Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2678(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0647/2006

Dibattiti :

PV 14/12/2006 - 11.3
CRE 14/12/2006 - 11.3

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2006 - 12.3

Testi adottati :

P6_TA(2006)0607

Testi adottati
PDF 211kWORD 46k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2006 - Strasburgu
BURMA
P6_TA(2006)0607B6-0647/2006

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU Pinheiro dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, tal-21 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Settembru 2006 li l-Myanmar titqiegħed fl-aġenda formali tiegħu, iż-żjara fil-Burma tas-SottoSegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Politiċi Gambari mid-9 sat-12 ta' Novembru 2006 u l-laqgħa nformattiva sussegwenti tiegħu mal-Kunsill tas-Sigurtà,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma, b'mod partikolari dak tas-17 ta' Novembru 2005(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 817/2006 tad-29 ta' Mejju 2006 li jġedded il-miżuri restrittivi fir-rigward ta' Burma/Myanmar(2),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni taċ-Chairman tas-Sitt Laqgħa Ażja-Ewropa (ASEM) li saret f'Helsinki bejn l-10 u l-11 ta' Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.   billi l-Kunsill ta' l-Istat għall-Paċi u l-Iżvilupp (SPDC) jkompli jgħaddi lin-nies tal-Burma minn abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tal-biża', bħal ma huma xogħol furzat, persekuzzjoni tad-dissidenti, lieva għal suldati tfal u rilokazzjoni mposta,

B.   billi l-Konvenzjoni Nazzjonali, li ltaqgħet għall-ewwel darba fl-1993 biex tfassal kostituzzjoni u li ġiet sospiża ħafna drabi minn dak inhar, reġgħet bdiet fl-10 ta' Ottubru 2006 imma din xorta għadha nieqsa minn kull kredibilità minħabba l-assenza ta' rappreżentanti eletti b'mod demokratiku, b'mod speċjali tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), kif ukoll tal-gruppi etniċi,

C.   billi l-mexxej ta' l-NLD, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi u r-rebbieħ tal-Premju Sakharov Aung San Suu Kyi qattgħet għaxra mill-aħħar 16-il sena arrestata f'darha, miżura illegali li l-ġunta militari testendi kull sena,

D.   billi l-ġirien tal-Burma għandhom bżonn jieħdu pożizzjoni iżjed b'saħħitha kontra l-abbużi tar-reġim militari f'dak il-pajjiż, u jitolbu lill-Burma ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha tad-drittijiet tal-bniedem u taċċetta d-demokrazija,

E.   billi iżjed minn 30% tat-tfal taħt il-ħames snin isofru minn malnutrizzjoni, ir-rati tal-mortalità għall-malarja u t-tuberkolożi għadhom għoljin ħafna, l-epidemija ta' l-HIV/AIDS infirxet mal-popolazzjoni ġenerali u kważi nofs it-tfal bl-età li jmorru l-iskola qatt ma jiġu rreġistrati fi skola,

F.  Billi l-Gvern tal-Burma ordna riċentament lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) biex jagħlaq il-ħames uffiċċji fuq il-post fil-pajjiż, b'hekk għamilha mpossibbli għall-organizzazzjoni li tkompli toffri l-biċċa l-kbira ta' l-għajnuna tagħha u x-xogħol ta' protezzjoni għall-benefiċċju taċ-ċivili li jgħixu f'kundizzjonijiet diffiċli f'zoni tal-fruntieri,

G.   billi, skond ir-Rapport Internazzjonali ta' Strateġija għall-Kontroll tan-Narkotiċi ta' l-2006, il-Burma hija t-tieni l-akbar produttur fid-dinja ta'l-opju illeċitu, li jipproduċi iżjed minn disgħin fil-mija ta' l-eroina tax-Xlokk ta' l-Ażja,

1.  Jikkundanna lill-SPDC għas-soppressjoni bla ħniena tan-nies tal-Burma għal aktar minn 40 sena u n-nuqqas totali tiegħu biex jagħmel pass sinifikanti lejn id-demokrazija;

2.  Jirrifjuta li jirrikonoxxi l-leġittimità ta" kull proposta kostituzzjonali magħmula mill-Konvenzjoni Nazzjonali sakemm ma tkunx tinkludi lill-NLD u partiti politiċi oħra; iħeġġeġ lill-Konvenzjoni Nazzjonali biex tippreżenta pjan direzzjonali lejn demokrazija li ġenwinament tirrifletti x-xewqat tan-nies tal-Burma minflok ma tiġi kkonsolidata il-ħakma militari fuq is-setgħa;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet ta" Aung San Suu Kyi u l-priġinieri politiċi kollha – stimat i li jgħoddu "l fuq minn 1 100 – miżmuma mill-SPDC;

4.  Jiddeplora l-għeluq riċenti ta" ħames uffiċċji tal-ICRC (f'Mandalay, f'Mawlamyine, f'Hpa-an, f'Taunggyi u f'Kyaing Tong), mill-Gvern tal-Burma li b'mod effettiv għamilha impossibbli għall-organizzazzjoni biex twettaq ix-xogħol umanitarju tagħha, u miżuri oħra maħsuba biex jintimidaw lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li joffru għajnuna umanitarja; jitlob lill-Gvern tal-Burma jħalli lil dawn l-organizzazzjonijiet joperaw mingħajr interferenza u restrizzjonijiet;

5.  Jikkundanna bil-qawwi t-trażżin brutali li eżerċita r-reġim fuq bosta gruppi etniċi, inkluż il-Karen fil-lvant ta' Burma, li wassal għal sofferenza fuq skala kbira u spostament intern, b'xi 82,000 ruħ imġegħla jħallu djarhom fil-lvant tal-Burma fl-2006, u b'hekk n-numru ta' nies spostjati internament fil-Burma żdied għal madwar 500,000;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-missjoni ta' stħarriġ li saret fl-2006 mil-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Malażjan, Syed Hamid Albar, fil-Burma bħala riżultat tal-pożizzjoni meħuda fis-sena l-oħra mill-ħdax il-Laqgħa Għolja tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta'l-Ażja tax-Xlokk (ASEAN), u jemmen li issa dan ser jirriżulta f'miżuri aktar iebsa min-nazzjonijiet ta" ASEAN kontra l-ġunta militari fil-Burma;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta" l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tressaq quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja,it-tħassib tagħha dwar l-użu ta" min jistmerru min-naħa ta' l-SPDC tax-xogħol sfurzat u jittama li din l-azzjoni aktar iebsa tinstiga lill-SPDC biex iwaqqaf din il-prattika;

8.  Jirrikonoxxi li s-sanzjonijiet fil-mira ta' l-UE ma ffukawx fuq dawk l-oqsma ekonomiċi li jagħtu lir-reġim dħul sostanzjali u, bħala konsegwenza fallew li jilħqu l-impatt mixtieq fuq dawk direttament responsabbli għas-sofferenza tan-nies tal-Burma; jistieden lill-Kunsill biex jiżġura li l-Istati Membri kollha b'mod riġoruż japplikaw miżuri restrittivi eżistenti;

9.  Jistieden lil Kunsill iwessa' l-iskop tas-sanzjonijiet u jkabbar il-lista ta' dawk fil-mira, sabiex tinkludi wkoll il-ministri kollha SPDC, id-deputati, l-membri, persuni li jappoġġaw u l-ħaddiema, flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll n-negozjanti u individwi prominenti oħra assoċjati mar-reġim;

10.  Iħeġġeġ liċ-Ċina, lill-Indja u lill-pajjiżi l-oħra li jipprovdu armi u għajnuna oħra għal ġunta militari biex jieqfu milli jagħmlu dan u sabiex jingħaqdu mal-komunità internazzjonali fl-isforzi tagħha sabiex ikun hemm tibdiliet għall-aħjar f'Burma;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-prosekuturi tal-Korea ta' Isfel li akkużaw erbatax-il persuna, li jaħdmu ma' seba' kumpaniji Sud Koreani, minħabba li allegatament provdew teknoloġija u tagħmir ieħor li jgħin lir-reġim ta' Burma jibni fabbriki ta' l-armi f'Pyay, fiċ-Ċentru ta' Burma;

12.  Jilqa' l-ftuħ reċenti tan-NU ta' l-ewwel mis-seba' ċentri ta' għajnuna legali, li jinsabu fil-kamp ta' Ban Mae Nai Soi fit-Tajlandja tal-Majjistral, għar-refuġjati mill-Burma li jgħixu fil-pajjiż ġar tat-Tajlandja, u jistenna li ma jdumx ma jkun hemm miżuri addizzjonali b'saħħithom tan-NU kontra l-SPDC;

13.  Jinsisti li kull għajnuna mmirata għal Burma trid tingħata permezz ta' NGOs ġenwini u trid tilħaq lin-nies għal min hija intenzjonata, bl-inqas indħil possibbli mill-SPDC;

14.  Jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jivvota favur riżoluzzjoni li torbot favur ir-restawr tad-demokrazija fil-Burma u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha, inkluża Aung San Suu Kyi;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tan-nazzjonijiet ASEAN, lil-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija, lill-Kunsill ta' l-Istat għall-Paċi u l-Iżvilupp u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.473,
(2) ĠU L 148, 2.6.2006, p.1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza