Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 16 ta' Frar 2017 - Strasburgu
Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fin-Nikaragwa, il-każ ta' Francisca Ramirez
 Eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain
 Gwatemala, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
 Ġlieda kontra t-terroriżmu ***I
 Tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti ***I
 Evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea
 It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona
 Kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro
 Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika
 Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing
 Investiment fl-impjiegi u fit-tkabbir - il-massimizzazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
 Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa
 Dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali tal-Fondi SIE - l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem

Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fin-Nikaragwa, il-każ ta' Francisca Ramirez
PDF 269kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fin-Nikaragwa – il-każ ta' Francisca Ramirez (2017/2563(RSP))
P8_TA(2017)0043RC-B8-0156/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet ċivili u d-demokrazija fin-Nikaragwa(1) u dik tas-26 ta' Novembru 2009(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, tas-16 ta' Awwissu 2016, dwar id-deċiżjoni ġudizzjarja reċenti li jitkeċċew xi Membri tal-Parlament tan-Nikaragwa, u d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tad-19 ta' Novembru 2016 dwar ir-rizultati finali tal-elezzjonijiet fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE fin-Nikaragwa dwar l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali tas-6 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tas-16 ta' Ottubru 2016 dwar il-proċess elettorali fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u n-Nikaragwa tal-20 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, li daħal fis-seħħ f'Awwissu 2013, inklużi l-klawsoli tiegħu relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Politika tal-Artijiet tal-2004 li toffri gwida għall-iżvilupp u l-programmazzjoni tal-politika tal-artijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Popli Indiġeni (UNDRIP),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), ratifikata min-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali;

B.  billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa marru għall-agħar f'dawn l-aħħar snin;

C.  billi fl-2013 in-Nikaragwa għaddiet il-Liġi 840 li tat lil kumpanija privata Ċiniża, l-HK Nicaragua Canal Development Investment Company Ltd (HKND), konċessjoni ta' 100 sena għall-kostruzzjoni ta' kanal transoċeaniku fin-Nikaragwa;

D.  billi din il-liġi tat lill-HKND is-setgħa li tesproprja artijiet u eżentat lill-kumpanija mit-taxxi lokali u mir-regolamenti kummerċjali; billi ggarantiet ukoll lill-HKND li ma jittieħdu ebda passi kriminali f'każ ta' ksur tal-kuntratt;

E.  billi bejn is-27 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2016, dimostranti min-Nikaragwa kollha nġabru fil-belt kapitali biex jopponu l-kostruzzjoni tal-kanal transoċeaniku, proġett enormi li jista' jisposta eluf ta' bdiewa żgħar u persuni indiġeni fiż-żoni ta' madwar il-proġett tal-kanal, u anke biex jikkundannaw in-nuqqas ta' trasparenza fl-elezzjonijiet presidenzjali tas-6 ta' Novembru 2016; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li l-pulizija użaw il-gass tad-dmugħ u balal tal-lastku u taċ-ċomb fil-konfront tad-dimostranti;

F.  billi, bi ksur tal-Konvenzjoni 169 tal-ILO, ma twettaq l-ebda studju tal-impatt ambjentali u ma saret l-ebda konsultazzjoni minn qabel mal-popli indiġeni; billi r-rotta proposta tal-kanal se tgħaddi minn artijiet indiġeni u jkollha tisposta bejn 30 000 u 120 000 persuna indiġena;

G.  billi xi organizzazzjonijiet xjentifiċi esprimew tħassib kbir dwar il-fatt li l-kanal jaqsam il-Lag Nikaragwa, u b'hekk jipperikola l-akbar sors ta' ilma ħelu tal-Amerka Ċentrali; billi xi organizzazzjonijiet xjentifiċi talbu lill-gvern tan-Nikaragwa jissospendi l-proġett sakemm ikunu tlestew u ġew diskussi pubblikament studji indipendenti;

H.  billi Francisca Ramirez, Koordinatur tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tal-Art, il-Lag u s-Sovranità, f'Diċembru 2016 ippreżentat ilment formali dwar atti ta' ripressjoni u aggressjonijiet li sofriet fi Nueva Guinea; billi Francisca Ramirez ġiet intimidata u miżmuma arbitrarjament u l-membri tal-familja tagħha ġew attakkati b'mod vjolenti bi tpattija għall-attiviżmu tagħha;

I.  billi l-ġurnalisti fin-Nikaragwa huma vittmi ta' fastidju, intimidazzjoni u detenzjoni, u rċevew theddid ta' mewt;

J.  billi, f'Awwissu 2016, iż-żjara fin-Nikaragwa tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Michel Forst, tħassret minħabba l-ostakli imposti mill-Gvern tan-Nikaragwa;

K.  billi l-esklużjoni severa ta' kandidati tal-oppożizzjoni turi b'mod ċar li ma kienx hemm il-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa u ekwi u li l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-kompetizzjoni politika u l-pluraliżmu politiku qed jiġu kompromessi serjament;

L.  billi r-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati ġibed l-attenzjoni, fi proċedura ta' eżami perjodiku universali fl-2014, għall-ħatriet ta' mħallfin tal-Qorti Suprema, li huma influwenzati b'mod qawwi mill-politika; billi l-bidliet kostituzzjonali li saru fl-2013 għall-elezzjoni mill-ġdid tal-President twettqu billi l-liġi ġiet evitata b'mod mhux trasparenti; billi l-Artikolu 147 tal-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa jipprojbixxi lill-persuni mħalltin mal-President jew bid-demm jew biż-żwieġ milli jkunu kandidati għall-kariga ta' president jew ta' viċi president;

M.  billi l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, anke minn membri tal-familja tal-President, għadha waħda mill-akbar sfidi; billi t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi, il-qbid illegali u l-valutazzjonijiet arbitrarji mill-awtoritajiet tad-dwana u tat-taxxa huma komuni ħafna;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa li qed tiddeterjora b'mod kostanti u jiddeplora l-attakki u l-atti ta' fastidju li l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tagħhom u l-ġurnalisti indipendenti ġew soġġetti għalihom minn individwi, forzi politiċi u korpi marbuta mal-Istat;

2.  Iħeġġeġ lill-gvern ma jibqax jagħti fastidju u juża atti ta' rappreżalja kontra Francisca Ramirez u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem talli jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jtemmu l-impunità tal-awturi ta' delitti kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġja d-dritt tad-difensuri tal-ambjent u tad-drittijiet tal-bniedem li jesprimu l-protesta tagħhom mingħajr ritaljazzjoni; jistieden lin-Nikaragwa biex tvara b'mod effikaċi valutazzjoni indipendenti tal-impatt ambjentali qabel ma tieħu passi ulterjuri u biex tagħmel il-proċess kollu pubbliku;

3.  Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, iffirmata fl-2008, u l-Konvenzjoni 169 tal-ILO;

4.  Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jipproteġi l-artijiet tal-popli indiġeni mill-impatt ta' megaproġetti ta' żvilupp li jaffettwaw il-kapaċità ta' sostenn tal-ħajja tat-territorji tagħhom, filwaqt li jqiegħdu lill-komunitajiet indiġeni f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u jesponuhom għall-prattika tal-vjolenza;

5.  Huwa imħasseb immens dwar it-tkeċċija tal-membri tal-oppożizzjoni mill-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa u dwar id-deċiżjoni li biddlet l-istruttura tat-tmexxija tal-partit tal-oppożizzjoni;

6.  Jistieden lin-Nikaragwa tirrispetta bis-sħiħ il-valuri demokratiċi, inkluża s-separazzjoni tal-poteri, u treġġa' lura l-pożizzjoni tal-partiti kollha tal-oppożizzjoni politika billi tippermetti fehmiet kritiċi fis-sistema politika u fis-soċjetà inġenerali; ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, id-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura, it-tmiem tal-impunità, u soċjetà ċivili indipendenti huma fatturi essenzjali għas-suċċess ta' kwalunkwe demokrazija;

7.  Ifakkar fil-passi illegali meħuda bi ksur tas-sistema ġudizzjarja li rriżultaw f'bidliet kostituzzjonali biex jitneħħew il-limiti tal-kariga presidenzjali, u li jippermettu lil Daniel Ortega jibqa' fil-poter għal ħafna snin;

8.  Jirrimarka li l-elezzjonijiet fl-2011 u fl-2016 kienu kkritikati ferm għall-irregolaritajiet tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-OAS; jinnota li bħalissa għaddej proċess ta' djalogu mal-OAS u li l-Memorandum ta' Qbil għandu jiġi ffirmat sat-28 ta' Frar 2017, u dan jista' jtejjeb is-sitwazzjoni;

9.  Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-media huma elementi vitali għad-demokrazija u għal soċjetà miftuħa; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jerġgħu jdaħħlu l-pluralità tal-media;

10.  Jirrimarka li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tiġi mfakkra fil-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif osservati u promossi mill-UE; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja s-sitwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tivvaluta l-miżuri potenzjali li għandhom jittieħdu;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 89.
(2) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 74.


Eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain
PDF 130kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain (2017/2564(RSP))
P8_TA(2017)0044RC-B8-0150/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ ta' Mohammed Ramadan(1) u tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Bahrain(2), u dik tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Jannar 2017 tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini dwar l-eżekuzzjonijiet imwettqa fil-Bahrain, u dik tal-25 ta' Jannar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet reċenti fl-Istat tal-Kuwajt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2015 tal-VP/RGħ Federica Mogherini, f'isem l-UE, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2017 tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji jew Arbitrarji, Agnes Callamard, u dwar it-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, Nils Melzer, li titlob b'urġenza lill-Gvern tal-Bahrain ma jkomplix għaddej b'eżekuzzjonijiet ġodda, u d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Jannar 2017 tal-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, dwar il-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli 6 u 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (GCC) tal-1988,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-25 Kunsill Konġunt u Laqgħa Ministerjali UE-GCC tat-18 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2014 u l-iktar waħda reċenti tad-19 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għalihom kollha l-Kuwajt u l-Bahrain huma firmatarji,

–  wara li kkunsidra s-salvagwardji li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' dawk li jiffaċċjaw il-piena tal-mewt, approvati permezz tar-Riżoluzzjoni 1984/50 tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Mejju 1984,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tielet rapport perjodiku tal-Kuwajt tal-11 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), b'mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu u t-tieni protokoll fakultattiv tiegħu dwar il-piena tal-mewt, kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tan-NU tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi u tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), iktar minn 160 stat membru tan-NU, li għandhom varjetà ta' ordinamenti ġuridiċi, tradizzjonijiet, kulturi u sfondi reliġjużi, jew abolixxew il-piena tal-mewt jew inkella ma japplikawhiex;

B.  billi fil-25 ta' Jannar 2017 l-awtoritajiet tal-Kuwajt wettqu l-eżekuzzjoni ta' seba' persuni, inkluż membru tal-familja rjali: Mohammad Shahed Mohammad Sanwar Hussain, Jakatia Midon Pawa, Amakeel Ooko Mikunin, Nasra Youseff Mohammad al-Anzi, Sayed Radhi Jumaa, Sameer Taha Abdulmajed Abduljaleel u Faisal Abdullah Jaber Al Sabah, li ħafna minnhom instabu ħatja ta' qtil; billi ħamsa mill-priġunieri kienu ċittadini barranin: żewġ Eġizzjani, wieħed Bangladeshi, wieħed Filippin u wieħed Etjopjan, u tlieta minnhom kienu nisa; billi dawn kienu l-ewwel eżekuzzjonijiet li saru fil-pajjiż sa mill-2013, meta l-awtoritajiet Kuwajtin wettqu l-eżekuzzjoni ta' ħames persuni wara moratorju ta' sitt snin;

C.  billi ċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem u organizzazzjonijiet oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw ksur ta' proċess ġust fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Kuwajt li għamilha diffiċli għall-imputati li jirċievu proċess ġust; billi l-ħaddiema domestiċi barranin huma partikolarment vulnerabbli minħabba nuqqas ta' protezzjoni soċjali u legali;

D.  billi fil-15 ta' Jannar 2017 il-Bahrain wettaq l-eżekuzzjoni ta' Ali Al-Singace, Abbas Al-Samea u Sami Mushaima permezz ta' fuċilazzjoni, u b'hekk temm moratorju ta' sitt snin;

E.  billi, skont l-OHCHR, l-eżekuzzjonijiet twettqu bi ksur serju tal-istandards ta' proċess ġust; billi t-tlett irġiel ġew akkużati b'ibbumbardjar f'Manama fl-2014 li qatel diversi persuni, inklużi tliet uffiċjali tal-pulizija; billi, madankollu, it-tliet akkużati ġew allegatament ittorturati biex jagħmlu konfessjonijiet li mbagħad intużaw bħala evidenza primarja għall-kundanni tagħhom; billi dawn tneħħitilhom in-nazzjonalità tagħhom, ġew miċħuda l-aċċess għal avukat u sarulhom eżekuzzjonijiet inqas minn ġimgħa wara l-verdett, mingħajr ma ngħatat ebda informazzjoni minn qabel lill-familji tagħhom u mingħajr ma ngħataw ebda ċans biex japplikaw għal maħfra;

F.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji jew Arbitrarji ddikjarat dawn l-eżekuzzjonijiet bħala "qtil extraġudizzjarju" fuq il-bażi li t-tlett irġiel ma ngħatawx id-drittijiet għal proċess ġust kif minquxa fl-Artikolu 14 tal-ICCPR;

G.  billi l-OHCHR qal li kien "ixxukkjat" bl-eżekuzzjonijiet u li kien hemm "dubji serji" li l-irġiel irċevew proċess ġust;

H.  billi żewġt irġiel oħra, Mohammed Ramadan u Hussein Moussa, ukoll qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt fil-Bahrain; billi ż-żewġt irġiel jallegaw li kienu ttorturati biex jikkonfessaw b'mod falz għal delitti kapitali u tista' titwettaq eżekuzzjoni fuqhom f'kull mument;

I.  billi ċ-ċittadin Bahraini-Daniż Abdulhadi al-Khawaja, direttur fundatur taċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll Khalil Al Halwachi, għalliem tal-matematika li qabel kien jgħix l-Iżvezja, għadhom il-ħabs minħabba akkużi relatati mal-espressjoni paċifika tal-opinjoni tagħhom;

1.  Jiddeplora bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Kuwajt u tal-Bahrain li jmorru lura għall-prattika tal-piena kapitali; itenni l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt, u jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt bħala pass favur it-tneħħija tagħha;

2.  Jistieden lill-Maestà Tiegħu Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa tal-Bahrain biex ma jipproċedix bl-eżekuzzjonijiet ta' Mohamed Ramadan u ta' Hussein Moosa, u jistieden lill-awtoritajiet Bahrainin jiżguraw proċess mill-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali; ifakkar li l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa matul il-proċedimenti jridu jiġu investigati kif xieraq;

3.  Jenfasizza li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi espressament jipprojbixxu l-piena tal-mewt għal reati mwettqa minn persuni taħt l-età ta' 18-il sena;

4.  Jistieden lill-Gvernijiet tal-Kuwajt u tal-Bahrain biex joħorġu stedina immedjata u miftuħa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti ħalli jwettaq żjara fil-pajjiż, u biex jippermettu aċċess bla xkiel għad-detenuti u għall-postijiet kollha ta' detenzjoni;

5.  Ifakkar li l-UE topponi l-piena kapitali u tqisha bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għall-imġiba kriminali u huwa irriversibbli f'każ ta' żball;

6.  Jistieden lill-Kuwajt u lill-Bahrain jiffirmaw u jirratifikaw it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mmirat lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

7.  Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jkomplu jiġġieldu kontra l-użu tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Bahrain u lill-Kuwajt jikkonformaw mal-istandards minimi internazzjonali u jnaqqsu l-kamp ta' applikazzjoni u l-użu tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lis-SEAE biex jibqa' viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi f'dawn iż-żewġ pajjiżi u fir-reġjun tal-Golf b'mod ġenerali u biex juża l-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tiegħu;

8.  Jafferma mill-ġdid li l-attivitajiet tal-intrapriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi terzi għandhom ikunu kompletament konformi mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna bil-qawwa l-ftehimiet dwar il-kummerċ tal-armi u ta' teknoloġiji użati biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem

9.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jintervjenu quddiem il-Gvern Bahraini ħalli jappellaw għall-ħelsien ta' Nabeel Rajab u ta' dawk kollha miżmuma unikament fuq il-bażi li eżerċitaw paċifikament il-libertà tagħhom ta' espressjoni u ta' assemblea, u biex iħeġġu lill-Gvern tal-Bahrain iwaqqaf l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti jew il-prattika tar-revoka arbitrarja taċ-ċittadinanza,

10.  Jappella għall-ħelsien ta' Abdulhadi al-Khawija u Khalil Al Halwachi;

11.  Jistieden lill-Gvern Bahraini jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI), l-Eżami Perjodiku Universali u l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bnedmin; iħeġġeġ ukoll l-isforzi ta' riforma fil-Kuwajt;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain ikomplu d-djalogu ta' kunsens nazzjonali bil-għan li tinstab rikonċiljazzjoni nazzjonali dejjiema u inklużiva kif ukoll soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-kriżi; jinnota li fi proċess politiku sostenibbli, kritika leġittima u paċifika għandha tkun tista' tiġi espressa liberament;

13.  Jieħu nota tal-protesti li qed isiru fil-Bahrain biex ifakkru s-sitt anniversarju tar-rewwixta tal-2011; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiżguraw li l-forzi tas-sigurtà jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta' dimostranti paċifiċi u joqogħdu lura mill-użu eċċessiv tal-forza, detenzjonijiet arbitrarji, tortura u atti oħrajn li jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

14.  Iħeġġeġ id-djalogu u inizjattivi bilaterali u multilaterali bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi tal-Golf inklużi l-Kuwajt u l-Bahrain dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll f'oqsma oħra ta' interess reċiproku; jistieden lis-SEAE u lill-VP/RGħ Federica Mogherini jinsistu dwar l-istabbiliment ta' djalogu formali dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet tal-Kuwajt u tal-Bahrain, skont il-Linji Gwida tal-UE dwar Djalogi fuq id-Drittijiet tal-Bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Istat tal-Kuwajt u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0044.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0315.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0348.


Gwatemala, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
PDF 285kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-Gwatemala, partikolarment is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (2017/2565(RSP))
P8_TA(2017)0045RC-B8-0152/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar dibattiti fuq każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-15 ta' Marzu 2007 dwar il-Gwatemala(1) u tal-11 ta' Diċembru 2012(2) dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tas-sottokumitat dwar id-Drittijiet Umani fil-Messiku u fil-Gwatemala ta' Frar 2016 u r-rapport finali tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali dwar iż-żjara tagħha fil-Gwatemala u fil-Honduras mis-16 sal-20 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHCR fl-2016(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-theddid globali li qed iħabbtu wiċċhom miegħu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar is-sitwazzjoni tan-nisa difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2016 tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-attivitajiet tal-uffiċċju tiegħu fil-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra ż-żjara reċenti mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra l-Patt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-Impenn mas-Soċjetà Ċivili f'Pajjiżi Sħab 2014-2017,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jagħti impenn li jkun attiv fil-qasam tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, li fiha l-UNHRC ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ inkarigat li jfassal strument ġuridikament vinkolanti f'livell internazzjonali dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti (Konvenzjoni tal-ILO 169),

–  wara li kkunsidra l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Amerika Ċentrali, fis-seħħ mill-2013;

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 għall-Gwatemala, u l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għall-paċi u għas-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-programmi ta' appoġġ tal-Unjoni Ewropea għas-settur tal-ġustizzja fil-Gwatemala, partikolarment is-SEJUST,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-2014 tal-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem et al. vs. il-Gwatemala, u r-rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala (OEA/Ser.L/V/II. Doc. 43/15) tal-31 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta' Proċedura dwar il-miżuri ta' prekawzjoni tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2009 dwar l-Appoġġ għad-Demokrazija fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2016 mir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f'isem l-Unjoni Ewropea f'Jum id-Drittijiet tal-Bniedem, l-10 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Awwissu 2016 mill-Kelliem tas-SEAE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Santo Domingo tal-Laqgħa Ministerjali bejn l-UE u s-CELAC tal-25 u s-26 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2017 tal-Grupp ta' Tlettax dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 135 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gwatemala hija t-tielet l-akbar riċevitur ta' assistenza bilaterali għall-iżvilupp tal-UE fl-Amerika Ċentrali, fejn din l-għajnuna tammonta għal EUR 187 miljun għall-perjodu 2014-2020 u tiffoka fuq is-sigurtà tal-ikel, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-paċi, is-sigurtà u l-kompetittività;

B.  billi l-Gwatemala tinsab f'pożizzjoni strateġika fuq ir-rotta tal-forniment tad-drogi u tal-migrazzjoni illegali bejn l-Amerika Ċentrali u l-Istati Uniti; billi l-persuni mill-Gwatemala jibqgħu it-tieni l-akbar grupp ta' persuni deportati mill-Istati Uniti; billi għexieren ta' snin ta' kunflitt intern, rati għolja ta' faqar u kultura profonda ta' impunità wasslu għal livelli sostnuti ta' vjolenza u theddid għas-sigurtà fil-Gwatemala; billi s-soċjetà kollha hija affettwata minn rati għolja ta' kriminalità, iżda b'mod l-aktar speċifiku d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs u l-awtoritajiet lokali;

C.  billi l-2017 timmarka l-20 anniversarju tal-Ftehimiet ta' Paċi għall-Gwatemala; billi l-ġlieda kontra l-impunità, inklużi r-reati serji mwettqa taħt l-eks reġimi mhux demokratiċi, hija essenzjali; billi hemm bżonn li l-awtoritajiet tal-Gwatemala jibagħtu messaġġ ċar lill-awturi fiżiċi u intellettwali tal-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li azzjonijiet bħal dawn se jiġu kkastigati;

D.  billi erbatax-il omiċidji u seba' attentati ta' qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala ġew irreġistrati bejn Jannar u Novembru 2016 mill-Unità għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Gwatemala (UDEFEGUA); billi, skont l-istess sorsi, fl-2016 kien hemm 223 aggressjoni inġenerali kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi 68 kawża ġuridika ġdida miftuħa kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi d-difensuri tad-drittijiet ambjentali u tal-art u dawk li jaħdmu fuq il-ġustizzja u l-impunità kienu l-aktar kategoriji fil-mira minn fost id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi fl-2017 diġà seħħ il-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Laura Leonor Vásquez Pineda u Sebastián Alonzo Juan, minbarra l-ġurnalisti li ġew irrappurtati li nqatlu fl-2016 – Victor Valdés Cardona, Diego Esteban Gaspar, Roberto Salazar Barahona u Winston Leonardo Túnchez Cano;

F.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha serja ħafna; billi s-sitwazzjoni tan-nisa u n-nies indiġeni, b'mod speċjali dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, u dik tal-migranti, hija kwistjoni ta' tħassib serju, kif huma wkoll kwistjonijiet oħra bħall-aċċess għall-ġustizzja, il-kondizzjonijiet fil-ħabsijiet, l-aġir tal-pulizija u allegazzjonijiet ta' tortura, aggravati minn korruzzjoni, kollużjoni u impunità mifruxa ħafna;

G.  billi l-Gwatemala rratifikat il-Konvenzjonijiet 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali u l-Konvenzjoni 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta' Organizzazzjoni; billi hemm xi sinjali pożittivi, bħal pereżempju l-ħolqien tal-Mesa Sindical del Ministerio Público; billi l-leġiżlazzjoni tal-Gwatemala ma tinkludix obbligu dwar it-twettiq ta' konsultazzjoni minn qabel, libera u infurmata mal-komunitajiet indiġeni, kif stipulat fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO;

H.  billi tal-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem ħarġet sentenza vinkolanti fl-2014 li tappella għal politika pubblika għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi għaddej il-proċess ta' konsultazzjoni ffinanzjat mill-UE għall-ħolqien tal-politika msemmija;

I.  billi l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem japplikaw għall-Istati kollha u għall-impriżi kummerċjali kollha, kemm transnazzjonali kif ukoll ta' natura oħra, indipendentement mid-daqs, mis-settur, mill-post, mis-sjieda u mill-istruttura tagħhom, għad li mekkaniżmi effettivi ta' kontroll u ta' sanzjonijiet għadhom jirrappreżentaw sfida fl-implimentazzjoni ta' dawn il-Prinċipji Gwida tan-NU fil-livell dinji; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala ser tiġi rieżaminata f'Novembru 2017 fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (KDB);

J.  billi tal-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Gwatemala, il-Ministeru Pubbliku u l-ġudikatura ħadu passi importanti kontra l-impunità u favur ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-Gwatemala ħadet xi passi pożittivi, bħalma hi l-estensjoni tal-mandat tas-CICIG (Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala) sal-2019; billi f'Ottubru 2016, ġiet ippreżentata lill-Kungress mill-Presidenti tal-Eżekuttiv, tal-Kungress u tas-sistema ġudizzjarja tal-Gwatemala proposta għar-riforma kostituzzjonali tas-settur tal-ġustizzja bbażata, inter alia, fuq diskussjonijiet madwar mejda mas-soċjetà ċivili, u għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja abbażi ta' prinċipji bħalma huma l-karriera ġudizzjarja, il-pluraliżmu ġuridiku u l-indipendenza tal-ġudikatura;

L.  billi kampanja mmirata ta' fastidju kienet ta' impediment għal għadd ta' kawżi emblematiċi li jinvolvu l-korruzzjoni u l-ġustizzja transizzjonali, fejn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu f'dan il-kuntest, inklużi mħallfin u avukati, iffaċċjaw intimidazzjoni u lmenti legali foloz; billi Iván Velasquez, Direttur tal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG),li hija rikonoxxuta internazzjonalment, qed iħabbat wiċċu ma' akkużi u huwa suġġett għal kampanja ta' malafama li għadha għaddejja; billi kawżi emblematiċi fil-qasam tal-ġustizzja transizzjonali qed jimxu 'l quddiem, bħal dawk li jinvolvu lil Molina Theissen u CREOMPAZ, jew dawk dwar il-korruzzjoni fil-kawżi tal-La Linea y Coparacha, fost oħrajn;

M.  billi xi Stati Membri tal-UE għadhom ma rratifikawx il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali, li jfisser li l-pilastru tad-'Djalogu Politiku' għadu ma daħalx fis-seħħ; billi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jinsabu fil-qalba tal-politika ta' azzjoni esterna tal-UE, flimkien mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qtil reċenti ta' Laura Leonor Vásquez Pineda, Sebastian Alonzo Juan u l-ġurnalisti Victor Valdés Cardona, Diego Esteban Gaspar, Roberto Salazar Barahona u Winston Leonardo Túnchez Cano, kif ukoll kull wieħed mill-14-il assassinju ta' difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala mwettqa fl-2016; jestendi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familji u lill-ħbieb ta' dawk id-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jenfasizza t-tħassib tiegħu li l-atti kontinwi ta' vjolenza u n-nuqqas ta' sigurtà għandhom impatt negattiv fuq kemm id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma kapaċi jwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod sħiħ u liberu; jagħti ġieħ lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-Gwatemala u jitlob li ssir investigazzjoni immedjata, indipendenti, oġġettiva u bir-reqqa dwar id-delitti ta' qtil imsemmija hawn fuq u d-delitti ta' qtil preċedenti; jenfasizza li soċjetà ċivili vibranti hija essenzjali sabiex l-istat fil-livelli kollha tiegħu isir aktar obbligat li jagħti rendikont, aktar risponsiv, inklużiv, effikaċi u għalhekk iżjed leġittimu;

3.  Jilqa' l-isforzi tal-Gwatemala fil-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità organizzata, u jitlob li dawn l-isforzi jiġu intensifikati u jirrikonoxxi d-diffikultà enormi li hija tiffaċċja biex tipprovdi s-sigurtà u l-libertà liċ-ċittadini kollha tagħha f'sitwazzjoni ta' vjolenza strutturali bħalma hi dik ġenerata min-narkotiċi; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu l-mezzi tekniċi u baġitarji lill-Gwatemala sabiex jassistuha fil-ġlieda tagħha kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u jagħtu prijorità lil dawn l-isforzi fil-programmi ta' kooperazzjoni bilaterali;

4.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żviluppata politika pubblika għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif iddikjarat mill-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) fl-2014; jieħu nota tad-Djalogu Nazzjonali li ġie varat dan l-aħħar, jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jiżguraw li l-politika pubblika tiġi żviluppata permezz ta' proċess parteċipattiv wiesa' u li tindirizza l-kawżi strutturali li jżidu l-vulnerabbiltà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-komunità kummerċjali tappoġġja dawn l-isforzi;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Gwatemala li tikkontribwixxi finanzjarjament għall-proċess ta' diskussjoni u ta' konsultazzjoni dwar programm bħal dan u jinkoraġġixxi lid-Delegazzjoni tal-UE tkompli bl-appoġġ tagħha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jfasslu u jimplimentaw politika pubblika biex jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b'kooperazzjoni mill-qrib ma' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, u jkomplu fit-triq tar-riformi lejn ġudikatura indipendenti, il-ġlieda kontra l-impunità u l-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt;

6.  Jitlob li jiġu implimentati b'mod urġenti u mandatarju l-miżuri ta' prekawzjoni rrakkomandati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), u jistieden lill-awtoritajiet jaqilbu d-deċiżjoni li b'mod unilaterali tneħħi l-miżuri ta' prekawzjoni nazzjonali li jibbenefikaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Ifakkar fir-riżultati tat-93 konsultazzjoni komunitarja li twettqu bi skop tajjeb fl-2014 u l-2015; ifakkar li bħalissa hemm għaddej proċess parteċipattiv u jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jaċċeleraw il-proċeduri biex jiżguraw l-istabbiliment ta' mekkaniżmu nazzjonali għall-konsultazzjoni minn qabel, libera u infurmata, kif previst skont l-ILO 169; jistieden lill-Gvern tal-Gwatemala jvara konsultazzjonijiet soċjali usa' dwar l-impjanti idroelettriċi, il-proġetti ta' tħaffir ta' minjieri u l-kumpaniji taż-żejt, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-ebda assistenza Ewropea jew appoġġ Ewropew ma jippromwovu jew jippermettu proġetti ta' żvilupp mingħajr ma jissodisfaw l-obbligu tal-konsultazzjoni minn qabel, libera u infurmata mal-komunitajiet indiġeni;

8.  Jilqa' l-inizjattiva dwar riforma tas-sistema ġudizzjarja ppreżentata mill-eżekuttiv, mill-ġudikatura u mis-setgħat leġiżlattivi lill-Kungress sabiex tkompli tiġi żviluppata ulterjorment sistema ġudizzjarja demokratika professjonali bbażata fuq indipendenza ġudizzjarja effettiva; jitlob li jsiru sforzi konġunti mill-Kungress tal-Gwatemala bl-għan li r-riforma ġudizzjarja tiġi konkluża fl-intier tagħha u f'integrità sħiħa fl-2017; għal dak l-għan, jistieden lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jallokaw biżżejjed fondi u riżorsi umani lill-ġudikatura u b'mod partikolari lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; jappoġġja l-ħidma importanti tal-Kummissjoni Internazzjonali kontra l-Impunità fil-Gwatemala (CICIG);

9.  Jilqa' s-sentenza tal-Prim' Awla tal-Qorti tal-Appell li biha hija reġgħet ikkonfermat in-nonapplikabilità tal-limitazzjonijiet statutorji għad-delitt tal-ġenoċidju u delitti kontra l-umanità fil-proċess tal-eks dittatur is-Sur Rios Montt bħala avveniment importanti fil-ġlieda kontra l-impunità;

10.  Jistieden lill-Istat tal-Gwatemala jikkoopera mal-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali u jieħu l-passi kollha xierqa biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

11.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea tappoġġja lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; iwarrab bil-qawwa kwalunkwe tip ta' pressjoni, intimidazzjoni u influwenza li tippreġudika l-indipendenza, il-pluraliżmu legali u l-oġġettività; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Gwatemala jkomplu jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-Unità tal-Ministeru tal-Intern għall-Analiżi ta' Attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u t-Taqsima tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali;

12.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu lejn il-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonalment vinkolanti, li se jsaħħu l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem, speċifikament fil-każ ta' kumpaniji bbażati fl-UE li joperaw f'pajjiżi terzi;

13.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali, biex jagħmlu dan minnufih; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu użu mill-mekkaniżmi stabbiliti fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u ta' Djalogu Politiku biex iħeġġu bil-qawwa lill-Gwatemala ssegwi aġenda ambizzjuża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-impunità; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed fondi u għajnuna teknika għal dan il-kompitu;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Gwatemala, lis-SIECA u lill-Parlacen.

(1) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 257.
(2) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 181.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0020.


Ġlieda kontra t-terroriżmu ***I
PDF 369kWORD 56k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2015)0625 – C8-0386/2015 – 2015/0281(COD))
P8_TA(2017)0046A8-0228/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0625),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 83(1) u 82(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0386/2015),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta’ Marzu 2016(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1373(2001) tat-28 ta’ Settembru 2001, 2178(2014) tal-24 ta’ Settembru 2014, 2195(2014) tad-19 ta’ Diċembru 2014, 2199(2015) tat-12 ta’ Frar 2015, 2249(2015) tal-20 ta’ Novembru 2015 u 2253(2015) tas-17 ta’ Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tas-16 ta’ Mejju 2005 u l-Protokoll Addizzjonali tagħha tad-19 ta’ Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF),

–  wara li kkunsidra l-Communiqué tal-Laqgħa Għolja ta' Sigurtà Nukleari, Washington tal-1 ta’ April 2016,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Novembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0228/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Frar 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI

P8_TC1-COD(2015)0281


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, d-Direttiva (UE) 2017/541.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu

L-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa enfasizzaw il-ħtieġa li nsaħħu l-isforzi biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà filwaqt li nippromwovu r-rispett tal-valuri komuni tagħna li jinkludu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Bil-għan li jingħata rispons komprensiv għat-theddida terroristika dejjem tinbidel, il-qafas imsaħħaħ ta' kriminalizzazzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li jiġi kkomplementat minn miżuri effettivi dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-iskambju effiċjenti ta' informazzjoni dwar reati terroristiċi.

Huwa f'dan l-ispirtu li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jesprimu l-impenn tagħhom kollettivament - fil-qasam ta' kompetenza rispettiv tagħhom - biex ikomplu jiżviluppaw u jinvestu f'miżuri preventivi effettivi, bħala parti minn approċċ transsettorjali komprensiv li jinvolvi l-politiki rilevanti kollha, inkluż b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni, u l-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunitajiet lokali jew is-sħab fl-industrija.

Il-Kummissjoni ser tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri, b'mod partikolari billi toffri appoġġ finanzjarju għal proġetti mmirati li jiżviluppaw għodod li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni u permezz ta' inizjattivi u netwerks fil-livell tal-UE, bħan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni.

Il-Parlament Ewropew, Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw il-ħtieġa ta' skambju effettiv u f'waqtu tal-informazzjoni kollha rilevanti għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni. F'dan ir-rigward, hu essenzjali li jsir użu sħiħ mill-istrumenti, il-mezzi u l-aġenziji eżistenti kollha tal-Unjoni għall-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll li l-leġislazzjoni adottata kollha tal-Unjoni f'dan il-qasam tiġi implimentata rapidament.

It-tliet istituzzjonijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li l-funzjonament tal-qafas ġenerali tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni jiġi vvalutat u li n-nuqqasijiet possibbli jiġu indirizzati b'azzjonijiet tanġibbli, inkluż fid-dawl tal-Pjan direzzjonali għat-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-ġestjoni tal-informazzjoni, inkluż soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà fil-qasam tal-ĠAI.

(1) ĠU C 177, 18.5.2016, p. 51.


Tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti ***I
PDF 337kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 dwar it-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti (COM(2015)0670 – C8-0407/2015 – 2015/0307(COD))
P8_TA(2017)0047A8-0218/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0670),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0407/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Diċembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0218/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta’ Frar 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta' data rilevanti

P8_TC1-COD(2015)0307


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2017/458.)


Evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea
PDF 583kWORD 78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (2014/2248(INI))
P8_TA(2017)0048A8-0390/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 6, 9, 10, 14, 15, 16, 17, 48 u 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-TUE) u l-Artikoli 119, 120-126, 127-133, 136-138, 139-144, 194 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) u l-Protokolli tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta' Ġunju 2015 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Grupp tal-Euro bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa" ("ir-Rapport tal-Ħames Presidenti")(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta' Novembru 2013 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2014-2020(2), u d-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra l-QFP(4) u l-Ftehim Interistituzzjonali(5) kif adottati fit-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji ta' Diċembru 2016(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta' Frar 2016 dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li saret bla effett bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li jħalli l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fir-referendum tar-Renju Unit dwar is-sħubija mal-UE biex iħalli l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Standard 84 tal-Ħarifa 2015 bit-titolu "L-opinjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea" u l-Barometru Speċjali tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropej fl-2016: Il-perċezzjonijiet u l-aspettattivi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-abbozz ta' ftehim li jipprevedi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ("Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem" – KEDB)(7),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta' governanza b'diversi livelli fl-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-QFP għall-perjodu 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(11), u tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2013 dwar is-siti tas-sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea(13),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea, u l-proposta tiegħu għall-emendar tal-att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-16 ta’ Frar 2017 dwar titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(19),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta(20),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Settembru 2015(21) u tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Lulju 2015(22),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni "integrazzjoni Ewropea akbar: It-triq 'il quddiem" mill-Presidenti tal-Camera dei Deputati tal-Italja, l-Assemblée nationale ta' Franza, il-Bundestag tal-Ġermanja u x-Chambre des Députés tal-Lussemburgu, li ġie ffirmat fl-14 ta' Settembru 2015 u attwalment approvati minn bosta kmamar tal-parlamenti nazzjonali fl-UE,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Jannar 2013 bit-titolu "Insaħħu ċ-ċittadinanza tal-UE: il-promozzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE"(23),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0390/2016),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan li tipprovdi soluzzjonijiet li ma jistgħux jintlaħqu bl-użu tal-għodod previsti attwalment fit-Trattati u li għalhekk huma fattibbli biss permezz ta' bidla futura fit-Trattati meta l-prekundizzjonijiet ikunu ntlaħqu;;

B.  billi l-inabilità tal-istituzzjonijiet tal-UE biex ilaħħqu mal-kriżijiet profondi u multipli li attwalment qiegħda tiffaċċja l-Unjoni, l-hekk imsejħa "polikriżi", inklużi l-konsegwenzi finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u migratorji tagħha u l-qawmien ta' partiti populisti u movimenti nazzjonalisti, kollha wasslu għal żieda fl-iskuntentizza qalb sezzjoni dejjem tikber tal-popolazzjoni rigward il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea attwali;

C.  billi dawn l-isfidi sinifikanti Ewropej ma jistgħux jiġu indirizzati minn Stati Membri individwali, iżda biss permezz ta' rispons konġunt mill-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-progress lejn Unjoni li tista' tassew twassal riżultati u tikseb l-għanijiet tagħha huwa mxekkel mill-falliment tal-governanza minħabba l-isforz kontinwu u sistematiku biex tintlaħaq unanimità fil-Kunsill (li għadu bbażat fuq l-hekk imsejjaħ Kompromess tal-Lussemburgu) u n-nuqqas ta' awtorità eżekuttiva unika kredibbli li tgawdi leġittimità demokratika sħiħa u li jkollha kompetenza biex tieħu azzjoni effettiva fuq firxa wiesgħa ta' politiki; billi eżempji reċenti, bħall-ġestjoni inadegwata tal-flussi tar-rifuġjati, ir-ritmu batut tat-tindif tal-banek tagħna wara li faqqgħet il-kriżi finanzjarja u n-nuqqas ta' rispons komuni immedjat għat-theddida interna u esterna tat-terroriżmu wrew biċ-ċar l-inabilità tal-Unjoni li tirreaġixxi b'mod effettiv u rapidu;

E.  billi l-UE ma tistax tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej, għaliex it-Trattati attwali mhumiex qed jiġu sfruttati bis-sħiħ u ma jipprovdux l-istrumenti, il-kompetenzi u l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex jindirizzaw b'mod effettiv dawn l-oġġettivi komuni;

F.  billi din il-problema, flimkien ma' nuqqas ta' viżjoni komuni min-naħa tal-Istati Membri fir-rigwatd tal-futur tal-kontinent tagħna, wasslet għal livelli mingħajr preċedent ta' "ewroxettiċiżmu" li qed iwassal għar-ritorn tan-nazzjonaliżmu u qed jirriskja li jimmina l-Unjoni u possibilment anki jwassal għad-diżintegrazzjoni tagħha;

G.  billi, minflok tagħti spinta 'l quddiem lill-Unjoni, is-sistema li biha l-Istati Membri jirrikorru għal soluzzjonijiet "à la carte", li kompliet tissaħħaħ fit-Trattat ta' Lisbona, żiedet il-kumplessità tal-Unjoni u aċċentwat id-differenzjazzjoni fi ħdanha; billi, minkejja l-flessibbiltà offruta mit-Trattati, għadd ta' possibilitajiet ta' opt-outs tad-dritt primarju ġew mogħtija lil diversi Stati Membri, u dan ħoloq sistema opaka ta' ċrieki ta' intersezzjoni ta' kooperazzjoni u fixkel il-kontroll u r-responsabilità demokratiċi;

H.  billi t-Trattati joffru forom ta' integrazzjoni flessibbli u differenzjati fil-livell tad-dritt sekondarju permezz tal-istrumenti ta' kooperazzjoni msaħħa u strutturata li għandhom jiġu applikati biss għal numru limitat ta' linji politiċi waqt li jkunu inklużivi sabiex jippermettu lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw; billi għoxrin sena wara l-introduzzjoni tagħha, l-impatt tal-kooperazzjoni msaħħa jibqa' limitat; billi l-kooperazzjoni msaħħa ngħatat fi tliet każijiet, jiġifieri fir-rigward ta' regoli komuni dwar il-liġijiet applikabbli għal divorzji ta' koppji internazzjonali, il-privattiva Ewropea b'effett unitarju u l-introduzzjoni ta' Imposta fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF); billi l-kooperazzjoni msaħħa trid tintuża bħala l-ewwel pass lejn integrazzjoni akbar tal-politiki bħal pereżempju l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u mhux bħala mezz biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet "à la carte";

I.  billi l-metodu tal-Komunità jrid jiġi ppreservat u mhux imminat minn soluzzjonijiet intergovernattivi, anki f'oqsma fejn mhux l-Istati Membri kollha jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni;

J.  billi, madankollu, l-euro hija l-munita tal-Unjoni (l-Artikolu 3(4) tat-TUE), ir-Renju Unit kiseb deroga permanenti milli jingħaqad maż-żona tal-euro (il-Protokoll Nru 15), id-Danimarka għandha eżenzjoni kostituzzjonali (il-Protokoll Nru 16), l-Isvezja waqfet milli ssegwi l-kriterji ta' konverġenza tal-euro u l-possibiltà li l-Greċja tħalli l-munita unika ġiet diskussa b'mod miftuħ fil-Kunsill Ewropew; billi l-Istati Membri kollha huma obbligati jissieħbu fil-munita ladarba jilħqu r-rekwiżiti kollha meħtieġa, filwaqt li ma ġiet iffissata l-ebda skeda ta' żmien għall-Istati Membri biex jissieħbu maż-żona tal-euro wara l-ħolqien tagħha;

K.  billi, f'dak li għandu x'jaqsam ma' Schengen, il-moviment liberu tal-persuni u l-abolizzjoni tal-kontrolli tal-fruntieri interni li tirriżulta minnu, li huma kollha integrati formalment fit-Trattati, ir-Renju Unit u l-Irlanda ngħataw klawsola ta' "opt-out" (nonparteċipazzjoni); billi erba' Stati Membri oħra wkoll mhux qed jipparteċipaw, iżda għandhom l-obbligu li jagħmlu dan, filwaqt li ngħataw klawsoli ta' parteċipazzjoni lil tliet pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea; billi din il-frammentazzjoni mhux biss tipprevjeni l-abolizzjoni totali ta' uħud mill-fruntieri interni li għad baqa', iżda toħloq diffikultajiet ukoll għall-istabbiliment ta' suq intern reali u żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja integrata bis-sħiħ; ifakkar li l-integrazzjoni fiż-żona Schengen trid tibqa' l-objettiv għall-Istati Membri kollha tal-UE;

L.  billi l-klawsoli ta' nonparteċipazzjoni għall-istati Membri individwali jipperikolaw l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE, iwasslu għal kumplessità eċċessiva f'dak li jikkonċerna l-governanza, jipperikolaw il-koeżjoni tal-Unjoni u jimminaw is-solidarjetà fost iċ-ċittadini tagħha;

M.  billi, wara t-Trattat ta' Lisbona, aċċelerat ulterjorment minħabba l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji, u l-kriżijiet tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, il-Kunsill Ewropew wessa' r-rwol tiegħu biex jinkludi l-ġestjoni ta' kuljum permezz tal-adozzjoni ta' strumenti intergovernattivi barra mill-qafas tal-UE, minkejja l-fatt li r-rwol tiegħu mhuwiex li jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi iżda li jipprovdi lill-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u jiddefinixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali (l-Artikolu 15(1) tat-TUE);

N.  billi d-dipendenza fuq l-unanimità fil-Kunsill Ewropew u l-inkapaċità li jikseb tali unanimità wasslet għall-adozzjoni ta' strumenti intergovernattivi barra mill-qafas legali tal-UE bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità u t-Trattat dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSCG jew il-"Patt Fiskali"); billi l-istess japplika għall-ftehim mat-Turkija dwar il-kriżi tar-rifuġjati Sirjani;

O.  billi, filwaqt li l-Artikolu 16 tat-TSCG jipprevedi li fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ (qabel l-1 ta' Jannar 2018) il-passi meħtieġa jridu jkunu ttieħdu sabiex il-Patt Fiskali jiġi inkorporat fil-qafas legali tal-Unjoni, u filwaqt li dispożizzjonijiet simili huma inklużi fil-Ftehim Intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni ta' kontribuzzjonijiet lejn il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, huwa ċar li r-reżiljenza taż-żona tal-euro, inkluża t-tlestija tal-unjoni bankarja, ma tistax tintlaħaq mingħajr passi ulterjuri ta' approfondiment fiskali flimkien mal-istabbiliment ta' forma ta' governanza aktar affidabbli, effettiva u demokratika;

P.  billi din is-sistema ġdida ta' governanza timplika li l-Kummissjoni għandha ssir gvern ġenwin, responsabbli lejn il-Parlament u mgħammar biex jifformula u jimplimenta l-politiki komuni fiskali u makroekonomiċi li ż-żona tal-euro teħtieġ, u trid tkun mogħnija b'teżor u b'baġit proporzjonati għall-iskala tal-kompiti assenjati lilha; billi dan jirrikjedi, minbarra l-miżuri fi ħdan id-dritt primarju eżistenti, riforma fit-Trattat ta' Lisbona;

Q.  billi dan huwa wkoll il-każ għar-riforma u l-modernizzazzjoni meħtieġa tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; billi l-ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) intlaħaq biss wara negozjati twal u diffiċli u kien akkumpanjat minn deċiżjoni li jiġi stabbilit grupp ta' livell għoli biex jirrevedi s-sistema ta' dħul ta' "riżorsi proprji" tal-Unjoni, li se jippreżenta r-rapport tiegħu fl-2016; billi l-QFP attwali jillimita serjament l-awtonomija finanzjarja u politika tal-Unjoni, peress li l-parti l-kbira tad-dħul jikkonsisti minn kontribuzzjonijiet nazzjonali mill-Istati Membri u parti kbira min-nefqa hija predeterminata permezz ta' flus restitwiti lil dawn l-istess Stati Membri; billi l-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-prodott nazzjonali gross/id-dħul nazjonali gross saru l-akbar sors ta' dħul;

R.  billi l-QFP attwali huwa inferjuri f'termini nominali meta mqabbel ma' dak preċedenti filwaqt li ċ-ċirkostanzi jeħtieġu sforzi kbar ħafna fil-baġit biex jgħinu lir-rifuġjati u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-istabilità finanzjarja;

S.  billi r-rekwiżit tal-unanimità għall-politika fiskali qiegħda tfixkel il-ġlieda kontra l-eżistenza ta' rifuġji fiskali fi ħdan l-Unjoni Ewropea u politiki fiskali dannużi tal-Istati Membri; billi ħafna minn dawn il-prattiki jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, jipperikolaw id-dħul tal-Istati Membri, u fl-aħħar mill-aħħar jitfgħu l-piż fuq iċ-ċittadini u l-SMEs;

T.  billi l-Unjoni Ewropea hija sistema kostituzzjonali msejsa fuq l-istat tad-dritt; billi t-Trattati jridu jinbidlu biex jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠE) ġurisdizzjoni fuq l-aspetti kollha tal-liġi tal-UE, f'konformità mal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat;

U.  billi l-UE hija msejsa wkoll fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi l-istrumenti eżistenti tal-UE għall-valutazzjoni u s-sanzjonar ta' vjolazzjonijiet ta' dawn il-prinċipji mill-Istati Membri wrew li ma kinux biżżejjed; billi l-proċeduri ta' ksur imnedija kontra atti legali speċifiċi jew azzjonijiet minn Stat Membru li jmorru kontra d-dritt tal-UE mhumiex adegwati biex jindirizzaw ksur sistematiku tal-valuri fundamentali tal-UE; billi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu meta jistabbilixxi riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri fundamentali, u skont l-Artikolu 7(2) tat-TUE, il-Kunsill Ewropew huwa obbligat jaġixxi b'mod unanimu meta jiddetermina l-eżistenza ta' ksur serju u persistenti; billi bħala konsegwenza la miżura preventiva skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE u lanqas il-mekkaniżmi ta' sanzjonijiet skont l-Artikolu 7(2) u (3) ma ġew invokati;

V.  billi l-UE tidher li hija f'pożizzjoni aħjar biex tinfluwenza l-politiki dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-korruzzjoni meta pajjiżi għadhom kandidati għal sħubija fl-Unjoni; billi l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt jeħtieġ li jiġi applikat b'saħħa ugwali għall-Istati Membri kollha;

W.  billi r-rieżami huwa meħtieġ ukoll biex jiġi bbilanċjat mill-ġdid u rinnovat b'mod fundamentali l-funzjonament tal-Unjoni, bl-għan ta' regolamentazzjoni anqas burokratika u tfassil ta' politika aktar effikaċi, eqreb lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini; billi l-Unjoni tesiġi li l-kompetenzi meħtieġa jagħmlu progress lejn uħud mill-għanijiet iddikjarati tagħha bħalma huma t-tlestija tas-suq uniku, inkluża l-unjoni tal-enerġija, il-koeżjoni soċjali, filwaqt li timmira lejn impjieg sħiħ, migrazzjoni u ġestoni tal-asil ġusti u komuni, kif ukoll politika tas-sigurtà interna u esterna;

X.  billi l-bini ta' djalogu sistematiku mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 11 tat-TFUE, huma kruċjali biex jingħeleb l-ewroxettiċiżmu u terġa' tiġi affermata l-importanza tad-dimensjoni tal-Ewropa bbażata fuq is-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali u l-bini ta' demokrazija parteċipattiva u inklużiva, bħala suppliment għal demokrazija rappreżentattiva;

Y.  billi f'dawn l-aħħar għaxar snin is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa marret lura ħafna, speċjalment fil-viċinat tagħna: Stat Membru m'għadux jista' jiggarantixxi s-sigurtà interna u esterna tiegħu waħdu;

Z.  billi d-deklin tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa jillimita l-kapaċità tagħha li twassal l-istabilità lil hinn mill-fruntieri immedjati tagħna; billi dan għandu jitqies flimkien man-nuqqas ta' rieda tal-alleati tagħna tal-Istati Uniti biex jintervjenu jekk l-Ewropa ma tkunx lesta tagħti s-sehem ġust tagħha ta' responsabilità; billi l-politika tal-UE għad-difiża għandha tissaħħaħ u għandha tiġi stabbilita sħubija komprensiva bejn l-UE u n-NATO, filwaqt li l-Unjoni tkun tista' taġixxi b'mod awtonomu f'operazzjonijiet barra l-pajjiż, primarjament bil-ħsieb li tistabbilizza l-viċinat; billi dan ifisser li hi meħtieġa kooperazzjoni aktar intensiva fost l-Istati Membri kif ukoll l-integrazzjoni ta' ċerti kapaċitajiet ta' difiża tagħhom f'komunità Ewropea għad-Difiża, it-tnejn f'konformità ma' strateġija Ewropea ta' sigurtà ġdida;

AA.  billi l-ebda "klawsola passerelle" prevista fit-Trattat ta' Lisbona bl-għan li tissimplifika l-governanza tal-Unjoni ma ġiet introdotta, u x'aktarx mhux se jkun introdotta fiċ-ċirkostanzi preżenti; billi, għall-kuntrarju, minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 dwar it-tnaqqis fl-għadd ta' membri tal-Kummissjoni kif previst fit-Trattat ta' Lisbona, il-klawsola ta' ħruġ intużat immedjatament;

AB.  billi, l-elezzjonijiet parlamentari Ewropej tal-2014 wasslu għall-ewwel darba direttament għan-nomina tal-kandidat għal President tal-Kummissjoni; billi, madankollu, iċ-ċittadini sfortunatament ma setgħux jivvutaw għall-kandidati direttament; billi l-karattru sovranazzjonali tal-elezzjonijiet Ewropej jenħtieġ li jiġi msaħħaħ aktar permezz tal-introduzzjoni ta' bażi legali ċara biex jiġi żgurat li din is-sistema l-ġdida tiġi ppreservata u żviluppata; billi, barra minn hekk, iċ-ċittadini bilkemm jistgħu jifhmu l-interrelazzjoni tal-Presidenti tal-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew;

AC.  billi l-urġenza għal riforma tal-Unjoni żdiedet b'mod drammatiku bil-vot tar-referendum tar-Renju Unit biex iħalli l-Unjoni Ewropea; billi n-negozjati għall-istabbiliment tal-arranġamenti għall-irtirar tar-Renju Unit ukoll jeħtieġ li jqisu l-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni; billi dan il-ftehim irid jiġi nnegozjat f'konformità mal-Artikolu 218(3) tat-TFUE u jiġi konkluż f'isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi bħala maġġoranza kkwalifikata, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew; billi, għalhekk, il-Parlament għandu jkun involut bis-sħiħ matul il-proċess tan-negozjati;

AD.  billi t-tluq tar-Renju Unit joħloq opportunità biex titnaqqas il-kumplessità tal-Unjoni u li jiġi ċċarat xi tfisser verament is-sħubija fl-Unjoni; billi qafas ċar huwa meħtieġ fil-futur għar-relazzjoni tal-UE ma' dawk li mhumiex Membri fil-viċinat tagħha (ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Isvizzera, it-Turkija, l-Ukraina, eċċ.); billi l-fundaturi tal-Unjoni diġà kienu pprevedew tip ta' "status ta' assoċjat";

AE.  billi f'dan l-eżerċizzju importanti t-Trattati jagħtu sitt prerogattivi speċifiċi lill-Parlament Ewropew, jiġifieri: id-dritt li jipproponi emendi għat-Trattati (l-Artikolu 48(2) tat-TUE), id-dritt li jiġi kkonsultat mill-Kunsill Ewropew rigward l-emendi għat-Trattati (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-TUE), id-dritt li jinsisti biex tissejjaħ Konvenzjoni kontra x-xewqa tal-Kunsill Ewropew (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-TUE), id-dritt li jiġi kkonsultat rigward deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Ewropew sabiex temenda id-dispożizzjonijiet kollha jew parzjalment tat-tielet parti tat-TFUE (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) tat-TUE), id-dritt li jagħti bidu għar-riallokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament qabel l-elezzjoni li jmiss (l-Artikolu 14(2) tat-TUE) u d-dritt li jipproponi proċedura elettorali uniformi (l-Artikolu 223(1) tat-TFUE);

AF.  billi r-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) iridu jiġu salvagwardjati bħala rappreżentanti istituzzjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi reġjonali u lokali, peress li l-opinjonijiet tagħhom jikkontribwixxu biex tiżdied il-leġittimità demokratika ta' tfassil tal-politiki u ta' proċessi leġiżlattivi;

AG.  billi maġġoranza ċara tal-Unjoni tal-gvernijiet reġjonali u lokali esprimew b'mod konsistenti l-opinjoni tagħhom, permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni, favur UE aktar integrata b'governanza effettiva;

1.  Iqis li ż-żmien tal-ġestjoni tal-kriżijiet permezz ta' deċiżjonijiet ad hoc u inkrementali għadda, peress li dan iwassal biss għal miżuri li jagħmlu ftit wisq, tard wisq; huwa konvint li wasal iż-żmien għal riflessjoni profonda dwar kif jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-governanza tal-Unjoni Ewropea permezz ta' rieżami komprensiv u fil-fond tat-Trattat ta' Lisbona; iqis li soluzzjonijiet għal żmien qasir u medju jistgħu jintlaħqu billi t-Trattati eżistenti jiġu sfruttati sal-potenzjal sħiħ tagħhom f'dak iż-żmien;

2.  Jinnota li d-direzzjoni tar-riforma tal-Unjoni jenħtieġ li twassal għall-immodernizzar tagħha billi tistabbilixxi strumenti ġodda, kapaċitajiet Ewropej effettivi ġodda, u billi l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjoni jsiru aktar demokratiċi, pjuttost mir-rinazzjonalizzazzjoni tagħha permezz ta' aktar intergovernamentaliżmu;

3.  Jissottolinja li stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru juri li, għall-kuntrarju ta' dak li huwa maħsub, iċ-ċittadini tal-UE għadhom konxji sew dwar l-importanza ta' soluzzjonijiet Ewropej ġenwini u jappoġġawhom bis-sħiħ(24), inter alia fil-qasam tas-sigurtà, id-difiża u l-migrazzjoni;

4.  Josserva bi tħassib kbir il-proliferazzjoni ta' sottogruppi ta' Stati Membri li qed jimminaw l-unità tal-Unjoni billi jikkawżaw nuqqas ta' trasparenza, u kif ukoll qed inaqqsu l-fiduċja tal-poplu; iqis li l-format adattat biex titmexxa d-diskussjoni dwar il-ġejjieni tal-Unjoni huwa dak tas-27 Stat Membru tal-UE; jenfasizza li l-frammentazzjoni tad-diskussjoni f'formati varji jew gruppi ta' Stati Membri tkun kontroproduttiva;

5.  Jenfasizza li riforma demokratika komprensiva tat-Trattati trid tinkiseb permezz ta' riflessjoni dwar il-futur tal-UE u ftehim dwar viżjoni għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri taċ-ċittadini Ewropej, u dan iwassal għal Konvenzjoni li tiggarantixxi li l-inklużività permezz tal-kompożizzjoni tiegħu ta' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, tal-gvernijiet tal-Istati Membri kollha, tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u l-korpi konsultattivi tal-UE bħall-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u tipprovdi wkoll pjattaforma xierqa għal tali riflessjoni u l-involviment maċ-ċittadini Ewropej u mas-soċjetà ċivili;

It-tmiem ta' "Ewropa à la carte"

6.  Jiddeplora l-fatt li kull darba li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li japplika metodi intergovernattivi u li jevita l-"metodu tal-Komunità jew tal-Unjoni" kif definit fit-Trattati, dan mhux biss iwassal għal tfassil tal-politiki inqas effettiv iżda wkoll jikkontribwixxi għal nuqqas dejjem jikber ta' trasparenza, responsabilità u kontroll demokratiku; jikkunsidra li triq differenzjata hija konċepibbli biss bħala pass temporanju lejn tfassil tal-politika tal-UE iktar effettiv u integrat;

7.  Iqis li "l-metodu tal-Unjoni" huwa l-uniku metodu demokratiku ta' leġiżlazzjoni li jiżgura li jiġu kkunsidrati l-interessi kollha, speċjalment l-interess komuni Ewropew; jifhem b’"metodu tal-Unjoni" l-proċedura leġiżlattiva li biha l-Kummissjoni, bħala parti mill-kompetenza tagħha bħala l-eżekuttiv, tagħti bidu għal leġiżlazzjoni, il-Parlament u l-Kunsill, li jirrappreżentaw rispettivament liċ-ċittadini u l-istati, jiddeċiedu b'kodeċiżjoni bil-vot tal-maġġoranza filwaqt li l-obbligi ta' unanimità f'dan tal-aħħar isiru eċċezzjoni assoluta, u l-Qorti tal-Ġustizzja tissorvelja u tipprovdi kontroll ġudizzjarju finali; jinsisti li anke f'każijiet ta' urġenza "l-metodu tal-Unjoni" jenħtieġ li jiġi rispettat;

8.  Iqis li huwa essenzjali li f'dawn iċ-ċirkostanzi tiġi affermata mill-ġdid il-missjoni ta' "għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa" (l-Artikolu 1 tat-TUE) sabiex titnaqqas kwalunkwe tendenza lejn id-diżintegrazzjoni u biex għal darb'oħra jiġi ċċarat l-għan morali, politiku u storiku, kif ukoll in-natura kostituzzjonali tal-UE;

9.  Jissuġġerixxi li r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita u msaħħa kooperazzjoni strutturata jenħtieġ li jsiru inqas restrittivi, fost l-oħrajn billi jitnaqqas l-għadd minimu ta' Stati Membri parteċipanti;

10.  Jipproponi li r-reviżjoni li jmiss tat-Trattati tirrazzjonalizza d-differenzjazzjoni diżordinata attwali billi tintemm, jew għall-inqas titnaqqas drastikament, il-prattika ta' nonparteċipazzjoni, ta' inklużjonijiet fakultattivi u ta' eċċezzjonijiet għall-Istati Membri individwali fil-livell tad-dritt primarju tal-UE;

11.  Jirrakkomanda li sħubija tiġi definita u żviluppata sabiex jiġi stabbilit ċirku ta' sħab madwar l-UE għal stati li ma jistgħux jew mhumiex se jingħaqdu mal-Unjoni, iżda minkejja dan, iridu relazzjoni mill-qrib mal-UE; iqis li din ir-relazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn obbligi li jikkorrispondu għad-drittijiet rispettivi, bħal kontribuzzjoni finanzjarja u, aktar importanti, ir-rispett tal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Istat tad-dritt;

12.  Jemmen li l-qafas istituzzjonali uniku jenħtieġ li jiġi ppreservat sabiex jinkisbu l-objettivi komuni tal-Unjoni u biex jiġi ggarantit il-prinċipju ta' ugwaljanza taċ-ċittadini kollha u tal-Istati Membri;

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

13.  Jinnota li din il-forma ġdida ta' sħubija tista' tkun waħda mill-eżiti possibbli biex tiġi rrispettata r-rieda tal-maġġoranza taċ-ċittadini tar-Renju Unit biex joħorġu mill-UE; jenfasizza li l-irtirar tar-Renju Unit, bħala wieħed mill-Istati Membri l-kbar, u bħala l-akbar membri mhux fiż-żona tal-euro, jaffettwa s-saħħa u l-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni;

14.  Jafferma mill-ġdid li elementi kostituzzjonali tal-Unjoni, b'mod partikolari l-integrità tas-suq uniku u l-fatt li dan ma jistax jinfired mill-erba' libertajiet fundamentali tal-Unjoni (il-moviment ħieles tal-kapital, tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi), huma pilastri essenzjali u indiviżibbli tal-Unjoni, kif hija l-eżistenza ta' stat tad-dritt, kif iggarantit mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jafferma mill-ġdid li din l-unità kostituzzjonali ma tistax tiġi rrimedjata matul in-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

15.  Jitlob li l-kwartieri ġenerali tal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, it-tnejn li huma bħalissa f'Londra, jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor, minħabba l-għażla magħmula minn ċittadini tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE;

Governanza ekonomika ġdida għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-istabilità finanzjarja

16.  Jinsab ferm imħasseb dwar diverġenzi ekonomiċi u soċjali li qed jikbru u n-nuqqas ta' riforma ekonomika u stabilità finanzjarja fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) kif ukoll it-telf tal-kompetittività tal-ekonomiji ta' bosta Stati Membri tagħha; u dan huwa dovut, b'mod partikolari, għan-nuqqas ta' politika fiskali u ekonomika komuni; iqis, għalhekk, li l-politika fiskali u ekonomika komuni għandha tkun kompetenza kondiviża tal-Unjoni u l-Istati Membri;

17.  Iqis li fil-forma attwali tagħhom mal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u l-klawżola "li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju" (Artikolu 125 tat-TFUE) sfortunatament ma jilħqux l-objettivi intenzjonati; jemmen li l-UE għandha tirrifjuta t-tentattivi li terġa' lura għal politiki nazzjonali protezzjonistiċi, u jenħtieġ tkompli tkun ekonomija miftuħa fil-ġejjieni; iwissi li dan ma jistax jinkiseb billi l-mudell soċjali jinħatt;

18.  Jinnota, barra minn hekk, li s-sistema attwali ma tiżgurax b'mod suffiċjenti s-sjieda nazzjonali ta' Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż; huwa interessat f'dan ir-rigward fil-potenzjal offrut mill-Bord Ewropew ta' Konsulenza Fiskali u l-missjoni futura tagħha li tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar qagħda fiskali li tkun xierqa għaż-żona tal-euro kollha kemm hi;

19.  Huwa konxju tal-ħtieġa li jsir rieżami tal-effikaċja tal-bosta miżuri reċenti ta' ġestjoni tal-kriżijiet li ttieħdu mill-UE, u li fid-dritt primarju jiġu kkodifikati ċerti proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-bażijiet ġuridiċi tal-qafas regolatorju l-ġdid għas-settur finanzjarju; jaqbel mar-Rapport tal-Ħames Presidenti li l-"metodu miftuħ ta' koordinazzjoni" bħala l-bażi għal strateġija ekonomika tal-Ewropa ma ħadimx;

20.  Jipproponi, għalhekk, flimkien mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir,l-adozzjoni ta' "kodiċi ta' konverġenza", bħala att legali skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li jistabbilixxi miri konverġenti (it-tassazzjoni, is-suq tax-xogħol, l-investiment, il-produttività, il-koeżjoni soċjali u l-kapaċitajiet pubbliċi fl-oqsma tal-amministrazzjoni u l-governanza tajba); jinsisti li , fi ħdan il-qafas tal-governanza ekonomika, il-konformità mal-kodiċi ta' konverġenza għandha tkun kundizzjoni għall-parteċipazzjoni sħiħa fil-kapaċità fiskali taż-żona tal-euro, u jeħtieġ li kull Stat Membru jressaq proposti dwar kif jistgħu jiġu ssodisfati l-kriterji tal-kodiċi ta' konverġenza, ; jenfasizza li l-istandards u l-inċentivi fiskali huma determinati fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro;

21.  Iqis li, bil-għan li tintlaħaq UEM komprensiva, huwa indispensabbli li jkun hemm dimensjoni soċjali b'saħħitha, u li l-Artikolu 9 tat-TFUE fil-forma attwali tiegħu mhuwiex biżżejjed biex jiggarantixxi bilanċ ġust bejn id-drittijiet soċjali u l-libertajiet ekonomiċi; jitlob, għaldaqstant, li dawn id-drittijiet jingħataw l-istess importanza u li d-djalogu bejn s-sħab soċjali jiġi salvagwardat;

22.  Jappella għall-integrazzjoni tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (il-“Patt Fiskali”) fil-qafas ġuridiku tal-UE u kif ukoll l-inklużjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità u l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni fid-dritt tal-UE, abbażi ta' valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tagħhom u b'sorveljanza demokratika mill-Parlament biex jiżgura li l-kontroll u r-responsabiltà jkunu responabbli għalihom dawk li jikkontribwixxu għalihom; jappella wkoll għal aktar żvilupp tal-konferenza interparlamentari prevista fl-Artikolu 13 tal- Patt Fiskali, sabiex ikunu jistgħu jsiru diskussjonijiet sostanzjali u f'waqthom bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fejn meħtieġ;

23.  Huwa tal-fehma li, biex tiżdied l-istabilità finanzjarja, jittaffew l-iskossi asimmetriċi u simmetriċi transfruntiera, jitnaqqsu l-effetti tar-riċessjoni, u jiġi żgurat livell xieraq ta' investiment, iż-żona tal-euro teħtieġ kapaċità fiskali bbażata fuq riżorsi proprji ġenwini u teżor Ewropew mgħammar bil-kapaċità li jissellef; jinnota li dan it-teżor għandu jkun ibbażat fil-Kummissjoni u jkun soġġett għall-iskrutinju demokratiku u r-responsabilità ta' rendikont permezz tal-Parlament u l-Kunsill;

24.  Jirrimarka li, minħabba l-fatt li l-konformità hija kruċjali għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, huma meħtieġa funzjonijiet governattivi aktar b'saħħithom milli dawk attwalment ipprovduti mill-Kummissjoni u/jew mill-Grupp tal-euro, kif ukoll kontrolli u bilanċi demokratiċi sħaħ permezz tal-involviment tal-Parlament Ewropew fl-aspetti kollha tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; jemmen li b'mod parallel, biex tittejjeb is-sjieda, ir-responsabilità trid tiġi żgurata fil-livell fejn jittieħdu jew jiġu implimentati d-deċiżjonijiet, bil-parlamenti nazzjonali jeżaminaw bir-reqqa l-gvernijiet nazzjonali u l-Parlament Ewropew li jeżamina bir-reqqa l-eżekuttiv Ewropew;

25.  Jitlob, għaldaqstant, li l-awtorità eżekuttiva tkun ikkonċentrata fi ħdan il-Kummissjoni, fir-rwol ta' Ministru għall-Finanzi tal-UE, billi lill-Kummissjoni tingħata l-kapaċità li tifformula u timplimenta politika ekonomika komuni tal-UE billi tgħaqqad flimkien strumenti makroekonomiċi, fiskali u monetarji, bl-appoġġ ta' kapaċità baġitarja taż-żona tal-euro; il-Ministru għall-Finanzi jenħtieġ li jkun responsabbli għall-operat tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità u strumenti mutwalizzati oħra, inkluża l-kapaċità baġitarja, u jkun l-uniku rappreżentant estern taż-żona tal-euro f'organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod speċjali fis-settur finanzjarju;

26.  Iqis li huwa meħtieġ li l-Ministru tal-Finanzi jkun mogħni b'poteri proporzjonati biex jintervjeni sabiex jimmonitorja l-kodiċi ta' konverġenza, u jkollu s-setgħa li juża l-inċentivi fiskali deskritti aktar 'il fuq;

27.  Iqis li huwa neċessarju, mingħajr preġudizzju għall-kompiti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità jaġixxi bħala l-ewwel sellief tal-aħħar istanza għal istituzzjonijiet finanzjarji direttament taħt is-superviżjoni jew is-sorveljanza tal-Bank Ċentrali Ewropew; iqis neċessarju, barra minn hekk, li l-Bank Ċentrali Ewropew igawdi s-setgħat sħaħ ta' riżerva federali, filwaqt li jżomm l-indipendenza tiegħu;

28.  Fl-aħħar nett, jitlob li l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jitlestew pass pass, iżda kemm jista' jkun malajr fuq il-bażi ta' skeda ta' żmien mgħaġla;

29.  Iqis li huwa neċessarju li titneħħa l-unanimità għal ċerti prattiki fiskali li jippermettu lill-UE tissalvagwardja l-funzjonament ġust u bla xkiel tas-suq intern u biex jiġu evitati politiki fiskali dannużi min-naħa tal-Istati Membri; jitlob li l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u r-rifuġji fiskali ssir objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

Sfidi ġodda

30.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ġeopolitika, ekonomika u ambjentali għall-ħolqien ta' unjoni tal-enerġija Ewropea ġenwina; jissottolinja li t-tibdil fil-klima huwa waħda mill-isfidi globali ewlenin li qed tiffaċċja l-UE; jenfasizza, flimkien mal-ħtieġa ta' ratifika u implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi u l-adattament ta' miri u azzjonijiet vinkolanti tal-UE dwar il-klima, li r-restrizzjoni li l-politika tal-UE ma tridx taffettwa d-dritt ta' stat li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu (Artikolu 194(2) tat-TFUE) jeħtieġ li tiġi emendata sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b'suċċess ta' politiki nodfa u rinnovabbli komuni tal-enerġija;

31.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' riżorsi tal-enerġija ġodda u rinnovabbli jenħtieġ li jiġu inkorporati fit-Trattati bħala objettiv ewlieni kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri;

32.  Jinnota li t-Trattati jipprovdu biżżejjed mezzi biex jistabbilixxu sistema ta' ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-asil umani u li jiffunzonaw tajjeb, inkluż Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, u jilqa' l-progress li sar f'dan ir-rigward; jemmen, madankollu, li t-Trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 79(5) tat-TFUE, huma restrittivi wisq fir-rigward ta' aspetti oħra tal-migrazzjoni, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-istabbiliment ta' sistema ta' migrazzjoni legali Ewropea ġenwina; jissottolinja li s-sistema tal-migrazzjoni tal-UE għall-ġejjieni trid tifforma sinerġija mal-għajnuna barranija tagħha u l-politika barranija tagħha, u tgħaqqad il-kriterji nazzjonali għall-għoti tal-asil u l-aċċess għas-suq tax-xogħol; jinsisti li jeħtieġ li l-Parlament iwettaq skrutinju demokratiku fuq l-implimentazzjoni tal-kontroll fil-fruntieri, il-ftehimiet ma' pajjiżi terzi, inkluża l-kooperazzjoni dwar il-politiki ta' ammissjoni mill-ġdid u ritorn, l-asil u l-migrazzjoni, u li s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali ma tistax tintuża bħala pretest biex tiġi evitata azzjoni Ewropea;

33.  Iqis li, fid-dawl tal-intensità tat-theddida terroristika, huwa meħtieġ li jittejbu l-kapaċitajiet tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali; jenfasizza li, minbarra t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-aġenziji fl-Istati Membri, l-Europol u l-Eurojust jenħtieġ li jingħataw kompetenzi u kapaċitajiet ġenwini ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni, possibbilment permezz ta' trasformazzjoni f'Uffiċċju Ewropew ta' Investigazzjoni u Ħidma kontra t-Terroriżmu effettiv, bi skrutinju parlamentari dovut;

34.  Jikkonkludi li l-attakki terroristiċi diversi mwettqa fuq art Ewropea wrew li s-sigurtà tkun żgurata aħjar kieku ma kinitx kompetenza esklużiva tal-Istati Membri; jipproponi, għalhekk, li ssir kompetenza kondiviża sabiex jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' kapaċità ta' investigazzjoni u intelligence Ewropea fi ħdan Europol u taħt il-kontroll tal-ġudikatura; jistipula li fil-frattemp, f'konformità mal-Artikolu 73 tat-TFUE m'hemm xejn li jimpedixxi lill-Istati Membri milli joħolqu dan it-tip ta' kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħhom;

It-tisħiħ tal-politika barranija tagħna

35.  Jiddispjaċih, kif iddikjarat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2017 dwar it-titjib fil-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona, li l-UE m'għamlitx aktar progress fl-iżvilupp tal-kapaċità tagħha biex taqbel dwar u timplimenta Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK); jinnota li l-isforzi tagħha biex tagħti bidu għal politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni ma kinux partikolarment ta' suċċess, speċjalment fir-rigward tal-qsim tal-ispejjeż u r-responsabilitajiet;

36.  Jinnota li huwa biss bit-tisħiħ tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni li l-UE tista' tipprovdi tweġibiet kredibbli għal theddid u l-isfidi ġodda għas-sigurtà, u b'hekk jiġġieled it-terroriżmu u ġġib il-paċi, l-istabilità u l-ordni fil-viċinat tagħha;

37.  Huwa tal-fehma, filwaqt li jtenni li jista' jsir u jenħtieġ li jsir aktar progress fil-qafas tat-Trattat ta' Lisbona, inkluż l-użu tad-dispożizzjonijiet li jippermettu li ssir votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata, li l-Viċi President / ir-Rappreżentant Għoli tiġi nominata bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-UE u tiġi appoġġata fl-isforzi tagħha li ssir ir-rappreżentant estern ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-fora internazzjonali, mhux l-inqas fil-livell tan-NU; iqis li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jenħtieġ li jkun jista' jaħtar deputati politiċi; jipproponi reviżjoni tal-funzjonalità tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, inkluż il-bżonn ta' riżorsi baġitarji xierqa;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-istabbiliment rapidu ta' Unjoni Ewropea ta' Difiża li jsaħħaħ id-difiża tat-territorju tal-UE, li, fi sħubija strateġika man-NATO, jippermetti lill-Unjoni taġixxi b'mod awtonomu f'operazzjonijiet barra l-pajjiż, primarjament bl-għan li jiġi stabbilizzat il-viċinat tagħha u b'hekk jittejjeb ir-rwol tal-UE bħala garanti għad-difiża tagħha stess u bħala fornitur tas-sigurtà, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jiġbed l-attenzjoni lejn l-inizjattiva Franko-Ġermaniża ta' Settembru 2016, kif ukoll l-inizjattiva Taljana ta' Awwissu 2016, li tipprovdi kontributi siewja għal din il-kwistjoni; jenfasizza li l-Parlament Ewropew jeħtieġ li jkun involut bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-ħolqien tal-Unjoni Ewropea ta' Difiża u jeħtieġ li jkollu d-dritt ta' approvazzjoni f'każ ta' operazzjonijiet barra mill-pajjiż; fid-dawl tar-rilevanza tagħha, it-Trattati jenħtieġ li jipprovdu speċifikament għall-possibilità li tiġi stabbilita Unjoni Ewropea ta' Difiża; barra minn hekk, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jenħtieġ li jiġi stabbilit Direttorat Ġenerali għad-Difiża (DG Defence) responsabbli għall-aspetti interni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi allokati għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, sabiex jiġi żgurat li l-ispiża tal-operazzjonijiet militari mwettqa fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u l-Unjoni Ewropea ta' Difiża tinqasam b'mod iktar ġust;

40.  Jipproponi li jitwaqqaf Uffiċċju ta' Intelligence Ewropew għall-appoġġ tal-PESK;

Nissalvagwardjaw id-Drittijiet Fundamentali

41.  Itenni li l-Kummissjoni hija l-gwardjan tat-Trattati u tal-valuri tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE; jikkonkludi, fid-dawl ta' diversi vjolazzjonijiet possibbli tal-valuri tal-Unjoni f'għadd ta' Stati Membri, li l-proċedura attwali skont l-Artikolu 7 TUE hija defiċjenti u kkumplikata;

42.  Jissottolinja li r-rispett u s-salvagwardjar tal-valuri fundamentali tal-UE huma l-pedament tal-Unjoni Ewropea bħala komunità bbażata fuq valuri u li jorbtu l-Istati Membri flimkien;

43.  Jipproponi li l-Artikolu 258 tat-TFUE jiġi emendat sabiex espliċitament il-Kummissjoni tkun tista' tieħu "azzjoni ta' ksur sistemiku" kontra l-Istati Membri li jiksru l-valuri fundamentali; jifhem "azzjoni ta' ksur sistemiku" bħala l-akkumulazzjoni ta' għadd ta' azzjonijiet ta' vjolazzjonijiet individwali li jissuġġerixxu ksur serju u persistenti tal-Artikolu 2 tat-TUE minn Stat Membru;

44.  Jipproponi l-estensjoni tad-dritt ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma direttament u individwalment affetwati minn azzjoni biex jitressaq każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal ksur allegat tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew minn istituzzjonijiet tal-UE jew minn Stat Membru, billi jiġu emendati l-Artikoli 258 u 259 tat-TFUE;

45.  Jirrakkomanda l-abolizzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-konverżjoni tagħha f'Karta tad-Drittijiet tal-Unjoni;

46.  Jemmen, barra minn hekk, li ċ-ċittadini jenħtieġ ikunu mogħnija b'aktar strumenti ta' demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-Unjoni; jipproponi, għalhekk, l-evalwazzjoni tal-introduzzjoni, fit-Trattati, tal-provvista għal referendum fil-livell tal-UE dwar materji rilevanti għal azzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni;

Aktar demokrazija, trasparenza u responsabilità

47.  Jipproponi li l-Kummissjoni tiġi ttrasformata fl-awtorità eżekuttiva prinċipali jew gvern tal-Unjoni bil-għan li jissaħħaħ "il-metodu tal-Unjoni", tiżdied it-trasparenza u tittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-azzjoni meħuda fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

48.  Itenni t-talba tiegħu biex id-daqs tal-Kummissjoni mġedda jitnaqqas sostanzjalment u biex il-Viċi Presidenti tagħha jitnaqqsu għal tnejn: il-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin; jissuġġerixxi li l-istess tnaqqis jiġi applikat għall-Qorti tal-Awdituri;

49.  Jilqa' l-proċedura l-ġdida ta' suċċess fejn il-partiti politiċi Ewropej jippromwovu l-kandidati prinċipali tagħhom għal President tal-Eżekuttiv Ewropew, elett mill-Parlament Ewropew fuq proposta mill-Kunsill Ewropew, iżda jemmen li dawn għandhom ikunu jistgħu joħorġu bħala kandidati uffiċjali fl-elezzjonijiet li jmiss fl-Istati Membri kollha;

50.  Jenfasizza li l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess politiku tal-pajjiż ta' residenza tagħhom jgħin biex tinbena d-demokrazija Ewropea, u jitlob li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini residenti fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini, kif stipulat fl-Artikolu 22 tat-TFUE, jiġu estiżi biex jinkludu l-bqija tal-elezzjonijiet;

51.  Jappoġġa d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 sabiex tiġi stabbilita sistema li tippermetti li, qabel kull elezzjoni ġdida għall-Parlament Ewropew, jerġgħu jiġu allokati s-siġġijiet bejn l-Istati Membri b'mod oġġettiv, ġust, durabbli u trasparenti, b'rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, u dan filwaqt li jittieħed kont ta' kwalunkwe bidla fl-għadd ta' Stati Membri u t-tendenzi demografiċi;

52.  Ifakkar fil-bosta dikjarazzjonijiet favur sede waħda għall-Parlament Ewropew, minħabba l-valur simboliku ta' deċiżjoni bħal din u l-iffrankar reali li jkun hemm kieku jsir dan;

53.  Itenni t-talba tiegħu għal sede unika għall-Parlament Ewropew u l-impenn tiegħu li jagħti bidu għal proċedura ta' reviżjoni ordinarja tat-Trattati skont l-Artikolu 48 tat-TUE bil-ħsieb li jipproponi tibdil fl-Artikolu 341 tat-TFUE u fil-Protokoll Nru 6, meħtieġa biex jippermettu lill-Parlament jiddeċiedi dwar il-lokazzjoni tas-sede u l-organizzazzjoni interna tiegħu;

54.  Jipproponi li l-konfigurazzjonijiet kollha u l-Kunsill Ewropew jiġu ttrasformati f'Kunsill tal-Istati fejn ir-responsabilità prinċipali tal-Kunsill Ewropew tkun li tipprovdi direzzjoni u koerenza ma' konfigurazzjonijiet oħra;

55.  Iqis li dan il-Kunsill u l-konfigurazzjonijiet speċjalizzati tiegħu, bħala t-tieni kamra tal-leġiżlatura tal-UE, jenħtieġ li, fl-interess tal-ispeċjalizzazzjoni, il-professjonalità u l-kontinwità, jibdel il-prattika tal-presidenza li tinbidel kull sitt xhur għal sistema ta' presidenti permanenti magħżula minn fosthom; jissuġġerixxi li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill jittieħdu minn Kunsill leġiżlattiv wieħed, filwaqt li l-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill leġiżlattiv speċjalizzati eżistenti jinbidlu f'korpi preparatorji, simili għall-kumitati fil-Parlament;

56.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw il-kompożizzjoni tar-rappreżentanza nazzjonali tagħhom fil-konfigurazzjonijiet, sew jekk jikkonsistu f'rappreżentanti mill-parlamenti jew gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom jew kombinazzjoni tat-tnejn;

57.  Jenfasizza li, wara l-ħolqien tar-rwol ta' Ministru tal-Finanzi tal-UE, il-Grupp tal-Euro għandu jitqies bħala konfigurazzjoni formali speċjalizzata tal-Kunsill b'funzjonijiet leġiżlattivi u ta' kontroll;

58.  Jitlob tnaqqis addizzjonali fil-proċeduri ta' votazzjoni fil-Kunsill minn unanimità, kull fejn għadha tiġi applikata, pereżempju fi kwistjonijiet ta' affarijiet barranin u ta' difiża, affarijiet fiskali u l-politika soċjali, għal maġġoranza kwalifikata, sabiex il-proċeduri leġiżlattivi speċjali eżistenti jiġu kkonvertiti fi proċeduri leġiżlattivi ordinarji, u għas-sostituzzjoni sħiħa tal-proċedura ta' konsultazzjoni b'kodeċiżjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill;

59.  Jemmen li, fit-tisħiħ tal-governanza taż-żona tal-euro, għandu jingħata r-rispett dovut lill-interessi tal-Istati Membri li għadhom mhumiex parti miż-żona tal-euro (il-"pre-ins");

60.  Jirrikonoxxi r-rwol sinifikanti li għandhom il-parlamenti nazzjonali fl-ordni istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari r-rwol tagħhom fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fid-dritt nazzjonali u r-rwol li jkollhom kemm fil-kontroll ex ante u ex post tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi u l-għażliet politiċi li jsiru mill-membri tal-Kunsill, inklużi l-konfigurazzjonijiet speċjalizzati tiegħu; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li s-setgħat tal-parlamenti nazzjonali jiġu kkomplementati u mtejba permezz tal-introduzzjoni tal-proċedura "tal-karta ħadra", li biha l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jippreżentaw proposta leġiżlattiva lill-Kunsill biex jeżaminaha;

61.  Filwaqt li jirrispetta r-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jirrikonoxxi l-kompetenzi esklużivi tal-UE dwar il-Politika Kummerċjali Komuni; jitlob li ssir delimitazzjoni ċara ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jinnota li din id-delimitazzjoni jkollha effetti pożittivi fuq l-impjiegi u t-tkabbir kemm fl-UE kif ukoll fis-sħab kummerċjali tagħha;

62.  Jipproponi, barra minn hekk, li f'konformità ma' prattika komuni f'għadd ta' Stati Membri, iż-żewġ kmamar tal-leġiżlatura tal-UE, il-Kunsill u, b'mod partikolari, il-Parlament, bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini, jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva, mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva leġiżlattiva bażika tal-Kummissjoni;

63.  Huwa tal-fehma li, skont l-Artikoli 245 u 247 tat-TFUE, mhux biss il-Kunsill u l-Kummissjoni, iżda wkoll il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jressqu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk Membru jew ex Membru tal-Kummissjoni Ewropea jikser l-obbligi tiegħu skont it-Trattati, huwa ħati ta' mġiba ħażina serja jew ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu;

64.  Jinsisti li d-dritt ta' inkjesta tal-Parlament jenħtieġ li jissaħħaħ u li jingħata setgħat speċifiċi, ġenwini u delimitati b'mod ċar, li huma aktar konformi aktar mal-istatura u l-kompetenzi politiċi tiegħu, inkluż id-dritt li jsejjaħ xhieda, id-dritt li jkollu aċċess sħiħ għad-dokumenti, id-dritt li jmexxi investigazzjonijiet fuq il-post u d-dritt li jimponi sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità;

65.  Jinsab konvint li l-baġit tal-UE jeħtieġ jiġi mogħni b'sistema ġenwina ta' riżorsi proprji, u għandu jitmexxa skont il-prinċipji gwida tas-sempliċità, il-korrettezza u t-trasparenza; jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, fir-rigward tad-diversifikazzjoni tad-dħul tal-baġit tal-UE, inklużi r-riżorsi proprji ġodda, bil-għan li titnaqqas il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tad-dħul nazzjonali gross mill-baġit tal-UE bil-għan li jiġi abbandunat l-approċċ ta' "juste retour" tal-Istati Membri; jinsisti, f'dan il-kuntest, li jiġu eliminati gradwalment il-forom kollha ta' rifużjonijiet;

66.  Jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet kemm għar-riżorsi proprji kif ukoll għall-QFP jinbidlu minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata, u b'hekk ikun hemm kodeċiżjoni reali bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar l-aspetti baġitarji kollha; itenni t-talba tiegħu, barra minn hekk, biex il-QFP jikkoinċidi mal-mandati tal-Parlament u l-eżekuttiv Ewropew, u jinsisti li l-finanzi tal-aġenziji kollha tal-Unjoni jsiru parti integrali mill-baġit tal-UE;

67.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni tar-Regolament QFP, sabiex jiġi allinjat mal-proċedura tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' kważi l-programmi pluriennali kollha tal-UE, inklużi l-allokazzjonijiet finanzjarji rispettivi tagħhom, kif ukoll il-baġit tal-UE; jemmen li l-proċedura ta' approvazzjoni tiċħad lill-Parlament mis-setgħa tat-teħid ta' deċiżjonijiet li huwa jeżerċita fuq l-adozzjoni tal-baġits annwali, filwaqt li r-regola tal-unanimità fil-Kunsill tfisser li l-ftehim jirrappreżenta l-iżgħar denominatur komuni, abbażi tal-bżonn li jiġi evitat il-veto ta' Stat Membru wieħed;

68.  Jinnota l-fatt li l-lista ta' istituzzjonijiet definita fl-Artikolu 13 tat-TUE hija differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju; iqis li r-Regolament Finanzjarju diġà jirrifletti l-prattika attwali;

69.  Iqis li hemm ftit każijiet fejn id-diċitura tat-TFUE hija differenti mill-prattika u mill-ispirtu tat-Trattat; huwa tal-opinjoni li dawn l-inkoerenzi jeħtieġ li jiġu rettifikati skont il-prinċipji tad-demokrazija u t-trasparenza;

70.  Ifakkar li kull waħda mill-istituzzjonijiet, kif definiti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Finanzjarju, għandha l-awtonomija li timplimenta t-taqsima tagħha tal-baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju; jirrimarka li tali awtonomija tirrikjedi wkoll livell sostanzjali ta' responsabilità fir-rigward tal-użu tal-finanzjament allokat;

71.  Jirrimarka li superviżjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tirrikjedi kooperazzjoni bona fide u aktar effettiva mal-Parlament u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-użu tal-finanzjament, kif ukoll dokument ta' segwitu annwali mill-istituzzjonijiet kollha dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta' kwittanza tal-Parlament; jiddispjaċih li l-Kunsill mhuwiex qiegħed jaderixxi ma' din il-proċedura, u jqis li din is-sitwazzjoni li ilha għaddejja għal żmien twil mhijiex ġustifikata u timmina r-reputazzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi;

72.  Jinnota li l-proċedura li l-kwittanza tingħata b'mod separat għal kull istituzzjoni u korp tal-UE hija prattika li ilha teżisti u li ġiet żviluppata biex tiggarantixxi trasparenza u responsabilità demokratika lejn il-kontribwenti tat-taxxa fl-UE u hija mod kif jiġu vverifikati r-rilevanza u t-trasparenza tal-użu tal-finanzjament tal-UE; jissottolinja li dan effettivament jiggarantixxi d-dritt u d-dmir tal-Parlament li jiskrutinja l-baġit tal-UE kollu kemm hu; ifakkar fil-fehma tal-Kummissjoni, kif espressa f'Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha, mingħajr eċċezzjoni, huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza, u li lkoll għandhom jikkooperaw bis-sħiħ biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

73.  Jirrikjedi li l-istituzzjonijiet jipprovdu direttament lill-Parlament ir-rapporti annwali tal-attività tagħhom u jagħtu lill-Parlament l-informazzjoni kollha għall-mistoqsijiet tiegħu matul il-proċess ta' kwittanza, b'mod li huwa jkun jista' jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

74.  Huwa tal-opinjoni li t-TFUE jeħtieġ li jiggarantixxi d-dritt tal-Parlament li jiskrutinja l-baġit kollu tal-UE u mhux biss il-parti ġestita mill-Kummissjoni; iħeġġeġ, għalhekk, li l-Kapitolu 4 tat-Titolu II tat-TFUE – Dispożizzjonijiet Finanzjarji – jiġi aġġornat kif meħtieġ sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha jiġu inklużi fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi previsti f'dan il-kapitolu u b'koerenza mar-Regolament Finanzjarju;

75.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom ikunu obbligati jipprovdu dikjarazzjoni annwali li fiha jagħtu rendikont dwar l-użu li huma għamlu mill-fondi tal-UE;

76.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti tal-Awdituri biex tiżgura nfiq aħjar u aktar intelliġenti tal-baġit tal-UE, biex tidentifika każijiet ta' frodi, korruzzjoni u użu illegali ta' fondi tal-UE, u biex tagħti opinjoni professjonali dwar kif il-finanzjament tal-UE jista' jiġi ġestit aħjar; ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Qorti bħala awtorità Ewropea ta' awditjar pubbliku;

77.  Iqis li, fid-dawl tar-rwol importanti li għandha l-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-ġbir u l-użu tal-fondi tal-UE, huwa assolutament essenzjali li l-istituzzjonijiet iqisu kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tagħha;

78.  Jinnota li l-kompożizzjoni tal-Qorti u l-proċedura tal-ħatra tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE; iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandhom ikunu fuq l-istess livell meta jaħtru l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu ggarantiti l-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-indipendenza sħiħa ta' dawn il-Membri; jappella lill-Kunsill biex jaċċetta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-smigħ tal-kandidati nnominati bħala Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

79.  Jiddeplora l-fatt li ċerti proċeduri tal-ħatra wasslu għal kunflitti bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-kandidati; jenfasizza li, kif previst fit-Trattat, huwa d-dover tal-Parlament li jivvaluta l-persuni nominati; jenfasizza li dawn il-kunflitti jistgħu jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' ħidma tajbin bejn il-Qorti u l-istituzzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, u possibbilment ikollhom konsegwenzi negattivi serji għall-kredibilità, u għaldaqstant għall-effikaċja tal-Qorti; huwa tal-opinjoni li, fl-ispirtu ta' kooperazzjoni tajba fost l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Kunsill jenħtieġ li jaċċetta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-seduti ta' smigħ;

80.  Jitlob l-introduzzjoni ta' bażi ġuridika sabiex jiġu stabbiliti aġenziji tal-Unjoni li jistgħu jwettqu funzjonijiet eżekuttivi u implimentattivi speċifiċi mogħtija lilhom mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

81.  Jindika li, f'konformità mat-Trattati, il-Parlament jagħti kwittanza lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit; huwa tal-fehma li, peress li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jamministraw il-baġits tagħhom b'mod indipendenti, il-Parlament jenħtieġ li jingħata kompetenza espliċita biex jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, u li dawn tal-aħħar jenħtieġ li jkunu obbligati jikkooperaw bis-sħiħ mal-Parlament;

82.  Jemmen, fl-aħħar nett, li l-proċedura ta' ratifika tat-Trattat attwali hija riġida wisq biex tkun adattata għal entità sovranazzjonali bħalma hi l-Unjoni Ewropea; jipproponi li l-emendi għat-Trattati jitħallew jidħlu fis-seħħ, jekk mhux permezz ta' referendum mal-UE kollha permezz ta' ratifika minn maġġoranza kkwalifikata ta' erba' Stati Membri minn kull ħamsa, wara li tkun kisbet l-approvazzjoni tal-Parlament;

83.  Jitlob li l-QĠE tikseb ġurisdizzjoni sħiħa fuq il-politiki kollha tal-UE dwar kwistjonijiet ta' natura legali, kif hu xieraq f'sistema demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri;

Il-proċess kostitwenti

84.  Jimpenja ruħu biex jaqdi rwol ewlieni f'dawn l-iżviluppi kostituzzjonali importanti, u jinsab determinat li jressaq il-proposti tiegħu stess għall-emenda tat-Trattat f'ħin opportun;

85.  Huwa tal-fehma li s-60 anniversarju tat-Trattat ta' Ruma jkun mument xieraq biex tibda riflessjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u jsir qbil dwar viżjoni għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri taċ-ċittadini Ewropej li jwasslu għal Konvenzjoni bl-għan li l-Unjoni Ewropea tkun tista' tiffaċċa d-deċennji li ġejjin;

o
o   o

86.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/5-presidents-report_mt.pdf
(2)ĠU C 436, 24.11.2016, p. 49.
(3)ĠU C 436, 24.11.2016, p. 47.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p.884.
(5)ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(6)http://ec.europa.eu/budget/mff/hlgor/library/reports-communication/hlgor-report_20170104.pdf
(7) Opinjoni tal-QĠE 2/13 tat-18 ta’ Diċembru 2014.
(8) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 57.
(9) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 176.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0378.
(11) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 185.
(12) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 109.
(13) ĠU C 436, 24.11.2016, p. 2.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0382.
(15) Testi adottati, P8_TA(2015)0395.
(16) Testi adottati, P8_TA(2016)0294.
(17) Testi adottati, P8_TA(2017)0049.
(18) Testi adottati, P8_TA(2017)0050.
(19) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(20) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(21) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 183.
(22) ĠU C 313, 22.9.2015, p. 9.
(23) ĠU C 62, 2.3.2013, p. 26.
(24) Ewrobarometru Standard 84 - Ħarifa 2015, u l-Ewrobarometru Speċjali tal-PE – Ġunju 2016.


It-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona
PDF 649kWORD 85k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona (2014/2249(INI))
P8_TA(2017)0049A8-0386/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-9 ta' Mejju 1950, li ddikjarat li l-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar irrappreżenta l-ewwel pass fil-federazzjoni tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta' Lisbona(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Parlament Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Settembru 2015(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Lulju 2015(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport lill-Kunsill Ewropew mill-Grupp ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-UE 2030,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ħames Presidenti (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Grupp tal-Euro, il-Parlament u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)) dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(6), u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar dak ir-rapport,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0386/2016),

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw sfidi kbar, li ebda Stat Membru ma jista' jindirizza waħdu;

B.   billi, minħabba l-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali fost affarijiet oħra, l-UE qed tiffaċċja wkoll diżillużjoni taċ-ċittadini tagħha dwar il-proġett Ewropew, kif jidher ukoll mil-livell dejjem baxx ta' votanti fl-elezzjonijiet Ewropej u l-qawmien ta' forzi politiċi Ewroxettiċi jew espliċitament kontra l-Ewropa;

C.  billi l-uniku mezz biex ikunu jistgħu jitwettqu ċerti proposti li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni u biex isaħħu l-integrazzjoni tagħha bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tagħha għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha huwa permezz ta' bidla fit-Trattat; billi għandha ssir dispożizzjoni għal approċċ f'żewġ stadji għar-riforma tal-UE (fi ħdan it-Trattati u lil hinn mit-Trattati); billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u l-protokolli tiegħu għadhom ma ġewx sfruttati fil-potenzjal kollu tagħhom, u din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan uniku li tipprovdi valutazzjoni tal-possibilitajiet ġuridiċi fit-Trattati għal titjib tal-funzjonament tal-UE;

D.  billi r-rwol dominanti tal-Kunsill Ewropew jikkostitwixxi ċaħda kontinwa tal-metodu Komunitarju bil-kunċett tiegħu tal-leġittimità doppja;

E.  billi l-metodu Komunitarju jrid jiġi ppreservat u mhux jiddgħajjef b'rikors għal deċiżjonijiet intergovernattivi, inkluż f'oqsma fejn mhux l-Istati Membri kollha jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni; billi r-rwol tal-Kummissjoni għandu jissaħħaħ sabiex tkun tista' taqdi l-funzjoni tagħha bħala l-magna tal-metodu Komunitarju b'mod sħiħ u effettiv;

F.  billi s-suq intern, li jiffaċilita l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital, huwa ġebla tax-xewka tal-UE;

G.  billi l-Parlament Ewropew, elett demokratikament permezz ta' vot dirett universali, u għalhekk fil-qalba tad-demokrazija fil-livell tal-Unjoni huwa l-parlament tal-Unjoni kollha, u għandu rwol essenzjali fl-iżgurar tal-leġittimità u tal-obbligu ta' rendikont tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluża r-responsabilità demokratika ta' azzjonijiet u deċiżjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro;

H.  billi skont l-Artikolu 10(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) il-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, u l-Kunsill jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Istati Membri permezz tal-gvernijiet nazzjonali;

I.  billi għandu jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, u għandhom jittejbu l-possibilitajiet prattiċi għall-użu tal-"karta safra" u "karta oranġjo";

J.  billi l-metodi ta' ħidma tal-Kunsill Ewropew għandhom isiru aktar trasparenti vis-à-vis il-Parlament u l-kompiti tiegħu għandhom jitwettqu fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

K.  billi sabiex tinħoloq sistema leġiżlattiva bikamerali ġenwina li tkun demokratika u trasparenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b'vot leġiżlattiv wieħed tal-Kunsill, filwaqt li l-konfigurazzjonijiet leġiżlattivi speċjalizzati eżistenti tal-Kunsill għandhom jinbidlu f'korpi preparatorji, simili għall-kumitati fil-Parlament;

L.  billi l-unità tar-responsabilità u l-kontroll hija prerekwiżit ewlieni għall-istabilità ta' kwalunkwe struttura istituzzjonali, u b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet ekonomiċi, fiskali u monetarji; billi l-politika ekonomika tal-UE hija mibnija fuq sjieda nazzjonali qawwija mill-Istati Membri, inkluż il-prinċipju tal-"ebda salvataġġ" tal-Artikolu 125 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); billi ż-żieda tas-setgħat konferiti lill-livell Ewropew timplika ftehim dwar it-tnaqqis tas-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri;

M.  billi l-UE għandha tippromwovi l-ogħla livell ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jrid jiġi żgurat li l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri jirrispettaw u jippromwovu dawk id-drittijiet u l-libertajiet;

N.  billi r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-eżekuttiv għandu jissaħħaħ fil-qasam tal-politika ekonomika u fiskali;

O.  billi l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro ma jispeċifikax li l-President tal-Grupp tal-Euro għandu jiġi elett minn fost il-membri tiegħu;

P.  billi għat-titjib tal-leġittimità politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika u tar-regoli fiskali, huwa fundamentali li l-President tal-Kummissjoni jintgħażel permezz ta' proċedura ċara u mifhuma sew fl-elezzjonijiet Ewropej;

Q.  billi t-Trattat ta' Lisbona afferma mill-ġdid il-qafas legali tal-Qorti tal-Awdituri biex din tippromwovi r-responsabilità pubblika u tassisti lill-Parlament u lill-Kunsill fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, u b'hekk tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini; billi l-Artikolu 318 TFUE tiegħu jipprevedi aktar djalogu bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u għandu jistimola kultura ta' prestazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE;

R.  billi l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, notevolment il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u, b'mod speċjali, il-Parlament Ewropew, għandhom, fil-ħidma tagħhom ta' kuljum, jimmonitorjaw ir-rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà vertikali u orizzontali fl-Unjoni Ewropea; billi l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu r-rwol tal-KtR u l-KESE fil-qafas leġiżlattiv, u l-importanza li jqisu l-opinjonijiet tagħhom;

S.  billi l-Artikolu 137 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 14 jistabbilixxu l-Grupp tal-Euro bħala korp informali;

T.  billi l-kompiti l-ġodda konferiti lill-Grupp tal-Euro permezz tar-regolamenti "Six-Pack" u "Two-Pack", flimkien mal-identità ta' dawk li jiffurmaw il-Grupp tal-Euro u l-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u l-identità tal-President tal-Grupp tal-Euro u l-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES, jagħtu lill-Grupp tal-Euro rwol de facto kruċjali fil-governanza ekonomika taż-żona tal-euro;

U.  billi l-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi mhijiex tintuża biżżejjed; billi jekk tintuża sal-massimu tal-kapaċità tagħha, tista' tgħin biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi ekonomiċi fi stadju bikri, tiġi pprovduta deskrizzjoni preċiża tas-sitwazzjoni f'kull Stat Membru u fl-Unjoni kollha kemm hi, jiġu evitati l-kriżijiet, u jsir kontribut għat-titjib tal-kompetittività; billi hemm bżonn ta' aktar konverġenza strutturali bejn il-membri, peress li din tgħin biex tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli u koeżjoni soċjali; billi, għalhekk, it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) hija meħtieġa b'mod urġenti, flimkien ma' sforzi sabiex l-istruttura istituzzjonali tagħha tkun aktar leġittima u demokratikament responsabbli;

V.  billi l-istruttura istituzzjonali tal-UEM għandha tkun magħmula aktar effikaċi u demokratika, bil-Parlament u l-Kunsill jaġixxu bħala koleġiżlaturi ugwali, il-Kummissjoni tissodisfa r-rwol tal-eżekuttiv, il-parlamenti nazzjonali jiskrutinizzaw l-azzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali aħjar fil-livell Ewropew, il-Parlament Ewropew jiskrutinizza t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, u permezz ta' rwol imsaħħaħ tal-Qorti tal-Ġustizzja;

W.  billi l-Unjoni teħtieġ applikazzjoni xierqa u infurzar tal-qafas attwali tal-politika ekonomika eżistenti, kif ukoll dispożizzjonijiet ġuridiċi ġodda dwar il-politika ekonomika u riformi strutturali kruċjali fl-oqsma tal-kompetittività, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali;

X.  billi l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jiġi ssimplifikat u jsir aktar iffokat u demokratiku, permezz ta' tisħiħ tar-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fuqu u b'investiment fih bi rwol aktar sostanzjali fid-diversi ċikli tan-negozjati;

Y.  billi t-TFUE poġġa lill-Parlament fl-istess livell tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċedura annwali tal-baġit; billi t-Trattat ta' Lisbona huwa biss implimentat parzjalment fil-baġit minħabba b'mod partikolari l-assenza ta' riżorsi proprji veri;

Z.  billi l-użu tal-baġit tal-Unjoni għandu jkun aktar issimplifikat, id-dħul tiegħu għandu joriġina minn riżorsi proprji ġenwini u mhux b'mod predominanti minn kontribuzzjonijiet ta' Dħul Nazzjonali Gross (DNG), filwaqt li l-proċedura għall-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tista', taħt it-Trattati, tinbidel minn votazzjoni ta' unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata;

AA.  billi, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-Regolament Finanzjarju), il-prinċipju tal-universalità tal-baġit ma jipprekludix grupp ta' Stati Membri milli jassenjaw kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit tal-UE jew dħul speċifiku għal partita speċifika tan-nefqa, kif qed jiġri diġà, pereżempju, fil-każ tar-reattur ta' fluss għoli skont id-Deċiżjoni 2012/709/Euratom;

AB.  billi d-dħul assenjat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Finanzjarju skont il-premessa 8 tar-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (UE, Euratom) Nru 1311/2013, mhuwiex parti mill-QFP u bħala tali ma jaqax taħt il-limiti massimi tal-QFP;

AC.  billi s-sistema ta' riżorsi proprji ma tipprojbixxix riżorsi proprji ffinanzjati biss minn grupp ta' Stati Membri;

AD.  billi l-Unjoni għandha tiġi mogħnija b'kapaċità ta' investiment akbar permezz tal-iżgurar ta' użu ottimu tal-Fondi Strutturali eżistenti u billi jintuża l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll billi jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

AE.  billi l-istabbiliment ta' kapaċità fiskali fiż-żona tal-euro u l-qafas, il-finanzjament, il-modi ta' intervent u l-kundizzjonijiet ta' integrazzjoni tagħha fil-baġit tal-Unjoni qed jiġu kkunsidrati;

AF.  billi l-potenzjal tat-tkabbir tas-suq intern għandu jiġi sfruttat aktar fl-oqsma tas-servizzi, tas-Suq Uniku Diġitali, tal-Unjoni tal-Enerġija, tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

AG.  billi, skont it-Trattati, l-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

AH.  billi t-tisħiħ tas-suq uniku għandu jkun akkumpanjat minn koordinazzjoni tat-tassazzjoni mtejba;

AI.  billi d-dritt ta' moviment liberu u d-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu garantiti u sostnuti billi jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona;

AJ.  billi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista' jadotta l-miżuri meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema li jeżerċitaw id-drittijiet ta' moviment liberu tagħhom fl-ambitu tal-Artikolu 48 tat-TFUE; billi hu jista' jadotta miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema indipendentement mill-użu tad-drittijiet ta' moviment liberu fl-ambitu tal-Artikolu 153 tat-TFUE;

AK.  billi abbażi tal-Artikolu 153(1)(a) sa (i) tat-TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista' jadotta miżuri ta' armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-politika soċjali; billi tali leġiżlazzjoni ma tistax taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom; billi tali leġiżlazzjoni ma tistax taffettwa b'mod sinifikanti l-bilanċ finanzjarju tas-sistemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali; billi dawn il-limiti għal armonizzazzjoni tal-politika soċjali għadhom jagħtu xi marġini mhux użati lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jadotta miżuri fil-qasam tal-politika soċjali;

AL.  billi l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, kif stabbilit fl-Artikolu 157 tat-TFUE, għadu ma twettaqx;

AM.  billi hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, u għalhekk hemm bżonn ta' titjib sabiex tkun tista' tiffunzjona b'mod effettiv u tkun verament strument għad-demokrazija parteċipattiva u ċ-ċittadinanza attiva;

AN.  billi l-libertà ta' moviment, b'mod partikolari dik tal-ħaddiema, hija dritt minqux fit-Trattati (Artikolu 45 tat-TFUE) u jikkostitwixxi mutur fundamentali għat-tlestija tas-suq uniku;

AO.  billi jeħtieġ li l-Unjoni żżid l-effikaċja, il-koerenza u l-obbligu ta' rendikont tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), u dan jista' jsir billi jintużaw id-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat sabiex issir il-bidla mill-unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (VMK) għal aktar u aktar oqsma ta' politiki esterni, kif ukoll billi jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet għal flessibilità u kooperazzjoni msaħħa, meta jkun hemm bżonn;

AP.  billi l-isfidi riċenti għas-sigurtà, uħud minnhom fil-viċinanza immedjata tal-fruntieri tal-UE, urew il-ħtieġa li nimxu b'mod progressiv lejn l-istabbiliment ta' politika ta' difiża komuni u, eventwalment difiża komuni; billi t-Trattat diġà fih dispożizzjonijiet ċari dwar kif dan jista' jsir, b'mod partikolari fl-Artikoli 41, 42, 44 u 46 tat-TUE;

AQ.  billi r-rappreżentanza esterna għandha tiġi żgurata fl-interess tal-Unjoni fejn huma kkonċernati kompetenzi esklussivi tal-Unjoni u l-kompetenzi komuni tal-Unjoni li diġà ġew eżerċitati mill-Unjoni; billi f'oqsma fejn l-Unjoni għadha ma użatx il-kompetenza kondiviża tagħha, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jikkooperaw b'mod sinċier u biex jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista' timmina l-interessi tal-Unjoni;

AR.  billi hemm il-ħtieġa ta' pożizzjoni kkoordinata u strutturata tal-Unjoni u tal-Istati Membri f'organizzazzjonijiet internazzjonali u fora internazzjonali sabiex tissaħħaħ l-influwenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha f'dawk l-organizzazzjonijiet u l-fora;

AS.  billi d-dħul tal-Unjoni jew tal-Istati Membri f'obbligi internazzjonali ma jistax inaqqas ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew għal sempliċi approvazzjoni awtomatika;

AT.  billi l-kriżi tar-rifuġjati esponiet il-ħtieġa għal politika komuni dwar l-asil u l-immigrazzjoni, li għandha tipprevedi wkoll distribuzzjoni ġusta tal-persuni li qegħdin ifittxu l-asil madwar l-UE;

AU.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni, bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin (politiku jew ieħor), l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tas-sessi, għadha problema f'kull Stat Membru;

AV.  billi l-kriżijiet reċenti wrew li l-approssimazzjoni ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi mhijiex biżżejjed biex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern jew taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja minħabba differenzi fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi armonizzati;

AW.  billi l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jikkonferixxi setgħat diskrezzjonali lill-aġenziji tal-Unjoni li jeħtieġu għażliet politiċi;

AX.  billi l-leġislatur tal-Unjoni jeħtieġlu jiżgura li jkun hemm biżżejjed kontroll politiku fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet tal-aġenziji tal-Unjoni;

AY.  billi l-fatt li l-Istati Membri jonqsu milli jikkonformaw mal-ftehimiet adottati fis-summits Ewropej u fil-Kunsilli Ewropej ixekkel serjament il-kredibilità tal-istituzzjonijiet Ewropej, u għalhekk għandha tiġi garantita b'mod iktar effettiv l-implimentazzjoni tagħhom;

1.  Jinnota li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw sfidi bla preċedenti, bħall-kriżi tar-rifuġjati, l-isfidi tal-politika barranija fil-viċinat immedjat u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll il-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-iżviluppi demografiċi, il-qgħad, il-kawżi u l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u tad-dejn, in-nuqqas ta' kompetittività u l-konsegwenzi soċjali f'bosta Stati Membri, flimkien mal-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq intern tal-UE, li kollha jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod iktar adegwat;

2.  Jissottolinja li dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod adegwat mill-Istati Membri individwalment, iżda jeħtieġu reazzjoni kollettiva min-naħa tal-Unjoni, ibbażata fuq ir-rispett għall-prinċipju ta' governanza fuq livelli differenti;

3.  Ifakkar li s-suq intern, li jiffaċilita l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa ġebla tax-xewka tal-UE; ifakkar ukoll li l-eċċezzjonijiet għas-suq intern joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u jeqirdu l-ambjent ekwu;

4.  Jenfasizza li l-Unjoni għandha ġġib lura l-fiduċja mitlufa taċ-ċittadini tagħha billi ssaħħaħ it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi informali tagħha (bħall-Grupp tal-Euro), billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, kif ukoll billi ttejjeb il-kapaċità tagħha li taġixxi;

5.  Jirrimarka li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat ta' Lisbona ġew sfruttati fil-potenzjal sħiħ tagħhom s'issa, minkejja li dawn fihom xi għodod neċessarji li setgħu ġew applikati sabiex jipprevjenu wħud mill-kriżijiet li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni, jew jistgħu jintużaw sabiex din tlaħħaq mal-isfidi attwali mingħajr ma jkollha bżonn tibda reviżjoni tat-Trattat fi żmien qasir;

6.  Jenfasizza li l-metodu Komunitarju huwa l-aktar metodu adatt għall-funzjonament tal-Unjoni u għandu għadd ta' vantaġġi fuq il-metodu intergovernattiv, minħabba li huwa l-uniku wieħed li jippermetti iktar trasparenza, effiċjenza, VMK fil-Kunsill u d-dritt ugwali ta' koleġiżlazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif ukoll il-prevenzjoni ta' frammentazzjoni tar-responsabilitajiet istituzzjonali u l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet kompetituri;

7.  Huwa tal-opinjoni li s-soluzzjonijiet intergovernattivi għandhom ikunu biss strument ultima ratio, soġġett għal kundizzjonijiet stretti, b'mod partikolari r-rispett għad-dritt tal-Unjoni, l-objettiv tal-approfondiment tal-integrazzjoni Ewropea, u r-rieda ta' aċċess għall-adeżjoni minn Stati Membri mhux parteċipanti, u jemmen li dawn għandhom jiġu sostitwiti bi proċeduri tal-Unjoni mill-iktar fis possibbli, anki f'oqsma fejn mhux l-Istati Membri kollha jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, sabiex l-Unjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha fi ħdan qafas istituzzjonali uniku; jopponi f'dan il-kuntest il-ħolqien ta' istituzzjonijiet ġodda barra mill-qafas tal-Unjoni, u jkompli jistinka biex l-MES jiġi inkorporat fid-dritt tal-Unjoni dment li jkun hemm responsabbiltà demokratika xierqa, kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Patt Fiskali, kif maħsub fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) innifsu, abbażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tiegħu; jinsisti li t-teħid tad-deċiżjonijiet u l-obbligazzjonijiet fiskali ma jridux ikunu separati minn xulxin;

8.  Jenfasizza li l-Parlament Ewropew elett direttament għandu rwol essenzjali sabiex jiżgura l-leġittimità tal-Unjoni, u jagħmel is-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni responsabbli vis-à-vis iċ-ċittadini billi jiġi żgurat skrutinju parlamentari xieraq fuq l-eżekuttiv fil-livell tal-Unjoni u permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni leġiżlattiva, li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha għandu jiġi estiż;

9.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew huwa l-parlament tal-Unjoni kollha kemm hi, u jqis li trid tiġi żgurata responsabilità demokratika xierqa anki fl-oqsma fejn ma jipparteċipawx l-Istati Membri kollha, inklużi azzjonijiet u deċiżjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro;

10.  Huwa tal-fehma li d-djalogu politiku bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandu jiġi intensifikat u jsir aktar sinifikanti u sostanzjali, mingħajr ma jinqabżu żżejjed il-limiti tal-kompetenzi kostituzzjonali rispettivi tagħhom; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-parlamenti nazzjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jagħtu mandat u jiskrutinizzaw, fil-livell nazzjonali, l-azzjoni tal-gvernijiet rispettivi tagħhom fl-affarijiet Ewropej, filwaqt li l-Parlament Ewropew għandu jiggarantixxi r-responsabilità demokratika u l-leġittimità tal-eżekuttiv Ewropew;

11.  Iqis li huwa essenzjali li jissaħħu t-trasparenza u l-ftuħ istituzzjonali fl-UE, kif ukoll il-mod li bih jiġi kkomunikat it-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi fl-UE; jinsisti li għandhom jiżdiedu l-isforzi bil-ħsieb tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u tad-Direttiva 93/109/KE, dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li ma jkunux ċittadini tiegħu;

12.  Ifakkar li huwa possibbli li jissaħħaħ id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) permezz tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi reviżjoni tar-Regolament dwar l-ECI;

13.  Iqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tirriforma l-ECI bħala għodda li tiffunzjona għall-involviment demokratiku, filwaqt li jitqies ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015(8), u jistieden lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn, biex tqajjem kuxjenza pubblika u tagħti prominenza lill-ECI; tagħmel is-softwer tagħha għall-ġbir tal-firem online aktar faċli għall-utent, filwaqt li tagħmlu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità; tipprovdi gwida legali u prattika xierqa u komprensiva; tikkunsidra li twaqqaf uffiċċju dedikat tal-ECI fir-rappreżentanzi tagħha f'kull Stat Membru; tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut ta' ECI, u tesplora modi kif tirreferi l-proposti magħmula fl-inizjattivi li jaf jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni lil awtoritajiet iktar xierqa;

14.  Huwa tal-fehma li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu rwol integrali fil-bini taċ-ċittadinanza Ewropea u għaldaqstant jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra kif jista' jsir aktar faċli għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw;

Il-qafas istituzzjonali, id-demokrazija u r-responsabilità

Il-Parlamenti

15.  Jinsisti li s-setgħat leġiżlattivi u d-drittijiet ta' kontroll tal-Parlament għandhom jiġu ggarantiti, ikkonsolidati u msaħħa, inkluż permezz ta' ftehimiet interistituzzjonali u bl-użu tal-bażi ġuridika korrispondenti mill-Kummissjoni;

16.  Iqis li huwa neċessarju li l-Parlament Ewropew jirriforma l-metodi ta' ħidma tiegħu sabiex ikun jista' jlaħħaq mal-isfidi li ġejjin, billi jsaħħaħ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll politiku fuq il-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-acquis fl-Istati Membri, billi jillimita l-ftehimiet fl-ewwel qari għall-każijiet eċċezzjonali ta' urġenza u meta tkun ittieħdet deċiżjoni kkunsidrata u espliċita, u, f'dawn il-każijiet, itejjeb it-trasparenza tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta' ftehimiet bħal dawn; ifakkar ukoll, f'dan il-kuntest, il-proposti tal-Parlament biex jarmonizza aktar il-proċedura elettorali tiegħu, elenkati fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea(9);

17.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jagħmel aktar użu minn rapporti ta' inizjattiva leġiżlattiva skont l-Artikolu 225 tat-TFUE;

18.  Hu tal-fehma li l-Parlament għandu joħloq reġistru tad-dħul fis-sede tiegħu fid-delegazzjonijiet kollha fl-Istati Membri, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu d-dokumenti personalment, biċ-ċertifikazzjoni tal-kontenut;

19.  Huwa tal-fehma li għandu jiġi introdott Ġurnal Uffiċjali tal-Parlament Ewropew elettroniku biex jawtentika r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti kollha approvati minnu;

20.  Jinkoraġġixxi djalogu politiku mal-parlamenti nazzjonali dwar il-kontenut tal-proposti leġiżlattivi, meta jkun rilevanti; jenfasizza, madankollu, li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu fil-livell tal-kompetenzi kostituzzjonali u li hemm delineazzjoni ċara tal-kompetenzi rispettivi ta' teħid tad-deċiżjonijiet tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, fejn tal-ewwel iridu jeżerċitaw il-funzjoni Ewropea tagħhom fuq il-bażi tal-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-kontroll tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom bħala membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, peress li dan huwa l-livell fejn huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jinfluwenzaw direttament il-kontenut tal-proċess leġiżlattiv Ewropew u jeżerċitaw skrutinju fuqu; huwa għalhekk kontra l-ħolqien ta' korpi parlamentari konġunti ġodda b'setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

21.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali f'korpi konġunti bħall-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej (COSAC) tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea u l-Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK-KIP) u fil-qafas tal-Artikolu 13 tat-TSKG fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, abbażi tal-prinċipji ta' kunsens, kondiviżjoni tal-informazzjoni u konsultazzjoni, sabiex ikun jista' jiġi eżerċitat kontroll fuq l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jipparteċipaw f'livell politiku għoli fil-laqgħat interparlamentari; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumitati tal-Parlament Ewropew u l-ekwivalenti nazzjonali tagħhom fi ħdan dawn il-korpi konġunti, billi jissaħħu l-koerenza, it-trasparenza u l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni;

22.  Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aqwa prassi fl-iskrutinju parlamentari bejn il-parlamenti nazzjonali, bħall-organizzazzjoni ta' dibattiti regolari bejn il-ministri rispettivi u l-kumitati speċjalizzati fil-parlamenti nazzjonali qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill, u mal-Kummissarji f'qafas ta' żmien xieraq, kif ukoll laqgħat mal-parlamenti nazzjonali għal skambji mal-Membri tal-Parlament Ewropew; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' skambji ta' uffiċjali tal-istituzzjonijiet u tal-gruppi politiċi bejn l-amministrazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

23.  Hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi evitat kwalunkwe regolamentazzjoni żejda tal-leġiżlazzjoni tal-UE min-naħa tal-Istati Membri, u li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu f'dan ir-rigward;

Il-Kunsill Ewropew

24.  Jiddispjaċih li billi l-Kunsill ma jużax VMK, spiss wisq irrefera kwistjonijiet leġislattivi lill-Kunsill Ewropew; iqis li l-prattika tal-Kunsill Ewropew li jagħti l-kompitu lill-Kunsill tmur lil hinn mir-rwol fil-linji gwida strateġiċi li ġie attribwit lilu mit-Trattati, u għalhekk tmur kontra t-test u l-ispirtu tat-Trattati, kif ġie spjegat fl-Artikolu 15(1) tat-TUE, li jistipula li l-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-Unjoni iżda m'għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; iqis li huwa meħtieġ li jitjiebu r-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament;

25.  Ifakkar li l-President tal-Kummissjoni se jiġi elett mill-Parlament Ewropew, fuq proposta tal-Kunsill Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, u li għaldaqstant, kif kien il-każ fl-2014, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jippreżentaw kandidati ewlenin sabiex jagħtu lill-poplu għażla lil min jiġi elett bħala President tal-Kummissjoni; jilqa' l-proposta tal-President tal-Kummissjoni li jiġi emendat il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-Kummissarji bħala kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

26.  Ifakkar, barra minn hekk, li, għalkemm mhuwiex fl-interess tal-Parlament Ewropew, huwa possibbli li l-funzjoni ta' President tal-Kunsill Ewropew tingħaqad ma' dik ta' President tal-Kummissjoni;

27.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew sabiex jagħmel użu mill-'klawżola passerelle' (l-Artikolu 48(7) tat-TUE) li tawtorizza lill-Kunsill biex juża l-VMK minflok l-unanimità f'każijiet applikabbli fejn it-Trattati attwalment jirrikjedu l-unanimità;

28.  Jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew biex jinforma lill-Konferenza tal-Presidenti minn qabel bl-opinjonijiet li hu għandu l-ħsieb li jesprimi fid-diskors tiegħu lill-Kunsill Ewropew;

Il-Kunsill

29.  Jipproponi li l-Kunsill jiġi ttrasformat f'kamra verament leġiżlattiva billi jitnaqqas l-għadd ta' konfigurazzjonijiet tal-Kunsill permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, sabiex b'hekk tinħoloq sistema leġiżlattiva ġenwinament bikamerali li tinvolvi lill-Kunsill u lill-Parlament, bil-Kummissjoni taġixxi bħala l-entità eżekuttiva; jissuġġerixxi l-involviment tal-konfigurazzjonijiet leġiżlattivi speċjalizzati tal-Kunsill attivi attwalment bħala korpi preparatorji għal laqgħa leġiżlattiva waħda tal-Kunsill fil-pubbliku, simili għall-funzjonament tal-kumitati fil-Parlament Ewropew;

30.  Jinsisti fuq l-importanza tal-garanzija tat-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi tal-Kunsill b'mod ġenerali, kif ukoll tat-titjib tal-iskambju ta' dokumenti u informazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill u l-aċċess tar-rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-korpi tiegħu, b'mod partikolari f'każijiet ta' leġiżlazzjoni;

31.  Jemmen li huwa possibbli li jkun hemm fużjoni tal-pożizzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, u f'dan il-każ, jipproponi li l-President tal-Kummissjoni jaħtar lil dan il-Kummissarju bħala Viċi President tal-Kummissjoni; iqis li dan il-Kummissarju jista', ġaladarba jiġu stabbiliti kapaċità fiskali u Fond Monetarju Ewropew, jingħata l-mezzi u l-kapaċitajiet kollha meħtieġa biex japplika u jinforza l-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti, u biex jottimizza l-iżvilupp taż-żona tal-euro b'kooperazzjoni mal-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, kif dettaljat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2017 dwar kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(10);

32.  Jitlob li, fi ħdan il-qafas attwali tat-Trattat, il-President u l-membri tal-Grupp tal-Euro jiġu soġġetti għal mekkaniżmi xierqa ta' responsabilità demokratika lejn il-Parlament Ewropew, partikolarment li l-President tiegħu jwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari; jitlob għall-adozzjoni ta' regoli ta' proċedura interni u l-pubblikazzjoni tar-riżultati;

33.  Jitlob sabiex il-Kunsill jaqleb kompletament għal VMK kull meta jkun possibbli skont it-Trattati, u li jabbanduna l-prattika li jittrasferixxi l-oqsma leġiżlattivi kontenzjużi lill-Kunsill Ewropew, minħabba li din tmur kontra t-test u l-ispirtu tat-Trattat, li jistipula li l-Kunsill Ewropew jista' jiddeċiedi unanimament biss, u għandu jagħmel dan biss fuq miri politiċi wiesgħa, mhux fuq il-leġiżlazzjoni;

34.  Huwa determinat li jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kooperazzjoni mtejba billi jimpenja ruħu li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal kwalunkwe proposta ġdida ta' kooperazzjoni mtejba sakemm l-Istati Membri parteċipanti ma jkunux impenjaw ruħhom li jattivaw il-'klawżola passerelle' speċjali minquxa fl-Artikolu 333 tat-TFUE biex jaqilbu mill-unanimità għall-VMK, u minn proċedura leġiżlattiva speċjali għal waħda ordinarja;

35.  Jenfasizza l-importanza li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa kif stabbilita fl-Artikolu 20 tat-TUE, speċjalment fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, sabiex dawk l-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi tal-Unjoni jistgħu, permezz ta' dan il-mekkaniżmu, jippromwovu l-ksib tal-objettivi tal-Unjoni u jsaħħu l-proċess ta' integrazzjoni tagħhom soġġett għal-limiti u skont l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikoli 326 sa 334 tat-TFUE;

Il-Kummissjoni

36.  Huwa determinat li jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni billi jirrinforza l-konsultazzjonijiet formali tal-gruppi politiċi tiegħu mal-President tal-Kunsill Ewropew, kif previst fid-Dikjarazzjoni 11 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona, sabiex ikun żgurat li l-Kunsill Ewropew jieħu kont sħiħ tar-riżultati tal-elezzjoni meta jiġi ppreżentat kandidat sabiex jiġi elett mill-Parlament, kif kien il-każ fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014;

37.  Itenni l-ħtieġa li l-proposti kollha tal-Kummissjoni jkunu ġġustifikati bis-sħiħ u akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt dettaljata, inkluża valutazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

38.  Huwa tal-fehma li l-indipendenza tal-President tal-Kummissjoni tista' tiżdied kieku kull Stat Membru kellu jaħtar mill-inqas tliet kandidati taż-żewġ sessi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-President elett tal-Kummissjoni bl-għan li jikkostitwixxu l-Kummissjoni tiegħu jew tagħha;

39.  Jinsisti fuq l-iżgurar ta' koordinazzjoni u, fejn possibbli, rappreżentanza mtejba tal-UE/taż-żona tal-euro fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u jindika li l-Artikolu 138(2) tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika għall-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw rappreżentanza unifikata tal-UE/taż-żona tal-euro fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-konferenzi internazzjonali;

40.  Jappella għat-twaqqif ta' "djalogu" formali u regolari, li għandu jiġi organizzat fil-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni;

41.  Ifakkar li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament u l-Kunsill jeħtiġilhom, kull wieħed fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, jgħinu biex jiġu żgurati applikazzjoni u implimentazzjoni ħafna aħjar tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

Il-Qorti tal-Awdituri

42.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jiġi żgurat infiq aħjar u aktar intelliġenti tal-fondi Ewropej; ifakkar li minbarra d-dmir importanti tagħha li tipprovdi informazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f'pożizzjoni preminenti biex tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni li għandu bżonn biex iwettaq il-kompitu tiegħu u l-mandat ta' skrutinju demokratiku tal-baġit Ewropew, u biex joffri informazzjoni dwar ir-riżultati u l-eżiti miksuba mill-attivitajiet u l-politiki ffinanzjati mill-Unjoni, bl-għan li tittejjeb l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tagħhom; jirrakkomanda, għalhekk, li tissaħħaħ il-Qorti tal-Awdituri; jistenna li l-Qorti tibqa' impenjata lejn l-indipendenza, l-integrità, l-imparzjalità u l-professjonalità, filwaqt li tibni relazzjonijiet professjonali b'saħħithom mal-partijiet interessati tagħha;

43.  Iqis li n-nuqqas ta' kooperazzjoni sostnuta mill-Kunsill jagħmilha impossibbli għall-Parlament li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza, u li sussegwentement, dan iħalli effett negattiv fit-tul fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE u dwar it-trasparenza fl-użu tal-fondi tal-UE; jemmen li dan in-nuqqas ta' kooperazzjoni għandu wkoll impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u jiskredita l-proċedura ta' skrutinju politiku tal-ġestjoni tal-baġit stabbilita fit-Trattati;

44.  Jenfasizza li l-kompożizzjoni tal-Qorti u l-proċedura tal-ħatra tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE; iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandhom ikunu fuq l-istess livell meta jaħtru l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jiġu żgurati l-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-indipendenza sħiħa tal-Membri tagħha; jitlob lill-Kunsill jirrispetta d-deċiżjonijiet meħuda mill-Parlament wara s-smigħ tal-kandidati nnominati bħala Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

45.  Jitlob lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex itejbu l-modalitajiet ta' kooperazzjoni mal-KtR u l-KESE, inkluż fl-istadju preleġiżlattiv waqt it-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt, sabiex jiġi żgurat li l-fehmiet u l-valutazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati matul il-proċess leġiżlattiv;

L-Aġenziji

46.  Jenfasizza li kwalunkwe għoti ta' setgħat ta' implimentazzjoni lil aġenziji tal-Unjoni jirrikjedi grad suffiċjenti ta' kontroll fuq id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tal-aġenziji tal-Unjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni; ifakkar li superviżjoni effettiva tkopri, inter alia, il-ħatra u t-tkeċċija tal-persunal maniġerjali tal-aġenzija tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni fil-bord ta' superviżjoni tal-aġenzija tal-Unjoni, id-drittijiet ta' veto fir-rigward ta' ċerti deċiżjonijiet tal-aġenzija tal-Unjoni, l-obbligi ta' informazzjoni u r-regoli ta' trasparenza, u d-drittijiet baġitarji fir-rigward tal-baġit tal-aġenzija tal-Unjoni;

47.  Iqis l-adozzjoni ta' regolament qafas għall-aġenziji tal-Unjoni li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta' implimentazzjoni li jkopri l-mekkaniżmu ta' kontroll politiku meħtieġ mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li jinkludi, fost l-oħrajn, id-dritt tal-Parlament Ewropew li jaħtar u jkeċċi l-persunal maniġerjali tal-aġenzija tal-Unjoni, li jipparteċipa fil-bord ta' superviżjoni tal-aġenzija tal-Unjoni, id-drittijiet ta' veto tal-Parlament Ewropew fir-rigward ta' ċerti deċiżjonijiet tal-aġenzija tal-Unjoni, l-obbligi ta' informazzjoni u trasparenza tar-regoli u d-drittijiet baġitarji tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-baġit tal-aġenzija tal-Unjoni;

Rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

48.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE, li jorbot lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni, kif ukoll tal-istrumenti inklużi f’Protokoll Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-rwoli rispettivi assenjati lill-parlamenti nazzjonali u l-KtR; jissuġġerixxi flessibilità fir-rigward tad-data ta' trażmissjoni ta' abbozzi ta' atti leġiżlattivi minquxa fil-Protokoll, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-kwalità tar-reazzjonijiet tagħha għal opinjonijiet motivati;

49.  Ifakkar lill-parlamenti nazzjonali dwar ir-rwol ewlieni tagħhom fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jirrimarka li l-possibilitajiet formali għall-parlamenti nazzjonali li jiggarantixxu l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità joffru ħafna opportunitajiet f'dan ir-rigward, iżda li l-kooperazzjoni prattika bejn il-parlamenti nazzjonali jeħtieġ li tissaħħaħ, inter alia bl-għan li huma jkunu jistgħu, b'kooperazzjoni mill-qrib bejniethom, jilħqu l-kworum neċessarju skont l-Artikolu 7(3) ta’ Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità f'każ ta' allegazzjoni ta' ksur;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-Artikolu 9 tat-TFUE biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi soċjali ta' miżuri legali u ta' politika tal-UE jkunu kkunsidrati;

Estensjoni u approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

51.  Ifakkar li l-iżvilupp ulterjuri tal-UEM irid ikun ibbażat fuq l-leġiżlazzjoni eżistenti u l-implimentazzjoni tagħha, u jibni fuqhom, u jrid ikun marbut ma' approfondiment tad-dimensjoni soċjali;

52.  Jappella għal aktar riformi istituzzjonali sabiex jagħmlu l-UEM aktar effettiva u demokratika u b'kapaċitajiet imtejba biex tiġi integrata fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala l-entità eżekuttiva u l-Parlament u l-Kunsill jaġixxu bħala koleġiżlaturi;

Att legali ġdid dwar il-politika ekonomika

53.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta' governanza b'diversi livelli fl-Unjoni Ewropea(11), li ħolqot l-idea ta' Kodiċi ta' Konverġenza adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bl-għan li jinħoloq qafas aktar effettiv għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (b'għadd ta' kriterji ta' konverġenza, li għandhom jiġu determinati), miftuħ għall-Istati Membri kollha u appoġġjat minn mekkaniżmu bbażat fuq l-inċentivi;

54.  Jemmen li għandu jiġi stabbilit għadd limitat ta' oqsma kruċjali għal riformi strutturali li jżidu l-kompetittività, il-potenzjal tat-tkabbir, il-konverġenza ekonomika reali u l-koeżjoni soċjali fuq perjodu ta' ħames snin bil-għan li tissaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew, kif spjegat fl-Artikolu 3(3) tat-TUE;

55.  Jenfasizza l-importanza ta' diviżjoni ċara tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, u l-ħtieġa li l-Istati Membri jżidu s-sjieda tagħhom tal-programmi ta' implimentazzjoni u r-rwol tal-parlamenti nazzjonali fihom;

56.  Jappella għal użu aħjar tal-istrumenti disponibbli flimkien mal-Artikolu 136 tat-TFUE sabiex jiġu ffaċilitati l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ġodda fiż-żona tal-euro;

Proċess ta' Semestru Ewropew issimplifikat, aktar iffokat u aktar demokratiku

57.  Jirrimarka l-ħtieġa għal inqas Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSR), li għandhom ikunu aktar immirati, abbażi tal-qafas ta' politika stabbilit fil-Kodiċi ta' Konverġenza u fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) u abbażi tal-proposti konkreti ppreżentati minn kull Stat Membru, skont l-għanijiet ewlenin ta' riforma rispettivi tagħhom, minn firxa wiesgħa ta' riformi strutturali, li jrawmu l-kompetittività, il-konverġenza ekonomika reali u l-koeżjoni soċjali;

58.  Jenfasizza l-importanza tax-xejriet demografiċi għas-Semestru Ewropew, u jitlob li dan l-indikatur jingħata iktar importanza;

59.  Ifakkar li mekkaniżmi tad-djalogu ekonomiku li diġà jeżistu, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien tad-"djalogu ekonomiku" fil-qafas tal-leġiżlazzjoni "6-pack" u "-pack"; iqis li din hi għodda effettiva biex il-Parlament ikun jista' jingħata rwol aktar sostanzjali fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Euro, u jipproponi l-formalizzazzjoni tar-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fis-Semestru Ewropew permezz ta' ftehim interistituzzjonali (FII), bħalma talab il-Parlament f'diversi okkażjonijiet; barra minn hekk, jilqa' u jinkoraġġixxi l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fil-livell nazzjonali u l-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-governanza ekonomika b'mod aktar ġenerali, pereżempju permezz tal-"Ġimgħa Parlamentari Ewropea" u l-"Konferenza dwar l-Artikolu 13"; iqis, barra minn hekk, li jista' jittejjeb l-involviment ta' sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

60.  Jitlob li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Patt Fiskali jiġu integrati fil-qafas ġuridiku tal-UE, abbażi ta' valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tiegħu u sal-limitu li għadu mhux kopert minn leġiżlazzjoni sekondarja eżistenti;

Ir-rwol tal-baġit tal-UE fl-UEM

61.  Jirrimarka dwar il-possibilità tal-bidla mill-unanimità għal VMK għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-QFP, bl-użu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 312(2) tat-TFUE meta jiġi adottat ir-Regolament tal-QFP li jmiss; jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita rabta bejn it-tul tat-terminu leġiżlattiv tal-Parlament, il-mandat tal-Kummissjoni u t-tul tal-QFP, li jista' jitnaqqas għal ħames snin skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 312(1) tat-TFUE; jitlob li l-QFP futuri jiġu allinjati mal-mandat parlamentari li jmiss; jistieden lill-Kunsill jissottoskrivi dan ir-rekwiżit demokratiku;

62.  Jilqa' r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jixtieq jerġa' lura għat-test u l-ispirtu tat-Trattati u jibdel is-sistema attwali bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet mill-ING għal waħda bbażata fuq ir-riżorsi proprji reali għall-UE u, eventwalment, baġit taż-żona tal-euro, li għalihom teżisti firxa sħiħa ta' ideat;

63.  Ifakkar li skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, l-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u l-Euratom għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju;

Kapaċità akbar tal-UE għall-investiment

64.  Jappella għal użu aħjar tal-Fondi Strutturali eżistenti fid-direzzjoni tat-trawwim tal-kompetittività u l-koeżjoni tal-UE, u għal żieda fil-kapaċità ta' investiment tal-UE permezz tal-isfruttar ta' approċċi innovattivi bħal, pereżempju, il-FEIS, li jinkludi faċilitajiet speċifiċi għall-finanzjament u l-garanzija ta' proġetti infrastrutturali fl-interess tal-Unjoni;

65.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas "6-pack" u "2-pack" u s-Semestru Ewropew u dwar il-ħtieġa b'mod partikolari li jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi u li jiġi żgurat kontroll fit-tul fuq id-defiċit u l-livelli ta' dejn li għadhom għoljin ħafna permezz ta' konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir u permezz ta' titjib fl-effiċjenza tal-infiq, bil-prijoritizzazzjoni tal-investimenti produttivi, bl-għoti ta' inċentivi għal riformi strutturali sostenibbli u ġusti, u filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet taċ-ċiklu kummerċjali;

It-twaqqif ta' kapaċità fiskali fiż-żona tal-euro permezz ta' parti mill-baġit tal-UE

66.  Ifakkar li l-euro hija l-munita tal-Unjoni u li l-baġit tal-UE huwa maħsub biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE, u biex jiġu ffinanzjati l-politiki komuni, jiġu megħjuna r-reġjuni dgħajfa billi jiġi applikat il-prinċipju ta' solidarjetà, jitlesta s-suq intern, jiġu promossi s-sinerġiji Ewropej, issir reazzjoni għall-isfidi preżenti u futuri li jitolbu approċċ pan-Ewropew, kif ukoll li dawn jikkontribwixxu għall-għajnuna lill-Istati Membri inqas żviluppati biex ilaħħqu mal-bqija u jkunu jistgħu jissieħbu fiż-żona tal-euro;

67.  Jieħu nota tad-diversi proposti għall-istabbiliment ta' kapaċità baġitarja fiż-żona tal-euro; jindika li dawn il-proposti jassenjaw funzjonijiet differenti għal tali kapaċità u jista' jkollhom disinji differenti; ifakkar li l-Parlament insista li din il-kapaċità għandha tiġi żviluppata fi ħdan il-qafas tal-UE;

68.  Jirrimarka li, filwaqt li jiddependi fuq id-disinn, il-funzjoni u d-daqs ta' kapaċità baġitarja ġdida jekk tali kapaċità tistax tiġi stabbilita fl-ambitu tal-qafas attwali tat-Trattat, huwa possibbli skont it-Trattati li jiżdiedu l-limiti massimi tar-riżorsi proprji, li jiġu stabbiliti kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji (anki jekk dawn ir-riżorsi proprji jiġu biss minn numru ta' Stati Membri) u li jiġi assenjat ċertu dħul għall-finanzjament ta' nefqa speċifika; jirrimarka, barra minn hekk, li l-baġit tal-UE diġà jipprovdi garanziji għal operazzjonijiet speċifiċi ta' self u li jeżistu diversi strumenti ta' flessibilità li għalihom ikun jista' jiġi mobilizzat finanzjament lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa tal-QFP;

69.  Itenni li hu favur l-integrazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità fil-qafas legali tal-Unjoni sakemm ikun hemm responsabbiltà demokratika xierqa;

70.  Jemmen li t-twaqqif ta' kapaċità fiskali Ewropea u l-Fond Monetarju Ewropew jistgħu jkunu passi fil-proċess għall-ħolqien ta' Teżor Ewropew, li għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew;

71.  Jappella sabiex tingħata kunsiderazzjoni xierqa lis-sejbiet ewlenin tal-Grupp ta' Esperti maħluq mill-Kummissjoni bil-għan li jiġi stabbilit Fond ta' Tifdija;

Is-Suq Uniku u l-integrazzjoni finanzjarja

72.  Jemmen li s-Suq Uniku huwa wieħed mill-ġebliet tax-xewka tal-UE u huwa essenzjali għall-prosperità, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni; jindika li s-suq uniku, li joffri benefiċċji tanġibbli kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi, fih potenzjal ta' tkabbir li għadu ma ġiex sfruttat għalkollox, b'mod partikolari b'referenza għas-Suq Uniku Diġitali, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija, l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali; jappella, għalhekk, għal kontroll iktar mill-qrib tal-applikazzjoni korretta u infurzar aħjar tal-acquis eżistenti f'dawn l-oqsma;

73.  Jitlob li t-tlestija pass pass iżda rapida ta' unjoni bankarja msejsa fuq mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM) u skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) u sostnuta minn garanzija ta' kontinġenza adegwata u newtrali mil-lat fiskali; japprezza l-ftehim dwar mekkaniżmu ta' finanzjament tranżitorju sakemm jibda jopera l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, u jitlob għal Skema Ewropea ta' Insolvenza;

74.  Ifakkar li l-Awtorità Superviżorja Ewropea għandha taġixxi bl-għan li ttejjeb l-operat tas-suq intern, b'mod partikolari billi jkun żgurat livell għoli, effikaċi u konsistenti ta' regolazzjoni u superviżjoni filwaqt li jitqiesu d-diversi interessi tal-Istati Membri kollha u n-natura differenti tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji; iqis li kwistjonijiet li jaffettwaw lill-Istati Membri kollha għandhom jitqajjmu, jiġu diskussi u deċiżi mill-Istati Membri kollha, u li biex jissaħħu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku hi essenzjali ġabra unika tar-regoli applikabbli għall-parteċipanti kollha tas-suq finanzjarju fl-UE, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku fis-servizzi finanzjarji u l-kompetizzjoni inġusta minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi;

75.  Jappella għat-twaqqif ta' unjoni vera tas-swieq kapitali;

76.  Jappoġġja l-ħolqien ta' sistema ta' awtoritajiet tal-kompetittività li jkunu inkarigati li jlaqqgħu flimkien lill-korpi nazzjonali responsabbli li jsegwu l-progress fil-qasam tal-kompetittività f'kull Stat Membru u jipproponi li s-segwitu tal-progress ta' sistema bħal din għandu jsir taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni;

77.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittejjeb l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali sabiex jiġu evitati l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar fiskali, l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt, kif ukoll għall-promozzjoni ta' azzjonijiet ikkoordinati maħsuba biex jiġġieldu r-rifuġju fiskali; jitlob għall-adozzjoni ta' direttiva dwar il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva li tistabbilixxi rata minima u li tiddeskrivi l-għanijiet komuni għal konverġenza progressiva; iqis li hemm bżonn li jsir rieżami komprensiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-VAT, li jindirizza, fost l-oħrajn, l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini;

Struttura istituzzjonali aktar demokratika għall-UEM

78.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu żgurati r-responsabilità u l-leġittimità demokratika xierqa fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fejn il-parlamenti nazzjonali jiskrutinizzaw lill-gvernijiet nazzjonali u bi rwol ta' skrutinju msaħħaħ għall-Parlament Ewropew fil-livell tal-UE, inkluż rwol ċentrali, flimkien mal-Kunsill, fl-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Konverġenza wara l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

79.  Huwa favur l-użu ġenerali tal-"klawżola passerelle" minquxa fl-Artikolu 48(7) TUE; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea, fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha għal UEM profonda u ġenwina,(12) ipproponiet it-twaqqif ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività bbażat fuq l-Artikolu 136 tat-TFUE jew fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE, jekk meħtieġ permezz tal-kooperazzjoni msaħħa; jirrimarka li f'każ ta' kooperazzjoni msaħħa, l-użu tal-Artikolu 333(2) tat-TFUE, li jipprevedi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, isaħħaħ il-leġittimità demokratika u l-effikaċja tal-governanza tal-UE u r-rwol tal-Parlament fihom;

80.  Itenni li l-kooperazzjoni interparlamentari m'għandhiex twassal għall-istabbiliment ta' korp parlamentari ġdid jew istituzzjoni ġdida, minħabba li l-euro hija l-munita tal-UE u l-Parlament Ewropew huwa l-parlament tal-UE; ifakkar li l-UEM hija stabbilita mill-Unjoni, li ċ-ċittadini tagħha huma direttament irrappreżentati fil-livell tal-Unjoni mill-Parlament, li għandu jsib u jkun kapaċi jimplimenta modi kif tiggarantixxi r-responsabilità demokratika parlamentari tad-deċiżjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-euro;

81.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tiġi mogħnija bis-setgħat li timplimenta u tinforza kwalunkwe strument eżistenti jew ġejjieni adottat fil-qasam tal-UEM;

82.  Iqis li huwa neċessarju li tiġi indirizzata d-dgħufija fl-istruttura istituzzjonali eżistenti tal-UEM, b'mod partikolari d-defiċit demokratiku tagħha, filwaqt li jitqies ukoll li ċerti partijiet tat-Trattat jistgħu jiġu ssorveljati mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li oħrajn huma esklużi minn tali skrutinju; iqis li hemm ħtieġa għal skrutinju parlamentari iktar sod għall-implimentazzjoni dettaljata tal-Artikolu 121(3) u (4) tat-TFUE, rigward koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi;

83.  Huwa tal-opinjoni li l-integrazzjoni differenzjata għandha tibqa' miftuħa għall-Istati Membri kollha;

84.  Ifakkar li għandha tingħata prijorità lill-proċeduri leġiżlattivi u baġitarji ordinarji fil-livell tal-UE billi jsir użu fejn meħtieġ minn derogi u mit-twaqqif ta' linji baġitarji ddedikati; ifakkar li kwalunkwe dispożizzjoni oħra, bħad-dispożizzjonijiet dwar iż-żona tal-euro jew dwar il-kooperazzjoni msaħħa, għandhom jintużaw biss meta l-proċeduri msemmija qabel ma jkunux legalment jew politikament possibbli;

L-ikkompletar tas-suq intern bħala l-ewwel ġeneratur tat-tkabbir

85.  Huwa konvint li l-approfondiment tal-UEM għandu jimxi id f'id mat-tlestija tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli interni kollha li fadal, speċjalment fejn għandu x'jaqsam mal-Unjoni tal-Enerġija, is-suq diġitali komuni u s-suq tas-servizzi;

86.  Jitlob għal infurzar sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq intern tal-enerġija skont l-Artikolu 194 tat-TFUE, sabiex titwaqqaf Unjoni tal-Enerġija;

87.  Jappoġġja t-tisħiħ tad-dmirijiet u l-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) lejn, fl-aħħar, il-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea tal-Enerġija skont l-Artikolu 54 tat-Trattat Euratom, kif ukoll l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija, it-twaqqif ta' riżerva strateġika Ewropea bbażata taħlita ta' riżervi nazzjonali u ta' ċentru ta' negozjar konġunt mal-fornituri, bl-għan li titlesta l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni tal-Enerġija;

88.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' "bonds tal-proġetti", b'kooperazzjoni mill-qrib mal-BEI, għall-finanzjament tal-proġetti tal-infrastruttura u tal-enerġija;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Artikolu 116 tat-TFUE li jipprovdi l-bażi ġuridika neċessarja biex il-Parlament u l-Kunsill jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jiġu eliminati l-prattiki li jirriżultaw f'distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern permezz ta' politiki fiskali li jagħmlu l-ħsara;

Id-dimensjoni soċjali

90.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-ħaddiema, partikolarment meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-mobilità, għandhom jiġu garantiti, flimkien mad-drittijiet soċjali tagħhom, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-istrumenti legali rilevanti previsti fit-Titoli IV, IX u X tal-Parti Tlieta tat-TFUE u skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, sabiex tiġi żgurata bażi soċjali stabbli għall-Unjoni; jindika f'dan il-kuntest b'mod partikolari d-drittijiet li jinstabu fid-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u r-Regolament (UE) Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni;

91.  Jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' Ewropa soċjali, sabiex il-proġett ta' integrazzjoni Ewropea jkompli jkollu l-appoġġ tal-ħaddiema;

92.  Jindika l-importanza tal-promozzjoni tal-idea ta' paga minima determinata minn kull Stat Membru, josserva li l-esplorazzjoni tal-għażliet għal skema ta' benefiċċju minimu tal-qgħad tirrikjedi l-eżistenza ta' regoli u kundizzjonijiet komuni għal suq tax-xogħol tal-UE, u jissuġġerixxi li, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat attwali, proposta leġiżlattiva tista' tiġi adottata sabiex jitnaqqsu l-ostakoli li għadhom jeżistu għall-impjegati;

93.  Jinnota li l-faċilitajiet ipprovduti mill-Unjoni u l-ħtieġa li l-ħaddiema żgħażagħ jiġu inklużi b'mod attiv fis-suq tax-xogħol, u jinkoraġġixxi aktar l-iskambju ta' ħaddiema żgħażagħ, b'konformità mal-Artikolu 47 tat-TFUE;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kriterji tal-impjiegi fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni makro-ekonomika tal-Istati Membri, u għar-rakkomandazzjoni u l-appoġġ għal riformi strutturali wkoll bl-għan li jiġi żgurat użu aħjar tal-fondi soċjali u reġjonali;

95.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta sew il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali potenzjali ta' għażliet alternattivi tal- politika qabel ma tipproponi inizjattiva ġdida (eż. proposti leġiżlattivi, inizjattivi mhux leġiżlattivi, atti delegati u ta' implimentazzjoni) b'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

96.  Jitlob għall-ħolqien ta' patt soċjali ġdid (li jista' jieħu l-forma ta' protokoll soċjali) maħsub biex irawwem l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa u biex inaqqas inugwaljanzi, bl-iżgurar li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, inkluż inter alia d-dritt għal negozjar kollettiv u l-libertà ta' moviment; jirrimarka li patt bħal dan jista' jsaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri;

97.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tagħti l-ħajja lid-djalogu soċjali tal-UE permezz ta' ftehimiet vinkolanti bejn is-sħab soċjali f'konformità mal-Artikoli 151 sa 161 tat-TFUE;

Azzjoni Esterna

It-tkabbir tal-effikaċja, il-koerenza u r-responsabilità politika tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)

98.  Hu tal-fehma li l-approċċ komprensiv tal-Unjoni Ewropea għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni għandu jkun imsaħħaħ billi jinġiebu eqreb ta' xulxin l-atturi u l-istrumenti differenti fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-kunflitt;

99.  Jinsisti fuq l-użu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tat-TUE sabiex jiġi stabbilit qafas strateġiku ġenerali għal, u jittieħdu deċiżjonijiet dwar, l-interessi strateġiċi u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, li jistgħu jiġu estiżi lil hinn mill-PESK għal oqsma oħrajn ta' azzjoni esterna, u li jeħtieġ konsistenza ma' politiki oħra bħalma huma l-kummerċ, l-agrikoltura u l-għajnuna għall-iżvilupp; ifakkar li d-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta' strateġija bħal din jistgħu jiġu implimentati b'VMK; Jinnota li l-leġittimità demokratika ta' dawn id-deċiżjonijiet tista' tissaħħaħ jekk il-Kunsill u l-Parlament jadottaw dokumenti strateġiċi konġunti fuq il-bażi tal-proposti mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ);

100.  Jitlob sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni parlamentari tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż billi jissoktaw il-konsultazzjonijiet fuq bażi regolari mal-VP/RGħ, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Kummissjoni, kif ukoll sabiex jiġu konklużi n-negozjati fuq is-sostituzzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2002 dwar l-aċċess għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-PESK;

101.  Iqis li huwa neċessarju li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jiġu integrati fis-SEAE, inkluż billi l-baġit tagħhom jiġi ttrasferit mil-linji tal-PESK għal-linji tas-SEAE, hekk kif dan huwa mistenni li jżid il-koerenza tal-isforzi tal-UE;

102.  Jappella għall-użu tal-Artikolu 31(2) tat-TUE, li jippermetti lill-Kunsill jieħu ċerti deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-PESK b'VMK, u l-"klawżola passerelle" inkluża fl-Artikolu 31(3) tat-TUE sabiex issir il-bidla progressiva lejn VMK għad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK li ma jkollhomx implikazzjonijiet militari jew ta' difiża; ifakkar li l-Artikolu 20(2) tat-TUE, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni msaħħa, jipprovdi possibilitajiet addizzjonali għall-Istati Membri sabiex jimxu 'l quddiem bil-PESK u, għalhekk, għandu jintuża;

103.  Jemmen li jeħtieġ li tiżdied il-flessibilità tar-regoli finanzjarji għall-azzjoni esterna sabiex ikun evitat kull dewmien fl-iżborżament operazzjonali tal-fondi tal-UE u b'hekk tiżdied il-kapaċità tal-UE li tirrispondi malajr u b'mod effettiv għall-kriżijiet; iqis li huwa neċessarju, f'dan ir-rigward, li tiġi stabbilita proċedura rapida għall-assistenza umanitarja sabiex ikun żgurat li l-għajnuna tiġi provduta bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli;

104.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni sabiex iħarsu l-obbligi rispettivi tagħhom li jgħarrfu minnufih u b'mod sħiħ lill-Parlament fl-istadji kollha tal-proċessi tan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, kif stipulat fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE u kif spjegat fid-dettall fil-ftehimiet interistituzzjonali mal-Kummissjoni u mal-Kunsill;

105.  Jirrimarka li l-Qorti tal-Ġustizzja (QĠUE) ikkonfermat li l-Parlament għandu d-dritt skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE tal-Unjoni Ewropea i jiġi infurmat bis-sħiħ u minnufih fl-istadji kollha tal-proċedura għan-negozjati u għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali – anki fir-rigward tal-PESK – biex ikun jista' jeżerċita s-setgħat tiegħu b'għarfien sħiħ tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; jistenna, għalhekk, li n-negozjati interistituzzjonali li għandhom isiru dwar arranġamenti prattiċi mtejba għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest tan-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali ser iqisu sew il-każistika tal-QĠUE;

Lejn politika tad-difiża komuni

106.  Jitlob li jittieħdu passi progressivi lejn politika tad-difiża komuni (Artikolu 42(2) tat-TUE) u, eventwalment, difiża komuni, li tista' tiġi stabbilita permezz ta' deċiżjoni unanima tal-Kunsill Ewropew filwaqt li tissaħħaħ is-soċjetà ċivili fuq il-bażi ta' approċċi ta' prevenzjoni u riżoluzzjoni tal-konflitti bbażati fuq in-nonvjolenza, partikolarment permezz ta' żieda fir-riżorsi finanzjarji, amministrattivi u r-riżorsi umani bl-għan li jittrattaw il-medjazzjoni, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u r-rispons immedjat għall-kriżi bbażat fuq l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili;

107.  Jissuġġerixxi, bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, illi jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46 tat-TUE rigward it-twaqqif ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) permezz ta' VMK fil-Kunsill, billi dan l-istrument jippermetti lill-Istati Membri aktar ambizzjużi jikkooperaw aktar mill-qrib b'mod koordinat fil-qasam tad-difiża taħt l-umbrella tal-UE, u jagħtihom is-setgħa li jużaw l-istituzzjonijiet, l-istrumenti u l-baġit tal-UE;

108.  Jirrakkomanda t-twaqqif ta' Kunsill ta' Ministri tad-Difiża, li għandu jkun presedut mill-VP/RGħ bl-għan li ssir koordinazzjoni tal-politiki ta' difiża tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u b'mod konġunt jiżviluppaw strateġija u prijoritajiet ta' difiża tal-UE;

109.  Jinsisti fuq l-istabbiliment ta' ktieb abjad tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża fuq il-bażi tal-istrateġija globali tal-UE għal politika estera u ta' sigurtà ppreżentata mill-VP/RGħ kif ukoll l-aġenda ta' Bratislava, minħabba li dokument bħal dan ikompli jiddefinixxi l-objettivi strateġiċi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża u jidentifika l-kapaċitajiet eżistenti u dawk meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża l-ħidma preparatorja li għaddejja tagħha fuq pjan ta' azzjoni għad-difiża Ewropea dwar ir-riżultati tal-ktieb abjad tal-UE futur dwar is-sigurtà u d-difiża, li għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet l-użu ta' forza militari huwa xieraq u leġittimu;

110.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi definita politika Ewropea komuni dwar il-kapaċitajiet u l-armamenti (l-Artikolu 42(3) tat-TUE), li tkun tinkludi l-ippjanar konġunt, l-iżvilupp u l-akkwist ta' kapaċitajiet militari, kif ukoll proposti għar-reazzjoni għal theddidiet ċibernetiċi, ibridi u asimmetriċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex taħdem fuq Pjan ta' Azzjoni ambizzjuż għad-Difiża Ewropea, kif imħabbar fil-Programm ta' Ħidma għall-2016;

111.  Jenfasizza l-potenzjal kbir li għandha l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża (EDA) biex tgħin tiżviluppa suq uniku tad-difiża li jkun kompetittiv, effiċjenti, imsejjes fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u ffokat fuq il-ħolqien ta' impjiegi speċjalizzati, u jappoġġa, għal dan l-għan, l-istudju tal-possibilità ta' sħubiji pubbliċi-privati; itenni l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-EDA billi tiġi pprovduta bir-riżorsi u s-sostenn politiku meħtieġa, sabiex b'hekk jippermettilha jkollha rwol ta' koordinazzjoni ewlieni fl-iżvilupp tal-kapaċità, fir-riċerka u fl-akkwist; itenni l-fehma tiegħu li dan isir l-aħjar permezz ta' finanzjament tal-persunal u tal-ispejjeż tal-Aġenzija mill-baġit tal-Unjoni;

112.  Ifakkar fl-eżistenza tal-Artikolu 44 tat-TUE, li jipprovdi dispożizzjonijiet ta' flessibilità addizzjonali u jintroduċi l-possibilità li l-implimentazzjoni tal-kompiti tal-ġestjoni tal-kriżijiet tiġi fdata lil grupp ta' Stati Membri, li jwettqu dawn il-kompiti f'isem l-UE u taħt il-kontroll politiku u l-gwida strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u tas-SEAE;

113.  Jissuġġerixxi li l-Artikolu 41(3) tat-TUE jintuża sabiex jistabbilixxi fond ta' tnedija magħmul minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet ta' tħejjija li jappartjenu għall-attivitajiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) mhux imħallsin mill-baġit tal-Unjoni;

114.  Jenfasizza l-importanza tal-estensjoni tal-finanzjament komuni fil-qasam tal-PSDK militari, inkluż permezz tal-mekkaniżmu Athena, minħabba li dan inaqqas id-diżinċentivi finanzjarji min-naħa tal-Istati Membri fil-kontribuzzjoni għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK militari u, b'hekk, tittejjeb il-ħila tal-UE li tirreaġixxi għall-kriżijiet;

115.  Jitlob għall-ħolqien ta' sede militari u ċivili permanenti, b'Kapaċità Militari ta' Ppjanar u ta' Kondotta (MPCC) u Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Kondotta (CPCC); jitlob għall-istituzzjonalizzazzjoni tad-diversi strutturi militari Ewropej (fost l-oħrajn, il-gruppi tattiċi differenti, il-Euroforces, il-kooperazzjoni tad-difiża bejn Franza u r-Renju Unit u l-kooperazzjoni tad-difiża bl-ajru tal-Benelux) fil-qafas tal-UE, kif ukoll biex tiżdied il-possibilità tal-użu tal-gruppi tattiċi tal-UE, fost l-oħrajn, permezz tal-estensjoni tal-finanzjament komuni u tal-kunsiderazzjoni tal-iskjerament tagħhom, b'mod awtomatiku, bħala forza ta' intervent inizjali fix-xenarji futuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

116.  Jinnota li dawn il-kwartieri ġenerali permanenti jistgħu jiġu involuti f'ippjanar ta' kontinġenza permanenti u jkollhom rwol ta' koordinazzjoni ewlieni fl-applikazzjonijiet futuri tal-Artikolu 42(7) tat-TUE; huwa tal-fehma li l-‘klawżola ta' difiża reċiproka', kif stipulata f'dak l-artikolu u invokata minn Franza matul il-Kunsill Affarijiet Barranin fis-17 ta' Novembru 2015, tista' tikkostitwixxi katalista għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika ta' difiża u ta' sigurtà tal-UE, li twassal għal impenn aktar qawwi mill-Istati Membri kollha;

117.  Iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-livelli kollha f'oqsma bħall-iżvilupp tal-kapaċità u l-ippjanar ta' kontinġenza għal theddidiet ibridi, kif ukoll li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli politiċi li jifdal; iħeġġeġ li tiġi stabbilita sħubija politika u militari komprensiva bejn l-UE u n-NATO;

118.  Jitlob li tittieħed azzjoni deċiżiva biex tiġi żgurata koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), b'konformità mal-Artikolu 208 tat-TFUE, u jitlob li titjieb is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-PCD u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' arbitraġġ biex jirrimedja kwalunkwe diskrepanza f'diversi politiki tal-UE, u billi l-President tal-Kummissjoni jingħata r-responsabilità politika għal-linji gwida ġenerali tagħha u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet f'konformità mal-impenji tal-UE dwar il-PCD;

Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI)

119.  Jenfasizza li, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u ssir insistenza fuq il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki kontra t-terroriżmu, fid-dawl tal-attakki reċenti u ż-żieda tat-theddida terroristika, skambju obbligatorju, sistematiku u strutturat ta' informazzjoni u data bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi tal-intelligence, kif ukoll mal-Europol, il-Frontex u l-Eurojust, huwa assolutament essenzjali u jeħtieġ li jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli;

120.  Jirrimarka li, bħal fil-każ ta' attakki preċedenti, dawk li wettqu l-attakki ta' Pariġi kienu diġà magħrufa lill-awtoritajiet tas-sigurtà u kienu s-suġġett ta' investigazzjonijiet u miżuri ta' superviżjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li d-data eżistenti dwar dawn l-individwi ma ġietx skambjata bejn l-Istati Membri, minkejja r-rekwiżiti tal-Artikolu 88 tat-TFUE; jistieden lill-Kunsill biex jadotta, abbażi tal-Artikolu 352 tat-TFUE, skambju obbligatorju ta' data bejn l-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-potenzjal ta' kooperazzjoni msaħħa għandu jintuża jekk ma tintlaħaqx l-unanimità;

121.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-miżuri tal-UE kontra t-terroriżmu u l-miżuri relatati b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri, sa liema punt hemm kooperazzjoni mal-aġenziji tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u valutazzjoni korrispondenti tal-lakuni li fadal, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-obbligi tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 70 tat-TFUE;

122.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Artikolu 222 tat-TFUE jipprevedi klawżola ta' solidarjetà li tista' u għandha tiġi attivata meta Stat Membru jkun fil-mira ta' attakk terroristiku jew il-vittma ta' diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem;

123.  Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ma ġietx attivata fid-dawl tal-kriżi tar-rifuġjati, minkejja li ġiet stabbilita biex tindirizza l-fluss ta' mases ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi;

124.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita politika ta' komuni tal-UE dwar l-asil u l-immigrazzjoni ġusta u effettiva, ibbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, in-nondiskriminazzjoni, il-prinċipju tan-non-refoulement u kooperazzjoni sinċiera bejn l-Istati Membri kollha, li għandha tipprevedi wkoll distribuzzjoni mill-ġdid ġusta ta' dawk li qed ifittxu asil fi ħdan l-UE; huwa tal-fehma li tali politika għandha tinvolvi lill-Istati Membri kollha; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward, u jenfasizza li qafas ġdid għall-asil u l-migrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali tal-migranti;

125.  Jirrimarka li huma meħtieġa passi ulterjuri biex jiġi żgurat li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil ssir verament sistema uniformi; jistieden lill-Istati Membri jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni u l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kriterji dwar min jikkwalifika bħala benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali, u fir-rigward ta' garanziji rigward il-proċeduri ta' protezzjoni internazzjonali u kundizzjonijiet ta' akkoljenza, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) u QĠUE u l-aqwa prassi stabbiliti fi Stati Membri oħra;

126.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1624 li jespandi l-kompiti u s-setgħat tal-Frontex u l-għoti tal-isem ġdid ta' Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; iqis li l-aġenzija tista' tkun appoġġjata, fejn meħtieġ, minn strumenti militari bħal Forza Marittima Ewropea (Euromarfor) u Korp Ewropew (Eurocorps) ammeljorat, flimkien mar-riżorsi miġbura flimkien permezz tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti; jenfasizza li r-regolament jinsisti li l-Istati Membri għandhom, fl-interess tagħhom u fl-interess tal-Istati Membri l-oħra, idaħħlu d-data f'bażijiet ta' data Ewropej; jissuġġerixxi li għandhom jiġu previsti wkoll l-interoperabilità tal-bażijiet ta' data ta' aġenziji tal-fruntieri bħal Eurodac u l-interoperabilità tal-bażijiet ta' data tal-Europol;

127.  Jappella għal rieżami urġenti tar-Regolament ta' Dublin permezz tat-twaqqif ta' sistema permanenti legalment vinkolanti fl-UE kollha għat-tqassim ta' persuni li jfittxu asil fost l-Istati Membri kollha, ibbażata fuq allokazzjoni ġusta u obbligatorja;

128.  Jirrimarka li, minħabba l-flussi bla preċedent ta' migranti li waslu u li qed ikomplu jaslu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, u ż-żieda kostanti fl-għadd ta' persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, l-Unjoni teħtieġ approċċ leġiżlattiv vinkolanti u obbligatorju għar-risistemazzjoni, kif stabbilit fl-Aġenda tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni;

129.  Jappella għall-iffirmar ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi sikuri sabiex jiġu kkontrollati u jitnaqqsu l-flussi tal-immigrazzjoni qabel ma l-immigranti jaslu fil-fruntiera tal-UE; jinsisti, fl-istess waqt, fuq proċeduri stretti għall-applikanti li jirritornaw b'talbiet bla bażi;

130.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-infiq fuq it-taħriġ ta' professjonisti fil-qasam tal-asil u jtejbu l-effiċjenza tal-proċeduri tal-asil;

131.  Iqis li d-dimensjoni esterna għandha tiffoka fuq kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jiġu trattati u indirizzati l-kawżi fundamentali tal-flussi ta' migranti irregolari lejn l-Ewropa; huwa tal-fehma li s-sħubiji u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni ewlenin għandhom ikomplu jkunu ta' prijorità; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi għandha tinvolvi l-valutazzjoni tas-sistemi tal-asil ta' dawk il-pajjiżi, l-appoġġ tagħhom lir-rifuġjati, u l-ħila u r-rieda tagħhom li jiġġieldu t-traffikar u l-kuntrabandu ta' persuni lejn u f'dawk il-pajjiżi; jirrikonoxxi li hemm il-ħtieġa li tittejjeb l-effikaċja tas-sistema ta' ritorn tal-Unjoni, iżda jemmen li r-ritorn tal-migranti għandu jitwettaq biss b'kondizzjonijiet ta' sikurezza, b'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u proċedurali tal-migranti kkonċernati;

132.   Jilqa' l-fatt li r-Regolament (UE) 2016/1624 il-ġdid dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta jipprevedi li jekk il-kontroll tal-fruntiera esterna isir ineffettiv b'tali mod li jissogra li jipperikola l-funzjonament taż-żona Schengen, minħabba li Stat Membru ma jiħux il-miżuri meħtieġa jew minħabba li ma jkunx talab appoġġ suffiċjenti minn Frontex jew mhux qed jimplimenta din l-għajnuna, il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Kunsill deċiżjoni li tidentifika l-miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Aġenzija u li titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoopera mal-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri; jirrimarka, barra minn hekk, li ir-regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ir-responsabilità ċivili u kriminali tal-membri tal-grupp u mekkaniżmu ta' lmenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija;

133.  Jemmen li jkun meħtieġ titjib tal-kapaċitajiet umani u finanzjarji tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) jekk dan kellu jintalab jikkoordina l-applikazzjonijiet ta' asil tal-UE kollha waqt li joffri appoġġ lill-Istati Membri li jkunu taħt pressjoni partikolari ta' immigrazzjoni fl-ipproċessar tat-talbiet għal asil, inkluż fil-mandat tiegħu għat-twettiq ta' operazzjonijiet konġunti, proġetti pilota u interventi rapidi simili għal dawk miżjuda permezz tar-Regolament (UE) Nru 1168/2011 mal-mandat tal-Frontex;

134.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni mtejba bejn l-EASO, il-Frontex u l-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew sabiex jingħata lok għal adozzjoni aktar bla xkiel tar-Rapporti dwar Twissija Bikrija f'każ ta' pressjoni migratorja partikolari, li x'aktarx tpoġġi f'riskju r-rispett għal-libertajiet fundamentali tal-persuni li jfittxu asil; iqis li huwa possibbli għall-Kummissjoni li tuża dawn ir-Rapporti dwar Twissija Bikrija bħala bażi sabiex jiskattaw il-miżuri ta' kontinġenza previsti fl-Artikolu 78(3) tat-TFUE;

135.  Isib li huwa imperattiv li jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur, fuq bażi ugwali mal-Kunsill, permezz tal-użu tal-Artikolu 81(3) tat-TFUE, li jagħmilha possibbli li t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali jinqaleb għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk b'mod unanimu, wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament; jitlob li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politiki l-oħrajn kollha fil-qasam tal-ĠAI jinbidel għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bl-użu tal-"klawżola passerelle" stipulata fl-Artikolu 48(7) tat-TUE;

136.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikolu 83 tat-TFUE, tipproponi regoli minimi dwar id-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta' droga, it-traffiku illeċitu ta' armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata;

137.  Jinsisti fuq it-tqegħid fil-prattika tal-prinċipji minquxa fit-Trattat ta' Lisbona, jiġifieri s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilità bejn l-Istati Membri, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-ĠAI (l-Artikolu 70 tat-TFUE) u d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

138.  Iqis li l-UE trid tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett kontinwat tal-kriterji ta' Kopenħagen, u tiżgura li l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE;

139.  Jenfasizza l-importanza li jitlesta l-"pakkett ta' garanziji proċedurali", b'mod partikolari billi titfassal leġiżlazzjoni dwar id-detenzjoni amministrattiva u d-detenzjoni tal-minuri, oqsma li fihom ir-regoli ta' ħafna Stati Membri mhumiex kompletament kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u standards internazzjonali oħra;

140.  Jenfasizza l-importanza li jsir aktar progress fl-iżvilupp tad-dritt kriminali Ewropew, partikolarment fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta' sentenzi kriminali;

141.  jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' kultura ġudizzjarja Ewropea, bħala prerekwiżit ewlieni biex iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ssir realtà għaċ-ċittadini u jkun żgurat applikazzjoni aħjar tad-dritt tal-UE;

142.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinħatar Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata, il-frodi u l-korruzzjoni, jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jirrimedja l-frammentazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi Ewropea;

143.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 86 tat-TFUE, jista' jiġi stabbilit Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) biex jiġġieled ir-reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE ("reati PIF") biss bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew; għalhekk itenni r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2014(13) u tad-29 ta’ April 2015(14) dwar l-organizzazzjoni preċiża tal-UPPE, u jenfasizza li r-Regolament dwar l-UPPE għandu jiġi adottat mingħajr dewmien sabiex l-UPPE jista' jkollu s-setgħa li jinvestiga r-reati PIF kollha, inkluża l-frodi tal-VAT, u jiftaħ proċedura kontra dawk suspettati li wettqu xi reat;

144.  Ifakkar fl-obbligu għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE, u jħeġġeġ it-tnedija mill-ġdid bla xkiel tan-negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa għal dan il-għan, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-QĠUE tat-18 ta' Diċembru 2014; ifakkar lill-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala negozjatur ewlieni, li din l-adeżjoni se ttejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini kollha Ewropej;

145.  Itenni li din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan biss li tipprovdi valutazzjoni dwar il-possibilitajiet ġuridiċi fit-Trattati u għandha tkun il-bażi għal titjib fil-funzjonament tal-Unjoni Ewropea fi żmien qasir; ifakkar li riforma aktar fundamentali fil-futur tkun teħtieġ reviżjoni tat-Trattati;

o
o   o

146.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 25.
(2) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 82.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0249.
(4) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 183.
(5) ĠU C 313, 22.9.2015, p. 9.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0103.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0382.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0395.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0050.
(11) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 176.
(12) COM(2012)0777, tat-28 ta' Novembru 2012.
(13) Testi adottati, P7_TA(2014)0234.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0173.


Kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro
PDF 430kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro (2015/2344(INI))
P8_TA(2017)0050A8-0038/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju (A8-0038/2017),

A.  billi l-klima politika attwali u l-isfidi ekonomiċi u politiċi eżistenti f'dinja globalizzata jeħtieġu deċiżjonijiet u azzjonijiet konsegwenti u determinati min-naħa tal-UE f'ċerti oqsma bħalma huma s-sigurtà interna u esterna, il-ħarsien tal-fruntieri u l-politika migratorja, l-istabbilizzazzjoni tal-viċinat tagħna, it-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015;

B.  billi, wara bidu ta' suċċess għall-euro, iż-żona tal-euro wriet nuqqas ta' konverġenza, kooperazzjoni politika u sens ta' appartenenza;

C.  billi d-diversi kriżijiet u sfidi globali jirrikjedu li ż-żona tal-euro tagħmel qabża kwalitattiva fl-integrazzjoni mill-aktar fis possibbli;

D.  billi sħubija f'żona b'munita komuni tirrikjedi għodod komuni u solidarjetà fil-livell Ewropew u obbligi u responsabbiltajiet min-naħa ta' kull Stat Membru parteċipanti;

E.  billi jeħtieġ li terġa' titrawwem il-fiduċja fiż-żona tal-euro;

F.  billi jenħtieġ pjan direzzjonali definit sew li jirrifletti approċċ komprensiv biex jiġu realizzati l-benefiċċji kollha tal-munita komuni filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha u jintlaħqu l-għanijiet ta' stabbiltà u livell massimu ta' impjiegi;

G.  billi dan jinkludi t-tlestija miftiehma tal-Unjoni Bankarja, qafas fiskali msaħħaħ b'kapaċità li jassorbi x-xokkijiet u inċentivi għal riformi strutturali favorevoli għat-tkabbir li jikkomplementaw il-miżuri tal-politika monetarja attwali;

H.  billi kapaċità fiskali u l-kodiċi ta' konverġenza relatat huma elementi fundamentali f'din l-operazzjoni, li tista' tkun ta' suċċess biss jekk ikun hemm rabta mill-qrib bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà;

I.  billi l-istabbiliment ta' kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro jikkostitwixxi biss parti waħda mill-istampa kollha, li jeħtieġ li jimxi id f'id ma' spirtu Ewropew ċar ta' rifondazzjoni fost il-membri tagħha u dawk li se jissieħbu fiż-żona tal-euro;

1.  Jadotta l-pjan direzzjonali li ġej:

i. Prinċipji ġenerali

It-trasferiment tas-sovranità fuq il-politika monetarja jeħtieġ mekkaniżmi ta' aġġustament alternattivi bħall-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir, is-suq uniku, l-Unjoni Bankarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, biex joħloq settur finanzjarju aktar sikur u kapaċità fiskali biex ikunu jistgħu jiġu ttrattati x-xokkijiet makroekonomiċi u tiżdied il-kompetittività u l-istabbiltà tal-ekonomiji tal-Istati Membri sabiex iż-żona tal-euro ssir żona monetarja ottimali.

Il-konverġenza, il-governanza tajba u l-kundizzjonalità infurzati permezz ta' istituzzjonijiet li jinżammu demokratikament responsabbli fil-livell taż-żona tal-euro u/jew f'dak nazzjonali huma fundamentali, b'mod partikolari fil-prevenzjoni tat-trasferimenti permanenti, il-periklu morali u l-kondiviżjoni tar-riskju pubbliku mhux sostenibbli.

Hekk kif jiżdiedu l-kobor u l-kredibbiltà tal-kapaċità fiskali, dan se jikkontribwixxi biex terġa' titrawwem il-fiduċja tas-suq finanzjarju fis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fiż-żona tal-euro, li jagħmilha possibbli, fil-prinċipju, li l-kontribwenti jiġu protetti aħjar u li jitnaqqas ir-riskju pubbliku u privat.

Il-kapaċità fiskali għandha tinkludi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u kapaċità baġitarja addizzjonali speċifika għaż-żona tal-euro. Il-kapaċità baġitarja għandha tinħoloq b'żieda għall-MES u mingħajr preġudizzju għalih.

Bħala l-ewwel pass, il-kapaċità baġitarja speċifika taż-żona tal-euro jenħtieġ li tkun parti mill-baġit tal-Unjoni, lil hinn mil-limiti massimi attwali tal-qafas finanzjarju pluriennali, u jenħtieġ li tkun iffinanzjata mill-membri taż-żona tal-euro u minn membri parteċipanti oħra permezz ta' sors ta' dħul li għandu jintlaħaq qbil dwaru bejn l-Istati Membri parteċipanti u jitqies bħala dħul assenjat u garanziji; ladarba tkun fi stat stabbli, il-kapaċità fiskali tista' tiġi ffinanzjata permezz tar-riżorsi proprji, skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Monti dwar il-finanzjament futur tal-UE.

Il-MES, filwaqt li jkompli jaqdi dmirijietu, jenħtieġ li jiġi żviluppat ulterjorment u trasformat f'Fond Monetarju Ewropew (FME), mgħammar b'kapaċità adegwata ta' self u teħid ta' self u b'mandat definit b'mod ċar, biex jassorbi xokkijiet asimmetriċi u simmetriċi.

ii. It-tliet pilastri tal-kapaċità fiskali għall-konverġenza u l-istabbilizzazzjoni taż-żona tal-euro

Il-kapaċità fiskali jenħtieġ li tissodisfa tliet funzjonijiet differenti:

   l-ewwel nett, il-konverġenza ekonomika u soċjali fiż-żona tal-euro jenħtieġ li tiġi inċentivata biex tħeġġeġ riformi strutturali, timmodernizza l-ekonomiji u ttejjeb il-kompetittività ta' kull Stat Membru u r-reżiljenza taż-żona tal-euro, biex b'hekk tikkontribwixxi wkoll għall-kapaċità tal-Istati Membri li jassorbu xokkijiet asimmetriċi u simmetriċi;
   it-tieni, li d-differenzi fiċ-ċikli ekonomiċi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li ġejjin minn differenzi strutturali jew vulnerabbiltà ekonomika ġenerali joħolqu neċessità li naffrontaw ix-xokkijiet asimmetriċi (sitwazzjonijiet li fihom event ekonomiku jaffettwa ekonomija partikolari aktar minn oħra, pereżempju meta d-domanda tikkollassa fi Stat Membru speċifiku u mhux fl-oħrajn wara xokk estern lil hinn mill-influwenza ta' Stat Membru);
   it-tielet, xokkijiet simmetriċi (sitwazzjonijiet meta event ekonomiku jaffettwa l-ekonomiji kollha bl-istess mod, pereżempju l-varjazzjoni fil-prezzijiet taż-żejt għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro) jenħtieġ li jiġu indirizzati biex tiżdied ir-reżiljenza taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

Fid-dawl ta' dawn l-objettivi, ikun meħtieġ li jitqies liema funzjonijiet jistgħu jinkisbu fi ħdan il-qafas ġuridiku eżistenti tal-Unjoni u liema se jeħtieġu aġġustament jew tibdil fit-Trattat.

L-ewwel pilastru: il-kodiċi ta' konverġenza

Is-sitwazzjoni ekonomika attwali teħtieġ strateġija ta' investiment parallela ma' konsolidazzjoni fiskali u responsabbiltà permezz ta' konformità mal-qafas tal-governanza ekonomika.

Minbarra l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-kodiċi ta' konverġenza, adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jenħtieġ li jiffoka, fuq perjodu ta' ħames snin, fuq kriterji ta' konverġenza rigward it-tassazzjoni, is-suq tax-xogħol, l-investiment, il-produttività, il-koeżjoni soċjali, il-kapaċitajiet ta' amministrazzjoni pubblika u ta' governanza tajba fil-qafas tat-Trattati eżistenti.

Fil-qafas tal-governanza ekonomika, il-konformità mal-kodiċi ta' konverġenza jenħtieġ li tkun kundizzjoni għal parteċipazzjoni sħiħa fil-kapaċità fiskali, u jenħtieġ li kull Stat Membru jressaq proposti dwar kif jistgħu jinkisbu l-kriterji tal-kodiċi ta' konverġenza.

Kapaċità fiskali taż-żona tal-euro jenħtieġ li tkun ikkomplementata minn strateġija fit-tul għas-sostenibbiltà tad-dejn u t-tnaqqis tad-dejn u tisħiħ tat-tkabbir u l-investiment fil-pajjiżi taż-żona tal-euro, li jnaqqas l-ispejjeż globali ta' finanzjament mill-ġdid u l-proporzjonijiet ta' dejn/PDG.

It-tieni pilastru: assorbiment tax-xokkijiet asimmetriċi

Fid-dawl tal-integrazzjoni b'saħħitha tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, xokkijiet asimmetriċi b'impatt fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi ma jistgħux jiġu esklużi għalkollox minkejja l-isforzi kollha fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politika, il-konverġenza u r-riformi strutturali sostenibbli tal-Istati Membri.

L-istabbilizzazzjoni pprovduta permezz tal-MES/FME jenħtieġ li tkun ikkomplementata minn mekkaniżmi awtomatiċi għall-assorbiment tax-xokkijiet.

L-istabbilizzazzjoni trid tinċentiva l-prattiki tajbin u tevita l-periklu morali.

Sistema bħal din jeħtieġ tinkludi regoli ċari dwar l-iskadenzi għall-ħlasijiet u r-rimborżi li jista' jkun hemm, u jeħtieġ tiġi definita b'mod ċar f'termini ta' daqs u mekkaniżmi ta' finanzjament, filwaqt li tkun newtrali f'termini ta' baġit fuq ċiklu itwal.

It-tielet pilastru: assorbiment tax-xokkijiet simmetriċi

Ix-xokkijiet simmetriċi li jista' jkun hemm fil-futur jistgħu jiddestabbilizzaw iż-żona tal-euro kollha kemm hi, billi ż-żona monetarja għadha mhijiex mgħammra bl-istrumenti meħtieġa biex issib tarf ta' kriżi oħra tal-istess kobor bħal dik preċedenti.

F'każ ta' xokkijiet simmetriċi kkawżati minn nuqqas ta' domanda interna, il-politika monetarja waħedha ma tistax terġa' tqajjem l-ekonomija, partikolarment f'kuntest ta' rati ta' mgħax qrib iż-żero. Il-baġit taż-żona tal-euro jenħtieġ li jkun kbir biżżejjed biex jindirizza dawn ix-xokkijiet simmetriċi billi jiffinanzja investiment immirat lejn l-aggregazzjoni tad-domanda u livell massimu ta' impjiegi f'konformità mal-Artikolu 3 tat-TUE.

iii. Governanza, responsabbiltà demokratika u kontroll

Fil-governanza ekonomika għaż-żona tal-euro jenħtieġ li jintuża l-metodu Komunitarju.

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw rwol aktar b'saħħtu fil-qafas il-ġdid tal-governanza ekonomika sabiex tiżdied ir-responsabbiltà demokratika. Dan jinkludi żieda fis-sens ta' appartenenza nazzjonali fir-rigward tas-semestru Ewropew u riforma tal-konferenza interparlamentari prevista fl-Artikolu 13 tal-Patt Fiskali biex tingħata aktar sustanza, sabiex tiġi żviluppata opinjoni parlamentari u pubblika aktar b'saħħitha. Biex jitjieb is-sens ta' appartenenza, jenħtieġ li l-parlamenti nazzjonali jiskrutinizzaw il-gvernijiet nazzjonali, bħalma l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jiskrutinizza l-eżekuttivi Ewropej.

Jista' jkun hemm fużjoni tal-pożizzjonijiet tal-President tal-Grupp tal-Euro u tal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, u f'dan il-każ jenħtieġ li l-President tal-Kummissjoni jaħtar lil dan il-Kummissarju bħala Viċi President tal-Kummissjoni.

Jenħtieġ li dan il-ministru responsabbli mill-finanzi, megħjun minn teżorerija fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, ikun kompletament responsabbli demokratikament u mgħammar bil-mezzi u l-kapaċitajiet kollha meħtieġa biex japplika u jinforza l-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti u jottimizza l-iżvilupp taż-żona tal-euro f'kooperazzjoni mal-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew jagħmel rieżami tar-regoli u l-organizzazzjoni tiegħu biex jiżgura r-responsabbiltà demokratika sħiħa tal-kapaċità fiskali fil-konfront tal-Membri tal-PE mill-Istati Membri parteċipanti;

2.  Jistieden:

   lill-Kunsill Ewropew jistabbilixxi linji gwida, kif deskritt hawn fuq, mhux aktar tard mil-laqgħa tal-UE f'Ruma (Marzu 2017), inkluż qafas għall-istabbilizzazzjoni sostenibbli fit-tul taż-żona tal-euro;
   lill-Kummissjoni tressaq White Paper b'kapitolu ewlieni ambizzjuż dwar iż-żona tal-euro u l-proposti leġiżlattivi rispettivi fl-2017 billi jintużaw il-mezzi kollha fi ħdan it-Trattati eżistenti, inklużi l-kodiċi ta' konverġenza, il-baġit taż-żona tal-euro u l-istabbilizzaturi awtomatiċi, u tistabbilixxi kalendarju preċiż għall-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;

3.  Jiddikjara d-disponibbiltà tiegħu li jiffinalizza l-miżuri leġiżlattivi kollha li ma jeħtiġux bidliet fit-Trattati sa tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew u li jħejji għat-tibdil neċessarju fit-Trattati li se jkun meħtieġ fuq perjodu medju u fit-tul sabiex ikun hemm żona tal-euro sostenibbli;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lid-Direttur Maniġerjali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika
PDF 634kWORD 85k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika (2015/2103(INL))
P8_TA(2017)0051A8-0005/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE(1),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar Ethical Aspects of Cyber-Physical Systems (Aspetti Etiċi ta' Sistemi Ċiberfiżiċi), imwettaq f'isem il-Panel tal-Valutazzjoni tal-Għażliet Xjentifiċi u Teknoloġiċi (STOA) tal-Parlament u ġestit mill-Unità tal-Prospettiva Xjentifika (STOA), DĠ Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew;

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0005/2017),

Introduzzjoni

A.  billi mill-Mostru ta' Frankenstein ta' Mary Shelley sal-mit klassiku ta' Pygmalion, mill-istorja tal-Golem ta' Praga sar-robot ta' Karel Čapek, li ħoloq il-kelma robot, in-nies iffantasizzaw dwar il-possibilità tal-bini ta' magni intelliġenti, ta' sikwit androids b'karatteristiċi umani;

B.  billi issa li l-umanità qiegħda fil-bidu ta' era meta robots, bots u androids dejjem aktar sofistikati, u manifestazzjonijiet oħra ta' intelliġenza artifiċjali ("IA") jidher li se jwasslu għal revoluzzjoni industrijali ġdida, li x'aktarx ma tħalli l-ebda saff tas-soċjetà mhux mittiefes, huwa importanti ħafna li l-leġiżlatura tqis l-effetti u l-implikazzjonijiet legali u etiċi ta' dan, mingħajr ma tinħonoq l-innovazzjoni;

C.  billi jeħtieġ tinħoloq definizzjoni aċċettata b'mod ġenerali ta' robot u ta' IA li tkun flessibbli u li ma tfixkilx l-innovazzjoni;

D.  billi bejn l-2010 u l-2014 iż-żieda medja fil-bejgħ ta' robots kienet ta' 17 % kull sena u fl-2014, il-bejgħ żdied b'29 %, l-ogħla żieda minn sena għal sena s'issa, fejn il-muturi ewlenin tat-tkabbir kienu l-fornituri ta' partijiet tal-karozzi u l-industrija tal-elettriku/tal-elettronika; billi l-għadd ta' applikazzjonijiet annwali għall-privattivi ta' teknoloġija tar-robotika tripplika matul l-aħħar deċennju;

E.  billi matul l-aħħar 200 sena, iċ-ċifri tal-impjieg żdiedu b'mod persistenti minħabba l-iżvilupp teknoloġiku; billi l-iżvilupp tar-robotika u tal-IA jaf ikollu l-potenzjal li jittrasforma l-prattiki tal-ħajja u tax-xogħol, iżid il-livelli tal-effiċjenza, tal-iffrankar u tas-sikurezza, u jipprovdi livell ta' servizzi mtejjeb; billi fuq perjodu ta' żmien qasir u medju r-robotika u l-IA jwiegħdu li joħolqu benefiċċji ta' effiċjenza u ta' ffrankar mhux biss fl-oqsma tal-produzzjoni u tal-kummerċ, iżda anki f'oqsma bħalma huma dawk tat-trasport, tal-kura medika, tas-salvataġġ, tal-edukazzjoni u tal-biedja, filwaqt li jippermettu li jiġi evitat li l-bniedem jiġi espost għal kundizzjonijiet perikolużi, bħal dawk iffaċċjati waqt it-tindif ta' siti mniġġsa b'mod tossiku;

F.  billi t-tixjiħ huwa riżultat ta' stennija tal-għomor itwal minħabba l-progress fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u fil-mediċina moderna, u huwa waħda mill-akbar sfidi politiċi, soċjali u ekonomiċi tas-seklu 21 għas-soċjetajiet Ewropej; billi sal-2025 aktar minn 20 % tal-Ewropej se jkollhom 65 sena jew aktar, b'żieda partikolarment rapida fl-għadd ta' persuni li għandhom 80 sena jew aktar, u dan se jwassal għal bilanċ fundamentalment differenti fost il-ġenerazzjonijiet fi ħdan is-soċjetajiet tagħna, u billi huwa fl-interess tas-soċjetà li l-persuni anzjani jibqgħu b'saħħithom u attivi kemm jista' jkun fit-tul;

G.  billi fuq perjodu fit-tul, it-tendenza attwali, li xxaqleb lejn l-iżvilupp ta' magni intelliġenti u awtonomi bil-kapaċità li jaħsbu u jieħdu deċiżjonijiet b'mod indipendenti, ma tfissirx biss vantaġġi ekonomiċi iżda tfisser ukoll tħassib varju dwar l-effetti diretti u indiretti tagħhom fuq is-soċjetà kollha kemm hi;

H.  billi t-tagħlim bl-użu tal-magni joffri benefiċċji ekonomiċi u innovattivi enormi għas-soċjetà minħabba li jtejjeb ħafna l-kapaċità ta' analiżi tad-data, filwaqt li jqajjem ukoll sfidi sabiex jiġu żgurati n-nondiskriminazzjoni, il-proċess dovut, it-trasparenza u l-intelliġibilità fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

I.  billi, b'mod simili, għandhom jiġu vvalutati valutazzjonijiet ta' tibdil ekonomiku u l-impatt fuq l-impjiegi b'riżultat tar-robotika u tat-tagħlim bl-użu tal-magni; billi, minkejja l-vantaġġi inkontestabbli mogħtija mir-robotika, l-implimentazzjoni tagħha għaldaqstant tista' tinvolvi trasformazzjoni tas-suq tax-xogħol u ħtieġa li ssir riflessjoni dwar il-futur tal-politiki soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni skont din l-implimentazzjoni;

J.  billi l-użu mifrux tar-robots jaf ma jwassalx awtomatikament għas-sostituzzjoni tal-impjiegi, iżda huwa probabbli li impjiegi b'ħiliet aktar baxxi f'setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema jkunu aktar vulnerabbli għall-awtomatizzazzjoni; billi din it-tendenza jaf tkun tista' ġġib il-proċessi tal-produzzjoni lura fl-UE; billi r-riċerka wriet li l-impjiegi jikbru aktar rapidament b'mod sinifikanti f'okkupazzjonijiet li jużaw il-kompjuters aktar; billi l-awtomatizzazzjoni tal-impjiegi għandha l-potenzjal li teħles lill-bnedmin minn xogħol manwali monotonu u tippermettilhom ixaqilbu d-direzzjoni lejn kompiti aktar kreattivi u sinifikanti; billi l-awtomatizzazzjoni teħtieġ li l-gvernijiet jinvestu fl-edukazzjoni u f'riformi oħra sabiex itejbu r-riallokazzjoni tat-tipi ta' ħiliet li l-ħaddiema ta' għada se jeħtieġu;

K.  billi fid-dawl tad-diviżjonijiet li qegħdin jiżdiedu fis-soċjetà, bi klassi tan-nofs li qiegħda tiċkien, importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-iżvilupp tar-robotika jista' jwassal għal konċentrazzjoni għolja ta' ġid u influwenza f'idejn minoranza;

L.  billi l-iżvilupp tar-robotika u tal-IA żgur se jinfluwenza x-xenarju tal-post tax-xogħol u jaf joħloq tħassib ġdid dwar ir-responsabbiltà filwaqt li jelimina tħassib ieħor; billi jeħtieġ li tiġi ċċarata r-responsabbiltà ġuridika kemm mil-lat tal-mudell tal-viżjoni tan-negozju, kif ukoll mil-lat tal-organizzazzjoni tad-disinn tal-ħaddiema, f'każ li jinqalgħu xi emerġenzi jew problemi;

M.  billi t-tendenza lejn l-awtomatizzazzjoni tirrikjedi li dawk involuti fl-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-applikazzjonijiet ta' IA jibnu fuq bażi ta' sigurtà u etika mill-bidu nett, biex b'hekk jirrikonoxxu li jridu jkunu lesti jaċċettaw ir-responsabbiltà ġuridika għall-kwalità tat-teknoloġija li jipproduċu;

N.  billi r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) jistabbilixxi qafas legali għall-protezzjoni tad-data personali; billi aspetti oħrajn tal-aċċess għad-data u tal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza xorta waħda jaf jeħtieġ li jiġu indirizzati, minħabba li jaf jinħoloq tħassib dwar il-privatezza minn applikazzjonijiet u apparat li jikkomunikaw ma' xulxin u ma' databases mingħajr intervent uman;

O.  billi l-żviluppi fir-robotika u fl-IA jistgħu u għandhom jitfasslu b'mod li jiġu ppreservati d-dinjità, l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-individwu, speċjalment fl-oqsma tal-kura u l-kumpanija tal-bniedem, u fil-kuntest ta' apparati mediċi użati għat-"tiswija" jew it-titjib tal-bnedmin;

P.  billi fl-aħħar mill-aħħar hemm possibilità li fuq perjodu fit-tul, l-IA tista' tisboq il-kapaċità intellettwali tal-bniedem

Q.  billi żvilupp ulterjuri u żieda fl-użu ta' teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat u algoritmiku indubbjament għandhom impatt fuq l-għażliet li persuna privata (bħal negozju jew utent tal-internet) u awtorità amministrattiva, ġudizzjarja jew pubblika oħra jagħmlu biex jieħdu d-deċiżjoni finali tagħhom meta din tkun ta' natura awtorevoli, kummerċjali jew relatata mal-konsumatur; billi s-salvagwardji u l-possibilità ta' kontroll u verifika mill-bniedem għandhom jinbnew fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat u algoritmiku;

R.  billi ħafna ġurisdizzjonijiet barranin, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Korea t'Isfel, qegħdin jikkunsidraw, u sa ċertu punt diġà ħadu, azzjoni regolatorja dwar ir-robotika u l-IA, u billi xi Stati Membri bdew ukoll jirriflettu dwar il-possibilità tad-disinn ta' standards legali jew it-twettiq ta' tibdil leġiżlattiv sabiex jitqiesu l-applikazzjonijiet emerġenti ta' dawn it-teknoloġiji;

S.  billi l-industrija Ewropea tista' tibbenefika minn approċċ effiċjenti, koerenti u trasparenti lejn regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li tipprovdi kundizzjonijiet prevedibbli u ċari biżżejjed li skonthom l-intrapriżi jkunu jistgħu jiżviluppaw applikazzjonijiet u jippjanaw il-mudelli tan-negozju tagħhom fuq skala Ewropea filwaqt li jiġi żgurat li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jżommu l-kontroll fuq l-istandards regolatorji li għandhom jiġu stabbiliti sabiex ma jiġux sfurzati jadottaw u jaċċettaw standards stabbiliti minn oħrajn, jiġifieri l-pajjiżi terzi li huma wkoll fuq quddiem nett fl-iżvilupp tar-robotika u tal-IA;

Prinċipji ġenerali

T.  billi l-Liġijiet ta' Asimov(3) iridu jitqiesu li huma diretti lejn id-disinjaturi, il-produtturi u l-operaturi tar-robots, inklużi r-robots b'awtonomija u awtotagħlim integrati, peress li dawk il-liġijiet ma jistgħux jinqalbu f'kodiċi tal-magna;

U.  billi huma meħtieġa għadd ta' regoli dwar, b'mod partikolari, ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-akkontabilità, li jirriflettu l-valuri umanistiċi intrinsikament Ewropej u universali li jikkaratterizzaw il-kontribut tal-Ewropa lis-soċjetà; billi dawk ir-regoli m'għandhomx jaffettwaw il-proċess ta' riċerka, innovazzjoni u żvilupp fir-robotika;

V.  billi l-Unjoni jista' jkollha rwol essenzjali fl-istabbiliment ta' prinċipji etiċi bażiċi li għandhom jiġu rispettati fl-iżvilupp, fl-ipprogrammar u fl-użu tar-robots u l-IA u fl-inkorporazzjoni ta' tali prinċipji fir-regolamenti u l-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni, bl-għan li tissawwar ir-revoluzzjoni teknoloġika sabiex taqdi lill-bniedem u sabiex il-benefiċċji tar-robotika avvanzata u tal-IA jkunu kondiviżi b'mod wiesa', filwaqt li jiġu evitati kemm jista' jkun ir-riskji potenzjali;

W.  Billi ma' din ir-riżoluzzjoni hemm annessa Karta dwar ir-Robotika, imħejjija bl-assistenza tal-Unità tal-Prospettiva Xjentifika (STOA), DĠ Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, li tipproponi kodiċi ta' kondotta etika għall-inġiniera tar-robotika, kodiċi għal kumitati tal-etika fir-riċerka, "liċenzja" għad-disinjaturi u "liċenzja" għall-utenti;

X.  billi għandu jiġi adottat approċċ gradwali, pragmatiku u kawt tat-tip promoss minn Jean Monnet(4) għall-Unjoni fir-rigward ta' kwalunkwe inizjattiva futura dwar ir-robotika u l-IA, sabiex jiġi żgurat li ma noħonqux l-innovazzjoni;

Y.  billi huwa xieraq, fid-dawl tal-istadju milħuq fl-iżvilupp tar-robotika u tal-IA, li l-ewwel jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' responsabbiltà ċivili;

Responsabbiltà

Z.  billi, grazzi għall-avvanzi teknoloġiċi impressjonanti tal-aħħar deċennju, ir-robots tal-lum mhux biss jistgħu jwettqu attivitajiet li kienu tipikament u esklużivament tal-bniedem, iżda l-iżvilupp ta' ċerti karatteristiċi awtonomi u konjittivi – eż. il-kapaċità ta' tagħlim mill-esperjenza u t-teħid kważi-indipendenti ta' deċiżjonijiet – għamlithom dejjem aktar simili għal aġenti li jinteraġixxu mal-ambjent tagħhom u huma kapaċi jibdluh b'mod sinifikanti; billi, f'tali kuntest, ir-responsabbiltà legali li tirriżulta permezz ta' azzjoni dannuża ta' robot issir kwistjoni kruċjali;

AA.  billi l-awtonomija ta' robot tista' tiġi definita bħala l-abilità li jieħu deċiżjonijiet u jimplimentahom fid-dinja esterna, indipendentement minn kontroll jew influwenza esterna; billi din l-awtonomija hija biss ta' natura teknoloġika u l-livell tagħha jiddependi fuq kemm tkun tfasslet biex tkun sofistikata l-interazzjoni tar-robot mal-ambjent ta' madwaru;

AB.  billi aktar ma r-robots ikunu awtonomi, anqas ikunu jistgħu jitqiesu li huma sempliċi għodda f'idejn atturi oħra (bħall-manifattur, l-operatur, is-sid, l-utent, eċċ.); billi dan, imbagħad, iqajjem dubji dwar jekk ir-regoli ordinarji dwar ir-responsabbiltà humiex suffiċjenti jew jekk hemmx bżonn ta' prinċipji u regoli speċifiċi li jipprovdu ċarezza dwar ir-responsabbiltà legali tal-atturi varji rigward ir-responsabbiltà għall-atti u l-omissjonijiet ta' robots meta l-kawża ma tkunx tista' tiġi rintraċċata lura għal attur uman speċifiku, u dwar jekk l-atti jew l-omissjonijiet ta' robots li jkunu kkawżaw ħsara setgħux jiġu evitati;

AC.  billi, fl-aħħar mill-aħħar, l-awtonomija tar-robots tqajjem il-kwistjoni dwar jekk in-natura tagħhom għandhiex titqies fid-dawl tal-kategoriji legali eżistenti jew jekk għandhiex tinħoloq kategorija ġdida, bil-karatteristiċi u bl-implikazzjonijiet speċifiċi tagħha;

AD.  billi skont il-qafas legali attwali, ir-robots infushom ma jistgħux jinżammu responsabbli għal atti jew omissjonijiet li jikkawżaw ħsara lil partijiet terzi; billi r-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà jkopru każijiet fejn il-kawża tal-att jew l-omissjoni tar-robot tkun tista' tiġi attribwita lill-aġent bniedem speċifiku bħall-manifattur, l-operatur, is-sid jew l-utent u fejn dak l-aġent ikun seta' jantiċipa u jevita l-imġiba dannuża tar-robot; billi, barra minn hekk, il-manifatturi, l-operaturi, is-sidien jew l-utenti jistgħu jinżammu strettament responsabbli għal atti jew omissjonijiet ta' robot;

AE.  billi skont il-qafas legali attwali għar-responsabbiltà għall-prodott - fejn il-produttur ta' prodott huwa responsabbli għal funzjonament ħażin - u r-regoli dwar ir-responsabbiltà għal azzjonijiet dannużi - fejn l-utent ta' prodott huwa responsabbli għal imġiba li twassal għal ħsara - japplikaw għal ħsara kkawżata minn robots jew IA;

AF.  billi fix-xenarju fejn robot jista' jieħu deċiżjonijiet awtonomi, ir-regoli tradizzjonali mhux se jkunu biżżejjed biex jattivaw ir-responsabbiltà legali għal ħsara kkawżata minn robot, peress li dawn la jippermettu li tiġi identifikata l-parti responsabbli biex tipprovdi kumpens u lanqas li din il-parti tintalab tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata;

AG.  billi n-nuqqasijiet tal-qafas legali attwali huma evidenti wkoll fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali, peress li l-magni mfasslin biex jagħżlu l-kontropartijiet tagħhom, jinnegozjaw it-termini kuntrattwali, jikkonkludu l-kuntratti u jiddeċiedu jekk għandhomx jimplimentawhom u kif għandhom jimplementawhom jagħmlu r-regoli tradizzjonali inapplikabbli; billi dan jenfasizza l-ħtieġa ta' regoli ġodda, effiċjenti u aġġornati, li għandhom jikkonformaw ma’ żviluppi teknoloġiċi u innovazzjonijiet li tfaċċaw reċentement u qed jintużaw fis-suq;

AH.  billi, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, id-Direttiva 85/374/KEE tista' tkopri biss ħsara kkawżata minn difetti tal-manifattura ta' robot u bil-kondizzjoni li l-persuna korruta tkun kapaċi ġġib prova tal-ħsara reali, tad-difett fil-prodott u tar-rabta kawżali bejn il-ħsara u d-difett, u għalhekk ir-responsabbiltà oġġettiva jew ir-responsabbiltà mingħajr ħtija jaf ma tkunx suffiċjenti;

AI.  billi, minkejja l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE, il-qafas legali attwali mhuwiex biżżejjed biex ikopri l-ħsara kkawżata mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' robots, minħabba li dawn jistgħu jiġu mgħammra b'ħiliet ta' adattament u ta' tagħlim li jinvolvi ċertu livell ta' imprevedibilità fir-rigward tal-imġiba tagħhom, peress li dawn ir-robots jitgħallmu b'mod awtonomu mill-esperjenza varjabbli tagħhom stess u jinteraġġixxu mal-ambjent ta' madwarhom b'mod uniku u imprevedibbli;

Prinċipji ġenerali dwar l-iżvilupp tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali għal użu ċivili

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi definizzjonijiet komuni tal-Unjoni ta' sistemi ċiberfiżiċi, sistemi awtonomi, robots awtonomi intelliġenti u s-sottokategoriji tagħhom, billi tqis il-karatteristiċi li ġejjin ta' robot intelliġenti:

   l-akkwist ta' awtonomija permezz ta' sensuri u/jew permezz ta' skambju ta' informazzjoni mal-ambjent tiegħu (interkonnettività) u l-iskambju u l-analiżi ta' dik id-data;
   awtotagħlim mill-esperjenza u permezz tal-interazzjoni (kriterju fakultattiv)
   tal-inqas appoġġ fiżiku minuri;
   l-adattament tal-imġiba u l-azzjonijiet tiegħu skont l-ambjent;
   nuqqas ta' ħajja fis-sens bijoloġiku;

2.  Iqis li sistema komprensiva tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni ta' robots avvanzati għandha tiġi introdotta fi ħdan is-suq intern tal-Unjoni meta dan ikun rilevanti u meħtieġ għal kategoriji speċifiċi ta' robots, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji għall-klassifikazzjoni tar-robots li jkunu jridu jiġu rreġistrati; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tinvestiga jekk ikunx mixtieq li s-sistema ta' reġistrazzjoni u r-reġistru jiġu ġestiti minn Aġenzija tal-UE responsabbli għar-Robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali;

3.  Jenfasizza li l-iżvilupp tat-teknoloġiji robotiċi għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet umani u mhux fuq is-sostituzzjoni tagħhom; iqis essenzjali, fl-iżvilupp tar-robotika u tal-IA, li jiġi żgurat li l-bnedmin dejjem ikollhom kontroll fuq il-magni intelliġenti; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp possibbli ta' rabta emottiva bejn il-bnedmin u r-robots - b'mod partikolari fi gruppi vulnerabbli (tfal, anzjani u persuni b'diżabilità) - u jenfasizza l-kwistjonijiet imqajma mill-impatt emottiv jew fiżiku serju li din ir-rabta emottiva jista' jkollha fuq il-bnedmin;

4.  Jenfasizza li approċċ fuq livell tal-Unjoni jista' jiffaċilita l-iżvilupp billi tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u, fl-istess ħin, jissottolinja l-importanza tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fl-użu transfruntier ta' robots u sistemi robotiċi; ifakkar li l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għandhom ikunu meħtieġa fi Stat Membru wieħed biss; jenfasizza li dan l-approċċ għandu jkun akkumpanjat minn sorveljanza tas-suq effikaċi;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' miżuri li jgħinu lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji l-ġodda fis-settur tar-robotika biex joħolqu segmenti ġodda tas-suq f'dan is-settur jew jagħmlu użu mir-robots;

Riċerka u innovazzjoni

6.  Jenfasizza li ħafna applikazzjonijiet robotiċi għadhom f'fażi sperimentali; jilqa' l-fatt li aktar u aktar proġetti ta' riċerka qed jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri u mill-Unjoni; iqis li huwa essenzjali li l-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri permezz ta' finanzjament pubbliku, jibqa' jkollha rwol ta' tmexxija fir-riċerka dwar ir-robotika u l-IA; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-istrumenti finanzjarji għal proġetti ta' riċerka fil-qasam tar-robotika u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati, u jimplimentaw fil-politiki ta' riċerka tagħhom il-prinċipji ta' xjenza miftuħa u innovazzjoni etika responsabbli; jenfasizza li hemm bżonn li jiġu dedikati biżżejjed riżorsi sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi soċjali, etiċi, ġuridiċi u ekonomiċi, maħluqa mill-iżvilupp teknoloġiku u l-applikazzjonijiet tiegħu;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu programmi ta' riċerka sabiex tiġi stimulata r-riċerka dwar ir-riskji u l-opportunitajiet possibbli fuq perjodu ta' żmien fit-tul tat-teknoloġiji tar-robotika u tal-IA, u jinkoraġġixxu t-tnedija ta' djalogu pubbliku strutturat dwar il-konsegwenzi tal-iżvilupp ta' dawk it-teknoloġiji kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-Programm SPARC iffinanzjat minn Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex jissorveljaw bir-reqqa u jiżguraw tranżizzjoni aktar faċli għal dawn it-teknoloġiji mir-riċerka sal-kummerċjalizzazzjoni u l-użu fis-suq wara li jkunu saru evalwazzjonijiet tas-sikurezza xierqa, b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni;

8.  Jenfasizza li l-innovazzjoni fir-robotika u fl-IA u l-integrazzjoni tat-teknoloġija tar-robotika u l-IA fi ħdan l-ekonomija u s-soċjetà jeħtieġu infrastruttura diġitali li tipprovdi konnettività minn kull lok; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas li se jissodisfa l-ħtiġiet ta' konnettività għall-futur diġitali tal-Unjoni u tiżgura li l-aċċess għall-broadband u n-netwerks 5G huwa konformi b'mod sħiħ mal-prinċipju tan-newtralità tal-internet;

9.  Jemmen bis-sħiħ li l-interoperabilità bejn is-sistemi, it-tagħmir u s-servizzi ta' cloud computing, abbażi tas-sigurtà u l-privatezza fid-disinn, hija indispensabbli biex tippermetti flussi ta' data f'ħin reali li jippermettu li r-robots u l-IA jsiru aktar flessibbli u awtonomi; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi ambjent miftuħ, inklużi standards miftuħa u mudelli ta' liċenzjar innovattivi, kif ukoll pjattaformi miftuħa u trasparenza, sabiex jiġi evitat lock-in teknoloġiku f'sistemi proprjetarji li jirrestrinġu l-interoperabilità;

Prinċipji etiċi

10.  Jinnota li l-potenzjal ta' awtonomizzazzjoni permezz tal-użu tar-robotika huwa kkaratterizzat minn għadd ta' tensjonijiet jew riskji u għandu jiġi vvalutat b'mod serju mil-lat ta' sikurezza, saħħa u sigurtà tal-bniedem; libertà, privatezza, integrità u dinjità; awtodeterminazzjoni u nondiskriminazzjoni, u protezzjoni tad-data personali;

11.  Iqis li l-qafas legali eżistenti tal-Unjoni għandu jiġi aġġornat u kkomplementat, fejn xieraq, b'linji gwida tal-etika skont il-kumplessità tar-robotika u l-bosta implikazzjonijiet bijoetiċi, mediċi u soċjali li ġġib magħha; huwa tal-fehma li meħtieġ qafas ta' gwida dwar l-etika li jkun ċar, rigoruż u effiċjenti għall-iżvilupp, id-disinn, il-produzzjoni, l-użu u l-modifika tar-robots sabiex jikkomplementa r-rakkomandazzjonijiet legali tar-rapport u l-acquis nazzjonali u tal-Unjoni eżistenti; jipproponi, fl-anness għar-Riżoluzzjoni, qafas fil-forma ta' karta magħmula minn kodiċi ta' kondotta għal inġiniera tar-robotika, kodiċi għall-kumitati tal-etika fir-riċerka meta jirrieżaminaw il-protokolli tar-robotika u liċenzji tal-mudelli għad-disinjaturi u l-utenti;

12.  Jenfasizza l-prinċipju tat-trasparenza, jiġifieri li għandu jkun dejjem possibbli li tingħata r-raġuni wara kwalunkwe deċiżjoni meħuda bl-għajnuna ta' IA li jista' jkollha impatt sostanzjali fuq il-ħajja ta' persuna waħda jew aktar; iqis li dejjem irid ikun possibbli li l-komputazzjonijiet tas-sistema tal-IA jiġu ridotti għal forma li tinftiehem mill-bniedem; iqis li robots avvanzati għandhom ikunu mgħammra b'"kaxxa sewda" li tirreġistra d-data dwar kwalunkwe tranżazzjoni mwettqa mill-magna, inkluża l-loġika li kkontribwiet għad-deċiżjonijiet tagħha;

13.  Jirrimarka li l-qafas ta' gwida dwar l-etika għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' benefiċenza, nonkrudeltà, awtonomija u ġustizzja, fuq il-prinċipji u l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħal pereżempju d-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-ġustizzja u l-ekwità, in-nondiskriminazzjoni, il-kunsens infurmat, il-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll fuq prinċipji u valuri bażiċi oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħal nonstigmatizzazzjoni, trasparenza, awtonomija, responsabbiltà individwali u responsabbiltà soċjali, u fuq prattiki u kodiċijiet etiċi eżistenti;

14.  Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-robots li jirrappreżentaw theddida sinifikanti għall-kunfidenzjalità minħabba t-tqegħid tagħhom fi sferi tradizzjonalment protetti u privati u minħabba li huma kapaċi li jagħmlu estrazzjoni u jibagħtu data personali u sensittiva;

Aġenzija Ewropea

15.  Jemmen li kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni hija neċessarja sabiex jiġu żgurati regoli tranfruntiera koerenti madwar l-Unjoni li jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni bejn l-industriji Ewropej u jippermettu l-użu fl-Unjoni kollha ta' robots li jkunu konsistenti kemm mal-livelli meħtieġa ta' sikurezza u sigurtà, kif ukoll mal-prinċipji etiċi minquxa fid-dritt tal-Unjoni;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għar-Robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali sabiex tipprovdi l-għarfien espert tekniku, etiku u regolatorju meħtieġ biex l-atturi pubbliċi rilevanti, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell ta' Stat Membru, jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw reazzjoni tempestiva, etika u informata tajjeb għall-opportunitajiet u l-isfidi l-ġodda, b'mod partikolari dawk ta' natura transfruntiera, li jirriżultaw mill-iżviluppi teknoloġiċi tar-robotika, bħal fis-settur tat-trasport;

17.  Iqis li l-potenzjal u l-problemi marbuta mal-użu tar-robotika u d-dinamiki attwali tal-investiment jiġġustifikaw li din l-Aġenzija Ewropea tiġi pprovduta b'baġit xieraq u b'persunal ta' regolaturi u esperti tekniċi u etiċi esterni ddedikati għas-sorveljanza transsettorjali u multidixxiplinari ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq ir-robotika, li jidentifikaw l-istandards għall-aħjar prattika u, fejn xieraq, tirrakkomanda miżuri regolatorji, li jiddefinixxu prinċipji ġodda u jindirizzaw kwistjonijiet potenzjali ta' ħarsien tal-konsumatur u sfidi sistematiċi; jitlob lill-Kummissjoni (u lill-Aġenzija Ewropea, jekk tinħoloq) tirrapporta (jirrapportaw) lill-Parlament Ewropew dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tar-robotika u dwar kwalunkwe azzjoni li jeħtieġ tittieħed fuq bażi annwali;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-fluss tad-data

18.  Jinnota li m'hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tapplika speċifikament għar-robotika, iżda li s-sistemi u d-duttrini legali eżistenti jistgħu jiġu applikati faċilment għar-robotika, għalkemm jidher li ċerti aspetti jeħtieġu kunsiderazzjoni speċifika; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja approċċ orizzontali u teknoloġikament newtrali fir-rigward tal-proprjetà intellettwali applikabbli għad-diversi setturi fejn jaf tintuża r-robotika;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-regolamenti tad-dritt ċivili fis-settur tar-robotika huma konsistenti mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u konformi mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla fil-qasam tar-robotika, inkluż l-iżvilupp ta' sistemi ċiberfiżiċi, u jiżguraw li d-dritt tal-Unjoni ma jibqax lura f'termini ta' żvilupp u użu teknoloġiku;

20.  Jenfasizza li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali kif minquxa fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għall-oqsma kollha tar-robotika u li l-qafas legali tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data jrid jitħares b'mod sħiħ; jitlob f'dan ir-rigward kjarifika fi ħdan il-qafas ta' implimentazzjoni tal-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tar-regoli u l-kriterji rigward l-użu ta' kameras u sensuri fir-robots; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu segwiti l-prinċipji ta' protezzjoni tad-data bħalma huma l-privatezza fid-disinn u l-privatezza prestabbilita, il-minimizzazzjoni tad-data, il-limitazzjoni tal-iskop, kif ukoll mekkaniżmi ta' kontroll trasparenti għas-suġġetti tad-data u rimedji xierqa b'konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data filwaqt li jitrawmu standards u rakkomandazzjonijiet xierqa u jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni;

21.  Jenfasizza li l-moviment liberu tad-data huwa tal-akbar importanza għall-ekonomija diġitali u għall-iżvilupp fil-qasam tar-robotika u tal-IA; jenfasizza li livell għoli ta' sigurtà fis-sistemi robotiċi, fosthom is-sistemi interni ta' data u flussi ta' data tagħhom, huwa kruċjali li għall-użu xieraq tar-robots u l-IA; jenfasizza li trid tiġi żgurata l-protezzjoni ta' netwerks ta' robots u IA interkonnessi sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur tas-sigurtà potenzjali; jenfasizza li livell għoli ta' sigurtà, protezzjoni tad-data personali flimkien ma' kunsiderazzjoni xierqa għall-privatezza fil-komunikazzjoni bejn il-bnedmin, ir-robots u l-IA huma fundamentali; jenfasizza r-responsabbiltà tad-disinjaturi tar-robotika u l-IA li jiżviluppaw prodotti li jkunu sikuri, siguri u tajbin għall-iskop tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jinċentivaw l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa, inkluża s-sigurtà fid-disinn;

Standardizzazzjoni, sikurezza u sigurtà

22.  Jenfasizza li l-kwistjoni tal-istabbiliment ta' standards u l-għoti ta' interoperabbiltà hija fattur ewlieni għall-kompetizzjoni futura fil-qasam tat-teknoloġiji tal-IA u tar-robotika; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq l-armonizzazzjoni internazzjonali ta' standards tekniċi, b'mod partikolari flimkien mal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, sabiex titrawwem l-innovazzjoni, tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza tal-prodott u ta' protezzjoni tal-konsumatur inklużi, fejn xieraq, standards minimi ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-importanza tal-inġinerija inversa legali u tal-istandards miftuħa, sabiex jiġi mmassimizzat il-valur tal-innovazzjoni u jiġi żgurat li r-robots jistgħu jikkomunikaw ma' xulxin; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' kumitati tekniċi speċjali, bħall-ISO/TC 299 Robotics, iddedikati b'mod esklużiv għall-iżvilupp ta' standards dwar ir-robotika;

23.  Jenfasizza li l-ittestjar tar-robots f'xenarji reali huwa essenzjali għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji li jistgħu jinvolvu, kif ukoll għall-iżvilupp teknoloġiku tagħhom lil hinn minn fażi sempliċement sperimentali fil-laboratorju; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-ittestjar tar-robots f'xenarji reali, b'mod partikolari fil-bliet u fit-toroq, iqajjem numru kbir ta' kwistjonijiet, inklużi ostakli li jnaqqsu r-ritmu tal-iżvilupp ta' dawk il-fażijiet tal-ittestjar u jirrikjedi strateġija u mekkaniżmu ta' sorveljanza effettivi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal kriterji uniformi madwar l-Istati Membri kollha li l-Istati Membri individwali għandhom jużaw biex jidentifikaw oqsma fejn l-esperimenti bir-robots huma permessi, b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni;

Mezzi ta' trasport awtonomi

a)Vetturi awtonomi

24.  Jissottolinja li t-trasport awtonomu jkopri l-forom kollha ta' trasport bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru, inklużi vetturi, ferroviji, bastimenti, vapur, inġenji tal-ajru, droni, ippilotati mill-bogħod, awtomatizzati, konnessi u awtonomi, kif ukoll kull forma futura ta' żvilupp u innovazzjoni f'dan is-settur;

25.  Iqis li s-settur tal-karozzi huwa l-aktar fi bżonn urġenti ta' regoli tal-Unjoni u globali effiċjenti sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp transfruntier ta' vetturi awtomatizzati u awtonomi sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ekonomiku tagħhom u jitgawda l-benefiċċju mill-effetti pożittivi tax-xejriet teknoloġiċi; jenfasizza li approċċi regolatorji frammentati jxekklu l-implimentazzjoni ta' sistemi tat-trasport awtonomi u jheddu l-kompetittività Ewropea;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħin tar-reazzjoni tas-sewwieq, f'każ li jieħu kontroll tal-vettura b'mod mhux ippjanat, huwa ta' importanza vitali u jitlob, għaldaqstant, lill-partijiet interessati jipprovdu għal valuri realistiċi li jiddeterminaw kwistjonijiet ta' sikurezza u ta' responsabbiltà;

27.  Huwa tal-fehma li l-bidla għal vetturi awtonomi se jkollha impatt fuq l-aspetti li ġejjin: ir-responsabbiltà ċivili (ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni), is-sikurezza fit-toroq, is-suġġetti kollha relatati mal-ambjent (eż. l-effiċjenza enerġetika, l-użu ta' teknoloġiji u sorsi tal-enerġija rinnovabbli), il-kwistjonijiet relatati mad-data (eż. l-aċċess għad-data, il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u l-kondiviżjoni tad-data), il-kwistjonijiet relatati mal-infrastruttura tal-ICT (eż. densità għolja ta' komunikazzjoni effiċjenti u affidabbli) u l-impjiegi (eż. il-ħolqien u t-telf ta' impjiegi, it-taħriġ ta' sewwieqa ta' vetturi li jġorru merkanzija tqila dwar l-użu ta' vetturi awtomatizzati); jenfasizza li se jkunu meħtieġa investimenti sostanzjali fl-infrastruttura tat-toroq, tal-enerġija u tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-aspetti msemmija hawn fuq fil-ħidma tagħha dwar vetturi awtonomi;

28.  Jissottolinja l-importanza kritika ta' informazzjoni affidabbli dwar il-pożizzjonament u l-kronometraġġ ipprovduta mill-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo u EGNOS għall-implimentazzjoni ta' vetturi awtonomi, u jħeġġeġ, f'dan ir-rigward, il-finalizzazzjoni u t-tnedija tas-satelliti meħtieġa sabiex tiġi kkompletata s-sistema Ewropea ta' pożizzjonament Galileo;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud għoli li ġej mill-vetturi awtonomi għal persuni b'mobilità mnaqqsa, peress li tali vetturi jippermettulhom jieħdu sehem b'mod aktar effettiv fi trasport bit-triq individwali u b'hekk jiffaċilitawlhom il-ħajja ta' kuljum tagħhom;

b) Droni (Sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod - RPAS)

30.  Jirrikonoxxi l-avvanzi pożittivi fit-teknoloġija tad-droni, b'mod partikolari fil-qasam tat-tiftix u s-salvataġġ; jenfasizza l-importanza ta' qafas tal-Unjoni għall-użu ta' droni għall-protezzjoni tas-sikurezza, tas-sigurtà u tal-privatezza taċ-ċittadini tal-Unjoni, u jitlob lill-Kummissjoni segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-użu sikur ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), komunement magħrufa bħala inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili(5); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjonijiet tal-kwistjonijiet ta' sikurezza relatati mal-użu mifrux tad-droni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-bżonn li tiġi introdotta sistema obbligatorja ta' traċċar u ta' identifikazzjoni għall-RPAS li tippermetti t-traċċar f'ħin reali tal-inġenji tal-ajru waqt li jkunu qed jintużaw; ifakkar li l-omoġeneità u s-sikurezza tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ għandhom jiġu żgurati permezz tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6);

Robots tal-kura

31.  Jissottolinja li r-riċerka u l-iżvilupp tar-robots għall-kura tal-anzjani, matul iż-żmien, saret aktar mifruxa u orħos, u b'hekk qed jinħadmu prodotti b'funzjonalità akbar u aċċettazzjoni usa' min-naħa tal-konsumatur'; jinnota l-firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet ta' tali teknoloġiji li jipprovdu prevenzjoni, assistenza, sorveljanza, stimulazzjoni, u kumpanija kemm lill-anzjani u lill-persuni b'diżabilità kif ukoll lill-persuni li jbatu b'demenzja, disturbi konjittivi jew telf ta' memorja;

32.  Jirrimarka li l-kuntatt uman huwa wieħed mill-aspetti fundamentali tal-kura tal-bniedem; jemmen li s-sostituzzjoni tal-fattur uman bir-robots tista' tiddiżumanizza l-prattiki ta' kura u, min-naħa l-oħra, jirrikonoxxi li r-robotika tista' twettaq kompiti ta' kura awtomatizzati u tista' tiffaċilita l-ħidma tal-assistenti tal-kura, filwaqt li tikkomplementa l-kura tal-bniedem u tagħmel il-proċess ta' riabilitazzjoni aktar immirat, b'tali mod li l-persunal mediku u l-persuni li jipprovdu l-kura jkunu jistgħu jallokaw aktar ħin għad-dijanjosi u għal għażliet ta' trattament ippjanati aħjar; jenfasizza li minkejja li r-robotika għandha l-potenzjal li ttejjeb il-mobilità u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità u l-anzjani, il-bnedmin se jibqgħu meħtieġa fl-għoti tal-kura u se jibqgħu jipprovdu sors importanti ta' interazzjoni soċjali li mhijiex totalment sostitwibbli;

Robots mediċi

33.  Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni, taħriġ u tħejjija adegwati għall-professjonisti tas-saħħa, bħat-tobba u l-assistenti tal-kura, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' kompetenza professjonali, kif ukoll biex tiġi salvagwardjata u protetta saħħet il-pazjenti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu definiti rekwiżiti professjonali minimi li kirurgu għandu jissodisfa sabiex jopera u jitħalla juża robots kirurġiċi; iqis li huwa ta' importanza vitali li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-awtonomija ssorveljata tar-robots, fejn l-ippjanar inizjali tat-trattament u d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tiegħu jibqgħu dejjem f'idejn kirurgu uman; jenfasizza l-importanza speċjali tat-taħriġ sabiex l-utenti jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mar-rekwiżiti teknoloġiċi f'dan il-qasam; jiġbed l-attenzjoni għat-tendenza dejjem tikber tal-awtodijanjosi permezz ta' robot mobbli u, konsegwentement, għall-ħtieġa li t-tobba jkunu mħarrġa kif jittrattaw każijiet ta' awtodijanjosi; iqis li l-użu ta' dawn it-teknoloġiji m'għandux inaqqas jew jagħmel ħsara lir-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent, iżda għandu jagħti lit-tobba assistenza fid-dijanjosi u/jew fit-trattament tal-pazjenti bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta' żball uman u jiżdiedu l-kwalità tal-ħajja u l-istennija tal-għomor;

34.  Jemmen li r-robots mediċi għadhom qed jiksbu progress fil-provvediment ta' kirurġija ta' preċiżjoni għolja u fit-twettiq ta' proċeduri ripetittivi u li dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu l-eżiti fir-riabilitazzjoni, u jipprovdu appoġġ loġistiku effettiv ħafna fl-isptarijiet; jinnota li r-robots mediċi għandhom il-potenzjal li jnaqqsu wkoll l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa billi jippermettu li l-professjonisti mediċi jdawru l-attenzjoni tagħhom mit-trattament għall-prevenzjoni u billi jagħmlu disponibbli aktar riżorsi baġitarji għal aġġustament aħjar għad-diversità tal-ħtiġijiet tal-pazjenti, għat-taħriġ kontinwu tal-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u għar-riċerka;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċeduri għall-ittestjar ta' apparati mediċi robotiċi ġodda huma sikuri, b'mod partikolari fil-każ ta' apparati li jiġu impjantati fil-ġisem uman, qabel id-data li fiha r-Regolament (UE) 2017/745 dwar l-apparati mediċijsir applikabbli;

Tiswija u titjib tal-bniedem

36.  Jinnota l-avvanzi kbar u l-potenzjal ulterjuri tar-robotika fil-qasam tat-tiswija u s-sostituzzjoni ta' organi u funzjonijiet tal-bniedem danneġġjati, iżda wkoll il-mistoqsijiet kumplessi maħluqa b'mod partikolari mill-possibilitajiet ta' titjib tal-bniedem, peress li r-robots mediċi u b'mod partikolari s-sistemi ċiberfiżiċi (SĊF) jistgħu jbiddlu l-kunċetti tagħna dwar il-ġisem ta' bniedem b'saħħtu, minħabba li jistgħu jintlibsu direttament fuq il-ġisem tal-bniedem jew jiġu impjantati fih; jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment b'urġenza ta' kumitati dwar l-etika tar-robots b'persunal adegwat fl-isptarijiet u f'istituzzjonijiet oħra tal-kura tas-saħħa, bil-kompitu li jikkunsidraw u jassistu fis-soluzzjoni ta' problemi etiċi kumplessi mhux tas-soltu, li jinvolvu kwistjonijiet li jaffettwaw il-kura u t-trattament tal-pazjenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw linji gwida biex jgħinu fl-istabbiliment u fil-funzjonament ta' tali kumitati;

37.  Jindika li għall-qasam tal-applikazzjonijiet mediċi vitali, bħal dak tal-proteżijiet robotiċi, jeħtieġ li jiġi żgurat aċċess kontinwu u sostenibbli għall-manutenzjoni, it-titjib, u b'mod partikolari, l-aġġornamenti tas-softwer li jsewwu l-funzjonament ħażin u l-vulnerabilitajiet;

38.  Jirrakkomanda l-ħolqien ta' entitajiet indipendenti affidabbli biex iżommu l-mezzi neċessarji biex jipprovdu servizzi lil persuni li jġorru apparati mediċi vitali u avvanzati, bħal manutenzjoni, tiswijiet u titjib, inklużi aġġornamenti tas-softwer, b'mod speċjali fil-każ fejn tali manutenzjoni ma tkunx għadha titwettaq mill-fornitur oriġinali; jissuġġerixxi l-ħolqien ta' obbligu li l-manifatturi jipprovdu lil dawn l-entitajiet indipendenti affidabbli b'istruzzjonijiet komprensivi tad-disinn inkluż il-kodiċi tas-sors, b'mod simili għad-depożitu ġuridiku tal-pubblikazzjonijiet f'bibljoteka nazzjonali;

39.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riskji assoċjati mal-possibilità li s-SĊF integrati fil-ġisem tal-bniedem jistgħu jiġu ħħekkjati jew mitfija jew jitħassrulhom il-memorji tagħhom, għaliex dan jista' jipperikola s-saħħa tal-bniedem, u f'każijiet estremi anke l-ħajja tal-bniedem, u jenfasizza għalhekk il-prijorità li għandha tkun marbuta mal-protezzjoni ta' tali sistemi;

40.  Jissottolinja l-importanza li jkun żgurat aċċess ugwali għal kulħadd għal tali interventi, għodod u innovazzjonijiet teknoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' assistenza sabiex jiġu ffaċilitati l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' dawn it-teknoloġiji minn dawk li għandhom bżonnhom, b'konformità mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li għaliha l-Unjoni hija parti;

Edukazzjoni u impjiegi

41.  Jiġbed l-attenzjoni għall-previżjoni tal-Kummissjoni li sal-2020, l-Ewropa jaf tkun qed tiffaċċja nuqqas ta' professjonisti tal-ICT li jista' jammonta għal massimu ta' 825 000 u li 90 % tal-impjiegi se jirrikjedu tal-inqas ħiliet diġitali bażiċi; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi pjan direzzjonali għall-użu u r-reviżjoni possibbli ta' qafas ta' Kompetenza Diġitali, u ta' deskritturi tal-Kompetenzi Diġitali għal-livelli kollha ta' studenti, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ sinifikanti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet diġitali fil-gruppi ta' kull età u irrispettivament mill-istatus ta' impjieg, bħala l-ewwel pass lejn l-allinjament aħjar tan-nuqqasijiet u tad-domanda tas-suq tax-xogħol; jenfasizza li t-tkabbir fir-robotika jirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw sistemi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni aktar flessibbli sabiex jiżguraw li l-istrateġiji tal-ħiliet jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija robotika;

42.  Iqis li l-attrazzjoni ta' aktar żgħażagħ nisa lejn karriera diġitali u aktar nisa f'impjiegi diġitali ikun ta' benefiċċju għall-industrija diġitali, għan-nisa nfushom u għall-ekonomija tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu inizjattivi sabiex jappoġġjaw lin-nisa fl-ICT u jsaħħu l-kompetenzi diġitali tagħhom;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi u sorveljanza aktar mill-qrib tat-tendenzi tal-impjiegi fuq perjodu ta' żmien medju u twil, b'attenzjoni speċjali fir-rigward tal-ħolqien, taċ-ċaqliq u tat-telf ta' impjiegi fl-oqsma ta' kwalifika differenti sabiex ikun magħruf f'liema oqsma qed jinħolqu l-impjiegi u liema huma dawk fejn qed jinqerdu l-impjiegi minħabba ż-żieda fl-użu tar-robots;

44.  Jenfasizza l-importanza tal-previżjoni tal-bidliet fis-soċjetà, fid-dawl tal-effett potenzjali tal-iżvilupp u l-użu tar-robotika u l-IA; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza xenarji possibbli differenti u l-konsegwenzi tagħhom fuq il-vijabilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri

45.  Jenfasizza l-importanza tal-flessibbiltà tal-ħiliet u tal-kompetenzi soċjali, kreattivi u diġitali fl-edukazzjoni; huwa ċert li, minbarra l-iskejjel li joffru għarfien akkademiku, it-tagħlim tul il-ħajja jeħtieġ li jinkiseb permezz ta' attività tul il-ħajja;

46.  Jinnota l-potenzjal kbir tar-robotika għat-titjib tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol permezz tat-trasferiment ta' għadd ta' kompiti perikolużi u ta' ħsara lir-robots, iżda fl-istess ħin jinnota l-potenzjal tagħhom li joħolqu sett ta' riskji ġodda minħabba l-għadd dejjem jikber tal-interazzjonijiet bejn il-bniedem u r-robots fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġu applikati regoli stretti u li jħarsu 'l quddiem għall-interazzjonijiet bejn il-bniedem u r-robots sabiex jiġu żgurati s-saħħa, is-sikurezza u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol;

Impatt ambjentali

47.  Jinnota li l-iżvilupp tar-robotika u tal-IA għandu jsir b'tali mod li l-impatt ambjentali jkun limitat permezz tal-konsum effikaċi tal-enerġija, permezz tal-effiċjenza fl-enerġija bil-promozzjoni tal-użu ta' enerġija rinnovabbli u ta' materjali skarsi, permezz ta' rata minima ta' skart, bħal skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku, u permezz tal-possibilità ta' tiswija; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari fi kwalunkwe politika tal-Unjoni dwar ir-robotika; jinnota li l-użu tar-robotika se jkollu impatt pożittiv ukoll fuq l-ambjent, speċjalment fl-oqsma tal-agrikoltura, tal-provvista tal-ikel u tat-trasport, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis fid-daqs tal-makkinarju u t-tnaqqis fl-użu ta' fertilizzanti, enerġija u ilma, kif ukoll permezz ta' biedja ta' preċiżjoni u ottimizzazzjoni tar-rotot;

48.  Jenfasizza li s-SĊF se jwasslu għall-ħolqien ta' sistemi tal-enerġija u tal-infrastruttura li kapaċi jikkontrollaw il-fluss ta' elettriku mill-produttur sal-konsumatur, u se jirriżultaw ukoll fil-ħolqien ta' "prosumaturi" tal-enerġija, li kemm jipproduċu kif ukoll jikkonsmaw l-enerġija; sabiex b'hekk jingħata lok għal benefiċċji ambjentali kbar;

Responsabbiltà

49.  Iqis li r-responsabbiltà ċivili għal ħsara kkawżata mir-robots hija kwistjoni kruċjali li wkoll jeħtieġ tiġi analizzata u indirizzata fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun żgurat l-istess livell ta' effiċjenza, trasparenza u konsistenza fl-implimentazzjoni ta' ċertezza legali madwar l-Unjoni Ewropea għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini, kemm tal-konsumaturi u kemm tan-negozji;

50.  Jinnota li l-iżvilupp tat-teknoloġija tar-robotika se jirrikjedi fehim ulterjuri tal-bażi komuni meħtieġa għall-attività konġunta bejn il-bnedmin u r-robots, li għandha tkun stabbilita fuq żewġ relazzjonijiet interdipendenti ewlenin, jiġifieri l-kapaċità ta' previżjoni u l-kapaċità ta' direzzjoni; jindika li dawn iż-żewġ relazzjonijiet interdipendenti huma kruċjali biex jiġi ddeterminat liema informazzjoni jeħtieġ li tiġi kondiviża bejn il-bnedmin u r-robots u kif tista' tintlaħaq bażi komuni bejn il-bnedmin u r-robots bl-għan li tkun tista' tittieħed azzjoni konġunta mingħajr intoppi bejn il-bnedmin u r-robots;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, proposta għal strument leġiżlattiv dwar kwistjonijiet legali marbuta mal-iżvilupp u l-użu tar-robotika u tal-IA prevedibbli f'dawn l-10 snin sa 15-il sena li ġejjin, ikkombinat ma' strumenti mhux leġiżlattivi bħal linji gwida u kodiċijiet ta' kondotta kif imsemmi fir-rakkomandazzjonijiet stipulati fl-Anness;

52.  Iqis li, tkun xi tkun is-soluzzjoni ġuridika applikata għar-responsabbiltà ċivili għal ħsara kkawżata mir-robots f'każijiet oħra barra dawk ta' ħsara lil proprjetà, l-istrument leġiżlattiv futur ma għandu bl-ebda mod jirrestrinġi t-tip jew l-ammont ta' ħsarat li jistgħu jiġu rkuprati, u lanqas ma għandu jillimita l-forom ta' kumpens li jistgħu jiġu offruti lill-parti leża, sempliċement għar-raġuni li dik il-ħsara tkun ikkawżata minn aġent li mhux bniedem;

53.  Iqis li l-istrument leġiżlattiv futur għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni fil-fond mill-Kummissjoni li tiddetermina jekk għandhomx jiġu applikati r-responsabbiltà oġġettiva jew l-approċċ tal-ġestjoni tar-riskju;

54.  Jinnota fl-istess ħin li r-responsabbiltà oġġettiva tirrikjedi biss il-prova li l-ħsara tkun seħħet u l-istabbiliment ta' rabta kawżali bejn il-funzjonament dannuż tar-robot u d-dannu soffert mill-parti leża;

55.  Jinnota li l-approċċ tal-ġestjoni tar-riskju ma jiffokax fuq il-persuna "li aġixxiet b'mod negliġenti" bħala individwalment responsabbli iżda fuq il-persuna li tista', f'ċerti ċirkostanzi, timminimizza r-riskji u tindirizza l-impatti negattivi;

56.  Iqis li, fil-prinċipju, ladarba l-partijiet finalment responsabbli jkunu ġew identifikati, ir-responsabbiltà tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-livell reali ta' istruzzjonijiet mogħtija lir-robot u mal-livell ta' awtonomija tiegħu, b'tali mod li aktar ma tkun kbira l-kapaċità ta' tagħlim jew l-awtonomija tar-robot, u aktar ma jkun twil it-taħriġ tar-robot, aktar għandha tkun kbira r-responsabbiltà ta' min iħarrġu; jinnota, b'mod partikolari, li l-ħiliet li jirriżultaw minn "taħriġ" mogħti lil robot m'għandhomx ikunu konfużi mal-ħiliet li jiddependu strettament mill-awtotagħlim tiegħu, meta tkun qed tiġi identifikata l-persuna effettivament responsabbli għall-imġiba ta' ħsara tar-robot; jinnota li, tal-inqas fl-istadju attwali, ir-responsabbiltà tinkombi fuq il-bniedem u mhux fuq robot;

57.  Jirrimarka li soluzzjoni possibbli għall-kumplessità tal-allokazzjoni ta' responsabbiltà għall-ħsara kkawżata minn robots dejjem aktar awtonomi tista' tkun skema ta' assigurazzjoni obbligatorja, kif diġà huwa l-każ, pereżempju, bil-karozzi; jinnota, madankollu, li b'differenza mis-sistema tal-assigurazzjoni għat-traffiku fit-toroq, fejn l-assigurazzjoni tkopri atti jew nuqqasijiet umani, sistema ta' assigurazzjoni għar-robotika għandha tqis ir-responsabbiltajiet potenzjali kollha fil-katina;

58.  Iqis li, bħal fil-każ ta' assigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur, tali sistema ta' assigurazzjoni tista' tiġi ssupplementata b'fond sabiex jiġi żgurat li jkun jista' jingħata kumpens għall-ħsara f'każijiet fejn ma tkun teżisti l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni; jistieden lill-industrija tal-assigurazzjoni tiżviluppa prodotti ġodda u tipi ta' offerti li jkunu konformi mal-avvanzi fir-robotika;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-istrument leġiżlattiv futur tagħha, tesplora, tanalizza u tikkunsidra l-implikazzjonijiet tas-soluzzjonijiet legali kollha possibbli, bħal:

   a) l-istabbiliment ta' skema ta' assigurazzjoni obbligatorja fejn rilevanti u meħtieġ għal kategoriji speċifiċi ta' robots li biha, b'mod simili għal dak li diġà jiġri fil-każ tal-karozzi, il-produtturi jew is-sidien tar-robots ikunu obbligati jissottoskrivu għal assigurazzjoni li tkopri l-ħsarat potenzjali kkawżati mir-robots tagħhom;
   b) l-iżgurar ta' fond ta' kumpens mhux talli jservi biex jiggarantixxi kumpens jekk il-ħsara kkawżata minn robot ma kinitx koperta minn assigurazzjoni;
   c) il-possibbiltà li l-manifattur, il-programmatur, is-sid jew l-utent jibbenefikaw minn responsabbiltà limitata jekk jikkontribwixxu għal fond ta' kompens, kif ukoll jekk jissottoskrivu b'mod konġunt għal assigurazzjoni biex ikopru ħsara ikkawżata mir-robots;
   d) it-teħid ta' deċiżjoni biex jinħoloq fond ġenerali għar-robots awtonomi intelliġenti kollha jew biex jinħoloq fond individwali għal kull kategorija ta' robots, u jekk kontribuzzjoni għandhiex titħallas bħala tariffa unika meta r-robot jitqiegħed fis-suq jew jekk għandhomx jitħallsu kontribuzzjonijiet perjodiċi matul il-ħajja tar-robot;
   e) l-iżgurar tar-rabta bejn robot u l-fond tiegħu issir viżibbli permezz ta' numru ta' reġistrazzjoni individwali li jidher f'reġistru speċifiku tal-Unjoni, li jippermetti li kull minn jinteraġixxi mar-robot ikun informat dwar in-natura tal-fond, il-limiti tar-responsabbiltà tiegħu fil-każ ta' ħsara lil proprjetà, l-ismijiet u l-funzjonijiet tal-kontributuri u d-dettalji rilevanti l-oħra kollha;
   f) il-ħolqien ta' status legali speċifiku għar-robots, sabiex talanqas l-aktar robots awtonomi sofistikati jkunu jistgħu jiġu stabbiliti bħala li għandhom l-istatus ta' persuni elettroniċi responsabbli biex jagħmlu tajjeb għal kwalunkwe ħsara li jistgħu jikkawżaw, u possibbilment l-applikazzjoni ta' personalità elettronika għal każijiet fejn ir-robots jieħdu deċiżjonijiet awtonomi intelliġenti jew inkella jinteraġixxu ma' partijiet terzi b'mod indipendenti;

Aspetti internazzjonali

60.  Jinnota li għalkemm ir-regoli ġenerali attwali tad-dritt internazzjonali privat dwar l-inċidenti tat-traffiku applikabbli fi ħdan l-Unjoni ma jeħtiġux modifika sostantiva urġenti biex jakkomodaw l-iżvilupp ta' vetturi awtonomi, is-semplifikazzjoni tas-sistema doppja attwali għad-definizzjoni tal-liġi applikabbli (abbażi tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta' Mejju 1971 dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku) ittejjeb iċ-ċertezza legali u tillimita l-possibilitajiet ta' għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni;

61.  Jinnota l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati emendi għal ftehimiet internazzjonali bħal pereżempju l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq tat-8 ta' Novembru 1968 u l-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku;

62.  Jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt internazzjonali, bħal pereżempju l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq, li jeħtieġ li tiġi emendata, b'mod uniformi sabiex is-sewqan mingħajr sewwieq isir possibbli, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija jimplimentaw l-objettivi tad-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam malajr kemm jista' jkun;

63.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-kooperazzjoni internazzjonali fl-iskrutinju tal-isfidi soċjetali, etiċi u ġuridiċi u mbagħad fl-iffissar ta' standards regolatorji taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti;

64.  Jinnota li r-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 428/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) dwar l-użu doppju" dwar il-kummerċ ta' oġġetti b'użu doppju – oġġetti, softwer u teknoloġija li jistgħu jintużaw għal applikazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari u/jew jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa – għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet tar-robotika wkoll;

Aspetti finali

65.  Jitlob lill-Kummisjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikolu 225 tat-TFUE, tippreżenta proposta fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE għal direttiva dwar regoli tad-dritt ċivili dwar ir-robotika, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Anness;

66.  Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta' sussidjarjetà;

67.  Hu tal-fehma li l-proposta mitluba jkollha implikazzjonijiet finanzjarji jekk titwaqqaf aġenzija Ewropea ġdida;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Definizzjoni u klassifikazzjoni ta' "robots intelliġenti"

Għandha tiġi stabbilita definizzjoni Ewropea komuni ta' robots awtonomi "intelliġenti", li fejn ikun xieraq, tinkludi definizzjonijiet tas-sottokategoriji tagħha, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi li ġejjin:

–  il-kapaċità li r-robot jikseb l-awtonomija permezz ta' sensers u/jew permezz tal-iskambju ta' data mal-ambjent tiegħu (l-interkonnettività) u l-analiżi ta' din id-data

–  il-kapaċità li jitgħallem mill-esperjenza u l-interazzjoni;

–  il-forma tal-appoġġ fiżiku tar-robot;

–  il-kapaċità li jadatta l-imġiba u l-azzjonijiet tiegħu għall-ambjent tiegħu.

Reġistrazzjoni ta' robots intelliġenti

Għal skopijiet ta' traċċabilità u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ulterjuri, għandha tiġi introdotta sistema ta' reġistrazzjoni ta' robots avvanzati, abbażi tal-kriterji stabbiliti għall-klassifikazzjoni tar-robots. Is-sistema ta' reġistrazzjoni u r-reġistru għandhom ikunu mifruxa mal-Unjoni kollha, biex b'hekk ikopru s-suq intern, u jistgħu jiġu ġestiti minn Aġenzija tal-UE għar-Robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali, jekk tinħoloq tali Aġenzija.

Responsabbiltà ċivili

Kwalunkwe soluzzjoni ġuridika li tintgħażel biex tiġi applikata għar-responsabbiltà tar-robots u tal-intelliġenza artifiċjali f'każijiet li jeskludu dawk ta' ħsara lil proprjetà, m'għandha bl-ebda mod tirrestrinġi t-tip jew l-ammont ta' ħsarat li jistgħu jiġu rkuprati, u lanqas m'għandha tillimita l-forom ta' kumpens li jistgħu jiġu offruti lill-parti leża, sempliċement għar-raġuni li dik il-ħsara hija kkawżata minn aġent li mhux bniedem.

L-istrument leġiżlattiv futur għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni fil-fond mill-Kummissjoni li tiddefinixxi jekk għandhomx jiġu applikati r-responsabbiltà oġġettiva jew l-approċċ tal-ġestjoni tar-riskju;

Għandha tiġi stabbilita skema tal-assigurazzjoni obbligatorja, li tista' tkun ibbażata fuq l-obbligu tal-produttur li jkollu assigurazzjoni għar-robots awtonomi li jipproduċi.

Is-sistema ta' assigurazzjoni għandha tiġi supplementata b'fond sabiex jiġi żgurat li jkun jista' jingħata kumpens għall-ħsarat f'każijiet fejn ma tkun teżisti l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni.

Kwalunkwe deċiżjoni ta' politika dwar ir-regoli ta' responsabbiltà ċivili applikabbli għar-robots u l-intelliġenza artifiċjali għandha tittieħed b'konsultazzjoni xierqa ta' proġett ta' riċerka u żvilupp madwar l-Ewropa kollha ddedikat għar-robotika u n-newroxjenza, ma' xjenzjati u esperti li huma kapaċi jivvalutaw ir-riskji u l-konsegwenzi kollha relatati;

Interoperabilità, aċċess għall-kodiċi u drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Għandha tiġi żgurata l-interoperabilità ta' robots awtonomi konnessi permezz ta' netwerk li jinteraġixxu ma' xulxin. L-aċċess għall-kodiċi tas-sors, id-data tal-input, u d-dettalji tal-kostruzzjoni għandu jkun disponibbli meta meħtieġ, sabiex jiġu investigati inċidenti u ħsara kkawżati minn robots intelliġenti, kif ukoll sabiex jiġu żgurati l-operazzjoni, id-disponibbiltà, l-affidabbiltà, is-sikurezza u s-sigurtà kontinwi tagħhom.

Karta dwar ir-Robotika

Il-Kummissjoni, meta tipproponi leġiżlazzjoni dwar ir-robotika, għandha tqis il-prinċipji minquxa fil-Karta dwar ir-Robotika li ġejja.

KARTA DWAR IR-ROBOTIKA

Il-kodiċi ta' kondotta etika propost fil-qasam tar-robotika se jwitti t-triq għall-identifikazzjoni, is-sorveljanza u l-konformità ma' prinċipji etiċi fundamentali mill-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp.

Il-qafas, abbozzat f'konsultazzjoni ma' proġett ta' riċerka u żvilupp madwar l-Ewropa kollha ddedikat għar-robotika u n-newroxjenza, għandu jitfassal b'mod riflessiv li jippermetti li jsiru aġġustamenti individwali fuq bażi ta' każ b'każ sabiex jiġi vvalutat jekk imġiba partikolari tkunx korretta jew żbaljata f'sitwazzjoni partikolari u biex jittieħdu deċiżjonijiet skont ġerarkija ta' valuri prestabbilita.

Il-kodiċi ma għandux jissostitwixxi l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi legali prinċipali kollha f'dan il-qasam, iżda għandu jkollu funzjoni komplementari. Huwa, minflok, se jiffaċilita l-kategorizzazzjoni etika tar-robotika, se jsaħħaħ l-isforzi ta' innovazzjoni responsabbli f'dan il-qasam u se jindirizza t-tħassib tal-pubbliku.

Għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq il-fażijiet ta' riċerka u żvilupp tat-trajettorja teknoloġika rilevanti (proċess tad-disinn, rieżami tal-etika, kontrolli tal-awditjaw, eċċ.). Għandu jkollu l-għan li jindirizza l-ħtieġa ta' konformità min-naħa tar-riċerkaturi, il-prattikanti, l-utenti u d-disinjaturi mal-istandards etiċi, iżda għandu jintroduċi wkoll proċedura għat-tħejjija ta' mod biex jissolvew id-dilemmi etiċi rilevanti u biex dawn is-sistemi jitħallew jiffunzjonaw b'mod etikament responsabbli.

KODIĊI TA' KONDOTTA ETIKA GĦALL-INĠINIERA TAR-ROBOTIKA

PREAMBOLU

Il-Kodiċi ta' Kondotta jistieden lir-riċerkaturi u lid-disinjaturi kollha biex jaġixxu b'mod responsabbli u b'konsiderazzjoni assoluta għall-ħtieġa tar-rispett tad-dinjità, il-privatezza u s-sikurezza tal-bniedem.

Il-Kodiċi jitlob kooperazzjoni mill-qrib fost id-dixxiplini kollha sabiex jiġi żgurat li r-riċerka robotika titwettaq fl-Unjoni Ewropea b'mod sikur, etiku u effettiv.

Il-Kodiċi ta' Kondotta jkopri l-attivitajiet kollha ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tar-robotika.

Il-Kodiċi ta' Kondotta huwa fakultattiv u joffri ġabra ta' prinċipji ġenerali u linji gwida għal azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-partijiet interessati kollha.

Korpi ta' finanzjament tar-riċerka fil-qasam tar-robotika, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, ir-riċerkaturi u l-kumitati tal-etika huma mħeġġa jqisu, fl-istadji l-aktar bikrija, l-implikazzjonijiet futuri tat-teknoloġiji u tal-oġġetti li dwarhom qiegħda ssir ir-riċerka u jiżviluppaw kultura ta' responsabbiltà fir-rigward tal-isfidi u l-opportunitajiet li jistgħu jinqalgħu fil-futur.

Korpi ta' finanzjament pubbliċi u privati tar-riċerka fir-robotika għandhon jitolbu li l-valutazzjoni tar-riskju titwettaq u tiġi ppreżentata flimkien ma' kull proposta li titressaq għall-finanzjament ta' riċerka fir-robotika. Tali kodiċi għandu jqis lill-bniedem, mhux lir-robots, bħala l-aġent responsabbli.

Riċerkaturi fil-qasam tar-robotika għandhom jintrabtu bl-ogħla kondotta etika u professjonali u jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

Benefiċenza – ir-robots għandhom jaġixxu fl-aħjar interessi tal-bniedem;

Nonkrudeltà – id-duttrina ta' "l-ewwel, la tagħmilx ħsara", li permezz tagħha r-robots m'għandhomx jagħmlu ħsara lill-bniedem;

Awtonomija – il-kapaċità li jagħmel deċiżjoni informata, mhux koerċizzata dwar it-termini ta' interazzjoni mar-robots;

Ġustizzja – distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji assoċjati mar-robotika u l-affordabilità ta' robots tal-kura fid-dar u tal-kura tas-saħħa b'mod partikolari.

Drittijiet Fundamentali

L-attivitajiet ta' riċerka fir-robotika għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jsiru fl-interess tal-benesseri u tal-awtodeterminazzjoni tal-individwu u tas-soċjetà inġenerali fid-disinn, l-implimentazzjoni, it-tixrid u l-użu tagħhom. Id-dinjità u l-awtonomija tal-bniedem – kemm dik fiżika kif ukoll dik psikoloġika – għandha dejjem tiġi rispettata.

Prekawzjoni

L-attivitajiet ta' riċerka fir-robotika għandhom jitwettqu skont il-prinċipju tal-prekawzjoni, u jantiċipaw l-impatti potenzjali tar-riżultati fuq is-sikurezza u jieħdu prekawzjonijiet xierqa, proporzjonali mal-livell ta' protezzjoni, filwaqt li jinkoraġġixxu l-progress għall-benefiċċju tas-soċjetà u tal-ambjent.

Inklużività

L-inġiniera tar-robotika jiggarantixxu t-trasparenza u r-rispett għad-dritt leġittimu tal-aċċess għall-informazzjoni mill-partijiet interessati kollha. L-inklużività tippermetti l-parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-partijiet interessati kollha involuti jew konċernati fl-attivitajiet tar-riċerka fil-qasam tar-robotika.

Responsabbiltà

L-inġiniera tar-robotika għandhom jibqgħu responsabbli għall-impatti soċjali, ambjentali u fuq is-saħħa tal-bniedem li r-robotika jaf timponi fuq il-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.

Sikurezza

Id-disinjaturi tar-robots għandhom iqisu u jirrispettaw il-benesseri fiżiku, is-sikurezza, is-saħħa u d-drittijiet tal-bniedem. Inġinier tar-robotika għandu jippreserva l-benesseri tal-bniedem, filwaqt li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, u jiżvela fil-pront fatturi li jistgħu jipperikolaw lill-pubbliku jew lill-ambjent.

Riversibilità

Ir-riversibilità, peress li hija kundizzjoni meħtieġa tal-kontrollabilità, hija kunċett fundamentali meta r-robots jiġu pprogrammati biex iġibu ruħhom b'mod sikur u affidabbli. Il-mudell tar-riversibilità jgħid lir-robot liema azzjonijiet huma riversibbli u kif ireġġahom lura jekk ikunu riversibbli. Il-kapaċità li jneħħu l-aħħar azzjoni jew sekwenza ta' azzjonijiet tippermetti lill-utenti jneħħu l-azzjonijiet mhux mixtieqa u jerġgħu lura għall-istadju "tajjeb" ta' xogħolhom.

Privatezza

Id-dritt għall-privatezza għandu dejjem jiġi rispettat. Inġinier tar-robotika għandu jiżgura li l-informazzjoni privata tinżamm sikura u tintuża biss b'mod xieraq. Barra minn hekk, inġinier tar-robotika għandu jiżgura li l-individwi ma jkunux personalment identifikabbli, apparti f'ċirkostanzi straordinarji u dan biss b'kunsens ċar, mhux ambigwu, u informat. Il-kunsens informat tal-bniedem għandu jitfittex u jinkiseb qabel kull interazzjoni bejn bniedem u magna. Bħala tali, id-disinjaturi tar-robotika għandhom ir-responsabbiltà li jiżviluppaw u jsegwu proċeduri għall-kunsens validu, il-kunfidenzjalità, l-anonimità, it-trattament ġust u l-proċess korrett. Id-disinjaturi se jikkonformaw ma' kwalunkwe talba biex kwalunkwe data relatata tinqered, u titneħħa minn kwalunkwe ġabra ta' data.

Massimizzazzjoni tal-benefiċċji u minimizzazzjoni tal-ħsara

Ir-riċerkaturi għandhom ifittxu li jimmassimizzaw il-benefiċċji tax-xogħol tagħhom fl-istadji kollha, mill-bidu nett sad-disseminazzjoni. Għandha tiġi evitata kull ħsara lil parteċipanti fir-riċerka, suġġett uman, parteċipant jew suġġett f'esperiment, prova jew studju. Meta r-riskji jirriżultaw b'mod inevitabbli u jkunu parti integrali tar-riċerka, valutazzjoni robusta tar-riskju u protokolli ta' ġestjoni għandhom jiġu żviluppati u rispettati. Normalment, ir-riskju ta' ħsara m'għandux ikun akbar minn dak li jirriżulta fil-ħajja ordinarja, jiġifieri l-bnedmin ma għandhomx ikunu esposti għal riskji akbar minn jew addizzjonali għal dawk li għalihom ikunu esposti fl-istili ta' ħajja normali tagħhom. It-tħaddim tas-sistema tar-robotika għandu dejjem ikun ibbażat fuq proċess ta' valutazzjoni bir-reqqa tar-riskju, li għandu jkun informat mill-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità.

KODIĊI GĦALL-KUMITATI TA' ETIKA FIR-RIĊERKA (KER)

Prinċipji

Indipendenza

Il-proċess ta' rieżami etiku għandu jkun indipendenti mir-riċerka nnifisha. Dan il-prinċipju jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati kunflitti ta' interess bejn ir-riċerkaturi u dawk li jirrieżaminaw il-protokoll tal-etika, u bejn ir-rieżaminaturi u l-istrutturi ta' governanza organizzattiva.

Kompetenza

Il-proċess ta' rieżami etiku għandu jitwettaq minn rieżaminaturi li jkollhom l-għarfien espert xieraq, waqt li titqies il-ħtieġa ta' kunsiderazzjoni b'attenzjoni tal-firxa tas-sħubija u t-taħriġ speċifiku fl-etika tal-KER.

Trasparenza u responsabbilità

Il-proċess ta' rieżami għandu jsir b'mod responsabbli u miftuħ għal skrutinju. Jeħtieġ li l-KER jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet tagħhom u jkunu f'pożizzjoni xierqa fl-istrutturi organizzattivi li jagħtu trasparenza lill-operat u l-proċeduri tal-KER sabiex iżommu u jirrieżaminaw l-istandards.

Ir-rwol ta' Kumitat ta' Etika fir-Riċerka

KER normalment ikun responsabbli biex jagħmel rieżami tar-riċerka kollha li tinvolvi parteċipanti umani mwettqa minn persuni impjegati fi ħdan jew mill-istituzzjoni kkonċernata; jiżgura li r-rieżami etiku jkun indipendenti, kompetenti u f'waqtu; jipproteġi d-dinjità, id-drittijiet u l-benesseri tal-parteċipanti fir-riċerka; iqis is-sigurtà tar-riċerkatur(i); iqis l-interessi leġittimi tal-partijiet interessati l-oħra; jilħaq ġudizzji informati dwar il-mertu xjentifiku tal-proposti; u li jagħmel rakkomandazzjonijiet informati lir-riċerkatur jekk jinstab li l-proposta jkollha xi nuqqas f'xi aspett.

Il-kostituzzjoni ta' Kumitat ta' Etika fir-Riċerka

KER normalment għandu jkun multidixxiplinarju; jinkludi kemm irġiel kif ukoll nisa; ikun magħmul minn membri b'esperjenza estensiva u għarfien espert fil-qasam tar-riċerka fir-robotika. Il-mekkaniżmu tal-ħatra għandu jiżgura li l-membri tal-Kumitat jipprovdu bilanċ xieraq ta' għarfien xjentifiku, sfond filosofiku, legali jew etiku, u jħejju opinjonijiet, u li jinkludu mill-inqas membru wieħed b'għarfien speċjalizzat fl-etika, utenti ta' servizzi speċjalizzati tas-saħħa u tal-edukazzjoni jew servizzi soċjali meta dawn ikunu l-qalba tal-attivitajiet ta' riċerka, u individwi b'għarfien espert metodoloġiku speċifiku rilevanti għar-riċerka li jirrieżaminaw; u jridu jkunu kostitwiti b'mod li jiġu evitati l-kunflitti ta' interess.

Sorveljanza

L-organizzazzjonijiet ta' riċerka kollha għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa biex jimmonitorjaw it-twettiq ta' riċerka li tkun irċeviet approvazzjoni etika qabel ma tkun tlestiet, u sabiex jiġi żgurat rieżami meta d-disinn tar-riċerka jantiċipa bidliet possibbli matul iż-żmien li jista' jeħtieġ li jiġu indirizzati. Is-sorveljanza għandha tkun proporzjonali man-natura u l-livell ta' riskju marbut mar-riċerka. Meta KER iqis li rapport ta' sorveljanza jqajjem tħassib sinifikanti dwar il-kondotta etika tal-istudju, dan għandu jitlob rendikont sħiħ u dettaljat tar-riċerka għal rieżami etiku sħiħ. Meta jitiqies li jkun qed isir istudju b'mod li ma jkunx etiku, għandu jiġi kkunsidrat l-irtirar tal-approvazzjoni tiegħu filwaqt li r-riċerka tiegħu għandha tiġi sospiża jew mitmuma.

LIĊENZJA GĦAD-DISINJATURI

–  Għandek tqis il-valuri Ewropej tad-dinjità, l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni, il-libertà u l-ġustizzja qabel, matul u wara l-proċess tad-disinn, l-iżvilupp u t-tqassim ta' tali teknoloġiji, inkluża l-ħtieġa li ma jkunx hemm ħsara, korriment, qerq jew sfruttament tal-utenti (vulnerabbli).

–  Għandek tintroduċi prinċipji affidabbli għad-disinn tas-sistema fl-aspetti kollha tal-operat tar-robot, għad-disinn kemm ta' hardwer kif ukoll ta' softwer, u għal kwalunkwe pproċessar ta' data fil-pjattaforma jew barra minnha għal skopijiet ta' sigurtà.

–  Għandek tintroduċi karatteristiċi ta' privatezza fid-disinn sabiex jiġi żgurat li informazzjoni privata tinżamm sikura u tintuża biss b'mod xieraq.

–  Għandek tintegra mekkaniżmi ta' esklużjoni fakultattiva ovvji (waqfien ta' emerġenza - kill switches) li għandhom ikunu konsistenti ma' objettivi raġonevoli ta' disinn.

–  Għandek tiżgura li robot jopera b'mod li jkun f'konformità mal-prinċipji etiċi u legali lokali, nazzjonali u internazzjonali.

–  Għandek tiżgura li l-passi deċiżjonali tar-robots ikunu miftuħa għar-rikostruzzjoni u t-traċċabilità.

–  Għandek tiżgura li tkun meħtieġa trasparenza massima fl-ipprogrammar tas-sistemi robotiċi, kif ukoll il-prevedibilità tal-imġiba robotika.

–  Għandek tanalizza l-prevedibilità ta' sistema umana-robotika billi tqis l-inċertezza fl-interpretazzjoni u l-azzjoni u l-fallimenti robotiċi jew umani possibbli.

–  Għandek tiżviluppa għodod ta' traċċar fl-istadju tad-disinn tar-robot. Dawn l-għodod se jiffaċilitaw it-teħid tar-responsabbiltà u l-ispjegazzjoni tal-imġiba robotika, anki jekk limitata, fuq diversi livelli maħsuba għall-esperti, l-operaturi u l-utenti.

–  Għandek tfassal protokolli għad-disinn u l-evalwazzjoni u tissieħeb ma' utenti potenzjali u partijiet interessati meta tevalwa l-benefiċċji u r-riskji tar-robotika, inklużi dawk konjittivi, psikoloġiċi u ambjentali.

–  Għandek tiżgura li r-robots ikunu identifikabbli bħala robots meta jinteraġixxu mal-bnedmin.

–  Għandek tissalvagwardja s-sikurezza u s-saħħa ta' dawk li jinteraġixxu u li jiġu f'kuntatt mar-robotika, peress li r-robots bħala prodotti għandhom jitfasslu bl-użu ta' proċessi li jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tagħhom. Inġinier tar-robotika għandu jippreserva l-benesseri tal-bniedem filwaqt li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u ma jistax juża robot mingħajr ma jissalvagwardja s-sikurezza, l-effikaċja u r-riversibilità tal-operazzjoni tas-sistema.

–  Għandek tikseb opinjoni pożittiva minn Kumitat ta' Etika fir-Riċerka qabel l-ittestjar ta' robot f'ambjent reali jew li jinvolvi l-bnedmin fil-proċeduri tad-disinn u l-iżvilupp.

LIĊENZJA GĦALL-UTENTI

–  Tista' tagħmel użu minn robot mingħajr riskju jew biża' ta' ħsara fiżika jew psikoloġika.

–  Għandu jkollok id-dritt li tistenna li robot iwettaq kwalunkwe kompitu li għalih ikun tfassal espliċitament.

–  Għandek tkun taf li kwalunkwe robot jista' jkollu limitazzjonijiet ta' perċezzjoni, konjittivi u ta' attwazzjoni.

–  Għandek tirrispetta l-fraġilità umana, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika, u l-ħtiġijiet emozzjonali tal-bniedem.

–  Għandek tqis id-drittijiet ta' privatezza tal-individwi, inkluża d-diżattivazzjoni ta' moniters tal-vidjo matul proċeduri intimi.

–  M'intix permess li tiġbor, tuża jew tiżvela informazzjoni personali mingħajr il-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data.

–  M'intix permess tuża robot bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi ksur ta' prinċipji u standards etiċi jew legali.

–  M'intix permess timmodifika kwalunkwe robot sabiex dan ikun jista' jiffunzjona bħala arma.

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) (1) Robot ma jistax jagħmel ħsara lill-bniedem jew, permezz ta' nuqqas ta' azzjoni, jippermetti li tiġri ħsara lill-bniedem. (2) Robot irid jobdi l-ordnijiet mogħtija lilu mill-bniedem sakemm dawn l-ordnijiet ma jmorrux kontra l-Ewwel Liġi. (3) Robot irid jipproteġi l-eżistenza tiegħu innifsu sakemm din il-protezzjoni ma tmurx kontra l-Ewwel jew it-Tieni Liġi (Ara: I. Asimov, Runaround, 1943) u (0) Robot ma għandux jagħmel ħsara lill-umanità, jew, permezz ta' nuqqas ta' azzjoni, jippermetti li tiġri ħsara lill-umanità.
(4) Ara d-Dikjarazzjoni ta' Schuman (1950: "L-Ewropa mhux se tinbena kollha f'daqqa, jew skont pjan uniku. Se tinbena permezz ta' kisbiet konkreti li l-ewwel joħlqu solidarjetà de facto."
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0390.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).


Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing
PDF 433kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (2016/2145(INI))
P8_TA(2017)0052A8-0006/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2016 bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2012 bit-titolu "L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa" (COM(2012)0529),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2012 bit-titolu "Informatika ta' Prestazzjoni Għolja: post l-Ewropa f'Tellieqa Globali" (COM(2012)0045),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2016 dwar it-tranżizzjoni lejn sistema tax-Xjenza Miftuħa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015 dwar riċerka miftuħa, intensiva fid-data u organizzata f'netwerk, bħala mutur għal innovazzjoni aktar veloċi u mifruxa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA²) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(3) (id-Direttiva PSI),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa." (TEN/494),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' ekonomija ta' data u għarfien kompetittiva fl-Ewropa" (2016 TEN/952 EESC-2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing u l-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali 2016" (SEDEC-VI-012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(9) (NIS Directive),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 bit-titolu "Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa" (COM(2016)0288),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Għal qafas aktar modern u Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur" (COM(2015)0626),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra r-rapport "Open Innovation, Open Science, Open to the World – A vision for Europe" ("Innovazzjoni Miftuħa, Xjenza Miftuħa, Miftuħin għad-Dinja – Viżjoni għall-Ewropa") ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (RTD) f'Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0006/2017),

A.  billi l-kapaċità attwali tal-cloud computing disponibbli fl-UE mhijiex biżżejjed u għalhekk id-data prodotta mir-riċerka u mill-industrija tal-UE spiss qed tiġi pproċessata x'imkien ieħor, filwaqt li twassal biex ir-riċerkaturi u l-innovaturi tal-UE qed ifittxu postijiet oħra barra mill-UE, fejn il-kapaċità għolja tad-data u tal-informatika hi aktar disponibbli b'mod immedjat;

B.  billi n-nuqqas ta' struttura ċara ta' inċentivi sabiex isir skambju ta' data, in-nuqqas ta' interoperabbiltà ta' sistemi ta' data xjentifika u l-frammentazzjoni ta' infrastrutturi tad-data xjentifika fost id-dixxiplini u l-fruntieri jxekklu l-potenzjal sħiħ ta' xjenza mmexxija mid-data;

C.  billi l-UE għadha lura fl-iżvilupp tal-informatika ta' prestazzjoni għolja (HPC) bħala riżultat tan-nuqqas ta' investiment tagħha fl-istabbiliment ta' sistema kompleta tal-HPC, meta pajjiżi bħall-Istati Uniti tal-Amerka, iċ-Ċina, il-Ġappun u r-Russja qed jinvestu serjament f'dawn is-sistemi, u b'hekk qed jagħmluhom prijorità strateġika, bi programmi nazzjonali li qed jiżviluppawhom;

D.  billi l-potenzjal sħiħ tal-cloud computing għall-Ewropa jista' jintlaħaq biss meta d-data tkun tista' tiċċirkola liberament fl-Unjoni kollha b'regoli ċari, u meta flussi ta' data internazzjonali li jiżvolġu rwol dejjem aktar importanti fl-ekonomija Ewropea u globali;

E.  billi l-kapaċità li biha tiġi analizzata u sfruttata l-big data qed tbiddel il-mod li bih issir ir-riċerka xjentifika;

F.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompettitiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" tirrikonoxxi l-potenzjal trasformattiv tax-xjenza miftuħa u tal-cloud computing bħala parti mill-ekonomija diġitali tal-Ewropa;

G.  billi l-politiki ta' aċċess għan-netwerking, il-ħżin tad-data u l-informatika huma differenti bejn l-Istati Membri u b'hekk joħolqu nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn il-partijiet u jtellfu ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien;

H.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-Direttiva tal-NIS u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jistgħu jipprovdu l-bażi għal ekonomija Ewropea kompetittiva u ta' suċċess li hija miftuħa għall-parteċipanti kollha tas-suq li jimxu mar-regoli;

I.  billi d-data hija l-materja prima tal-ekonomija diġitali, u billi l-użu tad-data hu essenzjali għad-diġitalizzazzjoni tax-xjenza u l-industrija Ewropea, għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

J.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data adottat reċentement jipprevedi salvagwardji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data personali, u billi jenħtieġ ikun żgurat approċċ armonizzat lejn l-implimentazzjoni tiegħu;

K.  billi l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni għall-2015 wegħdet li tindirizza r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data kif ukoll ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-post fejn tinħażen jew tiġi pproċessata d-data;

L.  billi hu meħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposti konkreti biex tneħħi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data jekk trid toħloq u twassal l-aħjar Suq Uniku Diġitali possibbli;

M.  billi l-applikazzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi tal-cloud qed jiffaċċjaw sfidi minħabba d-disponibbiltà insuffiċjenti ta' infrastruttura u ta' netwerks b'veloċità għolja meħtieġa fl-Ewropa;

N.  billi l-għan li jkunu ffaċilitati u appoġġjati l-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-infrastrutturi tar-riċerka u tad-data, inklużi ċ-Ċentri tal-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja ta' klassi dinjija u netwerks oħra ta' infrastruttura tar-riċerka, permezz ta' kooperazzjoni intensiva u skambju ta' riżultati, se jgħinu l-isforzi biex jirrispondu għall-isfidi l-kbar li qed jiġu ffaċċjati fix-xjenza, l-industrija u s-soċjetà;

O.  billi l-volum tad-data qed jikber b'rata bla preċedent, b'16-il triljun gigabyte ta' data li mistennija tkun disponibbli sal-2020, li jikkorrispondi ma' rata ta' tkabbir annwali ta' 236 % f'ġenerazzjoni ta' data;

P.  billi ekonomija mmexxija mid-data tiddependi fuq ekosistema tal-ICT usa', inkluż internet tal-oġġetti (IoT) għall-forniment ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja għat-trasport u cloud computing għall-ipproċessar tad-data kif ukoll xjenzati u impjegati kwalifikati;

Q.  billi l-kooperazzjoni fost ix-xjenzati Ewropej, l-użu u l-iskambju tad-data, dejjem skont l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, u l-użu ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, inkluż il-cloud computing u d-diġitalizzazzjoni tax-xjenza Ewropea, huma essenzjali għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali; billi l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) se jkollu effetti pożittivi fuq l-iżvilupp xjentifiku fl-Ewropa; u billi l-EOSC jrid jiġi żviluppat u użat b'rispett dovut tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (KDF);

Ġenerali

1.  Jilqa' l-EOSC bħala mudell li fuqu jintuża cloud fis-setturi privati u pubbliċi; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex testendi l-bażi tal-utenti għall-industrija u l-gvernijiet malajr kemm jista' jkun;

2.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa", u jemmen li dan hu l-ewwel pass fit-twaqqif ta' bażi xierqa għal azzjonijiet miftuħa u kompetittivi Ewropej fil-qasam tal-cloud computing u tal-informatika ta' prestazzjoni għolja;

3.  Jilqa' l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tal-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (DSM) u tal-Pakkett dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea, fejn trawwem it-tkabbir tal-ekonomija diġitali Ewropea, tikkontribwixxi għall-kompetittività tan-negozji u s-servizzi Ewropej u ssaħħaħ il-pożizzjonament tagħhom fis-suq globali; jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz ta' miżuri definiti b'mod ċar, tiżgura li din l-inizjattiva hija xierqa biex tilħaq l-iskop tagħha, tħares 'il barra, valida għall-futur u ma toħloqx ostakli sproporzjonati jew mhux ġustifikati;

4.  Jissottolinja l-importanza li l-Unjoni Ewropea ssir ċentru għar-riċerka globali, takkwista massa kritika u toħloq raggruppamenti ta' eċċellenza; jenfasizza li, sabiex l-Unjoni tattira riċerka dinjija ewlenija, huma meħtieġa kemm il-kapaċità f'termini ta' riżorsi kif ukoll ambjent attraenti; jenfasizza, barra minn hekk, li sabiex l-UE ssir l-aktar ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, hu ta' importanza kbira li jkun hemm ftuħ għal riċerkaturi internazzjonali u b'hekk tattira investimenti internazzjonali;

5.  Jenfasizza li jeħtieġ li tkun aċċelerata l-ħidma fuq l-istandardizzazzjoni fil-cloud computing; jenfasizza li standards u interoperabbiltà aħjar se jippermettu komunikazzjoni bejn id-diversi sistemi bbażati fuq il-cloud u se jevitaw l-effetti tal-lock-in tal-bejjiegħa għal prodotti u servizzi tal-cloud; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-fornituri kummerċjali tal-cloud fl-iżvilupp ta' standards miftuħa għal dan il-qasam;

6.  Jenfasizza li l-valur miżjud ta' din l-inizjattiva Ewropea hu bbażat fuq il-kondiviżjoni ta' data miftuħa u fuq l-iżvilupp ta' ambjent miftuħ u fdat għall-komunità biex jinħażnu, jkunu kondiviżi u użati mill-ġdid id-data u r-riżultati xjentifiċi;

7.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' aktar kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-cloud computing hu kruċjali, minħabba li t-talba għas-servizzi tal-cloud għadha wisq baxxa fl-Ewropa; jirrimarka li l-cloud computing se jwassal għal tkabbir ekonomiku bħala riżultat tal-kosteffettività u l-iskalabbiltà tiegħu; itenni li l-SMEs huma l-mutur l-aktar importanti tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi; jissottolinja li l-benefiċċji tal-cloud jistgħu partikolarment ikunu sostanzjali għall-SMEs minħabba li ta' spiss ma jkollhomx ir-riżorsi biex jinvestu f'sistemi fiżikament estensivi tal-IT fuq il-post;

8.  Jilqa' l-approċċ ta' Xjenza Miftuħa u r-rwol li dan l-approċċ għandu fil-ħolqien ta' ekonomija tal-għarfien Ewropea, u fil-promozzjoni ulterjuri tal-kwalità tar-riċerka u tal-iżvilupp tagħha fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza li, attwalment, il-valur tad-data tar-riċerka miġbura mhuwiex sfruttat bis-sħiħ mill-industrija b'mod ottimali, speċjalment mill-SMEs, minħabba n-nuqqas ta' flussi transfruntiera liberi tad-data u aċċess għal pjattaforma jew portal uniċi, u jinnota li l-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel id-data xjentifika kollha prodotta mill-Programm Orizzont 2020 miftuħa b'mod awtomatiku;

9.  Jenfasizza li l-EOSC għandu jkun akkumpanjat minn strateġija ta' sigurtà ċibernetika komprensiva, peress li l-komunità xjentifika għandha l-ħtieġa ta' infrastruttura tad-data affidabbli li tista' tintuża mingħajr mar-riċerka tiġi esposta għal telf ta' data, korruzzjoni jew intrużjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-kwistjonijiet tas-sigurtà ċibernetika mill-ewwel fażi tal-inizjattivi kollha tagħha;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju u tara li d-data tar-riċerka kollha ffinanzjata mill-programmi Ewropej – bħal Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u oħrajn – u r-riżultati tagħha jkunu miftuħa b'mod awtomatiku, abbażi tal-prinċipji ta' traċċabbiltà, aċċessibbiltà, interoperabbiltà u użu mill-ġdid (il-prinċipji FAIR);

11.  Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanza fil-finanzjament ta' EUR 4,7 biljun tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa għall-EOSC u l-Infrastruttura tad-Data Ewropea (EDI); jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed riżorsi għal dan il-qasam ta' politika f'Orizzont 2020 u fil-proposta tagħha għad-Disa' Programm ta' Qafas;

12.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tiżgura li l-EOSC jibbenefika lir-reġjuni kollha tal-Unjoni, filwaqt li jesplora l-użu tal-fondi ta' żvilupp reġjonali għat-twessigħ tal-inizjattiva;

13.  Jenfasizza li fil-preżent 12 % biss tal-finanzjament impenjat taħt il-FEIS imur għal azzjonijiet relatati mas-settur diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta passi mmirati li jistgħu verament isaħħu l-involviment tal-fondi tal-UE kollha, b'mod partikolari l-FEIS, fi proġetti relatati mas-Suq Uniku Diġitali, inklużi inizjattivi ta' kondiviżjoni tad-data, aċċessibbiltà diġitali, infrastruttura u konnettività diġitali madwar l-Unjoni kollha, u biex talloka aktar riżorsi għat-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni Ewropej, inkluż, fost affarijiet oħra, fil-qasam ta' teknoloġiji li jtejbu l-privatezza u s-sigurtà ta' sorsi miftuħa; jemmen li din l-inizjattiva għandha tiġi żviluppata f'sinerġija ma' programmi oħra ta' Orizzont 2020, inkluż dwar il-cloud computing privat u s-servizzi elettroniċi tal-gvern;

14.  Jemmen li s-settur privat għandu jkun involut fil-bażi tal-utent tal-EOSC mill-bidu, pereżempju permezz ta' offerta ta' softwer bħala servizz (SaaS); jirrimarka li n-negozju Ewropew huwa mistenni jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-distakk finanzjarju ta' EUR 4,7 biljun tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jinnota li huwa improbabbli li l-intrapriżi se jinvestu fil-programm jekk mhumiex se jkunu kapaċi jgawdu mill-benefiċċji tiegħu wkoll;

15.  Jenfasizza li infrastruttura ta' superkomputerizzazzjoni tal-ogħla livell hija kruċjali għall-kompetittività tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq id-disponibbiltà ta' kompjuters fuq skala exa operazzjonali fl-UE sas-sena 2022;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva l-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-industriji Ewropej fil-manifattura ta' ħardwer u softwer tal-EDI, tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE u tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri, u ma' dawk li jiffinanzjaw ir-riċerka, fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għal governanza u finanzjament, filwaqt li tiżgura li riżorsi xierqa huma allokati għal din l-inizjattiva, u biex tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' sforzi nazzjonali, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni mhux meħtieġa u l-infiq;

18.  Jaqbel li l-interoperabbiltà u l-portabbiltà tad-data huma essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi soċjetali kbar li jirrikjedu kondiviżjoni effiċjenti tad-data u approċċ multidixxiplinarju u b'diversi atturi; jinnota li l-pjan ta' azzjoni previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (COM(2016)0178) huwa għodda meħtieġa biex titnaqqas il-frammentazzjoni u biex jiġi żgurat l-użu ta' data tar-riċerka skont il-prinċipju FAIR;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni, ibbażat fuq il-prinċipji ta' trasparenza u divulgazzjoni sħiħa, b'pakketti ta' ħidma u skedi ta' żmien ċari, li jiddefinixxu r-riżultati li għandhom jinkisbu, is-sorsi ta' finanzjament u l-partijiet interessati involuti matul il-proċess kollu;

20.  Jappoġġja l-EOSC bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing li se toħloq ambjent virtwali fejn ix-xjentisti u l-professjonisti mir-reġjuni kollha jistgħu jaħżnu, jikkondividu, jiġġestixxu, janalizzaw u jużaw mill-ġdid id-data tar-riċerka tagħhom, inkluża data tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi, b'mod interdixxiplinari u transfruntier, sabiex b'hekk jingħata kontribut biex titneħħa l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika approċċ komprensiv b'rabta max-xjenza miftuħa li jkun inklużiv fir-rigward tal-komunità tax-xjenza miftuħa u tax-xjentisti indipendenti, jipprovdi aktar ċarezza dwar id-definizzjonijiet użati fil-komunikazzjoni u, b'mod partikolari, joħloq distinzjoni ċara bejn l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing u l-EUSC, u f'konformità ma' dan, jaġġorna l-leġiżlazzjoni biex jiffaċilita l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka;

21.  Jemmen li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tiżgura investimenti fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka sabiex jinħolqu l-inċentivi u l-għodda biex jaqsmu u jużaw id-data bl-aktar mod wiesa' possibbli, ibbażata fuq il-bini ta' cloud u infrastruttura tad-data sodi fl-Unjoni Ewropea;

22.  Jenfasizza li l-SMEs huma fil-qalba tal-ekonomija tal-UE, u li hemm bżonn ta' aktar azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-kompetittività globali tal-SMEs u n-negozji ġodda bil-għan li jinħoloq l-aħjar ambjent possibbli, b'data ta' kwalità għolja, analitika tad-data, servizzi siguri u kosteffiċjenza mistennija għall-użu ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda promettenti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ekonomikament vijabbli għal Cloud Ewropea, u biex tieħu passi ċari biex jinkoraġixxu lill-SMEs joffru soluzzjonijiet kompetittivi għall-ipproċessar ta' data u ħżin f'faċilitajiet ibbażati fl-Istati Membri;

24.  Ifakkar fir-riżultati pożittivi miksuba mill-istrutturi pan-Ewropej eżistenti u d-data miftuħa disponibbli fil-faċilitajiet nazzjonali tal-ħżin tad-data; jirrikonoxxi li għad hemm ħafna ostakli fis-Suq Uniku li mhux qed jippermettu l-użu sħiħ ta' din l-inizjattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal tad-data diġà disponibbli, u jiżguraw strateġija koerenti dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta' din id-data madwar l-Istati Membri; jinnota li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jesploraw il-ħtieġa ta' investimenti ulterjuri f'infrastruttura fiżika transfruntiera b'enfasi speċjali fuq il-kombinament ta' HPC, networks tal-broadband b'veloċità għolja u faċilitajiet ta' ħżin ta' data tal-massa sabiex tinħoloq ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data Ewropea b'saħħitha; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza sħubijiet globali mmexxija mill-industrija u sħubijiet internazzjonali oħra b'rabta ma' din il-kwistjoni;

25.  Jinnota li l-użu tas-servizzi tal-cloud fost l-SMEs Ewropej jeħtieġ li jiġi inkoraġġit aktar; jinnota li fornituri tal-Cloud Ewropea jeħtieġu aktar appoġġ koordinat fil-parteċipazzjoni fid-dinja diġitali, fit-twessigħ tal-fiduċja min-naħa tal-utent u fit-tqajjim tal-kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-adozzjoni tal-cloud computing;

26.  Jenfasizza li l-aċċess għall-internet bil-broadband għan-negozji u ċ-ċittadini huwa element indispensabbli ta' data kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-UE; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp tal-cloud għandu jmur id f'id ma' inizjattivi li jżidu l-aċċess għall-internet bil-broadband għan-negozji u ċ-ċittadini, speċjalment f'żoni rurali;

27.  Jinnota li l-azzjonijiet ta' edukazzjoni diġitali bejn il-ġenerazzjonijiet, inkluż il-ħiliet ċibernetiċi, huma kritiċi għall-iżvilupp tal-cloud sabiex jiġu indirizzati u tittieħed azzjoni fuq l-ogħla diskrepanzi fil-ħiliet tekniċi u f'dak li għandu x'jaqsam mal-effikaċja biex jinkisbu l-għanijiet diġitali; jilqa' l-proposti ppreżentati fi ħdan il-qafas tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tal-Kummissjoni adottata reċentament, u jissottolinja l-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji xierqa;

28.  Jemmen li negozji ġodda tal-cloud qed joħorġu b'soluzzjonijiet speċjalizzati biex jagħmlu l-cloud computing aktar rapidu, eħfef u aktar affidabbli, flessibbli u sigur;

29.  Jenfasizza li l-HPC, li hija importanti għal żvilupp tal-cloud, għandha tiġi ttrattata bħala parti integrali mill-Infrastruttura Ewropea tad-Data matul l-ekosistema kollha, u li l-benefiċċji għandhom jiġu promossi b'mod wiesa';

30.  Jinnota li l-involviment ta' istituzzjonijiet akkademiċi u ta' riċerka, u ta' partijiet interessati oħra, għandu jiġi mħeġġeġ bil-ħsieb li jinżammu u jiġu appoġġjati l-infrastrutturi integrati tad-data xjentifika u l-HPC;

31.  Jinnota li, bis-servizzi eżistenti, u dawk li se jkunu offruti fil-futur mis-settur privat u mill-pajjiżi barra mill-UE, l-EOSC jeħtieġ jipprovdi kemm inċentivi kif ukoll servizzi ġodda li jkissru d-drawwa li ilha teżisti li jkun hemm dipendenza fuq prattiki ta' riċerka eżistenti;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm enfasi fuq it-tkabbir Ewropew orjentat lejn il-futur biex tinbena industrija tal-cloud kompetittiva fl-UE; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li d-domanda tas-suq għal soluzzjonijiet cloud qed tkompli tiżdied, u li l-adozzjoni tal-cloud tiġi inkoraġġuta fl-industriji vertikali bħall-finanzi, it-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali, il-manifattura, il-banek, is-saħħa, il-midja u d-divertiment, u l-agrikultura;

33.  Jemmen li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Datajipprovdi qafas għall-protezzjoni tad-data personali; jinnota, madankollu, li l-frammentazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu fl-Istati Membri se tagħmilha aktar diffiċli għar-riċerkaturi li jwettqu xogħolhom u jikkondividu s-sejbiet tagħhom, li min-naħa tagħhom se jimminaw l-isforzi biex jistabbilixxu l-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi permessi permezz tal-cloud computing; jitlob, għalhekk, għall-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa ta’ dak ir-Regolament;

34.  Jenfasizza li s-soluzzjonijiet taħt l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandhom jiġu żviluppati filwaqt li jitqiesu d-drittijiet fundamentali minquxa fil-KDF, b'mod partikolari d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-libertà u s-sigurtà;

35.  Jinnota li l-ekonomija tad-data għadha fl-aktar stadji bikrija tagħha, li l-mudelli tan-negozju għadhom qed jiżviluppaw u li dawk li jeżistu diġà qegħdin jiġu mfixkla u fil-proċess ta' evoluzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni f'dan il-qasam se tkun f'konformità mal-"prinċipju tal-innovazzjoni" teknoloġikament newtrali u mhux se timponi ostakli serji għall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija jew l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda bħall-IoT u l-intelliġenza artifiċjali (AI) fl-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri, u mal-partijiet interessati kollha, biex jipparteċipaw fl-identifikazzjoni tal-azzjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa biex jiġi massimizzat il-potenzjal offrut mill-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing; jemmen li l-innovazzjoni miftuħa u x-xjenza miftuħa jinvolvu ħafna aktar atturi fil-proċess tal-innovazzjoni, mir-riċerkaturi għall-imprendituri, l-utenti, il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili;

Il-cloud miftuħa tax-xjenza

37.  Jinnota s-sottorappreżentanza ta' partijiet interessati ewlenin fid-diskussjonijiet u fi proġetti pilota fuq skala kbira; iqis li, filwaqt li jiġu evitati piżijiet amministrattivi, l-involviment attiv ta' partijiet interessati pubbliċi u privati, u tas-soċjetà ċivili fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni jrid ikun prekundizzjoni għall-iskambju effikaċi tal-informazzjoni; jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandha tkun ta' benefiċċju u tissodisfa l-ħtiġijiet mhux biss tal-komunità xjentifika, iżda wkoll tal-industrija, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-konsumaturi;

38.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-EOSC għandu jsir b'attenzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali minquxa fil-KDF, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet ta' protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-libertà u s-sigurtà, u li huwa jrid jirrispetta l-prinċipji tal-privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku, u l-prinċipji tal-proporzjonalità, in-neċessità, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-fini; jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta' salvagwardji addizzjonali, bħall-psewdonimizzazzjoni, l-anonimizzazzjoni jew il-kriptografija, inkluż il-kriptaġġ, tista' tnaqqas ir-riskji u ssaħħaħ il-protezzjoni għas-suġġetti tad-data meta d-data personali tintuża f'applikazzjonijiet tad-data kbar jew mill-cloud computing; ifakkar li l-anonimizzazzjoni tikkostitwixxi proċess irreversibbli, u jitlob lill-Kummissjoni tħejji linji gwida dwar kif għandha tiġi anonimizzata d-data; itenni l-ħtieġa għal protezzjoni speċjali għal data sensittiva f'konformità ma' leġiżlazzjoni eżistenti; jenfasizza li l-prinċipji msemmija hawn fuq, flimkien ma' standards għolja ta' kwalità, affidabbiltà u kunfidenzjalità, huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi fl-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing;

39.  Jenfasizza li l-Inizjattiva Cloud Miftuħa tax-Xjenza għandha twassal għal cloud affidabbli għal kulħadd: ix-xjentisti, in-negozji u s-servizzi pubbliċi;

40.  Jinnota li hemm ħtieġa li titrawwem pjattaforma kollaborattiva miftuħa, affidabbli għall-ġestjoni, l-analiżi, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-preservazzjoni tad-data tar-riċerka li fuqha s-servizzi innovattivi jistgħu jiġu żviluppati u mwassla taħt ċerti termini u kundizzjonijiet;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw oqfsa xierqa ta' governanza u finanzjament, iqisu biżżejjed l-inizjattivi eżistenti, is-sostenibbiltà tagħhom u l-abbiltà tagħhom li jrawmu kundizzjonijiet ekwi madwar l-Ewropa kollha; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jintegraw il-programmi ta' finanzjament nazzjonali tagħhom mal-programmi ta' finanzjament tal-UE;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-firxa sħiħa ta' sorsi finanzjarji għall-istabbiliment tal-EOSC u ssaħħaħ strumenti eżistenti biex tiżgura żvilupp iktar rapidu, b'enfasi partikolari fuq l-aħjar prattiki;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riċerka u d-data xjentifika kollha prodotta mill-programm Orizzont 2020 tkun miftuħa b'mod awtomatiku, u jitlob lill-Istati Membri jadattaw il-programmi ta' riċerka nazzjonali tagħhom f'dan is-sens;

44.  Jifhem li l-EOSC se jippromwovi x-xjenza diġitali billi jintegra l-IT bħala servizz lis-settur tar-riċerka pubblika fl-UE; jappella għal "mudell federali tal-cloud tax-xjenza" li jiġbor flimkien l-organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika, il-partijiet interessati, l-SMEs, in-negozji l-ġodda u l-infrastrutturi elettroniċi b'fornituri kummerċjali sabiex tinbena pjattaforma komuni li toffri firxa ta' servizzi lill-komunitajiet ta' riċerka tal-UE;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni ma' partijiet interessati oħra, jistabbilixxu pjan direzzjonali biex, malajr kemm jista' jkun, jagħtu skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-EOSC;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-ħtiġijiet tar-riċerkaturi pubbliċi Ewropej sabiex tidentifika lakuni possibbli fil-provvista tal-infrastruttura cloud fl-UE; jemmen li, jekk jiġu identifikati lakuni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-fornituri Ewropej tal-infrastruttura cloud jikkondividu l-pjanijiet direzzjonali ta' żvilupp b'tali mod li jivvalutaw jekk l-investimenti privati huma biżżejjed biex jindirizzaw tali lakuni, jew jekk hux meħtieġ aktar finanzjament pubbliku biex jingħalqu;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riċerka u d-data xjentifika kollha prodotta mill-programm Orizzont 2020 għandha tibbenefika lin-negozji Ewropej u l-pubbliku; huwa favur bidla fl-istrutturi tal-inċentivi għall-akkademiċi, l-industrija u s-servizzi pubbliċi biex jiskambjaw id-data tagħhom u t-titjib tal-ġestjoni tad-data, it-taħriġ, il-ħiliet fl-inġinerija u l-litteriżmu;

48.  Jilqa' l-fatt li l-Inizjattiva tal-Cloud tiffoka fuq il-bini ta' netwerks fuq medda ta' frekwenza għolja, faċilitajiet ta' ħżin fuq skala kbira, informatika ta' prestazzjoni għolja u ekosistema Ewropea tal-big data;

49.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-5G, kif ukoll ir-regoli tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, għandhom jagħmlu l-EOSC aktar attraenti billi joffru internet ta' kwalità għolja u infrastruttura ġdida u ta' kwalità għolja;

50.  Japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni tkun kapaċi tiġġestixxi ammonti kbar ta' data, b'infrastrutturi mħaddma minn servizzi li jużaw data f'ħin reali minn sensuri jew applikazzjonijiet li jgħaqqdu d-data minn sorsi differenti; jinnota li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing għandha l-għan li tiżgura ħidma aħjar u aktar armonizzata fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura;

51.  Jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tan-netwerk GÉANT bil-għan li dan isir l-iktar netwerk internazzjonali avvanzat u ż-żamma tar-rwol tat-tmexxija tal-UE fir-riċerka;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw ma' partijiet interessati sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-infrastrutturi diġitali billi jistabbilixxu pjan direzzjonali għal azzjonijiet u għal struttura b'saħħitha ta' governanza li tinvolvi finanzjaturi, xerrejja u utenti, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-prinċipji tax-xjenza miftuħa għall-ġestjoni u l-iskambju ta' data mingħajr ma tixxekkel l-innovazzjoni u mingħajr ma jkun hemm ksur tal-privatezza u tal-propjetà intellettwali fl-era diġitali;

53.  Jenfasizza l-importanza li t-twaqqif tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing ikun ibbażat fuq l-elementi kostitwenti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'mod partikolari l-karti tal-identità elettroniċi u l-firem elettroniċi, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fil-komunikazzjonijiet elettroniċi siguri, interoperabbli u mingħajr xkiel madwar l-Unjoni;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar riżorsi lejn it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-taħriġ Ewropej fil-qasam tal-cloud computing, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal infrastruttura u proċessi li jissalvagwardjaw id-data miftuħa u l-privatezza tal-utenti;

55.  Jinsisti li l-istandards għandhom jippermettu l-portabbiltà faċli u sħiħa, u grad għoli ta' interoperabbiltà, bejn is-servizzi tal-cloud;

56.  Jemmen b'mod qawwi li l-inizjattiva Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa għandha tistrieħ fuq standards miftuħa biex tiżgura interoperabbiltà u komunikazzjoni bla xkiel, u biex jiġi evitat lock-in;

57.  Jenfasizza li l-użu ta' standards miftuħa u ta' softwer mingħajr ħlas u minn sors miftuħ huwa partikolarment importanti biex tiġi żgurata t-trasparenza meħtieġa dwar kif data personali u tipi oħra ta' data sensittiva fil-fatt qed jiġu mħarsa;

58.  Jinnota li l-ekonomija Ewropea qed isserraħ dejjem iktar fuq is-setgħa ta' superkompjuters biex toħloq soluzzjonijiet innovattivi, tnaqqas l-ispejjeż u tnaqqas iż-żmien fejn prodotti u servizzi jiġu kkumerċjalizzati; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq sistema ta' superkompjuter fuq skala exa bbażata fuq teknoloġija tal-ħardwer Ewropea;

59.  Jemmen li l-Ewropa teħtieġ ekosistema HPC sħiħa biex jinkisbu superkompjuters tal-ogħla kwalità, tiżgura sistema tal-provvista HPC u tipprovdi servizzi HPC għall-industrija u l-SMEs għal simulazzjoni, viżwalizzazzjoni u prototipi; iqis li huwa ta' importanza fundamentali għall-UE li tikklassifika fost l-ewwel setgħat tas-superkomputerizzazzjoni fid-dinja sal-2022;

60.  Jemmen li l-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija u s-Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali (cPPP) dwar l-HPC huma kruċjali għad-definizzjoni tal-prijoritajiet tar-riċerka tal-UE fl-iżvilupp ta' teknoloġija Ewropea fis-setturi kollha tas-soluzzjoni tal-HPC fil-katina tal-provvista;

61.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Quantum Manifesto, biex tniedi inizjattiva fuq skala ewlenija ta' EUR 1 biljun fit-teknoloġija quantum;

62.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-industrija tas-servizzi tal-cloud diġà investiet biljuni ta' euro fil-bini ta' infrastruttura mill-aqwa fl-Ewropa; jirrimarka li x-xjenzati u r-riċerkaturi tal-UE llum jistgħu jużaw infrastruttura cloud li toffrilhom l-abbiltà li jesperimentaw u jinnovaw malajr billi jaċċessaw varjetà wiesgħa ta' servizzi, iħallsu biss għal dak li jużaw, biex b'hekk inaqqsu d-dewmien għax-xjenza; jinnota li l-appoġġ kritiku tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp m'għandux jinħela fuq id-duplikazzjoni ta' riżorsi eżistenti, iżda minflok fuq l-inkoraġġiment ta' riżultati rivoluzzjonarji f'oqsma ġodda xjentifiċi li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività;

63.  Jenfasizza li l-komunità xjentifika għandha bżonn ta' sors miftuħ, sikur u sigur ta' infrastruttura ta' kapaċità għolja bil-għan li tiġi avvanzata r-riċerka u jiġu evitati ksur tas-sigurtà potenzjali, attakki ċibernetiċi jew użu ħażin tad-data personali, speċjalment meta jinġabru, jinħażnu u jiġu pproċessati ammonti kbar ta' data; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jinċentivaw l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa, inklużi t-teknoloġiji ta' kriptografija, filwaqt li jitqies l-approċċ tas-"sigurtà bid-disinn"; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni – fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija Ewropea (inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda), ir-riċerkaturi u l-akkademiċi fil-qasam tal-ammonti kbar ta' data u ċ-ċibersigurtà – mill-istadji bikrija tal-proċess ta' riċerka u innovazzjoni, sabiex jippermetti l-ħolqien ta' soluzzjonijiet Ewropej innovattivi u affidabbli u opportunitajiet tas-suq, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta' sigurtà;

64.  Jemmen li l-iżvilupp ta' standards ċari għall-interoperabbiltà cloud, il-portabbiltà tad-data u l-ftehimiet dwar il-livell ta' servizz żgur se jiżguraw ċertezza u trasparenza kemm għall-fornituri tal-cloud kif ukoll għall-utenti aħħarin;

65.  Jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, b'din il-fiduċja tkun bażi għal kompetittività b'saħħitha;

66.  Jinnota li l-industrija għandha taqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' standards aċċettati b'mod wiesa' adatti għall-era diġitali, u li tali standards jistgħu jagħtu lill-fornituri tal-cloud il-kunfidenza biex jibqgħu jinnovaw, u lill-utenti l-kunfidenza biex jadottaw aktar is-servizzi tal-cloud fil-livell tal-Unjoni;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' interoperabbiltà intersettorjali, translingwistika u transfruntiera u ta' standards cloud, u fl-appoġġ ta' servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, affidabbli, siguri u effiċjenti fl-enerġija bħala parti integrali ta' strateġija komuni li tiffoka fuq il-massimizzazzjoni tal-opportunitajiet għall-iżvilupp ta' standards li għandhom il-kapaċità li jsiru standards dinjija;

68.  Jinnota li huwa meħtieġ pjan ta' azzjoni dwar l-interoperabbiltà tad-data biex tiġi sfruttata l-kwantità għolja ta' data li x-xjentisti Ewropej jipproduċu u biex jittejjeb l-użu mill-ġdid ta' din id-data fix-xjenza u l-industrija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem ma' partijiet interessati xjentifiċi ewlenin biex jipproduċu sistemi effikaċi li jagħmlu d-data – inkluża meta-data, speċifikazzjonijiet komuni u identifikaturi tal-oġġett tad-data – li tista' tinstab, aċċessibbli, interoperabbli u li tista' tintuża mill-ġdid (FAIR);

69.  Jinnota li l-UE qiegħda tonqos milli tinvesti fl-ekosistema HPC tagħha sal-istess punt bħal kif qed isir f'reġjuni oħra tad-dinja, u dan mhuwiex f'konformità mal-potenzjal ekonomiku u ta' għarfien tagħha;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interoperabbiltà, u tevita sitwazzjonijiet ta' lock-in tal-bejjiegħa, billi tħeġġeġ fornituri diversi tal-cloud fl-Ewropa biex joffru għażla ta' servizzi tal-infrastruttura kompetittivi, interoperabbli u portabbli;

71.  Jitlob għal miżuri biex tiġi ppreservata sistema ta' standardizzazzjoni ta' kwalità għolja li tista' tattira l-aħjar kontribuzzjonijiet fit-teknoloġija; jitlob lill-Kummissjoni tadotta politiki li jneħħu l-ostakli eċċessivi fis-setturi innovattivi sabiex tinċentivizza investimenti fir-riċerka u fl-iżvilupp, u fl-istandardizzazzjoni madwar l-Unjoni kollha;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza l-isforzi tagħha biex ikun evitat il-lock-in tal-bejjiegħa fuq is-suq diġitali mill-bidu, speċjalment f'oqsma emerġenti bħall-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing;

73.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-interoperabbiltà u tal-istandards biex tingħata spinta lill-kompetittività fis-settur tal-ICT; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika lakuni fl-istandards EOSC, inkluż fir-rigward tal-SMEs, in-negozji l-ġodda u s-setturi Ewropej ewlenin; jappoġġja l-iżvilupp ta' standards immexxija mis-suq, volontarji, newtrali mil-lat tat-teknoloġija, trasparenti, kompatibbli b'mod globali u rilevanti għas-suq;

74.  Iqis li l-programm ISA2 joffri opportunità li jiġu żviluppati standards ta' interoperabbiltà għall-ġestjoni tal-big data fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi u fit-trattattivi tagħhom man-negozji u ċ-ċittadini;

75.  Jirrikonoxxi li l-istandards għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-industrija u ta' partijiet ikkonċernati oħra; jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu żviluppati standards komuni ta' livell għoli u li jintlaħaq qbil dwarhom sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti u l-kondiviżjoni tad-data lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, l-istituzzjonijiet u d-dixxiplini individwali; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika, fejn xieraq, l-aħjar skemi ta' ċertifikazzjoni fl-Istati Membri, bil-għan li jiġu stabbiliti, bl-involviment ta' partijiet interessati rilevanti, sett ta' standards immexxija mid-domanda, pan-Ewropej li jiffaċilita l-iskambju tad-data u li huwa bbażat fuq standards miftuħa u globali kull meta ġġustifikat; jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing jridu jiżguraw li l-ħtiġijiet tas-Suq Uniku jittieħdu inkonsiderazzjoni u li dan is-suq jibqa' aċċessibbli b'mod globali u jkun risponsiv għall-evoluzzjoni teknoloġika;

76.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-ostakli, speċjalment dawk tekniċi u ġuridiċi, għall-moviment liberu tad-data u tas-servizzi tad-data, li tneħħi wkoll ir-rekwiżiti sproporzjonati tal-lokalizzazzjoni tad-data, u li tippromwovi l-interoperabbiltà tad-data billi torbot l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing mal-Inizjattiva dwar il-Fluss Liberu tad-Data; iqis li, sabiex tinkiseb soċjetà diġitali, il-fluss liberu tad-data jrid jitqies bħala l-ħames libertà fi ħdan is-Suq Uniku; jinnota li qafas ġuridiku ċar, kompetenzi u riżorsi suffiċjenti relatati mal-ġestjoni ta' big data, kif ukoll ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali rilevanti huma prerekwiżiti biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-cloud computing; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet interessati, speċjalment mal-industrija, biex jiġu identifikati l-opportunitajiet ta' taħriġ fil-qasam tal-big data u tal-kodifikazzjoni anki fl-ambitu tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, u toħloq inċentivi għall-partijiet interessati, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, biex jużaw, jiftħu u jikkondividu data fis-Suq Uniku;

77.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Quantum Manifesto biex tniedi inizjattiva fuq skala ewlenija ta' EUR 1 biljun fit-teknoloġija quantum; jenfasizza, madankollu, li sabiex jitħaffef l-iżvilupp tagħhom u l-prodotti kummerċjali jitressqu lejn l-utenti pubbliċi u privati, konsultazzjoni mal-partijiet interessati li hija trasparenti u miftuħa hi kruċjali;

Il-kondiviżjoni tad-data miftuħa, il-kondiviżjoni tad-data tar-riċerka

78.  Jilqa' l-fatt li l-iżvilupp tal-EOSC se jippermetti lir-riċerkaturi u lill-professjonisti tax-xjenza dwar post fejn jaħżnu, jikkondividu, jużaw u jużaw mill-ġdid id-data, u jista' jistabbilixxi l-pedament għal innovazzjoni mmexxija mid-data fl-UE; jenfasizza li l-benefiċċji ta' kondiviżjoni tad-data ġew rikonoxxuti b'mod wiesa';

79.  Jinnota li d-data saret essenzjali għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u globali; jinnota li l-kondiviżjoni tad-data għandha wkoll benefiċċji importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-ftuħ tad-data tal-gvern isaħħaħ id-demokrazija u joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda;

80.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni, flimkien ma' dawk tar-riċerkaturi u l-akkademiċi tal-industrija Ewropea, biex jiżviluppaw is-Sħubija Pubblika-Privata (PPP) tal-Valur tal-Big Data, f'sinerġija mas-cPPP dwar l-HPC li ssaħħaħ il-bini tal-komunità madwar id-data u l-HPC u tistabbilixxi l-bażi għal ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data fl-UE; jappoġġja l-PPP taċ-ċibersigurtà li trawwem kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati fi stadji bikrija tal-proċess ta' riċerka u innovazzjoni sabiex ikun jistgħu jiġu aċċessati soluzzjonijiet Ewropej innovattivi u affidabbli;

81.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib, u kemm jista' jkun malajr, mas-sħab tal-industrija, speċjalment l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex tiggarantixxi li r-rekwiżiti tan-negozji u tal-industrija huma indirizzati u integrati b'mod adegwat fl-istadju aktar tard tal-inizjattiva;

82.  Jinkoraġġixxi l-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidraw servizzi tal-cloud li huma sikuri, affidabbli u siguri billi jipprovdu qafas ġuridiku ċar u billi jaħdmu aktar biex jiżviluppaw skemi ta' ċertifikazzjoni speċifiċi għall-cloud; jinnota li n-negozji u l-konsumaturi għandhom bżonn li jħossuhom kunfidenti fl-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda;

83.  Jemmen li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu jkollhom aċċess miftuħ għal data pubblika tal-gvern b'mod awtomatiku; jitlob li jsir progress f'li jiġi determinat il-grad u l-pass tar-rilaxx tal-informazzjoni bħala data miftuħa, fl-identifikazzjoni ta' settijiet ta' data ewlenin li jsiru disponibbli u fil-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tad-data miftuħa f'forma miftuħa;

84.  Jinnota li t-tkabbir enormi fit-teknoloġiji diġitali huwa l-mutur ewlieni għall-ġenerazzjoni ta' flussi massivi ta' data mhux ipproċessata f'ambjenti cloud, u li dan il-ġbir enormi ta' flussi ta' data mhux ipproċessata f'sistemi ta' big data żied il-kumplessità komputazzjonali u l-konsum tar-riżorsi f'sistemi tal-estrazzjoni ta' data cloud-enabled; jinnota, barra minn hekk, li l-kunċett ta' kondiviżjoni tad-data ibbażat fuq mudell, jippermetti pproċessar tad-data lokali viċin is-sorsi tad-data u jittrasforma l-flussi ta' data mhux ipproċessata f'mudelli ta' għarfien azzjonabbli; ifakkar li dawn il-mudelli ta' għarfien għandhom utilità doppja f'dak li jikkonċerna d-disponibbiltà tal-mudelli ta' għarfien għal azzjonijiet immedjati kif ukoll għal kondiviżjoni ta' data parteċipatorja f'ambjenti cloud;

85.  Japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2016 dwar it-tranżizzjoni lejn sistema ta' xjenza miftuħa, b'mod partikolari l-konklużjoni li l-prinċipju sottostanti għall-aħjar użu mill-ġdid tad-data tar-riċerka għandu jkun "miftuħ kemm jista' jkun, magħluq kif meħtieġ";

Estrazzjoni ta' test u ta' data

86.  Jenfasizza li d-disponibbiltà sħiħa tad-data pubblika fi ħdan l-EOSC mhix se tkun biżżejjed biex jitneħħew l-ostakli kollha bbażati fuq id-data tar-riċerka;

87.  Jinnota li l-inizjattiva għandha bżonn tkun ikkumplimentata minn qafas modern tad-drittijiet tal-awtur li għandu jippermetti t-tneħħija tal-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' interoperabbiltà mill-proċess Ewropew tad-data tar-riċerka;

88.  Jemmen li l-inizjattiva għandha tippreserva l-bilanċ bejn id-drittijiet tar-riċerkaturi u dawk tad-detenturi tad-drittijiet u atturi oħra fil-qasam xjentifiku, bil-garanzija tar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-awturi u l-pubblikaturi, filwaqt li fl-istess ħin tiġi appoġġjata riċerka innovattiva fl-Ewropa;

89.  Jemmen li d-data tar-riċerka tista' tiġi kondiviża fi ħdan l-EOSC mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur li huma proprjetà tar-riċerkaturi jew tal-istituzzjonijiet ta' riċerka, billi jiġu stabbiliti mudelli ta' liċenzjar meta meħtieġ; jemmen li l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward qed jiġu stabbiliti fi ħdan il-proġett pilota dwar l-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka (Open Research Data Pilot) ta' Orizzont 2020;

90.  Jemmen li d-Direttiva Database 96/9/KE, li jeħtieġ li tiġi rieżaminata, tillimita l-użu ta' data mingħajr evidenza li toħloq valur ekonomiku jew xjentifiku miżjud;

Il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tad-data

91.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tippromwovi l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-liġijiet fl-Istati Membri biex tevita konfużjoni u frammentazzjoni ġurisdizzjonali, u biex tiżgura li jkun hemm trasparenza fis-suq uniku diġitali;

92.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem nett fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza, u tirrakkomanda livell għoli ta' protezzjoni tad-data madwar id-dinja;

93.  Jenfasizza li huwa meħtieġ approċċ ikkoordinat li għandu jittieħed mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, dawk li jfasslu l-politika u l-industrija, għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet f'din it-tranżizzjoni billi jipprovdu għodod ta' konformità u interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-obbligi, u billi jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjonijiet ewlenin għaċ-ċittadini u n-negozji;

94.  Jenfasizza li l-UE hija importatur u esportatur dinji ta' servizzi diġitali, u li teħtieġ cloud computing b'saħħtu u ekonomija mmexxija mid-data qawwija biex tkun kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fl-isforzi tagħha lejn il-ħolqien ta' standards aċċettati b'mod globali u uniformi tal-protezzjoni tad-data personali;

95.  Jemmen li l-flussi tad-data globali huma indispensabbli għall-kummerċ internazzjonali u t-tkabbir ekonomiku, u li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tippermetti lill-kumpaniji li joperaw fl-Ewropa – u b'mod partikolari fis-settur dejjem jikber tal-cloud computing – biex ikunu minn ta' quddiem fit-tellieqa globali tal-innovazzjoni; jenfasizza li l-inizjattiva għandha wkoll l-għan li tneħħi kwalunkwe restrizzjoni arbitrarja dwar fejn il-kumpaniji għandhom isibu l-infrastruttura jew jaħżnu d-data, peress li tali restrizzjonijiet ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Ewropa;

96.  Jemmen li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data adottat reċentement u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (id-Direttiva (UE) 2016/680)(10), tipprovdi salvagwardji b'saħħithom għall-protezzjoni tad-data personali, inkluża dik miġbura, aggregata u psewdonimizzata għal skopijiet ta' riċerka xjentifika u data sensittiva relatata mas-saħħa, flimkien ma' kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-pubblikazzjoni u l-iżvelar tagħha, id-dritt tas-suġġetti tad-data li joġġezzjonaw għall-ipproċessar ulterjuri, u regoli dwar l-aċċess għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn is-salvagwardji għall-iżvilupp tal-EOSC u l-implimentazzjoni ta' regoli li jirregolaw l-aċċess għal data maħżuna fih; jirrikonoxxi li approċċ armonizzat fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inklużi l-linji gwida, l-għodod tal-konformità u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini, riċerkaturi u negozji, huwa kruċjali, speċjalment għall-iżvilupp tal-EOSC u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka, inkluż permezz ta' informatika ta' prestazzjoni għolja;

97.  Iqis li l-fluss liberu tad-data huwa ta' benefiċċju għall-ekonomija diġitali u l-iżvilupp tax-xjenza u r-riċerka; jenfasizza li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tippermetti lis-settur Ewropew tal-cloud computing li dejjem jikber li jkun minn ta' quddiem fit-tellieqa globali għall-innovazzjoni, inkluż għal finijiet ta' xjenza u innovazzjoni; ifakkar li kwalunkwe trasferiment ta' data personali lejn l-infrastrutturi tal-cloud jew reċipjenti oħra li jinsabu 'l barra mill-Unjoni għandu jirrispetta r-regoli għat-trasferimenti previst fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-fluss liberu tad-data għandha tkun f'konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet; jenfasizza li l-inizjattiva għandha timmira wkoll li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-post fejn il-kumpaniji għandhom infrastruttura jew jaħżnu data, peress li dawn ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Ewropa u jipprevjenu lil xjenzati milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ ta' xjenza mmexxija mid-data, filwaqt li jinżammu restrizzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġu evitati abbużi possibbli fil-futur fir-rigward tal-EOSC;

98.  Jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni għandha tkun fuq quddiem fir-rigward tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali, inkluża data sensittiva, u għandha tippromwovi livell għoli ta' protezzjoni tad-data u ta' sigurtà tad-data madwar id-dinja; jemmen li l-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, flimkien ma' strateġija ta' ċibersigurtà inklużiva li tiżgura infrastrutturi affidabbli tad-data li huma protetti kontra t-telf tad-data, interferenza jew attakki, jistgħu jirrappreżentaw vantaġġ kompetittiv għal kumpaniji Ewropej fir-rigward tal-privatezza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-EOSC jippreserva l-indipendenza u l-oġġettività xjentifika tar-riċerka, kif ukoll jipproteġi x-xogħol tal-komunità xjentifika fi ħdan l-Unjoni;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tħassib dwar id-drittijiet fundamentali, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-informazzjoni sensittiva jiġu ttrattati b'konformità stretta mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u mad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (95/46/KE); jenfasizza li t-theddid għas-sigurtà tal-infrastruttura tal-cloud computing saru aktar internazzjonali, mifruxa u kumplessi, qed ixekklu l-użu aktar intensiv tagħha, u jirrikjedu kooperazzjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex, f'konsultazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), jikkooperaw sabiex tiġi stabbilita infrastruttura diġitali sikura u affidabbli u jinkisbu livelli għolja ta' ċibersigurtà b'konformità mad-Direttiva dwar l-NIS;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din l-inizjattiva tkun adattata għall-iskop tagħha, tħares 'il barra, valida għall-futur u teknoloġikament newtrali, u jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jieħdu rwol ta' tmexxija fis-suq u mill-industrija tal-cloud computing innifisha sabiex jilħqu d-domandi attwali u futuri tas-settur bl-aħjar mod, u biex jixprunaw l-innovazzjoni f'teknoloġiji bbażati fuq il-cloud;

101.  Jinnota l-potenzjal tal-big data biex toħloq innovazzjoni teknoloġika u tibni l-ekonomija tal-għarfien; jinnota li t-tnaqqis tal-ostakli u l-kondiviżjoni tal-għarfien se jagħti spinta lill-kompetittività tan-negozji filwaqt li jkun ta' benefiċċju wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza l-importanza li tiġi ffaċilitata l-portabbiltà tad-data;

102.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu ma' inizjattivi li jiffissaw standards u li huma mmexxija mill-industrija biex jiżguraw li s-suq uniku jibqa' aċċessibbli għall-pajjiżi terzi u risponsiv għall-evoluzzjoni teknoloġika, jevita ostakli li se jxekklu l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa; jinnota li l-iffissar ta' standards f'dak li jirrigwardja l-privatezza u s-sigurtà tad-data huwa relatat mill-qrib mal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, u li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu;

103.  Jisħaq li jrid ikun hemm kunsiderazzjoni tal-inizjattivi eżistenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni li tista' xxekkel il-ftuħ, il-kompetizzjoni u t-tkabbir, u li standards xprunati mis-suq, pan-Ewropej għall-kondiviżjoni tad-data jridu jkunu f'konformità mal-istandards internazzjonali;

104.  Jenfasizza l-bżonn li jinstab bilanċ bejn it-tħassib leġittimu dwar il-protezzjoni tad-data u l-bżonn li jiġi żgurat "fluss liberu tad-data" mhux sfruttat; jisħaq dwar il-ħtieġa li regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data jiġu rrispettati f'suq miftuħ tal-big data;

105.  Jappoġġja l-proposta li tagħmel id-data tar-riċerka miftuħa l-opzjoni awtomatika għal proġetti ġodda ta' Orizzont 2020, peress li d-data tar-riċerka ffinanzjata pubblikament hija ġid pubbliku, prodott fl-interess pubbliku u għandha tkun disponibbli b'mod miftuħ, b'kemm jista' jkun ftit restrizzjonijiet u mingħajr dewmien u b'mod responsabbli;

106.  Jinnota li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing tiffoka fuq setturi potenzjalment sensittivi ta' R&D u e-Portals tal-gvern; itenni li l-aħjar mod li bih tiġi ttrattata ċ-ċibersigurtà għas-servizzi tal-cloud huwa permezz tal-qafas tad-Direttiva dwar l-NIS;

107.  Jinnota l-importanza li tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà ta' tagħmir differenti fi ħdan in-netwerks, l-għoti ta' garanzija ta' sigurtà u l-promozzjoni ta' ktajjen tal-forniment tal-komponenti, kollha kemm huma importanti għall-kummerċjalizzazzoni tat-teknoloġija;

o
o   o

108.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.
(2) ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1.
(3) ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0089.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(6) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.
(7) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 19.
(8) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(9) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(10) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.


Investiment fl-impjiegi u fit-tkabbir - il-massimizzazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
PDF 420kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR (2016/2148(INI))
P8_TA(2017)0053A8-0385/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem 'ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni')(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(11),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2016 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Mejju 2016 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej"(12),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Ir-riżultat tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi"(13),

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra l-analiżi tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Maximisation of synergies between European Structural and Investment Funds and other EU instruments to attain the Europe 2020 goals" ("Massimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u strumenti oħra tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020"),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' Settembru 2016 bit-titolu "Evaluation of the Report under Article 16(3) of the CPR" ("Evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni",

–  wara li kkunsidra l-analiżi tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) ta' Settembru 2016 bit-titolu "Strumenti finanzjarji fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-20: l-ewwel esperjenzi tal-Istati Membri",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0385/2016),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta parti sinifikanti tal-baġit tal-UE, fejn tammonta għal madwar terz tal-infiq kollu;

B.  billi, b'baġit ta' EUR 454 biljun għall-perjodu 2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) huma l-għodda ta' politika ta' investiment ewlenija tal-UE u huma għajn vitali ta' investiment pubbliku f'bosta Stati Membri, li jwasslu biex jiġu pprovduti aktar impjiegi, tkabbir u investiment fl-UE kollha, kif ukoll biex jitnaqqsu d-disparitajiet fil-livell reġjonali u lokali sabiex tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

C.  billi l-Ftehimiet ta' Sħubija (FS) jifformaw il-bażi tar-rapport dwar l-Artikolu 16(3) ippreżentat mill-Kummissjoni;

D.  billi n-negozjati għall-FS u għall-programmi operattivi (PO) għall-perjodu 2014-2020 kienu eżerċizzju modernizzat, aġġustat b'mod qawwi u kien wieħed intensiv b'qafas ġdid għall-prestazzjoni, għall-kondizzjonalitajiet ex ante u għall-konċentrazzjoni tematika, iżda wasslu wkoll għal dewmien serju biex attwalment ingħata bidu għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, ukoll minħabba nuqqasijiet fil-kapaċità amministrattiva ta' għadd ta' reġjuni u Stati Membri, fejn is-sitwazzjoni kompla jitnaqqsilha r-ritmu bil-proċedura għan-nomina tal-awtoritajiet ta' ġestjoni;

E.  billi ma hemm l-ebda dubju li minħabba l-adozzjoni tard tal-qafas regolatorju fi tmiem l-2013 b'konsegwenza tan-negozjati twal u d-dewmien sakemm intlaħaq il-ftehim dwar il-QFP, il-programmi operattivi ma setgħux jiġu adottati fil-ħin; billi konsegwentement l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi kellha bidu kajman, u b'hekk kien hemm impatt fuq l-adozzjoni tal-politika fil-prattika;

F.  billi ġew stabbiliti dispożizzjonijiet komuni għall-ħames fondi SIE kollha, biex b'hekk issaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom;

G.  billi l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu attwali qed tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi politiċi u ekonomiċi, li jirriżultaw kemm mill-kriżi finanzjarja - li wasslet għal tnaqqis fl-investiment pubbliku f'ħafna Stati Membri, u ħalliet lill-Fondi SIE u l-kofinanzjament mill-Istati Membri bħala l-istrument prinċipali għall-investiment pubbliku f'ħafna Stati Membri - u kemm mill-kriżi tal-migrazzjoni;

H.  billi fil-perjodu ta' programmazzjoni tal-2014-2020 il-politika ta' koeżjoni kisbet approċċ ta' politika aktar iffukat, permezz ta' konċentrazzjoni tematika u permezz tal-appoġġ għall-prijoritajiet u l-objettivi tal-Unjoni;

I.  billi l-Fondi SIE fil-perjodu ta' finanzjament attwali huma orjentati lejn ir-riżultati b'mod aktar qawwi u huma mibnija fuq ambjent ta' investiment li jippermetti effikaċja akbar;

J.  billi jrid ikun hemm allinjament aktar b'saħħtu tal-investiment taħt il-politika ta' koeżjoni mal-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u mas-Semestru Ewropew;

K.  billi t-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar għenet biex ittaffi l-konġestjonijiet u x-xogħol b'lura fl-allokazzjoni tal-fondi;

Il-qsim tar-riżultati, il-komunikazzjoni u l-viżibilità

1.  Jinnota li l-Ewropa għaddejja minn fażi diffiċli mil-lat ekonomiku, dak soċjali u dak politiku, b'tali mod li hemm il-ħtieġa aktar minn qatt qabel ta' politika ta' investiment effettiva li tkun orjentata lejn it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, tkun qrib iċ-ċittadini u aktar adattata għal vokazzjonijiet territorjali speċifiċi, u għandha tfittex li tindirizza b'mod determinat kemm il-qgħad u kemm l-inugwaljanzi soċjali fi ħdan l-Unjoni, u b'hekk toħloq valur miżjud Ewropew; jemmen li sabiex terġa' tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha l-UE għandha tagħti bidu għal proċessi ta' aġġustament biex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9 tat-TFUE;

2.  Jinnota li l-politika ta' koeżjoni tul il-perjodu tal-2014-2020 ġiet elaborata kompletament mill-ġdid, peress li kienet teħtieġ bidla fil-mentalità u fil-metodi ta' ħidma fil-livelli kollha ta' governanza, inkluża l-koordinazzjoni orizzontali u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll, sa fejn hu possibbli, tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD); jirrimarka li r-riformi ta' dan l-aħħar li jħarsu 'l quddiem u li huma eżemplari spiss jiġu injorati, iżda li l-politika ta' koeżjoni spiss għadha titqies bħala politika tradizzjonali ta' nfiq aktar milli bħala politika ta' żvilupp u ta' investiment li toffri riżultati tanġibbli;

3.  Iqis li l-komunikazzjoni ewlenija dwar il-proġetti ta' politika tal-koeżjoni għandha tiffoka fuq il-valur miżjud Ewropew, is-solidarjetà u l-viżibilità tal-istejjer ta' suċċess, filwaqt li jissottolinja l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki kif ukoll li wieħed jitgħallem mill-proġetti li ma jirnexxilhomx jilħqu l-objettivi tagħhom; jinsisti li l-komunikazzjoni dwar is-suġġett tal-fondi SIE għandha tiġi modernizzata u intensifikata; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati u implimentati għodod ġodda għall-komunikazzjoni tar-riżultati tal-politika ta' koeżjoni; iqis li hemm il-ħtieġa li jsir investiment fl-intelligence reġjonali u fil-ġbir ta' data, bħala parti minn sforz kontinwu biex jinħolqu u jiġu aġġornati l-bażijiet ta' data, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet, l-ispeċifiċitajiet u l-prijoritajiet lokali u reġjonali, bħal fil-każ tal-pjattaforma S3 li diġà teżisti, li jkun jippermetti lill-pubbliku interessat li effettivament jivverifika l-valur miżjud Ewropew tal-proġetti;

4.  Jirrileva l-fatt li sabiex jittejbu l-komunikazzjoni dwar il-Fondi SIE u l-viżibilità tagħhom, għandu jitqiegħed fokus akbar fuq il-parteċipazzjoni mill-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji, u fuq l-involviment taċ-ċittadini fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni b'mod li jkun sinifikattiv; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-ibliet jikkomunikaw aktar kemm dwar il-kisbiet tal-politika ta' koeżjoni u kemm dwar it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu, u jipproduċu pjan ta' azzjoni kkoordinat u mmirat;

Konċentrazzjoni tematika

5.  Jilqa' l-konċentrazzjoni tematika, peress li ħarġet għodda utli għall-ħolqien ta' politika ffukata u effettività akbar għall-prijoritajiet tal-UE u għall-istrateġija Ewropa 2020, billi ssaħħaħ il-proċess li fih l-għarfien jinqaleb f'innovazzjoni, impjiegi u tkabbir; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu deċiżjonijiet ċari dwar il-prijoritajiet ta' investiment u biex jagħżlu l-proġetti abbażi tal-prijoritajiet stabbiliti għall-Fondi SIE, kif ukoll biex jużaw proċessi ta' implimentazzjoni simplifikati u effiċjenti;

6.  Jinnota li analiżi tal-konċentrazzjoni tematika għandha tindika kif l-għażliet strateġiċi tal-Istati Membri u l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn l-objettivi tematiċi (OT) kollha jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorji; jiddispjaċih li dan l-aspett huwa inqas evidenti fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 16;

7.  Iqis li r-riżultati u l-benefiċċji tal-politika ta' koeżjoni għandhom bżonn jiġu trażmessi b'mod aktar effettiv, mhux l-inqas sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-proġett Ewropew;

8.  Jinsisti li jenħtieġ li l-politika ta' koeżjoni jkompli jkollha fokus tematiku, filwaqt li jitħalla li jkun hemm grad ta' flessibilità li jkun biżżejjed sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull reġjun, b'mod speċjali l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni li huma anqas żviluppati, kif stabbilit fir-regolamenti; jitlob li jkompli jsir investiment tal-Fondi SIE fir-reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjoni sabiex jiġi priservat dak li nkiseb permezz tar-riżorsi u l-isforzi diġà implimentati;

9.  Jenfasizza, b'mod partikolari, li jenħtieg li tingħata konsiderazzjoni liċ-ċirkostanzi tar-reġjuni urbani jew rurali, l-hekk imsejħa "reġjuni li għadhom lura", ir-reġjuni li jinsabu fi tranżizzjoni u r-reġjuni bi żvantaġġi naturali jew ġeografiċi permanenti, u jenħtieġ li jiġu mfassla politiki ta' appoġġ xierqa għall-iżvilupp ta' dawn iż-żoni, li mingħajr il-politika ta' koeżjoni jista' jkun li ma kinux ikunu jistgħu jlaħħqu ma' reġjuni aktar żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi u tespandi strateġiji biex timplimenta l-aġenda urbana, flimkien mal-awtoritajiet lokali u r-reġjuni metropolitani konċepiti bħala ċentri ta' tkabbir tal-UE; ifakkar f'dan il-kuntest li huwa importanti li titħalla biżżejjed flessibilità biex l-Istati Membri u r-reġjuni jappoġġjaw l-isfidi ta' politika ġodda, bħalma huma dawk relatati mal-immigrazzjoni (filwaqt li wieħed jiftakar fl-għanijiet oriġinali u li għadhom rilevanti tal-politika ta' koeżjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni), kif ukoll id-dimensjoni diġitali fis-sens wiesa' tagħha tal-politika ta' koeżjoni (inklużi l-kwistjonijiet tal-ICT u tal-aċċess għall-broadband, li huma marbuta mal-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali); jiġbed l-attenzjoni lejn l-Istrateġija għal Unjoni tal-Enerġija, l-Istrateġija għal Ekonomija Ċirkolari, u l-impenji tal-UE taħt il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, billi l-Fondi SIE għandhom rwol importanti x'jaqdu biex dawn jitwettqu;

10.  Iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni liż-żoni subreġjonali li għandhom akkumulazzjoni konsiderevoli ta' sfidi, li spiss jinstabu f'żoni ta' faqar, f'komunitajiet segregati u fi kwartieri li jgħixu fil-għaks fejn hemm sovrarappreżentanza ta' gruppi emarġinati bħalma huma r-Rom;

11.  Jappoġġa l-bidla gradwali ta' konċentrazzjoni minn waħda bbażata fuq proġetti maġġuri relatati mal-infrastruttura lejn waħda bbażata fuq l-istimulazzjoni tal-ekonomija tal-għarfien, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll fuq il-bini tal-kapaċità u l-awtonomizzazzjoni tal-atturi, inklużi mis-soċjetà ċivili, fil-politika ta' koeżjoni, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni anqas żviluppati li għad għandhom bżonn l-appoġġ fil-qasam tal-iżvilupp infrastrutturali u li għalihom is-soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq mhumiex dejjem fattibbli, ukoll b'kunsiderazzjoni li għandu jkun hemm flessibilità sabiex kull Stat Membru jkun jista' jagħmel l-investimenti skont il-prijoritajiet tiegħu kif stabbilit fil-Ftehimiet ta' Sħubija sabiex jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali tiegħu;

12.  Hu tal-fehma li l-Fondi SIE, inklużi b'mod partikolari l-Programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, għandhom jintużaw biex joħolqu u jagħtu spinta lill-impjiegi ta' kwalità, kif ukoll lil sistemi ta' kwalità ta' tagħlim tul il-ħajja u ta' taħriġ vokazzjonali (mill-ġdid), inkluża l-infrastruttura tal-iskejjel, biex b'hekk il-ħaddiema jkunu jistgħu jadattaw ruħhom taħt kondizzjonijiet tajba għar-realtajiet li qed jinbidlu tad-dinja tax-xogħol, u biex jiġu stimulati t-tkabbir sostenibbli, il-kompetittività u l-iżvilupp u l-prosperità komuni mmirati biex tinkiseb Ewropa soċjalment ġusta, sostenibbli u inklużiva, filwaqt li jsir konċentrament fuq iż-żoni li huma l-anqas żviluppati u s-setturi li għandhom problemi strutturali u filwaqt li jingħata appoġġ lill-gruppi l-aktar vulnerabbli u esposti fis-soċjetà, b'mod partikolari ż-żgħażagħ (flimkien ma' programmi bħall-Erasmus+) u dawk bl-inqas ħiliet jew kwalifiki, jiġu promossi iktar impjiegi permezz ta' ekonomija ċirkolari, u jiġi pprevenut it-tluq bikri mill-iskola; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-FSE huwa strument li jappoġġa l-implimentazzjoni ta' politiki ta' interess pubbliku;

13.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-qgħad – b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ u fost in-nisa, kif ukoll il-qgħad fiż-żoni rurali – għadu għoli ħafna f'bosta Stati Membri, minkejja l-isforzi kollha, u l-politika ta' koeżjoni għandha tipprovdi tweġibiet għal dan ukoll; jirrakkomanda lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni lill-impatt tal-politika ta' koeżjoni fuq il-promozzjoni tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad; jinnota f'dan il-kuntest li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) ġiet integrata f'34 programm tal-FSE f'20 Stat Membru eliġibbli, u b'hekk se tippermetti liż-żgħażagħ qiegħda jibbenefikaw mill-YEI bil-ħsieb li jiksbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-implimentazzjoni effettiva tal-YEI damet biex bdiet u dwar il-mod li bih il-Garanzija għaż-Żgħażagħ qiegħda tiġi implimentata f'ċerti reġjuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jinkisbu effetti sostanzjali u tanġibbli malajr u b'suċċess mill-fondi investiti, b'mod partikolari fir-rigward tal-fondi li jkunu disponibbli fil-forma ta' pagamenti bil-quddiem, u sabiex il-YEI tkun implimentata b'mod korrett kif ukoll biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema żgħażagħ; jitlob, b'mod partikolari, li jitqiesu l-ħtiġijiet reali tal-komunità tan-negozju fl-użu tal-Fondi SIE biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tat-taħriġ, bil-għan li jinħolqu opportunitajiet reali ta' impjiegi u tinkiseb l-okkupazzjoni fit-tul; iqis li l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-inklużjoni soċjali u l-isfidi demografiċi tal-ġejjieni li qed tiffaċċja l-Ewropa llum il-ġurnata u fuq perjodu medju fil-ġejjieni għandhom ikunu l-oqsma ewlenin li fuqhom għandha tkun iffukata l-politika ta' koeżjoni; jitlob li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ titkompla lil hinn mill-2016, sabiex jiġu sostnuti l-isforzi favur il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, abbażi ta' analiżi operattiva bir-reqqa mfassla bil-għan li jintlaħqu l-korrezzjonijiet meħtieġa sabiex issir aktar effettiva;

14.  Jesprimi tħassib serju li fil-każ tal-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, li fl-2014-2020 se tirċievi total ta' EUR 12,7-il biljun mill-FSE u mill-Inizjattiva speċjali favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, u li, fuq il-bażi ta' dan il-finanzjament, diġà qed titqies bħala l-mutur wara l-isforzi li jsiru biex tingħata spinta lill-impjiegi fost iż-żgħażagħ, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, li hija proċedura standard għall-inizjattivi ewlenin kollha tal-Kummissjoni; għaldaqstant hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar l-ispiża globali potenzjali tal-implimentazzjoni tal-garanzija fl-UE kollha u, kif enfasizzat il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, hemm ir-riskju li l-ammont totali tal-finanzjament jista' ma jkunx biżżejjed;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari l-komunikazzjoni diġitali, li permezz tagħha l-informazzjoni dwar l-assistenza potenzjali biex jinstab taħriġ, traineeship jew xogħol kofinanzjati permezz tal-fondi tal-UE tista' tilħaq l-ikbar numru ta' żgħażagħ; jitlob aktar komunikazzjoni sabiex jiġu promossi l-portals bħal DROP'PIN u EURES u sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-mobilità fis-suq intern għaż-żgħażagħ, li huwa meqjus bħala l-potenzjal l-anqas sfruttat fil-ġlieda kontra l-qgħad fl-UE;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità meta jkunu qed jimplimentaw proġetti appoġġati mill-Fondi SIE, inkluż l-għan li tiġi inkoraġġita bidla mill-għajxien fi strutturi istituzzjonali għall-għajxien fil-komunità għall-persuni b'diżabilità;

17.  Ifakkar li t-tlestija għalkollox tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T hija prijorità tal-politika Ewropea fil-qasam tat-trasport, u li l-Fondi SIE huma għodda importanti ħafna fl-implimentazzjoni ta' dan il-proġett; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-Fondi SIE bil-għan li l-potenzjal tan-netwerk ewlieni u tan-netwerk komprensiv tat-TEN-T jiġi konness mal-infrastruttura tat-trasport reġjonali u lokali; jirrikonoxxi l-importanza tal-Fond ta' Koeżjoni għat-titjib tal-infrastruttura u l-konnettività fl-Ewropa, u jinsisti li dan il-fond jibqa' jinżamm fil-qafas finanzjarju l-ġdid ta' wara l-2020;

18.  Jenfasizza li l-multimodalità tat-trasport għandha tkun fattur vitali fil-valutazzjoni tal-proġetti ta' infrastruttura ffinanzjati mill-Fondi SIE, iżda li m'għandhiex tkun l-uniku kriterju użat biex jiġu vvalutati l-proġetti proposti, b'mod speċjali fil-każ ta' Stati Membri bi ħtiġijiet mill-akbar ta' investiment fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jinżammu snajja' tradizzjonali, inklużi t-tradizzjoni tal-artiġjanat u l-ħiliet assoċjati magħha, u li jiġu stabbiliti strateġiji biex jitrawwem it-tkabbir għall-intraprenditorija tas-snajja' tradizzjonali sabiex tibqa' tinżamm l-identità kulturali tas-setturi tas-snajja' tradizzjonali; jiġbed l-attenzjoni lejn kemm hu importanti li jiġi appoġġjat ix-xogħol marbut mat-taħriġ professjonali u mal-mobilità tal-irġiel u n-nisa żgħażagħ tas-sengħa,

Kondizzjonalitajiet ex ante

20.  Jissottolinja li biex jiġu rreġistrati l-isforzi u l-kisbiet jenħtieġ monitoraġġ effettiv tal-kondizzjonalitajiet ex ante; iqis li l-kondizzjonalitajiet ex-ante, b'mod partikolari dik dwar l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3), urew is-siwi tagħhom, u jissuġġerixxi li dawn ikomplu jiġu mtejba; jirrimarka li għandha tingħata aktar attenzjoni lit-tisħiħ tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;

21.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li proporzjon sinifikanti tal-kondizzjonalitajiet ex-ante għadhom ma ġewx issodisfati; jitlob, għalhekk, li ssir analiżi tas-sitwazzjoni attwali u li tiġi adottata azzjoni mmirata biex tpatti għal dan, filwaqt li matiġix kompromessa l-aħjar rata ta' utilizzazzjoni tal-fondi u lanqas ma ssir inqas effiċjenti l-politika ta' koeżjoni;

Ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni

22.  Jenfasizza li l-qafas regolatorju għall-perijodu 2014-2020 u l-Ftehimiet ta' Sħubija wasslu għal konċentrazzjoni orjentata b'mod qawwi lejn ir-riżultati fil-programmi ta' koeżjoni, u li dan l-approċċ jista' jkun ta' eżempju għal partijiet oħra tan-nefqa tal-baġit tal-UE wkoll; jilqa' l-introduzzjoni ta' indikaturi komuni li jkunu jippermettu li jsir il-kejl u l-valutazzjoni komparattiva tar-riżultati; iqis li l-ħidma fuq l-indikaturi trid tkompli sabiex tittejjeb l-evidenza dwar l-infiq tal-Fondi SIE u tiġi ottimizzata l-għażla tal-proġetti;

23.  Jirrimarka li innovazzjoni importanti kienet l-introduzzjoni tal-konċentrazzjoni tematika, li permezz tagħha l-investimenti huma ffukati fuq objettivi u prijoritajiet speċifiċi li jikkorrispondu għal indikaturi u miri li jkun sar qbil speċifiku dwarhom għat-temi kollha;

24.  Ifakkar li ġiet introdotta riżerva għall-prestazzjoni għal kull Stat Membru, li tikkonsisti f'6 % tar-riżorsi allokati għall-Fondi SIE; ifakkar li, abbażi tar-rapporti nazzjonali tal-2017 u l-analiżi tal-prestazzjoni tal-2019, ir-riżerva għandha tiġi allokata biss lil dawk il-programmi u prijoritajiet li jkunu laħqu l-istadji importanti tagħhom; jappella għal flessibilità fil-varar ta' impenji ġodda mir-riżerva ta' prestazzjoni meta l-programmi jkunu laħqu l-miri u l-istadji importanti tagħhom fis-snin li ġejjin; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-riżerva ta' prestazzjoni toħloqx fil-fatt valur miżjud jew jekk wasslitx għal aktar burokrazija;

Is-Semestru Ewropew

25.  Jieħu nota tal-fatt li, hu u għaddej il-proċess ta' programmazzjoni, l-Istati Membri sabu li aktar minn żewġ terzi mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ġew adottati fl-2014 kienu rilevanti għall-investimenti tal-politika ta' koeżjoni, u jilqa' l-fatt li huma ħadu kont ta' dan fil-prijoritajiet ta' pprogrammar tagħhom; jirrikonoxxi li fil-ġejjieni qrib ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jista' jkun li jiskattaw emendi għall-programm tal-Fondi SIE, u b'hekk jiġi żgurat li jkun hemm appoġġ għar-riformi strutturali fl-Istati Membri; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) jirrappreżentaw rabta ċara bejn il-Fondi SIE u l-proċess tas-Semestru Ewropew;

26.  Jenfasizza kemm hu importanti li tiġi stabbilita rabta bilanċjata bejn il-politika ta' koeżjoni u s-Semestru Ewropew, peress li t-tnejn li huma jaħdmu biex jintlaħqu l-istess għanijiet skont l-istrateġija Ewropa 2020, mingħajr preġudizzju għall-ilħuq tal-objettivi soċjali, ekonomiċi u ta' koeżjoni territorjali bil-għan li jitnaqqsu d-disparitajiet kif stabbilit mit-Trattati; huwa tal-opinjoni li għandna naħsbu mill-ġdid ir-raġunament wara s-sospensjoni tal-Fondi SIE f'każ ta' devjazzjoni mill-objettivi tas-Semestru Ewropew, peress li din tista' tkun kontroproduttiva biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi;

Sinerġiji u Strumenti Finanzjarji

27.  Jinnota li l-qafas regolatorju għall-Fondi SIE għall-perjodu 2014-2020 jappoġġja l-istrumenti finanzjarji; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta' għotjiet għadu indispensabbli; josserva li jidher li hemm konċentrazzjoni fuq bidla gradwali minn għotjiet għal selfiet u garanziji; jenfasizza li din it-tendenza ssaħħet permezz tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) li għadu kif ġie stabbilit. jinnota wkoll li l-użu tal-approċċ ibbażat fuq bosta fondi jidher li għadu diffiċli; jenfasizza, minħabba l-kumplessità ta' dawn l-istrumenti, l-importanza vitali li jingħata appoġġ xieraq lill-istituzzjonijiet lokali u reġjonali fit-taħriġ tal-uffiċjali responsabbli mill-ġestjoni tagħhom; jirrimarka li l-istrumenti finanzjarji jistgħu joffru soluzzjonijiet għall-użu effiċjenti tal-baġit tal-UE, billi jikkontribwixxu flimkien mal-għotjiet biex jinħoloq l-investiment ħalli jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi sostenibbli;

28.  Jirrimarka li qed tiġi segwita aġenda separata għall-FEIS, li huwa ppreżentat bħala storja ta' suċċess f'dak li għandu x'jaqsam ma' implimentazzjoni u riżultati rapidi fis-sura ta' operazzjonijiet eżistenti, minkejja nuqqasijiet konsiderevoli bħalma huwa n-nuqqas ta' addizzjonalità; f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi data speċifika fuq l-impatt tal-FEIS f'dawk li huma tkabbir u impjiegi u tippreżenta, wara l-evalwazzjoni, punti ta' tagħlim biex il-Fondi SIE jkunu jistgħu jintużaw b'iktar suċċess fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid mill-2021'il quddiem; jitlob, minbarra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 2/2016(14), analiżi tal-kontribuzzjonijiet tal-FEIS għall-objettivi tal-Fondi SIE u rendikont ta' dak li l-FEIS kiseb f'dak li jirrigwarda l-prijoritajiet tiegħu stess;

29.  Jinnota, madankollu, in-nuqqas ta' evidenza dwar l-eżiti u r-riżultati miksuba permezz ta' strumenti finanzjarji u r-rabta dgħajfa bejn dawk l-istrumenti finanzjarji u l-objettivi u l-prijoritajiet komprensivi tal-UE;

30.  Jinnota li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 16 ftit jagħti informazzjoni dwar il-koordinazzjoni u s-sinerġiji fost il-programmi differenti u mal-istrumenti ta' oqsma ta' politika oħra, u b'mod partikolari mhux dejjem ippreżenta data affidabbli dwar ir-riżultati mistennija tal-programmi tal-FSE u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jenfasizza li l-fatt li hemm regolament komuni għall-ħames Fondi SIE żied is-sinerġija bejniethom, inkluż fit-tieni pilastru tal-politika agrikola komuni; jinsab konvint li s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra, inkluż il-FEIS u strumenti finanzjarji oħra, għandhom jiġu msaħħa sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investiment; jenfasizza li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-Fondi SIE, iżda mhux għall-FEIS jew għall-Orizzont 2020, u li dan il-fatt joħloq problemi fir-rigward tat-tiżjid tal-livell ta' sinerġija fost il-fondi, il-programmi u l-istrumenti; jenfasizza l-fatt li sabiex jiġu żgurati l-kumplementarjetà u s-sinerġija meħtieġa bejn il-FEIS, l-istrumenti finanzjarji u l-Fondi SIE, il-kwistjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat trid tkompli tiġi eżaminata aktar bl-għan li tiġi ċċarata, issimplifikata u adattata kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tagħti gwida komprensiva lill-awtoritajiet ta' ġestjoni dwar l-ikkombinar tal-FEIS ma' strumenti ta' ġestjoni konġunta u diretta, inklużi l-Fondi SIE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020;

31.  Jargumenta favur li jkompli jsir użu bbilanċjat ta' strumenti finanzjarji fejn dawn għandhom valur miżjud u fejn mhumiex ta' preġudizzju għall-appoġġ tradizzjonali mogħti mill-politika ta' koeżjoni; jenfasizza, madankollu, li dan għandu jsir biss wara li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-kontribuzzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li r-reġjuni kollha jridu jżommu firxa diversifikata ta' għejun ta' finanzjament, filwaqt li s-sussidji jibqgħu l-istrumenti l-aktar adattati f'ċerti setturi biex jintlaħqu l-miri tat-tkabbir u l-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni tressaq inċentivi biex tiżgura li l-awtoritajiet ta' ġestjoni jkunu informati bis-sħiħ dwar l-opportunitajiet biex jintużaw l-istrumenti finanzjarji u l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, u tanalizza l-kosti tal-ġestjoni tal-għotjiet u tal-assistenza li trid titħallas lura implimentati fil-programmi komuni u ġestiti b'mod ċentrali; jenfasizza li regoli ċari, konsistenti u ffukati dwar l-istrumenti finanzjarji biex ikun jista' jiġi ssimplifikat il-proċess tat-tħejjija u l-implimentazzjoni għall-ġesturi u l-benefiċjarji tal-fondi huma kruċjali biex tittejjeb l-implimentazzjoni effettiva tagħhom; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rapport fuq inizjattiva proprja li jmiss tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali intitolat "It-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE" (2016/2302(INI));

Is-simplifikazzjoni

32.  Jinnota li wieħed mill-objettivi prinċipali tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 huwa li tkompli ssir aktar simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE, u jirrikonoxxi li s-simplifikazzjoni hija waħda mill-fatturi ewlenin għal aċċess aħjar għall-finanzjament;

33.  Jilqa' l-fatt li l-qafas regolatorju modernizzat attwali għall-Fondi SIE jipprovdi possibilitajiet ġodda għas-simplifikazzjoni f'dawk li huma regoli komuni ta' eliġibilità, għażliet tal-kosti ssimplifikati u l-governanza elettronika; jiddispjaċih, madankollu, li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni ma tinkludi l-ebda tagħrif speċifiku f'dak li jirrigwarda l-użu tal-Għażliet tal-Kosti Simplifikati; jissottolinja li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tal-Għażliet tal-Kosti Simplifikati f'dik li hi t-taffija tal-piż amministrattiv; jinnota li għad hemm bżonn ta' miżuri sinifikanti ta' simplifikazzjoni kemm għall-benefiċjarji u kemm għall-awtoritajiet ta' ġestjoni, liema miżuri jiffokaw fuq l-akkwist pubbliku, il-ġestjoni tal-proġetti, u awditi matul u wara l-operazzjonijiet;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni kontinwa tal-piż amministrattiv, inklużi b'mod partikolari komponenti bħalma huma l-ħin, il-kosti u x-xogħol ta' dokumentazzjoni f'finanzjament mill-UE fis-sura ta' għotjiet u strumenti finanzjarji, abbażi tal-evidenza tar-riżultati mill-perjodu tal-2007-2013 u l-bidu tal-perjodu l-ġdid mill-2014;

35.  Jirrakkomanda għall-perjodu ta' programmazzjoni prospettiv li jibda fl-2021 li l-livelli kollha tal-governanza jaħdmu favur sistema ta' verifika unika billi jeliminaw il-kontrolli doppji fost id-diversi livelli ta' gvern; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara l-firxa u l-istatus ġuridiku tal-gwida eżistenti fil-Fondi SIE kollha, kif ukoll tiżviluppa, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ta' ġestjoni u mal-livelli kollha rilevanti ta' awtorità tal-awditjar, interpretazzjoni konġunta tal-kwistjonijiet tal-awditjar; itenni li hemm bżonn ta' aktar progress fil-qasam tas-simplifikazzjoni, inkluż b'mod partikolari fil-programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ, billi tiddaħħal inter alia proporzjonalità akbar fil-kontrolli; jilqa' l-eżitu preliminari tal-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni;

36.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti proċeduri standard għat-tfassil ta' programmi operattivi u għall-ġestjoni, speċjalment fejn huma kkonċernati l-bosta programmi ta' kooperazzjoni territorjali;

Il-kapaċità amministrattiva

37.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom kulturi amministrattivi u livelli ta' prestazzjoni amministrattiva differenti fil-qafas ta' politika tagħhom, sitwazzjoni li l-kondizzjonalitajiet ex ante għandhom jgħinu biex tingħeleb; jenfasizza l-ħtieġa li l-kapaċità amministrattiva tiġi msaħħa bħala prijorità fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni u l-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'rata baxxa ta' assorbiment ta' fondi; jinnota l-ħtieġa li tingħata assistenza teknika, professjonali u għajnuna prattika lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lil-lokalitajiet waqt l-applikazzjonijiet għall-finanzjament; japprezza l-impatt tal-faċilità Jaspers, u jtenni li l-ippjanar ħażin tal-investimenti jwassal għal dewmien mill-akbar fit-tlestija tal-proġetti u għall-użu ineffiċjenti tal-fondi;

38.  Jinnota li l-bidu kajman ta' xi programmi, in-nuqqas ta' kapaċità ta' ġestjoni għal proġetti kumplessi, id-dewmien reġistrat fl-iffinalizzar ta' proġetti, il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, ir-regolamentazzjoni eċċessiva u l-iżbalji fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku huma l-ostakli prinċipali għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; iqis li huwa essenzjali li jiġu identifikati u simplifikati l-proċessi u l-proċeduri kumplessi bla bżonn fil-ġestjoni kondiviża li joħolqu piżijiet addizzjonali fuq l-awtoritajiet u fuq il-benefiċjarji; jirrimarka li l-kapaċità amministrattiva għandha l-ħin kollu tiġi mtejba, immonitorjata u msaħħa; huwa tal-fehma għalhekk li f'dan ir-rigward hemm il-ħtieġa li jiġu sfruttati soluzzjonijiet funzjonali u flessibbli ta' gvern elettroniku, kif ukoll informazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri; barra minn hekk, jissottolinja l-ħtieġa li ssir konċentrazzjoni akbar fuq it-taħriġ tal-amministrazzjoni;

39.  Jirrimarka li l-oqfsa regolatorji, il-kundizzjonijiet u s-soluzzjonijiet imfassla apposta, (bħalma hu l-mekkaniżmu ta' skambju bejn id-diversi reġjuni Taiex Regio Peer 2 Peer) immirati lejn is-simplifikazzjoni jistgħu jindirizzaw b'mod aktar effettiv il-ħtiġijiet u l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni differenti fejn tidħol il-kapaċità amministrattiva;

Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

40.  Jenfasizza – speċjalment mil-lat tat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni ta' mal-fruntieri – il-valur miżjud Ewropew tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE), li għandu jiġi rifless f'livell ikbar ta' approprjazzjonijiet għal dan objettiv tal-politika ta' koeżjoni, li għandu jiddaħħal malli jkun prattikabbli; jistieden fl-istess ħin lill-Istati Membri jipprovdu l-kofinanzjament meħtieġ; jissottolinja l-ħtieġa li dan l-istrument jiġi ppreservat bħala wieħed mill-elementi ċentrali tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-istrateġiji makroreġjonali, bħala strumenti li ħarġu utli għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni territorjali u għall-iżvilupp ekonomiku taż-żoni kkonċernati; jirrileva r-rwol deċiżiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għas-suċċess tal-miżuri inklużi f'dawk l-istrateġiji;

42.  Jirrakkomanda li jsir użu aktar intensiv tal-istrument ġuridiku modifikat u mwessa' tar-REKT bħala l-bażi ġuridika għall-kooperazzjoni territorjali;

43.  Jipproponi t-twaqqif ta' rabta permanenti bejn RIS3 u l-kooperazzjoni interreġjonali fuq skala tal-UE kollha, preferibbilment fil-forma ta' element permanenti tal-programm INTERREG;

44.  Jenfasizza li l-kunċett ta' orjentazzjoni lejn ir-riżultati jirrikjedi li l-programmi tal-INTERREG jiżguraw kooperazzjoni ta' kwalità għolja fil-livell ta' proġett u l-adattament ta' metodi u kriterji ta' evalwazzjoni biex titqies in-natura speċifika ta' kull programm; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jaħdmu flimkien u jiskambjaw informazzjoni u prattiki tajba sabiex jiżguraw li l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tiġi implimentata u mmirata b'mod effettiv kemm jista' jkun, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifitajiet tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea;

45.  Jenfasizza l-potenzjal tal-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-programmi tal-INTERREG li, permezz ta' għotjiet kumplementari, jgħinu biex l-SMEs jingħataw appoġġ u jiġu żviluppati r-riċerka u l-innovazzjoni, billi jiżdied l-investiment, jinħolqu impjiegi ġodda, u b'hekk ikunu jistgħu jinkisbu riżultati aħjar u tingħata spinta lill-effikaċja tal-proġetti;

46.  Jiddeplora s-sensibilizzazzjoni pubblika baxxa u nuqqas ta' viżibilità tal-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, u jitlob li jkun hemm komunikazzjoni aktar effikaċi dwar il-kisbiet tal-proġetti li tlestew; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet maniġerjali biex jistabbilixxu mekkaniżmi u pjattaformi ta' kooperazzjoni istituzzjonalizzata usa' sabiex tiġi żgurata viżibilità u sensibilizzazzjoni akbar; Jistieden lill-Kummissjoni timmappja l-kisbiet tal-programmi u l-proġetti tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea s'issa;

Il-prinċipju ta' sħubija u l-governanza f'diversi livelli

47.  Jilqa' l-kodiċi ta' kondotta li sar qbil dwaru matul in-negozjati dwar il-perjodu ta' finanzjament attwali, li jiddeskrivi fil-qosor l-istandards minimi għal sħubija li tiffunzjona tajjeb; josserva li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-kodiċi tejjeb l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, iżda jiddispjaċih minħabba l-fatt li ħafna mill-Istati Membri ċċentralizzaw partijiet kbar tan-negozjar u tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija u tal-programmi operattivi; jenfasizza l-ħtieġa li b'mod attiv jiġu involuti fl-istadji kollha l-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet ikkonċernati oħra, u għalhekk jitlob li l-parteċipazzjoni reali tagħhom tkun iggarantita fil-ġejjieni fil-proċess ta' negozjar u ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-istrutturi speċifiċi tal-pajjiżi; jemmen li ċ-ċentralizzazzjoni żejda u n-nuqqas ta' fiduċja wkoll kellhom rwol fid-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, fejn xi Stati Membri u awtoritajiet ta' ġestjoni kienu inqas ħerqana li jqiegħdu aktar responsabilità għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

48.  Jenfasizza li hemm il-ħtieġa li l-Kummissjoni tagħmel kjarifika dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri u r-reġjuni fir-rigward tal-prinċipji tal-Artikolu 5 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, b'enfasi fuq kif gvern jista' jiġi mħeġġeġ japplika bis-sħiħ il-prinċipju tas-sħubija; jenfasizza li sjieda kondiviża hija prerekwiżit għal rikonoxximent aktar b'saħħtu tal-politika ta' koeżjoni tal-UE;

49.  Jappoġġa l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni li twaqqaf gruppi ta' ħidma speċjali, jiġifieri timijiet dwar il-proġetti bl-intenzjoni li jiżguraw ġestjoni aħjar tal-Fondi tal-SIE fl-Istati Membri, u jitlob li dan l-approċċ ikompli jiġi żviluppat aktar;

50.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni trid tinkorpora miżuri ta' appoġġ sabiex ir-rifuġjati jiġu megħjuna jintegraw b'suċċess fis-suq tax-xogħol tal-UE, u b'hekk jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku u tkun tista' tiġi żgurata s-sikurezza ġenerali fl-UE;

Il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni

51.  Jenfasizza li l-Fondi SIE jikkontribwixxu għall-PDG, l-impjiegi u t-tkabbir fl-Istati Membri, li huma elementi essenzjali li jenħtieġ li jitqiesu waqt is-7 Rapport dwar il-Koeżjoni li mistenni joħroġ fl-2017; jirrimarka, barra minn hekk, li investimenti sostanzjali fir-reġjuni anqas żviluppati wkoll jikkontribwixxu għall-PDG f'dawk l-Istati Membri iktar żviluppati; huwa tal-fehma li jekk l-Artikolu 50 tat-TUE jiġi invokat formalment mill-Gvern tar-Renju Unit, is-7 Rapport dwar il-Koeżjoni għandu jqis ukoll l-effetti possibbli tal-"Brexit" fuq il-politika strutturali;

52.  Hu tal-fehma li l-PDG jista' ma jkunx l-uniku indikatur leġittimu biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-fondi, u li meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni futura għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet territorjali speċifiċi u l-importanza tal-prijoritajiet miftiehma tal-programmi għall-iżvilupp tal-oqsma tal-programmi; iqis li huwa importanti li jiġi kkunsidrat fil-ġejjieni li jiddaħħlu indikaturi dinamiċi ġodda minbarra l-PDG; jinnota li ħafna reġjuni fl-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw rati għolja ta' qgħad u ta' tnaqqis fil-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' "indikatur demografiku";

53.   Ifakkar li jsir ammont sostanzjali ta' investiment pubbliku fil-livell lokali u f'dak reġjonali; jenfasizza li jenħtieġ li s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA) ma tillimitax il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jwettqu l-investimenti meħtieġa, peress li dan ikun jimpedixxi lill-Istati Membri milli joħorġu kofinanzjament għall-proġetti eliġibbli għall-finanzjament strutturali, u b'hekk ma jkunux jistgħu jużaw din l-għajn importanti ta' finanzjament biex ikunu jistgħu jsibu mod kif joħorġu mill-kriżi ekonomika u jagħtu imbottatura lit-tkabbir u l-impjiegi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-approċċ strettament annwali tal-ESA, b'tali mod li n-nefqa pubblika ffinanzjata mill-Fondi SIE tiġi kkunsidrat bħala investiment kapitali u mhux sempliċement bħala dejn jew spejjeż operattivi;

54.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni territorjali Ewropea, li sservi l-prinċipju usa' tal-koeżjoni territorjali kif introdott mit-Trattat ta' Lisbona tista' tittejjeb; għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fin-negozjati dwar il-politika futura jsaħħu din id-dimensjoni tal-koeżjoni territorjali; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-importanza meħtieġa lill-kooperazzjoni territorjali Ewropea fis-7 Rapport ta' Koeżjoni;

55.  Iqis li l-konċentrazzjoni tematika għandha tibqa' tinżamm fil-futur, billi tat prova tal-vijabbiltà tagħha; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta ħarsa ġenerali tal-kisbiet li saru permezz tal-konċentrazzjoni tematika fil-politika ta' koeżjoni;

56.  Jinsab konvint li l-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni orjentata lejn il-prestazzjoni trid tkun imsejsa fuq data u indikaturi li huma xierqa biex jitkejlu l-isforzi, l-eżiti u l-impatti miksuba, kif ukoll fuq l-esperjenza fil-livell reġjonali u lokali fil-qasam (ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni, kondizzjonalitajiet ex ante u konċentrazzjoni tematika), peress li dan jipprovdi gwida prattika ċara għall-awtoritajiet lokali u reġjonali – inklużi dawk li sa issa għadhom ma ppruvawx japplikaw dan l-approċċ – dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji tagħha;

57.  Jenfasizza li użu aktar mgħaġġel tal-fondi disponibbli u progressjoni aktar ibbilanċjata tan-nefqa matul iċ-ċiklu tal-programmazzjoni se jkunu meħtieġa fil-ġejjieni, anke sabiex jiġi evitat li wieħed ta' spiss idur għal "proġetti retrospettivi", li spiss huma mmirati biex jiġi evitat id-diżimpenn awtomatiku fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni; huwa tal-fehma li wara l-adozzjoni tar-regolament ġenerali u tar-regolamenti speċifiċi għall-fondi, l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi fil-perjodu ta' finanzjament li jmiss mill-2021 se tkun tista' tibda aktar malajr, peress li l-Istati Membri diġà se jkollhom esperjenza b'politika orjentata lejn il-prestazzjoni wara l-isforzi li jkunu saru għall-politika ta' koeżjoni fil-perjodu 2014-2020; jirrimarka f'dan ir-rigward li jenħtieġ li l-Istati Membri jevitaw id-dewmien fil-ħatra ta' awtoritajiet ta' ġestjoni għall-programmi operattivi;

58.  Jinsisti li l-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni tal-QFP il-ġdid għandu jiġi konkluż sa tmiem l-2018, ħalli l-qafas regolatorju għall-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni jkun jista' jiġi adottat malajr wara dak u jkun jista' jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien fl-1 ta' Jannar 2021;

59.  Huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni għandha tkompli tkopri lill-Istati Membri kollha u lir-reġjuni kollha tal-Ewropa, u li s-simplifikar tal-arranġamenti għall-aċċess għall-fondi tal-UE hija prerekwiżit essenzjali għas-suċċess futur tal-politika;

60.  Jemmen li l-ispirtu tal-innovazzjoni u tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, flimkien mal-iżvilupp sostenibbli, jrid jibqa' mutur importanti tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti għandha tkun mekkaniżmu ewlieni għall-politika futura ta' koeżjoni;

61.  Jissottolinja r-riskju kbir ta' akkumulazzjoni ta' talbiet għal pagament taħt l-Intestatura 1b fit-tieni nofs tal-QFP attwali u jappella għal livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li għandu jkun disponibbli fuq bażi annwali issa u sal-aħħar tal-perspettiva attwali sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni ġdida ta' kontijiet mhux imħallsa; jenfasizza, għal dan il-għan, il-ħtieġa li t-tliet istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw u jaqblu dwar pjan ta' pagament konġunt ġdid għall-2016-2020, li għandu jipprevedi strateġija ċara biex jintlaħqu l-ħtiġijiet kollha ta' pagamenti issa u sa tmiem il-QFP attwali;

62.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tanalizza l-impatt reali tal-investiment tal-Fondi SIE matul il-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti u sa fejn intlaħqu l-objettivi Ewropej permezz tal-fondi investiti, u li tislet konklużjonijiet fir-rigward tal-esperjenzi pożittivi u negattivi, bħala punt tat-tluq sabiex iżżid il-valur lill-proċess tal-investiment;

o
o   o

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(7) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(8) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0217.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0311.
(11) Testi adottati, P8_TA(2015)0419.
(12) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 94.
(13) ĠU C 313, 22.9.2015, p. 31.
(14) L-Opinjoni Nru 2/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ‘il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanjaha skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2015/1017’.


Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa
PDF 478kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa (2016/2062(INI))
P8_TA(2017)0054A8-0021/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 bl-isem 'Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa' (COM(2015)0598),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 4(2)(b) u (g),l-Artikolu 16 u t-Titoli VI u X tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tdwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2016 dwar "Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa”(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru"(3),

–  wara li kkunsidra li l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li tistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li tħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2015)0613),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza ta' livell għoli "Aġenda Soċjali għat-Trasport", li saret fl-4 ta' Ġunju 2015 fi Brussell(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni speċifika tal-gżejjer(7),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tad-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), li saret fl-2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-Ajru Uniku Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li saret f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015, tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġja l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni(11),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni)(12),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru(13),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom(14),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Unjoni Ewropea (tfassil mill-ġdid)(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-użu sikur ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), komunement magħrufa bħala inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar "Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur"(17),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Ewropew dwar l-Avjazzjoni fl-ajruport ta' Schiphol (in-Netherlands) fl-20 u l-21 ta' Jannar 2016(18),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago tas-7 ta' Diċembru 1944,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8–0021/2017),

A.  billi l-politika tat-trasport tal-UE fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li taqdi l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej billi tipprovdi konnettività dejjem akbar, l-ogħla livell ta' sikurezza u sigurtà u swieq mingħajr ostakli;

B.  billi standards stretti ta' sikurezza għandhom jibqgħu objettiv ewlieni fil-ħidma favur il-kompetittività fit-trasport bl-ajru;

C.  billi s-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE hu eżempju verament ta' suċċess ta' liberalizzazzjoni reġjonali tat-trasport bl-ajru, li kkontribwixxiet ħafna għal livelli mingħajr preċedent ta' konnettività bl-ajru billi espandiet l-opportunitajiet tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Ewropa u lil hinn minnha filwaqt li baxxiet il-prezzijiet; billi s-settur tal-avjazzjoni huwa parti fundamentali min-netwerk Ewropew tat-trasport, indispensabbli biex jiġu żgurati l-konnettività u l-koeżjoni territorjali fi ħdan l-UE u madwar id-dinja; billi l-pożizzjoni ġeografika remota u iżolata tar-reġjuni ultraperiferiċi, għall-kuntrarju ta' reġjuni li jinsabu f'pożizzjoni aktar ċentrali u integrata tajjeb, ma toffri ebda alternattiva għat-trasport bl-ajru; billi l-għan li tiġi appoġġata aktar konnettività tal-ajru għandu jkun mhux biss l-espansjoni tan-netwerk ta' konnessjonijiet iżda wkoll l-iżgurar ta' konnettività ta' kwalità xierqa ta' konnettività f'termini ta' frekwenza tat-titjiriet, il-firxa tan-netwerk u l-konvenjenza tal-iskedi;

D.  billi s-settur tal-avjazzjoni huwa mutur b'effett multiplikatur għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi u huwa pilastru importanti tal-ekonomija tal-UE, filwaqt li jrawwem l-innovazzjoni, il-kummerċ u l-kwalità tal-impjiegi, u dan għandu benefiċċji diretti u indiretti sinifikanti għaċ-ċittadini; billi t-tkabbir u d-disponibbiltà tat-traffiku tal-ajru u l-varjetà ta' titjiriet b'konnessjonijiet jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, u jikkonfermaw li t-trasport bl-ajru jaġixxi bħala katalista għall-iżvilupp ekonomiku; billi l-ajruporti reġjonali u lokali wkoll jaqdu rwol sinifikanti fl-iżvilupp tar-reġjuni billi jżidu l-kompetittività tagħhom u jiffaċilitaw l-aċċess għat-turiżmu;

E.  billi 4,7 miljun impjieg fl-Unjoni huma direttament (1,9 miljun) u indirettament (2,8 miljun) iġġenerati mit-trasport bl-ajru, l-ajruporti u l-industrija tal-manifattura relatata; billi 917 000 impjieg ieħor fl-ekonomija globali huma sostnuti mill-industrija tal-avjazzjoni Ewropea; billi n-natura mobbli u transnazzjonali tal-avjazzjoni tagħmilha diffiċli li jiġu identifikati l-abbużi soċjali u ċ-ċirkomvenzjoni tal-istandards tax-xogħol u dan ifisser li huwa impossibbli li l-problemi jiġu indirizzati biss fil-livell nazzjonali; billi s-sejbiet reċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) juru deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni; billi diversifikazzjoni akbar fil-kuntratti tista' tkun għodda għal aktar flessibbiltà, iżda tista' wkoll tintuża ħażin billi jintgħażlu l-aktar regoli vantaġġużi biex jiġi evitat il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;

F.  billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u nuqqas ta' rieda politika fil-Kunsill, ma jħallux lis-settur tal-avjazzjoni jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu, u b'hekk jagħmlu ħsara lill-kompetittività tiegħu u jwasslu għal spejjeż ikbar għad-detriment tan-negozji, il-passiġġieri u l-ekonomija;

G.  billi f'settur immexxi mit-teknoloġija u mir-riċerka u l-innovazzjoni, li jirrikjedu kemm investiment fuq skala kbira kif ukoll infrastruttura żviluppata, is-suċċess ta' strateġija jinsab fil-kapaċità tagħha li tadotta viżjoni fit-tul b'investiment ippjanat sew u li tqis għalkollox il-modi kollha tat-trasport;

H.  billi t-trasport bl-ajru jiżvolġi rwol importanti fl-issodisfar tal-objettivi klimatiċi tal-UE billi jintroduċu miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

I.  billi, minkejja li l-Ajru Uniku Ewropew jipprevedi t-twaqqif ta' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali, l-implementazzjoni ta' dawn il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali s'issa sofriet dewmien konsiderevoli; billi, għalhekk, il-Kummissjoni stmat li madwar EUR 5 biljun kull sena qed jintilfu minħabba n-nuqqas ta' progress f'dan ir-rigward;

J.  billi s-sigurtà hija waħda mill-isfidi li l-industrija tal-avjazzjoni tħabbat wiċċha magħha bl-aktar mod dirett;

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa u l-isforzi tagħha biex tidentifika s-sorsi għat-tisħiħ tas-settur billi jinstabu opportunitajiet ġodda fis-suq u jitneħħew l-ostakli, u biex il-proposti tagħha jilqgħu u jantiċipaw l-isfidi l-ġodda abbażi ta' viżjoni Ewropea komuni, permezz tal-iżvilupp ta' oqfsa regulatorji moderni; jemmen li, f'perspettiva aktar fit-tul għandu jkun hemm approċċ aktar olistiku u aktar ambizzjuż sabiex jipprovdi l-ispinta meħtieġa għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea kompetittiva u sostenibbli;

2.  Jemmen li s-sikurezza hi prinċipju gwida tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni Ewropea u li din trid tittejjeb kontinwament; jilqa', għaldaqstant, ir-rieżami tar-Regolament Bażiku tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Ajru (EASA) (ir-Regolament (KE) Nru 216/2008), bl-għan li jinkisbu l-ogħla livelli ta' sikurezza fl-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jgħammru lill-EASA b'riżorsi u persunal suffiċjenti biex ikunu żgurati standards għoljin ta' sigurtà u biex jissaħħaħ ir-rwol tagħha fix-xena internazzjonali;

3.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex finalment jagħmlu progress b'ħeffa fuq fajls essenzjali oħra li bħalissa huma staġnati, bħar-Riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES2 +) u r-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Slots u r-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri bl-Ajru; Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa u tipproponi alternattivi vijabbli biex jitneħħew in-nuqqasijiet tas-settur tal-avjazzjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tardiva u mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħall-Ajru Uniku Ewropew (SES); jenfasizza li ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali għandhom jiġu żgurati, il-pubblikazzjoni ta' linji gwida, għalkemm hija siewja, mhijiex sostitut għal reviżjoni xierqa tar-regolamenti eżistenti;

4.  Jenfasizza li fajls tal-avjazzjoni bblokkjati fil-Kunsill huma maħsuba sabiex jgħammru lill-UE b'ċertezza legali aqwa u qafas imsaħħaħ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, użu aktar effiċjenti u razzjonali tal-ispazju tal-ajru tal-UE u dispożizzjonijiet imtejba għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, li kollha huma elementi essenzjali għat-twettiq tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni; jistieden lill-Kunsill jieħu passi biex jimxi 'l quddiem bin-negozjati dwar dawn il-fajls;

Id-dimensjoni internazzjonali tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni

5.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut ir-Regolament (KE) Nru 868/2004, sabiex jiġu indirizzati l-prattiki inġusti attwali, bħal għajnuna inaċċettabbli mill-Istat, li la hu adegwat u lanqas effettiv, u b'hekk jintefa' dawl fuq it-tħassib ewlieni dwar distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni taħt ir-regoli Ewropej; jenfasizza, madankollu, li la tendenza inaċċettabbli lejn il-protezzjoniżmu, u lanqas, waħedhom, il-miżuri biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta jistgħu jiggarantixxu l-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE;

6.  Jemmen li s-settur tal-avjazzjoni Ewropew, għalkemm qed jiffaċċja aktar pressjoni minn kompetituri ġodda, li ħafna minnhom użaw it-trasport bl-ajru bħala għodda strateġika għall-iżvilupp internazzjonali, jista' jdaħħal lilu nniffsu f'ambjent globali kompetittiv billi jkompli jibni fuq l-assi tiegħu u jiżviluppahom, assi bħal standards għolja ta' sikurezza u sigurtà, ir-rwol tal-EASA, il-pożizzjonar ġeografiku, industrija innovattiva u għanijiet soċjali u ambjentali; jemmen bis-sħiħ li l-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi, jekk tkun ġusta, għandha titqies bħala opportunità biex jiġi żviluppat aktar mudell tal-avjazzjoni Ewropew innovattiv li għandu l-potenzjal li jipprovdi rispons uniku u kompetittiv għall-ispeċifiċitajiet tal-kompetituri;

7.  Jemmen li l-possibilità li nattiraw l-investiment barrani huwa importanti għall-kompetittività tal-kumpaniji tal-ajru tal-UE, u m'għandhiex tiġi mxekkla; jilqa', għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ linji gwida li se jġibu ċ-ċarezza rigward ir-regoli tas-sjieda u tal-kontroll, kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, b'referenza partikolari għall-kriterji ta' "kontroll effettiv", sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn ir-regoli;

8.  Jilqa' l-inizjattivi biex jiġu negozjati ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE u ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ma' pajjiżi terzi li jirrappreżentaw swieq emerġenti u strateġiċi (iċ-Ċina, il-Ġappun, l-ASEAN, it-Turkija, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Armenja, il-Messiku, iċ-Ċina, il-Bahrain, il-Kuwajt, l-Oman u l-Arabja Sawdija), u jinkoraġġixxi negozjati kostruttivi bla telf ta' żmien; ifakkar li ftehimiet ġodda għandhom jiġu implimentati u infurzati b'mod korrett mill-partijiet kollha u jeħtieġ li tiddaħħal klawżola dwar il-kompetizzjoni ġusta fuq il-bażi ta' standards internazzjonali (ICAO, ILO); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, abbażi tar-rispett tal-Artikolu 218 tat-TFUE, sabiex jinvolvu bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tan-negozjati;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar it-trasport bl-ajru ma' pajjiżi terzi bil-kundizzjoni li l-istandards għoljin ta' sikurezza, standards xierqa tax-xogħol u soċjali u l-parteċipazzjoni fl-istruttment ibbażat fuq is-suq dwar it-tibdil fil-klima għall-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru u, fi ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru, biex jiġi żgurat l-aċċess indaqs għas-suq, l-istess kundizzjonijiet ta' sjieda u kundizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni bbażati fuq ir-reċiproċità;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni li jkun hemm konklużjoni rapida tan-negozjati li għaddejjin bħalissa, u fil-futur biex tniedi djalogi ġodda dwar l-avjazzjoni ma' sħab strateġiċi oħra tal-avjazzjoni; jenfasizza li l-ftehimiet dwar servizzi tal-ajru jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tal-progress teknoloġiku, kif ukoll għall-implimentazzjoni u t-tisħiħ ta' politiki Ewropej oħra, bħall-politika tal-viċinat;

Il-konsolidament tas-suq uniku tal-avjazzjoni tal-UE

11.  Ifakkar li l-ispazju tal-ajru huwa wkoll parti mis-suq uniku tal-UE, u li kwalunkwe frammentazzjoni li tirriżulta mill-użu ineffiċjenti tagħha, kif ukoll minn prattiki nazzjonali diverġenti (rigward, pereżempju, il-proċeduri operattivi, it-taxxi, l-imposti, eċċ), tikkawża ħinijiet ta' titjir itwal, dewmien, konsum żejjed ta' fjuwil, u livelli ogħla ta' emissjonijiet ta' CO2, minbarra li jkollha impatt negattiv fuq il-bqija tas-suq u xxekkel il-kompetittività tal-UE;

12.  Jinnota li l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 jipprevedi, mingħajr preġudizzju għas-sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom, l-istabbiliment ta' reġjun uniku Ewropew ta' informazzjoni dwar titjir aktar 'il fuq (EUIR), u jistieden lill-Kummissjoni timplimentah, minħabba li dan jippermetti li jingħelbu l-konġestjonijiet reġjonali u jagħti lok għall-kontinwità tas-servizzi tal-ajru fl-iktar partijiet densi tal-ispazju tal-arja fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti jew interruzzjonijiet tat-traffiku tal-ajru; jemmen li l-EUIR se jippermetti l-istabbiliment gradwali ta' Awtostrada tal-Ajru Trans-Ewropea, li tkun pass ieħor lejn it-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew u ġestjoni kosteffikaċi tal-ispazju tal-ajru tal-UE; jilqa' l-progress li diġà sar fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bl-għan li jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-ispejjeż u l-emissjonijiet, partikolarment bis-saħħa ta' ħidmet il-Maniġer tan-Netwerk, u jistieden lill-Istati Membri biex ilestu l-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali mingħajr aktar dewmien biex jiffaċilitaw aktar progress lejn l-Ajru Uniku Ewropew;

13.  Jemmen bis-sħiħ li s-settur tal-avjazzjoni għandu jibbenefika għalkollox minn teknoloġiji bbażati fuq satelliti Ewropej, bħal pereżempju EGNOS u Galileo, li jippermettu navigazzjoni u proċeduri ta' approċċ aktar sikura u aktar effiċjenti filwaqt li jippermettu l-użu sħiħ tal-proġett SESAR; għalhekk jinsisti fuq il-ħtieġa għall-implimentazzjoni wiesgħa ta' dawn it-teknoloġiji; jirrimarka li biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-proġett SESAR, u fl-interess li tinkiseb l-interoperabbiltà globali, għandu jiġi allokat baġit speċifiku u ambizzjuż - apparti l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) — għall-implimentazzjoni tiegħu;

14.  Jieħu nota tal-volum ta' traffiku bl-ajru, li attwalment huwa konsiderevoli u huwa previst li jiżdied fil-ftit snin li ġejjin, kif ukoll ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-ajruporti Ewropej biex jakkomodaw madwar 2 miljun titjira sal-2035; jenfasizza li dan se jirrikjedi użu kkoordinat u effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru sabiex tittaffa l-konġestjoni;

15.  Jenfasizza l-importanza vitali tas-settur tal-avjazzjoni għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tat-turiżmu; jenfasizza li ajruporti żgħar u reġjonali jaqdu rwol prinċipali fil-promozzjoni tal-konnettività, il-koeżjoni territorjali, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku, speċjalment għar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-gżejjer; iqis, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal ippjanar strateġiku għas-sistema tal-ajruporti Ewropea li jista' jidentifika l-kapaċitajiet attwali, id-domanda prevista, l-ostakli attwali u l-ħtiġijiet tal-infrastruttura ġejjiena fil-livell Ewropew, u li jista' jżomm l-aċċess għaċ-ċittadini tal-UE għas-servizzi tal-avjazzjoni;

16.  Jirrikonoxxi d-distakk sinifikanti tal-konnettività fi ħdan l-UE, ikkaratterizzat minn għadd inqas ta' konnessjonijiet bl-ajru f'ċerti partijiet tal-Unjoni, u l-importanza tal-konnettività reġjonali (inklużi żoni ġeografiċi esklużi mit-TEN-T); jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja u tindirizza l-konnettività bl-ajru fi ħdan l-UE;

17.  Jemmen li ħafna mil-limiti sinifikanti għat-tkabbir, kemm fl-ajru kif ukoll fuq l-art (eż. il-kriżi tal-kapaċità, l-użu nieqes jew żejjed tal-infrastrutturi, il-Fornitur ta' Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSP) differenti jew investiment limitat), kif ukoll id-distakki fil-konnettività bl-ajru bejn ir-reġjuni differenti tal-UE, jistgħu jiġu indirizzati billi l-konnettività titqies – fil-livelli kollha (nazzjonali, Ewropew u internazzjonali) – bħala waħda mill-indikaturi ewlenin waqt il-valutazzjoni u l-ippjanar ta' azzjonijiet fis-settur;

18.  Iqis li l-konnettività m'għandhiex biss tkun limitata għall-għadd, il-frekwenza u l-kwalità tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, iżda għandha tiġi vvalutata wkoll fil-kuntest ta' netwerk tat-trasport modern integrat u għandha tinkludi wkoll kriterji oħra, bħalma huma l-ħin, il-kontinwità territorjali, integrazzjoni akbar tan-netwerk, l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà ta' alternattivi tat-trasport, prezz li jintlaħaq u l-prezz ambjentali, sabiex tirrifletti l-valur miżjud reali ta' rotta; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li jiġi żviluppat indikatur tal-UE bbażat fuq indiċijiet oħra eżistenti u fuq il-ħidma esploratorja li diġà twettqet mill-Eurocontrol u mill-Osservatorju tal-Ajruporti;

19.  Jemmen li tali indiċi tal-konnettività, inkluża analiżi pożittiva tal-kostijiet u l-benefiċċji, għandha tikkunsidra l-konnessjonijiet bl-ajru minn perspettiva wiesgħa, filwaqt li ma timminax l-objettiv tal-UE ta' koeżjoni territorjali, li ser tittejjeb permezz tal-linji gwida interpretattivi li se joħorġu dalwaqt dwar ir-regoli tal-Obbligi tas-Servizz Pubbliku; jenfasizza li dan l-indiċi jista' jaqdi l-interessi tal-ippjanar strateġiku ġenerali, sabiex jiġi evitat li jinħlew il-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa billi ssir id-distinzjoni bejn l-opportunitajiet vijabbli minn proġetti li ma jrendux profitti, sabiex, fost affarijiet oħrajn, tingħata prijorità lill-ispeċjalizzazzjoni bi profitt tal-ajruporti, inklużi raggruppamenti jew netwerks ta' ajruporti, tiġi evitata l-emerġenza futura ta' "ajruporti fantażma", u jkun żgurat l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruport u l-ispazju tal-ajru, u wkoll billi jiġu identifikati soluzzjonijiet intermodali, kosteffikaċi u sostenibbli;

20.  Jemmen li l-benefiċċji tal-komplementarjetà tal-modi kollha tat-trasport, mingħajr eċċezzjoni għandhom jiġu sfruttati sabiex tittejjeb il-mobilità u tinkiseb netwerk tat-trasport reżiljenti fl-interess tal-utenti, kemm għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija; jindika li l-intermodalità, billi tippermetti bidla modali, hija l-uniku mod kif jista' jiġi żgurat l-iżvilupp dinamiku u sostenibbli ta' settur tal-avjazzjoni kompettitiv fl-UE; jenfasizza li l-intermodalità tippermetti użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura, billi tespandi u tqis ż-żoni koperti minn ajruport u tevita t-trikkib tagħhom, bir-riżultat li jkunu liberati xi slots u jingħata kontribut lill-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-kummerċ, it-turiżmu u l-operazzjonijiet tal-merkanzija; jirrikonoxxi s-suċċessi li nkisbu f'dan il-qasam permezz tal-integrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji u dawk tal-ajru, u jinkoraġġixxi aktar progress f'dan ir-rigward;

21.  Itenni li l-kurituri tat-TEN-T huma s-sinsla għall-iżvilupp ta' għażliet multimodali fejn l-ajruporti huma ċentri ewlenin; jiddispjaċih li l-inizjattivi multimodali fl-Ewropa huma frammentati u limitati fl-għadd; jenfasizza l-ħtieġa ta' konnessjonijiet rapidi, effiċjenti u faċli biex jintużaw bejn in-netwerks tat-trasport pubbliku u l-infrastruttura tal-ajruporti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità akbar lill-objettiv multimodali tal-kurituri tat-TEN-T filwaqt li jitneħħew il-konġestjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta minnufih il-proposta tagħha għal approċċ multimodali u interoperabbli għat-trasport, bl-integrazzjoni sħiħa tas-settur tal-avjazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-istrumenti finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħhom biex jippromwovu l-konnessjonijiet intermodali;

22.  Iqis li sabiex it-trasport intermodali madwar l-Ewropa jsir aktar attraenti, soluzzjonijiet mingħajr ostakli, informazzjoni fil-ħin reali u servizzi integrati (eż. biljetti integrati) għandhom ikunu offruti lill-passiġġieri kollha (inklużi l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa); jirrimarka li l-proġetti ffinanzjati mill-UE wrew il-vijabbiltà teknika tal-iżvilupp ta' sistemi multimodali ta' informazzjoni u ta' ħruġ ta' biljetti; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tappoġġja t-twassil tagħhom lill-passiġġieri madwar l-UE;

23.  Jemmen li l-operaturi tat-trasport u l-fornituri tas-servizz se jimpenjaw ruħhom biex isibu soluzzjonijiet intermodali u multimodali jekk, permezz ta' qafas regolatorju tal-UE, jiġu provudi kjarifika u ċertezza legali f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-passiġġieri, ir-responsabilità, id-dewmien u l-kanċellazzjonijiet, approvazzjoni tas-sigurtà, id-data miftuħa u l-istandards tal-kondiviżjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi f'dan ir-rigward;

24.  Jinnota li l-finanzjament kemm pubbliku kif ukoll privat fis-settur tal-avjazzjoni huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali, titrawwem l-innovazzjoni u jinżamm jew jerġa' jinkiseb rwol mexxej Ewropew tal-industrija tagħna; ifakkar li kwalunkwe finanzjament irid josserva l-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u l-liġi tal-kompetizzjoni; isostni li meta jingħata appoġġ pubbliku għandu jiġi żgurat li l-investiment konċernat ser jkun kosteffettiv u tajjeb għall-iskop tiegħu;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'konformità mal-"Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru" tal-Kummissjoni u l-avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , biex isostnu strateġija fit-tul biex jindirizzaw, min-naħa l-waħda, l-ajruporti żejda li qed jagħmlu t-telf f'reġjuni fejn huma disponibbli mezzi oħra ta' trasport, u min-naħa l-oħra, il-kontribut tal-ajruporti sekondarji għall-iżvilupp, il-kompetittività u l-integrazzjoni tar-reġjuni tal-UE;

26.  Jinnota l-importanza ta' qafas regolatorju favorevoli għall-ajruporti biex jiġi attirat u mobilizzat l-investiment privat; iqis li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti, flimkien ma' konsultazzjoni effettiva mal-linji tal-ajru u mal-ajruporti, għandha tgħin biex jiġi ċċarat jekk id-dispożizzjonijiet attwali humiex għodda effettiva biex tkun promossa l-kompetizzjoni kontra r-riskju ta' abbuż ta' poter monopolistiku u biex jiġu estiżi l-interessi tal-konsumaturi Ewropej u tkun promossa l-kompetizzjoni, jew jekk hemmx bżonn ta' riforma; jirrikonoxxi l-kontribut tad-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi għall-vijabbiltà kummerċjali tal-ajruporti;

27.  Jinnota li l-Kummissjoni ħabbret, fl-Istrateġija tal-Avjazzjoni tagħha ppubblikata f'Diċembru 2015, evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE dwar is-servizzi ta' groundhandling fl-ajruporti tal-UE; jappoġġja l-inklużjoni tal-groundhandling fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EASA, bl-għan li tkun koperta l-katina kollha tas-sikurezza tal-avjazzjoni;

L-Istrateġija tal-Avjazzjoni: il-ġejjieni

28.  Jemmen li l-katina tal-valur kollha tal-avjazzjoni għandha l-potenzjal li tkun settur strateġiku għall-investiment, li jeħtieġ li jiġi sfruttat iktar billi jiġu stabbiliti objettivi fit-tul u billi jingħataw inċentivi għal inizjattivi intelliġenti li jissodisfaw dawk l-objettivi, bħal ajruporti jew inġenji tal-ajru iktar ekoloġiċi, it-tnaqqis tal-istorbju, il-konnessjoni bejn il-faċilitajiet tal-ajruporti u t-trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw aktar miżuri biex jippromovu inizjattivi bħal dawn, anke permezz tal-użu effettiv tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), u biex ikomplu jippromwovu u jiffinanzjaw programmi bħal Clean Sky u SESAR; jenfasizza li l-industrija ajrunawtika hija kontributur ewlieni għall-kompetittività fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE, u tagħti appoġġ qawwi lill-promozzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u appoġġ lil SESAR;

29.  Jieħu nota tal-emissjonijiet ta' CO2 iġġenerati mis-settur tal-avjazzjoni; jenfasizza l-firxa wiesgħa ta' azzjonijiet meħuda diġà jew li ser jittieħdu biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 u ta' gassijiet b'effett ta' serra, kemm mil-lat tekniku permezz tal-iżvilupp ta' fjuwils alternattivi u inġenji tal-ajru aktar effiċjenti kif ukoll mil-lat politiku permezz tal-osservanza tal-ftehimiet internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq mid-39 Assemblea tal-ICAO fis-6 ta' Ottubru 2016, bl-adozzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq (GMBM) sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali, u l-impenn meħud minn 65 pajjiż li jipparteċipaw fil-fażi volontarja sal-2027, li jfisser li madwar 80 % tal-emissjonijiet ogħla mil-livelli tal-2020 se jiġu kkumpensati mill-iskema sal-2035; jenfasizza l-importanza li tinżamm wara l-31 ta' Diċembru 2016 id-deroga mogħtija taħt l-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) għal emissjonijiet minn titjiriet minn jew lejn ajruport f'reġjun ultraperiferiku kif definit fl-Artikolu 349 tat-TFUE; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-miżuri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-avjazzjoni fid-dawl ta' dan il-ftehim;

30.  Huwa tal-fehma li, fid-dawl ukoll tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni, għandhom jiġu mħeġġa inizjattivi ulterjuri bl-għan li tiżdied il-kapaċità ambjentali u jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-istorbju minn attivitajiet operazzjonali minn, lejn u fl-ajruporti, bħall-pereżempju permezz tal-adozzjoni ta' fjuwils rinnovabbli (eż. bijofjuwils), billi jiġu żviluppati sistemi effiċjenti għal riċiklaġġ, żarmar u użu mill-ġdid tal-inġenji tal-ajru ċertifikat li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, billi jkunu promossi l-ajruporti ekoloġiċi u t-trasport ekoloġiku lejn l-ajruport, u billi tinkiseb il-ġestjoni loġistika l-aktar effiċjenti;

31.  Jappella li jiġu miġbura u disseminati l-aħjar prattiki ta' tnaqqis fl-emissjonijiet fi ħdan is-settur, filwaqt li nżommu f'moħħna li l-istandards ambjentali għoljin għandhom jiġu ppreservati u mtejba matul iż-żmien sabiex ikun żgurat li l-avjazzjoni tiżviluppa b'mod sostenibbli;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw b'mod strett il-proċeduri l-ġodda li ilhom fis-seħħ minn Ġunju 2016 biex jitnaqqas l-istorbju u l-partikoli ultrafini fl-emissjonijiet tal-gass tal-exhaust minn inġenji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti viċin il-bliet u l-inħawi popolati, sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u speċjalment il-kwalità tal-arja;

33.  Jirrikonoxxi l-ispiża sostanzjali tal-miżuri ta' sigurtà; jenfasizza li l-isfidi tas-sigurtà, inkluża s-sigurtà ċibernetika, li qed iħabbat wiċċu magħha s-settur tal-avjazzjoni se jiżdiedu fil-futur, u jirrikjedu bidla immedjata lejn approċċ aktar ibbażat fuq ir-riskju u l-intelliġenza u sistema tas-sigurtà reattiva li jtejjeb is-sigurtà tal-faċilitajiet fl-ajruporti u jagħmel possibbli l-adattament għal theddidiet li jevolvu mingħajr rispons kostanti b'miżuri ġodda jew sempliċement ċaqliq tar-riskju minflok it-tnaqqis tar-riskju;

34.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ta' ċertifikazzjoni tal-UE għal tagħmir ta' skrinjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa għal implimentazzjoni konsistenti tar-regoli eżistenti dwar ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità li tapprofondixxi l-kunċett ta' kontroll uniku tas-sigurtà (one-stop-security) u li tiżviluppa sistema tal-UE ta' kontroll minn qabel li tippermetti lill-vjaġġaturi tal-UE rreġistrati minn qabel jgħaddu mill-approvazzjoni tas-sigurtà b'mod aktar effiċjenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jikkondividu l-intelliġenza b'mod sistematiku u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar is-sistemi tas-sigurtà tal-ajruporti;

35.  Jieħu nota tar-Rapport ta' Livell Għoli dwar iż-Żoni ta' Kunflitt, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport, inkluża l-kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex ikun żgurat l-iżvilupp ta' valutazzjoni tar-riskju tal-UE u l-ħila ta' skambjar ta' informazzjoni b'mod rapidu; jissottolinja wkoll li t-tħassib dwar is-sigurtà li jirriżulta minn titjiriet militari mhux kooperattivi mingħajr transponders attivi jridu jkomplu jiġu indirizzati;

36.  Jissottolinja li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea kompetittiva; jinnota li meta jitqabbel ma' modi oħra tat-trasport, l-avjazzjoni diġà huwa settur minn ta' quddiem fl-użu tal-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u d-data miftuħa, u jħeġġeġ lis-settur ikompli jieħu rwol ewlieni f'dan il-proċess, filwaqt li jiżgura l-kompetizzjoni ġusta, l-interoperabbiltà tas-sistemi, in-newtralità, u t-trasparenza ta' aċċess għal informazzjoni ċara u fil-qosor għall-utenti kollha, bħal, pereżempju, konsumaturi li jibbukkjaw vjaġġ sħiħ jew kumpaniji tal-merkanzija involuti f'operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal proġett Big Data dwar l-avjazzjoni u jitlob kjarifiki dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

37.  Ifakkar fl-"indaġni" tas-siti web tas-servizz tal-ivvjaġġar fl-Unjoni, imwettqa mill-Kummissjoni u mill-korpi nazzjonali tal-infurzar fl-2013; jinnota li din l-indaġni kixfet problemi sinifikanti f'iktar minn żewġ terzi tas-siti li ġew kontrollati; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod aktar sħiħ dwar il-progress li sar biex is-siti web tal-ivvjaġġar isiru konformi mad-dritt tal-UE, u dwar il-pjanijiet futuri tagħha għall-infurzar f'dan il-qasam, kemm fir-rigward tal-bejgħ online kif ukoll tal-bejgħ offline ta' biljetti tal-ajru; ifakkar li l-konsumaturi għandu dejjem ikollhom disponibbli aċċess għal sistema biex iressqu l-ilmenti tagħhom lill-kummerċjanti u jitolbu rifużjonijiet; jemmen li tali aċċess għandu jkun disponibbli b'mod li ma jiddiswadix lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u dan l-aċċess għandu jiġi indikat lill-konsumaturi b'mod ċar; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-korpi nazzjonali tal-infurzar sabiex tiżgura li l-operaturi jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-innovazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku li jistgħu jiġu promossi permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-użu ċivili ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS); jinnota li s-suq għall-RPAS qed jikber b'mod mgħaġġel, u li tali inġenji tal-ajru qed jintużaw dejjem aktar għal skopijiet privati, f'attivitajiet kummerċjali u mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal adozzjoni rapida ta' qafas regolatorju ċar, proporzjonat, armonizzat u msejjes fuq ir-riskju għall-RPASs, sabiex jiġu stimulati l-investiment u l-innovazzjoni fis-settur u jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal enormi tiegħu filwaqt li jinżammu l-ogħla standards ta' sikurezza possibbli;

39.  Ifakkar li r-regolamentazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni għandha tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-avjazzjoni ġenerali, fuq bażi li tipprovdi għal soluzzjonijiet tat-trasport tal-ajru individwali, kif ukoll għal attivitajiet sportivi bl-ajru;

L-aġenda soċjali tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni

40.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi ċċarat il-kriterju ta' 'bażi ta' residenza' u d-definizzjoni ta' "post prinċipali tan-negozju" sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod konsistenti u jiġi prevenut b'mod effettiv l-użu ta' bnadar ta' konvenjenza" u l-prattiki tal-għażla tal-aktar regoli vantaġġużi; ifakkar li waħda mir-responsabbiltajiet prinċipali tal-EASA huwa li toħroġ kemm Ċertifikati tal-Operazzjonijiet tal-Ajru kif ukoll awtorizzazzjonijiet ta' Operaturi ta' Pajjiżi Terzi, bl-għan li jiggarantixxu s-sikurezza u jikkontribwixxu għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol;

41.  Jistieden lill-EASA u l-Istati Membri ikomplu bl-iskrutinju mudelli ġodda ta' negozju u ta' impjieg sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-avjazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni biex tirregola fejn meħtieġ; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari, fost affarijiet oħra, lil kuntratti li ma jispeċifikawx l-ammont ta' sigħat (zero-hour), skemi pay-to-fly, impjiegi indipendenti fittizju u s-sitwazzjoni ta' ekwipaġġ minn pajjiżi terzi fuq inġenji tal-ajru reġistrati fl-UE; jenfasizza l-importanza tar-Regolament dwar ir-Rappurtar ta' Okkorrenzi fl-Avjazzjoni u l-prattiki ta' "kultura ġusta" għat-tisħiħ u t-titjib tal-istandards tas-sikurezza, kif ukoll is-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

42.  Ifakkar li taħriġ b'livell għoli ta' kwalità jikkontribwixxi għas-sikurezza tal-avjazzjoni; jenfasizza l-kontribut importanti tal-EASA għall-istabbiliment ta' standards komuni ta' taħriġ u sikurezza għall-piloti, il-membri tal-ekwipaġġ u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, anke permezz tal-Akkademja Virtwali tagħha, u jistieden lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja għall-partijiet kollha tal-katina tal-valur tal-avjazzjoni, għax is-suċċess tal-avjazzjoni Ewropea jiddependi ħafna fuq ħaddiema tas-sengħa u l-innovazzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi indirizzata kwalunkwe lakuna li jista' jkun hemm mil-lat ta' ħiliet; jenfasizza l-importanza ta' sħubiji bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, iċ-ċentri tar-riċerka u s-sħab soċjali sabiex jiġu aġġornati l-programmi ta' taħriġ u jiġi żgurat li dawn jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jespandu l-mudelli ta' taħriġ doppju fl-inġinerija ajrunawtika, u biex jestenduhom permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq inizjattivi konkreti sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-ħaddiema kollha fis-settur tal-avjazzjoni kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs u mit-tip ta' kumpanija li timpjegahom, mill-post tax-xogħol jew mill-kuntratt sottostanti;

45.  Jinnota li l-linji tal-ajru kollha li joperaw fl-Unjoni Ewropea jridu jkunu kompletament konformi mar-rekwiżiti soċjali u tal-impjieg tal-UE u tal-Istati Membri; jindika li hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali u li l-impriżi jisfruttaw il-libertà ta' stabbiliment sabiex inaqqsu l-ispejjeż; jistieden lill-Istati Membri jrażżnu din il-kompetizzjoni dannuża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw proposti dwar kif jevitaw li impjiegi indiretti jintużaw ħażin biex jaħarbu l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar it-taxxa u s-sigurtà soċjali fis-settur tal-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevjenu l-abbużi soċjali u ċ-ċirkomvenzjoni tal-istandards tax-xogħol billi jiggarantixxu protezzjoni għal dawk li jipprovdu l-informazzjoni, jiffaċilitaw ir-rappurtar miftuħ u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar korrett tal-liġi dwar ix-xogħol, il-leġiżlazzjoni soċjali u l-ftehimiet kollettivi għal-linji tal-ajru li joperaw fi Stat Membru partikolari;

46.  Jenfasizza li d-dritt li tifforma u tingħaqad ma' trejdjunjin u li tieħu azzjoni kollettiva huwa dritt fundamentali u li jrid jiġi rispettat, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jiċħad kull tentattiv biex jiddgħajjef id-dritt tal-istrajkjar fis-settur tal-avjazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' sħab soċjali b'saħħithom u indipendenti fis-settur tal-avjazzjoni, djalogu soċjali regolari u istituzzjonalizzat fil-livelli kollha, u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-impjegati fil-kwistjonijiet tal-kumpanija; jinsisti fuq proċess ta' konsultazzjoni xieraq u djalogu soċjali msaħħaħ qabel kwalunkwe inizjattiva tal-UE li tikkonċerna s-settur tal-avjazzjoni; jilqa' l-isforzi tas-sħab soċjali biex jinnegozjaw ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni; iħeġġiġhom jinnegozjaw ftehimiet kollettivi fil-partijiet kollha tas-settur f'konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, peress li tali ftehimiet huma strument effettiv fil-ġlieda kontra l-ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rigward tal-istandards soċjali, tax-xogħol u tal-impjieg u fl-iżgurar ta' renumerazzjoni deċenti għall-ħaddiema kollha;

47.  Jemmen li l-ebda impjegat ma għandu jiġi f'dubju dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli tax-xogħol jew dwar fejn hu jew hi huma intitolati għas-sigurtà soċjali; jiġbed l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni speċjali ta' ħaddiema mobbli ħafna fis-settur tal-avjazzjoni f'dan il-kuntest, u jappella għal koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE; jinsisti li l-ħtieġa ta' kjarifika ulterjuri tal-liġi applikabbli u tal-qrati kompetenti fir-rigward ta' kuntratti tal-impjieg ta' ħaddiema mobbli fl-avjazzjoni għandha tiġi vvalutata b'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti ta' dawk il-ħaddiema;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) KESE, AC TEN/581.
(2) ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.
(3) ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3.
(4) ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1.
(5) ĠU C 382, 15.10.2016, p. 1.
(6) https://ec.europa.eu/transport/media/events/event/high-level-conference-2015-social-agenda-transport_en
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0049.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0394.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0392.
(10) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 5.
(11) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 658.
(12) Testi adottati, P7_TA(2014)0220.
(13) Testi adottati, P7_TA(2014)0221.
(14) Testi adottati, P7_TA(2014)0092.
(15) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 217.
(16) Testi adottati, P8_TA(2015)0390.
(17) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 2.
(18) https://english.eu2016.nl/documents/reports/2016/01/20/report-aviation-summit-2016


Dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali tal-Fondi SIE - l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem
PDF 275kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE – l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem (2016/3008(RSP))
P8_TA(2017)0055B8-0149/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f'waqtu tal-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni tal-politika ta' koeżjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(6),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija indirizzata lill-Kummissjoni dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) – l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem (O-000005/2017 – B8-0202/2017),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, il-konklużjoni tardiva tan-negozjati tal-QFP 2014-2020 u l-adozzjoni tardiva tal- Fondi SIE wasslet għal dewmien fil-proċess tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija u tal-programmi operattivi, fid-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, ċertifikazzjoni u awditjar, fil-proċess tad-definizzjoni u t-twettiq tal-kundizzjonalitajiet ex ante, u fl-implimentazzjoni tal-proġetti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; billi, għad li m'hemm l-ebda informazzjoni fattwali u analiżi dwar ir-raġunijiet għalih, dan id-dewmien qed ikollu impatt, fl-ewwel parti tal-perjodu ta' programmazzjoni, fuq il-potenzjal tal-Fondi SIE biex iqawwu l-kompetittività u jsaħħu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

B.  billi issa ġew adottati 564 programm operattiv tal-Fondi SIE u l-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta' deżinjazzjoni tal-awtoritajiet għal 374 programm operattiv; billi pagamenti interim ma jistgħux isiru mingħajr id-deżinjazzjoni ta' awtoritajiet ta' ġestjoni; billi, skont id-dejta disponibbli fil-30 ta' Novembru 2016, ġew eżegwiti EUR 14,750 f'pagamenti interim, bl-implikazzjoni li l-ħtiġijiet ta' pagament huma aktar baxxi minn dawk oriġinarjament previsti;

C.  billi, fl-istess fażi matul l-aħħar perjodu ta' programmazzjoni, minkejja dewmien u ostakoli tekniċi simili marbuta mar-rekwiżit dwar is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, użu tal-pagamenti interim kien diġa ġie rreġistrat f'Lulju 2009 u, skont l-approprjazzjonijiet ta' pagament previsti fil-baġit għall-2010, kien mistenni li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni tilħaq ir-ritmu sħiħ tagħha dik is-sena;

D.  billi l-livell kurrenti tal-pagamenti interim jirrappreżenta sehem relattivament baxx tal-allokazzjoni globali għall-programm fil-kuntest tal-progress tal-perjodu ta' programmazzjoni; billi l-Parlament Ewropew huwa mħasseb jara li, skont it-tbassir tal-Istati Membri fil-ħarifa tal-2016, dan mistenni jkompli għaddej bl-istess rata;

E.  billi l-implimentazzjoni tardiva u t-tnaqqis konsegwenti tal-ħtiġijiet ta' pagament diġà wasslu għal tnaqqis ta' EUR 7,2 biljun fil-pagamenti taħt l-Intestatura 1b fl-2016, permezz tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 4/2016; billi fl-istess stadju tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ma kien jeħtieġ l-ebda abbozz ta' baġit emendatorju simili; billi għall-2017 hemm tnaqqis ta' kważi 24 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament, meta mqabbla mal-2016;

F.  billi huwa ferm rakkomandat li jkun hemm kooperazzjoni aktar stretta bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej bil-għan li jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-politika ta' koeżjoni fil-baġit tal-UE għall-2018 jistabbilizzaw ruħhom f'livell sodisfaċenti u li l-pjan ta' pagament għall-perjodu 2014-2020 jkun irrispettat jew, fejn ikun f'loku, jiġi adattat skont is-sitwazzjoni reali;

G.  billi l-kapaċità amministrattiva, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dawk reġjonali u lokali, hija prekundizzjoni fundamentali biex l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tirnexxi;

1.  Itenni li l-investimenti magħmula mill-Fondi SIE jgħinu biex inaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fi ħdan u bejn ir-reġjuni Ewropej, kif ukoll biex jiġġeneraw tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u joħolqu l-impjiegi; jesprimi tħassib, għaldaqstant, għall-fatt li aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-politika ta' koeżjoni se jħalli impatt negattiv fuq l-ilħiq ta' dawn l-għanijiet, u li barra minn hekk se jkompli jwessa' d-differenzi fl-iżvilupp tar-reġjuni;

2.  Jirrikonoxxi li l-introduzzjoni ta' diversi rekwiżiti ġodda, bħall-konċentrazzjoni tematika, il-kondizzjonalitajiet ex ante u l-ġestjoni finanzjarja, minkejja li żgurat li l-programmi jkollhom prestazzjoni mtejba, fil-kuntest tal-adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv ikkontribwiet għal dewmien fl-implimentazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm is-sogru li l-pass kurrenti tal-implimentazzjoni jwassal għal ammonti kbar ta' diżimpenji fis-snin ta' wara, u jenfasizza li għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex dan jiġi evitat; jitlob li l-Kummissjoni tindika x'azzjonijiet tipprevedi f'dan ir-rigward;

3.  Jenfasizza li, minħabba dan id-dewmien fl-implimentazzjoni, l-użu tal-istrumenti finanzjarji fl-ambitu tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE jista' jkabbar is-sogru diġà eżistenti ta' rati baxxi ta' żborż, dotazzjonijiet eċċessivi ta' kapital, inabbiltà li nattiraw livelli sodisfaċenti ta' kapital privat, effett baxx ta' ingranaġġ u rotazzjoni problematika; jinnota li aktar kjarifiki u azzjonijiet huma meħtieġa biex jinkiseb l-istess livell ta' kapaċità ta' tħaddim ta' strumenti finanzjarji bħall-għodod ta' lieva fl-Istati Membri, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu ekwilibrat ta' dawn l-istrumenti implimentati mill-Kummissjoni u mill-BEI; ifakkar ukoll fil-possibbiltà li l-finanzjament mill-Fondi SIE jiġi kkombinat ma' dak mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-investiment, b'mod partikolari f'setturi li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jagħtu spinta lit-tkabbir u l-impjiegi;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-flessibilità disponibbli taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, fid-dawl tal-fatt li f'ħafna Stati Membri l-kriżi ekonomika ġabet magħha problemi ta' likwidità u wasslet biex il-gvernijiet ikollhom anqas flus disponibbli għall-investiment pubbliku, u li l-finanzjament mill-politika ta' koeżjoni qed isir is-sors prinċipali tal-investiment pubbliku;

5.  Jitlob, għaldaqstant, li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni stretta mal-Istati Membri u abbażi ta' analiżi oġġettiva tal-fatturi li jikkontribwixxu għad-dewmien tal-lum, tippreżenta "Pjan għall-aċċellerazzjoni tal-koeżjoni" fl-ewwel trimestru tal-2017, biex tiffaċilita implimentazzjoni aċċellerata tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE; jissottolinja f'dan il-kuntest, madankollu, il-ħtieġa li jiġu żgurati rati ta' żball baxxi, il-ġlieda kontra l-frodi, u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali, kif ukoll lokali bħala prekundizzjoni biex jinkisbu riżultati f'waqthom u ta' suċċess; jemmen li miżuri mfassla apposta għandhom jimxu fuq l-analiżi tar-Rapport Sommarju tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm fl-2014-2015, li l-Kummissjoni għamlitu disponibbli fi tmiem l-2016, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu monitoraġġ kontinwu tal-progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa u l-valur miżjud ta' konċentrament tal-isforzi fuq is-setturi prijoritarji tal-objettivi tematiċi; barra minn hekk, jitlob li l-Kummissjoni tkompli tipprovdi sostenn permezz tat-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar u tqieged pjan ta' azzjoni tal-attivitajiet tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Parlament;

6.  Huwa mħasseb dwar id-dewmien fid-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, ċertifikazzjoni u awditjar, li jwasllu għal dewmien fit-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-pagament; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jikkompletaw il-proċess ta' deżinjazzjoni, u lill-Kummissjoni biex tagħti l-assistenza teknika u s-servizzi ta' konsulenza li jeħtieġu l-awtoritajiet ta' ġestjoni, ċertifikazzjoni u awditjar, bil-għan li tiffaċilita u tħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali fil-post, inkluż għall-preparazzjoni ta' azzjonijiet sekwenzjali fil-proġetti, is-semplifikazzjoni u l-aċċellerazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni finanzjarja u ta' kontroll finanzjarju, kif ukoll għal proċeduri tal-għoti ta' kuntratti u ta' monitoraġġ;

7.  Jirrikonoxxi li implimenatzzjoni aktar rapida u effikaċi tal-programmi operattivi tal-Fondi ESI torbot direttament ma' aktar semplifikazzjoni; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-prijoritajiet stabbiliti fil-qafas tal-proposta Omnibus; jinnota, madankollu, li għandhom isiru aktar sforzi, b'mod speċjali fl-indirizzar tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-proġetti, l-eteroġeneità u t-tibdil frekwenti ta' regoli, proċeduri kumplessi ta' approvazzjoni għal proġetti maġġuri, l-akkwist pubbliku, relazzjonijiet patrimonjali mhux solvuti, proċeduri twal għall-ksib ta' permessi u ta' deċiżjonijiet, il-kwistjoni tal-applikazzjoni retroattiva ta' regoli ta' awditjar u kontroll, pagamenti tardivi lill-benefiċjarji, diffikultajiet fil-kombinazzjoni ta' finanzjament mill-FSIE ma' dak minn sorsi oħrajn, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u r-riżoluzzjoni xejn rapida tat-tilwim; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni xierqa, tagħmel ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat wisq aktar sempliċi, u tiżgura li dawn ikunu konsistenti mal-politika ta' koeżjoni; ifakkar li jeħtieġ ukoll li jsiru sforzi biex tittejjeb il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-investimenti tal-Fondi SIE;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra u tiżviluppa soluzzjonijiet, inklużi forom addizzjonali ta' flessibbiltà, bħal flessibbiltà fost il-prijoritajiet u fost il-programmi operattivi fuq talba tal-awtoritajiet ta' ġestjoni rilevanti, f'konformità mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u dan filwaqt li tiżgura l-istabbiltà u l-prevedibbiltà meħtieġa, u r-rifużjoni diġà proposta ta' diżimpenji, inkluż mill-Intestatura 1b, bħala riżultat tan-nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali, fil-baġit tal-UE, bil-ħsieb ukoll tal-perjodu ta' programmazzjoni ġejjieni;

9.  Jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi bil-ħsieb li jiżguraw u jiffaċilitaw sinerġiji bejn l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE, bħalma huma l-Fondi SIE, Orizzont 2020 u l-FEIS, permezz ta' finanzjament konġunt, kooperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet kompetenti, sostenn għal azzjonijiet fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, u permezz ta' koordinament aktar strett ma' korpi nazzjonali li jissottoskrivu self preferenzjali għal proġetti f'konformità mal-objettivi tal-programmi operattivi;

10.  Jitlob li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn l-istrutturi tal-Kummissjoni (id-Direttorati Ġenerali rispettivi), bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, peress li dan huwa prerekwiżit kruċjali biex tiżdied ir-rata ta' assorbiment u tittejjeb il-kwalita tal-azzjonijiet taħt il-politika ta' koeżjoni;

11.  Itenni li l-adozzjoni ta' approċċ orjentat lejn il-prestazzjoni għandha valur miżjud, u jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-prestazzjoni tal-politika fil-prattika; jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-Rapport Sommarju tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm fl-2014-2015 u jistenna r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni, li huwa ppjanat għal tmiem l-2017, li sejjer jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet b'referenza għad-dejta finanzjarja, indikaturi komuni u indikaturi speċifiċi għal kull programm flimkien ma' valuri kwantifikati tal-miri u tal-progress lejn il-miri intermedji, kif ukoll stampa tas-sitwazzjoni rigward l-ikkompletar tal-pjanijiet ta' azzjoni marbuta ma' kundizzjonalitajiet ex ante pendenti(7);

12.  Jindika l-pjan ta' pagamenti eżistenti 2014-2020; fil-qies tar-regoli dwar id-diżimpenn, jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' pagamenti adegwat sal-2023, filwaqt li tipproponi limiti massimi ogħla ta' pagamenti taħt l-Intestatura 1b, jekk ikunu meħtieġa, sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-Koeżjoni elettronika operattiva għal kollox u ta' użu faċli, bil-għan li jaġġustaw il-pjan ta’ pagamenti skont l-iżviluppi konkreti, kif ukoll biex iħejju l-"Pjan għall-aċċellerazzjoni tal-koeżjoni"; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri jdaħħlu d-dejta rigward l-azzjonijiet sekwenzjali fil-proġetti, pjanijiet ta' akkwist b'dati ppjanati u reali għall-ħruġ ta' sejħiet għall-offerti, l-għoti ta' kuntratti u l-implimentazzjoni, kif ukoll kull dejta finanzjarja u ta' kontabbiltà relatata ma' fatturi, kofinanzjament, eliġibbiltà ta' nefqiet, eċċ.;

13.  Jistenna li l-Kummissjoni tkompli d-diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-Forum tal-Koeżjoni u tressaq soluzzjonijiet fis-Seba' Rapport dwar il-Koeżjoni, bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-politika ta' koeżjoni u taqdi l-ħtiġijiet ta' investiment tal-UE; jitlob ukoll li jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 jinbeda f'waqtu;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tislet tagħlimiet abbażi tal-informazzjoni fir-rapporti annwali bil-ħsieb tad-dibattitu dwar il-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2020;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq pakkett leġiżlattiv rigward il-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2018, u tiffaċilita negozjati bla intoppi u f'waqthom tal-QFP ta' wara l-2020, inkluż marġni ta' sikurezza regolatorju u proċedurali, bil-għan li ma jseħħux xokkijiet tas-sistema fl-investimenti u fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; jemmen li r-riżultati tar-referendum tar-Renju Unit u l-arranġamenti li jridu jsiru dwar il-Brexit għandhom jiġu kkunsidrati debitament;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tagħhom.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0217.
(2) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 50.
(3) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 56.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0412.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0419.
(7) Aġġornament meħtieġ wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport Sommarju tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm fl-2014-2015.

Avviż legali - Politika tal-privatezza