Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2097(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0391/2007

Testi mressqa :

A6-0391/2007

Dibattiti :

PV 23/10/2007 - 6
CRE 23/10/2007 - 6

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2007 - 8.25
CRE 24/10/2007 - 8.25
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2007)0470

Testi adottati
PDF 313kWORD 85k
L-Erbgħa, 24 ta' Ottubru 2007 - Strasburgu
Politika ta' tassazzjoni u dwana u l-Istrateġija ta" Liżbona
P6_TA(2007)0470A6-0391/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-kontribut ta" politika ta" tassazzjoni u dwana lill-Istrateġija ta" Liżbona (2007/2097(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kontribut ta" politika ta" tassazzjoni u dwana lill-Istrateġija ta" Liżbona (COM(2005)0532),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti ta' l-Istati Membri fis-Suq Intern (COM(2006)0823),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ u l-bżonn għal koordinazzjoni tal-politiki dwar it-taxxa ta" l-Istati Membri (COM(2006)0825),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata "Lejn użu aktar effikaċi ta" inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp" (COM(2006)0728),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta" Liżbona: il-progress s'issa u l-passi li jmiss lejn Bażi ta" Taxxa tal-kumpaniji Komuni u Kkonsolidata (CCCTB) (COM(2006)0157),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Trattament fiskali tat-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali" (COM(2006)0824),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 90/434/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta' l-attivi u l-iskambji ta' l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta' Stati Membri differenti(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2005 dwar it-tassazzjoni ta" l-intrapriżi fl-Unjoni Ewropea: bażi ta" taxxa tal-kumpaniji komuni u kkonsolidata(2),

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(3),

–   wara li kkunsidra l-laqgħat informali tal- Kunsill Ecofin ta' l-10 u l-11 ta' Settembru 2004 u tas-7 u t-8 ta' April 2006,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Jiġu megħluba d-diffikultajiet marbuta ma" l-ostakli tat-taxxa fuq il-kumpaniji ta" l-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju fis-Suq Intern – il-punti prinċipali ta" skema pilota possibbli għal Tassazzjoni fl-Istat ta" Residenza(COM(2005)0702),

–   wara li kkunsidra l-"Istħarriġ dwar it-Tassazzjoni fl-UE" tal-Kummissjoni (SEC(2004)1128),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma tat-23 u l-24 ta' Marzu 2001, tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 u tal-Kunsilli Ewropej ta' Brussell tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005, tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 u tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' l- OECD dwar il-kompetizzjoni fiskali ta' ħsara: Kwistjoni Globali Emerġenti, 1998,,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni: Strutturi ta' tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea,2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0391/2007),

A.   billi s-sistemi nazzjonali tat-taxxa jridu jieħdu kont dejjem aktar tal-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija u billi l-ħtieġa li jiżdided il-kapital uman f'soċjetà bbażata fuq l-għerf ,

B.   billi l-eżistenza ta" 27 sistema fiskali differenti fl-Unjoni Ewropea hija ostaklu għas-suq intern biex jaħdem mingħajr problemi, , tikkawża spejjeż addizzjonali sinifikanti għall-kummerċ u n-negozju transkonfinali fis-sens ta' amministrazzjoni u konformità, ixxekkel ir-ristrutturar tal-kumpaniji, tagħmel l-intrapriżi ta" l-UE inqas kompetittivi f'livell dinji, u twassal għal każijiet ta" tassazzjoni doppja,

C.   billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta" Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji ta" l-Unjoni Ewropea tenfasizza li kwalunkwe sistema futura tar-riżorsi proprji fl-Unjoni Ewropea trid tirrispetta l-prinċipji tas-sovranità fiskali ta' l-Istati Membri kif ukoll in-newtralità fiskali, u ssemmi wkoll, bħala għażla possibbli għall-futur imbiegħed għall-ġejjieni tar-riżorsi proprji ta" l-Unjoni Ewropea, l-impożizzjoni ta" taxxa Komunitarja jew ta" taxxi nazzjonali ġodda li jkunu ta" benefiċċju għall-Unjoni Ewropea b'mod dirett,

D.   billi l-kompetizzjoni fiskali fl-UE wasslet - u għadha twassal - għal gwadanji ekonomiċi fl-UE kollha permezz ta' ambjent korporattiv dinamiku, iżda billi koordinazzjoni xierqa tat-taxxi f'livell ta' l-UE, li ma tippruvax tarmonizza r-rati tat-taxxa, tista' tikkontribwixxi sabiex il-benefiċċji tal-kompetizzjoni fiskali jkunu maqsuma b'mod usa' bejn l-intrapriżi, il-ħaddiema tagħhom u l-konsumaturi,

E.   billi hemm ċerti pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn id-dħul mit-taxxa fuq il-kapital żdied minħabba tkabbir ekonomiku ġenerali akbar u, b'mod partikulari, minħabba li twaqqfu ħafna kumpaniji ġodda li żiedu l-qligħ tagħhom b'mod sinifikanti, b'kuntrast ma' dawk il-pajjiżi fejn il-kapaċità ta" dħul naqset minħabba tkabbir anqas mgħaġġel;

F.   billi l-livelli globali tat-tassazzjoni fl-Istati Membri differenti jvarjaw bejn it-28,4 u l-50,5% tal-GDP, u billi l-konsegwenza ta' dan hu li hemm livelli differenti ta' impatt fir-rigward ta' l-ekonomija,

G.   billi minħabba l-impatt ta' l-R&D fuq it-tkabbir u l-impjiegi, huwa neċessarju li jiġi eżaminat użu aktar effettiv ta' l-inċentivi fiskali għall-R&D,

H.   billi biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona tinħtieġ aktar koordinazzjoni tal-politika fiskali ta' l-Istati Membri; billi l-Ewropa trid tibni qafas ekonomiku u soċjali li jingħaraf, li jbiddel vantaġġ kompetittiv minħabba diversità tal-wirt kulturali u tal-kapital intellettwali, fi tkabbir tal-produttività mmexxi mill-innovazzjoni,

I.   billi elementi fil-frammentazzjoni attwali tas-sistemi fiskali jikkostitwixxu metodi li jippermettu l-evażjoni tat-taxxa; billi d-dħul mit-taxxa mitluf minħabba l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa huwa stmat li hu bejn 200 u 250 biljun euro fir-rigward tal-VAT biss,

J.   billi l-kejl eżatt ta' piż fiskali huwa r-rata fiskali effettiva, li tinkludi r-rata fiskali nominali u bażi fiskali

K.   billi t-tassazzjoni ta" l-enerġija hija għodda utli kemm biex jiġi applikat il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", kif ukoll biex jinkiseb tnaqqis tat-tniġġis mis-sors; billi jeħtieġ urġentement li jsir xi ħaġa dwar l-impatt ambjentali tat-traffiku li kulma jmur qed jiżdied għall-ġlieda kontara l-bidla fil-klima,

L.   billi t-tassazzjoni ta' l-enerġija u s-Sistema ta' l-UE għall-Iskambju ta' l-Emissjonijiet huma żewġ strumenti ekonomiċi sinifikanti li qed jintużaw biex jindirizzaw il-konsum ta' l-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2,

Il-kontribut tal-politika tat- tassazzjoni għall-Istrateġija ta' Liżbona

1.  Ifakkar li deċiżjonijiet marbuta mal-politika fiskali, bħall-għoti ta' inċentivi fiskali lill-intrapriżi, huma l-istrument ewlieni għall-iżvilupp u ż-żieda tan-numru ta' impjiegi, iżda wkoll għaż-żieda ta' l-investiment fl-R&D u fit-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; jenfasizza, madankollu, li jekk il-politika fiskali għandha tagħti kontribut sostanzjali lill-Istrateġija ta' Liżbona, hemm bżonn ta' sorveljanza kostanti tal-mod kif jerġa' jitqassam dħul addizzjonali ġġenerat minn din l-eżenzjoni mit-taxxa għall-intrapriżi, sabiex jiġi żgurat li d-dħul addizzjonali tabilħaqq jiġi użat biex jagħti spinta fl-innovazzjoni u f'teknoloġiji li huma aktar effiċjenti mil-lat ta' l-enerġija;

2.  Jinnota t-tendenza għat-tnaqqis tar-rati tat-taxxa għall-intrapriżi fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'pajjiżi oħra ta" l-OECD, u dan jirrifletti kompetizzjoni dinjija li qed tiżdied, tibdil strutturali u żvilupp tas-swieq finanzjarji; madankollu, jinnota li l-livell globali ta' tassazzjoni fl-Ewropa għadu għoli meta mqabbel mal-livell ta' pajjiżi oħra ta' l-OECD; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li d-dħul pubbliku b'mod ġenerali żdied minkejja t-tnaqqis fir-rati effettivi tat-taxxa għall-intrapriżi; jinnota l-bżonn ta' qafas fiskali kkoordinat, inklużi arranġamenti tat-taxxa għall-intrapriżi, li għandu jkun favorevoli għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, bil-għan li jiġġedded it-tkabbir u li jinħolqu l-impjiegi;

3.  Jikkunsidra li huwa meħtieġ li jinħoloq ambjent ta" politika finanzjarja pubblika li jgħin it-tkabbir u l-imjiegi fl-ekonomija, u li tkun promossa l-kompetizzjoni fiskali soda fl-Unjoni Ewropea sabiex il-piż tat-taxxa jitqassam sew bejn l-impjegati u l-konsumaturi, in-negozji u dawk li għandhom dħul mill-kapital; jirrimarka li, l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi arranġamenti fiskali biex jitħeġġew il-ħolqien ta' negozji ġodda u l-innovazzjoni teknoloġika;

4.  Jenfasizza li, b'mod ġenerali, is-sistemi fiskali fl-Istati Membri jesaġeraw fl-applikazzjoni ta' rati relattivament għoljin għal kategoriji ta' taxxa baxxi, u dan jiskoraġġixxi t-teħid ta' riskji u t-twaqqif ta'start-ups;

5.  Jikkunsidra li hu possibbli li jkun hemm arranġamenti fiskali kompetittivi mingħajr ma' jiddgħajjef il-finanzjament mill-istat, kif intwera f'dawk il-pajjiżi Ewropej li fl-aħħar għaxar snin irnexxielhom iżidu d-dħul mit-taxxa tagħhom permezz ta' tnaqqis tat-taxxi flimkien ma' twessigħ tal-bażijiet fiskali, filwaqt li kkontrollaw in-nefqa, biex b'hekk naqqsu d-defiċits tagħhom;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssib soluzzjonijiet għall-problemi marbuta mar-regoli dwar it-transfer pricing fl-Unjoni Ewropea;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal proġett pilota sabiex il-prinċipju tat-tassazzjoni ta' l-istat ta' residenza jiġi applikat għat-taxxa tal-kumpaniji mħallsa mill-SMEs;

8.  Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs fl-Unjoni Ewropea u f'pajjiżi oħra ta" l-OECD biex jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom, u japprova l-għoti ta' inċentivi fiskali biex l-SMEs jiġu inkoraġġiti jisfruttaw aħjar il-mekkaniżmi intermedjarji ta' ffinanzjar, bħal, inter alia, il-kapital azzjonarju intraprendista, u networks ta' 'business angels';

9.  Jiġbed l-attenzjoni għat-tnaqqis tad-dħul pubbliku fl-Unjoni Ewropea kkawżat mill-frodi fiskali u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu aktar azzjoni biex jikkumbattu l-frodi fiskali;

10.  Huwa tal-fehma li għal ġlieda effettiva kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali, hija meħtieġa bidla radikali fil-mod kif joperaw is-servizzi fiskali, ibbażata fuq prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u prinċipji organizzattivi moderni, u jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tieħu inizjattivi sinifikanti biex tappoġġja l-koordinazzjoni fuq livell Komunitarju f'dan is-settur;

11.  Jikkunsidra li l-eżenzjoni mill-VAT għal intrapriżi pubbliċi jew parastatali orjentati lejn il-komunità għandha tibqa'; jemmen li jrid jitwaqqaf 'one-stop-shop' biex il-kumpaniji jissodisfaw l-obbligu tagħhom fir-rigward tal-VAT fl-Ewropa kollha;

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw id-distribuzzjoni aktar ġusta tal-piż tat-taxxa ta' piżijiet fiskali u permezz ta' strutturar u ffukalizzar aħjar ta' l-ispiża tal-baġit;

13.  Jikkritika t-tendenza għaż-żieda fir-rati tal-VAT fl-Unjoni Ewropea, peress li din għandha effett rigressiv u tnaqqas id-domanda; jenfasizza li l-esperjenza f'xi Stati Membri wriet li jiġi ġġenerat dħul akbar meta l-bażi fiskali titwessa', meta t-tkabbir ta' l-impjieg jikkawża żieda fil-konsum u meta l-kundizzjonijiet ikunu tajba biex l-attivitajiet tas-suq l-iswed jiġu rregolarizzati, proċess li jista" jispiċċa minħabba żieda fir-rati tal-VAT;

14.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal sperimentar b'rati aktar baxxi ta' VAT fuq servizzi b'intensità għolja ta' xogħol bħala element strutturali tas-sistema tal-VAT, bi flessibilità għall-Istati Membri biex japplikaw dawn ir-rati f'setturi ta' servizzi forniti mill-qrib li huma primarjament lokali u ma joħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni transkonfinali;

15.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li torjenta l-politika fiskali lejn objettivi ambjentali aktar ambizzjużi; jikkunsidra li tali azzjoni tista' tippromwovi kemm aktar riċerka f'teknoloġiji ambjentali, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, u b'hekk jiġi żviluppat il-potenzjal kompetittiv ta' l-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam; madankollu jenfasizza li għandha tittieħed azzjoni biex jiġi evitat li jitpoġġa piż akbar fuq households aktar fqar;

16.  Jinnota li hemm bżonn ta' approċċ kompletament ġdid fir-rigward tal-politika tat-taxxa tas-sisa; jenfasizza li linja politika li hija orjentata lejn l-iffissar tar-rata minima ta' taxxa fil-livell Komunitarju għandha tiġi rifjutata u minflok għandu jiġi adottat kodiċi ta' prassi ġeneriku, bl-għan li l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti li jqarrbu r-rati tat-taxxi tas-sisa tagħhom, li huma differenti ħafna minn xulxin;

17.  Jemmen li l-politika fiskali għandha tikkontribwixxi b'mod ġenerali sabiex l-industrija tintalab tinternalizza l-ispejjeż esterni, iżda jikkunsidra li huwa xieraq li jinżammu jew jiġu introdotti inċentivi fiskali u inċentivi oħra biex jiġu promossi sorsi ta" l-enerġija nodfa u mhux fossili;

18.  Jikkunsidra li żieda tat-taxxi fuq il-fjuwil ikollha impatt ambjentali pożittiv jekk ikunu disponibbli mezzi ekonomiċi u attraenti ta' trasport pubbliku;

19.  Jemmen li l-pajjiżi li qegħdin fil-proċess li jlaħħqu ma' l-oħrajn qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' spejjeż esterni ogħla, u m'għandhomx jiġu ppenalizzati minħabba fihom;

20.  Jenfasizza l-bżonn li t-taxxi fuq l-impjieġ ikomplu jitnaqqsu, minħabba li dan huwa l-aħjar mod kif jintlaħaq l-għan ta' Liżbona ta' rata ta' impjieg ta' 70%;

21.  Jikkunsidra li huwa importanti, sabiex jitlesta s-suq intern, li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tad-dwana u li jiġu razzjonalizzati l-proċeduri tad-dwana, bl-għan li titnaqqas l-ispiża amministrattiva għall-intrapriżi involuti fi tranżazzjonijiet transkonfinali, filwaqt li tinżamm is-simplifikazzjoni ta' l-obbligi ta" l-intrapriżi ta" konformità transkonfinali; jappoġġja tranżizzjoni lejn sistema simplifikata għall-impożizzjoni tal-VAT fuq bejgħ transkonfinali fl-Unjoni Ewropea, pereżempju, billi jiġi implimentat il-mekkaniżmu tal-ħlasijiet riversibbli;

Bażi ta' taxxa tal-kumpaniji komuni u kkonsolidata

22.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq bażi ta' taxxa tal-kumpaniji pan-Ewropea, uniformi, komuni u kkonsolidata (CCCTB); jinnota li s-CCCTB se twassal għal trasparenza akbar billi tippermetti lill-kumpaniji joperaw skond l-istess regoli kemm meta jkunu barra minn pajjiżhom kif ukoll meta jkunu fih, se żżid il-kummerċ u l-investiment transkonfinali, u se tnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż amministrattivi u l-possibilità ta' evażjoni u frodi fiskali; jikkunsidra li jinħtieġ li jiġu introdotti miżuri, bħal dispożizzjonjiet tat-tassazzjoni ta' l-istat domiċiljarju, imfassla b'mod speċifiku biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità mat-taxxa li jiffaċċjaw l-SMEs;

23.  23 Jinnota li s-CCCTB hija politika li tista' titmexxa bil-mekkaniżmu mtejjeb ta' koperazzjoni, kif diġà hemm stipulat fit-Trattati;

24.  Ifakkar li s-CCCTB għandha tinvolvi regoli komuni dwar il-bażi fiskali u bl-ebda mod m' għandha taffettwa l-libertà ta' l-Istati Membri li jkomplu jistabbilixxu r-rati fiskali tagħhom;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi s-CCCTB fil-qafas tal-koperazzjoni iktar mill-qrib; jirrimarka, madankollu, li din hija t-tieni l-aħjar soluzzjoni, minħabba li fin-nuqqas ta' sistema komprensiva madwar l-Komunità kollha, il-benefiċċji tat-trasparenza u ta' spejjeż amministrattivi aktar baxxi jistgħu jintilfu parzjalment;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-opinjoni tal-Kummissjoni li s-CCCTB trid tkun uniformi u tissimplifika s-sitwazzjoni u jirrakkomanda, filwaqt li jfassal qafas ta' standards komuni, l-iżvilupp ta' mekkaniżmu biex jiġi allokat dħul mit-taxxa lill-Istati Membri kkonċernati; minbarra dan, jikkunsidra li sabiex tiġi stabbilita bażi ta' taxxa ġenwinament komuni, huwa wkoll importanti li tinħoloq dokumentazzjoni ta' reġistrazzjoni komparabbli jew, fl-aħjar każ, komuni, għall-attivitajiet ekonomiċi transkonfinali;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, "Lejn użu iktar effettiv ta' l-inċentivi tat-taxxa li jiffavorixxu r-riċerka u l-iżvilupp" u jenfasizza l-bżonn li tinqasam l-aħjar prattika u li tiġi kkjarifikata, kemm jista" jkun, il-kompatibilità ta' tali inċentivi mal-liġi Komunitarja;

28.  Jenfasizza li t-tassazzjoni ħadra hija strument flessibbli ta' politika biex jintlaħaq objettiv partikulari mabut mat-tniġġis, biex jiġu pprovduti inċentivi għall-innovazzjoni teknoloġika u biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet li jniġġsu;

29.  Jinkoraġġixxi l-Kummissjoni biex tieħu ħsieb il-kwistjonijiet li marbuta mal-konsolidazzjoni tal-kontijiet, it-tassazzjoni u l-amministrazzjoni fiskali tal-gruppi l-kbar li joperaw b'mod transkonfinali;

Lejn użu iktar effikaċi ta" inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp

30.  Jikkunsidra li inċentivi fiskali li jinkuraġġixxu attivitajiet ta" riċerka u żvilupp huma importanti ħafna biex jintlaħqu l-għanijiet ta" l-Istrateġija ta" Liżbona, bħaż-żieda fin-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa, b'mod partikulari fir-rigward ta" l-iffaċilitar ta" attivitajiet R&D+i għall-SMEs; madankollu, jinnota li inċentivi fiskali bħal dawn m'għandhomx jintużaw bħala sussidji indiretti lil kumpaniji nazzjonali;

31.  Huwa konvint li l-politika fiskali għandha tiġi mfassla b'mod li twassal għal tkabbir immexxi mill-produttività fis-setturi kollha ta' l-ekonomija billi tippermetti lil min iħallas it-taxxa li jew inaqqas jew jitlob lura d-deprezzament fiskali fir-rigward ta' l-ispiża ta' l-R&D;

32.  Jemmen li d-differenza teknoloġika bejn l-Istati Membri ta' l-UE tfisser li hemm differenzi fil-politika fiskali, u jemmen li għandha tittieħed azzjoni f'livell Komunitarju meta azzjoni minn Stati Membri individwali ma tistax tipprovdi soluzzjoni effettiva; huwa ta' l-opinjoni li l-promozzjoni ta' prattiki tajba għat-tfassil ta' inizzjattivi tat-taxxa ta' l-R&D u l-koordinazzjoni aħjar tal-politika fiskali jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

Tassazzjoni tal-ħruġ

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta strateġija aktar proattiva fir-rigward ta' ċentri finanzjarji offshore;

34.  Jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li, fil-każ ta' trasferiment ta' assi f'pajjiż terz, in-nuqqas ta" koperazzjoni amministrattiva transkonfinali jiġġustifika l-ġbir immedjat ta' taxxi hekk kif l-assi joħorġu mill-pajjiż;

Trattament fiskali tat-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali

35.  Jinnota li każijiet dwar tassazzjoni jitressqu ta" spiss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u li dan jiġri l-aktar minħabba n-nuqqas ta' trasparenza u l-livell għoli ta' kumplessità tas-sistemi tat-tassazzjoni fl-Ewropa u, għaldaqstant, jitlob simplifikazzjoni tal-kodiċi fiskali fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; jemmen li, f'sitwazzjonijiet li jinvolvu telf transkonfinali minn sussidjarji barranin, it-tassazzjoni doppja tal-kumpaniji prinċipali għandha tiġi evitata, il-kompetenza fiskali għandha tkun imqassma b'mod ġust bejn l-Istati Membri, it-telf m'għandux jitpatta darbtjen u m'għandux ikun permess l-evitar tat-taxxa;

36.  Jinnota li mingħajr mezzi ta' kumpens għat-telf transkonfinali, il-kumpaniji se jippruvaw jiżguraw li l-profitti tagħhom jiġu ntaxxati f'pajjiżi fejn id-daqs tas-suq nazzjonali huwa kbir biżżejjed li jiġġenera biżżejjed profitt biex ipatti għal telf possibbli barra mill-pajjiż;

37.  Jikkunsidra li jeħtieġ li ssir ħidma għal sistema ta' kumpens għat-telf transkonfinali, kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-gruppi b'unitajiet barra mill-pajjiż; jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar trattament fiskali tat-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

38.  Jikkunsidra il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar trattament fiskali tat-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali bħala bażi għal aktar diskussjoni, speċifikament fir-rigward ta' soluzzjonijiet possibbli sakemm tkun applikata s-CCCTB li ġew identifikati fil-komunikazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kumpens u rkupru tat-telf mill-Istat Membru ospitanti;

o
o   o

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 569.
(2) ĠU C 286 E, 23.11.2006, p.229.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2007)0098.

Avviż legali - Politika tal-privatezza