Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2621(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0377/2008

Dibattiti :

PV 03/09/2008 - 15
CRE 03/09/2008 - 15

Votazzjonijiet :

PV 04/09/2008 - 7.5
CRE 04/09/2008 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0406

Testi adottati
WORD 81k
Il-Ħamis, 4 ta' Settembru 2008 - Brussell Verżjoni finali
Is-saħħa ta' l-ommijiet
P6_TA(2008)0406B6-0377, 0385, 0388, 0393 u 0395/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Settembru 2008 dwar l-Imwiet marbuta mal-Maternità qabel il-Laqgħa ta" Livell Għoli tan-NU tal-25 ta" Settembru dwar ir-reviżjoni tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs), adottati fis-Samit tal-Millennju tan-NU f'Settembru 2000,

–   wara li kkunsidra l-"Aġenda tal-UE għall-Azzjoni rigward l-MDGs" tal-Kunsill Ewropew ta" Ġunju 2008 u l-għanijiet tagħha għall-2010,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa ta' livell għoli dwar l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp li se sseħħ fil-Kwartieri Ġenerali tan-NU fi New York fil-25 ta' Settembru 2008,

–   wara li kkunsidra "r-Rapport tal-UE dwar L-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp 2000 – 2004" tal-Kummissjoni (SEC(2005)456),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta" Brussell tas-16 u s-17 ta" Diċembru 2004, li kkonfermaw l-impenn sħiħ tal-Unjoni Ewropea għall-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u għall-koerenza politika,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-20 ta" Novembru 1959 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tgħid li "għandhom jingħataw kura u ħarsien speċjali kemm lit-tfal kif ukoll lill-ommijiet, inkluża kura adegwata għal qabel u għal wara t-twelid", u wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-20 ta" Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li skontha l-Istati firmatarji għandhom "jiggarantixxu kura tas-saħħa xierqa għall-ommijiet qabel u wara t-twelid",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (COM(2007)0100),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE adottata fis-Samit EU-Afrika ta' Lisbona fl-2007,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta" Marzu 2008 dwar "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp" (1) ,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' April 2005 dwar l-irwol tal-Unjoni Ewropea fl-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs)(2) u tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar "l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - il-bilanċ intermedju"(3) ,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta" Novembru 2005 dwar strateġija ta" żvilupp għall-Afrika,(4) u r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika(5) ,

–   wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni li ġiet adottata f'Beijing kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li rriżultaw, adottati min-NU fis-Sessjonijiet Speċjali Beijing +5 u Beijing +10 ntitolati "aktar azzjoni u inizjattiva fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni" adottati rispettivament fl-10 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp: 'Il-Konsensus Ewropew' (Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp)(6) u l-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja(7) ,

–   wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-Istat tal-Popolazzjoni Dinjija , imħejjija mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni, (UNFPA) bl-isem ta" "Il-Wegħda tal-Ugwaljanza: l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, is-Saħħa Riproduttiva u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp" tal-2005 u "Bidla lejn it-Tama: In-Nisa u l-Migrazzjoni Internazzjonali", rispettivament tal-2006,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta" Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ("Strument ta" Koperazzjoni għall-Iżvilupp" (SKI))(8) ,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-bniedem u tal-populazzjoni dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, magħruf ukoll bħala l-"Protokoll ta" Maputo" li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Novembru 2005 u l-Pjan ta' Azzjoni ta" Maputo għat-tħaddim tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi 2007 - 2010 adottati waqt is-sessjoni speċjali tal-Konferenza tal-Ministri tal-Unjoni Afrikana f'Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tan-NU dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr f'Settembru 1994, il-Programm Finali ta" Azzjoni adottat fil-Kajr u d-dokumenti sussegwenti li rriżultaw, adottati fl-1999 fis-seduta speċjali ta'l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar aktar azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Programm ta" Azzjoni tal-ICPD (ICPD +5)adottat fl-1999,

–   wara li kkunsidra l-qafas ta" Brussell għal azzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa għall-iżvilupp sostenibbli, adottat fl-ewwel laqgħa tal-Ministri tas-Saħħa tal-Grupp ta" Stati tal-ACP fi Brussell f'Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li daħal fis-seħħ fit-3 ta" Jannar 1976, b'mod partikulari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 tal-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-NU, dwar l-Artikolu 12 tal-ICESCR'Id-Dritt għall-Ogħla Standard Possibbli tas-Saħħa",

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li daħal fis-seħħ fit 3 ta" Settembru 1981,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi s-saħħa materna (MDG 5) hija l-qasam li fih sar l-inqas progress minn fost l-MDGs kollha u għalhekk, huwa fost l-għanijiet li x'aktarx li mhux se jintlaħqu sal-2015, b'mod partikulari fl-Afrika "l isfel mis-Saħara u fin-Nofsinhar tal-Ażja,

B.   billi aktar minn nofs miljun mara jmutu kull sena waqt it-tqala jew il-hlas, u 99% minn dawn l-imwiet iseħħu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi f"20 sena, ir-rata fl-Afrika "l isfel mis-Saħara bilkemm inbidlet u naqset biss b"0.1% fis-sena fir-reġjun u hemm ir-riskju li mara minn kull sittax tmut waqt it-tqala jew waqt il-ħlas; billi l-imwiet marbuta mal-maternità huma l-indikatur l-aktar ċar ta" inugwaljanzi dinjija fir-rigward tas-saħħa,

C.   billi, minbarra l-inugwaljanza ġeografika, l-esperjenza u r-riċerka dwar l-imwiet marbuta mal-maternità juru disparitajiet sinifikanti fir-rati tal-imwiet marbuta mal-maternità skont l-għana, ir-razza u l-etniċità, il-lokazzjoni urbana jew rurali, il-livell ta' edukazzjoni, kif ukoll skont ir-reliġjonijiet differenti fi ħdan il-pajjiżi, inklużi l-pajjiżi industrijalizzati, disparità li hija l-akbar fl-istatistika kollha tas-saħħa pubblika,

D.   billi l-G8 ftiehem dwar pakkett dwar is-saħħa li se jgħin fit-taħriġ u l-impjegar ta' miljun u nofs ħaddiem fis-settur tas-saħħa fl-Afrika u li għandu jiżgura li 80% tal-ommijiet ikollhom l-assitenza ta' ħaddiem tas-saħħa mħarreġ waqt il-ħlas; billi dan jinkludi impenn tad-daqs ta' 2.3 ħaddiema għal kull 1000 ruħ f'36 pajjiż Afrikan li qed ibatu minn nuqqas kritiku; billi, madankollu, ma tissemma l-ebda limitazzjoni tal-għaxar biljun dollaru li skont l-attivisti fis-soċjetà ċivili jkunu meħtieġa biex, kull sena, jiġu salvati l-ħajjiet ta' sitt miljun omm u tifel,

E.   billi l-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità jikkostitwixxu emerġenza dinjija fir-rigward tas-saħħa: kull sena huwa stmat li madwar 536 000 nisa jmutu waqt il-ħlas, filwaqt li mara minn kull għoxrin ikollha kumplikazzjonijiet serji, li jvarjaw minn infezzjonijiet kroniċi għal kundizzjonijiet bħall-fistula ostetrika li jwasslu għal diżabilità, kif ukoll għal diżabilitajiet tul il-ħajja,

F.   billi mhuwiex misteru għaliex in-nisa jmutu waqt it-tqala u l-ħlas – il-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità huma ċari u magħrufa sew, kif inhuma magħrufa l-mezzi biex ikunu evitatati,

G.   billi l-imwiet marbuta mal-maternità jistgħu jiġu evitati bil-għoti ta' kura sikura għall-ommijiet, aċċess effettiv għall-kontraċezzjoni u aborti legali u sikuri;

H.  H billi l-imwiet marbuta mal-maternità jistgħu jkunu evitati billi jiżdied l-aċċess għal metodi ta" ppjanar tal-familja u l-użu tagħhom, permezz tal-aċċess għal kura materna sikura u ta" kwalità, partikolarment waqt it-twelid, waqt il-ħlas b'kura ostetrika ta' emerġenza, u fil-perjodu ta' wara l-ħlas, kif ukoll billi jittejbu s-saħħa u n-nutrizzjoni tan-nisa u l-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà,

I.   billi dan l-approċċ ta" prevenzjoni jinkludi t-taħriġ tan-nisa u tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa biex jagħrfu l-kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u l-ħlas u biex jitolbu l-kura xierqa, jirrikjedi netwerk ta" faċilitajiet tas-saħħa xierqa li jistgħu jintużaw f'perjodu raġonevoli ta" żmien bl-infrastruttura u t-trasport disponibbli, u jirrikjedi li tingħata kura xierqa f'dawn il-faċilitajiet tas-saħħa fil-qrib, minn staff imħarreġ, b'immaniġġjar effettiv u bil-provvista ta" elettriku, ilma u provvisti mediċi anke fiz-zoni rurali,

J.   billi l-imwiet marbuta mal-maternità li jistgħu jkunu evitati jikkostitwixxu vjolazzjonijiet tad-dritt għall-ħajja tan-nisa u tat-tfajliet adolexxenti, kif stipulat f'għadd ta' impenji internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, inkluża d-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-kawżi tal-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità jistgħu jinvolvu wkoll vjolazzjonijiet ta" drittijiet tal-bniedem oħra, inkluż id-dritt għall-ogħla standard possibbli ta" saħħa fiżika u mentali u d-dritt għan-non-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika,

K.   billi d-dritt għall-awtonomija sesswali u riproduttiva jinkludi d-dritt li mara tiżżewweġ, li jkollha familja u li jkollha relazzjonijiet sesswali b'mod volontarju, u d-dritt tal-ħelsien mill-vjolenza u l-isfurzar sesswali,

L.   billi hija r-responsabilità tal-gvernijiet li jipprovdu huma stess jew permezz ta" oħrajn, servizzi ta" kura tas-saħħa bħala dritt, u billi anke dawk il-gvernijiet b'riżorsi limitati jistgħu jieħdu miżuri immedjati li jkollhom impatt fuq is-saħħa materna,

M.   billi, fl-aħħar mill-aħħar, huwa anwqas probabbli li l-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità u tal-kundizzjonijiet marbuta mal-ħlas ikunu prattiċi jew strutturali, iżda x'aktarx li jiddependu mill-valur baxx u mill-istejtus baxx mogħti lin-nisa, li ġeneralment huma żvantaġġjati fis-soċjetà, u billi huwa magħruf li, f'pajjiżi b'livelli simili ta" żvilupp ekonomiku, aktar ma l-istejtus tan-nisa jkun għoli, anqas ma tkun ir-rata tal-imwiet marbuta mal-maternità,

N.   billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli waqt it-tqala jew il-ħlas minħabba diversi forom ta" diskriminazzjoni, inklużi disparitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, prattiki tradizzjonali li jkunu ta" ħsara għan-nisa, il-vjolenza fuq in-nisa, in-nuqqas ta" kontroll rigward is-saħħa riproduttiva u d-drittijiet riproduttivi tagħhom, it-tiċħid tat-trabi tfajliet u l-isterjotipi ta" nisa prinċipalment bħala ommijiet u persuni li jieħdu ħsieb lil oħrajn; billi s-CEDAWġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE,

O.   billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU inkludiet "l-aċċess universali għas-saħħa riproduttiva mill-2015" bħala waħda mill-għanijiet tal-millenju tal-komunita' internazzjonali taħt l-MDG 5 – it-tnaqqis tal-imwiet marbuta mal-Maternità,

P.   billi, (komunità internazzjonali wedgħet riżorsi ġodda waqt ICPD, u identifikat "is-saħħa riproduttiva" (inklużi l-ippjanar tal-familja u s-servizzi tas-saħħa għall-ommijiet) bħala prijorità ċentrali fl-isforzi internazzjonali għall-iżvilupp,

Q.   billi, minflok żdied l-appoġġ, l-iffinanzjar totali mid-donaturi għall-ippjanar tal-familja bħalissa huwa ferm aktar baxx milli kien fl-1994, billi niżel minn USD 723 miljun fl-1995 għal USD 442 miljun fl-2004, f'termini assoluti tad-Dollaru,

R.   billi l-UE ħadet impenji regolari u konsistenti sabiex jintlaħaq l-MDG 5, l-aktar riċentement fl-"Aġenda tal-UE għall-Azzjoni dwar l-MDGs" msemmija hawn fuq,

S.   billi minkejja s-serjetà ta' din il-problema u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, is-servizzi tas-saħħa għall-ommijiet baqgħu fil-qiegħ tal-aġenda internazzjonali, tilfu l-importanza minħabba l-interventi dwar mard speċifiku, u dan wassal għall-marġinalizzazzjoni tal-imwiet marbuta mal-maternità, filwaqt li r-rati għolja ta' HIV kkontribwixxew sabiex il-progress lejn it-tnaqqis tal-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità jistaġna jew jiddeterjora,

1.  Jesprimi preokkupazzjoni kbira għall-fatt li l-Imwiet marbuta mal-Maternità (MDG 5) huma l-uniku MDG li dwaru mhux biss ma sarx progress mill-2000, partikolarment fl-Afrika "l isfel mis-Saħara u fin-Nofsinhar tal-Ażja, iżda li 20 sena ilu ċ-ċifri kienu bħalma huma illum;

2.  Jinnota li mal-edukazzjoni, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tas-saħħa materna (MDG 5 );

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, qabel il-Laqgħa Għolja tan-NU dwar l-MDGs, biex jagħtu prijorità lill-azzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-MDG 5;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex inaqqsu d-differenza bejn ir-rati tal-imwiet marbuta mal-maternità f'pajjiżi industrijalizzati u li qed jiżviluppaw, permezz ta' żieda fl-investiment u fl-azzjoni sabiex jittejbu r-riżorsi umani għas-saħħa, u jkun hemm aktar riżorsi u impenn fit-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u tal-infrastruttura bażika tas-saħħa kif ukoll allokazzjonijiet għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-funzjonijiet bażiċi tas-saħħa pubblika, tal-azzjoni komunitarja u ta' funzjonijiet oħra meħtieġa ta' appoġġ;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw l-isforzi biex jeliminaw l-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità li jistgħu jiġu evitati permezz ta' żvilupp, implimentazzjoni u evalwazzjoni regolari tal-"pjanijiet direzzjonali" u tal-pjanijiet ta" azzjoni għat-tnaqqis tal-piż globali tal-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità, li jadottaw approċċ sistematiku, sostenut, u bbażat fuq l-ekwità u fuq id-drittijiet tal-bniedem, appoġġjat u faċilitat b'mod adegwat minn finanzjament u mekkaniżmi istituzzjonali b'saħħithom;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jespandu l-provvista tas-servizzi tas-saħħa materna fil-kuntest tal-kura primarja tas-saħħa, fuq il-bażi tal-kunċett ta" għażla infurmata, edukazzjoni dwar il-maternità bla periklu, kura ffukata u effettiva għal qabel it-twelid, programmi dwar in-nutriment tal-ommijiet, għajnuna adegwata għall-ħlas li tevita r-rikors eċċessiv għal operazzjonijiet ċesarji u tipprovdi għal emerġenzi ostetriċi, servizzi ta" riferiment għall-kumplikazzjoniiet marbuta mat-tqala, mal-ħlas u mal-abort, u kura u ppjanar tal-familja għal wara t-twelid;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-aċċess għan-nisa kollha għal informazzjoni u servizzi komprensivi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw u jiżviluppaw l-indikaturi u l-punti ta" riferiment li juma diġà stabbiliti sew għat-tnaqqis tal-imwiet marbuta mal-maternità (inklużi l-allokazzjonijiet ta'l-assisstenza uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA)) u biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta" monitoraġġ u ta" responsabilità li jistgħu jwasslu għal titjib kostanti tal-politiki u l-programmi eżistenti;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu li s-servizzi tal-kura tas-saħħa riproduttiva jkunu għall-but ta" kulħadd, disponibbli, aċċessibbli, u ta" kwalità tajba, u biex jiddedikaw ir-riżorsi massimi disponibbli għall-politiki u l-programmi dwar l-imwiet marbuta mal-maternità;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li tinġabar dejta ta" min joqgħod fuqha u fiż-żmien opportun li tmexxi l-implimentazzjoni tal-miżuri rigward l-imwiet u l-morbożità marbuta mal-maternità;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu taħriġ, bini ta' kapaċità u infrastruttura għal għadd xieraq ta' persuni mħarrġa għal waqt it-twelid, u biex jiżguraw li kull mara tqila u kull tfajla jkollha aċċess għal persuni bħal dawn u li "pjanijiet direzzjonali" u pjanijiet ta" azzjoni nazzjonali jirriflettu din il-mira, dan l-eżitu jew dan il-għan;

12.  Jitlob li jissaħħu l-programmi nazzjonali tas-saħħa għat-testijiet għall-HIV qabel u waqt it-tqala, għat-trattament antiretrovirali għal nisa tqal li huma pożittivi għall-HIV u għal miżuri ta' prevenzjoni kontra l-HIV, bħal programmi ta' informazzjoni u edukazzjoni;

13.  Iħeġġeġ lill-UE biex tibqa" tkun minn ta" quddiem fl-isforzi li jappoġġjaw id-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva billi żżomm livelli ta" finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tal- ICPD, u jiddispjaċih li filwaqt li l-Afrika "l isfel mis-Saħara għandha l-ogħla rati ta" mwiet marbuta mal-maternità, għandha wkoll ir-rata l-aktar baxxa ta" użu ta" kontraċettivi fid-dinja (19%), u 30% tal-imwiet kollha marbuta mal-maternità fir-reġjun huma kkawżati minn aborti mhux sikuri;

14.  Jemmen li sabiex jintlaħqu l-miri tal-MDGs dwar l-aċċess universali għas-saħħa riproduttiva sal-2015, jeħtieġ li l-livell ta" finanzjament mill-UE jiżdied, inkella se jibqgħu jmutu nisa minħabba t-tqala u kawżi marbuta mat-tqala;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw programmi u politiki biex jindirizzaw il-fatturi determinanti fundamentali tas-saħħa li huma essenzjali għall-prevenzjoni tal-imwiet marbuta mal-maternità, bħall-parteċipazzjoni fi proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mas-saħħa, tagħrif fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva, il-litteriżmu, in-nutrizzjoni, in-non-diskriminazzjoni u r-regoli soċjali li huma l-bażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

16.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, bħala segwitu għall-progress li sar fit-tnaqqis tal-imwiet marbuta mal-maternità, biex jieħdu sehem b'mod attiv f'fora globali bħal "Countdown to 2015", biex jaqsmu l-aqwa prattiki dwar il-programmi u l-politiki f'dan il-qasam, u biex jippromwovu momentum kontinwu għat-titjib;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ma jkomplux iwaqqfu l-impenji ta" ffinanzjar biex jintlaħqu l-MDGs, inkluż l-MDG 5, u jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill biex tagħti eżempju billi tiżgura li jkun disponibbli finanzjament xieraq u fiss u li l-isforzi jiżdiedu sabiex ma jibqgħux imutu n-nies;

18.  Ifakkar fl-impenn tal-Istati Membri tal-UE li jilħqu livelli ta' ODA ta'; 0.7% ta' dħul nazzjonali gross (GNI) sal-2015, u jistieden lill-Istati Membri li bħalissa għadhom lura sabiex iżidu l-isforzi tagħhom;

19.  Jistieden lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma daħħlux projbizzjoni fuq prattiki u tradizzjonijiet ta" ħsara bħall-mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa (FGM) biex jieħdu azzjoni u biex jappoġġjaw kampanji ta" informazzjoni għal dan il-għan;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kuntratti tal-MDGs jiffukaw primarjament fuq l-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

21.  Jiddeplora l-projbizzjoni tal-użu ta' kontraċettivi appoġġjata mill-knejjes għaliex l-użu ta' kondoms huwa kruċjali għall-prevenzjoni tal-mard u ta' tqala mhux mixtieqa,

22.  Jikkundanna l-"global gag rule" ta" l-Istati Uniti li tipprojbixxi lil dawk l-NGOs barranin li jirċievu finanzjament għall-ippjanar tal-familja mill-USAID (L-Aġenzija ta' l-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali) milli jużaw il-fondi tagħhom stess li ma jiġux mill-Istati Uniti biex jipprovdu servizzi ta" abort legali, ta" konsulenza medika u ta" referenzi għall- abort;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Unjoni Interparlamentari, u lill-Kumitat għall-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organiżazzjoni għall-Koperazzjonni Ekonimika u għall-Iżvilupp (OECD).

(1) P6_TA(2008)0103
(2) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p.311.
(3) ĠU C 146E, 12.6.2008, p.232.
(4) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.475
(5) P6_TA(2007)0483.
(6) OJ C 46, 24.2.2006, p.1.
(7) ĠU C 25, 30.1.2008, p.1.
(8) ĠU L 378, 27.12.2006, p.41.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Mejju 2009Avviż legali