Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2098(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0463/2008

Testi mressqa :

A6-0463/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2008 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0624

Testi adottati
PDF 280kWORD 126k
Il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2008 - Strasburgu
Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tax-Xogħol (2007-2010)
P6_TA(2008)0624A6-0463/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tax-Xogħol (2007-2010) (2008/2098(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 18, 136, 145, 149 u 150 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2007 bl-isem ta' ''Il-mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar: Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi (2007-2010)'' (COM(2007)0773),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet tal-liberta' tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass)(3),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KEE) Nru. 1408/71 tal-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal raqshom u għal membri tal-familja tagħom li jispustaw ruħhom fil-Komunità(4),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta' Marzu 1972 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta" skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familja tagħom li jispustaw ruħhom fil-Komunità(5),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2007 bl-isem ta' ''Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà" (COM(2007)0359),

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-25 ta' Jannar 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Ħiliet u l-Mobilità (COM(2007)0024),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2002 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ħiliet u l-Mobilità (COM(2002)0072),

–   wara li kkunsidra l-Istħarriġ Ekonomiku tal-Unjoni Ewropea tal-OECD tal-2007: l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-mobilità ġeografika tal-ħaddiema, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta' voluntiera żgħażagħ madwar l-Ewropa (COM(2008)0424),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-EURES għall-2007-2010 adottati f'Ġunju 2006,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-attivitajiet tal-EURES 2--4-2005 ippreżentat mill-Kummissjoni fis-16 ta' Marzu 2007 bl-isem ta' ''Lejn suq tax-xogħol Ewropew uniku: Il-kontribuzzjoni tal-EURES'' (COM(2007)0116),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2007, adottata wara l-mistoqsija orali B6-0136/2007 dwar ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-EURES 2004-2005 bl-isem ta' ''Lejn suq tax-xogħol Ewropew uniku''(6),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fis-sede tal-Kunsill fl-14 ta' Diċembru 2000 dwar pjan ta' azzjoni għall-mobilità(7),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd(8),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 bl-isem ta' "Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21'' (COM(2008)0412),

–   wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Eurobarometer Speċjali nru 261 tal-2006 dwar l-Impjieg u l-Politika Soċjali Ewropea, skond liema ċ-ċittadini tal-UE qegħdin iqisu li l-mobilità kulma tmur qiegħda ssir aktar importanti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0463/2008),

A.   billi l-moviment liberu u l-libertà ta' stabbiliment jikkostitwixxu drittijiet imniżżla fl-Artikoli 18 u 43 tat-Trattat KE u billi t-tħeġġiġ tal-mobilita' fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma provduti fl-Artikoli 149 u 150,

B.   billi l-mobilità tal-ħaddiem hija strument prinċipali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona għalkemm din il-mobilità għadha baxxa fl-UE, anke fost in-nisa,

C.   billi l-mobilità b'sigurtà tal-ħaddiema fuq livell Ewropew hija wieħed mid-drittijiet fundamentali li t-Trattat jagħti liċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll wieħed mill-pilastri essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew, u huwa wkoll wieħed mill-mezzi prinċipali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija ta" Liżbona,

D.   billi l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, jekk ikun meħtieġ, għandha tiġi adattata biex tirrifletti l-forom ġodda tal-mobilità u biex tiżgura li l-ħaddiema emigranti fl-UE ma jkollhomx nuqqas ta' protezzjoni tas-sigurtà soċjali,

E.   billi madwar 2% taċ-ċittadini li għandhom l-età biex jaħdmu bħalissa jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru li mhuwiex pajjiżhom u billi xi 48% tal-migranti kollha tal-UE huma nisa,

F.   billi l-Kummissjoni waqqfet Forum ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar it-titjib tal-mobilità tal-Ewropej, li l-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jidentifika miżuri li jistgħu jittieħdu biex tikber il-mobilità taż-żgħażagħ, biex titjieb l-għajnuna għall-mobilità fil-qasam tat-taħriġ professjonali u biex tikber il-mobilità tal-artisti, tal-kapijiet ta" intrapriżi u tal-voluntiera,

G.   billi l-kwistjoni tal-mobilità hija element importanti fl-Aġenda Soċjali Mġedda, u l-Aġenda tiddetermina l-opportunitajiet għaliha u timponi l-prinċipji tal-aċċess u tas-solidarjetà,

H.   billi s-suq tax-xogħol dinamiku jpoġġi sfidi serji għall-ħaddiema, speċjalment għan-nisa bit-tfal, iġġegħlhom jagħmlu kompromessi bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja,

I.   billi l-adattament mhux suffiċjenti tal-iskemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri joħloq diffikultajiet għan-nisa, pereżempju fir-rigward tat-tqala, tat-trobbija tat-tfal, u tal-opportunitajiet ta' karriera aħjar,

J.   billi l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa u se jibqa" waħda mil-libertajiet fundamentali mħaddna mit-Trattat; billi fir-rigward tal-iżgurar tal-moviment liberu għall-ħaddiema, sar progress sinifikanti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sigurtà soċjali, u billi dan iffaċilita l-moviment tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni; billi l-ostakoli amministrattivi u legali li għadhom jeżistu u li qegħdin ifixklu l-mobilità transnazzjonali jridu jitneħħew, billi għandu jsir iktar sforz sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom u jkunu jistgħu jinfurzawhom,

K.   billi l-iżgurar tal-mobilità jinvolvi li jitħaffu b'mod ġenerali l-ħtiġijiet u l-attivitajiet kollha tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom, u billi, f'numru ta" riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament ġibed l-attenzjoni għall-ostakoli għall-mobilità u għad-dritt għall-istabbiliment taċ-ċittadini tal-Unjoni barra l-Istat Membru ta' oriġini tagħhom, u ppropona soluzzjonijiet biex dawn l-ostakoli jitneħħew,

L.   billi l-esperjenza wriet li l-identifikazzjoni tal-ostakoli u t-tressiq ta' proposti ma kinux biżżejjed sabiex jitneħħew kompletament l-ostakoli għal-libertà tal-moviment u tal-mobilità; billi l-problema, fil-passat, kienet is-suġġett ta' bosta testi tal-istituzzjonijiet tal-UE li elenkaw il-problemi u pproponew miżuri korrettivi li madankollu mhux dejjem ġew implimentati,

M.   billi l-Parlament innota f'dawn il-każijiet li r-rieda li jiġu implimentati l-miżuri neċessarji mhux dejjem kienet estiża għall-miżuri li huma importanti għaċ-ċittadini għall-eliminazzjoni ta' ostakoli amministrattivi u legali għall-mobilità,

N.   billi l-Parlament f'bosta okkażjonijiet esprima l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni li teffettwa direttament l-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni, u fil-qagħda tiegħu bħala istituzzjoni eletta direttament u demokratikament miċ-ċittadini, se jibqa' jfittex soluzzjonijiet b'mod attiv għall-problemi kollha li jiffaċċjaw iċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-mobilità fi ħdan it-territorju tal-UE,

O.   billi s-sens ta' ċittadinanza tal-Unjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri jieħu saħħtu b'mod parzjali mill-possibilità ta' impjieg fis-suq intern, u billi għalhekk mhux l-interessi ekonomiċi biss għandhom ikunu l-mutur wara l-mobilità iżda wkoll l-objettiv li jwassal biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jidentifikaw ruħhom aktar bħala tali,

1.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jerġa' jtenni l-importanza ċentrali tal-mobilità, jiġifieri l-mobilità fis-suq tax-xogħol u bejn l-Istati Membri jew ir-reġjuni, sabiex jiġi kkonsolidat is-suq tax-xogħol tal-UE u jintlaħqu l-objettivi ta" Liżbona; jappoġġja t-tnedija ta" Pjan ta" Azzjoni u jixtieq li jinżamm infurmat dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li huwa qed ibassar;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-mobilità b'kundizzjonijiet ġusti, fosthom billi topponi l-impjieg klandestin u d-dumping soċjali;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta' voluntiera żgħażagħ fl-Ewropa, iżda madankollu jiddispjaċih mill-fatt li l-Kummissjoni ma tatx żmien biżżejjed lill-Parlament biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta qabel tiġi adottata r-Rakkomandazzjoni;

4.  Jinnota li Sena Ewropea tal-Volontarjat tkun għodda effettiva għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta' volontiera żgħażagħ madwar l-Ewropa;

5.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja l-inklużjoni tal-kunċett tal-mobilità tal-ħaddiema fl-aspetti kollha tal-politiki Komunitarji, b'mod partikolari fir-rigward tal-ikkumpletar tas-suq intern, tal-protezzjoni tal-ħaddiema, tar-regoli dwar il-ħaddiema ppustjati u ssekondati u l-protezzjoni kontra xogħol mhux sigur, li jistgħu jaffettwaw il-mobilità Ewropea jew jiġġieldu d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel li l-mobilità tal-impjieg tkun politika trasversali prijoritarja li, konsegwentement, tikkonċerna l-oqsma kollha relevanti tal-politiki tal-UE u li timplika lill-awtoritajiet fil-livelli kollha fl-Istati Membri kollha;

6.  Jenfasizza li l-mobilità tal-ħaddiema tiddependi mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni fil-qafas tas-suq intern kif stabbilit fit-Trattat KE;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli tippromwovi l-mobilità tax-xogħol, biex tfassal strateġija fit-tul dwar il-mobilità li tqis il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, ix-xejriet ekonomiċi u l-prospetti għat-tkabbir tal-UE, billi strateġija fit-tul biss tista' tiggarantixxi kemm il-moviment liberu tal-ħaddiema bla tilwim, kif ukoll tindirizza kif xieraq il-fenomenu tat-telfa tal-aħjar imħuħ;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-bżonnijiet speċifiċi tal-ħaddiema nisa ta' kull età li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u biex tinkludi passi konkreti ħalli jintlaħqu dawn il-bżonnijiet fl-erba' oqsma tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tax-Xogħol;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħti prijorità lis-simplifikazzjoni tal-prattiki amministrattivi u l-koperazzjoni amministrattiva sabiex ikun possibbli li jkun hemm sinerġiji bejn l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li l-interazzjoni tagħhom hi deċiżiva għas-soluzzjoni effiċjenti tal-problemi bejn l-Istati Membri; barra minn hekk, iqis li l-Istati Membri għandhom jiġġieldu bil-qawwa kontra l-ostakolu legali u amministrattiv kif ukoll kontra l-ostakoli għall-mobilità ġeografika fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, bħan-nuqqas ta" għarfien tal-esperjenzi marbuta mal-mobilità għall-prospetti tal-karriera jew is-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet, b'mod partikulari fl-SMEs;

10.  Iqis li l-Pjan ta" Azzjoni tal-Kummissjoni jolqot l-aspetti prinċipali tal-mobilità iżda li jeħtieġ li jitwettqu iktar azzjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sistemi edukattivi u s-suq tax-xogħol, il-provvista tal-informazzjoni adegwata dwar il-mobilità, iż-żamma ta' kapaċitajiet lingwistiċi akkwiżiti għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom permezz ta' preparazzjoni għall-mobilità b'tagħlim tal-lingwi barranin u fl-aħħarnett it-taħriġ vokazzjonali u s-sistemi ta' tagħlim;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu attivament it-tagħlim ta' lingwi barranin (speċjalment għall-adulti), meta jitqies li l-ostakoli lingwistiċi huma x-xkiel ewlieni li fadal għall-mobilità tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom;

12.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi taċ-ċittadini li jagħżlu li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor ikunu rispettati bis-sħiħ, mingħajr diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru u l-barranin; jemmen li għal dan il-għan, il-miżuri tal-Kummissjoni għandhom jiffukaw sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini migranti jieħdu trattament ugwali u ma jinbidlux f'forza tax-xogħol bl-irħis;

13.  Bil-ħsieb li jinħolqu rabtiet aktar b'saħħithom bejn it-taħriġ u s-suq tax-xogħol, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iġibu din il-kwistjoni quddiem il-kumitati ta' konsultazzjoni settorjali; iqis li l-industrija u l-kummerċ jistgħu jagħtu tagħrif regolari dwar l-oqsma tax-xogħol l-aktar miftuħa għall-mobilità;

14.  Iqis li l-mobilità tax-xogħol fuq medda twila ta' żmien fl-oqsma kollha jista' jkollha rwol prinċipali fil-promozzjoni tat-tkabbir u tal-objettivi tal-impjieg tal-Istrateġija ta' Liżbona, jekk jiġu wkoll salvagwardjati d-drittijiet għal sigurtà soċjali u għal trejdunjins tal-ħaddiema, bi qbil mat-tradizzjonijiet u mal-abitudnijiet tal-Istati Membri; jemmen li forza ta' ħidma estiża u mobbli madwar l-UE, flimkien mal-kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, il-programmi edukattivi u l-iskemi ta' protezzjoni soċjali, tista' tikkostitwixxi tweġiba għal dawn l-avvenimenti attwali u ttejjeb b'mod sinifikanti l-isforzi sabiex dan isir, fil-kuntest tal-isfidi tal-ekonomija dinjija, tal-popolazzjoni dejjem tixjieħ u tat-tibdil veloċi fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li għandhom jitqiesu l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-mobilità;

15.  Jinsab konvint li l-mobilità garantita tal-impjieg huwa mezz adegwat għat-tisħiħ tad-dimensjoni ekonomika u soċjali tal-Istrateġija ta" Liżbona u għandha tiġi stabbilita bl-aħjar mod possibbli, għall-kisba tal-objettivi tal-aġenda soċjali mġedda u sabiex jilqa' għal numru ta" sfidi speċjalment dawk relatati mal-globalizzazzjoni, mat-trasformazzjonijiet industrijali, mal-progress teknoloġiku, mal-iżvilupp demografiku u mal-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti; jinsab konvint ukoll li l-mobilità bejn il-karriera u l-industrija (mobilità tax-xogħol) tippermetti lill-ħaddiema li iġeddu u jadattaw l-għerf u l-ħiliet tagħhom biex b'hekk ikunu jistgħu jisfruttaw opportunitajiet ta' karrieri ġodda għalihom infushom;

16.  Itenni li l-mobilità tal-impjieg tikkostitwixxi strument ewlieni għat-tħaddim effettiv tas-suq intern permezz tal-objettivi tal-Istrateġija ta" Liżbona u t-tmien prinċipji proposti fil-qasam tal-"flessigurtà" fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2007; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa li jenfasizzaw il-flessigurtà minn banda waħda, u li jisħqu fuq is-sigurtà tal-ħaddiema mill-banda l-oħra, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji fundamentali tal-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà msemmija fl-aġenda soċjali mġedda;

17.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex iqisu u jneħħu l-ostakoli kollha għall-mobilità tal-ħaddiema nisa, billi jipprovdu, fost affarijiet oħra, aċċess ġust għal xogħolijiet ikkwalifikati u karigi ta' livell għoli, salarju daqs l-irġiel, kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli, kura tas-saħħa adegwata u servizzi ta' kura tat-tfal, faċilitajiet edukattivi ta' kwalità għolja għat-tfal, drittijiet għall-pensjoni trasferibbli u l-iżgurar tal0eliminazzjoni tal-isterjotipi relatati mal-ġeneru;

18.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali jippromovu b'mod attiv xogħol speċjali, taħriġ, edukazzjoni, tagħlim minn distanza u programmi tal-lingwi sabiex jinħoloq suq tax-xogħol aktar "favur in-nisa" u biex tkun tista' tiġi rrikonċiljata l-ħajja professjonali ma' dik tal-familja;

19.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu l-mobilità tax-xogħol u l-mobilità ġeografika bħala prijorità fil-programmi nazzjonali tagħhom tal-impjiegi u tat-tagħlim tul il-ħajja;

20.  Jinsab imħasseb li ċerti Stati Membri qegħdin iżommu limitazzjonijiet fis-suq tax-xogħol għall-ħaddiema li joriġinaw mill-Istati Membri l-ġodda, minkejja l-fatt li l-analiżi ekonomika u d-dejta tal-istatistika ma jiġġustifikawx dawn il-limitazzjonijiet u ma jappoġġjawx il-biżgħat taċ-ċittadini u tal-gvernijiet tagħhom; jitlob lill-Kunsill biex jiżgura monitoraġġ aktar mill-qrib u involviment ogħla tal-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment tal-Parlament, fejn jidħol il-proċess ta' awtorizzazzjoni u ġustifikazzjoni mill-Istati Membri tal-perjodi ta" tranżizzjoni għall-aċċess taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda għas-suq tax-xogħol tagħhom fl-ewwel snin wara l-adeżjoni ta" dawn il-pajjiżi;

21.  Jenfasizza li l-mobilità tal-ħaddiema m'għandhiex tiġi interpretata minn uħud li jimpjegaw bħala opportunità biex jitnaqqsu l-pagi, is-sigurtà soċjali jew, b'mod ġenerali, biex jitbaxxew il-kundizzjonijiet tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri xierqa, mhux biss biex tiġi eliminata kull forma ta' diskriminazzjoni, imma anke biex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-attivitajiet tal-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom;

22.  Jinsab imħasseb dwar ċertu inizjattivi meħuda mill-Istati Membri li għandhom l-għan li jimmodifikaw il-qafas legali intern tagħhom fil-qasam tal-immigrazzjoni, u li jinterpretaw u japplikaw il-prinċipju li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, f'sens assolutament kuntrarju għall-ispirtu tal-istandards Komunitarji li jinsabu fis-seħħ bħalissa; jitlob l-abbandun immedjat ta" prattiki bħal dawn u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw programmi kumplessi ta" integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea sabiex jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu fit-territorju tagħhom, b'koperazzjoni, fejn tkun xierqa, mal-Istati Membri ta' oriġini;

23.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw, jimplimentaw, jimmonitoraw u jevalwaw programmi ta" inklużjoni mill-ġdid għaċ-ċittadini li jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom wara li jkunu ħadmu fi Stat Membru ieħor;

24.  Jirrikonoxxi li, waqt li l-mobilità tista' tipprovdi soluzzjonijiet għan-nuqqasijiet ta' ħaddiema fil-pajjiżi li jilqgħuhom, tista' tikkawża nuqqasijiet ta' ħaddiema fil-pajjiżi minn fejn ikunu ġew; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-fatt li, f'kull pajjiż, il-popolazzjoni inattiva toffri ammont sinifikanti ta' ħaddiema potenzjali, li biex jiġu mobilizzati se jkun hemm bżonn ta' riżorsi tal-UE u tal-Istati Membri f'miżura ugwali;

25.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li fl-UE għad hemm numru ta" ostakoli amministrattivi u leġiżlattivi għall-mobilità tal-ħaddiema, u anke fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki ta' kull livell u esperjenza professjonali; itenni l-impenn tiegħu li jsib soluzzjonijiet għal dawn il-problemi u jitlob lill-Kummissjoni biex timmoniterja b'attenzjoni r-restrizzjonijiet li jkunu inkompatibbli mal-liġi Komunitarja u biex tieħu azzjoni kontrihom;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, qabel ma jimplimentaw liġijiet nazzjonali ġodda fil-qasam tal-kura u s-saħħa pubblika u fis-sistemi soċjali u fiskali, iwettqu studju ta' impatt li jiffoka fuq il-fruntieri biex jiġu enfasizzati minn qabel kwalunkwe problemi li se jkollhom konsegwenzi għall-mobilità tal-ħaddiema;

27.  Hu tal-fehma li l-ħaddiema fil-fruntieri jokkupaw pożizzjoni speċjali fil-qasam tal-mobilità tal-ħaddiema Ewropej;

28.  Jitlob immedjatament lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċess tal-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni; iqis li għalkemm l-armonizzazzjoni ta" din is-sistema ta" referenza mhix prevista qabel l-2010, l-implimentazzjoni imħaffa tagħha fl-Istati Membri kollha tista" tnaqqas l-ostakoli li bħalissa qed jolqtu direttament lill-ħaddiema;

29.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-EUNetPaS, li tikkostitwixxi l-ewwel pass sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-UE jkunu mħeġġa jtejbu l-kollaborazzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-pazjent; jinnota madankollu li, madwar l-UE, għad hemm diversità fir-regolazzjoni tal-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet regolatorji tagħhom sabiex il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jaqsmu l-informazzjoni u jwaqqfu sistemi ta' akkreditazzjoni standardizzata għall-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-pazjent madwar l-UE;

30.  Jinnota li n-nuqqas ta' qafas komuni għat-tqabbil, it-trasferiment u r-rikonoxximent tal-kwalifiki vokazzjonali fil-livell tal-UE jikkostitwixxi ostakolu serju għall-mobilità transnazzjonali; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta' Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET);

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-rappreżentanti ta' min jimpjega u r-rappreżentanti ta' setturi kummerċjali jiġu involuti malajr kemm jista' jkun fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni u b'hekk li s-sistema għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tkun tista' tħalli effett fuq is-suq tax-xogħol;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u liż-żewġ naħat tal-industrija biex jiftħu dikussjonijiet bl-intenzjoni li jiġu armonizzati l-iskali salarjali bil-livelli ta' kwalifiki differenti stipulati fil-Qafas Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni sabiex il-mobilità tal-ħaddiema tiġi garantita bis-saħħa tal-livelli tal-pagi li jikkorrispondu għall-kapaċitajiet tal-ħaddiema;

33.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet edukattivi biex jaħdmu flimkien b'mod proattiv għall-għarfien reċiproku tal-kwalifiki miksuba permezz ta" edukazzjoni formali, informali u mhux formali, u tal-professjonijiet li jikkorrispondu mal-istandards stabbiliti mill-Istati Membri; jikkunsidra li hu ta' importanti fundamentali li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Qafas ta' Kwalifiki Ewropej u li jagħtu segwitu xieraq lill-inizjattivi tal-ġejjieni fis-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, sabiex il-klassifikazzjoni fil-livelli tas-sistema edukattiva nazzjonali u tal-Programm ta" Tagħlim Tul il-Ħajja tagħti l-possibilità lill-ħaddiema mobbli biex ikomplu fit-taħriġ tagħhom; japprova l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżviluppa l-Europass sabiex min iħaddem ikun jista' jifhem il-kwalifiki aħjar; jisħaq fuq il-valur tas-Servizzi Euraxess;

34.  Jiddispjaċih li f'xi Stati Membri mhux qed tingħata prijorità biżżejjed u mhux qed ikunu ddedikati fondi biżżejjed biex jiġu żviluppati u implimentati strateġiji għat-tagħlim tul il-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw b'mod aktar attiv il-fondi disponibbli mill-Fondi Strutturali u b'mod partikulari mill-Fond Soċjali Ewropew sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw skemi ta' dan it-tip;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tnaqqas l-ostakoli leġiżlattivi u amministrattivi, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir aktar progress fir-rikonoxximent u ta" l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u fil-portabilità tal-pensjonijiet;

36.  Hu tal-fehma li l-portabilità tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali tkun koordinata aħjar fuq il-bażi tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali(9), u ftehimiet bilaterali;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KE) Nru 883/2004 (li se jibda japplika mill-2009), kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-ħlas ta' allowances ta' kwalunkwe tip; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-problemi rikorrenti li tqajmu fil-petizzjonijiet u fl-ilmenti dwar is-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet, u l-kura tas-saħħa; jappoġġja l-pjanijiet tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' verżjoni elettronika tal-Karta Ewropea ta' Assigurazzjoni fuq is-Saħħa; jissuġġerixxi li għandu jkun hemm ukoll reviżjoni elettrika tal-formola "E106";

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-politika tagħha dwar viżi għall-parteċipanti minn pajjiżi terzi fi programmi ta" volontarjat tal-UE rikonoxxuti, bl-intenzjoni li jiddaħħal reġim għall-viżi aktar liberali b'mod speċjali għall-voluntiera ġejjin minn pajjiżi ġirien ta" l-UE;

39.  Rigward il-forom ġodda ta" mobilità, jidhirlu li jinħtieġ li tkun eżaminata l-leġiżlazzjoni li diġà teżisti bil-għan li jkun determinat jekk għadhiex aġġornata u bil-għan li jinstabu mezzi xierqa ta' adattament għall-kondizzjonijiet flessibbli l-ġodda dwar is-suq Ewropew tax-xogħol, filwaqt li mhux biss titqies il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema imma wkoll filwaqt li jkunu eżaminati problemi addizzjonali li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom; jemmen, fl-istess ħin, li jeħtieġ li ssir analiżi ta' sa fejn waslet verament l-implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-moviment ħieles tax-xogħol u dwar id-dritt tar-residenza tal-ħaddiema u l-familji tagħhom; iqis li, fejn ikun relevanti, għandhom jitfasslu rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-qafas leġiżlattiv u operazzjonali;

40.  Jappoġġja diskussjoni dwar l-arranġamenti tas-sigurtà soċjali, inter alia b'referenza għall-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-fatt li l-mobilità tal-ħaddiema tista", f'ċertu każijiet, twassal għat-telf tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk hemmx bżonn li r-Regolament (KE) Nru 883/2004, ir-Regolament ta' implimentazzjoni (KEE) Nru 574/72 u prattiki amministrattivi relatati jiġu adattati bħala rispons għall-iskemi li qed jinbidlu u għal forom ġodda ta' mobilità tal-ħaddiema, inkluża l-mobilità tax-xogħol għal perjodu qasir;

41.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tinvestiga l-effetti li jxekklu l-mobilità li jirriżultaw min-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-ftehimiet fiskali u r-regolament il-ġdid dwar is-sigurtà soċjali (Regolament (KE) Nru 883/2004);

42.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-pjanijiet tagħha għal azzjoni biex tittejjeb il-proposta tagħha għal direttiva dwar il-ħtiġijiet minimi għat-titjib tal-mobilità tal-ħaddiema permezz tat-titjib fl-akkwist u fil-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni supplimentari, peress li, bl-espansjoni dejjem akbar tal-iskemi ta' pensjoni fuq ix-xogħol, iridu jinstabu regoli dwar il-portabilità li jkunu favorevoli għall-ħaddiema; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tressaq proposta riveduta għal direttiva dwar il-portabilità tal-pensjonijiet ta' fuq ix-xogħol;

43.  Iqis li l-mobilità tal-ħaddiema taż-żewġ sessi bil-familja (jiġifieri tfal u qraba dipendenti) tiddependi ħafna fuq id-disponibilità u kemm iqumu is-servizzi (bħal m'huma l-kura tat-tfal u l-kura taċ-ċittadini anzjani, il-faċilitajiet tal-edukazzjoni, iċ-ċentri ta' matul il-jum, is-servizzi speċjali); iqis, fl-istess ħin, li l-mobilità tax-xogħol għandha tippromwovi s-sodisfazzjon personali u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol;

44.  Iqis, madankollu, li l-proposta li għandha l-għan li ttejjeb l-iskambji ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll il-proposta dwar l-introduzzjoni ta" verżjoni elettronika tal-Karta Ewropea ta" l-Assikurazzjoni kontra l-Mard għandhom jiġu implimentati bil-protezzjoni xierq tad-data. L-Istati Membri jridu jiggarantixxu li d-data personali ma tintużax għal skopijiet oħra apparti dawk li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà soċjali, ħlief fejn il-parti kkonċernata tkun ippermettiet dan l-użu b'mod espliċitu; jixtieq jikseb iktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva u dwar kif din tista" ttejjeb il-mobilità tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza u tagħti kontribut għall-possibilità li, fil-futur qarib, tinħoloq Karta Ewropea waħdanija li tkun tinkludi l-informazzjoni kollha dwar il-kontribuzzjonijiet li jkun ħallas id-detentur tal-Karta u dwar id-drittijiet soċjali tiegħu fl-Istati Membri kollha fejn huwa jkun ħadem;

45.  Jappoġġja l-azzjonijiet tan-netwerk TRESS, u jemmen li dan in-netwerk għandu jidħol għall-investigazzjoni li tibqa' għaddejja tal-mudelli differenti ta" mobilità, sabiex ikunu adattati għal-leġiżlazzjoni Komunitarja; jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan in-netwerk tinkludi lil min iħaddem u lit- trejdjunjins, waqt li jfakkar li ħafna drabi jkunu dawk li jħaddmu li jappoġġjaw lill-ħaddiema bi kwistjonijiet legali relatati mas-sigurtà soċjali jew biex jiksbu d-dokumenti meħtieġa biex ikunu jistgħu jaħdmu; jinsisti fuq il-bżonn li l-bażijiet tad-data li jinsabu fis-sistema EURES ikollhom aċċess massimu faċli u li għandhom ikunu aġġornati regolarment u li għandu jiġi żgurat l-iktar aċċess wiesa' għalihom possibbli; jikkunsidra li n-Netwerk EURES għandu jikkollabora b'mod strutturali u istituzzjonali man-netwerk TRESS;

46.  Ikompli jappoġġja l-kontribut tan-netwerk EURES għall-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea; jirrakkomanda li fost is-servizzi EURES għandha tkun inkluża informazzjoni dwar in-netwerks u l-portals speċifiċi ta" l-internet għal ċerti setturi, u jirrakkomanda li għandha tikkollabora wkoll ma" fornituri oħra ta' l-informazzjoni, speċjalment il-korpi speċjalisti fl-Istati Membri, fir-rigward tal-prospettivi ta" impjieg fl-Unjoni Ewropea, b'referenza partikulari għall-awtoritajiet nazzjonali tax-xogħol, li jistgħu jipprovdu direttament pariri imfassla individwalment għal min qed ifittex xogħol;

47.  Iqis li l-proġetti transkonfinali tal-EURES għandhom jagħtu prijorità lit-twettiq ta' studji u seminars dwar l-impatt, sabiex id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni jkun jista' jseħħ b'mod effettiv u effiċjenti;

48.  Jappoġġja l-objettivi mħabbra fit-tielet fażi tal-Pjan ta" Azzjoni għall-Mobilità tal-Ħaddiema, f'konformità mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-EURES; jenfasizza d-diversità tal-kompożizzjoni tas-suq tax-xogħol u l-bżonn li jkun hemm servizzi adattati għall-kategoriji kollha tal-ħaddiema, apparti dawk imniżżla fil-programm tal-Kummissjoni, jiġifieri dawk ta' età avvanzata u b'diżabilità li huma żvantaġġati imma li jistgħu jiġu utilizzati mis-suq tax-xogħol, dawk li għandhom status legali speċjali meta mqabbla ma' ħaddiema oħra, dawk li jaħdmu għal rashom, ħaddiema li qed jerġgħu lura għall-ħajja tax-xogħol wara li jkunu għamlu żmien wieqfa mix-xogħol, u l-bqija; jenfasizza li l-informazzjoni kollha disponibbli permezz tan-netwerk EURES għandha tkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

49.  Jistieden lill-Istati Membri biex, permezz tal-awtoritajiet għall-impjiegi tagħhom, jipprovdu uffiċċju 'one-stop shop' għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li huma intenzjonati li jaħdmu barra, sabiex ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni minn sors uniku dwar il-possibilitajiet li wieħed jaħdem barra, fatturi amministrattivi, drittijiet soċjali u kundizzjonijiet legali;

50.  Jappoġġja l-idea li l-EURES tinbidel f'portal ċentrali għall-informazzjoni dwar il-mobilità li tkun taħdem bħala uffiċċju ta' assistenza ċentrali fejn il-ħaddiema potenzjalment mobbli jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar l-aspetti kollha tal-mobilità tax-xogħol – mhux biss dwar il-postijiet tal-impjieg battala, is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, il-pensjonijiet u dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, iżda wkoll dwar il-kwistjonijiet tal-lingwi, id-djar, l-impjieg għall-konjuġi, l-edukazzjoni għat-tfal u l-integrazzjoni b'mod ġenerali fl-istat partikulari kkonċernat; jirrimarka li, fejn ikun xieraq, għandu jiġi estiż għall-benefiċċju ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, inklużi dawk li għadhom ma kisbux status ta' residenza għal żmien fit-tul;

51.  Jappoġġja bis-sħiħ il-mekkaniżmi ta' informazzjoni eżistenti iżda fl-istess ħin jissuġġerixxi li s-siti, portals, eċċ. relevanti kollha jkunu vverifikati f'dik li hi effiċjenza u, jekk hemm bżonn, jiġu rikonoxxuti, armonizzati jew miġbura mill-ġdid fi gruppi oħra sabiex ikun eħfef biex jintużaw;

52.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-aċċess għan-netwerk EURES għaċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni rurali, muntanjużi u remoti u fi gżejjer; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawn il-kategoriji tal-popolazzjoni jkollhom aċċess għall-informazzjoni merfugħa f'dan il-portal;

53.  Iqis li l-baġit supplimentari ta' żewġ miljun euro allokat għal proġetti innovattivi fil-qasam tal-mobilità sal-2013 huwa baxx wisq, meta mqabbel man-neċessità li jkunu infurmati għadd kbir kemm jista' jkun taċ-ċittadini Ewropej dwar il-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni, u anke dwar l-objettivi stipulati fid-diversi dokumenti tal-programmi li jsostnu l-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni;

54.  Jenfasizza l-bżonn ta' statistika komparabbli u ta' min joqgħod fuqha dwar il-flussi tal-mobilità tal-ħaddiema, l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi sabiex jittejjeb l-għarfien tal-Kummissjoni dwar il-mobilità, kif ukoll il-monitoraġġ tagħha tal-Pjan ta' Azzjoni msemmi hawn fuq;

55.  Jemmen li fis-sitwazzjoni kif inhi bħalissa jeżisti defiċit fl-informazzjoni mogħtija lill-popolazzjoni fir-rigward tal-benefiċċji potenzjali kemm professjonali u kemm ta' karriera li jiġu minn żmien li wieħed iqatta' jaħdem barra u rigward il-kundizzjonijiet tal-impjiegi u tas-sigurtà soċjali biex wieħed jaħdem barra u dwar kif dan jippromwovi wkoll l-integrazzjoni kulturali Ewropea; jappoġġja lill-Kummissjoni fl-azzjonijiet tagħha biex tinforma lill-pubbliku dwar dawn il-kwistjonijiet;

56.  Jiġbed l-attenzjoni għall-programm tal-Parlament Ewropew għal apprendistati għal persuni b'diżabilità, li nbeda fl-2007, u l-programm ta' apprendistati tal-Kummissjoni għal persuni b'diżabilità, li se jibda fil-ħarifa tal-2008. iqis li miżuri pożittivi ta' dan it-tip jippromwovu l-mobilità ta' persuni b'diżabilità u jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex jiġu integrati fid-dinja tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu l-aħjar prattiki korrispondenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

57.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jagħmlu skambji ta' prattiki tajba u skemi reċiproċi ta" tagħlim għall-azzjonijiet tal-mobilità, iffinanzjati mill-fond ta' koeżjoni, u b'mod speċjali l-Fond Soċjali Ewropew;

58.  Iqis li, barra mis-servizzi 'online', għandhom jiġu esplorati u stabbiliti mezzi supplimentari ta' forniment ta' informazzjoni fl-Istati Membri u fir-reġjuni tal-UE bil-għan li l-informazzjoni dwar il-mobilità tax-xogħol tinfirex fuq medda wiesgħa fl-Istati Membri; iqis li għandu jitwaqqaf ċentru ta' informazzjoni permezz tat-telefown, relatat mal-EURES, dwar il-mobilità tax-xogħol bil-għan li jagħti tagħrif minnufih lill-ħaddiema dwar mistoqsijiet speċifiċi bil-lingwa nazzjonali u mill-inqas b'lingwa oħra Ewropea;

59.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għal azzjonijiet bħal m'huma l-fieri tax-xogħol, jiem Ewropej biex fihom issir pubbliċità tal-opportunitajiet ta' xogħol fl-Unjoni kollha, jew sħubijiet Ewropej għall-mobilità tax-xogħol; jidhirlu, madankollu, li l-baġit allokat għal azzjonijiet bħal dawn m'huwiex suffiċjenti fir-rigward tal-għanijiet li tkun reklamata l-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam;

60.  Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm distinzjoni bejn il-mobilità speċifika tal-artisti u dik tal-ħaddiema fl-Unjoni in ġenerali, fir-rigward tan-natura tal-arti tal-ispettaklu u l-irregolaritajiet u n-nuqqas ta' prevedibilità li tirriżulta minn sistema ta' impjieg partikulari;

61.  Jinsab konxju tan-natura ta' ċerti mpjiegi, bħal m'huma dawk fl-oqsma kulturali u tal-isports, li għalihom il-mobilità, kemm ġeografika u kemm bejn biċċa xogħol u oħra, hija karatteristika inerenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw dawn iċ-ċirkustanzi b'attenzjoni kbira u biex japplikaw il-miżuri meħtieġa, b'mod speċjali fir-rigward tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f'dawn l-oqsma, sabiex ikun żgurat li l-mobilità tagħhom ma tkunx imxekkla minn miżuri amministrattivi;

62.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tieħu miżuri wkoll fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha biex ittejjeb il-qagħda taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi; jirrakkomanda li politika integrata għall-mobilità tax-xogħol għandha dejjem tqis il-migrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġu identifikati u eliminati s-sitwazzjonijiet u l-azzjonijiet verament inġusti fl-oqsma tal-ġustizzja u t-tassazzjoni filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi nazzjonali;

64.  Iqis li hija ħaġa essenzjali li titqajjem kuxjenza dwar il-possibilitajiet biex jitressqu l-ilmenti u l-petizzjonijiet dwar l-ostakli għall-mobilità tax-xogħol u dwar il-ksur ta' leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti;

65.  Jappoġġja u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-mobilità ekwa, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-applikazzjoni tiegħu, pereżempju billi tinkludi l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta" min iħaddem sabiex issir il-prevenzjoni tax-xogħol mhux dikkjarat u tat-tbaxxija tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

66.  Jitlob lill-kumpaniji biex jappoġġjaw il-mobilità tal-ħaddiema, pereżempju permezz ta' sigħat flessibbli ta' xogħol u permezz tax-xogħol mil-bogħod (tele-working);

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex strumenti li permezz tagħhom jistgħu jiġu eliminati l-ostakli kumplessi li jistgħu jżommu lill-ħaddiema milli jagħżlu li jaħdmu barra minn pajjiżhom, bħad-diffikultà biex isibu impjieg għas-sieħeb/sieħba tagħhom jew għal żwieġhom/in-nisa tagħhom, l-ispejjeż għoljin tar-rilokazzjoni, l-ostakli tal-lingwa u d-differenza li teżisti bejn il-paga tal-irġiel u dik tan-nisa u r-riskju li jintilfu ċerti vantaġġi fiskali jew li wieħed ma jkunx jista' jikkontribwixxi aktar għal skemi nazzjonali ta' pensjoni, ta" assikurazzjoni fuq is-saħħa jew ta' assigurazzjoni kontra l-qgħad; jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, b'referenza partikulari għall-importanza tat-tagħlim tal-lingwi, li hu essenzjali biex jiġu sodisfatti d-domandi dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol;

68.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi l-proposta li ppreżentat fl-2005 u l-proposta emendata tagħha tal-2007 għal direttiva li tistipula r-rekwiżiti minimi biex tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema billi jittejbu l-għoti u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-mobilità tal-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni u biex jgħinu biex jitneħħew l-ostakli li dawn jiltaqgħu magħhom billi joħolqu aktar xogħolijiet ta' kwalità, jiġġieldu d-diskriminazzjoni, jaffrontaw forom ġodda ta' esklużjoni soċjali, jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn is-sessi, jappoġġjaw lill-familja u jiżguraw b'mod effettiv l-aċċess għall-post tax-xogħol, għas-servizzi ta' akkomodazzjoni u għat-trasport;

70.  Jenfasizza li n-nisa bit-tfal huma anqas mobbli mill-irġiel u jitlob li jittieħdu miżuri xierqa biex jitneħħa dan l-iżbilanċ;

71.  Jappoġġja lis-SOLVIT bħala strument biex isolvi malajr il-problemi kemm fis-suq intern kif ukoll dawk relatati mal-mobilità tal-ħaddiema; jirrakkomanda li aktar riżorsi jkunu disponibbli għas-SOLVIT;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu programmi b'appoġġ għall-mobilità tal-professjonisti żgħażagħ; jemmen li dawn il-programmi għandhom ikollhom għeruqhom fir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiem, u għandhom jirrikonoxxu l-valur miżjud li jiġi mill-esperjenza, l-abilitajiet u l-ħiliet, inkluż l-għarfien tal-lingwi, akkwistati barra l-pajjiż oriġinali ta' dak li jkun;

73.  Jemmen li, ladarba l-mobilità tal-istudenti u tal-għalliema hija element essenzjali tal-mobilità tax-xogħol, għandha tingħata aktar attenzjoni lil inizjattivi bħall-Proċess ta' Bologna u l-Erasmus kif ukoll il-programm Leonardo da Vinci u programmi oħra meta tkun kwistjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta" Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tax-Xogħol;

74.  Jifraħ lill-Kummissjoni għall-inizjattiva tagħha li tikkonsulta lill-partijiet kollha involuti fil-promozzjoni tal-mobilità tax-xogħol fl-Unjoni; jemmen li dan id-djalogu se jsaħħaħ it-trasparenza, se jistimula n-netwerking u l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta' approċċi innovattivi biex tingħata spinta lill-mobilità, titħaffef l-implimentazzjoni tal-mobilità fuq bażi komprensiva, u se jikkonsolida wkoll il-prinċipji u l-valuri bażiċi;

75.  Jirrikonoxxi l-kontributi li saru mill-programmi Comenius, Erasmus u Leonardo biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jistudjaw barra, u jenfasizza l-importanza tagħhom mill-aspett tal-mobilità professjonali aktar 'il quddiem; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kemm hemm possibilità għat-twessigħ tal-aċċess għall-programmi, waqt li żżomm f'moħħha l-ħtiġijiet speċjali tal-gruppi żvantaġġati;

76.  Jitlob li jkun hemm impenn qawwi min-naħa tal-iskejjel u l-universitajiet Ewropej u min-naħa tal-gvernijiet Ewropej biex tiżdied b'mod sinifikanti l-mobilità tax-xogħol, pereżempju permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fin-netwerk tal-partijiet interessati msemmija mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha;

77.  Jemmen li għandha tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-kumpaniji privati jew pubbliċi u l-istituzzjonijiet edukattivi;

78.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(2) ĠU L 158, 30.4.2004, 77.
(3) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.
(4) ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2.
(5) ĠU L 74, 27.3.1972, p. 1.
(6) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 159.
(7) ĠU C 371, 23.12.2000, p. 4.
(8) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.
(9) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza