Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2191(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0212/2008

Testi mressqa :

A6-0212/2008

Dibattiti :

PV 16/06/2008 - 26
CRE 16/06/2008 - 26

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2008 - 7.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0288

Testi adottati
PDF 229kWORD 71k
It-Tlieta, 17 ta' Ġunju 2008 - Strasburgu
L-impatt tal-politiki ta' koeżjoni fuq l-integrazzjoni ta' komunitajiet u gruppi vulnerabbli
P6_TA(2008)0288A6-0212/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-impatt tal-politiki ta' koeżjoni fuq l-integrazzjoni ta' komunitajiet u gruppi vulnerabbli (2007/2191(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 87(3), 137 u 158 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għall-Fond Soċjali Ewropew u għall-Fond ta' Koeżjoni(1),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2005 msemmija l-Politika ta' Koeżjoni b'Appoġġ għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Linji Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013 (COM(2005)0299),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta" Frar 2005 dwar l-Aġenda Soċjali (COM(2005)0033)

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni,(2)

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2005 msemmija t-Tielet rapport ta' progress dwar il-koeżjoni: Lejn sħubija ġdida għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni (COM(2005)0192),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2006 msemmija l-Istrateġija tat-Tkabbir u ta' l-Impjiegi u r-Riforma tal-Politika ta' Koeżjoni Ewropea: Ir-raba' rapport ta' progress dwar il-koeżjoni (COM(2006)0281),

–   wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali ta' l-UE, il-Karta ta' Liepzig dwar l-Ibliet Sostenibbli Ewropej, u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-preparazzjoni tal-'Green Paper' dwar il-Koeżjoni Territorjali mill-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra r-rapport min-Netwerk Ewropew għal Osservatorju għall-Ippjanar Spazjali (ESPON) imsemmi Futuri Territorjali – Xenarji spazjali għall-Ewropa, u dak tal-Parlament Ewropew imsemmi Disparitajiet Reġjonali u Koeżjoni: Liema Strateġiji għall-Futur?

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 13 u 141 tat-Trattat KE, li jesiġu li l-Istati Membri jiżguraw opportunitajiet ugwali għaċ-ċittadini kollha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar strateġija Ewropea dwar ir-Roma(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali (A6-0212/2008),

A.   billi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, kif stipulat fl-Artikolu 158 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huwa li jitħeġġeġ żvilupp ekonomiku u soċjali armonjuż fi ħdan il-Komunità kollha u biex jitnaqqsu d-disparitajiet soċjoekonomiċi bejn reġjuni individwali,

B.   billi disparitajiet jistgħu jinqalgħu fi ħdan reġjun kif ukoll bejn ir-reġjuni,

C.   billi l-iskop bażiku tal-politika għall-koeżjoni huwa li jindirizza d-disparitajiet soċjali, ekonomiċi u territorjali li jeżistu bejn ir-reġjuni l-aktar sinjuri u l-ifqar reġjunijiet, u billi l-ambitu tagħha m'għandux għalhekk jirreduċi ruħu f'appoġġ għal objettivi ta' strateġiji oħrajn li jista' jkun ta' ostakolu għall-koeżijoni soċjali u territorjali,

D.   billi s'issa l-politika ta' koeżjoni tat kontribut effettiv biex tgħin l-ifqar reġjuni ħalli jnaqqsu d-distakk f'dak li hu żvilupp soċjoekonomiku,

E.   billi pajjiżi sħaħ għadhom jaffrontaw sfidi konsiderevoli għall-iżvilupp tagħhom u jidher li ma tantx hemm possibiltà li sseħħ konverġenza fil-qafas attwali 2007-2013,

F.   billi f'xi Stati Membri l-iżvilupp ekonomiku huwa konċentrat madwar bliet kapitali reġjunali u nazzjonali u ċentri urbani kbar, hekk li jħalli zoni oħrajn bħal zoni rurali, periferali, ta" gżejjer u muntanjużi, bi żvilupp soċjoekonomiku mhux uniformi u jaggrava l-vulnerabiltà għall-komunitajiet soċjali u gruppi f'dawn iz-zoni,

G.   billi t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jelenka l-koeżjoni territorjali bħala wieħed mill-objettivi ta' l-UE u jipprovdi għal kompetenza maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f'din iz-zona,

H.   billi l-kunċett ta" "komunità vulnerabbli" huwa vast wisq u m'hemmx kriterji cari li jistgħu jiddefinixxu dan il-kunċett,

I.   billi ħafna territorji għadhom isofru mill-effetti ħżiena ta' l-iżolament u mill-iżvantaġġi ġeografiċi tagħhom u huma neqsin mill-infrastruttura meħtieġa li tippermetti opportunitajiet ta' żvilupp reali biex jintlaħaq il-livell medju ta' żvilupp ta' l-UE,

J.   billi titjib fl-infrastruttura tat-trasport u fl-aċċess għat-trasport jgħinu biex jagħmlu reġjuni iżolati aktar aċċessibbli, filwaqt li jnaqqsu l-esklużjoni ta' komunitajiet u gruppi li jgħixu b'dawn iz-zoni mbiegħda, u billi titjib fis-servizzi ġenerali, b'mod partikulari fl-edukazzjoni, itejjeb il-ħajja ta' gruppi u komunitajiet vulnerabbli,

K.   billi l-ifqar territorji huma neqsin mir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jipprovdu l-kontribuzzjoni individwali tagħhom għall-iffinanzjar tal-Komunità li huma eliġibbli għalih u billi barra minn hekk dawn it-territorji ħafna drabi huma neqsin mill-kapaċità amministrattiva u r-riżorsi umani biex jagħmlu użu tajjeb mill-iffinanzjar mogħti lilhom,

L.   billi minħabba l-impatt qawwi territorjali tal-politika għall-iżvilupp rurali jeħtieġ li din tiġi koordinata aħjar mal-politika reġjonali sabiex jitrawmu sinerġiji u kumplimentarjetajiet bejn dawn iż-żewġ politkli, u li jitkejlu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta" l-integrazzjoni mill-ġdid ta" dawn il-politiki,

M.   billi hemm nuqqas ta' dejta statistika mikroreġjonali disponibbli u komparabbli għal dawk ir-reġjuni ta" l-UE fejn jgħixu komunitajiet u gruppi vulnerabbli,

N.   billi l-faqar u l-esklużjoni għandhom karatteristiċi territorjali qawwija,

O.   billi ħafna mit-territorji mikroreġjonali l-anqas favoriti qed jaffaċċjaw problemi kumplessi multidimensjonali relatati mal-lokazzjoni periferali tagħhom, man-nuqqas ta' infrastruttura loġistika, man-nuqqas ta' zvilupp soċjoekonomiku, mal-proċessi tad-diżindustrijalizzazzjoni, mal-livelli baxxi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, man-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva, man-nuqqas ta' impjieg generazzjonali, ma' l-akkomodazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' għajxien li qed jiddeterjoraw, ma' l-aċċess dgħajjef għas-servizzi ta' interess ġenerali, man-nuqqas ta" kundizzjonijiet għal żvilupp u progress teknoloġiku u mal-konċentrazzjoni tal-minoranzi segregati u l-gruppi vulnerabbli,

P.   billi politika ta' koeżjoni teħtieġ baġit proporzjonali għall-objettivi u l-istrumenti effiċjenti tagħha li jippermettu li r-reġjuni jegħlbu d-disparitajiet ta' żvilupp u biex jaffaċċjaw l-isfidi territorjali, inklużi l-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, il-movimenti migratorji, il-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima u l-provvista ta' l-enerġija;

1.  Jenfasizza li l-konċentrazzjoni territorjali ta' komunitajiet u gruppi vulnerabbli u l-esklużjoni soċjali li taffettwa l-aktar reġjuni sottożviluppati hija sfida li dejjem qed tikber għall-koeżjoni ta' l-UE; barra minn hekk, jenfasizza li dan il-fenomenu ma jinsabx biss b'mod interreġjonali f'zoni żviluppati iżda jinsab ukoll b'mod intraregjonali, sa ċertu punt, kemm f'zoni żviluppati u kemm f'dawk li għadhom qegħdin jigu żviluppati u jeħtieġ li tingħatalu attenzjoni partikolari minħabba li komunitajiet u gruppi vulnerabbli bħal dawn għandhom it-tendenza li jintilfu fi stampa iżjed ġenerali u favorevoli;

2.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kriterji li jiddefinixxu komunitajiet u gruppi vulnerabbli sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati aħjar il-problemi li dawn jiffiċċjaw u sabiex ikunu faċilitati miżuri speċifiċi u sistematiċi;

3.  Huwa ta" l-opinjoni li tkun idea tajba jekk wieħed jittratta d-dimensjoni territorjali ta" l-esklużjoni soċjali fil-kuntest tal-politika tal-koeżjoni territorjali;

4.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li azzjonijiet orizzontali mhumiex biżżejjed biex jingħelbu l-problemi ta' l-esklużjoni territorjali u għalhekk jirrakkomanda li l-Istati Membri japplikaw strateġija olistika ta' l-iżvilupp territorjali li tpoġġi fil-prattika l-approċċ integrat bejn is-setturi u tiffoka fuq il-potenzjal tat-territorji kollha ta" l-UE;

5.  Jinnota l-bżonn li jiġu indirizzati permezz ta' approċċ integrat in-nuqqasijiet f'dawk li huma opportunitajiet ugwali u l-possibiltà ta" konċentrazzjoni tal-kunflitti soċjali f'zoni sottożviluppati;

6.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li jista" jkun hemm gruppi vulnerabbli fir-reġjuni kollha, anki f'dawk li huma l-iżjed sinjuri, u li approċċ integrat għandu jikkunsidra dawn il-gruppi;

7.  Jinnota li l-faqar u l-esklużjoni ma jaffettwawx biss liz-zoni urbani iżda wkoll liz-zoni rurali, avolja dawn jistgħu jassumu forom speċifiċi f'dawn iz-zoni, b'mod partikulari minħabba l-fatt li fiz-zoni rurali l-esklużjoni soċjali hija magħquda ma' esklużjoni territorjali, u billi l-esklużjoni ta' dawk iz-zoni minn żvilupp ekonomiku jfisser li huma affettwati l-gruppi soċjali kollha li jgħixu hemm;

8.  Jenfasizza l-importanza, fi ħdan il-qafas ta' approċċ integrat, li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta' ambjent b'saħħtu fil-livelli tal-Komunità u ta' l-Istati Membri u fil-livell reġjunali sabiex jintlaħqu l-iskopijiet tal-politika għall-koeżjoni, bħalma huma l-ġlieda kontra l-faqar, is-saħħa taċ-ċittadini u kwalità aħjar ta' ħajja fir-reġjuni kollha, li huma skopijiet kruċjali għall-iżvilupp tul medda twila ta' żmien u għall-koeżjoni territorjali soċjali u ekonomika fl-UE;

9.  Jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-NGOs relevanti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji integrati ta' l-iżvilupp u l-importanza li jiġu appoġġjati l-inizjattivi minn isfel għal fuq (bottom-up);

10.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jallokaw riżorsi għall-ibliet żviluppati u t-territorji iżolati, inklużi zoni rurali, b'mod li jkunu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u biex jiġu stabbiliti programmi fit-tul mfassla apposta għal komunitajiet u gruppi vulnerabbli speċifiċi bil-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali u ekonomiċi rilevanti u r-rappreżentanti tal-gruppi fil-mira li jipparteċipaw fil-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta' programmi bħal dawn sabiex jiġu indirizzati bl-aħjar mod il-bżonnijiet tagħhom u jwasslu għal soluzzjonijiet ġenwini biex tingħeleb l-esklużjoni u l-konsegwenzi tagħha;

11.  Jitlob biex titkompla l-attività ta' produzzjoni li tiġġenera dħul finanzjarju, fejn għal dan l-iskop għandu jkun hemm aktar enfasi fuq biedja tal-familji u biedja ta' daqs żgħir u medju, u l-CAP għandha tiġi reveduta biex tkun aktar ġusta, kif ukoll sabiex jitkomplew ukoll l-attivitajiet intraprenditorjali mhux agrikoli li jipprovdu prodotti u servizzi indispensabbli biex ma jitilqux in-nies u biex jiġu milqugħa wkoll nies ġodda;

12.  Jenfasizza l-importanza ta' attivitajiet ekonomiċi u agrikoli u dawk mhux agrikoli - bħalma huma l-ipproċessar u l-promozzjoni diretta tal-prodotti agrikoli, it-turiżmu, is-servizzi, l-impriżi żgħar u medji - fiz-zoni rurali, għall-impjieg u għall-prevenzjoni tal-faqar u sabiex jitwaqqaf l-esodu rurali; għalhekk jitlob li jkun hemm faċilitajiet aħjar għal aktar taħriġ professjonali fiz-zoni rurali sabiex ikun hemm appoġġ għall-iżvilupp ta' l-impriżi;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar użu mis-sinerġiji u l-kumplimentarjetajiet ta' l-istrumenti finanzjarji varji disponibbli bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, il-programm ta" azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali sabiex jiżdied il-valur miżjud tagħhom;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-qafas tal-'Green Paper' li ħierġa dwar il-Koeżjoni Territorjali tippreżenta kemm objettiv, kif ukoll definizzjoni ċara, tal-koezjoni territorjali, il-kriterji li jiddeterminawha u l-istrumenti tagħha, kif ukoll il-mezzi disponibbli biex jintlaħqu l-miri territorjali;

15.  Jitob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli dejta statistika komparabbli dwar il-mikroreġjuni, b'attenzjoni partikulari għall-Indiċi ta" l-Iżvilupp tal-Bniedem stabbilit mill-Ġnus Magħquda, sabiex tiġi indirizzata b'miżuri xierqa s-sitwazzjoni f'zoni fejn jgħixu l-komunitajiet u gruppi l-aktar vulnerabbli u l-problemi li huma jiffaċċjaw;

16.  Jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni sabiex teżamina bir-reqqa kemm għandhom jintużaw indikaturi kwantifikabbli ġodda ta" żvilupp, flimkien mal-PDG per capita, bħal ngħidu aħna indikaturi soċjali, sabiex jidentifikaw kemm l-aktar komunitajiet u gruppi vulnernabbli u l-lokazzjoni tagħhom juru disparitajiet, kemm bejn ir-reġjuni kif ukoll fihom infushom, sabiex jiġu evalwati l-implimentazzjoni u l-effiċjenza tal-politika u biex jintużaw bħala gwida għall-ippjanar ta' l-iżvilupp;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex teżamina fil-qafas tal-"Green Paper" dwar il-koeżjoni territorjali jekk il-livell NUTS 4 huwiex adegwat sabiex titkompla politika distinta biex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali;

18.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu indirizzati x-xejriet demografiċi ta' iżjed konċentrazzjoni urbana u esodu rurali u l-impatt territorjali tagħhom; għalhekk, jitlob lill-Istati Membri biex ifasslu strateġiji biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lit-territorji vulnerabbli billi jiżviluppaw infrastrutturi, jitrawmu opportunitajiet ta' żvilupp reali f'konformità mal-potenzjal ekonomiku speċifiku tagħhom, jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali permezz ta" amministrazzjonijiet lokali msaħħa, jiddeċentralizzaw is-settur pubbliku, joffru taħriġ u opportunitajiet ta' xogħol xierqa, itejbu l-akkomodazzjoni u l-kundizzjoniet ta' għajxein u jżidu l-attrazzjoni ta' dawn iz-zoni għall-investituri; jikkunsidra li fl-istess ħin hemm bżonn li l-bliet jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom sabiex tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet urbani;

19.  Iqis li għalkemm l-esodu rurali fl-imgħoddi aġixxa bħala valv ta' sikurezza għall-bdiewa esklużi mill-attività oriġinali tagħhom, dan m'għadux il-każ illum minħabba li n-nuqqas ta' impjiegi qiegħed jeffettwa b'mod serju lil dawk li m'għandhomx sengħa u għalhekk l-unitajiet industrijali stabbiliti fiz-zoni rurali huma fost l-ewwel vittmi tal-ħidma ta' rikostruzzjoni u rilokazzjoni, li għandha l-effett li tnaqqas l-ambitu ta' attivitajiet varji li fuqhom kienu jiddependu l-bdiewa żgħar meta jkunu f'diffikulta sabiex jissupplimentaw id-dħul finanzjarju tagħhom mill-biedja, biex b'hekk jitfaqqru aktar malajr;

20.  Jisħaq li wara l-2013 mhux biss għandhom jinżammu l-politiki strutturali, imma wkoll għandha tintuża r-reviżjoni baġitarja bħala opportunità biex jiġi żgurat li r-riżorsi meħtieġa jsiru disponibbli sabiex jiggarantixxu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi ta' l-UE fil-futur;

21.  Jirrakkomanda li l-miżuri politici li jittieħdu sabiex tinstab soluzzjoni għall-esklużjoni soċjali u sabiex ikunu attivati komunitajiet u gruppi vulnerabbli, għandhom jinkludu l-element ta" volontarjetà;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta speċifika bil-għan li tindirizza b'mod konkret il-problemi li jaffrontaw komunitajiet u gruppi vulnerabbli, li jinkludu l-esklużjoni soċjali;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri-

(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(2) ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2008)0035.

Avviż legali - Politika tal-privatezza