Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2005/0260(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0399/2006

Testi mressqa :

A6-0399/2006

Dibattiti :

PV 12/12/2006 - 18
CRE 12/12/2006 - 18

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2006 - 8.8
CRE 13/12/2006 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2006)0559

Testi adottati
PDF 872kWORD 285k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
Koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fl-Istati Membri li jikkonċernaw xandir televiżiv ***I
P6_TA(2006)0559A6-0399/2006
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jikkonċernaw attivitajiet tax-xandir televiżiv (COM(2005)0646 – C6-0443/2005 – 2005/0260(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0646)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 55 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0443/2005),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0399/2006),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Diċembru 2006 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li jikkonċernaw it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir televiżiv
P6_TC1-COD(2005)0260

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 47(2) u 55 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  Id-Direttiva 89/552/KEE(4) tikkoordina ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet tax-xandir. Madankollu, it-teknoloġiji l-ġodda fit-trażmissjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżivi jirrikjedu adattament tal-qafas regolatorju b′mod li jitqies l-impatt tal-bidla strutturali, tat-tixrid tat-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT) u ta' l-iżviluppi teknoloġiċi fuq mudelli ta' negozju, speċjalment l-iffinanzjar ta' xandir kummerċjali, u biex jiġu żgurati l-aqwa kundizzjonijiet tal-kompetittività u taċ-ċertezza legali għat-teknoloġiji ta' l-informatika ta' l-Ewropa u l-industriji u s-servizzi tal-media tagħha, kif ukoll ir-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika. Il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi għandhom ikunu raġonevoli u sempliċi kemm jista" jkun sabiex jippermettu lil servizzi tal-media awdjoviżivi ġodda u eżistenti jiżviluppaw u jirnexxu, b'hekk jiffavorixxu l-ħolqien ta" l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u d-diversità kulturali.

(2)  Il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi fl-Istati Membri li jirrigwardaw it-twettiq ta' attivitajiet tax-xandir televiżiv huma diġà kkoordinati mid-Direttiva 89/552/KEE, filwaqt li r-regoli applikabbli għal attivitajiet bħal servizzi tal-media skond it-talba (on-demand) huma biss ikkoordinati fir-rigward tad-distribuzzjoni tagħhom mid-Direttiva 2002/21/KE tas-7 ta' Marzu 2002(5) u fir-rigward tan-negozju mid-Direttiva 2000/31/KE tat-8 ta' Ġunju 2000(6) dwar il-kummerċ elettroniku; il-kontenut tas-servizzi tal-media awdjoviżivi l-ġodda għadu rregolat mil-leġiżlazzjoni ta" l-Istati Membri. Xi wħud minn dawn id-disparitajiet ifixklu l-moviment ħieles ta" dawn is-servizzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni.

(3)  Is-servizzi tal-media awdjoviżivi huma prodotti kulturali daqs kemm huma prodotti ekonomiċi. L-importanza tagħhom li qed tikber għas-soċjetajiet, id-demokrazija – b'mod partikolari billi tkun żgurata l-libertà ta" l-informazzjoni, id-diversità ta" l-opinjoni u l-pluraliżmu fil-media – l-edukazzjoni u l-kultura tiġġustifika l-applikazzjoni ta' regoli speċifiċi għal dawn is-servizzi, u l-infurzar ta" dawk ir-regoli, notevolment sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libertajiet Ċivili u Politiċi, u sabiex ikun żgurat il-ħarsien tal-minorenni u tal-persuni vulnerabbli u b'diżabilità.

(4)  Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta" l-1 ta" Diċembru 2005 dwar il-preparazzjoni tas-Sitt Konferenza Ministerjali ta'l-Organiżżazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Hong Kong(7) u dik ta'l-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tad-Doha Round li segwiet il-Konferenza Ministerjali ta'l-Organiżżazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'Hong Kong(8), il-Parlament Ewropew talab li servizzi pubbliċi bażiċi, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi awdjoviżivi jiġu esklużi mil-liberalizzazzjoni fil-qafas tan-negozjati dwar il-GATS. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta" April 2006 dwar il-proposta għall-deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-Konklużjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta" l-Espressjonijiet Kulturali(9), il-Parlament approva l-Konvenzjoni tal-UNESCO, li tistqarr b'mod partikolari li "l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kulturali għandhom natura kemm ekonomika u kemm kulturali, minħabba li huma jwasslu identitajiet, valuri u tifsiriet, u għalhekk ma jridux ikunu ttrattati bħala li għandhom biss valur kummerċjali".

(5)  L-edukazzjoni tal-media għandha sservi biex tipprovdi liċ-ċittadini bil-mezz sabiex jinterpretaw b'mod kritiku u jużaw il-volum dejjem jikber ta" informazzjoni li bih huma assedjati, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta" l-Ewropa 1466 (2000). Megħjuna minn proċess ta" tagħlim ta" dan it-tip, iċ-ċittadini se jkunu f'pożizzjoni li jifformulaw messaġġi u jagħżlu l-media l-aktar adattati biex jgħadduhom u b'hekk isiru kapaċi li jeżerċitaw bi sħiħ id-dritt tagħhom għal-libertà ta" l-informazzjoni u l-espressjoni.

(6)  Is-servizzi awdjoviżivi tal-media tradizzjonali – bħat-televiżjoni – u s-servizzi 'on demand' emerġenti awdjoviżivi tal-media joffru opportunitajiet sinifikanti ta' impjiegi fl-Unjoni Ewropea, partikolarment f'intrapriżi żgħar u medji, u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku u l-investiment. Tenut kont ta' l-importanza ta' kundizzjonijiet ugwali u suq tax-xandir veru Ewropew, il-prinċipji bażiċi tas-suq komuni, bħal-liġi dwar il-kompetizzjoni u t-trattament ugwali, għandhom jiġu rispettati sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibilità fis-swieq tal-media u sabiex jonqsu l-ostakli għall-aċċess.

(7)  Jeżistu inċertezza legali u kundizzjonijiet mhux ugwali għall-kumpaniji Ewropej li joffru servizzi awdjoviżivi tal-media fir-rigward tar-reġim legali li jirregola servizzi 'on-demand' emerġenti, huwa għalhekk neċessarju, biex jiġi evitat t-tgħawiġ tal-kompetizzjoni, biex titjieb iċ-ċertezza legali, biex ikun imwettaq is-suq intern u biex ikun iffaċilitat il-ħolqien ta" zona waħda ta" informazzjoni, li għall-inqas jiġi applikat għas-servizzi awdjoviżivi kollha tal-media, kemm lineari u mhux lineari, irrispettivament minn jekk ikunux trażmessi fuq il-bażi ta" skeda ta" programmi ffissata jew skond it-talba, livell bażiku ta' regoli kkoordinati mmirati biex jiggarantixxu, inter alia, livell suffiċjenti ta' ħarsien tal-minorenni, tal-persuni vulnerabbli u b'diżabilità u r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Il-prinċipji bażiċi tad-Direttiva 89/552/KEE, jiġifieri l-prinċipju ta" l-istat li jittrażmetti u standards minimi komuni, urew kemm jiswew u għalhekk għandhom jinżammu.

(8)  Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-futur ta' politika regolatorja awdjoviżiva Ewropea(10), li fiha tenfasizza li politika regolatorja fis-settur għandha tissalvagwardja ċerti interessi pubbliċi, bħalma huma d-diversita? kulturali, id-dritt għall-informazzjoni, il-bżonn tal-pluraliżmu fil-media, il-protezzjoni tal-minorenni, il-protezzjoni tal-konsumatur, u azzjoni biex jissaħħu l-għarfien pubbliku u l-ħiliet fil-media u l-prinċipju ta' aċċess universali għas-setturi kollha tal-pubbliku, inklużi dawk li huma l-aktar żvantaġġjati, issa u fil-futur.

(9)  Il-koeżistenza ta" xandara privati u pubbliċi hija ta" importanza kbira fis-suq tal-media awdjoviżivi, fejn ix-xandara fis-servizz pubbliku jistgħu jibbenefikaw b'mod ugwali mill-vantaġġi ta" l-ekonomija diġitali.

(10)  Il-prinċipju tal-pajjiż ta" oriġini huwa kruċjali għall-ħolqien ta' suq awdjoviżiv pan-Ewropew b'industrija b'saħħitha li tipproduċi kontenut Ewropew. Barra minn hekk, il-prinċipju jissalvagwardja d-drittijiet ta' l-ispettaturi li jagħżlu minn varjetà wiesgħa ta' programmi Ewropej.

(11)  Il-Kummissjoni adottat l-inizjattiva "i2010: Is-Soċjetà ta' l-Informazzjoni Ewropea"(11) biex jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi fis-soċjetà ta' l-informazzjoni u fl-industriji tal-media. L-inizjattiva i2010 hija strateġija komprensiva mfassla biex tħeġġeġ il-produzzjoni ta' kontenut Ewropew, l-iżvilupp ta' l-ekonomija diġitali u l-adozzjoni ta" l-ICT, fl-isfond tal-konverġenza tas-servizzi ta' l-informazzjoni u tal-media, tan-networks u apparat, billi jiġu mmodernizzati u użati b'mod effettiv l-istrumenti kollha tal-politika ta' l-UE: strumenti regolatorji, riċerka u sħubija ma' l-industrija. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li toħloq qafas konsistenti tas-suq intern għas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u għas-servizzi tal-media billi jiġi mmodernizzat il-qafas legali għas-servizzi awdjoviżivi, u bdiet bi proposta tal-Kummissjoni fl-2005 biex tiġi mmodernizzata d-Direttiva 89/552/EEC u titrasformaha f'Direttiva dwar Servizzi tal-Media Awdjoviżivi. L-għan ta' l-i2010 għandu jintlaħaq fi prinċipju billi l-industriji jitħallew jikbru b'regolazzjoni minima, kif ukoll billi negozji żgħar li jkunu għadhom jibdew, li huma l-ġid tal-ġejjieni u dawk li joħolqu l-impjiegi fil-futur, jitħallew jikbru, ikunu innovattivi u joħolqu l-impjiegi f'suq deregolarizzat.

(12)  Fis-6 ta' Settembru 2005, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE, kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE, għall-perjodu 2001-2002(12). Dik ir-Riżoluzzjoni – bħar-riżoluzzjonidwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri ta" l-4 ta" Settembru 2003(13)tappella biex id-Direttiva 89/552/KEE dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri tiġi adattata għal bidliet strutturali u żviluppi teknoloġiċi filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji bażiċi tagħha fis-sħuħija tagħhom, li jibqgħu validi. Barra minn hekk, fil-prinċipju tappoġġja l-aproċċ ġenerali ta' regoli bażiċi għas-servizzi awdjoviżivi kollha tal-media u għal regoli addizzjonali għal servizzi (ta' xandir) lineari.

(13)  Din id-Direttiva ttejjeb il-konformita? mad-drittijiet fundamentali u tfittex li tinkorpora l-prinċipji, id-drittijiet u l-libertajiet stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikolu 11 tagħha. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom iwaqqfu awtorità regolatorja indipendenti waħda jew aktar, jekk għadhom m'għamlux hekk. Awtoritajiet bħal dawn għandhom ikunu l-garanti tad-drittijiet fundamentali tal-forniment ta" servizzi tal-media awdjoviżivi. Stati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk ikunx xieraq li jkollhom awtorità regolatorja waħda għas-servizzi tal-media awdjoviżivi kollha jew diversi awtoritajiet separati għal kull kategorija ta' servizz (lineari jew mhux lineari). Barra minn hekk, din id-Direttiva ma twaqqaf bl-ebda mod lill-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli kostituzzjonali jew l-arranġamenti regolatorji tagħhom relatati mal-liberta? ta' l-istampa u mal-liberta? ta' espressjoni fil-media.

(14)  Ir-rekwiżit li l-Istat Membru ta' oriġini għandu jiżgura konformità mal-liġi nazzjonali kif ikkoordinat b'din id-Direttiva huwa biżżejjed skond il-liġi tal-Komunità biex jiġi żgurat moviment ħieles ta' servizzi tal-media awdjoviżivi mingħajr kontroll sekondarju fuq l-istess bażi fl-Istat Membru riċevitur; madankollu, l-Istat Membru riċevitur jista' f'każ eċċezzjonali u skond kundizzjonijiet speċifiċi, jidderoga minn dan ir-rekwiżit fil-każ ta' ksur serju ta' l-Artikoli 3d, 3e, 22(1) u (2) tad-Direttiva 89/552/KEE, filwaqt li jitqies il-fatt li r-rispett għad-drittijiet fundamentali jifforma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

(15)  Id-Direttiva ta' Qafas ħolqot qafas legali uniformi għan-networks u għas-servizzi kollha ta' trażmissjoni, iżda skond l-Artikolu 1(3) tagħha hi bla ħsara għall-miżuri meħuda fil-livell Komunitarju jew nazzjonali, biex jiġu segwiti l-għanijiet ta' interess ġenerali, b'mod partikulari dawk relatati mar-regolazzjoni tal-kontenut u mal-politika awdjoviżiva bil-ħsieb li r-regolazzjoni dwar it-trażmissjoni tiġi sseparata mir-regolazzjoni dwar il-kontenut.

(16)  Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku m'għandha l-ebda dispożizzjoni sostanzjali speċifika li tirregola s-servizzi tal-media awdjoviżivi u tħalli l-għażla lill-Istati Membri li jidderogaw mill-prinċipju tal-pajjiż ta" oriġini fuq kwistjonijiet speċifiċi ta" politika pubblika fuq bażi ta" kull każ għalih u f'konformità ma" proċedura ta" notifika. Din id-Direttiva testendi l-qasam tal-liġi tal-Komunità armonizzata billi timponi standards minimi addizzjonali għal servizzi tal-media awdjoviżivi mhux lineari maħsuba għall-protezzjoni tal-minorenni u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali. B'dan il-mod din id-Direttiva tibni fuq id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku f'dawn l-oqsma biex tkopri sett sekondarju speċifiku ta" servizzi awdjoviżivi mhux lineari li huma ta" importanza partikolari għas-soċjetà u li huma kkaratterizzati mid-dimensjoni kulturali tagħhom. Għal dawn is-servizzi l-grad ta" koordinazzjoni ta" regoli nazzjonali huwa ogħla u s-suq intern huwa aktar komplet.

(17)  L-ebda dispożizzjoni ta' din id-Direttiva m'għandha tirrikjedi jew tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li jimponu sistemi ġodda ta' liċenzjar, jew awtorizzazzjoni amministrattiva fuq kwalunkwe tip ta' media awdjoviżiva.

(18)  Id-definizzjoni tas-servizzi awdjoviżivi tal-media tkopri s-servizzi tal-media tal-massa awdjoviżivi kollha li l-kontenut tagħhom ikun xieraq għal xandir televiżiv tkun xi tkun il-pjattaforma li bihom jitwasslu, kemm jekk l-approċċ editorjali u r-responsabbiltà tal-fornitur ikunu riflessi fi skeda ta' programm kif ukoll f'katalogu ta' selezzjoni. Madankollu, il-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa limitat għas-servizzi kif definit mit-Trattat u għalhekk ikopri kull forma ta' attività ekonomika, inkluż dik ta' l-intrapriżi ta' servizz pubbliku. L-element ekonomiku jrid ikun sinifikanti sabiex tkun iġġustifikata l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Attivitajiet ekonomiċi huma normalment ipprovduti bi ħlas, intenzjonati għal perjodu ta' żmien partikulari u kkaratterizzati b'ċerta kontinwità; l-evalwazzjoni ta" l-element ekonomikugħandha tkun suġġetta għall-kriterji u r-regoli tal-pajjiż ta' oriġini. Għalhekk, id-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżivi ma tkoprix attivitajiet mhux ekonomiċi li normalment ma jiġux ipprovduti bi ħlas, bħalma huma l-weblogs u kontenut ieħor maħluq mill-utent jew kwalunkwe forma ta' korrispondenza privata, bħalma huma emails u websajts privati.

(19)  Id-definizzjoni ta' servizzi awdjoviżivi tal-media tkopri l-media tal-massa b'responsabilità editorjali fil-funzjoni tagħha biex toffri informazzjoni, divertiment u edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali, tinkludi komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi imma teskludi kwalunkwe forma ta' korrispondenza privata, bħal emails mibgħuta lil numru limitat ta' riċevituri. Id-definizzjoni teskludi wkoll is-servizzi kollha li l-għan prinċipali tagħhom mhux id-distribuzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv, eż. fejn kwalunkwe kontenut awdjoviżiv huwa sempliċiment inċidentali għas-servizz u mhux ir-raġuni prinċipali. L-eżempji jinkludu websites li jkollhom biss elementi awdjoviżivi b'mod anċillari, bħal elementi grafiċi animati, pubbliċità qasira jew informazzjoni relatata ma' prodott jew servizz mhux awdjoviżiv. Barra minn hekk, skond id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku,huma esklużi wkoll il-logħob tax-xorti bi premju li jirrappreżenta somma ta' flus, inklużi lotteriji u mħatri, sakemm l-għan ewlieni tagħhom ma jkunx id-distribuzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv. Eżempji oħrajn huma l-logħob online u 'search engines', sakemm l-iskop prinċipali mat-tkunx id-distribuzzjoni tal-kontenut awdjoviżiv.

(20)  Is-servizzi ta" xandir televiżiv, i.e. is-servizzi lineari, bħalissa jinkludu b'mod partikulari t-televiżjoni 'analogue' u diġitali, 'streaming' dirett, 'webcasting' u 'near-video-on-demand', filwaqt li 'video-on-demand', pereżempju, huwa wieħed mis-servizzi skond it-talba, i.e. mhux lineari. Għal servizzi tal-media awdjoviżivi lineari jew għal servizzi ta' xandir televiżiv li huma offruti wkoll fuq bażi diretta jew differita bħala servizzi mhux lineari mill-istess fornitur ta' servizz tal-media, ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva jitqiesu li japplikaw biss għat- trażmissjoni lineari. Madankollu, meta tipi ta' servizzi differenti huma offruti b'mod parallel, mingħajr ma parti minnhom tkun subordinata b'mod ċar għal oħra, din id-Direttiva għandha tibqa' tapplika għal dawk il-partijiet rikonoxxibbli tas-servizz li jissodisfaw il-kriterji kollha ta' servizz tal-media awdjoviżiv.

(21)  Id-definizzjonijiet f'din id-Direttiva, b'mod partikolari d-definizzjonijiet tax-xandir televiżiv, servizzi lineari u mhux lineari, huma stipulati biss għall-iskopijiet ta" din id-Direttiva u d-Direttiva 89/552/KEE u ma jaffettwawx id-drittijiet bażiċi protetti mill-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet ta" l-awtur u drittijiet assoċjati. Il-kamp ta" applikazzjoni u r-reġim legali ta" dawn id-drittijiet mhumiex ippreġudikati minn dawn id-definizzjonijiet u jibqgħu jkunu regolati b'mod indipendenti mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

(22)  Din id-Direttiva ma tkoprix verżjonijiet elettroniċi ta' gazzetti u rivisti.

(23)  Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, it-terminu "awdjoviżiv" jirreferi għal immaġni li jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru, u għalhekk jinkludi films mingħajr ħoss iżda ma jinkludix xandiriet bl-awdjo jew servizzi tar-radju.

(24)  Servizz tal-media awdjoviżiv jikkonsisti fi programmi, i.e. sekwenza diskreta ta' immaġni li jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li huma suġġetti għal responsabilita? editorjali, li huma jew trażmessi permezz ta' fornitur tas-servizz tal-media skond skeda ta' ħin fissa jew miġbura fil-forma ta' katalogu.

(25)  L-idea ta' responsabilità editorjali hija essenzjali għad-definizzjoni ta' l-irwol tal-fornitur tas-servizz tal-media u għalhekk għad-definizzjoni tas-servizzi awdjoviżivi tal-media. "Responsabilità editorjali" tfisser ir-responsabilità għall-għażla u għall-organizzazzjoni, fil-kapaċita' professjonali, tal-kontenut ta' offerta awdjoviżiva. Din tista' tiġi eżerċitata fuq kontenut individwali jew fuq ġabra ta" kontenuti. Tali responsabilità editorjali tapplika għall-kompożizzjoni ta' l-iskeda, fil-każ ta' programmi televiżivi, jew għall-katalogu tal-programm, fil-każ ta' servizzi mhux lineari. Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-eżenzjonijiet ta' responsabilità stipulati fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

(26)  Is-sempliċi forniment tekniku, b'mezzi terrestri jew bis-satellita, ta" servizz tal-media awdjoviżiv ma jagħtix awtomatikament status ta" fornitur ta" servizz tal-media skond it-tifsira ta" din id-Direttiva; l-istess prinċipju japplika fejn issir deċiżjoni ta" għażla, sakemm terza parti fil-ġuriżdizzjoni ta" Stat Membru jkollha r-responsabilità editorjali b'mod ċar.

(27)  Il-kriterji stipulati fid-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżivi, kif stabbiliti fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE u deskritti fid-dettall fil-Premessi 18 sa 26 ta" din id-Direttiva, iridu jkunu sodisfatti fl-istess ħin.

(28)  Id-definizzjoni aktar wiesgħa ta' komunikazzjoni awdjoviżiva kummerċjali hija introdotta flimkien mar-reklami u t-telebejgħ. Din tinkludi stampi li jiċċaqalqu bil-ħoss u mingħajru li huma trażmessi bħala parti minn servizz awdjoviżiv tal-media u li jiffurmaw parti minn jew jakkumpanjaw programmi u li huma mfassla biex jippromwovu, direttament jew indirettament, lill-oġġetti, lis-servizzi jew lill-istampa jew lil entità fiżika jew ġuridika li twettaq attività ekonomika u għalhekk ma tinkludix avviżi ta' servizz pubbliku u appelli ta' karita? mxandra bla ħlas.

(29)  Il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġni jibqa' l-qalba ta d-Direttiva 89/552/KEE, peress li hu essenzjali għall-ħolqien tas-suq intern. Għalhekk, dan il-prinċipju jrid jiġi applikat għas-servizzi awdjoviżivi tal-media kollha sabiex tkun żgurata ċertezza legali lill-fornituri tas-servizzi tal-media bħala bażi neċessarja għal mudelli ta' negozji ġodda u għat-twettiq ta' dawn is-servizzi. Huwa wkoll essenzjali sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera ta" informazzjoni u ta' programmi awdjoviżivi fis-suq intern. L-applikazzjoni ta" dan il-prinċipju ma tistax teskludi l-konsiderazzjoni tal-kriterji ta" l-oriġini tar-riżorsi ta" servizz bil-ħsieb li jkunu żgurati l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta.

(30)  Sabiex tkun promossa industrija awdjoviżiva Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u integrata, u sabiex jikber il-pluraliżmu fil-media madwar l-Unjoni Ewropea, jibqa' essenzjali li Stat Membru wieħed biss ikollu ġuriżdizzjoni fuq fornitur tas-servizzi tal-media awdjoviżivi u li l-pluraliżmu ta" l-informazzjoni għandu jkun prinċipju fundamentali ta" l-Unjoni Ewropea.

(31)  Huwa għalhekk essenzjali li l-Istati Membri jevitaw il-ħolqien ta" pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal limitazzjoni tal-pluraliżmu u għal restrizzjonijiet fuq il-libertà ta" l-informazzjoni tal-media kif ukoll fuq is-settur ta" l-informazzjoni fis-sħuħija tiegħu, pereżempju billi jittieħdu miżuri biex ikun żgurat aċċess mhux diskriminatorju għal offerti ta" servizzi tal-media awdjoviżivi fl-interess pubbliku, eż. permezz ta" regoli "must-carry".

(32)  Żviluppi teknoloġiċi, speċjalment fir-rigward ta' programmi diġitali bis-satellita, ifissru li hemm bżonn jiġu adattati kriterji sussidjarji sabiex tkun żgurata regolazzjoni xierqa u implimentazzjoni effettiva u sabiex il-parteċipanti jingħataw setgħa ġenwina fuq il-kontenut ta' servizz tal-media awdjoviżivi.

(33)  Peress li din id-Direttiva tikkonċerna servizzi offruti lill-pubbliku ġenerali fl-Unjoni Ewropea, għandha tapplika biss għas-servizzi awdjoviżivi tal-media li l-pubbliku jista' jirċievi b'mod dirett jew indirett fi Stat Membru jew aktar b'apparat standard tal-konsumatur. Id-definizzjoni ta' "apparat standard tal-konsumatur" għandha titħalla f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(34)  L-Artikoli 43 sa 48 tat-Trattat jistipulaw id-dritt fundamentali għal-libertà ta' l-istabbiliment. Għalhekk il-fornituri ta' servizzi awdjoviżivi tal-media huma b'mod ġenerali ħielsa biex jagħżlu f'liema Stat Membru jridu jkunu stabbiliti. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea enfasizzat ukoll li "it-Tratta ma jipprojbixxix intrapriza milli teżerċita l-libertà li tipprovdi servizzi jekk ma toffrix servizzi fl-Istat Membru li tkun stabbilita fih"(14).

(35)  L-Istati Membri jridu jkunu kapaċi japplikaw regoli aktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva fuq il-fornituri tas-servizzi tal-media fil-ġuriżdizzjoni tagħhom filwaqt li jridu jiżguraw li dawk ir-regoli jkunu konsistenti mil-liġi tal-kompetizzjoni tal-komunità. Sabiex ikun żgurat li dawn ir-regoli ma jiġux evitati, il-kodifikazzjoni tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea(15), magħquda ma' proċedura aktar effiċjenti, hi soluzzjoni xierqa li tqis it-tħassib ta' l-Istati Membri mingħajr ma tikkomprometti l-applikazzjoni kif suppost tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini.

(36)  Sabiex Stat Membru jġib provi fuq bażi ta' kull każ għalih li fornitur ta" servizz tal-media li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor ikun qed jevita r-regoli tiegħu, dak l-Istat Membru jista' jiċċita indikaturi bħall-oriġini tar-riklamar u/jew dħul minn abbonament, il-lingwa ewlenija tas-servizz jew l-eżistenza ta' programmi jew komunikazzjonijiet kummerċjali mmirati speċifikament lejn il-pubbliku fl-Istat Membru li jirċevihom.

(37)  Skond din id-Direttiva, minkejja l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini , Stati Membri xorta jistgħu jieħdu miżuri li jillimitaw il-libertà tal-moviment tax-xandir televiżiv jew tas-servizzi tal-media awdjoviżivi mhux lineari, izda biss taħt ċerti kunidzzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2a tad-Direttiva 89/552/KEE u bil-proċedura stipulata f'din id-Direttiva. Madankollu, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dejjem sostniet li kwalunkwe limitazzjoni tal-liberta? għall-provvediment ta' servizzi, bħalma hija kwalunkwe deroga minn prinċipju fundamentali tat-Trattat, għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv. Għandha tingħata ukoll konsiderazzjonipartikulari għall-ħarsien tal-minorenni u s-saħħa, iżda taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jkun permess il-kontroll ex ante ta' ideat jew opinjonijiet(16). F'dak li jirrigwarda servizzi awdjoviżivi mhux lineari, il-possibilità li Stat Membru jieħu miżuri skond l-Artikolu 2a tad-Direttiva 89/552/KEE tieħu post il-miżuri possibbli li setgħu ttieħdu minn dak l-Istat Membru kif stipulati fl-Artikolu 3(4) u/jew l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku fil-qasam ikkoordinat mill-Artikolu 3d u 3e tad-Direttiva 89/552/KEE .

(38)  Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Regolazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjieg fl-Unjoni Ewropea(17), il-Kummissjoni enfasizzat li għandha tiġi kkunsidrata analiżi bir-reqqa ta' approċċ regolatorju xieraq, b'mod partikulari jekk leġiżlazzjoni hijiex preferibbli għas-settur u għall-problema relevanti, jew jekk alternattivi bħalma huma l-koregolazzjoni jew l-awto-regolazzjoni. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li kemm l-istrumenti ta' l-koregolazzjoni kif ukoll dawk ta' awtoregolazzjoni implimentati b'konformità mad-diversi tradizzjonijiet legali ta' l-Istati Membri jistgħu jkollhom rwol importanti biex jipprovdu protezzjoni tal-konsumatur ta' livell għoli. Miżuri mmirati għall-kisba ta' objettivi ta' interess pubbliku fis-settur emerġenti tas-servizzi tal-media awdjoviżivi jkunu aktar effettivi jekk dawn jittieħdu bl-appoġġ attiv tal-fornituri tas-servizzi nfushom. Għalhekk, l-awtoregolazzjoni hija tip ta' inizjattiva volontarja li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi, lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet mhux governattivi li jadottaw bejniethom u għalihom infushom linji gwida komuni. L-Istati Membri għandhom, b'konformità mad-diversi tradizzjonijiet legali tagħhom, jirrikonoxxu l-irwol effettiv li awtoregolazzjoni effettiva jista' jkollha sabiex tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni u l-mekkaniżmi ġuridiċi u/jew amministrattivi attwali u jirrikonoxxu l-kontribut utli favur il-kisba ta' l-objettivi ta' din id-Direttiva. Madankollu, filwaqt li l-awtoregolazzjoni tista' tkun metodu kumplimentari sabiex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, din iżda ma tistax tissostitwixxi l-obbligu tal-leġiżlatur nazzjonali. Il-koregolazzjoni, fil-forma minimali tagħha, tipprovdi "rabta legali" bejn l-awtoregolazzjoni u l-leġiżlatur nazzjonali b'konformità mat-tradizzjonijiet legali ta' l-Istati Membri.

(39)  It-terminu ġeneriku "koregolazzjoni" jkopri strumenti regolatorji li huma bbażati fuq il-koperazzjoni bejn korpi ta' l-Istat u korpi awtoregolatorji, u jvarjaw ħafna fit-termini ta' l-ismijiet u l-istrutturi tagħhom fuq il-livell nazzjonali. Is-sura proprja li jieħdu dawn l-istrumenti tirrifletti t-tradizzjoni speċifika tar-regolazzjoni tal-media fl-Istati Membri individwali. Sistemi ta' awtoregolazzjoni għandhom inkomuni l-ħidmiet u l-objettivi li oriġinalment kienu l-kompitu ta' l-Istat issa qed jitwettqu f'koperazzjoni mal-partijiet affettwati mir-regolazzjoni. Il-parteċipanti nfushom, sew jekk ikunu maħtura sew jekk awtorizzati mill-Istat, għandhom jiggarantixxu li jintlaħaq l-objettiv regolatorju. F'kull każ is-sistemi huma msejsa fuq qafas legali ta' l-Istat li jistipula l-istruzzjonijiet dwar il-kontenut, l-organizzazzjoni u l-proċeduri. Abbażi ta' dan, il-partijiet interessati joħolqu kriterji, regoli u strumenti ulterjuri, u huma stess jikkontrollaw jekk ikunx hemm konformità magħhom. L-awtoregolazzjoni kif hija ddefinita tippermetti li għarfien speċjalizzat jiġi sfruttat għal ħidmiet amministrattivi, u jistgħu jiġu evitati proċeduri burokratiċi. Huwa neċessarju li l-partijiet kollha, jew għallinqas dawk l-iktar influwenti, jipparteċipaw jew jirrikonoxxu s-sistema. L-awtoregolazzjoni taħdem billi tikkombina istruzzjonijiet lill-partijiet interessati ma' opportunitajiet għal intervent mill-Istat jekk dawk l-istruzzjonijiet ma jitwettqux.

(40)  Id-drittijiet ta' xandir għall-iskop ta' divertiment għal avvenimenti ta' interess pubbliku jistgħu jinkisbu mix-xandara fuq bażi esklussiva. Pero? huwa essenzjali li l-pluraliżmu jiġi promoss permezz tad-diversita? fil-produzzjoni u l-programmazzjoni ta' aħbarijiet madwar l-Unjoni Ewropea, u li jiġu rispettati l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(41)  Għalhekk, sabiex titħares il-libertà fundamentali li wieħed jirċievi tagħrif u sabiex jiġi żgurat li l-interessi ta' l-udjenza fl-Unjoni Ewropea jiġu protetti b'mod sħiħ u xieraq, dawk li jeżerċitaw drittijiet esklussivi fir-rigward ta' avveniment ta' interess kbir għall-pubbliku iridu jagħtu lil xandara u lil intermedjarji oħra, fejn ikunu qed jaġixxu f'isem ix-xandara, id-dritt li jużaw siltiet qosra għall-finijiet ta' programmi ta' aħbarijiet ġenerali fuq il-bażi ta' termini li huma ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji u li jqisu b'mod xieraq id-drittijiet esklussivi. Termini bħal dawn għandhom jiġu kkomunikati fi żmien xieraq qabel ma jsir l-avveniment ta' interess pubbliku sabiex partijiet oħrajn jingħataw ħin biżżejjed biex jeżerċitaw dan id-dritt. Bħala regola ġenerali, dan it-tip ta" siltiet qosra m'għandhomx: jaqbżu d-90 sekonda; jiġi trażmess qabel jispiċċa l-avveniment, jew fil-każ ta" avvenimenti sportivi qabel ma jispiċċa l-logħob ta" dak il-ġurnata – skond min jiġi l-ewwel minn dawn it-tnejn; jintwerew aktar tard minn 36 siegħa wara l-avveniment; jintużaw biex jinħoloq arkivju pubbliku; ineħħu s-simbolu tax-xandar oriġinali jew kull identifikazzjoni tiegħu; jew jintużaw f'servizzi mhux lineari apparti dawk li jiġu offruti fuq bażi diretta jew diferita mill-istess fornitur tas-servizzi tal-media. Id-dritt ta' aċċess transkonfinali għall-aħbarijiet għandu japplika fejn ikun neċessarju biss. Għalhekk, jekk xandar ieħor fl-istess Stat Membru ikun akkwista drittijiet esklużivi għall-avveniment konċernati, l-aċċess għandu jintalab mingħand dak ix-xandar. Għal xandara pan-Ewropej, il-leġiżlazzjoni relevanti hija dik ta" l-Istat Membru fejn iseħħ l-avveniment.

(42)  Il-litteriżmu tal-media jirriferi għall-kompetenzi, l-għarfien u l-fehim li jippermettu li l-konsumatur juża l-media b'mod effettiv. Persuni li huma litterati fil-media jkunu kapaċi jagħmlu għażliet b'mod infurmat; jifhmu n-natura tal-kontenut u tas-servizzi; ikunu kapaċi jieħdu vantaġġ mill-għażla sħiħa ta' opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni ġodda, u jkunu aktar kapaċi jipproteġu lilhom infushom u l-familji tagħhom minn materjal ta' ħsara jew offensiv. Għalhekk, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp tal-litteriżmu tal-media fl-oqsma kollha tas-soċjetà u li jwettqu riċerka regolari biex jissorveljaw il-litteriżmu u biex jagħtu informazzjoni dwar l-approċċ tagħhom għar-regolazzjoni tal-kontenut.

(43)  Servizzi mhux lineari huma differenti minn servizzi lineari fir-rigward ta' l-għażla u l-kontroll li l-utent jista' jeżerċita u fir-rigward ta' l-impatt li jkollhom fuq is-soċjetà(18). Din id-differenza tiġġustifika l-impożizzjoni ta' regolazzjoni anqas stretta fuq servizzi mhux lineari, li għandhom jikkonformaw biss mar-regoli bażiċi stipulati fl-Artikoli 3c sa 3h tad-Direttiva 89/552/KEE..

(44)  Minħabba n-natura speċifika tas-servizzi tal-media awdjoviżivi, speċjalment l-impatt ta' dawn is-servizzi fuq il-mod li bih n-nies jiffurmaw l-opinjoni tagħhom, huwa essenzjali li l-utenti jkunu jafu eżattament min hu responsabbli għall-kontenut ta' dawn is-servizzi. Għalhekk huwa importanti għall-Istati Membri li jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-metodi ta' kif tiġi eżerċitata r-responsabilità editorjali għall-kontenut u minn min din tiġi eżerċitata. Huwa f'idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi d-dettalji prattiċi dwar kif għandu jintlaħaq l-għan bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja.

(45)  Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma strettament limitati għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-funzjonament xieraq tas-suq intern. Meta tinħtieġ azzjoni fuq livell ta' Komunità, u sabiex jiġi ggarantit spazju li ġenwinament huwa mingħajr fruntieri interni fejn jidħlu s-servizzi tal-media awdjoviżivi, id-Direttiva 89/552/KEE għandha tippromwovi livell għoli ta' ħarsien ta' l-objettivi ta' interess ġenerali, b'mod partikulari l-ħarsien tal-minorenni, tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilità u tad-dinjità tal-bniedem.

(46)  Kontenut u kondotta fis-servizzi tal-media awdjoviżivi li jagħmlu ħsara jkomplu jkunu ta' tħassib għall-leġiżlaturi, għall-industrija u għall-ġenituri. F'dan ir-rigward jidher neċessarju li jkunu edukati mhux biss it-tfal, iżda ukolll-ġenituri, l-għalliema u l-edukaturi, sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-media ta' komunikazzjoni, b'mod partikulari servizzi tal-media awdjoviżivi, ikun x'ikun il-mod li bih jiġu fornuti. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu introdotti regoli li jħarsu l-iżvilupp fiżiku, mentali u moral ta' minorenni kif ukoll id-dinjità tal-bniedem fis-servizzi tal-media awdjoviżivi u l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva kollha, ir-reklamar, it-telebejgħ, l-isponsorjar, it-tqegħid tal-prodott u kwalunkwe metodu ieħor ta' kommunikazzjoni teknikament fattibbli.

(47)  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kurrikuli nazzjonali rispettivi u l-korsijiet ta' edukazzjoni wara s-sekondarja tagħhom jipprovdu analiżi kritika tal-media.

(48)  Miżuri li jittieħdu biex jitħarsu l-minorenni u d-dinjità tal-bniedem għandhom ikunu bbilanċjati b'mod kawt mad-dritt fundamentali tal-libertà ta' l-espressjoni kif stipulat fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Madankollu l-għan ta' dawn il-miżuri għandu jkun li jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni ta' minorenni u tad-dinjità tal-bniedem, fir-rigward ta' servizzi mhux lineari, permezz ta' obbligu sabiex b'mod ċar tinġibed attenzjoni speċifika għal ċerti programmi qabel ma jkunu trażmessi u skond kemm l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, li jirrikonoxxi li d-dinjità tal-bniedem hija invijolabbli u għandha tiġi rispettata u protetta, kif ukoll l-Artikolu 24 tal-Karta, li jiddikjara li t-tfal għandu jkollhom id-dritt għal tali protezzjoni u kura jekk ikun meħtieġ għall-benessri tagħhom, u li fl-azzjonijiet kollha li huma relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn istituzzjonijiet privati, l-aqwa interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni ewlenija.

(49)  Minorenni u persuni vulnerabbli u persuni b'diżabilità, inklużi dawk li għandhom diżabilità mentali, jafu jkunu partikularment affettwati jew disturbati jew jgħaddu minn taqlib psikiku jew psikoloġiku minn programmi li jkollhom xeni ta' vjolenza verbali, fiżika jew morali jew minn xeni li joffendu d-dinjità tal-bniedem jew jinċitaw il-mibegħda razzjali jew kwalunkwe tip ieħor ta' diskriminazzjoni. Peress li wieħed mill-objettivi ta' din id-Direttiva huwa li tipproteġi tali persuni inġenerali, l-Istati Membri huma mħeġġa b'mod qawwi li jfakkru lill-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżivi dwar din il-ħtieġa ewlenija u li jesiġuhom jindikaw b'mod ċar in-natura partikulari ta' programmi bħal dawn qabel ma jkunu mxandra.

(50)  L-ebda mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-minorenni u l-ordni pubblika ma teżiġi li l-miżuri kkonċernati jkunu implimentati permezz ta' kontroll preċedenti tas-servizzi awdjoviżiv tal-media.

(51)  L-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE jirrikjedi li l-Komunità għandha tqis l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat. B'mod partikulari id-diversità tal-kulturi u l-lingwi tagħha, għandha tiġi rrispettata u mmexxija 'l quddiem, u l- fehim reċiproku għandu jiġi mħeġġeġ..

(52)  Servizzi awdjoviżivi mhux lineari tal-media għandhom il-potenzjal li parzjalment jieħdu post is-servizzi lineari. Għalhekk, għandhom jippromwovu, fejn huwa prattiku, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-promozzjoni tad-diversità kulturali. Appoġġ bħal dan għal xogħlijiet Ewropej jista' jieħu s-sura, pereżempju, ta' sehem minimu fix-xogħlijiet Ewropej proporzjonali għall-prestazzjoni ekonomika, sehem minimu f'xogħlijiet Ewropej fil-katalogi 'video-on-demand', jew il-preżentazzjoni attraenti ta' xogħlijiet Ewropej fi gwidi ta' programmi elettroniċi. Għandu jkun importanti li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej minn servizzi awdjoviżivi tal-media jiġu regolarment rieżaminati. Fl-ambitu tal-qafas tar-rapporti stipulati fl-Artikolu 3f (3) tad-Direttiva 89/552/KEE, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll, elementi bħall-kontribuzzjoni finanzjarja ta' dawn is-servizzi lill-produzzjoni u l-akkwist tad-drittijiet ta' xogħlijiet Ewropej; il-perċentwali tax-xogħlijiet Ewropej fil-katalgu tas-servizzi tal-media awdjoviżivi kif ukoll il-konsum effettiv min-naħa ta' l-utenti ta' xogħlijiet Ewropej proposti minn dawn is-servizzi. F'dawn ir-rapporti, għandu jittieħed kont xieraq ukoll tax-xogħlijiet ta' produtturi indipendenti.

(53)  Il-persuni li jwettqu 'bundling' biss jew jittrażmettu biss servizzi tal-media awdjoviżivi jew li joffru għall-bejgħ pakketti ta' dawn is-servizzi, li għalihom m'għandhom l-ebda responsabilità editorjali, m'għandhomx jitqiesu bħala fornituri tas-servizzi tal-media. Għaldaqstant, is-sempliċi 'bundling', trażmissjoni jew bejgħ ta' offerti ta' kontenut, li għalihom m'għandhom l-ebda responsabilità editorjali, ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(54)  Meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu lix-xandara jinkludu sehem xieraq ta' koproduzzjonijiet Ewropej jew ta' xogħlijiet Ewropej li m'għandhomx oriġini domestika.

(55)  Fornituri ta' servizzi tal-media għandhom jinkludu wkoll fis-servizzi tagħhom ix-xogħlijiet ta' produtturi indipendenti, waqt li jirrispettaw id-drittijiet li jirrigwardaw xandir ripetut ta' xogħlijiet bħal dawn u t-tqassim ġust tad-drittijiet tal-kontributuri.

(56)  Huma importanti li jiġi żgurat li xogħlijiet ċinematografiċi huma trasmessi f'perjodi miftehma bejn is-sidien tad-dritt u l-fornituri tas-servizzi awdjoviżivi tal-media.

(57)  Id-disponibilità ta' servizzi mhux lineari twessa' l-għażla tal-konsumatur. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni fil-kurrikuli nazzjonali tagħhom u fil-korsjiet edukattivi ta' wara s-sekondarja għal edukazzjoni xierqa dwar l-użu kritiku tal-media, sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li jiġu introdotti regoli ddettaljati li jirregolaw il-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva. B'hekk, regoli ddettaljati li jirregolaw il-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva għal servizzi mhux lineari jidhru li mhumiex iġġustifikati u lanqas ma jagħmlu sens mil-lat tekniku. Madanakollu, il-komunikazzjoni kummerċjali kollha awdjoviżiva għandha tirrispetta mhux biss ir-regoli ta' identifikazzjoni iżda ukoll livell bażiku ta' reġoli kwalitativi sabiex jintlaħqu miri ċari tal-politika pubblika.

(58)  Id-dritt ta' risposta huwa rimedju legali partikularment xieraq fl-ambjent on-line, peress li huwa possibbli tikkoreġi t-tagħrif ikkontestat immedjatament. Madankollu, id-dritt għandu jkun eżerċitat f'perjodu raġonevoli wara li tkun riċevuta t-talba, fi żmien u f'forma li jidhru xierqa fil-kuntest tal-programm partikulari li għalih it-talba tirrelata. B'mod partikulari, ir-risposta għandha tingħata l-istess importanza daqs it-tagħrif kontestat, sabiex tilħaq l-istess ċirku ta' utenti bl-istess effetti.

(59)  Kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Interpretattiva tagħha dwar ċertu aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar riklamar televiżżiv fid-Direttiva "Televixin mingħajr Fruntieri"(19), l-izvilupp ta' tekniki ġodda ta' riklamar u innovazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ħoloq opportunitajiet ġodda effettivi għall-komunikazzjonijiet kummerċjali fis-servizzi tradizzjonali tax-xandir, li potenzjalment jippermettulhom jikkompetu aħjar f'suq fejn il-kundizzjonijiet huma l-istess għal kulħadd b'innovazzjonijiet fis-servizz 'on-demand'. Il-Komunikazzjoni Interpretattiva tibqa' valida sakemm tibqa' tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/552/KEE li ma ġewx affettwati minn din id-Direttiva.

(60)  Żviluppi kummerċjali u teknoloġiċi jagħtu lill-utenti aktar għażla u responsabilità fl-użu tagħhom tas-servizzi tal-media awdjoviżivi. Sabiex iżżomm il-proporzjon ma' l-objettivi ta' interess nazzjonali, ir-regolazzjoni għandha tippermetti ċerta livell ta' flessibilità fir-rigward tas-servizzi tal-media awdjoviżivi lineari: il-prinċipju ta' separazzjoni għandu jkun limitat għar-reklamar u t-telebejgħ, it-tqegħid tal-prodott għandu jitħalla taħt ċerti ċirkustanzi, f'ċerti każi determinati fuq il-bażi ta' lista pożittiva, u xi restrizzjonijiet kwantitattivi għandhom jitneħħew. Madankollu, fejn it-tqegħid ta' prodotti jsir bil-moħbi, dan għandu jiġi pprojbit. Il-prinċipju tas-separazzjoni m'għandux jimpedixxi l-użu ta' tekniki ġodda ta' riklamar.

(61)  Huwa neċessarju li tiġi żgurata koerenza bejn din id-Direttiva u l-liġi Komunitarja eżistenti. Għalhekk, fil-każ ta' konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u d-dispożizzjoni ta' att ieħor Komunitarju li jirregola aspetti speċifiċi ta' aċċess għal jew it-twettiq ta' attività ta' servizz tal-media awdjoviżiv, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jieħdu preċedenza. Konsegwentement din id-Direttiva tikkumplimenta l-acquis tal-Komunità. B'hekk, apparti mill-prattiki li huma koperti bid-Direttiva attwali, id-Direttiva 2005/29/KE(20) tapplika għal prattiki kummerċjali mhux ġusti, bħalma huma l-prattiki qarrieqa jew aggressivi li jseħħu fis-servizzi tal-media awdjoviżivi. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2003/33/KE(21), li tipprojbixxi r-riklamar u l-isponsorizzar tas-sigaretti u ta' prodotti tat-tabakk fil-media stampata, fis-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u fuq ix-xandir bir-radju, hija bla ħsara għad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva ta' l-Istati Membri li tikkonċerna t-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir televiżiv, minħabba l-karatteristiċi speċjali tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2003/33/KE u d-Direttiva 89/552/KEE għandha tibqa' l-istess wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva attwali. L-Artikolu 88 (1) tad-Direttiva 2001/83/KE(22) li jipprojbixxi r-riklamar ta' ċerti prodotti tal-mediċina lill-pubbliku ġenerali japplika, kif previst fil-paragrafu 5 ta' l-istess Artikolu, bla ħsara għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 89/552/KEE; ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2001/83/KE u d-Direttiva 89/552/KEE għandha ukoll tibqa' l-istess wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva attwali. Barra minn hekk, din id-Direttiva hija bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'l-20 ta'Diċembru 2006 dwar stqarrijiet magħmula dwar l-ikel. fuq il-r vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa(23).

(62)  Minħabba ż-żieda fl-użu ta' teknoloġiji ġodda bħalma huma l-video rekorders personali u fl-għażla usa' ta' kanali, dettaljata fir-rigward tat-tqegħid ta' biċċiet qosra ta' pubbliċità bil-għan li jitħarsu t-telespettaturi, m'għadhiex iġġustifikata. Din id-Direttiva tagħti flessibilità lix-xandara fir-rigward ta' l-inklużjoni ta' dan it-tip ta' riklamar fejn dan ma jimpedixxix b'mod mhux xieraq l-integrità tal-programmi.

(63)  Din id-Direttiva hija intiża għall-protezzjoni tal-karattru speċifiku ta' l-ambjent televiżiv Ewropew. Spots ta' riklami u telebejgħ jistgħu jiddaħħlu biss waqt programmi b'mod li ma jiġux ippreġudikati l-integrità u l-valur tal-programm, meta wieħed iqis waqfiet normali u t-tul u n-natura tal-programm, u d-drittijiet tas-sidien tad-drittijiet.

(64)  Il-limitazzjoni fuq l-ammont ta' riklamar kuljum kienet fil-biċċa l-kbira teoretika. Il-limitu għal kull siegħa huwa aktar importanti peress li japplika wkoll waqt il-faxxa ta' ħin bl-ikbar segwitu. Għalhekk il-limitu ta' kuljum għandu jitneħħa, waqt li l-limitu għal kull siegħu għandu jinżamm għar-riklamar u għat-telebejgħ; kif ukoll ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-ħin li jingħata għall-kanali tat-telebejgħ jew tar-riklamar ma jidhrux li għadhom iġġustifikati meta wieħed iqis iż-żieda fl-għażla tal-konsumatur. Madankollu, jibqa' applikabbli l-limitu ta' 20% fir-riklamar għal kull siegħa reali, apparti tipi oħra ta' riklamar li jieħdu aktar ħin bħal bħat-telepromozzjoni u t-telebejgħ li jirrikjedu aktar ħin minħabba l-karatteristiċi inerenti u l-metodu tal-preżentazzjoni tagħhom(24).

(65)  Riklamar bil-moħbi hiwa prattika pprojbita minn din id-Direttiva minħabba l-effetti negattivi fuq il-konsumaturi. Il-projbizzjoni ta' riklamar bil-moħbi ma tkoprix it-tqegħid ta' prodotti leġittimu fi ħdan il-qafas ta' din id-Direttiva.

(66)  It-tqegħid ta" prodotti huwa realtà fix-xogħlijiet ċinematografiċi u fix-xogħlijiet awdjoviżivi magħmulin għat-televiżjoni, iżda l-Istati Membri jirregolaw din il-prattika b'modi differenti. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ta' l-istess livell fis-suq, u b'hekk tissaħħaħ il-kompetittività ta' l-industrija tal-media Ewropea, jeħtieġ li jiġu adottati regoli dwar it-tqegħid ta' prodotti. Huwa utli li tinżamm lista pożittiva li tawtorizza t-tqegħid tal-prodotti fit-tipi ta' kontenut li l-funzjoni ewlenija tagħhom ma tkunx li jinfluwenzaw l-opinjoni, u f'każijiet fejn ma jingħata l-ebda - jew ftit -, kumpens bħala ħlas. Id-definizzjoni ta' tqegħid ta' prodott tkopri kull forma ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li tikkonsisti fl-inklużjoni jew ir-referenza għal prodott, servizz jew il-marka kummerċjali tiegħu sabiex jidher fil-programm, normalment bi ħlas jew kunsiderazzjoni simili. Dan jista' jikkonsisti fit-tqegħid ta' servizzi u oġġetti ta' valur monetarju għad-dispożizzjoni ta' persuna, li sabiex jiksibhom ir-riċevitur kien ikollu juża r-riżorsi finanzjarji, personali jew materjali tiegħu stess. It-tqegħid ta' prodotti huwa suġġett għall-istess regoli kwalitattivi u restrizzjonijiet li japplikaw għar-reklamar. Barra minn hekk, it-tqegħid ta" prodotti għandu jissodisfa l-ħtiġijiet li ġejjin. Ir-responsabilità u l-indipendenza editorjali tal-fornitur tas-servizz tal-media ma jistgħux jitpoġġew f'periklu. B'mod partikulari, il-mod ta" kif il-prodott jiġi inkluż fil-programm m'għandux jagħti l-impressjoni li l-prodott ikun appoġġjat mill-programm jew mill-preżentaturi tiegħu. Barra minn hekk, il-prodott m'għandux jingħata 'prominenza żejda' - dan ifisser li din il-prominenza ma tkunx iġġustifikata bil-ħtiġijiet editorjali tal-programm, jew bil-bżonn tar-rappreżentazzjoni eżatta tar-realtà. Prominenza żejda tista' tfisser ukoll id-dehra rikurrenti tad-ditti, tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew il-mod kif dawn jingħataw prominenza. Għandu jitqies ukoll il-kontenut tal-programm li dawn ikunu introdotti fih.

(67)  "Props għall-produzzjoni' tfisser ir-riferenza jew il-preżentazzjoni ta' prodotti jew servizzi minħabba raġunijiet editorjali mingħajr ħlas jew kumpens simili. Sabiex issir distinzjoni bejn l-għajnuna materjali għall-produzzjoni u t-tqegħid ta' prodotti fil-kuntest tat-tifsira ta' din id-direttiva, il-qafas legali għall-użu ta' għajnuna materjali għall-produzzjoni permessi fil-formati kollha tal-programmi għandu jkun iċċarat.

(68)  "Prominenza żejda' tingħata meta r-rappreżentazzjoni rikurrenti ta' ditta, prodott jew servizz jew in-natura tal-preżentazzjoni tagħhom tagħti prominenza żejda lil prodotti fil-kuntest ta' l-għajnuna materjali għall-produzzjoni jew tat-tqegħid ta' prodotti, b'kont meħud tal-kontenut tal-programmi li jidhru fihom.

(69)  Ir-regolaturi għandhom ikunu indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill-fornituri tas-servizzi awdjoviżivi tal-media sabiex ikunu kapaċi jwettqu xogħlhom b'mod imparzjali u trasparenti u biex jikkontribwixxu għall-pluraliżmu. Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni hija neċessarja biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta' din id-Direttiva. Bl-istess mod, koperazzjoni bejn Stati Membri u bejn awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri hija partikularment importanti fir-rigward ta' l-impatt li x-xandara stabbiliti fi Stat Membru wieħed jista' jkollhom fi Stat Membru ieħor. Meta proċeduri ta' liċenzjar ikunu provduti fil-liġi nazzjonali u jekk aktar minn Stat Membru wieħed ikun konċernat, huwa mixtieq li l-kuntatti bejn l-awtoritajiet rispettiva jseħħu qabel ma jingħataw il-liċenzji. Din il-koperazzjoni għandha tkopri l-oqsma kollha koordinati mid-Direttiva 89/552/KEE u b'mod partikulari l-Artikoli 2, 2a u 3.

(70)  Id-diversità kulturali, il-libertà ta' l-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media fil-mezzi ta' komunikazzjoni huma wħud mill-aspetti importanti tas-settur awdjoviżiv Ewropew u għalhekk huma prerekwiżiti indispensabbli għad-demokrazija u d-diversità.

(71)  Id-dritt ta' persuni bi bżonnijiet speċjali, ta' l-anzjani u ta' ċittadini ta' pajjiżi barra l-UE li l-ilsien nattiv tagħhom ikun differenti mill-lingwa tal-pajjiż li jgħixu fih li jieħdu sehem u jintegraw fil-ħajja soċjali u kulturali tal-komunità b'konformità ma' l-Artikoli 25 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea huwa marbut bis-sħiħ mal-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżivi. L-aċċessibilità tas-servizzi awdjoviżivi tal-media tinkludi, fost oħrajn, il-lingwa tas-sinjali, is-sottotitoli, deskrizzjoni bl-awdjo u navigazzjoni tal-menu li tinftiehem malajr,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 89/552/KEE qed tiġi emendata b'dan li ġej:

(1)  It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li tikkonċerna il-provvista ta' servizzi awdjoviżivi tal-media (Id-Direttiva dwar Servizzi Awdjoviżivi tal-Media)

"

(2)  L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 1

Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

   a) "servizz awdjoviżiv tal-media' tfisser servizz kif definit mill-Artikoli 49 u 50 tat-Trattat provdut taħt ir-responsabilità editorjali ta' fornitur ta' servizz tal-media, li l-iskop prinċipali tiegħu huwa l-provvediment ta' programmi li jikkonsistu fi stampi li jiċċaqalqu, bil-ħoss jew mingħajru, biex joffru informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali permezz ta' networks ta" komunikazzjoni elettroniċi fis-sens ta' l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/21/KE u/jew ta' komunikazzjonijiet awdjoviżivi kummerċjali. Dan la jinkludi servizzi fejn il-provvediment ta' kontenut awdjoviżiv ikun sempliċiment aċċidentali għas-servizz u mhux l-iskop ewlieni tiegħu, u lanqas l-istampa f'forma stampata u elettronika.
   b) "il-fornitur tas-servizzi tal-media' tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabilità editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz awdjoviżiv tal-media u li tiddetermina l-mod ta' kif jiġi organizzat. Din ma tinkludix persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jitrażmettu biss kontenut li r-responsabbilità editorjali tiegħu taqa' f'idejn partijiet terzi;
   c) "xandira televiżiva' jew 'servizz lineari' tfisser servizz tal-media awdjoviżiv fejn sekwenza kronoloġika ta' programmi hija trażmessa lil numru indeterminat ta' utenti potenzjali mill-fornitur tas-servizz tal-media f'ħin partikulari deċiż minnu, skond skeda fissa ta' programmar;
   d) "xandar" tfisser fornitur ta' programmi televiżivi u servizzi awdjoviżivi lineari tal-media;
   e) "servizz fuq talba' jew 'servizz mhux lineari' tfisser servizz awdjoviżiv tal-media li jikkonsisti f'offerta ta' kontenut awdjoviżiv li jkun ġie editjat jew ikkumpilat minn fornitur tas-servizzi tal-media, u fejn l-utent, fuq bażi individwali, jagħmel talba għat-trażmissjoni ta' programm partikulari minn fost għażla ta' kontenut u f'ħin magħżul minnu, jew li ma jkunx kopert mid-definizzjoni ta' servizz lineari f'punt (c);
   f) "komunikazzjoni awdjoviżiva kummerċjali' tfisser stampi li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li huma trażmessi bħala parti minn servizz awdjoviżiv tal-media jew, f'każi bħal kanali dedikati għat-telebejgħ, bħala servizz tal-media awdjoviżiv, bil-għan li jippromwovi, direttament jew indirettament, l-oġġetti, is-servizzi jew l-immaġini ta' entità fiżika jew ġuridika li tkun qiegħda tagħmel attività ekonomika;
   g) "riklamar televisiv" tfisser kull forma ta' avviż imxandar jew bi ħlas jew għal konsiderazzjoni simili jew xandir bi skopijiet ta' awtopromozzjoni minn intrapriżi pubbliċi jew private li għandhom x'jaqsmu ma' kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jiġi ppromoss il-forniment ta' prodotti jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligazzjonijiet, bi ħlas;
   h) "riklamar bil-moħbi' tfisser ir-rappreżentazzjoni, bi kliem jew stampi, ta' oġġetti, servizzi, l-isem, it-trejdmark jew l-attivitajiet ta' produttur ta' oġġetti jew fornitur ta' servizzi fi programmi fejn din it-tip ta' rappreżentazzjoni hi intenzjonata mill-fornitur tas-servizzi tal-media biex isservi ta' riklamar, u tista' tiżvija l-pubbliku dwar in-natura tagħha. Din it-tip ta' rappreżentazzjoni hija meqjusa bħala intenzjonata, b'mod partikulari jekk issir għall-ħlas jew għal kumpens simili;
   i) "integrazzjoni ta' prodott' u 'tqegħid tematiku' jfissru l-intervent ta' kwalunkwe intrapriża fl-istorja ta' film jew fil-programm ta' finzjoni li jkollu l-ħsieb li jirreklama prodott, servizz jew ditta partikulari;
   ( j) "sponsorizzazzjoni' tfisser kull kontribuzzjoni magħmula minn intrapriża pubblika jew privata jew persuna fiżika li ma tipprovdix servizzi tal-media awdjoviżivi jew li ma tipproduċix xogħlijiet awdjoviżivi, għall-iffinanzjar, dirett jew indirett, ta' servizzi tal-media awdjoviżivi, bl-iskop li jiġi promoss l-isem tagħha, il-marka tad-ditta tagħha, l-immaġni tagħha, l-attivitajiet tagħha jew il-prodotti tagħha;
   k) "telepromozzjoni' tfisser forma ta' reklamar li tikkonsisti fil-wirja ta' prodotti jew ta' servizzi jew ta' preżentazzjoni mitkellma jew viżiva tal-prodotti u s-servizzi ta' manifattur ta' prodotti jew fornitur ta' servizzi, trażmessa bħala parti minn programm sabiex tiġi promossa l-provvista tal-prodott jew tas-servizzi preżentati jew murija bi ħlas;
   ( l) "telebejgħ" tfisser xandir ta' offerti diretti lill-pubbliku bl-għan li jiġu forniti prodotti jew servizzi bi ħlas, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;
   ( m) "tqegħid tal-prodott" ifisser kwalunkwe forma ta' komunikazzjoni awdjoviżiva kummerċjali li tikkonsisti mill-inklużjoni ta' prodott jew riferenza għalih, servizz jew il-marka kummerċjali tiegħu sabiex jidher fis-servizzi awdjoviżivi tal-media, bi ħlas jew kunsiderazzjoni simili oħra jew mingħajrhom lill-fornitur tas-servizz tal-media. Madankollu din ma tinkludix komunikazzjonijiet li jirriżultaw minn deċiżjonijiet editorjali indipendenti sabiex jintużaw prodotti, mingħajr ma jingħataw prominenza żejda, li jkun integrali għal programm u jiffaċilitaw il-produzzjoni tiegħu, bħal ngħidu aħna, premijiet mogħtija waqt programmi, oġġetti inċidentali u props;
   n) "propos għall-produzzjoni' tfisser prodotti jew servizzi li jkunu disponibbli bla ħlas jew kumpens ieħor u wżati għal skopijiet editorjali;
   o) "programm' ifisser sensiela ta' stampi jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru, li jikkostitwixxi komponent individwali ta' skeda jew katalogu stabbilit jew ikkumpilat minn fornitur tas-servizz tal-media;
   p) "ko-regolamentazzjoni' tfisser forma ta' regolamentazzjoni bbażata fuq il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi awtoregolatorji;
   q) "responsabbilità editorjali' tfisser ir-responsabbilità għall-kompożizzjoni ta' l-iskeda jew il-kompilazzjoni fil-kapaċita' professjonali ta' programmi maħsub għall-pubbliku, sabiex jiġi trażmess il-kontenut tal-media f'perjodu ta' żmien speċifiku jew biex jippermettilu li jiġi ordnat minn katalogu."

"

(3)  L-Artikolu 2 ġie emendat kif ġej:

   (a) Fil-paragrafu 1, l-espressjoni "xandiriet televiżivi kollha trasmessi minn xandara" hija sostitwita bl-espressjoni "servizzi tal-media awdjoviżivi trażmess mill-fornituri tas-servizz awdjoviżiv" u l-espressjoni "xandiriet" hija sostitwita bl-espressjoni "servizzi awdjoviżivi tal-media";
   (b) Fil-paragrafu 2, il-kelma "xandara" hija sostitwita bl-espressjoni "fornituri tas-servizz tal-media";
   (c) Fil-paragrafu 3, il-kelma "xandara" hija sostitwita bl-espressjoni "fornituri tas-servizz tal-media"; l-espressjoni "deċiżjonijiet editorjali dwar l-iskedi ta' programmi" hija sostitwita bl-espressjoni "deċiżjoni editorjali dwar is-servizz awdjoviżiv tal-media"; l-espressjoni "attività tax-xandir televiżiv" hija sostitwita bl-espressjoni "attività tas-servizz awdjoviżiv tal-media" u l-espressjoni "fejn l-ewwel beda jxandar" hija sostitwita bl-espressjoni "fejn beda l-attività tiegħu l-ewwel", l-espressjoni "deċiżjonijiet dwar l-iskedi tal- programmi" hija sostitwita bl-espressjoni "deċiżjonijiet dwar servizz awdjoviżiv tal-media".

(d)  L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

4.  "4. Fornituri ta' servizz tal-media li għalihom id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 m'humiex applikabbli għandhom jitqiesu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru f'dawn il-każijiet:

   a) meta jużaw 'up-link' satellitari li jkun jinsab fi Stat Membru;
   b) għalkemm ma jużawx 'up-link' satellitari li jkun jinsab fi Stat Membru, huma jużaw il-kapaċità satellitari allokata lil dak iStat Membru."

"

(e)  Fil-paragrafu 5, il-kelma "xandar" hija sostitwita bl-espressjoni "fornitur tas-servizz tal-media" u "L-Artikolu 52" jiġi sostitwit b''L-Artikolu 43".

(f)  Il-Paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

6.  "6. Din id-Direttiva ma' tapplikax għas-servizzi awdjoviżivi tal-media li ma jinqabdux b'mod dirett jew indirett b'apparat standard tal-konsumatur mill-pubbliku fi Stat Membru wieħed jew iżjed."

"

(4)  L-Artikolu 2a huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artiklu 2a

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà tal-konsumatur biex jirċievi t-tranżmissjoni u m'għandhomx jillimitaw ir-ritranżmissjonijiet ta' servizzi awdjoviżivi tal-media minn Stati Membri oħra fit-territorju tagħhom għal raġunijiet inklużi fl-qasma kkoordinati minn din id-Direttiva.

"

2.  L-Istati Membri jistgħu, proviżorjament, jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

   a) servizz tal-media awdjoviżiv li joriġina minn Stat Membru ieħor u li jikser b'mod ċar, serju u gravi l-Artikoli 3d u 3e u/jew l-Artikolu 22(1) jew (2);
   b) matul it-12-il xahar ta' qabel, il-fornitur tas-servizz tal-media awdjoviżiv konċernat ikun kiser id-dispożizzjoni/dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) minn ta' l-anqas f'żewġ okkażżjonijiet preċedenti;
   c) l-Istat Membru konċernat innotifika bil-miktub lill-fornitur ta' servizz tal-media, lill-Istat Membru fejn huwa stabbilit u lill-Kummissjoni dwar ksur allegat tar-regolamenti u dwar il-miżuri li bi ħsiebu jieħu kieku kellu jerġa' jseħħ kwalunkwe ksur ta' dan it-tip;
   d) konsultazzjonijiet ma' l-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz tal-media awdjoviżiv konċernat u mal-Kummissjoni ma pproduċewx soluzzjoni amikevoli fi żmien 15-il ġurnata minn meta ssir in-notifika stipulata fil-punt (c), u l-allegat ksur ta' regolamenti jiġi ripetut.

3.  Fir-rigward ta' servizzi fuq talba, Stat Membru jista', f'każ ta' urġenza, proviżorjament jieħu miżuri biex jidderoga mill-paragrafu 1 mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f'punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2. Jekk jagħmel hekk, il-miżuri għandhom jiġu notifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru fejn il-fornitur tas-servizz tal-media huwa stabbilit, filwaqt li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom l-ewwel Stat Membru jqis li każ huwa urġenti.

4.  Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn min-notifika tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru, tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi Komunitarja. Jekk tiddeċiedi li m'humiex, l-Istat Membru jkun meħtieġ jirtira il-miżuri kkonċernati bħala kwistjoni ta' urġenza.

5.  Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta" kull proċedura, rimedju jew sanzjoni applikabbli għall-ksur inkwistjoni fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq il-fornitur tas-servizz tal-media konċernat."

(5)  L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom jibqgħu fil-libertà li jirrikjedu li l-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw ma' regoli aktar dettaljati u stretti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva, sakemm dan it-tip ta" regoli jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità u ma jgħawġux il-kompetizzjoni.

2.  F'każijiet fejn Stat Membru:

   a) ikun eżerċita l-libertà tiegħu skond il-paragrafu 1 li jadotta regoli aktar dettaljati jew aktar stretti; u
   b) fejn dan it-tip ta" regoli huma ġustifikati għal raġunijiet ta" politika pubblika, inkluż il-ħarsien ta" minuri jew sigurtà pubblika jew saħħa pubblika jew il-ħarsien tad-diversità kulturali;
   c) l-Istat Membru jqis li fornitur tas-servizz tal-media awdjoviżiv li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta" Stat Membru ieħor qed jieħu vantaġġ minn din id-Direttiva b'mod abbużiv jew qarrieq sabiex jiskansa dan it-tip ta" regoli,
  

jista" jikkuntattja lill-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni, bil-għan li tinkiseb soluzzjoni għall-kwalunkwe problemi li jkunu nħalqu, liema soluzzjoni tkun sodisfaċenti b'mod reċiproku. Meta tkun waslet talba ssostanzjata mill-ewwel Stat Membru, l-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni għandu jitlob lill-fornitur tas-servizz tal-media awdjoviżiv biex jikkonforma mar-regoli kkonċernati. L-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni għandu jinforma lill-ewwel Stat Membru bir-riżultati miksuba fi żmien xahrejn wara li tkun saret it-talba.

3.  Meta l-ewwel Stat Membru jqis:

   a) li r-riżultati miksuba permezz ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu 1a ma jkunux sodisfaċenti; u
   b) li l-fornitur tas-servizz tal-media ikkonċernat stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni biss għar-raġuni li jevita regoli aktar stretti, fl-oqsma kkoordinati b'din id-Direttiva, li kienu jkunu applikabbli kieku kellu jistabbilixxi ruħu fl-ewwel Stat Membru,
  

jista' jadotta miżuri xierqa kontra l-fornitur tas-servizz tal-media kkonċernat, sabiex ma jħallix li jsir abbuż jew imġiba qarrieqa.

Miżura bħal dawn għandhom ikunu oġġettivament neċessarji, applikati b'mod li mhux diskriminatorju, ikunu adattati għall-ilħuq ta" l-għanijiet tagħhom u ma jistgħux imorru lilhinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu.

4.  Stat Membru jista' jieħu biss miżuri skond il-paragrafu 3 jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati kollha:

   a) ikun innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz tal-media, bl-intenzjoni tiegħu li jieħu miżuri bħal dawn filwaqt li jissostanzja l-premessi li fuqhom jipproponi li jadotta l-miżuri u
   b) il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, u b'mod partikulari li l-premessi li fuqhom l-Istat Membru jipproponi li jieħu l-miżuri skond il-paragrafi 2 u 3 jkollhom bażi tajba.

5.  Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien tliet xhur wara n-notifika skond il-paragrafu 4(a). Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri ma jkunux kumpatibbli mal-liġi Komunitarja, l-Istat Membru ikkonċernat m'għandux jieħu l-miżuri proposti.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz ta' mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni tagħhom, li l-fornituri tas-servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw b'mod effettiv mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

7.  L-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu sistemi awtoregolatorji u/jew ko-regolatorji fuq livell nazzjonali fl-oqsma kkoordinati b'din id-Direttiva. Dawn għandhom ikunu tali li jiġu aċċettati b'mod wiesa' mill-partijiet interessati ewlenin fl-Istat Membru konċernat u li jipprovdu għal infurzar effettiv.

"

8.  Jekk id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jkunu f'kunflitt ma' att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta' aċċess għal attività ta' servizz tal-media awdjoviżiv, jew l-eżerċitar ta' dik l-attività, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jipprevalu.

9.  L-Istati Membri għandhom, b'mezzi xierqa, jippromwovu l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media fost il-konsumaturi."

(6)  Jiddaħħlu l-Artikoli 3b sa 3l li ġejjin:

"

Artikolu 3b

1.  B'konformità mal-prinċipju tal-libertà għall-aċċess għall-informazzjoni kif stipulat, b'mod partikulari, fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għal ftehimiet kuntrattwali eżistenti bejn xandara u mingħajr ma jdgħajfu drittijiet esklussivi, kull Stat Membru għandu jizgura, li għall-fini ta" rapporti qosra ta" l-aħbarijiet, inklużi rapporti maħsuba għal xandiriet pan-Ewropej, xandara stabbiliti fi Stati Membri oħrajn ma jiġux imċaħħda minn aċċess fuq bażi ġusta, raġjonevoli u mhix diskriminatorja għal attivitajiet ta' interess kbir għall-pubbliku li jiġu trażmessi minn xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Ix-xandara li jagħtu dan it-tip ta" aċċess għandhom ikunu intitolati għal kumpens xieraq għall-infiq tekniku li jagħmlu.

2.  Ix-xandara jistgħu liberament jagħżlu siltiet qosra mis-sinjal tax-xandar li jkun qed jitrażmetti b'minn ta' l-inqas l-identifikazzjoni tas-sors tagħhom. Siltiet bħal dawn għandhom jintużaw b'mod esklussiv għal programmi ta' aħbarijiet ġenerali.

3.  Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-obbligu tax-xandara individwali li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet ta' l-awtur, inkluża d-Direttiva 2001/29/KE(25) u/jew il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien ta" l-Artisti, tal-Produtturi tal-Fonogrammi u ta' l-Organizzazzjonijiet tax-Xandir ta' Ruma tas-26 ta' Ottubru 1961, u l-Konvenzjoni ta' Berna għall-Ħarsien ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi tad-9 ta'Settembru 1886, kif sussegwentement riveduta u emendata.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet li jmexxu l-użu ta' dawn is-siltiet qosra jkunu definiti, b'mod partikulari fir-rigward tat-tul massimu tagħhom, il-limiti ta' ħin rigward it-trażmissjoni tagħhom u r-rekwiżiti għall-identifikazzjoni tax-xandar trasmettitur.

5.  Ix-xandara jistgħu, skond il-liġi ta' l-Istat Membru konċernat u għall-fini ta' trażmissjoni, ikollhom aċċess huma stess għall-avveniment inkwistjoni.

Artikolu 3c

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżivi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom jagħmlu aċċessibbli b'mod faċli, dirett u permanenti għar-riċevituri tas-servizz ta' l-anqas l-informazzjoni li ġejja:

   a) l-isem tal-fornitur tas-servizz tal-media;
   b) l-indirizz ġeografiku fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi tal-media;
   c) id-dettalji tal-fornitur tas-servizz tal-media, fosthom l-indirizz tal-posta elettronika jew l-indirizz tal-websajt tiegħu, li jagħmluha possibbli li huwa jiġi kkuntattjat malajr, b'mod dirett u effettiv;
   d) fejn applikabbli, l-istituzzjoni regolatorja jew ta' sorveljanza rilevanti.

Artikolu 3d

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw permezz ta' miżuri xierqa li s-servizzi tal-media awdjoviżivi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunux disponibbli b'mod li jiġi mxekkel serjament l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Dan l-Artikolu għandu japplika b'mod partikulari għal programmi li jkun fihom il-pornografija jew vjolenza gratwita. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu lill-partijiet rilevanti fis-settur tal-media biex jippromwovu sistema ta' tikkettar, evalwazzjoni u filtrazzjoni madwar il-Komunità bħala miżura ulterjuri għall-ħarsien tal-minorenni. L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri biex jagħtu lill-ġenituri u persuni oħrajn li jieħdu ħsieb lill-minorenni aktar kontroll fuq il-kontenut pornografiku u vjolenti gratwitament tal-programmi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżivi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jipprovdu sistemi ta' kontroll għal kontenut li jista' jkun ta' dannu għall-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni, u li jgħarrfu lill-utenti dwarhom.

3.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-fornituri ta' servizzi awdjoviżivi tal-media, lill-awtoritajiet regolatorji u l-partijiet kollha kkonċernati, biex jikkunsidraw il-fattibilità teknika u legali ta' l-iżvilupp ta' sistema armonizzata ta' simboli tal-kontenut li tippromwovi kontroll aħjar u klassifikazzjoni mis-sors, tkun liema tkun il-pjattaforma użata, bil-għan li jkun hemm ħarsien akbar tal-minorenni.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżivi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jxandru taħt l-ebda ċirkustanza materjal pornografiku tat-tfal taħt piena ta' sanzjonijiet amministrattivi u/jew kriminali.

5.  L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżivi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jippromwovu kampanji ta' informazzjoni għall-prevenzjoni ta' vjolenza kontra n-nisa u l-minorenni, fejn jista' jkun b'kollaborazzjoni ma' assoċjazzjonijiet pubbliċi u privati u entitajiet involuti f'dan is-settur.

Artikolu 3e

L-Istati Membri għandhom jiżguraw permezz ta' miżuri xierqa li servizzi tal-media awdjoviżivi u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi pprovduti minn fornituri taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkun fihom ebda tixwix għal mibgħeda fuq bażi ta' sess, razza, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabiltà, età jew orjentazzjoni sesswali jew li ma jirrispettawx id-dinjità umana bi kwalunkwe manjiera oħra.

Artikolu 3f

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, jippromwovu, fejn ikun prattikabbli u b'mezzi xierqa, u billi jqisu l-mezzi varji ta' twassil, l-iżvilupp, il-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għalihom skond it-tifsira ta' l-Artikolu 6. Fil-promozzjoni ta' servizzi tal-media awdjoviżivi mhux lineari, appoġġ għal xogħlijiet Ewropej jista' jieħu s-sura ta' sehem minimu fix-xogħlijiet Ewropej proporzjonali għall-prestazzjoni ekonomika, sehem minimu f'xogħlijiet Ewropej u f'xogħlijiet Ewropej maħluqa minn produtturi li jkunu indipendenti mix-xandara f'katalogi 'video-on-demand', jew il-preżentazzjoni attraenti ta' xogħlijiet Ewropej jew ta' xogħlijiet maħluqin minn dawn il-produtturi indipendenti fi gwidi ta' programmi elettroniċi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jittrażmettux xogħlijiet ċinematografiċi barra mill-perjodi miftehma mas-sidien tad-drittijiet.

3.  L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mir-raba' sena wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva u kull tliet snin wara dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fil-paragrafu 1.

4.  Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u fuq studju indipendenti, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, filwaqt li tqis l-iżviluppi tekonoloġiċi, tas-suq u l-objettiv tad-diversità kulturali.

Artikolu 3g

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi provduti minn fornituri taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw mal-prinċipji stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikulari, mar-rekwiżiti li ġejjin:

   a) komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar bħala tali u jkunu jingħarfu minn kontenut editorjali. Mingħajr ħsara għall-użu ta' tekniki ġodda ta' reklamar, ir-reklamar fuq it-televiżjoni, it-telebejgħ u t-telepromozzjoni għandhom jinżammu distinti sewwa minn partijiet oħra tas-servizz tal-programmi permezz ta' mezzi ottiċi u/jew akustiċi u/jew ta' spazju. Komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi għandha tiġi projbita;
   b) komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għandhom jirrispettaw l-integrità ta' waqfiet naturali fil-programm li matulu jkunu trażmessi;

(  c) komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi m'għandhomx jużaw tekniki subliminali; b'konformità ma' dan, il-volum tal-ħoss tar-riklami u tal-programmi jew sekwenzi ta' qabilhom u ta' warajhom m'għandux jeċċedi l-volum tal-ħoss medju tal-partijiet l-oħra tas-servizz tal-programmi. Dan l-obbligu għandu jkun kemm taħt ir-responsabilità ta' min jirriklama daqs kemm tax-xandara, li jridu jiżguraw li min jirriklama jkun konformi miegħu meta jipprovdi l-materjal ta' riklamar tiegħu;

  ( d) komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għandhom ikunu konformi mal-prinċipji stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikulari m'għandhomx:
   i) joffendu d-dinjità umana;
   ( ii) ikunu offensivi fuq bażi ta' diskriminazzjoni minħabba razza, ġeneru, nazzjonalità; diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali;
   ( iii) jiksru d-drittijiet tat-tfal, skond id-definizzjoni li tinstab fil--Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
   ( iv) jinkuraġġixxu mġieba ta" ħsara għas-saħħa jew għas-sikurezza;
   ( v) jinkuraġġixxu għaġir ta" preġudizzju gravi għall-ħarsien ta' l-ambjent.
   ( e) il-forom kollha ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għas-sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk għandhom jiġu projbiti;
   (f) Il-pornografija, inklużi immaġni li jistgħu jqanqlu l-mibegħda msejsa fuq is-sess, għandha tkun ipprojbita fil-forom kollha ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi u ta' telebejgħ;
   ( g) il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għax-xorb alkoħoliku ma jridux jattiraw lill-minorenni u ma jistgħux jinkoraġġixxu l-konsum bla moderazzjoni ta' xorb ta' dan it-tip;
   h) komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal prodotti mediċinali u trattament mediku disponibbli biss bir-riċetta fl-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jinsab il-fornitur tas-servizzi tal-media għandhom ikunu pprojbiti;
   ( i) komunikazzjonijiet awdjoviżivi kummerċjali m'għandhomx jikkawżaw ħsara morali jew fiżika lill-minorenni. Għalhekk m'għandhomx iġiegħlu b'mod dirett lill-minorenni? biex jixtru prodott jew servizz billi jisfruttaw in-nuqqas ta' esperjenza jew il-kredulità tagħhom, jinkoraġġuhom b'mod dirett biex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew lil ħaddieħor biex jixtru l-prodotti jew is-servizzi rriklamati, jisfruttaw il-fiduċja speċjali li l-minorenni jpoġġu fil-ġenituri, fl-għalliema jew f'persuni oħrajn, jew juru minorenni? f'sitwazzjonijiet perikolużi;
   (j) L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkuraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-media biex jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta rigward programmi għat-tfal li jkun fihom jew li jiġu interrotti minn riklamar, sponsorjar jew kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta' ikel u xorb ħżiena għas-saħħa u mhux xieraq, bħalma huma dawk b'kontenut għoli ta' xaħam, zokkor u melħ u ta' xorb alkoħoliku.

Artikolu 3h

1.  Servizzi jew programmi tal-media awdjoviżivi li huma sponsorjati għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet li ġejjin:

   a) il-kontenut tagħhom u, fil-każ tax-xandir televiżiv, l-iskedar tagħhom, ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiġu influwenzati b'tali mod li jaffettwa r-responsabilità u l-indipendenza editorjali tal-fornitur tas-servizz tal-media;
   b) dawn m'għandhomx iħeġġu b'mod dirett ix-xiri jew il-kiri ta' prodotti jew ta' servizzi, b'mod partikolari billi jsiru referenzi promozzjonali speċjali lil dawk il-prodotti jew servizzi;
   c) it-telespettaturi jridu jkunu informati b'mod ċar dwar l-eżistenza ta' ftehima ta' sponsorjar. Programmi sponsorjati għandhom ikunu identifikati bħala tali b'mod ċar permezz ta' l-isem, tal-logo u/jew ta' kwalunkwe simbolu ieħor ta' l-isponsor pereżempju b'referenza għall-prodott(i) jew is-servizz(i) tiegħu jew b'sinjal distint tiegħu b'mod xieraq skond il-programmi, fil-bidu, waqt u/jew fl-aħħar tal-programmi.

2.  Servizzi jew programmi tal-media awdjoviżivi m'għandhomx ikunu sponsorjati permezz ta' intrapriżi li l-attivita prinċipali tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta' sigaretti u ta' prodotti oħra tat-tabakk.

3.  L-isponsorjar ta' servizzi jew programmi tal-media awdjoviżivi minn intrapriżi li l-attivitajiet tagħhom jinkludu l-manifattura jew il-bejgħ ta' prodotti mediċinali jew ta' trattament mediku jista' jippromwovi l-isem jew l-immaġini ta' l-intrapriża iżda ma jistax jippromwovi prodotti mediċinali jew trattamenti mediċi speċifiċi li jkunu disponibbli biss b'riċetta fl-Istat Membru li l-fornitur tas-servizz tal-media jaqa' fil-ġurisdizzjoni tiegħu.

4.  Aħbarijiet u programmi dwar ġrajjiet kurrenti m'għandhomx jiġu sponsorjati.

Artikolu 3i

1.  Għandu jkun ipprojbit it-tqegħid ta' prodotti. B'mod partikulari, l-aħbarijiet u l-programmi dwar ġrajjiet kurrenti, il-programmi għat-tfal, dokumentarji u programmi li fihom jingħataw pariri m'għandux ikun fihom tqegħid ta' prodotti.

L-integrazzjoni tal-prodotti u t-tqegħid tematiku għandhom ikunu pprojbiti fil-prinċipju.

2.  Madankollu, sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux mod ieħor, it-tqegħid tal-prodotti għandu jkun permess f'xogħlijiet ta" ċinematografija, films u sensiliet magħmula għat-televiżjoni u xandiriet sportivi.

L-għajnuna materjali tal-produzzjoni għandhom ikunu permessi f'każijiet fejn ma jsir l-ebda ħlas iżda ċerti prodotti jew servizzi jiġu pprovduti b'xejn bl-għan li jkunu inkużi fil-programm.

Il-programmi li jkun fihom tqegħid ta" prodotti jew l-għajnuna materjali tal-produzzjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

   a) il-kontenut tagħhom u, fil-każ tax-xandir televiżiv, l-iskedar tagħhom, ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiġu influwenzati b'tali mod li tiġi effettwata r-responsabilità u l-indipendenza editorjali tal-fornitur tas-servizzi tal-media;
   b) dawn m'għandhomx iħeġġu b'mod dirett ix-xiri jew il-kiri ta' prodotti jew servizzi, b'mod partikulari permezz ta' referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew servizzi;
   c) m'għandhomx jagħtu prominenza żejda lill-prodott ikkonċernat;
   d) it-telespettaturi għandhom ikunu infurmati b'mod ċar bl-eżistenza tat-tqegħid tal-prodotti. Programmi li jkun fihom tqegħid ta' prodotti għandhom ikunu identifikati b'mod ċar fil-bidu u fit-tmiem tal-programm u b'sinjal għallinqas darba kull 20 minuta matul il-programm, sabiex tiġi evitata kull konfużjoni min-naħa tat-telespettatur.

It-telespettaturi għandhom jiġu infurmati permezz ta" mezzi xierqa dwar l-użu ta" props għall-produzzjoni.

3.  Fi kwalunkwe każ, il-programmi m'għandhomx jinkludu l-ebda tqegħid ta' prodotti jew ta' props għal-produzzjoni ta':

   - prodotti tat-tabakk jew sigaretti jew tqegħid ta' prodotti minn intrapriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta' sigaretti u ta' prodotti oħra tat-tabakk; jew
   - prodotti mediċinali jew trattamenti mediċi speċifiċi li jkunu disponibbli biss b'riċetta fl-Istat Membru li l-fornitur tas-servizz tal-media ikun jaqa' fil-ġurisdizzjoni tiegħu.

4.  Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw biss għal programmi prodotti wara d-data sa meta l-Istati Membri għandhom ikunu daħħlu lil din id-Direttiva fis-seħħ.

Artikolu 3j

1.  Il-proporzjon ta' forom qosra ta' riklamar bħal riklami u telebejgħ f'siegħa partikulari m'għandux jaqbeż l-20%.

2.  Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-avviżi li jsiru mix-xandara b'konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u mal-prodotti anċillari li huma derivati direttatment minn dawn il-programmi, u avviżi ta' sponsorizzazzjoni.

Artikolu 3k

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżivi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom isiru gradwalment aċċessibbli għal min ikollu diżabbilità viżwali jew awditiva.

2.  Mhux aktar tard ...*, l-Istati Membri għandhom jissottomettu kull sentejn rapport nazzjonali lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Ir-rapport għandu jinkludi b'mod partikulari statistiċi dwar il-progress magħmul biex jintlaħqu l-objettivi rigward aċċessibilità kif deskritti f'paragrafu 1. Huwa għandu jiddeskrivi kwalunkwe ostakoli u l-miżuri meħtieġa biex jingħelbu.

________________

* 3 snin mill-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3l

1.  Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra adottati mill-Istati Membri skond il-liġi ċivili, amministrattiva jew kriminali, kull persuna fiżika jew ġuridika, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha, li l-interessi leġittimi tagħha, b'mod partikulari iżda mhux biss, ir-reputazzjoni u l-isem tajjeb, ikunu affettwati minn asserzjoni ta" fatti f'servizz ta' media awtoviziv għandu jkollha d-dritt għal tweġiba jew rimedji ekwivalenti.

2.  Id-dritt għal tweġiba jew rimedji ekwivalenti għandhom jeżistu fir-rigward tal-fornituri tas-servizz kollha tal-media awdjoviżiv taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

3.  L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu d-dritt għal tweġiba jew rimedji ekwivalenti u għandhom jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi segwita fl-eżerċizzju ta' dan. B'mod partikulari, għandhom jiżguraw li jitħalla perjodu ta' żmien biżżejjed u li l-proċeduri jkunu tali li d-dritt jew ir-rimedji ekwivalenti jistgħu jiġu eżerċitati b'mod xieraq minn persuni naturali jew legali li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

4.  Applikazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal tweġiba jew ta' rimedji ekwivalenti tista' tiġi miċħuda meta mhix ġustifikata skond il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, jekk tinvolvi att li jista' jkun ikkastigat, jekk ix-xandir tagħha jinvolvi r-responsabilità ċivili tal-fornitur tas-servizz tal-media awdjoviżiva, jew jekk tmur kontra l-istandards ta' deċenza pubblika.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tilwim dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal tweġiba jew ta' rimedji ekwivalenti jkun suġġett għal reviżjoni ġudizzjarja.

6.  Id-dritt għal tweġiba għandu jkun mingħajr preġudizzju għal mezzi oħrajn ta' rikors disponibbli għal persuni li d-drittijiet tagħhom għad-dinjità, l-unur, ir-reputazzjoni tajba jew il-ħajja privata ma ġewx rispettati mill-fornitur tas-servizz tal-media.

"

(7)  Fl-Artikolu 5 għandu jiżdied il-paragrafu ġdid li ġej:

"

Meta jiddefinixxu terminu 'produttur indipendenti', l-Istati Membri għandhom iqisu b'mod xieraq it-tliet kriterji li ġejjin:

id-drittijiet tal-pussess u tal-proprjetà tad-ditta li tipproduċi; l-għadd ta' programmi fornuti lill-istess fornitur tas-servizz tal-media u s-sjieda ta' drittijiet sekondarji

"

(8)  L-Artikolu 6 ġie emendat kif ġej:

(a)  Il-Paragrafu 1(c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

" (c) xogħlijiet koprodotti fil-qafas ta' ftehimiet relatati mas-settur awdjoviżiv li ġew konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti f'kull waħda minn dawn il-ftehimiet.

(b)  Il-paragrafu 3 tħassar.

(c)  Il-paragrafu 4 jsir il-paragrafu 3.

(d)  Il-paragrafu 5 tħassar.

(9)  L-Artikolu 7 tħassar.

(10)  L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 10

1.  Ir-riklamar fuq it-televixin u t-telebejgħ għandhom ikunu rikonoxxibbli mill-ewwel u distingwibbli mill-kontenut editorjali. Mingħajr preġudizzju għall-użu ta' tekniki ġodda ta' reklamar, reklamar televiżiv u telebejgħ għandhom jinżammu distinti minn partijiet oħra tas-servizz tal-programmi permezz ta' mezzi ottiċi u/jew akustiċi u/jew spazjali.

2.  Spotts pubbliċitarji u spotts ta' telebejgħ iżolati barra dawk fi programmi sportivi, għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni.

"

(11)  L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 11

1.  L-ispots ta' riklamar u telebejgħ jistgħu jiddaħħlu bejn il-programmi. Spots ta" riklamar u ta" telebejgħ jistgħu jiddaħħlu wkoll waqt il-programmi, b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-integrità tagħhom, li jqis l-interruzzjonijiet naturali fil-programm, b'tali mod li d-drittijiet tas-sidien tad-dritt ma jkunux ippreġudikati.

2.  It-trażmissjoni ta' films magħmula għat-televixin (bl-esklużjoni ta' serje, sirjils, programmi ta' 'light entertainment' u dokumentarji), xogħlijiet ċinematografiċi, programmi tat-tfal u programmi ta' l-aħbarijiet jistgħu jiġu interrotti mill-pubbliċità u/jew telebejgħ għal darba kull perjodu skedat ta' 30 minuta.

L-ebda riklamar jew telebiegħ ma jista' jsir waqt servizzi reliġjużi.

"

(12)  L-Artikoli 12 u 13 tħassru.

(13)  L-Artikoli 16 u 17 tħassru.

(14)  L-Artikolu 18 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 18

1.  Il-proporzjon ta' forom qosra ta' riklamar bħal riklami u telebejgħ f'siegħa partikulari m'għandux jaqbeż l-20%.

2.  Paragrafu 1 m'għandux japplika għal avviżi magħmula mix-xandar li jirriklama l-programmi tiegħu stess jew lit-telebejgħ, programmi sponsorizzati jew,, fejn applikabbl,i t-tqegħid ta' prodott.

"

(15)  L-Artikolu 18a se jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 18a

Spazji ta' komunikazzjoni awdjoviżiva kummerċjali bħal telebejgħ, spazji għal telebejgħ u telepromozzjonijiet iridu jkunu identifikati b'mod ċar bħala tali b'mezzi ottiċi u akustiċi.

"

(16)  L-Artikolu 19 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 19

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mutatis mutandis lix-xandiriet televiżivi ddedikati esklussivament għar-riklamar u għat-telebejgħ kif ukoll għal xandiriet televiżivi ddedikati esklussivament għall-awtopromozzjoni, li għandha tkun rikonoxxibbli mill-ewwel bħala tali permezz ta' mezzi ottiċi u/jew akustiċi. Il-Kapitolu 3 kif ukoll l-Artikolu 11 (regoli dwar l-inserzjoni) u l-Artikolu 18 (it-tul tal-ħin tar-riklamar u tat-telebejgħ) ma japplikawx għal dawn ix-xandiriet.

"

(17)  L-Artikolu 19a tħassar.

(18)  L-Artikolu 20 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 20

Bla ħsara għall-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-liġi Komunitarja, jistipulaw kundizzjonijiet għajr dawk stipulati fl-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 18 fir-rigward ta' xandir televiżiv intenzjonat biss għat-territorju nazzjonali li ma jistax jiġi rċevut, direttament jew indirettament mill-pubbliku, fi Stat Membru wieħed jew iżjed.

"

(19)  L-Artikolu 22(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li l-programmi mxandra mill-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkun fihom xejn li jista' jagħmel ħsara serja lill-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku jew morali tal-minorenni, b'mod partikulari dawk il-programmi li juru l-pornografija jew vjolenza bla sens.

"

(20)  Artikolu 22a u 22b huma sostitwiti b'dan li ġej:

"

Artikolu 22a

(1)  L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produzzjoni u l-ipprogrammar ta' servizzi u programmi tal-media awdjoviżivi li huma xierqa għall-minorenni u li huma intenzjonati biex itejbu l-għarfien tagħhom tal-media ta' komunikazzjoni.

(2)  Tali miżuri għandhom ikunu intenzjonati biex jiffaċilitaw l-azzjoni edukattiva tal-ġenituri, l-għalliema u l-edukaturi biex joħolqu kuxjenza dwar l-effetti tal-programmi li l-minorenni jistgħu jaraw permezz ta':

   - l-ħolqien ta' sistemi xierqa ta' klassifikazzjoni;
   - l-inkoraġġiment ta' politiki biex iżidu l-kuxjenza u l-għarfien tal-media, li għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni ta' stabbilimenti edukattivi u jagħmlu possibbli l-produzzjoni ta' programmi Ewropej xierqa biex tarahom il-familja kollha jew immirati għat-tfal u għall-adoloxxenti;
   - kunsiderazzjoni għall-esperjenza li teżisti f'dan il-qasam fl-Ewropa jew f'postijiet oħra, u l-opinjoni tal-partijiet interessati, bħal xandara, produtturi, ġenituri, edukaturi, esperti tal-komunikazzjoni u assoċjazzjonijiet ikkonċernati.

(3)  Il-leġiżlazzjoni rispettiva ta' l-Istati Membri għandha tistipula wkoll li settijiet tat-televixin ġodda għandhom ikunu mgħammra b'apparat tekniku li jservi bħala filtru għal ċerti programmi.

"

(21)  L-Artikolu 23a ġie emendat kif ġej:

F'paragrafu 2(e) l-espressjoni "servizzi ta' xandir televiżiv" tinbidel ma' l-espressjoni "servizzi awdjoviżivi tal-media".

(22)  Qed jiddaħħlu l-Artikoli 23b u 23c li ġejjin:

"

Artikolu 23b

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jistabilixxu korpi u istituzzjonijiet regolatorji nazzjonali skond il-liġi nazzjonali, li jiggarantixxu l-indipendenza tagħhom, li jiżguraw li n-nisa u l-irġiel huma rrappreżentati b'mod ugwali fihom u li jassiguraw li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti.

2.  L-Istati Membri għandhom jassenjaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-ħidma biex jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media jħarsu d-dispożizzjonijiet ta" din id-Direttiva, b'mod partikulari dawk relatati mal-libertà ta" l-espressjoni, mal-pluraliżmu tal-media, mad-dinjità umana, mal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni u mal-protezzjoni tal-minorenni, dawk vulnerabbli u b'diżabilità.

3.  Il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom jikkoperaw iżjed mill-qrib u għandhom jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċċessarja għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 23c

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat il-pluraliżmu ta' l-informazzjoni fis-settur tax-xandir tat-televiżjoni.

L-Istati Membri, b'konformità mal-liġi Komunitarja, jippromwovu miżuri, għal xandir, sabiex fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom b'mod ġenerali jirriflettu l-pluraliżmu meħtieġ tal-valuri u għażliet rilevanti fi ħdan is-soċjetà li jaqblu mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

"

(23)  L-Artikoli 25 u 25a tħassru.

(24)  L-Artikolu 26 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"

Artikolu 26

Mhux aktar tard ...*, u kull sentejn wara, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva kif emendata, inklużi r-rapporti msemmija fl-Artikoli 3f(3) u 3k(2) u b'mod partikulari fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Artikoli 3f(1)), u, jekk meħtieġ, tagħmel aktar proposti biex tadattaha għal żviluppi fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżivi, partikularment fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi riċenti u l-kompetittività tas-settur u l-promozzjoni tad-diversità kulturali.

_______________________

* L-aħħar tal-ħames sena wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

"

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta" Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ("ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi")(26) qed jiġi emendat hekk:

Fl-Anness, il-punt 4 huwa sostitwit b'dan li ġej :

"

4.  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċertu dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li jikkonċernaw l-insegwiment ta' attivitajiet tax-xandir televiżiv: l-Artikoli 3g sa 3h u l-Artikoli 10 sa 20 (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2007/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

"

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn ...(27). Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta Stat Membru jadotta dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza ta' dan it-tip dwar l-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi ,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 202.
(2) ĠU C ...p...
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2006.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta" Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta" ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta" attivitajiet ta" xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p.23). Direttiva kif l-aħħar emedata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Gunju 1997 (ĠU L 202, 30.7.1997, p.60).
(5) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.
(6) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(7) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.
(8) ĠU... .
(9) ĠU...
(10) COM (2003) 0784.
(11) COM (2005) 0229.
(12) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 117.
(13) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 453.
(14) Kawża C-56/96 VT4 Ltd v Vlaamse Gemeenschap [1997] ECR I-03143, paragrafu 22; Kawża C-212/97 Centros Ltd v Erhvervs-og Selskabsstyrelsen [1999] ECR I-0145, Centros v Erhvervs-og Selskabsstyrelsen; ara wkoll: Kawża C-11/95 Kummissjoni v ir-Renju tal-Belġju [1996] ECR I-04115, u l-Kawża C-14/96 Paul Denuit [1997] ECR I-02785 .
(15) Kawża C-212/97 Centros Ltd v Erhvervs-og Selbskabsstyrelsen; Kawża C-33/74 Van Binsbergen v Bestuur van de Bedrijfsvereniging voor de Metaalnijverheid [1974] ECR 1299; Kawża 23/93 TV 10 SA v Commissariaat voor de Media [1994] ECR I-04795, paragraph 21.
(16) Kawża C-355/98 Kummissjoni v l-Belġju [2000] ECR I-1221, paragrafu 28; Kawża C-348/96 Calfa [1999] ECR I-0011, paragrafu 23.
(17) COM(2005)0097.
(18) Kawża C89/04 Mediakabel [2005] ECR 1-4891
(19) ĠU C 102, 28.4.2004, p. 2.
(20) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali). (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).
(21) Id-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Tas-26 ta" Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta" l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklmar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 152, 20.6.2003, p. 16).
(22) Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma" prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).
(23) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(24) Kawżi C-320/94 Reti Televisive Italiane SpA (RTI); C-328/94 Radio Torre; C-329/94 Rete A Srl; C-337/94 Vallau Italiana Promomarket Srl; C-338/94 Radio Italia Solo Musica Srl et al u C-339/94 GETE Srl v il-Ministero delle Poste e Telecomunicazioni, ECR I-06471.
(25) Direttiva 2001/29/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tat-22 ta" Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta" ċerti aspetti ta" drittijiet ta" l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta" l-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).
(26) ĠU L 364, 9.12.2004, p.1. Regolament kif emendat mid-Direttiva 2005/29/KE (ĠU L 149, 11.6.2005, p.22)
(27)* Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Avviż legali - Politika tal-privatezza