Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2061(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0233/2006

Testi mressqa :

A6-0233/2006

Dibattiti :

PV 25/09/2006 - 14
CRE 25/09/2006 - 14

Votazzjonijiet :

PV 26/09/2006 - 7.5
CRE 26/09/2006 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0367

Testi adottati
PDF 323kWORD 86k
It-Tlieta, 26 ta' Settembru 2006 - Strasburgu
L-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban
P6_TA(2006)0367A6-0233/2006

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban ((2006/2061(INI))

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar id-dimensjoni urbana fil-kuntest tat-tkabbir(1) u tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-aspetti ambjentali ta' l-iżvilupp sostenibbli(2),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban (COM(2005)0718),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Lejn strateġija tematika dwar l-Ambjent Urban" (COM(2004)0060),

-   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni għall-Ambjent (is-sitt EAP)(3),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0233/2006),

A.   billi madwar 80% tal-popolazzjoni Ewropea tgħix fil-bliet, iżda l-ħtiġijiet u l-interessi tagħha mhux dejjem ikunu rappreżentati b'mod xieraq fil-fondi, fil-proġetti, fl-inizjattivi u fl-istrateġiji ta' l-Unjoni Ewropea,

B.   billi l-mira ta' l-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban (TSUE) hija li tikkontribwixxi għall-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-bliet fl-Ewropa, billi tnaqqas il-burokrazija u żżid l-effiċjenza ta' l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali, u billi tinkoraġġixxi l-ippjanar ambjentali fuq perjodu ta' żmien fit-tul fil-livell lokali,

C.   billi, peress li s-sehem ta' trasport pubbliku fl-Istati Membri ġodda, minkejja li qed jonqos, xorta huwa ogħla milli fl-Istati Membri l-oħra, għandhom jitqiesu miżuri li jkunu jistgħu jippermettu l-waqfa ta' aktar tnaqqis fl-użu tat-trasport pubbliku,

D.   billi s-sitt EAP ippromwova b'mod partikulari l-ħtieġa li jkunu indirizzati l-volumi ta' traffiku li qed jiżdiedu u li tinkiseb firda sinifikattiva bejn it-tkabbir fit-trasport u dak tal-GDP,

E.   billi d-dipendenza ta' l-Unjoni Ewropea fuq l-enerġija għandha tkun indirizzata fil-livell urban, bl-akbar żieda fil-konsum ta' l-enerġija tkun fis-settur tat-trasport, u billi l-politiki fis-setturi l-oħrajn bħal dak tad-djar u l-għażla ta' sorsi ta' enerġija għall-ġenerazzjoni tas-sħana huma, b'mod prinċipali, deċiżi fil-livell lokali,

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-TSUE; madankollu, iqis li l-fatt li jintlaħqu l-miri stipulati fis-sitt EAP mhux biżżejjed;

2.  Jappoġġja b'mod partikulari l-fatt li l-komunikazzjoni tirrikonoxxi wkoll l-irwol importanti tal-bliet bħala ċentri ekonomiċi;

3.  Jaqbel ma' l-analiżi tal-Kummissjoni li l-problemi ambjentali fil-bliet b'mod partikulari huma kumplessi għaliex il-kawżi tagħhom huma relatati ma' xulxin u jappoġġja t-twissija tal-Kummissjoni li inizjattivi lokali biex isolvu problema waħda jistgħu jwasslu għal problemi x'imkien ieħor;

4.  Jiddispjaċih li, kuntrarju għall-intenzjonijiet tas-sitt EAP, m'hemm l-ebda miżura jew skadenza li jorbtu b'mod legali proposti mill-Kummissjoni biex jindirizzaw kwalunkwe mira stipulata fis-sitt EAP;

5.  Jiddispjaċih ukoll li t-TSUE ma jippruvax jibbilanċja l-politika Ewropea bejn iz-zoni urbani u dawk rurali, jew bejn bliet u rħula ċentrali u dawk f'zoni mbiegħda;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ linjigwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva li ġejja dwar il-kwalità ta' l-arja u ta' arja aktar nadifa fl-Ewropa u biex tiżgura l-infurzar xieraq ta' din il-parti tal-leġiżlazzjoni;

7.  Jenfasizza li l-Kummissjoni f'koperazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali, għandha tinkoraġġixxi lil kull agglomerazzjoni li jkollha popolazzjoni ta' aktar minn 100 000 ruħ sabiex tistabbilixxi Pjan ta' Mmaniġġjar Sostenibbli Urban (SUMP) u Pjan ta' Trasport Urban Sostenibbli (SUTP);

8.  Jitlob li d-dokument gwida tal-Kummissjoni jinkorpora indikaturi komuni prinċipali f'konformità ma' l-obbligi u mal-miri skond il-politika ambjentali attwali relevanti ta' l-UE (eż. l-arja, l-istorbju, direttivi dwar l-ilma u l-iskart, effiċjenza enerġetika u politika tal-klima) biex jippermettu paraguni u 'benchmarking' bejn bliet Ewropej;

9.  Iqis li l-SUMP għandu jqis fost l-oħrajn id-dokumenti li ġejjin:

   - Pjan ta' mmaniġġjar ta' l-iskart (Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendata(4))
   - Mapep ta' l-istorbju u pjanijiet ta' azzjoni, jekk disponibbli (Direttiva 2002/49/KE dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar ta' storbju ambjentali(5))
   - Pjan jew programm lokali tat-tniġġis ta' l-arja, jekk disponibbli (Direttiva 96/62/KE dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-arja(6))
   - Pjanijiet u programmi lokali ambjentali skond id-Direttiva 2001/42/KE dwar il-valutazzjoni ta' l-effetti ta' ċertu pjanijiet u programmi fuq l-ambjent(7);

10.  Iqis li s-SUMPs għandhom ikunu stabbiliti kif ġej:

  (a) Ġbir ta' data u ta' informazzjoni relevanti rigward:
   - L-oqsma msemmija fil-paragrafu 9 ta' din ir-riżoluzzjoni,
   - Relazzjonijiet bejn zoni mibnija u l-kampanja u l-ambjent rurali,
   - Previżjonijiet tat-tkabbir tal-popolazzjoni u t-talba għal zoni ta' żvilupp ġodda,
   - Flussi ta' komunikazzjoni, mobilità, integrazzjoni urbana u aċċessibilità ta' servizzi,
   - Tniġġis lokali minn gass ta' l-effett serra,
   - Struttura urbana u l-proporzjon ta' zoni ħodor u ta' binijiet irregolari,
   - Użu ta' bijoċidju lokali,
   - Problemi tas-saħħa relatati ma' l-ambjent,
   - Possibilitajiet ta' ambjent ħieles minn ostakoli għal persuni b'diżabilità, għal anzjani u għal oħrajn,
   - Il-valutazzjoni ta' wirt kulturali, l-ambjent mibni u l-ambjent naturali, kif ukoll postijiet ta' interess ekoloġiku u r-riskji li huma esposti għalihom,
   - Il-valutazzjoni tar-rekwiżiti ta' l-ilma tax-xorb f'zoni urbanizzati u l-arranġamenti li jridu jitwettqu fir-rigward tal-purifikazzjoni u ta' l-irkupru;
  (b) Objettivi rigward:
   - It-titjib tas-sitwazzjoni fiz-zoni msemmija fil-punt (a),
   - Integrazzjoni tas-sostenibilità fl-oqsma kollha tal-politika urbana,
   - Armonizzazzjoni ma l-SUTPs,
   (c) Miżuri u azzjonijiet prattiċi li jridu jittieħdu biex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-punt (b);

11.  Jenfasizza li ċ-ċittadini, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u partijiet ikkonċernati oħrajn għandhom ikunu involuti fil-preparazzjoni ta' l-SUMPs, li għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku; minbarra dan, iqis, li evalwazzjoni regolari tal-progress imwettaq u tad-disseminazzjoni tar-riżultati ta' dawn l-evalwazzjonijiet hija essenzjali wkoll;

12.  Jinkoraġġixxi l-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni f'perjodu ta' żmien medju ta' l-implimentazzjoni tal-linjigwida tekniċi fir-rigward tal-konsultazzjoni ta' l-2009 u jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tat-twaqqif ta' portal ta' l-internet tematiku għal awtoritajiet lokali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi mira għal zoni ħodor ras għal ras għal żvilupp urban ġdid u jqis li din il-mira għandha tkun inkluża fl-SUMPs biex tevita kull tnaqqis ta' zoni ħodor f'zoni urbani li ma jilħqux din il-mira;

Immaniġġjar Urban Sostenibbli

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità fi ħdan l-oqfsa ta' referenza nazzjonali strateġiċi u l-programmi operattivi ta' ffinanzjar tagħhom għal proġetti li jimplimentaw immaniġġjar urban sostenibbli u pjanijiet ta' trasport, kif ukoll proġetti li jillimitaw l-iżviluppi f'zoni agrikoli u jippromwovu dawk f'zoni abbandunati, u biex jippromwovu iż-żriegħ ta' siġar fit-toroq u t-tfassil ta' aktar spazju b'veġetazzjoni;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-użu ta' l-Iskema ta' Mmaniġġjar u Verifika Ambjentali mill-awtoritajiet lokali;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet urbani biex iwettqu referenza sistematika għal kriterji ta' sosteniblità fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi tagħhom u biex jinkorporaw l-impenji għal dan il-għan fl-SUMPs;

17.  Jappoġġja l-promozzjoni tal-formazzjoni tal-kompost, minflok il-ħruq tal-veġetazzjoni ta' l-iskart biex ikun evitat it-tniġġis li jinħoloq lokalment;

18.  Iqis li huwa importanti li ċ-ċittadini jkunu involuti aktar fid-deċiżjonijiet lokali kemm b'mezzi politiċi kif ukoll tekniċi;

19.  Jemmen li hemm il-ħtieġa ta' aktar attenzjoni biex ikunu evitati u mneħħija il-ħmieġ, l-iskart, il-graffiti, il-ħmieġ ta' l-annimali u l-istorbju żejjed mis-sistemi ta' mużika domestiċi u tal-vetturi;

Trasport Sostenibbli Urban

20.  Jappoġġja l-idea ta' pjanijiet ta' trasport urban sostenibbli (SUTPs) bħala strument biex itejjeb l-ambjent urban, iżda jenfasizza l-ħtieġa biex dan l-istrument jintuża b'mod flessibbli, biex jitqiesu b'mod suffiċjenti l-ħtieġijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru u z-zoni urbani tiegħu, u minbarra dan, tar-reġjuni affettwati mil-limitazzjonijiet speċifiċi;

21.  Jenfasizza li l-SUTPs għandhom jinkludu miri konkreti u li jistgħu jkunu kwantifikati li jistgħu jkunu preżentati u mmonitorjati permezz ta' tabella bil-marki, li tħeġġeġ id-disseminazzjoni ta' l-aqwa prattika fost l-Istati Membri; jinnota li l-SUTPs għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw żviluppi ġodda;

22.  Iqis li l-użu ta' modi ta' trasport u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent huwa fattur ewlieni fil-kisba ta' ambjent urban aktar nadif; jinnota f'dan ir-rigward b'mod partikulari l-użu ta' bijofjuwils, teknoloġiji ta' karozzi ibridi, roti, u trakkijiet u karozzi tal-linja li jilħqu l-istandard ta' vetturi mtejba li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (EEV) ta' l-UE(8); se jagħti l-attenzjoni stretta tiegħu b'mod xieraq għall-proposta tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' vetturi ta' trasport pubbliku li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u jipproponi li l-aġenziji lokali ta' l-effiċjenza fl-enerġija jkunu allokati qasam speċifiku ta' attività relatat mat-trasport urban;

23.  Jappoġġja l-iżvilupp tat-trasport pubbliku li juża sorsi ta' enerġija sostenibbli u jħeġġeġ li jinħoloq bilanċ aħjar bejn it-trasport individwali u dak kollettiv f'zoni urbani;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun imħeġġeġ aktar l-użu tat-trasport pubbliku u kollettiv f'zoni urbani; iqis ukoll li s-servizzi ta' trasport urban għandhom bżonn jindirizzaw kemm ir-rekwiżiti ta' l-ippjanar ta' l-ispazju (distretti tal-parti antika tal-belt, zoni ta' barra, konnessjonijiet ma' l-ajruporti, stazzjonijiet, zoni industrijali, zoni tan-negozju, eċċ.) u kemm il-ħtiġijiet tal-pubbliku u t-tibdiliet demografiċi (anzjani, persuni b'diżabilità, eċċ.);

25.  Jitlob lill-Istati Membri, f'koperazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali, sabiex jagħmlu sforzi sabiex jiksbu bidla ta' mill-anqas 5% għal kull passiġġier fil-kilometraġġ fil-qalba tal-belt favur metodi ta' trasport sostenibbli, bħat-trasport pubbliku u ċ-ċikliżmu, fil-perjodu 2002-2012;

26.  Jenfasizza li l-aċċess għal mobilità għal kulħadd (anke dawk mingħajr aċċess għal vettura privata) huwa fattur soċjali li jeħtieġ li jitqies;

27.  Peress li l-aċċessibilità hija ċentrali għall-iżvilupp sostenibbli u trid tkun indirizzata permezz ta' approċċ ta' politika urbana integrata , jitlob lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex irawwmu skambji ta' l-aqwa prattika fost l-awtoritajiet lokali u nazzjonali u jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali biex tippromwovi l-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità, u b'mod partikulari tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri ta' l-akkwist speċifiċi tal-Komunità, li jitolbu b'mod espress li t-tfassil jindirizza l-utenti kollha;

28.  Iqis li l-SUTPs għandhom jinkludu l-mezzi li permezz tagħhom l-awtoritajiet lokali għandhom intenzjoni li:

   - jippromwovu modi ta' trasport mhux mekkanizzat bħaċ-ċikliżmu u l-mixi, billi jikkostruwixxu network estensiv ta' passaġġi għar-roti u billi jipprovdu passaġġi sikuri u intersezzjonijiet għal persuni bil-mixi,
   - jippromwovu t-trasport pubbliku u l-iżvilupp ta' infrastruttura għat-trasport pubbliku, u jqassmu l-informazzjoni dwar eżempji attwali xierqa, bħall-introduzzjoni ta' sistemi integrati ta' prezzijiet u biljetti u l-iżvilupp ta' sistemi P+R,

29.  Ifakkar lill-Istati Membri bir-responsabilità tagħhom biex iqisu l-utenti tat-trasport l-aktar vulnerabbli fit-tfassil ta' bliet, pereżempju, billi jnaqqsu l-limiti tal-veloċità jew billi jimplimentaw zoni mingħajr vetturi fiċ-ċentri tal-bliet jew f'zoni residenzjali, bil-għan li jitnaqqsu l-imwiet fit-toroq b'50% sa l-2010, kif stipulat fil-White Paper dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport;

30.  Jipproponi l-istabbiliment ta' pjanijiet loġistiċi tal-belt biex inaqqsu u jtejbu t-trasport ta' merkanzija fi ħdan l-ibliet, anke, b'mod partikulari, il-koordinazzjoni tad-distribuzzjoni tal-merkanzija fil-livell lokali fi ħdan l-ibliet;

31.  Ifakkar li t-tniġġis ta' l-arja huwa kawża prinċipali tal-problemi tas-saħħa fl-UE; għalhekk jenfasizza li l-bliet bi tniġġis għoli ta' l-arja għandhom iqisu t-twaqqif ta' zoni b'livell baxx ta' tniġġis;

32.  Jappoġġja l-ġlieda kontra t-tniġġis fis-sors u l-implimentazzjoni ta' miżuri innovattivi mmirati lejn is-soluzzjoni tal-problemi ambjentali fil-bliet; jenfasizza li l-istudji stipulaw li t-traffiku tal-merkanzija jipproduċi sa 38% ta' tniġġis f'partikuli anqas meta jkun miexi milli meta jkun wieqaf u li għalhekk huma meħtieġa miżuri innovattivi biex jgħinu l-fluss tat-traffiku;

33.  Iħeġġeġ koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet lokali bil-ħsieb li jkun żgurat ċertu livell ta' koerenza; koordinazzjoni fqira bejn l-awtoritajiet lokali twassal għal spejjeż ta' provvediment ogħla, aktar traffiku u għalhekk aktar tniġġis;

Ippjanar Urban Sostenibbli

34.  Jinnota li l-Kummissjoni identifikat b'mod xieraq il-problemi u s-sitwazzjoni attwali f'dan il-qasam; iżda, hija ma pproponietx azzjoni biex issolvihom;

35.  Jenfasizza l-importanza ta' l-ippjanar u t-fassil ta' zoni u ta' blokok ta' torrijiet fil-prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll għaz-zoni pubbliċi bħal parkeġġi u rotot lejn u mill-istazzjonijiet ferrovjarji;

36.  Jenfasizza wkoll id-dimensjoni soċjali ta' l-ippjanar urban sostenibbli u jirrakkomanda t-titjib ġenerali tal-kwalità tal-ħajja fiz-zoni ta' ġewwa l-belt permezz ta' approċċ olistiku (b'mod partikulari soċjali, kulturali u ambjentali);

37.  Jistieden biex issir prova ta' żviluppi ġodda u ta' espansjoni urbana, biex it-topografija u l-istruttura naturali ta' l-art tkun rispettata biex l-identità u l-apparenza ta' kull zona tista' tkun preservata;

38.  Jissuġġerixxi li l-ippjanar urban għandu jinkludi l-provvediment ta' aktar zoni bil-veġetazzjoni, u li, fil-proċess ta' espansjoni u ta' żvilupp ġdid ikun fadal biżżejjed zoni naturali biex il-pubbliku jkollu kuntatt man-natura;

39.  Bħala miżura ta' prekawzjoni biex ikunu preservati zoni storiċi, zoni naturali, xmajjar, għadajjar kbar u artijiet bl-ilma, jistieden biex jinħolqu zoni ta' protezzjoni madwar zoni bħal dawn, li fihom, biex ikun hemm reżistenza għal pressjoni għal żvilupp, ikun hemm ftit possibilitajiet ta' bini;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu riċerka fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-mudelli urbani varji u l-imġieba soċjali, kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jrawwmu l-armonija soċjali u s-saħħa;

41.  Jenfasizza li xi kwartieri storiċi - partijiet mill-wirt komuni tagħna ta' valur - sfaw abbandunati fil-bliet għal għexieren ta' snin; jirrakkomanda t-twaqqif ta' programmi ta' appoġġ nazzjonali, reġjonali jew lokali biex jippromwovu rijabilitazzjoni xierqa ta' dawn iz-zoni, inklużi l-arkitettura, l-ispazji miftuħin u l-pjazez, kif ukoll zoni viċin ix-xmajjar, pontijiet u xogħlijiet pubbliċi oħrajn;

42.  Hu ta' l-opinjoni li biex jindirizza l-problema tal-bidla fil-klima fil-bliet, bħan-nuqqas ta' ventilazzjoni naturali li tirriżulta f'perjodi ta' temperaturi għoljin ħafna u tniġġis tqil ta' l-arja, ir-riċerka dwar il-klima tal-belt għandha tkun inkluża fl-ipppjanar urban biex tevita l-effett tal-mina tar-riħ tal-bini għoli; jenfasizza li n-nuqqas ta' spazji bil-veġetazzjoni inaqqas il-ventilazzjoni naturali;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu proġetti kofinanzjati mill-UE relatati ma' l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni ta' sistemi li jsaħħnu distrettwali u biex jappoġġjaw żieda fil-bini u fl-użu ta' sistemi li jsaħħnu; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li fil-każ ta' kriżi fl-enerġija, bidla għal sors ta' enerġija differenti tkun aktar faċli biex tinkiseb bis-sistemi li jsaħħnu distrettwali;

44.  Jenfasizza l-fatt li jistgħu jkunu żviluppati metodi ġodda ta' mmaniġġjar ta' l-ilma fil-bliet, li jimmiraw biex iżommu l-ilma tax-xita fil-bliet għal perjodi ta' żmien itwal matul is-sjuf sħan u xotti, jevitaw l-għargħar ta' malajr u jevitaw il-bini ta' djar u ta' żviluppi oħrajn f'zoni ta' l-għargħar;

45.  Jipproponi li l-linjigwida tal-Komunità għandhom ikunu stabbiliti għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżors ta' l-ilma fil-bliet, u jimmiraw għall-adattament ta' l-impatt tal-bidla fil-klima, inklużi r-rekwiżiti għal effiċjenza ta' l-ilma fil-bini ġdid, konservazzjoni ta' l-ilma f'perjodi ta' xita għall-perjodi xotti u sħan, iż-żamma ta' riżervi ta' l-ilma f'perjodi sħan bħala sistemi li jiffriskaw u Drenaġġ Urban Sostenibbli biex inaqqas ir-riskju ta' ħruġ ta' drenaġġ u ta' għargħar, inaqqas l-imblukkar bil-ħamrija u jżid il-konservazzjoni ta' l-ilma;

46.  Iqis li, meta tkun implimentata l-istrateġija tematika, għandha tingħata attenzjoni mhux biss għall-kwantità iżda wkoll għall-kwalità ta' l-ilma; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iskambju tal-prattika adattata f'dan il-qasam f'każ ta' tiftix ta' konnessjoni għal networks li digà twaqqfu bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' l-Ilma;

47.  Jenfasizza l-importanza li sseħħ rinnovazzjoni ta' pajpijiet ta' l-ilma qodma u ta' sistemi tad-drenaġġ fil-bliet;

Kostruzzjoni Urbana Sostenibbli

48.  Jiddispjaċih li minkejja li l-Kostruzzjoni Urbana Sostenibbli kienet identifikata bħala waħda mill-erba' oqsma prinċipali ta' "Lejn Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban", l-istrateġija proposta m'għandha l-ebda azzjoni speċifika f'dan il-qasam;

49.  Jenfasizza l-importanza ta' żieda fil-kapaċità ambjentali ta' bini b'disinn ta' djar effiċjenti fl-enerġija (insulazzjoni, użu ta' enerġija li terġa' tiġġedded, soqfa bil-veġetazzjoni, disinn għax-xemx passiv/attiv, djar b'konsum baxx ta' l-enerġija, eċċ.); jappoġġja l-użu ta' sorsi li jerġgħu jiġġeddu, kif ukoll, jekk possibbli, ta' sorsi ta' enerġija disponibbli fil-livell lokali fl-ambjent urban u ta' disinn ta' bini b'effiċjenza fl-ilma (konservazzjoni u użu mill-ġdid ta' l-ilma tax-xita, ifflaxxjar bis-sens ta' tojlits, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u tal-platti li huma effiċjenti fl-ilma); minbarra dan, jirrakkomanda 'benchmarking' u skambju ta' l-aqwa prattika fi ħdan l-UE fit-titjib ta' l-effiċjenza fl-enerġija, l-introduzzjoni ta' enerġiji li jerġgħu jiġġeddu u b'mod ġenerali l-progress fil-kostruzzjoni urbana sostenibbli;

Iffinanzjar, riċerka u skambju ta' l-aqwa prattiki

50.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun appoġġjata l-introduzzjoni ta' inizjattivi bħal dawn b'iffinanzjar adattat mill-UE, b'mod speċjali mill-programmi u fondi speċifiċi bħas-CIVITAS(9); jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li jeżistu opportunitajiet għal kisba ta' assistenza finanzjarja li jindirizzaw prijoritajiet ambjentali f'zoni urbani skond ir-Regolament propost Life+, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fondi Strutturali u l-programm ta' qafas ta' riċerka, u għalhekk, huwa kontra kull tnaqqis fil-baġits tagħhom. Iżda, jinnota l-ħtieġa li jkunu identifikati sorsi ta' ffinanzjar speċifiku addizzjonali biex jilħqu l-isfidi l-ġodda ġejjin mill-istrateġija għall-ambjent urban;

51.  Jadotta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li għandu jkun adottat approċċ integrat għall-immaniġġjar ta' l-ambjent urban u huwa ta' l-opinjoni li, jekk ikun applikat fil-livell lokali bl-appoġġ ta' l-Istati Membri, dan l-approċċ għandu jkun stabbilit bħala wieħed mill-kriterji għall-għoti tar-riżorsi tal-Fondi Struttrali u għas-self mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB);

52.  Jistieden lill-EIB biex itejjeb l-istrumenti tiegħu ta' self biex jappoġġja b'mod effettiv l-iżvilupp urban sostenibbli u biex jagħti prijorità lill-programmi u proġetti urbani attwali li jimplimentaw l-SUMPs, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-effiċjenza enerġetika, ta' l-enerġiji li jerġgħu jiġġeddu, u ta' l-infrastruttura ta' trasport urban sostenibbli; minbarra dan, jistieden lill-EIB biex jiżgura li l-investimenti ffinanzjati minnu ma jikkontradixxux l-objettivi ta' mmaniġġjar urban sostenibbli;

53.  Jenfasizza s-sinifikat tar-riċerka fir-rigward tal-politika urbana, inklużi kwistjonijiet relatati mal-provvedimenti ta' l-elettriċità u tal-gass, mas-sħana u ma' l-arja kkundizjonata u mat-trattament ta' l-iskart, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora mill-ġdid dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma' din il-kwistjoni fis-Seba' Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka;

54.  Iqis li huwa importanti ħafna li jkun appoġġjat network ta' punti nazzjonali ta' ffukar fuq kwistjonijiet urbani, bħan-Network Ewropew ta' Tagħrif Urban, u jilqa' l-kontinwazzjoni ta' l-appoġġ għall-programm URBACT fi ħdan il-qafas tal-politika ta' koeżjoni proposta għal 2007-2013;

55.  Jistieden għall-promozzjoni ta' l-iskambju ta' l-aqwa prattika fil-livell ta' l-UE bejn l-awtoritajiet urbani dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija u l-SUMPs; minbarra dan, jipproponi li, biex jevita żbalji fl-iżvilupp urban fil-futur, għandu jkun inkuraġġit skambju onest u miftuħ ta' esperjenzi negattivi, permezz ta' kampanji - li jistgħu jitwettqu minn assoċjazzjonijiet ta' bliet - immirati kemm għall-ħaddiema taċ-ċivil u għar-rappreżentanti eletti;

56.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tidħol f'aktar dettal fir-rigward tas-sinifikat tar-relazzjonijiet bejn il-bliet u l-inħawi tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli urban li jikkontribwixxi għall-koeżjoni ġenerali ta' l-UE u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu dan it-tip ta' żvilupp sostenibbli urban;

57.  Jipproponi li l-finanzi mill-UE jiġu allokati u użati min Stati Membri sabiex isir t-tagħmir mill-ġdid ta' bini u kwartieri;

Leġislar Aħjar

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jilħqu ftehima interistituzzjonali mal-Parlament fejn it-tliet istituzzjonijiet jesprimu d-dedikazzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha attwali kif imsemmija f'din ir-riżoluzzjoni; huwa konvint li ftehima bħal din tikkontribwixxi għat-titjib fir-responsabilità u għalhekk għal "leġislazzjoni aħjar";

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2005)0387.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2006)0020.
(3) ĠU L 242, 10.9.2002, p.1.
(4) ĠU L 194, 25.7.1975, p.39. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p.1).
(5) ĠU L 189, 18.7.2002, p.12.
(6) ĠU L 296, 21.11.1996, p.55.
(7) ĠU L 197, 21.7.2001, p.30.
(8) Direttiva 2005/55/KE dwar it-tniġġis minn emissjoni inkwinanti gassużi u partikulati (ĠU L 275, 20.10.2005, p.1).
(9) CIVITAS: CIty-VITAlity-Sustainability, CIVITAS I (2002-2006) u CIVITAS II (2005-2009) għandhom baġit ġenerali ta' aktar minn EUR 300 miljun.

Avviż legali - Politika tal-privatezza