Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0033/2009

Testi mressqa :

B6-0033/2009

Dibattiti :

PV 14/01/2009 - 12
CRE 14/01/2009 - 12

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2009 - 6.4
CRE 15/01/2009 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0026

Testi adottati
PDF 307kWORD 76k
Il-Ħamis, 15 ta' Jannar 2009 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika
P6_TA(2009)0026B6-0033/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Qarn tal-Afrika,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Missjoni lill-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika adottat mill-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu fit-8 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.   billi kunflitti fuq il-fruntieri li għadhom ma ssolvewx bejn l-Etjopja u l-Eritrea u bejn l-Eritrea u Djibouti qed jaffettwaw ħażin il-paċi u s-sigurtà fil-Qarn tal-Afrika; billi s-sitwazzjoni fis-Somalia iddeterjorat f'waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji u ta' sigurtà dinjija; billi s-sitwazzjoni fis-Sudan hija fattur ta' riskju għas-sigurtà ewlieni fir-reġjun;

B.   billi l-Etjopja u l-Eritrea temmew il-gwerra tagħhom billi ffirmaw il-"Ftehim ta' Algiers" li kien nnegozjat fuq livell internazzjonali, ftehim li jinkludi missjoni ta' azzjoni għaż-żamma ta' paċi tan-NU (UNMEE) u t-twaqqif ta' Kummissjoni dwar il-Fruntiera Etjopja-Eritrea (EEBC), iżda għad hemm differenzi bejn iż-żewġ naħat rigward l-implimentazzjoni tal-ftehim u tad-deċiżjoni tal- EEBC; billi l-mandat tal-UNMEE kellu jintemm fil-31 ta' Lulju 2008 minħabba li l-Eritrea kienet qed tfixkel il-missjoni u l-Etjopja rrifjutat li tinforza s-sentenza tal-EEBC rigward iz-zona kontestata ta' Badme;

C.   billi f'Ġunju 2008, eskalat il-vjolenza fuq il-fruntiera bejn l-Eritrea u Djibouti f'Ras Doumeira, vjolenza li ħalliet 35 persuna mejta u għaxriet ta' persuni midruba; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fit-12 ta' Ġunju 2008 talab liż-żewġ naħat biex jimpenjaw ruħhom biex jieqfu mill-ġlied u biex jerġgħu jistabbilixxu l-istatus quo ta' qabel; billi bħalissa s-sitwazzjoni tinsab kalma, iżda minħabba l-qrubija tat-truppi, hemm riskju ta' eskalazzjoni;

D.   billi fid-29 ta' Ottubru 2008 ġew immirati attakki suwiċida b'bomba fuq il-missjoni kummerċjali, kampament tan-NU u l-palazz tal-president fil-belt kapitali ta' Somaliland Hargeysa, fl-istess waqt li saru attakki f'Bossaso fir-Reġjun tas-Somalja f'Puntland, li wasslu għall-arrest ta' bosta individwi;

E.   billi f'Novembru 2008 sar rawnd ġdid ta' negozjati f'Djibouti li wassal għall-iffirmar ta' ftehim dwar il-qsim tal-poter bejn rappreżentanti tal-Gvern Federali Tranżizzjonali (TFG) tas-Somalia u l-oppożizzjoni mill-Alleanza għar-Riabilitazzjoni ta' Somalja-Djibouti l-oppożizzjoni (ARS-D), fejn iż-żewġ partijiet ħabbru pubblikament l-appoġġ tagħhom għall-Kummissjoni ta' Inkjesta biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Somalja;

F.   billi l-Awtorità Intergovermentali dwar l-Iżvilupp (IGAD), waqt konferenza fid-29 ta' Ottubru 2008 f'Nairobi mar-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Federali Tranżizzjonali u l-Membri tal-Parlament Federali Tranżizzjonali, adottat pjan li fih seba' punti biex ikun appoġġjat il-proċess ta' paċi fis-Somalja u jkun stabbilit mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tal-monitoraġġ;

G.   billi minn Novembru 2008, l-Etjopja bdiet tirtira t-truppi tagħha minn Mogadishu u minn lokalitajiet oħra fejn għadhom preżenti fis-Somalja; billi l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana għas-Somalja (l-AMISON), li minn Marzu 2007 kienet essenzjalment limitata għal Mogadishu, issa se ssib ruħha waħidha fuq it-territorju;

H.   billi t-TFG tas-Somalja naqas f'erba' snin biex joħloq gvern ġenerali; billi bħal riżultat tar-riżenja riċenti tal-President Abdullahi, hemm periklu reali li fazzjonijiet rivali jistgħu jerġgħu jaqbdu jiġġieldu;

I.   billi l-piraterija hija sfida oħra ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun tal-Qarn tal-Afrka; billi l-ġlieda kontra l-piraterija tista' tintrebaħ biss permezz ta' mezzi militari, iżda dan prinċiparjament jiddependi fuq is-suċċes tal-promozzjoni tal-paċi, l-iżvilupp u l-bini tal-Istat fis-Somalja; billi bħala riżultat tal-piraterija, il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) kellu jissospendi l-kunsinna tal-għajnuna tal-ikel għas-Somalja, sitwazzjoni li kompliet tħażżen is-sitwazzjoni umanitarja diġà prekarja;

J.   billi fit-8 ta' Diċembru 2008, l-UE nidiet l-operazzjoni marittima tagħha EU NAVFOR Somalia (jew Operation Atalanta) li għandha l-għan li tipproteġi l-konvoys marittimi tal-Programm Dinji tal-ikel u vapuri merkantili oħra li jkunu qed ibaħħru fl-ibħra lil hinn mis-Somalja;

K.   billi n-nuqqas tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiva ta' Paċi (CPA) bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tas-Sudan jista' jwassal għal firda, li probabbli tkun akkumpanjata minn kunflitt militari dwar l-ishma taz-zejt fir-regjun tal-fruntiera; billi l-firda probabbli se twassal għal qasma totali tal-pajjiż, bid-Darfur u l-parti tal-Lvant li qed jippruvaw jiksbu l-indipendenza u ġlied inter-etniku instigat iktar bl-involviment ta' pajjiżi ġirien, inkluża l-Eritrea;

L.   billi Djibouti qed ikompli jaffaċċja sfidi enormi u s-sitwazzjoni tiegħu qed issir allarmanti fid-dawl tal-kriżi dinjija tal-ikel; billi l-Ogaden, ir-reġjun tas-Somalja fl-Etjopja, qed ibati minn nixfa kbira u l-għajnuna tal-ikel għall-abitanti kkontrollata mill-gvern mhix qed tilħaqhom minkejja l-progress riċenti fil-kunsinna tal-għajnuna tal-ikel mid-WFP f'dan ir-reġjun, minħabba li għadu qed jiġi rappurtat dewmien ikkawżat mill-awtorizzazzjoni militari biex wieħed jivvjaġġa fir-reġjun Somalu;

M.   billi s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-governanza fil-pajjiżi kollha tal-Qarn tal-Afrika kien ta' tħassib kbir għall-UE għal ħafna snin; billi hemm rapporti kredibbli dwar arresti arbitrarji, xogħol furzat, tortura u trattament ħażin tal-priġunieri kif ukoll persekuzzjoni tal-ġurnalisti u ripressjoni politika fir-reġjun;

N.   billi l-ksur tad-dritttijiet tal-bniedem fis-Somalja jinkludi l-ħtif ta' żewġ sorijiet Kattoliċi Taljani, Maria Teresa Olivero u Katerina Giraudo;

O.   billi s-sistema ta' votazzjoni bil-maġġoranza, żvantaġġuża ħafna għall-partiti fl-oppożizzjoni, li kienet applikata matul l-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-2008, huwa suġġett ta' tħassib għal Djibouti, fejn il-partit tal-oppożizzjoni Moviment dwar it-Tiġdid Demokratiku (MRD) f'Lulju 2008, kien ipprobit milli jipparteċipa minħabba raġunijiet mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni li kien qed jappoġġja attakk mill-Eritrea fuq Djibouti, filwaqt li l-mexxejja tat-trejdunjin Unjoni tal-Ħaddiema ta' Djibouti/Unjoni Ġenerali tal-Ħaddiema ta' Djibouti (UDT/UGTD) għadhom ma ngħatawx lura l-impjieg tagħhom wara li tkeċċew minħabba raġunijiet marbuta mal-attivitajiet tal-unjin;

P.   billi hemm klima ta' biża' fost l-organiżżazzjonijiet non-governattivi (NGOs) u gruppi tal-oppożizzjoni li l-kontroll tal-gvern kien qed jiżdied u l-libertà politika tnaqqset permezz tal-liġi tal-istampa u l-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti adottata riċentement fl-Etjopja, billi l-liġi dwar l-NGOs (il-Proklamazzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni u r-Regolazzjoni tal-Karitajiet u s-Soċjetajiet) adottata mill-gvern Etjopjan u ratifikata mill-parlament tista' tillimita serjament l-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet Etjopjani u internazzjonali li qed jaħdmu favur l-ugwaljanza, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u s-soluzzjoni tal-kunflitti,

Sigurtà Reġjonali

1.  Jistieden lill-gvern tal-Etjopja biex japprova formalment id-demarkazzjoni b'koordinati fuq mapep tal-EEBC bejn l-Eritrea u l-Etjopja bħala finali u vinkolanti; jistieden lill-gvern Eritrean biex jaqbel li jkun hemm djalogu mal-Etjopja, li jindirizza l-ipproċess tal-irtirar tat-truppi mill-fruntiera u għad-demarkazzjoni fiżika b'konformità mad-deċiżjoni tal-EEBC, kif ukoll in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż il-ftuħ mill-ġdid tal-fruntiera għal kummerċ; jistieden lill-komunità internazzjonali u l-UE biex jagħmlu pressjoni fuq iż-żewġ naħat biex tingħeleb is-sitwazzjoni blukkata li teżisti bħalissa;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinnomina Rappreżentant/Mibgħut Speċjali tal-UE għar-reġjun tal-Qarn tal-Afrika;

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi tagħhom fil-kuntest ta' sħubija politika reġjonali għall-paċi, s-sigurtà u l-iżvilupp fil-Qarn tal-Afrika biex ikunu identifikati proġetti ta' interess komuni li jistgħu jmexxu l-koperazzjoni funzjonali bejn l-Eritrea u l-Etjopja, per eżempju fil-qasam tal-forniment tal-enerġija u l-kummerċ transkonfinali jew portwali;

4.  Jistieden lill-gvern Eritrean biex jikkunsidra mill-ġdid is-sospensjoni preżenti tiegħu tal-isħubija fl-IGAD; jistieden lit-tmexxija tal-Unjoni Afrikana (AU) u IGAD biex ikomplu jinvolvu lill-Eritrea u jinkoraġġixxu lill-gvern biex jerġa' jgħaqqad l-isforzi ta' koperazzjoni reġjonali u sub-reġjonali;

5.  Jistieden lill-gvern Eritrean biex jaqbel li jistieden, flimkien mal-gvern ta' Djibouti, missjoni indipendenti ghat-tfittxija tal-fatti biex tkun indagata s-sitwazzjoni f'Ras Doumeira; jistieden liż-żewġ naħat biex jafdaw id-djalogu u l-mezzi diplomatiċi sabiex jerġgħu jistabbilixxu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-appoġġ tagħhom għall-bini ta' istituzzjonijiet fis-Somalia, għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi ta' Djibouti u għall-isforzi IGAD fil-proċess ta' paċi; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-AMISOM u l-użu tal-forza ta' stabbilizzazzjoni tan-NU f'ħin propizju immedjatament meta l-kundizzjonijiet politiċi u ta' sigurtà jippermettu dan;

7.  Jikkundanna l-attakki dejjem iktar frekwenti fuq il-ħaddiema umanitarji li seħħew matul dawn l-aħħar xhur, li kkostrinġew ħafna l-operazzjonijiet ta' għajnuna u għenu biex teħżien is-sitwazzjoni umanitarja fis-Somalja; jistieden lill-Koordinatur Umanitarju tan-NU għas-Somalja biex jinnegozja aċċess umanitarju separatament mill-proċess ta' paċi ta' Djibouti, żona ġeografika b'żona ġeografika, biex jitħaffef il-forniment tal-ikel u tittaffa ftit is-sitwazzjoni umanitarja kritika;

8.  Jenfasizza li fid-dawl tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-komunita' internazzjonali għall-kisba tal-ftehim bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tas-Sudan, issa huwa meħtieġ li jitkomplew l-isforzi bil-għan li dan il-ftehim tkun implimentat u biex tinżamm il-pressjoni neċessarja; jistieden għalhekk lill-Kunsill u lill-Komunità internazzjonali biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Paċi Komprensiva tramuntana-nofsinhar fis-Sudan u biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-Missjoni UN-AU fid-Dafur (UNAMID);

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-appoġġ tagħhom għall-IGAD u l-isforzi tagħha biex ikun żviluppat pjan ta' integrazzjoni għar-reġjun u biex jissaħħu l-istituzzjonijiet tagħha;

Sigurtà tal-ikel u żvilupp

10.  Jistieden lill-gvern Eritrean biex jikkoopera aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel sabiex jippermetti li jkun hemm intervenzjoni fil-ħin u mmirata;

11.  Jistieden lill-gvern Eritrean biex jippermetti lill-Kummissjoni aċċess mingħajr xkiel għall-proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni u biex isaħħaħ id-disponibilità tiegħu għal assistenza teknika għal proġetti u programmi miftiehma b'mod konġunt; jistieden ukoll lill-gvern tal-Eritrea biex jadatta l-Proklamazzjoni NGO bil-għan li jkunu ffaċilitati r-rekwiżiti finanzjarji għall-NGOs li huma lesti li jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet ta' żvilupp fl-Eritrea;

12.  Jistieden lill-gvern Etjopjan biex jagħti aċċess sħiħ lill-organizzazzjonijiet umanitarji għar-reġjun Ogaden tas-Somalja, u biex jipprovdi l-kundizzjonijiet neċessarji kollha biex l-għajnuna tilħaq lill-benefiċjarji tagħha fir-reġjun kollu;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja r-reazzjonijiet regjonali għall-isfidi transkonfinali permezz tas-sħubija Reġjonali tal-UE għall-paċi, s-sigurtà u l-iżvilupp, u b'mod partikolari l-immaniġġjar reġjonali tar-riżorsi tal-ilma bħala element essenzjali għas-sigurtà tal-ikel;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika li l-ebda programm tal-assistenza tagħha, inkluż il-programm "flus għax-xogħol", ma huma qed ikunu implimentati permezz ta' xogħol furzat;

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba

15.  Jitlob lill-gvern tal-Eritrea sabiex jagħmel dikjarazzjoni pubblika dwar fejn jinsabu l-priġunieri u dwar l-istat ta' saħħa tagħhom u biex iħarrek u jressaq quddiem il-qorti d-detenuti politiċi kollha u l-ġurnalisti li qed jinżammu l-ħabs. jew inkella jeħlishom minnufih;

16.  Jitlob lill-gvern tal-Eritrea biex jirrispetta b'mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-media u l-libertà tal-kuxjenza;

17.  Jesprimi l-preokkupazzjoni qawwija tiegħu dwar id-detenzjoni fl-Eritrea tal-ġurnalist Svediż Eritrean Dawik Isaak li ilu jinżamm il-ħabs sa mill-arrest tiegħu f'Settembru 2001 mingħajr ma tressaq quddiem il-qorti u jitlob il-ħelsien immedjat ta' Dawik Isaak u ta' ġurnalisti oħrajn li jinsabu l-ħabs;

18.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tikkonsidra l-approċċ tagħha lejn l-Eritrea jekk ma jsirx progress lejn konformità mal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Kotonou (Artikolu 9), b'mod partikolarifir-rigward tad -d-drittijiet ewlenin tal-bniedem (l-aċċess tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) għal ħabsijiet, ir-rilaxx ta' G11);

19.  Jitlob lill-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja sabiex jikkundanna l-ħtif ta' żewġ sorijiet Kattoliċi Taljani u sabiex jieħu passi sabiex iħaħħef ir-rilaxx tagħhom u sabiex jipprevjeni aktar ħtif;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' Djibouti sabiex jipproteġu l-ispazju politiku għall-partiti tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludi l-libertà tal-istampa, il-libertà ta' assemblea u l-libertà tal-espressjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' djalogu sinifikattiv bejn il-gvern u l-oppożizzjoni li jwassal għall-adozzjoni tal-liġi elettorali sabiex ikun jista' jkun hemm rappreżentazzjoni aktar ġusta tal-partiti politiċi eżistenti fil-Parlament; jitlob lill-awtoritajiet ta' Djibouti sabiex jerġgħu jħalli jidħlu għal xogħolhom il-mexxejja kollha tal-UDT/UGTD li ġew imkeċċija minħabba raġunijiet li jirrigwardaw l-attività sindakali tagħhom;

21.  Jitlob lill-Gvern ta' Djibouti sabiex jieħu passi sabiex ikun hemm protezzjoni aħjar tal-ligi u l-prattika tad-drittijiet tad-trejdjunjins skont il-konvenzjonijiet rispettivi ewlenin tal-ILO;

22.  Jiddispjaċih li l-Parlament tal-Eritrea rratifika l-Proklamazzjoni għar-Reġistrazzjoni u r-Regolamentazzjoni tal-Karitajiet u s-Soċjetajiet, jitlob li jsiru adattamenti sinifikattivi sabiex ikunu garantiti l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, jitlob li jkun hemm implimentazzjoni mhux restrittiva ta' din il-liġi u jinsisti li jkun hemm moniteraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni tal-UE tal-implimentazzjoni tagħha;

23.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Etjopja sabiex jirrevedu l-liġi tal-istampa u l-liġi tar-reġistrazzjoni tal-partiti, kif ukoll il-kompożizzjoni tal-Bord Elettorali, sabiex jiġi żgurat li l-ispazju politiku għall-partiti tal-oppożizzjoni jkun iggarantit; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Etjopja biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta' fastidju u arrest arbitraju tal-organizzazzjonijiet tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u sabiex itellgħu quddiem il-ġużtizzja lil dawk risponsabbli;

24.  Iħoss ruħu indinjat bil-priġunerija ta' Birtukan Midekassa, kap tal-partit tal-oppożizzjoni Unità għad-Demokrazija u l-Ġustizzja (UDJ) u jitlob li tinħeles minnufih u bla kundizzjonijiet;

25.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Etjopja sabiex jieħdu ħsieb it-talba għal reġistrazzjoni mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Għalliema tal-Etjopja (NTA) skont il-liġijiet u r-regoli rispettivi, u sabiex ma jkomplux jippersegwitaw lill-membri ta' din l-assoċjazzjoni;

26.  Jitlob lill-Gvernijiet tal-Etjopja, l-Eritrea u Djibouti u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 8 u l-Anness VII tal-Ftehim Rivedut ta' Kotonou, sabiex jilħqu ftehim biex japprofondixxu d-djalogu politiku fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li jinkludu l-kwistjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, sabiex jiġu definiti standards stabbiliti u jinkisbu riżultati tanġibbli u progress fil-prattika;

27.  Jagħraf li għalkemm fl-2009 se jsiru l-elezzjonijiet fis-Sudan, għadhom ma ġewx emendati l-liġijiet li jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni għall-persuni individwali, partiti politiċi u l-media u li jmorru kontra l-Ftehim Komprensiv għall-Paċi (CPA) u l-Kostituzzjoni Nazzjonali Interim (INC) u lanqas għadha ma ġiet ifformata l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza li t-tħassir u s-sostituzzjoni ta' dawn il-liġijiet b'liġijiet oħrajn li jkunu konformi mas-CPA u l-INC, kif ukoll il-ħolqien tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, huma pri-kundizzjonijiet għal ambjent fejn jistgħu jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, , lill-gvernijiet tal-Istati Membri, liċ-Chairperson tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, il-President fil-Kariga tal-Assemblea tal-Unjoni Afrikana, is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, il-Parlament Pan-Afrikan, il-gvernijiet u parlamenti tal-pajjiżi tal-IGAD u l-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza