Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2018(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0358/2006

Testi mressqa :

A6-0358/2006

Dibattiti :

PV 24/10/2006 - 14
CRE 24/10/2006 - 14

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2006 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0451

Testi adottati
PDF 417kWORD 83k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2006 - Strasburgu
Abbozz ta' baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għall-2007 (Taqsima III)
P6_TA(2006)0451A6-0358/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007 (C6-0299/2006 – 2006/2018(BUD)), u Ittra ta' Emenda Nru. 1/2007 (SEC(2006)0762) għall-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007

Il-Parlament Ewropew

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet Ewropej stess(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib fil-proċedura baġitarja(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni fuq l-Istrateġija tal-Politika Annwali (APS)(5),

–   wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, li l-Kummissjoni ppreżentat fit-3 ta' Mejju 2006 (SEC(2006)0531),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, li l-Kunsill stabbilixxa fl-14 ta' Lulju 2006 (C6-0299/2006),

–   wara li kkunsidra l-Ittra ta' Emenda Numru 1/2007 (SEC(2006)0762) għall-abbozz ta' baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits tal-11 ta' Lulju 2006 fuq il-mandat għall-proċedura ta' konċiljazzjoni ta' l-abbozz tal-baġit għall-2007 għall-ewwel qari tal-Kunsill,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 69 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati l-oħra kkonċernati (A6-0358/2006),

Konsiderazzjonijiet ġenerali: stipular ta' prijoritajiet, valur għall-flus minfuqa, tħejjija għar-reviżjoni 2008/2009

1.  Ifakkar li l-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-baġit ta' l-2007 kienu mfassla fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-APS tat-18 ta' Mejju 2006 imsemmija hawn fuq; jinnota li l-paragrafu 5 ta' dik ir-riżoluzzjoni ppreżenta t-tliet elementi prinċipali ta' l-istipular tal-prijoritajiet ta' politika, li jassiguraw valur kwalitattiv għall-flus minfuqa, u jħejji għar-reviżjoni 2008/2009 tal-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) għall-2007-2013;

2.  Jinnota li din l-istrateġija bdiet titħaddem waqt it-tħejjija ta' l-ewwel qari tal-Parlament dwar il-baġit ta' l-2007 bil-prijoritajiet ta' politika ddikjarati fil-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni dwar l-APS, u mtennija fil-paragrafu 5 tar-rapport fuq imsemmi dwar il-mandat għall-proċedura ta' konċiljazzjoni mal-Kunsill għall-abbozz tal-baġit ta' l-2007; jinnota li dawn il-prijoritajiet kienu ċentrali għall-emendi tal-baġit min-naħa tal-Parlament dwar programmi ta' prijorità;

3.  Jirrimarka li dan huwa l-ewwel baġit taħt il-Qafas Finanzjarju l-ġdid, skond Ftehima Interistituzzjonali (IIA) ġdida u b'ħafna programmi multiannwali ġodda; jirrimarka wkoll li Regolament Finanzjarju ġdid għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-2007;

4.  Jenfisizza li, f'konformità ma' l-approċċ li jqis il-benefiċċju tan-nefqa stipulat fil-paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni dwar l-APS, intlaħaq approċċ kwalitattiv li jqis il-valur għall-flus minfuqa permezz ta' seduti ta' smigħ dwar il-politika li saru fil-Kumitat għall-Baġits u analiżi bir-reqqa ta' numru ta' għejun ta' informazzjoni dwar il-kwalità ta' nfiq tal-fondi ta' l-UE u dwar l-implimentazzjoni tal-baġit; jinnota li l-emendi tal-baġit tħejjew inter alia fuq il-bażi ta' l-informazzjoni akkwistata b'dan il-mod; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament kollha jipparteċipaw f'tendenza li tqis il-valur għall-flus minfuqa;

5.  Iqis li l-livell insuffiċjenti ta' approprjazzjonijiet aggregati proposti mill-Kunsill fl-abbozz tal-baġit tiegħu, li huma bil-wisq inqas mil-livell meħtieġ sabiex l-UE tirrispondi b'mod effettiv għall-isfidi li qed tiffaċċja, iservu biss biex aktar juru l-importanza tat-tielet faxxa ta' l-istrateġija tal-Parlament, li qed tħejji għar-reviżjoni ta' l-MFF, li għandu jġib infiq mill-UE li jkun iffokat aħjar fuq prijoritajiet ta' politika; jemmen li meta l-impenji jkunu kkonċentrati fuq programmi ta' prijorità, u billi jiġi żgurat li l-fondi jintefqu tajjeb, l-infiq ta' l-UE se jservi aħjar l-interessi taċ-ċittadin;

6.  Jistenna li l-elementi u r-riformi l-ġodda kollha stipulati fit-IIA l-ġdida tas-17 ta' Mejju 2006 jkunu implimentati sa l-aħħar fil-baġit kollu ta' l-2007 biex ikun hemm effett rapidu fuq l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-baġit u r-relazzjonijiet interistituzzjonali;

Kwistjonijiet orizzontali
Konċentrazzjoni fuq prijoritajiet

7.  F'konformità mal-prijoritajiet tal-Parlament, iqis li l-infiq ta' l-UE għandu jkun iffokat fuq oqsma ta' prijorità u f'livell ogħla milli hu propost fl-abbozz tal-baġit tal-Kunsill sabiex ikun assigurat li l-programmi ta' prijorità jitwasslu liċ-ċittadin b'mod effettiv; għalhekk jipproponi li l-pagamenti fil-baġit ta' l-2007 jiġu miżjuda għal livell ta' 1.04% tad-dħul gross nazzjonali (GNI) ta' l-UE, billi jitkabbru l-approprjazzjonijiet fuq linji tal-baġit marbuta mal-prijoritajiet politiċi tal-Parlament; jinnota li l-parti l-kbira tal-kumitati parlamentari speċjalizzati pproponew li jkunu rrestitwiti l-ammonti ta' l-Abbozz ta' Baġit Preliminari (PDB), f'konformità mal-proċeduri leġiżlattivi li għaddejjin jew dawk li jibdew fl-2007;

Trattament ta' l-isfidi tal-globalizzazzjoni

8.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza b'mod attiv u tingaġġa ruħha b'mod aktar effettiv ma' l-isfidi ekonomiċi, politiċi, soċjali, ambjentali u ta' żvilupp ippreżentati fost l-oħrajn mill-proċess ta' globalizzazzjoni li għaddej kontinwament; għalhekk jippreżenta emendi għall-baġit ta' l-2007 li jimmiraw lejn it-tkabbir tal-kapaċità ta' l-ekonomija ta' l-UE sabiex dawn l-isfidi jkunu trattati b'mod aktar strateġiku, u jgħollu l-ammonti ta' assistenza għall-iżvilupp disponibbli għal reġjuni bħall-Asja u l-Amerika Latina u l-Mediterran;

Jitwassal valur għall-flus minfuqa

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-valur għall-flus minfuqa fil-baġit ta' l-UE; jipproponi emendi sabiex 30% ta' l-approprjazzjonijiet jitqiegħdu f'riżerva fuq numru ta' linji tal-baġit sakemm il-Kummissjoni tkun tista' tassigura lill-Parlament li dawn il-flus se jintefqu f'manjiera li ġġib lill-Ewropew li jħallas it-taxxa valur għall-flus minfuqa;

10.  Jiftakar mill-ġdid li dawn il-linji tal-baġit kienu magħżula fuq il-bażi ta' eżami approfondit li sar tar-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, ir-Rapporti ta' Sintesi dwar l-immaniġġjar tal-fondi mill-Kummissjoni, it-Tbassir ta' Allarm għall-Baġit imħejji mill-Kummissjoni, u analiżi tal-benefiċċju tan-nefqa mwettqin fuq talba tal-Kumitat għall-Baġits u il-konsiderazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet ta' Attività mħejjija mis-servizzi tal-Kummissjoni;

11.  Jilqa' b'soddisfazzjon is-sejħa għal smigħ f'nofs Novembru biex il-Kummissjoni tirrispondi għat-tħassib imqajjem f'dawn l-emendi; iħeġġeg lill-membri tal-kumitati speċjalizzati tal-Parlament biex jieħdu sehem f'dan is-smigħ;

12.  Inaqqas b'10% l-approprjazzjonijiet għall-immaniġġjar amministrattiv marbuta direttament ma' programmi fuq bażi orizzontali; ma jara l-ebda kontradizzjoni għal linji tal-baġit li fuqhom il-Parlament iqiegħed ammonti f'riżerva minħabba tħassib dwar il-kwalità ta' l-implimentazzjoni u kif ukoll iżid l-approprjazzjonijiet skond il-prijoritajiet politiċi; jafferma mill-ġdid, f'dan ir-rigward, li jixtieq jara valur kwalitattiv għall-flus minfuqa f'kull qasam ta' l-infiq ta' l-UE;

13.  Ifakkar l-importanza li ta l-Parlament għall-kisba ta' dikjarazzjoni pożittiva ta' assigurazzjoni għall-fondi fuq bażi ta' maniġment maqsum; jenfasizza l-intenzjoni tiegħu biex jiżgura li f'konformità ma' l-2006 IIA tas-17 ta' Mejju 2006, l-awtoritajiet rilevanti għall-verifika fl-Istati Membri jipproduċu valutazzjoni dwar kemm is-sistemi ta' mmaniġġjar u kontroll jikkonformaw ruħhom mar-regolamenti tal-Komunità; jitlob li għalhekk l-Istati Membri jiggarantixxu li jipproduċu sommarju annwali fil-livell nazzjonali xieraq tal-verifiki u tad-dikjarazzjonijiet disponibbli;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji

14.  Rigward proġetti pilota u azzjonijiet ta' tħejjija, jinnota l-limiti mgħollija li huma stipulati għal proġetti ġodda fit-IIA tas-17 ta' Mejju 2006; jipproponi numru ta' proġetti ġodda konformi b'mod ġenerali mal-prijoritajiet stipulati fil-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni ta' l-APS;

Aġenziji

15.  Jipproponi, għall-aġenziji eżistenti, approċċ ġenerali b'eċċezzjonijiet speċifiċi żgħar, li jġib lura l-approprjazzjonijiet fil-PDB imma jpoġġi ż-żiedet 'l fuq minn ammont ta' referenza, waqt li ssir evalwazzjoni pożittiva tal-prestazzjoni ta' l-aġenzija mqabbla mal-programm tax-xogħol finali tagħha li fih lista kompleta ta' xogħol għall-2007 u l-pjanijiet ġodda tal-Kummissjoni għall-politika dwar l-istaff; Rigward l-aġenziji l-ġodda (l-Aġenzija Ewropea għall-Kimika, l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi, l-Aġenzija Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali), bil-għan li tkun żgurata l-applikazzjoni tal-Punt 47 tat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006, jipproponi li jitħassru l-approprjazzjonijiet li ddaħħlu fl-abbozz tal-baġit b'mod partikulari għall-fatt li għadha ma teżistx bażi legali għal dawn l-aġenziji; jistenna li l-Kunsill jiċċara l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi li jospitaw lill-aġenziji diġà stabbiliti u li jadotta sett ta' standards komuni li jorbtu;

Approċċ speċifiku għal kull intestatura
L-intestatura 1a - kompetittività għat-tkabbir u għall-impjieg

16.  Jikkonferma l-konvinzjoni tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Istrateġija tal-Politika Annwali (APS), li l-għarfien, il-ħiliet, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, it-teknoloġiji tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, u politika għat-trasport u għall-enerġija sostenibbli jiffurmaw il-bażi ta' ekonomija moderna b'saħħitha u huma essenzjali għall-ħolqien ta' l-impiegi; għalhekk, iddeċieda li ma jaċċettax l-approċċ tal-Kunsill li jsir diversi tnaqqis f'numru ta' linji tal-baġit kruċjali li jimmiraw li jtejbu l-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-UE; iddeċieda li jżid l-approprjazzjonijiet ta' ħlas għal programmi ta' prijorità marbuta ma' l-Aġenda ta' Liżbona bħal m'huma l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u s-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għar-Riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013;

17.  Jiddispjaċih li l-approprjazzjonijiet għal netwerks għat-trasport transewropew (TEN-T) tnaqqsu konsiderevolment għall-MFF 2007 - 2013 għal livell aktar baxx milli kien mistenni; jenfasizza l-importanza ta' dikjarazzjoni ċara mill-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet proposti tagħha għall-investiment TEN-T; jistenna qbil sodisfaċenti mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar regolament dwar għajnuna finanzjarja fil-qasam tan-netwerks tat-trasport transewropew u tal-proġetti prijoritarji li għalihom għandhom jiġu allokati fondi;

18.  Huwa konvint li ż-żieda tal-kompetittività ta' l-UE hija element essenzjali tar-reazzjoni ta' l-UE għall-isfidi tal-globalizzazzjoni; għalhekk iqis li ż-żjidiet fl-approprjazzjonijiet fl-intestatura 1a huma sinjal ċar tad-direzzjoni futura li għandu jieħu l-infiq ta' l-UE ; ifakkar il-ħtieġa ta' finanzjament pubbliku xieraq biex jinħoloq l-effett ta' spinta mistenni mill-kofinanzjar ta' l-EIB; jistenna bla sabar il-proposti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar din il-kwistjoni; jenfasizza li żieda fil-kapital sottoskritt għal terminu twil ikun mixtieq mill-EIF kemm biex takkompanja l-introduzzjoni ta' mandati ġodda (inkluża is-CIP) fl-2007 u kemm biex jiġu ffinanzjati l-operazzjonijiet il-ġodda tal-proġetti tat-trasferiment tat-teknoloġiji kif mixtieq mill-Parlament, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni;

19.  Jenfasizza s-sinifikat teknoliġiku u ekonomiku straordinarju tal-programm Galileo; ifakkar lill-Kummissjoni li jekk jittieħed fuq il-perjodu kollu, dan il-programm mhux iffinanzjat biżżejjed fil-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid u jappella lill-Kummissjoni li ssib soluzzjoni prattika malajr u li ddum biex tiżgura s-suċċess ta' dan il-programm;

Intestatura 1b - Koeżjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi

20.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet għall-fondi strutturali u ta' koeżjoni huma konsiderevolment aktar baxxi għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ta' l-2007-2003 milli kien mistenni, l-aktar bħala riżultat tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005; iqis għalhekk li l-approprjazzjonijiet fl-abbozz preliminari tal-baġit għandhom ikunu mdaħħla mill-ġdid; jagħfas fuq l-importanza li, issa li t-IIA l-ġdida ġiet miftiehma, ikunu stabbiliti u approvati malajr kemm jista' jkun programmi nazzjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-koeżjoni bħala waħda mill-prijoritajiet ta' politika ta' l-UE; iddeċieda li jżid approprjazzjonijiet tal-ħlas għall-linji tal-baġit marbuta mal-koeżjoni konformement mal-prijoritajiet tal-politika tiegħu;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta t-testi meħtieġa u tibda l-proċeduri kemm jista' jkun malajr biex tkun tista' ssir l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-Fond Internazzjonali għall- Irlanda (IFI) matul l-eżerċizzju baġitarju ta' l-2007; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiċċara l-bażi legali għall-Programm ta" Paċi;

Intestatura 2 - Preservazzjoni u mmaniġġjar tar-riżorsi naturali

22.  Jinnota li l-2007 se tkun l-ewwel sena ta" implimentazzjoni sħiħa tar-riforma l-aktar riċenti tal-Politika Agrikola Komuni (CAP); Jiddeplora l-qtugħ drastiku ġenerali ta' EUR 525 miljun fl-ispiża tas-suq, ibbażat fuq kriterji ta" kontabilità u mingħajr m'huma jitqiesu l-prijoritajiet tal-Parlament; jitlob, għalhekk, li l-figuri ta' l-Abbozz ta' Baġit Preliminari (PDB) ikunu stabbiliti mill-ġdid;

23.  Jiddeplora l-fatt li minkejja l-ħtiġijiet l-aktar importanti għar-ristrutturar, l-immodernizzar u d-diversifikazzjoni ta" l-ekonomija rurali ta" l-Ewropa, ir-riżorsi allokati għall-iżvilupp rurali mistennija jonqsu f'termini veri; iqis li trasferiment volontarju ta' fondi minn appoġġ agrikolu dirett ("l-ewwel pilastru" tal-CAP) għal żvilupp rurali m'huwiex il-mezz adattat bħala rimedju għal din is-sitwazzjoni; F' dan il-kuntest, jesprimi riserazzjonijiet qawwija fuq il-proposta kurrenti tal-Kummissjoni rigward il-modulazzjoni volontarja li tagħti appoġġ agrikolu dirett għall-iżvilupp rurali sa 20%; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi ta' l-impatt bi qbil mal-Ftehima Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar tfassil aħjar tal-liġijiet(6) u fuq il-bażi ta' dan tressaq proposta riveduta dwar il-modulazzjoni volontarja;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-assenza ta' qbil bejn il-koleġiżlaturi dwar LIFE+, biex f'ittra ta' rettifika tinkludi l-modifiki neċessarji biex tippermetti l-iffinanzjar proviżorju ta' attivitajiet li jikkontribwixxu għax-xogħol preparatorju u l-kontinwità tal-programmi ambjentali;

Intestatura 3a - Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

25.  Jiġbed l-attenzjoni li l-qasam tal-Libertà, Ġustizzja u Sigurtà, b'mod partikulari l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-definizzjoni ta' politika komuni dwar il-kenn u l-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, hija waħda mill-prijoritajiet essenzjali ta' l-Unjoni; għalhekk jirriżolvi li jżid ir-riżorsi allokati għal dan il-qasam, b'mod partikulari lill-Eurojust, l-uniku korp għall-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-liġi kriminali, li l-effikaċja tiegħu, li qiegħda tikber, għandha tkun imsaħħa iżjed u iżjed;

26.  Iqis li l-immaniġġjar integrat tal-konfini esterni ta" l-Unjoni huwa wieħed mill-objettivi li bħalissa jeħtieġu appoġġ urġenti u akbar; għalhekk, jagħti l-appoġġ tiegħu għaż-żieda fir-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Fond għall-Konfini Esterni; iżid ir-riżorsi imqiegħda għad-dispożizzjoni ta" l-Aġenzija FRONTEX; itenni mill-ġdid it-talba ripetuta tiegħu li l-Europol jitqiegħed fuq bażi Komunitarja kemm sabiex tiżdied l-effikaċja tiegħu u kemm biex tiżdied is-superviżjoni demokratika u ġudizzjarja li tagħha għandu jkun suġġett;

Intestatura 3b - Ċittadinanza

27.  Ifakkar l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tal-kultura, ta' l-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ, u jemmen li rispett lejn pluraliżmu ta' opinjoni huwa l-ewwel kundizzjoni għal politika effettiva ta' komunikazzjoni sabiex l-UE tinġieb eqreb lejn iċ-ċittadin; iqis li jista" jsir użu aħjar minn midja ġodda tal-komunikazzjonijiet biex jinġiebu flimkien Ewropej li jfasslu l-politika mill-opinjonijiet politiċi kollha biex jaqsmu l-ideat bejniethom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiċċara l-implikazzjonijiet tal-Pjan D dwar id-Dibattitu u d-Djalogu Demokratiku u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu skond dan l-istess pjan; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippubblika fuq l-internet l-allokazzjonijiet tas-sussidji fid-dettall (ammonti u benefiċċji) għall-azzjonijiet kollha;

Intestatura 4 - L-UE bħala attur globali

28.  Jemmen li l-UE tista' u għandha tkun qed tingaġġa ruħha aktar malajr u b'mod aktar strateġiku mal-proċess ta' globalizzazzjoni; jipproponi r-restituzzjoni tal-figuri ta' l-Abbozz ta' Baġit Preliminari fuq numru ta" linji u żiediet fil-pagamenti u fl-impenji lil hinn mill-ABP f'xi oqsma bil-ħsieb li jissaħħu l-attivitajiet ta' l-UE permezz ta' programmi Komunitarji fl-oqsma tal-politika barranija, l-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja, u l-iskambji kummerċjali u xjentifiċi ma' pajjiżi importanti li qed jemerġu bħal m'huma ċ-Ċina u l-Indja;

29.  Jinnota li l-qafas legali l-ġdid għall-azzjonijiet esterni ta" l-UE jimplika wkoll struttura ġdida għall-baġit; b'mod ġenerali jilqa" b'sodisfazzjon is-simplifikazzjoni ta" l-strumenti u n-nomenklatura l-ġdida tal-baġit proposta magħha; jilqa' b'soddisfazzjon il-preżentazzjoni ta' strument separat dwar id-drittijiet tal-Bniedem u d-Demokazija, li jinħtieg modifika tan-nomenklatura ta' l-Abbozz tal-Baġit Preliminari (PDB); ma jistax jaċċetta, però, li numru mill-bidliet proposti jnaqqsu t-trasparenza għal xi settur u/jew reġjun u pajjiżi; introduċa il-modifikazzjonijiet meħtieġa f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi wkoll rendikont għal kull attività u għal kull pajjiż ta' qabel is-sħubija u, fl-interessi tat-trasparenza, nomenklatura li tikkorrispondi fil-linji ta' baġit li jikkorrispondu; minbarra dan, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi rapport ta' mmonitorjar dirett lill-awtorità baġitarja dwar il-progress ta' kemm iż-żewġ Stati Membri ġodda kif ukoll tal-pajjiżi ta' qabel is-sħubija;

30.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-espansjoni ta" attivitajiet fil-qasam tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) ma ġietx akkumpanjata minn żjieda fir-responsabilità demokratika u l-iskrutinju parlamentari; jipproponi emendi baġitarji li jfittxu li jrawmu livell ogħla ta" trasparenza u koperazzjoni f'dan ir-rigward;

Intestatura 5 - amministrazzjoni

31.  Huwa kontra l-approċċ adottat mill-Kunsill fl-abbozzi ta" dikjarazzjonijiet annessi ma" l-abbozz ta" baġit fuq riżorsi amministrattivi li kien favur it-tneħħija ta" 200 post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet ta" l-UE, prinċipalment fil-Kummissjoni, fl-2008 u 500 post tax-xogħol ieħor bejn l-2008 u l-2010;

32.  Jiddeċiedi li jerġa' jdaħħal it-tnaqqis magħmul mill-Kunsill fl-ispiża amministrattiva tal-Kummissjoni inkluż l-istabbiliment ta' pjan li jippermetti t-tħaddim tajjeb tagħha; barra minn hekk, idaħħal 50 miljun euro fir-riserva b'erbgħa kondizzjonijiet:

   - impenn li jwettaq eżami qabel it-30 ta' April 2007 sabiex jipprovdi evalwazzjoni ta' nofs is-sena għall-bżonnijiet ta' l-istaff u rapport dettaljat dwar l-istaff tal-Kummissjoni involut f'attivitajiet ta' appoġġ u ta' koordinazzjoni li jkopru l-positijiet tax-xogħol kollha;
   - impenn li jistabbilixxi proċedura mtejba konformi ma' l-Emenda ta' Qafas sabiex jinkludi l-prijoritajiet leġiżlattivi u baġitjarji tal-Parlament fil-programm ta' leġiżlazzjoni u ta' ħidma tiegħu, u jippermetti t-tressiq tal-programm ta' ħidma ta' l-Unjoni fi Frar 2007;
   - ftehim fuq programm konġunt dwar is-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju ta' l-Unjoni;
   - impenn li jipprovdi l-qagħda attwali tar-reviżjoni ta' kull regolament pendenti inkluż rapport dwar l-attivitajiet tal-kummissjoni sabiex itejbu t-traspożizzjoni tal-liġi ta' l-UE fil-liġi nazzjonali u sabiex jiżguraw li jkunu milħuqa l-kriterji għat-tisħiħ tal-kompetittività;

33.  Hu tal-fehma li l-Uffiċċju tal-Komunitajiet Ewropej għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) għandu jdaħħal bidliet radikali fil-metodi ta" l-operat tiegħu sabiex b'aktar ħeffa joffri lill-Istituzzjonijiet numru akbar ta" kandidati li huma aktar adattati għall-ħtiġijiet ta" l-Istituzzjonijiet;

o
o   o

34.  Jieħu nota ta' l-opinjonijiet ivvutati mill-kumitati speċjalizzati annessi kif jinsabu fir-rapport A6-0358/2006;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, akkumpanjata mill-emendi u l-modifiki proposti għat-Taqsima III ta' l-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill u lill-Kummissjoi, u lill-istituzzjonijiet u l-korpi oħra kkonċernati.

(1) ĠU L 253, 7.10.2000, p.42.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p.1
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
(4)4 ĠU C 172, 18.6.1999, p.1. Ftehima kif kienet emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/708/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 269, 14.10.2005, p.24).
(5)5 Testi adottati, P6_TA(2006)0221.
(6) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza