Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0291/2007

Dibattiti :

PV 12/07/2007 - 11.1
CRE 12/07/2007 - 11.1

Votazzjonijiet :

PV 12/07/2007 - 13.1
CRE 12/07/2007 - 13.1

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 227kWORD 66k
Il-Ħamis, 12 ta' Lulju 2007 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati Iraqini
P6_TA(2007)0357RC-B6-0291/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Lulju 2007 dwar Is-sitwazzjoni umanitarju tar-refuġjati Iraqin

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar id-drittijiet tal-persuni għall-protezzjoni internazzjonali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati mill-Iraq(1),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Refuġjati (Konvenzjoni tar-Refuġjati) ta' l-1951 u l-Protokoll Dwar l-Istatus tar-Refuġjati ta' l-1967, tan-NU,

–   wara li kkunsidra l-appelli urġenti tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati (UNHCR) tas-7 ta' Frar 2007 biex jiżdied l-appoġġ internazzjonali għal dawk il-pajjiżi li jospitaw ir-refuġjati li jaħarbu mill-Iraq, il-Konferenza internazzjonali dwar l-Iraq tas-17-18 ta' April 2007 f'Ġinevra bil-għan li tqajjem aktar kuxjenza dwar l-iskala tal-bżonnijiet umanitarji fl-Iraq u fir-reġjun, it-talba tal-UNHCR tal-5 ta' Ġunju 2007 sabiex il-fruntieri kollha jibqgħu miftuħin għal dawk li għandhom bżonn protezzjoni, kif ukoll għall- Pariri għar-Ritorn tal-UNHCR u l-Pożizzjoni rigward il-Ħtiġijiet għall-Protezzjoni Internazzjonali ta' l-Iraqini li jinsabu barra mill-Iraq tat-18 ta' Diċembru 2006 u għall-"Appell Supplementari – Tweġiba għas-Sitwazzjoni fl-Iraq" UNHCR tat-8 ta' Jannar 2007,

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar l-Ispostament Intern maħruġa mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fuq il-Persuni Spustati Internament fil-11 ta' Frar 1998,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar standards minimi għall-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' persuni mingħajr stat biex jikkwalifikaw bħala rifuġjati jew bħala persuni li altrimenti jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija(2) (Id-Direttiva tal-Kwalifika),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet adottati mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-qasam ta' l-ażil u ta' l-immigrazzjoni;

–   wara li kkunsidra li n-numru ta' appikazzjonijiet minn Iraqin li qed iffixxu ażil irdoppja fl-ewwel nofs ta' l-2007 meta jitqabbel ma' l-istess perjodu tas-sena ta' qabel;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Billi s-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq b'mod ġenerali sejra lura, kif juru r-rapporti regolari ta' l-UNAMI u ta' aġenziji oħra tan-NU fil-pajjiż, li juru medja ta' 100 persuna maqtula, u 200 feruti kuljum, u li 50% tal-popolazzjoni qed jgħixu b'inqas minn 1$US kuljum, u li l-qgħad jaffettwa aktar minn 80% tal-popolazzjoni, u li 70% m'għandhomx aċċess adegwat għall-provvista ta' l-ilma; u li 81% m'għandhomx aċċess għal sanità effettiva, li 3 miljuni m'għandhomx ċertezza li se jieklu jekk it-tqassim ta' l-ikel ifalli u li s-sistema diġà waqfet taħdem f'xi zoni, li 80% tat-tobba telqu mill-isptarijiet, u li 75% tat-tfal ma jmorrux skola u f'ċerti reġjuni bejn 30% u 70% ta' l-iskejjel huma magħluqin,

B.  Billi fis-sitwazzjoni preżenti ta' wara l-gwerra l-attivitajiet kriminali jinkludu serqiet bl-użu ta' l-armi, ħtif ta' persuni b'rahan, fastidju, qtil ta' persuni involuti fil-proċess politiku f' attivitajiet ta' rikostruzzjoni politika, attakki ta' sabutaġġ immirati lejn l-infrastruttura ċivili bħall-elettriku jew l-pajpijiet taż-żejt u attakki ġenerali b'bombi mitfugħin kif ġie ġie u/jew splużivi oħra kontra n-nies ċivili u bħala riżultat bosta Iraqin qed ikomplu jaħarbu, primarjament lejn il-Ġordan u s-Sirja kif ukoll lejn l-Eġittu, il-Libanu, it-Turkija, l-Iran u lejn postijiet aktar imbiegħda,

C.  Billi aktar minn 2 miljun ruħ bħalissa huma Persuni Spustati Internament (IDPs); billi minn Frar ta' l-2006, 822,000 persuna oħra ġew spustati, b'2000 oħra maħsuba li qed jiġu spustati kuljum; u billi għall-aħħar ta' l-2007, il-UNHCR qed jikkalkula li n-numru ta' l-IDPs x'aktarx se jilħaq bejn it-2.3 u t-2.5 miljuni;

D.  Billi minbarra l-persuni spustati internament, hemm bejn wieħed u ieħor 42,000 refuġjati mhux Iraqin fl-Iraq (inkużi madwar 15,000 Palestinjan li huma l-aktar fil-periklu; kif ukoll Sudaniżi, Kurdi Torok, Iranjani u oħrajn);

E.   billi bosta governanti fl-Iraq qed jirrestrinġu l-aċċess lill-IDPs il-ġodda, dan ifisser limitazzjonijiet drastiċi fuq il-possibilità li jsibu post temporanju sikur fil-pajjiż;

F.  Billi l-IDPs mhux jitħallew jirreġistraw għat-tqassim ta' l-ikel, li żied ir-riskju ta' kriżi umanitarja;

G.  Billi hemm stimati 2 miljun refuġjat Iraqin fil-pajjiżi ġirien mingħajr status formali ta' kenn mill-istati li qed jospitawhom: Is-Sirja qed tospita bejn 1.2 sa 1.5 miljun, il-Ġordan bejn 500 000 u 750000 Iraqin, li jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-popolazzjoni, l-Eġittu ( 'l fuq minn 80 000), il-Libanu (hemm stimati 20 000), l-Iran ('l fuq minn 50 000), ir-reġjun tal-Golf ('l fuq minn 200,000) u t-Turkija (hemm stimati 5 100),

H.  Billi 560 000 tar-refuġjati fil-pajjiżi ġirien huma tfal ta' l-età ta' l-iskola, u billi l-aċċess għall-edukazzjoni pubblika jew il-kura tas-saħħa ssussidjata f'bosta zoni hija diffiċli ħafna jew imwaqqfa mil-liġi;

I.   billi, skond it-tradizzjoni tal-liġi internazzjonali, jeżisti obbligu legali li rifuġjati ma jiġux irritornati lura għall-persekuzzjoni jew perikolu serju, u li dawk li jfittxu kenn minn abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u vjolenza ġeneralizzata jitħallew jidħlu fil-pajjiż konċernat, almenu temporanjament, sabiex jiġu eżaminati għall-istatus ta' rifuġjati.

J.  Billi l-atitudni tal-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri u ta' l-Istati Uniti biex jagħrfu l-bżonnijiet ta' protezzjoni tar-refuġjati Iraqin kienet ristretta ħafna;

K.   billi ġew ikkonstatati differenzi kbar fil-mod ta' kif it-talbiet għal ażil ta' l-Iraqin qed jiġu evalwati mill-Istati Membri juri nuqqas ta' progress fl-iżvilupp ta' Sistema Ewropea Komuni dwar l-Ażil li hija bbażata fuq standards komuni għoljin u hija kapaċi tagħti protezzjoni lil min għandu bżonn,

L.   billi l-pajjiżi ġirien irrestrinġew l-aċċess għar-refuġjati b'mod konsiderevoli, tant li ġiegħlu bosta minnhom jerġgħu lura lejn l-Iraq jew jibqgħu blukkati mal-fruntieri, kif ukoll imponew rekwiżiti restrittivi għal min jitħalla jibqa' hemm, bħal tnaqqis fit-tul ta' żmien ta' kemm jistgħu jibqgħu/jew billi jagħmlu t-tiġdid tal-viżas tagħhom tant diffiċli li l-biċċa l-kbira ta' l-Iraqin malajr jitilfu l-istatus legali tagħhom;

M.   billi (l-gvern ta') l-Brażil huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li offrew li jilqgħu fi ħdanhom numru ta' refuġjati Palestinjani li kienu jgħixu fl-Iraq fi ħdan il-programmi ta' solidarjetà għal min jerġa' jmur joqgħod f'pajjiżu,

N.   billi l-UNHR qed jiffinalizza talba sabiex il-Baġit Supplimentari għas-sitwazzjoni ta' l-Iraq jiżdied minn USD 60 m għal USD 115 m,

O.   billi l-Lhud, il-Mandjani u l-Kristjani (inklużi l-Assirjani, l-Armeni, l-ortodossi Griegi u minoritajiet Kristjani oħra) qed jesperjenzaw dejjem aktar diskriminazzjoni fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq tax-xogħol jew għas-servizzi soċjali bażiċi u ħafna minnhom qed jibżgħu mill-persekuzzjoni ta' gruppi ribelli kif ukoll tal-milizji Iżlamiċi, li kisbu de facto l-kontroll fuq viċinati sħaħ f'bosta bliet u rħula fl-Iraq; billi bħala parti mit-tensjoni li dejjem qed tiżdied bejn is-Sunni u x-Xi'iti, jistgħu jiġu mmirati xi individwi sempliċiment fuq il-bażi tas-àsħubija tagħhom ma' minorità etnika jew reliġjuża,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-solidarjetà li wrew il-pajjiżi ġirien ta' l-Iraq mar-refuġjati Iraqin u jistieden lil dawn il-pajjiżi biex jinfurmaw il-komunità internazzjonali bl-appoġġ li għandhom bżonn biex ilaħħqu mas-sitwazzjoni;

2.  Jirrikonoxxi t-titjib f'termini ta' kontribut ta' l-awtoritajiet reġjonali Kurdi biex jassistu l-komunitajiet li m'humiex Musulmani li huma spostati internament;

3.  Jingħaqad mal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU fit-talba, għal risposta internazzjonali sostenuta, totali u koordinata biex titħaffef il-qagħda mwiegħra ta' miljuni ta' nies maqlugħa mill-għeruq tagħhom minħabba kriżi umanitarja li ma tistax tibqa' tiġi injorata aktar; Jikkunsidra li l-appoġġ tal-komunità internazzjonali huwa essenzjali biex titħaffef it-tbatija ta' mijiet ta' eluf ta' refuġjati Iraqin u ta' persuni spostati internament (IDPs) jew ta' dawk li qegħdin jaħarbu mill-pajjiż kif ukoll l-inkoraġġiment u l-assistenza akbar lil pajjiżi bħas-Sirja u l-Ġordan, li flimkien qegħdin iżommu għadd kbir ta' refuġjati Iraqin;

4.  Jirrikonoxxi wkoll l-isforzi li għamlu pajjiżi li m'għandhomx fruntiera mar-reġjun bħall-Eġittu, li jgħinu lir-refuġjati Iraqin; jitlob lil dawn il-pajjiżi biex ikomplu bl-isforzi tagħhom favur ir-refuġjati Iraqin billi jżommu l-fruntieri tagħhom miftuħa u billi jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom u jiżguraw l-aċċess għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

5.  Jiddeplora li l-istati ġirien żammew il-fruntieri tagħhom magħluqa, b'eċċezzjonijiet rari u limitati, għall-Palestinjani li qegħdin jaħarbu mill-vjolenza u t-theddid kontrihom fl-Iraq, jikkundanna s-sejħa tal-Ministru ta' l-Ispostament u l-Emigrazzjoni ta' l-Iraq biex ikeċċi l-Palestinjani kollha mill-Iraq; jikkundanna d-deċiżjoni tal-gvern ta' l-Iraq li jimponi rekwiżiti għal reġistrazzjoni iebsa fuq il-Palestinjani u b'hekk jagħmilhielhom diffiċli li jibqgħu fl-Iraq b'mod legali;

6.  Jistieden lill-Gvern ta' l-Iraq, kif ukoll lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u reliġjużi u lill-Forzi ta' Koalizzjoni Multinazzjonali fl-Iraq biex jieħdu passi immedjati biex itejbu s-sigurtà għar-refuġjati kollha u għall-IDPs fl-Iraq u jtemmu l-prattiki diskriminatorji;

7.  Jirrifjuta bil-qawwa t-theddid ta' xi uffiċjali għolja tal-Gvern ta' l-Iraq li jkeċċu u li jaqtgħu l-provvisti taż-żejt u ta' l-ilma tax-xorb lil 4,000 membru ta' l-oppożizzjoni Iranjana li ilhom refuġjati politiċi fl-Iraq għal dawn l-aħħar 20 sena u għandhom l-istatus legali ta' "Persuni protetti bir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra" u jistieden lill-Gvern Iraqi biex jirrispetta d-drittijiet skond il-liġi internazzjonali;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex jegħlbu l-pożizzjoni mhux attiva tagħhom rigward il-qagħda tar-refuġjati Iraqin u biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skond il-liġi internazzjonali u Komunitarja biex jagħtu lill-Iraqin fl-Istati Membri l-opportunità biex japplikaw għall-ażil u biex din tiġi proċessata bla dewmien, waqt li jirrispettaw is-salvagwardji proċedurali u jagħtu l-istatus ta' refuġjati jew protezzjoni sussidjarja jew temporanja lil dawk li għandhom biża' ġustifikat mill-persekuzzjoni jew minn danni serji;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jittrasferux nies lill-Stat ieħor skond ir-Regolament Dublin II(3), jekk ikunu jafu li dak il-pajjiż ma jikkunsidrax kif xieraq it-talbiet ta' ażil ta' l-Iraqin; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' Dublin II;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu status legali (temporanju jew permanenti jiddependi miċ-ċirkostanzi) lill-dawk l-Iraqin li ma jikkwalifikawx għal status ta' protezzjoni ożda ma jistgħux jintbagħtu lura, u jiżgurawlhom kundizzjonijiet adegwati u d-drittijiet bażiċi;

11.  Jinnota bi tħassib li minn 400 sa 500 tar-ritorni furzati l-Iraq ġew irreġistrati fl-2005 u fl-2006 u jitlob lill-Istati Membri biex jissospendu temporanjament kull ritorn furzat lejn kwalunkwe parti ta' l-Iraq;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Komunità Internazzjonali, bħala dimostrazzjoni ta' qsim ta' responsabilità, sabiex jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv sabiex ir-refuġjati Iraqin u persuni mingħajr stat jerġgħu jissetiljaw, inklużi r-refuġjati Palestinjani fl-Iraq jew li ħarbu mill-Iraq u jinsabu blukkati fir-reġjun, billi jagħtu prijorità lill-każi l-aktar vulnerabbli skond il-linji gwida ta' l-UNHCR dwar l-issetiljar mill-ġdid tar-refuġjati Iraqin; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex joħolqu mekkaniżmu sabiex jorganizzaw u dan il-qsim ta' responsabilità u jappoġġjaw lill-Istati Membri skond il-bżonn;

13.  Jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-UNHCR sabiex l-Iraqin minn nofsinhar jew miċ-ċentru ta' l-Iraq li qed ifittxu l-ażil jiġu kkunsidratu b'mod favorevoli bħala refuġjati skond il-Konvenzjoni tar-Refuġjati u, fejn ma jiġux rikonoxxuti bħala refuġjati jigħatalhom forma ta' protezzjoni kumplimentari bil-kundizzjoni li l-individwu ma' jaqax fil-kriterji tat-tkeċċija tal-Konvenzjoni tar-Refuġjati ;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tesplora mill-aktar fis possibilitajiet oħra biex tagħti appoġġ umanitarju lill-IDPs fl-Iraq, waqt li teżerċita l-flessibilità xierqa fl-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti, u tgħin lill-pajjiżi ġirien fl-isforzi tagħhom biex jospitaw il-popolazzjoni tar-refuġjati;

15.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-ewwel passi mwettqa mid-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni għall-għajnuna umanitarja (ECHO); jiddispjaċih, madankollu, il-prċeduri twal wisq minħabba restrizzjonijiet speċjali tal-pajjiż;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara b'mod urġenti għall-ħolqien ta' ċentri post-trawmatiċi għal refuġjati u IDPs Iraqin kif ukoll biex tiżviluppa proġetti "tax-xogħol" b'mod partikolari għall-IDPs fis-settur agrikolu f'dawk il-partijiet ta' l-Iraq fejn dan hu possibbli;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament, u b'mod partikolari, lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit waqt il-laqgħa tagħha tas-16 ta' Lulju 2007 dwar l-użu tal-fondi allokati lill-Iraq, b'mod partikolari, permezz tal-Faċilità tal-Fondi Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni ta' l-Iraq (IRFFI), u jfakkar lill-Kummissjoni fil-prijoritajiet tal-Komunikazzjoni tagħha tas-7 ta' Ġunju 2006 (COM(2006)0283), li kienet tinkludi (1) l-appoġġ għal gvern demokratiku, (2) l-infurzar tas-sigurtà fuq il-bażi ta' l-istat tad-dritt u l-promozzjoni ta' kultura ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li jikkunsidra din bħala emerġenza kbira u ħeġġeġ fir-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija hawn fuq tal-15 ta' Frar 2007 li parti sinifikanti tal-baġit ta' l-UE destinata għall-programmi ma' l-Iraq tiġi allokata għar-refuġjati; din il-preżentazzjoni għandha tinkludi analiżi dettaljata preċiża skond it-tip ta' l-attività u skond l-attivitajiet tal-baġit, ta' l-impenji u tal-ħlasijiet waqt li tidentifika b'mod ċar il-programmi dedikati għar-refuġjati Iraqin u għall-IDPs;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-NU (UNHCR), lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Iraq, tas-Sirja, tal-Ġordan, tal-Libanu, ta' l-Eġittu, tat-Turkija, tal-Palestina u tal-Lega Għarbija.

(1) Testi adottati, P6_TA(2007)0056.
(2) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 50, 25.2.2003, p.1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza