħul fi djalogu u kooperazzjoni mal-muniċipalitajiet distrettwali u metropolitani u permezz tar-rispett lejn id-drittijiet tar-residenti u tas-sidien tal-proprjetà;

29.  Jinsab diżappuntat bl-azzjonijiet tal-operazzjonijiet speċjali tal-forzi tal-pulizija magħrufa bħala "timijiet Esedullah", li jidher li huma responsabbli għal ksur gravi ta' drittijiet tal-bniedem, inkluż il-qtil deliberat ta' ċivili fix-Xlokk tat-Turkija; jitlob investigazzjoni dettaljata mill-awtoritajiet tat-Turkija fl-azzjonijiet tat-"timijiet Esedullah", u li dawk ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jerfgħu responsabbiltà sħiħa u jieħdu l-kastig tagħhom;

30.  Jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat u t-tkomplija tal-proċess ta' paċi sabiex tinkiseb soluzzjoni negozjata għall-kwistjoni tal-Kurdi; jissottolinja l-prijorità li jsir progress lejn id-demokratizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni; jappella, f'dan il-kuntest, għall-istabbiliment ta' kumitat speċjali fil-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni Kurda, sabiex jikkontribwixxi għal paċi dejjiema billi jitrawwem sens ta' ġustizzja u fejqan tat-trawmi li huma vulnerabbli għal abbuż politiku; iħeġġeġ lill-UE biex mingħajr dewmien twettaq rwol attiv fil-proċess ta' paċi; jissottolinja l-importanza li tingħata prijorità lit-tisħiħ tad-drittijiet soċjali, kulturali u politiċi kif ukoll tat-trattament indaqs tal-persuni ta' oriġini Kurda; itenni t-talba tiegħu li t-Turkija, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tneħħi r-riżervi tagħha għall-Karta Ewropea ta' Awtonomija Lokali bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha fl-aspetti kollha tagħha;

31.  Jiddeplora bil-qawwa l-intimidazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' aktar minn 1 000 akkademiku li ffirmaw petizzjoni li tappella għall-paċi; jikkundanna l-fatt li madwar 50 minnhom tkeċċew jew ġew sospiżi, filwaqt li erbgħa firmatarji oħra spiċċaw il-ħabs;; jissottolinja li dawk l-individwi li huma responsabbli għall-qtil tal-avukat Tahir Elçi - li ddedika ħajtu għall-paċi u għad-drittijiet tal-bniedem - għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; jesprimi tħassib serju dwar l-investigazzjonijiet ġudizzjarji li prinċipalment għandhom fil-mira l-membri tal-HDP, kif ukoll dwar il-priġunerija u t-tkeċċija ta' sindki lokali, inkluż 25 ko-sindku, u t-theddid kontra ħafna politiċi Kurdi;

32.  Jikkundanna bis-saħħa l-attakki terroristiċi mill-ISIL/Daesh f'Diyarbakir, Suruc, Ankara, u Istanbul; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u l-familji tagħhom u maċ-ċittadini tat-Turkija li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-estremiżmu; jikkundanna bl-istess qawwa l-isplużjonijiet ta' bombi f'Ankara fis-17 ta' Frar 2016, li għalihom il-grupp militanti TAK (Falkuni tal-Libertà tal-Kurdistan) ħa r-responsabbiltà, kif ukoll l-attakk f'Ankara fit-13 ta' Marzu 2016, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u ta' dawk li mietu; jisħaq dwar l-importanza li jitwettqu investigazzjonijiet dettaljati f'dawn l-attakki bil-għan li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja; jemmen li l-kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Europol u l-aġenziji Torok tal-infurzar tal-liġi hi essenzjali biex it-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effikaċi;

33.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIL u l-ftuħ tal-bażijiet tagħha għall-forzi tal-Istati Uniti u tal-koalizzjoni; iħeġġeġ lit-Turkija taġixxi bir-riżerva xierqa u b'kooperazzjoni sħiħa mal-allejati tal-Punent;

34.  Iħeġġeġ lit-Turkija tkompli tkabbar l-isforzi tagħha biex tipprevjeni lill-ġellieda barranin, flus u tagħmir milli jilħqu lill-ISIL/Daesh u lil gruppi estremisti oħrajn mit-territorju tagħha; jinsab imħasseb li l-awtoritajiet Torok setgħu ma ħadux il-miżuri kollha possibbli biex iwaqqfu u jipprevjenu l-attivitajiet tal-ISIL/Daesh, b'mod partikolari l-ġlieda kontra t-traffikar taż-żejt mill-fruntieri tagħha; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha ta' skambju ta' informazzjoni u tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet Torok dwar din il-kwistjoni sabiex jingħata aktar appoġġ fil-ġlieda kontra n-networks ta' kuntrabandu; jinnota n-nuqqasijiet fl-arrest ta' ġellieda barranin u l-kontroll tal-fruntieri fl-Iraq u s-Sirja;

35.  Jilqa' l-appoġġ u l-kontribut tat-Turkija fil-ftehim milħuq bejn is-setgħat ewlenin biex jintemm il-ġlied fis-Sirja u l-għajnuna umanitarja tiġi pprovduta lill-persuni fil-bżonn; ifaħħarha bħala pass importanti lejn is-soluzzjoni tal-kriżi tas-Sirja; jinnota t-tmiem tal-ġlied għandu japplika għall-partijiet kollha fil-kunflitt ħlief gruppi rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet terroristiċi mill-UNSC; jappella lill-partijiet kollha jimplimentaw malajr dawn l-impenji bis-sħiħ; ifakkar fit-twemmin tiegħu li ma hemmx soluzzjoni militari għall-kunflitt fis-Sirja u jinsisti dwar il-bżonn li tinstab soluzzjoni politika; jikkundanna l-intervent militari tat-Turkija kontra l-forzi Kurdi fis-Sirja tat-Tramuntana, li jdgħajjef il-ġlieda kontra l-ISIL/Daesh u jipperikola l-isforzi ta' paċi u sigurtà;

IV.Kooperazzjoni UE-Turkija dwar ir-rifuġjati / kriżi ta' migrazzjoni

36.  Jappoġġa parteċipazzjoni politika mġedda bejn l-UE u t-Turkija dwar l-isfidi ġeopolitiċi, b'mod partikolari dwar il-kriżi tar-rifuġjati u ta' migrazzjoni; jirrikonoxxi l-kontribut umanitarju qawwi tat-Turkija li tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja; iħeġġeġ lill-UE u t-Turkija jingħaqdu flimkien biex itejbu u jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti u kapaċitajiet bażiċi tal-kampijiet ta' rifuġjati u biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), sabiex jevitaw l-eżodu qawwi ta' migranti; iħeġġeġ lill-UE tkompli taħdem mal-uffiċċjali tal-gvern Tork biex tiżgura d-dokumentazzjoni korretta tal-migranti; ifakkar li t-Turkija hi waħda mill-pajjiżi ta' tranżitu ewlenin għall-migranti u r-rifuġjati li jivvjaġġaw lejn l-UE, mhux biss mis-Sirja iżda minn bosta pajjiżi oħrajn; jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni mat-Turkija fil-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati u biex jiġi evitat it-telf ta' ħajja fuq il-baħar; jilqa' b'sodisfazzjon il-missjoni ta' monitoraġġ tan-NATO fil-Baħar Eġew;

37.  Jilqa' l-attivazzjoni, mid-29 ta' Novembru 2015, tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Turkija dwar ir-rifuġjati u l-ġestjoni tal-migranti, bħala parti mill-aġenda ta' kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq responsabbiltà komuni, impenji reċiproċi u l-konsenja, u jinsisti fuq il-bżonn li dan jiġi implimentat minnufih; jenfasizza li l-kooperazzjoni UE-Turkija dwar il-migrazzjoni ma għandhiex tkun marbuta mal-kalendarju, kontenut u kundizjonalità tal-proċess ta' negozjati; jemmen li l-esternalizzazzjoni tal-kriżi ta' rifuġjati lit-Turkija mhijiex soluzzjoni kredibbli tal-problema fuq il-perjodu twil ta' żmien; jappella għas-solidarjetà tal-Istati Membri tal-UE biex iżidu n-numru ta' pajjiżi li se jaċċettaw ir-rifuġjati għal risistemazzjoni fi spirtu ta' kondiviżjoni tal-piżijiet u ta' responsabbiltà;

38.  Jenfasizza li t-EUR 3 biljun, u l-finanzjament addizzjonali, tal-Faċilità tar-Rifuġjati fit-Turkija għandhom jintużaw b'mod xieraq sabiex ikun benefiċċju malajr u dirett għar-rifuġjati u l-komunitajiet ospitanti tagħhom permezz tal-implimentazzjoni ta' proġetti li jissodisfaw il-ħtiġijiiet l-iktar urġenti ta' ikel, kura tas-saħħa, sanitazzjoni u edukazzjoni; jitlob l-involviment sħiħ tal-Parlament fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet bħala koleġiżlatur u awtorità baġitarja; iħeġġeġ l-iżborż aktar mgħaġġel tal-fondi mwiegħda; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, b'kooperazzjoni mat-Turkija, li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu li jivverifika li l-fondi qed jintużaw tajjeb għal dan il-għan, li l-mekkaniżmu jiġi mmonitorjat mill-qrib u li l-Parlament Ewropew jiġi informat b'mod regolari mill-Kummissjoni dwar l-użu tal-fondi; jissottolinja l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal, partikolarment l-orfni, u l-minoranzi reliġjużi bħall-Insara u l-Yazidi; jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-abbuż kontra n-nisa u t-tfajliet fir-rotot ta' migrazzjoni li jgħaddu mit-Turkija;

39.  Ifaħħar id-deċiżjoni reċenti tal-gvern Tork li jiftaħ is-suq tax-xogħol għar-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ azzjoni aktar urġenti sabiex jiġi żgurat li s-700 000 tifel u tifla Sirjani kollha jirċievu edukazzjoni; ifaħħar lill-gvern Tork talli pprovda servizzi tas-saħħa u edukazzjoni b'xejn lir-rifuġjati Sirjani; jiddeplora l-fatt li l-appell tal-UNHCR għaż-żieda ta' fondi ġie injorat, u li l-Programm Dinji tal-Ikel kellu jnaqqas il-proporzjon ta' nutrizzjoni tiegħu għal 80 % minħabba tnaqqis fil-fondi; ifaħħar lit-Turkija talli b'mod unilaterali għamlet tajjeb għal din id-diskrepanza finanzjarja, u jappella lill-Istati Membri u lill-UE jżidu l-fondi tagħhom lill-aġenziji tan-NU u lill-NGOs imsieħba tagħhom fit-Turkija;

40.  Japprezza li t-Turkija, sa dan l-aħħar baqgħet iżżomm politika ta' fruntiera miftuħa għar-rifuġjati Sirjani; ifaħħar id-dħul fis-seħħ ta' regoli ġodda fir-reġim tal-viża Tork, li diġà witta t-triq għal tnaqqis drastiku fi qsim irregolari tal-fruntiera; jisħaq, madankollu, li b'konformità mal-politika tal-UE dwar il-viża, għandha tkun applikata linja ta' politika aktar stretta fil-konfront ta' pajjiżi li jirrappreżentaw sors ewlieni ta' migrazzjoni irregolari, sabiex jiitrażżan l-influss ta' migranti fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mit-Turkija għall-Ewropa; jissottolinja li t-Turkija għandha bżonn ta' kull tip ta' għajnuna biex ittejjeb aktar is-sigurtà tal-fruntieri tagħha u żżid il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin; jappella lit-Turkija turi tolleranza żero u ddaħħal fis-seħħ miżuri effikaċi biex jitwaqqfu t-traffikanti tal-bnedmin u wkoll il-fluss ta' rifuġjati lejn il-gżejjer Griegi li jwasslu għal kwistjonijiet umanitarji, politiċi, soċjali u ta' sigurtà gravi fi ħdan l-UE; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn it-Turkija, il-Bulgarija u l-Greċja fil-qasam ta' operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Baħar Eġew, u jappella lill-Frontex toffri l-appoġġ tagħha lill-gwardja kostali Torka, u ssaħħaħ l-iskambju bilaterali ta' informazzjoni; jirrikonoxxi li l-miżuri kontra l-kuntrabandu kriminali jistgħu jkunu effikaċi biss jekk jiddaħħlu fis-seħħ flimkien mal-introduzzjoni ta' rotot sikuri u legali biex ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil jidħlu fl-Unjoni Ewropea;

41.  Jissottolinja li t-tnaqqis tal-migrazzjoni lejn l-UE m'għandux iwassal għal respinġimenti ("pushbacks") tar-rifuġjati jew detenzjoni illegali; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Turkija, tinvestiga l-allegazzjonijiet li saru minn Amnesty International fir-Rapport tagħhom tal-1 ta' April 2016 li t-Turkija qed iġġiegħel lir-rifuġjati Sirjani jmorru lura lejn pajjiżhom; jinsisti li l-proċeduri kollha ta' ritorn furzat applikati mill-Greċja għat-Turkija għandhom ikunu f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE fir-rigward tal-aċċess għall-asil u l-protezzjoni internazzjonali u l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-mod li bih l-awtoritajiet Torok jimplimentaw il-ftehim u jekk il-prinċipju ta' non-refoulement huwiex qed jiġi rispettat fil-każ ta' persuni mibgħuta lura lejn it-Turkija; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tat-Turkija biex tneħħi r-riżerva ġeografika għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951; jinsisti li huwa kruċjali li jiddaħħlu fis-seħħ rotot sikuri u legali għar-rifuġjati u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu b'mod sostanzjali l-isforzi tagħhom ta' risistemazzjoni; huwa tal-opinjoni li huwa imperattiv li tinsab soluzzjoni politika għall-kriżi Sirjana; iħeġġeġ lit-Turkija żżid sostanzjalment l-isforzi tagħha biex tinstab soluzzjoni politika, jiġifieri li jingħelbu r-riżervi tagħha kontra l-parteċipazzjoni tal-Kurdi fit-taħditiet ta' paċi f'Ġinevra;

42.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet tat-Turkija u l-UNHCR fit-Turkija qed jarmonizzaw il-bażi ta' data tagħhom ta' reġistrazzjoni tar-rifuġjati f'sistema ta' reġistrazzjoni unika; iqisha bħala urġenti li jinstabu mezzi tekniċi li jagħmlu dik il-bażi ta' data interoperabbli u kumpatibbli mal-bażi ta' data Ewropeja għar-reġistrazzjoni ta' dawk li qed ifittxu l-asil, Eurodac; jenfasizza li hu wkoll importanti li ladarba r-rifuġjati jitilqu mit-Turkija biex imorru lejn l-Ewropa, dawn għandhom jiġu dereġistrati mill-bażi ta' data tat-Turkija;

43.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni fir-rigward tal-Istati Membri kollha hija kruċjali għall-UE peress li dan jipprovdi opportunità għal politika ta' ritorn aktar effikaċi għal migranti li m'għandhomx bżonn ta' protezzjoni internazzjonali; jilqa' l-ftehim politiku li ntlaħaq miż-żewġ partijiet fis-Summit bejn UE-Turkija li sar fid-29 ta' Novembru 2015 dwar il-ftehim ta' riammissjoni tal-UE-Turkija, sabiex il-Ftehim jibda japplika b'mod sħiħ minn Ġunju 2016, jappella lill-partijiet kollha jimplimentaw bis-sħiħ u b'effikaċja l-ftehimiet bilaterali attwali u jiżguraw li jkun hemm ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali ta' migranti li jirritornaw;

44.  Iħeġġeġ lill-gvern sabiex jissodisfa l-kriterji identifikati fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża b'mod sħiħ u nondiskriminatorju, fil-konfront tal-Istati Membri kollha; ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-viża hija proċess ibbażat fuq il-mertu u huwa biss meta jiġu ssodisfati l-istandards li l-ivjaġġar mingħajr viża jkun possibbli għaċ-ċittadini Torok; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar assistenza teknika sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża;

V.Progress tat-taħdidiet dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru

45.  Ifaħħar il-progress konsiderevoli li nkiseb fit-taħdidiet dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru, taħt l-awspiċi tan-NU; jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Frar 2014 magħmula miż-żewġ mexxejja bħala l-bażi tal-ftehim; jappoġġa l-evoluzzjoni tar-Repubblika ta' Ċipru, f'federazzjoni bikomunali u biżonali b'sovranità unika, b'personalità internazzjonali unika u b'ċittadinanza unika b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet u b'opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha tagħha, mingħajr preġudizzju għall-ftehim finali, u bi qbil mar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU u mad-dritt internazzjonali; ifaħħar l-approċċ kostruttiv tal-mexxejja tal-komunità Griega Ċiprijotta kif ukoll dik Torka Ċiprijotta tal-gżira, u d-determinazzjoni u l-isforzi bla waqfien tagħhom biex tinkiseb soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli malajr kemm jista' jkun; jissottolinja l-importanza tas-soluzzjoni tal-problema Ċiprijotta, li ilha għaddejja għal għexieren ta' snin, kemm għar-reġjun kollu kif ukoll għall-Ewropa/l-Unjoni Ewropea; jilqa' għalhekk il-possibbiltà ta' referendum ġdid dwar ir-riunifikazzjoni u jappella lill-partijiet kollha jikkontribwixxu għal riżultat pożittiv;

46.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' soluzzjoni tal-kwistjoni ta' Ċipru għad qed ikollu effett fuq ir-relazzjonijiet UE-Turkija u għaldaqstant jistieden lin-naħat ikkonċernati kollha jistinkaw biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni;

47.  Jappella lit-Turkija tissodisfa l-obbligu tagħha li timplimenta bis-sħiħ u b'mod nondiskriminatorju l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tal-Istati Membri kollha, inkluż ir-Repubblika ta' Ċipru, li jekk jiġi ssodisfat jista' jagħti spinta sinifikanti lill-proċess ta' negozjati;

48.  Jiddeplora l-politika ta' insedjament illegali tat-Turkija u jappella lit-Turkija żżomm lura minn aktar insedjamenti ta' ċittadini tat-Turkija fiż-żoni okkupati ta' Ċipru, li tmur kontra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija ttemm l-azzjonijiet kollha li jbiddlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira u li b'hekk jimpedixxu soluzzjoni futura;

49.  Jappella lit-Turkija żżomm lura minn kwalunkwe azzjoni fiż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) ta' Ċipru, li tista' twassal għal frizzjoni u kriżi f'reġjun sensittiv ħafna u jista' jkollu effetti negattivi fuq in-negozjati għal soluzzjoni demokratika li ttemm l-istatus quo dikotomu u mhux aċċettabbli attwali; jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jiffirmaw ftehimiet bilaterali u oħrajn fil-kuntest tad-drittijiet sovrani tagħhom sabiex jisfruttaw ir-riżorsi nazzjonali tagħhom fi ħdan iż-ŻEE tagħhom;

50.  Jilqa' l-ftehim taż-żewġ mexxejja dwar serje ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, inkluż dwar il-ftuħ ta' żewġ punti ta' qsim tal-fruntiera ġodda, dwar l-interkonnessjoni tal-grilji tal-elettriku; jinnota, madankollu, li kien hemm ftit jew l-ebda progress dwar l-interoperabbiltà tat-telefonija ċellulari; iħeġġeġ għalhekk liż-żewġ naħat jimplimentaw il-miżuri kollha maqbula mingħajr l-ebda dewmien; jappella lill-UE tappoġġa bis-sħiħ il-ftehim, kemm b'mod politiku kif ukoll b'mod finanzjarju; jappella lit-Turkija, tappoġġa b'mod attiv il-proċess ta' negozjati u l-eżitu tiegħu; jappella lit-Turkija tibda tirtira l-forzi tagħha minn Ċipru u tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU f'konformità mar-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-UNSC; ifaħħar il-fatt li ngħata aċċess lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa (li jitratta kemm il-persuni nieqsa Ċiprijotti Torok u Ċiprijotti Griegi) għaż-żoni kollha rilevanti, inklużi ż-żoni militari; iħeġġeġ lit-Turkija, madankollu, tagħti aċċess għall-arkivji rilevanti li għandu jimmassimizza l-effikaċja tal-kumitat;

51.  Jilqa' l-inizjattiva tal-President tar-Repubblika ta' Ċipru, is-Sur Nicos Anastasiades, biex it-Tork isir lingwa uffiċjali tal-UE u jħeġġeġ lill-partijiet iħaffu dan il-proċess; jinnota l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fl-istat kostitwenti Tork Ċiprijott futur mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' soluzzjoni għandha diġà tkun ġiet ippreparata tajjeb; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' kumitat bikomunali ad hoc dwar il-preparazzjoni għall-UE; iħeġġeġ kemm lill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jipparteċipaw maċ-Ċiprijotti Torok bi tħejjija għall-integrazzjoni sħiħa fl-UE; iħeġġeġ lill-President tal-Parlament Ewropea jieħu l-passi meħtieġa fl-eventwalità ta' soluzzjoni;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni , lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0094.
(2) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 59.
(3) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 98.
(4) ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 38.
(5) ĠU C 45, 5.2.2016, p. 48.
(6) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 117.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0235.
(8) Testi adottati, P8_TA(2014)0052.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0014.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0228.


Ir-Rapport 2015 dwar l-Albanija
PDF 299kWORD 120k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar ir-Rapport 2015 dwar l-Albanija (2015/2896(RSP))
P8_TA(2016)0134B8-0440/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-UE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 li l-Albanija tingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat għal sħubija mal-UE u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra s-seba' laqgħa, li saret fi Brussell fit-18 ta' Mejju 2015, tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-Albanija u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Albanija mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) fl-1 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar fi Vjenna fis-27 ta' Awwissu 2015, kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili għas-Summit ta' Vjenna 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 dwar l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE (COM(2015)0611), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport 2015 dwar l-Albanija (SWD(2015)0213),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti tal-ħames Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-prijoritajiet ewlenin adottati f'Tirana fl-24 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet lokali tal-21 ta' Ġunju 2015, bid-data tat-8 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-disa' laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija (SAPC) li saret fi Brussell fid-9 u l-10 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Knut Fleckenstein bħala r-rapporteur permanenti dwar l-Albanija tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Albanija għamlet progress sostnut fi triqtha lejn adeżjoni mal-UE;

B.  billi pajjiżi kandidati (potenzjali) jiġu ġġudikati fuq il-merti tagħhom stess, u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni;

C.  billi għad fadal sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod rapidu u effiċjenti ħalli jsir aktar progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

D.  billi, sabiex isir aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE, huwa essenzjali li jkun hemm adozzjoni konsistenti u implimentazzjoni sħiħa tar-riformi dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin, kif ukoll impenn politiku sostnut;

E.  billi l-protezzjoni tal-libertà reliġjuża, il-wirt kulturali u l-amministrazzjoni tal-proprjetà skont l-istat tad-dritt huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

F.  billi huwa essenzjali li jkun hemm djalogu politiku konstruttiv u sostenibbli dwar riformi relatati mal-UE bejn il-forzi politiċi, bil-ħsieb li jsir aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; billi l-fair play, id-djalogu kostruttiv, il-kooperazzjoni u r-rieda biex jintlaħaq kompromess bejn il-gvern u l-oppożizzjoni huma kruċjali għal proċess ta' riforma ta' suċċess u sostenibbli;

G.  billi fl-Albanija jeżisti kunsens politiku u appoġġ pubbliku wiesa' għall-proċess tal-adeżjoni mal-UE; billi s-suċċess tal-aġenda tar-riforma jiddependi bil-kbir fuq l-eżistenza ta' ambjent politiku demokratiku fil-pajjiż;

H.  billi progress sostnut, speċjalment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tar-riforma ġudizzjarja, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tad-drittijiet fundamentali, huwa ta' importanza kruċjali fil-proċess ta' riforma; billi jeħtieġ li l-Albanija tintensifika l-isforzi ta' riforma f'dawn l-oqsma u fi prijoritajiet ewlenin oħrajn biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni u tikkonsolida t-tranżizzjoni demokratika tagħha; billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha, u barra minn hekk enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika u tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

1.  Jilqa' l-progress sostnut li sar mill-Albanija fir-rigward tar-riformi meħtieġa dwar il-prijoritajiet ewlenin għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni; iħeġġeġ lill-gvern, lill-parlament u lill-partiti politiċi jżommu l-momentum tar-riforma u jaċċeleraw l-implimentazzjoni tar-riformi; jistedinhom jipproċedu malajr b'riforma sostanzjali tal-ġudikatura; jinsisti fuq l-importanza ta' implimentazzjoni adatta u f'waqtha ta' dawn ir-riformi;

2.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha jagħmlu sforzi ulterjuri biex jidħlu fi djalogu politiku aktar kostruttiv u ġenwin li jippermetti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi ewlenin; jemmen bis-sħiħ li kooperazzjoni sostenibbli bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fil-parlament hija essenzjali għall-proċess ta' adeżjoni tal-Albanija mal-UE u biex din tissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni; jenfasizza bil-qawwa l-importanza li dawn iżommu mal-impenn tagħhom li jibnu kultura politika demokratika li tinkludi d-disponibbiltà għad-djalogu, in-negozjati u l-kompromess u l-esklużjoni totali ta' bojkotts u radikaliżmu; jilqa' t-twaqqif u l-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea (NCEI) li huwa mistenni jagħmel il-proċess ta' riforma relatat mal-UE aktar inklużiv; iħeġġeġ it-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità tal-parlament li jissorvelja l-implimentazzjoni u l-konformità mal-acquis;

3.  Ifaħħar lill-gvern kif ukoll lill-partiti tal-oppożizzjoni għall-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni b'rabta mal-esklużjoni ta' trasgressuri kriminali milli jinħatru u jiġu eletti għal kariga pubblika (''il-liġi tad-dekriminalizzazzjoni''), kif ukoll talli din ġiet adottata b'mod unanimu mill-parlament; jilqa' l-adozzjoni ta' liġijiet sussidjarji mill-parlament u jappella għal implimentazzjoni rapida u bir-reqqa ta' din il-leġiżlazzjoni fl-ispirtu u fl-ittra; iħeġġeġ bil-qawwa lill-parlament iservi ta' eżempju billi jimplimenta l-liġijiet biex b'hekk iqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini u tal-komunità tan-negozju fir-rappreżentanti politiċi tagħhom u fl-istituzzjonijiet pubbliċi;

4.  Jilqa' l-impenn tal-Albanija għal riforma komprensiva u bir-reqqa fis-sistema ġudizzjarja u jħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Albaniżi jkomplu malajr bit-tħejjijiet għal din ir-riforma kruċjali sabiex titrawwem il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema ġudizzjarja; ifaħħar il-ħidma tal-Kumitat Parlamentari Ad Hoc dwar ir-Riforma Ġudizzjarja fit-tħejjija tar-riforma; japprezza l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ ukoll attitudni kooperattiva fit-triq lejn l-adozzjoni ta' din ir-riforma; jistieden lill-partijiet kollha, b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, jaħdmu lejn kompromess dwar il-bidliet essenzjali fil-ġudikatura li jirrigwardaw fost l-oħrajn l-indipendenza sħiħa u r-responsabbiltà tal-imħallfin u l-prosekuturi u l-imparzjalità tal-qrati, speċjalment il-Qorti Għolja u l-Qorti Kostituzzjonali, kif ukoll il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, inkluża l-indipendenza tagħha minn fergħat oħra tas-setgħa, indħil politiku, ġustizzja selettiva u responsabbiltà limitata, livell għoli ta' korruzzjoni, mekkaniżmi ta' kontroll ineffiċjenti, nuqqas ta' riżorsi, it-tul kumplessiv tal-proċeduri ġudizzjarji u n-nuqqas ta' kriterji professjonali ċari għall-ħatra u l-promozzjoni tal-imħallfin; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza u li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) fir-rapport ta' evalwazzjoni tar-raba' rawnd tiegħu dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tal-imħallfin u l-prosekuturi;

6.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-progress li sar fir-riforma tal-ġudikatura u jħeġġiġha tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill malli l-Albanija tkun avvanzat biżżejjed f'din ir-riforma, u biex tieħu kont ta' dawn il-konklużjonijiet u l-progress tal-Albanija fl-implimentazzjoni tal-ħames prijoritajiet ewlenin meta tikkunsidra li tirrakkomanda l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-istrateġija għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-2015-2020 u l-pjan ta' azzjoni tagħha għall-2015-2017, kif ukoll l-istrateġija għar-riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika għall-2014-2020; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm servizz ċivili professjonali u trasparenti sabiex jaqdi l-interessi taċ-ċittadini, jingħataw servizzi aħjar liċ-ċittadini u ssir tħejjija sabiex in-negozjati ta' adeżjoni futuri jitwettqu b'mod effiċjenti; jieħu nota tal-isforzi lejn amministrazzjoni pubblika orjentata aktar lejn iċ-ċittadini; iħeġġeġ lill-gvern ikompli bl-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi, jiddepolitiċizza l-amministrazzjoni pubblika, jiġġieled il-korruzzjoni fis-servizz ċivili u jtejjeb il-proċeduri ta' reklutaġġ skont il-prinċipji tal-mertu u l-prestazzjoni; jitlob implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-Liġi dwar is-Servizz Ċivili u l-Liġi l-ġdida dwar il-Proċeduri Amministrattivi; jitlob li jissaħħu l-awtorità, l-awtonomija, l-effiċjenza u r-riżorsi tal-istrutturi tad-drittijiet tal-bniedem, bħal pereżempju l-Uffiċċju tal-Ombudsman; jitlob allokazzjonijiet baġitarji xierqa għad-disponibbiltà taż-żewġ Kummissarji ġodda għat-Tfal u għall-Prevenzjoni tat-Tortura; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija ta' deċentralizzazzjoni għall-2015-2020 u tal-liġi dwar il-governanza awtonoma lokali, li żżid il-kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji tal-unitajiet tal-gvern lokali u tipprevedi konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u lokali; jieħu nota tal-ħtieġa li jkomplu jiġu ċċarati l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-gvern lokali u biex jitkompla d-djalogu mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

8.  Għadu mħasseb dwar il-korruzzjoni mifruxa, b'mod partikolari fl-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-ġudikatura, l-akkwist pubbliku, il-konċessjonijiet ta' sħubija pubblika privata, il-kostruzzjoni u l-ippjanar tal-ispazji, il-gvern lokali u s-servizz pubbliku; jitlob li l-gvernijiet lokali jissaħħu; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni għall-2015-2020 u l-pjan ta' azzjoni għall-2015-2017; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw u jeżaminaw mill-ġdid il-pjan ta' azzjoni b'mod komprensiv, itejbu r-rekord rigward l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna ta' każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli kollha, jinfurzaw b'mod strett il-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni u jsaħħu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni u l-kooperazzjoni bejniethom; jilqa' l-proposta għal liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi u għat-titjib tat-trasparenza u l-kontroll tal-finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex iwettqu investigazzjonijiet proattivi u effikaċi; jemmen bis-sħiħ li l-progress fir-riforma ġudizzjarja se jtejjeb sostanzjalment ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

9.  Jinnota l-impenn tal-gvern għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li wassal għal għadd ta' operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi fuq skala kbira ta' suċċess, inkluża kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ġirien u mal-Istati Membri tal-UE; jibqa' mħasseb, madankollu, dwar l-għadd baxx ta' kundanni finali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-pulizija u li jiġi żgurat segwitu ġudizzjarju effikaċi; jitlob li jiġu allokati riżorsi adegwati lill-pulizija u s-servizzi tal-prosekuzzjoni sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata; jilqa' l-operazzjonijiet reċenti kontra t-traffikanti tad-droga, iżda jirrimarka li t-traffikar għadu problema sinifikanti għall-Albanija; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi u n-narkotiċi, inkluż billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali; jappella għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi dwar it-traffikar tal-bnedmin, protezzjoni aħjar u rimedju għall-vittmi u titjib fir-rekord tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jintensifikaw l-isforzi tagħhom kontra t-traffikar tal-armi;

10.  Jinnota l-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR rigward il-proċess elettorali wara l-elezzjonijiet lokali ta' Ġunju 2015, meta osservaturi internazzjonali identifikaw għadd ta' irregolaritajiet; jisħaq li l-elezzjonijiet parlamentari tal-2017 se jkunu test importanti għall-proċess ta’ integrazzjoni tal-Albanija fl-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu kull sforz sabiex iħejju għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jilqa' t-twaqqif ta' kumitat parlamentari ad hoc dwar ir-riforma elettorali f'Jannar 2016 u jħeġġeġ l-implimentazzjoni effikaċi tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari bil-ħsieb li jitħejjew u jitwettqu l-elezzjonijiet li jmiss; jinsab imħasseb dwar il-politiċizzazzjoni globali tal-proċess elettorali, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw fost l-oħrajn in-nuqqasijiet proċedurali, inklużi t-tilwim elettorali, l-indipendenza tal-kummissjonijiet elettorali, it-trasparenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-partiti politiċi, l-allegati każijiet ta' xiri ta' voti u ta' intimidazzjoni tal-votanti u l-abbuż mir-riżorsi tal-istat, u dan sabiex tissaħaħ il-fiduċja pubblika fil-proċess elettorali; jinnota li l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) jeħtiġilha tistabbilixxi responsabbiltajiet interni ċari biex tissorvelja l-finanzi tal-partit u tmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ formali dwar id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partiti politiċi;

11.  Jilqa' l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni parlamentari dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż, u jinnota titjib fil-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-istat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-NCEI; ifaħħar l-adozzjoni tal-pjan direzzjonali dwar is-soċjetà ċivili u jinkoraġġixxi li dan jiġi implimentat mingħajr xkiel; jirrakkomanda li jittieħdu passi biex tiġi istituzzjonalizzata l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex tissaħħaħ id-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili permezz tal-parteċipazzjoni pubblika u biex tiżdied it-trasparenza fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jeżaminaw mill-ġdid ir-regoli fiskali u regolamenti rilevanti oħra, bil-ħsieb li jiffaċilitaw id-donazzjonijiet privati; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod attiv fis-superviżjoni tal-proċess elettorali u jkunu involuti fil-forniment ta' informazzjoni komprensiva u f'waqtha lill-pubbliku dwar il-proċess tal-adeżjoni mal-UE;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż jiddedika attenzjoni partikolari lit-titjib fil-prospetti għaż-żgħażagħ u jinvesti fil-modernizzazzjoni u r-riforma tas-sistema edukattiva sabiex tiżdied l-impjegabbiltà u l-prospetti professjonali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-eżodu ta' mħuħ attwali jinbidel f'ċirkolazzjoni ta' mħuħ li tappoġġa l-mobbiltà, filwaqt li fl-istess ħin jinħoloq potenzjal għoli għal prospetti adegwati ta' karriera fl-Albanija; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-IPA ddedikat għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-politiki soċjali;

13.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti biex jipproċedu ħalli ssir ġustizzja mal-vittmi tal-ġrajjiet tal-21 ta' Jannar 2011;

14.  Jikkundanna t-trattament ħażin tal-persuni suspettati fl-għases tal-pulizija, l-iffullar fil-ħabsijiet u l-inadegwatezza tal-kura medika u l-kundizzjonijiet ħżiena f'faċilitajiet ta' detenzjoni;

15.  Ifakkar li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal għadhom insuffiċjenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirriformaw is-sistema ġudizzjarja għall-minorenni b'mod li tikkonforma mal-istandards internazzjonali; jitlob żieda sinifikanti fl-allokazzjonijiet finanzjarji għas-sistema ta' protezzjoni tat-tfal, b'mod partikolari għall-unitajiet ta' protezzjoni tat-tfal (CPUs) fil-livell lokali u reġjonali; jiddeplora l-fatt li xi CPUs kellhom jieqfu minn ħidmithom minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw l-aċċess tat-tfal għas-CPUs anke fiż-żoni rurali;

16.  Ifaħħar il-klima ta' tolleranza reliġjuża fil-pajjiż, il-kooperazzjoni tajba bejn il-komunitajiet reliġjużi u r-relazzjonijiet pożittivi tagħhom mal-Istat; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti u lill-komunitajiet reliġjużi kollha jaħdmu flimkien ħalli jippreservaw u jrawmu l-armonija reliġjuża;

17.  Ifakkar, fost il-prijoritajiet ewlenin, il-ħtieġa għal miżuri leġiżlattivi u ta' politika effikaċi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-politiki antidiskriminatorji; jinnota li r-Rom u l-Eġizzjani jgħixu f'kundizzjonijiet diffiċli u spiss iħabbtu wiċċhom ma' esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni; ifaħħar l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-2015-2020 għall-integrazzjoni tar-Rom u tal-Eġizzjani u l-implimentazzjoni aktar effikaċi tal-politiki dwar l-inklużjoni tar-Rom; jinnota li r-reġistrazzjoni u t-tluq bikri mill-iskola fost it-tfal Rom u s-sitwazzjoni tat-tfal tat-triq Rom u Eġizzjani, inklużi każijiet ta' tkeċċija furzata ta' dawn it-tfal mingħajr proċess ġust jew l-għoti ta' akkomodazzjoni alternattiva, jibqgħu ta' tħassib; jitlob li titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u s-sistema ġudizzjarja għall-minorenni; jilqa' r-riżoluzzjoni parlamentari dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni li jagħmlu parti mill-komunità LGBTI; jinnota li t-tieni attività magħrufa bħala "Tirana Pride" saret mingħajr inċidenti kbar f'Ġunju 2015; jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet li jiddiskriminaw kontra l-persuni transġeneru u intersesswali jitneħħew mil-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jtejbu l-klima fir-rigward tal-inklużjoni u t-tolleranza tal-minoranzi kollha fil-pajjiż, inkluż billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat tal-Istat għall-Minoranzi;

18.  Jirrakkomanda li l-inugwaljanza bejn is-sessi, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi u l-vjolenza domestika jiġu indirizzati permezz ta' mekkaniżmi xierqa; jilqa' l-emendi lill-Kodiċi Elettorali, adottati f'April 2015, li jipprevedu kwota ta' 50 % ta' rappreżentanza bejn is-sessi fil-listi tal-kandidati għall-kunsilli muniċipali;

19.  Jirrimarka li l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà għad irid jiġi żgurat; iħeġġeġ it-tlestija tal-proċess ta' reġistrazzjoni, restituzzjoni u kumpens tal-proprjetà kif ukoll l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija 2012-2020 dwar id-drittijiet tal-proprjetà; jirrimarka li infurzar aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà se jinfluwenza b'mod pożittiv l-investiment lokali u barrani;

20.  Jenfasizza mill-ġdid l-importanza kritika li s-servizz tax-xandir pubbliku u l-midja privata jkunu professjonali, indipendenti u pluralistiċi; jinsab imħasseb dwar l-awtoċensura mifruxa fost il-ġurnalisti, li xi drabi jiġu ostakolati fiżikament milli jkopru avvenimenti speċifiċi, jiġu attakkati jew mhedda minħabba xogħolhom, u dwar każijiet ta' interferenza diretta fl-awtonomija editorjali; jiddeplora, f'dan il-kuntest, li n-Netwerk Reġjonali Investigattiv tal-Balkani ġie mhedded b'kawża ta' malafama wara l-investigazzjonijiet tiegħu dwar il-passat kriminali ta' kandidat għall-kariga ta' sindku matul l-elezzjonijiet lokali fl-2015; jitlob li jittieħdu miżuri ħalli jissaħħu l-istandards etiċi u professjonali tal-ġurnalisti; jitlob li titjieb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Midja Awdjoviżiva; jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ it-trasparenza tar-reklamar tal-gvern fil-midja u biex isiru sforzi addizzjonali biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva (AMA) u tax-xandir pubbliku; jinsab imħasseb dwar it-tibdil fil-proċeduri għall-elezzjoni tad-Direttur Ġenerali tax-xandar pubbliku Albaniż tar-radju u t-televiżjoni (RTSh); jistieden kemm lill-gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni jiżguraw il-funzjonament tajjeb tax-xandar nazzjonali billi jidentifikaw kandidat kunsenswali għall-pożizzjoni ta' direttur; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ffinalizzat il-proċess tardiv tad-diġitalizzazzjoni;

21.  Jirrimarka li l-Albanija hija mħejjija b'mod moderat fir-rigward tal-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona; jilqa' s-sistema aħjar tal-ġbir tat-taxxa u l-kampanja tal-gvern kontra l-ekonomija informali; jinsab imħasseb, filwaqt li jinnota żieda fl-impjiegi, dwar il-livell għoli ta' qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, li huwa aktar minn 50 % tal-qgħad totali; iħeġġeġ li tingħata aktar attenzjoni lill-opportunitajiet indaqs u li jittieħdu aktar miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jibqa' mħasseb dwar nuqqasijiet persistenti u sinifikanti fl-istat tad-dritt, l-ambjent regolatorju, l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni li qed ifixklu l-isforzi biex jitjieb l-ambjent tan-negozju; iħeġġeġ lill-Albanija tindirizza b'mod komprensiv il-problema li għadha akuta tal-ekonomija moħbija kbira li għandha, marbuta ma' korruzzjoni mifruxa, u dan billi tfittex riformi ekonomiċi effikaċi; iħeġġeġ li jittieħdu passi ħalli jiġu indirizzati d-dgħufijiet fl-infurzar tal-kuntratti u fl-istat tad-dritt, tiġi ttrattata l-ekonomija informali li għadha mifruxa kif ukoll li tingħata prijorità lill-programm ta' konsolidazzjoni fiskali u t-tnaqqis fid-dejn pubbliku tagħha; iħeġġeġ aktar appoġġ dwar mekkaniżmi ta' protezzjoni tal-konsumatur;

22.  Jistieden lill-Albanija tagħmel aktar sforz biex tallinja mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u r-rekwiżiti tal-Kapitolu 27; jilqa' f'dan ir-rigward l-istabbiliment ta' Aġenzija Nazzjonali għal Żoni Protetti u Aġenzija għall-Kosta Albaniża;

23.  Jistieden lill-Gvern Albaniż jikkontrolla l-iżvilupp ta' impjanti idroelettriċi f'żoni ambjentalment sensittivi bħal pereżempju madwar ix-xmara Vjosa u f'żoni protetti, u biex tinżamm l-integrità ta' parks nazzjonali eżistenti; jirrakkomanda titjib fil-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istandards tal-UE kif stabbiliti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż iżid it-trasparenza permezz ta' parteċipazzjoni u konsultazzjoni pubblika dwar proġetti ppjanati;

24.  Jistieden lill-Albanija twettaq il-miżuri rilevanti relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u l-ġestjoni tal-iskart u tieħu miżuri addizzjonali kontra r-rimi ħażin tal-iskart u t-tneħħija tiegħu, b’mod partikolari l-iskart tal-baħar;

25.  Jistieden lill-gvern jadotta u jimplimenta strateġija nazzjonali tal-enerġija; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Albanija ma rnexxilhiex tressaq pjan ta' azzjoni għall-enerġija rinnovabbli lill-Komunità tal-Enerġija, u li dan wassal għal proċedura ta' ksur; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-Albanija ma laħqitx l-iskadenza tagħha tal-Komunità tal-Enerġija sabiex tallinja l-liġi tagħha mad-Direttiva tal-2006 dwar l-effiċjenza fl-utilizzazzjoni finali u s-servizzi tal-enerġija; iħeġġeġ lill-gvern jaħdem aktar fuq l-effiċjenza fl-enerġija billi jadotta liġi ġdida dwar l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini;

26.  Ifaħħar lill-Albanija talli baqgħet sieħba kostruttiva fir-reġjun u proattiva fil-kooperazzjoni reġjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati relazzjonijiet tajba mal-viċinat, li jibqgħu essenzjali; jirrimarka b'mod pożittiv l-impenn tal-Albanija għall-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali li ħadet fis-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2014 f'Berlin u tal-2015 fi Vjenna; jilqa' r-rwol kostruttiv tal-Albanija fl-aġenda tal-konnettività; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-istandards tekniċi u miżuri flessibbli fis-settur tat-trasport li ntlaħaq qbil dwarhom matul is-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2015 fi Vjenna, qabel is-Summit li jmiss li se jsir f'Pariġi fl-2016;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda politika kontinwa biex jitjiebu r-relazzjonijiet mas-Serbja u jħeġġeġ lill-Albanija u lis-Serbja jieħdu aktar azzjonijiet biex jippromwovu l-istabbiltà u l-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin mal-viċinat; iħeġġeġ lill-Albanija, fid-dawl ta' dawn l-isforzi, tkompli bl-iżvilupp tal-Uffiċċju Reġjonali ta' Kooperazzjoni għaż-Żgħażagħ, bil-kwartieri ġenerali f'Tirana, li huwa ta' importanza kbira għal aktar ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jirrakkomanda li titħaffef il-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar bħal dak tal-konnessjoni ferrovjarja u l-awtostrada moderna bejn Tirana u Skopje bħala parti minn Kuritur VIII; ifaħħar lill-Albanija talli allinjat bis-sħiħ mad-dikjarazzjonijiet rilevanti kollha tal-PESK u mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, kif ukoll għar-rieda tagħha li tikkontribwixxi għall-għajnuna Ewropea u l-iskemi ta' risistemazzjoni għar-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-gvern jagħmel aktar sforzi ħalli jindirizza l-għadd kbir ta' applikazzjonijiet għall-asil manifestament mingħajr bażi ppreżentati fl-Istati Membri, u jħeġġu jieħu azzjoni determinata permezz tal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża sabiex jimpenja ruħu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-operat u għal skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien; jistieden lill-gvern jikkunsidra wkoll jieħu aktar miżuri biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien soċjoekonomiċi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri u jappoġġa l-fatt li l-Albanija ġiet inkluża f'dik il-lista;

28.  Jappoġġa, fil-kuntest tal-Proċess ta' Berlin, il-ħolqien tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent, li jgħti opportunità lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tar-reġjuni biex jiskambjaw ideat, ileħħnu t-tħassib tagħhom u jfasslu rakkomandazzjonijiet konkreti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jappella għat-tkomplija ta' dan il-proċess matul is-summit li jmiss li se jsir f'Pariġi fl-2016, kif ukoll għall-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun;

29.  Jilqa' l-impenn tal-Albanija fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u l-adozzjoni ta' strateġiji ta' sigurtà u pjan ta' azzjoni rilevanti; jilqa' l-fatt li l-qafas strateġiku aġġornat jinkludi strateġija dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Albanija, kif ukoll pajjiżi oħra, hija milquta mill-fenomenu tar-ritorn ta' ġellieda barranin, ir-radikalizzazzjoni Iżlamika u l-estremiżmu vjolenti; jilqa' f'dan ir-rigward, il-miżuri meħuda mill-Gvern Albaniż biex jiġi evitat il-ħruġ ta' ġellieda barranin biex jingħaqdu mal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja; iqis li huwa essenzjali li titkompla l-implimentazzjoni ta' politika effikaċi li tipprevjeni r-radikalizzazzjoni Iżlamika, tiġġieled kontra l-estremiżmu vjolenti anke bl-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet reliġjużi, timpedixxi u tisfratta l-fluss ta' ġellieda terroristi barranin, tiġġieled kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u tiżviluppa approċċ speċifiku msejjes fuq l-istat tad-dritt għall-aġenziji tal-intelligence u tal-infurzar tal-liġi kif ukoll politika ġudizzjarja koerenti dwar it-trasgressuri; jirrakkomanda, barra minn hekk, l-intensifikazzjoni ta' kooperazzjoni reġjonali effikaċi u kooperazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni, inkluż dwar l-iskambju ta' informazzjoni; huwa tal-fehma li l-miżuri kollha li ttieħdu f'dan ir-rigward għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali skont l-istandards u l-istrumenti internazzjonali;

30.  Jiddispjaċih li, minħabba nuqqas ta' spirtu ta' kooperazzjoni u kompromess fi ħdan id-delegazzjoni Albaniża, bħalissa ma jista' jsir l-ebda dibattitu sinifikanti fl-SAPC u li ma setgħet tiġi adottata l-ebda rakkomandazzjoni fid-disa' laqgħa tiegħu; jappella sabiex jittieħdu passi għat-tisħiħ tal-SAPC biex dan ikun jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-proċess ta' adeżjoni tal-Albanija mal-UE;

31.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-appoġġ tal-IPA għall-Albanija u l-implimentazzjoni tal-miżuri fir-rapporti futuri tagħha, b'mod partikolari l-appoġġ tal-IPA allokat għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-proġetti rilevanti, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Djalogu Strateġiku mal-Parlament Ewropew;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.


Ir-Rapport 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina
PDF 329kWORD 149k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ April 2016 dwar ir-Rapport 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2015/2897(RSP))
P8_TA(2016)0135B8-0441/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' April 2015 li tikkonkludi l-FSA mal-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-12 ta' Ottubru u tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina (KPSA) li saret f'Sarajevo fil-5-6 ta' Novembru 2015 u l-ewwel laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KSA) u tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE li saru fil-11 u fis-17 ta' Diċembru 2015, rispettivament,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar fi Vjenna fis-27 ta' Awwissu 2015, u r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għas-Summit ta' Vjenna 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-tkabbir" (COM(2015)0611), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina" (SWD(2015)0214),

–  wara li kkunsidra l-Impenn bil-Miktub għall-Integrazzjoni tal-UE, adottat mill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina fid-29 ta' Jannar 2015 u approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina fit-23 ta' Frar 2015, kif ukoll l-Aġenda ta' Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina 2015-2018, adottata minn kull wieħed mit-tliet livelli ta' gvern f'Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan il-pajjiż, inklużi r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica(2) u tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-20 anniversarju tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton(3),

–  wara li kkunsidra l-konferenza dwar "Il-Futur Ewropew tal-Bożnija-Ħerzegovina – 20 sena wara l-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton-Pariġi" li saret fil-Parlament Ewropew fid-9 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Cristian Dan Preda bħala r-rapporteur permanenti dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għadha tħaddan l-impenn tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha;

B.  billi l-adeżjoni mal-UE hija proċess inklużiv li jirrikjedi kunsens nazzjonali dwar l-Aġenda tar-Riforma; billi ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tar-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali;

C.  billi l-UE nediet approċċ imġedded lejn il-Bożnija-Ħerzegovina sabiex il-pajjiż javvanza lejn l-UE u jindirizza l-isfidi pendenti fil-livell soċjoekonomiku u fil-qasam tal-istat tad-dritt, biex il-pajjiż ikun jista' jħejji għas-sħubija futura; billi, b'segwitu ta' dan l-approċċ, il-FSA daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015;

D.  billi huwa indispensabbli li jkun hemm mekkaniżmu effikaċi ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE bejn il-livelli differenti ta' gvern sabiex tiġi żgurata interazzjoni aħjar mal-UE, biex jiġu ffaċilitati l-allinjament, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tal-UE, u sabiex l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE tkun suċċess; billi l-Kunsill tal-Ministri (KtM) tal-Bożnija-Ħerzegovina adotta d-"Deċiżjoni dwar Sistema ta' Koordinazzjoni fil-Proċess ta' Intergrazzjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina" fis-26 ta' Jannar 2016; billi l-progress fil-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE se jiftaħ it-triq biex il-Bożnija-Ħerzegovina tibbenefika b'mod sħiħ mill-finanzjament tal-UE;

E.  billi għad hemm 84 500 persuna spostati internament kif ukoll għadd kbir ħafna ta' refuġjati mill-Bożnija-Ħerzegovina fil-pajjiżi ġirien, madwar l-Ewropa kollha u madwar id-dinja;

F.  billi appoġġ politiku b'saħħtu huwa fattur importanti biex is-sistema istituzzjonali tal-pajjiż issir aktar effettiva;

1.  Jilqa' l-ewwel rapport aktar pożittiv tal-Kummissjoni dwar il-Bożnija-Ħerzegovina u jtenni l-impenn inekwivoku tiegħu għall-perspettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina; jistieden lill-awtoritajiet juru determinazzjoni fil-ħidma għal riformi istituzzjonali u soċjoekonomiċi, inkluża l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, u jagħmlu progress kostanti lejn l-UE; jappella għat-trasparenza fil-proċess tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tar-riformi; jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt mill-Istat u l-entitajiet sabiex jimplimentaw l-Aġenda ta' Riforma 2015-2018 u jappella għall-implimentazzjoni armonizzata sabiex tinkiseb bidla reali u viżibbli madwar il-pajjiż u sabiex il-ħajja taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina titjieb;

2.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal sħubija fl-UE min-naħa tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-15 ta' Frar 2016; jistieden lill-Kunsill jeżamina din l-applikazzjoni fl-ewwel opportunità li jkollu u jgħaddiha mingħajr dewmien lill-Kummissjoni sabiex tibda t-tħejjija tal-avis;

3.  Jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-KtM tal-Bożnija-Ħerzegovina, fis-26 ta' Jannar 2016, ta' deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE u, fid-9 ta' Frar 2016, tal-pożizzjoni tan-negozjati dwar l-adattament tal-FSA, wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE; ifakkar li, flimkien ma' progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Riforma, dawn l-elementi huma meħtieġa sabiex l-UE tqis kredibbli l-applikazzjoni għas-sħubija; jappella sabiex il-pożizzjoni tal-entitajiet dwar il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni adottat tiġi armonizzata mingħajr dewmien u jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati biex ikompli jittejjeb; jappella għall-implimentazzjoni b'ħeffa tiegħu u jħeġġeġ kooperazzjoni kostruttiva dwar kwistjonijiet tal-UE; jenfasizza li dan il-mekkaniżmu huwa indispensabbli biex ikun hemm teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jilqa' l-konsultazzjonijiet konkreti inizjali - fil-livell parlamentari - bil-ħsieb tal-implimentazzjoni sħiħa tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni, u jħeġġeġ bil-qawwa li jkun hemm intensifikazzjoni ulterjuri ta' dawn il-laqgħat fost il-partijiet interessati istituzzjonali; jinsisti mill-ġdid fuq l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija fil-qafas tal-FSA; iqis l-implimentazzjoni sħiħa tal-FSA, inkluż l-adattament tiegħu, bħala element importanti fl-impenn tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-UE u waħda mill-prekundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-kandidatura għas-sħubija tagħha; jirrakkomanda li l-Bożnija-Ħerzegovina wkoll timpenja ruħha mal-Istati Membri tal-UE dwar il-progress tagħha lejn l-UE;

4.  Itenni l-ħtieġa li jitkomplew ukoll ir-riformi kostituzzjonali, legali u politiċi li għandhom jittrasformaw lill-Bożnija-Ħerzegovina fi stat effettiv, inklużiv u funzjonali b'mod sħiħ, li jiggarantixxi l-ugwaljanza u r-rappreżentanza demokratika tal-popli kostitwenti kollha u taċ-ċittadini kollha tiegħu, u li jiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha jistgħu jippreżentaw ruħhom bħala kandidati u jkunu eliġibbli għall-elezzjoni u li jservu fil-livelli politiċi kollha, f'kundizzjonijiet indaqs u jkun xi jkun l-isfond etniku jew reliġjuż tagħhom, skont il-prinċipji espressi fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu, inklużi l-kriterji ta' Kopenħagen, l-acquis tal-UE, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ta' Venezja u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB); jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu b'mod attiv il-prinċipji tar-rappreżentanza leġittima, tal-federaliżmu, tad-deċentralizzazzjoni u s-sussidjarjetà, kif ukoll il-valuri Ewropej u l-importanza tal-perspettiva Ewropea; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-isforzi biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-arranġamenti kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina;

5.  Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u reliġjużi joqogħdu lura mir-retorika nazzjonalista u seċessjonista ta' firda li tippolarizza lis-soċjetà, u biex ikomplu bi djalogu politiku u attivitajiet immirati lejn ir-rispett reċiproku, il-kunsens u l-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti politiċi leġittimi u għall-ħarsien tad-diversità tas-soċjetà tagħha; jistieden liċ-ċittadini kollha jħaddnu r-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni, li huma prerekwiżiti importanti għall-kisba tal-perspettiva Ewropea;

6.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili lokali fil-proċess ta' bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b'mod partikolari l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-djalogu u l-iskambju interkulturali, kif ukoll fl-isfera politika; jinnota r-rwol sinifikanti tal-attivisti kulturali, artisti, kittieba u akkademiċi biex jippromwovu djalogu u fehim bejn il-gruppi differenti fis-soċjetà; iħeġġeġ il-promozzjoni tal-edukazzjoni għad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza fil-Bożnija-Ħerzegovina;

7.  Jieħu nota tal-aħbar mill-President tar-Repubblika Srpska (RS) li jipposponi r-referendum ippjanat fir-RS dwar il-ġudikatura fil-livell tal-Istat tal-Bożnija-Ħerzegovina; jiddispjaċih, madankollu, li din id-deċiżjoni ma ġietx approvata mill-Assemblea Nazzjonali tar-RS; jappella sabiex din l-idea ta' referendum titwaqqa' kompletament, peress li dan jhedded il-koeżjoni, is-sovranità u l-integrità tal-pajjiż u jirriskja li jimmina l-isforzi li qed isiru biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina u biex isir progress ulterjuri lejn l-integrazzjoni fl-UE; jenfasizza li kwalunkwe nuqqasijiet fil-ġudikatura tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jiġu indirizzati fi spirtu ta' kooperazzjoni u mhux permezz ta' inizjattivi unilaterali, fl-ambitu mwessa' tad-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja; ifakkar li skont il-Ftehim ta' Dayton ir-RS m'għandhiex dritt għal seċessjoni;

8.  Jinsab ferm imħasseb dwar l-istqarrijiet tal-Ministru tal-Intern tar-Repubblika Srpska dwar it-taħriġ fil-ġejjieni ta' unitajiet speċjali tal-pulizija tar-RS fil-Federazzjoni Russa, il-kooperazzjoni aktar fil-fond, partikolarment rigward l-iskambju ta' informazzjoni, u l-intenzjoni li jixtri tagħmir militari Russu; jistieden lill-awtoritajiet tar-RS ma jsegwux politika barranija u ta' sigurtà indipendenti li tista' ddgħajjef il-politika fil-livell tal-Istat;

9.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-FSA u l-fatt li l-KPSA kien l-ewwel korp komuni kostitwit abbażi tiegħu; jiddispjaċih ħafna, madankollu, li naqas milli jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura (RtP) minħabba t-tentattivi biex jiġi introdott l-imblukkar etniku fir-regoli ta' votazzjoni tal-KPSA; ifakkar li l-FSA jirrikjedi l-adozzjoni tar-RtP u n-nuqqas li jsir dan huwa ksur dirett tal-implimentazzjoni tal-FSA; iħeġġeġ lid-delegazzjoni Bożnijaka taħdem b'mod kostruttiv f'dan ir-rigward lejn l-adozzjoni tar-RtP fil-laqgħa li jmiss tal-KPSA mingħajr dewmien; jilqa' l-ewwel laqgħat tal-KSA bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE li saru fil-11 ta' Diċembru 2015;

10.  Jiddeplora l-fatt li l-korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni fl-ogħla livelli, għadha mifruxa u li l-impenji politiċi ma ġewx tradotti f'riżultati konkreti; jibqa' mħasseb dwar id-dgħufija tal-qafas ġuridiku u istituzzjonali biex jiġġieled il-korruzzjoni, li jippermetti t-twettiq ta' prattiki korrotti b'impunità, u dwar l-għadd baxx ta' kundanni finali f'każijiet ta' korruzzjoni; jappella għal titjib fir-rekord ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi f'każijiet ta' korruzzjoni ta' profil għoli li jinvolvu politikanti, uffiċjali ta' livell għoli u l-istituzzjonijiet regolatorji, u fil-qafas tal-akkwist pubbliku u l-privatizzazzjoni; ifaħħar l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni 2015-2019 u jħeġġeġ l-allokazzjoni ta' baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħhom; jitlob għal tisħiħ sinifikanti tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-pajjiż kollu; iħeġġeġ it-twaqqif ta' strutturi ddedikati għall-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-korruzzjoni u l-adozzjoni ta' dokumenti ta' politika għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-livelli kollha tal-gvern; iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO mingħajr dewmien;

11.  Jenfasizza li ġudikatura funzjonali u stabbli hija tal-akbar importanza biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt fil-pajjiż u biex il-Bożnija-Ħerzegovina twettaq aktar progress lejn l-UE; jinsab imħasseb dwar il-pressjoni fuq il-ġudikatura mill-atturi politiċi; jistqarr il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Bożnija-Ħerzegovina; huwa mħasseb partikolarment dwar il-każijiet ta' indħil politiku fil-proċedimenti tal-qorti, il-politiċizzazzjoni tal-proċeduri ta' ħatra fil-ġudikatura, il-frammentazzjoni li għadha teżisti f'erba' sistemi legali differenti u n-nuqqas ta' sistema effettiva u oġġettiva għall-valutazzjoni tal-kwalitajiet professjonali tal-imħallfin; jilqa' l-Istrateġija ta' Riforma fis-Settur tal-Ġustizzja 2014-2018 li ġiet aġġornata u jappella għal pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha, b'enfasi qawwija fuq l-isforzi ta' armonizzazzjoni fil-pajjiż kollu; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm garanzija ta' sistema ġudizzjarja aktar professjonali, indipendenti u affidabbli, inkluża l-applikazzjoni sistematika ta' kriterji oġġettivi għall-ħatriet; jilqa' l-protokoll iffirmat mill-ministri tal-ġustizzja fil-livell kemm tal-Entitajiet kif ukoll tal-Istat, li jimmira lejn riformi ġudizzjarji fil-livell tal-Istat u l-Kunsill Ġudizzjarju u ta' Prosekuzzjoni Għoli; jilqa' l-ħatra ta' Ombudspersons, iżda huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet finanzjarji u ta' riżorsi umani kontinwi li jiltaqa' magħhom l-Uffiċċju tal-Ombudsperson; jappella għall-adozzjoni b'ħeffa tal-liġi dwar ir-riforma tal-Ombudsperson;

12.  Għadu mħasseb li l-aċċess għal għajnuna legali bla ħlas huwa limitat ħafna; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw liġi dwar l-għajnuna legali bla ħlas fil-livell tal-Istat bħala prerekwiżit għal garanzija ta' aċċess ugwali, effettiv u mhux diskriminatorju għall-ġustizzja; jemmen li l-implimentazzjoni ta' din il-liġi hija kruċjali biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat tad-dritt;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-liġi li għadha effettiva dwar l-ordni pubblika fir-RS, li ddgħajjef id-drittijiet demokratiċi fundamentali tal-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-midja; iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Att dwar il-Libertà tal-Aċċess għall-Informazzjoni, billi din għadha irregolari u ta' spiss limitata meta jiġu invokati d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-kumpaniji li jikkollaboraw mal-gvernijiet, u b'hekk iċ-ċittadini jiġu mċaħħda minn mezz effiċjenti ta' appell meta l-informazzjoni tkun miċħuda; ifaħħar l-adozzjoni tal-emendi għall-Kodiċi Kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina li jġib id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-tortura, l-għajbien sfurzat u l-istupru f'konformità mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkorporaw fil-Kodiċi kriminali r-reati kriminali mniżżla fil-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar iċ-Ċiberkriminalità;

14.  Iqis li huwa importanti li titjieb il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti fil-livell tal-Istat, fil-livell tal-Entitajiet kif ukoll fil-livell tad-Distrett ta' Brčko u li jsiru laqgħat konġunti bejniethom; jieħu nota tal-impenji magħmula fil-qafas ta' ġemellaġġ parlamentari u jappella għall-implimentazzjoni urġenti tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minnhom, kif ukoll l-operazzjonalizzazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni miftiehem; jilqa', f'dan il-kuntest, l-iffirmar tal-"Kunċett ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni tal-parlamenti fil-Bożnija-Ħerzegovina f'attivitajiet relatati mal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE"; jappella għal titjib fil-koordinazzjoni ġenerali mal-assembleji kantonali;

15.  Jinnota r-rwol imwettaq mill-Kumitat Parlamentari Konġunt għas-Sigurtà u d-Difiża f'iżgurar tal-kontroll demokratiku fuq il-forzi armati tal-Bożnija-Ħerzegovina; jinsab imħasseb minħabba l-preżenza mifruxa ta' armi miżmuma illegalment mill-popolazzjoni u dwar il-ħażniet kbar ta' munizzjon u armi li għadhom miżmuma taħt ir-responsabbiltà tal-forzi armati; ifaħħar il-progress li sar mill-forzi armati fit-tneħħija tal-aktar munizzjon instabbli u fil-bini tal-kapaċità sostenibbli għall-ġestjoni tal-bqija tal-ħażniet; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' approċċ komprensiv biex sal-2019 jiġu indirizzati l-isfidi li baqa' dwar it-tneħħija ta' mini mill-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ itejbu l-għajnuna għal dawn l-attivitajiet;

16.  Iħeġġeġ lill-membri tal-grupp ta' ħidma għat-tħejjija tal-emendi għal-liġi elettorali tal-Bożnija-Ħerzegovina sabiex jiżguraw li l-emendi għal-liġi joħolqu s-sisien għal elezzjonijiet demokratiċi ġenwini bħala espressjoni tas-sovranità; jenfasizza li ma jistgħux jinkisbu elezzjonijiet demokratiċi jekk ma jkunux jistgħu jiġu eżerċitati firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra fuq bażi kontinwa mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-etniċità, ir-reliġjon, il-ġeneru, fehmiet politiċi u fehmiet oħra, proprjetà, twelid jew status ieħor, u mingħajr restrizzjonijiet arbitrarji u mhux raġonevoli;

17.  Huwa tal-fehma li l-frammentazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-politiċizzazzjoni tagħha u d-dgħufija tal-koordinazzjoni tal-politiki jxekklu r-riformi istituzzjonali u leġiżlattivi u għandhom impatt fuq il-forniment ta' servizzi pubbliċi liċ-ċittadini; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha jtejbu l-ippjanar tal-politika fuq perjodu medju ta' żmien u jiżviluppaw qafas strateġiku komprensiv u mal-pajjiż kollu għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u programm għall-ġestjoni finanzjarja pubblika, f'konformità mal-Prinċipji Ewropej tal-Amministrazzjoni Pubblika li ġew identifikati mill-OECD/SIGMA għal kandidati għas-sħubija fl-UE;

18.  Jirrikonoxxi li l-agrikoltura hija settur ekonomiku importanti għall-Bożnija u Ħerzegovina, peress li madwar 20 % tal-popolazzjoni tagħha tiddependi direttament jew indirettament fuq dan is-settur; jilqa', għalhekk, il-progress li sar fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u l-politika veterinarja u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-esportazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib mill-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-UE; iħeġġeġ biex isiru sforzi akbar biex is-sistema uffiċjali ta' kontroll veterinarju u fitosanitarju tiġi allinjata mal-istandards Ewropej u biex jiġu stabbiliti l-istrutturi istituzzjonali meħtieġa li jippermettu l-użu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali; jistieden lill-gvern jappoġġja l-istabbiliment ta' ministeru tal-agrikoltura fil-livell tal-Istat flimkien ma' strateġija ta' żvilupp;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li m'hemmx mekkaniżmi biżżejjed għall-kooperazzjoni bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs), inkluża l-kapaċità limitata ta' dawn biex jipparteċipaw fi djalogu politiku dwar l-Aġenda ta' Riforma; iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili u li ċ-ċittadini jkunu involuti fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika trasparenti u inklużivi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha jtejbu l-qafas ġuridiku u finanzjarju rilevanti, jadottaw strateġija nazzjonali dwar is-CSOs u jiżguraw li jkun hemm finanzjament pubbliku trasparenti għas-CSOs sabiex irawmu demokrazija aktar parteċipattiva u inklużiva madwar il-pajjiż; jistieden lis-CSOs u lill-attivisti jsaħħu b'mod sinifikanti l-kapaċitajiet u l-istrutturi tagħhom u biex jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet fil-Bożnija-Ħerzegovina, l-UE u l-komunità internazzjonali; jistieden lil dawn l-aħħar entitajiet jgħinuhom f'dawn l-isforzi;

20.  Jinnota l-implimentazzjoni xejn ikkoordinata tal-istrateġija 2014-2016 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda dwar il-ħasil tal-flus skont ir-rakkomandazzjonijiet ta' MONEYVAL; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ iffukat fuq il-vittma u strateġija multidixxiplinari u komprensiva biex jiġġieldu t-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jaħdmu flimkien biex jiġġieldu b'mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin u jipprovdu protezzjoni għall-vittmi; jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-2016–2019 għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin fil-Bożnija-Ħerzegovina, inkluża l-enfasi tiegħu fuq il-problemi relatati mal-ħaddiema migranti u t-talb furzat tat-tfal, u jappella għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu; jibqa' mħasseb dwar il-volum kbir ta' armi illegali fil-Bożnija, li faċilment ikunu ttrasferiti lejn l-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu l-isforzi tagħhom biex iħarrku lis-sensara u l-kuntrabandisti tal-armi u biex jagħmlu aktar biex jiġġieldu l-proliferazzjoni bla kontroll u t-traffikar illeċitu ta' armi, speċjalment armi żgħar u ħfief, anki permezz ta' kooperazzjoni reġjonali aktar mill-qrib u kooperazzjoni bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija 2015-2020 għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-awtoritajiet isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw kooperazzjoni aktar effikaċi fil-livell nazzjonali bejn il-pulizija, l-intelligence u l-aġenziji tas-sigurtà fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; jappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu sforzi akbar fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż il-ħolqien ta' qafas legali li jippermetti l-iffriżar tal-assi ta' gruppi terroristiċi; iqis li huwa essenzjali li l-operazzjonijiet tas-sigurtà fil-Bożnija-Ħerzegovina jkunu kkoordinati u li d-data tiġi kondiviża fil-pajjiż; jisħaq li l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-servizzi tas-sigurtà reġjonali hija wkoll ta' importanza kbira, u jinkoraġġixxi li jkun hemm kooperazzjoni ulterjuri f'dan ir-rigward;

22.  Jenfasizza li l-Bożnija-Ħerzegovina ġiet serjament affettwata mill-fenomenu tal-ġellieda barranin u r-radikalizzazzjoni; jinsab imħasseb dwar ir-radikalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ, li għadd kbir minnhom – meta mqabbel ma' pajjiżi oħra fir-reġjun – ingħaqdu mad-Da'esh; jappella għall-kontinwazzjoni u t-tisħiħ ta' miżuri kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu; jilqa' l-isforzi biex jissaħħaħ id-djalogu interreliġjuż, inkluża d-dikjarazzjoni konġunta mill-mexxejja politiċi u reliġjużi li jikkundannaw it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; jilqa' l-ewwel sentenzi maħruġa fir-rigward ta' ġellieda barranin abbażi tar-reati kriminali relatati mal-finanzjament ta' attivitajiet terroristiċi, l-istigazzjoni pubblika ta' attivitajiet terroristiċi, u l-organizzazzjoni u s-sħubija mad-Da'esh; jappella għall-iżvilupp urġenti ta' programmi effettivi ta' deradikalizzazzjoni u għal sforzi urġenti biex jipprovdu perspettiva ekonomika aħjar għaż-żgħażagħ fil-Bożnija-Ħerzegovina, bi qbil mal-Aġenda Pożittiva għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, biex b'hekk joqogħdu lura milli jassoċjaw ruħhom ma' ideoloġiji radikali u estremi; jinkoraġġixxi l-isforzi biex jimpenjaw lill-midja, lill-komunità akkademika u lis-soċjetà ċivili biex jgħinu titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-fatturi ta' riskju li jippermettu li r-radikalizzazzjoni jevolvi f'estremiżmu vjolenti; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' Netwerks ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni nazzjonali u reġjonali bbażati fuq l-aħjar prattiki u l-għodod disponibbli fin-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni fl-UE kollha; iħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-servizzi ta' sigurtà fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, inkluż dwar l-iskambju ta' informazzjoni; iħeġġeġ operazzjonijiet tal-pulizija fil-Bożnija-Ħerzegovina kollha li jirriżultaw fl-arrest ta' persuni suspettati li jorganizzaw, jappoġġjaw u jiffinanzjaw attivitajiet terroristiċi;

23.  Jinnota li l-qafas legali u istituzzjonali għall-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ titjib sostanzjali; jappella għall-iżvilupp ta' strateġija kontra d-diskriminazzjoni fil-pajjiż kollu b'kooperazzjoni mas-CSOs; iħeġġeġ għal darb'oħra l-inklużjoni ta' definizzjoni ċara tal-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabilità bħala bażi ta' diskriminazzjoni fil-liġi kontra d-diskriminazzjoni; jitlob għall-implimentazzjoni effettiva tagħha u biex ir-rwol tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem jissaħħaħ; huwa mħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabilitajiet fl-impjieg, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-forniment ta' servizzi oħra; huwa mħasseb dwar il-vjolenza b'mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u ż-żieda rrappurtata ta' theddid lejn persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-gvern biex jindirizza dan inter alia billi jimplimenta azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fost il-ġudikatura, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-pubbliku ġenerali; jinnota l-progress sinifikanti fit-tlestija tal-proċess tar-reġistrazzjoni ċivili għar-Roma, iżda għadu mħasseb dwar l-azzjoni limitata fir-rigward tat-titjib tal-prospetti tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex, b'mod partikolari, jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru; iħeġġeġ ir-revoka tad-dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt fil-kostituzzjoni tal-entità tar-RS;

24.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress rigward l-implimentazzjoni tal-każijiet Sejdić-Finci u Zornić, u jfakkar li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha qed tikser is-sentenzi tal-QEDB dwar dawn; jenfasizza mill-ġdid li n-nuqqas tal-implimentazzjoni tagħhom qed ikompli jirriżulta f'diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina u jista', għalhekk, jostakola l-proċess ta' adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE;

25.  Iħeġġeġ l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni aktar qawwija u xierqa tal-każijiet ta' reati ta' mibegħda u ta' diskors ta' mibegħda, inkluż għal raġunijiet etniċi, u tat-tixrid ta' ideoloġiji estremisti permezz tal-midja soċjali; jiddispjaċih li l-Federazzjoni għadha l-uniku territorju fil-Balkani tal-Punent fejn is-sanzjonar tar-reati ta' mibegħda mhuwiex irregolat mil-liġi kriminali u jħeġġeġ l-inklużjoni ta' tali dispożizzjoni; jitlob, bl-istess mod, li tiddaħħal dispożizzjoni dwar id-diskors ta' mibegħda fil-liġijiet kriminali tal-entitajiet kollha;

26.  Itenni li l-liġi elettorali u s-sistema elettorali għandhom jagħtu lit-tliet popli kostitwenti u ċ-ċittadini l-oħra kollha l-opportunità li liberament u b'mod awtonomu jeleġġu r-rappreżentanti politiċi leġittimi tagħhom stess fl-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet;

27.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi fil-pajjiż, kif ukoll biex jitrawmu l-armonija soċjali u t-tolleranza u sabiex in-nies jfihmu aktar il-benefiċċji tad-diversità; jappella għal involviment akbar mis-soċjetà ċivili fl-indirizzar tal-isfidi tad-diviżjoni etnika sabiex tgħin lill-pajjiż javvanza lejn l-UE; jitlob ukoll għal koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-CSOs sabiex jiġi żgurat li jkun hemm infurzar aħjar tal-liġi dwar il-minoranzi;

28.  Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija 2015-2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; jappella għall-adozzjoni u l-applikazzjoni urġenti tal-Istrateġija ta' Qafas għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' qafas legali komprensiv fil-livell tal-Istat dwar l-attakki sesswali u n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' kumpens xieraq għall-vittmi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw il-finanzjament xieraq tad-"djar sikuri", u leġiżlazzjoni aħjar dwarhom, u biex jistabbilixxu sistema armonizzata għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data dwar każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa; jitlob ukoll li jsir kull sforz biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u l-impjieg, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom – speċjalment fir-rigward tal-aċċess għad-dritt għal-liv u l-benefiċċji tal-maternità – u biex jiġu promossi, protetti u msaħħa d-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-livelli kollha biex iqajmu kuxjenza dwar dawn il-kwistjonijiet, bl-għajnuna tas-soċjetà ċivili, bl-għan li n-nisa jutilizzaw il-protezzjoni disponibbli skont il-liġi;

29.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-edukazzjoni fil-ħolqien u l-promozzjoni ta' soċjetà tolleranti u inklużiva, kif ukoll biex titrawwem kooperazzjoni u koeżjoni bejn id-diviżjonijiet kulturali, reliġjużi u etniċi; jinnota b'dispjaċir il-progress bil-mod li sar fl-indirizzar tal-kwistjoni taż-"żewġ skejjel taħt saqaf wieħed" u ta' forom oħra ta' segregazzjoni u diskriminazzjoni fl-iskejjel, u jiddeplora l-fatt li għadu ma ġiex żviluppat kurrikulu bażiku komuni; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' miżuri konkreti sabiex tinbeda d-desegregazzjoni tas-sistema edukattiva; jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi sinifikanti biex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema edukattiva frammentata, filwaqt li jiġi ggarantit id-dritt għal opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina u d-dritt ta' kull komunità għall-edukazzjoni fil-lingwa tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-edukazzjoni inklużiva fir-rigward tat-tfal b'diżabilità;

30.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-pjattaforma tal-Balkani tal-Punent dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, kif ukoll il-parteċipazzjoni kontinwa tagħha fil-Programm Erasmus+ u fl-azzjoni "Tieqa għaż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent", li għandhom rwol importanti ħafna fil-ġlieda kontra r-rati għoljin ħafna ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jilqa' wkoll l-impenn tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tieħu sehem fl-istudju PISA tal-OECD tal-2018; iqis dan l-istudju bħala strument utli għad-dibattitu dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u r-riformi meħtieġa; ifaħħar ir-rieda espressa tat-13-il ministeru tal-edukazzjoni kollha u l-aġenziji relatati kollha li jipparteċipaw f'dan l-isforz konġunt; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-istudju mill-fondi ta' qabel l-adeżjoni;

31.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-midja indipendenti u professjonali huma wieħed mill-komponent ewlieni ta' soċjetà demokratika li tiffjorixxi; jesprimi t-tħassib tiegħu, għaldaqstant, dwar ir-rigress fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni, każijiet ta' pressjoni politika u ta' intimidazzjoni fuq il-ġurnalisti, inkluża s-soġġezzjoni ta' xi mezzi tal-midja għal spezzjonijiet finanzjarji u oħrajn fittizji mill-awtoritajiet lokali u nazzjonali, u l-polarizzazzjoni kontinwa politika u etnika tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-attakki fuq il-ġurnalisti, u joħolqu qafas legali għall-protezzjoni tal-ġurnalisti; jitlob, barra minn hekk, li tittieħed azzjoni urġenti biex tiġi żgurata l-indipendenza politika, istituzzjonali u finanzjarja tal-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet u biex tiġi żgurata t-trasparenza fis-sjieda tal-midja billi jingħalqu l-lakuni leġiżlattivi kollha li sistematikament ifixklu t-trasparenza sħiħa; jinnota li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri hija kruċjali biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda influwenza politika indebita; jappella għal azzjoni biex jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-midja u x-xandir fil-lingwi uffiċjali kollha; jitlob ukoll biex l-indipendenza editorjali u l-istabbiltà finanzjarja tax-xandara tas-servizz pubbliku jissaħħew minħabba l-importanza tal-eżistenza ta' xandar tas-servizz pubbliku għall-unità tal-Bożnija-Ħerzegovina; huwa mħasseb li mhi qed issir l-ebda prosekuzzjoni għall-attakki ċibernetiċi mmirati kontra siti ta' informazzjoni;

32.  Jilqa' l-progress imwettaq biex jitnaqqsu l-każijiet pendenti tad-delitti tal-gwerra; jinnota t-tħassib tal-ICTY dwar is-segwitu insuffiċjenti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat rigward talbiet ripetuti għall-ikkompletar tal-każijiet ta' delitti tal-gwerra; jitlob li jkun hemm reviżjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Delitti tal-Gwerra, prosekuzzjoni aktar effikaċi u aħjar tal-atti ta' vjolenza sesswali matul il-gwerra u għal titjib fil-protezzjoni tal-vittmi; jitlob li tittieħed azzjoni li tiżgura d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv;

33.  Jinnota li ttieħdet xi azzjoni u jappella għal aktar progress dwar ir-ritorn sostenibbli ta' persuni u rifuġjati spostati internament, inklużi dawk dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-ħarsien soċjali, ir-ritorn tal-proprjetà u l-kura tas-saħħa fil-livell lokali; itenni l-importanza li jitħeġġeġ ir-ritorn sostenibbli tagħhom lejn il-Bożnija-Ħerzegovina, partikolarment għar-RS; jistieden lil-livelli kollha tal-gvern jipproteġuhom u biex iħaffu l-proċess tar-ritorn tagħhom billi jintroduċu u jimplimentaw il-miżuri leġislattivi u amministrattivi kollha meħtieġa; jitlob għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija riveduta dwar l-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza finanzjarja u għall-proġetti li tiffaċilita dan il-proċess; jinnota l-għadd persistentement għoli ta' persuni nieqsa u jistieden lill-awtoritajiet jibdew kooperazzjoni intensiva u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex isibu s-7 019-il persuna li għadhom nieqsa b'riżultat tal-gwerra; jenfasizza l-ħtieġa li jiżviluppaw aktar approċċi alternattivi għall-ġustizzja, inter alia billi jibbażaw fuq l-istrateġija tal-UNDP dwar il-ġustizzja tranżizzjonali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jinvestu riżorsi sinifikanti fil-programmi rilevanti;

34.  Jinnota li, filwaqt li r-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni mill-ġdid ta' wara l-gwerra fil-Bożnija-Ħerżegovina kienet fil-biċċa l-kbira tagħha suċċess u ġabet lill-pajjiż eqreb lejn l-UE, xorta waħda għad baqa' sfidi fejn tidħol is-sostenibbiltà tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni; jenfasizza għalhekk l-importanza tal-edukazzjoni dwar ir-rikonċiljazzjoni u l-fehim reċiproku fis-soċjetà;

35.  Jilqa' ż-żieda fl-impjiegi rreġistrati, kif ukoll l-ewwel passi li ttieħdu biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki u biex tittejjeb il-klima tan-negozju; għadu mħasseb dwar l-influwenza tal-istat fuq l-ekonomija, il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, il-livell għoli ta' dipendenza fuq finanzjament minn kreditu internazzjonali, l-oriġini mhux ċar tal-investiment internazzjonali u l-kundizzjonijiet diffiċli fis-suq tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata r-rata għolja u persistenti tal-qgħad fit-tul (27,6 %), inkluża r-rata għolja ħafna tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (62,7 %), kif ukoll l-ekonomija informali kbira u l-ħtieġa li jittejjeb it-tħaddim tas-suq tax-xogħol;

36.  Jilqa' l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar ix-xogħol miż-żewġ entitajiet; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' żona ekonomika waħda unifikata, li jfixkel l-ambjent tan-negozju; iħeġġeġ biex ikun hemm titjib ulterjuri tal-ambjent tan-negozju permezz tat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, is-simplifikazzjoni tal-infurzar tal-kuntratti u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jiddispjaċih li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha ma żviluppatx strateġija dwar l-SMEs fil-livell tal-Istat;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi frammentati tal-ħarisen soċjali jiġu rriformati u armonizzati abbażi tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini sabiex jingħata trattament ugwali lil kulħadd; jinnota li d-drittijiet dwar it-trejdjunjins u dwar ix-xogħol, inklużi l-liġijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza, għadhom limitati, u jenfasizza l-importanza li dawn il-liġijiet jiġu msaħħa u armonizzati aktar madwar il-pajjiż;

38.  Iħeġġeġ l-adozzjoni ta' strateġiji settorjali mal-pajjiż kollu dwar it-trasport, l-enerġija u l-ambjent; jenfasizza li dawn l-istrateġiji huma meħtieġa, inter alia, sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni fl-UE;

39.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-inizjattiva tas-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jenfasizza l-importanza ta' żewġ proġetti kbar ta' investiment – "Stara Gradiška" u "Svilaj" – li se jiffaċilitaw il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u t-tkabbir sostenibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u b'ħeffa tal-istandards tekniċi u miżuri ħfief fit-trasport li kienu miftiehma waqt is-Summit tal-2015 tal-Balkani tal-Punent fi Vjenna (pereżempju l-allinjament/is-simplifikazzjoni tal-proċessi għall-qsim tal-fruntieri, is-sistemi ta' informazzjoni, l-iskemi ta' manutenzjoni, is-separazzjoni tan-netwerks u l-aċċess ta' partijiet terzi għalihom) qabel is-Summit li jmiss tal-2016 f'Pariġi;

40.  Jitlob li r-riżultati taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar jiġu ppubblikati mingħajr aktar dewmien minħabba li huma strumentali għall-ippjanar ekonomiku u soċjali; jirrimarka wkoll li d-data miċ-ċensiment tal-2013 se tkun meħtieġa biex jimtela l-kwestjonarju li l-Bożnija-Ħerzegovina se tirċievi mill-Kummissjoni;

41.  Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-istatistika tal-Bożnija-Ħerzegovina jallinjaw l-istatistika tagħhom mal-istandards tal-Eurostat;

42.  Huwa mħasseb dwar ir-rigress fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni; jappella għall-implimentazzjoni urġenti tal-qalba diġitali; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' korp superviżorju għall-akkreditazzjoni ta' liġijiet dwar il-kummerċ elettroniku u l-firma elettronika fil-livell tal-Istat, billi din tal-aħħar għad trid tiġi implimentata minħabba n-nuqqas ta' din l-entità; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jaċċelleraw l-implimentazzjoni b'suċċess tan-numru Ewropew ta' emerġenza 112, li kien stabbilit fl-2009;

43.  Jinnota l-miżuri u l-azzjonijiet limitati imwettqa fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-passi inizjali meħuda biex jiġi żviluppat in-netwerk Natura 2000 dwar il-protezzjoni tan-natura; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu qafas legali armonizzat għall-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni klimatika u sabiex jissaħħaħ l-ippjanar strateġiku u l-allinjament mal-acquis f'dawn l-oqsma; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jipprevjenu t-tniġġis tal-arja eċċessiv f'konformità mal-istandards ambjentali tal-UE, inkluż it-tniġġis ikkawżat mir-raffinerija taż-żejt f'Bosanski Brod; itenni l-ħtieġa li l-Bożnija-Ħerzegovina timplimenta bis-sħiħ l-obbligi tagħha rigward il-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (Espoo, 1991) u l-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (Kiev, 2003);

44.  Jistieden lill-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina jirregola u jimmonierja l-iżvilupp ta' impjanti idroelettriċi f'żoni ambjentalment sensittivi, kif ukoll f'inħawi protetti jew potenzjament protetti, u biex iżomm l-integrità tal-parks nazzjonali eżistenti, bħall-Park Nazzjonali ta' Sutjeska u l-Park Nazzjonali ta' Una; jirrakkomanda li l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali titjieb sabiex tqis l-istandards tal-UE kif stabbiliti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina jżid it-trasparenza permezz tal-parteċipazzjoni u konsultazzjoni pubblika dwar proġetti ppjanati mal-komunitajiet lokali, l-esperti xjentifiċi u s-settur ċivili;

45.  Jifraħ lill-Bożnija-Ħerzegovina talli ħadet il-Presidenza tal-Komunità tal-Enerġija fl-2016; huwa mħasseb, madankollu, dwar l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kontra l-Bożnija-Ħerzegovina mill-Komunità tal-Enerġija; itenni l-appell tiegħu lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tieħu miżuri biex tikkonnettja mal-infrastrutturi tal-enerġija tal-pajjiżi ġirien u biex tonora l-obbligi kuntrattwali kollha tagħha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija;

46.  Jikkundanna l-Liġi dwar il-Paċi u l-Ordni Pubbliċi adottata fir-RS fi Frar 2015, li tikkriminalizza l-postings fuq il-midja soċjali li jiddisturbaw l-ordni pubbliku jew li jkun fihom kontenut indeċenti, offensiv jew li jinsulta, peress li din twitti t-triq għal restrizzjonijiet legali fuq l-espressjoni libera fuq l-internet u l-midja ħielsa u tista' toħloq awtoċensura fost l-utenti tal-midja soċjali;

47.  Ifaħħar il-pożizzjoni kostruttiva u proattiva tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali; huwa tal-fehma li kooperazzjoni konkreta f'oqsma ta' interess reċiproku tista' tikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni tal-Balkani tal-Punent; jilqa' l-ftehim dwar il-fruntieri mal-Montenegro; jappella għal aktar sforzi sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi dwar kwistjonijiet ta' delimitazzjoni tal-fruntieri mas-Serbja u l-Kroazja, u li jindirizzaw kwistjonijiet ta' tniġġis ambjentali transkonfinali; jilqa' l-ewwel sessjoni konġunta tal-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Gvern Serb li seħħet fl-4 ta' Novembru 2015 f'Sarajevo;

48.  Jilqa' ż-żieda fir-rata ta' allinjament mad-deċiżjonijiet tal-PESK minn 52 % għal 62 %; iqis li huwa neċessarju, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tissieħeb mal-UE, li tikkoordina l-politika barranija kemm jista' jkun mal-PESK tal-UE;

49.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex, fil-kuntest tal-elezzjonijiet lokali li ġejjin, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti magħmula mill-osservaturi internazzjonali u lokali tal-OSKE/ODIHR sabiex jiżguraw il-kredibbiltà u l-integrità tal-proċess elettorali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirregolaw l-elezzjonijiet lokali f'Mostar bħala kwistjoni ta' urġenza;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u r-Repubblika Srpska u lill-gvernijiet tal-10 Kantoni.

(1) ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0276.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0471.


L-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji
PDF 539kWORD 208k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar l-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji (2015/2223(INI))
P8_TA(2016)0136A8-0040/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 34(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE(7), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid)(9),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2015, bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 - Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess" (COM(2015)0610),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2014)0130),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758) u l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011(10) dwar l-istess suġġett,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020) kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010, dwar "The human right to water and sanitation" (Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità)(12),

–  wara li kkunsidra l-proġett pilota tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta' metodoloġija komuni dwar baġits ta' referenza fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru ta' Riċerka Innocenti tal-UNICEF (2012) "Measuring Child Poverty: New league tables of child poverty in the world’s rich countries" (Il-kejl tal-faqar fost it-tfal: tabelli ġodda ta' klassifikazzjoni tal-faqar fost it-tfal fil-pajjiżi sinjuri)(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru ta' Riċerka Innocenti tal-UNICEF (2014) "Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries" (Tfal tar-riċessjoni: l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benesseri tat-tfal fil-pajjiżi sinjuri)(14),

–  wara li kkunsidra l-Quarterly Review tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi, ta' Settembru 2015(15),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investimenti Soċjali tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2011 dwar "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali"(16),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD 'In It Together: Why Less Inequality Benefits All" (Fis-sitwazzjoni Flimkien: Għaliex Inqas Inugwaljanza Tibbenefika Lil Kulħadd) tal-21 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2013 dwar it-tema: "Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija"(17),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar "Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar"(18),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Marzu 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali(19),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) u l-Kumitat għall-Impjiegi (EMCO) tat-3 ta' Ottubru 2014 intitolata Rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020"(20),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-SPC tal-10 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (2014)(21),

–  wara li kkunsidra l-istudji bit-titolu "The State of Lending: The Cumulative Costs of Predatory Practices" (Is-Sitwazzjoni tas-Self: L-Ispejjeż Kumulattivi ta' Prattiki Predatorji)(22), ta' Ġunju 2015 u "Le panier de la ménagère ... pauvre" (Il-basket tax-xirja ... fqir)(23), ta' Awwissu 2008,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali Inizjattiva Ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water"(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(26),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi għall-2015(27), u l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(28),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(29),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(30),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Aċċess għas-Servizzi Bankarji Bażiċi(31),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa(32),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0040/2016),

A.  billi bejn l-2008 u l-2013, in-numru ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE żdied minn 117-il miljun għal 122,6 miljuni; billi fl-2013, 16,7 % tal-popolazzjoni tal-UE kienu f'riskju ta' faqar wara t-trasferimenti soċjali, 9,6 % kienu f'sitwazzjoni ta' privazzjoni materjali serja u 10,7 % tal-unitajiet domestiċi kienu kkunsidrati bħala li għandhom intensità baxxa ta' xogħol; billi dan l-iżvilupp imur kontra l-għan strateġiku tal-UE li hu definit fl-Istrateġija Ewropa 2020 tagħha u li għandu l-għan li jnaqqas l-għadd ta' persuni li qed jgħixu fil-faqar jew li jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali b'tal-inqas 20 miljun sal-2020;

B.  billi skont il-metodoloġija tal-Eurostat il-limitu tar-riskju ta' faqar huwa stabbilit għal 60 % tad-dħul disponibbli ekwivalizzat medju nazzjonali;

C.  billi l-iffrankar tal-enerġija u t-titjib fl-effiċjenza, partikolarment fir-rigward tal-kwalità tad-djar, jista' jippermetti ħafna unitajiet domestiċi jaħarbu l-faqar enerġetiku; billi 10 % taċ-ċittadini tal-UE kellhom arretrati fuq il-kontijiet tal-utilitajiet fl-2015 (37 % fl-Istat Membru l-aktar milqut); 12 % taċ-ċittadini tal-UE ma rnexxilhomx iżommu darhom msaħħna kemm meħtieġ fl-2014 (60 % fl-Istat Membru l-aktar milqut); 16 % tal-popolazzjoni tal-UE kienu qed jgħixu fi djar b'soqfa jqattru u b'ħitan umda fl-2014 (33 % fl-Istat Membru l-aktar milqut) skont l-istatistika ta' SILC;

D.  billi n-numru ta' persuni qiegħda għal żmien twil jaqbeż it-12-il miljun persuna, li minnhom 62 % ilhom aktar minn sentejn konsekuttivi mingħajr xogħol; billi hemm possibbiltá akbar li l-persuni qiegħda għal żmien twil ikunu affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali;

E.  filwaqt li jqis l-importanza tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u tas-sostenibbiltà tiegħu fi żmien meta l-kriżi soċjali qed taffettwa għadd dejjem aktar ta' Ewropej;

F.  filwaqt li jqis l-Artikolu 34(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jipprevedi li sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti;

G.  billi l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi essenzjali, f'ċerta żminijiet u f'uħud mill-pajjiżi, żdiedu b'mod relattivament mgħaġġel u, għaldaqstant, żdiedet wkoll in-nefqa tal-familji;

H.  billi l-"foqra kroniċi", li ta' spiss ikunu persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, għalkemm xi drabi jkunu impjegati b'salarju baxx jew persuni li jgħixu waħedhom bi tfal li m'għandhomx impjieg jew li bħala medja jaħdmu inqas sigħat mill-persuna bil-paga primarja, huma identifikati b'mod konsistenti bħala fost l-aktar gruppi vulnerabbli;

I.  billi sal-lum għad m'hemmx indikaturi stabbiliti dwar il-faqar assolut;

J.  billi l-akkomodazzjoni fqira jew inadegwata tnaqqas ħafna l-possibbiltà li persuna tgħix ħajja normali; billi l-kwalità tal-akkomodazzjoni (inkluż l-iżolament xieraq, eċċ) pprovduta lill-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli naqset matul il-kriżi, minħabba fl-inkapaċità li tiġi ffinanzjata l-manutenzjoni; billi l-għajxien għal perjodi estiżi ta' żmien f'akkomodazzjoni ta' kwalità baxxa jista' jaffettwa s-saħħa fiżika;

K.  billi ż-żieda fin-nefqa tal-familji marbuta mal-ispiża tal-akkomodazzjoni, l-ikel, l-utilitajiet (l-elettriku, il-gass u l-ilma), it-trasport, l-ispiża medika jew l-ispejjeż marbuta mal-edukazzjoni, tagħmilha diffiċli li jintlaħaq l-objettiv stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020 li jitnaqqas il-faqar;

L.  billi l-ispiża għal oġġetti u servizzi bażiċi u essenzjali f’ħafna pajjiżi tal-UE żdiedet b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin, u dan wassal għal żieda fl-infiq ġenerali tal-unitajiet domestiċi;

M.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja u t-tnaqqis fid-dħul tal-unitajiet domestiċi huma elementi li flimkien wasslu għal żieda fil-qgħad u l-esklużjoni soċjali fl-UE, speċjalment fost il-gruppi ta' persuni l-aktar vulnerabbli, u b'hekk żdied il-piż fuq is-servizzi soċjali;

N.  billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li diġà huwa ogħla minn dak fost il-gruppi ta' etajiet oħrajn, sploda fl-Unjoni Ewropea mindu bdiet il-kriżi u attwalment qabeż l-20 %, li joħloq ir-riskju li żgħażagħ jaqgħu fil-faqar minn età bikrija ħafna; billi jqis l-Osservazzjonijiet Finali tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-aktar rapporti perjodiċi riċenti ta' xi pajjiżi Ewropej fir-rigward taż-żieda fil-faqar u/jew tal-livell tar-riskju ta' faqar fost it-tfal b'konsegwenza tal-kriżi ekonomika; billi din iż-żieda taffettwa d-drittijiet għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali;

O.  billi l-faqar, li fl-Istati Membri ilu f'livell għoli għal ħafna snin, għandu impatt ferm aktar sinifikanti fuq l-ekonomija, huwa ta' detriment għat-tkabbir ekonomiku, iżid id-defiċits tal-baġit pubbliku u jnaqqas il-kompetittività Ewropea;

P.  billi n-nuqqas ta' akkomodazzjoni u tisħin adegwati għandu impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali u tal-impjieg, b'mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-persuni qed ibatu minħabba l-fatt li ma jkunux jistgħu jsaħħnu djarhom kemm fl-Istati Membri tat-Tramuntana kif ukoll tan-Nofsinhar; billi ċ-ċifri tal-UE-SILC juru li l-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjonni (skont l-istatus tal-livell tal-għajxien) huwa ogħla għall-kerrejja li jgħixu fis-settur privat tal-kera f'xi Stati Membri, li jista' jiġi spjegat mill-kwalità baxxa tal-akkomodazzjoni u mill-prezzijiet għaljin; billi ħafna familji qed isibu diffikultà biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-prodotti u s-servizzi essenzjali, anke dan bħala konsegwenza tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew;

Q.  billi l-faqar enerġetiku huwa marbut mal-faqar ġenerali u huwa r-riżultat ta' għadd ta' kundizzjonijiet sottostanti inklużi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-saħħa u d-diżabilità, nuqqas ta' aċċess għall-offerti speċjalizzati jew servizzi online, dħul baxx, it-tip ta' sistema tat-tisħin użata fl-akkomodazzjoni u l-kwalità u r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tal-istokk tal-akkomodazzjoni;

R.  billi dawk qiegħda, il-familji b’ġenitur wieħed, il-familji bi dħul baxx, ir-romol, il-persuni b'mard permanenti, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità u l-minoranzi huma sikwit fost l-aktar vulnerabbli li jispiċċaw fir-riskju tal-faqar u jbatu b'mod partikolari minħabba l-ispejjeż għaljin tal-għajxien;

S.  billi d-differenza kbira bejn l-Istati Membri fil-provvista tas-servizzi soċjali u fl-introjtu minimu tfisser li f'xi Stati Membri is-servizzi soċjali jnaqqsu r-riskju tal-faqar b'60 % u f'każijiet oħrajn bi 15 % biss; billi l-impatt medju tal-provvista tas-servizzi soċjali fuq it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fl-UE huwa ta' 35 %;

T.  billi r-rapport li jmiss tal-Eurofund intitolat "Housing in Europe" (Akkomodazzjoni fl-Ewropa) se jinkludi mudell li jikkalkola li, minħabba livelli eżistenti ta' insuffiċjenzi fl-akkomodazzjoni (abitazzjonijiet) (skont id-data tal-2011), l-ispiża totali tan-nefqa medika hija aktar minn EUR 170 biljun fis-sena għall-ekonomiji tal-UE28; billi jekk jitwettaq ix-xogħol kollu ta' tiswija, jista' jkun hemm iffrankar ta' spejjeż mediċi ta' madwar EUR 8 biljun fl-ewwel sena, li jkompli jakkumula l-benefiċċji fil-futur;

U.  billi n-NU affermat li d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità jintitola lil kulħadd għall-ilma għal użi personali u domestiċi li jkun ta' kwalità tajba, bla periklu, fiżikament aċċessibbli, bi prezz raġonevoli, suffiċjenti u aċċettabbli; billi rakkomandazzjoni oħra tan-NU ddikjarat li 3 % tad-dħul tal-unità domestika għandu jitqies bħala l-massimu għall-ħlasijiet tal-ilma fejn japplikaw il-pagamenti; billi l-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma għandha impatt negattiv fuq l-unitajiet domestiċi li jgħixu, jew li jinsabu, f'riskju tal-faqar;

V.  billi l-faqar enerġetiku qed isir problema li qed tinfirex fl-Ewropa u s-sitwazzjoni aktarx li teħżien fis-snin li ġejjin bħala riżultat taż-żidiet fil-prezzijiet previsti tal-enerġija, taż-żieda korrispondenti fl-inugwaljanza fid-dħul u l-faqar b'mod ġenerali, tan-nuqqas ta' sistemi ta' tisħin adegwati, kif ukoll tal-kwalità kumplessivament ħażina tas-sistemi ta' iżolament tad-djar, b'mod speċjali fil-pajjiżi Mediterranji;

W.  billi fl-UE hemm 12-il miljun aktar nisa milli rġiel li jgħixu fil-faqar; billi l-fatturi li jikkontribwixxu għal din l-inugwaljanza jinkludu d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, il-proporzjon kbir ta' nisa f'xogħol prekarju, u l-fatt li n-nisa huma ħafna drabi sfurzati li jkunu ekonomikament inattivi minħabba l-ispiża għalja wisq tal-kura tat-tfal;

X.  billi d-disparità bejn is-sessi fil-pagi, fil-ħinijiet tax-xogħol u t-tul tal-ħajja tax-xogħol li n-nisa jiffaċċjaw matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom għandhom effett dirett fuq ħajjithom bħala pensjonanti; billi n-nisa ta' 'l fuq minn 65 sena jinsabu f'riskju sostanzjalment ogħla ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali mill-kontropartijiet tagħhom irġiel, peress li l-medja ta’ dħul ta’ pensjoni ta’ mara bħalissa hi inqas, u ta’ sikwit anke b’mod sostanzjali, minn dik ta’ raġel;

Y.  billi l-Unjoni tal-Enerġija trid tipprovdi tweġibiet effettivi għall-faqar enerġetiku, li jaffettwa aktar minn 100 miljun ċittadin Ewropew, billi ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi l-aktar vulnerabbli, ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija għal dawk l-aktar vulnerabbli u tiżviluppa miżuri korrettivi li jipprovdu aċċess għal enerġija affordabbli għal dawk li l-aktar għandhom bżonn;

Z.  billi d-Direttiva 2012/27/UE tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi biex iqajmu kuxjenza, jinfurmaw u jagħtu pariri lill-individwi u lill-unitajiet domestiċi dwar l-effiċjenza enerġetika;

AA.  billi, minħabba s-sitwazzjoni tal-faqar ta' familja bħala indiviżibbli, jeħtieġ li jiġi enfasizzat l-effett li jkollu l-aspett enerġetiku fuq il-faqar;

AB.  billi rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali fit-tfittxija għat-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija se jkollha impatt dirett fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija, b'mod partikolari għall-familji inqas sinjuri, u se tħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi;

AC.  billi 22 348 834 unità domestika (madwar 11 % tal-popolazzjoni tal-UE) jonfqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli fuq l-akkomodazzjoni; billi s-Semestru Ewropew identifika l-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjoni bħala "tendenza soċjali li teħtieġ attenzjoni"; billi 21 942 491 unità domestika (madwar 10,8 % tal-popolazzjoni tal-UE) jesperjenzaw diffikultà biex iżommu temperatura adegwata tad-dar; billi l-UE u l-Istati Membri għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jidentifikaw, jimplimentaw u jżommu miżuri ta' politika li jippermettu lill-unitajiet domestiċi jlaħħqu mal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, inklużi allowances għall-akkomodazzjoni;

AD.  billi qed isseħħ konverġenza tal-prezzijiet tas-suq tal-enerġija fl-Ewropa filwaqt li s-setgħa ta' akkwist mhux qed tikkonverġi bl-istess rata;

AE.  billi l-aċċess għall-akkomodazzjoni huwa dritt fundamentali li jista' jitqies bħala prerekwiżit għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali l-oħra, għall-aċċess għalihom u għall-aċċess għal ħajja dinjituża; billi l-garanzija tal-aċċess għal assistenza għal akkomodazzjoni diċenti u adegwata hi obbligu internazzjonali tal-Istati Membri li l-Unjoni trid tikkunsidra, peress li d-dritt għal aċċess u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa rikonoxxut fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta adottata mill-Kunsill tal-Ewropa, u l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll f'ħafna kostituzzjonijiet tal-Istati Membri;

AF.  billi l-akkomodazzjoni tirrappreżenta l-iktar nefqa sinifikanti tal-familji Ewropej; billi ż-żieda fil-prezzijiet relatati mal-akkomodazzjoni (l-art, il-proprjetà, il-kiri, il-konsum tal-enerġija) hija sors ta' instabbiltà u ansjetà u għandha titqies bħala tħassib ewlieni;

AG.  billi d-deprivazzjoni minn akkomodazzjoni u l-faqar enerġetiku huma ogħla fil-pajjiżi li għandhom sehem aktar baxx ta' akkomodazzjoni soċjali bil-kera (jiġifieri l-pajjiżi tal-Lvant u tal-Mediterran);

AH.  billi l-istokk tal-kiri soċjali bħala perċentwali tal-istokk totali ta' akkomodazzjoni jindika li l-pajjiżi tal-Punent u tat-Tramuntana għandhom sehem akbar ta' akkomodazzjoni soċjali pubblika meta mqabbla mal-medja tal-UE, filwaqt li l-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Lvant iżommu stokk minimu ta' akkomodazzjoni soċjali (madwar 5 %) jew is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali tagħhom huwa nieqes għal kollox;

AI.  billi r-riċerka tal-Eurofound targumenta li għal ħafna nies bi dħul baxx, l-arretrati tal-utilitajiet huma tip prinċipali ta' dejn li xi drabi jiġi injorat;

AJ.  billi l-akkomodazzjoni soċjali għandha rwol essenzjali fil-kisba tal-objettiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 tat-tnaqqis tal-faqar għaliex tgħin biex tiżgura livelli għolja ta' impjiegi u inklużjoni u koeżjoni soċjali, tippromwovi l-mobilità professjonali u tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar;

AK.  billi r-rapport tal-Eurofound intitolat "Access to benefits: reducing non-take-up" (Aċċess għall-benefiċċji: jitnaqqas l-użu tas-sussidji" jenfasizza b'mod ċar il-problema li l-benefiċċji soċjali u l-iskemi tal-introjtu minimu mhux dejjem jilħqu lil dawk li huma intitolati għalihom; billi mhuwiex biżżejjed li jiġu stabbiliti sistemi bħal dawn, u billi l-użu tagħhom għandu jkun żgurat għal dawk li huma intitolati; billi l-iffrankar imwettaq fuq terminu twil b'riżultat ta' benefiċċji li jilħqu l-popolazzjonijiet fil-mira tagħhom fil-pront, b'mod effettiv u effiċjenti, għandu jiġi kkunsidrat ukoll;

AL.  billi l-kriżi kellha impatt fuq il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-akkomodazzjoni għall-unitajiet domestiċi kif ukoll fuq l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni, billi n-nefqa pubblika fuq l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali kienet ġeneralment affettwata u din titlob li l-Istati Membri u l-Unjoni jaġixxu bħala kwistjoni ta' urġenza biex jiżguraw id-dritt għall-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti bi prezz raġonevoli;

AM.  billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali għadhom fattur determinanti soċjali ewlieni tal-istatus tas-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-ħajja, inkluża l-istennija tal-għomor, partikolarment minħabba l-impatt tal-faqar tat-tfal fuq is-saħħa u l-benesseri tat-tfal, u billi d-distakk fis-saħħa bejn is-sinjuri u l-fqar għadu sinifikanti f'termini ta' aċċess affordabbli għas-servizzi tas-saħħa u tad-dħul u l-ġid, u qed ikompli jikber f'xi oqsma;

AN.  billi l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010, esprima tħassib fuq il-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali jista' jkollha impatt negattiv fuq l-aċċess taċ-ċittadini għall-kura tas-saħħa u fuq il-baġits tas-saħħa tal-Istati Membri;

AO.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali jista' jkollha impatt kbir fuq is-settur tal-kura tas-saħħa f’ħafna Stati Membri, kemm fuq l-offerta kif ukoll fuq id-domanda;

AP.  billi r-restrizzjonijiet ikkawżati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali jistgħu jimminaw serjament is-sostenibbiltà finanzjarja u organizzattiva fit-tul tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri u b'hekk jistgħu jfixklu l-aċċess ugwali għall-kura fit-territorju tagħhom;

AQ.  billi l-faqar flimkien ma' forom oħra ta' vulnerabilitajiet, bħat-tfulija jew ix-xjuħija, id-diżabilità jew il-fatt li wieħed jagħmel parti minn minoranza, ikomplu jżidu r-riskji ta' inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa u billi, għall-kuntrarju, saħħa batuta tista' twassal għall-faqar u/jew l-esklużjoni soċjali;

AR.  billi, skont l-aħħar ċifri mill-Eurostat, 21 % tal-familji fl-UE28 ma għandhomx aċċess għall-internet u 20 % tal-persuni ta' bejn is-16 u l-74 sena jgħidu li qatt ma użaw l-internet; billi huwa fin-Netherlands hemm l-ikbar proporzjon ta' familji b'aċċess għall-internet (95 %) filwaqt li, b'54 % biss tal-familji b'aċċess għall-internet, il-Bulgarija tinsab fl-aħħar post;

AS.  billi s-Suq Uniku Diġitali huwa waħda mill-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida u li, fil-futur, 90 % tal-impjiegi se jeħtieġu xi ħiliet informatiċi; billi 59 % taċ-ċittadini Ewropej għandhom aċċess għan-netwerk 4G, fiż-żoni rurali dan il-perċentwali ma jaqbiżx il-limitu ta' 15 %;

AT.  billi xogħol deċenti jibqa' l-aħjar mod biex wieħed jitbiegħed mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u billi l-ħakma u l-aċċessibilità għat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni huma vantaġġi inkontestabbli fit-tfittxija tal-impjiegi;

AU.  billi r-riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010 dwar "Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità" tirrikonoxxi d-dritt għall-ilma tajjeb għax-xorb, bla periklu u nadif bħala dritt fundamentali, essenzjali għall-eżerċizzju sħiħ tad-dritt għall-ħajja u tad-drittijiet kollha tal-bniedem;

AV.  billi l-intersezzjonalità tal-aspetti tal-ġeneru tal-faqar titlob approċċ olistiku għat-trattament ta' diskriminazzjoni multipla, kif ukoll kwistjonijiet bħall-akkomodazzjoni, spejjeż tal-enerġija, servizzi pubbliċi, is-sigurtà tal-impjieg, l-impjieg prekarju u l-politiki ta' tassazzjoni;

AW.  billi l-miri kontra l-faqar ma jistgħux jintlaħqu sakemm ma jiġix indirizzat il-faqar tan-nisa, peress li l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ ekonomiku u l-emanċipazzjoni tan-nisa huma neċessarji għal konverġenza 'l fuq tat-tnaqqis tal-faqar;

AX.  billi l-ġbir ta’ data u t-tfassil tal-politika dwar il-faqar, l-ispejjeż tal-għajxien u l-introjtu fuq il-bażi ta’ unitajiet domestiċi bħala unitajiet kostitwenti jassumu l-uniformità u d-distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi bejn il-membri tal-unità domestika; billi, fil-prattika, l-unitajiet domestiċi jvarjaw, u d-distribuzzjoni tista' ma tkunx ugwali u mqassma skont il-ġeneru, u dan jirrikjedi approċċ għat-tfassil tal-politika bbażat fuq l-ispejjeż u l-introjtu individwali;

AY.  billi 17 % tal-familji b’ġenitur wieħed, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma mmexxija minn nisa, mhumiex f'qagħda li jżommu d-djar tagħhom sħan, meta mqabbla ma’ 10 % biss tal-popolazzjoni ġenerali; billi l-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa naqsu, filwaqt li kien hemm żieda fil-prezzijiet bl-imnut, li wasslet biex jiżdiedu l-ispejjeż; billi sfortunatament ma hemmx definizzjoni ta’ faqar enerġetiku għall-Ewropa kollha,filwaqt li dan il-fenomenu jaffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat;

AZ.  billi r-rati ta' qgħad fost in-nisa żgħażagħ huma ogħla minn gruppi ta’ etajiet oħrajn, li jkabbar ir-riskju li n-nisa żgħażagħ jispiċċaw fil-faqar minn età bikrija;

BA.  billi, filwaqt li ż-żieda fl-ispejjeż domestiċi u l-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjoni huma wħud mir-raġunijiet għalfejn in-nisa qed jispiċċaw mingħajr dar, hemm bżonn ta’ aktar riċerka dwar ir-rati u l-kawżi tan-nisa li jitilfu jew li jħallu djarhom; billi d-dejn domestiku u individwali hu relatat direttament mal-ispejjeż domestiċi, u hu kaġun ewlieni tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali;

Rakkomandazzjonijiet prinċipali

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet żviluppati f'din ir-riżoluzzjoni:

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex jadottaw strateġija integrata li tiġġieled kontra d-diversi forom tagħha permezz ta' approċċ olistiku li jorbot flimkien il-politiki ekonomiċi, tal-edukazzjoni, tal-impjieg, tal-enerġija, tat-trasport tal-enerġija u dawk soċjali fuq il-bażi tal-aħjar prattiki;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw moratorju fuq l-iskonnessjoni mit-tisħin fix-xitwa sabiex jiżguraw li matul perjodu definit tax-xitwa l-ebda unità domestika ma tkun maqtugħa mill-enerġija jew li dawk li jkunu maqtugħa jerġa' jkollhom konnessjoni filwaqt li jenfasizza li l-ispejjeż relatati huma fin-natura tagħhom responsabbiltà pubblika, minħabba li l-politiki soċjali huma primarjament ir-responsabbiltà tal-gvernijiet; jitlob lill-Istati Membri jevalwaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal temperatura adegwata ta' akkomodazzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-iskemi ta' dħul minimu fl-UE u biex tqis passi ulterjuri li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru kif ukoll tivvaluta jekk l-iskemi jippermettux lill-unitajiet domestiċi jilħqu l-ħtiġijiet personali; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa fuq din il-bażi l-mod u l-mezzi li bihom, fil-livell tal-Istat Membru, jiġi provdut dħul minimu adegwat bi qbil mal-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li jkunu rispettati l-karatteristiċi ta' kull wieħed minnhom, sabiex tkun appoġġata l-konverġenza soċjali fl-Unjoni kollha;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm użu iktar effiċjenti, immirat u sorveljat tajjeb tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġi miġġieled il-faqar tal-enerġija, iż-żieda fl-ispejjeż tal-għajxien, l-esklużjoni soċjali, id-deprivazzjoni minn akkomodazzjoni u l-kwalità insuffiċjenti tal-istokk tal-akkomodazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tippermetti flessibbiltà akbar f'dan il-qasam;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddedikaw summit għat-tnaqqis tal-faqar, tal-faqar estrem u tal-esklużjoni soċjali u aċċess għal ħajja diċenti;

Politiki tal-UE biex tintlaħaq il-mira kontra l-faqar

6.  Jiddeplora ż-żieda fl-għadd ta' persuni fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, anki jekk l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas l-għadd ta' persuni f'din il-kategorija b'mill-inqas 20 miljun; jiddispjaċih ukoll li l-indiċi tal-faqar wera titjib biss f'xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jġeddu l-impenn tagħhom lejn il-mira ta' tnaqqis tal-faqar li qed issir dejjem aktar diffiċli li tintlaħaq;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lil kulħadd appoġġ aċċessibbli adegwat, inkluż dħul minimu għal kemm tul ikun hemm bżonn, u biex jipprovdu tipi differeni ta' kumpens essenzjali biex jindirizzaw sitwazzjoni ta' faqar fejn l-ispejjeż ma jistgħux jitnaqqsu fuq terminu qasir; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti kriterji ta' eliġibbiltà sabiex wieħed jibbenefika minn skema ta' dħul minimu adegwat;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu mill-ġdid u jadattaw kwalunkwe politika li tista' twassal biex jiżdied il-faqar;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li testendi l-Fond Ewropew ta' Għajnuna għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn lil hinn mill-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, kif ukoll koordinazzjoni akbar ma' fondi Ewropej oħra, b'mod speċjali l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-politiki attivi ta' impjieg, biex jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol ta' dawk l-aktar fil-bżonn u biex tevalwa safejn dawk l-aktar fil-bżonn u l-gruppi vulnerabbli, bħan-nisa żgħażagħ, familji b'ġenitur wieħed, in-nisa diżabbli u xjuħ, ibbenefikaw mill-programm;

10.  Jitlob lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess ta' strutturi assoċjattivi tal-ġlieda kontra l-faqar għall-finanzjament Ewropew tal-FEAD mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv għal dawk l-assoċjazzjonijiet li ta' sikwit ikollhom nuqqas ta' persunal;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jirrikonoxxu l-ħiliet akkwistati b'mod informali aktar milli formalment;

12.  Jenfasizza li inizjattivi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu implimentati b'fehim komprensiv tal-istruutura tax-xogħol tar-reġjuni li fihom ikunu se jiġu implimentati; dan jeħtieġ l-aġġornament tar-rwol taċ-ċentri tal-impjiegi, jiġifieri l-assisstenza lill-utenti, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet kollha tal-utenti nfushom, l-aġġornament tal-ħiliet u l-attenzjoni mmirata għas-setturi tal-iżvilupp permezz ta' kuntatt dirett mal-intraprendituri biex dawn jippreżentaw il-kompetenzi li huma jeħtieġu f'impjegati potenzjali;

13.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi l-ħolqien ta' pilastru Ewropew ta' drittijiet soċjali; ifakkar li tali pilastru għandu jwettaq l-Artikolu 9 tat-TFUE;

14.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura punteġġ AAA soċjali għall-Unjoni billi tippreżenta miżuri ġodda, sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-politiki soċjali u tal-impjieg, b'inklużjoni ta' strateġija ċara biex tiġġieled l-aspetti tal-ġeneru fl-esklużjoni soċjali;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw, jadottaw u jimplimentaw qafas tal-UE biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, li jikkonsisti f'miżuri u azzjonijiet konkreti, inkluż il-faqar enerġetiku;

16.  Ifakkar l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata "Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija" u jinnota r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar "li jinħoloq Osservatorju Ewropew tal-Faqar li jiffoka l-iktar fuq il-faqar fil-qasam tal-enerġija, li jiġbor fih il-partijiet interessati kollha u li jagħti kontribut sabiex jiġu identifikati l-indikaturi Ewropej tal-faqar fil-qasam tal-enerġija (b'koordinazzjoni mal-Eurostat), issir deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-aqwa prattiki, jitfasslu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prevenzjoni u indirizzar tal-problema u biex tiġi stabbilità solidarjetà Ewropea f'dan il-qasam"; jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati indikaturi u li tinġabar data dwar il-konsum u l-ispejjeż tal-unitajiet domestiċi fir-rigward tal-faqar enerġetiku sabiex tiġi provduta informazzjoni affidabbli u jkun hemm politika bbażata fuq l-evidenza u monitoraġġ effettiv;

17.  Iqis li l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom komponent interġenerazzjonali u għaldaqstant, jenfasizza l-ħtieġa li t-tfal li jgħixu fi djar li jaqgħu taħt is-soll tal-faqar jiġu pprovduti b'aċċess għall-edukazzjoni u jappoġġa politiki maħsuba biex jimpedixxu t-tluq bikri mill-iskola;

18.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' faqar li qed jiżdied, biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom ħalli jgħinu lin-nies f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali, billi jinkludu perspettiva tal-ġeneru qawwija, pereżempju fil-forma ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' tnaqqis tal-faqar imniżżel fl-Istrateġija Ewropa 2020;

19.  Itenni l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni formali u mhux formali, kif ukoll ir-rwol tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u biex tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni tal-faqar u biex jiżdied id-dħul permezz tal-inklużjoni tan-nisa f’setturi fejn huma kienu sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-intraprenditorija, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora miri ta’ taħriġ vokazzjonali għan-nisa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

20.  Jitlob li kull Stat Membru jipprovdi projezzjoni dettaljata tal-pjan għat-tnaqqis tal-faqar tiegħu, u kif l-istrateġija tiegħu tindirizza l-aspetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali speċifiċi għas-sessi;

Ir-riżorsi u l-introjtu ta' unitajiet domestiċi foqra

21.  Jenfasizza li dħul deċenti huwa element fundamentali biex wieħed ikun jista' jgħix ħajja b'dinjità; jenfasizza li għalkemm l-impjieg jista' jkun kruċjali bħala mod li bih toħroġ mill-faqar, hu importanti li jkun hemm introjtu minimu suffiċjenti li jgħin lill-persuni jilħqu l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; ifakkar li 16,7 % tal-popolazzjoni fl-UE28 fl-2013 kienet fir-riskju ta' faqar wara trasferimenti soċjali, li jfisser li d-dħul disponibbli tagħhom kien taħt il-limitu nazzjonali tar-riskju ta' faqar tagħhom, li l-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar assolut jibqgħu ferm inaċċettabbli;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-politiki li għandhom jiġu implimentati u r-riformi li għandhom jitwettqu għall-ġlieda effettiva kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, fid-dawl tal-promozzjoni tal-konvergenza soċjali, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru;

23.  Ifakkar l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar"; jinnota li l-opinjoni tappoġġa qafas Ewropew dwar dħul minimu adegwat li għandu jistabbilixxi standards u indikaturi komuni, jipprovdi metodi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu u jtejjeb id-djalogu bejn il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; iqis li qafas bħal dan ikun jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-evidenza u d-drittijiet u jikkunsidra l-kuntest soċjali u ekonomiku ta' kull Stat Membru u għandu jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

24.  Jenfasizza li l-iskemi ta' dħul minimu għandhom jimpedixxu li familji jkunu materjalment ferm imċaħħda u joħorġuhom minn din is-sitwazzjoni, u jippermettu dħul ogħla mis-soll tal-faqar; ifakkar li skemi ta' dħul minimu fil-livell nazzjonali jistgħu jkunu strumenti ewlenin biex jitwettaq l-Artikolu 9 TFUE, tiġi garantita protezzjoni soċjali adegwata, titnaqqas l-esklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u opportunitajiet indaqs; jikkondividi l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li l-iskemi ta' dħul minimu għandhom ikunu akkumpanjati minn tagħlim tul il-ħajja, l-involviment tal-partijiet interessati u politiki attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li jassistu persuni qiegħda jirritornaw lejn is-suq tax-xogħol u jsibu impjiegi deċenti;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni, konsulenza u jgħinu lin-nies f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali biex jagħmlu għażliet mgħarrfa dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom u jappoġġaw atturi mhux governattivi, awtoritajiet lokali li jipprovdu konsulenza dwar enerġija mmirata u konsulenti tat-taħriġ dwar l-enerġija, kif ukoll biex jobbligaw lill-fornituri tal-enerġija jinkludu informazzjoni fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom lill-unitajiet domestiċi dwar miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika;

26.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn xieraq, ifasslu politika proattiva fir-rigward ta' akkomodazzjoni adegwata sabiex jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità; jistieden lill-Istati Membri japplikaw politika dwar ir-renta raġjonevoli fejn ikunu meħtieġa miżuri soċjali urġenti u jenfasizza li din għandha tkun akkumpanjata minn programmi ta' akkomodazzjoni u komunitarji fit-tul biex jiżdied l-istokk ta' akkomodazzjoni għall-gruppi fil-mira soċjalment żvantaġġati; jenfasizza li għad hemm il-ħtieġa fl-UE kollha ta' miżuri effettivi biex jimpedixxu aktar ħolqien ta' bżieżaq tal-housing bħal regolamentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur effettiva fis-suq tas-self ipotekarju; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, politiki li għandhom l-għan li jgħinu l-unitajiet domestiċi f'diffikultà finanzjarja biex jibqgħu fir-residenza primarja tagħhom;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw id-dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej għal assistenza għal housing bħala prekundizzjoni għad-dinjità umana; jitlob ir-rikonoxximent tal-importanza ta' akkomodazzjoni mikrija affordabbli bħala mezz li jiffaċilita l-aċċess għall-akkomodazzjoni għal persuni b'paga baxxa, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw numru suffiċjenti ta' djar affordabbli;

28.  Jenfasizza li l-faqar fost il-persuni anzjani huwa problema kbira f'ħafna Stati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet sabiex jiggarantixxu livell adegwat ta' dħul mill-pensjoni kif ukoll is-sostenibbiltà u s-sigurtà tas-sistemi tal-pensjonijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problema tal-persuni bla dar bħala forma estrema ta' faqar, u b'mod partikolari l-imwiet fix-xitwa fost in-nies li jinsabu mingħajr dar u dawk li jgħixu fi djar kesħin; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid il-progress tagħhom biex itemmu dawn il-forom estremi ta' faqar;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw, jimplimentaw u jżommu b'mod urġenti miżuri ta' politika li jippermettu lill-familji jlaħħqu mal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, inkluża l-provvista ta' allowances għall-akkomodazzjoni, peress li 22 348 834 unità domestika (madwar 11 % tal-popolazzjoni tal-UE) jonfqu aktar minn 40 % tad-dħul disponibbli tagħhom fuq l-akkomodazzjoni u 21 942 491 unità domestika (madwar 10,8 % tal-popolazzjoni tal-UE) jesperjenzaw diffikultà biex iżommu temperatura adegwata fid-dar;

31.  Ifakkar li l-familji bi dħul baxx u dawk foqra jew f'riskju ta' faqar huma aktar dipendenti fuq il-provvista ta' servizzi pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-infiq pubbliku meħtieġ li jipprovdi servizzi ta' kwalità għolja u affordabbli lill-unitajiet domestiċi bi dħul baxx;

In-nefqa tal-unità domestika ta' unitajiet domestiċi fqar

32.  Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar baġit ta' referenza, li hu pass fid-direzzjoni t-tajba meta jitqies li l-indirizzar tad-dħul u l-infiq ta' unitajiet domestiċi fqar b'mod aktar bilanċjat b'approċċ ibbażat fuq id-data għadu jippreżenta sfida; jirrimarka li l-baġits ta' referenza li jirriflettu n-nefqa domestika jistgħu jintużaw biex jitfassal l-appoġġ li għandu jingħata u biex tiġi ttestjata l-adegwatezza tiegħu; iqis li dan l-istrument huwa ta' valur kruċjali biex terġa' titqajjem il-koeżjoni soċjali tal-Unjoni, jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tintlaħaq il-mira tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ta' Ewropa 2020; jenfasizza li t-tnaqqis fin-nefqa tal-unità domestika għal unitajiet domestiċi fqar se jkollu impatt pożittiv fuq l-unitajiet domestiċi kkonċernati kif ukoll fuq l-ekonomija, b'mod partikolari l-ekonomija lokali, u fuq il-koeżjoni soċjali;

33.  Ifakkar li l-unitajiet domestiċi fqar jonfqu l-akbar parti tad-dħul tagħhom fuq l-ikel, l-akkomodazzjoni u l-utilitajiet, jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tgħaqqad aħjar il-politiki tagħha biex tkun tista' tiġġieled il-faqar, ittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattika u tiffaċilita djalogu regolari ma' dawk li qed jesperjenzaw il-faqar, tiżgura li huma jkunu jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu evalwati l-politiki li jaffettwawhom;

34.  Jenfasizza li s'issa għad m'hemm l-ebda definizzjoni ta' faqar enerġetiku fil-livell tal-Unjoni u għalhekk huwa diffiċli ħafna li jiġu vvalutati sew il-gravità, il-kawżi u l-konsegwenzi ta' dan l-aspett tal-faqar fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mal-partijiet interessati definizzjoni komuni tal-faqar enerġetiku, u tiddefinixxi l-fatturi li jikkontribwixxu għall-vulnerabbiltà tal-unitajiet domestiċi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjonijiet tal-impatt u informazzjoni dwar l-aħjar prattiki biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku fl-Istati Membri f'dan il-kuntest; jenfasizza li l-enerġija trid tkun affordabbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni;

36.  Jenfasizza li hu ferm importanti li ma jitħalliex li aktar żgħażagħ jaqgħu vittma tal-faqar enerġetiku fil-futur;

37.  Jinnota li kien ippruvat li l-edukazzjoni ekonomika u finanzjarja f’età żgħira ttejjeb it-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi aktar tard fil-ħajja, inkluż fil-ġestjoni tal-ispejjeż u tad-dħul; jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattika u l-promozzjoni ta’ programmi edukattivi mmirati lejn in-nisa u l-bniet fi gruppi vulnerabbli u komunitajiet emarġinati li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

38.  Jenfasizza li parti sinifikanti tal-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku tinsab f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, u bħala konsegwenza din il-parti ma jista' qatt ikollha l-investiment inizjali meħtieġ għall-apparati effiċjenti fl-enerġija bħall-iżolament jew ir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli; jirrimarka li dan joħloq ċirku vizzjuż li fih b'mod kontinwu jintuża sehem akbar tad-dħul tal-unitajiet domestiċi milli huwa meħtieġ fuq il-kont tal-utilitajiet, filwaqt li l-effiċjenza jew in-nuqqas ta' enerġija, fost kwistjonijiet oħra, ma jiġux indirizzati;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), u lill-Istati Membri jwettqu riċerka dwar il-problema tan-nisa mingħajr dar u l-kawżi tagħha u r-raġunijiet għaliha, peress li dan il-fenomenu mhuwiex espress kif xieraq fid-data attwali; jinnota li l-elementi speċifiċi għall-ġeneru li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu d-dipendenza ekonomika bbażata fuq is-sessi, l-akkomodazzjoni temporanja, jew l-evitar ta’ servizzi soċjali;

40.  Jappoġġa l-inizjattiva sabiex jitfassal baġit ta' referenza bħala linja gwida, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru meta tfasslu, inkluż l-inugwaljanzi bejn il-ġeneru ffaċċjati mill-unitajiet domestiċi;

41.  Iqis li għandu jittieħed kont ukoll tal-aspettattivi ta’ ħajja itwal għan-nisa, bħala fattur li potenzjalment jaffettwa l-vulnerabbiltà u l-esklużjoni;

Finanzi u politiki mmirati biex jindirizzaw il-faqar u l-faqar enerġetiku

42.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu mikrokrediti jew self mingħajr imgħax jew b'rati baxxi (permezz pereżempju tal-BEI) lill-familji bi dħul baxx, biex jappoġġawhom fl-investiment bil-quddiem ta' enerġiji rinnovabbli jew effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħall-iżolament, l-enerġija solari u apparat effiċjenti fl-enerġija;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-investimenti li jitwettqu, kemm fi djar ġodda kif ukoll fir-riformi tad-djar eżistenti, ikunu bbażati fuq l-effiċjenza enerġetika;

44.  Ifakkar li ċerti politiki u l-finanzjament tal-Unjoni bil-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi fqar billi jinvestu f'sorsi rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika jista' jkollhom bosta effetti pożittivi fuq it-terminu medju: titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tas-saħħa tal-persuni kkonċernati, tnaqqis fl-ispejjeż tal-unitajiet domestiċi li jipprovdi serħan baġitarju għall-familji fqar, żieda fl-investimenti lokali, ħolqien ta' impjiegi lokali u kontribut lejn l-objettivi tal-Istrateġija 2020 tal-UE;

45.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi sorveljat l-użu tal-fondi u tiġi simplifikata l-informazzjoni u l-aċċess għal riżorsi bħal dawn;

46.  Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-ġlieda kontra l-faqar minn perspettiva mhux biss soċjali jew politika, iżda wkoll ekonomika f'terminu medju; jinsisti li l-Kummissjoni, fost il-prijoritajiet tagħha għandha tinkorpora l-ħtieġa li tindirizza d-dinamika tal-inugwaljanza li attwalment teżisti u li tillimita b'mod notevoli t-tkabbir u għandha impatt ferm negattiv fuq il-koeżjoni u l-faqar;

47.  Jenfasizza r-rwol tal-UE u tal-Istati Membri fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi, l-UE billi tiżgura s-sigurtà tal-provvista biex tevita bidliet qawwija tal-prezz u l-ispekulazzjoni fis-suq tal-enerġija, filwaqt li toħloq interkonnessjonijiet aktar b'saħħithom u integrazzjoni akbar tas-suq kif ukoll investiment sostenibbli fl-enerġija, u billi żżid l-investiment fir-riċerka tal-enerġija rinnovabbli, u l-Istati Membri billi jsaħħu l-politiki tagħhom ta' appoġġ għall-effiċjenza fl-enerġija tal-unitajiet domestiċi, b'attenzjoni speċjali fuq unitajiet domestiċi li mhumiex fil-grilja u li jinsabu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali; jikkunsidra li l-ħarsien tal-konsumatur għandu jkun fost il-prijoritajiet tal-Unjoni;

48.  Jikkundanna l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq ir-riżorsi naturali u s-sorsi ta' enerġija, speċjalment dawk li ma jistgħux jiġu rilokati, bħall-enerġija idroelettrika, pereżempju, u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji foqra billi, pereżempju, jużaw id-dħul minn tassazzjoni xierqa;

49.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli huma eliġibbli għall-Fondi SIE 2014-2020, minħabba l-importanza li jistgħu jirrappreżentaw fit-tnaqqis tal-ispejjeż enerġetiċi tal-unitajiet domestiċi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-fondi Ewropej fir-rigward tal-indirizzar tal-faqar enerġetiku; jenfasizza li l-ostakli biex naslu għall-effiċjenza, bħall-aċċessibbiltà tal-Fondi ta' Koeżjoni għal organizzazzjonijiet aktar żgħar jew in-nuqqas ta' informazzjoni, partikolarment dwar ir-rekwiziti tal-applikazzjoni, għandhom ikunu indirizzati;

50.  Ifakkar li t-tqegħid fil-mira ta' benefiċjarji li jaħdmu ma' familji fqar jew li huma parti minnhom, jeħtieġ ċerti prekondizzjonijiet, li jiġu ssodisfati aħjar permezz tal-Fondi SIE iżda inqas permezz ta' fondi kbar bħall-FEŻR;

51.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw l-użu ta' mekkaniżmi ta' finanzjament transversali bejn l-FSE u l-FEŻR, fir-rigward ta' proġetti ta' sorsi rinnovabbli jew ta' effiċjenza enerġetika għal unitajiet domestiċi fqar fl-enerġija; jenfasizza l-benefiċċji multipli ta' programmi ffinanzjati minn fondi differenti li jindirizzaw kwistjonijiet trasversali bħal dawk dwar il-faqar enerġetiku;

52.  Jenfasizza li l-kwalità ta' akkomodazzjoni ta' unitajiet domestiċi bi dħul baxx f'reġjuni rurali għandha t-tendenza li tkun baxxa ħafna, kemm għall-kerrejja kif ukoll għas-sidien; ifakkar li dan iżid l-hekk imsejjaħ effett lock-in ta' spejjeż tal-utilità għolja li ma jagħti l-ebda lok għall-investiment fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-għan tal-LEADER u l-FAEŻR biex dawn jindirizzaw il-faqar enerġetiku fiż-żoni rurali, billi jidderieġu l-programmi operazzjonali u l-finanzjament lejn il-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli diversifikata partikolarment fi ħdan netwerks lokali li jinkludu miżuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-bini riservat għal unitajiet domestiċi f'faqar enerġetiku;

53.  Ifakkar li l-kerrejja għandhom aċċess limitat għall-iffinanzjar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija peress li mhumiex is-sidien tal-proprjetà; ifakkar li l-kerrejja jista' jkollhom inċentiv aktar baxx għall-investiment peress li jirrilokaw b'mod aktar faċli u frekwenti mis-sidien tad-djar; jilqa' l-proġett pilota tal-Kummissjoni dwar "Faqar tal-Fjuwil/Enerġetiku – valutazzjoni tal-impatt tal-kriżi u r-reviżjoni ta' miżuri ġodda eżistenti u possibbli fl-Istati Membri" li huwa maħsub li jindirizza din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni, abbażi tar-riżultati tal-proġett pilota, tiżviluppa dispożizzjonijiet li jippermettu l-finanzjament tal-UE għall-miżuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija meħuda mill-kerrejja;

54.  Ifakkar lill-Istati Membri li mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f'kull Stat Membru għandhom jiġu allokati għall-objettiv tal-"promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni" u li l-Fond Ewropew għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn jista' jintuża wkoll għal miżuri ta' inklużjoni soċjali;

55.  Jenfasizza l-għajnuna immedjata u kundizzjonijiet ta' għajxien imtejba għall-familji l-aktar fil-bżonn meta dawk il-familji jiġu pprovduti b'riżorsi irħas fuq skala żgħira ta' enerġija rinnovabbli, bħal panelli solari għal djar li mhumiex konnessi mal-grilja enerġetika;

Ir-rabta bejn l-għanijiet soċjali u l-politika dwar l-enerġija

56.  Jilqa' l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-politika dwar l-enerġija Ewropea tirrikonoxxi għanijiet soċjali f'linji ta' politika dwar l-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari fid-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu ta' enerġija; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma jużawx il-potenzjal sħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/27/UE biex ikollhom fil-mira l-unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar fl-enerġija u l-akkomodazzjoni soċjali (l-Artikolu 7(7)); jistieden lill-Kummissjoni, fir-reviżjoni u fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha tal-pakkett dwar l-effiċjenza enerġetika, biex tevalwa l-implimentazzjoni u l-użu tal-Artikoli 7(7) u 5(7); jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex, fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni, tikkunsidra li ssaħħaħ l-Artikolu (7), b'mod partikolari l-paragrafu 7 tiegħu, sabiex l-Istati Membri jkunu mħeġġa jinkludu għanijiet soċjali fl-iskemi tal-obbligu tal-effiċjenza fl-enerġija;

57.  Ifakkar li l-awtoritajiet lokali wkoll għandhom rwol importanti fil-promozzjoni ta' strumenti alternattivi ta' finanzjament, inklużi mudelli kooperattivi u fil-promozzjoni ta' ftehimiet ta' akkwist kollettivi sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkombinaw id-domandi għall-enerġija tagħhom u għalhekk iwasslu għal prezzijiet tal-enerġija orħos; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-rwol tal-awtoritajiet lokali biex itaffu l-faqar enerġetiku;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jilħqu l-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal temperatura adegwata ta' akkomodazzjoni; jiġu appoġġati l-aktar gruppi vulnerabbli, speċjalment it-tfal żgħar, ix-xjuħ u l-morda b'mod permanenti u l-persuni b'diżabilità, sabiex tiġi protetta s-saħħa u l-benesseri tagħhom;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata biex jindirizzaw ix-xogħol prekarju li jimpedixxi li l-individwi jkollhom dħul regolari u sigur, u b'hekk joħloq ostaklu għall-ibbaġitjar effettiv u l-ħlas tal-kontijiet tal-unità domestika;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd, bi qbil mal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-NU;

L-akkomodazzjoni u l-faqar

61.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu miżuri deċiżivi dwar l-akkomodazzjoni soċjali u jsaħħu l-investiment fl-effiċjenza enerġetika fil-kera tal-akkomodazzjoni soċjali permezz tal-fondi Ewropej; jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw il-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali ta' kwalità sabiex jiggarantixxu l-aċċess għal kulħadd, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn, għal akkomodazzjoni adegwata; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu użu mill-opportunitajiet biex jipprovdu akkomodazzjoni soċjali b'kostruzzjonijiet legali alternattivi; jirrakkomanda lill-Istati Membri jappoġġaw allejanzi tal-konsumaturi;

62.  Jenfasizza l-importanza ta' servizz għall-indukrar tat-tfal ta' kwalità li jippermetti r-ritorn tal-ġenituri lejn ix-xogħol u żieda fid-dħul tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' dan b'mod partikolari għall-ġenituri waħedhom u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jtejbu d-dispożizzjonijiet tal-indukrar tat-tfal b'mod immedjat;

63.  Jinnota li ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjoni u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma essenzjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku; jesprimi tħassib li l-politiki ta’ rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni spiss jonqsu milli jiffokaw fuq l-iktar persuni vulnerabbli; jinsisti li l-politiki ta’ rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni għandhom, l-ewwel u qabel kollox, jiffokaw fuq unitajiet domestiċi foqra, ekonomikament esklużi u vulnerabbli, b’enfasi fuq dawk li jiffaċċjaw inugwaljanzi bejn is-sessi u diskriminazzjoni multipla;

64.  Jindika r-rwol importanti tal-intraprenditorija u ta' mudelli ta' negozju alternattivi, bħal kooperattivi u mutwalitajiet, biex jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, b’mod partikolari f’komunitajiet emarġinati, u l-indipendenza ekonomika dejjem akbar tagħhom;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu impenn min-naħa tal-partijiet interessati u proċessi li jippromwovu u jiffaċilitaw l-involviment dirett ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’mod partikolari n-nisa u l-bniet, fit-tfassil tal-politiki dwar l-inklużjoni soċjali fil-livelli kollha;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri biex itemmu d-differenza eċċessiva bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-UE li bħalissa hija ta' 16 %, u titla' sa 39 % għall-pensjonijiet, u jenfasizza l-importanza ewlenija ta' din il-miżura għall-ġenituri nisa waħedhom, li l-ispejjeż tal-unità domestika tagħhom jistgħu jkunu tassew ta' piż;

67.  Jinnota li l-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, jinsabu f'riskju ogħla mill-medja ta' faqar (34 %); jinnota li fattur ewlieni li jikkontribwixxi għal dan ir-riskju akbar huwa l-fatt li minħabba l-ispejjeż tal-kura tat-tfal, ġenituri waħedhom jew jiffaċċjaw l-esklużjoni mill-impjieg jew qegħdin f'impjieg prekarju bi ħlas baxx; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu biex jilleġiżlaw dwar paga għall-għajxien li tiggarantixxi li l-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu ssodisfati;

68.  Jinnota li d-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi huma kontributuri ewlenin għall-faqar fost in-nisa; jinnota l-impatti fit-tul fuq il-faqar tan-nisa tal-esklużjoni tan-nisa minn setturi tal-ekonomija li huma tradizzjonalment iddominati mill-irġiel, bħat-teknoloġija, ix-xjenza, karigi importanti ta' management u teħid ta’ deċiżjonijiet, u r-rappreżentanza żejda tan-nisa f’setturi b’pagi baxxi b’mod komparattiv, bħal xogħol ta’ kura tal-persuni, is-servizzi pubbliċi, xogħol part-time u xogħol prekarju b'paga baxxa; jesprimi tħassib li l-femminizzazzjoni tal-faqar hija parzjalment immexxija minn normi li ilhom stabbilti ta' inugwaljanza bejn is-sessi, li jwasslu għal prijoritizzazzjoni ta’ setturi dominati mill-irġiel, bħas-settur finanzjarju, fil-politika industrijali u fil-ftehimiet dwar l-iffissar tal-pagi;

69.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-faqar fost in-nisa u l-esklużjoni soċjali permezz ta’ inizjattivi li jiggarantixxu impjiegi ta’ kwalità għolja b’paga li tiggarantixxi l-għajxien f’setturi dominati min-nisa; jenfasizza r-rwol li t-trejdjunjins jista’ jkollhom fir-rappreżentanza u fl-emanċipazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u fil-ġlieda kontra l-esklużjoni; jistieden lill-Istati Membri jipproponu u jwettqu stħarriġ speċifiku għal min jimpjega u stħarriġ dwar is-salarji speċifiku għas-settur, sabiex juru l-iskemi ta’ salarji inugwali li jolqtu lin-nisa u lill-irġiel fl-istess post tax-xogħol bħala mezz biex jitħaffef il-progress lejn paga ugwali;

70.  Jenfasizza li, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ politiki mirati biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ gruppi vulnerabbli u komunitajiet emarġinati li qed jiffaċċjaw forom speċifiċi ta’ inugwaljanza bejn is-sessi u diskriminazzjoni multipla; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw politiki li jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali ffaċċjati minn nisa b’diżabilità, nisa anzjani, nisa rifuġjati u migranti, nisa Roma u nisa minn minoranzi etniċi, nisa f’żoni rurali u fi kwartieri foqra, ommijiet waħedhom, kif ukoll nisa studenti f'edukazzjoni terzjarja;

Il-faqar u l-aċċess għall-kura tas-saħħa

71.  Ifakkar li l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa universali u ta' kwalità għolja hu rikonoxxut internazzjonalment, speċjalment fl-UE, bħala dritt fundamentali;

72.  Ifakkar li l-aċċess għall-kura tas-saħħa spiss ikun limitat minħabba restrizzjonijiet finanzjarji jew reġjonali (pereżempju, f'żoni ftit li xejn popolati) u dan, speċjalment għal kura ta' rutina (bħall-kura dentali jew ottika) u miżuri ta' prevenzjoni relatati;

73.  Jenfasizza li l-faqar flimkien ma' forom oħra ta' vulnerabilitajiet, bħat-tfulija jew ix-xjuħija, id-diżabilità jew il-fatt li wieħed jagħmel parti minn minoranza, ikomplu jżidu r-riskji ta' inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa u li s-saħħa batuta tista' twassal għall-faqar;

74.  Jenfasizza l-importanza tas-servizzi tas-saħħa u l-kura biex jimlew il-lakuni dwar il-kapaċitajiet, jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tal-persuni u jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

75.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' azzjoni dwar is-saħħa elettronika 2012-2020: Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21", li tistabbilixxi azzjonijiet addizzjonali, b'mod partikolari biex jitjieb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, jitnaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa u tiġi żgurata aktar ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tal-UE;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, li jippermettu eventwalment li jitnaqqsu xi wħud mill-inugwaljanzi fil-kura tas-saħħa; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi tal-valuri universali tad-dinjità umana, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, biex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-bżonnijiet ta' gruppi vulnerabbli bħall-persuni li jgħixu fil-faqar;

77.  Jistieden lill-Istati Membri jsolvu l-problemi tal-inugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tal-persuni, pereżempju fl-oqsma tad-dentistrija u l-oftalmoloġija;

78.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri joffru rimborżi lill-pazjenti u biex jagħmlu dak kollu li hu neċessarju biex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-mediċini għat-trattament ta' dawk il-kundizzjonijiet jew mard bħall-osteoporożi ta' wara l-menopawsa u l-Marda ta' Alzheimer, li mhumiex rimborżabbli f'ċerti Stati Membri, u biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-faqar

79.  Jiddeplora l-fatt li l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa ppubblikata mill-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-ħtieġa li jkun żgurat aċċess sħiħ, ugwali u mhux ristrett għat-teknoloġiji, is-swieq u t-telekomunikazzjonijiet diġitali l-ġodda, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;

80.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw strateġiji biex inaqqsu d-distakk diġitali u jippromwovu aċċess ugwali għat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari għal dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali;

L-ilma u l-faqar

81.  Ifakkar li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tirrikonoxxi d-dritt għall-ilma tax-xorb ta' kwalità għolja u nadif u għall-installazzjonijiet sanitarji bħala dritt tal-bniedem; jinnota, madankollu, li f'xi reġjuni, speċjalment żoni rurali u ultraperiferiċi, l-aċċess għall-ilma tax-xorb mhuwiex żgurat u għadd dejjem akbar ta' persuni jiffaċċjaw diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet tal-ilma tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiżguraw, mingħajr dewmien, li kullħadd ikollu aċċess għall-ilma tax-xorb; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw provvista minima ta' ilma u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem ta' unitajiet domestiċi vulnerabbli;

82.  Iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz possibbli biex jiżguraw li l-persuni kollha jkollhom aċċess għall-ilma tax-xorb mill-aktar fis possibbli;

o
o   o

83.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(2) ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(6) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214.
(7) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.
(8) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 66.
(9) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(10) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.
(11) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(12) http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/292&referer=/english/&Lang=E
(13) http://www.unicef-irc.org/publications/pdf/rc10_eng.pdf
(14) www.unicef-irc.org/publications/pdf/rc12-eng-web.pdf
(15) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=2345&furtherNews=yes.
(16) ĠU C 248, 25.8.2011, p. 130.
(17) ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21.
(18) ĠU C 170, 05.06.2014, p. 23.
(19) ĠU C 166, 7.6.2011, p. 18.
(20) L-Opinjoni Konġunta tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali lill-Kunsill, il-Kunsill tal-UE, 13809/14 SOC 662 EMPL 120 EDUC 297 ECOFIN 876, 3 ta' Ottubru 2014.
(21)http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=0
(22) Center for responsible lending, Durham, http://www.responsiblelending.org/state-of-lending/cumulative/ , http://www.uvcw.be/no_index/cpas/panier-etude-qualitative.pdf
(23) Ricardo Cherenti, Federazzjoni Belġjana taċ-ċentru ta' azzjoni soċjali pubbliku lokali, http://www.uvcw.be/no_index/cpas/panier-etude-quantitative.pdf
(24) Opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali lill-Kunsill, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6491/11, SOC 124, 15 ta' Frar 2011.
(25) Testi adottati, P8_TA(2015)0294.
(26) Testi adottati, P8_TA(2015)0264.
(27) ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28.
(28) Testi adottati, P8_TA(2015)0261.
(29) Testi adottati, P8_TA(2014)0070.
(30) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 40.
(31) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 74.
(32) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8.


Is-settur privat u l-iżvilupp
PDF 441kWORD 186k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar is-settur privat u l-iżvilupp (2014/2205(INI))
P8_TA(2016)0137A8-0043/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwarha tat-23 ta' Ġunju 2014 u tat-12 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ħajja Diċenti Għal Kulħadd" (COM(2013)0092) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwarha tal-25 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla" (COM(2011)0637) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwarha tal-14 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Investiment Privat fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), deskritt fir-Rapport dwar l-Investiment Dinji tal-2014 tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD)(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta' prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(4), u b'mod partikolari l-appell tiegħu għall-allinjament tas-settur privat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-proprjetà, is-sjieda tal-proprjetà u l-ħolqien tal-ġid fil-qerda tal-faqar u t-trawwim ta' żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna mit-twaqqif tagħha sat-tmiem ta' Lulju 2014 (COM(2014)0733),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna tat-2 ta' Marzu 2005 u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra tal-4 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 16/2014 dwar "L-effettività tal-kombinament ta' għotjiet tal-faċilitajiet ta' investiment reġjonali ma' selfiet minn istituzzjonijiet finanzjarji għall-appoġġ ta' politiki esterni tal-UE",

–  wara li kkunsidra s-sħubija ta' Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp tal-1 ta' Diċembru 2011(6), u b'mod partikolari l-paragrafu 32 tagħha, li jirreferi għall-ħtieġa li jiġi rikonoxxut ir-rwol ċentrali tas-settur privat fl-avvanz tal-innovazzjoni, il-ħolqien tal-ġid, id-dħul u l-impjiegi, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u għaldaqstant il-kontribut għall-qerda tal-faqar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni pubblika-privata(7) u s-Sħubija għall-Prosperità(8), li ħarġu mill-"Building Block" Settur Privat ta' Busan,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Eżitu "The future we want" tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' bejn l-20 u t-22 ta' Ġunju 2012(9),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem(10),

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali: Complementarities and Distinctive Contributions(11),

–  wara li kkunsidra l-Investment Policy Framework for Sustainable Development (IPFSD) tal-UNCTAD(12),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-Iżvilupp tas-Settur Privat 2013-2017 tal-Grupp tal-Bank Afrikan għall-Iżvilupp bit-titolu "Supporting the transformation of the private sector in Africa"(13),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali(14),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Lima tal-Organizzazzjoni Industrijali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNIDO): Towards Inclusive and Sustainable Industrial Development (ISID)(15),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9(2)(b) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, li jipprevedi l-obbligu li jiġi żgurat li l-entitajiet privati li joffru faċilitajiet u servizzi li huma miftuħa jew mogħtija lill-pubbliku jqisu l-aspetti kollha dwar l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà(16),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-qafas ta' żvilupp wara l-2015 li jikkunsidra lis-settur privat bħala sieħeb ewlieni ta' implimentazzjoni u r-rwol tiegħu fit-tranżizzjoni għall-ekonomija ekoloġika,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess ta' Art tal-2010(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0043/2016),

A.  billi r-rwol tas-settur pubbliku huwa fundamentali għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs); billi s-settur privat huwa l-magna tal-ħolqien tal-ġid u tat-tkabbir ekonomiku fl-ekonomiji tas-suq kollha, u jiġġenera 90 % tal-impjiegi u d-dħul fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi s-settur privat jammonta għal 84 % tal-PDG fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw skont in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u għandu l-kapaċità li jipprovdi bażi sostenibbli għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali, li twassal għal dipendenza anqas fuq l-għajnuna, sakemm dan ikun regolat kif xieraq, konformi mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u mal-istandards ambjentali u jkun marbut ma' titjib konkret fit-tul fl-ekonomija nazzjonali, fl-iżvilupp sostenibbli u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi;

B.  billi skont l-Indiċi tal-Faqar tal-Bniedem tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, 1.2 biljun persuna jaqilgħu anqas minn USD 1.25 kuljum; billi l-inugwaljanza qiegħda tiżdied, u flimkien mal-faqar, tirrappreżenta waħda mill-akbar theddid għall-istabbiltà globali;

C.  billi hemm korrelazzjoni ċara bejn l-iżvilupp ta' settur tal-manifattura b'saħħtu u t-tnaqqis tal-faqar fis-suq: żieda ta' 1 % fil-valur miżjud tal-manifattura (MVA) per capita tnaqqas l-għadd ta' nies foqra bi kważi 2 %;(18)

D.  billi jinħtieġu investimenti sostanzjali, b'estimi tal-fondi meħtieġa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jammontaw għal USD 2.4 triljun aktar kull sena minn dak li qed jintefaq bħalissa; billi l-finanzjament privat jista' jikkomplementa, iżda mhux jissostitwixxi, il-finanzjament pubbliku;

E.  billi l-2012 ġiet iddikjarata min-Nazzjonijiet Uniti bħala s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi, li tenfasizza r-rwol tagħhom fil-kisba tal-iżvilupp, fl-awtonomizzazzjoni tal-persuni, fit-tisħiħ tad-dinjità umana u fl-għajnuna biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs); billi s-settur tal-kooperattivi madwar id-dinja għandu madwar 800 miljun membru f'aktar minn 100 pajjiż u huwa stmat li jammonta għal aktar minn 100 miljun impjieg madwar id-dinja;

F.  billi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), li jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija tas-suq kollha, iħabbtu wiċċhom ma' piżijiet regolatorji ħafna akbar fil-pajjiżi li qed jiżvilippaw milli fl-UE, u ħafna minnhom joperaw fl-ekonomija informali, li hija mifnija bil-volatilità, u huma mċaħħda mill-protezzjoni legali, mid-drittjiet tal-ħaddiema u mill-aċċess għall-finanzjament; billi, skont ir-Rapport tal-Bank Dinji "Doing Business 2014", l-aktar pajjiżi foqra huma fil-fatt dawk li huma soġġetti għall-aktar piżijiet regolatorji(19);

G.  billi l-industrijalizzazzjoni (b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u tal-industriji żgħar u ta' daqs medju (SMIs)) hija l-mutur għall-benessri u għall-iżvilupp;

H.  billi d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986 tafferma l-iżvilupp bħala dritt fundamentali tal-bniedem; billi d-dikjarazzjoni timpenja ruħha lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, ikkaratterizzat mill-kisba tad-drittijiet tal-bniedem kollha (ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili u politiċi); u billi d-dikjarazzjoni timpenja ruħha wkoll li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali;

I.  billi l-investiment dirett barrani (IDB) għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG), kif rifless fil-proposta tal-UNCTAD għall-investiment fl-SDGs (Pjan ta' Azzjoni għall-promozzjoni tal-kontribut tas-settur privat(20)), dment li l-IDB ikun regolat kif xieraq u marbut ma' titjib konkret fl-ekonomija nazzjonali, inkluż f'termini ta' trasferiment tat-teknoloġija u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' taħriġ għall-forza tax-xogħol lokali, inklużi n-nisa u ż-żgħażagħ;

J.  billi t-tariffi tal-importazzjoni għandhom rwol kruċjali fid-dħul tal-gvern u jippermettu lill-industriji li għadhom jibdew sabiex jikbru fis-suq nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi t-tariffi tal-importazzjoni fuq il-prodotti agrikoli proċessati jistgħu joħolqu spazju għal żieda fil-valur u l-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomiji rurali, filwaqt li jippromwovu wkoll is-sigurtà tal-ikel;

K.  billi 60 % tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżvilppaw huma fis-settur infomali tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) u billi 70 % tal-MSMEs ma jirċievu l-ebda finanzjament mill-istituzzjonijiet finanzjarji, minkejja li huma għandhom bżonnu biex jikbru u joħolqu l-impjiegi;

L.  billi 51 entità mill-akbar 100 entità ekonomika fid-dinja huma korporazzjonijiet, u billi l-aqwa 500 korporazzjoni multinazzjonali jammontaw għal kważi 70 % tal-kummerċ dinji;

M.  billi l-valur miżjud tal-manifattura medju per capita fil-pajjiżi industrijalizzati huwa 10 darbiet aktar minn dak tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u 90 darba aktar minn dak tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs)(21);

N.  billi l-ispazju fiskali tal-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw huwa mrażżan de facto mir-rekwiżiti tal-investituri globali u mis-swieq finanzjarji; billi skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma partikolarment affettwati mill-evitar tat-taxxa fuq il-kumpaniji, peress li huma dipendenti aktar fuq it-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji sabiex iżidu d-dħul, minn pajjiżi tal-OECD; billi prattiki li jiffaċilitaw l-evitar tat-taxxa mill-korporazzjonijiet transnazzjonali u mill-individwi huma użati b'mod wiesa' mill-Istati Membri tal-UE;

O.  billi l-Grupp ta' Livell Għoli li jagħti pariri lis-Segretarju Ġenerali Ban Ki-Moon dwar l-aġenda tal-iżvilupp wara l-2015, li kkonsulta ma' Uffiċjali Kapijiet Eżekuttivi ta' 250 kumpanija (li għandhom dħul annwali ta' USD 8 triljun) minn 30 pajjiż, ikkonkluda li s-sostenibbiltà teħtieġ li tkun inkorporata fl-istrateġiji korporattivi sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kummerċjali għat-tkabbir sostenibbli; billi r-rieda tas-settur privat biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli hija ta' spiss imxekkla min-nuqqas ta' mudelli ċara għall-intrapriżi biex jieħdu sehem fi sħubijiet mas-settur pubbliku; billi s-settur privat għandu l-potenzjal li jipprovdi oġġetti u servizzi lill-komunitajiet u persuni fqar, inaqqas l-ispejjeż, iżid l-għażliet u t-tfassil ta' oġġetti u servizzi għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, kif ukoll jikkontribwixxi għall-kondiviżjoni ta' salvagwardji u standards ambjentali u soċjali;

P.  billi, fin-nuqqas ta' definizzjoni aċċettata b'mod wiesa', is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) jistgħu jiġu definiti bħala arranġamenti b'diversi partijiet interessati bejn atturi privati, korpi pubbliċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), li jfittxu li jiksbu objettiv pubbliku ta' benefiċċju reċiproku permezz tal-kondiviżjoni tar-riżorsi u/jew tal-għarfien;

Q.  billi l-Istituzzjonijiet Ewropej għall-Finanzjament għall-Iżvilupp (EDFI), grupp ta' 15-il istituzzjoni bilaterali li għandhom rwol importanti fl-għoti ta' finanzjament fit-tul lis-settur privat li jinsabu f'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew li qed jirriformaw ruħhom, ifittxu li jinvestu f'kumpaniji bi spettru ta' effetti differenti ta' żvilupp li jvarjaw minn provvista affidabbli tal-elettriku u tal-ilma nadif għall-għoti ta' finanzjament lill-SMEs u aċċess għall-iswieq lill-azjendi agrikoli żgħar;

R.  billi l-PPPs għal għexieren ta' snin kienu prattika ta' negozju komuni fil-pajjiżi żviluppati, b'mod partikolari fil-pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti, u llum il-ġurnata jintużaw b'mod wiesa' fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-maġġoranza tad-donaturi, li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 15-20 % tal-investiment fl-infrastruttura totali;

S.  billi 2,5 biljun persuna, li ħafna minnhom jinsabu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-maġġoranza tagħhom huma nisa u żgħażagħ, għadhom esklużi mill-komunitajiet tan-negozju, mis-settur finanzjarju formali, u mill-opportunitajiet ta' sjieda tal-proprjetà u tal-art; billi hemm diskrepanza persistenti bejn is-sessi ta' 6-9 punti perċentwali bejn il-kategorija ta' dħul fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi d-djalogu soċjali huwa mezz importanti ta' appoġġ għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-post tax-xogħol u li jbiddel ix-xejra ta' nuqqas ta' rappreżentanza tal-komunitajiet tan-negozju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

T.  billi PPPs imfassla tajjeb u implimentati b'mod effiċjenti għandhom il-kapaċità li jimmobilizzaw finanzjament privat u pubbliku fit-tul, jiġġeneraw innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli ta' negozju, u jinkorporaw mekkaniżmi integrati sabiex jiġi żgurat li sħubijiet bħal dawn ikunu responsabbli għar-riżultati tal-iżvilupp;

U.  billi l-PPPs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sa issa huma kkonċentrati l-aktar fis-setturi tal-enerġija, tal-infrastruttura u tat-telekomunikazzjoni, filwaqt li l-potenzjal fis-setturi bħall-agrikoltura, l-edukazzjoni, it-teknoloġiji ekoloġiċi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kura tas-saħħa u d-drittijiet tal-proprjetà jibqa' mhux sfruttat;

V.  billi kważi żewġ terzi tas-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) lill-pajjiżi Asjatiċi, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) f'dawn l-aħħar għaxar snin kien mmirat lejn operazzjonijiet tas-settur privat; billi l-Faċilità ta' Investiment għal Cotonou tal-BEI ġiet rikonoxxuta bħala fond uniku, li jista' jerġa' jintuża u li jerfa' r-riskji għall-finanzjament ta' investiment b'riskju ogħla b'appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat;

W.  billi, għalkemm 45 miljun persuna li qed tfittex impjieg jingħaqdu mal-forza tax-xogħol tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kull sena(22), 34 % tad-ditti f'41 pajjiż jammettu li fil-fatt huma ma jistgħux isibu l-ħaddiema li jeħtieġu;

X.  billi, fil-kuntest tal-Aġenda għall-Bidla, it-taħlit huwa rikonoxxut bħala strument importanti sabiex jiġu stimolati riżorsi addizzjonali billi l-għotjiet mill-UE jiġu kkombinati b'self jew ekwità minn finanzjaturi pubbliċi u privati; billi, madankollu, r-Rapport Speċjali Nru 16/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tal-kombinament ikkonkluda li, għal kważi nofs il-proġetti eżaminati, ma kienx hemm evidenza biżżejjed biex jitqies li l-għotjiet kienu ġġustifikati, filwaqt li f'għadd ta' każijiet kien hemm indikazzjonijiet li l-investimenti kienu jsiru mingħajr il-kontribuzzjoni tal-UE;

Y.  billi l-manifattura, b'madwar 470 miljun impjieg mad-dinja kollha fl-2009 u madwar nofs biljun impjieg mad-dinja kollha fl-2013(23), tipprovdi potenzjal għoli għall-ħolqien ta' impjiegi u ġid u għal xogħol deċenti u li jirrekjedi kwalifiki għoljin;

Z.  billi l-ġid globali qiegħed dejjem aktar ikun ikkonċentrat f'idejn ftit nies għonja u huwa mistenni li aktar min-nofs tal-ġid globali sal-2016 se jispiċċa għand dawk li huma l-1 % l-aktar għonja fid-dinja;

AA.  billi tassazzjoni ġusta u progressiva bi kriterji ta' assistenza soċjali u ġustizzja soċjali għandha rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi billi tfassal ir-ridistribuzzjoni tal-ġid minn ċittadini bi dħul ogħla għal dawk li l-aktar għandhom bżonn fil-pajjiż;

Strateġija fit-tul għall-ħidma mas-settur privat

1.  Jirrikonoxxi li l-investiment tas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jista' jikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU jekk ikun regolat kif xieraq; jilqa' u jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2014 dwar rwol aktar b'saħħtu tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tappoġġa lis-settur privat sabiex isir, flimkien ma' organizzazzjonijiet tal-iżvilupp governattivi u nongovernattivi oħra u mudelli ta' negozju inklużiv bħal kooperattivi u intrapriżi soċjali, sħab importanti fil-kisba ta' żvilupp inklużiv u sostenibbli fil-qafas tal-SDGs tan-NU, li jfisser impenn mis-settur privat lejn il-governanza tajba, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-ġid permezz ta' investiment sostenibbli, kif ukoll it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards ambjentali u l-awtonomizzazzjoni tal-ekonomiji lokali; jenfasizza li r-rwoli differenti tal-atturi tas-settur privat u tas-settur pubbliku jeħtieġ li jiġu mifhuma u rikonoxxuti mill-partijiet involuti kollha;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvolvi ruħha b'mod attiv fid-diskussjonijiet dwar l-Aġenda 2030, filwaqt li tirrikonoxxi d-diversità tas-settur privat u l-isfidi ppreżentati sabiex jittaffa l-faqar ta' dawk l-aktar marġinati u li huma l-aktar diffiċli li jintlaħqu; iqis li kwalunkwe politika tal-UE li għandha l-għan li tinvolvi lis-settur privat fl-iżvilupp jeħtieġ li tispeċifika liema settur privat huwa fil-mira;

3.  Jenfasizza li sħubiji futuri fi ħdan l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jiffokaw b'mod aktar estensiv fuq il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; ifakkar li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) jeħtieġ li tibqa' mezz ewlieni għall-qerda ta' kull forma ta' faqar u li tissodisfa l-ħtiġijiet soċjali bażiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li din ma tistax tiġi sostitwita mill-finanzjament privat; jirrikonoxxi l-possibbiltajiet li jiġi stimolat il-finanzjament privat mal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, bil-kundizzjonijiet ta' trasparenza, obbligu ta' rendikont, sjieda u allinjament mal-prijoritajiet tal-pajjiż u mar-riskju ta' sostenibbiltà tad-dejn;

4.  Jappella li jkun hemm aktar investiment pubbliku f'servizzi pubbliċi li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, b'mod speċjali fis-settur tat-trasport, fl-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, fis-saħħa u fl-edukazzjoni;

5.  Jemmen li s-setturi privati u pubbliċi huma l-aktar effettivi meta jaħdmu flimkien sabiex joħolqu ambjent b'saħħtu għall-investiment, għall-attività kummerċjali u l-pedamenti għal tkabbir ekonomiku; jenfasizza li s-sħubijiet u l-alleanzi kollha mas-settur privat għandhom jiffokaw fuq il-prijoritajiet ta' valuri komuni li jallinjaw l-objettivi kummerċjali mal-objettivi ta' żvilupp tal-UE, u jħarsu l-istandards internazzjonali dwar l-effikaċja tal-iżvilupp; iqis li dawn għandhom jitfasslu u jkunu ġestiti flimkien mal-pajjiżi sħab inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li r-riskji, ir-responsabbiltajiet u l-profitti jiġu kondiviżi, ikunu kosteffettivi u jkollhom miri preċiżi għall-iżvilupp, tragwardi regolari, obbligu ta' rendikont ċar u transparenza;

6.  Jilqa' r-rwol li għandu l-investiment barrani tas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-aċċelerazzjoni tal-iżvilupp nazzjonali; ikompli jenfasizza l-importanza li jitħeġġeġ investiment responsabbli li jappoġġa s-swieq lokali u jgħin sabiex jittaffa l-faqar;

7.  Jappoġġa x-xogħol tal-Assoċjazzjoni tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej għall-Iżvilupp (EDFI), billi l-membri tagħha jipprovdu kapital lill-intrapriżi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' investimenti diretti f'kumpaniji, kif ukoll b'mod indirett bl-impenn ta' kapital lill-banek kummerċjali lokali u lil ekwità privata fis-swieq emerġenti, li jiffokaw fuq intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffavorixxi dawn it-tipi ta' programmi fil-finanzjament u l-kooperazzjoni tagħha, billi s-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa tal-akbar importanza;

8.  Jappella sabiex jiġu żviluppati standards ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont aktar effettivi għal kumpaniji tat-teknoloġija tal-UE marbuta mal-esportazzjoni tat-teknoloġiji li jistgħu jintużaw biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem, jgħinu l-korruzzjoni jew jaġixxu kontra l-interessi tas-sigurtà tal-UE;

9.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, l-investiment, is-sigurtà u l-iżvilupp huma interkonnessi u għandhom impatt dirett fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki dwar l-iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fil-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jappella sabiex il-politiki dwar il-kummerċ u l-investiment jiġu evalwati f'termini tal-impatt tal-iżvilupp, speċjalment rigward l-aċċess universali għall-oġġetti u s-servizzi ta' interess ġenerali; jenfasizza l-importanza tat-titjib fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet bilaterali kollha tal-kummerċ fil-ġejjieni, bil-ħsieb li jiġu inklużi skemi ta' rappurtar effettiv għas-settur privat;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi analizzat kif is-settur privat jista' jiġi involut aktar fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, biex jgħin fil-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi fil-viċinat Ewropew, pereżempju permezz ta' kondiviżjoni tal-għarfien espert fl-għoti ta' aċċess għall-kapital;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, tappoġġa u tiffinanzja sħubiji pubbliċi-pubbliċi bħala l-ewwel għażla, u tinkludi valutazzjonijet tal-impatt ex-ante soċjali u fuq il-faqar li jkunu obbligatorji u disponibbli għall-pubbliku meta programmi tal-iżvilupp jiġu implimentati flimkien mas-settur privat;

12.  Jappella sabiex l-UE tinkludi konsultazzjoni formali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-komunitajiet li huma affettwati direttament u indirettament mill-progetti tal-iżvilupp;

13.  Jenfasizza l-potenzjal vast tal-valur miżjud tal-UE fi sħubija mas-settur privat, b'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tagħha u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, li ħafna minnhom għandhom esperjenza ta' riżultati tajbin ta' ħidma mas-settur privat; jenfasizza li ekonomija tas-suq li tiffunzjona bis-sħiħ, ibbażata fuq l-istat tad-dritt, tibqa' mutur importanti ta' żvilupp ekonomiku u soċjali u li l-politika tal-UE dwar l-iżvilupp għandha tirrifletti dan il-fatt;

14.  Jilqa' l-"Framework for Business Engagement with the United Nations", li jissottolinja l-fatt li settur privat b'saħħtu li jsarraf fi tkabbir ekonomiku huwa essenzjali għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u li s-settur privat "qed jagħmel kontributi importanti lejn progress ekonomiku, soċjali u ambjentali kondiviż";

15.  Jilqa' l-involviment tas-settur privat fil-Forum ta' Livell Għoli tal-OECD dwar l-effikaċja tal-għajnuna; jilqa', b'mod partikolari, l-inizjattivi f'dak il-kuntest li ttieħdu fir-rigward tal-modi innovattivi ta' stimolu tal-finanzjament tal-iżvilupp mis-settur privat u d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Busan fl-2011 dwar l-"Espansjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni pubblika u privata għal tkabbir wiesa', inklużiv u sostenibbli";

16.  Jilqa' l-fatt li l-proporzjon ta' għajnuna mhux marbuta bilaterali baqgħet tiżdied, iżda jesprimi tħassib dwar forom formali u informali ta' għajnuna marbuta(24); jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw l-impenn li għamlu fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp biex "jippromwovu aktar in-non-kondizzjonalità tal-għajnuna li tmur lil hinn mir-rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-OECD"; jissottolinja l-potenzjal li joħloq tkabbir ta' aktar għajnuna mhux marbuta, li jista' jkun ta' benefiċċju għall-industriji lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella għal żieda fl-għajnuna reali ("real aid") u għall-bini sostenibbli ta' katini ta' valur reġjonali/lokali; jappella għal żieda fl-awtonomizzazzjoni tal-atturi lokali u li tingħata enfasi fuq l-iżvilupp sostenibbli ta' katini ta' valur reġjonali/lokali; jenfasizza l-importanza tas-sjieda lokali u reġjonali, tal-istrateġiji u l-aġendi ta' riforma nazzjonali tal-pajjiżi sħab stess, tal-involviment ta' proġetti ta' żvilupp u tal-valur miżjud li jinħoloq billi jiġu żgurati katini ta' provvista lokali; jemmen li l-politika dwar l-iżvilupp għandha rwol importanti fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-flussi attwali ta' migrazzjoni lejn l-UE;

17.  Jirrikonoxxi wkoll id-dritt tal-pajjiżi kollha, b'mod partikolari tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jimponu restrizzjonijiet tal-kapital temporanji sabiex jipprevjenu milli jseħħu kriżijiet finanzjarji b'riżultat ta' flussi finanzjarji privati fuq terminu qasir jew volatili; jappella għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq dan id-dritt minn kull ftehim ta' kummerċ u ta' investiment, inkluż fil-livell tad-WTO;

18.  Jirrimarka li l-UE jeħtieġ li tqis l-aċċessibbiltà fl-appoġġ tagħha lis-settur privat, peress li l-esklużjoni ta' partijiet kbar tal-popolazzjoni, bħall-persuni b'diżabbiltà, iċċaħħad lill-intrapriżi privati minn suq ta' daqs mhux negliġibbli;

Appoġġ lis-settur privat lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

19.  Jirrimarka li l-MSMEs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iħabbtu wiċċhom ma' piżijiet regolatorji ħafna akbar minn dawk fl-UE, u li huma nieqsa mill-protezzjoni legali u mid-drittijiet tal-proprjetà, u joperaw f'ekonomija informali volatili; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' sistemi ta' reġistrazzjoni tal-art; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss is-settur privat lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, eż. permezz ta' aċċess għall-finanzjament u billi tiġi promossa l-intraprenditorija; jistieden lill-Kummissjoni, lid-donaturi oħra u lill-aġenziji ta' żvilupp iżidu l-appoġġ tagħhom għall-bini tal-kapaċità tal-SMEs nazzjonali;

20.  Jappella lill-UE tippromwovi strateġiji għall-iżvilupp b'responsabbiltà nazzjonali li jfasslu l-kontribut tas-settur privat għall-iżvilupp billi jinvolvu lis-settur privat f'qafas ta' żvilupp li jiffoka fuq il-kooperattivi, l-SMEs u l-intrapriżi mikro nazzjonali, b'mod partikolari l-bdiewa fuq skala żgħira, peress li dawn joffru l-akbar potenzjal li jixprunaw l-iżvilupp ekwu fil-pajjiż;

21.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' żieda fl-appoġġ lil sħubijiet ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġu modernizzati l-oqsfa regolatorji tagħhom billi jinħoloq ambjent favorevoli għall-inizjattivi privati, jingħataw mekkaniżmi ta' appoġġ għan-negozji, filwaqt li fl-istess ħin jinstab bilanċ ġust bejn il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-investiment u l-protezzjoni tal-interess pubbliku u tal-ambjent permezz tar-regolamentazzjoni; jinnota l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' sistemi bankarji u amministrazzjonijiet tat-taxxa affidabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jkunu kapaċi jipprovdu governanza finanzjarja u ġestjoni tal-fondi pubbliċi u privati effiċjenti; jistieden lill-gvernijiet sħab jintroduċu klawsola ta' estinzjoni, li biha l-miżuri żejda jistgħu jiġu annullati; jinnota li l-leġiżlazzjoni għandha tkun soġġetta għal valutazzjonijiet tal-impatt immirati li jivvalutaw il-ħolqien ta' impjiegi fin-negattiv u t-theddid għall-istandards ambjentali;

22.  Jappella lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimmobilizzaw id-dħul nazzjonali sabiex jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa, l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti, u b'mod partikolari biex tgħin lill-pajjiżi l-anqas żviluppati u lil Stati fraġli biex jibnu istituzzjonijiet ta' governanza aktar stabbli u effettivi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' sistemi fiskali ġusti u effettivi; jistieden, għal dan l-għan, lill-UE biex ittejjeb l-għajnuna teknika u finanzjarja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tiżgura livell ogħla ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont; jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha, lill-organizzazzjonijiet kollha u lill-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw li huma firmatarji tas-Sħubija ta' Busan 2011 għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp biex jonoraw l-impenn tagħhom li jintensifikaw l-isforzi tagħhom bl-għan li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti;

23.  Jappella lid-DĠ DEVCO tal-Kummissjoni jaħdem flimkien mad-DĠ GROW biex jirreplikaw l-istrutturi ta' appoġġ reġjonali għall-MSMEs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fuq il-mudell tan-Netwerk Enterprise Europe, bl-għan li jgħinuhom jiksbu l-legalità, ikollhom aċċess għall-finanzjament u l-kapital, jiksbu aċċess għas-suq u jegħlbu l-ostakli legali, u b'mod partikolari jappoġġaw it-tisħiħ ta' organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentawhom; jenfasizza l-fatt li strutturi bħal dawn biż-żmien jistgħu wkoll iwittu t-triq għal sħubijiet pubbliċi-privati lokali u reġjonali f'oqsma li jvarjaw minn negozju agrikolu għal programmi għat-taħriġ vokazzjonali u l-kura tas-saħħa, jiffaċilitaw il-bini ta' kapaċità, il-kondiviżjoni ta' għarfien u esperjenzi u l-ġbir komuni ta' riżorsi lokali u internazzjonali;

24.  Itenni li l-UE għandha r-responsabbiltà li tappoġġa sistema fiskali globali ġusta, li jfisser li jiġu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji effettivi għar-rapportar pubbliku pajjiż b'pajjiż ta' korporazzjonijiet transnazzjonali, jiġu stabbiliti reġistri pubbliċi tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji, trusts u entitajiet ġuridiċi simili, jiġi żgurat l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar it-taxxa u distribuzzjoni ġusta ta' drittijiet tat-tassazzjoni, filwaqt li jiġu nnegozjati trattati dwar it-taxxa u l-investiment ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis ukoll li l-investiment dirett barrani għandu jiġi investit biss f'kumpaniji u fondi li huma lesti u l-fondi li jiddivulgaw pubblikament min huma s-sidien benefiċjarji u jirrapportaw il-kontijiet finanzjarji tagħhom fuq bażi ta' pajjiż b'pajjiż;

25.  Ifakkar li reġimi tat-tariffi huma komponent essenzjali ta' ambjent regolatorju adattat għall-iżvilupp tas-settur privat u l-ħolqien ta' impjiegi favur il-foqra; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) jobbligaw tnaqqis tat-tariffi fuq l-importazzjoni f'firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi tal-pajjiżi tal-AKP, filwaqt li t-tneħħija tat-tariffi kollha fuq importazzjonijiet tal-UE tirriżulta fi dħul ħafna iżjed baxx mit-tariffi, li f'xi każijiet ikun jammonta għal 15-20 % tad-dħul tal-gvern; iħeġġeġ lill-UE tfassal il-politika tagħha dwar il-kummerċ b'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;

26.  Jilqa' l-Pakkett ta' Finanzjament tal-Impatt (IFE) tal-BEI ta' EUR 500 miljun taħt il-Faċilità ta' Investiment għal Cotonou li jippermetti lill-BEI jsaħħaħ l-involviment tiegħu fis-settur privat f'oqsma aktar riskjużi u f'ambjenti aktar ta' sfida; jiddeplora t-tnaqqis fil-pakkett ta' self tal-BEI għall-Asja; jenfasizza li l-investimenti kollha tal-BEI fil-qafas tal-Faċilità ta' Investiment ta' Cotonou għandhom ikunu allinjati ma' strateġiji għall-iżvilupp b'responsabbiltà nazzjonali, b'konformità mal-prinċipju ta' responsabbiltà demokratika;

27.  Jenfasizza l-fatt li, fi Stati fraġili u fi Stati li jinsabu fil-fażi ta' wara l-kunflitt, l-ostakli għall-iżvilupp tas-settur privat huma akbar milli f'oqsma oħra u jeħtieġu approċċ aktar immirat sabiex itejbu l-klima tal-investiment u jneħħu l-istaġnar, ir-regolamenti dwar in-negozju li m'għadhomx jintużaw, il-prattiki predatorji u l-livell għoli ta' korruzzjoni; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tikkoopera mal-pajjiżi sħab u mas-settur privat fi djalogu dwar ir-riforma politika, sabiex tingħeleb l-isfiduċja kbira bejn il-gvernijiet u s-settur privat, li tradizzjonalment tinbet minn imġiba ta' tiftix ta' renta, klijenteliżmu u minn nuqqas ta' leġittimità;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa u jistabbilixxu mekkaniżmi ta' appoġġ għal nisa intraprendituri; jinnota li l-approċċ immexxi mit-tfaddil għall-inklużjoni finanzjarja tan-nisa ta riżultati tajbin; jirrakkomanda approċċ ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-programmi ta' sħubija kollha, flimkien mat-taħriġ ta' intraprenditorija għan-nisa, għaż-żgħażagħ, għall-persuni b'diżabbiltà u netwerks ta' investituri informali mmirati lejn in-nisa; jappella sabiex jingħata aktar appoġġ lokali lill-intraprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat; jirrakkomanda li jiġu adottati miżuri biex jissorveljaw il-proċess dwar l-awtonomizzazzjoni ekonomika lin-nisa, u jinnota li, skont il-FMI, id-dħul per capita jiżdied b'mod sinifikanti jekk in-nisa jikkontribwixxu b'mod ugwali bħall-irġiel fil-forza tax-xogħol;

L-involviment tas-settur tal-intrapriżi Ewropej u internazzjonali għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli

29.  Jenfasizza l-fatt li l-potenzjal tal-kontribut tas-settur privat għal żvilupp sostenibbli fit-tul imur lil hinn mir-riżorsi finanzjarji, l-esperjenzi u l-għarfien espert tiegħu, u jinkludi l-istabbiliment lokali tal-katini tal-valur u kanali ta' distribuzzjoni, li jirriżulta f'ħolqien ta' impjiegi, tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi, il-promozzjoni tad-drittijiet u l-opportunitajiet tan-nisa u s-sostenibbiltà ambjentali, aktar ilħuq u effikaċja, u aktar aċċess għall-prodotti, servizzi u teknoloġija disponibbli fis-suq u affordabbli; jappella sabiex l-isforzi għall-iżvilupp Ewropej ikollhom rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-istandards maqbula internazzjonalment, bħall-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inkluż ħidma ma' intrapriżi u investituri biex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-Prinċipji Gwida u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom u fil-katini tal-provvista tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

30.  Jenfasizza li d-djalogu soċjali huwa essenzjali biex jiġi żgurat li s-settur privat jinvolvi ruħu b'mod effettiv fl-iżvilupp; jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jappoġġaw id-djalogu soċjali bejn l-impjegaturi tas-settur privat, il-ħaddiema u l-gvernijiet nazzjonali bħala mod kif titjieb il-governanza tajba u l-istabbiltà tal-Istat; jistieden, b'mod partikolari, lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiżguraw li d-djalogu soċjali jiġi estiż għaż-Żoni ta' Proċessar għall-Esportazzjoni u għar-raggruppamenti industrijali;

31.  Jenfasizza li s-settur privat, u speċjalment l-SMEs lokali, għandhom jagħmlu parti mid-djalogu tal-politika, flimkien mas-sħab l-oħra kollha tal-iżvilupp, sabiex jiffaċilitaw il-fehim reċiproku u jiġġestixxu l-aspettattivi, jiżguraw l-effiċjenza u t-trasparenza; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti tad-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala pjattaforma għal dawn id-djalogi; jenfasizza r-rwol pożittiv tal-kooperattivi bħala katalisti ta' żvilupp soċjalment inklużiv u l-kapaċità tagħhom biex jawtonomizzaw lill-komunitajiet permezz tal-impjiegi u l-ġenerazzjoni ta' dħul; jirrimarka, b'mod partikolari, li l-ħaddiema ffurmaw kooperattivi u assoċjazzjonijiet ta' servizzi kondiviżi sabiex jassistuhom fl-impjieg indipendenti tagħhom fl-ekonomija informali, filwaqt li fiż-żoni rurali, kooperattivi ta' tfaddil u kreditu jagħtu aċċess għas-servizzi bankarji li huma nieqsa f'ħafna komunitajiet u jiffinanzjaw il-ħolqien ta' negozji żgħar u mikro; jirrikonoxxi li s-settur privat jinkludi atturi bħalma huma l-intrapriżi soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ ġust, li għandhom prinċipji soċjali u ambjentali integrati f'xogħolhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi dawn l-isforzi fil-ħidma tagħha dwar ir-rwol tas-settur privat fl-iżvilupp;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-proposta minn investituri u partijiet interessati oħra biex jingħata appoġġ lir-regoli vinkolanti dwar ir-rappurtar soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem min-negozju, b'mod konsistenti mad-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju, li huma inklużi bħala wieħed mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU ġodda proposti;

33.  Jappella lill-UE tikkontribwixxi għat-tisħiħ u l-bini ta' strutturi, netwerks u istituzzjonijiet nazzjonali tal-atturi tas-settur privat, speċjalment l-MSMEs, filwaqt li jitqies ir-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika nazzjonali u reġjonali;

34.  Jenfasizza li waħda mir-restrizzjonijiet prinċipali għaż-żieda tal-parteċipazzjoni privata fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tirriżulta min-nuqqas ta' proġetti bankabbli minħabba oqfsa legali, istituzzjonali u fiskali u kapaċitajiet ta' infurzar dgħajfin, kif ukoll min-nuqqas ta' riżorsi għall-ippjanar tal-investiment u t-tħejjija tal-proġetti; jappella għal aktar assistenza teknika lis-settur tal-intrapriżi pubbliċi ta' pajjiżi sħab sabiex iżidu l-kapaċità tagħhom li jassumu r-responsabbiltà għall-ġestjoni ta' PPPs u jaffermaw is-sjieda tagħhom fi tmiem il-proċess; jenfasizza l-ħtieġa li s-settur privat jipprevedi redditu fuq l-investiment fit-tul minħabba li nkella, skont l-azzjonisti tagħhom, jista' ma jkollhomx il-viżjoni fit-tul meħtieġa għar-redditu fis-setturi soċjali li huma ta' importanza ewlenija għall-iżvilupp tal-bniedem;

35.  Jinnota li l-parteċipazzjoni privata fl-infrastruttura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw żdiedet b'mod sinifikanti, minn USD 18-il biljun fl-1990 għal USD 150 miljun fl-2013; jappella għal involviment kontinwu f'dan ir-rigward, filwaqt li jirrimarka li n-nuqqas ta' aċċess għall-infrastruttura huwa restrizzjoni ewlenija għat-tkabbir tas-settur privat, li jimmina l-prestazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi;

36.  Jenfasizza l-potenzjal kbir għall-PPPs fl-agrikoltura, skont qafas leġiżlattiv definit b'mod ċar u b'saħħtu dwar id-drittijiet tal-proprjetà u s-sigurtà tal-pussess ta' art, sabiex jiġi evitat il-ħtif tal-art u tiġi żgurata produzzjoni agrikola akbar u aktar effettiva; jilqa' t-tnedija fl-2014 ta' programm tal-UE għat-tisħiħ tal-governanza tal-art fil-pajjiżi Afrikani; jirrakkomanda li l-UE u d-delegazzjonijiet tagħha jkollhom rwol akbar fil-ħidma mal-gvernijiet sħab, kif ukoll mal-BEI, il-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD) u korpi oħra simili, fl-involviment tas-settur privat biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq għall-isfidi agrikoli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti inċentivi finanzjarji sabiex tiġi evitata l-esklużjoni ta' popolazzjonijiet u bdiewa fqar u mbiegħda li jkabbru għelejjel li mhumiex ta' interess kummerċjali sinifikanti jew li x'aktarx ma jolqtux lis-sħab tan-negozju agrikolu; jenfasizza li s-salvagwardji għandhom jinkludu valutazzjoni tar-riskju soċjali u ambjentali, konsultazzjoni mar-rappreżentanti leġittimi tal-komunitajiet milquta, il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom dwar il-proġett rispettiv, u appoġġ legali lill-komunitajiet meta huma jeħtieġu; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi proċeduri ta' monitoraġġ li jakkumpanjaw il-proġetti u biex tinnegozja reviżjoni tal-kuntratti f'każ li dawn jirriżultaw ta' dannu għall-popolazzjoni lokali;

37.  Jenfasizza wkoll ir-riskji assoċjati mal-PPPs fl-agrikoltura, inkluż il-ħtif tal-art, li jeħtieġ li jiġu evitati; jenfasizza l-importanza li l-għajnuna tkun iffukata fuq bdiewa fuq skala żgħira, partikolarment in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni iddaħħal f'kull PPP fis-settur agrikolu li jibbenefika minn flus tal-UE, miżuri komprensivi sabiex jiġu protetti l-bdiewa fuq skala żgħira, ir-rgħajja u utenti vulnerabbli oħra tal-art minn telf potenzjali ta' aċċess għall-art jew għall-ilma; jenfasizza li s-salvagwardji għandhom jinkludu valutazzjoni tar-riskju soċjali u ambjentali, bħala rekwiżit għat-tnedija tal-proġett rispettiv, u appoġġ legali lill-komunitajiet meta huma jeħtieġu; jirrakkomanda li proġetti tal-Alleanza l-Ġdida tal-G8 jinbidlu b'inizjattivi skont il-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp tal-Agrikoltura fl-Afrika (CAADP); jenfasizza li l-kumpens finanzjarju u soċjali jeħtieġ li jkun impenn vinkolanti u li għandhom dejjem jiġu kkunsidrati pjanijiet alternattivi ta' żvilupp;

38.  Jirrakkomanda li l-UE tkompli tappoġġa proġetti ta' enerġija rinnovabbli u ekoloġika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fiż-żoni rurali mbiegħda, b'mod sostenibbli; jilqa' l-fatt li waħda mill-prijoritajiet tal-IFE tal-BEI hija l-investiment fl-enerġija, li huwa rikonoxxut b'mod wiesa' bħala element prinċipali għal żieda fit-tkabbir ekonomiku fl-Afrika; jistenna strumenti innovattivi ta' finanzjament biex jiġi kkatalizzat l-investiment tas-settur privat fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza tal-enerġija u fl-aċċess għall-enerġija; jinkoraġġixxi ukoll lill-BEI u lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej għall-Iżvilupp ikomplu jiffinanzjaw proġetti ta' investiment b'appoġġ għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima fl-Afrika, b'konformità mal-impenji u l-obbligi tal-UE skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC); ifakkar li jeħtieġ li tingħata prijorità lill-proġetti fuq skala żgħira, li mhumiex kollegati mal-grilja u deċentralizzati tal-enerġija rinnovabbli, biex jiġi żgurat aċċess għall-enerġija għaż-żoni rurali, filwaqt li jiġi evitat impatt soċjali u ambjentali potenzjalment negattiv tal-infrastruttura enerġetika fuq skala kbira;

39.  Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa qafas regolatorju robust, abbażi tal-kriterji tal-effikaċja tal-iżvilupp, li fih għandu jopera s-settur privat, inkluż il-promozzjoni ta' PPPs kuntrattwali fit-tul; iħeġġeġ lill-UE tippromwovi l-PPPs biss jekk ma jkunux disponibbli alternattivi finanzjari oħra li jkunu anqas għalja u riskjużi , abbażi ta' analiżi kosteffettiva; jistieden lill-UE timplimenta politiki effettivi ta' salvagwardja għal proġetti ta' PPP, sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

40.  Jilqa' l-kisbiet magħmula bil-ġbir komuni ta' riżorsi pubbliċi-privati għall-kura tas-saħħa u għall-aċċess imtejjeb għall-mediċini, u bl-għan li dejjem jiżdied il-potenzjal għat-trasferiment tat-teknoloġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrakkomanda li l-UE ssir faċilitatur fil-ftuħ ta' possibbiltajiet ta' kooperazzjoni lil hinn mill-aċċess għall-mediċini lejn ir-riforma tas-sistemi tal-kura tas-saħħa li ma jiffunzjonawx fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-appoġġ għall-SMEs/SMIs lokali jista' jissaħħaħ mhux biss permezz ta' strumenti ta' finanzjament, iżda wkoll permezz ta' trasferimenti ta' teknoloġija, bini ta' kapaċità, żvilupp sostenibbli tal-fornituri u rabtiet kummerċjali;

41.  Jenfasizza l-importanza li jitnaqqas id-distakk bejn is-sistema edukattiva u s-suq tal-impjiegi eżistenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita programmi u tappoġġa PPPs li jinvolvu lill-partijiet interessati kkonċernati kollha, minn skejjel, universitajiet, ċentri ta' taħriġ u atturi tas-settur privat sabiex jiġu offruti opportunitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni li jkunu rilevanti għas-suq; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet ta' taħriġ doppju vokazzjonali fejn iż-żgħażagħ, filwaqt li jsegwu programm ta' apprendistat professjonali b'enfasi fuq l-aspetti prattiċi ta' professjoni, jista' wkoll ikollhom lekċers teoretiċi fi skejjel professjonali speċjalizzati;

42.  Jirrimarka li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-gvernijiet bħala regolaturi jeħtieġ li jissaħħaħ biex jiksbu b'suċċess l-iżvilupp sostenibbli;

Prinċipji tal-involviment mas-settur privat

43.  Jenfasizza l-fatt li l-involviment mas-settur tal-intrapriżi jeħtieġ approċċ flessibbli, imfassal mhux biss abbażi tal-eżiti intiżi, iżda wkoll billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell sa fejn il-kundizzjonijiet lokali huma favorevoli għall-investimenti u l-intrapriżi privati; jirrakkomanda approċċ differenzjat fir-rigward tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati fraġli; jinnota li l-investiment u l-involviment tas-settur privat fis-setturi tal-SDG ivarjaw ħafna bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lid-donaturi biex jagħtu l-maġġoranza tal-għajnuna tagħhom lill-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-forma ta' għotjiet;

44.  Jilqa' l-kriterji msemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-settur privat u l-iżvilupp għall-għoti tal-appoġġ dirett lis-settur privat; jitlob li jitwaqqaf qafas definit b'mod ċar li jirregola s-sħubijiet kollha mas-settur privat permezz tal-implimentazzjoni ta' parametri referenzarji bħal azzjonijiet immirati lejn il-mikrointrapriżi, strateġiji ta' aċċess għall-kreditu u ta' inklużjoni fl-impjieg għall-gruppi żvantaġġati, in-nisa u ż-żgħażagħ, li jridu jiżguraw konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, il-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u l-objettivi tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza; huwa tal-fehma li kwalunkwe deċiżjoni biex jiġi promoss l-użu tas-sħubiji pubbliċi-privati permezz tat-taħlit fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ibbażata kemm fuq il-valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn il-mekkaniżmi f'termini ta' impatti tal-iżvilupp, obbligu ta' rendikont u trasparenza, kif ukoll fuq il-lezzjonijiet meħuda mill-esperjenzi tal-passat;

45.  Huwa mħasseb minħabba l-fatt li s-salvagwardji li jiggarantixxu l-użu bi skop tal-finanzi pubbliċi mhux dejjem ikunu fis-seħħ; jenfasizza li l-indikaturi tal-eżiti li jistgħu jitkejlu u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni għandhom jiġu mifthiema fil-fażi preparatorja tal-proġett filwaqt li jiġi żgurat li l-investimenti jikkonformaw mal-istandards internazzjonali soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem, u jkunu trasparenti, u li s-settur privat iħallas is-sehem ġust tiegħu ta' taxxi; jenfasizza l-importanza tal-valutazzjoni tar-riskju, is-sostenibbiltà tad-dejn, it-trasparenza u l-protezzjoni tal-investiment; jissottolinja l-importanza tar-rwol formali konsultattiv u ta' skrutinju tal-parlamenti nazzjonali u tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar ta' obbligu ta' rendikont u trasparenza sħiħa; jirrakkomanda li l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-kumpens tal-vittmi ta' abbużi korporattivi għandu jiġi pprovdut fil-pajjiż li qed jiżviluppa fejn ikun qed isir il-proġett;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-intrapriżi involuti fis-sħubijiet għall-iżvilupp ikunu allinjati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u jħarsu u jirrispettaw il-prinċipji ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR); jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effettivi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan l-UE u barra minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri politiċi u leġiżlattivi kollha meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni effettiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja; jirrakkomanda li l-intrapriżi kollha li joperaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jipprovdu livell ta' trasparenza skont il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali f'termini ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-benessri soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jikkooperaw fi sħubija mal-OSĊ; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jfasslu pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u speċjalment il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-politika tal-UE dwar il-kummerċ u l-iżvilupp tosserva l-ispazju politiku u dak tal-politika ekonomika tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex, fejn meħtieġ, jinżammu t-tariffi tal-importazzjoni ewlenin, u biex jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi deċenti u bi kwalifiki għoljin fi ħdan l-industriji lokali tal-manifattura u agroindustrijali bħala elementi abilitanti possibbli ta' valur miżjud, tkabbir industrijali, u tkabbir u diversifikazzjoni fl-esportazzjoni fil-livell domestiku, li huma komponenti ewlenin ta' titjib ekonomiku u soċjali inklużiv; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jippromwovu miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-korporazzjonijiet multinazzjonali jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi fejn jiġġeneraw il-profitti tagħhom u biex jippromwovu rappurtar pajjiż b'pajjiż effettiv mis-settur privat, u b'hekk issaħħu l-kapaċitajiet domestiċi ta' mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-kompetizzjoni ġusta;

48.  Iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġa l-proċess ta' elaborazzjoni li għaddej ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti tan-NU dwar kumpaniji transnazzjonali u intrapriżi oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, peress li dan se jiċċara l-obbligi tal-kumpaniji transnazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-kumpaniji fil-konfront tal-istati, u biex tipprovdi għat-twaqqif ta' rimedji effettivi għall-vittmi f'każijiet fejn ikun jidher ċar li l-ġurisdizzjoni nazzjonali ma tkunx kapaċi tipproċessa lil dawk il-kumpaniji b'mod effettiv;

49.  Jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni li l-pilastri strateġiċi tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO għandhom jiġu promossi, bħala mezz biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari fost dawk l-aktar marġinalizzati, fosthom in-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa li l-kumpaniji jappoġġaw it-trattament ġust tal-ħaddiema u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa, protezzjoni soċjali u djalogu soċjali, filwaqt li jagħtu lok għal relazzjoni kostruttiva bejn il-ħaddiema, il-maniġment u l-kuntratturi;

It-Triq 'il Quddiem: passi li għandhom jittieħdu sabiex is-settur privat isir sieħeb sostenibbli fil-politika għall-iżvilupp

50.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej biex jistabbilixxu qafas ċar, strutturat, trasparenti u responsabbli li jirregola s-sħubijiet u l-alleanzi mas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jenfasizza li, b'mod parallel ma' rwol ikbar għas-settur privat, huwa importanti li jiġu żviluppati salvagwardji u kapaċitajiet istituzzjonali xierqa;

51.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw strateġija ċara u konkreta sabiex jiżguraw l-allinjament tas-settur privat mal-prijoritajiet ta' żvilupp tal-gvernijiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

52.  Jitlob l-istabbiliment, fil-livell tal-UE, ta' pjattaformi settorjali u b'diversi partijiet interessati, li jgħaqqdu s-settur privat, l-OSĊ, l-NGOs, il-gruppi ta' riflessjoni, il-gvernijiet sħab, id-donaturi, l-organizzazzjonijiet kooperattivi, l-intrapriżi soċjali u partijiet interessati oħra, sabiex jingħelbu r-riżervi u n-nuqqas ta' fiduċja fost is-sħab u jiġu riżolti l-isfidi mhux mistennija li jirriżultaw mill-interventi kollaborattivi ta' żvilupp; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi rispettivi bħala faċilitaturi ta' djalogi bħal dawn; jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-mekkaniżmi eżistenti bħalma hu l-Forum ta' Politika għall-Iżvilupp, hija pass fid-direzzjoni t-tajba;

53.  Jirrikonoxxi r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni turi b'mod ċar l-addizzjonalità mil-lat ta' finanzi u żvilupp tal-għotjiet tal-UE għal proġetti kkombinati; jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tespandi l-ambitu tat-taħlit biex jinkludi oqsma lil hinn mill-infrastruttura, bħalma huma l-agrikoltura sostenibbli, is-setturi soċjali u l-iżvilupp tas-settur privat lokali jekk il-Kummissjoni turi li għandha raġun; jinsisti, madankollu, li l-operazzjonijiet ta' taħlit kollha għandhom ikunu konsistenti bis-sħiħ mal-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp, bħalma huma s-sjieda, l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza, filwaqt li jiġi żgurat li dawn isegwu l-SDGs; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-mekkaniżmu ta' taħlit tas-self u l-għotjiet u biex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' ġestjoni tagħha fir-rigward tal-proġetti ta' kombinament, kif irrakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddemokratizza l-istruttura ta' governanza tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit u l-faċilitajiet ta' taħlit reġjonali, permezz tal-involviment xieraq tal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-livell lokali, inklużi l-gvernijiet sħab, il-parlamenti nazzjonali, l-atturi tas-settur privat, it-trade unions u l-komunitajiet lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kriterji għat-twaqqif tal-għotjiet għall-għajnuna u tistabbilixxi l-ammonti tagħhom, u biex tispeċifika fid-dettall il-valur miżjud tat-taħlit f'kull wieħed mill-proġetti tagħha;

54.  Jitlob l-espansjoni tal-mandat attwali ta' self estern tal-BEI, sabiex jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u, b'mod partikolari, biex ikollu parti aktar attiva fl-istrateġija l-ġdida tas-settur privat, permezz tat-taħlit, il-kofinanzjament tal-proġetti u l-iżvilupp tas-settur privat lokali; jitlob, barra minn hekk, trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar fis-sħubijiet u l-proġetti assoċjati mal-BEI; ifakkar li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI implimentati permezz tal-garanzija tal-Unjoni mogħtija lill-BEI fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkollhom bħala l-objettiv primarju tagħhom it-tnaqqis tal-faqar u, fuq terminu ta' żmien twil, il-qerda tiegħu; jistieden lill-BEI u lill-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra għall-iżvilupp tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-kumpaniji li jirċievu l-appoġġ tagħhom ma jipparteċipawx f'evażjoni tat-taxxa;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li s-sħubijiet u s-self lis-settur privat f'pajjiżi bi dħul baxx u fi stati fraġli jkunu assoċjati ma' għotjiet diretti lill-OSĊ u jkunu allinjati mal-prijoritajiet ta' żvilupp tal-pajjiżi rilevanti, sabiex jiġi żgurat l-involviment taċ-ċittadini u li jkun hemm proċessi b'diversi partijiet interessati fost l-OSĊ, il-gvernijiet lokali u t-trade unions;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-delegazzjonijiet kollha tal-UE jkollhom persunal imħarreġ u kkwalifikat li jkun imħejji b'mod attiv sabiex jiffaċilita u jimplimenta sħubijiet ma' atturi tas-settur privat; jinnota li l-impenn għall-aċċellerazzjoni tal-kolokazzjoni tal-uffiċċji tal-BEI fid-delegazzjonijiet tal-UE huwa pass fid-direzzjoni t-tajba; jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika, fil-qasam, l-aqwa prattiki tal-Istati Membri, li l-ambaxxati tagħhom ġeneralment ikunu "l-ewwel punt ta' kuntatt" għall-atturi tas-settur privat;

57.  Jitlob impenn akbar min-naħa tal-Kummissjoni, fl-ingranaġġ tal-piż politiku tagħha fl-insegwiment ta' toroq ġodda għad-djalogu mal-gvernijiet sħab u l-awtoritajiet lokali, sabiex tiffaċilita interazzjoni akbar u aktar pożittiva mas-settur privat; jenfasizza l-fatt li d-Dokumenti ta' Strateġija għall-Pajjiż, il-Programmi Indikattivi Nazzjonali u l-appoġġ baġitarju jistgħu jkunu l-aktar strumenti ta' valur fit-tmexxija ta' riformi fl-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi sħab u fil-promozzjoni tal-industrijalizzazzjoni domestika; jirrakkomanda li l-UE tapprova l-Pjan ta' Azzjoni tal-UNCTAD għall-Investiment fl-SDGs; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tfassil, l-istrutturar u l-implimentazzjoni tas-sħubiji pubbliċi-privati għadhom biċċa xogħol diffiċli u kumplessa u li s-suċċess tagħhom jiddependi wkoll fuq l-ambjent abilitanti li joperaw fih;

58.  Jenfasizza li r-responsabbiltà għal azzjoni konġunta effettiva tinsab mhux biss mad-donaturi u l-intrapriżi involuti, iżda wkoll mal-gvernijiet sħab; jistieden lill-UE biex taħdem fuq it-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità tal-pajjiżi sħab sabiex tivvaluta d-dħul opportun fi proġetti ta' sħubiji pubbliċi-privati; jenfasizza li l-governanza tajba, l-istat tad-dritt, qafas għal riforma tan-negozju, miżuri kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-istituzzjonijiet pubbliċi effettivi huma ta' importanza enormi għall-investiment, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-settur privat;

59.  Jitlob aktar enfasi fuq it-titjib tal-koordinazzjoni tad-donaturi u tal-ipprogrammar konġunt, kif ukoll mira ċentrali biex jitwasslu riżultati li jistgħu jitkejlu u eżiti ta' żvilupp, sabiex ikun hemm massimizzazzjoni tal-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE u jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont sħiħ għall-infiq tal-iżvilupp;

o
o   o

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-UNCTAD, lill-UNIDO u lill-Bord ta' Livell Għoli dwar l-Aġenda ta' wara l-2015.

(1) http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/wir2014_en.pdf.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0163.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0196.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0250.
(6) http://www.oecd.org/development/effectiveness/49650173.pdf.
(7) http://www.mofa.go.jp/mofaj/annai/honsho/seimu/nakano/pdfs/hlf4_5.pdf.
(8) http://www.ifc.org/wps/wcm/connect/topics_ext_content/ifc_external_corporate_site/idg_home/p4p_home.
(9) http://www.uncsd2012.org/content/documents/727The%20Future%20We%20Want%2019%20June%201230pm.pdf.
(10) http://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf.
(11) http://www.oecd.org/corporate/mne/34873731.pdf.
(12) http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/diaepcb2012d5_en.pdf
(13) http://www.afdb.org/fileadmin/uploads/afdb/Documents/Policy-Documents/2013-2017_-_Private_Sector_Development_Strategy.pdf.
(14) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---emp_ent/---multi/documents/publication/wcms_094386.pdf.
(15) http://www.unido.org/fileadmin/Lima_Declaration.pdf
(16) http://www.un.org/disabilities/documents/convention/convention_accessible_pdf.pdf
(17) http://www.fao.org/nr/tenure/voluntary-guidelines/en/.
(18) http://www.unido.org/fileadmin/user_media/Services/PSD/WP4_2014_Industrialisation_and_social_well-being.pdf
(19) Grupp tal-Bank Dinji, Doing Business 2014: Understanding Regulations for Small and Medium-Size Enterprises, 29 ta' Ottubru 2013
(20) http://unctad.org/en/PublicationChapters/wir2014ch4_en.pdf
(21) http://www.unido.org/fileadmin/user_media/Services/PSD/WP4_2014_Industrialisation_and_social_well-being.pdf
(22) Building an Employment-Oriented Framework for Strong, Sustainable and Balanced Growth - fi "The Challenges of Growth, Employment and Social Cohesion", Dokument ta' Sfond għall-Konferenza ta' Livell Għoli ILO-IMF, ILO, 2010.
(23) https://www.unido.org/fileadmin/user_media/Research_and_Statistics/UNIDO_IDR_2013_main_report.pdf
(24) ActionAid (2005): Real Aid, An Agenda for Making Aid Work, p. 4.

Avviż legali - Politika tal-privatezza