Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2133(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0447/2008

Testi mressqa :

A6-0447/2008

Dibattiti :

PV 17/12/2008 - 19
CRE 17/12/2008 - 19

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2008 - 6.19
CRE 18/12/2008 - 6.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0634

Testi adottati
PDF 362kWORD 126k
Il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2008 - Strasburgu
L-impatt tal-iffalsifikar fuq il-Kummerċ Internazzjonali
P6_TA(2008)0634A6-0447/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-Kummerċ Internazzjonali (2008/2133(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp (OECD) tal-2007 bit-titolu "L'impatt ekonomiku tal-iffalsifikar u tal-piraterija",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta" Novembru 2005 bit-titolu "Implimentar tal-programm tal-Komunità ta" Liżbona – politika moderna għal tkabbir ekonomiku u l-impjiegi tal-SME" (COM(2005)0551),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta" Ottubru 2006 bit-titolu "Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija – Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi" (COM(2006)0567),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta" April 2007 bit-titolu "Ewropa Globali: sħubija aktar b'saħħitha biex itejjeb l-aċċess għas-suq għall-esportaturi Ewropej" (COM(2007)0183),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-Istrateġija ta' l-UE li tipprovdi l-aċċess għas-swieq għall-impriżi Ewropej(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali – aspetti esterni tal-kompetittività(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar ir-regoli u l-proċeduri effettivi fir-rigward ta' l-importazzjoni u l-esportazzjoni għas-servizz tal-politika kummerċjali(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi tranżatlantiċi UE-USA(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Merkosur rigward il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interreġjonali(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-Korea(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-pajjiżi tal-Asja tax-Xlokk (ASEAN)(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospettivi tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina(8),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta" Ottubru 2006 bit-titolu "Ċina – UE: Msieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabilitajiet" (COM(2006)0631) u d-dokument ta' ħidma li jakkumpanjaha, bit-titolu "Imsieħba aktar mill-qrib, Responsabbiltajiet Ikbar – dokument ta' politika dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u ċ-Ċina: Kompetizzjoni u Sħubija" (COM(2006)0632),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 3286/94 tal-Kunsill, tat-22 ta' Diċembru 1994, li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji fis-settur tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, partikolarment dawk imwaqqfa taħt il-patroċinju ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ(9), (Regolament dwar l-ostakoli għall-kummerċ),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 bit-titolu "Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali" (COM(2008)0465),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 2001 bit-titolu "Programm ta' azzjoni: Azzjoni aċċellerata fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-malarja u t-tuberkulożi fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar' (COM(2001)0096),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2003 bit-titolu "Aġġornament tal-programm ta' azzjoni komunitarja - Azzjoni aċċellerata fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-malarja u t-tuberkulożi fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar - kwistjonijiet ta' politika pendenti u sfidi futuri" (COM(2003)0093),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2004 bit-titolu "Qafas ta" Politika Koerenti Ewropea għal Azzjoni Esterna biex tingħeleb il-problema tal-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulosi" (COM(2004)0726),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 816/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta' Mejju 2006, dwar il-liċenzjar obbligatorju ta' privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li għandhom problemi ta' saħħa pubblika(10),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 980/2005 tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 2005, dwar l-applikazzjoni ta' sistema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati(11) (Regolament GSP),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2008 dwar l-attivitajiet doganali tal-komunita? fir-rigward tal-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali - Riżultati tal-Fruntiera Ewropea 2007,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat)(12),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta' April 2008 bit-titolu "Strateġija għall-evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali" (COM(2008)0169),

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu infurzati tas-26 ta' April 2006 (COM(2006)0168),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar l-erbgħin anniversarju tal-Unjoni Doganali(13),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 rigward l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(14),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet(15),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0447/2008),

A.   billi jeħtieġ li l-iffalsifikar ikun miġġieled b'mod effettiv sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda ta' Liżbona l-ġdida, kemm fir-rigward tal-aspetti interni tagħha u kemm dawk esterni kif stabbiliet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tat-18 ta' April 2007,

B.   billi l-Unjoni Ewropea hi t-tieni l-akbar importatur fid-dinja ta' oġġetti u servizzi, u li s-suq waħdieni tagħha, estremament miftuħ u trasparenti, joffri opportunitajiet enormi, imma jippreżenta wkoll riskji serji ta' invażjoni ta' prodotti ffalsifikati,

C.   billi l-ekonomija tal-UE speċjalizzat fi prodotti ta' kwalità għolja, b'valur miżjud għoli, ħafna drabi protetti minn trademarks, privattivi u indikazzjonijiet ġeografiċi, li, min-natura tagħhom, huma l-aktar suxxettibbli li jkunu ffalsifikati,

D.   billi l-każi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) joħolqu barriera kummerċjali mhux tariffarja li tagħmel l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi aktar diffiċli u jiswa ħafna, l-aktar għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) minħabba li għandhom mezzi u riżorsi limitati,

E.   billi l-kompetittività Ewropea hi tradizzjonalment marbuta mal-kwalità tal-forza tax-xogħol, u sa ċertu punt, l-aktar għall-SMEs, mar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR),

F.   billi l-IPRs, kif ukoll l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini, mhumiex dejjem protetti b'mod effettiv mill-imsieħba tan-negozju tal-Unjoni Ewropea,

G.   billi jeżisti ammont kbir u li qed jiżdied ta' tipi ta' prodotti ffalsifikati, mhux aktar ristretti għal prodotti ta' lussu u ta' kwalità għolja imma jinkludi wkoll prodotti ta' użu komuni, bħal ġugarelli, mediċini, kosmetiċi u ikel,

H.   billi stħarriġ reċenti mill-OECD kkalkula li l-kummerċ internazzjonali marbut ma' ksur tal-IPR ammonta għal EUR 150 biljun fl-2005, li miegħu għandu jiżdied il-valur ta' tranżazzjonijiet nazzjonali u ta' prodotti ffalsifikati u illegali li qed jitqassmu permezz tal-internet,

I.   billi fl-2007 l-ammont ta' oġġetti li kienu jiksru l-IPRs sekwestrati mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Unjoni Ewropea żdied bi 17% meta mqabbel mas-sena preċedenti, b'żieda ta' 264% għall-kosmetiċi u prodotti tal-iġjene personali, ta' 98% għall-ġugarelli u ta' 51% għall-mediċinali,

J.   billi l-fenomenu tal-iffalsifikar u tal-ikkuppjar illegali iġib konsegwenzi allarmanti għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u għas-sistema soċjo-ekonomika komunitarja kollha, inaqqas l-inċentivi għall-innovazzjoni, iżomm l-investiment barrani dirett, waqt li jelimina postijiet kwalifikati tax-xogħol mill-industrija u joħloq il-bażi għall-iżvilupp ta' sistema ekonomika illegali, parallela ma' dik legali, u kkontrollata mill-kriminalità organizzata,

K.   billi r-rapport tal-2007 msemmi hawn fuq mill-OECD bit-titolu 'L-impatt ekonomiku tal-iffalsifikar u tal-ikkuppjar illegali', kif ukoll ir-rapport li jmiss tal-Phase II mill-OECD dwar 'L-ikkuppjar illegali ta' kontenut diġitali', jenfasizzaw l-iskala globali, it-tkabbir mgħaġġel u l-impatt ekonomiku detrimentali tal-piraterija diġitali fuq id-detenturi tad-drittijiet,

L.   billi l-iffalsifikar jagħmel ħsara gravi lill-ambjent, kemm minħabba l-insuffiċjenza tal-istandards ta' kwalità tal-merkanzija ffalsifikata u kemm minħabba l-ispejjeż għolja tar-rimi u tal-qerda tagħha,

M.   billi l-aċċess għal proċeduri fil-ġlieda kontra oġġetti ffalsifikati hu kkumplikat, jiswa l-flus u jieħu ż-żmien, speċjalment għall-SMEs,

N.   billi s-suq waħdieni jiggarantixxi lill-konsumaturi Ewropej il-possibilità li jagħżlu b'mod ħieles, trasparenti u sikur liema prodotti jixtru u billi l-prodott iffalsifikat, jekk ma jkunx ikkontrollat fil-ħin, jista' jaffettwa ħażin mhux biss il-prinċipju tal-fiduċja li fuqu sserraħ is-sistema kollha imma jista' wkoll jikkawża riskji serji għas-sikurezza, is-saħħa u, f'każi estremi, il-ħajja stess tal-konsumaturi, u għalhekk hu importanti li jkunu ggarantiti aħjar id-drittijiet tagħhom,

O.   billi inizjattivi biex titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi dwar ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom u, b'mod ġenerali, dwar il-konsegwenzi ta' xiri ta' oġġetti ffalsifikati huma għodda effettiva fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar,

P.   billi teħtieġ tittieħed azzjoni aktar stretta kontra min jiffalsifika prodotti li għandhom impatt dirett fuq is-saħħa pubblika,

Q.   billi d-diverġenzi persistenti bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, partikolarment fir-rigward tal-miżuri penali li għandhom l-għan li jiżguraw li dawk id-drittijiet ikunu rispettati, idgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjar tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jimminaw l-isforzi li saru s'issa biex ikun miġġieled b'mod aktar effettiv l-iffalsifikar f'livell internazzjonali,

R.   billi l-proċedura simplifikata mniżżla fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1383/2003 fi Stati Membri bħall-Portugal, il-Greċja, l-Ungerija, l-Olanda u l-Litwanja li jippermettu li jinqerdu kwantitajiet kbar ta' oġġetti ffalsifikati f'qasir żmien u bi spejjeż relattivament żgħar,

S.   billi s-samit tal-G8 tal-2006 f'St Petersburg irrikonoxxa n-natura globali tal-problema tal-iffalsifikar u tal-ikkuppjar illegali u saħaq dwar il-ħtieġa li titjieb il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-G8, pajjiżi terzi u l-istituzzjonijiet kompetenti internazzjonali,

T.   billi s-samit sussegwenti tal-G8 f'Heilingendamm stabbilixxa Task Force dwar l-IPR biex tiġġieled l-iffalsifikar u l-piraterija bħala parti mill-"Proċess Heiligendamm"(16),

U.   billi fl-2007 l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun u l-Istati Uniti ħabbru l-bidu ta' negozjati dwar il-ftehima multilaterali ġdida maħsuba biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-IPRs u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u tal-ikkuppjar illegali (Anti-Counterfeiting Trade Agreement - ACTA),

V.   billi konklużjoni favorevoli tal-Ftehima ACTA se tagħmilha possibbli li jkunu stabbiliti standards komuni għall-ħarsien ċivili u amministrattiv, għal koperazzjoni interistituzzjonali msaħħa u koperazzjoni mas-settur privat, kif ukoll l-inkorporazzjoni ta' assistenza teknika, bil-għan li r-rispett għall-IPR isir aktar sempliċi kif ukoll iktar sikur u b'inqas spejjeż,

W.   billi jeħtieġ issir distinzjoni bejn il-mediċini ġeneriċi, li għandu jkollhom inċentivi biex jiċċirkulaw u jkunu kkummerċjalizzati kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u mediċini ffalsifikati li, min-naħa huma perikolużi għas-saħħa pubblika u mill-oħra jwasslu biex ikun hemm telf ekonomiku sostanzjali għall-impriżi fis-settur u jistgħu jxekklu l-iżvilupp ta' skoperti ġodda, mingħajr benefiċċju għall-popolazzjonijiet tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, billi, barra minn hekk, il-mediċini ffalsifikati huma biss parti mill-mediċini illegali,

X.   billi, fir-rigward ta' prodotti li għandhom impatt dirett fuq is-saħħa pubblika, l-internet u netwerks ta' distribuzzjoni parallela tal-kummerċ għandhom kontribut kbir fit-tqassim ta' prodotti ffalsifikati li huma ta' ħsara għas-saħħa pubblika,

Y.   billi l-Unjoni Ewropea qed tagħmel sforzi kontinwi biex tarmonizza l-miżuri ta' infurzar tal-IPR, l-aktar bi proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jkun garantit l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tat-12 ta' Lulju 2005 (COM(2005)0276), u dan il-proċess m'għandux jitwarrab minn negozjati ta' kummerċ li huma barra mill-iskop tal-proċessi normali tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE,

Z.   billi hu kruċjali wkoll li jkun żgurat li l-iżvilupp ta' miżuri tal-infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jfixkilx l-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet tal-IPR jew id-dejta personali , ma jirrestrinġix l-iskambju ħieles tal-informazzjoni, jew ma joħloqx piżijiet bla bżonn għall-kummerċ leġittimu,

AA.   billi l-Unjoni Ewropea uriet l-impenn tagħha favur infurzar effettiv u bilanċjat tal-IPR bl-adozzjoni ta' ġabra ta' diretttivi f'dan il-qasam wara skrutinju dettaljat mill-Parlament u mill-Kunsill fuq numru ta' snin,

AB.   billi hu fundamentalment importanti, meta wieħed jikkunsidra miżuri legali, li tiġi rikonoxxuta d-differenza sostanzjali bejn id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u dik materjali, u għalhekk bejn il-ksur tad-drittijiet u s-serq,

AC.   billi l-każi kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jagħmlu ħsara lill-kummerċ u lin-negozju, iżda billi l-każi ta' ksur fuq skala kummerċjali għandhom effetti addizzjonali u aktar mifruxa,

AD.   billi, fil-każ ta" privattivi fuq prodotti farmaċewtiċi, filwaqt li l-ksur tal-privattivi jiġi trattat każ b'każ fuq il-bażi ta" argumenti sustantivi magħmula fi ħdan proċeduri ċivili għal raġunijiet ta" ksur ta" privattivi, il-ksur tad-drittijiet tal-awtur u ta" marki reġistrati jikkostitwixxi offiżi intenzjonati,

Il-qafas multilaterali

1.  Iqis li s-sistema tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għandha l-għan li tiżgura rikonoxximent aktar wiesa' tal-IPRs f'livell internazzjonali waqt li tipprovdi livell ta' standards li hemm qbil dwarhom permezz tal-Ftehima dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), tad-djalogu bejn l-Istati Membri u istituzzjonijiet oħra bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Uffiċċji tad-Dwana (WCO), kif ukoll permezz ta' mekkaniżmu ta' prevenzjoni u ta' soluzjoni ta' tilwim;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinsisti fil-Kunsill TRIPS biex ir-regoli minimi inkorporati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu akkumpanjati minn miżuri effettivi ta' applikazzjoni u tal-prevenzjoni tal-każi ta' ksur; hu tal-fehma li l-flessibilitajiet provduti fil-ftehima TRIPS u kkonfermati fid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika, għandhom jinżammu sakemm jibqa' jitħares l-għan li jkun garantit bilanċ ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u dawk tal-utenti aħħarija;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti lill-Parlament li jiggarantixxu li l-esportazzjoni, it-tranżitu u l-operazzjonijiet tal-kunsinja jkunu ttrattati kif xieraq fil-ftehima TRIPS u biex teżamina jekk hemmx ħtieġa ta' aktar bidliet fil-ftehima, sabiex jinħoloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-pussessuri u dawk tal-utenti potenzjali tal-IPR, partikolarment meta wieħed iqis il-livell ta' żvilupp tal-partijiet involuti u jiddistingwi bejn pajjiżi li jipproduċu prodotti ffalsifikati u kkuppjati illegalment, dawk li jużawhom, u dawk li l-prodotti jgħaddu mit-territorju tagħhom;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fl-Unjoni Ewropea fi programmi ta' assistenza teknika li għenu biex jissaħħu l-IPRs f'pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw, u jenfasizza l-importanza li dawn il-programmi jitkomplew minħabba l-benefiċċji li dawn jistgħu jiksbu f'termini ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli u l-irwol importanti tagħhom fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi, appoġġjati minn għajnuna finanzjarja xierqa, favur edukazzjoni aktar wiesgħa tal-konsumatur fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex ikunu evitati riskji marbuta ma' prodotti ffalsifikati u potenzjalment perikolużi;

6.  Jappoġġja s-soluzzjonijiet imressqa fit-Tnax-il Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, fi ħdan l-Inizjattiva "Afrika Kreattiva", li jikkonsidraw l-industriji kreattivi bħala fattur essenzjali fit-tkabbir ta' pajjiżi li mhumiex żviluppati, u jaffermaw mill-ġdid l-irwol vitali tal-IP għall-iżvilupp sostenibbli ta' dawn ir-reġjuni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu u jappoġġjaw abbozz ta' protokoll dwar l-iffalsifikar, li għandu jiżdied mal-Konvenzjoni Internazzjonalitan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata (Konvenzjoni ta' Palermo);

8.  Ifakkar li, fi wħud mill-ekonomiji emerġenti, il-produzzjoni tal-oġġetti ffalsifikati u illegali laħqet dimensjonijiet allarmanti; waqt li jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi ta' koperazzjoni li kien hemm s'issa, hu ta' l-opinjoni li jeħtieġu miżuri speċjali biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni mal-pajjiżi kkonċernati bejn l-uffiċċji tad-dwana, l-entitajiet ġudizzjarji u tal-pulizija, kif ukoll biex titħeġġeġ l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' dawn il-pajjiżi ma' dawk tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi, fl-istess linja tal-Artikolu 3(2)(17) tad-Direttiva 2004/48/KE, salvagwardji fuq livell internazzjonali sabiex ikun garantit li kull miżura addizzjonali ta' infurzar tal-privattivi ma tkunx abbużata biex tfixkel kummerċ leġittimu;

10.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi msieħba Ewro-Mediterranji fi ħdan il-Programm 'Euromed Market' u sabiex jippromwovu fir-reġjun Ewro-Mediterranju metodu komuni ta' leġiżlazzjoni, ta' proċeduri u ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-koperazzjoni tal-uffiċċji tad-dwana u tal-azzjoni kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ bejn il-pajjiżi msieħba Ewro-Mediterranji;

11.  Hu konvint li biex il-ġlieda kontra l-iffalsifikar tissaħħaħ għandu jsir użu aktar frekwenti u mmirat tal-Entità ta' Soluzzjoni ta' Tilwim tad-WTO li, flimkien mal-qrati Komunitarji u nazzjonali, tista' tiggarantixxi ħarsien aħjar tal-industrija u tal-konsumaturi Ewropej billi tikkonsolida l-każistika li ssaħħaħ il-kontenut u l-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehima TRIPS;

12.  Jafferma mill-ġdid li kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġi sustantiva għandha tirrispetta s-sovranità nazzjonali u t-trattati internazzjonali f'dan il-qasam;

ACTA u inizjattivi bilaterali u reġjonali oħra tal-UE

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod parallel man-negozjati multilaterali, tkompli l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali anke permezz ta' ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali biex tqarreb lejn xulxin il-leġiżlazzjonijiet u l-applikazzjoni effettiva tagħhom, waqt li tipprevedi t-twaqqif ta' sistemi effiċjenti ta' soluzzjoni ta' tilwim kif ukoll ta' sanzjonijiet f'każ li ma jitħarsux l-obbligi sottoskritti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinnegozjaw l-ACTA taħt kundizzjonijiet l-aktar trasparenti favur iċ-ċittadini tal-UE, speċjalment dwar id-definizzjonijiet tat-termini "ffalsifikar" u "kkupjar illegali" kif ukoll il-miżuri ta' sanzjonijiet kriminali previsti; hu tal-fehma li jrid ikun evalwat l-impatt soċjali tal-ftehima kif ukoll l-impatt fuq il-libertajiet ċivili; jappoġġja t-twaqqif ta' task force biex teżamina l-implimentazzjoni tal-ftehima, billi tippromwovi dan is-suġġett fi djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi u bħala parti minn miżuri ta' koperazzjoni ma' dawk il-pajjiżi;

15.  Jikkunsidra li għadu inċert jekk it-Trattat KE jipprovdix bażi legali għal miżuri Komunitarji li jippreskrivu t-tip u l-livell ta' pieni kriminali u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma jistax ikollha l-kompetenza biex tinnegozja f'isem il-Komunità ftehima internazzjonali li tispeċifika n-natura u l-livell tal-miżuri tal-liġi kriminali li għandhom jittieħdu kontra min jikser trademarks u drittijiet tal-awtur;

16.  Jenfasizza li f'kull ftehima ta' applikazzjoni tal-proprjeta' intellettwali prevista, użu personali li mhux għall-profitt għandu jitqies b'mod differenti minn kummerċ frawdolenti u intenzjonat ta' ffalsifikar u kkuppjar illegali ta' oġġetti;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja ma' pajjiżi terzi t-twaqqif ta' task forces biex jiġġieldu l-iffalsifikar;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tassigura li l-ACTA ma tagħtix aċċess għall-kompjuters privati u mezzi elettroniċi oħra lill-awtoritajiet pubbliċi;

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-interess li qed jikber minn numru ta' pajjiżi tad-WTO fl-ACTA, jemmen li għandhom isiru sforzi biex ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, kif ukoll blokki ta' kummerċ reġjonali bħall-Merkosur, il-CARICOM u l-ASEAN ikunu inklużi, sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem fin-negozjati tal-ftehima, waqt li jkunu mistiedna minn issa biex jimpenjaw irwieħhom li jiggarantixxu r-rispett għall-IPR fit-territorju tagħhom;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevita l-periklu ta' kontradizzjonijiet u ta' duplikazzjoni bejn l-ACTA, il-ftehima TRIPS u trattati internazzjonali oħra dwar l-IPR;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-ACTA tikkonċentra biss fuq miżuri ta' applikazzjoni tal-IPR u mhux fuq kwistjonijiet sostantivi tal-IPR bħall-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni, il-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet, responsabbilta' sekondarja jew responsabbilta' ta' intermedjarji;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura li l-ACTA ma tintużax bħala mezz biex ikun modifikat il-qafas ta' applikazzjoni tal-IPR Ewropew attwali, imma li tirrifletti b'mod sħiħ il-bilanċ stabbilit mid-direttivi differenti adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f'dan il-qasam, u l-aktar id-dispożizzjoni tal-Premessa 2 tad-Direttiva 2004/48/KE;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiċċaraw l-irwol u l-kompetenza tal-Kumitat tal-Artikolu 133 u l-kumitati l-oħra involuti fin-negozjati dwar l-ACTA;

24.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra ċerta kritika qawwija dwar l-ACTA fin-negozjati li għaddejjin, fosthom li tista' tippermetti li detenturi ta' trademarks u ta' drittijiet tal-awtur jinvadu l-privatezza ta' persuni li allegatament ikunu ħatja ta' ksur mingħajr proċess legali, li tikkriminalizza ulterjurment lil każi ta' ksur mhux kummerċjali tad-dritt tal-awtur u tat-trademark, li tista' tkompli ssaħħaħ it-teknoloġiji tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali għas-spejjeż tad-drittijiet ta' 'użu ġust', li tista' tistabbilixxi proċedura ta' soluzzjoni ta' tilwim barra mill-istrutturi attwali tad-WTO u fl-aħħar li tista' ġġiegħel lill-firmatarji kollha biex ikopru l-ispiża ta' infurzar ta' każi ta' ksur tad-drittijiet tal-awtur u tat-trademarks;

25.  F'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura proċess pubbliku ta' konsultazzjoni kontinwu u trasparenti, sabiex tappoġġja l-benefiċċji ta' dan il-proċess mal-pajjiżi kollha li qed jinnegozjaw, u sabiex tassigura li l-Parlament ikun infurmat sew u b'mod regolari dwar l-istat attwali tan-negozjati;

26.  Ifakkar li t-Trattat KE jinkludi derogi fejn in-negozjar u l-konklużjoni ta" ftehimiet fil-qasam tal-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali huma relatati mal-kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi; jirrimarka li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, in-negozar u l-konklużjoni ta" ftehimiet huma parti mill-kompetenza komuni tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha; barra minn hekk jenfasizza li, flimkien ma" deċiżjoni Komunitarja meħuda skont id-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat KE, in-negozjar ta" dan it-tip ta" ftehimiet jirrikjedi l-kunsens tal-Istati Membri, u ftehimiet negozjati b'dan il-mod iridu jiġu konklużi b'mod konġunt bejn il-Komunità u l-Istati Membri;

27.  Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-qafas tan-negozjati tal-ACTA, fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tirrigwarda l-protezzjoni tad-dejta personali, u d-Direttiva 95/46/KE tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-24 ta" Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta" individwi fir-rigward ta" l-ipproċessar ta" data personali u dwar il-moviment liberu ta" dik id-data(18);

28.  Hu tal-fehma li, fl-iżvelar tal-abbozzi ta' tħejjija għall-ACTA, inklużi r-rapporti ta' progress, u fil-mandat għan-negozjar tal-Kummissjoni, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(19) m'għandux ikollu prevalenza fuq l-interess pubbliku, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex japplika l-Artikolu 255 tat-Trattat KE b'tali mod li jiġi żgurat l-akbar aċċess possibbli għad-dokumenti, sakemm jittieħdu l-miżuri ta" sigurtà meħtieġa kif titlob il-liġi tal-protezzjoni tad-dejta;

29.  Jinnota b'dispjaċir li l-protezzjoni tal-IPR fit-Turkija għadha ma tilħaqx l-istandards tal-UE u għalhekk teħtieġ li tkun riveduta; jirrimarka li t-Turkija tista' ssir kandidat kredibbli għall-adeżjoni meta tkun f'pożizzjoni li timplimenta l-acquis communautaire u li tiggarantixxi rispett sħiħ għall-IPR 'il ġewwa mill-fruntieri tagħha;

Relazzjonijiet UE-Ċina

30.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iżidu l-isforzi tagħhom u jieħdu azzjoni legali b'aktar enerġija kontra dawk li jiksru l-IPRs u, f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-bidla fl-attitudni min-naħa tal-entitajiet ġuridiċi li reċentement irrikonoxxew il-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-IPR fiċ-Ċina u kkundannaw kumpaniji lokali li kisru dawk id-drittijiet;

31.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiżdied il-koperazzjoni mal-awtoritajiet tad-dwana Ċiniżi waqt li jkunu garantiti l-għajnuna u l-appoġġ mis-servizzi amministrattivi korrispondenti Ewropej;

32.  Jenfasizza l-fatt li 60% tal-oġġetti ffalsifikati maqbuda mill-awtoritajiet tad-dwana tal-UE kienu magħmula fiċ-Ċina; jitlob lill-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet Ċiniżi, biex jippreżentaw pjan ta' azzjoni li jiġġieled l-iffalsifikar malajr kemm jista' jkun;

Miżuri ta' appoġġ estern fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar

33.  Jirrikmanda l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ effettiv fir-rigward ta' każi ta' ksur possibbli tal-IPRs li huma protetti skont ftehimiet varji, flimkien ma' mezzi ta' inċentivi tal-kummerċ bħala parti minn impenn speċifiku fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali;

34.  Ifakkar li r-Regolament tal-GSP jipprevedi, fost l-oħrajn, il-possibilità ta' sospensjoni temporanja tal-preferenzi għall-imsieħba li jużaw prattiki kummerċjali mhux leali; hu tal-fehma li fil-każ ta' każi ta' ksur serju tal-proprjetà intellettwali, bħal f'każi li jikkostitwixxu theddida serja għas-sikurezza u s-saħħa pubblika, l-użu ta' dan id-deterrent għandu jitqies sew mill-Kummissjoni;

35.  35 Hu ta' l-fehma li r-Regolament dwar l-Ostakli għall-Kummerċ jista' joffri għajnuna importanti lill-impriżi Ewropej li għandhom problemi ta' aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi fir-rigward ta' każi ta' ksur tal-proprjetà intellettwali u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-użu tiegħu partikolarment mill-SMEs;

36.  Hu tal-fehma li koperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri f'pajjiżi terzi tista' tiggrantixxi skambji ta' informazzjoni aktar effettivi, użu aħjar tar-riżorsi disponibbli u impatt akbar fuq miżuri li jiġġieldu l-iffalsifikar kemm fir-rigward ta' azzjoni politikodiplomatika u b'mod aktar strett f'aspetti tekniċi;

37.  Jstieden lill-Kummissjoni biex 'it-tim tal-aċċess għas-suq' fid-delegazzjonijiet tal-UE isiru punt ta' referenza tanġibbli għall-kumpaniji Komunitarji (partikolarment l-SMEs) li jilmentaw minn każi ta' ksur tal-proprjeta' intellettwali;

Kwistjonijiet normativi u organizzativi

38.  Jinnota l-impenn tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-proprjetà intellettwali fl-Unjoni Ewropea u jitlob impenn akbar fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u biex ikun hemm armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-Istati Membri;

39.  Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata fl-Unjoni Ewropea ta' 'ffalsifikar' u ta' 'kkuppjar illegali' u li d-definizzjonijiet tal-Istati Membri huma differenti;

40.  Jinnota bi tħassib l-evoluzzjoni tal-iffalsifikar u tal-ikkupjar illegali, partikolarment f'ekonomija globalizzata, kif ukoll l-implikazzjonijiet serji għall-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u tan-negozji, l-awturi u l-konsumaturi tagħha; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-konsumaturi b'informazzjoni biżżejjed dwar il-perikli ta' ffalsifikar u ta' kkupjar illegali, partikolarment ir-riskju konsiderevoli għas-saħħa u s-sikurezza li prodotti ffalsifikati, inklużi mediċini, joħolqu lill-konsumaturi;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga b'mod speċifiku r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza marbuta ma' ffalsifikar sabiex ikun evalwat jekk humiex meħtieġa aktar miżuri;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-ħila kollha tagħha ħalli jkun hemm ftehim dwar sanzjonijiet minimi fil-liġi kriminali Ewropea għal każi ta' ksur serju tal-IPR;

43.  Jemmen li hi meħtieġa armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fis-seħħ kontra l-iffalsifikar sabiex tkun garantita applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-ftehima futura ACTA;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni imtejba fi ħdan il-Kummissjoni bejn id-dipartimenti li jittrattaw il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u t-tqassim aħjar tal-inizjattivi Komunitarji li l-Kummissjoni tadotta f'dan ir-rigward, minħabba li l-frammentazzjoni tal-arranġamenti tas-sanzjonijiet hi ta' ħsara għas-suq intern u ddgħajjef l-Unjoni Ewropea fin-negozjati tagħha tal-kummerċ; jenfasizza wkoll li s-setturi privati u pubbliċi għandhom jestendu l-koperazzjoni tagħhom biex jassiguraw li l-miżuri biex jikkumbattu l-iffalsifikar ikunu aktar attivi, dinamiċi u effettivi;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu żviluppati korsijiet kontinwi ta' taħriġ adatt għall-istaff tal-uffiċċju tad-dwana, maġistrati u professjonisti oħra involuti u li l-Istati Membri jitħeġġu jwaqqfu timijiet speċjalizzati kontra l-iffalsifikar;

46.  Jinnota r-rikonoxximent mill-Kummissjoni, fil-White Paper tagħha ta' Lulju 2007 dwar l-Isport, li l-vijabilità ekonomika tal-isfruttar tad-drittijiet tal-isport tiddependi mid-disponibilità ta' mezzi effettivi li jipproteġu kontra l-attivitajiet ta' min jikser id-drittijiet ta' proprjeta' intellettwali fuq livell nazzjonali u dak internazzjonali u jitlob biex is-sidien ta' drittijiet sportivi jkunu inklużi fi kwalunkwe azzjoni li teħodha kontra l-iffalsifikar u l-ikkupjar diġitali illegali;

47.  Jirrikmanda aktar titjib u koordinazzjoni aħjar tal-proċeduri tad-dwana fl-Unjoni Ewropea sabiex b'mod sostanzjali ikun ristrett l-aċċess għas-suq waħdieni għal prodotti ffalsifikati jew illegali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tressaq proposta lill-Parlament u lill-Kunsill li tipprovdi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha b'dejta u statistika dwar l-iffalsifikar f'livell tal-UE;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-użu speċifiku tal-internet bħala mezz li bih jitqassmu prodotti ffalsifikati u biex tkejjel l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija tal-Istati Membri billi tiżviluppa għodda statistika li tista' tiffaċilita reazzjoni kkoordinata;

49.  Jitlob lill-Kummissjoni biex twaqqaf jew tiffaċilita helpdesk għall-SMEs, preferibbilment integrat ma' faċilitajiet simili, biex tingħata għajnuna teknika lill-SMEs dwar il-proċeduri li jirregolaw oġġetti ffalsifikati;

50.  Iqis essenzjali li l-industrija Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha u l-għajnuna tagħha lill-inizjattivi li se jittieħdu mill-istituzzjonijiet Ewropej; iqis partikolarment essenzjali li l-SMEs jitqiegħdu f'pożizzjoni minn fejn ikunu jistgħu jiddefendu b'mod effettiv id-drittijiet tagħhom speċjalment fir-rigward tal-każi ta' ksur tal-IPRs f'pajjiżi terzi;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu inizjattivi li jkomplu jqajmu l-kuxjenza tal-konsumatur dwar il-konsegwenzi ta' xiri ta' oġġetti ffalsifikati; jenfasizza l-irwol importanti li s-settur tan-negozju għandu f'dawn l-inizjattivi;

52.  Iqis li, għal skopijiet ta' traċċabilità, għandhom jittieħdu passi biex jinkoraġġixxu miżuri meħuda mill-industrija li jużaw teknoloġiji moderni biex jiddistingwu b'mod aktar effettiv bejn prodotti oriġinali u prodotti ffalsifikati, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa ħalli tippromwovi u tistabbilixxi passi kostruttivi bħal dawn fuq bażi permanenti;

53.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Direttiva 2004/48/KE biex jagħmlu dan mingħajr dewmien;

54.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu rispettati l-erba' drittijiet fundamentali tas-suq intern u li jibda jitħaddem aħjar;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, mill-Istati Membri, tiġbor dejta dwar il-ħsara għas-saħħa tal-konsumaturi li ġrat bħala riżultat ta' prodotti ffalsifikati u dwar l-ilmenti tal-konsumatur dwar prodotti ffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li din id-dejta tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet fl-Istati Membri kollha;

56.  Jisħaq, f'dan ir-rigward, dwar il-ħtieġa li jiġu mmobilizzati l-operaturi kollha kkonċernati sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-istrumenti li jiġġieldu kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali fis-suq intern;

57.  Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-istaff doganali tagħhom fit-territorju nazzjonali tagħhom u biex jibdew iħaddmu servizz, identifikabbli minn partijiet terzi (inklużi l-Istati Membri, pajjiżi terzi, istituzzjonijiet tal-Komunità, intrapriżi u individwi) inkarigati mill-ġlieda kontra l-iffalsifikar u mill-informazzjoni dwar din il-problema;

58.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-importanza li jkollhom brevett Komunitarju u sistema ta' ġurisdizzjoni għall-privattivi bħala mod kif jiżguraw il-konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-utenti fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, u b'hekk jagħtu ċ-ċans lill-intrapriżi innovattivi li jipproteġu kemm jista' jkun l-invenzjonijiet tagħhom u li jagħmlu profitt akbar minnhom;

59.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jqajmu kuxjenza u jkabbru l-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali fiz-zoni turistiċi, kif ukoll fil-fieri u fil-laqgħat professjonali;

60.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jiġu armonizzati l-IPR u l-privattivi nazzjonali u Komunitarji eżistenti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, u jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-kumpaniji biex jipproteġu s-servizzi u l-prodotti tagħhom billi jirreġistraw it-trademarks, id-diżinji u l-privattivi, sabiex l-IPR jitħarsu aħjar;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa tabella ta' valutazzjoni sabiex tiġi mkejla l-prestazzjoni doganali tal-Istati Membri u sabiex tkompli għaddejja l-ġlieda kontra l-iffalsifikar, kif ukoll biex jibda jaħdem netwerk għall-iskambju rapidu tal-informazzjoni dwar il-prodotti ffalsifikati, fuq il-bażi tal-punti ta" kuntatt nazzjonali u ta' għodda moderna għall-iskambju tal-informazzjoni;

62.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-koordinazzjoni bejn is-servizzi doganali tagħhom u biex japplikaw ir-regoli Komunitarji dwar id-dazji b'mod uniformi fl-Unjoni Ewropea;

63.  Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-Kummissjoni, jiżviluppaw metodu komuni għall-qerda ta' prodotti ffalsifikati;

64.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-implimentazzjoni tal-proċedura simplifikata mniżżla fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1383/2003 fl-Istati Membri kollha;

65.  Barra minn hekk jissuġġerixxi li aspetti sinifikanti tal-iffalsifikar (l-imitazzjoni tal-prodotti/ksur tat-trademark fuq skala kummerċjali) huma differenti minn dawk tal-ikkuppjar illegali (ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq skala kummerċjali), u li għandha tingħata kunsiderazzjoni li dawn jiġu trattati b'mod indipendenti u separat, b'mod speċjali rigward il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati aspetti tas-saħħa pubblika u tas-sikurezza li jeżistu fl-iffalsifikar;

66.  Jappoġġja, rigward il-qasam tas-saħħa pubblika, id-definizzjoni tad-WHO tal-mediċina ffalsifikata: "mediċina ttikkettata ħażin, b'mod intenzjonat u bi frodi, rigward l-identità u/jew is-sors. L-iffalsifikar jista" japplika kemm għal prodotti tad-ditta kif ukoll għal dawk ġeneriċi, u l-prodotti ffalsifikati jistgħu jinkludu prodotti bl-ingredjenti korretti jew bl-ingredjenti ħżiena, prodotti mingħajr ingredjenti attivi, b'ingredjenti attivi insuffiċjenti jew b'imballaġġ falz.";

67.  Jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali bħall-ħarsien tal-privatezza u d-dejta meta jittieħdu miżuri biex jiġu miġġielda l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali;

Kunsiderazzjonijiet finali

68.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Kunsill u l-Istati Membri, biex jiddefinixxu linja ta' politika ċara, strutturata u ambizzjuża li, flimkien ma' miżuri interni tad-dwana, jikkoordinaw u jindirizzaw l-azzjonijiet "esterni" tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi miżuri li huma kumplimentari ma' standards leġiżlattivi u, b'mod partikolari, biex tistabbilixxi kuxjenza Ewropea akbar dwar il-perikli tal-iffalsifikar bil-għan li jinbidlu l-attitudnijiet tal-persuni dwar l-iffalsifikar u l-ikkupjar illegali;

70.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-twaqqif ta' tabella ta' valutazzjoni internazzjonali dwar l-iffalsifikar li għandha tkun immudellata fuq it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern u li tista' titfa' l-attenzjoni fuq pajjiżi li huma taħt il-medja fir-rigward tal-ġlieda kontra oġġetti ffalsifikati;

71.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippermettu lill-Parlament li jkollu rwol aktar ċentrali fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar; iqis partikolarment xieraq li l-Unjoni Ewropea tippromwovi preżenza politika tagħha f'laqgħat internazzjonali speċjalizzati bħall-Kungress Globali Kontra l-Iffalsifikar u l-Ikkuppjar Illegali, kif ukoll f'organizzazzjonijiet internazzjonali involuti fil-ħarsien tal-proprjetà intellettwali;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżommuh kompletament infurmat u biex jistednuh jipparteċipa fl-inizjattivi relevanti kollha; jemmen li fl-ispirtu tat-Trattat ta' Liżbona, l-ACTA għandha tkun ratifikata mill-Parlament Ewropew skont il-proċedura ta' kunsens;

o
o   o

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0053.
(2) OJ C 102 E, 24.4.2008, p. 128.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0247.
(4) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 235.
(5) ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 182.
(6) Testi adottati, P6_TA(2007)0629.
(7) Testi adottati, P6_TA(2008)0195.
(8) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.
(9) ĠU L 349, 31.12.1994, P. 71.
(10) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 1.
(11) ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.
(12) ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.
(13) Testi Adottati, P6_TA(2008)0305.
(14) ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.
(15) ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.
(16) Dikjarazzjoni tas-Samit, Tkabbir u Responsabilità fl-Ekonomija Dinjija, 7 ta' Ġunju 2007, Sammit tal-G8 Heiligendamm.
(17) L-Artikolu 3(2) jgħid li "Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ukoll ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi u għandhom ikunu applikati b'mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta' ostakoli għall-kummerċ leġittimu u biex jiġu provduti salvagwardji kontra l-abbuż tagħhom."
(18) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(19) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

Avviż legali - Politika tal-privatezza