Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2211(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0075/2008

Testi mressqa :

A6-0075/2008

Dibattiti :

PV 09/04/2008 - 26
CRE 09/04/2008 - 26

Votazzjonijiet :

PV 10/04/2008 - 11.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0124

Testi adottati
PDF 328kWORD 124k
Il-Ħamis, 10 ta' April 2008 - Brussell
Aġenda Ewropea tal-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni
P6_TA(2008)0124A6-0075/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea tal-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni (2007/2211(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013)(1),

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-edukazzjoni, ix-xjenza u l-kultura (Konvenzjoni Unesco dwar il-Protezzjoni tad-Diversità Kulturali) dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta' l-espressjonijiet kulturali, ta' l-20 ta' Ottubru 2005,

-   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2006/515/KE tal-Kunsill tat-18 ta" Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ''Edukazzjoni, żgħożija u kultura" ta' l-24 u l-25 ta' Mejju 2007 dwar il-kontribut tas-setturi kulturali u kreattivi għall-kisba ta' l-għanijiet ta' Lisbona(9021/2007),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-Ewropa fid-dinja – proposti konkreti bil-għan li jissaħħu l-koerenza, l-effikaċja u l-viżibilità (COM(2006)0278),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta" l-10 ta" Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja ta' globalizzazzjoni (COM(2007)0242) kif ukoll id-dokument ta' xogħol tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea mehmuż ma' din il-komunikazzjoni (SEC(2007)0570),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta" Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għal Kultura(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2001 dwar il-koperazzjoni kulturali fl-Unjoni Ewropea(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Settembru 2003 dwar l-Industriji Kulturali(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta" Marzu 2007 dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta' Ottubru 2005 dwar il-ġestjoni transkonfinali kollettiva tad-dritt ta" l-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi(6),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura, l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0075/2008),

A.   billi, mingħajr preġudizzju għall-ikbar ftuħ, u l-iktar wieħed mixtieq, għall-kulturi l-oħra kollha, l-Unjoni Ewropea għandha b'mod partikulari l-obbligu li tipproteġi l-għana kulturali ta' l-Ewropa, peress li l-patrimonju kulturali Ewropew għandu jiġi ppreservat, imxerred u maqsum kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll barra, fid-dimensjonijiet kollha tiegħu u bil-mezzi kollha,

B.   billi, l-arti u l-kultura huma mezzi li jwasslu għal espressjoni u awto-konoxxenza ikbar fl-iżvilupp personali u soċjali, u jippermettu lill-individwi u lill-komunitajiet biex jindokraw il-patrimonju u l-memorja tagħhom, u biex isawru l-kunċetti dwar il-ġejjieni individwali u kollettiv,

C.   billi, l-arti u l-kultura jiftħu forom ġodda ta" djalogu, joħolqu spazji ta" fehim kulturali u jippermettu lill-individwi li jmorru lil hinn minn perċezzjonijiet esklussivi dwar l-identità tagħhom,

D.   billi, bħala qasam ta" skambju, dibattitu u kreattività u tal-produzzjoni ta" l-ideat, l-arti u l-kultura jinkuraġġixxu impenn u parteċipazzjoni ċivika,

E.   billi l-patrimonju kulturali Ewropew, inkluż fid-diversità ta' l-espressjonijiet tiegħu u f'kif jingħaqdu l-matriċi prinċipali tiegħu, bħal pereżempju l-antikità Griega u Rumana u l-Ġudeo-Kristjaniżmu, fis-sens storiku, qiegħed lill-Ewropa fuq quddiem nett ta'l-kontinenti kollha, wera li huwa magna unika ta' żvilupp u ta' progress, infirex f'kull direzzjoni, u għadu sal-lum jikkostitwixxi referenza essenzjali għall-umaniżmu, ta' għana u ta' animazzjoni spiritwali, demokrazija, tolleranza u ċittadinanza,

F.   billi, f'dinja dejjem iktar globalizzata, l-għana kulturali Ewropea tippreżenta konfigurazzjoni nukleari li l-karatteristiċi speċifiċi u markanti tagħha jikkostitwixxu valur miżjud Ewropew u li l-irwol identitarju tagħha huwa essenzjali għall-Ewropa u għall-Unjoni, sabiex tiġi mifhuma d-dinja, tiġi garantita l-koeżjoni tagħha, tiġi mmarkata d-differenza tagħha u biex tafferma ruħha mal-popli l-oħra,

G.   billi kemm il-flessibilità u kemm il-mobilità huma intrinsiċi għall-prattika tal-professjonijiet artistiċi,

H.   billi l-produzzjonijiet artistiċi jlaqqgħu flimkien kemm lill-artisti Ewropej u kemm lil dawk mhux Ewropej, u billi l-mobilità ta" l-artisti qiegħda tixxekkel minn politiki nazzjonali li jitolbu l-viżi minn persuni li jivvjaġġaw fl-UE,

I.   billi l-espressjonijiet partikulari tal-projjezzjoni storika tal-patrimonju kulturali Ewropew f'kontinenti oħra għandhom iwasslu għal azzjonijiet privileġġati li jenfasizzaw il-fatturi ta' kostruzzjoni taċ-ċivilizzazzjoni, tal-komprensjoni reċiproka u ta' l-approċċ kostruttiv bejn il-popli li huma jirrappreżentaw,

J.   billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom sehem partikularment importanti fl-iżvilupp u l-ikkonsolidar tal-kultura, b'mod speċjali permezz tal-ħarsien tal-patrimonju kulturali u tal-promozzjoni ta" l-innovazzjoni artistika ġewwa l-fruntieri tagħhom – fattur li għandu jitqies sewwa fl-organizzazzjoni mill-ġdid ta' l-aġenda Ewropea għall-kultura fid-dawl tal-globalizzazzjoni,

K.   billi l-immigranti mhux Ewropej, it-turisti u viżitaturi huma obbligati li jirrispettaw il-patrimonju kulturali ta" l-Ewropa, li fl-Istati Membri għandu status privileġġjat,

L.   billi, min-naħa l-waħda, il-ħallieqa, l-artisti, u l-industriji kulturali Ewropej għandhom rwol deċiżiv fil-ħolqien ta" identità kulturali Ewropea, fil-valuri komuni, u fl-iżvilupp kontinwu taċ-ċittadinanza Ewropea li, waqt li tittraxxendi l-istat nazzjon, tirrikonoxxi wkoll id-diversità kulturali fuq skala Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lingwistika,

M.   billi, min-naħa l-oħra, il-ħallieqa, l-artisti, u l-industriji kulturali Ewropej għandhom ukoll impatt reali fuq l-introjtu ekonomiku, fuq is-sorsi ta" ġid, u fuq il-ħolqien ta" l-impjiegi fl-UE,

N.   billi l-progress teknoloġiku jfisser li l-prodotti kulturali kull ma jmorru qegħdin jiġu prodotti, jixxerrdu u jiġu kkunsmati f'forma diġitali, u l-politika trid tqis dan l-iżvilupp,

O.   billi l-industriji kulturali Ewropej isibu lilhom infushom fi spazju protett rigward ir-regoli tal-kummerċ, li jirrifletti b'mod adegwat il-perċezzjonijiet Ewropej li l-prodotti u s-servizzi kulturali huma differenti minn prodotti u servizzi ta' natura oħra, u li jeħtieġu regoli speċifiċi,

P.   billi l-mużewijiet u l-istituzzjonijiet kulturali l-kbar fil-livell ta' l-UE kull ma jmorru qegħdin jagħmlu skambji ta' importanza ekonomika ma' istituzzjonijiet simili minn postijiet oħra fid-dinja, u li qegħdin iħallu introjtu sostanzjali minbarra dak li jidħol mit-turiżmu,

Q.   billi l-patrimonju storiku, kulturali u arkeoloġiku ta' l-Istati Membri jistħoqqlu l-akbar ħarsien mir-riskji ta' l-esportazzjoni illegali u tal-kummerċ illeċitu b'mod ġenerali, skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' l-14 ta' Novembru 1970 dwar il-Mezzi għall-Projbizzjoni u l-Prevenzjoni ta' l-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Trasferiment tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali Illeċiti u ta' strumenti internazzjonali oħra li japplikaw,

R.   billi l-UE għandha turi solidarjetà fil-ħarsien tal-patrimonju kulturali ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk li għandhom setturi kulturali l-aktar dgħajfa, u għandha timpedixxi b'mod attiv l-importazzjoni illegali ta' xogħlijiet kulturali li huma mħarsa fl-Istat ta' l-oriġini tagħhom,

S.   billi l-bilanċ kummerċjali ta' l-UE għall-prodotti u s-servizzi kulturali m'huwiex favorevoli,

T.   billi l-globalizzazzjoni ekonomika u ż-żieda fl-industriji kulturali globali huma ta' sfida għad-diversità lingwistika u kulturali li huma valuri fihom infushom, u b'hekk huwa importanti li tinstab strateġija komuni Ewropea għal dawn l-isfidi,

U.   billi l-industrija tat-turiżmu, u s-servizzi marbuta magħha, hija waħda mill-punti fejn jiltaqgħu l-kummerċ u l-kultura internazzjonali, u fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi tista' tkun l-aħjar mezz biex id-destinazzjonijiet kulturali Ewropej jiġbdu aktar attenzjoni fuqhom filwaqt li fl-istess ħin ikunu ta' ġid għall-kummerċ, u b'hekk jgħinu biex jiżguraw is-sostenibilità soċjali, kulturali u ambjentali,

V.   billi ftit li xejn hemm statistika affidabbli u sinifikattiva dwar il-kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi kulturali,

W.   billi t-teknoloġiji diġitali għandhom jiġu mifhuma bħala opportunità oriġinali għat-tixrid globali ta' prodotti u servizzi kulturali li jistgħu jġibu 'l quddiem l-fehim interkulturali skond il-premessa ta' l-aċċess liberu u ġust kif ukoll tad-differenzi kulturali u lingwistiċi,

X.   billi t-teknoloġiji ġodda tal-midja, fosthom portali u servizzi ta" l-internet "open source" u l-iżvilupp tagħhom, kull ma jmorru qegħdin jiksbu aktar kontenut sabiex ikunu kompetittivi,

Y.   billi dawn l-iżviluppi joffru sfidi li qatt ma kien hemm bħalhom jirrikjedu raġunar ġdid dwar kif għandhom ikunu trattati u regolati kwistjonijiet li jeffettwaw il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-piraterija u d-diġitalizzazzjoni mhix awtorizzata, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta' bilanċ xieraq bejn aċċess ġust għal prodotti u servizzi kulturali u ta' suriet ġodda ta' ħolqien artistiku u intellettwali,

Z.   billi l-iffalsifikar u l-piraterija ta' prodotti kulturali jwasslu għat-telf ta' l-impjiegi fl-UE u jimminaw il-kompetittività ta' l-industriji kulturali u l-kwalità tal-prodotti, li jħallu effett b'mod partikolari fuq Stati Membri li jiġbru l-introjtu bażiku tagħhom mill-ġenerazzjoni ta' prodotti kulturali u mill-użu tagħhom għal skopijiet ekonomiċi,

AA.   billi l-Kummissjoni ngħatalha l-poter finali li tħares id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta" l-industriji Ewropej fil-fora internazzjonali kollha kif ukoll rigward xi msieħba kummerċjali li m'għandhomx leġiżlazzjoni adegwata f'dan il-qasam,

AB.   billi l-kultura hija inkluża b'mod speċifiku fil-ftehimiet ta" kummerċ ħieles (FTAs) ta' l-UE u fi strumenti oħra tal-kummerċ,

AC.   billi l-kultura u l-lingwa huma forzi li jagħtu spinta lill-iżvilupp reġjonali u jgħinu b'mod qawwi l-attrazzjoni ta' l-investiment akkwistat, b'mod speċjali f'reġjuni sottożviluppati, foqra fir-riżorsi naturali jew f'attrazzjonijiet turistiċi, u billi artisti u istituzzjonijiet kulturali għandhom l-irwol deċiżiv fil-formazzjoni ta' l-identità ta" reġjuni u fiż-żieda ta" l-attrazzjoni tagħhom u fil-proċess ta" l-integrazzjoni Ewropea,

AD.   billi l-kultura hija partikolarment importanti għall-iżvilupp ta" bliet (b'mod speċjali dawk żgħar u ta" daqs medju), bħala settur li jipprovdi x-xogħol u jrawwem it-tkabbir ekonomiku u billi, fl-isfera soċjali, l-identità kulturali hija fattur importanti li jiffavorixxi l-integrazzjoni u koeżjoni soċjali akbar fir-reġjuni u fil-komunitajiet lokali,

AE.   billi jista" jingħata appoġġ fi ħdan il-politiki għall-koeżjoni u l-iżvilupp rurali għat-twaqqif mill-ġdid tal-patrimonju kulturali u l-promozzjoni ta" snajja artistiċi bil-għan li r-reġjuni jsiru aktar attraenti,

AF.   billi l-SMEs u l-kapital privat għandhom rwol dejjem aktar importanti fis-settur kulturali u għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni ta" proġetti u miżuri f'dan il-qasam, partikolarment permezz ta" sħubiji pubbliċi-privati (PPPs),

1.  Jilqa" l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġenda Ewropea għall-kultura u jappoġġja l-għanijiet mistqarra fiha; ifakkar li huwa enfasizza f'bosta okkażjonijiet l-irwol essenzjali u strutturali tal-kultura fl-implimentazzjoni fl-istrateġija ta' Liżbona u fil-kostituzzjoni ta' kolonna ġdida ta' iggvernar globali u ta' żvilupp sostenibbli;

2.  Bl-istess mod jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq intlaqgħet tajjeb mill-Kunsill, kif jidher fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta" Novembru 2007;

3.  Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp u t-trawwim tal-kultura, b'mod speċjali fil-ħarsien tal-patrimonju kulturali, fil-promozzjoni ta" l-innovazzjoni artistika u fl-industriji kreattivi;

4.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra l-mobilità ta" l-artisti u tal-professjonisti fil-qasam kulturali;

5.  Jirrimarka l-ħtieġa tal-promozzjoni tad-dħul fix-xena u tal-mobilità ta' l-artisti żgħażagħ Ewropej;

6.  Jiddispjaċih li fit-tfassil ta" aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja globalizzata ma saret l-ebda referenza għall-irwol tan-numru kbir ta" sħubijiet bejn l-ibliet, l-awtoritajiet lokali u reġjuni;

7.  Jenfasizza l-fatt li s-settur kulturali għandu sehem importanti fil-kisba ta" l-objettivi ta" l-istrateġija mġedda ta" Liżbona, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-kultura fil-ħolqien ta" ambjent tajjeb u dinamikament ħaj, notevolment permezz ta" l-opportunitajiet tremendi li joffri t-turiżmu kulturali għall-iżvilupp ekonomiku ta' bosta reġjuni;

8.  Jirrimarka li, fid-dawl ta" l-Artikolu 151 tat-Trattat, kull azzjoni fis-settur tal-kultura m'għandiex ixxekkel id-diversità kulturali u l-identitajiet nazzjonali u tista' tkun biss fis-sura ta" politiki ta' koperazzjoni u ftehimiet ta' sħubiji bejn l-Istati Membri; jirrimarka wkoll r-rwol tar-reġjuni ta" l-Unjoni Ewropea bħala forum importanti għall-koperazzjoni kulturali;

9.  Huwa mħasseb li l-komunikazzjoni tonqos milli tiċċara l-problema kurrenti dwar in-nuqqas ta' ftehim rigward il-kultura relatata mal-forom ta' l-arti kontemporanji u tradizzjonali, il-patrimonju Ewropew u l-"industriji kreattivi" kummerċjali li jagħmlu l-qligħ. Barra minn hekk, ġeneralment l-objettivi stipulati fl-aġenda jagħtu lil wieħed x'jifhem li l-kultura għandha valur soċjali, ekonomiku, politiku u b'mod ġenerali "strumentali", iżda mħasseb li dawn l-objettivi ma jinkludux il-kwistjoni tal-kultura bħala valur fiha nnfisha (culture qua culture);

10.  Huwa mħasseb li d-dibattitu dwar id-djalogu interkulturali u kulturali u dwar x'irridu ngħidu bil-kelma "kultura", wieħed jifhem li l-kultura tgħaqqad lin-nies flimkien iżjed milli tkun ta' medjatur tad-differenzi. F'dan il-kuntest, nistgħu nikkwotaw lil Jean Monnet: iż-żgħażagħ "li jkunu midħla ta" dak kollu li huwa kbir u tajjeb fil-kulturi differenti, bla ma jieqfu jħarsu lejn artijiethom b'imħabba u bi kburija, dawn isiru Ewropej";

11.  Iqis li, għall-implimentazzjoni kompleta u koerenti ta' l-Artikolu 151(4) tat-Trattat, l-ispeċifikazzjonijiet tas-settur kulturali, b'mod partikulari l-potenzjal kreattiv u innovattiv tiegħu u t-tifsira soċjali tiegħu, għandhom jitqiesu bħala assi kulturali u ekonomiċi, sabiex il-kultura terġa' ssib bis-sħiħ il-post li jistħoqqilha fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

12.  Jemmen li l-objettiv tal-Kummissjoni li tkompli tiżviluppa iżjed id-djalogu mas-soċjetà ċivili fis-settur kulturali huwa kruċjali sabiex tiġi żviluppata aġenda Ewropea koerenti għall-kultura, u jemmen li huwa biss permezz ta" djalogu strutturat bħal dan li l-politiki Ewropej ikunu jistgħu jirriflettu b'mod ġenwin ir-realtajiet u l-ħtiġijiet ta' l-artisti Ewropej u ta' l-operaturi kulturali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rakkomandazzjonijiet dwar il-ħarsien ta" sistemi ta" ġestjoni tad-drittijiet diġitali li jqisu bl-istess mod il-ħtiġijiet tas-suq intern ta' l-UE u tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni tad-Diversità Kulturali;

14.  Jenfasizza li l-produttività kulturali u l-kreattività ta" l-artisti trid tiġi garantita b'mod sostenibbli, u li dan jassumi minn qabel sitwazzjoni soċjali sigura għall-artisti, inkluż qafas legali xieraq fil-qasam tat-taxxa, tax-xogħol, tas-sigurtà soċjali u tal-liġi tad-drittijiet ta" l-awtur;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqajmu l-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni tad-Diversità Kulturali fuq saqajha u biex iqisu bis-sħiħ il-prinċipji inerenti fil-politiki interni u esterni;

16.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Komunità hi marbuta bid-dmir li timplimenta l-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni tad-Diversità Kulturali meta teżerċita l-kompetenzi tagħha f'oqsma ta" politika koperti mill-Konvenzjoni, jiġifieri "l-politika kummerċjali komuni, il-politika dwar il-koperazzjoni fl-iżvilupp, il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma" pajjiżi terzi, il-moviment ħieles ta" l-oġġetti, tal-persuni, tas-servizzi u l-kapital, il-kompetizzjoni, u s-suq intern, inkluża l-proprjetà intellettwali"(7);

17.  Jemmen li l-programmi Komunitarji li huma disponibbli attwalment fis-settur tal-kultura mhumiex biżżejjed għas-sitwazzjoni marbuta mal-patrimonju kulturali komuni ta' l-Ewropej, u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposta għal ħolqien ta' programmi speċifiċi li jrawmu l-kreattività artistika u jippermettu, b'mod iktar vast u profond, li jinżamm il-kuntatt ma' l-oġġetti u l-valuri, materjali u immaterjali, li jintegraw il-patrimonju kulturali Ewropew, li jiffaċilitaw l-interazzjoni tagħhom fil-komprensjoni umanista ta' l-identitajiet u tad-differenzi kif ukoll fil-produzzjoni kulturali attwali, u li jippermettu li wieħed jibbenefika minnhom u jaqsamhom;

18.  Jirrimarka li l-UE għandha rwol essenzjali x'tilgħab fit-teħid ta" miżuri prattiċi li jwasslu b'mod ġenwin għall-mobilità ta" artisti Ewropej u t'oħrajn mhux Komunitarji;

19.  Jenfasizza li l-programmi kollha tas-settur tal-kultura għandu jkollhom aspetti ferm pożittivi f'dak li għandu x'jaqsam mal-koeżjoni, il-konverġenza reali, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, l-impjieg u l-kompetittività;

20.  Jitlob biex tiddaħħal viża speċjali għall-artisti sabiex ikunu jistgħu jaċċettaw minnufih offerti qosra ħafna ta' impenn professjonali;

21.  Jerġa" jtenni l-importanza strateġika tal-proġett kulturali attraenti ta' l-UE – l-iskema tal-Kapitali tal-Kultura Ewropea – li jagħti spinta sinifikanti lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta" l-ibliet u r-reġjuni billi jinjetta valur miżjud Ewropew;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikulari għall-koperazzjoni b'saħħita u effettiva bejn l-Ibliet Kapitali tal-Kultura Ewropea ta' bejn l-2007 u l-2011 u n-Netwerk ta" l-Ibliet Kulturali ta" l-2010, li jlaqqa" flimkien iżjed minn mitejn belt mill-Ungerija, il-Ġermanja u t-Turkija biex jaħdmu flimkien fuq l-iżvilupp ta" l-objettivi kulturali Ewropej tagħhom, biex jissieħbu fil-proġett Kapitali tal-Kultura fit-tħejjijiet tagħhom għall-2010 u biex jippreżentaw il-proġetti tagħhom b'mod simultanju f'firxa vasta ta' postijiet differenti;

23.  Isostni li l-mobilità u l-flessibilità huma l-uniċi mezzi biex tiġi żgurata s-sopravivenza ta" l-attività reattiva fl-Istati Membri individwali u biex titrawwem identità kulturali Ewropea;

24.  Jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jitfassal programm bil-għan li jissaħħaħ il-patrimonju klassiku Ewropew u l-kontribuzzjonijiet storiċi u kulturali nazzjonali tul is-sekli u fid-dimensjonijiet kollha, u li dan il-programm għandu jeżisti b'mod paralleli mal-programm ta' qafas ''Kultura 2007-2013'' u jikkumpletah, filwaqt li jqis kif jixraq il-ħtiġijiet tas-settur kulturali fil-ġejjieni;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintensifika l-politiki ta' appoġġ għat-traduzzjoni litterarja previsti fil-"Programm Kultura (2007-2013)";

26.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq programm bil-għan li tiġi valorizzata il-promozzjoni tal-lingwi Ewropej fid-dinja u l-irwol tagħhom fil-ħolqien kulturali tal-kontinenti l-oħra, b'tali mod illi tiffaċilita kemm l-għarfien u l-komprensjoni reċiproċi kif ukoll l-interazzjoni kulturali iġġenerata u trasportata permezz ta' dawn il-lingwi fl-aspetti extra-Komunitarji tagħhom;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ u tippromwovi l-iskambji kulturali internazzjonali u l-ksib ta' ħiliet kulturali u tal-multilingwiżmu fost iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea;

28.  Jenfasizza li, b'segwitu għall-għażla ta' l-2008 bħala s-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali, l-Unjoni Ewropea għandha tpoġġi l-valuri tad-djalogu interkulturali fil-prattika u tiftaħ lilha nnfisha għal kulturi oħra u tippromwovi u tiżviluppa opportunitajiet għal koperazzjoni billi tipproponi firxa interessanti ta" programmi kulturali għall-pajjiżi terzi Ewropej, b'mod partikulari dawk koperti mill-Politika Ewropea għall-Viċinat (ENP), li għalihom l-involviment f'programmi kulturali konġunti għandu jkollu influwenza ta" mobilizzazzjoni tabilħaqq importanti;

29.  Jipproponi li jkun hemm impenn tal-Parlament, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri sabiex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-kultura u għall-ħolqien kulturali fuq il-livelli kollha tal-ħajja ta' l-Unjoni u speċjalment f'dak li jikkonċerna l-familja, l-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, il-komunikazzjoni soċjali u d-dinja tat-teknoloġiji diġitali;

30.  Isostni li proġetti kulturali speċifiċi, bħal-librerija diġitali Ewropea, għandhom jibqgħu jiġu promossi fuq livell Ewropew; jitlob biex il-librerija tiġi stabbilita b'mod iżjed rapidu;

31.  Jappoġġja d-diversi ftehimiet ta' sħubija kulturali bejn l-ibliet, il-komunitajiet u r-reġjuni, li huma ta' importanza kbira għall-iżvilupp soċjali tar-reġjuni u tal-promozzjoni ta' l-innovazzjoni kulturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu kull appoġġ għal inizjattivi kulturali lokali, reġjonali u interreġjonali bħala fattur essenzjali fil-proċess ta" l-integrazzjoni reġjonali u Ewropea quddiem l-isfidi globali;

32.  Jenfasizza l-importanza li għandhom it-tagħlim ta' l-arti fil-perfezzjonament tal-personalità taż-żgħażagħ, fil-tqajjim u l-iżvilupp tal-vokazzjoni tagħhom u fl-ibbenefikar bis-sħiħ ta' l-oġġetti u tal-valuri kulturali;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sillabi ta" l-iskejjel fl-Istati Membri kollha jinkludu storja komuni tal-programm tat-tagħlim ta" l-Unjoni Ewropea biex tiġi promossa l-identità u l-kultura Ewropea fil-kontest tal-globalizzazzjoni;

34.  Isemmi l-importanza tat-twaqqif, fl-iskejjel kif ukoll fis-soċjetà, ta' pontijiet innovattivi bejn il-kultura, ir-riċerka, ix-xjenza u t-teknoloġija u l-bżonn ta' programmi li jkopru dawn l-aspetti;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex telabora strument adegwat li jidentifika s-setturi fi kriżi fl-industriji kulturali Ewropej, billi tingħata attenzjoni partikulari lis-suq tal-pubblikazzjoni li l-evoluzzjoni tiegħu wasslet biex tipperikola l-ħolqien litterarju ta' kwalità għall-benefiċċju tal-''bestsellers'' u għad-dinja tal-kreazzjoni mużikali, fejn il-kwalità u d-diversità huma wkoll ipperikolati permezz tal-piraterija minħabba t-tixrid dinji tat-teknoloġiji diġitali, permezz ta' proċessi ta' konċentrazzjoni ta' ''collective rights management'';

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħaddmu l-mezzi meħtieġa biex jinforzaw u jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà artistika, b'mod speċjali fl-ambjent diġitali;

37.  Iqis li għandhom jitwaqqfu pedamenti ta' diplomazija kulturali Ewropea reali u jinsisti sabiex l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji jsaħħu l-komponenti kulturali tar-rappreżentanzi diplomatiċi tagħhom u sabiex jieħdu inizjattivi strutturati u regolari, dedikati għall-kultura Ewropea;

38.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità biex jinkoraġġixxu inizjattivi mmirati lejn l-iżvilupp tat-turiżmu kulturali;

39.  Jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Kummissjoni jelaboraw u jippromwovu lista ta' ''siti ta' pellegrinaġġ kulturali'' fl-Istati Membri kollha bl-għan li jkunu organizzati inizjattivi u avvenimenti speċifiċi li jsiru b'mod regolari f'dawn il-postijiet li huma monumenti għall-kultura u li minnhom tkun iġġenerata l-kultura;

40.  Jemmen li tiketta ta' partimonju Ewropew għandha tkun stabbilita bl-għan li tkun enfasizzata d-dimensjoni Ewropea ta' beni kulturali, monumenti, siti memorjali u postijiet ta' tifkira, li kollha huma xhieda ta' l-istorja u l-patrimonju ta' l-Ewropa;

41.  Jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Kummissjoni jappoġġjaw u jippromwovu l-programm Rotot Kulturali Ewropej tal-Kunsill ta' l-Ewropa, imniedi fl-1987, ladarba r-rotot in kwistjoni jikkostitwixxu netwerks eżemplari li jħaddnu reġjuni u komunitajiet lokali u jagħtu xhieda tal-patrimonju u ta' l-istorja komuni Ewropej;

42.  Jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jistabilixxu skema ta' sponsorizzazzjoni ta' l-arti u jaħtru 'patrun kulturali Ewropew' sabiex jippermettu sħubiji effettivi bejn is-setturi pubbliċi u privati, li jkunu konsistenti ma' l-għanijiet tal-proposti tal-Kummissjoni;

43.  Jipproponi wkoll il-ħolqien ta' premji Ewropej ta' prestiġju, li jingħataw fuq bażi regolari, għall-oqsma kollha ta' attività kreattiva;

44.  Jissuġġerixxi wkoll li l-profil tal-premji eżistenti jingħata aktar prominenza u li l-effetti tagħhom ikunu evalwati;

45.  Jissuġġerixxi li, minħabba li se jaħbat il-200 anniversarju mill-mewt ta' Fryderyk Chopin, kompożitur brillanti li bla dubju ta' kontribut lill-patrimonju dinji, l-2010 għandha tkun is-'Sena Ewropea ta' Fryderyk Chopin';

46.  Jissuġġerixxi li s-sena 2011 tkun is-'Sena Ewropea tal-Klassiċi Griegi u Rumani' sabiex il-popli ta' l-Unjoni jkunu konxji minn dan l-aspett essenzjali tal-patrimonju kulturali li llum huwa fil-periklu li jintesa;

47.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, fl-interess tal-promozzjoni tal-valuri kulturali Ewropej u biex turi l-impenn tagħha għall-kultura, għandha tibda torganizza b'mod regolari u tappoġġja Sena Ewropea li tfakkar personalità, attività artistika jew avveniment kulturali sinifikanti fuq livell Ewropew;

48.  Jissuġġerixxi li jsir titjib fir-rigward tal-promozzjoni ta' l-aċċess għal u l-pubbliċità dwar dawn il-miżuri;

49.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill li hemm l-obbligu li l-finanzjament maħsub mill-baġit għal dawn il-miżuri proposti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u dawk li diġà jeżistu ikunu riveduti immedjatament u bħala kwistjoni urġenti;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiggarantixxu li r-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet kummerċjali kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f'dak multilaterali jkunu trasparenti, ġusti, miftuħa u orjentati lejn l-aċċess għas-suq; barra minn hekk jinsisti li dawn ir-regoli jridu jħallu lill-industriji kulturali Ewropej jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, b'mod partikolari fl-oqsma awdjoviżivi, mużikali u tal-pubblikazzjoni;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-mekkaniżmi tal-kontroll doganali u ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni fl-Istati Membri sabiex tiżgura li jkunu effettivi kemm jista' jkun fil-ġlieda kontra l-esportazzjoni u l-importazzjoni illegali ta' xogħlijiet ta' l-arti u ta' beni kulturali oħra li huma mħarsa;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri xierqa ħalli tibda reviżjoni bir-reqqa tal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, sabiex ikun hemm bilanċ aħjar bejn l-għanijiet kuntrastanti tal-ħarsien tad-detentur tad-drittijiet u l-aċċess liberu u ġust għall-beni u s-servizzi kulturali fl-acquis communautaire ta' l-UE, fir-regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fil-ftehimiet bilaterali ta' l-UE sabiex jinqerdu l-għeruq tal-kawżi ta' l-iffalsifikar u tal-piraterija;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat tagħha sabiex tiżgura li s-sieħba tal-kummerċ kollha jinfurzaw l-obbligi tal-ftehimiet fi ħdan il-qafas tar-regoli tad-WTO u tal-liġijiet internazzjonali tal-kummerċ, fosthom l-attivazzjoni potenzjali ta" l-istrumenti għas-riżoluzzjoni ta' tilwim li hemm dispożizzjoni għalihom fil-ftehimiet internazzjonali;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa sett affidabbli u koerenti ta' indikaturi u ta' strumenti biex jitqies u jkun evalwat il-kummerċ internazzjonali fil-beni kulturali;

55.  Filwaqt li jitqies li t-turiżmu kulturali huwa settur ta' l-industrija kulturali li kull ma jmur qiegħed dejjem jikber fid-dinja kollha, jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ftehimiet dwar il-politika tal-kummerċ ta' l-UE iddaħħal klawsoli fuq il-firxa u l-kummerċ ta' prodotti b'valur kulturali u storiku;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iqisu dejjem aktar il-klawsoli tal-ftehimiet ta" kummerċ ħieles (FTAs) ta" l-UE u ta' strumenti oħra tal-kummerċ li jittrattaw il-kummerċ fil-prodotti kulturali meta jsegwu dawn il-ftehimiet tal-kummerċ;

57.  Jisħaq fuq l-importanza ta' l-appoġġ għall-fluss transkonfinali tal-prodotti kulturali bis-saħħa ta' mobilità akbar min-naħa ta' l-artisti u l-ħaddiema tas-settur kulturali; iqis li l-mobilità transkonfinali ta' l-arti u l-kultura Ewropea għandha sehem importanti fit-tixrid tal-valuri Ewropej kif ukoll biex jinżammu u jiġu żviluppati d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika xi ostakli mhux tariffarji imposti minn pajjiżi terzi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali għal xi prodotti u servizzi kulturali Ewropej u, jekk ikun meħtieġ, biex tieħu l-passi ħalli tneħħihom;

59.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja u tħaffef l-aċċess għas-suq tal-prodotti u s-servizzi kulturali tagħha fir-rigward tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari għall-impatt pożittiv li dan jista" jkollu fuq il-ħolqien ta" l-impjiegi u fuq l-iżvilupp teknoloġiku fl-industriji kulturali tagħhom.

60.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi azzjonijiet u avvenimenti kulturali speċifiċi li jippromwovu l-kultura Ewropea fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jingħata aċċess għall-prijorità kulturali fil-politiki ta" l-iżvilupp;

61.  Jappoġġja l-integrazzjoni sistematika tad-dimensjoni kulturali u l-aspetti varji tal-kultura fil-politiki, il-proġetti u l-programmi esterni u ta' żvilupp kollha, bħala mezz li jsaħħaħ il-kwalità ta' l-isforzi diplomatiċi tal-Kummissjoni u l-vijabilità u s-sostenibilità ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni kollha ta' l-UE, u bħala mezz li jsaħħaħ il-miżuri li jqajmu l-kuxjenza tal-pubbliku dwar l-importanza ta' l-aspett kulturali ta' l-attivitajiet ta' l-iżvilupp;

62.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-istabbiliment ta" programmi ta" koperazzjoni kulturali speċifiċi ta" natura interdipendenti ma" xi pajjiżi msieħba fir-reġjun ta' l-ENP, fl-Asja u f'postijiet oħra, bħall-Fond Kulturali għall-Indja;

63.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jinħoloq Fond Kulturali UE-ACP bħala kontribuzzjoni konġunta ta" l-UE għall-appoġġ tad-distribuzzjoni u tal-produzzjoni ta" prodotti kulturali ta" l-ACP, filwaqt li jinnota li l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp ser jipprovdi fondi ta" inizjazzjoni li ser ikunu kkumplimentati minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-konformità mal-ftehimiet internazzjonali u ma' strumenti legali oħrajn li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet kulturali sabiex tiżgura l-libertà kulturali u tipproteġi d-diversità u l-manifestazzjonijiet tagħha fid-dawl tal-pjanijiet tal-liberalizzazzjoni tas-suq li jheddu d-diversità kulturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi skambji kulturali bejn l-UE u pajjiżi terzi u reġjuni;

66.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-inklużjoni tal-politika kulturali fil-politika dwar il-koperazzjoni fl-iżvilupp, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-interazzjoni tagħha ma politiki soċjali u ekonomiċi;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-programmi u l-proġetti ta" koperazzjoni kollha tagħha jqisu l-kultura lokali u jikkontribwixxu sabiex aktar nies ikollhom aktar aċċess għall-kultura u għall-mezzi ta' espressjoni kulturali, minbarra li jittrattaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta" l-edukazzjoni, inkluża l-promozzjoni ta" l-integrazzjoni tal-kultura fil-kurrikula ta" l-edukazzjoni fil-livelli kollha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

68.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-iżvilupp tal-patrimonju kulturali huwa konness b'mod inseparabbli ma' l-użu u t-tgawdija pubblika tiegħu, u li l-patrimonju kulturali għandu jkun immaniġġjat b'mod sostenibbli minħabba n-natura tranżitorja tiegħu; iqis ukoll li, f'sens ekonomiku, l-immaniġġjar tal-patrimonju kulturali meħtieġ li jkun vijabbli u li għalhekk dan għandu jkollu rwol fit-titjib tal-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi li jgħixu fihom in-nies;

69.  Jappoġġja l-involviment attiv ta" l-UE fil-ħidma ta" l-organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-kultura, u fil-proċess "Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet" tan-Nazzjonijiet Uniti.

70.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-pjanijiet għal aġenda kulturali Ewropea, iżda jinnota li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar din l-aġenda tonqos milli tipprovdi dettalji dwar l-iffinanzjar tagħha jew xi pjan prattiku sabiex jintuża l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi dawn id-dettalji mill-aktar fis possibbli;

71.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jinkludu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess mhux biss ta" l-immonitorjar ta" riżultati, iżda wkoll ta" l-implimentazzjoni ta" kull aġenda kulturali ġdida ta" l-UE, biex il-politika kulturali fil-fatt implimentata tirrifletti l-aspettattivi speċifiċi u l-ħtiġijiet tar-reġjuni;

72.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi promossa d-diversità kulturali u li l-kultura tingħata rwol sinifikanti fid-djalogi mhux biss bejn pajjiżi individwali iżda wkoll bejn reġjuni madwar id-dinja, filwaqt li jiġu promossi l-iskambji interkulturali u tiġi inkluża l-kultura fi programmi ta" żvilupp; jappoġġja l-idea ta" l-approċċ integrat għal ħolqien ta" strateġiji għall-kultura, li jinkludi s-setturi u l-fatturi kollha li jinfluwenzaw direttament jew indirettament l-iżvilupp tal-kultura;

73.  Jenfasizza li t-turiżmu kulturali għandu rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku reġjonali u fil-ħolqien tal-ġid u fit-tisħiħ tal-valur tal-patrimonju kulturali ta" l-Ewropa u li l-għaqdiet kulturali reġjonali u dawk attivi fil-qasam tal-politika kulturali għandhom ikunu involuti f'dan il-proċess;

74.  Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-Kummissjoni tagħti ftit wisq attenzjoni għall-arranġamenti ta" ġemellaġġ bejn bliet, muniċipalitajiet u reġjuni, li għal ħafna snin ipprovdew forum eċċellenti għall-koperazzjoni kulturali u għall-iskambju ta" informazzjoni;

75.  Jenfasizza l-irwol importanti li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex titrawwem u tissaħħaħ b'mod komprensiv il-kultura fiz-zoni tagħhom, fuq kollox l-irwol importanti ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex irawmu u jżommu ħajja l-kultura fl-inħawi tagħhom, l-aktar fil-qasam tal-wirt kulturali u bħala patruni ta' l-innovazzjoni artistika, bħala l-entitajiet responsabbli għall-provvista u l-isponsorjar ta' faċilitajiet u inizjattivi kulturali u edukazzjoni u taħriġ u bħala organizzaturi ta' festivals u laqgħat kulturali;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-aħjar prattiki fl-attivitajiet kulturali fil-livell Ewropew, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-aħjar prattiki f'dan il-qasam huma ġġenerati fil-livell reġjonali; jissuġġerixxi li tiġi organizzata konferenza tematika u li jinħolqu databases ta" l-aħjar prattiki li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku fil-lingwi uffiċjali kollha ta" l-Unjoni Ewropea;

77.  Waqt li jqis is-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali attwali, jenfasizza l-irwol li jista" jkollhom ir-reġjuni bħala punt ta" laqgħa kulturali ġenwin; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti sodi għal attivitajiet għal 2008 u biex b'mod attiv tinkludi r-reġjuni fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet;

78.  Jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li d-diversità kulturali u lingwistika ta' l-UE hija vantaġġ kompetittiv ewlieni; ifakkar lill-Istati Membri li t-tagħlim tal-lingwi u l-programmi ta' skambju edukattivi u kulturali fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha jeħtieġu appoġġ kontinwu; ifakkar fl-irwol tax-xandir televiżiv fil-qasam ta' l-iskambju interkulturali;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-inizjattivi kulturali fil-proġetti ta" koperazzjoni reġjonali, inkluż fill-livell ta' belt, b'mod speċjali fi bliet żgħar u ta" daqs medju, fosthom permezz tal-programm Interreg IV C, u sabiex tinkorpora dimensjoni kulturali fl-inizjattiva għar-reġjuni għall-bidla ekonomika;

80.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw il-kultura fir-reġjuni billi jinvestu fl-infrastruttura kulturali, billi jagħmlu użu mill-fondi strutturali, u sabiex ifasslu programmi reġjonali ta" żvilupp kulturali f'konsultazzjoni mas-setturi kulturali u edukattivi u mas-soċjetà ċivili;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistipulaw regoli sempliċi, trasparenti u preċiżi għall-implimentazzjoni tal-PPPs, sabiex dawn ikunu jistgħu isiru mezz effettiv ta" ffinanzjar ta" inizjattivi kulturali fir-reġjuni u jkunu jistgħu jiffaċilitaw aktar involviment attiv mill-SMEs;

82.  Jilqa" l-proposta tal-Kummissjoni sabiex toħloq Fond Kulturali EU-ACP bħala kontribuzzjoni ta" l-UE għad-distribuzzjoni ta" l-oġġetti kulturali ta" l-ACP u tal-Pajjiżi u t-Territorji Esterni (OCT); huwa ta" l-opinjoni li għandhom jiġu implimentati arranġamenti simili b'mod partikulari għall-pajjiżi li jipparteċipaw fil-politika għall-viċinat;

83.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-Unesco u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.

(1) ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15.
(3) ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.
(4) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 142.
(5) ĠU C 76, 25.3.2004, p. 459.
(6) ĠU C 301E, 13.12.2007, p.64.
(7) Tweġiba għall-Mistoqsija bil-Miktub P-5554/07.

Avviż legali - Politika tal-privatezza