Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2576(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0281/2008

Dibattiti :

PV 05/06/2008 - 2
CRE 05/06/2008 - 2

Votazzjonijiet :

PV 05/06/2008 - 6.17
CRE 05/06/2008 - 6.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0257

Testi adottati
PDF 225kWORD 66k
Il-Ħamis, 5 ta' Ġunju 2008 - Brussell
Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran
P6_TA(2008)0257RC-B6-0281/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin li saret f'Barċellona fis-27 u t-28 ta' Novembru 1995, li twaqqaf Sħubija Ewro-Mediterranja,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (COM(2008)0319),

–   wara li kkunsidra l-konferma mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-13-14 ta' Marzu 2008 dwar il-prinċipju li jwaqqaf il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-Presidenza ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA), u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-EMPA adottati fir-raba' sessjoni plenarja tagħha f'Ateni fis-27 u t-28 ta' Marzu 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin li saret f'Napli fit-2 u t-3 ta' Diċembru 2003 u tal-5-6 ta' Novembru 2007 f'Liżbona,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) (COM(2006)0726),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit Ewro-Mediterranju, li sar f'Barċellona fis-27-28 ta' Novembru 2005 biex ifakkar l-għaxar anniversarju tas-Sħubija Ewro-Mediterranja,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titlu "Spinta ġdida għall-inizjattivi ta" l-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokratizzazzjoni ma" l-imsieħba Mediterranji - Linji ta" gwida strateġiċi" (COM(2003)0294),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Mediterranja ta' l-Unjoni Ewropea, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi r-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani huma ta' importanza strateġika għall-UE u billi hemm il-ħtieġa ta' politika Mediterranja bbażata fuq is-solidarjetá, id-djalogu, il-koperazzjoni u l-iskambju, bil-għan li jintlaqgħu l-isfidi komuni u jintlaħqu l-għanijiet li jwasslu għal zona ta' paċi, stabilitá u prosperitá kondiviża,

B.   billi, fis-samit ta' inawgurazzjoni tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran li għandu jsir fit-13 ta' Lulju 2008 f'Pariġi, linji gwida ċari għandhom jiġu stabbiliti biex jissaħħu r-relazzjonijiet multilaterali ta' l-UE ma' l-imsieħba Mediterranji, kif ukoll li jkunu msaħħa l-metodi tax-xogħol u jiżdied il-qsim tar-responsabilitajiet,

C.   billi l-analiżi tal-kisbiet u tal-fallimenti tal-proċess ta' Barċellona għandhom jitqiesu kif xieraq sabiex wieħed ikun jista" jagħti ħarsa mill-ġdid b'mod effiċjenti lejn ir-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji u impuls ġdid lill-proċess ta" Barċellona; billi f'dan ir-rigward, hu importanti li jiġu indirizzati d-diffikultajiet affaċċati fil-koperazzjoni għall-iżvilupp u fit-twessigħ tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, bħall-persistenza tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani, it-tensjonijiet politiċi serji fir-reġjun, pereżempju fis-Sahara tal-Punent, in-nuqqas ta' progress sostanzjali li sar fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta" kuxjenza pubblika dwar il-proċess;

D.   billi l-evalwazzjoni ġenerali tal-Proċess ta" Barċellona turi li, minkejja l-kisbiet insuffiċjenti meta mqabbla ma" l-għanijiet oriġinali, huwa għandu potenzjal li għandu jintuża bl-aħjar mod,

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni imsemmija hawn fuq bit-titlu: "Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran" u jikkondividi l-għan ta' din l-inizjattiva ġdida li se tagħti impetu politiku u prattiku ġdid għar-relazzjonijiet multilaterali ta' l-UE ma' l-imsieħba Mediterranji, billi ttejjeb il-livell politiku ta' dawn ir-relazzjonijiet, permezz ta' qsim tal-pussess akbar u ta' tisħiħ tal-qsim tar-responsabilitajiet, kif ukoll billi tiżviluppa proġetti reġjonali li jirrispondu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini fir-reġjun;

2.  Iqis li l-Proċess ta" Barċellona għandu jingħata impuls ġdid sabiex jikseb aktar importanza u jiġu enfasizzati l-benefiċċji tanġibbli tiegħu għaċ-ċittadini u, b'mod partikulari, għaċ-ċittadini fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

3.  Jaqbel dwar il-ħtieġa li l-Proċess ta' Barċellona jingħata l-ħajja mill-ġdid, u jemmen li din il-ħtieġa għandha tibqa' l-element ċentrali fil-koperazzjoni ta' l-UE mar-reġjun tal-Mediterran, bħala l-uniku forum li fih l-imsieħba Mediterranji kollha jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jidħlu fi djalogu kostruttiv; iqis id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona, l-objettivi u l-oqsma ta' koperazzjoni tagħha bħala punti importanti ferm għal dawn ir-relazzjonijiet; jittama li l-inizjattiva l-ġdida tibni fuq il-kisbiet tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, waqt li ġġib valur miżjud lill-proċess;

4.  Jitlob għalhekk lill-pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-proċess ta" Barċellona biex jieħdu sehem fl-acquis ta" Barċellona sabiex jimxu "l quddiem lejn l-istess għanijiet;

5.  Jappoġġja bis-sħiħ l-iżvilupp propost tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran bħala konsolidament taz-zona Ewro-Mediterranja bbażata fuq prinċipji demokratiċi u r-rispett ta' l-istat tad-dritt, li għandu jwassal għal sħubija b'saħħitha fil-politika tas-sigurtà u ta" l-affarijiet barranin;

6.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu evalwazzjoni ta" l-istituzzjoni l-ġdida u ta" l-implikazzjonijiet legali ta" din l-inizjattiva ġdida importanti, b'mod partikulari rigward id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona;

7.  Jassigura d-disponibilitá tiegħu biex jikkopera fit-twaqqif ta' qafas istituzzjonali għall-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, bħala driegħ ta' l-awtoritá baġitarja ta' l-UE, se jkun involut sabiex jassigura li l-qafas il-ġdid u l-proġetti tiegħu jkollhom suċċess;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf ko-presidenza tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran f'livell ta' kapijiet ta' Stat u gvern u ta' ministri ta' l-affarijiet barranin, waqt li japprezza li dan ser isaħħaħ il-pussess konġunt tal-koperazzjoni Ewro-Mediteranja; jilqa' il-proposta tal-Kummissjoni li l-ko-presidenza ta' l-UE għandha tkun f'idejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE, jenfasizza li fergħa tal-Mediterran tal-presidenza għandha tkun nominata b'konsensus mill-imsieħba Mediterranji u li l-pajjiż li jkollu l-presidenza għandu jistieden lill-istati li qed jipparteċipaw fil-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran għal sumits u laqgħat ministerjali;

9.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf Kumitat Permaneti Konġunt, ibbażat fi Brussell, ta' rappreżentanti nominati mill-parteċipanti kollha fil-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, li jista" jkollu rwol importanti biex titjieb it-tmexxija istituzzjonali;

10.  Iqis li s-segretarjat ġdid propost għandu jkun integrat fis-servizzi tal-Kummissjoni u jista' jkun jinkludi uffiċjali ssekondati mill-parteċipanti kollha tal-proċess u għandu jġib valur miżjud lill-istrutturi eżistenti biex isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva li tappoġġja l-proċess ġenerali;

11.  Iqis li s-segretarjat ġdid propost għandu jagħmel il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran aktar viżibbli fir-reġjun u għandu jikkonċentra sew fuq proġetti reġjonali u għandu wkoll ikun kapaċi jieħu r-responsabilità għal sensiela sħiħa ta' ħidmiet, biex jitmexxew tajjeb il-proġetti;

12.  Jitlob, madankollu, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeżiġu li l-pajjiż li jospita s-segretarjat ikun impenjat favur il-valuri tal-Proċess ta" Barċellona rigward id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet ma' l-imsieħba Mediterranji ta' l-UE fuq livell politiku bl-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' livell għoli kull sentejn fil-kuntest tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, li għandha l-għan li tadotta d-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet politiċi dwar il-programmi u l-proġetti ewlenin li se jkunu żviluppati f'livell reġjonali;

14.  Huwa tal-fehma li l-EMPA għandu jkun involut b'mod sħiħ fit-tħejjija u l-proċediment ta' dawn is-samits;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-irwol ta' l- EMPA li għandha ssir parti integrali mill-qafas istituzzjonali tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, bħala d-dimensjoni parlamentari tiegħu; jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-leġittimitá demokratika hi meħtieġa, kif ukoll it-tisħiħ ta' l-irwol ta' l-EMPA, li hi l-unika assemblea parlamentari li tgħaqqad is-27 Stat Membru ta' l-UE flimkien mal-partijiet involuti fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; iqis li l-EMPA bħala entitá konsultattiva għandu jkollha d-dritt li tagħmel proposti u evalwazzjonijiet; jappoġġja l-parteċipazzjoni fl-EMPA tar-rappreżentanti parlamentari tal-pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Proċess ta" Barċellona;

16.  Itenni li l-iżvilupp tad-demokrazija għandu jintlaħaq billi jkunu appoġġjati r-riformi politiċi u jisħaq li l-kredibilità tal-politika Ewropea ta' demokratizzazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiddependu minn appoġġ b'saħħtu u viżibbli għas-soċjetajiet ċivili u għall-organizzazzjonijiet politiċi demokratiċi fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jitlob li jkun hemm involviment qawwi mis-soċjetà ċivili u mir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali fil-qafas istituzzjonali tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika Ewro-Mediterranja huwa l-promozzjoni ta" l-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-pluraliżmu politiku u jqis, f'dan ir-rigward, li s-Sħubija Ewro-Mediterranja għadha ma pproduċietx ir-riżultati mistennija fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iħaddnu b'mod ċar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fl-għanijiet ta" din l-inizjattiva ġdida u biex ikomplu jsaħħu l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi eżistenti, bħall-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem inkluża fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u l-ħolqien ta' mekkaniżmu li jimplimenta din il-klawżola fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet, il-Pjanijiet ta' Azzjoni bilaterali ta' l-ENP u t-twaqqif ta" sottokumitati ġodda dwar id-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jirrimarka li l-firxa ta' koperazzjoni UE-Mediterran għandha tiġi estiża wkoll għall-istati l-oħra tal-kosta tal-Mediterran u jenfasizza li l-identitá sħiħa Mediterranja ta" pajjiżi oħra teħtieġ li tkun rikonoxxuta b'mod sħiħ;

19.  Ifakkar fl-eżempji ta" inizjattivi proposti mill-Kummissjoni, bħat-toroq ewlenin tal-baħar, il-konnessjoni tat-triq tal-Maghreb Għarbi (AMA), it-tneħħija tat-tniġġis mill-Mediterran, il-protezzjoni ċivli u l-Pjan Solari għall-Mediterran; jesprimi l-interess tiegħu fl-opportunitajiet għall-ġenerazzjoni ta" elettriku termali mix-xemx ta" qawwa kbira fid-deżert ta" l-Afrika ta" Fuq u jirrakkomanda li tingħtata prijorità sabiex dan jiġi diskuss fil-laqgħat inizjali ta" l-Unjoni għall-Mediterran; jappoġġja wkoll proġetti oħra bħad-desalinizzazzjoni ta" l-ilma biex jiġi faċilitat l-aċċess għall-ilma tax-xorb, fattur ta" tħassib ewlieni f'bosta pajjiżi tal-Mediterran;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proġetti tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran ikunu miftuħa għall-Istati Membri kollha ta' l-UE u għall-imsieħba tal-Mediterran li jixtiequ jipparteċipaw, speċjalment jekk għandhom interess dwar proġetti jew oqsma speċifiċi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinforma fuq bażi regolari lill-Parlament u lill-EMPA dwar l-iżvilupp ta' dawn il-proġetti reġjonali u biex tqis il-proposti u l-evalwazzjonijiet li tressqu f'livell parlamentari bil-għan li jikber il-profil tal-proċess u tiżdied il-kapaċitá ta' assorbiment u l-valur miżjud għaċ-ċittadini fir-reġjun;

22.  Jenfasizza li s-sħubija UE-Mediterran ma tistax tiffoka biss fuq kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali; ifakkar li t-tliet pilastri ta' Barċellona għandhom rabta mill-qrib ma' xulxin; ifakkar li l-ewwel pilastru kien maħsub biex jikkontribwixxi għall-"paċi, stabilitá u prosperitá" u li l-Karta għall-Paċi u Stabilitá ppjanata ma' għamlitx progress sinifikattiv; jenfasizza li l-objettiv għall-ħolqien ta' zona ta' kummerċ ħieles u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ m'humiex għanijiet fihom infushom imma għandhom ikunu akkumpanjati mit-tisħiħ ta' koperazzjoni reġjonali kif ukoll minn integrazzjoni soċjali u ambjentali;

23.  Ifakkar li l-politiki ekonomiċi għandhom ikunu evalwati mhux biss f'termini tal-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir, imma wkoll f'termini tan-numru ta' impjiegi li joħolqu, fil-kontribuzzjoni tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar; f'dan il-kuntest jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ akbar mill-UE għall-programmi ta' l-Istati Mediterranji msieħba bil-għan li jkun faċilitat it-twaqqif ta' klima favorevoli għal aktar investiment u biex iż-żgħażagħ jitħeġġu jibdew impriżi żgħar, kif ukoll li jkun faċilitat l-aċċess għall-mikro-kreditu; iqis, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ tal-Faċilità għall-Investiment u Sħubija Ewro-Mediterranja (FEMIP) għandu jissaħħaħ, inklużi l-kampanji ta' informazzjoni;

24.  Ifakkar fil-proposti tiegħu dwar il-ħolqien ta' Bank ta' Investiment u ta' Żvilupp Ewro-Mediterranju li jkun kapaċi jattira investiment barrani dirett, li hu nieqes fir-reġjun ta' l-UE-Mediterran u jfakkar li l-parteċipazzjoni mill-Istati tal-Golf, bħala l-ewwel investituri fir-reġjun, tista' tikkontribwixxi għat-twettiq ta' dan l-objettiv;

25.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jissaħħaħ l-istejtus tan-nisa fir-reġjun tal-Mediterran permezz ta' politiki li jagħtu rwol importanti lin-nisa fis-soċjetajiet tagħhom u billi tkun promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li r-rispett għat-tradizzjonijiet u d-drawwiet m'għandux ikun għad-detriment tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun proposta firxa interessanti ta' programmi ta' koperazzjoni kulturali lill-imsieħba ta' l-UE fil-Mediterran permezz ta' użu aħjar ta' l-ERASMUS MUNDUS u tal-Euromed Audiovisual II (2006-2008) li għandhom ikunu msaħħa u estiżi u, b'mod ġenerali, ta" Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(2);

27.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati tal-Proċess ta' Barċellona.

(1) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p.206.
(2) Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ĠU L 310, 9.11.2006, p.1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza