Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2111(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0223/2007

Testi mressqa :

A6-0223/2007

Dibattiti :

PV 20/06/2007 - 13
CRE 20/06/2007 - 13

Votazzjonijiet :

PV 21/06/2007 - 8.8
CRE 21/06/2007 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0284

Testi adottati
PDF 351kWORD 131k
Il-Ħamis, 21 ta' Ġunju 2007 - Strasburgu
Dimensjoni esterna taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja
P6_TA(2007)0284A6-0223/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-21 ta' Ġunju 2007 dwar zona ta" libertà, sigurtà u ġustizzja: Strateġija għad-dimensjoni esterna, Pjan ta" Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta" l-Aja (2006/2111(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u t-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea (TEU) u t-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TEC) dwar it-tisħiħ ta' l-Unjoni Ewropea bħala zona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza u l-objettivi definiti minn Kunsilli Ewropej successivi sa mill-1999 dwar id-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ, inkluż il-Kunsill ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni dwar deċiżjoni ta" qafas tal-Kunsill dwar ċerti drittijiet proċedurali fi proċeduri fi kwistjonijiet kriminali madwar l-Unjoni Ewropea (COM(2004)0328),

–   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni dwar deċiżjoni ta" qafas tal-Kunsill dwar il-ħarsien tad-data personali pproċessata fil-qafas ta" koperazzjoni tal-pulizija u ġudizjarja fi kwistjonijiet kriminali (COM(2005)0475),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummisjoni fuq l-Istrateġija dwar id-Dimensjoni Esterna tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-gustizzja (COM(2005)0491) u r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dik l-Istrateġija (SEC(2006)1498),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni: Il-Libertà Globali, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, adottata fl-1 ta' Dicembru 2005, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istrategija" u r-rapport tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dik l-Istrateġija ghas-sena 2006, approvat fl-2,768 Kunsill JAI ta' l-4 u l-5 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma Multi-Presidenzjali (5003/1/7) tar-relazzjonijiet esterni tal-JHA adottat fit-23 ta' Jannar 2007, id-Dokument tal-Kunsill bi Skop ta' Azzjoni dwar it-titjib tal-koperazzjoni kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, l-immigrazzjoni illegali u l-kontro-terroriżmu bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent (9360/06), id-Dokument bi Skop ta' Azzjoni dwar l-appoġġ akbar ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-produzzjoni tad-drogi u t-traffikar tagħhom mill-Afganistan, inklużi r-rotot ta' mogħdija (9305/06), it-tnejn adottati mill-Kunsill JAI ta' l-1 u t-2 ta' Ġunju 2006 u d-Dokument bi Skop ta' Azzjoni dwar l-Implimentazzjoni mar-Russja ta' l-Ispazju Komuni tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (15534/06) adottat fil-11 ta' Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra d-dibattiti annwali preċedenti dwar l-AFSJ u r-rizoluzzjonijiet li jiffokaw fuq id-dimensjoni esterna tiegħu (it-terroriżmu, is-CIA, il-protezzjoni tad-data, il-migrazzjoni, it-traffikar, il-ġlieda kontra d-drogi, il-ħasil tal-flus),

–   wara li kkunsidra ir-rakkomandazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 2004 lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew dwar il-ġejjieni taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja kif ukoll dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tittejjeb il-leġittimità u l-effettività tagħha(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ghal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0223/2007),

A.   billi d-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ qiegħda tikber waqt li l-qasam intern tal-libertà, tas-sigurtà u l-ġustizzja qiegħed jifforma ruħu progressivament taħt il-pressjoni ta' dinja li kull ma tmur qiegħda tingħaqad u tax-xejra internazzjonali inerenti ta' theddidiet bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-isfidi bħall-flussi tal-migrazzjoni; u billi l-projezzjoni esterna tal-valuri li jsostnu l-AFSJ hija essenzjali sabiex tissalvagwardja r-rispett lejn l-istat ta' dritt, id-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u l-istabilità fi ħdan l-UE,

B.   billi bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija koerenti ghad-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ l-UE tkun qiegħda żżid il-kredibilità u l-influwenza tagħha fid-dinja u billi l-Istrateġija tista' sseħħ biss bil-koperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi, inklużi alleati bħall-Istati Uniti, u organizzazzjonijiet internazzjonali,

C.   billi din l-istrateġija hija pass importanti lejn it-twaqqif ta' AFSJ interna billi toħloq ambjent estern sikur kif ukoll billi ttejjeb ir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE billi tippromwovi l-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u l-istituzzjonijiet sodi,

D.   billi t-tisħiħ ta' bilanċ ġenwin bejn is-sigurtà u l-ġustizzja għandu jiġi rifless waqt il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki diversi kollha mwettqa għall-iskop li tinkiseb zona reali u sostenibbli ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,

E.   billi l-koerenza u l-effiċjenza politika ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE attwalment hija mxekkla:

   - mill-kumplessità tal-qafas istituzzjonali intern li fih il-ftehimiet esterni u l-programmi jiġu deċiżi skond il-proċeduri ta' l-ewwel, it-tieni u t-tielet pilastru,
   - mis-sehem insuffiċjenti tal-Parlament, minkejja l-obbligi eżistenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jikkonsultaw u jinfurmaw lill-Parlament,
   - mill-arranġamenti ta' tqassim tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità u s-27 Stat Membru;

F.   billi l-UE għandha numru ta' strumenti politiċi għad-dispożizzjoni tagħha biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija dwar id-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ, bħall-ftehimiet bilaterali (ftehimiet ta' assoċjazzjoni, ftehimiet ta' sħubija u ta' koperazzjoni, ftehimiet ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni), il-proċess ta' l-UE ta' qabel is-sħubija u t-tkabbir, il-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Politika Ewropea ghall-Vicinanza (ENP), il-koperazzjoni reġjonali, il-ftehimiet individwali (ma' l-Istati Uniti, mal-Ġappun, maċ-Ċina, eċċ), il-koperazzjoni dwar l-operat, il-politika dwar l-izvilupp u l-għajnuna esterna,

Jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni ghall-konsiderazzjoni tagħhom
Titjib tar-responsabilità demokratika fid-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ

1.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet preżenti u futuri tal-Parlament dwar l-istrateġija esterna ta' l-UE fi ħdan l-AFSJ; ifakkar li l-Parlament għandu rwol essenzjali x'jaqdi fit-tisħiħ tar-responsabilità ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE;

2.  Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni:

   - biex jikkonsultaw mal-Parlament dwar kull ftehima internazzjonali imsejsa fuq l-Artikoli 24 u 38 TEU meta l-ftehimiet jaffettwaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-aspetti ewlenin tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ma' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali,
   - biex iżommu lill-Parlament infurmat regolarment dwar in-negozjati ta' ftehimiet relatati ma' l-AFSJ u biex jiżguraw li l-fehmiet tal-Parlament ikunu kkunsidrati kif jixraq, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 39 u 21 TEU u l-Artikolu 300 TEC;

3.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jattiva l-klawsola passerelle fl-Artikolu 42 tat-TEU, fl-istess waqt li l-proċess kostituzzjonali jkun miexi 'l quddiem, biex iġib id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fuq kwistjonijiet kriminali fi ħdan l-ambitu tal-qafas Komunitarju, u b'hekk iwassal ghal aktar effiċjenza, trasparenza, responsabilità kif ukoll għal kontroll demokratiku u ġudizzjarju aħjar; għalhekk iħeġġeg lill-Kummissjoni biex qabel Ottubru 2007 tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni formali li tattiva l-Artikolu 42 TEU; iqis li l-koerenza interna tkun tista' titjieb billi jidħol fis-seħħ it-Trattat li jistabilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, u b'mod partikulari billi jkunu stabbiliti l-uffiċċju tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u s-servizz diplomatiku estern;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex, b'mod partikulari, iħaffef l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' qafas fir-rigward tal-ħażna, l-użu u l-iskambju ta' l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u tal-kodifikazzjoni tad-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali fl-UE, bħall-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq (COM(2004)0328);

Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-objettivi ewlenin ta' l-Istrateġija

5.  Jilqa' l-prinċipji mniżżla fl-Istrateġija, l-aktar il-ħtieġa għal sħubija ma' pajjiżi terzi biex ikunu trattati problemi komuni u biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika komuni; jisħaq il-ħtieġa li tkun ikkoordinata l-iskala wiesgħa ta' strumenti li jinsabu għad-dispożizzjoni ta' l-UE biex ikun hemm rispons imfassal tajjeb u koerenti; jisħaq, barra minn hekk, il-ħtieġa li tkun ikkoordinata l-azzjoni ta" l-Istati Membri u tal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-kumplimentarjetà u tkun evitata d-dupplikazzjoni; iqis, meta wieħed jikkunsidra l-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jorbtu ma' l-implimentazzjoni ta' l-AFSJ, li koperazzjoni fuq livell għoli mill-pajjizi terzi f'dawn l-oqsma ghandha jkollha impatt pozittiv fuq ir-relazzjonijiet taghhom ma' l-UE;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-UE sabiex tuża r-relazzjonijiet u l-istrumenti konvenzjonali tagħha ma" pajjiżi terzi bħala inċentiv għalihom biex jadottaw u jimplimentaw standards u obbligi internazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet JHA;

7.  Ifakkar fil-ħtieġa li x-xogħol ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-użu ta' l-istrumenti eżistenti għandhom ikunu razzjonalizzati, u biex ikunu kkoordinati l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri u dawk fil-livell ta' l-UE sabiex ikun żgurat rispons koerenti u effettiv fir-relazzjonijiet ta' l-UE ma' pajjiżi terzi u biex tkun evitata d-dupplikazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' l-iżvilupp ibbilanċjat tad-dimensjonijiet interni u esterni ta' l-AFSJ;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-Parliament biex itejjeb il-koerenza ta' l-attivitajiet tar-relazzjonijiet esterni tiegħu, li jinvolvu għadd ġmielu ta' parteċipanti; għalhekk, jitlob li jkunu organizzati aħjar l-attivitajiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ma' l-iggvernar demokratiku u ma' l-istat tad-dritt f'pajjiżi terzi kif ukoll mad-dimensjoni esterna tas-sigurtà;

9.  Jistieden lill-Kunsill biex jiċċara aħjar il-politika tiegħu fir-rigward tad-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ u biex jiżgura l-koordinazzjoni bejn il-gruppi ta' ħidma ġeografiċi tal-Kunsill u l-gruppi li jkollhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' ġustizzja, libertà u sigurtà;

10.  Jinnota li huwa essenzjali li titjieb il-koordinazzjoni bejn pilastru u ieħor bejn l-istrumenti varji li jappartjenu għall-AFSJ, il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP), il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) u l-Komunità, u li tkun evitata d-dupplikazzjoni tagħhom; jenfasizza li l-effettività ta' koordinazzjoni bħal din għandha tkun suġġetta għal reviżjoni kostanti mill-Parlament Ewropew; jilqa' l-passi li ttieħdu biex titjieb il-koerenza fil-koperazzjoni integrata ċivili u militari ta' l-ESDP, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-immaniġġjar ta' kriżi;

11.  Jenfasizza li l-proċess ta" ppjanar ta" l-operazzjonijiet ESDP għandhom iqisu l-miżuri varji ta" akkumpanjament jew ta" segwitu provduti minn strumenti Komunitarji fl-oqsma ta" l-istat tad-dritt, tat-traffikar ta" l-armi u d-drogi, tat-traffikar tan-nisa u t-tfal, tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u tal-ġlieda kontriehom, u ta" l-istabilizzazzjoni ta" wara l-konflitt, partikolarment fir-rigward ta" l-Istrument ta" Stabilità u ta" l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija ;

12.  Jemmen li wasal iż-żmien li jingħelbu l-impedimenti politiċi għal koperazzjoni Transatlantika iktar profonda fid-dimensjoni usa' tal-libertà u s-sigurtà, fuq il-bażi tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, pereżempju fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, b'mod partikulari minħabba l-operazzjonijiet ċivili ġejjiena ta' l-ESDP fil-Kosovo u fl-Afganistan, u fl-oqsma tad-drittijiet tan-nisa u l-iskambju u l-ħarsein tad-data personali; ifakkar f'dan is-sens fl-appelli tal-Parlament għall-għeluq tal-ħabs ta' Guantanamo u jenfasizza li l-ezistenza ta' dan il-ħabs qed jibgħat sinjal negattiv dwar il-mod kif għandu jiġi miġġieled it-terroriżmu;

13.  Iheġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu indvidwalment, kollettivament u fil-fora bilaterali u internazzjonali xierqa kollha, ir-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti madwar id-dinja, waqt li jiġi evitat li jiġu applikati jew li tingħata l-impressjoni li qed jiġu applikati standards differenti fil-kuntest tal-politika barranija ta' l-Ewropa, tal-politika tagħha għas-sigurtà u tal-politika tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jitlob għal koperazzjoni aħjar bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikulari mal-Kunsill ta" l-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u jisħaq fuq il-ħtieġa tat-tisħiħ tad-djalogu reġjonali u l-koperazzjoni fuq kwistjonijiet ta' ġustizzja, libertà u sigurtà;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tappoġġja l-koperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet ta" ġustizzja, libertà u sigurtà permezz ta" entitajiet eżistenti, bħall-Unjoni Afrikana, billi tinkoraġġixxi inizjattivi ġodda f'oqsma fejn il-koperazzjoni reġjonali hija dgħajfa, bħal-Lvant Nofsani u l-Ewropa tal-Lvant;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja kontinwament l-implimentazzjoni ma' l-objettivi u l-prijoritajiet imfassla fl-Istrateġija u biex tagħmel rapport dwarha kull 18-il xahar; jistieden lill-Kummssjoni biex tevalwa regolarment kemm hu effettiv l-użu tal-fondi fl-oqsma koperti mill-Istrategija; jistieden lill-Kunsill biex jeżamina l-progress u l-prijoritajiet fuq bażi regolari, billi d-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ qiegħda tikber bil-ħeffa;

Tisħiħ tas-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem

17.  Iħeggeg lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri:

   - biex il-promozzjoni ta' l-istandards demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet politiċi u ta' l-istituzzjonijiet b'saħħithom issir dimensjoni indispensabbli tar-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi; jenfasizza li dan huwa krucjali għall-għanijiet globali tad-dimensjoni esterna ta' l-AFSJ,
   - biex il-Konvenzjoni Ewropea ghall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tinżamm bħala l-bażi għan-negozjati u l-ftehimiet kollha ta' l-UE u ta' l-Istati Membri ma' pajjiżi terzi,
   - biex fid-djalogi ma' pajjiżi terzi dwar l-AFSJ tidħol evidenza miġbura mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem,
   - biex jinsistu li dawn id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu parti integrali minn kwalunkwe strument, programm jew mizura operazzjonali marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni, il-kenn u l-kontroll tal-fruntieri,
   - biex idaħħlu klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi u biex jevalwaw kemm ikunu effettivi dawn il-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u klawsoli ohra dwar l-AFSJ,
   - billi kull Dokument bi Skop ta' Azzjoni għandu jinkludi taqsima dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiz terz; jaħseb li l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta" l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex jevalwaw il-konformità tal-ftehimiet ta' l-UE mad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill li huma għandhom iqisu l-possibilità li jissupplimentaw attivitajiet iffinanzjati fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja ma" pajjiżi u reġjuni terzi billi jipprovdu finanzjament speċifiku għal proġetti marbuta mal-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta" impenn għad-drittijiet fundamentali f'ċerti pajjiżi terzi li magħhom l-UE għandha rabtiet mill-qrib, speċjalment dawk il-pajjiżi li jibbenefikaw mill-politika tal-viċinat u l-Federazzjoni Russa, fejn isir ksur tal-libertà ta" l-istampa u tal-libertà ta" l-espressjoni, b'mod partikulari, u jitlob għal djalogu iktar intensiv ma' dawn il-pajjiż rigward din il-kwistjoni;

20.  Huwa mħasseb ukoll dwar il-konformità ma" l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem ta" l-UE nnifisha, u jinnota l-eżempju riċenti ta" programmi ta" twassil immexxija mis-CIA u prattiki relatati ta" integrità dubjuża ta" bosta Stati Membri;

21.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju li ma ssirx estradizzjoni lejn pajjiżi fejn il-persuni estraditi se jkunu torturati u/jew jiffaċċjaw il-piena tal-mewt; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu lill-pajjiżi li magħhom għanda relazzjonijiet fil-qrib biex jabolixxu dawn il-prattiki u jiżguraw li kulħadd ikollu d-dritt għal proċess ġust;

22.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar is-salvagwardji legali mhux xierqa li jeżistu għal ċittadini ta" l-UE f'każijiet fejn id-data personali ssir disponibbli għal pajjiżi terzi, notevolment f'każi bħall-PNR, is-SWIFT u l-ġbir tar-reġistrazzjonijiet tat-telekommunikazzjoni mill-FBI; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq inkjesta dwar liema kategoriji ta' data personali taċ-ċittadini ta' l-Unjoni qed jiġu aċċessati u użati minn pajjiżi terzi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom stess; jenfasizza li l-iskambju tad-data għandu jsir fuq bażi legali xierqa, b'regoli u kriterji ċari, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-ħarsien xieraq tal-privatezza u tal-libertajiet ċivili; jemmen li l-iskambju tad-data ma" l-Istati Uniti għandu jsir fil-kuntest legali xieraq għal koperazzjoni transatlantika, u fuq il-bażi ta" ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, waqt li ftehimiet bilaterali mhumiex aċċettabbli;

23.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta" sorveljanza demokratika fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti maħluqa mill-Grupp ta" Kuntatt ta" Livell Għoli li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentanti governattivi ta l-Istati Uniti tad-Dipartimenti tal-Ġustizzja tas-Sigurtà Interna u jeskludi l-Parlament Ewropew, u l-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Kungress ta" l-Istati Uniti minn dan id-djalogu;

24.  Jirrakkomanda politika waħda dwar il-protezzjoni tad-data li tkopri kemm l-ewwel kif ukoll it-tielet pilastru; ifakkar li d-diskrepanzi bejniethom ma jaffettwawx biss id-dritt taċ-ċittadini għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, imma wkoll l-effiċjenza ta' l-infurzar tal-liġijiet u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill biex, fl-iqsar żmien possibbli, jadotta l-proposta għal deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta" data personali (COM(2005)0475);

Livell għoli ta' sigurtà għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni kontra t-terrorizmu u l-kriminalità organizzata

25.  Iqis li l-politika ta' l-UE kontra t-terroriżmu għandha tkun konformi għal kollox mal-prinċipji tal-leġittimità demokratika, tal-proporzjonalità, ta' l-effiċjenza u tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, bi qbil mal-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu fuq imsemmija ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri(2);

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, japplikaw il-konklużjonijiet tal-Kumitat Temporanju dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, li l-Parlament adotta nhar l-14 ta' Frar 2007; jirrakkomanda, b'mod partikulari, lill-istituzzjonijiet tal-Komunità kollha biex jgħassu sabiex l-eżiġenza ta' sigurtà ta' l-Istati Membri fl-ebda każ ma tippreġudika r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ta' l-individwi kollha, inklużi dawk suspettati b'terroriżmu;

27.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jillimitaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi li jipproteġu u/jew jagħtu fondi lil organizzazzjonijiet terroristiċi; u jenfasizza li Stat għandu jirrinunzja bil-qawwa għat-terroriżmu qabel ma jkun jista' jibbenifika minn relazzjonijiet aħjar ma' l-UE; iħeġġeġ lil dawk l-Istati li għadhom m'għamlux hekk biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw il-konvenzjonijiet kollha tan-NU dwar it-terroriżmu;

28.  Jenfasizza n-natura varja tar-risponsi għad-dispożizzjoni ta' l-UE, fil-qasam ta' l-azzjoni esterna, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jisħaq fuq il-ħtieġa għall-użu koerenti tal-mezzi kollha disponibbli; jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu aktar biex in-NU tasal għal definizzjoni komuni tat-terroriżmu;

29.  Ifakkar li hemm bżonn li tiġi evalwata l-effettività ta' l-inizjattivi internazzjonali fil-qasam tal-miżuri kontra t-terroriżmu (eż. ir-reviżjoni attwali tal-Patriot Act ta' l-Istati Uniti); jenfasizza l-importanza li jkun hemm politika Komunitarja kif suppost dwar it-terroriżmu, peress li l-effettività tal-miżuri kontra t-terroriżmu titjieb b'mod sinifikattiv jekk l-UE titkellem b'leħen wieħed meta tinnegozja miżuri ta' dan it-tip ma' pajjiżi terzi;

30.  Ifakkar fil-ħtieġa tat-tisħiħ tal-koperazzjoni ma' l-Istati reġjonali ewlenin kollha, fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-iffinanzjar u r-reklutaġġ tat-terroristi u l-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika, waqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-valuri ta' l-Unjoni Ewropea;

31.  Jistieden lill-Kunsill biex isaħħaħ id-djalogu ma' pajjiżi terzi oħra, biex jappoġġja l-iżvilupp tat-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet u tal-kapaċitajiet, biex jiżviluppa aktar u jimplimenta l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex tingħeleb il-korruzzjoni b'mod effettiv u biex jidħlu klawsoli kontra t-terroriżmu fi ftehimiet li jkunu ffirmati ma' pajjiżi terzi; iqis li f'dan il-qasam hemm il-ħtieġa għal aktar fondi kif ukoll li l-istrumenti tal-Komunità imwaqqfa dan l-aħħar jintużaw;

32.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati li s'issa naqsu li jagħmlu hekk biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw l-istrumenti bħall-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni, il-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata b'mod Transnazzjonali u t-tliet Protokolli tagħha kontra l-Kuntrabandu ta' l-Immigranti, it-Traffikar tal-Persuni u l-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta' l-Armi tan-Nar u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

33.  Jistieden lill-Kunsill biex jesiġi mill-pajjiżi terzi sħab ta' l-UE biex jikkonkludu, jekk ma jkunux diġà għamlu hekk, ftehimiet unifikati ta' estradizzjoni fuq il-mudell tal-ftehimiet negozjati ma' l-Istati Uniti dwar l-estradizzjoni u l-assistenza legali reċiproka fuq kwistjonijiet penali għall-estradizzjoni ta' persuni suspettati li huma terroristi u kriminali biex jgħaddu ġuri;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun irratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar is-Cybercrime biex twaqqaf l-użu ħażin ta' netwerks tad-data u tat-telekomunikazzjoni aċċessati minn sistemi ta' kompjuters f'pajjiżi terzi għal skopijiet terroristiċi u kriminali ;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joħolqu proċeduri standardizzati għall-monitoraġġ tal-produzzjoni, tal-ħażna, tal-kummerċ, tal-ġarr, ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' l-armi u l-isplużivi sabiex jitwaqqaf l-użu ħażin tagħhom kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi;

Tisħiħ tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, u l-kontroll tal-fruntieri

36.  Jitlob għal koperazzjoni aktar effettiva mal-pulizija u l-ġudikatura, inkluż l-użu aħjar ta' riżorsi nazzjonali bħall-uffiċjali ta' kollaborazzjoni; jenfasizza li, waqt li l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali u l-koperazzjoni fl-operat huma importanti f'dawk l-oqsma, l-attivitajiet ta' l-UE għandhom isiru b'appoġġ għall-istandards universali relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

37.  Jirrakkomanda li l-Europol għandha tingħata l-poter li torganizza u tikkoordina l-azzjonijiet ta' l-operat u l-investigazzjonijiet, li tieħu sehem fi gruppi konġunti ta' investigazzjoni u li tuża l-uffiċjali ta' kollaborazzjoni tagħha f'reġjuni ta' prijorità bħall-Balkani tal-Punent;

38.  Jirrakkomanda li l-UE għandha tinnegozja, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 30 TEU, ftehimiet standard ta' koperazzjoni mal-pulizija ma' l-Istati Uniti, mal-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinanza (ENP) u ma' sħab oħrajn; jitlob li l-Parlament, bħala r-rappreżentant demokratiku leġittimu taċ-ċittadini għal ftehimiet bħal dawn, għandu jidħol b'mod attiv fid-djalogu mal-Kungress ta' l-Istati Uniti dwar in-negozjati għall-ftehim li se jsir;

39.  Jappoġġja l-progress magħmul f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-UE u r-Russja imma jfakkar li madankollu għad hemm lok għal titjib, l-aktar fil-qasam tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

40.  Josserva li se jkun hemm bżonn ta' titjib sinifikati fil-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja biex jitnaqqsu s-sorsi ta' instabilità fl-Unjoni Ewropea u fiz-zona ta' l-ENP bħall-kunflitti sospiżi tal-Moldova u tal-Ġeorġja u bħat-tendenzi radikali vjolenti fost il-minoranzi Russi fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;

41.  Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkonkludu konvenzjonijiet internazzjonali tal-liġi privata li huma meħtieġa biex jissalvagwardjaw l-interessi taċ-ċittadini Ewropej f'pajjiżi terzi u biex jaħdmu lejn il-kredibilità msaħħa mill-ġdid ta" l-Unjoni u ta" l-Istati Membri tagħha f'dan il-proċess;

42.  Jilqa' l-ftehimiet fuq l-estradizzjoni u fuq il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali bejn l-UE u l-Istati Uniti, li għandhom jitqiesu bħala suċċess tassew; jinnota li l-Kungress nieda proċedura biex dawn il-ftehimiet jiġu ratifikati u jistieden l-Istati Membri ta' l-UE kollha biex jagħmlu l-istess ħaġa; jilqa', barra minn hekk, il-ftehima ta' koperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Istati Uniti;

43.  Jistieden lill-Istati Uniti u lill-pajjiżi l-oħra kollha li jimponu rekwiżiti ta' viża tad-dħul fuq ċerti Stati Membri ta' l-UE biex mill-aktar fis ineħħu l-kundizzjoni tal-viża u biex jittrattaw liċ-ċittadini kollha ta' l-Istati Membri ta' l-UE bl-istess mod; jiddispjaċih li ġiet inkluża "klawsola dwar il-qsim ta' l-informazzjoni" addizzjonali (klawsola PNR) fost it-tibdil propost fil-Visa Waiver Program ta' l-Istati Uniti;

44.  Iqis li l-UE u l-Istati Uniti huma alleati essenzjali u leali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li jrid jintlaħaq ftehim internazzjonali sabiex Swift tirrispetta d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta" l-24 ta" Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta" individwi fir-rigward ta" l-ipproċessar ta" data personali u dwar il-moviment liberu ta" dik id-data(3) - jitlob li f'dan il-ftehim internazzjonali jkunu previsti l-garanziji meħtieġa kontra kull użu abbużiv tad-data personali għall-għanijiet ekonomiċi u kummerċjali - jindika li SWIFT trid ittemm il-prassi attwali tagħha li tirriproduċi d-data kollha fuq is-sit "mirror" Amerikan tagħha;

45.  Jinsisti fuq il-fatt li l-kontroll tal-fruntieri b'mod effettiv huwa importanti għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u jista' jirriżulta utli f'ċerti każi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

46.  Jirrakkomanda li l-Frontex għandu jkollha rwol operazzjonali fil-kontroll tal-fruntieri esterni permezz ta' żieda fil-kapaċitajiet tagħha ta' l-operat u d-dispożizzjoni ta' riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi suffiċjenti, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà u ta' għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri li lkoll għandhom jaqsmu l-piż tal-kontroll tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni;

47.  Jitlob li jissaħħaħ l-appoġġ għall-Istati Membri l-ġodda fl-isforzi kontinwi tagħhom biex jipproteġu l-fruntieri esterni ġodda fil-Lvant ta' l-UE;

48.  Jappoġġja l-irwol aktar importanti tal-Eurojust u l-armonizzazzjoni tal-poteri tal-membri nazzjonali tagħha, li għandhom isaħħulha l-kapaċità li tikkoordina b'mod effiċjenti u li tibda l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet;

Tisħiħ tas-solidarjetà internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ammissjoni mill-ġdid u l-ażil politiku

49.  Jirrakkomanda li l-Kunsill jadotta politika komprensiva ta' migrazzjoni ta' l-UE li tinkludi miżuri relevanti li jilqgħu b'mod effettiv għall-isfidi ta' l-immigrazzjoni legali u illegali; f'dan il-kuntest jitlob għall-implimentazzjoni tal-konklużjoniijiet adottati tmien snin ilu fis-Summit ta' Tampere u kkonfermati mill-Kunsill Ewropew informali ta' Lahti, tal-Programm ta' l-Aja u tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, rigward il-bżonn li tiġi applikata l-istrateġija globali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-immigrazzjoni adottata fl-2005;

50.  Ifakkar li l-immigrazzjoni tista' ġġib benefiċċji konsiderevoli jekk tkun ikkontrollata sew, b'solidarjetà u bi sħab ma' pajjiżi terzi, u li l-integrazzjoni ta' l-immigranti għandha tkun komponent ewlieni tal-politika ta' l-UE tal-ġejjieni dwar il-migrazzjoni; jenfasizza li l-azzjonijiet ta' l-UE, li għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità ta' pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-flussi tal-migrazzjoni u l-fruntieri tagħhom, għandhom isiru fi ħdan politika effettiva ta' l-iżvilupp, li tikkunsidra s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika u li tittratta s-sorsi reali tal-migrazzjoni kemm legali u kemm illegali, pereżempju l-faqar u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, fil-pajjiżi kkonċernati u li għandha tinkludi kemm għajnuna biex tgħin il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw il-flussi migratorji u kemm għajnuna għall-iżvilupp effettiv u l-kożvilupp;

51.  Jistieden lill-Kunsill biex idaħħal il-ko-deċiżjoni u l-vot b'maġġoranza kwalifikata fl-oqsma tal-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni sabiex jitjieb it-teħid tad-deċiżjonijiet u biex jintemm il-proċess mibdi fl-2005 meta l-metodu Komunitarju kien estiż għall-migrazzjoni illegali u l-kontroll tal-fruntieri;

52.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu l-isforzi kollha possibbli biex il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu jikkoperaw b'mod effettiv ma' l-UE u l-Istati Membri tagħha biex iwaqqfu l-immigrazzjoni illegali u jiġġieldu kontra l-organizzazzjonijiet involuti fit-traffikar ta' bnedmin; jistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevalwaw regolarment sa liema punt dawn il-pajjiżi terzi qed jikkoperaw f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-immigrazzjoni illegali; f'dan ir-rigward, jinsisti fuq l-importanza tal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, li nħoloq mill-Kunsill fl-2003, fuq talba tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 li sar f' Tessaloniki;

53.  Jitlob li titwaqqaf mingħajr dewmien żejjed sistema Ewropea komuni ta' kenn politiku u jħeġġeġ lill-Kunsill biex ineħħi kwalunkwe xkiel li jimpedixxi l-ħolqien tagħha;

54.  Iqis il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid bħala prijorità li tagħmel sehem minn strateġija usa' li tiġġieled kontra l-immigrazzjoni illegali; ifakkar fil-ħtieġa ta' regoli komuni ċari, trasparenti u ġusti dwar ir-ritorn; huwa mħasseb li l-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid, iffirmati f'isem l-UE, ma jeskludux mill-kamp ta' l-applikazzjoni tagħhom, b'mod espliċitu, persuni li jfittxu l-kenn u, għalhekk, jistgħu jinvolvu l-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni li jfittxu l-kenn li t-talbiet tagħhom ikunu għadhom ma ġewx iddeterminati fuq il-merti tagħhom, jew li t-talbiet tagħhom ikunu ġew miċħuda jew meqjusa inammissibbli skond l-applikazzjoni tal-kunċett ta' "pajjiż terz sikur"; jitlob għal salvagwardji biex ikun żgurat il-prinċipju tan-non-refoulement;

55.  Jirrakkomanda li għandhom ikunu nnegozjati direttivi għall-ħruġ ta' viża ma' pajjiżi terzi, fejn ikun possibbli u fuq il-bażi ta' reċiproċità, bil-għan li tkun żviluppata sħubija reali fuq il-kwistjonijiet tal-kontroll tal-migrazzjoni; jistieden lill-Kunsill biex iħeġġeġ lill-istati Membri biex inaqqsu l-ispejjeż tal-viżi sabiex jinkoraġġixxi l-iżviluppi demokratiċi fil-pajjiżi ta' l-ENP u biex ikun evitat li, f'isem is-sigurtà, jinħoloq aktar xkiel għall-vjaġġatur ordinarju leġittimu;

56.  Jappoġġa l-Programmi tal-Ħarsien Reġjonali żviluppati mill-Kummissjoni bil-koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi terzi involuti, u jfakkar li hu importanti li jkun żgurat li dawk li jkunu jeħtieġu l-protezzjoni jkunu jistgħu jeħduha malajr kemm jista' jkun, hu x'inhu l-pajjiż jew ir-reġjun li jkunu jinsabu fih;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 166 E, 7.7.2005, p. 58.
(2) P6_TA(2007)0032
(3) ĠU L 281 du 23.11.1995, p. 31.

Avviż legali - Politika tal-privatezza