Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2519(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0052/2007

Dibattiti :

PV 15/02/2007 - 10.2
CRE 15/02/2007 - 10.2

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2007 - 11.2
CRE 15/02/2007 - 11.2

Testi adottati :

P6_TA(2007)0056

Testi adottati
PDF 213kWORD 53k
Il-Ħamis, 15 ta' Frar 2007 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati mill-Iraq
P6_TA(2007)0056RC-B6-0052/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-refuġjati mill-Iraq

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar id-dritt tar-rifuġjati għall-protezzjoni internazzjonali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati ta l1951(il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati) u l-Protokoll tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati ta' l-1967,

–   wara li kkunsidra l-appell urġenti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) tas-7 ta' Frar 2007 biex jiżdied l-appoġġ internazzjonali għal dawk il-pajjiżi li jospitaw ir-rifuġjati li jaħarbu mill-Iraq, kif ukoll il-Pariri għar-Ritorn tal-UNHCR u l-Pożizzjoni rigward il-Ħtiġijiet għall-Protezzjoni Internazzjonali ta' l-Iraqini li jinsabu barra mill-Iraq tat-18 ta' Diċembru 2006 kif ukoll id-Dokument tal-UNHCR tat-8 ta' Jannar 2007 imsejjaħ "Appell Supplementari – Tweġiba għas-Sitwazzjoni fl-Iraq",

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Gwida dwar l-ispostament intern maħruġ mir-Rapprezentant Speċjal tas-Segretarju Ġenerali dwar Persuni Spustjati Internament tal-11 ta' Frar 1998,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/83/KE tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-istandards minimi għall-kondizzjonijiet li għandhom jissoddisfaw cittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat biex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-istatus ta' refuġjat, jew li għandhom jissoddisfaw dawk il-persuni li għal raġunijiet oħra għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, u dwar l-istandards minimi relatati mal-kontenut ta' dawn l-istatus(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-vjolenza u l-attivitajiet kriminali fl-Iraq jinkludu serqiet bl-użu ta' armi, ħtif għall-fidwa, fastidju, il-qtil ta' persuni involuti fil-proċess politiku jew attivitajiet ta' rikostruzzjoni politika, tindif etniku, attakki ta' sabutaġġ immirati lejn infrastruttura ċivili bħall-elettriku jew linji ta' pajpijiet taż-żejt u attakki ġenerali li jinvolvu bombi għal ħsara ġenerali u/jew splussivi oħra kontra nies ċivili, u billi, bħala riżultat, mijiet ta' eluf ta' persuni qed jiġu spustjati kontra qalbhom ġewwa l-pajjiż u barra l-pajjiż, primarjament lejn il-Ġordan u s-Sirja iżda wkoll lejn l-Eġittu, il-Libanu, it-Turkija, l-Iran u lejn postijiet aktar imbiegħda, f'taqlib kbir mingħajr preċedenti fil-Lvant Nofsani,

B.   billi bosta gruppi qed ikomplu jsofru persekuzzjoni fl-Iraq, partikolarment nies professjonali, nisa, Iraqini impjegati minn kuntratturi barranin, in-NU jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra inklużi NGOs, u minoranzi etniċi u reliġjużi, bħall-Kristjani, il-Lhud u l-Mandjani; billi persuni spustjati internament (IDPs) spiss huma vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li joriġinaw minn differenzi etniċi u reliġjużi, jew ta' natura politika u kriminali; billi s-sigurtà ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, persuni mingħajr stat u partikolarment tar-rifuġjati Palestinjani, li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 34 000 u tar-rifuġjati mit-Turkija, l-Iran u s-Sirja fl-Iraq iddeterjorat drastikament,

C.   billi n-Nazzjonijiet Uniti tikkalkula li 1.8 miljun persuna mill-Iraq huma spustjati ġewwa l-Iraq u sa żewġ miljuni Iraqini ħarbu mill-pajjiż,

D.   billi 50 000 ruħ jipprovaw jitilqu mill-Iraq kull xahar u billi l-pajjiżi ġirien għandhom aċċess limitat għar-rifuġjati li jfittxu kenn, u konsegwentement ġiegħlu bosta minnhom jirritornaw lejn l-Iraq jew li jibqgħu maqbuda fil-fruntieri,

E.   billi r-rifuġjati ftit li xejn jirċievu assistenza umanitarja mill-UNHCR u l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), iżda l-kundizzjonijiet għar-rifuġjati u l-Iraqini spustjati dejjem qed isiru aktar terribbli, bi provvista limitata ta' ilma, ikel, fjuwil u mediċini, u billi organizzazzjonijiet umanitarji qed jappellaw għal finanzjament adegwat biex ipattu għall-bżonnijiet akbar fl-Iraq u fil-pajjiżi ġirien tiegħu,

F.   billi bosta pajjiżi li jospitaw rifuġjati Iraqini qed jillimitaw id-dħul, kif ukoll jimponu rekwiżiti ristrettivi għal min jitħalla jibqa' hemm, bħal tnaqqis fis-sistema ta' protezzjoni temporanja (TPR) u/jew billi jagħmlu t-tiġdid tal-visas tagħhom tant diffiċli li l-biċċa l-kbira mill-Iraqini malajr jitilfu l-istatus legali tagħhom,

G.   billi l-attitudini tal-maġġoranza ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw rifuġjati Iraqini kienent ugwalment restrittiva, bl-eċċezzjoni ta' l-Iżvezja,

H.   billi, skond it-tradizzjoni tal-liġi internazzjonali, jeżisti obbligu legali li rifuġjati ma jiġux irritornati lura għall-persekuzzjoni jew perikolu serju, u li dawk li jfittxu kenn minn abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u vjolenza ġeneralizzata jitħallew jidħlu fil-pajjiż konċernat, almenu temporanjament, sabiex jiġu eżaminati għall-istatus ta' rifuġjati.

I.   billi l-Eġittu, għalkemm mhux pajjiż tal-fruntiera, qed jospita numru kunsiderevoli ta' rifuġjati, u billi s-Sirja li tospita proporzjon kbir ta' rifuġjati Iraqini, ma tirrikonoxxix iżjed it-TPR, li ġiet implimentata s'issa mingħajr restrizzjonijiet,

1.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien ta' l-Iraq biex jonoraw id-dmir legali tagħhom sabiex jħallu jidħlu r-rifuġjati minnufih, partikolarment dawk li tħallew fil-fruntieri tagħhom u li jiffurmaw parti minn minoranzi li huma l-oġġett ta' mira speċjali, bħall-Palestinjani mingħajr stat jew minoranzi reliġjużi u etniċi;

2.  Jilqa' l-appell reċenti tal-UNHCR biex jiġi mobilizzat aktar appoġġ internazzjonali biex jiffinanzja l-ħidma tiegħu favur Iraqini spustjati f'pajjiżhom u f'Pajjiżi ġirien u għar-rifuġjati barranin fl-Iraq; jitlob lill-UE u l-Istati Membri u lil donaturi internazzjonali oħra biex iwieġbu għall-appell tal-UNHCR u jappoġġjaw il-programmi għar-rifuġjati Iraqini u IDPs fl-Iraq, fis-Sirja, fil-Libanu, fit-Turkija u l-Iran, kif ukoll fl-Eġittu; iqis li din hija sitwazzjoni ta' emerġenza estrema u jħeġġeġ biex parti sinifikanti tal-baġit ta' l-UE maħsuba għall-programmi ma' l-Iraq tiġi allokata għal dan il-għan;

3.  Jikkunsidra li l-appoġġ tal-komunità internazzjonali hija vitali fit-tnaqqis tat-tbatija ta' mijiet ta' eluf ta' rifuġjati Iraqini u ta' IDPs jew ta' dawk li jaħarbu mill-pajjiż, u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw l-isforzi ta' protezzjoni tal-UNHCR iffokati fuq protezzjoni minima mid-detenzjoni u r-refoulement u n-nuqqas ta' penalizzazzjoni għal dħul illegali, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni, id-dritt ta' abitazzjoni xierqa, għall-faċilitajiet ta' kura tas-saħħa bażika u għal servizzi bażiċi oħra għal dawk ġewwa u barra l-Iraq;

4.  Jistieden lill-pajjiżi donaturi li wrew riluttanza biex jiffaċċjaw il-kriżi reġjonali tar-rifuġjati Iraqini biex jikkunsidraw il-fatt li l-awtoritajiet Iraqini u l-gvernijiet affettwati fil-pajjiżi tal-qrib jidher li mhumiex kapaċi jlaħħqu mal-kriżi, u biex jerġgħu jikkunsidraw il-bżonn li jipprovdu għajnuna finanzjarja biex jgħinu lill-pajjiżi ospitanti u b'hekk jaqsmu magħhom il-piż tal-problema tar-rifuġjati billi joffru opportunitajiet lir-rifuġjati biex jissetiljaw f'pajjiż terz.

5.  Jilqa' l-fatt li ser tinżamm konferenza internazzjonali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji tar-rifuġjati u ta' l-IDPs ġewwa l-iraq u fil-pajjiżi ġirien li ser issir f'Geneva fis-17 ta' April 2007; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet fir-reġjun u l-komunità internazzjonali biex jipparteċipaw bis-sħiħ f'din il-konferenza u jipprovdu appoġġ finanzjarju xieraq;

6.  Jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE u l-komunità internazzjonali biex, bħala prova li l-piż jinqasam fuq skala internazzjonali, biex jikkontribwixxu sabiex ir-rifuġjati Iraqini u persuni mingħajr stat jerġgħu jissetiljaw, inklużi r-rifuġjati Palestinjani mill-Iraq wieqfa fir-reġjun;

7.  Jistieden l-Istati Membri, filwaqt li jirikonoxxi l-isforzi li għamel il-gvern Żvediż biex jiddetemina malajr u ġustament li t-talbiet ta'l-Iraqin għall-ażil kienu fondati skond d-dokument hawn fuq msemmi tat-18 ta' Diċembru 2006 ta'l-HCR, u biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali u dik tal-Komunita' biex jagħtu status ta' rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja lil dawk li huma fir-riskju ta' persekuzzjoni jew periklu serju;

8.  Jirrikonoxxi wkoll l-isforzi li għamlu pajjiżi li m'għandhomx fruntiera mar-reġjun bħall-Eġittu sabiex jgħinu lir-rifuġjati Iraqini; jitlob lil dan il-pajjiż biex ikompli bl-isforzi tiegħu favur ir-rifuġjati Iraqini billi jżomm il-fruntieri tiegħu miftuħa u jtejbu l-kundizzjonijiet fir-rigward tagħhom; jitlob lill-pajjiżi li jospitaw Iraqini biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom u jiżguraw l-aċċess tagħhom għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni;

9.  Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni tal-gvern reġjonali Kurd fl-għajnuna għall-komunitajiet Kristjani li huma spustjati internament;

10.  Jistieden lill-gvern Iraqin, lill-awtoritajiet reġjonali u reliġjużi u l-Forzi ta' Koalizzjoni Multinazzjonali fl-Iraq biex jieħdu l-passi minnufih sabiex itejbu s-sigurtà għar-rifuġjati kollha u għall-IDPs fl-Iraq u jtemmu prattiki diskriminatorji;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lid-Direttur Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Iraq, l-Iran, is-Sirja, il-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu, it-Turkija u l-Istati Membri tal-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf, u lill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana.

(1) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

Avviż legali - Politika tal-privatezza