Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0202/2008

Testi mressqa :

A6-0202/2008

Dibattiti :

PV 17/06/2008 - 11
CRE 17/06/2008 - 11

Votazzjonijiet :

PV 19/06/2008 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0306

Testi adottati
PDF 371kWORD 89k
Il-Ħamis, 19 ta' Ġunju 2008 - Strasburgu
Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta" l-Enerġija
P6_TA(2008)0306A6-0202/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta" Ġunju 2008 dwar Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta" l-Enerġija (2008/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku (COM(2007)0528),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/55/KE dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (COM(2007)0529),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2007 dwar Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa (6271/2007),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa" (COM(2007)0001),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inkjesta skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u ta" l-elettriku (COM(2006)0851),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta" ħidma ta" l-istaff tal-Kummissjoni dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-prospetti għas-suq intern fil-gass u fl-elettriku (SEC(2006)1709), dokument ta" appoġġ għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2006)0841),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta" ħidma ta" l-istaff tal-Kummissjoni bit-titolu "Id-data tal-politika ta" l-enerġija ta" l-UE" (SEC(2007)0012),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE tas-26 ta" April 2004 dwar miżuri sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali(1),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tar-Regolaturi Ewropej ta" l-Enerġija għall-perjodu bejn l-1 ta" Jannar 2006 u l-31 ta" Diċembru 2006 lill-membri kollha tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej ta' l-Enerġija u l-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, magħmul skond l-Artikolu 3(8) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/796/KE tal-11 ta" Novembru 2003 sabiex jiġi stabbilit il-Grupp ta" Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u għall-Gass(2),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8-9 ta" Marzu 2007, dwar l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta" "Pjan ta" Azzjoni tal-Kunsill Ewropew (2007-2009) – Politika ta" l-Enerġija għall-Ewropa" (7224/2007),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta" l-Enerġija"(COM(2007)0386),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0202/2008),

A.   billi l-prinċipji ta" l-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet ugwali għal kulħadd u aċċess ġust għal tagħrif fl-era diġitali jfissru li huwa essenzjali għal kull cittadin ta" l-Unjoni li jkollu aċċess għall-enerġija bi prezz raġonevoli,

B.   billi l-konsumaturi – b'mod speċjali individwi u intrapriżi żgħar u ta" daqs medju (SMEs) – għandhom għodod u opportunitajiet limitati għad-dispożizzjoni tagħhom biex jirrappreżentaw l-interessi tagħhom b'mod effettiv,

C.   billi l-għoti adegwat ta" enerġija jikkostitwixxi wieħed mill-elementi ewlenin sabiex tinkiseb il-parteċipazzjoni b'suċċess taċ-ċittadini fil-ħajja soċjali u ekonomika,

D.   billi l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta" l-Enerġija (il-Karta) tikkostitwixxi appell u stimolu għall-gvernijiet, għar-regolaturi ta" l-enerġija u għall-industrija, rappreżentati mill-imsieħba soċjali kollha, sabiex jikkontribwixxu b'mod konkret biex jassiguraw li l-interessi tal-konsumaturi ta" l-enerġija jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati f'suq ta" l-enerġija ta" l-UE li huwa soċjali, ambjentali u kompetittiv,

E.   billi fi swieq b'kompetizzjoni mhux perfetta, bħas-settur ta" l-enerġija, l-mekkaniżmi tas-suq biss mhux dejjem jassiguraw l-aħjar interessi tal-konsumatur, protezzjoni ġenerali tal-konsumatur, minbarra obbligi għas-servizz pubbliku għall-enerġija speċifiċi għas-suq, iridu jkunu indirizzati u infurzati,

F.   billi d-data disponibbli tissuġġerixxi li l-Istati Membri għamlu biss użu limitat mill-obbligi tas-servizzi pubbliċi mmirati sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet ta' konsumaturi vulnerabbli,

G.   billi għandu jkun hemm enfasi kbir fuq l-irwol mogħti lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs), li għandhom ikunu indipendenti minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat u jkollhom il-kompetenza sabiex jimmonitorjaw is-swieq ta" l-enerġija, inklużi l-prezzijiet u l-komponenti kollha tagħhom, u sabiex jintervjenu u jagħtu sanzjonijiet jekk dawn ikunu neċessarji,

H.   billi r-riżoluzzjoni ta" tilwim tal-konsumatur fil-qasam ta" l-enerġija mhix koperta biżżejjed bil-leġiżlazzjoni, u billi r-riżoluzzjoni ta" tilwim bħal dan hija indirizzata b'numru ta' awtoritajiet differenti, u konsumaturi li ma jafux lil min iridu jikkuntattjaw,

I.   billi l-miri ta" l-UE rigward enerġija li tiġġedded għandhom ikunu integrati fil-Karta Ewropea għad-Drittijiet tal-Konsumaturi ta" l-Enerġija biex il-konsumaturi jkunu permessi li jagħżlu sorsi ta' enerġija li huma koerenti ma" dawn il-miri,

Il-Karatteristiċi tal-Karta

1.  Jenfasizza l-fatt li l-provvista ta" l-enerġija hija element ewlieni għal suċċess fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja soċjali u ekonomika;

2.  Ifakkar li, għalkemm id-drittijiet tal-konsumaturi diġà huma mħarsa mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ, huma ħafna d-drabi li ma jkunux irrispettati; jenfasizza li t-tisħiħ tal-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur jistgħu jinkisbu l-aktar b'implimentazzjoni aktar effettiva tal-leġiżlazzjoni;

3.  Jinnota li l-adozzjoni tal-pakkett ta' proposti rigward is-swieq ta' l-elettriku u tal-gass naturali (il-proposti tat-'Tielet pakkett') li l-Parlament qiegħed jiddibatti bħalissa se jsaħħaħ ulterjorment il-qafas legali għall-ħarsien tal-konsumaturi ta' l-enerġija;

4.  Iqis li l-ħarsien futur tal-konsumaturi ta' l-enerġija għandu jkompli jkun ibbażat fuq azzjoni konġunta mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, filwaqt li l-prattiki għall-ħarsien individwali tal-konsumatur fis-suq ta' l-enerġija jista' jkollhom effetti differenti fid-diversi Stati Membri. Applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju ta' sussidjarjetà huwa għalhekk essenzjali;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa assoluta li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur dwar kwistjonijiet ta" enerġija u biex il-Karta tintuża bħala għodda li tigwida għal awtoritajiet Ewropej u nazzjonali, kif ukoll entitajiet privati, sabiex id-drittijiet tal-konsumaturi jiġu assigurati u infurzati b'mod effettiv;

6.  Jinnota l-Artikolu 3 ta", u l-Anness A mad-Direttivi 2003/54/KE(3) u 2003/55/KE(4) dwar is-suq intern fl-elettriku u fil-gass naturali, kif emendat mill-proposti tat-"Tielet Pakkett" jenfasizza l-ħtieġa għal infurzar aħjar fil-livell nazzjonali;

7.  Iqis il-Karta bħala dokumentta" l-informazzjoni, li tiġbor, tikkjarifika u tikkonsolida d-drittijiet għall-enerġija tal-konsumaturi kif diġà adottati fil-leġiżlazzjoni eżistenti ta" l-UE; jilqa" b'sodisfazzjon għalhekk il-pjan tal-Kummissjoni li joħloq għodda fuq l-internet dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għall-enerġija, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija ta" komunikazzjoni aktar wiesgħa għall-konsumaturi li m'għandhomx aċċess għall-internet jew li għalihom l-internet huma mezz ta" komunikazzjoni mhux xieraq;

8.  Jinnota li l-Karta trid tilħaq ukoll il-ħtiġijiet ta" utenti professjonali żgħar, li spiss jiffaċċjaw l-istess problemi bħala konsumaturi ordinarji ta" l-enerġija;

Aċċess għat-Trasmissjoni u d-Distribuzzjoni tal-Grids u l-Provvista

9.  Ifakkar li s-suq Ewropew ta' l-enerġija jkompli jkun ikkaratterizzat minn għadd kbir ta' monopolji. Dan inaqqas il-libertà ta' l-għażla u l-possibilità ta" bdil tal-fornitur malajr u bla ħlas, iżid in-nuqqas ta' tagħrif u, bħala riżultat, iżid il-vulnerabilità tal-konsumaturi. Huwa importanti li jiġi żgurat li jsiru sforzi biex jinħoloq suq uniku u kompetittiv ta" l-enerġija u biex, b'mod partikulari, jitħarsu l-klijenti vulnerabbli;

10.  Jenfasizza li l-konsumaturi Ewropej ta" l-elettriku u tal-gass għandhom id-dritt li jgawdu d-dritt li jkunu mqabbdin man-networks u li jiġu fornuti b'elettriku u gass b'tariffi u prezzijiet raġonevoli, trasparenti, mhux diskriminatorji u faċilment komparabbli, inklużi prezzijiet u tariffi aġġustati li jirriżultaw mill-mekkaniżmi ta" indiċjar rispettivi tagħhom; in-nuqqas ta" diskriminazzjoni għandu jinkludi projbizzjoni fuq miżati diskriminatorji fuq ċerti metodi ta" pagament, b'mod partikulari għal dawk il-konsumaturi, spiss vulnerabbli, li jħallsu permezz ta" miter ta" qabel il-pagament;

11.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tal-konsumatur u għandhom jittieħdu miżuri ta" protezzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe qtugħ ta' konnessjoni minn mal-grid; l-Istati Membri għandhom jaħtru fornitur ta" l-aħħar għażla u għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi b'dan; mekkaniżmu bħal dan għandu jiġi stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

12.  Jenfasizza li n-nuqqas ta" konnessjoni min-network għandu jitqies biss bħala l-aħħar possibilità ta" soluzzjoni f'każi ta" arretrati ta" pagamenti min-naħa ta" konsumaturi, b'mod speċjali fir-rigward ta" konsumaturi vulnerabbli u perjodi ta" vaganzi; il-fornituri għandhom japplikaw il-prinċipju ta" proporzjonalità, kif ukoll jinnotifikaw lill-konsumatur individwalment, qabel ma jipproċedu b'azzjoni bħal din;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet universali, b'mod speċjali fir-rigward ta" l-aċċess għal enerġija għal gruppi soċjali, ekonomiċi u reġjonali differenti permezz ta" stabilità u sigurtà tal-provvista, kif ukoll l-effettività ta" networks, bil-promozzjoni ta" koperazzjoni fil-livell reġjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi ġirien b'perspettiva Ewropea;

14.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li l-konsumatur ikun jista" jibdel għal fornitur ġdid b'mod faċli u f'perjodu ta" żmien li ma jkunx itwal minn xahar, mingħajr ħlas;

Tariffi, Prezzijiet

15.  Jenfasizza li l-prezzijiet Ewropej ta" l-elettriku u tal-gass għandhom ikunu raġjonevoli, faċilment komparabbli, u trasparenti kif ukoll ibbażati fuq il-konsum reali ta" l-enerġija; prezzijiet ippubblikati, tariffi, mekkaniżmi ta" indiċjar u kundizzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għall-konsumatur permezz ta' sett ta' għodda komprensiv u li jinftiehem faċilment; minbarra dan, huma għandhom ikunu komunikati minn qabel lil u mmonitorjati jew approvati mir-regolatur nazzjonali indipendenti;

16.  Jenfasizza li hija użanza ta" obbligu kuntrattwali ta" fornituri li jwettqu kalkolu, fuq bażi regolari u f'dati determinati minn qabel, biex jiżguraw li l-konsumaturi jħallsu skond il-kwantità attwali ta" enerġija li huma użaw; jekk il-fornituri ma jkunux jistgħu jikkonformaw ma" obbligu bħal dan, pereżempju, għal raġunijiet tekniċi, il-konsum ta" l-enerġija għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta" kriterji raġonevoli u trasparenti, li huma stipulati b'mod ċar fil-kuntratt;

17.  Jenfasizza f'dan ir-rigward l-iżvilupp ta' protagonisti tas-suq li jispeċjalizzaw fil-pubblikazzjoni ta' informazzjoni li titqabbel rigward prezzijiet tal-fornituri, tariffi u kundizzjonijiet, kif ukoll provvediment ta' appoġġ fis-sostituzzjoni ta' fornituri;

18.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu miters intelliġenti, li jipprovdu lill-konsumaturi b'perspettiva ċara dwar il-konsum reali ta' l-enerġija u għalhekk jikkontribwixxu għal effiċjenza ta' l-enerġija aħjar; ifakkar fil-ħtiġijiet ta" l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-effiċjenza ta' l-użu finali ta' l-enerġija u s-servizzi(5) ta' l-enerġija rigward il-provvista ta" miters intelliġenti; jistieden b'urġenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jinfurzaw ir-rekwiżiti dwar il-metraġġ u l-ħruġ ta' kontijiet stabbiliti f'dik id-Direttiva, fl-interess ta' l-informazzjoni lill-konsumatur u l-enerġija;

19.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-installazzjoni ta" miters intelligenti ssir bl-inqas tfixkil lill-konsumatur fi żmien għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tal-proposti tat-Tielet Pakkett (Direttivi ta' Emenda 2003/54/KE u 2003/55/KE) u għandha tkun responsabilità tal-kumpaniji tad-distribuzzjoni u tal-forniment ta' l-enerġija. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-proċess ta" dan l-iżvilupp u sabiex jistabbilixxu standards komuni għal dan l-għan. L-Istati Membri għandhom ikunu mitluba li jiżguraw li l-istandards, li jistabbilixxu disinn tekniku u rekwiżiti operazzjonali minimi għall-miters, għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet ta" l-interoperabilità sabiex jipprovdu benefiċċju massimu bl-inqas spiża għall-konsumatur;

Informazzjoni / kuntratti

20.  Biex tiġi ssalvagwardjata t-trasparenza, jenfasizza l-bżonn li jiġi żviluppat mudell għal fatturi standard fuq il-bażi ta' l-aqwa prattika; sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jitqabblu; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata informazzjoni standard kuntrattwali minn qabel u kuntrattwali, inkluża informazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur skond il-Karta;

21.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex idaħħlu fis-seħħ punt ta" dħul fiżiku wieħed għal kwalunkwe talba għal informazzjoni mill-konsumaturi, pereżempju permezz ta' regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija, u b'hekk jiffaċilitaw l-aċċess għal konsumatur għal informazzjoni u fl-istess waqt jiżguraw li tkun disponibbli informazzjoni qrib tal-konsumaturi kemm jista" jkun f'termini ta" post, żmien, għodod u dettall;

22.  22 Jenfasizza l-ħtieġa għall-Kummissjoni biex tiżviluppa, b'koperazzjoni ma" l-NRAs, kriterji ta" kwalità biex ikunu applikati għal servizzi relatati mal-konsumatur, inklużi 'call centres";

23.  Huwa ta" l-opinjoni li s-simulatur tat-tariffi għandu jkun disponibbli fuq il-websites tal-fornituri u tar-regolatur nazzjonali indipendenti; jenfasizza li l-konsumaturi għandhom, fuq bażi regolari jiġu infurmati dwar il-konsum ta" l-enerġija tagħhom;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-fornituri jkunu obbligati li jinfurmaw lill-konsumaturi bil-promulgazzjoni tal-Karta;

Miżuri soċjali

25.  Jikkundanna l-fatt li konsumaturi vulnerabbli ta' l-enerġija għandhom problemi serji li għandhom jiġu indirizzati b'mod espliċitu fis-sistemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali jew miżuri oħra ekwivalenti;

26.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu bħala prijorità f'miżuri komprensivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-familji bi dħul baxx, u b'hekk jindirizzaw b'mod strateġiku, kemm il-problema tal-faqar fir-rigward tal-fjuwil kif ukoll il-mira ta" "20% sa l-2020"fl-effiċjenza ta" l-enerġija adottata fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta" l-2007.

27.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi gwida għal definizzjoni komuni ta" l-obbligi ta" servizz pubbliku u biex tissorvelja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta" l-obbligi kif stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Anness A tad-Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi d-definizzjoni ta" faqar enerġetiku;

29.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu Pjanijiet ta" Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija li jindirizzaw il-faqar fl-aċċess għall-enerġija u sabiex jikkomunikaw dawn il-miżuri lill-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija; jistieden lill-Aġenzija sabiex timmonitorja, f'koperazzjoni ma" l-awtoritajiet nazzjonali, dawn il-miżuri u sabiex tikkomunika l-miżuri ta" suċċess; jenfasizza li għandha ssir valutazzjoni li teżamina kif is-sistemi individwali ta' sigurtà soċjali nazzjonali u s-sistemi ta' tassazzjoni jikkunsidraw ir-riskji assoċjati mal-faqar ta' l-enerġija;

Miżuri ambjentali

30.  Jenfasizza li l-fornituri u l-operaturi tan-network għandhom jipproċedu b'mod responsabbli għall-ambjent, u jwettqu kull sforz possibbli biex iżommu t-tniġġis tas-CO2 kif ukoll il-produzzjoni ta" l-iskart radjuattiv, fl-aktar livelli baxxi possibbli previsti fil-liġi applikabbli;

31.  Iqis li għandha tingħata prijorità għal sorsi ta" enerġija li tiġġedded, sħana u enerġija magħquda flimkien u ġenerazzjoni magħquda oħra, u li d-dritt tal-konsumaturi biex iwettqu għażla infurmata favur enerġiji li jiġġeddu għandu jkun rikonoxxut fil-Karta; għalhekk iqis li l-konsumaturi kollha għandhom ikunu infurmati b'mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju dwar is-sorsi ta' enerġija disponibbli lilhom;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva2003/54/KE jiġi implimentat fil-prattika, skond liema l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni ta" min jorbot fuqha dwar it-taħlita ta" l-enerġija tal-fornitur u l-impatt ambjentali ta" l-elettriku prodott mit-taħlita ta" l-enerġija tal-fornitur;

L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali

33.  Jenfasizza l-eżistenza ta" l-NRAs fl-Istati Membri iżda jikkundanna s-setgħat limitati tagħhom illum; huwa ta" l-opinjoni li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NRAs ikollhom setgħat u riżorsi statutorji suffiċjenti, u li huma lesti jużawhom;

34.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li r-regolaturi nazzjonali għandu jkollhom irwol ċentrali fil-ħarsien tal-konsumatur; jemmen, għal din ir-raġuni, li l-proposti mmirati lejn it-tisħiħ tas-setgħat u l-indipendenza tar-regolaturi, fosthom id-dritt li jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-fornituri li ma jikkonformawx mal-liġi Komunitarja rigward din il-kwistjoni, għandhom ikunu appoġġati;

35.  Huwa ta" l-opinjoni li l-NRAs għandhom ikunu indipendenti minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat u jkollhom mill-anqas il-kompetenza:

   li japprovaw il-prinċipji li jiddeterminaw it-tariffi tan-network jew it-tariffi attwali tal-grids u eventwalment il-mekkaniżmi ta" indiċjar tagħhom,
   li jimmonitorjaw il-prezzijiet u l-komponenti kollha tagħhom, inklużi l-mekkaniżmi ta" indiċjar tagħhom,
   li jimmonitorjaw, jikkontrollaw u jinfurzaw l-informazzjoni dwar il-konsumatur ipprovduta mill-fornituri għal mill-inqas l-ewwel ħames snin wara li s-suq ikun liberalizzat b'mod sħiħ u sa dan iż-żmien kif intwera li l-fornituri jkollhom u se jkomplu jipprovdu lill-konsumaturi b'informazzjoni relevanti, trasparenti u imparzjali,
   jipproteġu lill-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali inġusti u, f'dan ir-rigward, jikkooperaw ma" l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti;

36.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NRAs għandhom is-setgħat neċessarji sabiex jimmonitorjaw l-offerti fuq l-elettriku u l-gass li huma disponibbli fuq is-suq. Għalhekk, huma jkollhom aċċess għall-elementi deċiżivi kollha li jiddeterminaw il-prezzijiet, inklużi mill-inqas, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratti tal-gass u ta" l-elettriku u l-formoli ta" l-indiċi;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kompetenzi ta" l-NRAs jiġu inkorporati fl-Artikolu 22c propost tad-Direttiva 2003/54/KE u l-Artikolu 24c propost tad-Direttiva 2003/55/KE;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ Ewropew integrat ta" l-attivitajiet ta" l-NRAs li huma koordinati mill-Aġenzija Ewropea;

Ilmenti

39.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex idaħħlu fis-seħħ, kemm jista' jkun qrib il-konsumaturi, punt ta" dħul komuni għal kull tip ta' lment tal-konsumaturi u biex jinkoraġġixxu r-riżoluzzjoni ta" ilmenti bħal dawn permezz ta" metodi alternattivi ta" riżoluzzjoni ta" tilwima;

40.  Jenfasizza li l-konsumaturi kollha għandu jkollhom id-dritt għal provvista ta' servizz, indirizzar ta' lment u riżoluzzjoni ta' tilwima alternattiva mill-fornitur tas-servizz tagħhom ta' l-enerġija bi qbil ma" standards internazzjonali inklużi ISO 10001, ISO 10002 u ISO 10003 u aktar standards ISO żviluppati f'dan il-qasam;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ombudsmen jingħataw is-setgħa li jitrattaw b'mod effettiv l-ilmenti kif ukoll li jipprovdu informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' l-enerġija lill-konsumaturi;

L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi

42.  Jirrikonoxxi l-irwol importanti ta" l-organizzazzjoni tal-konsumaturi sabiex din tassigura li jsir kollox biex jinkiseb livell għoli ta" drittijiet għall-konsumaturi ta" l-enerġija madwar l-UE; l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur ikollhom riżorsi suffiċjenti biex jindirizzaw servizzi essenzjali, inklużi l-gass u l-elettriku;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli ta" servizzi ta" l-enerġija; jenfasizza l-irwol importanti ta" organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ta" l-NRAs fil-promozzjoni ta" konsum sostenibbli billi tinġibed l-attenzjoni kemm tal-konsumaturi u tal-kumpaniji għal, b'mod partikulari, it-taħlita ta" l-enerġija, il-bidla fil-klima u l-influwenza tal-konsumaturi fuq l-iżvilupp tas-settur;

44.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex huma jkunu jistgħu jħarrġu l-istaff tagħhom u b'hekk ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jipprovdu assistenza fil-proċess leġiżlattiv, meta jinfurmaw u jedukaw lill-konsumaturi u fir-riżoluzzjoni ta' tilwim tal-konsumatur;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta" l-Istati Membri.

(1) ĠU L 127, 294.2004, p. 92.
(2) 2 ĠU L 296, 14.11.2003, p. 34.
(3) Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern ta' l-elettriċità (ĠU L 176, 15.7.2003, p.37).
(4) Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU L 176, 15.7.2003, p.57).
(5) ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

Avviż legali - Politika tal-privatezza