Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0316/2008

Dibattiti :

PV 19/06/2008 - 9.2
CRE 19/06/2008 - 9.2

Votazzjonijiet :

PV 19/06/2008 - 10.2
CRE 19/06/2008 - 10.2

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 217kWORD 48k
Il-Ħamis, 19 ta' Ġunju 2008 - Strasburgu
Somalja
P6_TA(2008)0313RC-B6-0316/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-qtil regolari taċ-ċivili fis-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-UE dwar il-ftehima ta' paċi riċenti ta' Djibouti,

–   wara li kkunsidra r-rapporti mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon li jesprimu tħassib dwar il-katastrofi umanitarja persistenti fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-inizjattivi u d-dikjarazzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana (UA) fir-rigward tas-sitwazzjoni fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-pjan għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali mressaq fir-Riżoluzzjoni 1744 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, approvata fl-20 ta' Frar 2007, wara r-rebħa ta' l-Etjopja fuq l-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   filwaqt li hu mħasseb bil-gwerra ċivili fis-Somalja li qiegħda tieħu fit-tul u bl-implikazzjonijiet tagħha għall-proċess ta' paċi u ta' rikonċiljazzjoni f'dak il-pajjiż, kif ukoll għas-sigurtà u għall-istabilità tal-Qarn ta' l-Afrika kollu kemm hu,

B.   billi madwar 100 persuna nqatlu u eluf ħarbu minn djarhom fil-kapitali Somala, Mogadishu, f'dawn l-aħħar jiem, wara li reġa' beda l-ġlied bejn it-truppi tal-Gvern Federali Tranżitorju (TFG) u r-ribelli, wara li wħud mill-mexxejja Iżlamiċi rrifjutaw ftehim ta' waqfien mill-ġlied għal tliet xhur li ntlaħaq bil-medjazzjoni tan-NU u li kien iffirmat f'Djibouti mit-TFG u mill-Alleanza għal-Liberazzjoni mill-Ġdid tas-Somalja (ARS);

C.   billi l-membri tas-soċjetà ċivili fis-Somalja, b'mod partikolari l-midja, sfaw fil-mira b'mod partikolari ta' attakki u qtil, u filwaqt li jikkundanna l-qtil brutali u mmirat ta' Nasteh Dahir Farah, Viċi President ta' l-Unjoni Nazzjonali tal-Ġurnalisti Somali, maqtul b'tiri ta' arma tan-nar fil-belt fin-Nofsinhar, Kismayu (Somalja), is-Sibt 7 ta' Ġunju 2008,

D.   billi 15-il ħaddiem li jipprovdi l-għajnuna nqatlu mill-bidu ta' l-2008 sa issa, inkluż ħaddiem prominenti Somalu li jipprovdi l-għajnuna, il-kap ta' l-aġenzija lokali ta' l-għajnuna 'Woman and Child Care', Mohamed Mahdi, li ġie milqut f'Mogadishu, minn persuni mhux identifikati;

E.   billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU esprima tħassib dwar iż-żieda fir-reklutaġġ ta' suldati tfal, b'mod partikolari f'Mogadishu, u dwar l-użu mifrux tat-tfal fi kważi l-forzi kollha tal-ġlied fis-Somalja,

F.   billi fis-Somalja għadhom qed jitwettqu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-partijiet kollha tal-kunflitt, speċifikament tortura u trattament ħażin, stupri, eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, detenzjoni arbitrarja u attakki fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili;

G.   billi l-kunflitt u l-instabilità politika li għadhom għadejjin fis-Somalja wasslu biex qed isiru atti ta' piraterija u ta' serq bl-armi,

H.   billi, minn Frar 2007, madwar 856 970 Somalu ħarbu mill-ġlied f'Mogadishu, u 2.6 miljun Somalu - madwar 35% tal-popolazzjoni - jeħtieġu għajnuna umanitarja, ċifra li tista' tiżdied sa 3.5 miljun sa l-aħħar tas-sena,

I.   billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU ħeġġeġ lill-forzi Etjopjani biex 'iżommu lura milli jwettqu attakki bla distinzjoni kontra ċ-ċivili u l-oġġetti ċivili, li jinkludu attakki fuq skejjel u sptarijiet', u stieden lill-awtoritajiet Etjopjani biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta' ksur serju li twettqu kontra t-tfal mill-forzi tagħhom,

1.  Jikkundanna b'mod qawwi l-ġlied, il-qtil ta' persuni partikolari u l-ksur serju l-ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li għadhom qed iseħħu u li qed jitwettqu mill-partijiet kollha tal-kunflitt, li kkawżaw il-mewt ta' bosta ċivili Somali u kif ukoll katastrofi umanitarja;

2.  Jistieden lin-naħat kollha tal-kunflitt biex itemmu immedjatament il-ksur kollu tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja, iwaqqfu l-attakki li huma mmirati lejn iċ-ċivili, jieqfu kompletament mill-użu tat-theddid ta' mewt, ta' l-istupri, ta' l-arresti illegali, tal-ħtif tal-persuni, ta' l-intimidazzjoni u tas-sakkeġġi taċ-ċivili u jikkonformaw b'mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu Komuni 3 tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

3.  Jitlob li jinħelsu ż-żewġ membri Taljani u l-membru Somalu ta' l-NGO agrikola Cooperazione Italiana Nord Sud, Jolanda Occhipinti, Giuliano Paganini u Abdirahaman Yussuf Harale, li nħatfu fil-21 ta' Mejju 2008 madwar 60 Km fin-nofsinhar ta' Mogadishu, u li għalihom intalab riskatt ta' USD 1 000 000;

4.  Jitlob li jsiru investigazzjonijiet dwar il-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi ksur serju tad-drittijiet tat-tfal; iħeġġeġ lit-TFG biex itemm id-detenzjoni tat-tfal u biex jikkontrolla l-proliferazzjoni ta' l-armi ż-żgħar;

5.  Iħeġġeġ lin-naħat kollha tal-kunflitt biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm aċċess u għajnuna umanitarji mingħajr xkiel għall-popolazzjonijiet affettwati fil-pajjiż, u biex jieħdu miżuri effettivi biex jiżguraw is-sikurezza tal-ħaddiema lokali u internazzjonali li jipprovdu l-għajnuna umanitarja;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim ta' paċi milħuq bejn it-TFG u l-ARS waqt it-taħdidiet inter-Somali f'Djibouti fid-9 ta' Ġunju 2008, iffaċilitati mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ahmedou Ould-Abdallah, mill-Unjoni Afrikana u minn organizzazzjonijiet reġjonali u msieħba internazzjonali oħra; iħeġġeġ lit-TFG biex jinvolvi ruħu fi proċess ġenwin ta' rikonċiljazzjoni mal-partijiet kollha tal-kunflitt fil-pajjiż biex joħloq kundizzjonijiet għall-paċi, għas-sigurtà u għall-istabilità;

7.  Jitlob li jissaħħaħ l-irwol tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal, fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

8.  Jistieden lit-TFG b'kollaborazzjoni man-NU u ma' l-UA, biex juża l-mezzi kollha disponibbli biex jiġu evitati, skoraġġati u mrażżna l-piraterija u s-serq bl-armi mwettqa mill-kosta tas-Somalja speċjalment kontra dawk il-bastimenti li jkunu qed iġorru l-għajnuna umanitarja;

9.  Jistieden lill-UE biex tħeġġeġ lill-Gvern Kenjan biex jagħti ażil lir-rifuġjati Somali u jiddefendi d-drittijiet tagħhom għall-għajnuna, u jistieden lill-Gvern Kenjan biex jippermetti aċċess umanitarju mingħajr xkiel mill-mogħdija ta' El Wak;

10.  Jistieden lid-donaturi kollha, u b'mod partikolari lill-UE, sabiex iżidu l-għoti ta' l-għajnuna umanitarja lill-persuni internament spustjati u sabiex jiggarantixxu għajnuna effettiva għall-iżvilupp lill-popolazzjoni Somala;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-għajnuna ta' l-UE ma tiġix miżapproprjata biex terġa' tingħata s-setgħa lill-warlords li ġew assorbiti fl-Istituzzjonijiet Federali Tranżitorji, u biex tieħu passi biex tipprovdi rimedju għal dan jekk ikun meħtieġ;

12.  Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex isaħħaħ l-embargo ta' l-armi kontra s-Somalja u biex jieħu azzjoni aktar iddeterminata biex jiżgura li l-embargo jiġi rrispettat b'mod sħiħ mill-istati fir-reġjun; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jinvestiga u jimponi sanzjonijiet immirati, inkluż riferenza potenzjali lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kontra l-individwi kollha akkużati li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fis-Somalja;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1814(2008), adottata b'mod unanimu fil-15 ta' Mejju 2008, li titlob li possibilment tintbagħat forza tan-NU għaż-żamma tal-paċi bi 28 500 raġel, sakemm ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet politiċi u tas-sigurtà fil-post; jinnota li l-forza proposta tan-NU tkun qed tissostitwixxi kontinġent żgħir ta' suldati għaż-żamma tal-paċi ta' l-UA li ilhom fis-Somalja minn Marzu 2007;

14.  Iħeġġeġ b'mod qawwi li l-Missjoni ta' l-UA fis-Somalja (AMISOM) u kwalunkwe missjoni sussegwenti tan-NU għaż-żamma tal-paċi tingħata l-mandat li tipproteġi ċ-ċivili, inklużi n-nisa, it-tfal u l-persuni spustjati internament, u tinkludi komponent b'saħħtu tad-drittijiet tal-bniedem, bil-kapaċità li timmoniterja, tinvestiga u tirrapporta ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Itenni l-appoġġ tiegħu għar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Somalja, Ahmedou Ould Abdallah, fl-isforzi tiegħu biex tiġi kkoordinata l-azzjoni tal-komunità internazzjonali u biex jiġi ffaċilitat id-djalogu politiku inter-Somalu, kif ukoll sabiex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni fis-Somalja billi tintbgħat l-AMISOM;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill- Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali ta' l-UA, tan-NU u ta' l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-President tat-TFG, lill-Gvern ta' l-Etjopja u lill-Parlament Pan-Afrikan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza