Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 11 ta' Settembru 2018 - Strasburgu
Ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post ***I
 Is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar *
 Deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda ċiklopropilfentanil u metossiaċetilfentanil għal miżuri ta' kontroll *
 Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja
 Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 4/2018: il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja
 L-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq
 Miżuri speċifiċi għall-Greċja
 Mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità
 Relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji
 It-tisħiħ tat-tkabbir u tal-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE
 Korp Ewropew ta' Solidarjetà ***I
 Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali: pakkett finanzjarju u objettiv ġenerali ***I
 Il-Programm Euratom li jikkumplimenta l-Programm Qafas Orizzont 2020 *
 Miżuri biex jiġu evitati u miġġielda l-mobbing u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fl-ispazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE
 L-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali
 Ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: il-każ tal-foresti

Ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post ***I
PDF 144kWORD 50k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova (COM(2017)0643 – C8-0400/2017 – 2017/0297(COD))
P8_TA(2018)0318A8-0253/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0643),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0400/2017),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0253/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika tal-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova

P8_TC1-COD(2017)0297


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2018/1674.)

(1) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 76.


Is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar *
PDF 185kWORD 58k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (COM(2018)0021 – C8-0022/2018 – 2018/0006(CNS))
P8_TA(2018)0319A8-0260/2018

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2018)0021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0022/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0260/2018),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa 1
(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE21 tippermetti li l-Istati Membri jkomplu japplikaw l-iskemi speċjali tagħhom għall-impriżi ż-żgħar skont id-disposizzjonijiet komuni u bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni aktar mill-qrib. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet mhumiex aġġornati u ma jnaqqsux il-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar peress li kienu mfassla għal sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ibbażata fuq l-Istat Membru tal-oriġini.
(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE21 tippermetti li l-Istati Membri jkomplu japplikaw l-iskemi speċjali tagħhom għall-impriżi ż-żgħar skont id-dispożizzjonijiet komuni u bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni aktar mill-qrib. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet mhumiex aġġornati u ma jissodisfawx l-objettiv tagħhom li jnaqqsu l-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar peress li kienu mfassla għal sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ibbażata fuq it-tassazzjoni fl-Istat Membru tal-oriġini.
_________________
_________________
21 ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
21 ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 2
(2)  Fil-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT tagħha22, il-Kummissjoni ħabbret pakkett komprensiv ta' simplifikazzjoni għall-impriżi ż-żgħar li għandu l-għan li jnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom u jgħin biex jinħoloq ambjent tat-taxxa li jiffaċilita t-tkabbir tagħhom u l-iżvilupp tal-kummerċ transfruntier. Dan se jinkludi rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar is-segwitu għall-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT23. Għalhekk, ir-rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar jinvolvi element importanti tal-pakkett ta' riforma stabbilit fil-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT.
(2)  Fil-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT22 tagħha, il-Kummissjoni ħabbret pakkett komprensiv ta' simplifikazzjoni għall-impriżi ż-żgħar li għandu l-għan li jnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom u jgħin biex jinħoloq ambjent tat-taxxa li jiffaċilita t-tkabbir tagħhom u l-iżvilupp tal-kummerċ transfruntier, kif ukoll biex tiżdied il-konformità tal-VAT. L-impriżi ż-żgħar fl-Unjoni huma partikolarment attivi f'ċerti setturi li joperaw bejn il-fruntieri, bħalma huma dawk tal-kostruzzjoni, tal-komunikazzjoni, tas-servizz tal-ikel u tal-kummerċ bl-imnut, u jistgħu jikkostitwixxu sors importanti ta' impjiegi. Biex jinkisbu l-objettivi tal-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT, huwa meħtieġ rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar is-segwitu għall-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT23. Għalhekk, ir-rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar jinvolvi element importanti tal-pakkett ta' riforma stabbilit fil-pjan ta' azzjoni dwar il-VAT.
_________________
_________________
22 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Iż-żmien biex niddeċiedu (COM(2016)0148 tas-7 ta' April 2016).
22 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Iż-żmien biex niddeċiedu (COM(2016)0148 tas-7 ta' April 2016).
23 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Wasal iż-żmien li naġixxu (COM(2017)0566 tal-4 ta' Ottubru 2017).
23 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Wasal iż-żmien li naġixxu (COM(2017)0566 tal-4 ta' Ottubru 2017).
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 3
(3)  Ir-rieżami ta' din l-iskema speċjali huwa marbut mill-qrib mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prinċipji għal sistema tal-VAT definittiva għall-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tat-tassazzjoni tal-provvisti transfruntiera ta' merkanzija fl-Istat Membru tad-destinazzjoni24. Il-bidla tas-sistema tal-VAT lejn tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni identifikat li wħud mir-regoli attwali mhumiex adattati għal sistema tat-taxxa bbażata fuq id-destinazzjoni.
(3)  Ir-rieżami ta' din l-iskema speċjali huwa marbut mill-qrib mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prinċipji għal sistema tal-VAT definittiva għall-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tat-tassazzjoni tal-provvisti transfruntiera ta' merkanzija fl-Istat Membru tad-destinazzjoni24. Il-bidla tas-sistema tal-VAT lejn tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni identifikat li wħud mir-regoli attwali mhumiex adattati għal sistema tat-taxxa bbażata fuq id-destinazzjoni. Id-diffikultajiet prinċipali rigward il-kummerċ transfruntier imsaħħaħ għall-impriżi ż-żgħar jinqalgħu minħabba r-regoli diversi u kumplessi madwar l-Unjoni relatati mal-VAT, kif ukoll minħabba l-fatt li l-eżenzjoni nazzjonali għall-impriżi ż-żgħar jibbenefikaw minnha biss l-impriżi ż-żgħar fl-Istati Membri fejn huma stabbiliti.
_________________
_________________
24 Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (COM(2017)0569 tal-4 ta' Ottubru 2017).
24 Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta' ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (COM(2017)0569 tal-4 ta' Ottubru 2017).
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 4
(4)  Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-piż ta' konformità sproporzjonat li jaffaċċjaw l-impriżi ż-żgħar, jenħtieġ li l-miżuri ta' simplifikazzjoni jkunu disponibbli mhux biss għall-impriżi li huma eżentati skont ir-regoli attwali, iżda wkoll għal dawk meqjusa bħala żgħar f'termini ekonomiċi. Għall-finijiet ta' simplifikazzjoni tar-regoli tal-VAT, l-impriżi jitqiesu "żgħar" jekk il-fatturat tagħhom jikkwalifikahom bħala mikroimpriżi skont id-definizzjoni ġenerali prevista fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE25.
(4)  Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-piż ta' konformità sproporzjonat li jaffaċċjaw l-impriżi ż-żgħar, jenħtieġ li l-miżuri ta' simplifikazzjoni jkunu disponibbli mhux biss għall-impriżi li huma eżentati skont ir-regoli attwali, iżda wkoll għal dawk meqjusa bħala żgħar f'termini ekonomiċi. Id-disponibbiltà ta' tali miżuri hija partikolarment rilevanti, peress li l-maġġoranza tal-impriżi ż-żgħar, kemm jekk eżenti jew mhux, fir-realtà huma obbligati jużaw is-servizzi ta' konsulenti jew konsulenti esterni sabiex jgħinuhom jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT tagħhom, u dan iqiegħed piż finanzjarju addizzjonali fuq dawk l-impriżi. Għall-finijiet ta' simplifikazzjoni tar-regoli tal-VAT, l-impriżi jitqiesu "żgħar" jekk il-fatturat tagħhom jikkwalifikahom bħala mikroimpriżi skont id-definizzjoni ġenerali prevista fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE25.
_________________
_________________
25 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
25 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 6
(6)  L-impriżi ż-żgħar jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni jekk il-fatturat annwali tagħhom ikun inqas mil-limitu applikat mill-Istat Membru li fih tkun dovuta l-VAT. Waqt l-istabbiliment tal-limitu tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli dwar il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2006/112/KE. Dawk ir-regoli, li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew stabbiliti fl-1977, ma għadhomx adattati.
(6)  L-impriżi ż-żgħar jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni jekk il-fatturat annwali tagħhom ikun inqas mil-limitu applikat mill-Istat Membru li fih tkun dovuta l-VAT. Waqt l-istabbiliment tal-limitu tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli dwar il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2006/112/KE. Dawk ir-regoli, li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew stabbiliti fl-1977, ma għadhomx adattati. Għal raġunijiet ta' flessibbiltà u biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu limiti xierqa aktar baxxi proporzjonali għad-daqs u l-ħtiġijiet tal-ekonomija tagħhom, jenħtieġ li jiġu stabbiliti biss limiti massimi fil-livell tal-Unjoni.
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 8
(8)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jistabbilixxu l-livell nazzjonali tagħhom għall-eżenzjoni fil-livell l-aktar adattat għall-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom, skont il-limitu massimu previst f'din id-Direttiva. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li meta l-Istati Membri japplikaw limiti differenti, dawn iridu jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi.
(8)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jistabbilixxu l-livell nazzjonali tagħhom għall-eżenzjoni fil-livell l-aktar adattat għall-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom, skont il-limitu massimu previst f'din id-Direttiva. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li meta l-Istati Membri japplikaw limiti differenti, dawn iridu jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi. Sabiex jiġi ffaċilitat in-negozju transfruntier, il-lista ta' limiti nazzjonali għall-eżenzjoni jenħtieġ li tkun faċilment aċċessibbli għall-impriżi ż-żgħar kollha li jixtiequ joperaw f'diversi Stati Membri.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 12
(12)  Meta tapplika eżenzjoni, l-impriżi ż-żgħar li jibbenefikaw mill-eżenzjoni jenħtieġ li, bħala minimu, ikollhom aċċess għal obbligi ta' reġistrazzjoni, fatturazzjoni, kontabbiltà u rappurtar issimplifikati tal-VAT.
(12)  Meta tapplika eżenzjoni, l-impriżi ż-żgħar li jibbenefikaw mill-eżenzjoni jenħtieġ li, bħala minimu, ikollhom aċċess għal obbligi ta' reġistrazzjoni, fatturazzjoni, kontabbiltà u rappurtar issimplifikati tal-VAT. Sabiex jiġu evitati l-konfużjoni u l-inċertezza legali fl-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi linji gwida dwar reġistrazzjoni u kontabbiltà simplifikati, filwaqt li tispjega f'aktar dettall il-proċeduri li għandhom jiġu ssimplifikati u sa liema punt. Sa ... [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], dik is-simplifikazzjoni jenħtieġ li tiġi soġġetta għal evalwazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jivvalutaw jekk għandhiex valur miżjud u impatt pożittiv reali fuq l-impriżi u l-konsumaturi.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 13
(13)  Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru lil impriżi li mhumiex stabbiliti hemmhekk, jeħtieġ li tintalab notifika minn qabel bl-intenzjoni tagħhom li jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Jenħtieġ li din in-notifika ssir mill-impriża ż-żgħira lill-Istat Membru fejn hi stabbilita. Wara, abbażi tal-informazzjoni ddikjarata fuq il-fatturat ta' dik l-impriża, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jipprovdi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.
(13)  Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru lil impriżi li mhumiex stabbiliti hemmhekk, jeħtieġ li tintalab notifika minn qabel bl-intenzjoni tagħhom li jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Jenħtieġ li din in-notifika ssir permezz ta' portal online li għandu jitwaqqaf mill-Kummissjoni. Wara, jenħtieġ li l-Istat Membru tal-istabbiliment, abbażi tal-informazzjoni ddikjarata fuq il-fatturat ta' dik l-impriża, jinforma lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati. L-impriżi ż-żgħar jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jinnotifikaw lill-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tagħhom dwar ix-xewqa tagħhom li jerġgħu lura għas-sistema tal-VAT ġenerali.
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Premessa 15
(15)  Biex jitnaqqas il-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar li mhumiex eżentati, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jissimplifikaw ir-reġistrazzjoni tal-VAT u ż-żamma ta' rekords, u li jtawlu l-perjodi tat-taxxa biex ikun hemm inqas preżentazzjonijiet frekwenti tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT.
(15)  Biex jitnaqqas il-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar li mhumiex eżentati, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jissimplifikaw ir-reġistrazzjoni tal-VAT u ż-żamma ta' rekords. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi punt uniku ta' servizz għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT fi Stati Membri differenti.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Premessa 17
(17)  L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jitnaqqas il-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar, li ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. B'hekk, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
(17)  L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jitnaqqas il-piż ta' konformità tal-impriżi ż-żgħar, li ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. B'hekk, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Madankollu, il-kontrolli tal-VAT li jirriżultaw minħabba l-proċessi ta' konformità huma strumenti ta’ valur kontra l-frodi tat-taxxa u l-iffaċilitar tal-piż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar ma għandux isir għad-detriment tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 284 – paragrafu 4 – subparagrafu 1
Qabel ma tibbenefika mill-eżenzjoni fi Stati Membri oħra, l-impriża ż-żgħira għandha tinnotifika lill-Istat Membru fejn tkun stabbilita.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi portal online li permezz tiegħu għandhom jirreġistraw dawk l-impriżi ż-żgħar li jkunu jixtiequ jibbenefikaw mill-eżenzjoni fi Stat Membru ieħor.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 284 – paragrafu 4 – subparagrafu 2
Meta impriża żgħira tibbenefika mill-eżenzjoni fi Stati Membri oħra għajr dak li fih hija stabbilita, l-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura d-dikjarazzjoni eżatta tal-fatturat annwali fl-Unjoni u tal-fatturat annwali fl-Istat Membru mill-impriża u għandu jinforma lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra li fihom l-impriża ż-żgħira twettaq provvista.;
Meta impriża żgħira tibbenefika mill-eżenzjoni fi Stati Membri oħra għajr dak li fih hija stabbilita, l-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura d-dikjarazzjoni eżatta tal-fatturat annwali fl-Unjoni u tal-fatturat annwali fl-Istat Membru mill-impriża żgħira u għandu jinforma lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra li fihom l-impriża ż-żgħira twettaq provvista. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom għarfien suffiċjenti dwar l-istatus tal-impriżi ż-żgħar u tar-relazzjonijiet ta' parteċipazzjoni azzjonarja jew sjieda tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jikkonfermaw l-istatus tagħhom bħala impriżi żgħar.
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 15
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 288a – paragrafu 1
Meta matul sena kalendarja sussegwenti l-fatturat annwali fl-Istat Membru ta' impriża żgħira jaqbeż il-limitu tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 284(1), l-impriża ż-żgħira għandha tkun tista' tkompli tibbenefika mill-eżenzjoni għal dik is-sena, dment li l-fatturat annwali tagħha fl-Istat Membru matul dik is-sena ma jaqbiżx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 284(1) b'aktar minn 50 %.;
Meta matul sena kalendarja sussegwenti l-fatturat annwali fl-Istat Membru ta' impriża żgħira jaqbeż il-limitu tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 284(1), l-impriża ż-żgħira għandha tkun tista' tkompli tibbenefika mill-eżenzjoni għal sentejn oħra, dment li l-fatturat annwali tagħha fl-Istat Membru matul dawk is-sentejn ma jaqbiżx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 284(1) b'aktar minn 33 %.
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 17
(17)  l-Artikoli 291 sa 294 jitħassru;
(17)  l-Artikoli 291 u 292 jitħassru;
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 17a (ġdid)
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 293 – paragrafu 1
(17a)   fl-Artikolu 293, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
Kull erba' snin li jibdew jgħoddu mill-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill, abbażi ta' informazzjoni miksuba mill-Istati Membri, rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu, flimkien, fejn hu xieraq u li jieħu in konsiderazzjoni l-bżonn li tiġi żgurata l-konverġenza fit-tul tar-regolamenti nazzjonali, ma' proposti dwar is-suġġetti li ġejjin:(1) titjib għall-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar;(2) l-adattament ta' sistemi nazzjonali fir-rigward ta' eżenzjonijiet u ħelsien gradwat mit-taxxa;(3) l-adattament tal-limiti massimi previsti fit-Taqsima 2.
Kull erba' snin li jibdew jgħoddu mill-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, abbażi ta' informazzjoni miksuba mill-Istati Membri, rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu, flimkien, fejn hu xieraq u li jieħu inkonsiderazzjoni l-bżonn li tiġi żgurata l-konverġenza fit-tul tar-regolamenti nazzjonali, ma' proposti dwar is-suġġetti li ġejjin:
(i)   titjib għall-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar;
(ii)   l-adattament ta' sistemi nazzjonali fir-rigward ta' eżenzjonijiet u l-possibbiltà li l-eżenzjonijiet nazzjonali madwar l-Unjoni jiġu armonizzati;
(iii)   l-adattament tal-limiti massimi previsti fit-Taqsima 2.
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 17b (ġdid)
(17b)   L-Artikolu 294 huwa mħassar;
Emenda 17
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 294e
Artikolu 294e
Artikolu 294e
L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar mill-obbligu li jippreżentaw denunzja tal-VAT stabbilita fl-Artikolu 250.
L-Istati Membri għandhom jew jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar mill-obbligu li jippreżentaw denunzja tal-VAT stabbilita fl-Artikolu 250 jew jistgħu jippermettu lil dawn l-impriżi ż-żgħar eżentati jippreżentaw denunzja tal-VAT issimplifikata - li mill-inqas tinkludi l-informazzjoni li ġejja: il-VAT imponibbli, il-VAT deduċibbli, l-ammont nett tal-VAT (pagabbli jew riċevibbli), il-valur totali tat-tranżazzjonijiet tal-input u l-valur totali tat-tranżazzjonijiet tal-output – biex jiġi kopert il-perjodu ta' sena kalendarja. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar jistgħu jagħżlu li jiġi applikat il-perjodu tat-taxxa stabbilit skont l-Artikolu 252.
Jekk din l-għażla ma tkunx eżerċitata, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil dawn l-impriżi ż-żgħar eżentati jippreżentaw denunzja tal-VAT issimplifikata biex tkoperi l-perjodu ta' sena kalendarja. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar jistgħu jagħżlu li jiġi applikat il-perjodu tat-taxxa stabbilit skont l-Artikolu 252.
Emenda 18
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 294i – paragrafu 1
Artikolu 294i
imħassar
Għall-impriżi ż-żgħar, il-perjodu tat-taxxa li għandu jkun kopert f'denunzja tal-VAT għandu jkun il-perjodu ta' sena kalendarja. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar jistgħu jagħżlu li jiġi applikat il-perjodu tat-taxxa stabbilit skont l-Artikolu 252.
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 294ia (ġdid)
Artikolu 294ia
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt uniku ta' servizz li permezz tiegħu l-impriżi ż-żgħar ikunu jistgħu jippreżentaw id-denunzji tal-VAT tal-Istati Membri differenti fejn ikunu qed joperaw. L-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jkun responsabbli għall-ġbir tal-VAT.
Emenda 20
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18
Direttiva 2006/112/KE
Artikolu 294j
Artikolu 294j
imħassar
Minkejja l-Artikolu 206, l-Istati Membri m'għandhomx jitolbu li jsiru ħlasijiet interim mill-impriżi ż-żgħar.
Emenda 21
Proposta għal direttiva
Artikolu 1a (ġdid)
Regolament (UE) Nru 904/2010
Artikolu 31 – paragrafu 1
Artikolu 1a
Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:
Fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
1.  L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jiżguraw li persuni involuti fil-provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti jew servizzi u persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jfornu servizzi ta' telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir u servizzi pprovduti elettronikament, partikolarment dawk imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2006/112/KE, huma permessi jiksbu, għall-ħtiġijiet ta' dawn it-tranżazzjonijiet, konferma elettronika tal-validità tan-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT ta' kwalunkwe persuna speċifikata kif ukoll l-isem u l-indirizz assoċjati. Din l-informazzjoni għandha tikkorrispondi għad-data msemmija fl-Artikolu 17.
1. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jiżguraw li persuni involuti fil-provvista intra-Komunitarja ta' oġġetti jew servizzi u persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jfornu servizzi ta' telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir u servizzi pprovduti elettronikament, partikolarment dawk imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2006/112/KE, huma permessi jiksbu, għall-ħtiġijiet ta' dawn it-tranżazzjonijiet, konferma elettronika tal-validità tan-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT ta' kwalunkwe persuna speċifikata kif ukoll l-isem u l-indirizz assoċjati. Din l-informazzjoni għandha tikkorrispondi għad-data msemmija fl-Artikolu 17. Is-sistema tal-iskambju ta' informazzjoni tal-VAT (VIES) għandha tispeċifika jekk l-impriżi ż-żgħar humiex jew ma humiex eliġibbli jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi ż-żgħar.’
Emenda 22
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2022, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Emenda 23
Proposta għal direttiva
Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 2
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2022.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

Deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda ċiklopropilfentanil u metossiaċetilfentanil għal miżuri ta' kontroll *
PDF 126kWORD 44k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-phenyl-N-[1-(2-phenylethyl)piperidin-4-yl]cyclopropanecarboxamide (cyclopropylfentanyl) and 2-methoxy-N-phenyl-N-[1-(2-phenylethyl)piperidin-4-yl]acetamide (methoxyacetylfentanyl) għal miżuri ta' kontroll (09420/2018 – C8-0278/2018 – 2018/0118(NLE))
P8_TA(2018)0320A8-0271/2018

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (09420/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0278/2018),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0271/2018),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja
PDF 133kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja (COM(2018)0360 – C8-0245/2018 – 2018/2078(BUD))
P8_TA(2018)0321A8-0272/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0360 – C8-0245/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0272/2018),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-Unjoni maċ-ċittadini tal-Unjoni u mar-reġjuni milquta minn diżastri naturali;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") lir-reġjuni milquta minn diżastri naturali u jiddispjaċih għan-numru ta' persuni li tilfu ħajjithom f'diżastri naturali fl-Unjoni fl-2017;

3.  Jitlob li l-proċedura tal-mobilizzazzjoni tkompli tiġi ottimizzata b'mod li jwassal biex iż-żmien bejn l-applikazzjoni u l-pagament jiqsar; ifakkar li żborż rapidu lill-benefiċjarji huwa ta' importanza maġġuri għall-komunitajiet lokali, għall-awtoritajiet lokali u għall-fiduċja tagħhom fis-solidarjetà tal-Unjoni;

4.  Jappoġġja lill-Istati Membri li jużaw il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej għar-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tapprova b'mod rapidu r-riallokazzjoni finanzjarja tal-ftehimiet ta' sħubija mitluba mill-Istati Membri għal dan il-għan;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b'mod trasparenti, u b'hekk tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta fir-reġjuni kollha milquta;

6.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/1505.)

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 4/2018: il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja
PDF 128kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2018 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja (11738/2018 – C8-0395/2018 – 2018/2082(BUD))
P8_TA(2018)0322A8-0273/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, adottat b'mod definittiv fit-30 ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4), (Ir-Regolament dwar il-QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2018, adottat mill-Kummissjoni fil-31 ta' Mejju 2018 (COM(2018)0361),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2018 adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2018 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (11738/2018 – C8‑0395/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0273/2018),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2018 ikopri l-mobilizzazzjoni proposta tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija u lil-Litwanja għall-għarar, lill-Greċja għat-terremoti f'Kos, kif ukoll lill-Polonja għall-maltempati li seħħew matul l-2017,

B.  billi għaldaqstant il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li temenda l-baġit 2018 u li żżid il-linja baġitarja 13 06 01 ‘Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija’ bi EUR 33 992 206 kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn u kemm f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

C.  billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa strument speċjali skont id-definizzjoni fir-Regolament dwar il-QFP u l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament korrispondenti se jiġu bbaġitjati oltre l-limiti massimi tal-QFP;

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 4/2018 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.d

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 57, 28.02.2018.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(6) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.


L-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq
PDF 126kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq (2017/2225(INI))
P8_TA(2018)0323A8-0240/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Belfast tal-1998 (il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0240/2018),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq topera permezz ta' diversi strumenti, inklużi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Programm PEACE għall-Irlanda ta' Fuq u r-Reġjuni mal-Fruntiera u l-programmi transfruntiera tal-Interreg;

B.  billi huwa ċar li l-Irlanda ta' Fuq hija reġjun li bbenefika ħafna mill-politika ta' koeżjoni tal-UE; billi l-impenn ta' finanzjament futur fl-abbozz tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Kummissjoni għall-2027-2021 qed jintlaqa' b'mod pożittiv ferm;

C.  billi, apparti l-fondi aktar ġenerali tal-politika ta' koeżjoni , l-Irlanda ta' Fuq ibbenefikat b'mod partikolari minn programmi transfruntiera u programmi interkomunitarji u transkomunitarji speċjali, inkluż il-Programm PEACE;

D.  billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-Programm PEACE, ikkontribwiet b'mod deċiżiv għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, tappoġġja l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u tkompli tappoġġja r-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet;

E.  billi wara l-ħolqien tal-ewwel Programm PEACE fl-1995, intefqu aktar minn EUR 1,5 biljun bl-għan doppju li tiġi promossa l-koeżjoni bejn il-komunitajiet involuti fil-kunflitt fl-Irlanda ta' Fuq u fil-kontej mal-fruntiera tal-Irlanda, kif ukoll l-istabbiltà ekonomika u soċjali;

F.  billi s-suċċess tal-finanzjament ta' koeżjoni tal-UE jirriżulta parzjalment mill-fatt li dan jitqies bħala "flus newtrali", jiġifieri flus mhux marbuta direttament mal-interessi tal-ebda waħda minn dawn il-komunitajiet;

1.  Jenfasizza l-kontribuzzjoni importanti u pożittiva tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, partikolarment fir-rigward tal-assistenza għall-irkupru ta' oqsma urbani u rurali li jinsabu fil-bżonn, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-bini ta' kuntatti transkomunitarji u transfruntiera fil-kuntest tal-proċess ta' paċi; jinnota, b'mod partikolari, li l-assistenza għal żoni urbani u rurali li jinsabu fil-bżonn spiss tieħu l-forma ta' appoġġ għal żvilupp ekonomiku ġdid li jippromwovi l-ekonomija tal-għarfien, bħalma huma l-Parks tax-Xjenza f'Belfast u f'Derry/Londonderry;

2.  Jenfasizza li aktar minn EUR 1 biljun f'assistenza finanzjarja tal-UE ser jintefqu fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjuni ġirien fil-perjodu finanzjarju kurrenti, li minnhom EUR 230 miljun ser jiġu investiti fil-Programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq (b'baġit totali ta' kważi EUR 270 miljun) u EUR 240 miljun fil-programm Interreg V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja (b'baġit totali ta' EUR 280 miljun);

3.  Jikkunsidra li l-programmi speċjali tal-UE għall-Irlanda ta' Fuq, speċjalment il-Programm PEACE, huma ta' importanza ewlenija biex jinżamm il-proċess ta' paċi, peress li jrawmu r-rikonċiljazzjoni u l-kuntatti interkomunitarji, transkomunitarji u transfruntiera; jinnota li ċ-ċentri soċjali transkomunitarji u transfruntiera u s-servizzi kondiviżi huma partikolarment importanti f'dan ir-rigward;

4.  Jilqa' l-passi importanti 'l quddiem li ttieħdu fl-Irlanda ta' Fuq permezz tal-Programm PEACE, u jirrikonoxxi l-ħidma tal-partijiet kollha f'dan il-proċess;

5.  Josserva li l-miżuri interkomunitarji u transkomunitarji għall-bini tal-fiduċja, u l-miżuri għal koeżistenza paċifika, bħalma huma l-ispazji kondiviżi u n-netwerks ta' appoġġ, kellhom rwol ewlieni fil-proċess ta' paċi, peress li l-ispazji kondiviżi jippermettu lill-komunitajiet fl-Irlanda ta' Fuq jinġabru flimkien bħala komunità waħda għal attivitajiet konġunti u jiżviluppaw fiduċja u rispett reċiproċi, u b'hekk jgħinu biex titfejjaq il-firda;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u tal-approċċ minn isfel għal fuq, li jinkoraġġixxu lill-komunitajiet kollha jieħdu s-sjieda tal-proġetti, u b'hekk jissaħħaħ il-proċess ta' paċi;

7.  Jinnota l-impenn tal-partijiet interessati kollha fl-Irlanda ta' Fuq għall-kontinwazzjoni tal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fir-reġjun; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' governanza f'diversi livelli kkoordinata u fuq il-prinċipju tas-sħubija;

8.  Huwa tal-opinjoni, madankollu, li jista' jsir aktar biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-viżibilità ġenerali tal-impatt u l-bżonn ta' finanzjament tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, b'mod partikolari billi l-pubbliku ġenerali jiġi informat dwar l-impatt tal-proġetti ffinanzjati mill-UE għall-proċess ta' paċi u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;

9.  Jilqa' l-fatt li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fir-reġjuni qegħdin jaħdmu kif suppost u li għaldaqstant l-assistenza finanzjarja tal-UE qiegħda tintefaq b'mod effettiv; jisħaq, madankollu, li meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta' dan il-programm, iridu dejjem jitqiesu, apparti l-konformità, l-objettivi sottostanti tal-Programm PEACE;

10.  Mingħajr ħsara għan-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u r-Renju Unit, jemmen li, wara l-2020, huwa kruċjali għall-Irlanda ta' Fuq li tkun kapaċi tipparteċipa f'ċerti programmi speċjali tal-UE, bħal pereżempju l-Programm PEACE u l-programm Interreg V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja, peress li dan ikun ta' benefiċċju kbir għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, żvantaġġati u mal-fruntiera, billi jitnaqqsu d-differenzi eżistenti; iħeġġeġ, barra minn hekk, fil-kuntest tal-QFP ta' wara l-2020, li jintużaw l-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha sabiex jippermettu t-tkomplija tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni;

11.  Iqis li, wara l-2020, mingħajr ħsara għan-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u r-Renju Unit, l-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni territorjali, speċjalment fir-rigward ta' proġetti transfruntiera u transkomunitarji, għandu jitkompla fid-dawl tal-kisbiet tal-programmi ta' koeżjoni tal-UE speċjali għall-Irlanda ta' Fuq, jiġifieri l-Programm PEACE u l-programmi Interreg, li huma partikolarment importanti għall-istabbiltà tar-reġjun; jibża' li, jekk jintemmu dawn il-programmi, jiġu pperikolati l-attivitajiet transfruntiera u dawk interkomunitarji u transkomunitarji għall-bini ta' fiduċja u, bħala konsegwenza, il-proċess ta' paċi;

12.  Jenfasizza li 85 % tal-finanzjament għall-programmi PEACE u Interreg jiġi mill-UE; iqis, għaldaqstant, li huwa importanti li l-UE għandha tkompli tagħmel kuntatt mal-komunitajiet fl-Irlanda ta' Fuq wara l-2020 billi jkollha rwol attiv fl-amministrazzjoni tal-finanzjament tal-koeżjoni u dawk interkomunitarji u transkomunitarji disponibbli tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, u b'hekk jiġu megħjuna jegħlbu d-diviżjonijiet soċjetali; f'dan il-kuntest, jemmen li l-finanzjament għandu jinżamm f'livell adegwat wara l-2020; jisħaq fuq il-fatt li dan huwa importanti biex jippermetti li tkompli l-ħidma għall-bini tal-paċi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-esperjenza tal-Irlanda ta' Fuq b'finanzjament tal-koeżjoni, speċjalment bil-Programm PEACE, bħala eżempju ta' kif l-UE qed tindirizza l-kunflitti interkomunitarji u d-diviżjonijiet fil-komunità; jisħaq fuq il-fatt, f'dan ir-rigward, li l-proċess ta' rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq huwa eżempju pożittiv għal żoni oħra fl-UE li jkunu esperjenzaw kunflitt;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li prattiki tajba b'finanzjament tal-koeżjoni u l-Programm PEACE għandhom jittieħdu bħala mudell tal-UE u promossi sabiex jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja fost il-komunitajiet f'kunflitt u biex tinkiseb il-paċi dejjiema f'partijiet oħra tal-Ewropa u anke madwar id-dinja;

15.  Iqis li huwa essenzjali li l-poplu tal-Irlanda ta' Fuq, u b'mod partikolari ż-żgħażagħ, għandu jibqa' jkollu aċċess għall-iskambji ekonomiċi, soċjali u kulturali madwar l-Ewropa, partikolarment għall-programm Erasmus+;

16.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi t-tkomplija tal-programmi PEACE u Interreg fil-proposta tagħha għall-QFP 2021-2027. jinnota, barra minn hekk, id-dokument ta' pożizzjoni tar-Renju Unit dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni ta' April 2018, li fih ir-Renju Unit jiddikjara r-rieda tiegħu li jesplora suċċessur potenzjali għal PEACE IV, kif ukoll Interreg V-A, għall-perjodu ta' wara l-2020 mal-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq, il-Gvern Irlandiż u l-UE, kif ukoll l-impenn tiegħu li jonora l-impenji għal PEACE u Interreg taħt il-QFP kurrenti;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Assemblea u l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.


Miżuri speċifiċi għall-Greċja
PDF 138kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja skont ir-Regolament (UE) 2015/1839 (2018/2038(INI))
P8_TA(2018)0324A8-0244/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 intitolata "Bidu ġdid għat-tkabbir u l-impiegi fil-Greċja" (COM(2015)0400),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/825 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 (SRSP)(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2016 dwar evalwazzjonijiet ex post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007-2013 (SWD(2016)0318),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ministeru Grieg tal-Ekonomija u l-Iżvilupp dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 (perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013)(4),

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2015/1839 dwar miżuri speċifiċi għall-Greċja (O-000100/2017(B8-0001/2018) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0244/2018),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni hija espressjoni ta' solidarjetà u l-istrument ewlieni ta' investiment tal-UE, u tkopri r-reġjuni kollha u tnaqqas id-disparitajiet; billi l-importanza tal-valur miżjud u tal-flessibbiltà tagħha matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja ġew ikkonfermati f'diversi okkażjonijiet; billi, bir-riżorsi baġitarji eżistenti, il-politika ta' koeżjoni kkontribwiet biex jinżammu opportunitajiet tant meħtieġa ta' investiment pubbliku, għenet biex żammet il-kriżi milli taggrava u ppermettiet lill-Istati Membri u r-reġjuni jadottaw risponsi mfassla apposta bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza tagħhom fil-konfront ta' avvenimenti mhux mistennija u xokkijiet esterni;

B.  billi l-appoġġ bejn l-2007 u l-2015 mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni fil-Greċja ammonta għal EUR 15,8 biljun, ekwivalenti għal madwar 19 % tat-total tan-nefqa kapitali tal-gvern;

C.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet wasslet għal rati ta' tkabbir negattivi persistenti fil-Greċja, li ma setgħux jiġu indirizzati mit-tliet pakketti ta' salvataġġ internazzjonali, kif ukoll għal problemi ta' likwidità serji u nuqqas ta' fondi pubbliċi;

D.   billi l-Greċja u l-gżejjer Griegi ntlaqtu u għadhom qed jintlaqtu b'mod partikolari mill-kriżi tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni u jinsabu taħt pressjoni kbira mill-flussi akbar ta' migranti u rifuġjati, u dan issarraf f'daqqa ta' ħarta kbira lill-ekonomika lokali, b'mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu;

E.  billi bejn l-2007 u l-2013, il-PDG tal-Greċja naqas b'26 % f'termini reali u filwaqt li r-reċessjoni ntemmet fl-2014, it-tkabbir matul is-sentejn ta' wara kien inqas minn 1 %. billi r-rata tal-impjiegi niżlet minn 66 % għal 53 % fl-2013, u dan jimplika li kienu biss nofs in-nies fl-età tax-xogħol li kellhom impjieg, waqt li l-qgħad żdied minn 8,4 % għal 27,5 % matul l-istess perjodu, u dan kellu impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-popolazzjoni Griega u laqat ħażin ħafna lil diversi setturi, inkluża s-saħħa; billi skont l-aktar data reċenti tal-Eurostat, ir-rata ta' qgħad hija ta' 20,8 %, b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ;

F.  billi l-Kummissjoni u l-koleġiżlaturi rrikonoxxew, fl-2015, li l-Greċja ntlaqtet mill-kriżi b'mod uniku, li seta' kellu impatt enormi kemm fuq il-finalizzazzjoni tal-operazzjonijiet taħt il-programmi operazzjonali 2000-2006 u 2007-2013 kif ukoll fuq il-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020;

G.  billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1839 kienet maħsuba biex tipprovdi lill-Greċja b'likwidità f'mument kruċjali qabel ma l-implimentazzjoni ta' programmi kienet intemmet u l-opportunitajiet ta' investiment meħtieġa kienu ntilfu, minħabba li ammonti sostanzjali kienu jiġu rkuprati f'każ ta' nuqqas ta' tlestija tal-proġetti mill-perjodi 2000-2006 u 2007-2013;

H.  billi r-Regolament (UE) 2015/1839 stabbilixxa prefinanzjament inizjali addizzjonali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ta' żewġ pagamenti ta' 3,5 % kull wieħed tal-ammont ta' appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), kif ukoll l-applikazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ta' rata ta' kofinanzjament ta' 100 % għan-nefqa eliġibbli u r-rilaxx bikri tal-aħħar 5 % tal-pagamenti tal-UE li fadal, li kellhom jinżammu sa tmiem il-programmi;

I.  billi r-Regolament ġie adottat bil-għan li jirrispondi mill-aktar fis possibbli għal sitwazzjoni ta' kriżi serja u li jiżgura li l-Greċja jkollha biżżejjed fondi biex tlesti l-proġetti taħt il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u biex tibda l-implimentazzjoni taħt il-perjodu attwali;

J.  billi skont l-Artikolu 152(6)2, il-Greċja kellha tippreżenta, sa tmiem l-2016, rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-rata ta' kofinanzjament ta' 100 % u mal-limitu massimu għall-pagamenti għall-programmi fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni;

K.  billi l-UE ħallset ukoll 95 % tal-ispiża totali tal-investiment fil-perjodu ta' finanzjament 2007-2013 fil-Greċja (il-massimu ta' 85 % normalment applikabbli), permezz tar-Regolament (UE) Nru 1311/2011 li jippermetti l-hekk imsejħa miżura "supplimentari";

L.  billi f'Ottubru 2015 ġie stabbilit kont delimitat, li fih ġew trasferiti l-fondi kollha allokati għall-finanzjament ta' proġetti ffinanzjati mill-UE sabiex ikun żgurat li dawn jintużaw biss għal pagamenti lil benefiċjarji u operazzjonijiet taħt il-programmi operazzjonali;

M.  billi l-Greċja rċeviet ukoll appoġġ mill-2011 permezz tat-Task Force għall-Greċja tal-Kummissjoni, li pprovdiet assistenza teknika għall-proċess ta' riforma tal-pajjiż, u mill-2015 permezz tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali li pprovda assistenza għat-tħejjija, għat-tfassil, għall-implimentazzjoni u għall-evalwazzjoni ta' riformi li jsaħħu t-tkabbir; billi r-Regolament (UE) 2017/825 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) għall-perijodu mill-2017 sal-2020 daħal fis-seħħ fl-20 ta' Mejju 2017 u kien mument importanti għall-impenji tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali mal-Istati Membri interessati, inkluża l-Greċja;

1.  Itenni r-rwol importanti li tiżvolġi l-politika ta' koeżjoni fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, ġlieda kontra l-qgħad, tnaqqis fl-inugwaljanzi u tisħiħ tal-kompetittività fir-reġjuni kollha tal-UE, fl-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea u fl-ikkomplementar ta' politiki oħra; ifakkar, barra minn hekk, li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) huma l-akbar sors ta' investiment dirett fil-Greċja;

2.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 relatat mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 li kien dovut fl-aħħar tal-2016; jinnota li r-rapport tressaq mill-awtoritajiet Griegi f'Mejju 2017 u tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Parlament f'Diċembru 2017, wara ħafna talbiet; japprezza li l-Kummissjoni pprovdiet lill-Parlament b'valutazzjoni proviżorja tal-lista ta' 181 proġett ta' prijorità, li jammontaw għal EUR 11,5 biljuni u ekwivalenti għal madwar 55 % tat-total tal-allokazzjonijiet tal-FEŻR, FK u FSE lill-Greċja, li minnhom 118 kienu diġà ġew implimentati b'suċċess sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni u 24 meqjusa li ġew eliminati gradwalment;

3.  Jenfasizza li, skont id-data pprovduta fir-rapport imsemmi hawn fuq, wara l-adozzjoni tar-Regolament fir-rigward tal-miżuri speċifiċi għall-Greċja, l-impatt dirett fuq il-likwidità fl-2015 kien ta' EUR 1 001 709 731.50 u fl-2016 l-inputs ammontaw għal EUR 467 674 209.45; madankollu, jinnota li flimkien maż-żieda tal-prefinanzjament inizjali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Greċja rċeviet madwar EUR 2 biljun fl-2015-2016;

4.  Japprezza l-fatt li l-ammonti mħallsa ġew allokati għal firxa wiesgħa ta' proġetti: it-trasport u infrastrutturi oħra (l-ambjent, it-turiżmu, il-kultura, ir-riġenerazzjoni urbana u rurali, l-infrastrutturi soċjali), proġetti ta-soċjetà tal-informazzjoni, u azzjonijiet biex jiġu żviluppati riżorsi umani; barra minn hekk, jilqa' l-fatt li 63 % tal-pagamenti totali għal proġetti ta' għajnuna mill-Istat ikkonċernaw għajnuna għall-impriżi u l-proġetti kummerċjali, li kkontribwew direttament għall-kompetittività u għat-tnaqqis tar-riskju intraprenditorjali, filwaqt li 37 % ikkonċernaw azzjonijiet ta' għajnuna mill-Istat għal proġetti ta' infrastrutura, u b'hekk issupplementaw l-arranġamenti rigward il-kundizzjonijiet tas-suq u t-titjib kummerċjali;

5.  Japprezza l-fatt li r-rapport imressaq mill-awtoritajiet Griegi jirrikonoxxi li ż-żieda tal-likwidità rrappreżentat fl-istess ħin titjib tad-dħul finanzjarju, b'madwar EUR 1,5 biljun, u tal-programm ta' investiment pubbliku għall-2015-2016;

6.  Jilqa' l-effetti tal-miżuri fir-rigward tat-titjib tal-attività ekonomika, in-normalizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-fatturat u l-kapital operatorju ta' numru sinifikanti ta' negozji, il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, u t-tlestija ta' infrastrutturi tal-produzzjoni importanti, riflessi wkoll f'impatt sinifikanti fuq id-dħul mit-taxxa fil-baġit;

7.  Jifhem li l-fondi mħallsa mill-UE li rriżultaw mill-implimentazzjoni tar-Regolament intużaw fl-2015 għat-tlestija tal-proġetti taħt il-Programmi Operazzjonali sa tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà, u li fl-2016, l-ammont li fadal li tħallas flimkien mar-riżorsi nazzjonali kkontribwixxa wkoll għat-tlestija ta' proġetti oħra;

8.  Japprezza l-fatt li l-awtoritajiet Griegi impenjaw ruħhom li jorganizzaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni tal-proġetti u jidentifika proġetti ewlenin li għandhom jintgħażlu għal tlestija; jissottolinja li dan għen b'mod sinifikanti biex jingħelbu l-ostakli istituzzjonali u amministrattivi u biex jiġu stabbiliti azzjonijiet prijoritarji li għandhom jiġu implimentati bla dewmien ulterjuri, u b'hekk anke jiġu prevenuti l-korrezzjonijiet finanzjarji; jilqa' l-fatt li l-fondi mħallsa mill-UE taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 naqqsu b'mod sinifikanti n-numru ta' proġetti ddikjarati bħala mhux kompluti; jinnota li, meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, li fih madwar 900 proġett ma kinux tlestew, 79 proġett kien għadhom ma tlestewx fi żmien tas-sottomissjoni tat-talbiet finali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, iżda li dawn huma mistennija li jitlestew bl-użu ta' fondi nazzjonali;

9.  Jissottolinja li l-assorbiment tal-fondi strutturali tjieb notevolment, u li sa tmiem Marzu 2016, ir-rata tal-pagamenti fil-Greċja għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kienet aktar minn 97 %(5) u li skont il-livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u tal-impenji pendenti ("reste à liquider" (RAL)) għall-programmi għall-2017-2013 fil-31 ta' Marzu 2018, il-Greċja ma kellha l-ebda RAL taħt l-Intestatura 1b(6); jilqa' l-fatt li l-Greċja kienet l-ewwel Stat Membru li ħadet ir-riżorsi disponibbli kollha u laħqet rata ta' assorbiment ta' 100 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 96 %;

10.  Jirrikonoxxi, madankollu, li r-rati ta' assorbiment jipprovdu biss informazzjoni indikattiva u li enfasi fuq l-assorbiment tal-fondi m'għandhiex issir askapitu tal-effikaċja, il-valur miżjud u l-kwalità tal-investimenti; jinnota li l-miżuri speċifiċi huma ta' natura makroekonomika u li l-effetti tagħhom huma diffiċli li jiġu ttraċċati għal proġetti individwali;

11.  Ifakkar li l-FSIE għandhom impatt sinifikanti fuq il-PDG u indikaturi oħra f'diversi Stati Membri, kif ukoll fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali b'mod ġenerali, u li l-investiment sostnut mill-politiki ta' koeżjoni u tal-iżvilupp rurali fil-Greċja huwa stmat li fl-2015 żied il-PDG, fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, b'aktar minn 2 % 'l fuq mil-livell li kien jilħaq mingħajr il-fondi pprovduti; ifakkar li l-użu tal-fondi strutturali tal-UE jeħtieġ li jiffoka dejjem fuq it-twettiq tal-objettivi bbażati fuq it-Trattat u fuq il-kisba ta' valur miżjud reali tal-UE, jimmira fuq il-prijoritajiet tal-UE u jmur lil hinn minn sempliċi tkabbir tal-PDG;

12.  Jieħu nota tal-analiżi primarjament kwantitattiva tar-rapport imressaq mill-awtoritajiet Griegi dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 b'rabta mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, li jikkonforma mar-rekwiżiti legali; jirrikonoxxi li l-effett tal-miżuri speċifiċi ma jistax jiġi separat mill-impatt ġenerali tal-FSIE fil-Greċja iżda jikkunsidra li valutazzjoni kwalitattiva, minkejja li hi diffiċli biex titwettaq, tgħin biex tiġi komplementata l-analiżi u biex jiġu mifhuma r-riżultati miksuba; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni f'termini ta' żieda fil-kompetittività u l-produttività u s-sostenibbiltà fl-aspetti soċjali u ekoloġiċi;

13.  Japprezza l-fatt li, skont id-data finali kkomunikata mill-Kummissjoni fil-31 ta' Diċembru 2016, l-ammont ta' talbiet għall-ħlas mill-awtoritajiet Griegi kien ta' EUR 1,6 biljun u li l-Greċja wriet, mill-31 ta' Marzu 2018, rata ta' implimentazzjoni ta' 28 % għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020(7), li jfisser li kienet fost l-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni, b'mod ġenerali, minkejja xi differenzi li ġew innotati rigward il-livell ta' tqassim jew ir-rata ta' assorbiment skont il-fond; japprova, barra minn hekk, l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1839 bħala miżura importanti, xierqa biex tipprovdi appoġġ imfassal apposta f'mument kruċjali għall-Greċja; jilqa' l-fatt li kif mitlub, il-prefinanzjament addizzjonali kien kompletament kopert minn talbiet intermedji għal ħlas mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni, filwaqt li nnota li ma kienx kompletament kopert mill-FSE (madwar 4 %) jew l-FEMS;

14.  Ifakkar fl-importanza tar-riformi strutturali rilevanti; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula u jistieden lill-Greċja biex tkompli tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta' assistenza taħt il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali sabiex jinħoloq ambjent tan-negozju sod għall-użu effiċjenti u effettiv tal-FSIE u għall-massimizzazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tagħhom;, sabiex

15.  Jirrikonoxxi li bis-sostenn tal-investiment pubbliku u l-implimentazzjoni flessibbli tal-investimenti tal-UE, permezz tar-riprogrammazzjoni tal-fondi jew biż-żieda tar-rata ta' kofinanzjament, il-politika reġjonali taffiet l-impatt tal-kriżi finanzjarja u tal-konsolidazzjoni fiskali sostnuta f'diversi Stati Membri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tagħhom fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; itenni madankollu li l-politika ta' koeżjoni għandha titqies bħala l-għodda ewlenija ta' investiment pubbliku u bħala katalizzatur biex jiġi attirat finanzjament pubbliku u privat addizzjonali, u li miżuri simili li jirriżultaw fi tnaqqis fil-kwoti ta' kofinanzjament nazzjonali meħtieġa għall-għoti ta' finanzjament għall-programmi operazzjonali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali, għall-Greċja jew Stat Membru ieħor, għandhom ikunu previsti fuq bażi eċċezzjonali biss u qabel l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu analizzati mill-perspettiva tal-effikaċja tagħhom, u ġustifikati kif jixraq;

16.  Jinnota li xi reġjuni jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jikkofinanzjaw proġetti taħt l-FSIE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, bħala kwistjoni ta' urġenza, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-impatt fuq il-kalkolu tad-defiċits tal-gvern tal-istrumenti reġjonali kkofinanzjati permezz tal-FSIE, speċjalment ta' dawk fir-reġjuni inqas żviluppati;

17.  Ifakkar lill-awtoritajiet Griegi fl-importanza li jiżguraw komunikazzjoni u viżibbiltà xierqa tal-proġetti taħt l-FSIE;

18.  Jilqa' l-valutazzjoni preliminari li l-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 huwa mistenni li jingħalaq mingħajr ebda telf ta' fondi għall-Greċja; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-proċess ta' għeluq, li hu mistenni li jiġi konkluż fl-ewwel nofs tal-2018, kif ukoll tipprovdi aġġornament dwar il-proġetti li għandhom jitlestew b'fondi nazzjonali u dawk li kienu għadhom ma tlestewx fil-31 ta' Marzu 2018;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 270, 15.10.2015, p. 1.
(3) ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1.
(4) Ateni, Mejju 2017.
(5) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar evalwazzjonijiet ex post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007-2013.
(6) Livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u livell tar-"reste à liquider" (RAL) għall-Intestatura 1b (programmi 2007-2013) - Ħatra ta' awtoritajiet nazzjonali u livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti interim tal-Programmi Operazzjonali 2014-2020 tal-FSIE (Status fil-31 ta' Marzu 2018).
(7) Livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u livell tar-"reste à liquider" (RAL) għall-Intestatura 1b (programmi 2007-2013) - Ħatra ta' awtoritajiet nazzjonali u livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti interim tal-Programmi Operazzjonali 2014-2020 tal-FSIE (Status fil-31 ta' Marzu 2018).


Mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità
PDF 186kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità (2017/2277(INI))
P8_TA(2018)0325A8-0208/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (‘l-Ugwaljanza fl-Impjiegi’)(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Alleanza Ewropea għall-Mard Kroniku ta' Novembru 2017 dwar "Improving the employment of people with chronic diseases in Europe" (Intejbu l-impjieg tal-persuni b'mard kroniku fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (NU CRPD) u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-2014 mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) dwar "Riskji psikosoċjali fl-Ewropa – Prevalenza u strateġiji ta' prevenzjoni",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Philadelphia tal-10 ta' Mejju 1944 dwar l-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol diċenti għal kulħadd(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 bit-titolu "Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2008)0412),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas tas-sħab soċjali Ewropej dwar l-Istress fuq il-Post tax-Xogħol (SEC(2011)0241),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2007 bit-titolu "Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol" (COM(2007)0062),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/78/KE kontra d-diskriminazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠUE) bħall-Kawżi Magħquda C-335/11 u C-337/11 tal-11 ta' April 2013 (HK Danimarka), li flimkien jistabbilixxu l-projbizzjoni għal min iħaddem li jiddiskrimina meta mard fit-tul jista' jiġi assimilat ma' diżabilità, kif ukoll l-obbligu għal min iħaddem li jagħmel adattamenti raġonevoli għall-kondizzjonijiet tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali mnedija fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-kampanja tal-UE-OSHA bit-titolu "Inqas Stress għal iktar Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol",

–  wara li kkunsidra l-proġett pilota tiegħu, dwar is-saħħa ta' ħaddiema kbar fl-età, imwettaq mill-EU-OSHA,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-EU-OSHA tal-2016 bit-titolu "Riabilitazzjoni u ritorn għax-xogħol: Rapport ta' analiżi dwar il-politiki, l-istrateġiji u l-programmi tal-UE u l-Istati Membri",

–  wara li kkunsidra r-"Rapport dwar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'mard kroniku" tal-2014, tal-Eurofound,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' Business Europe tal-2012 dwar "Il-prattiki ta' min iħaddem għal Tixjiħ Attiv",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0208/2018),

A.  billi l-istress relatat max-xogħol huwa problema li qed tikber kif ukoll it-tieni l-aktar problema tas-saħħa relatata max-xogħol irrapportata b'mod frekwenti fl-Ewropa; billi 25 %(7) tal-ħaddiema jirrapportaw li jesperjenzaw stress relatat max-xogħol; billi l-istress fuq il-post tax-xogħol jista' jimmina d-dritt tal-individwu għal kondizzjonijiet tax-xogħol sani; billi l-istress relatat max-xogħol ikompli jikkontribwixxi għall-assenteiżmu u għal livell baxx ta' sodisfazzjon fl-impjieg, filwaqt li jaffettwa b'mod negattiv il-produttività u jammonta għal kważi nofs l-ammont ta' jiem ta' xogħol mitlufa kull sena;

B.  billi t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol Ewropea tippreżenta sfidi ġodda fir-rigward tal-ambjent tax-xogħol u l-evoluzzjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol; billi t-tixjiħ huwa akkumpanjat minn riskju ogħla ta' żvilupp ta' problemi kroniċi tas-saħħa mentali kif ukoll ts-saħħa fiżika, inklużi diżabilitajiet u mard, li jagħmlu l-prevenzjoni, ir-reintegrazzjoni u r-riabilitazzjoni linji ta' politika importanti sabiex il-postijiet tax-xogħol kif ukoll is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali jinżammu sostenibbli; billi l-mard kroniku ma jikkonċernax biss il-popolazzjoni kbira fl-età;

C.  billi l-assenza mix-xogħol fit-tul għandha impatt negattiv fuq is-saħħa mentali u fiżika, kif ukoll spejjeż soċjali u ekonomiċi għolja, u tista' timpedixxi r-ritorn għax-xogħol; billi s-saħħa u l-benessri jaqdu rwol ċentrali fil-bini ta' ekonomiji sostenibbli; billi huwa importanti li wieħed iqis l-impatt finanzjarju serju ta' mard jew diżabilità fuq il-familji jekk il-persuni kkonċernati ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol;

D.  billi filwaqt li teżisti distinzjoni bejn diżabilità, korriment, mard u kundizzjonijiet assoċjati mal-età, dawn ta' spiss jikkoinċidu u jirrikjedu approċċ komprensiv iżda fuq il-bażi ta' każ b'każ b'mod individwali;

E.  billi t-tixjiħ huwa wieħed mill-isfidi soċjali ewlenin li qed tiffaċċja l-UE; billi għalhekk hemm il-bżonn ta' politiki li jippromwovu t-tixjiħ attiv biex il-persuni jkunu jistgħu jibqgħu attivi u fl-impjieg sal-età tal-irtirar, jew lil hinn jekk din tkun ix-xewqa tagħhom; billi l-ġenerazzjoni aktar anzjana u l-esperjenza tagħha huma indispensabbli għas-suq tax-xogħol; billi l-persuni kbar fl-età li jixtiequ jibqgħu jaħdmu ta' spiss ifittxu sigħat flessibbli jew arranġamenti ta' xogħol speċifiċi għalihom; billi l-mard, id-diżabilità u l-esklużjoni mix-xogħol għandhom konsegwenzi finanzjarji serji;

F.  billi t-tipjip, l-alkoħol u l-abbuż mid-drogi huma fost l-aktar fatturi sinifikanti ta' riskju għas-saħħa tal-persuni fl-età tax-xogħol fl-UE, marbuta kemm ma' korrimenti kif ukoll ma' diversi mard li ma jitteħidx(8); billi bejn l-20 % u l-25 % tal-inċidenti kollha fuq il-post tax-xogħol jinvolvu persuni taħt l-influwenza tal-alkoħol(9), u billi huwa stmat li bejn il-5 % u l-20 % tal-popolazzjoni attiva fl-Ewropa għandhom problemi serji relatati mal-użu tal-alkoħol(10); billi r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema li sofrew minn problemi ta' abbuż tad-drogi f'impjieg ta' kwalità tippreżenta sfidi speċifiċi għal min iħaddem;

G.  billi l-persuni b'diżabilità jew mard kroniku, jew dawk li jkunu qed jirkupraw minn korriment jew mard jinsabu f'qagħda vulnerabbli u għandhom jibbenefikaw minn appoġġ individwalizzat meta jirritornaw fuq il-post tax-xogħol tagħhom jew fis-suq tax-xogħol; billi xi persuni b'kundizzjonijiet kroniċi ma jixtiqux jew ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol;

H.  billi l-qasam ta' riabilitazzjoni tax-xogħol u r-ritorn għax-xogħol jistgħu jipprovdu opportunitajiet siewja ta' volontarjat, pereżempju billi wieħed iwettaq xogħol ta' volontarjat wara li jirtira; billi l-volontarjat għandu jiġi appoġġjat fi kwalunkwe età;

I.  billi l-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li min iħaddem jippromwovi kultura tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; billi l-fatt li wieħed jieħu sehem minn jeddu f'attivitajiet relatati mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OSH), bħall-gruppi ta' ħidma, jista' jikkontribwixxi wkoll sabiex ikun hemm tibdil fil-kultura;

J.  billi x-xogħol għandu rwol importanti fl-iffaċilitar tal-proċess ta' rkupru u ta' riabilitazzjoni minħabba l-benefiċċji psikosoċjali pożittivi ewlenin li x-xogħol iġib għall-impjegati (OSH); billi l-prattiki tajba fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali għal forza tax-xogħol produttiva u motivata, li jgħinu lill-kumpaniji jibqgħu kompetittivi u innovattivi, jiżguraw il-benessri tal-ħaddiema u jgħinu biex jippreservaw il-ħiliet u l-esperjenza professjonali prezzjuża, biex tonqos ir-rotazzjoni tal-persunal u jiġu evitati l-esklużjoni, l-inċidenti u l-korrimenti; billi, għalhekk, il-Kummissjoni hija mħeġġa tqis il-kostijiet tal-ispejjeż kollha fil-qasam tal-inklużjoni attiva u soċjali; billi l-adozzjoni ta' approċċi xierqa u mfassla b'mod individwali lejn ir-reintegrazzjoni tal-persuni li jkunu qed jirkupraw minn korriment jew mard f'impjieg ta' kwalità hija fattur importanti sabiex jiġi evitat assenteiżmu addizzjonali jew preżenteiżmu f'każ ta' mard;

K.  billi d-definizzjoni ta' persuna b'kapaċità ta' xogħol ridotta tista' tvarja minn Stat Membru għall-ieħor;

L.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi għandhom ħtiġijiet partikolari f'dan ir-rigward peress li għandhom inqas riżorsi meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi assoċjati mal-prevenzjoni tal-mard u tal-inċidenti u, għalhekk, spiss jeħtieġu appoġġ sabiex jilħqu l-għan tagħhom tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH); billi, min-naħa l-oħra, prattiki tajba tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, partikolarment għas-sostenibbiltà tan-negozji tagħhom; billi diversi programmi ffinanzjati mill-UE joffru possibilitajiet għal skambju siewi ta' innovazzjonijiet u l-aħjar prattiki sostenibbli fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH);

M.  billi fatturi psikosoċjali negattivi fuq il-post tax-xogħol mhumiex marbuta biss mal-eżiti tas-saħħa iżda anke ma' żieda fl-assenteiżmu u ma' livell baxx ta' sodisfazzjon fl-impjieg; billi miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol imfassla b'mod individwali jistgħu jippermettu li individwu b'bidla fil-kapaċitajiet tax-xogħol jibqa' jaħdem u jkun ta' benefiċċju għall-forza tax-xogħol fl-intier tagħha; billi filwaqt li assenza mix-xogħol xi drabi hija meħtieġa medikament, hemm ukoll effetti negattivi oħra psikosoċjali għal persuni li jqattgħu żmien itwal 'il bogħod mix-xogħol u li, minħabba f'hekk, hemm inqas probabilità li xi darba jirritornaw għax-xogħol; billi l-kura bikrija kkoordinata, bil-għan ewlieni jkun il-benessri tal-impjegat, hija kruċjali sabiex jittejbu l-eżiti tar-ritorn għax-xogħol u jiġu evitati konsegwenzi negattivi fit-tul għall-individwu;

N.  billi d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-data dwar il-mard ikkaġunat mix-xogħol fil-livell tal-UE ta' spiss mhumiex suffiċjenti; billi skont il-Eurofound kważi 28 % tal-Ewropej jirrapportaw li għandhom problema tas-saħħa kronika fiżika jew mentali, mard jew diżabilità(11); billi huwa stmat li persuna minn kull erbgħa fl-età tax-xogħol tgħix bi problemi tas-saħħa fit-tul(12); billi d-diżabilità u l-mard jistgħu simultanjament ikunu l-kawżi u l-konsegwenza tal-faqar; billi studju tal-OECD sab li l-introjtu tal-persuni b'diżabilità huwa, bħala medja, 12 % inqas mill-bqija tal-popolazzjoni(13); billi f'xi pajjiżi din id-diskrepanza fl-introjtu tammonta għal 30 %; billi studju li twettaq fl-2013 wera li 21,8 % tal-pazjenti morda bil-kanċer ta' bejn it-18 u s-57 sena jisfaw qiegħda eżattament wara li ssirilhom id-dijanjożi, b'91,6 % ta' dan il-grupp jisfaw qiegħda 15-il xahar wara d-dijanjożi(14); billi l-istudju tal-Eurostat tal-2011(15) sab li fost il-persuni impjegati li għandhom kapaċitajiet tax-xogħol limitati minħabba problema ta' saħħa u/jew diffikultà bażika fl-attivitajiet għal tul ta' żmien, 5.2 % biss jirrapportaw li jagħmlu użu minn arranġamenti tax-xogħol speċjali; billi skont l-istess studju tal-Eurostat 24,2 % ta' dawk li huma qiegħda jippreċiżaw li se jeħtieġu arranġamenti tax-xogħol speċjali biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn għax-xogħol tagħhom;

O.  billi d-diġitalizzazzjoni x'aktarx li twassal għal trasformazzjonijiet kbar fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xogħol u tista' tgħin sabiex jittejbu l-opportunitajiet għall-ħaddiema li għandhom, pereżempju, kapaċitajiet fiżiċi ridotti; billi l-ġenerazzjonijiet kbar fl-età tista' tiffaċċja sett uniku ta' sfidi f'dan ir-rigward; billi dawn għandhom ukoll jibbenefikaw minn dawn il-bidliet;

P.  billi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità ta' kull ħaddiem huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għandhom valur pożittiv fihom infushom; billi bi qbil mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull persuna għandha d-dritt għal standard ta' għajxien adegwat għas-saħħa u l-benessri tagħha ,kif ukoll id-dritt għax-xogħol u għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli; billi t-titjib tas-saħħa u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema żiedu l-benessri ġenerali tas-soċjetà u għandhom benefiċċji ekonomiċi għall-Istati Membri, l-impjegati u min iħaddem, inklużi ħaddiema kbar fl-età u individwi li għandhom kundizzjonijiet mediċi, kif ukoll għenu biex jiġu ppreservati sal-età tal-irtirar il-ħiliet li inkella kienu jintilfu; billi min iħaddem, il-ħaddiema, il-familji u l-komunitajiet jibbenefikaw meta diżabilità għax-xogħol tiġi trasformata f'kapaċità għax-xogħol;

Prevenzjoni u interventi bikrija

1.  Iqis bħala essenzjali t-titjib tal-ġestjoni tal-assenzi minħabba mard fl-Istati Membri kif ukoll li l-postijiet tax-xogħol isiru aktar adattabbli għall-kundizzjonijiet kroniċi u d-diżabilitajiet, billi tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bl-infurzar aħjar tad-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol; jirrikonoxxi li, biex iseħħ it-titjib, irid ikun hemm leġiżlazzjoni li tiffunzjona b'sorveljanza effettiva fl-Istati Membri biex jiġi żgurat li min iħaddem jagħmel il-postijiet tax-xogħol aktar inklużivi għal dawk li jbatu minn kundizzjonijiet kroniċi u minn diżabilitajiet, inkluż pereżempju billi jimmodifika l-kompiti, it-tagħmir u l-iżvilupp tal-ħiliet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw adattamenti raġonevoli għall-postijiet tax-xogħol biex jiżguraw ritorn f'waqtu lejn ix-xogħol;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri ta' integrazzjoni u ta' riabilitazzjoni u tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tqajjem kuxjenza u tidentifika u tikkondividi l-aħjar prattiki dwar l-akkomodazzjonijiet u l-aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, li huma marbuta mar-ritorn għax-xogħol, biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-ostakli mhux mediċi potenzjali għar-ritorn għax-xogħol, u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet sabiex jidentifikawhom u jindirizzawhom;

3.  Iħeġġeġ lill-Eurofound tkompli teżamina u tanalizza l-opportunitajiet ta' impjieg u l-livell ta' impjegabbiltà ta' persuni b'mard kroniku; jitlob li l-użu ta' politika bbażata fuq l-evidenza jsir prattika standard u jifforma l-bażi tal-approċċi relatati mar-ritorn għax-xogħol; jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu r-riedni ħalli jiżguraw li min iħaddem u l-impjegati tagħhom ikollhom aċċess sew għall-informazzjoni u sew għall-kura medika, u li dawn l-aħjar prattiki jiġu promossi fil-livell Ewropew;

4.  Huwa tal-fehma li l-Qafas Strateġiku tal-UE li jmiss dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol wara l-2020 għandu jipprijoritizza aktar l-investimenti permezz tal-fondi tal-UE mmirati lejn il-prolungament u l-promozzjoni ta' ħajjiet tax-xogħol aktar sani, u ta' arranġamenti tax-xogħol individwalizzati, kif ukoll dwar l-appoġġ għall-faċilitazzjoni ta' reklutaġġ u r-ritorn adattat għax-xogħol, meta mixtieq jew meta l-kundizzjonijiet mediċi jippermettu; iqis li parti integrali ta' din l-istrateġija hija l-investiment f'mekkaniżmi ta' prevenzjoni primarja u sekondarja permezz ta’, pereżempju, il-provvista ta' teknoloġiji elettroniċi tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-prevenzjoni tar-riskji u tal-mard fuq il-post tax-xogħol;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fil-kampanja Ewropea 2020-2022 li ġejja dwar il-prevenzjoni ta' mard muskoloskeletali marbut max-xogħol (MSDs) biex isibu soluzzjonijiet innovattivi mhux leġiżlattivi u biex jiskambjaw informazzjoni u prattiki tajba mas-sħab soċjali; jitlob l-involviment attiv tal-Istati Membri fit-tixrid ta' informazzjoni pprovduta mill-EU-OSHA; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, mingħajr dewmien, att legali dwar l-MSDs; jistieden lill-Istati Membri jwettqu studji – imqassma skont il-ġeneru, l-età u l-qasam ta' attività ekonomika – fl-inċidenza ta' MSDs, bil-ħsieb li jimpedixxu u jiġġieldu l-ħolqien ta' mard bħal dan u biex tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-UE għall-prevenzjoni u l-interventi bikrija kontra l-mard kroniku;

6.  Jistieden lill-Istati Membri u lil min iħaddem biex jaqdu rwol proattiv fl-integrazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-EU-OSHA fil-politiki u l-programmi tal-post tax-xogħol tagħhom; jilqa' t-tnedija reċenti ta' taqsima fuq is-sit web tal-EU-OSHA dedikat għal mard relatat max-xogħol, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn lura għax-xogħol, bil-għan li tipprovdi informazzjoni dwar il-politika u l-prattiki ta' prevenzjoni;

7.  Huwa tal-fehma li prevenzjoni sistematika tar-riskji psikosoċjali hija karatteristika essenzjali tal-postijiet tax-xogħol moderni; jinnota bi tħassib iż-żieda f'każijiet rapportati ta' problemi ta' saħħa mentali u psikosoċjali tul dawn l-aħħar snin, u l-fatt li l-istress relatat max-xogħol huwa problema li qed tikber għall-impjegati u għal min iħaddem; jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, sabiex jipprovdu appoġġ lin-negozji fl-implimentazzjoni ta' ġabra koerenti ta' politiki u programmi fuq il-post tax-xogħol biex tissaħħaħ il-prevenzjoni ta' dawn il-problemi, tiġi indirizzata l-istigma u tiġi appoġġjata s-saħħa mentali tal-individwi li qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet eżistenti, billi jippermettu aċċess għal appoġġ psikoloġiku; jenfasizza, bil-għan li jimmotiva lill-ħaddiema jieħdu azzjoni ulterjuri, il-benefiċċji – inkluż ir-redditu fuq l-investiment ippruvat – li jinkisbu bil-prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali u bil-promozzjoni tas-saħħa; jinnota li l-leġiżlazzjoni u r-rikonoxximent tar-riskji psikosoċjali u tal-problemi mentali u tas-saħħa, bħall-istress kroniku u l-eżawriment, ivarjaw fost l-Istati Membri;

8.  Jenfasizza l-importanza li jiġu aġġornati u pprovduti indikaturi tas-saħħa komuni u definizzjonijiet ta' mard relatat max-xogħol, inkluż l-istress fuq il-post tax-xogħol, u d-data statistika għall-UE kollha bil-ħsieb li jiġu stabbiliti miri biex titnaqqas l-inċidenza ta' mard ikkawżat mix-xogħol;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw programm għall-monitoraġġ, il-ġestjoni u l-appoġġ b'mod sistematiku għall-ħaddiema affettwati minn riskji psikosoċjali, inklużi l-istress, id-dipressjoni u l-eżawriment sabiex, fost l-oħrajn, ifasslu rakkomandazzjonijiet u linji gwida effettivi li jiġġieldu kontra dawn ir-riskji; jenfasizza li l-istress kroniku fuq il-post tax-xogħol huwa rikonoxxut bħala ostaklu ewlieni għall-produttività u għall-kwalità tal-ħajja; jinnota li r-riskji psikosoċjali u l-istress relatat max-xogħol huma problemi strutturali marbuta mal-organizzazzjoni tax-xogħol u li l-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' dawn ir-riskji huma possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu studji, titjieb il-prevenzjoni, u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u l-għodod għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni milquta fis-suq tax-xogħol;

10.  Jitlob it-tmiem tal-istigmatizzazzjoni ta' problemi ta' saħħa mentali u ta' persuni b'diżabilitajiet fit-tagħlim; iħeġġeġ inizjattivi li jissensibilizzaw u jappoġġjaw il-bidla f'dan ir-rigward bl-iżvilupp ta' politiki u ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali fil-livell tal-kumpaniji; ifaħħar, f'dan il-kuntest, l-azzjonijiet tas-sħab soċjali fl-Istati Membri li qed jikkontribwixxu għal bidla pożittiva; ifakkar l-importanza li l-fornituri tas-servizzi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll l-ispetturi tax-xogħol jiġu mħarrġa kif suppost fir-rigward tal-prattiki dwar il-ġestjoni tar-riskju psikosoċjali; jitlob kooperazzjoni msaħħa u rivitalizzazzjoni ta' inizjattivi tal-UE li jindirizzaw riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u li l-kwistjoni tiġi pprijoritizzata fil-qafas strateġiku li jmiss tal-EU OSHA;

11.  Jirrikonoxxi l-fatt li r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema li sofrew minn problemi ta' abbuż mid-drogi tippreżenta sfidi speċifiċi għal min iħaddem; jinnota, f'dan ir-rigward, l-eżempju tal-mudell Alna mmexxi mis-sħab soċjali Żvediżi(16) li jappoġġja lill-postijiet tax-xogħol biex jieħdu miżuri proattivi u ta' intervent bikri kif ukoll biex jassisti fil-proċess ta' riabilitazzjoni tal-impjegati li kellhom problemi marbuta mal-abbuż mid-drogi;

12.  Jilqa' l-kampanja "Inqas Stress għal iktar Saħħa fuq ix-Xogħol"; jenfasizza li inizjattivi li jindirizzaw l-istress marbut max-xogħol iridu jinkludu d-dimensjoni tal-ġeneru, b'konsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol fir-rigward tan-nisa;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' aktar investiment fil-politiki ta' prevenzjoni tar-riskji u l-appoġġ ta' kultura ta' prevenzjoni; jirrimarka li l-kwalità tas-servizzi preventivi hija ċentrali biex jingħata appoġġ lill-kumpaniji; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki effettivi dwar id-dieti tajbin għas-saħħa, il-konsum tal-alkoħol u t-tabakk u dwar il-kwalità tal-arja u jippromwovu tali politiki fuq il-post tax-xogħol; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi tas-saħħa integrati ma' servizzi soċjali, psikoloġiċi u tax-xogħol kif ukoll tal-mediċina okkupazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema b'aċċess xieraq għall-kura tas-saħħa sabiex jiġi identifikat minn kmieni l-bidu ta' mard fiżiku u mentali u jiġi ffaċilitat il-proċess ta' reintegrazzjoni; ifakkar li investiment bikri u azzjoni preventiva jistgħu jnaqqsu l-impatt psikosoċjali fit-tul fuq l-individwu, kif ukoll l-ispejjeż ġenerali għas-soċjetà fuq medda twila ta' żmien;

14.  Jitlob li l-politiki ta' reintegrazzjoni għandhom ikunu:

   konsistenti ma' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-edukazzjoni, tat-tagħlim tul il-ħajja, tal-politiki soċjali u tal-impjieg;
   imfassla apposta, immirati u orjentati lejn il-ħtiġijiet, mingħajr ma jimponu fuq il-parteċipanti talbiet li x'aktarx ma jistgħux jissodisfaw minħabba l-kundizzjoni tagħhom;
   ikunu parteċipattivi u bbażati fuq approċċ integrat, u
   jirrispettaw il-prekundizzjonijiet meħtieġa biex jippermettu l-parteċipazzjoni, mingħajr ma joħolqu kundizzjonijiet li jipperikolaw l-introjtu minimum għall-għajxien;

15.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jipprovdu benefiċċji addizzjonali mmirati għall-persuni b'diżabilità jew b'mard kroniku, li jkopru spejjeż addizzjonali b'rabta, fost affarijiet oħra, ma' appoġġ u għajnuna personali, l-użu ta' faċilitajiet speċifiċi u kura medika u soċjali, filwaqt li jistabbilixxu fost l-oħrajn livelli ta' prezzijiet affordabbli għall-mediċini għal gruppi soċjali inqas vantaġġjati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati livelli diċenti ta' pensjonijiet tal-invalidità u ta' rtirar mix-xogħol;

Ritorn lejn ix-xogħol

16.  Jirrikonoxxi li x-xogħol hu sors importanti ta' benessri psikosoċjali pożittiv għall-individwi u li l-integrazzjoni f'impjieg, fir-rigward ta' individwi qiegħda għal żmien twil permezz ta' miżuri mfassla individwalment, hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u għandha wkoll benefiċċji psikosoċjali preventivi oħra; jenfasizza li l-integrazzjoni ta' persuni li jirritornaw għax-xogħol wara korriment jew mard, kemm fiżiku kif ukoll mentali, tħalli effetti pożittivi multipli: dan huwa ta' benefiċċju għall-benessri tal-individwi kkonċernati, inaqqas l-ispejjeż għas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali u għall-intrapriżi individwali, jappoġġja l-ekonomija b'mod aktar wiesa’, bħal pereżempju billi jagħmel is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri; jinnota d-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ħaddiema fil-ġestjoni tas-sistemi ta' kumpens li jistgħu jirriżultaw f'dewmien bla bżonn biex dawn jiksbu l-kura, u li f'xi każijiet jistgħu jwasslu biex jitilfu l-interess; jitlob b'mod urġenti approċċ iċċentrat fuq il-klijenti għall-proċeduri amministrattivi kollha assoċjati mar-reintegrazzjoni tal-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jaġixxu, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-aġenziji tal-UE rilevanti, biex jingħelbu l-effetti negattivi fit-tul tal-assenza mix-xogħol, bħall-iżolament, id-diffikultajiet psikosoċjali, il-konsegwenzi soċjoekonomiċi u l-kapaċità ta' impjegabbiltà ridotta;

17.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri u min iħaddem għandhom jieħdu approċċ pożittiv u orjentat lejn ix-xogħol għall-ħaddiema b'diżabilità, ħaddiema kbar fl-età u ħaddiema li sofrew minn mard mentali jew fiżiku jew korriment, inklużi persuni li ġew dijanjostikati b'mard terminali, b'iffukar fuq evalwazzjoni bikrija tal-kapaċità u r-rieda għax-xogħol li jkun fadallu l-individwu, u l-organzizzazzjoni ta' counselling psikoloġiku, soċjali u tal-impjieg fi stadju bikri u l-adattament tal-post tax-xogħol, b'kont meħud tal-profil professjonali u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-persuna kif ukoll is-sitwazzjoni tal-intrapriża; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu d-dispożizzjonijiet fis-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom li jiffavorixxu r-ritorn għax-xogħol dment li dan ikun mixtieq mill-impjegat u jekk jippermettu l-kundizzjonijiet mediċi;

18.  Jinnota r-rwol pożittiv li qdew l-intrapriżi soċjali, speċifikament l-Intrapriżi Soċjali għall-Integrazzjoni fix-Xogħol (WISEs), fir-reintegrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fil-forza tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu r-rikonoxximent u l-appoġġ tekniku meħtieġa għal dawn l-intrapriżi;

19.  Iħeġġeġ f'dan ir-rigward ir-referenzi għall-Konvenzjoni tan-UN CRDP u l-Protokoll Fakultattiv tagħha (A/RES/61/106), u l-użu tal-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-funzjonament, tad-diżabilità u tas-saħħa (ICF) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-miżuri u l-politiki rilevanti kollha; jaqbel mal-fehma li d-diżabilità hija esperjenza tas-saħħa li tippreżenta ruħha f'kuntest soċjoekonomiku;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jipprovdu linji gwida dwar l-aħjar prattiki kif ukoll ikkowċjar, appoġġ u konsulenza għal min iħaddem dwar kif jiġu żviluppati u implimentati l-pjanijiet ta' reintegrazzjoni, filwaqt li jiżguraw djalogu kontinwu bejn is-sħab soċjali, bil-ħsieb li l-impjegati jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom sa mill-bidu nett tar-ritorn għax-xogħol; jinkoraġġixxi aktar l-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan u bejn l-Istati Membri, il-komunitajiet professjonali, is-sħab soċjali, l-NGOs u dawk li jfasslu l-politika dwar l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema li qed jirkupraw minn mard jew korriment;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mas-sħab soċjali biex jipprovdu appoġġ estern li jiżgura gwida u appoġġ tekniku għall-SMEs u l-mikrointrapriżi b'esperjenza limitata fir-riabilitazzjoni professjonali kif ukoll miżuri għar-ritorn għax-xogħol; jirrikonoxxi l-importanza li jitqiesu sew is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet u l-isfidi speċifiċi fir-rigward tal-konformità li qed jiffaċċjaw mhux biss l-SMEs u l-mikrointrapriżi iżda wkoll ċerti setturi tas-servizz pubbliku fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri fil-livell tal-kumpaniji; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-konsultazzjoni u l-pjattaformi online huma ta' importanza assoluta sabiex l-SMEs u l-mikrointrapriżi jkunu megħjuna f'dan il-proċess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw għodod u linji gwida prattiċi, li jistgħu jappoġġjaw l-SMEs u l-mikrointrapriżi b'esperjenza limitata fir-riabilitazzjoni professjonali kif ukoll miżuri għar-ritorn għax-xogħol; jirrikonoxxi l-importanza ta' investiment f'taħriġ għall-ġestjoni;

22.  Jinnota r-riskju li approċċi aktar oriġinali għar-reintegrazzjoni ta' dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol jistgħu jkunu neqsin minn finanzjament favur approċċ aktar limitat ibbażat fuq riżultati li jistgħu jitkejlu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex ittejjeb il-finanzjament ta' approċċi minn isfel għal fuq taħt il-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-FSE;

23.  Jieħu nota tas-suċċess tal-approċċ tal-ġestjoni tal-każijiet ta' programmi ta' reintegrazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ imfassal individwalment u integrat mill-ħaddiema soċjali u l-konsulenti maħtura; jemmen li huwa essenzjali għall-kumpaniji li jżommu kuntatt mill-qrib mal-ħaddiema, jew mar-rappreżentanti tagħhom, matul l-assenza tagħhom minħabba mard jew korriment;

24.  Jemmen li l-politiki ta' ritorn għax-xogħol għandhom jiġu inklużi f'approċċ olistiku usa' favur ħajja tax-xogħol sana bil-għan li jiżguraw ambjent tax-xogħol fiżikament u mentalment sigur u ħieles mill-periklu tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuni kif ukoll favur tixjiħ attiv u b'saħħtu għall-ħaddiema kollha; jenfasizza l-importanza ewlenija tal-komunikazzjoni, l-għajnuna ta' speċjalisti fil-ġestjoni ta' riabilitazzjoni tax-xogħol (assistenti tax-xogħol) u approċċ integrat li jinvolvi l-partijiet kollha kkonċernati lejn ir-riabilitazzjoni fiżika u tax-xogħol tal-ħaddiema b'suċċess; jemmen li l-post tax-xogħol għandu jkun il-fokus ċentrali tas-sistemi ta' ritorn għax-xogħol; ifaħħar is-suċċess tal-approċċ prattiku u mhux burokratiku tal-programm Awstrijak 'fit2work'(17) bl-enfasi tiegħu fuq komunikazzjoni faċli aċċessibbli għall-ħaddiema kollha (bħal pereżempju l-użu ta' lingwaġġ simplifikat);

25.  Jenfasizza l-importanza li persuni b'kapaċità ta' xogħol ridotta jibqgħu jaħdmu, inkluż billi jiġi żgurat li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jkollhom ir-riżorsi li jeħtieġu biex iwettqu dan b'mod effettiv; iħeġġeġ bil-qawwa r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema li jkunu qed jirkupraw minn mard jew korriment f'impjieg ta' kwalità jekk dan ikun mixtieq mill-impjegat u jekk il-kundizzjonijiet mediċi jippermettu, permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol miftuħ; jenfasizza l-importanza li d-dispożizzjonijiet ta' politika jiġu ffukati fuq il-kapaċità għax-xogħol tal-individwi u fuq il-fatt li min iħaddem jara l-benefiċċji taż-żamma tal-esperjenza u l-għarfien ta' ħaddiem li jinsab f'riskju li jitlef l-impjieg tiegħu kaġun ta' liv permanenti minħabba l-mard; jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza li jkun hemm fis-seħħ xibka ta' sikurezza permezz ta' sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali għall-individwi li ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu politiki attivi tas-suq tax-xogħol u inċentivi ta' politika għal min iħaddem biex jappoġġjaw l-impjieg ta' persuni b'diżabilità u mard kroniku, inkluż billi jsiru aġġustamenti xierqa biex jingħelbu l-ostakli fuq il-post tax-xogħol ħalli jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom; ifakkar li huwa essenzjali li l-kumpaniji u l-persuni kkonċernati jkunu infurmati dwar l-inċentivi u d-drittijiet eżistenti;

27.  Jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li arranġamenti flessibbli, imfasslin b'mod individwali u adattabbli tax-xogħol – bħat-telexogħol, il-ħin flessibbli tax-xogħol u t-tnaqqis fis-sigħat u fl-ammont tax-xogħol – għandhom rwol importanti biex dawn il-ħaddiema jirritornaw għax-xogħol; jenfasizza l-importanza li jiġi inkoraġġit minn kmieni u/jew b'mod gradwali r-ritorn għax-xogħol (jekk il-kundizzjonijiet mediċi jippermettu), u dan jista' jiġi akkumpanjat minn benefiċċji tal-mard parzjali li jassiguraw li l-individwi kkonċernati ma jsofrux telf ta' dħul mar-ritorn għax-xogħol, filwaqt li jinżammu l-inċentivi finanzjarji għan-negozji; jenfasizza li dawn l-arranġamenti, li jinkludu flessibbiltà ġeografika, temporali u funzjonali, iridu jkunu fattibbli kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem, filwaqt li jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol u jqisu l-varjazzjonijiet fiċ-ċikli tal-produzzjoni;

28.  Ifaħħar il-programmi u l-inizjattivi nazzjonali li għenu sabiex tiġi ffaċilitata r-reintegrazzjoni f'impjieg ta' kwalità ta' persuni b'mard kroniku, bħall-programm Ġermaniż "Job4000"(18) li juża approċċ integrat biex itejjeb l-integrazzjoni professjonali stabbli ta' persuni b'diżabilità serja u li jkollhom diffikultajiet partikolari biex isibu impjieg, u l-istabbiliment ta' aġenziji ta' reintegrazzjoni li jgħinu persuni b'mard kroniku jsibu impjieg li jkun adatt għas-sitwazzjoni u l-abilitajiet tagħhom(19);

29.  Jinnota l-benefiċċji psikoloġiċi importanti u ż-żieda fil-produttività assoċjata b'livelli għolja ta' awtonomija fuq il-post tax-xogħol; iqis li livell ta' awtonomija fuq il-post tax-xogħol jista' jkun essenzjali fl-iffaċilitar tal-proċess tar-reintegrazzjoni ta' ħaddiema b'mard jew korriment b'kundizzjonijiet u ħtiġijiet differenti;

30.  Jirrikonoxxi l-valur tar-ritorn għax-xogħol fil-proċess tal-kura, peress li għal bosta individwi x-xogħol jippermetti indipendenza finanzjarja u jtejjeb il-ħajja, filwaqt li xi kultant jista' jkun fattur kruċjali fi proċess ta' rkupru;

31.  Jistieden lill-Istati Membri ma jwaqqfux immedjatament il-benefiċċji soċjali meta l-persuni b'mard kroniku jiksbu impjieg sabiex jgħinuhom jevitaw in-"nassa tal-benefiċċji";

It-tibdil fl-attitudnijiet lejn ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, biex fil-komunikazzjonijiet tagħhom jiżguraw linji gwida u politiki sabiex min iħaddem jara l-proċess ta' reintegrazzjoni bħala opportunità li biha jibbenefika mill-ħiliet, il-kompetenzi u l-esperjenza tal-ħaddiema; huwa tal-fehma li min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema huma atturi importanti mill-bidu nett fil-proċess ta' ritorn għax-xogħol u huma parti mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

33.  Ifakkar l-Artikoli 26 u 27 tal-UN CRDP li jorbtu lill-Istati parti biex jorganizzaw, isaħħu u jestendu s-servizzi u l-programmi ta' riabilitazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-impjieg, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali u biex jippromwovu opportunitajiet ta' impjiegi u avvanz fil-karriera għal persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għajnuna fir-ritorn għax-xogħol;

34.  Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riabilitazzjoni professjonali u l-politiki u l-programmi ta' ritorn għax-xogħol kif ukoll it-titjib tal-kultura tal-kumpaniji huma fatturi essenzjali ta' suċċess fil-proċess għar-ritorn għax-xogħol u fil-ġlieda kontra l-attitudnijiet negattivi kif ukoll fl-indirizzar tal-preġudizzji u d-diskriminazzjoni; huwa tal-fehma li timijiet ta' esperti bħall-psikologi u l-kowċis imħarrġa fir-riabilitazzjoni professjonali jistgħu jiġu kondiviżi b'mod effettiv bejn diversi kumpaniji sabiex kumpaniji żgħar ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-għarfien espert tagħhom; huwa tal-fehma li f'dan il-proċess hemm lok ukoll għal appoġġ u impenn kumplimentari mill-NGOs u l-voluntiera;

35.  Ifaħħar dawk l-intrapriżi li ħadu inizjattivi biex jappoġġjaw persuni bi problemi tas-saħħa, diżabilitajiet jew kapaċità tax-xogħol mibdula billi pprovdew, pereżempju programmi ta' prevenzjoni, modifika tal-kompiti, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, jew billi ħejjew impjegati oħra għall-kapaċitajiet mibdula tal-ħaddiema li jkunu rritornaw, u b'hekk għenu fir-reintegrazzjoni tagħhom; iħeġġeġ bil-qawwa aktar intrapriżi biex jinvolvu ruħhom f'dan is-sens u jressqu inizjattivi bħal dawn; iqis li huwa essenzjali li miżuri li jiffaċilitaw ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji jkunu parti integrali mill-kultura tal-kumpanija;

36.  Jappella għal fehim aħjar tal-isfidi u d-diskriminazzjoni li jwasslu għal inqas opportunitajiet għal persuni bi problemi tas-saħħa jew b'diżabilitajiet, speċjalment sfidi bħan-nuqqas ta' għarfien, il-preġudizzju, il-perċezzjonijiet dwar produttività baxxa u l-istigma soċjali;

37.  Hu tal-fehma li l-edukazzjoni u l-bidliet fil-kultura tal-kumpaniji, kif ukoll kampanji madwar l-UE bħal "Vision Zero", għandhom rwol importanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-opinjoni popolari; jitlob kuxjenza akbar tal-isfidi demografiċi li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej; iqis bħala inaċċettabbli li persuni akbar fl-età spiss huma esposti għax-xjuħija; jenfasizza l-importanza ta' kampanji għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-ħaddiema, il-promozzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni u tas-saħħa u ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni jikkunsidraw ir-riżultati tal-Proġett pilota tal-Parlament Ewropew dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kbar fl-età;

38.  Huwa tal-fehma li l-oqsfa nazzjonali ta' politika għandhom impatt deċiżiv fuq il-ħolqien ta' ambjent li jappoġġja l-immaniġġjar tal-età u t-tixjiħ attiv u b'saħħtu; iqis ukoll li dan jista' jiġi appoġġjat b'mod effettiv permezz ta' azzjonijiet tal-UE, bħalma huma l-linji ta' politika, il-linji ta' gwida, l-iskambju tal-għarfien u l-użu ta' diversi strumenti finanzjarji, bħall-FSE u l-FSIE; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu miżuri ta' riabilitazzjoni u reintegrazzjoni tal-ħaddiema kbar fl-età, meta possibbli u mixtieq mill-individwi kkonċernati, pereżempju billi jimplimentaw ir-riżultati tal-proġett pilota tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kbar fl-età;

39.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-persuni li jkunu ġew dijanjostikati b'marda terminali jżommu d-dritt fundamentali għax-xogħol; jirrikonoxxi wkoll li dawn l-individwi jaffaċċjaw sett uniku ta' sfidi relatat mas-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom li huwa differenti mill-isfidi li jaffaċċjaw gruppi oħra ta' pazjenti, peress li ħafna drabi dawn ikollhom ftit żmien biex jadattaw għat-tibdil fil-kundizzjonijiet tagħhom u biex isiru aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol; ifaħħar l-inizjattivi bħall-kampanja "Dying to Work" biex titqajjem kuxjenza dwar din is-sensiela ta' problemi speċifiċi; iħeġġeġ lil min iħaddem biex iżomm djalogu kemm jista' jkun ma' impjegati li kellhom dijanjosi terminali, sabiex jassigura li jistgħu jittieħdu l-miżuri neċessarji u l-adattamenti possibbli kollha biex il-ħaddiem iwettaq ħidmietu jekk hu jew hi hekk jixtiequ; huwa tal-opinjoni li, għal bosta pazjenti, il-fatt li wieħed jibqa' jaħdem huwa ħtieġa personali, psikoloġika jew ekonomika imperattiva u ċentrali għad-dinjità u l-kwalità tal-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-adattament raġonevoli tal-postijiet tax-xogħol għas-sett uniku ta' sfidi li qed jiffaċċja dan il-grupp ta' persuni; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta' data dwar l-istatus tal-impjieg tal-persuni b'kanċer u tappoġġja l-ġbir aħjar tad-data, li tkun paragunabbli fost l-Istati Membri, sabiex jittejbu s-servizz ta' appoġġ għalihom;

40.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-iżvilupp u l-aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema, it-tqabbil tal-ħtiġijiet tal-kumpaniji mal-ħtiġijiet tas-suq, b'enfasi speċjali fuq il-ħiliet diġitali, billi l-ħaddiema jingħataw taħriġ rilevanti u aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza ż-żieda tad-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol; jirrimarka li t-titjib tal-ħiliet diġitali jista' jkun parti integrali mit-tħejjija għar-ritorn għax-xogħol, partikolarment għall-popolazzjoni kbira fl-età;

41.  Jinnota li kemm il-persuni li jipprovdu l-kura b'mod formali kif ukoll b'mod informali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fir-riabilitazzjoni professjonali; jirrikonoxxi li 80 % tal-kura li tingħata fl-Ewropa hi mogħtija bla ħlas minn persuni li jipprovdu l-kura(20) u li l-att tal-għoti tal-kura jnaqqas b'mod sinifikanti l-prospetti ta' impjieg fit-tul ta' dan il-grupp ta' persuni; jirrikonoxxi wkoll li, minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-persuni li jipprovdu l-kura huma nisa, hemm dimensjoni ċara tal-ġeneru fil-kwistjoni tas-sitwazzjoni tal-impjieg ta' dawn il-persuni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u lil min iħaddem jagħtu konsiderazzjoni speċjali lill-implikazzjonijiet tal-impjieg għal dawk li jipprovdu l-kura;

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 204, 13.6.2018, p. 179.
(2) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 117.
(3) Testi Adottati, P8_TA(2017)0474.
(4) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 138.
(5) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.
(6) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(7) https://osha.europa.eu/en/tools-and-publications/publications/reports/psychosocial-risks-eu-prevalence-strategies-prevention/view
(8) Istitut tal-Metrika u l-Evalwazzjoni tas-Saħħa (2016) Viżwalizzazzjoni tat-Tqabbil tad-Data GBD. http:// vizhub.healthdata.org/gbd-compare
(9) Grupp Xjentifiku tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa (2011) "Alcohol, Work and Productivity" (L-Alkoħol, ix-Xogħol u l-Produttività). https://ec.europa.eu/health//sites/health/files/alcohol/docs/science_02_en.pdf
(10) Eurofound (2012), "Use of alcohol and drugs at the workplace" (L-użu tal-alkoħol u d-droga fuq il-post tax-xogħol). https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_files/docs/ewco/tn1111013s/tn1111013s.pdf
(11) Eurofound’s Third European Quality of Life Survey 2001–2012, https://www.eurofound.europa.eu/surveys/european-quality-of-life-surveys/european-quality-of-life-survey-2012
(12) p. 7 fi https://ec.europa.eu/health//sites/health/files/social_determinants/docs/final_sum_ecorys_web.pdf
(13) p. 7, riżultati ewlenin https://www.oecd.org/els/emp/42699911.pdf
(14) p. 5 https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/policies/docs/2017_chronic_framingdoc_en.pdf
(15) Eurostat, 2011 LFS ad hoc module, imsemmi fi: https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/policies/docs/2017_chronic_framingdoc_en.pdf
(16) http://www.alna.se/in-english
(17) "EU-OSHA Case Study on Austria — Fit2Work programme" https://osha.europa.eu/en/tools-and-publications/publications/austria-fit2work/view
(18) Sors: Riżultat tanġibbli 5.2 tal-proġett Pathways "Scoping Paper on the Available Evidence on the Effectiveness of Existing Integration and Re-Integration into Work Strategies for Persons with Chronic Conditions" (Dokument ta' Deskrizzjoni dwar l-Evidenza Disponibbli dwar l-Effettività ta' Strateġiji Eżistenti ta' Integrazzjoni u Reintegrazzjoni għall-Persuni b'Kundizzjonijiet Kroniċi)
(19) Sors: Servizzi ta' assistenza professjonali rigward ir-ritorn għax-xogħol għal persuni b'mard kroniku minn "esperti b'esperjenza" ċċertifikati: in-Netherlands. Studju tal-Każ. EU-OSHA
(20) http://www.ecpc.org/WhitePaperOnCancerCarers.pdf


Relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji
PDF 156kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji (2017/2253(INI))
P8_TA(2018)0326A8-0263/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Frar 2009 tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF)(1),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2014 bit-titolu "Rieżami Ekonomiku tal-Aġenda tar-Regolamentazzjoni Finanzjarja" (SWD(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Awwissu 2014 dwar l-operat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) (COM(2014)0509),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Sejħa għal Evidenza – Qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji" (COM(2016)0855),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali"(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2017 bit-titolu "Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-UE fil-politika dwar is-servizzi finanzjarji: valutazzjoni" (SWD(2017)0102),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0263/2018),

A.  billi sa mill-kriżi finanzjarja, ġew adottati aktar minn 40 test ġdid ta' leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE, li minnhom 15 jinkludu "dispożizzjonijiet relatati mal-pajjiżi terzi" li jagħtu lill-Kummissjoni, f'isem l-UE, id-diskrezzjoni biex tiddeċiedi unilateralment jekk dispożizzjonijiet regolatorji ta' ġurisdizzjonijiet barranin jistgħux jitqiesu ekwivalenti;

B.  billi l-ekwivalenza u d-drittijiet ta' passaport huma kunċetti differenti ħafna, li jipprovdu drittijiet u obbligi differenti għar-regolaturi, is-superviżuri, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti tas-suq; billi deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ma jagħtux "drittijiet ta' passaport" lil istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi terzi peress li dan il-kunċett huwa marbut inseparabbilment mas-suq intern bil-qafas regolatorju, superviżorju, ta' infurzar u ġudizzjarju komuni tiegħu;

C.  billi l-ebda ftehim kummerċjali konkluż mill-UE għadu ma inkorpora dispożizzjonijiet dwar l-aċċess reċiproku transfruntier għas-servizzi finanzjarji;

D.  billi m'hemmx qafas uniku li jifforma l-bażi għad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza; billi kull att leġiżlattiv jistabbilixxi reġim ta' ekwivalenza speċifiku magħmul apposta għall-objettivi ta' politika tiegħu; billi d-dispożizzjonijiet dwar l-ekwivalenza attwali joffru approċċi differenti li jippermettu firxa ta' benefiċċji possibbli skont il-fornitur tas-servizzi finanzjarji u tas-suq li fih jopera;

E.  billi l-ekwivalenza hija, fost affarijiet oħra, għodda li tippromwovi l-konverġenza regolatorja internazzjonali, li tista' twassal għal aktar kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE b'kundizzjonijiet ekwi, filwaqt li tevita l-arbitraġġ regolatorju, tipproteġi l-konsumaturi u l-investituri, tippreserva l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u żżomm il-konsistenza fi ħdan is-suq uniku tagħha; billi l-ekwivalenza hi wkoll għodda li tiżgura trattament regolatorju u superviżorju ġust u ugwali bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi;

F.  billi d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza huma bbażati fuq ġabra unika ta' regoli tal-UE u huma bbażati fuq valutazzjoni teknika; billi, madankollu, dawn għandhom ikunu suġġett għal livell ogħla ta' skrutinju mill-Parlament;

G.  billi l-Kummissjoni tiddeskrivi l-ekwivalenza bħala "strument ewlieni li jiġġestixxi b'mod effikaċi l-attività transfruntiera ta' parteċipanti tas-suq f'ambjent prudenzjali sod u sigur ma' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li jaderixxu mal-istess standards għoljin ta' regoli prudenzjali bħall-UE, jimplimentawhom u jinfurzawhom b'mod rigoruż";

H.  billi l-ħruġ futur tar-Renju Unit mill-UE potenzjalment ser ikollu impatt sinifikanti fuq ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, minħabba r-rabta mill-qrib li attwalment teżisti bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam; billi n-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għadhom għaddejjin;

I.  billi fil-każ li jiġi miftiehem u ratifikat il-Ftehim tal-Irtirar, inkluż il-perjodu ta' tranżizzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom perjodu itwal biex jadattaw għall-Brexit; billi, fin-nuqqas ta' perjodu ta' tranżizzjoni, il-Kummissjoni u l-ASE jridu jkunu lesti jipproteġu l-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq intern u l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE;

J.  billi huwa neċessarju, għall-iskop tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li titqies bis-sħiħ l-interkonnettività bejn is-swieq ta' pajjiżi terzi u s-suq uniku tal-UE;

K.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji", il-Parlament stieden lill-Kummissjoni "tipproponi pjan konsistenti, koerenti, trasparenti u qafas prattiku għal proċeduri u deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ta' pajjiżi terzi, b'kont meħud ta' analiżi bbażata fuq ir-riżultati u ta' standards jew ftehimiet internazzjonali";

Ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi minn wara l-kriżi

1.  Jinnota li minn wara l-kriżi finanzjarja, l-UE żviluppat aktar ir-regolamentazzjoni finanzjarja tagħha permezz ta' riformi wiesgħa u tal-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fil-kooperazzjoni regolatorja u superviżorja bejn l-UE u pajjiżi terzi; jirrikonoxxi li dan ikkontribwixxa biex titjieb il-konsistenza globali fir-regolamentazzjoni finanzjarja u kkontribwixxa biex għamel lill-UE aktar reżiljenti għal xokkijiet finanzjarji globali;

2.  Iqis li l-UE għandha tippromwovi riformi regolatorji finanzjarji globali speċifiċi biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja, u għandha taħdem lejn sistema finanzjarja miftuħa, integrata, effiċjenti u reżiljenti li tappoġġja t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investimenti; jenfasizza li kwalunkwe qafas ta' kooperazzjoni regolatorja u superviżorja internazzjonali għandu jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u jirrispetta s-sistema u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha u l-applikazzjoni tagħhom;

3.  Jinnota bi tħassib li l-kooperazzjoni internazzjonali qed issir dejjem iżjed diffiċli biex tintlaħaq minħabba l-interessi nazzjonali differenti u l-inċentiv inerenti li r-riskji jiġu orjentati lejn ġurisdizzjonijiet oħrajn;

Il-proċeduri dwar l-ekwivalenza tal-UE

4.  Jinnota li diversi atti leġiżlattivi tal-UE fihom dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kooperazzjoni regolatorja ma' pajjiżi terzi, relatati ma' kooperazzjoni superviżorja u miżuri prudenzjali;

5.  Jenfasizza li l-għoti ta' ekwivalenza hija deċiżjoni unilaterali meħuda mill-UE, abbażi ta' standards tal-UE; iqis li f'xi każijiet speċifiċi l-kooperazzjoni internazzjonali tista' titħeġġeġ ukoll bis-saħħa ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi;

6.  Jenfasizza li l-UE għandha tinkoraġġixxi ġurisdizzjonijiet oħrajn biex jagħtu aċċess għas-swieq finanzjarji tagħhom lill-parteċipanti tas-suq tal-UE;

7.  Jenfasizza li, permezz tar-relazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi dwar ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni fiskali ma' pajjiżi terzi, f'konformità mal-istandards internazzjonali u tal-UE; jemmen li deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom isiru dipendenti fuq regoli sodisfaċenti ta' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

8.  Jirrikonoxxi li r-reġim ta' ekwivalenza tal-UE huwa parti integrali minn għadd ta' atti leġiżlattivi regolatorji u superviżorji tagħha għas-servizzi finanzjarji u jista' joffri bosta benefiċċji, bħal: aktar kompetizzjoni, aktar flussi ta' kapital lejn l-UE, u aktar strumenti u għażliet ta' investiment għall-kumpaniji tal-UE u għall-investituri, aktar protezzjoni għall-investituri u għall-konsumaturi u stabbiltà finanzjarja;

9.  Itenni li, f'bosta każijiet, id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ma jagħtux id-dritt lill-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi finanzjarji fl-UE kollha; jirrimarka li f'xi każijiet dawn jistgħu jagħtu lill-istituzzjonijiet ta' pajjiżi terzi aċċess limitat għas-suq uniku għal ċerti prodotti jew servizzi;

10.  Jissottolinja min-naħa l-oħra li "passaport tal-UE" jagħti lill-impriżi d-dritt li jipprovdu servizzi finanzjarji fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE, skont il-liċenzja maħruġa minn pajjiżhom u taħt is-superviżjoni ta' pajjiżhom u li, għaldaqstant, ma tkunx disponibbli għal istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi mhux taż-ŻEE minħabba li dan jiddependi fuq ġabra ta' rekwiżiti prudenzjali armonizzati fl-ambitu tad-dritt tal-UE u fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji;

11.  Jenfasizza li r-reġim ta' ekwivalenza tal-UE għandu l-għan li jippromwovi l-konverġenza regolatorja internazzjonali u jsaħħaħ il-kooperazzjoni superviżorja abbażi tal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali u li jiżgura trattament ugwali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi filwaqt li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u jipproteġi lill-investituri u lill-konsumaturi;

12.  Iqis li, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-proċess tal-UE għall-għoti tal-ekwivalenza jibbenefika minn trasparenza akbar fir-rigward tal-Parlament Ewropew; jemmen li t-trasparenza tista' tittejjeb permezz ta' qafas strutturat, orizzontali u prattiku flimkien ma' linji gwida dwar ir-rikonoxximent ta' oqfsa superviżorji ta' pajjiżi terzi kif ukoll minn livell ta' granularità tal-valutazzjoni ta' oqfsa bħal dawn;

13.  Jemmen li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom ikunu oġġettivi, proporzjonati, sensittivi għar-riskju filwaqt li jżommu l-istandards għolja tar-regolamentazzjoni tal-UE; barra minn hekk, iqis li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom jittieħdu fl-aħjar interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha, filwaqt li titqies l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur u l-funzjonament tas-suq intern;

14.  Iqis li l-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza huma ta' natura teknika, iżda jinnota li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom dimensjoni politika ċara, u possibbilment joħolqu bilanċ bejn objettivi differenti ta' politika; jinsisti li l-proċess għall-għoti tal-ekwivalenza lil pajjiż terz fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandu dejjem ikun suġġett għall-iskrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill u li, għall-finijiet ta' trasparenza akbar, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' atti delegati, u fejn meħtieġ faċilitati minn proċedura bikrija ta' nuqqas ta' oġġezzjoni;

15.  Jinnota li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2017 li tagħti l-ekwivalenza lill-pjattaformi Svizzeri tan-negozjar ta' ishma bħala parti mill-proċedura ta' ekwivalenza MiFID/MiFIR – limitata għal perjodu ta' 12-il xahar bil-possibbiltà ta' estensjoni, dment li jsir progress suffiċjenti dwar qafas istituzzjonali komuni – kellha dimensjoni politika ċara;

16.  Jinnota li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tirtira d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, partikolarment f'każijiet ta' diverġenza regolatorja materjali ta' pajjiż terz, u jemmen li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat kif xieraq, fil-prinċipju qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' rtirar bħal din; jitlob l-introduzzjoni ta' proċeduri trasparenti li jirregolaw l-adozzjoni, l-irtirar jew is-sospensjoni ta' deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza;

17.  Iqis li għandu jiġi żviluppat qafas konsistenti għal superviżjoni kontinwa ta' reġim ekwivalenti ta' pajjiż terz; iqis li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) għandu jkollhom is-setgħa li jagħtu pariri lill-Kummissjoni u jirrieżaminaw żviluppi regolatorji u superviżorji f'pajjiżi terzi, minħabba li dawn l-iżviluppi jista' jkollhom effett fuq l-Unjoni permezz tal-interkonnettività tas-sistema finanzjarja; jitlob li l-Parlament jinżamm infurmat dwar ir-rieżamijiet regolatorji u superviżorji kontinwi ta' pajjiżi terzi; jinnota, f'dan ir-rigward, il-pakkett leġiżlattiv dwar ir-rieżami tas-sistema Ewropea ta' sorveljanza finanzjarja, li jipprevedi żieda fil-monitoraġġ wara deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fost l-oħrajn fir-rigward ta' kwistjonijiet regolatorji, ta' superviżjoni u infurzar u dwar is-sitwazzjoni fis-suq tal-pajjiż terz;

18.  Iqis li permezz tal-qafas futur tal-UE dwar l-ekwivalenza, il-pajjiżi terzi jridu jżommu lill-ASE infurmati dwar kwalunkwe żvilupp regolatorju nazzjonali u li d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza għandha tirrikjedi kooperazzjoni regolatorja u superviżorja tajba u skambju tal-informazzjoni; iqis li, bl-istess mod, il-pajjiżi terzi għandhom iżommu djalogu mill-qrib mal-UE;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina u tipprovdi qafas ċar għall-applikazzjoni trasparenti, koerenti u konsistenti ta' proċeduri ta' ekwivalenza li jintroduċi proċess imtejjeb għad-determinazzjoni, ir-rieżami, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-ekwivalenza; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' proċess ta' applikazzjoni għall-għoti tal-ekwivalenza għal pajjiżi terzi;

20.  Jitlob li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jkunu suġġetti għal monitoraġġ kontinwu mill-ASE rilevanti u sabiex ir-riżultat ta' dan il-monitoraġġ jiġi ppubblikat; jenfasizza li tali monitoraġġ għandu jindirizza l-leġiżlazzjoni, il-prattiki ta' infurzar u l-prattiki superviżorji rilevanti, kif ukoll l-emendi leġiżlattivi ewlenin u l-iżviluppi tas-suq, fil-pajjiż terz ikkonċernat; jistieden barra minn hekk lill-ASE sabiex jagħmlu valutazzjonijiet ad hoc tal-iżviluppi f'pajjiżi terzi abbażi ta' talbiet motivati mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar l-ekwivalenza tar-reġim attwali u biex tivvaluta jekk dan jikkontribwixxix biex jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u ta' pajjiżi terzi, filwaqt li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur u l-funzjonament tas-suq intern; iqis li dan ir-rieżami, flimkien ma' proposti għal titjib fejn applikabbli, għandhom isiru pubbliċi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew b'kull deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, inkluża l-ekwivalenza mogħtija, sospiża u rtirata, u biex tispjega r-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet;

23.  Ifakkar fl-importanza tal-ASE fl-analiżi u l-monitoraġġ tal-oqfsa superviżorji u regolatorji ta' pajjiżi terzi, u jitlob, f'dan ir-rigward, li l-ASE rilevanti jkollhom il-kapaċità u s-setgħat li jiġbru, iqabblu u janalizzaw id-data; ifakkar fir-rwol tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti fil-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jixtiequ jiddelegaw parti mill-immaniġġjar tal-portafoll tagħhom jew tal-ġestjoni tar-riskji lill-fornituri ta' servizzi f'pajjiżi terzi fejn ir-reġim regolatorju huwa komparabbli ma' dak tal-UE, kif ukoll fl-importanza tal-konverġenza superviżorja; jilqa' r-rieżami li għaddej tal-ASE, b'mod partikolari l-proposti dwar is-superviżjoni tad-delegazzjoni, l-esternalizzazzjoni jew l-arranġamenti ta' trasferiment tar-riskju minn istituzzjonijiet finanzjarji; iqis li l-ASE u l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jaqsmu l-aħjar prattiki u jiżguraw implimentazzjoni uniformi tal-kooperazzjoni u l-attivitajiet regolatorji ma' pajjiżi terzi;

Ir-rwol tal-UE fl-iffissar tal-istandards globali għal regolamentazzjoni finanzjarja

24.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol attiv tal-UE fl-iffissar tal-istandards globali bħala mezz li jwassal għall-konsistenza internazzjonali fir-regolamentazzjoni finanzjarja, bil-għan li tiġi mmassimizzata l-istabbiltà finanzjarja, jitnaqqsu r-riskji sistemiċi, jiġu protetti l-konsumaturi u l-investituri u jiġu evitati l-lakuni regolatorji bejn il-ġurisdizzjonijiet u tiġi żviluppata sistema finanzjarja internazzjonali effiċjenti;

25.  Jitlob il-parteċipazzjoni attiva tal-Unjoni u tal-Istati Membri f'korpi li jistabbilixxu l-istandards globali fis-servizzi finanzjarji; ifakkar fit-talbiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji;

26.  Barra minn hekk, għal dan il-għan jitlob li l-Forum Finanzjarju Regolatorju Konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti jiġi aġġornat sabiex jinkludi laqgħat aktar regolari bil-għan ta' koordinazzjoni aktar frekwenti u konsistenti;

27.  Jirrimarka li t-titjib tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u t-tisħiħ tas-swieq tal-kapital tal-UE ma jridux jitqiesu bħala reċiprokament esklużivi; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jsir progress fir-rigward tal-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0202.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0108.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0006.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0069.


It-tisħiħ tat-tkabbir u tal-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE
PDF 168kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE (2018/2054(INI))
P8_TA(2018)0327A8-0266/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) kif ukoll l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT)(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" (COM(2017)0534),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" (SWD(2017)0307),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni mal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR(10),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Frar 2017 dwar il-konnessjonijiet neqsin fit-trasport fir-reġjuni tal- fruntiera(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)(14),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0266/2018),

A.  billi l-UE u l-ġirien immedjati tagħha fi ħdan l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) għandhom 40 fruntiera interna fuq l-art u reġjuni tal-fruntieri interni tal-UE, u dawn ir-reġjuni jkopru 40 % tat-territorju tal-Unjoni, jammontaw għal 30 % tal-popolazzjoni tal-UE u jipproduċu kważi terz tal-PDG tal-UE;

B.  billi r-reġjuni tal-fruntiera, speċjalment dawk b'densità tal-popolazzjoni aktar baxxa, x'aktarx li jiffaċċjaw kundizzjonijiet aktar imwiegħra għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u ġeneralment il-prestazzjoni ekonomika tagħhom tkun aktar batuta minn reġjuni fi ħdan l-Istati Membri, u l-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħhom mhuwiex utilizzat;

C.  billi l-ostakli fiżiċi u/jew ġeografiċi jikkontribwixxu wkoll għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ristretta bejn ir-reġjuni tal-fruntiera, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE, b'mod partikolari fil-każ ta' reġjuni muntanjużi;

D.  billi, minkejja l-isforzi li diġà saru, l-ostakli – magħmula prinċipalment minn ostakli amministrattivi, lingwistiċi u legali – għadhom jippersistu u jxekklu t-tkabbir, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-koeżjoni bejn u fir-reġjuni tal-fruntieri;

E.  billi fl-2017 il-Kummissjoni stmat li t-tneħħija ta' 20 % biss tal-ostakli eżistenti fir-reġjuni tal-fruntieri ser twassal għal żieda fil-PDG tagħhom ta' 2 %, jew madwar EUR 91 biljun, li tissarraf f'madwar miljun impjieg ġdid; billi ġie rikonoxxut b'mod ġenerali li l-kooperazzjoni territorjali, inkluża l-kooperazzjoni transfruntiera, tissarraf f'valur miżjud ġenwin u viżibbli, b'mod partikolari għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu tal-fruntieri interni;

F.  billi n-numru totali ta' ħaddiema u studenti transfruntiera li huma attivi f'pajjiż ieħor tal-UE huwa ta' madwar 2 miljun, li minnhom 1.3 miljun huma ħaddiema, jirrappreżentaw 0,6 % tal-impjegati kollha madwar l-UE-28;

G.  billi fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP), 95 % tal-fondi tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) huma allokati għat-taqsimiet ewlenin ta' TEN-T, filwaqt li proġetti żgħar dwar in-netwerk komprensiv u l-interventi marbuta man-netwerk TEN-T, minkejja li essenzjali għas-soluzzjoni ta' problemi speċifiċi u għall-iżvilupp ta' konnessjonijiet u ekonomiji transfruntiera, spiss mhumiex eliġibbli għal kofinanzjament jew għal finanzjament nazzjonali;

H.  billi l-Kummissjoni għandha l-ħsieb ukoll li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha dwar ir-reġjuni tal-fruntieri marittimi interni;

I.  billi d-diversi sfidi li r-reġjuni tal-fruntieri esterni tal-UE jiffaċċjaw, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, iż-żoni rurali, iż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u r-reġjuni fl-Unjoni li jsofru mid-distanza, insularità jew żvantaġġi naturali jew demografiċi oħrajn gravi u permanenti fl-ambitu tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ikun jistħoqqilhom ukoll pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni;

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" li, bħala r-riżultat ta' sentejn ta' riċerka u djalogu, tipprovdi informazzjoni siewja dwar l-isfidi u l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni tal-fruntieri interni tal-UE; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-użu u l-pubblikazzjoni ta' prattiki tajba u stejjer ta' suċċess, kif tagħmel din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jħeġġeġ segwitu b'analiżi simili rigward ir-reġjuni tal-fruntieri esterni tal-UE;

Immirar lejn l-ostakli persistenti

2.  Jirrimarka li l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, skont l-iżvilupp tagħhom, huwa kruċjali għall-popolazzjoni ta' żoni transfruntiera interni li tammonta għal 150 miljun, u ta' spiss huwa mxekkel minn bosta ostakli legali u amministrattivi, inklużi dawk lingwistiċi; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aktar sforzi possibbli u jżidu l-kooperazzjoni biex ineħħu dawn l-ostakli u jippromwovu u jistabbilixxu l-użu ta' Gvern-e, speċjalment fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa, it-trasport, il-bini ta' infrastruttura fiżika kruċjali, l-edukazzjoni, il-kultura, l-isport, il-komunikazzjoni, il-mobilità tax-xogħol, l-ambjent, kif ukoll ir-regolamentazzjoni, il-kummerċ transfruntier u l-iżvilupp tan-negozju;

3.  Jissottolinja li l-problemi u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni tal-fruntieri huma komuni sa ċertu punt, imma wkoll ivarjaw minn reġjun għal ieħor, jew bejn l-Istati Membri, u jiddependu mill-ispeċifiċitajiet legali, amministrattivi, ekonomiċi u ġeografiċi partikolari ta' reġjun partikolari, u dan ifisser li huwa meħtieġ approċċ individwali għal kull wieħed minn dawn ir-reġjuni; jirrikonoxxi l-potenzjal tal-iżvilupp komuni tar-reġjuni transfruntiera b'mod ġenerali; jinkoraġġixxi approċċi mfassla apposta, integrati u bbażati fuq il-post, bħall-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD);

4.  Jissottolinja li l-oqfsa legali u istituzzjonali differenti tal-Istati Membri jistgħu jwasslu għal inċertezza tad-dritt fir-reġjuni tal-fruntieri, li tirriżulta f'żieda fiż-żmien meħtieġ u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-proġetti, u tikkostitwixxi ostaklu addizzjonali għaċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi fir-reġjuni tal-fruntiera u li ta' spiss ixxekkel inizjattivi pożittivi; jenfasizza, għalhekk, li huwa tajjeb li jkun hemm aktar komplementarjetà, koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar, interoperabbiltà u rieda sabiex jitneħħew l-ostakli bejn l-Istati Membri, jew tal-inqas fil-livell tar-reġjuni tal-fruntiera;

5.  Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni speċjali ta' ħaddiema transfruntiera, li huma dawk li jiġu milquta bl-aktar mod serju mill-isfidi preżenti fir-reġjuni tal-fruntieri, inkluż, b'mod partikolari, ir-rikonoxximent ta' diplomi u kwalifiki oħra miksuba wara t-taħriġ mill-ġdid, il-kura tas-saħħa, it-trasport u aċċess għal informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala, sistemi ta' sigurtà soċjali u ta' tassazzjoni; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu dawn l-ostakli u jippermettu għal aktar setgħat, fondi u biżżejjed flessibilità biex l-awtoritajiet reġjonali u lokali fir-reġjuni tal-fruntiera jikkoordinaw aħjar is-sistemi nazzjonali legali u amministrattivi ġirien sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' ħaddiema transfruntiera; jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza tat-tixrid u l-użu tal-aħjar prattiki madwar l-UE kollha; jisħaq li dawn il-problemi huma aktar kumplessi għal ħaddiema transfruntiera lejn u minn pajjiżi li mhumiex fl-UE;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi relatati ma' attivitajiet kummerċjali mwettqa fir-reġjuni tal-fruntieri, b'mod partikolari meta jkunu relatati mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet tax-xogħol u dawk kummerċjali, it-tassazzjoni, l-akkwist pubbliku u s-sistemi tas-sigurtà soċjali; jappella lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex jallinjaw jew jarmonizzaw aħjar id-dispożizzjonijiet legali rilevanti mal-isfidi ta' ċerti żoni transfruntiera, u jippromwovu l-komplimentarjetà u jiksbu konverġenza fl-oqfsa regolatorji sabiex jippermettu aktar koerenza u flessibbiltà legali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll sabiex itejbu t-tixrid tal-informazzjoni dwar kwistjonijiet transfruntiera, pereżempju billi joħolqu punti uniċi ta' servizz li jippermettu lill-ħaddiema u lill-kumpaniji jonoraw l-obbligi tagħhom u jwettqu d-drittijiet tagħhom b'mod sħiħ, hekk kif mitlub mis-sistema leġiżlattiva tal-Istat Membru fejn jipprovdu s-servizzi tagħhom; jappella għal użu aħjar mis-soluzzjonijiet eżistenti u garanziji għal finanzjament għall-istrutturi ta' kooperazzjoni eżistenti;

7.  Jesprimi diżappunt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma inkludietx valutazzjoni speċifika ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), inkluż appoġġ addizzjonali li jista' jingħatalhom; jemmen li l-SMEs jiffaċċjaw sfidi partikolari fir-rigward ta' interazzjoni transfruntiera li tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, dawk relatati mal-lingwa, il-kapaċità amministrattiva, id-differenzi kulturali u d-diverġenza legali; jisħaq li huwa tassew importanti li din l-isfida tiġi indirizzata billi l-SMEs jimpjegaw 67 % tal-ħaddiema fis-setturi kummerċjali mhux finanzjarji tal-UE u jiġġeneraw 57 % tal-valur miżjud(15);

8.  Jindika li f'reġjuni transfruntiera, speċjalment dawk b'densità tal-popolazzjoni aktar baxxa, it-trasport, b'mod partikolari s-servizzi tat-trasport pubbliku transfruntier, għadu mhux żviluppat u kkoordinat biżżejjed, parzjalment minħabba konnessjonijiet nieqsa jew mhux użati, li jxekklu l-mobilità transfruntiera u l-prospettivi għall-iżvilupp ekonomiku; jenfasizza, barra minn hekk, li l-infrastruttura tat-trasport transfruntier hija wkoll partikolarment affettwata ħażin minn arranġamenti regolatorji u amministrattivi kumplessi; jissottolinja l-potenzjal eżistenti għall-iżvilupp ta' trasport sostenibbli, primarjament abbażi tat-trasport pubbliku, u f'dan ir-rigward jistenna l-istudju li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-konnessjonijiet ferrovjarji nieqsa tul il-fruntieri interni tal-UE; jissottolinja li kwalunkwe studju jew rakkomandazzjonijiet futuri bħal dawn għandhom ikunu bbażati, fost oħrajn, fuq informazzjoni u esperjenzi tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u jieħdu kont ta' kwalunkwe proposti għall-kooperazzjoni transfruntiera u, fejn dan huwa diġà fis-seħħ, għal konnessjonijiet transfruntiera aħjar transkonfinali u jappella lill-awtoritajiet reġjonali transfruntiera biex jipproponu modi kif jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti fin-netwerks tat-trasport; ifakkar li xi infrastruttura ferrovjarja eżistenti mhijiex qiegħda tintuża aktar minħabba nuqqas ta' appoġġ; jisħaq fuq il-benefiċċji għall-ekonomiji lokali u reġjonali li jistgħu jirriżultaw minn żvilupp ulterjuri tal-passaġġi fuq l-ilma; jappella għal assi tas-CEF, b'baġit adegwat, li jkun dedikat għat-tneħħija tal-konnessjonijiet nieqsa fl-infrastruttura tat-trasport sostenibbli fir-reġjuni tal-fruntiera; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli fit-trasport li jxekklu l-attivitajiet ekonomiċi bħat-trasport, it-turiżmu u l-ivvjaġġar taċ-ċittadini;

9.  Jieħu nota li l-attrazzjoni taż-żoni transfruntiera għall-għajxien u l-investiment tiddependi ħafna fuq il-kwalità tal-ħajja, id-disponibbiltà ta' servizzi pubbliċi u kummerċjali għaċ-ċittadini u n-negozji u l-kwalità tat-trasport – kundizzjonijiet li jistgħu jintlaħqu u jinżammu biss permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll man-negozji fuq kull naħa tal-fruntiera;

10.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċeduri differenti u kumplessi ta' awtorizzazzjoni preliminari għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-metodi ta' pagament u rimborż użati, il-piżijiet amministrattivi għall-pazjenti fir-rigward ta' konsultazzjonijiet transfruntiera mal-ispeċjalisti, l-inkompatibbiltajiet fl-użu tat-teknoloġija u fil-kondiviżjoni tad-data tal-pazjenti kif ukoll in-nuqqas ta' informazzjoni unifikata aċċessibbli mhux biss jillimitaw l-aċċessibbiltà għal kull naħa tal-fruntiera, u għalhekk ifixklu l-użu komplut tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, iżda wkoll jimpedixxu lis-servizzi ta' emerġenza u salvataġġ fit-twettiq tal-interventi transfruntiera tagħhom;

11.  Jenfasizza r-rwol li r-reġjuni tal-fruntiera tal-UE jista' jkollhom rigward l-ambjent u l-preservazzjoni tiegħu, billi t-tniġġis ambjentali u d-diżastri naturali ta' spiss huma kwistjonijiet transfruntiera; jappoġġja, f'dan il-kuntest, proġetti transfruntiera dwar il-protezzjoni ambjentali għar-reġjuni tal-fruntieri esterni tal-UE, billi dawn ir-reġjuni spiss jiffaċċjaw sfidi ambjentali kkawżati minn standards ambjentali u regolamentazzjoni legali differenti fil-pajjiżi ġirien tal-UE; jappella wkoll għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar dwar il-ġestjoni tal-ilma intern biex jiġu evitati diżastri naturali bħall-għargħar;

12.  Jappella lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tindirizza l-problemi li jirriżultaw mill-ostakli fiżiċi u ġeografiċi eżistenti bejn ir-reġjuni tal-fruntiera;

Tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-fiduċja

13.  Iqis li l-fiduċja reċiproka, ir-rieda politika u approċċ flessibbli fost id-diversi livelli tal-partijiet ikkonċernati, kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak nazzjonali, huma kruċjali sabiex jiġu indirizzati l-ostakli persistenti msemmija hawn fuq; jemmen li l-valur tal-politika ta' koeżjoni għar-reġjuni tal-fruntiera huwa bbażat fuq l-għan li tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir u li din l-azzjoni għandha tinbeda fil-livell tal-Unjoni, dak tal-Istati Membri, dak reġjonali u dak lokali; jappella, għaldaqstant, għal koordinazzjoni u djalogu aħjar, skambju aktar effettiv tal-informazzjoni u aktar skambju tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet, partikolarment fil-livell lokali u dak reġjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu din il-kooperazzjoni u jipprovdu finanzjament għall-istrutturi ta' kooperazzjoni sabiex tiġi żgurata awtonomija funzjonali u finanzjarja adegwata tal-awtoritajiet lokali u reġjonali rispettivi;

14.  Jissottolinja l-importanza tal-edukazzjoni u l-kultura, u, b'mod partikolari, l-opportunitajiet biex jiżdiedu l-isforzi għall-promozzjoni tal-multilingwiżmu u d-djalogu interkulturali fir-reġjuni tal-fruntiera; jenfasizza l-potenzjal tal-iskejjel u l-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa lokali f'dawn l-isforzi u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet tal-fruntieri interni sabiex jintroduċu t-tagħlim tal-lingwi tal-pajjiżi ġirien fil-kurrikuli tagħhom mill-edukazzjoni preskolari; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza li jiġi promoss approċċ multilingwi fil-livelli amministrattivi kollha;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu r-rikonoxximent reċiproku u fehim aħjar taċ-ċertifikati, id-diplomi, u l-kwalifiki vokazzjonali u professjonali bejn reġjuni ġirien; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, l-inklużjoni ta' ħiliet speċifiċi fil-kurrikulu bl-għan li jiżdiedu l-opportunitajiet ta' impjieg transfruntier, inklużi l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet;

16.  Jinkoraġġixxi diversi miżuri li għandhom l-għan li jiġġieldu lill-forom kollha ta' diskriminazzjoni fir-reġjuni tal-fruntiera u li jneħħu l-ostakli għall-persuni vulnerabbli biex isibu impjieg u jiġu integrati fis-soċjetà; jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' intrapriżi soċjali fir-reġjuni tal-fruntiera bħala sors ta' ħolqien ta' impjiegi, b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli bħalma huma ż-żgħażagħ qiegħda u l-persuni b'diżabilità;

17.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar Gvern-e għall-2016-2020(16) bħala għodda biex tinkiseb amministrazzjoni pubblika effiċjenti u inklużiva, u jirrikonoxxi l-valur partikolari ta' dan il-pjan għal miżuri ta' semplifikazzjoni fir-reġjuni tal-fruntieri; jinnota li l-interoperabilità tas-sistemi eżistenti ta' gvern-e hija meħtieġa fil-livelli amministrattivi nazzjonali, reġjonali u lokali; huwa mħasseb madankollu dwar l-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-pjan f'xi Stati Membri; huwa wkoll imħasseb dwar l-interoperabbiltà ta' spiss inadegwata tas-sistemi elettroniċi tal-awtoritajiet u l-livell baxx ta' servizzi online disponibbli għal intraprendituri barranin li jibdew negozju f'pajjiż ieħor; jappella, għaldaqstant, biex l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiffaċilitaw l-aċċess, inklużi l-għodod lingwistiċi, għas-servizzi diġitali tagħhom għal utenti potenzjali minn żoni ġirien u jappella lill-awtoritajiet fir-reġjuni transfruntiera biex jistabbilixxu portali elettroniċi għall-iżvilupp ta' inizjattivi kummerċjali transfruntiera; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, reġjonali u lokali biex iżidu l-isforzi tagħhom fuq proġetti ta' gvern-e li jħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja u x-xogħol taċ-ċittadini tal-fruntiera;

18.  Jinnota li xi reġjuni tal-fruntieri interni u esterni qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi serji ta' migrazzjoni li ta' spiss imorru lil hinn mill-kapaċità tar-reġjuni tal-fruntiera, u jinkoraġġixxi l-użu xieraq ta' programmi Interreg, kif ukoll l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żoni tal-fruntieri, fil-qafas tal-integrazzjoni tar-rifuġjati taħt il-protezzjoni internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ u koordinazzjoni fil-livell Ewropew, kif ukoll ħtieġa li l-gvernijiet nazzjonali jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-perspettivi tagħha dwar l-indirizzar tal-isfidi ppreżentati lir-reġjuni marittimi interni kif ukoll dawk tal-fruntieri esterni; jappella għal aktar appoġġ għall-proġetti transfruntiera bejn ir-reġjuni tal-fruntieri esterni tal-UE u r-reġjuni tal-fruntiera ta' pajjiżi ġirien, b'mod partikolari reġjuni ta' dawk il-pajjiżi terzi li huma involuti fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE; itenni, f'dan il-kuntest, li l-karatteristiċi u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni tal-fruntieri kollha huma komuni sa ċertu punt, filwaqt li jeħtieġu approċċ differenzjat imfassal apposta; jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħataw attenzjoni speċjali u appoġġ adegwat lir-reġjuni ultraperiferiċi tal-fruntieri esterni tal-UE;

20.  Jisħaq li l-politika ta' koeżjoni futura għandha tqis b'mod adegwat u tipprovdi appoġġ lir-reġjuni tal-UE l-aktar milquta mill-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari dawk li, bħala riżultat ta' dan, ser isibu ruħhom tal-fruntiera tal-UE (art jew baħar);

21.  Jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-komplementarjetà tas-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-reġjuni tal-fruntiera u jiżguraw kooperazzjoni ġenwina fl-għoti ta' servizzi ta' emerġenza transfruntiera bħall-interventi għall-kura tas-saħħa, tal-pulizija u tas-servizzi tat-tifi tan-nar sabiex b'hekk jiżguraw li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-pazjenti, kif previst fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transfruntiera, kif ukoll jiżdiedu d-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi; jappella lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet biex jikkonkludu ftehimiet qafas bilaterali jew multilaterali dwar il-kooperazzjoni rigward il-kura tas-saħħa transfruntiera u, f'dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni għaż-żoni hekk imsejħa ZOAST (Zones Organisées d'Accès aux Soins Transfrontaliers) fejn ir-residenti tat-territorji tal-fruntiera jistgħu jirċievu kura tas-saħħa fuq kull naħa tal-fruntiera f'istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa apposta mingħajr ebda ostaklu amministrattiv jew finanzjarju u li saru punti ta' riferiment għall-kooperazzjoni dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera madwar l-Ewropa;

22.  Jappella lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltajiet li ttejjeb il-kooperazzjoni u tegħleb l-ostakli għall-iżvilupp reġjonali tal-fruntieri esterni ma' reġjuni ġirien, b'mod partikolari, mar-reġjuni ta' dawk il-pajjiżi li qegħdin iħejju għall-adeżjoni mal-UE;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' proġetti fuq skala żgħira u transfruntiera bil-għan li jgħaqqdu lin-nies u b'hekk jinħoloq potenzjal ġdid għall-iżvilupp lokali;

24.  Jissottolinja l-importanza li nitgħallmu mill-potenzjal tal-istejjer ta' suċċess minn xi reġjuni tal-fruntiera u nagħmlu użu ulterjuri minnu;

25.  Jissottolinja l-importanza tal-isport bħala għodda li tiffaċilita l-integrazzjoni ta' komunitajiet li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera u jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jallokaw riżorsi ekonomiċi xierqa għal programmi ta' kooperazzjoni territorjali biex tiġi ffinanzjata l-infrastruttura għall-isport lokali;

L-isfruttar ta' għodod tal-UE għal koerenza mtejba

26.  Jissottolinja r-rwol importanti u pożittiv ħafna tal-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC), u b'mod partikolari l-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali u fil-koeżjoni tar-reġjuni tal-fruntiera inklużi reġjuni marittimi u tal-fruntieri esterni; jilqa' l-fatt li fil-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027, l-ETC inżamm bħala objettiv importanti bi rwol aktar distint fi ħdan il-politika ta' koeżjoni wara l-2020 u jappella għal żieda sinifikanti fil-baġit, partikolarment għall-komponent transfruntier; jissottolinja l-valur miżjud Ewropew perċepit tal-ETC u jappella lill-Kunsill biex jadotta l-approprjazzjonijiet proposti f'dan ir-rigward; jissottolinja fl-istess waqt il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-programmi, tiġi żgurata koerenza aħjar tal-ETC mal-għanijiet ġenerali tal-UE u l-programmi jingħataw flessibilità sabiex jindirizzaw aħjar l-isfidi lokali u reġjonali, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-benefiċjarji u jiġi ffaċilitat aktar investiment fi proġetti ta' infrastruttura sostenibbli permezz tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera; jappella lill-awtoritajiet fir-reġjuni transfruntiera biex jagħmlu użu aktar intensiv mill-appoġġ mogħti permezz ta' dawn il-programmi;

27.  Jappella lill-Kummissjoni biex regolarment tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar lista ta' ostakli li jkunu tneħħew fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-użu ta' għodod innovattivi eżistenti, li jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni u l-approfondiment li għaddejjin bħalissa tal-kooperazzjoni transfruntiera, bħall-Punt Fokali tal-Fruntieri, SOLVIT imsaħħaħ, kif ukoll il-Gateway Diġitali Unika, bl-għan li jiġi organizzat għarfien espert u pariri dwar aspetti reġjonali transfruntiera, u li jiġu żviluppati ulterjorment oħrajn ġodda; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jagħmluhom diġitali b'mod standard sabiex jiżguraw servizzi pubbliċi diġitali mill-bidu sal-aħħar għaċ-ċittadini u għan-negozji fir-reġjuni tal-fruntiera;

28.  Jissottolinja l-importanza li l-Kummissjoni tiġbor informazzjoni dwar l-interazzjoni transfruntiera bil-għan ta' proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet aħjar u aktar informat f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, u tappoġġja u tiffinanzja proġetti pilota, programmi, studji, analiżi u riċerka territorjali;

29.  Jappella biex isir użu aħjar mill-potenzjal tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE fl-indirizzar tal-isfidi relatati mar-reġjuni tal-fruntiera;

30.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tkun aktar orjentata lejn l-investiment fin-nies billi l-ekonomiji tar-reġjuni tal-fruntiera jistgħu jingħataw spinta permezz ta' ġabra effettiva ta' investimenti fl-innovazzjoni, fil-kapital uman, fil-governanza tajba u fil-kapaċità istituzzjonali;

31.  Jiddispjaċih li l-potenzjal tar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali mhux qiegħed jiġi sfruttat bis-sħiħ, li jista' jkun parzjalment dovut għar-riżervi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u parzjalment għall-biża' tagħhom dwar trasferiment ta' kompetenzi u nuqqas attwali ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi rispettivi tagħhom; jappella sabiex kwalunkwe kawża oħra possibbli ta' din is-sitwazzjoni tiġi identifikata u indirizzata malajr; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jingħelbu l-ostakli għall-applikazzjoni effettiva ta' dan l-istrument; ifakkar li r-rwol prinċipali tal-Kummissjoni fil-programmi tal-ETC għandu jkun li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

32.  Iħeġġeġ li tingħata konsiderazzjoni lill-esperjenzi tal-bosta Euroregions li jeżistu u li qegħdin joperaw bejn ir-reġjuni tal-fruntiera interna u esterna tal-UE sabiex jittejbu l-opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera; jappella sabiex issir valutazzjoni tal-ħidma ta' Euroregions fil-qasam tal-kooperazzjoni reġjonali u fir-relazzjoni tagħhom mal-inizjattivi u l-ħidma tar-reġjuni tal-fruntiera tal-UE, sabiex jiġu kkoordinati u ottimizzati r-riżultati tal-ħidma tagħhom f'dan il-qasam;

33.  Jissottolinja li l-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali tikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-impatt spazjali tal-politiki; jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra tagħti rwol aktar b'saħħtu lill-Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali meta jiġu proposti inizjattivi leġiżlattivi tal-UE;

34.  Jemmen bis-sħiħ li konvenzjoni Ewropea transfruntiera (ECBC) li tippermetti, fil-każ ta' infrastruttura jew servizz transfruntieri territorjalment limitati (pereżempju sptar jew linja tat-tramm), l-applikazzjoni tal-qafas normattiv nazzjonali u/jew l-istandards ta' wieħed miż-żewġ pajjiżi jew aktar ikkonċernati tkompli tnaqqas l-ostakli transfruntiera; jilqa' f'dan il-kuntest il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier (COM(2018)0373) li ġiet ippubblikata reċentement;

35.  Jistenna l-proposta prospettiva għal regolament tal-Kummissjoni dwar għodda ta' ġestjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera sabiex tiġi vvalutata l-utilità tagħha għar-reġjuni kkonċernati;

o
o   o

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri, lill-KtR u lill-KESE.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(3) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.
(4) ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0067.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0105.
(7) Testi Adottati, P8_TA(2017)0254.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0245.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0222.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(11) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 19.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0320.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0321.
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0211.
(15) Rapport Annwali dwar l-SME Ewropej, 2016/2017, p. 6.
(16) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 – Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika" (COM(2016)0179).


Korp Ewropew ta' Solidarjetà ***I
PDF 139kWORD 58k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1288/2013, (UE) Nru 1293/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (COM(2017)0262 – C8-0162/2017 – 2017/0102(COD))
P8_TA(2018)0328A8-0060/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2017)0262),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 165(4) u 166(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0162/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tas-6 ta' April 2017, Nru 2017/2629(RSP)(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mis-Senat Ċek, il-Parlament Spanjol u l-Parlament Portugiż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv mhuwiex konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017(2),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa (PAVE) tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 u l-analiżi relatata ta' ħames snin tal-2015 tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 bit-titolu "Helping Hands",

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta' Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0060/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 ▌u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

P8_TC1-COD(2017)0102


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1475.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, 80 % tal-baġit għall-implimentazzjoni tal-Programm fl-2019 u fl-2020 għandhom isiru disponibbli permezz ta' riallokazzjonijiet speċifikati taħt is-Subintestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi) tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) u riallokazzjonijiet mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Programm LIFE. Madankollu, l-ebda riallokazzjoni ulterjuri ma għandha ssir mill-Programm Erasmus+, apparti l-ammont ta’ 231 800 000 EUR msemmi fil-proposta mill-Kummissjoni (COM(2017) 0262).

L-20 % li baqa' tal-baġit għall-implimentazzjoni tal-Programm fl-2019 u fl-2020 għandhom jitfasslu minn marġini disponibbli taħt is-Subintestatura 1a tal-QFP 2014-2020.

Hemm fehim komuni li l-Kummissjoni se tiżgura li l-approprjazzjonijiet neċessarji jsiru disponibbli permezz tal-proċedura baġitarja annwali normali b'mod bilanċjat u prudenti.

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tikkonferma li l-użu ta' approprjazzjonijiet minn riżorsi ta' assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (b'mod partikolari riallokazzjonijiet mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) għall-finanzjament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fl-2018, mhux se jintużaw mill-Kummissjoni bħala preċedent għall-proposta ta' wara l-2020 dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (COM(2018)0440)).

(1) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 68.
(2) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 160.


Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali: pakkett finanzjarju u objettiv ġenerali ***I
PDF 137kWORD 50k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u li jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu (COM(2017)0825 – C8-0433/2017 – 2017/0334(COD))
P8_TA(2018)0329A8-0227/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0825),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 175 u 197(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0433/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' April 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-18 ta' Lulju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0227/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu

P8_TC1-COD(2017)0334


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2018/1671.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠISLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMISSJONI

Rigward il-finanzjament taż-żieda tal-pakkett finanzjarju għall-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu kif ġej:

1.  EUR 40 miljun se jkunu ffinanzjati permezz tal-linja baġitarja SRSP li tinsab fl-Intestatura 1b (13.08.01) tal-QFP (Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) bil-mobilizzazzjoni tal-Marġni Globali għall-impenji f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament QFP (UE, Euratom) Nru 1311/2013 fil-qafas tal-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 tat-TFUE;

2.  EUR 40 miljun se jkunu ffinanzjati permezz tal-linja baġitarja SRSP li tinsab fl-Intestatura 2 (13.08.02) tal-QFP (Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali) permezz ta' riallokazzjonijiet għajr assistenza teknika u l-Iżvilupp Rurali taħt din l-Intestatura u mingħajr rikors għall-marġini. Is-sorsi preċiżi għal tali riallokazzjonijiet sejrin jiġu speċifikati aktar meta jkun il-waqt fid-dawl tan-negozjati tal-proċedura baġitarja għall-baġit 2019.

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

(għall-pubblikazzjoni fis-serje C tal-ĠU)

Il-Kummissjoni se tidentifika u tipproponi riallokazzjonijiet ta’ EUR 40 miljun fl-Intestatura 2 tal-MFF (Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali) f’ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-2019.

Il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Marġni Globali għall-Impenji f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament QFP (UE, Euratom) Nru 1311/2013 fil-qafas tal-proċedura baġitarja għall-2020 skont l-Artikolu 314 TFUE.

(1) ĠU C 237, 6.7.2018, p. 53.
(2) ĠU C 247, 13.7.2018, p. 54.


Il-Programm Euratom li jikkumplimenta l-Programm Qafas Orizzont 2020 *
PDF 190kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2019-2020) li jikkumplimenta l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 (COM(2017)0698 – C8-0009/2018 – 2017/0312(NLE))
P8_TA(2018)0330A8-0258/2018

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2017)0698),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0009/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0258/2018),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 4
(4)  Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tar-riċerka nukleari fil-livell tal-Komunità, hemm bżonn li jiġi stabbilit il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020 (il-"Programm Euratom"). Il-Programm Euratom jenħtieġ li jkollu l-istess objettivi bħall-Programm 2014-2018, jappoġġa l-istess attivitajiet u juża l-istess mod ta' implimentazzjoni li ta prova li huwa effiċjenti u xieraq għall-fini tal-kisba tal-objettivi tal-programm.
(4)  Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tar-riċerka nukleari fil-livell tal-Komunità u jintlaħqu l-objettivi f'dan il-qasam, hemm bżonn li jiġi stabbilit il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020 (il-"Programm Euratom"). Il-Programm Euratom jenħtieġ li jkollu l-istess objettivi bħall-Programm 2014-2018, jappoġġa l-istess attivitajiet u juża l-istess mod ta' implimentazzjoni li ta prova li huwa effiċjenti u xieraq għall-fini tal-kisba tal-objettivi tal-programm.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 6
(6)  Minkejja l-impatt potenzjali tal-enerġija nukleari fuq il-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp ekonomiku, aċċidenti nukleari serji jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, is-sikurezza nukleari u, fejn xieraq, l-aspetti tas-sigurtà ttrattati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (il-"JRC") jenħtieġ li jingħataw l-ikbar attenzjoni possibbli fil-Programm Euratom.
(6)  Minkejja l-impatt potenzjali tal-enerġija nukleari fuq il-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp ekonomiku, aċċidenti nukleari serji jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem, kif ukoll lill-ambjent, fit-terminu medju u fit-tul. Għalhekk, is-sikurezza nukleari u, fejn xieraq, l-aspetti tas-sigurtà ttrattati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (il-"JRC") jenħtieġ li jingħataw l-ikbar attenzjoni possibbli fil-Programm Euratom.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 7
(7)  Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-"Pjan SET"), stabbilit fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2008 fi Brussell, qed jaċċellera l-iżvilupp ta' portafoll ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Il-Kunsill Ewropew qabel, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Frar 2011, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha se jippromwovu l-investiment fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u f'teknoloġiji sikuri u sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u se jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tat-teknoloġija stabbiliti fil-Pjan SET. Kull Stat Membru jibqa' ħieles li jagħżel it-tip ta' teknoloġiji li jappoġġa.
(7)  Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-"Pjan SET"), stabbilit fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2008 fi Brussell, qed jaċċellera l-proċess tal-innovazzjoni fil-qasam ta' teknoloġiji Ewropej avvanzati b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Il-Kunsill Ewropew qabel, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Frar 2011, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha se jippromwovu l-investiment fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u f'teknoloġiji sikuri u sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju inkluża l-enerġija nukleari u se jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tat-teknoloġija stabbiliti fil-Pjan SET. L-Azzjoni 10 (nukleari) tal-Pjan SET għandha l-għan li: Iżżomm livell għoli ta' sikurezza tar-reatturi nukleari u taċ-ċikli tal-fjuwil assoċjati waqt l-operazzjoni u d-dekummissjonar, filwaqt li ttejjeb l-effiċjenza tagħhom. Kull Stat Membru huwa liberu li jagħżel it-tip ta' teknoloġiji li jappoġġa.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 8
(8)  Peress li l-Istati Membri kollha għandhom installazzjonijiet nukleari jew jagħmlu użu minn materjali radjuattivi b'mod partikolari għal skopijiet mediċi, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2008, irrikonoxxa l-ħtieġa kontinwa għall-ħiliet fil-qasam nukleari, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jixirqu marbutin mar-riċerka u koordinati fil-livell tal-Komunità.
(8)  Peress li l-Istati Membri kollha għandhom installazzjonijiet nukleari jew jagħmlu użu minn materjali radjuattivi b'mod partikolari għal skopijiet mediċi, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2008, irrikonoxxa l-ħtieġa kontinwa għal ħiliet fil-qasam nukleari, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ adatti fil-livelli kollha u koordinazzjoni xierqa ma' proġetti ta' riċerka fil-livell Ewropew.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 9
(9)  Filwaqt li hija l-għażla individwali ta' kull Stat Membru jekk għandux jagħmel użu mill-enerġija nukleari jew le, huwa rikonoxxut ukoll li l-enerġija nukleari taqdi rwoli differenti fi Stati Membri differenti.
(9)  Filwaqt li hija l-għażla individwali ta' kull Stat Membru jekk għandux jagħmel użu mill-enerġija nukleari jew le, huwa rikonoxxut ukoll li r-riċerka nukleari taqdi rwol importanti fl-Istati Membri kollha, mhux l-inqas fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 11
(11)  Biex il-fużjoni ssir opzjoni kredibbli għall-produzzjoni kummerċjali tal-enerġija, l-ewwel nett hemm bżonn li l-kostruzzjoni tal-ITER titlesta b'suċċess u fil-ħin u jibda l-operat tiegħu. It-tieni nett hemm bżonn li jiġi stabbilit pjan direzzjonali ambizzjuż iżda realistiku lejn il-produzzjoni tal-elettriku sal-2050. Biex jintlaħqu dawk il-miri hemm bżonn li l-programm Ewropew tal-fużjoni jiġi dirett lejn programm konġunt ta' attivitajiet li jimplimentaw dan il-pjan direzzjonali. Sabiex jiġu żgurati l-kisbiet ta' attivitajiet li għaddejjin fir-riċerka dwar il-fużjoni, kif ukoll l-impenn fit-tul tal-partijiet ikkonċernati fil-fużjoni kif ukoll il-kollaborazzjoni bejniethom, jenħtieġ li jkun żgurat l-appoġġ kontinwu tal-Komunità. Jenħtieġ li jkun hemm fokus aktar b'saħħtu primarjament fuq l-attivitajiet b'appoġġ għall-ITER, iżda wkoll fuq l-iżviluppi lejn ir-reattur ta' dimostrazzjoni, inkluż l-involviment aktar b'saħħtu, kif jixraq, mis-settur privat. Tali razzjonalizzazzjoni u ffukar mill-ġdid jenħtieġ li jinkisbu mingħajr ma jkun hemm tfixkil fit-tmexxija Ewropea tal-komunità xjentifika tal-fużjoni.
(11)  Biex il-fużjoni ssir opzjoni kredibbli għall-produzzjoni kummerċjali tal-enerġija, l-ewwel nett hemm bżonn li l-kostruzzjoni tal-ITER titlesta b'suċċess u fil-ħin u jibda l-operat tiegħu u l-Programm EURATOM jista' jagħti kontribut sinifikanti. It-tieni hemm bżonn li jiġi stabbilit pjan direzzjonali ambizzjuż iżda realistiku lejn il-produzzjoni tal-elettriku sal-2050. Biex jintlaħqu dawk il-miri hemm bżonn li l-programm Ewropew tal-fużjoni jiġi dirett lejn programm konġunt ta' attivitajiet li jimplimentaw dan il-pjan direzzjonali. Sabiex jiġu żgurati l-kisbiet ta' attivitajiet li għaddejjin fir-riċerka dwar il-fużjoni, kif ukoll l-impenn fit-tul tal-partijiet ikkonċernati fil-fużjoni kif ukoll il-kollaborazzjoni bejniethom, jenħtieġ li jkun żgurat l-appoġġ kontinwu u fit-tul tal-Komunità. Jenħtieġ li jkun hemm fokus aktar b'saħħtu primarjament fuq l-attivitajiet b'appoġġ għall-ITER, iżda wkoll fuq l-iżviluppi lejn ir-reattur ta' dimostrazzjoni, inkluż l-involviment aktar b'saħħtu, kif jixraq, mis-settur privat. Tali razzjonalizzazzjoni u ffukar mill-ġdid jenħtieġ li jinkisbu mingħajr ma jkun hemm tfixkil fit-tmexxija Ewropea tal-komunità xjentifika tal-fużjoni.
Emenda 7
Proposta għal regolament
Premessa 12
(12)  Il-JRC jenħtieġ li jkompli jipprovdi appoġġ xjentifiku u teknoloġiku indipendenti xprunat mill-konsumatur għall-formulazzjoni, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Komunità, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u tat-taħriġ fis-sikurezza u s-sigurtà nukleari. Sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u jiġi żgurat li ma jkunx hemm duplikazzjoni tar-riċerka fl-Unjoni, kwalunkwe attività ġdida mwettqa mill-JRC jenħtieġ li tkun analizzata sabiex tiġi kkontrollata l-konsistenza tagħha ma' attivitajiet eżistenti fl-Istati Membri. L-aspetti tas-sigurtà tal-Programm Qafas Orizzont 2020 jenħtieġ li jkunu limitati għall-azzjonijiet diretti tal-JRC.
(12)  Il-JRC jenħtieġ li jkompli jipprovdi appoġġ xjentifiku u teknoloġiku indipendenti xprunat mill-konsumatur għall-formulazzjoni, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Komunità, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u tat-taħriġ fis-sikurezza, is-sigurtà, is-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni nukleari. Sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u jiġi żgurat li ma jkunx hemm duplikazzjoni tar-riċerka fl-Unjoni, kwalunkwe attività ġdida mwettqa mill-JRC jenħtieġ li tkun analizzata sabiex tiġi kkontrollata l-konsistenza tagħha ma' attivitajiet eżistenti fl-Istati Membri. L-aspetti tas-sigurtà tal-Programm Qafas Orizzont 2020 jenħtieġ li jkunu limitati għall-azzjonijiet diretti tal-JRC.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Premessa 14
(14)  Fl-interess tal-Istati Membri kollha tagħha r-rwol tal-Unjoni huwa li tiżviluppa qafas biex tappoġġa riċerka konġunta mill-aktar avvanzata, il-ħolqien u l-preservazzjoni tal-għarfien dwar it-teknoloġiji tal-fissjoni nukleari, b'enfasi speċjali fuq is-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u n-nonproliferazzjoni. Dak jirrikjedi evidenza xjentifika indipendenti, li għaliha l-JRC jista' jagħti kontribut ewlieni. Dak ġie rikonoxxut fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, datata s-6 ta' Ottubru 2010, intitolata "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni", li fiha l-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ l-evidenza xjentifika għat-tfassil tal-politika permezz tal-JRC. Il-JRC jipproponi li jwieġeb għal dik l-isfida billi jiffoka r-riċerka tiegħu dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari fuq il-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni.
(14)  Fl-interess tal-Istati Membri kollha tagħha r-rwol tal-Unjoni huwa li tiżviluppa qafas biex tappoġġa riċerka mill-aktar avvanzata konġunta, il-ħolqien u l-preservazzjoni tal-għarfien dwar it-teknoloġiji tal-fissjoni nukleari, b'enfasi speċjali fuq is-sikurezza, is-sigurtà, l-ipproċessar tal-iskart nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u n-nonproliferazzjoni. Dak jirrikjedi evidenza xjentifika indipendenti, li għaliha l-JRC jista' jagħti kontribut ewlieni. Dak ġie rikonoxxut fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, datata s-6 ta' Ottubru 2010, intitolata "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni", li fiha l-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ l-evidenza xjentifika għat-tfassil tal-politika permezz tal-JRC. Il-JRC jipproponi li jwieġeb għal dik l-isfida billi jiffoka r-riċerka tiegħu dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari fuq il-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Premessa 15
(15)  Bil-għan li tiġi approfondita r-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà u tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fix-xjenza, il-Programm Euratom jenħtieġ li jiffavorixxi involviment infurmat taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni permezz tal-promozzjoni tal-edukazzjoni tax-xjenza, billi l-għarfien xjentifiku ikun iktar aċċessibbli, bl-iżvilupp ta' aġendi ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli li jissodisfaw it-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, u bl-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Programm Euratom.
(15)  Bil-għan li tiġi approfondita r-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà u tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fix-xjenza, il-Programm Euratom jenħtieġ li jiżgura provvista aħjar tal-informazzjoni biex jippermetti involviment infurmat taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet ta' riċerka u innovazzjoni permezz tal-promozzjoni tal-edukazzjoni tax-xjenza, billi l-għarfien xjentifiku ikun iktar aċċessibbli, bl-iżvilupp ta' aġendi ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli li jissodisfaw it-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, u bl-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Programm Euratom.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Premessa 17
(17)  L-eżiti tad-dibattiti li saru fis-Simpożju dwar "Il-Vantaġġi u l-Limitazzjonijiet tar-Riċerka dwar il-Fissjoni Nukleari għal Ekonomija b'Livell Baxx ta' Emissjoni ta' Karbonju" mħejji matul studju interdixxiplinarju li kien jinvolvi, fost l-oħrajn, esperti mill-oqsma tal-enerġija, l-ekonomija u x-xjenzi soċjali, organizzat flimkien mill-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fi Brussell fis-26 u s-27 ta' Frar 2013, irrikonoxxew il-ħtieġa li titkompla r-riċerka nukleari fil-livell Ewropew.
(17)  L-eżiti tad-dibattiti li saru fis-Simpożju dwar "Il-Vantaġġi u l-Limitazzjonijiet tar-Riċerka dwar il-Fissjoni Nukleari għal Ekonomija b'Livell Baxx ta' Emissjoni ta' Karbonju" mħejji matul studju interdixxiplinarju li kien jinvolvi, fost l-oħrajn, esperti mill-oqsma tal-enerġija, l-ekonomija u x-xjenzi soċjali, koorganizzat mill-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fi Brussell fis-26 u s-27 ta' Frar 2013, irrikonoxxew il-ħtieġa li titkompla r-riċerka nukleari, inkluża r-riċerka dwar il-fissjoni, fil-livell Ewropew.
Emenda 11
Proposta għal regolament
Premessa 18
(18)  Il-Programm Euratom jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-attraenza tal-professjoni tar-riċerka fl-Unjoni. Għandha tingħata attenzjoni adegwata lil Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi17, flimkien ma' oqfsa ta' referenza rilevanti oħrajn definiti fil-kuntest taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li tkun rispetata n-natura volontarja tagħhom.
(18)  Il-Programm Euratom jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-attraenza tal-professjoni tar-riċerka fl-Unjoni u jgħin sabiex iħeġġeġ liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fir-riċerka f'dan il-qasam. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni adegwata lil Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi17, flimkien ma' oqfsa ta' referenza rilevanti oħrajn definiti fil-kuntest taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li tkun rispettata n-natura volontarja tagħhom.
_________________
_________________
17 Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67).
17 Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67).
Emenda 12
Proposta għal regolament
Premessa 19
(19)  L-attivitajiet żviluppati taħt il-Programm Euratom jenħtieġ li jimmiraw li jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jindirizzaw b'mod partikolari l-kawżi sottostanti fl-iżbilanċ bejn is-sessi, billi jisfruttaw il-potenzjal kollu kemm tar-riċerkaturi nisa kif ukoll tal-irġiel u billi jintegraw d-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tal-proġetti sabiex itejbu l-kwalità tar-riċerka u jistimulaw l-innovazzjoni. L-attivitajiet jenħtieġ li jkunu mmirati wkoll lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif stipulat fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(19)  L-attivitajiet żviluppati taħt il-Programm Euratom iridu jikkonformaw mal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jindirizzaw b'mod partikolari l-kawżi sottostanti fl-iżbilanċ bejn is-sessi, billi jisfruttaw il-potenzjal kollu kemm tar-riċerkaturi nisa kif ukoll tal-irġiel, itejbu l-aċċess tagħhom għall-programmi ta' riċerka sabiex itejbu l-kwalità tar-riċerka u jistimulaw l-innovazzjoni. L-attivitajiet jenħtieġ li jkunu mmirati wkoll lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif stipulat fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Emenda 13
Proposta għal regolament
Premessa 20
(20)  L-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni appoġġati mill-Programm Euratom jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji etiċi fundamentali. Jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq l-opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet tal-enerġija tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda. L-attivitajiet ta' riċerka jenħtieġ li jqisu wkoll l-Artikolu 13 tat-TFUE u jnaqqsu l-użu tal-annimali fir-riċerka u l-ittestjar, bil-ħsieb li fl-aħħar mill-aħħar l-użu tal-annimali jiġi sostitwit. L-attivitajiet kollha jenħtieġ li jitwettqu bl-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
(20)  L-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni appoġġati mill-Programm Euratom jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji etiċi fundamentali. Jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq l-opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet tal-enerġija tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda. L-attivitajiet ta' riċerka jenħtieġ li jqisu wkoll l-Artikolu 13 tat-TFUE u jissostitwixxu l-użu tal-annimali fir-riċerka u l-ittestjar, bil-ħsieb li fl-aħħar mill-aħħar l-użu tal-annimali jiġi pprojbit. L-attivitajiet kollha jenħtieġ li jitwettqu bl-iżgurar tal-ogħla livell ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
Emenda 14
Proposta għal regolament
Premessa 21
(21)  Jenħtieġ li jinkiseb ukoll impatt ikbar bil-kombinament tal-Programm Euratom u l-fondi tas-settur privat fi sħubiji pubbliċi-privati f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-miri kompetittivi usa' tal-Unjoni. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-involviment tal-impriżi żgħar u medji.
(21)  Jenħtieġ li jinkiseb ukoll impatt ikbar bil-kombinament tal-Programm Euratom u l-fondi tas-settur privat fi sħubiji pubbliċi-privati f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-miri kompetittivi usa' tal-Unjoni. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-involviment tal-impriżi żgħar u medji, inklużi atturi innovattivi ġodda emerġenti fiż-żona tar-riċerka rilevanti.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Premessa 25
(25)  L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa jew użati skorrettament u, fejn xieraq, penali. Strateġija tal-kontroll riveduta, li tibdel il-fokus mill-minimizzazzjoni tar-rati ta' żball għal kontroll ibbażat fuq ir-riskju u d-detezzjoni tal-frodi, jenħtieġ li tnaqqas il-piż tal-kontroll għall-parteċipanti.
(25)  L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet permezz ta' proċeduri ta' awditu konġunti, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa jew użati skorrettament u, fejn xieraq, penali. Strateġija tal-kontroll riveduta, li tibdel il-fokus mill-minimizzazzjoni tar-rati ta' żball għal kontroll ibbażat fuq ir-riskju u d-detezzjoni tal-frodi abbażi ta' prinċipji u kriterji komuni fil-livell tal-UE, jenħtieġ li tnaqqas il-piż tal-kontroll għall-parteċipanti.
Emenda 16
Proposta għal regolament
Premessa 26
(26)  Huwa importanti li tiġi żgurata amministrazzjoni finanzjarja soda tal-Programm Euratom u l-implimentazzjoni tiegħu bl-iktar mod effettiv u faċli għall-utent, filwaqt li jkunu żgurati wkoll iċ-ċertezza legali u l-aċċessibbiltà tiegħu għall-parteċipanti kollha. Jeħtieġ li tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill19 u mar-rekwiżiti tas-simplifikazzjoni u regolamentazzjoni aħjar.
(26)  Huwa importanti li jiġu żgurati amministrazzjoni finanzjarja soda tal-Programm Euratom u l-implimentazzjoni tiegħu bl-iktar mod effettiv u faċli għall-utent, filwaqt li jkunu żgurati wkoll iċ-ċertezza legali u li l-benefiċjarji potenzjali jkunu infurmati kif xieraq, sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà għall-parteċipanti kollha. Jeħtieġ li tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("ir-Regolament Finanzjarju")19 u mar-rekwiżiti tas-simplifikazzjoni u regolamentazzjoni aħjar.
_________________
_________________
19 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
19 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
Emenda 17
Proposta għal regolament
Premessa 33
(33)  Il-kisba tal-objettivi tal-Programm Euratom f'oqsma rilevanti tirrikjedi appoġġ għall-attivitajiet trażversali, kemm fi ħdan il-Programm Euratom u b'mod konġunt mal-attivitajiet tal-Programm Qafas Orizzont 2020.
(33)  Il-kisba tal-objettivi tal-Programm Euratom f'oqsma rilevanti tirrikjedi appoġġ għall-attivitajiet trażversali, kemm fi ħdan il-Programm Euratom kif ukoll b'mod konġunt mal-attivitajiet tal-Programm Qafas Orizzont 2020, pereżempju fil-każ tal-azzjonijiet Marie Skłodowská Curie li jappoġġaw il-mobbiltà tar-riċerkatur.
Emenda 18
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1
1.  L-objettiv ġenerali tal-Programm Euratom huwa li jitwettqu attivitajiet ta' riċerka u taħriġ nukleari b'enfasi fuq it-titjib kontinwu tas-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, u li b'mod partikolari potenzjalment jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-sistema tal-enerġija b'mod sikur, effiċjenti u sigur. L-objettiv ġenerali għandu jiġi implimentat permezz tal-attivitajiet speċifikati fl-Anness I fil-forma ta' azzjonijiet diretti u indiretti li jindirizzaw l-objettivi speċifiċi stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.
1.  L-objettiv ġenerali tal-Programm Euratom huwa li jitwettqu attivitajiet ta' riċerka u taħriġ nukleari b'enfasi fuq it-titjib kontinwu tas-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, u li b'mod partikolari jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-sistema tal-enerġija b'mod sikur, effiċjenti u sigur. L-objettiv ġenerali għandu jiġi implimentat permezz tal-attivitajiet speċifikati fl-Anness I fil-forma ta' azzjonijiet diretti u indiretti li jindirizzaw l-objettivi speċifiċi stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.
Emenda 19
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt a
(a)  jappoġġaw l-operat sikur ta' sistemi nukleari;
(a)  jappoġġaw l-operat sikur ta' sistemi nukleari, fost l-oħrajn permezz ta' spezzjonijiet strutturali transfruntiera f'każ ta' faċilitajiet nukleari fil-viċinanza ta' fruntiera nazzjonali waħda jew aktar ma' Stati Membri oħra;
Emenda 20
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 2 – punt b
(b)  jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' sigurtà aktar fit-tul għall-ġestjoni ta' skart nukleari aħħari inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trażmutazzjoni;
(b)  jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u ma' pajjiżi terzi fl-identifikazzjoni u fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sikuri fit-tul għall-ġestjoni ta' skart nukleari aħħari inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trasmutazzjoni;
Emenda 21
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 3 – subparagrafu 1 – punt a
(a)  itejbu s-sikurezza nukleari inkluż: is-sikurezza tar-reatturi nukleari u tal-fjuwil, il-ġestjoni tal-iskart, inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll is-separazzjoni u t-trażmutazzjoni; id-dekummissjonar, u t-tħejjija għal emerġenza;
(a)  itejbu s-sikurezza nukleari inkluż: is-sikurezza tar-reatturi nukleari u tal-fjuwil, il-ġestjoni tal-iskart biex jiġi evitat kwalunkwe impatt mhux mixtieq fuq il-bniedem jew l-ambjent, inklużir-rimi ġeoloġiku finali kif ukoll is-separazzjoni u t-trasmutazzjoni; id-dekummissjonar, u t-tħejjija għal emerġenza;
Emenda 22
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 3 – subparagrafu 1 – punt b
(b)  it-titjib tas-sigurtà nukleari inkluż: is-salvagwardji nukleari, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali u l-forensika nukleari;
(b)  it-titjib tas-sigurtà nukleari inkluż: is-salvagwardji nukleari, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali u l-forensika nukleari, ir-rimi ta' materjali bażiċi u skart radjuattiv, il-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki u t-tnaqqis tar-riskji ta' terroriżmu fuq impjanti għall-enerġija nukleari kif ukoll spezzjonijiet strutturali transfruntiera f'każ ta' faċilitajiet nukleari fil-viċinanza ta' fruntiera nazzjonali waħda jew aktar ma' Stati Membri oħra tal-UE;
Emenda 23
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 3 – subparagrafu 1 – punt d
(d)  irawmu l-ġestjoni tal-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ;
(d)  irawmu l-ġestjoni tal-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż taħriġ professjonali fit-tul sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi permanenti li saru possibbli permezz ta' teknoloġiji ġodda;
Emenda 24
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 4
4.  Il-Programm Euratom għandu jiġi implimentat b'tali mod li jiżgura li l-prijoritajiet u l-attivitajiet appoġġati huma rilevanti għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu u jqisu n-natura li qed tevolvi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika, is-swieq u s-soċjetà, bil-għan li jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u finanzjarji u tiġi evitata d-duplikazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp nukleari fl-Unjoni.
4.  Il-Programm Euratom għandu jiġi implimentat b'tali mod li jiżgura li l-prijoritajiet u l-attivitajiet appoġġati huma rilevanti għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu u jqisu n-natura li qed tevolvi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika – b'mod partikolari l-politika dwar l-enerġija u dik ambjentali – is-swieq u s-soċjetà, bil-għan li jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u finanzjarji, biex jinħolqu sinerġiji akbar bejn il-proġetti u l-programmi eżistenti u tiġi evitata d-duplikazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp nukleari fl-Unjoni.
Emenda 25
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 2
2.  Il-pakkett finanzjarju tal-Programm Euratom jista' jkopri spejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni ta' dak il-Programm u għall-kisba tal-objettivi tiegħu, b'mod partikolari l-istudji u l-laqgħat tal-esperti, sa fejn huma relatati mal-objettivi ġenerali ta' dan ir-Regolament, u l-ispejjeż marbuta man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien ma' kull spiża oħra ta' assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm Euratom. L-ispejjeż għal azzjonijiet kontinwi u ripetittivi bħall-kontroll, il-verifika u netwerks tal-IT se jiġu koperti fi ħdan il-limiti tan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni speċifikata fil-paragrafu 1.
2.  Il-pakkett finanzjarju tal-Programm Euratom jista' jkopri spejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni ta' dak il-Programm u għall-kisba tal-objettivi tiegħu, b'mod partikolari l-istudji u l-laqgħat tal-esperti, sa fejn huma relatati mal-objettivi ġenerali ta' dan ir-Regolament, u l-ispejjeż marbuta man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, u s-sigurtà ta' dawk in-netwerks, flimkien ma' kull spiża oħra ta' assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm Euratom. L-ispejjeż għal azzjonijiet kontinwi u ripetittivi bħall-kontroll, il-verifika u netwerks tal-IT se jiġu koperti fi ħdan il-limiti tan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni speċifikata fil-paragrafu 1.
Emenda 26
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt c
(c)  pajjiżi jew territorji assoċjati mas-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka ta' Euratom jew mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom 2014-2018.
(c)  pajjiżi jew territorji assoċjati mas-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka ta' Euratom jew mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom 2014-2018, jew li jipparteċipaw fih bħala Stat Membru.
Emenda 27
Proposta għal regolament
Artikolu 11 – paragrafu 3
3.  Il-programmi ta' ħidma msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom iqisu l-istat tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali u tal-iżviluppi rilevanti tal-politika, is-suq u s-soċjetà. Dawn għandhom ikunu aġġornati kif u meta jkun xieraq.
3.  Il-programmi ta' ħidma msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom iqisu l-istat tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali u tal-iżviluppi rilevanti tal-politika, is-suq u s-soċjetà. Dawn għandhom ikunu aġġornati kif u meta jkun xieraq, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet rilevanti magħmula mill-Gruppi ta' Esperti indipendenti tal-Kummissjoni stabbiliti biex jevalwaw il-Programm EURATOM.
Emenda 28
Proposta għal regolament
Artikolu 15 – paragrafu 1
Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni adegwata tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-impatt ta' innovazzjoni fuqhom u s-settur privat inġenerali fil-Programm Euratom. Għandhom jitwettqu valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tal-parteċipazzjoni tal-SMEs bħala parti mill-arranġamenti tal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ.
Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni adegwata tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), inklużi atturi innovattivi ġodda emerġenti fil-qasam tar-riċerka rilevanti u l-impatt ta' innovazzjoni fuqhom u s-settur privat inġenerali fil-Programm Euratom. Għandhom jitwettqu valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tal-parteċipazzjoni tal-SMEs bħala parti mill-arranġamenti tal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ.
Emenda 29
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 2
2.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta r-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 u tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku.
2.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta r-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1, tikkomunikahom lill-Parlament u tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku.
Emenda 30
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 2
L-enerġija nukleari tikkostitwixxi element fid-dibattitu dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija importata. Fil-kuntest usa' tas-sejba ta' taħlita ta' enerġija sostenibbli għall-futur, il-Programm Euratom se jikkontribwixxi wkoll permezz tal-attivitajiet ta' riċerka tiegħu għad-dibattitu dwar il-benefiċċji u l-limitazzjonijiet tal-enerġija mill-fissjoni nukleari għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. Billi jiżguraw it-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari, it-teknoloġiji nukleari aktar avvanzati jistgħu joffru wkoll il-prospett ta' titjib sinifikanti fl-effiċjenza u fl-użu tar-riżorsi u l-produzzjoni ta' inqas skart mid-disinni attwali. L-aspetti tas-sikurezza nukleari se jieħdu l-akbar attenzjoni possibbli.
L-enerġija nukleari tagħmel kontribut importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija importata. Fil-kuntest usa' tas-sejba ta' taħlita ta' enerġija sostenibbli għall-futur, il-Programm Euratom se jikkontribwixxi wkoll permezz tal-attivitajiet ta' riċerka tiegħu biex jinżammu l-vantaġġi teknoloġiċi tal-fissjoni nukleari għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. Billi jiżguraw it-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari, it-teknoloġiji nukleari aktar avvanzati jistgħu joffru wkoll il-prospett ta' titjib sinifikanti fl-effiċjenza u fl-użu tar-riżorsi u l-produzzjoni ta' inqas skart mid-disinni attwali. L-aspetti tas-sikurezza nukleari se jingħataw l-akbar attenzjoni possibbli.
Emenda 31
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 6 – punt a – paragrafu 2
F'konformità mal-objettiv ġenerali, appoġġ għal attivitajiet ta' riċerka konġunta li jikkonċernaw l-operat sikur u d-dekummissjonar tas-sistemi tar-reatturi (inkluż il-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil) li qed jintużaw fl-Unjoni jew, sa fejn huwa meħtieġ sabiex jinżamm għarfien espert mifrux dwar is-sikurezza nukleari fl-Unjoni, dawk it-tipi ta' reatturi li jistgħu jintużaw fil-futur, filwaqt li jiffukaw esklussivament fuq l-aspetti tas-sikurezza, inkluż l-aspetti kollha taċ-ċiklu tal-fjuwil bħas-separazzjoni u t-trażmutazzjoni.
F'konformità mal-objettiv ġenerali, appoġġ għal attivitajiet ta' riċerka konġunta li jikkonċernaw l-operat sikur u d-dekummissjonar tas-sistemi tar-reatturi (inklużi l-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil) li qed jintużaw fl-Unjoni jew, sa fejn huwa meħtieġ sabiex jinżamm għarfien espert mifrux dwar is-sikurezza nukleari fl-Unjoni, dawk it-tipi ta' reatturi jistgħu jintużaw fil-futur fl-aspetti kollha taċ-ċiklu tal-fjuwil bħas-separazzjoni u t-trasmutazzjoni.
Emenda 32
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 9 – punt a – paragrafu 2 – punt 3
(3)  skambju mal-partijiet ikkonċernati biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni biex twieġeb għall-aċċidenti u l-inċidenti nukleari billi ssir riċerka dwar is-sistemi ta' allert u l-mudelli għat-tixrid radjoloġiku fl-arja, u permezz tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-għarfien espert għall-analiżi u l-immudellar tal-aċċidenti nukleari.
(3)  skambju mal-partijiet ikkonċernati biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni biex twieġeb għall-aċċidenti u l-inċidenti nukleari billi ssir riċerka dwar is-sistemi ta' allert u l-mudelli għat-tixrid radjoloġiku fl-ambjent (l-arja, l-ilma u l-ħamrija), u permezz tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-għarfien espert għall-analiżi u l-immudellar tal-aċċidenti nukleari.
Emenda 33
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 11
Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Programm Euratom, se jiġu żgurati rabtiet u interfaċċi adattati, bħal sejħiet konġunti, mal-Programm Speċifiku tal-Programm Qafas Orizzont 2020.
Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Programm Euratom u sabiex tinħoloq sinerġija bejn l-attivitajiet nukleari u dawk mhux nukleari u t-trasferiment tal-għarfien f'oqsma rilevanti, se jiġu żgurati rabtiet u interfaċċi adattati, bħal sejħiet konġunti, mal-Programm Speċifiku tal-Programm Qafas Orizzont 2020.
Emenda 34
Proposta għal regolament
Anness II – parti 1 – punt b – parti introduttorja
(b)  Kontribut għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' sikurezza aktar fit-tul għall-ġestjoni ta' skart nukleari aħħari, inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trażmutazzjoni
(b)  Kontribut għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' sikurezza fit-tul għall-ġestjoni ta' skart nukleari aħħari, inklużi r-rimi ġeoloġiku finali kif ukoll is-separazzjoni u t-trasmutazzjoni
Emenda 36
Proposta għal regolament
Anness II – parti 1 – punt g – parti introduttorja
(g)  Promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali
(g)  Promozzjoni tal-innovazzjoni

Miżuri biex jiġu evitati u miġġielda l-mobbing u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fl-ispazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE
PDF 185kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE (2018/2055(INI))
P8_TA(2018)0331A8-0265/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ bit-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009(1), u, b'mod partikolari, l-Artikoli 1, 20, 21, 23 u 31 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tal-2014 bit-titlu "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, li tiddefinixxi u tikkundanna l-fastidju u l-fastidju sesswali(4),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-EIGE ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Il-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa u l-bniet",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tad-19 ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti legali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikolari tad-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-fastidju sesswali u l-vjolenza fuq in-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni tal-25 ta' Ġunju 1993 adottati mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993, ir-Riżoluzzjoni dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-kriminalità u għall-ġustizzja kriminali sabiex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa tal-21 ta' Lulju 1997, ir-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza fuq in-nisa, u r-rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 mill-kumitat CEDAW,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(5) (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (Direttiva dwar in-Nisa fuq Bordijiet) (COM(2012)0614),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Fastidju u l-Vjolenza fuq il-Post tax-Xogħol tas-26 ta' April 2007 bejn KETU/CES, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew għall-korpi tal-ugwaljanza (EQUINET) bit-titlu "The Persistence of Discrimination, Harassment and Inequality for Women. The work of equality bodies informing a new European Commission Strategy for Gender Equality" (Il-Persistenza tad-Diskriminazzjoni, il-Fastidju u l-Inugwaljanza fil-konfront tan-Nisa. Ix-xogħol tal-korpi tal-ugwaljanza li jinfurmaw dwar Strateġija ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport EQUINET bit-titlu "Harassment on the Basis of Gender and Sexual Harassment: Supporting the Work of Equality Bodies" (Fastidju Abbażi tal-Fastidju Sesswali u dak ibbażat fuq il-Ġeneri: Appoġġ għall-Ħidma tal-Korpi tal-Ugwaljanza), ippubblikat fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 40 tagħha(6), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol(8), tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(9), tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(10), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(11), tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(12) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li takkumpanjahom ta' Novembru 2013, u tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014-2015(14), tal-10 ta' Marzu 2015 dwar progress dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(15), tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(17),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions bit-titlu "Safe at home, safe at work – Trade union strategies to prevent, manage and eliminate work-place harassment and violence against women" (Sikuri d-dar, sikuri fuq il-post tax-xogħol – Strateġiji tat-trade unions sabiex jiġu evitati, ġestiti u eliminati l-fastidju u l-vjolenza fuq in-nisa fuq il-post tax-xogħol),

–  wara li kkunsidra r-rapport għal-Laqgħa ta' Esperti dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Irġiel fid-Dinja tax-Xogħol (3-6 ta' Ottubru 2016), organizzata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Unjoni Interparlamentari bit-titlu "Sexism, harassment and violence against women parliamentarians (2016)" (Sessiżmu, fastidju u vjolenza fuq il-parlamentari nisa, ippubblikat fl-2016(18),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu "Bullying and sexual harassment at the workplace, in public spaces, and in political life in the EU" (il-Bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu f'Marzu 2018(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0265/2018),

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE, rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-vjolenza bbażata fuq is-sessi tirriżulta minn bilanċ ta' poter u responsabbiltajiet mhux ugwali fir-relazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa u hija marbuta mal-patrijarkiżmu u d-diskriminazzjoni persistenti bbażata fuq is-sessi;

B.  billi l-anzjani, speċjalment in-nisa waħedhom aktar anzjani, jirrappreżentaw grupp soċjali partikolarment vulnerabbli meta jħabbtu wiċċhom ma' fastidju psikoloġiku u fiżiku u bullying;

C.  billi l-fastidju sesswali huwa ddefinit fid-Direttiva 2002/73/KE bħala "fejn kwalunkwe forma ta' mġiba mhux mixtieqa verbali jew mhux verbali ta' natura sesswali sseħħ bl-iskop jew bl-effett li twaqqa' d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta toħloq intimidazzjoni, ambjent ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv";

D.  billi din id-definizzjoni għandha tiġi riformulata fid-dawl tal-iżviluppi u d-drawwiet soċjali u teknoloġiċi, li maż-żmien raw evoluzzjoni u tibdil;

E.  billi l-ġlieda kontra l-fastidju minħabba raġunijiet ta' tqala u ta' maternità hija meħtieġa sabiex jinkiseb bilanċ reali bejn ix-xogħol u l-ħajja għan-nisa;

F.  billi l-fastidju sesswali huwa forma ta' vjolenza u huwa l-aktar forma estrema, saħansitra persistenti, ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi; billi madwar 90 % tal-vittmi ta' fastidju sesswali huma nisa u madwar 10 % huma rġiel; billi, skont studju tal-FRA li twettaq fl-2014 madwar l-UE bit-titlu "Violence against women" (Il-vjolenza fuq in-nisa), mara waħda minn kull tlieta esperjenzat vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħha; billi sa 55 % tan-nisa ġarrbu fastidju sesswali fl-UE; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE rrappurtaw li l-awtur kien superjur, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikjedu kwalifiki speċifiċi jew f'impjiegi ta' maniġment superjuri ġarrbu fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi kienu soġġetti għal fastidju sesswali; billi, b'mod globali, bejn 5 % u 10 % tal-forza tax-xogħol Ewropea qed tkun soġġetta għal bullying fi kwalunkwe ħin speċifiku;

G.  billi l-fastidju sesswali u dak psikoloġiku huma pprojbiti fl-impjiegi fil-livell tal-UE, inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, u jaqgħu taħt il-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà;

H.  billi hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE li jkomplu jtejbu l-mekkaniżmi fis-seħħ billi jimplimentaw ir-regoli l-aktar effiċjenti sabiex jissensibilizzaw dwar id-definizzjoni ta' fastidju sesswali u jipproteġu lill-ħaddiema;

I.  billi l-każijiet ta' fastidju sesswali huma rrappurtati b'mod sinifikantement aktar baxx minħabba s-sensibilizzazzjoni soċjali baxxa dwar il-kwistjoni, il-biża' u l-mistħija assoċjati mat-taħdit ma' persuni oħra dwar is-suġġett, il-biża' mit-tkeċċija, id-diffikultajiet fil-ksib ta' evidenza ir-rappurtar insuffiċjenti, il-kanali għall-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-vittmi, u n-normalizzazzjoni tal-vjolenza;

J.  billi r-rappurtar ta' fastidju sesswali fuq ix-xogħol jista' f'ħafna każijiet iwassal għal tkeċċija jew iżolament tal-vittma fuq il-post tax-xogħol; billi reati anqas serji, meta jitħallew mhux ittrattati, jipprovdu motivazzjoni għal reati aktar serji;

K.  billi l-bullying u l-fastidju sesswali jkomplu jirrappreżentaw problemi serji f'varjetà ta' kuntesti soċjali, inkluż il-post tax-xogħol, l-ispazji pubbliċi, l-ispazji virtwali bħall-internet, u l-ħajja politika, u qed jitwettqu dejjem aktar bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju siti web jew netwerks soċjali, li jippermettu lil dawk li jwettqu r-reati jħossuhom sikuri fl-anonimità;

L.  billi fil-kuntest ta' forom ġodda emerġenti tal-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħajja soċjali u nuqqas ta' ċarezza fil-konfini bejn il-ħajja privata, professjonali u soċjali, l-imġiba negattiva lejn individwi jew gruppi soċjali tista' tiġi intensifikata; billi l-bullying fuq il-post tax-xogħol jista' ħafna drabi jieħu varjetà ta' forom, u jseħħ kemm fir-relazzjonijiet vertikali (imwettqa minn superjur jew minn subordinati) kif ukoll fir-relazzjonijiet orizzontali (imwettqa minn kollegi tax-xogħol fl-istess livell tal-ġerarkija);

M.  billi l-fastidju sesswali u dak psikoloġiku huma fenomeni li jinvolvu vittmi u awturi ta' kull età, sfond edukattiv u kulturali, introjti u pożizzjonijiet soċjali, u billi dan il-fenomenu għandu konsegwenzi fiżiċi, sesswali, emozzjonali u psikoloġiċi għall-vittmi; billi l-isterjotipi tas-sessi u s-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessista, offline u online, huma l-kawżi prinċipali ta' bosta forom ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u jipprevjenu l-emanċipazzjoni tan-nisa;

N.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tiddefinixxi l-vjolenza bbażata fuq is-sessi bħala ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza sesswali (inklużi stupru, attakki u fastidji sesswali); billi l-vittmi nisa ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi u t-tfal tagħhom ta' spiss jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli li jiġu ripetuti l-vittimizzazzjoni, l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza;

O.  billi l-vjolenza fid-dinja tax-xogħol ta' spiss hija indirizzata b'mod sporadiku, li primarjament jiffoka fuq forom aktar viżibbli, bħall-vjolenza fiżika; billi, madankollu, il-fastidju sesswali u dak psikoloġiku jista' jkollhom effetti distruttivi saħansitra akbar fuq l-individwu kkonċernat;

P.  billi l-atti ta' sessiżmu u l-fastidju sesswali li jirriżulta, li n-nisa jistgħu jkunu soġġetti għalihom fuq il-post tax-xogħol, huma fattur kontribwenti li jimbuttahom 'il barra mis-suq tax-xogħol, li għandu effett negattiv fuq l-indipendenza ekonomika u fuq id-dħul tal-familja tagħhom;

Q.  billi n-nisa li huma vittmi ta' fastidju u vjolenza f'żoni rurali u remoti fl-UE normalment ikollhom aktar diffikultà biex jiksbu l-assistenza sħiħa u l-protezzjoni mill-aggressuri;

R.   billi l-effetti kemm tal-fastidju fiżiku kif ukoll dak verbali, inkluż dak imwettaq online, għandhom effetti ta' ħsara mhux biss fuq terminu qasir iżda wkoll fuq terminu twil, u jistgħu jinkludu per eżempju l-istress u d-depressjoni klinika severa u anki jwasslu lill-vittmi għas-suwiċidju, kif intwera miż-żieda fir-rapporti ta' tali każijiet; billi, flimkien mar-riżultati negattivi tas-saħħa, il-bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol għandhom ukoll impatti negattivi fuq il-karriera ta' individwu, fuq l-organizzazzjonijiet u fuq is-soċjetà, bħal żieda fl-assenteiżmu, produttività u kwalità tas-servizz imnaqqsa, u t-telf ta' kapital uman;

S.  billi d-dritt tal-UE jirrikjedi lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE li jiżguraw li jkun stabbilit korp tal-ugwaljanza biex jipprovdi għajnuna indipendenti lill-vittmi ta' fastidju, iwettaq stħarriġ indipendenti, jiġbor data rilevanti, diżaggregata u komparabbli, iwettaq riċerka dwar definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet, jippubblika rapporti indipendenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-impjieg u t-taħriġ, dwar l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provvista tagħhom, u għal dawk impjegati għal rashom;

T.  billi n-nisa fl-UE mhumiex protetti b'mod ugwali kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sessi u l-fastidju sesswali u psikoloġiku minħabba l-fatt li l-politiki u l-leġiżlazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor; billi s-sistemi ġudizzjarji mhux dejjem jipprovdu biżżejjed appoġġ lin-nisa; billi l-awturi tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi ta' spiss ikunu persuni li l-vittma diġà tkun tafhom, u billi, f'ħafna każijiet, il-vittmi jkunu f'pożizzjoni ta' dipendenza, filwaqt li dan il-fatt iżid il-biża' tagħhom biex jirrappurtaw il-vjolenza;

U.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda mhux kollha rratifikawha, u billi dan id-dewmien qed jimpedixxi l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni;

V.  billi s-sessiżmu u l-fastidju sesswali u psikoloġiku tan-nisa parlamentari huma reali u mifruxa; billi l-awturi tal-fastidju u tal-voljenza ma jappartjenux biss għall-gradi ta' avversarji politiċi, iżda jistgħu jkunu wkoll membri tal-istess partit politiku, kif ukoll mexxejja reliġjużi, awtoritajiet lokali, u saħansitra membri tal-familja;

W.  billi l-politiċi, bħala rappreżentanti eletti taċ-ċittadini, għandhom responsabbiltà kruċjali li jaġixxu bħala mudelli pożittivi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fis-soċjetà;

X.  billi l-leġittimità tan-nisa fl-isfera politika għadha xi kultant tiġi sfidata, u billi n-nisa huma vittmi ta' sterjotipi, li jiskoraġġuhom milli jinvolvu ruħhom fil-politika, fenomenu li huwa partikolarment kospikwu kull fejn in-nisa fil-politika jkunu inqas rappreżentati;

Y.  billi la l-parlamenti nazzjonali u reġjonali kollha, u lanqas il-kunsilli lokali kollha m'għandhom fis-seħħ strutturi u regoli interni speċifiċi li jistabbilixxu mezzi xierqa sabiex jiġu żgurati tressiq u trattament sikuri, kunfidenzjali ta' lmenti dwar fastidju; billi t-taħriġ dwar il-fastidju sesswali u psikoloġiku jenħtieġ li jkun obbligatorju għall-persunal kollu u għall-membri kollha tal-parlament, inkluż il-Parlament Ewropew;

Z.  billi l-vjolenza domestika hija wkoll kwistjoni ta' post tax-xogħol, peress li jista' jkollha impatt fuq il-parteċipazzjoni, il-prestazzjoni u s-sikurezza tax-xogħol tal-vittma;

AA.  billi l-fastidju sesswali u psikoloġiku ma jsirux biss fuq il-post tax-xogħol, iżda anke fi spazji pubbliċi, inkluż f'ambjenti edukattivi formali u informali, f'faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u ta' rikreazzjoni, fit-toroq u fit-trasport pubbliku;

AB.  billi l-istalking ċibernetiku u l-fastidju ċibernetiku jinvolvu l-użu ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni biex iwettqu stalking, jagħtu fastidju, jikkontrollaw jew jimmanipulaw persuna; billi l-fastidju ċibernetiku huwa problema partikolari għaż-żgħażagħ nisa minħabba li dawn jagħmlu użu akbar minn dawn il-mezzi; billi 20 % taż-żgħażagħ nisa (ta' bejn it-18 u d-29 sena) fl-UE-28 esperjenzaw fastidju ċibernetiku;

AC.  billi studju tal-2016 sab li aktar minn nofs in-nisa esperjenzaw xi forma ta' fastidju sesswali fuq il-postijiet tax-xogħol fir-Renju Unit, iżda erbgħa minn kull ħamsa ma rrappurtawx il-fastidju lil min iħaddimhom(20);

AD.  billi t-teknoloġiji ġodda għandhom ukoll il-potenzjal li jkunu alleat fl-analiżi, il-fehim u l-prevenzjoni ta' każijiet ta' vjolenza;

AE.  billi n-nisa, in-nisa żgħażagħ b'mod partikolari, qed jiġu soġġetti għal bullying u fastidju sesswali li jinvolvu l-użu ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju siti web u netwerks soċjali, xi drabi organizzati permezz ta' fora jew gruppi sigrieti fuq il-midja soċjali; billi dawn l-atti jinkludu theddid ta' stupru, theddid tal-mewt, attentati ta' hacking u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni privata u ritratti; billi, fil-kuntest tal-użu mifrux tal-midja online u soċjali, huwa stmat li waħda minn kull għaxar bniet kienet diġà esperjenzat, sal-età ta' 15-il sena, xi forma ta' vjolenza ċibernetika, inkluż stalking ċibernetiku u fastidju; billi n-nisa li jkollhom rwol pubbliku, fost l-oħrajn il-ġurnalisti u b'mod partikolari LGBTI u nisa b'diżabbiltà, huma l-mira ewlenija ta' bullying ċibernetiku u vjolenza online, u billi xi wħud kellhom iħallu n-netwerks soċjali bħala riżultat, peress li jkunu esperjenzaw biża' fiżika, stress, problemi ta' konċentrazzjoni, biża' li jmorru d-dar u inkwiet dwar l-għeżież tagħhom;

AF.  billi l-prevenzjoni ta' fastidju f'ambjenti tax-xogħol tista' tinkiseb biss meta kemm il-kumpaniji privati kif ukoll dawk pubbliċi joħolqu kultura li fiha n-nisa jiġu ttrattati bħala ugwali u l-impjegati jittrattaw lil xulxin b'rispett;

AG.  billi r-riċerka wriet li l-fastidju huwa komuni ħafna fil-postijiet tax-xogħol fejn l-irġiel jiddominaw il-maniġment u n-nisa għandhom ftit poter, bħall-industriji tad-divertiment u tal-midja, iżda li dan jiġri wkoll f'kumpaniji tat-teknoloġija u tal-liġi, fil-bejgħ u f'ħafna setturi oħra jekk timijiet ta' maniġment iddominati mill-irġiel jittolleraw it-trattament sesswalizzat tal-ħaddiema; billi kumpaniji b'aktar nisa fil-maniġment għandhom inqas fastidju sesswali;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza kontra n-nisa (VAW) kif deskritt f'CEDAW u l-Konvenzjoni ta' Istanbul;

2.  Jenfasizza li l-fastidju sesswali huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut ma' strutturi ta' poter patrijarkali li jeħtieġ li jingħata sura ġdida bħala kwistjoni ta' urġenza;

3.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-irġiel kollha sabiex jitneħħew il-forom kollha ta' fastidju u vjolenza sesswali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jinvolvu b'mod attiv lill-irġiel f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' prevenzjoni, kif ukoll f'kampanji edukattivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li l-kampanji ta' prevenzjoni jeħtieġ ukoll li jiffokaw fuq reati inqas serji;

4.  Isostni li miżuri ta' sensibilizzazzjoni u kampanji għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra tfajliet u nisa għandhom jiġu estiżi għas-subien ukoll u għandhom jiġu organizzati matul l-istadji inizjali tal-edukazzjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni korretta tad-direttivi tal-UE li jipprojbixxu l-fastidju sesswali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni u leġiżlazzjoni nazzjonali komprensivi dwar il-VAW, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa biex jipprovdu riżorsi adegwati, inkluż imma mhux limitat għal taħriġ tal-persunal u ffinanzjar suffiċjenti, għall-korpi tal-ugwaljanza;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkompila eżempji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u psikoloġiku u l-fastidju rigward it-tqala u l-maternità fuq il-post tax-xogħol u fi sferi oħra, u xxerred ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni b'mod wiesa';

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa u adegwati għal programmi u azzjonijiet kontra l-fastidju sesswali u psikoloġiku kontra n-nisa fil-livelli kollha, b'enfasi partikolari fuq l-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-mezzi pprovduti mill-innovazzjoni, pereżempju permezz ta' investiment akbar fi proċessi ta' riċerka u innovazzjoni li jfittxu li jittimbraw dan il-fenomenu;

9.  Jistieden lill-Ombudsman Ewropew tiġbor data dwar ir-regoli ta' protezzjoni differenti li jeżistu fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u toħroġ konklużjonijiet vinkolanti sabiex tarmonizza r-regoli bl-aħjar standards;

10.  Jiddispjaċih li xi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan, biex jirratifikawha u jimplimentawha bis-sħiħ mingħajr dewmien; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri li diġà rratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jimplimentawha b'mod sħiħ;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiksbu stampa ċara tal-kwistjoni dwar il-fastidju sesswali madwar l-UE bi studji aħjar u xjentifikament aktar sodi, inklużi sfidi ġodda bħall-bullying ċibernetiku;

12.  Jilqa' d-dibattitu pubbliku ġdid mifrux, inkluż fuq il-midja soċjali, li qed jikkontribwixxi għat-tfassil mill-ġdid tal-konfini fir-rigward tal-fastidju sesswali u tal-imġiba aċċettabbli; jilqa', b'mod partikolari, inizjattivi bħall-moviment #MeToo u jappoġġja bis-sħiħ lin-nisa u lit-tfajliet kollha li pparteċipaw fil-kampanja, inklużi dawk li ddenunzjaw lill-awturi tagħhom;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex tikkumbatti l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi u fil-ħajja politika, u biex tinkludi fiha definizzjoni aġġornata u komprensiva ta' fastidju (kemm sesswali kif ukoll mod ieħor) u fastidju morali;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu miġġielda l-fastidju jew l-intimidazzjoni persistenti u prolongati tal-ħaddiema li jikkawżaw, jew huma maħsuba biex jikkawżaw l-umiljazzjoni jew l-iżolament tagħhom jew l-esklużjoni tagħhom mit-tim ta' koħaddiema tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mal-Eurostat u l-EIGE, itejbu, jippromwovu u jiżguraw il-ġbir sistematiku ta' data rilevanti, komparabbli, diżaggregata abbażi tas-sessi u l-età, dwar każijiet ta' diskriminazzjoni sesswali u dik ibbażata fuq is-sessi u l-fastidju psikoloġiku, inkluż il-fastidju ċibernetiku, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, lit-trade unions u lill-impjegaturi biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess tal-ġbir tad-data, billi jipprovdu għarfien espert speċifiku għas-settur u għax-xogħol;

16.  Jinnota li biex jinkisbu ċifri komparabbli dwar il-prevalenza tal-fastidju sesswali u tal-bullying madwar l-Istati Membri, għandhom jiġu prijoritizzati aktar is-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-problemi permezz ta' sforzi konċertati biex tinxtered l-informazzjoni u jingħata t-taħriġ;

17.   Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta għal direttiva sabiex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza bbażata fuq is-sessi, li għandha tinkludi definizzjonijiet komuni tat-tipi differenti ta' VAW, inkluża definizzjoni aġġornata u komprensiva tal-fastidju (b'mod sesswali jew mod ieħor) u l-fastidju morali, u standards legali komuni dwar il-kriminalizzazzjoni tal-VAW; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva tal-UE kontra kull forma ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi, inklużi l-fastidju sesswali u l-abbuż tan-nisa u l-bniet, li tkun ibbażata fuq testimonjanzi fil-forma ta' stejjer tan-nisa u esperjenza diretta;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament pubbliku adegwat biex jiżguraw li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u l-uffiċjali ċivili kollha li jittrattaw każijiet ta' bullying u ta' fastidju sesswali jkunu mħarrġa biex jifhmu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu servizzi speċjalizzati ta' kwalità għolja, faċilment aċċessibbli u ffinanzjati b'mod adegwat għall-vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi u tal-fastidju sesswali u dik psikoloġika, u jirrikonoxxu li dawn il-manifestazzjonijiet ta' VAW huma interkonnessi u li jridu jiġu indirizzati permezz ta' approċċ olistiku li jfittex kemm li jkopri l-aspetti soċjokulturali li jagħtu lok għal VAW u li jippermetti lil servizzi speċjalizzati jattrezzaw lilhom infushom b'għodod ta' prevenzjoni u mmaniġġjar teknoloġiku;

20.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali jipprevedu pjanijiet u riżorsi adegwati sabiex jiggarantixxu li l-vittmi tal-vjolenza u l-fastidju fiż-żoni rurali u remoti ma jiċċaħħdux mill-aċċess, jew ikunu ristretti fl-aċċess tagħhom, għall-assistenza u l-protezzjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza forom emerġenti ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi, bħall-fastidju online, billi tespandi d-definizzjoni ta' diskors ta' mibegħda illegali kif definit fil-liġi tal-UE fid-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali biex tinkludi l-misoġinija, u tiżgura li l-Kodiċi tal-Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda online illegali jkopri wkoll dawn ir-reati; jitlob l-iżvilupp ta' programmi edukattivi biex in-nisa jitħeġġu jtejbu l-ħiliet tagħhom fl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar il-forom kollha ta' fastidju sesswali u tal-bullying fiċ-ċiberspazju, u jħeġġeġ servizzi speċjalizzati biex jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu data u sistemi ta' riżorsi kapaċi li jissorveljaw u janalizzaw il-problema tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi mingħajr ma jiksru r-Regolament Ġenerali l-ġdid dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679);

22.  Jikkundanna, barra minn hekk, l-okkorrenza wiesgħa ta' fastidju sesswali u tipi oħra ta' abbuż, b'mod partikolari fil-logħob online u fil-midja soċjali, u jinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-midja u l-operaturi jimmonitorjaw u jirreaġixxu mingħajr dewmien għal kwalunkwe każ ta' fastidju; jitlob, għalhekk, għal miżuri differenti, inklużi s-sensibilizzazzjoni, taħriġ speċjali u regoli interni dwar sanzjonijiet dixxiplinari fil-konfront ta' min iwettaq il-fastidju, u appoġġ psikoloġiku u/jew legali għall-vittmi ta' dawn il-prattiki, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll f'ambjenti online;

Vjolenza fuq il-post tax-xogħol

23.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trade unions li jifhmu l-ostakoli li jiffaċċjaw in-nisa meta jirrappurtaw każijiet ta' fastidju sesswali, diskriminazzjoni u vjolenza bbażata fuq is-sessi, u, għalhekk, joffru appoġġ sħiħ u inkoraġġiment għan-nisa biex jirrapportaw każijiet ta' fastidju sesswali, diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, fastidju minħabba raġunijiet ta' tqala u ta' maternità u bullying, fost l-oħrajn, mingħajr biża' ta' konsegwenzi possibbli, u jistabbilixxu mekkaniżmi li jagħtu s-setgħa u jappoġġjaw lin-nisa fir-rappurtar sikur ta' każijiet ta' abbuż;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki attivi u effettivi biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż fastidju sesswali u atti ta' sessiżmu u fastidju morali li l-maġġoranza tan-nisa huma soġġetti għalihom fuq il-post tax-xogħol;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' standards dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, li għandhom jipprovdu qafas leġiżlattiv għall-gvernijiet, l-impjegaturi, il-kumpaniji u l-azzjoni tat-trade unions fil-livelli kollha;

26.  Jinnota li xi setturi u xogħol huma esposti aktar għall-vjolenza, b'mod partikolari l-kura tas-saħħa, is-servizzi pubbliċi tal-emerġenza, il-politika, l-edukazzjoni, it-trasport, ix-xogħol domestiku, l-agrikoltura u l-ekonomija rurali, kif ukoll is-setturi tat-tessuti, tal-ħwejjeġ, tal-ġilda u taż-żraben;

27.  Jinnota li xi gruppi ta' ħaddiema jistgħu jiġu affettwati aktar mill-bullying u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, speċjalment nisa tqal u ġenituri, nisa b'diżabbiltà, nisa migranti, nisa indiġeni, persuni LGBTI u nisa li jaħdmu part-time, bħala trainees jew b'kuntratti temporanji;

28.  Jinnota li mġiba mhux mixtieqa tista' toriġina simultanjament minn sorsi differenti jew tkun relatata simultanjament ma' ħajja professjonali, privata jew soċjali, li għandha effett negattiv fuq l-individwi, il-gruppi professjonali jew il-gruppi soċjali kollha f'dawk l-isferi;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri li jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol permezz ta' politiki li jistabbilixxu miżuri ta' prevenzjoni, proċeduri effettivi, trasparenti u kunfidenzjali biex jittrattaw l-ilmenti, sanzjonijiet b'saħħithom u dissważivi għall-awturi, informazzjoni u korsijiet ta' taħriġ komprensivi sabiex jiżguraw li l-ħaddiema jifhmu l-politiki u l-proċeduri, u appoġġ għall-kumpaniji biex ifasslu pjanijiet ta' azzjoni ħalli jimplimentaw dawn il-miżuri kollha; jenfasizza li dawn il-miżuri m'għandhomx jiġu inkorporati fi strutturi eżistenti jekk dawn l-istrutturi diġà jkollhom ostakoli inerenti relatati mas-sessi;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fit-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol, f'kollaborazzjoni ma' psikologi speċjalisti, u jiżguraw li l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet jipprovdu appoġġ professjonali u psikosoċjali speċjalizzat għall-vittmi;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżguraw li kemm il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet pubbliċi kif ukoll dawk privati jorganizzaw taħriġ obbligatorju dwar il-fastidju sesswali u l-bullying għall-impjegati kollha u dawk fi rwoli maniġerjali; jenfasizza li taħriġ effettiv għandu jkun interattiv, kontinwu, imfassal għall-post tax-xogħol partikolari u mogħti minn esperti esterni;

32.  Jenfasizza n-nuqqas serju ta' rappurtar ta' każijiet ta' fastidju u jenfasizza l-importanza tal-preżenza ta' kunsilliera kunfidenzjali mħarrġa f'kull organizzazzjoni biex jappoġġjaw lill-vittmi, jassistu fir-rappurtar u jipprovdu assistenza legali;

33.  Jenfasizza li l-kumpaniji għandu jkollhom approċċ ta' tolleranza żero għall-fastidju sesswali u politiki li jwasslu għalih, u li kumpaniji jridu jiżguraw li l-impjegati kollha jkunu konxji minn dawn il-politiki, proċeduri ta' rappurtar u drittijiet u responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol;

34.  Jistieden lill-kumpaniji tal-midja jipproteġu u jappoġġjaw lill-ġurnalisti li huma vittmi ta' bullying ċibernetiku u jadottaw sensiela ta' prattiki tajbin bħalma huma l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni, it-taħriġ adegwat ta' mmaniġġjar inkluż dwar il-prevenzjoni tal-għoti ta' kolpevolezza lill-vittmi u tal-vittimizzazzjoni sekondarja, il-miżuri li jtejbu ċ-ċibersigurtà u l-għoti ta' appoġġ legali meta jitressaq ilment lill-persuna kkonċernata;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw paga ugwali għan-nisa u l-irġiel bħala mezz biex jiġi evitat l-abbuż tal-poter u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, li huma fundamentali għall-ġlieda kontra l-VAW; jenfasizza li paga ugwali għandha tiġi garantita permezz ta' trasparenza fil-pagi, u billi jinżamm id-dritt għall-informazzjoni għal vittmi preżunti, filwaqt li jiġu żgurati t-trattament ugwali u l-opportunitajiet ta' impjieg bejn in-nisa u l-irġiel, u billi jiġu żgurati u ffaċilitati l-aċċess tan-nisa għal karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' maniġment superjuri, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata tan-nisa fil-bordijiet tad-diretturi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżblokkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet, li ilha wieqfa fil-Kunsill mill-2013;

36.  Iqis li huwa meħtieġ approċċ komprensiv għall-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, li għandu jinkludi r-rikonoxximent tal-koeżistenza tal-bullying u l-fastidju sesswali u fastidju abbażi tat-tqala u l-maternità b'diversi forom ta' xogħol mhux imħallas fl-ekonomiji formali u informali (bħall-agrikoltura ta' sussistenza, it-tħejjija tal-ikel, il-kura tat-tfal u l-anzjani) u firxa ta' skemi ta' esperjenzi tax-xogħol (bħall-apprendistati, l-internships u x-xogħol volontarju);

37.  Jitlob l-adozzjoni rapida tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE);

38.  Jirrikonoxxi li l-vjolenza domestika ta' spiss ikollha riperkussjonijiet fuq il-post tax-xogħol, b'impatt negattiv fuq il-ħajja tal-ħaddiema u l-produttività tal-intrapriżi, u li din ir-riperkussjoni tista' tmur ukoll fid-direzzjoni opposta, mill-post tax-xogħol għad-dar; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tipprovdi gwida dwar l-applikabbiltà ta' ordnijiet Ewropej ta' protezzjoni fuq il-post tax-xogħol u tiċċara l-kwistjoni tar-responsabbiltajiet tal-impjegaturi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu dan il-fenomenu ta' fastidju abbażi ta' tqala u maternità fl-impjieg;

Vjolenza fil-ħajja politika

40.  Jistieden lill-politiċi kollha jżommu l-ogħla standards ta' mġiba u jaġixxu bħala mudelli responsabbli fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fil-parlamenti u lil hinn;

41.  Jikkundanna l-forom kollha ta' fastidju fil-konfront tal-politiċi nisa fuq il-midja soċjali fil-forma ta' "trolling", li jinvolvi l-ippowstjar ta' messaġġi sessisti u abbużivi, inkluż theddid ta' mewt u ta' stupru;

42.  Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti politiki u proċeduri bejn il-partiti biex jipproteġu lill-individwi eletti f'karigi politiċi, kif ukoll lill-impjegati;

43.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-listi ta' parità fil-livelli kollha għandhom rwol essenzjali biex jippermettu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u jsawru mill-ġdid l-istrutturi tal-poter li jiddiskriminaw kontra n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu listi bħal dawn għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

44.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha, inklużi dawk rappreżentati fil-Parlament Ewropew, jieħdu passi konkreti biex jindirizzaw din il-problema, inkluża l-introduzzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni u r-reviżjoni tar-regolamenti dwar il-partiti interni biex jintroduċu politika ta' tolleranza żero, miżuri preventivi, proċeduri biex jiġu indirizzati l-ilmenti u sanzjonijiet xierqa għal min iwettaq fastidju sesswali u bullying tan-nisa fil-politika;

45.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-kunsilli lokali jappoġġjaw bis-sħiħ lill-vittmi fil-qafas ta' proċeduri interni u/jew mal-pulizija, jinvestigaw każijiet, iżommu reġistru kunfidenzjali ta' każijiet tul iż-żmien, jiżguraw taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu u l-membri kollha dwar ir-rispett u d-dinjità, u jadottaw azzjonijiet oħra tal-aqwa prassi sabiex jiggarantixxu tolleranza żero fil-livelli kollha fl-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom;

46.  Iħeġġeġ lill-atturi rilevanti kollha jiżguraw l-implimentazzjoni komprensiva u rapida tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-abbuż fl-UE; iqis li huwa dmir tiegħu li jiżgura tolleranza żero tal-fastidju sesswali u li jipproteġi b'mod adegwat lill-vittmi u jappoġġjahom; jitlob, f'dan ir-rigward għal:

   task force ta' esperti indipendenti li jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-fastidju sesswali u l-abbuż fil-Parlament;
   evalwazzjoni u, jekk meħtieġ, reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-korpi kompetenti tal-Parlament sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-bilanċ bejn is-sessi;
   taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu u l-Membri;
   skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni komprensiva tat-talbiet kollha li jkunu saru fir-riżoluzzjoni;

47.  Jistieden lill-politiċi jħeġġu t-taħriġ fil-maniġment u jattendu t-taħriġ huma nfushom sabiex jiġu evitati attitudnijiet ta' laissez-faire min-naħa tat-tmexxija u jiġu identifikati sitwazzjonijiet li fihom isseħħ il-VAW;

Vjolenza fi spazji pubbliċi

48.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta definizzjoni ta' spazju pubbliku, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u għalhekk tinkludi f'dik id-definizzjoni spazji pubbliċi "virtwali" bħal netwerks soċjali u siti web;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu leġiżlazzjoni speċifika dwar il-fastidju fi spazji pubbliċi, inklużi programmi ta' intervent, b'fokus speċifiku fuq ir-rwol ta' intervent minn dawk il-persuni li jkunu fil-qrib;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu aktar riċerka dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-fastidju sesswali fi spazji pubbliċi, inkluż l-impatt li r-reklami sessisti u sterjotipati jista' jkollhom fuq l-inċidenza ta' vjolenza u fastidju;

51.  Jenfasizza li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u r-relazzjonijiet ta' poter patrijarkali u l-promozzjoni ta' tolleranza żero tal-fastidju sesswali huma fost l-aħjar għodod biex jgħinu jindirizzaw il-vjolenza bbażata fuq is-sessi fi spazji pubbliċi;

52.  Jenfasizza li l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f'kull livell hija għodda fundamentali għall-evitar u l-eliminazzjoni ta' dawn il-forom ta' mġiba ħażina, it-tibdil tal-inklinazzjonijiet mentali u t-tnaqqis tat-tolleranza kulturali tas-sessiżmu u l-fastidju sesswali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti programmi edukattivi u dibattiti dwar is-suġġett fl-iskejjel; jinnota li, f'kooperazzjoni ma' NGOs u korpi għall-ugwaljanza rilevanti, dawn il-programmi u dibattiti għandhom, fejn meħtieġ u xieraq, jinkludu informazzjoni u diskussjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali u l-miżuri kontrieh sabiex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet tal-vittmi u jfakkru lin-nies tar-rabtiet tiegħu mal-oġġettifikazzjoni tan-nisa;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel sekondarji u jinkludu l-kwistjoni tal-bullying ċibernetiku f'kurrikuli edukattivi, fl-iskejjel u fl-universitajiet; jitlob, b'mod partikolari, għat-tkomplija tal-kampanja ta' suċċess "Aqta' l-Bullying Ċibernetiku" u l-inizjattiva "Internet Aktar Sikur", bil-għan li jiġġieldu l-bullying u l-fastidju sesswali sabiex jgħinu liż-żgħażagħ, iċ-ċittadini futuri tal-UE, jifhmu l-bżonn li nersqu eqreb lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u nirrispettaw lin-nisa;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' rapporti fl-iskejjel biex jinżamm rendikont tal-każijiet kollha tal-bullying ċibernetiku;

55.  Jinnota li xi miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri wrew li huma effettivi biex inaqqsu l-fastidju fi spazji pubbliċi, bħas-sorveljanza formali (iż-żieda fil-preżenza tal-pulizija u/jew persunal tat-trasport fuq it-trasport pubbliku, televiżjoni b'ċirkwit magħluq (CCTV)) u sorveljanza naturali (viżibbiltà aħjar u dawl aħjar);

56.  Jistieden lill-Istati Membri jfakkru lill-fornituri tas-servizz tal-internet dwar id-dmir tagħhom li jipproteġu lill-klijenti online tagħhom billi jindirizzaw każijiet ta' abbuż ripetittiv jew stalking sabiex jipproteġu lill-vittma, jinfurmaw lill-awturi li dawn ma jistgħux jaġixxu b'impunità, u b'hekk ibiddlu l-imġiba tal-awtur;

57.  Jistieden lill-Istati Membri, bl-għajnuna ta' esperti tal-IT u korpi superviżorji xierqa, pereżempju forzi tal-pulizija postali, jeżerċitaw skrutinju akbar fuq il-websajts sabiex jipproteġu lill-vittmi tal-bullying u l-fastidju sesswali u, fejn meħtieġ, jipprevjenu u jikkastigaw ir-reati;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-mezzi meħtieġa biex jeliminaw il-lingwaġġ użata fil-midja, il-politika u d-diskors pubbliku li jinkoraġġixxi mġiba vjolenti u jmaqdar lin-nisa, u b'hekk jikser id-dinjità umana tagħhom;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom u d-definizzjoni tagħhom ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi f'konformità mad-definizzjoni tal-VAW fil-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex tiżdied l-effettività tal-liġijiet kontra l-fastidju u l-fastidju morali;

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi l-fastidju sesswali u jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza f'kull Stat Membru jkollhom riżorsi suffiċjenti biex jaġixxu kontra d-diskriminazzjoni;

o
o   o

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
(2) http://fra.europa.eu/en/publication/2014/violence-against-women-eu-wide-survey-main-results-report
(3) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(4) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(5) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(6) https://rm.coe.int/168008482e
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0329.
(8) ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.
(9) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.
(10) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.
(11) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 102.
(12) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0451.
(14) Testi adottati, P8_TA(2017)0073.
(15) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.
(16) Testi adottati, P8_TA(2017)0402.
(17) Testi adottati, P8_TA(2017)0417.
(18) https://www.ipu.org/resources/publications/reports/2016-10/sexism-harassment-and-violence-against-women-parliamentarians
(19) Studju – "Bullying and sexual harassment at the workplace, in public spaces, and in political life in the EU" (Il-Bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE), il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Marzu 2018.
(20) https://www.tuc.org.uk/sites/default/files/SexualHarassmentreport2016.pdf


L-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali
PDF 170kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali (2018/2028(INI))
P8_TA(2018)0332A8-0228/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21(1) u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2003 għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabilità u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA²) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu (2008/C 320/01)(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UN CRPD), irratifikata mill-UE fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 intitolata "Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni" (COM(2008)0566),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 intitolata "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 intitolata "Qafas koerenti għall-bini ta' fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online" (COM(2011)0942),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 intitolata "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Aġenda Diġitali għall-Ewropea" (COM(2010)0245)(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni dwar il-Promozzjoni u l-Użu tal-Multilingwiżmu u l-Aċċess Universali għaċ-Ċiberspazju adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fit-32 sessjoni tagħha f'Pariġi fil-15 ta' Ottubru 2003,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 386 "L-Ewropej u l-Lingwi tagħhom" ippubblikat f'Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 (SN 100/1/02 REV 1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għall-persuni neqsin mis-smigħ(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2004 dwar "Il-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali: ir-rwol tar-reġjuni Ewropej u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa"(8), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2003 dwar "Lingwi Ewropej reġjonali u li jintużaw anqas – l-ilsna tal-minoranzi fl-UE – fil-kuntest tat-tkabbir u tad-diversità kulturali"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(12),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) u tal-Unità tal-Prospettiva Xjentifika (STOA) intitolat "L-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali – Lejn Proġett tal-Lingwi Umani", ippubblikat f'Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0228/2018),

A.  billi t-teknoloġiji tal-lingwi jistgħu jagħmlu l-komunikazzjoni aktar faċli għall-persuni torox u b'diffikultajiet ta' smigħ, għall-persuni għomja u b'vista batuta u għall-persuni b'dislessija, u billi, għall-finijiet ta' dan ir-rapport, "it-teknoloġija tal-lingwa" tirreferi għal teknoloġija li tirfed mhux biss il-lingwi mitkellma, iżda wkoll il-lingwi tas-sinjali, fl-għarfien li l-lingwi tas-sinjali huma element importanti tad-diversità lingwistika tal-Ewropa;

B.  billi l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwa (TL) jkopri bosta oqsma ta' riċerka u dixxiplini, fosthom il-lingwistika komputazzjonali, l-intelliġenza artifiċjali, ix-xjenza tal-informatika u l-lingwistika, b'applikazzjonijiet bħall-ipproċessar tal-lingwi naturali, l-analitika tat-testi, it-teknoloġija tat-taħdit u l-estrazzjoni tad-data, fost oħrajn;

C.  billi, skont ir-rapport tal-Ewrobarometru Speċjali 386 intitolat "L-Ewropej u l-Lingwi Tagħhom", ftit aktar minn nofs (54 %) tal-Ewropej huma kapaċi jżommu konversazzjoni għaddejja b'tal-anqas lingwa waħda addizzjonali, kwart (25 %) jafu jitkellmu b'tal-anqas żewġ lingwi addizzjonali u wieħed minn kull għaxra (10 %) jafu tal-anqas tliet lingwi;

D.  billi hemm 24 lingwa uffiċjali u aktar minn 60 lingwa nazzjonali, reġjonali u minoritarja fl-Unjoni Ewropea, minbarra l-lingwi tal-migranti u, taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD), id-diversi lingwi tas-sinjali li jgawdu rikonoxximent statali; billi l-multilingwiżmu huwa wieħed mill-akbar assi tad-diversità kulturali fl-Ewropa, u fl-istess ħin, jirrappreżenta waħda mill-aktar sfidi sinifikanti għall-ħolqien ta' suq tal-UE tassew integrat;

E.  billi l-apoġġ għall-komunitajiet lokali, bħal dawk indiġeni , rurali jew imbiegħda, biex jegħlbu l-ostakli ġeografiċi, soċjali u ekonomiċi għall-aċċess għall-broadband huwa prerekwiżit kruċjali għal politika effiċjenti tal-UE rigward il-multilingwiżmu;

F.  billi l-multilingwiżmu jaqa' fl-ambitu ta' sensiela ta' oqsma ta' politika tal-UE, fosthom il-kultura, l-ekonomija, is-suq uniku diġitali, it-tagħlim tul il-ħajja, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-kompetittività, iż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili, il-mobilità, ir-riċerka u l-midja; billi jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għat-twarrib tal-ostakli għad-djalogu bejn il-kulturi u bejn il-lingwi, u għal stimoli għall-komprensjoni reċiproka;

G.  billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-Suq Uniku Diġitali jrid ikun multilingwi; billi ma ġiet proposta l-ebda politika komuni tal-UE biex tindirizza l-problema tal-ostakli lingwistiċi;

H.  billi t-teknoloġiji tal-lingwa jintużaw f'tista' tgħid il-prodotti u s-servizzi diġitali kollha ta' kuljum, minħabba li l-parti l-kbira tagħhom jużaw il-lingwa fi gradi differenti, speċjalment il-prodotti kollha relatati mal-internet bħalma huma magni ta' tiftix, networks soċjali u servizzi tal-kummerċ elettroniku billi l-użu tat-teknoloġiji tal-lingwa għandu impatt ukoll fuq setturi ta' importanza fundamentali għall-benessri ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, bħal dawk tal-edukazzjoni, tal-kultura u tas-saħħa;

I.  billi l-kummerċ elettroniku transfruntiera huwa baxx ħafna, hekk li fl-2015 biss 16 % taċ-ċittadini Ewropej xtraw online minn pajjiżi oħra tal-UE; billi t-teknoloġiji tal-lingwa jistgħu jikkontribwixxu għal komunikazzjoni transfruntiera u translingwistika fl-Ewropa tal-ġejjieni, jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabilità soċjali u jnaqqsu l-ostakli naturali, u b'hekk jirrispettaw u jippromwovu l-koeżjoni u l-konverġenza u jsaħħu l-kompetittività tal-UE madwar id-dinja;

J.  billi l-iżvilupp teknoloġiku qed jibbaża dejjem aktar fuq il-lingwi u għandu konsegwenzi għat-tkabbir u għas-soċjetà; billi hemm ħtieġa urġenti ta' politiki li jkunu aktar konxji mil-lingwa, u ta' riċerka u edukazzjoni teknoloġika, iżda anke ġenwinament multidixxiplinari, dwar il-komunikazzjoni diġitali u t-teknoloġiji tal-lingwa u dwar ir-relazzjoni tagħhom mat-tkabbir u mas-soċjetà;

K.  billi t-twettiq tal-objettiv ta' Barċellona li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jikkomunikaw tajjeb bil-lingwa materna tagħhom u b'żewġ lingwi oħra jkun ifisser li n-nies ikollhom aktar opportunitajiet biex jaċċedu għall-kontenuti kulturali, edukattivi u xjentifiċi fil-forma diġitali u jipparteċipaw bħala ċittadini, minbarra li jaċċedu għas-suq uniku diġitali; billi mezzi u għodod addizzjonali, speċjalment dawk ipprovduti mit-teknoloġiji tal-lingwa, huma essenzjali għall-ġestjoni tajba tal-multilingwiżmu Ewropew u għall-promozzjoni tal-multilingwiżmu tal-individwi;

L.  billi saru avvanzi sostanzjali fl-intelliġenza artifiċjali, u billi t-teknoloġiji tal-lingwa żviluppaw b'pass mgħaġġel; billi l-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-lingwa toffri opportunitajiet ġodda għall-komunikazzjoni diġitali, għall-komunikazzjoni mtejba diġitalment, għall-komunikazzjoni abilitata bit-teknoloġija, u għall-kooperazzjoni bil-lingwi Ewropej kollha (u lil hinn minnhom), hekk li kelliema ta' lingwi differenti jkollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni u għall-għarfien, u li l-funzjonalitajiet tan-networks tal-IT jittejbu;

M.  billi l-valuri komuni Ewropej ta' kooperazzjoni, solidarjetà, ugwaljanza, rikonoxximent u rispett għandhom ifissru li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess sħiħ u ugwali għat-teknoloġiji diġitali, b'mod li mhux biss jittejbu l-koeżjoni u l-benessri fl-Ewropa, imma wkoll li jiġi abilitat Suq Uniku Diġitali u multilingwi;

N.  billi d-disponibilità ta' għodod teknoloġiċi bħal-logħob tal-kompjuter jew l-applikazzjonijiet edukattivi b'lingwi minoritarji u li jintużaw anqas hija ċentrali għall-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi, speċjalment fost it-tfal;

O.  billi jeħtieġ li dawk li jitkellmu b'lingwi Ewropej li jintużaw anqas ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b'modi li jkollhom sinifikat kulturali u li joħolqu l-kontenuti kulturali proprji tagħhom bil-lingwi lokali;

P.  billi l-feġġ ta' metodi bħat-tagħlim profond, imsejsa fuq it-tkattir tal-kapaċità komputazzjonali u fuq l-aċċess għal ammonti enormi ta' data, qed jagħmel it-teknoloġiji tal-lingwa soluzzjoni reali għall-għelib tal-ostakli lingwistiċi;

Q.  billi l-ostakli lingwistiċi għandhom effett konsiderevoli fuq il-bini tal-identità Ewropea u fuq il-ġejjieni tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea; billi t-teħid ta' deċiżjonijiet u l-politiki tal-UE għandhom jiġu kkomunikati liċ-ċittadini tal-UE bl-ilsien nattiv tagħhom, sew online u sew offline;

R.  billi l-lingwa tirrappreżenta parti kbira ħafna tal-ġid dejjem jikber tal-big data;

S.  billi ammont enormi ta' data huwa espress f'lingwi umani; billi l-ġestjoni tat-teknoloġiji tal-lingwa tista' tagħti lok għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi innovattivi tal-IT fl-industrija, fil-kummerċ, fil-gvern, fir-riċerka, fis-servizzi pubbliċi u fl-amministrazzjoni, filwaqt li tnaqqas l-ostakli naturali u l-ispejjeż tas-suq;

L-ostakli kurrenti għall-ilħiq tal-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali fl-Ewropa

1.  Jiddispjaċih li, minħabba n-nuqqas ta' politiki adegwati, bħalissa fl-Ewropa d-distakk teknoloġiku bejn il-lingwi mogħnija b'biżżejjed riżorsi u dawk li għandhom anqas riżorsi qiegħed jikber, sew jekk tal-aħħar humiex lingwi uffiċjali, kouffiċjali jew mhux uffiċjali fl-UE; jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-fatt li aktar minn 20 lingwa Ewropea jinsabu fil-periklu tal-estinzjoni diġitali; jinnota li l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha għandhom id-dmir li jtejbu, jippromwovu u jħaddnu d-diversità lingwistika fl-Ewropa;

2.  Jirrimarka li, matul l-aħħar għaxar snin, it-teknoloġija diġitali kellha impatt sinifikanti fuq l-evoluzzjoni tal-lingwi, impatt li l-evalwazzjoni tiegħu għadha diffiċli; jirrakkomanda li min ifassal il-politiki jikkunsidra serjament studji li juru li l-komunikazzjoni diġitali qed tnaqqar il-ħiliet tal-qari fost l-adulti żgħażagħ, b'mod li jwassal għal barrieri ta' grammatika u ta' litteriżmu bejn il-ġenerazzjonijiet u għal ftaqir ġenerali tal-lingwi; huwa tal-fehma li l-komunikazzjoni diġitali għandha taqdi biex twessa', tarrikkixxi u tavvanza l-lingwi, u li dawn l-iżviluppi għandhom ikunu riflessi fl-edukazzjoni għal-litteriżmu u fil-politiki nazzjonali tal-litteriżmu;

3.  Jenfasizza li lingwi Ewropej li jintużaw anqas għandhom żvantaġġ sinifikanti minħabba nuqqas akut ta' għodod, riżorsi u finanzjament għar-riċerka, li qed jirrestrinġi u jċekken l-ambitu tax-xogħol tar-riċerkaturi li, anke meta jkollhom il-ħiliet teknoloġiċi meħtieġa, ma jkunux jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mit-teknoloġiji tal-lingwa;

4.  Jinnota d-distakk diġitali bejn il-lingwi li jintużaw fil-wisa' u dawk li jintużaw anqas, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetà Ewropea, fatturi li qed iwasslu għal disparitajiet f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-informazzjoni, b'mod partikolari għall-persuni bi ftit ħiliet, għall-anzjani, għal dawk bi dħul baxx u għal dawk minn sfondi żvantaġġati; jenfasizza li l-inugwaljanza titnaqqas jekk il-kontenut isir disponibbli b'diversi lingwi tal-UE;

5.  Jinnota li, filwaqt li għandha bażi xjentifika soda fl-inġinerija u fit-teknoloġiji tal-lingwa, u fi żmien meta dawn tal-aħħar jikkostitwixxu opportunità enormi, kemm mil-lat ekonomiku u kemm minn dak kulturali, l-Ewropa għadha lura ħafna, minħabba l-frammentazzjoni tas-suq, investiment inadegwat fl-għarfien u fil-kultura, nuqqasijiet fil-koordinament tar-riċerka, finanzjament insuffiċjenti u ostakli legali; jinnota wkoll li s-suq bħalissa jiddominawh atturi mhux Ewropej, li mhumiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' Ewropa multilingwi; jirrileva l-ħtieġa li din il-paradigma tinbidel u li r-rwol mexxej tal-Ewropa fit-teknoloġiji tal-lingwa jissaħħaħ billi jinħoloq proġett imfassal apposta għall-ħtiġijiet u għad-domanda tal-Ewropa;

6.  Jinnota li t-teknoloġiji tal-lingwa jsiru disponibbli l-ewwel bl-Ingliż; huwa konxju li l-manifatturi u l-kumpaniji Ewropej u dinjija kbar spiss jiżviluppaw it-teknoloġiji tal-lingwa wkoll għal-lingwi Ewropej ewlenin li għandhom swieq relattivament kbar: l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Ġermaniż (dawn il-lingwi diġà huma nieqsa minn riżorsi f'ċerti oqsma sekondarji); jenfasizza, madankollu, li għandha tittieħed azzjoni ġenerali fil-livell tal-UE (politika, finanzjament, riċerka u edukazzjoni) biex tiżgura li jiġu żviluppati teknoloġiji tal-lingwa għal-lingwi uffiċjali tal-UE li ma tantx huma mitkellma u li jinbdew azzjonijiet speċjali fil-livell tal-UE (politika, finanzjament, riċerka u edukazzjoni) biex il-lingwi reġjonali u minoritarji jiġu inklużi u inkuraġġuti f'dan l-iżvilupp;

7.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir użu aħjar ta' approċċi teknoloġiċi ġodda, imsejsa fuq aktar qawwa komputazzjonali u aċċess aħjar għal ammonti mdaqqsa ta' data, sabiex jitrawwem l-iżvilupp tan-networks newronali tat-tagħlim profond li qed jagħmlu t-teknoloġiji tal-lingwa umana (HLTs) soluzzjoni reali għall problema tal-ostakoli lingwistiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tissalvagwardja biżżejjed finanzjament biex tappoġġja dan l-iżvilupp teknoloġiku;

8.  Jinnota li l-lingwi b'anqas kelliema jeħtieġu appoġġ adatt minn għadd ta' partijiet ikkonċernati, inklużi disinji tat-tipa għall-marki dijakritiċi, manifatturi tat-tastieri u sistemi tal-ġestjoni tal-kontenuti, biex ikunu jistgħu jaħżnu, jipproċessaw u juru l-kontenuti b'dawn il-lingwi; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta kif dan l-appoġġ jista' jiġi instigat u kif jista' jiġi rrakkomandat fil-proċess ta' akkwist fi ħdan l-UE;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-użu ta' għadd ta' lingwi fis-servizzi diġitali, bħall-applikazzjonijiet tal-mobile;

10.  Jinnota bi tħassib li s-Suq Uniku Diġitali għadu frammentat minħabba għadd ta' ostakli, fosthom ostakli lingwistiċi, b'mod li jfixkel il-kummerċ online, il-komunikazzjoni permezz tan-networks soċjali u kanali ta' komunikazzjoni oħra, u l-iskambju transfruntier ta' kontenuti kulturali, kreattivi u awdjoviżivi, kif ukoll l-użu aktar mifrux ta' servizzi pubbliċi pan-Ewropej; jenfasizza li d-diversità kulturali u l-multilingwiżmu fl-Ewropa jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess transfruntier għall-kontenut, b'mod partikolari għal finijiet edukattivi; jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġija robusta u koordinata għas-Suq Uniku Diġitali multilingwi;

11.  Jinnota li t-teknoloġiji tal-lingwa bħalissa ma għandhom l-ebda rwol fl-aġenda politika Ewropea, minkejja l-fatt li r-rispett għad-diversità lingwistika huwa minqux fit-Trattati;

12.  Ifaħħar ir-rwol importanti ta' networks ta' riċerka preċedenti ffinanzjati mill-UE, bħal FLaReNet, CLARIN, HBP u META-NET (inkluż META-SHARE) talli kienu minn ta' quddiem fil-bini ta' pjattaforma Ewropea tat-teknoloġiji tal-lingwa;

It-titjib tal-qafas istituzzjonali għal politiki tat-teknoloġiji tal-lingwa fil-livell tal-UE

13.  Jitlob li l-Kunsill ifassal rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni, inkluż fl-isfera tat-teknoloġiji tal-lingwa;

14.  Jirrakkomanda li, sabiex tagħti aktar prominenza lit-teknoloġiji tal-lingwa fl-Ewropa, il-Kummissjoni talloka l-qasam "multilingwiżmu u teknoloġiji tal-lingwa" lill-portafoll ta' Kummissarju; iqis li l-Kummissarju responsabbli għandu jingħata l-kompitu li jippromwovi d-diversità u l-ugwaljanza tal-lingwi fil-livell tal-UE, fid-dawl tal-importanza tad-diversità lingwistika għall-futur tal-Ewropa;

15.  Jissuġġerixxi li s-60 lingwa reġjonali u minoritarja jiġu żgurati protezzjoni legali fil-livell tal-UE, flimkien ma' rikonoxximent tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi fid-dinja diġitali, u tagħlim bil-lingwa nattiva għal dawk li jitkellmu bil-lingwi uffiċjali u mhux uffiċjali tal-UE;

16.  Lil dawk l-Istati Membri li diġà żviluppaw b'suċċess l-istrateġiji ta' politika tagħhom fil-qasam tat-teknoloġiji tal-lingwa, iħeġġiġhom jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin mal-oħrajn biex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali oħra jiżviluppaw l-istrateġiji proprji tagħhom;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki komprensivi relatati mal-lingwi, jallokaw riżorsi u jużaw għodod xierqa biex jippromwovu u jiffaċilitaw id-diversità lingwistika u l-multilingwiżmu fl-isfera diġitali; jenfasizza r-responsabilità konġunta tal-UE u tal-Istati Membri, flimkien mal-universitajiet u mal-istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn, li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-lingwi tagħhom fid-dinja diġitali u fl-iżvilupp ta' bażijiet tad-data u ta' teknoloġiji tat-traduzzjoni għal-lingwi kollha tal-UE, inklużi l-lingwi li ma tantx huma mitkellma; jitlob li jkun hemm koordinament bejn ir-riċerka u l-industrija, bl-objettiv komuni li jissaħħu l-possibilitajiet diġitali għat-traduzzjoni tal-lingwi u b'aċċess miftuħ għad-data meħtieġa għal avvanzi teknoloġiċi;

18.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji u azzjonijiet ta' politika li jiffaċilitaw il-multilingwiżmu fis-suq diġitali; f'dan il-kuntest, jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiddefinixxu r-riżorsi lingwistiċi minimi li l-lingwi Ewropej kollha għandu jkollhom biex jevitaw l-estinzjoni diġitali, bħalma huma settijiet ta' data, lessiki, reġsitrazzjonijiet ta' taħdit, memorji tat-traduzzjoni, korpora annotati u kontenuti enċiklopediċi;

19.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li toħloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ il-kuxjenza dwar l-importanza tal-lingwi li jintużaw anqas u tal-lingwi reġjonali u minoritarji, inkluż fl-isfera tat-teknoloġiji tal-lingwa;

20.  Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi l-Istrateġija Qafas għall-Multilingwiżmu tagħha u tipproponi pjan ta' azzjoni ċar dwar il-promozzjoni tad-diversita lingwistika u l-għelib tal-ostakli lingwistiċi fil-qasam diġitali;

21.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħti prijorità lit-teknoloġiji tal-lingwa f'dawk l-Istati Membri li huma ta' daqs żgħir u li għandhom lingwa tagħhom, biex tagħti importanza lill-isfidi lingwistiċi li jiffaċċjaw;

22.  Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja finanzjarjament is-sottotitolar, id-doppjaġġ, u t-traduzzjoni ta' logħob tal-kompjuter u ta' applikazzjonijiet tas-software b'lingwi minoritarji u li jintużaw anqas;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-distakk teknoloġiku bejn il-lingwi jitnaqqas permezz tat-tisħiħ tal-għarfien u t-trasferiment tat-teknoloġiji;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħorġu b'modi effikaċi biex iseddqu l-lingwi nattivi tagħhom;

Rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-UE dwar ir-riċerka

25.  Jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi programm koordinat ta' finanzjament fuq skala kbira u fit-tul għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-lingwa, fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali, imfassla speċifikament għall-ħtiġijiet u d-domanda tal-Ewropa; jenfasizza li l-programm għandu jkollha l-għan li jittratta l-fehim profond tal-lingwa naturali u li jkabbar l-effiċjenza permezz tal-iskambju ta' għarfien, infrastrutturi u riżorsi, bil-ħsieb li jiżviluppa teknoloġiji u servizzi innovattivi ħalli jkun jista' jsir l-avvanz xjentifiku li jmiss f'dan il-qasam, u jgħin biex jitnaqqas id-distakk teknoloġiku bejn il-lingwi Ewropej; jenfasizza li dan għandu jsir bil-parteċipazzjoni ta' ċentri tar-riċerka, id-dinja akkademika, l-intrapriżi (speċjalment SMEs u start-ups) u partijiet interessati rilevanti oħra; jenfasizza wkoll li dan il-proġett għandu jkun miftuħ, ibbażat fil-cloud u interoperabbli, u għandu jipprovdi għodod bażiċi li jkunu jistgħu jitħaddmu fuq skali differenti u jkollhom prestazzjoni tajba, għal diversi applikazzjonijiet tat-teknoloġiji tal-lingwa;

26.  Jemmen li l-integraturi tal-ICT fl-UE għandhom jingħataw inċentivi ekonomiċi sabiex jaċċeleraw il-provvista ta' servizzi bbażati fil-cloud, sabiex it-teknoloġiji tal-lingwa umana ikun jistgħu jiġu integrati bla xkiel fl-applikazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku tagħhom, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-SMEs igawdu mill-benefiċċji tat-traduzzjoni awtomatizzata;

27.  Jenfasizza li l-Ewropa jeħtiġilha tiżgura l-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-lingwi; ifakkar li l-kumpaniji tal-UE huma fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet adattati għall-ħtiġijiet kulturali, soċjetali u ekonomiċi speċifiċi tagħna;

28.  Jemmen li programmi speċifiċi fi ħdan l-iskemi ta' finanzjament tal-lum, bħal Orizzont 2020, kif ukoll il-programmi ta' finanzjament li jiġu wara, għandhom jagħtu spinta lir-riċerka bażika mifruxa fuq medda twila kif ukoll lit-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġiji bejn il-pajjiżi u r-reġjuni;

29.  Jirrakkomanda li tinħoloq pjattaforma teknoloġika tal-lingwi Ewropej, b'rappreżentanti minn kull lingwa Ewropea, li permezz tagħha jkun jista' jsir qsim ta' riżorsi, servizzi u pakketti ta' kodiċi open source relatati mat-teknoloġiji tal-lingwa, b'mod partikolari bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka, filwaqt li tiżgura li kwalunkwe skema ta' finanzjament tkun tista' sew taħdem mal-komunità open source u tkun aċċessibbli għal dik il-komunità;

30.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti jew estiżi proġetti bħal, fost oħrajn, il-Proġett tad-Diversità tal-Lingwi Diġitali, li jwettqu riċerka dwar il-ħtiġijiet diġitali tal-lingwi Ewropej kollha, minn dawk b'għadd żgħir ta' kelliema sa dawk b'numri kbar ħafna ta' kelliema, biex id-distakk diġitali jiġi indirizzat u biex dawn il-lingwi jiġu megħjuna jħejju għal futur diġitali sostenibbli;

31.  Jirrakkomanda li jsir aġġornament tas-sensiela ta' white papers ta' META-NET, stħarriġ pan-Ewropew ippubblikat fl-2012 dwar l-istatus tar-riżorsi tat-teknoloġiji tal-lingwa għall-ilsna Ewropej kollha u dwar informazzjoni rigward ostakli lingwistiċi u politiki marbuta mat-tema, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati u żviluppati politiki dwar it-teknoloġiji tal-lingwa;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma ta' finanzjament ta' teknoloġiji tal-lingwa umana, ibbażata fuq l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropea (FNE); iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tagħmel enfasi fuq l-oqsma ta' riċerka meħtieġa biex jiżguraw fehim profond tal-lingwa, bħal-lingwistika komputazzjonali, il-lingwistika, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji tal-lingwa, ix-xjenza tal-informatika u x-xjenza konjittiva;

33.  Jirrimarka li l-lingwa tista' tkun ostaklu għat-trasferiment tal-għarfien xjentifiku; jinnota li l-maġġoranza tal-ġurnali xjentifiċi influwenti ħafna jippubblikaw bil-lingwa Ingliża, fatt li jwassal għal bidla maġġuri fil-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-għarfien akkademiku; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-kundizzjonijiet ta' produzzjoni tal-għarfien jiġu riflessi fil-politiki u l-programmi Ewropej ta' riċerka u innovazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet biex tiżgura li l-għarfien xjentifiku jsir disponibbli b'lingwi oħra għajr il-lingwa Ingliża, u tappoġġja l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali għal-lingwi naturali;

Politiki tal-edukazzjoni biex itejbu l-ġejjieni tat-teknoloġiji tal-lingwa fl-Ewropa

34.  Jemmen li, minħabba s-sitwazzjoni tal-lum fejn is-suq tat-teknoloġiji tal-lingwa jiddominawh atturi mhux Ewropej, il-politiki Ewropej dwar l-edukazzjoni għandu jkollhom l-għan li jżommu t-talent fl-Ewropa, għandhom janalizzaw il-ħtiġijiet edukattivi tal-lum relatati mat-teknoloġiji tal-lingwa (inklużi l-oqsma u d-dixxiplini kollha involuti) u, fuq din il-bażi, jipprovdu linji gwida għall-implimentazzjoni ta' azzjoni konġunta u koeżiva fil-livell Ewropew, u għandhom iqajmu kuxjenza fost it-tfal tal-iskola u fost l-istudenti dwar l-opportunitajiet ta' karrieri fl-industrija tat-teknoloġiji tal-lingwa. inkluż fl-industrija tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-lingwa;

35.  Huwa tal-fehma li materjali diġitali għat-tagħlim iridu jiġu żviluppati wkoll bil-lingwi minoritarji u reġjonali – ħaġa importanti mil-lat tan-nondiskriminazzjoni – jekk irridu nistabbilixxu l-ugwaljanza ta' opportunitajiet u ta' trattament;

36.  Jirrileva l-ħtieġa li l-parteċipazzjoni dejjem akbar tan-nisa fil-qasam tal-istudji Ewropej dwar it-teknoloġiji tal-lingwa tiġi promossa bħala fattur deċiżiv fl-iżvilupp tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

37.  Jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji tal-lingwa fi ħdan l-iskambji kulturali u edukattivi bejn iċ-ċittadini Ewropej bħal Erasmus+, pereżempju l-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) ta' Erasmus+, bil-għan li jċekknu l-ostakli li d-diversità lingwistika tista' tirrappreżenta għad-djalogu bejn il-kulturi u għall-fehim reċiproku, b'mod partikolari fl-espressjoni bil-kitba u f'dik awdjoviżiva;

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw ukoll programmi ta' litteriżmu diġitali bil-lingwi minoritarji u reġjonali tal-Ewropa u jintroduċu taħriġ u għodod tat-teknoloġija lingwistika fil-kurrikuli tal-iskejjel, tal-universitajiet u tal-kulleġġi vokazzjonali tagħhom; jisħaq fuq il-fatt, barra minn hekk, li l-litteriżmu jibqa' fattur sinifikanti u prerekwiżit assolut biex isir progress fl-inklużjoni diġitali tal-komunitajiet;

39.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-istituzzjonijiet edukattivi biex itejbu d-diġitalizzazzjoni tal-lingwi fl-UE;

It-teknoloġiji tal-lingwa: benefiċċji sew għall-kumpaniji privati u sew għall-korpi pubbliċi

40.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi sostnut l-iżvilupp ta' strumenti ta' investiment u ta' programmi li jaċċeleraw l-iżvilupp ta' kumpaniji ġodda li jkollhom l-għan li jkattru l-użu tat-teknoloġiji tal-lingwa fis-settur kulturali u kreattiv, b'konċentrazzjoni speċjali fuq komunitajiet li għandhom anqas riżorsi, u li jiġi inkuraġġut l-iżvilupp ta' kapaċitajiet tat-teknoloġiji tal-lingwa f'oqsma fejn is-settur ikun dgħajjef;

41.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' azzjonijiet u ta' finanzjament adatt bil-għan li jabilita lil SMEs u start-ups Ewropej u jagħtihom is-setgħa biex jaċċedu għat-teknoloġiji tal-lingwa u jużawhom faċilment billi jidħlu fi swieq u opportunitajiet ta' żvilupp ġodda, b'tali mod li jagħtu spinta lil-livelli ta' innovazzjoni tagħhom u lill-ħolqien tal-impjiegi;

42.  Jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji għall-kumpaniji, għall-korpi pubbliċi u għaċ-ċittadini mid-disponibilità online ta' servizzi, kontenuti u prodotti b'diversi lingwi, inklużi lingwi li jintużaw anqas, dawk reġjonali u dawk minoritarji, bil-ħsieb li jegħlbu l-ostakli lingwistiċi u jgħinu fil-ħarsien tal-wirt kulturali tal-komunitajiet lingwistiċi;

43.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' servizzi elettroniċi pubbliċi multilingwi fl-amministrazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u, fejn ikun f'loku. dawk reġjonali u lokali b'teknoloġiji tal-lingwa innovattivi, inklussivi assistivi, li jnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-lingwi u l-komunitajiet lingwistiċi, jippromwovu aċċess ugwali għas-servizzi, jistimolaw il-mobilità tan-negozji, taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fl-Ewropa u jiżguraw it-twettiq ta' Suq Uniku Diġitali multilingwi inklussiv;

44.  Jitlob li l-amministrazzjonijiet fil-livelli kollha jtejbu l-aċċess għal servizzi u informazzjoni online b'lingwi differenti, speċjalment għas-servizzi f'reġjuni transfruntiera u għal kwistjonijiet relatati mal-kultura, u li jużaw it-teknoloġiji tal-lingwa b'xejn u open-source li diġà jeżistu, fosthom it-traduzzjoni awtomatika, l-għarfien tat-taħdit, it-taħdit mill-kitba u s-sistemi lingwistiċi intelliġenti, bħas-sistemi multilingwi għall-irkupru tal-informazzjoni, għall-ġenerazzjoni ta' sommarji u sunti, u għall-fehim tat-taħdit, biex itejbu l-aċċessibilità ta' dawk is-servizzi;

45.  Jirrileva l-importanza tat-tekniki tal-estrazzjoni tal-informazzjoni mid-data u mit-testi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwa; Jissottolinja l-ħtieġa li l-kollaborazzjoni bejn l-industrija u s-sidien tad-data tissaħħaħ; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-qafas regolatorju jiġi adattat u li jiġi żgurat li r-riżorsi lingwistiċi jintużaw u jinġabru b'mod aktar miftuħ u interoperabbli; jinnota li informazzjoni sensittiva ma għandhiex tingħadda f'idejn kumpaniji kummerċjali u s-software tagħhom li huwa disponibbli b'xejn, peress li mhuwiex ċar kif dawn jistgħu jużaw l-għarfien li jiġbru, bħal fil-każ ta' data tas-saħħa;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.
(2) ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.
(3) ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1.
(4) ĠU C 320, 16.12.2008, p. 1.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.
(6) ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.
(7) ĠU C 187, 18.7.1988, p. 236.
(8) ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 322.
(9) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 374.
(10) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 59.
(11) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 52.
(12) Testi adottati, P8_TA(2018)0032.


Ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: il-każ tal-foresti
PDF 217kWORD 72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti (2018/2003(INI))
P8_TA(2018)0333A8-0249/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) (Settembru 2001) u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) dwar l-FLEGT ma' pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(1) (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Busan tal-2011 favur Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-istudju tal-Kummissjoni dwar L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni (2013),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' studju tal-fattibbiltà dwar l-għażliet biex tiżdied l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni (2017),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titlu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità" (COM(2008)0645),

–  wara li kkunsidra l-Consumer Goods Forum (Forum tal-Prodotti għall-Konsumatur) tal-2010, netwerk globali tal-industrija magħmul minn bejjiegħa bl-imnut, manifatturi u fornituri ta' servizzi, li adotta mira li sal-2020 ma jkun hemm ebda deforestazzjoni fil-ktajjen ta' provvista tas-sħab tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Bonn Challenge (Sfida ta' Bonn) tal-2011, li hija sforz globali sabiex 150 miljun ettaru ta' art deforestata u degradata fid-dinja jiġu restawrati sal-2020, u 350 miljun ettaru sal-2030,

–  wara li kkunsidra t-Tropical Forest Alliance (Alleanza tal-Foresti Tropikali) tal-2020,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-Aġenda ta' Azzjoni tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2016 dwar infurzar tal-liġi, tmexxija u kummerċ fis-settur forestali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Prodotti Agrikoli Bażiċi Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej) ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" (2015),

–  wara li kkunsidra l-mekkaniżmu tal-Programm tan-NU dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tan-NU dwar il-Foresti (UNSPF) tal-2017-2030, li jiddefinixxi sitt Għanijiet Globali dwar il-Foresti u 26 mira assoċjata li għandhom jintlaħqu sal-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni adottata fis-17 ta' Ġunju 1994,

–  wara li kkunsidra l-iżvilupp mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) ta' pjattaformi nazzjonali għal prodotti bażiċi sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni Bilaterali dwar l-Infurzar u Governanza tal-Liġi tal-Foresti (BCM-FLEG) maċ-Ċina (2009),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1987,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) tal-2007,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji tal-2012 dwar il-Pussess tal-Art (VGGT) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tal-2014 tal-FAO dwar Investiment Responsabbli fis-Sistemi tal-Agrikoltura u tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra r-rapport "Planetary Boundaries" l-aktar reċenti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tal-1973,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992 u l-Protokoll assoċjat ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza tal-2000 u l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom tal-2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2011, kif ukoll il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali, aġġornati fl-2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' April 2018 minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar ir-Rwol tal-UE fil-Protezzjoni tal-Foresti u tad-Drittijiet,

–  wara li kkunsidra l-Programm Globali tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi u l-Foresti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0249/2018),

A.  billi l-foresti b'diversità bijoloġika jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

B.  billi 300 miljun persuna jgħixu fil-foresti u 1,6 biljun persuna jiddependu direttament fuq il-foresti għall-għajxien tagħhom, inklużi aktar minn 2 000 grupp indiġenu; billi l-foresti għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-ekonomiji lokali; billi huwa stmat li l-foresti fihom madwar 80 % tal-ispeċi terrestri kollha u għaldaqstant huma riżerva importanti ta' bijodiversità; billi, skont l-FAO, madwar 13-il miljun ettaru ta' foresti jintilfu kull sena;

C.  billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jseħħu l-aktar fl-emisfera tan-Nofsinhar u l-foresti tropikali;

D.  billi l-foresti jipprevjenu d-degradazzjoni u d-deżertifikazzjoni tal-art u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' għargħar, uqigħ tal-art u nixfa;

E.  billi l-foresti huma vitali għal agrikoltura sostenibbli u titjib fis-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni;

F.  billi l-foresti jipprovdu wkoll servizzi essenzjali tal-ekosistema li jappoġġjaw l-agrikoltura sostenibbli permezz tar-regolazzjoni tal-flussi tal-ilma, l-istabbiliment tal-ħamrija, iż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija, ir-regolazzjoni tal-klima u l-iffaċilitar ta' ħabitats vijabbli għad-dakkara selvaġġi u l-predaturi ta' pesti agrikoli;

G.  billi l-prodotti tal-forestrija jirrappreżentaw 1 % tal-PDG dinji;

H.  billi r-restawr tal-foresti huwa wieħed mill-istrateġiji vitali biex jiġi limitat it-tisħin globali għal 1,5 gradi; billi l-gvernijiet kollha għandhom jaċċettaw ir-responsabbiltajiet tagħhom u jieħdu miżuri biex inaqqsu l-ispejjeż tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'pajjiżhom;

I.  billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma t-tieni l-akbar kawża umana tal-emissjonijiet tal-karbonju u huma responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra;

J.  billi l-fjuwil mill-injam għadu l-aktar prodott importanti tal-foresti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-aktar sors importanti ta' enerġija f'bosta pajjiżi Afrikani u Asjatiċi; billi fl-Afrika sub-Saħarjana, erbgħa minn kull ħames persuni għadhom jużaw l-injam għat-tisjir;

K.  billi l-foresti primarji għandhom bijodiversità rikka u jżommu 30 sa 70 fil-mija aktar karbonju minn foresti maqtugħin jew degradati;

L.  billi informazzjoni ċara, konsistenti u aġġornata dwar il-kopertura tal-foresti hija kruċjali għal monitoraġġ effettiv u l-infurzar tal-liġi;

M.  billi filwaqt li l-FLEGT-VPAs kienu siewja biex tittejjeb il-governanza tal-foresti, dawn għad għandhom bosta nuqqasijiet;

N.  billi l-FLEGT-VPAs jiffukaw fuq il-qtugħ tas-siġar fuq skala industrijali, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-qtugħ illegali tas-siġar joriġina mill-qtugħ tas-siġar artiġjanali u mill-injam tal-azjendi agrikoli;

O.  billi l-FLEGT-VPAs għandhom definizzjoni wisq ristretta ta' "legalità", xi drabi jitħallew barra kwistjonijiet kruċjali relatati mad-dominju tal-art u d-drittijiet tal-popli lokali;

P.  billi l-FLEGT-VPAs, ir-REDD+ u ċ-ċertifikazzjoni baqgħu inizjattivi separati, li jeħtiġilhom jiġu kkoordinati aktar;

Q.  billi l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-FLEGT tiddependi ħafna fuq il-pajjiżi ewlenin tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ, bħaċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun, u l-impenn tagħhom li jindirizzaw il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ tal-prodotti illegali tal-injam, u billi s'issa d-djalogi politiċi bilaterali ma' dawn is-sħab ma wasslux għal riżultati sodisfaċenti;

R.  billi l-għan tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR) huwa li jiżgura li l-ebda injam illegali ma jitqiegħed fis-suq tal-UE; billi r-rieżami tal-2016 tal-EUTR ikkonkluda li l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regolament ma kinux kompluti; billi tnediet konsultazzjoni pubblika fil-bidu ta' din is-sena dwar bidliet possibbli tal-ambitu tal-EUTR;

S.  billi ż-żoni protetti għandhom ikunu fil-qalba ta' kwalunkwe approċċ strateġiku għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa; billi dawn għandhom ikunu żoni siguri u inklużivi għall-iżvilupp ekonomiku, abbażi ta' biedja sostenibbli, enerġija, kultura u turiżmu, u jwasslu għall-iżvilupp ta' governanza tajba;

T.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom rwol importanti fl-iżvilupp sostenibbli ta' parks fl-Afrika sub-Saħarjana, li jirrispettaw id-drittijiet tal-komunitajiet forestali;

U.  billi l-korruzzjoni u istituzzjonijiet dgħajfa jirrappreżentaw ostakli ewlenin għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-foresti; billi rapport konġunt tal-2016 tal-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) u l-INTERPOL(5) jidentifika li r-reati relatati mal-foresti huma fost l-akbar ħames sfidi ewlenin sabiex jintlaħqu l-SDGs u jistqarr li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jammonta għal bejn 15 u 30 % tal-kummerċ globali legali; billi, skont il-Bank Dinji, il-pajjiżi affettwati jitilfu madwar USD 15 biljun kull sena fir-rigward tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ tal-injam;

V.  billi l-kriminalità forestali tieħu sura differenti, prinċipalment l-isfruttament illegali ta' speċi tal-injam li huma fil-periklu u li huma ta' valur għoli (CITES elenkati); il-qtugħ illegali tal-injam għall-materjal tal-bini u għall-għamara; il-qtugħ illegali tas-siġar u s-sekwestru tal-injam permezz ta' pjantaġġuni u kumpaniji agrikoli abbużivi għall-forniment ta' polpa lill-industrija tal-karta flimkien mal-użu ta' fjuwil mill-injam, li mhux regolat, u l-kummerċ tal-faħam sabiex jinħeba l-qtugħ illegali tas-siġar fi ħdan u barra miż-żoni protetti;

W.  billi l-urbanizzazzjoni, il-governanza ħażina, id-deforestazzjoni fuq skala kbira għall-agrikoltura, il-minjieri u l-iżvilupp tal-infrastruttura qegħdin jikkawżaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem b'impatti devastanti fuq il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali bħalma huma l-ħtif tal-art, l-iżgumbrar furzat, il-fastidju mill-pulizija, l-arresti arbitrarji u l-kriminalizzazzjoni tal-mexxejja tal-komunità, id-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

X.  billi l-Aġenda 2030 tan-NU tistabbilixxi l-mira li sal-2020 jitwaqqfu u jittaffew l-effetti tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; billi dan l-impenn huwa mtenni fil-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u m'għandux jiġi differit;

Y.  billi l-SDG 15 isemmi b'mod espliċitu l-ħtieġa ta' ġestjoni tajba tal-foresti, filwaqt li l-foresti jista' jkollhom rwol fejn jgħinu sabiex jintlaħqu ħafna aktar SDGs oħra;

Z.  billi r-REDD+ wassal għal benefiċċji ambjentali u soċjali f'bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-iżvilupp rurali u t-titjib tal-governanza tal-foresti; billi, madankollu, ta' spiss ġie kkritikat li jqiegħed pressjoni fuq il-komunitajiet tal-foresti;

AA.  billi hemm ġabra ta' evidenza, li dejjem qiegħda tikber, li l-iżgurar tal-pussess tal-art mill-komunitajiet iwassal għal tnaqqis fid-deforestazzjoni u ġestjoni aktar sostenibbli tal-foresti;

AB.  billi l-agrikoltura tirrappreżenta 80 % tad-deforestazzjoni madwar id-dinja kollha; billi t-trobbija tal-bhejjem u l-pjantaġġuni industrijali kbar, b'mod partikolari dawk tas-sojja u taż-żejt tal-palm, huma l-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni, partikolarment fil-pajjiżi tropiċi, minħabba domanda dejjem akbar għal dawn il-prodotti fil-pajjiżi żviluppati u fl-ekonomiji emerġenti u l-espansjoni tal-agrikoltura industrijali madwar id-dinja; billi fl-2013 studju tal-Kummissjoni żvela li l-UE-27 kienet l-akbar importatur dinji nett tad-deforestazzjoni reali (bejn l-1990 u l-2008); billi għaldaqstant l-UE għandha rwol deċiżiv fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, partikolarment fir-rigward tad-domanda tagħha u r-rekwiżiti tagħha dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward ta' prodotti bażiċi agrikoli;

AC.  billi l-espansjoni tas-sojja wasslet għal problemi soċjali u ambjentali, bħall-erożjoni tal-ħamrija, it-tniġġis tal-ilma, il-kontaminazzjoni mill-pestiċidi u l-ispostament sfurzat tal-popli; billi l-komunitajiet indiġeni kienu fost dawk l-aktar affettwati;

AD.  billi l-espansjoni tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm wasslet għal qerda massiva tal-foresti u kunflitti soċjali li qiegħdu l-kumpaniji tal-pjantaġġuni kontra l-gruppi indiġeni u l-komunitajiet lokali;

AE.  billi f'dawn l-aħħar snin, is-settur privat wera impenn dejjem akbar lejn il-protezzjoni tal-foresti u billi aktar minn 400 kumpanija impenjaw ruħhom li jeliminaw id-deforestazzjoni mill-prodotti u l-katini ta' provvista tagħhom, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti, b'enfasi partikolari fuq il-prodotti bażiċi bħaż-żejt tal-palm, is-sojja, iċ-ċanga u l-injam; billi l-miżuri pubbliċi maħsuba għall-prodotti agrikoli madankollu għadhom relattivament rari;

1.  Ifakkar li l-Aġenda 2030 tirrikonoxxi li l-foresti b'diversità bijoloġika għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għall-Ftehim ta' Pariġi; itenni li l-immaniġġjar sostenibbli u inklużiv tal-foresti u l-użu responsabbli tal-prodotti bażiċi mill-foresti huma l-aktar sistema naturali li hija effettiva u irħisa għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju;

2.  Jitlob lill-UE tappoġġja l-integrazzjoni tal-objettivi dwar il-governanza tal-foresti u tal-art fil-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li għandhom il-foresti;

3.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi li l-Partijiet kollha jieħdu azzjoni sabiex jikkonservaw u jsaħħu l-bjar, inklużi l-foresti;

4.  Jinnota li t-twaqqif tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti, u l-fatt li l-foresti jitħallew jerġgħu jikbru, jipprovdi mill-inqas 30 % tal-azzjoni ta' mitigazzjoni kollha meħtieġa biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 C(6);

5.  Jinnota li d-deforestazzjoni hija responsabbli għal 11 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi globali ta' gassijiet serra, aktar mill-karozzi tal-passiġġieri kollha f'daqqa;

6.  Jafferma r-rilevanza tat-tip ta' ġestjoni tal-foresti għall-bilanċ tal-karbonju fit-tropiċi, kif enfasizzat fid-dokumenti reċenti(7), li indikaw li forom aktar sottili ta' degradazzjoni, u mhux biss deforestazzjoni fuq skala kbira kif kien maħsub qabel, x'aktarx huma sors sinifikanti ħafna ta' emissjonijiet tal-karbonju li jammontaw għal aktar min-nofs l-emissjonijiet;

7.  Jinnota li r-riforestazzjoni, it-tiġdid tal-foresti degradati eżistenti u ż-żieda fil-kopertura tas-siġar fuq pajsaġġi agrikoli permezz tal-agroforestrija jirrappreżentaw l-uniċi sorsi disponibbli ta' emissjonijiet negattivi b'potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

8.  Ifakkar l-Isfida ta' Bonn(8), li l-għan tagħha huwa li jiġu restawrati 350 miljun ettaru ta' art degradata u deforestata sal-2030 li jistgħu jiġġeneraw madwar USD 170 biljun fis-sena f'benefiċċji netti minn protezzjoni tal-magħqad tal-ilma, rendiment tal-għelejjel u prodotti tal-foresti mtejba, u jistgħu jissekwestraw sa ekwivalenza ta' 1,7 gigatunnellati ta' diossidu tal-karbonju kull sena;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-impenji internazzjonali tal-UE, inter alia, dawk magħmula fil-qafas tal-COP21, il-Forum tan-NU dwar il-Foresti (UNFF), il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (UNCBD), id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-SDG 15, b'mod partikolari l-Mira 15.2 intiż biex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu restawrati l-foresti degradati u jiżdiedu b'mod sostanzjali t-tisġir u r-riforestazzjoni globalment sal-2020;

10.  Ifakkar speċifikament li l-Unjoni impenjat ruħha għall-miri tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ta' Aichi, li jirrikjedu li 17 % tal-ħabitats kollha jiġu kkonservati, 15 % tal-ekosistemi degradati jiġu rrestawrati u t-telf tal-foresti jinġieb qrib iż-żero, jew tal-inqas jitnaqqas bin-nofs sal-2020;

11.  Jinnota li l-industrija tal-avjazzjoni tiddependi ħafna fuq il-kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju, inklużi l-foresti; jenfasizza, madankollu, li l-kumpens għall-foresti qiegħed jiffaċċja kritika serja, billi dawn huma diffiċli li jitkejlu u impossibbli li jiġu garantiti; iqis li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għandha teskludi l-kumpens għall-foresti mill-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA);

12.  Jissottolinja li l-kawżi tad-deforestazzjoni jmorru lil hinn mis-settur tal-foresti nnifsu u huma relatati ma' firxa varjata ta' kwistjonijiet bħad-dominju tal-art, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, il-politiki agrikoli u t-tibdil fil-klima; jappella lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha rigward l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-FLEGT-VPAs u sabiex tindirizza d-deforestazzjoni b'mod olistiku permezz ta' qafas ta' politika koerenti, jiġifieri billi jiġi żgurat ir-rikonoxximent effettiv u r-rispett tad-drittijiet tad-dominju ta' art ta' komunitajiet li jiddependu mill-foresti, b'mod partikolari fil-każ ta' finanzjament tal-UE għall-iżvilupp, kif ukoll fil-proċess ta' skrinjar tal-FLEGT-VPAs, u b'dan il-mod tkun possibbli s-sussistenza fil-komunità forestali lokali filwaqt li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ekosistemi;

13.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex kull sentejn tfassal rapport dwar il-progress tal-Pjan ta' Azzjoni tal-FLEGT; jisħaq li dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-VPA, l-iskadenzi skedati, kwalunkwe diffikultajiet misjuba u l-miżuri meħuda jew ippjanati;

14.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-VPAs ser ikollha aktar ċans li tirnexxi jekk tipprevedi aktar appoġġ immirat għall-gruppi vulnerabbli involuti fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-injam (bdiewa żgħar, intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), operaturi indipendenti fis-settur "informali"); jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-proċessi ta' ċertifikazzjoni jirrispettaw l-interessi tal-gruppi aktar vulnerabbli involuti fil-ġestjoni tal-foresti;

15.  Jissottolinja l-importanza li jiġi miġġieled il-kummerċ illegali fl-injam tropikali; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni sabiex in-negozjati futuri tal-liċenzji ta' esportazzjoni FLEGT għal prodotti tal-injam legali vverifikati esportati lejn l-UE jqisu l-esperjenza miksuba bis-sistema Indoneżjana, li ilha effettiva minn Novembru 2016; jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt awtonoma tal-implimentazzjoni tas-sistema Indoneżjana ta' verifika tal-legalità tal-injam, li għandha tiġi ppreżentata f'perjodu ta' żmien xieraq;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw ir-riskju ta' kunflitti relatati mal-injam, biex jiżguraw li jiġi definit bħala illegali permezz tal-proċess tal-VPA; jemmen li d-definizzjoni tal-legalità tas-Sistema ta' Assigurazzjoni tal-Legalità tal-Injam (TLAS) għandha tevolvi sabiex fil-VPAs kollha tinkludi d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet komunitarji tad-dominju tal-art;

17.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw id-"djalogu strutturat FLEGT" propost sabiex titwettaq valutazzjoni xierqa tar-riskji ta' korruzzjoni fis-settur tal-foresti u jiġu żviluppati miżuri li jsaħħu l-parteċipazzjoni, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità bħala aspetti ta' strateġija kontra l-korruzzjoni;

18.  Jappella biex l-UE tiżviluppa politika ta' akkwist tal-injam ekoloġiku li tappoġġja l-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-foresti madwar id-dinja;

19.  Jinnota bi tħassib li s-settur tal-foresti huwa partikolarment vulnerabbli għal governanza dgħajfa, inklużi l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità organizzata, li jgawdu minn livell sinifikanti ta' impunità; jiddeplora l-fatt li anke f'pajjiżi li għandhom liġijiet tajba tal-foresti, l-implimentazzjoni għadha dgħajfa;

20.  Jirrikonoxxi li r-reati b'rabta mal-foresti, bħall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, ġew stmati li jirrappreżentaw valur ta' USD 50-152 biljun globalment fl-2016, żieda ta' aktar minn 30-100 biljun fl-2014 u kklassifikati bħala l-ewwel f'termini ta' dħul fost ir-reati ambjentali; jinnota li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għandu rwol sostanzjali fil-finanzjament tal-kriminalità organizzata u għaldaqstant ifaqqar b'mod sinifikanti lill-gvernijiet, lin-nazzjonijiet u lill-komunitajiet lokali minħabba dħul mhux miġbur(9);

21.  Jinsab allarmat li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħtif tal-art u s-sekwestru tal-artijiet indiġeni intensifikaw, kawża tal-espansjoni tal-infrastruttura u l-pjantaġġuni tal-monokultura għall-ikel, il-fjuwil u l-fibra, il-qtugħ tas-siġar u l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni tal-karbonju bħall-bijofjuwils, il-gass naturali jew l-iżviluppi idroelettriċi fuq skala kbira;

22.  Jinnota bi tħassib li madwar 300 000 Popli Forestali (imsejħa wkoll "pygmies" jew "batwas") fil-foresta pluvjali tal-Afrika Ċentrali qegħdin jiffaċċjaw pressjonijiet bla preċedent fuq l-artijiet, ir-riżorsi tal-foresti u s-soċjetajiet tagħhom, billi l-foresti qegħdin jinqatgħu, jiġu żgumbrati għall-agrikoltura jew jinbidlu f'żoni esklużivi għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa;

23.  Iħeġġeġ bis-sħiħ li l-Kummissjoni ssegwi l-punti li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(10), inkluż b'referenza għall-korporazzjonijiet li joperaw f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tagħti bidu għall-miżuri msemmija f'din ir-riżoluzzjoni sabiex tidentifika u tikkastiga lil dawk responsabbli, meta tali azzjonijiet jistgħu jiġu allokati direttament jew indirettament lil korporazzjonijiet multinazzjonali li joperaw fil-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

24.  Jenfasizza li l-qtugħ illegali tas-siġar jikkawża telf ta' dħul mit-taxxa għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jiddeplora b'mod partikolari l-fatt li r-rifuġji fiskali delokalizzati u l-iskemi ta' evitar tat-taxxa qegħdin jintużaw biex jiffinanzjaw kumpaniji u sussidjarji fittizji ta' kumpaniji ewlenin tal-polpa, tal-qtugħ tas-siġar għall-injam u tal-minjieri assoċjati mad-deforestazzjoni, kif ikkonfermat mill-Panama Papers u mill-Paradise Papers, f'kuntest fejn l-effetti tal-globalizzazzjoni finanzjarja mhux regolata jista' jkollha impatt negattiv fuq il-konservazzjoni tal-foresti u s-sostenibbiltà ambjentali; iħeġġeġ għal darb'oħra sabiex l-UE turi rieda politika u determinazzjoni qawwija fil-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, kemm domestikament kif ukoll ma' pajjiżi terzi;

25.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-istudju tal-fattibbiltà li ilu mistenni dwar l-għażliet biex tiżdied l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni(11), ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li dan l-istudju jiffoka prinċipalment fuq seba' prodotti forestali ta' riskju, jiġifieri ż-żejt tal-palm, is-sojja, il-gomma, iċ-ċanga, il-qamħirrum, il-kawkaw u l-kafè, u jirrikonoxxi li "B'mod ċar l-UE hija parti mill-problema tad-deforestazzjoni globali";

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi minnufih valutazzjoni tal-impatt dettaljata u konsultazzjoni ġenwina mal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari bl-involviment tal-popli lokali u n-nisa, bil-ħsieb li jiġi stabbilit ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE sinifikanti dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti li jinkludi miżuri regolatorji konkreti u koerenti, inkluż mekkaniżmu ta' monitoraġġ, biex tiggarantixxi li l-ebda katina ta' provvista jew tranżazzjoni finanzjarja marbuta mal-UE ma jikkawżaw deforestazzjoni, degradazzjoni tal-foresti jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jappella biex dan il-Pjan ta' Azzjoni jippromwovi aktar assistenza finanzjarja u teknika lill-pajjiżi produtturi bil-għan speċifiku li jipproteġi, iżomm u jirrestawra l-foresti u l-ekosistemi kritiċi, u jtejjeb l-għajxien tal-komunitajiet li jiddependu mill-foresti;

27.  Ifakkar li n-nisa indiġeni u l-bdiewa nisa għandhom rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-ekosistemi tal-foresti; jinnota bi tħassib, madankollu, in-nuqqas ta' inklużjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali; jiddeplora n-nuqqas ta' edukazzjoni dwar il-forestrija; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni dwar il-forestrija hija punt ewlieni fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li għandha tiġi riflessa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE;

28.  Jieħu nota tal-ftuħ tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott tar-Regolament dwar l-Injam; iqis li l-possibbiltà li ssir għażla fil-kwestjonarju dwar it-tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni li għandu jiġi kopert mir-Regolament mhijiex waħda ġġustifikata minħabba li l-kummerċ illegali jiffjorixxi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni attwali tar-Regolament; jinnota wkoll il-pożizzjoni favorevoli tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Industriji tax-Xogħol tal-Injam dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam għall-prodotti kollha tal-injam;

29.  Jinnota li ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni, fir-rieżami tal-2016 tal-EUTR (SWD(2016)0034), dwar jekk il-penali stipulati mill-Istati Membri humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi peress li l-għadd ta' sanzjonijiet applikati s'issa kien baxx ħafna; għandu dubju dwar l-applikazzjoni minn uħud mill-Istati Membri tal-kriterju "tal-kundizzjonijiet ekonomiċi nazzjonali" għal penali stabbiliti, minħabba l-aspett internazzjonali tar-reat u l-fatt li dan huwa kklassifikat bħala l-ewwel fir-reati ambjentali fid-dinja;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u jinfurzaw l-EUTR, u sabiex l-EUTR ikopri l-prodotti kollha li huma jew jistgħu jkunu magħmula mill-injam, u li jkun fihom jew jista' jkun fihom l-injam; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu kontrolli adegwati u effettivi, inkluż fuq ktajjen tal-provvista kumplessi u fuq importazzjonijiet minn pajjiżi ta' pproċessar, u jitlob sanzjonijiet robusti u dissważivi għall-operaturi ekonomiċi kollha, peress li dan huwa reat internazzjonali li jiġġenera l-akbar qligħ fost ir-reati ambjentali;

31.  Jinnota li ġie żvelat li l-liċenzji tal-esportazzjoni tal-FLEGT jippermettu li l-injam miksub b'mod illegali jitħallat mal-injam legali u għalhekk jista' potenzjalment jiġi esportat lejn l-UE bħala konformi mal-EUTR(12);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam sabiex tindirizza l-injam ta' kunflitt u tirrakkomanda aktar miżuri dettaljati ta' mitigazzjoni tar-riskji sabiex jissaħħaħ l-infurzar kif ukoll titlob diliġenza dovuta mill-operaturi li jimportaw minn żoni affettwati minn kunflitt jew żoni ta' riskju għoli, termini u kundizzjonijiet kontra t-tixħim f'kuntratti ma' fornituri, l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' konformità kontra l-korruzzjoni, dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati, u awditi kontra l-korruzzjoni;

Governanza tal-foresti u tal-art

33.  Jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU (UNECE) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli globali tal-foresti, li għandha rwol essenzjali fil-kummerċ sostenibbli tal-prodotti tal-foresti;

34.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi kooperazzjoni aktar b'saħħitha u sħubiji effettivi mal-pajjiżi li l-aktar jikkunsmaw l-injam u partijiet ikkonċernati internazzjonali, bħan-NU, b'mod partikolari l-FAO, iċ-Ċentru għal Riċerka Internazzjonali dwar il-Foresti (CIFOR) u l-Programm tal-Bank Dinji dwar il-Foresti (PROFOR), għal tnaqqis aktar effettiv fil-kummerċ ta' injam maqtugħ illegalment fil-livell globali u titjib fil-governanza tal-foresti b'mod ġenerali;

35.  Jenfasizza li l-foresti sekondarji, li jiġu ġġenerati l-aktar permezz ta' proċessi naturali wara disturb tal-bniedem jew disturb naturali sinifikanti tal-foresti primarji, jipprovdu wkoll, flimkien mal-foresti primarji, servizzi kruċjali tal-ekosistema, għajxien għall-popolazzjoni lokali kif ukoll provvista tal-injam; iqis li peress li s-sopravivenza tagħhom hija mhedda wkoll mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kwalunkwe azzjoni li tindirizza t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġestjoni tal-foresti għandu jkollha fil-mira wkoll il-foresti sekondarji, u mhux biss dawk primarji;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li titħeġġeġ ġestjoni parteċipatorja u komunitarja tal-foresti permezz tat-tisħiħ tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-proġetti dwar il-ġestjoni tal-foresti li jissensibilizzaw u jiżguraw li l-komunitajiet lokali jaqsmu l-benefiċċji tar-riżorsi tal-foresti;

37.  Jinnota bi tħassib li l-pussess komunitarju mhux sigur tal-art mill-popli tal-foresti jikkostitwixxi ostaklu ewlieni għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni;

38.  Ifakkar li governanza responsabbli tal-pussess tal-art u tal-foresti hija essenzjali sabiex jiġu żgurati stabbiltà soċjali, użu sostenibbli tal-ambjent u investiment responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli;

39.  Jinnota l-eżistenza ta' mudelli ta' dritt għall-pussess tal-art tal-forestrija komunitarja/dritt konswetudinarju għall-pussess tal-art kollettiv li jistgħu jġibu għadd ta' benefiċċji(13), inkluża żieda fiż-żona tal-foresta u fir-riżorsi tal-ilma disponibbli, tnaqqis fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu stabbiliti regoli ċari dwar l-aċċess għall-injam u sistema b'saħħitha ta' monitoraġġ tal-foresti; jipproponi li jkun hemm aktar riċerka u appoġġ sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati oqfsa legali dwar il-forestrija komunitarja;

40.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jirrikonoxxu u jipproteġu d-dritt tal-komunitajiet lokali li jiddependu fuq il-foresti u tal-popli indiġeni, b'mod partikolari n-nisa indiġeni, fir-rigward tas-sjieda abitwali u l-kontroll tal-artijiet, it-territorji u r-riżorsi naturali tagħhom, kif stabbilit fl-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, UNDRIP u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169; jappella lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab f'dan l-isforz u fl-applikazzjoni preċiża tal-prinċipju ta' kunsens liberu u infurmat minn qabel (FPIC) għall-akkwisti ta' art fuq skala kbira;

41.  Jiddenunzja l-ispazju li qiegħed jiċkien u l-għadd li qiegħed jikber ta' attakki fuq il-libertà ta' espressjoni tal-komunitajiet tas-soċjetà ċivili u dawk lokali fir-rigward tal-governanza tal-foresti;

42.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex il-VGGT tal-FAO isiru vinkolanti għall-Pjan ta' Investiment Estern; jisħaq fuq il-fatt li l-konformità mal-VGGT tirrikjedi l-eżistenza ta' monitoraġġ u infurzar effettivi indipendenti, inklużi mekkaniżmi adegwati għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-ilmenti; jinsisti li l-istandards dwar id-dominju ta' art jiġu inklużi fit-tfassil tal-proġetti, il-monitoraġġ u r-rapportar annwali u jsiru vinkolanti għall-azzjoni esterna kollha tal-UE ffinanzjata minn assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, bħala pass immedjat, mekkaniżmu effettiv ta' lmenti amministrattivi għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u impatti dannużi oħra kkawżati minn attivitajiet iffinanzjati mill-ODA sabiex jinbdew proċessi ta' investigazzjoni u ta' rikonċiljazzjoni; jindika li dan il-mekkaniżmu għandu jkollu proċeduri standardizzati, ikun ta' natura amministrattiva, u għaldaqstant ikun komplementari għall-mekkaniżmi ġudizzjarji, u li d-Delegazzjonijiet tal-UE jistgħu jaġixxu bħala punti ta' dħul;

44.  Jappella sabiex l-UE tadotta regoli dwar l-iżvelar obbligatorju ta' informazzjoni dwar id-deforestazzjoni li joffri prova ta' investimenti finanzjarji marbuta mal-produzzjoni jew mal-ipproċessar ta' prodotti bażiċi li huma ta' theddida għall-foresti;

45.  Ifakkar li l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-27 ta' Novembru 2018 dwar il-funzjonament tad-Direttiva 2013/50/UE dwar it-Trasparenza li tintroduċi rekwiżit ta' żvelar għall-pagamenti lill-gvernijiet minn kumpaniji kbar elenkati u mhux elenkati b'attivitajiet fl-industrija estrattiva u li jinvolvi l-qtugħ tas-siġar għall-injam tal-foresti (naturali u seminaturali) primarji; jinnota wkoll li dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva; fid-dawl ta' rieżami possibbli, jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-estensjoni tal-obbligu lil setturi tal-industrija oħra li jaffettwaw lill-foresti, u lil foresti oħra għajr il-foresti primarji;

46.  Jiddeplora n-nuqqas ta' parteċipazzjoni lokali u n-nuqqas ta' ftehimiet dwar il-foresti komunitarji fiż-żonar tal-użu tal-art u l-allokazzjoni tal-konċessjonijiet huma komuni f'bosta pajjiżi; huwa tal-fehma li t-TLAS għandha tinkludi salvagwardji proċedurali li jagħtu saħħa lill-komunitajiet, bil-għan li titnaqqas il-probabbiltà ta' allokazzjoni korrotta jew inġusta jew trasferimenti ta' art;

47.  Jisħaq fuq il-fatt li trasparenza tad-data, kartografija aħjar, monitoraġġ indipendenti, għodod għall-awditjar u kondiviżjoni tal-informazzjoni huma essenzjali għat-titjib tal-governanza, għall-kooperazzjoni internazzjonali u għall-iffaċilitar tal-konformità mal-impenji ta' ebda deforestazzjoni; jappella lill-UE sabiex iżżid l-appoġġ finanzjarju u tekniku lill-pajjiżi sħab sabiex tikseb dawn l-għanijiet u biex tgħinhom jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex itejbu l-istrutturi ta' governanza tal-foresti lokali u r-responsabbiltà;

Ktajjen ta' provvista u finanzjament responsabbli

48.  Jinnota li l-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam għandhom jiġu kkontrollati aktar bir-reqqa fil-fruntieri tal-UE, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti importati tassew jikkonformaw mal-kriterji meħtieġa biex jidħlu fl-UE;

49.  Jinnota li aktar minn nofs il-prodotti bażiċi mmanifatturati u esportati fis-suq globali huma prodotti tad-deforestazzjoni illegali; jindika li, b'kont meħud tal-prodotti bażiċi li huma ta' riskju għall-foresti u li huma relatati mal-agrikoltura, huwa stmat li fir-rigward tal-esportazzjonijiet taċ-ċanga 65 % minn dik tal-Brażil u 9 % minn dik tal-Arġentina u fir-rigward tal-esportazzjoni tas-sojja 41 % minn dik tal-Brażil, 5 % minn dik tal-Arġentina u 30 % minn dik tal-Paragwaj x'aktarx li jkunu marbuta mad-deforestazzjoni illegali; jinnota wkoll li l-produtturi tal-UE jimportaw ammonti sinifikanti ta' għalf u ta' proteini mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(14);

50.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-settur privat sabiex jinkisbu l-miri internazzjonali dwar il-foresti, inkluż ir-restawr tal-foresti; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ktajjen ta' provvista globali u l-flussi finanzjarji jappoġġjaw biss produzzjoni sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni li tkun legali, u ma jwasslux għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

51.  Jilqa' l-fatt li l-atturi ewlenin tas-settur privat (spiss mill-UE) wiegħdu li ser jeliminaw id-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' provvista u mill-investimenti tagħhom; jinnota madankollu li l-UE jeħtiġilha tilqa' l-isfida u ssaħħaħ l-isforzi tas-settur privat permezz ta' politiki u ta' miżuri xierqa li joħolqu linja bażi komuni għall-kumpaniji kollha u li jintroduċu kundizzjonijiet ekwi; iqis li dan jagħti spinta lill-wegħdiet, joħloq fiduċja u jżomm lill-kumpaniji aktar responsabbli għall-impenji tagħhom;

52.  Ifakkar li l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem iridu jiġu rrispettati; jappoġġja n-negozjati kontinwi sabiex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkun involuta b'mod attiv f'dan il-proċess;

53.  Jinkoraġġixxi lill-korporazzjonijiet jieħdu azzjoni biex jipprevjenu l-korruzzjoni fil-prattiki kummerċjali tagħhom, partikolarment dawk relatati mal-allokazzjoni ta' drittijiet tad-dominju ta' art, u sabiex jiżdiedu s-sistemi ta' monitoraġġ estern tagħhom dwar l-istandards tax-xogħol biex jinkludu impenji aktar inklużivi relatati mad-deforestazzjoni;

54.  Jappella biex l-UE tintroduċi rekwiżiti obbligatorji sabiex l-industrija finanzjarja twettaq diliġenza dovuta b'saħħitha fil-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji u mhux finanzjarji għall-ambjent, għas-soċjetà u għall-governanza; jappella bl-istess mod għad-divulgazzjoni pubblika tal-proċess ta' diliġenza dovuta, permezz tar-rapportar annwali maħsub għall-investituri;

55.  Jappella biex l-UE tindirizza d-deforestazzjoni globali billi tirregola l-kummerċ Ewropew u l-konsum ta' prodotti bażiċi ta' riskju għall-foresti, bħas-sojja, iż-żejt tal-palm, l-eucalyptus, iċ-ċanga, il-ġilda u l-kawkaw, abbażi tal-esperjenzi meħuda mill-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, ir-Regolament dwar l-Injam, ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt, id-Direttiva dwar ir-Rapportar mhux Finanzjarju, il-leġiżlazzjoni dwar is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) u inizjattivi oħra tal-UE biex tirregola l-katini ta' provvista;

56.  Jikkunsidra li dan il-qafas regolatorju għandu

   a) jistabbilixxi kriterji obbligatorji għal prodotti sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni;
   b) jimponi obbligi ta' diliġenza dovuta obbligatorji fuq operaturi kemm upstream kif ukoll downstream fil-ktajjen ta' provvista ta' prodotti bażiċi ta' riskju għall-foresti;
   c) jinforza t-traċċabilità tal-prodotti bażiċi u t-trasparenza fil-katina ta' provvista kollha;
   d) jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jinvestigaw u jipproċedu kontra ċittadini tal-UE jew kumpaniji bbażati fl-UE li jibbenefikaw minn konverżjoni illegali tal-art f'pajjiżi produtturi;
   e) jkun konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jirrispetta d-drittijiet konswetudinarji kif stabbiliti fil-VGGT u jiggarantixxi l-FPIC tal-komunitajiet kollha potenzjalment affettwati matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodott;

57.  Jistieden sabiex l-UE tiżgura li l-miżuri mdaħħla fis-seħħ u l-qafas regolatorju ma jagħtux lok għal piżijiet żejda fuq il-produtturi żgħar u ta' daqs medju jew jipprevjenu l-aċċess tagħhom għas-swieq u l-kummerċ internazzjonali;

58.  Jappella bl-istess mod sabiex l-UE tippromwovi qafas regolatorju vinkolanti simili fil-livell internazzjonali u sabiex tintegra d-diplomazija dwar il-foresti fil-politika tagħha dwar il-klima, bil-għan li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi, li jipproċessaw u/jew jimportaw kwantitajiet sinifikanti ta' injam tropikali, bħaċ-Ċina u l-Vjetnam, sabiex jadottaw leġiżlazzjoni effettiva li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' injam maqtugħ illegalment u li tirrikjedi li l-operaturi jwettqu diliġenza dovuta (simili għall-EUTR); għal dan il-għan, jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza fir-rigward tad-diskussjonijiet u l-azzjonijiet meħuda taħt il-BCM-FLEGT maċ-Ċina;

59.  Jiddeplora l-isfida tal-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) rigward il-moratorju fuq l-għoti ta' liċenzji ġodda lil żewġ kumpaniji Ċiniżi għall-qtugħ tas-siġar fil-foresti pluvjali tar-RDK; jappella sabiex il-moratorju jinżamm sakemm il-kumpaniji tal-qtugħ tas-siġar, il-gvern u l-komunitajiet lokali li jiddependu fuq il-foresti jilħqu qbil dwar protokolli li jiżguraw ġestjoni ambjentali u soċjali sodisfaċenti;

60.  Jappella lill-UE biex tintroduċi kriterji ta' kundizzjonalità għall-għalf tal-annimali fir-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) bl-objettiv li jiġi żgurat li s-sussidji pubbliċi jingħataw lil prodotti alimentari sostenibbli u mhux mid-deforestazzjoni, titnaqqas l-importazzjoni ta' għalf tal-proteina għall-għelejjel u l-bhejjem, filwaqt li tiġi diversifikata u tissaħħaħ il-produzzjoni domestika tal-għelejjel tal-proteina u titneħħa l-importazzjoni ta' prodotti bażiċi li huma ta' riskju għall-foresti (eż. sojja, qamħirrum) minn appoġġ dirett jew indirett fil-politika futura tal-UE dwar l-ikel u l-biedja;

61.  Jenfasizza li l-PAK il-ġdida trid tkun allinjata mal-impenji internazzjonali tal-UE, inkluża l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima;

62.  Jappella sabiex l-indikaturi tal-SDG jintużaw għall-valutazzjoni tal-effetti esterni tal-PAK, kif issuġġerit mill-OECD;

63.  Ifakkar li l-Malasja u l-Indoneżja huma l-produtturi ewlenin taż-żejt tal-palm, b'madwar 85-90 % tal-produzzjoni globali, u li d-domanda li dejjem qiegħda tikber għal dan il-prodott bażiku twassal għal deforestazzjoni, titfa' pressjoni fuq l-użu tal-art u għandha effetti sinifikanti fuq il-komunitajiet lokali, is-saħħa u t-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-punt, f'dan il-kuntest, li n-negozjati għal ftehimiet kummerċjali mal-Indoneżja u l-Malasja għandhom jintużaw sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni fil-prattika;

64.  Fir-rigward taż-żejt tal-palm jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, iżda jinnota b'dispjaċir li r-Roundtable dwar iż-Żejt tal-Palm Responsabbli (RISPO), iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli tal-Indoneżja (ISPO), iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli tal-Malasja (MPSO), u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni rikonoxxuti ewlenin l-oħra kollha ma jipprojbixxux b'mod effettiv lill-membri tagħhom milli jikkonvertu l-foresti pluvjali jew it-torbieri fi pjantaġġuni tal-palm; iqis, għalhekk, li dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin qegħdin jonqsu milli jillimitaw b'mod effettiv l-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-istabbiliment u t-tħaddim tal-pjantaġġuni, u b'konsegwenza ta' dan ma setgħux jevitaw nirien kbar fil-foresta u fit-torbieri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jitwettqu monitoraġġ u awditjar indipendenti ta' dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, sabiex tiggarantixxi li ż-żejt tal-palm li jitqiegħed fis-suq tal-UE jikkonforma mal-istandards meħtieġa kollha u jkun sostenibbli; jinnota li l-kwistjoni tas-sostenibbiltà fis-settur taż-żejt tal-palm ma tistax tiġi indirizzata b'politiki u miżuri volontarji biss, iżda l-kumpaniji taż-żejt tal-palm għandhom ikunu soġġetti wkoll għal regoli vinkolanti u għal skema ta' ċertifikazzjoni obbligatorja;

65.  Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb l-affidabilità tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni volontarji, permezz ta' tikkettar, bil-għan li jiġi garantit li jkun biss iż-żejt tal-palm ħieles mid-deforestazzjoni, mid-degradazzjoni tal-foresti, mill-approprjazzjoni illeġittima tal-art u minn ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li jidħol fis-suq tal-UE, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(15), u li skemi bħall-RSPO jinkludu lil dawk kollha li jużaw iż-żejt tal-palm; jenfasizza, barra minn hekk, li jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu informati aħjar dwar l-effetti ħżiena tal-produzzjoni mhux sostenibbli taż-żejt tal-palm fuq l-ambjent bl-għan aħħari jkun li jitnaqqas b'mod sinifikanti l-konsum taż-żejt tal-palm;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan, biex jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn fil-livell tal-UE kollha favur l-akkwist ta' żejt tal-palm iċċertifikat sostenibbli biss sal-2020 billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Prodotti Bażiċi Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej), u li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn tal-industrija billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "In Support of a Fully Sustainable Palm Oil Supply Chain by 2020" (Appoġġ Favur Katina tal-Provvista Kompletament Sostenibbli għaż-Żejt tal-Palm sal-2020);

Koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

67.  Ifakkar li l-SDGs jistgħu jintlaħqu biss jekk il-katini tal-provvista jsiru sostenibbli u jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki; jinsab allarmat li d-dipendenza għolja tal-UE fuq l-importazzjoni ta' għalf tal-annimali fil-forma ta' fażola tas-sojja tikkawża deforestazzjoni f'pajjiżi barra minnha; jinsab imħasseb dwar l-impatt ambjentali taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijomassa u ż-żieda fid-domanda għall-injam fl-Ewropa, b'mod partikolari biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli; jappella lill-UE biex tikkonforma mal-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), kif minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, billi dan huwa aspett fundamentali tal-kontribut tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp; jappella, għaldaqstant, lill-UE biex tiżgura konsistenza bejn l-iżvilupp, il-kummerċ, l-agrikoltura, l-enerġija u l-politiki dwar il-klima tagħha;

68.  Jappella lill-Kummissjoni tarmonizza u tikkoordina aħjar l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar fi ħdan il-politiki differenti tal-UE u s-servizzi tagħha involuti fil-politiki; jappella lill-Kummissjoni biex tinnegozja standards għall-importazzjoni tal-injam fil-ftehimiet relatati mal-kummerċ fuq livell bilaterali jew multilaterali fil-ġejjieni, b'mod li ma jiddgħajfux is-suċċessi li nkisbu permezz tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT flimkien mal-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

69.  Ifakkar li 80 % tal-foresti huma l-artijiet u t-territorji tradizzjonali ta' popli indiġeni u komunitajiet lokali; jinnota bi tħassib li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet ta' popli indiġeni rrapportat li rċeviet għadd dejjem jikber ta' allegazzjonijiet dwar sitwazzjonijiet fejn il-proġetti dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima affettwaw b'mod negattiv id-drittijiet ta' popli indiġeni, b'mod partikolari l-proġetti għal enerġija rinnovabbli bħall-produzzjoni tal-bijofjuwil u l-bini ta' digi idroelettriċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet ta' pussess tal-art għall-komunitajiet lokali tal-foresti, inklużi d-drittijiet abitwali; jindika li l-pagamenti bbażati fuq ir-riżultati u r-REDD+ huma opportunità biex jissaħħu l-governanza tal-foresti, id-drittijiet tad-dominju tal-art u l-għajxien;

70.  Jisħaq fuq ir-rwol vitali tal-popli indiġeni fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità; ifakkar li l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) tappella lill-istati partijiet tagħha jirrispettaw l-għarfien u d-drittijiet tal-popli indiġeni bħala salvagwardji fl-implimentazzjoni ta' REDD+; iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jadottaw miżuri sabiex jinvolvu b'mod effettiv lill-popli indiġeni fil-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

71.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu s-sinerġiji bejn il-FLEGT-VPA u r-REDD+;

72.  Jesprimi tħassib serju dwar l-espansjoni tal-użu industrijali fuq skala kbira tal-foresti għall-enerġija permezz tal-monokultura, li jaċċellera it-telf globali tal-bijodiversità u d-deterjorament tas-servizzi tal-ekosistemi;

73.  Ifakkar li l-politika tal-UE dwar il-bijokarburanti għandha tkun konsistenti mal-SDGs u mal-prinċipju tal-PCD; itenni li l-UE għandha telimina gradwalment l-inċentivi kollha ta' politika għall-agrokarburanti sa mhux aktar tard mill-2030;

74.  Jiddeplora l-fatt li r-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) ma tintroduċix kriterji dwar is-sostenibbiltà soċjali u konsegwenzi oħra dwar l-użu indirett tal-art li jqisu r-riskji tal-ħtif tal-art; ifakkar li d-Direttiva għandha tkun konsistenti mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet għaż-żamma tal-art, jiġifieri l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169 u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar iż-Żamma tal-Arti u l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli fis-Sistemi tal-Agrikoltura u l-Ikel; jenfasizza bl-istess mod il-ħtieġa li jiġu introdotti kriterji aktar stretti fuq il-bijomassa tal-foresti sabiex tiġi evitata l-promozzjoni tal-bijoenerġija li toħloq deforestazzjoni barra mill-pajjiż;

75.  Jinnota l-volum sostanzjat ta' evidenza li l-konverżjoni ta' foresta tropikali għall-agrikoltura, għall-pjantaġġuni u għal użi oħra tal-art tikkawża telf sinifikanti ta' speċijiet u b'mod partikolari ta' speċijiet tipiċi tal-foresti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu restawrati l-foresti naturali u li huma bijoloġikament varjati bħala mezz għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-bijodiversità, f'konformità mal-objettivi tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari l-Għan 15; jemmen li programmi ta' restawr tal-foresti għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet tal-art tal-antenati lokali, ikunu inklużivi u adatti għall-kundizzjonijiet lokali u jippromwovu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura bħar-restawr tal-pajsaġġ tal-foresti (FLR) sabiex jiġu bbilanċjati l-użi tal-art, inklużi ż-żoni protetti, l-agroforestrija, is-sistemi tal-biedja, il-pjantaġġuni fuq skala żgħira u r-residenzi tal-bniedem; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni barra mill-pajjiż jiġi indirizzat fid-dawl tal-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità għall-2020;

76.  Jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li għandhom ħafna foresti, bil-għan li jikkontrobilanċjaw l-espansjoni bla xkiel ta' prattiki agrikoli u attivitajiet ta' estrazzjoni li kellhom impatt negattiv fuq l-immaniġġjar tal-foresti, u fuq l-għajxien u l-integrità kulturali tal-popli indiġeni kif ukoll konsegwenzi detrimentali għall-istabbiltà soċjali u s-sovranità tal-ikel tal-bdiewa;

77.  Itenni li katini tal-valur tal-injam sostenibbli li joriġinaw minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli, inklużi l-pjantaġġuni tal-foresti u l-biedja tal-familja, jistgħu jagħtu kontributi importanti biex jintlaħqu l-SDGs u l-impenji dwar it-tibdil fil-klima; jinsisti, f'kuntest fejn id-degradazzjoni jew it-telf tal-foresti jammontaw għal 68,9 % ta' telf kumplessiv tal-karbonju fl-ekosistemi tropikali (16), li ebda finanzjament pubbliku li joriġina mill-finanzjament għall-klima u l-fondi għall-iżvilupp ma jintuża biex jappoġġja l-espansjoni tal-agrikoltura, il-qtugħ tas-siġar fuq skala industrijali, il-minjieri, l-estrazzjoni tar-riżorsi jew l-iżvilupp tal-infrastruttura f'pajsaġġi forestali mhux mittiefsa, filwaqt li b'mod aktar ġenerali l-finanzjament minn fondi pubbliċi għandu jkun soġġett għal kriterji ta' sostenibbiltà robusti; jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkoordinaw il-politiki tad-donaturi f'dan ir-rigward(17);

78.  Iqis li l-isforzi biex tieqaf id-deforestazzjoni jridu jinkludu għajnuna u appoġġ għall-użu l-aktar effettiv ta' uċuħ tar-raba' eżistenti, li jkunu applikati f'rabta ma' approċċ ta' raħal intelliġenti; jirrikonoxxi li l-prattiki agroekoloġiċi għandhom potenzjal qawwi biex jimmassimizzaw il-funzjonijiet tal-ekosistemi u r-reżiljenza permezz tat-tħawwil imħallat u ta' diversità għolja, l-agroforestrija u t-tekniki ta' permakultura rilevanti wkoll għal prodotti agrikoli bħaż-żejt tal-palm, il-kawkaw jew tal-gomma, u jwasslu wkoll għal aktar benefiċċji f'termini ta' eżiti soċjali, diversifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-produttività, mingħajr ma jirrikorru għal konverżjoni ulterjuri tal-foresti;

Kriminalità tal-foresti

79.  Jinnota li, skont il-UNEP u l-INTERPOL, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ tal-injam huma wieħed mill-aktar ħames setturi importanti tal-kriminalità ambjentali, bi gruppi transnazzjonali ta' kriminalità organizzata jkollhom rwol akbar;

80.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra l-kummerċ internazzjonali illegali teħtieġ azzjoni komuni u inklużiva biex titwaqqaf il-qerda, id-deforestazzjoni, il-qtugħ illegali tas-siġar u jiġu miġġielda l-frodi, il-qtil u t-talba għal prodotti bażiċi u ħajja selvaġġa tal-foresti;

81.  Jissottolinja li l-kriminalità tal-foresti, bħall-ħruq mhux regolat jew illegali tal-faħam jew il-kriminalitajiet fuq skala kbira mill-kumpaniji li jinvolvu l-injam, il-karta u l-polpa, għandhom impatt kbir fuq l-emissjonijiet globali, ir-riżervi tal-ilma, id-deżertifikazzjoni u x-xejriet tax-xita;

82.  Jinnota bi tħassib li, skont l-UNEP u l-INTERPOL, il-leġiżlazzjoni li tindirizza l-kriminalità ambjentali hija meqjusa bħala inadegwata f'bosta pajjiżi, minħabba, fost oħrajn, nuqqas ta' għarfien espert u persunal, multi żgħar jew l-assenza ta' sanzjonijiet kriminali, eċċ., li huma ostakli għall-ġlieda effettiva kontra dawn il-kriminalitajiet;

83.  Jisħaq fuq l-importanza li jintużaw pieni li jkunu tassew deterrenti u effettivi fil-pajjiżi produtturi sabiex jiġu missielta l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ tal-injam;

84.  Jappella lill-Kummissjoni tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(18) sabiex din tinkludi l-qtugħ illegali tas-siġar;

85.  Jinkoraġġixxi lill-UE tipprovdi assistenza fit-tisħiħ tas-sorveljanza tad-deforestazzjoni u l-attivitajiet illegali;

86.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kriminalità ambjentali, bħall-faqar, il-korruzzjoni u l-governanza mhux adegwata, permezz ta' approċċ integrat u olistiku, inkoraġġiment tal-kooperazzjoni finanzjarja transfruntiera u użu tal-istrumenti kollha rilevanti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż il-ħtif u l-konfiska ta' assi kriminali, u azzjoni kontra l-ħasil tal-flus;

87.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-oqfsa ġuridiċi domestiċi, jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta' netwerks nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u t-t-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt internazzjonali rilevanti għall-promozzjoni ta' ġestjoni trasparenti u responsabbli tal-foresti permezz, fost l-oħrajn, tal-iskambju tal-aħjar prattiki, l-iżvelar rigoruż tal-informazzjoni, il-valutazzjonijiet robusti tal-impatt għas-sostenibilità u s-sistemi ta' monitoraġġ u rapportar, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu protetti l-gwardji tal-foresti; jappella għal aktar kollaborazzjoni bejn is-setturi u bejn l-aġenziji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali, partikolarment mal-INTERPOL u l-UNODC, inklużi l-kondiviżjoni tal-intelligence u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex din tkopri l-kriminalità ambjentali;

88.  Ifakkar li aċċess akbar għad-data doganali dwar l-importazzjonijiet li jidħlu fl-UE jkun jista' jżid it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-katina tal-valur globali; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-obbligi fil-qasam tad-data doganali u tinkludi lill-esportatur u lill-manifattur bħala elementi obbligatorji tad-data doganali, b'hekk jissaħħu t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-ktajjen tal-valur globali;

Kwistjonijiet Kummerċjali

89.  Jenfasizza li n-negozjati kummerċjali tal-Unjoni jridu jkunu konformi mal-impenji tal-Unjoni li tieħu azzjoni sabiex tnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u sabiex issaħħaħ l-istokkijiet tal-karbonju tal-foresti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

90.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu estiżi u rinforzati l-arranġamenti għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-verifika tal-impatti ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minn ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment ħieles (FTAs) bilaterali u multilaterali tal-UE, inkluż permezz ta' indikaturi verifikabbli u inizjattivi ta' monitoraġġ u ta' rapportar indipendenti bbażati fil-komunità;

91.  Iħeġġeġ lill-UE sabiex, fil-kapitoli tagħha dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD), tinkludi dejjem dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli sabiex jintemmu l-qtugħ illegali, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u l-ħtif tal-art, u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li huwa soġġett għal mekkaniżmi xierqa u effettivi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u sabiex tqis, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet u dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-dritt għall-proprjetà, konsultazzjoni minn qabel u kunsens infurmat; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tali dispożizzjonijiet f'FTAs konklużi diġà permezz ta' klawżola ta' reviżjoni, b'mod partikolari l-impenn li jiġi implimentat b'mod effettiv il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima; jenfasizza l-importanza li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mmonitorjati u l-ħtieġa li jitnedew proċeduri ta' konsultazzjoni tal-gvern mingħajr dewmien f'każ li s-sħab kummerċjali ma jirrispettawx dawn ir-regoli, u li jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' infurzar eżistenti bħall-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta' tilwim stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-kapitoli TSD;

92.  Jappella lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi speċifiċi għall-foresti fil-ftehimiet kollha kummerċjali u ta' investiment tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti u infurzabbli permezz ta' mekkaniżmi effettivi ta' monitoraġġ u sanzjonijiet li jippermettu lill-individwi u lill-komunitajiet, barra jew fi ħdan l-UE, sabiex ifittxu rimedju;

93.  Jisħaq fuq il-fatt li l-korruzzjoni marbuta mal-qtugħ illegali għandha tiġi indirizzata fil-politika kummerċjali tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fl-FTAs tagħha, dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni relatati mal-qtugħ illegali li huma infurzabbli u li jridu jiġu implimentati b'mod effettiv u bis-sħiħ;

94.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi prattiki illegali marbuta mal-foresti, bħall-ipprezzar baxx tal-injam f'konċessjonijiet, il-ħsad ta' siġar protetti minn korporazzjonijiet kummerċjali, il-kuntrabandu ta' prodotti tal-foresti bejn il-fruntieri, il-qtugħ u l-ipproċessar illegali ta' materja prima tal-foresti mingħajr liċenzja, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet infurzabbli kontra l-korruzzjoni fl-FTAs;

95.  Jinnota li r-Regolament dwar Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) għad għandu kamp ta' applikazzjoni limitat għall-protezzjoni u l-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konvenzjonijiet rilevanti għall-foresti koperti mill-iskemi SĠP u SĠP+ jiġu mmonitorjati kif xieraq, inkluż minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-foresti f'pajjiżi sħab, inkluża l-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-ilmenti sabiex jiġi żgurat li l-ilmenti tal-partijiet interessati jitqiesu kif xieraq; jisħaq fuq il-fatt li dan il-mekkaniżmu jrid jagħti attenzjoni speċjali lid-drittijiet tal-persuni indiġeni, tal-komunitajiet li jiddependu fuq il-foresti, u lid-drittijiet mogħtija taħt il-Konvenzjoni C169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

96.  Ifakkar fl-importanza ta' aċċess xieraq għall-ġustizzja, rimedji legali u protezzjoni effettiva għall-informaturi fil-pajjiżi li jesportaw riżorsi naturali sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni jew inizjattiva;

o
o   o

97.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0098.
(3) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0330.
(5) Nellemann, C. (Kap Editur); Henriksen, R., Kreilhuber, A., Stewart, D., Kotsovou, M., Raxter, P., Mrema, E., and Barrat, S. (Eds),, The Rise of Environmental Crime – A Growing Threat to Natural Resources, Peace, Development And Security, A UNEP-INTERPOL Rapid Response Assessment, Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u r-Rispons Rapidu RHIPTO, Norwegian Centre for Global Analyses, www.rhipto.org, 2016.
(6) Goodman, R.C. and Herold, M., Why Maintaining Tropical Forests is Essential and Urgent for Maintaining a Stable Climate, Dokument ta' Ħidma 385, Centre for Global Development, Washington DC, 2014; McKinsey & Company, Pathways to a Low-Carbon Economy, 2009; McKinsey & Company, Pathways to a Low-Carbon Economy: Version 2 of the Global Greenhouse Gas Abatement Cost Curve, 2013.
(7) Baccini, A. et al., 'Tropical forests are a net carbon source based on aboveground measurements of gain and loss', Science, Vol. 358, Ħarġa 6360, 2017, p. 230-234.
(8) Ara https://www.iucn.org/theme/forests/our-work/forest-landscape-restoration/bonn-challenge
(9) Nellemann, C. (Kap Editur); Henriksen, R., Kreilhuber, A., Stewart, D., Kotsovou, M., Raxter, P., Mrema, E., u Barrat, S. (Eds), The Rise of Environmental Crime – A Growing Threat to Natural Resources, Peace, Development And Security, A UNEP-INTERPOL Rapid Response Assessment, Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u Rispons Rapidu RHIPTO, Norwegian Centre for Global Analyses, www.rhipto.org, 2016.
(10) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
(11) http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/feasibility_study_deforestation_kh0418199enn_main_report.pdf
(12) Ir-Rapport dwar Reati Permessi tal-2014 tal-Aġenzija tal-Investigazzjoni Ambjentali (EIA) u tan-Netwerk ta' Monitoraġġ tal-Foresti tal-Indoneżja (Jaringan Pemantau Independen Kehutanan/JPIK) sab li xi kumpaniji liċenzjati TLAS huma involuti fil-"ħasil tal-injam," li jħallat l-injam miksub b'mod illegali mal-injam legali. Illum il-ġurnata, dan l-injam jista' potenzjalment jiġi esportat lejn l-UE bħala injam bil-liċenzja FLEGT. Disponibbli hawn: http://www.wri.org/blog/2018/01/indonesia-has-carrot-end-illegal-logging-now-it-needs-stick; sors primarju: https://eia-international.org/wp-content/uploads/Permitting-Crime.pdf
(13) Każ min-Nepal ippreżentat minn ClientEarth, disponibbli fuq https://www.clientearth.org/what-can-we-learn-from-community-forests-in-nepal/
(14) Forest Trends Report Series: Consumer Goods and Deforestation: An Analysis of the Extent and Nature of Illegality in Forest Conversion for Agriculture and Timber Plantations, 2014.
(15) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
(16) Baccini, A. et al., 'Tropical forests are a net carbon source based on aboveground measurements of gain and loss', Science, Vol. 358, Ħarġa 6360, 2017, p. 230-234, http://science.sciencemag.org/content/early/2017/09/27/science.aam5962
(17) Baccini, A. et al., op. cit.
(18) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

Avviż legali - Politika tal-privatezza