Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0050/2008

Dibattiti :

PV 30/01/2008 - 7

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2008 - 8.12
CRE 31/01/2008 - 8.12

Testi adottati :

P6_TA(2008)0035

Testi adottati
PDF 233kWORD 70k
Il-Ħamis, 31 ta' Jannar 2008 - Brussell
Strateġija Ewropea għar-Roma
P6_TA(2008)0035RC-B6-0050/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Roma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 7, 29 u 149 tat-Trattat KE, li jobbligaw lill-Istati Membri sabiex jiżguraw opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea(1), ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità u d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll id-Deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri ta' l-UE għall-2007, ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-istabbiliment fl-2005 ta' L-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u ta' Fond għall-Edukazzjoni għar-Roma minn numru ta' Stati Membri ta' l-UE, pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra li fihom l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea għandhom preżenza sinifikanti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni komprensiv, adottat mill-Istati parteċipanti ta' l-OSCE, fosthom l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi kandidati, li hu ffukat fuq it-titjib tal-qagħda tar-Roma u s-Sinti fiż-żona ta' l-OSCE, fejn l-Istati jintrabtu fost l-oħrajn li jsaħħu l-isforzi tagħhom bil-għan li jiġi żgurat li r-Roma u s-Sinti jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ u ndaqs fis-soċjetajiet tagħna, kif ukoll biex tinqered id-diskriminazzjoni kontrihom,

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Istatut ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti Konsulenti ta' Livell Għoli dwar l-Integrazzjoni Soċjali tal-Minoranzi Etniċi u s-Sehem Sħiħ tagħhom fis-Suq tax-Xogħol, intitolat 'Minoranzi Etniċi fis-Suq tax-Xogħol - Sejħa Urġenti għal Inklużjoni Soċjali Aħjar', li kien ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi hemm bejn 12 u 15-il miljun Roma joqogħdu fl-Ewropa, li minnhom madwar 10 miljuni joqogħdu fl-Unjoni Ewropea, li jbatu minn diskriminazzjoni razzjali u f'bosta każijiet huma suġġetti għal diskriminazzjoni strutturali serja, għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali, kif ukoll għal diskriminazzjoni multipla minħabba s-sess, l-età, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali; billi maġġoranza tar-Roma Ewropej saru ċittadini ta' l-UE wara t-tkabbir ta' l-2004 u dak ta' l-2007, biex b'hekk bdew jibbenefikaw mid-dritt taċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri,

B.   billi r-Roma Ewropej, li storikament ilhom parti mis-soċjetà f'ħafna pajjiżi Ewropej u kkontribew ħafna għaliha, jinsabu f'sitwazzjoni li hija distinta minn dik tal-minoranzi nazzjonali Ewropej, u b'hekk tiġġustifika miżuri speċifiċi fil-livell Ewropew,

C.   billi ċ-ċittadini Roma ta' l-UE ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni razzjali fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea għall-moviment ħieles u l-istabiliment,

D.   billi ħafni individwi u komunitajiet Roma li ddeċidew li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ta' l-UE li hu differenti minn dak tac-cittadinanza nazzjonali taghhom huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli,

E.   billi kien hemm nuqqas ta' progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali mar-Roma u fid-difiża tad-drittijiet tagħhom fl-edukazzjoni, fl-impjieg, fis-saħħa u fid-djar, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi kandidati,

F.   billi segregazzjoni fl-edukazzjoni tkompli tkun ittollerata fl-Istati Membri; billi tali diskriminazzjoni fl-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità taffettwa b'mod persistenti l-abilità tat-tfal tar-Roma biex jiżviluppaw u jgawdu d-drittijiet tagħhom għal żvilupp edukattiv,

G.   billi l-edukazzjoni hija għodda fundamentali fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, l-isfruttament u l-kriminalità,

H.   billi jeżistu kundizzjonijiet ta' għajxien inferjuri u mhux sani u hemm evidenza ta' formazzjoni ta' ghettos fuq skala kbira, bir-Roma li b'mod regolari huma vittmi ta" tkeċċija sfurzata jew ma jitħallewx joħorġu mill-viċinat,

I.   billi, bħala medja, il-komunitajiet tar-Roma jħabbtu wiċċhom ma' livelli għolja u inaċċettabbli ta' qgħad, tant li jinħtieġu miżuri speċifiċi biex jitħaffef l-aċċess għall-impjiegi; billi s-suq Ewropew tax-xogħol, kif ukoll is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi, jibbenefikaw bil-kbir bl-inklużjoni tar-Roma,

J.   billi l-UE toffri bosta mekkaniżmi u għodod differenti li jistgħu jintużaw biex jitjieb l-aċċess tar-Roma għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, l-impjiegi, id-djar u s-saħħa, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali u l-politiki reġjonali u ta' l-impjiegi,

K.   billi l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet tar-Roma hu għan li għad irid jintlaħaq u li l-istrumenti ta' l-UE jeħtieġ li jintużaw sabiex tintlaħaq bidla effettiva u viżibbli f'dan il-qasam,

L.   billi hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva tar-Roma fil-ħajja politika, partikolarment fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja u l-benesseri tar-Roma,

M.   billi l-anti-żingariżmu jew ir-Romafobija għadha mifruxa ma' l-Ewropa u hija mħeġġa u użata mill-partiti politiċi ultra-nazzjonalisti u mill-partiti tal-lemin, li jwasslu għal attakki razzisti, diskorsi ta' mibegħda, attakki fiżiċi, tkeċċija illegali u fastidju mill-pulizija,

N.   billi l-maġġoranza tan-nisa Roma jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja bħala Roma u bħala nisa,

O.   billi l-Olokawst tar-Roma (Porajmos) jistħoqqlu rikonoxximent sħiħ li huwa proporzjonat għall-gravità tad-delitti Nazisti li kellhom l-għan li jeliminaw fiżikament ir-Roma ta' l-Ewropa kif ukoll il-Lhud u gruppi oħra fil-mira;

1.  Jikkundanna għal kollox u mingħajr ekwivoki l-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ir-Roma u oħrajn meqjusa bħala "Żingari";

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 kif ġej: "konxju mill-qagħda tassew speċjali li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni biex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom" u "jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-politiki u l-istrumenti eżistenti u biex tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar sa tmiem Ġunju 2008.";

3.  Jikkunsidra li l-UE u l-Istati Membri għandhom responsabilità konġunta biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Roma u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini Ewropej, u jeħtieġ b'mod urġenti li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiksbu riżultati li jidhru f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex japprovaw il-miżuri meħtieġa sabiex jinħoloq l-ambjent soċjali u politiku adegwat biex tiġi implimentata l-inklużjoni tar-Roma;

4.  Iħeġġeġ sabiex l-Aġenzija ġdida għad-Drittijiet Fundamentali tqiegħed l-anti-żingariżmu fost il-prijoritajiet l-aktar għolja tal-programm ta' ħidma tagħha;

5.  Jafferma mill-ġdid l-irwol importanti ta' l-UE fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma li ħafna drabi hi strutturali u għalhekk teħtieġ approċċ komprensiv fil-livell ta' UE b'mod partikulari fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' politiki komuni, waqt li jirrikonoxxi li l-kompetenzi kruċjali u l-investiment primarju tar-rieda politika, tal-ħin u tar-riżorsi fil-ħarsien, l-implimentazzjoni ta' politiki, tal-promozzjoni u l-awtorizzazzjoni tar-Roma jinsab għand il-gvern nazzjonali ta' l-Istati Membri;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Strateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma bl-għan li jkun hemm koerenza fil-politika fil-livell ta' l-UE dwar l-inklużjoni soċjali tar-Roma u fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfassal Pjan ta' Azzjoni Komunitarju komprensiv għall-Inklużjoni tar-Roma bl-għan li jipprovdi għajnuna finanzjarja għat-twettiq ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal b'mod komprensiv Pjan Komunitarju ta' Azzjoni dwar l-inklużjoni tar-Roma, waqt li jinnota li l-pjan irid ikun imfassal u implimentat mill-grupp ta' Kummissarji li għandhom ir-responsabilità għall-inklużjoni soċjali taċ-ċittadini ta' l-UE permezz tal-portafolli tagħhom ta' l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-opportunitajiet indaqs, il-ġustizzja, il-libertà, l-edukazzjoni, il-kultura u l-politika reġjonali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti r-responsabbilita? lil wieħed mill-Membri tagħha għall-koordinazzjoni ta' politika għar-Roma;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timplimenta l-metodoloġija ta' ħidma "Roma lil Roma" bħala għodda effettiva biex tittratta kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-Roma u jitlobha biex tippromwovi l-istaff ta' etniċità Roma fl-istruttura tagħha;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi unità tar-Roma li tikkoordina l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tikkoordina l-azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri, u tiżgura l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tar-Roma fil-korpi relevanti kollha;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel mill-impatt ta' investimenti privati fuq l-opportunitajiet indaqs fattur rilevanti u ta' responsabilità fir-rilaxx ta' fondi ta' l-UE, billi tobbliga lil dawk l-individwi u/jew persuni ġuridiċi li jagħmlu offerti għal proġetti ffinanzjati mill-UE biex ifasslu u jimplimentaw kemm analiżi kif ukoll pjan ta' azzjoni dwar l-opportunitajiet indaqs;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi mħabbra mill-Kummissjoni, inklużi l-komunikazzjoni dwar l-istrateġija riveduta għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-green paper li ser toħroġ dalwaqt dwar l-edukazzjoni ta' studenti li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni jew li jagħmlu parti minn minoranza żvantaġġata, u l-intenzjoni li jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat l-infurzar tad-Direttiva 2000/43/KE; b'mod partikolari jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf forum ta' livell għoli għar-Roma, bħala struttura għall-iżvilupp ta' politiki effettivi biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet tar-Roma;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mappa tal-kriżijiet li tkopri lill-Ewropa kollha, li tkejjel u tagħmel stħarriġ f'dawk iz-zoni fl-UE fejn il-komunitajiet huma l-aktar milquta mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-opportunitajiet li jsaħħu l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, b'enfasi fuq it-tneħħija tas-segregazzjoni u sabiex tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament fi żmien sena wara l-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni; itenni li l-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għandu jkun prijorità fi ħdan strateġija Ewropea dwar ir-Roma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tiffinanzja u tappoġġja azzjonijiet fl-Istati Membri li jfittxu li jintegraw lit-tfal tar-Roma fis-sistema tradizzjonali ta' l-edukazzjoni sa minn età żgħira; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi li jsaħħu azzjoni pożittiva għar-Roma fl-oqsma ta' l-edukazzjoni sekondarja u ogħla, inklużi t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għall-adulti, it-tagħlim matul il-ħajja kollha u l-edukazzjoni universitarja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi oħra li jipprovdu mudelli pożittivi u ta' suċċess tan-nuqqas tas-segregazzjoni;

15.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiġġieldu l-isfruttament tat-tfal Roma, il-fatt li jiġu sfurzati biex jittallbu u l-assenteiżmu tagħhom mill-iskola, kif ukoll it-trattament ħażin tan-nisa Roma;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-integrazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri bħall-għajnuna finanzjarja għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, miżuri li jsaħħu azzjoni pożittiva fis-suq tax-xogħol, infurzar rigoruż tal-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-impjieg, u miżuri biex jitħeġġeġ l-impjieg ta' persuni li jaħdmu għal rashom għar-Roma u għal negozji żgħar tar-Roma;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibilità ta' skema ta' mikrokreditu kif proposta fir-rapport imsemmi hawn fuq tal-Grupp ta' Esperti Konsulenti ta' Livell Għoli, biex titħeġġeġ it-tnedija ta' negozji żgħar u biex tiġi sostitwita l-prattika ta' l-użura li qed tfarrak ħafna komunitajiet żvantaġġati;

18.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi nazzjonali sistematiċi bl-għan li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-komunitajiet tar-Roma titjieb b'mod partikolari billi jiddaħħal pjan adegwat għat-tilqim tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex itemmu u jirranġaw b'mod adegwat mingħajr dewmien l-esklużjoni sistematika ta' ċertu komunitajiet tar-Roma mill-kura tas-saħħa, inklużi imma mhux limitati għall-komunitajiet f'żoni ġeografikament iżolati u kif ukoll l-abbużi estremi fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tal-kura tas-saħħa, fejn dawn seħħew jew qed iseħħu, inkluża s-segregazzjoni razzjali fil-faċilitajiet tas-saħħa u l-isterilizzazzjoni sfurzata tan-nisa tar-Roma;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibni fuq mudelli pożittivi eżistenti ħalli tappoġġja programmi bl-għan li jtemmu kwartieri foqra tar-Roma, li joħolqu riskji gravi soċjali, ambjentali u oħrajn ta' saħħa, f'dawk l-Istati Membri fejn jeżistu, u sabiex tappoġġja programmi oħra li jipprovdu mudelli pożittivi u ta' suċċess ta' djar għar-Roma, inklużi l-migranti tar-Roma;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isolvu l-problema tal-kampijiet, fejn ma jkun hemm l-ebda standard ta' iġjene u sikurezza u fejn imutu għadd kbir ta' tfal tar-Roma f'inċidenti domestiċi, b'mod partikolari nirien, ikkawżati min-nuqqas ta' livelli xierqa ta' sikurezza;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jallinjaw il-politika ta" l-UE dwar ir-Roma ma" l-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u sabiex jagħmlu użu mill-inizjattivi eżistenti bħall-Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma, il-Pjan ta' Azzjoni OSCE u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa biex iżidu l-effikaċja ta' l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva ta' l-isforzi li qed isiru biex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Roma u biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-komunità tar-Roma mill-bidu sabiex ir-Roma jingħataw il-possibilità li jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-inċentivi pprovduti mill-UE mmirati lejn il-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom u l-inklużjoni tal-komunitajiet tagħhom, sew jekk fil-qasam ta' l-edukazzjoni, jew ta' l-impjiegi jew tal-parteċipazzjoni ċivika, minħabba l-fatt li sabiex l-integrazzjoni tkun suċċess, għandha tinvolvi approċċ axxendenti u responsabilitajiet konġunti; jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati r-riżorsi umani u l-kapaċitajiet professjonali tar-Roma, bl-għan li ssir promozzjoni ta" l-involviment ar-Roma fl-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha, inklużi l-istituzzjonijiet ta' l-UE;

24.  Ifakkar li l-pajjiżi kandidati kollha impenjaw ruħhom, fil-proċess tan-negozjati u ta' l-adeżjoni, li jtejbu l-inklużjoni tal-komunitajiet tar-Roma u jippromwovu d-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa u d-djar; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dawk l-impenji u tas-sitwazzjoni attwali tar-Roma fl-Istati Membri kollha;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet relevanti sabiex jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex ineħħu r-razzett tal-ħnieżer mill-post fejn qabel kien hemm kamp ta' konċentrament f'Lety (fir-Repubblika Ċeka) u joħolqu tifkira li turi rispett għall-vittmi tal-persekuzzjoni;

26.  Jikkunsidra li hu għandu jeżamina f'iktar dettall aspetti differenti ta' l-isfidi tal-politika Ewropea fir-rigward ta' l-inklużjoni tar-Roma;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill ta" l-Ewropa u lill-OSCE.

(1) ĠU C 45 E, 23.2.2006, p.129.
(2) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p.283.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2007)0534.

Avviż legali - Politika tal-privatezza