Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2202(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0032/2009

Testi mressqa :

A6-0032/2009

Dibattiti :

PV 18/02/2009 - 19
CRE 18/02/2009 - 19

Votazzjonijiet :

PV 19/02/2009 - 9.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0075

Testi adottati
PDF 341kWORD 103k
Il-Ħamis, 19 ta' Frar 2009 - Brussell
l-Istrateġija Ewropea għas-sigurtà u l-PESD
P6_TA(2009)0075A6-0032/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Istrateġija Ewropea għas-sigurtà u l-PESD (2008/2202(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta" Liżbona,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea (ESS) intitotala "Ewropa Sikura f' Dinja Aħjar", adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE kontra l-armi tal-qerda tal-massa, li ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fit-12 ta" Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-11-12 ta" Diċembru 2008, li jaqblu mar-rapport tal-11 ta' Diċembru 2008 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea - il-Ħolqien ta' Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża (PESD), adottata fit-12 ta" Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra d-dokument tal14 ta' Marzu 2008 tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni għall-Kunsill tal-Ewropa, bit-titolu "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali"(2),

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta 2008/851/CFSP tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tkun ta" kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta" piraterija u ta" serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja(3) (operazzjoni imsejjħa "Atalanta"),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta" April 2005 dwar l-istrateġija Ewropea għas-sigurtà(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest ta' l-PESD(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta" Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u tal-PESD(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-10 ta" Lulju 2008 dwar l-ispazju u s-sigurtà(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tal-aġenda tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0032/2009),

Kunsiderazzjonijiet Ġenerali

1.  Jirrimarka li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tiżviluppa l-awtonomija strateġika tagħha permezz ta" politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża li tkun b'saħħitha u effikaċi, sabiex tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, tiddefendi l-interessi tagħha fid-dinja, tħares is-sikurezza taċ-ċittadini tagħha, tikkontribwixxi għal multilateraliżmu effettiv, tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-valuri demokratiċi mad-dinja kollha, u tħares il-paċi dinjija;

2.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-UE ssegwi dawn l-objettivi permezz tal-koperazzjoni multilaterali fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-ewwel qabel kollox fin-Nazzjonijiet Uniti, u permezz ta" sħubija ma" atturi ewlenin oħra skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-prinċipji tal-Att Finali ta" Helsinki u l-objettivi tal-Karta ta" Pariġi;

3.  Itenni l-ħtieġa ta" riforma tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex din tkun tista" twettaq kompletament ir-risponsabiltajiet tagħha u taħdem b'mod effettiv biex tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi globali u tirreaġixxi għat-theddidiet ewlenin;

4.  Itenni l-importanza tar-relazzjoni transatlantika u jirrikonoxxi l-ħtieġa ta" koordinazzjoni tal-azzjonijiet bejn l-PESD u n-NATO, iżda fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa ta' sħubija aktar bilanċjata, mingħajr kompetizzjoni u b'rispett għall-awtonomija ta" xulxin u ftehim reċiproku fejn ikun hemm kunsiderazzjonijiet strateġiċi diverġenti;

5.  Iqis li ħafna mit-theddidiet il-ġodda mhumiex biss militari, u lanqas ma jistgħux jiġu indirizzati biss b'mezzi militari;

6.  Jirrimarka li din il-politika trid tgħaqqad l-użu ta" kemm il-mezzi u l-kapaċitajiet ċivili, kif ukoll dawk militari, u li teħtieġ il-koperazzjoni mill-qrib u bla intoppi bejn dawk kollha interessati;

7.  Iħaddan il-kunċett tar-"responsabilità għall-ħarsien", adottat min-NU fl-2005, u l-kunċett tas-"sigurtà tal-bniedem", li huwa bbażat fuq il-preminenza tal-individwu u mhux tal-istat; jenfasizza li dawn il-kunċetti jinvolvu kemm konsegwenzi prattiċi u kemm linji gwida politiċi b'saħħithom għall-orjentazzjoni strateġika tal-politika għas-sigurtà Ewropea sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni effettiva fil-kriżijiet; jenfasizza, madankollu, li m'hemm la obbligu awtomatiku u lanqas il-mezzi disponibbli sabiex l-UE tibgħat missjonijiet tal-PESD, kemm ċivili u kemm militari, fis-sitwazzjonijiet kollha ta' kriżi;

8.  Jagħmel enfasi li l-ġabra flimkien tal-isforzi u tal-kapaċitajiet fil-livell tal-UE hija kruċjali biex jingħelbu l-effetti kkombinati tal-ispejjeż dejjem jikbru tat-tagħmir għad-difiża u l-limiti eżistenti tal-infiq tad-difiża;

9.  Isostni li politika komuni tad-difiża fl-Ewropa teħtieġ forza militari Ewropea integrata li konsegwentement teħtieġ li tkun armata b'sistemi komuni ta" armi biex b'hekk tiggarantixxi l-uniformità u l-interoperabiltà;

10.  Jenfasizza, li t-trasparenza u l-effiċjenza meta mqabbla man-nefqa, kif ukoll ir-responsabiltà parlamentari u r-rispett tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja, huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li jkun hemm appoġġ mill-pubbliku għad-difiża Ewropea; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza partikolari li jkun hemm skrutinju parlamentari effettiv tal-PESD fis-sura ta" koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE;

11.  Iqis li l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà aġġornata u l-Kunċett Strateġiku ġdid tan-NATO tal-ġejjieni għandhom ikunu koerenti ma" xulxin u li dan għandu jkun rifless fid-Dikjarazzjoni li se tiġi adottata mil-Laqgħa Għolja tan-NATO tas-Sittin Anniversarju fi Strasburgu u Kehl fit-3 u l-4 ta'April 2009;

12.  Jenfasizza li hija ta" importanza ewlenija li l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà tkun implimentata fis-sħuġija tagħha u fil-ħin;

13.  Jilqa" r-rapport tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ESS; jinnota madankollku, li peress li l-biċċa l-kbira tal-miri tal-ESS fl-2003 baqgħu ma ntlaħqux, l-UE - imsaħħa bit-Trattat ta" Liżbona – għandu jkollha rwol aktar deċiżiv billi ssaħħaħ il-leġittimità, it-trasparenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet ta" governanza globali;

14.  Jilqa" b'sodisfazzjon it-tnidija tal-missjoni ATALANTA tal-PESD fuq imsemmija kontra l-piraterija barra mix-xtut tas-Somalja; ifakkar lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE, madankollu, li r-raġunijiet għall-problema tal-piraterija f'dak ir-reġjun għandhom għeruq aktar fil-fond, bħall-faqar fi stat fallut, u jitlob għal aktar azzjonijiet profondi Ewropej li jindirizzaw dawn il-problemi;

15.  Jenfasizza, fir-rigward tal-ħtif u l-qtil ta' ostaġġi minn terroristi Islamiċi, jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm tisħiħ fil-koperazzjoni u fil-koordinazzjoni tal-politika kontra t-terroriżmu bejn l-Istati Membri tal-UE, l-Istati Uniti u n-NATO, li għandu jkollu l-għan, b'mod partikulari, li jtejjeb l-effettività ta" operazzjonijiet ta" salvataġġ imnedija bil-għan li jiġu salvati l-ħajjiet tal-ostaġġi;

16.  Itenni bil-qawwa s-sejħa tiegħu sabiex, permezz tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà u l-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża, jigu pprovduti l-garanziji kollha biex tkun żgurata l-implimentazzjoni b'suċċess tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa u l-Paċi u s-Sigutà, 1325 tal-31 ta' Ottubru 2000 (S/RES/1325) u 1820 tad-19 ta' Ġunju 2008 (S/RES/1820) għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ndaqs tan-nisa fil-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-paċi u s-sigurtà u sabiex l-użu sistematiku tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa f'sitwazzjonijiet ta" kunflitt jiġi kklassifikat bħala delitt tal-gwerra kontra l-umanità; jiddispjaċih li l-progress dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-operazzjonijiet tal-PESD qed isir bil-mod wisq;

Interess Ewropew dwar is-Sigurtà

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li spiss, fl-Istati Membri l-ħsieb għadu limitat fi ħdan il-qafas ta" interessi ta" sigurtà nazzjonali u minħabba f'hekk ir-responsabiltà komuni għall-ħarsien tal-interessi komuni Ewropej qed tkun traskurata; iqis li din l-istratġeija hija kontroproduttiva u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħsbu b'mod aktar miftuħ sabiex l-UE jagħmluha attur aktar importanti fix-xena internazzjonali billi jipprovdi għal arranġamenti ta" sigurtà Ewropea aktar effettivi;

18.  Iqis, għalhekk, li hu meħtieġ li jiġu stabbiliti l-interessi komuni ta" sigurtà tal-UE; jenfasizza, li l-Unjoni Ewropea tista" biss tfassal politika komuni aktar koerenti u effettiva jekk ikollha idea ċara tal-interessi komuni tagħha;

19.  Huwa tal-fehma li, minbarra l-isfidi identifikati fl-ESS kif adottati fl-2003, l-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni jinkludu l-ħarsien taċ-ċittadini u tal-interessi tagħha fl-UE kif ukoll barra l-UE, is-sigurtà tal-pajjiżi ġirien tagħha u l-ħarsien tal-fruntieri esterni tagħha u tal-infrastruttura kritika, kif ukoll it-titjib fis-sigurtà taċ-ċibernetika, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tar-rotot tal-baħar, il-ħarsien tar-riżorsi tagħha tal-ispazju u l-ħarsien mill-konsegwenzi tal-bidla fil-klima;

Ambizzjonijiet Ewropej fil-qasam tas-Sigurtà

20.  Jinnota li l-UE tirrikonoxxi ordni internazzjonali bbażat fuq il-multilateraliżmu effettiv u fuq il-liġi internazzjonali, u li dan jirrifletti l-konvinzjoni tal-Ewropej li l-ebda pajjiż ma jista" jiffaċċja t-theddidiet ġodda waħdu;

21.  Iqis li l-UE għandha tiddefinixxi b'mod iktar ċar l-ambizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-irwol tagħha fid-dinja; huwa tal-fehma li l- UE m'għandhiex tfittex li ssir super potenza bħall-Istati Uniti, iżda li minflok għandek tiggarantixxi s-sigurtà tagħha, taħdem għall-istabilità fil-viċinanzi tagħha, u tikkontribwixxi għal sistema multilaterali ta' sigurtà globali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, waqt li tiżgura r-rispett għal-liġi internazzjonali u l-prevenzjoni effettiva tal-kriżijiet u l-kunflitti, kif ukoll il-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' wara l-kunflitti u r-riżoluzzjoni tagħhom;

22.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tagħti prijorità għall-prevenzjoni tal-kriżijiet fl-PESD; jenfasizza li s-sigurtà u l-istat għad-dritt jirrappreżentaw rekwiżiti indispensabbli għall-iżvilupp u l-istabiltà fuq perjodu fit-tul;

L-Iżvilupp tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà

23.  Jinnota li l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-2003 tirrifletti l-iktar theddidiet serji li l- UE qiegħda tħabbat wiċċha magħhom (it-terroriżmu, it-tixrid ta" armi tal-qerda tal-massa, il-kunflitti reġjonali, il-falliment ta" stati u l-kriminalità organizzata), u tidentifika għanijiet strateġiċi, li saru l-pedament għal strateġiji sekondarji;

24.  Jifraħ lill-Presidenza riċenti Franċiża tal-UE għall-inizjattiva tagħha li jikkonċernaw l-PESD; Jieħu nota tar-rapport fuq imsemmi tar-Rappreżentant Għoli tal-11 ta' Diċembru 2008, dwar l-implimentazzjoni tal-ESS kif approvata mill-Kunsill Ewropew u jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li ttieħdu ħafna talbiet mir-rapporti ta" qabel tal-Parlament dwar l-ESS u l-PESD, b'mod partikolari:

   is-sigurtà taċ-ċibernetika,
   is-sigurtà tal-enerġija, inklużi l-provvisti lejn l-Ewropa;
   it-tilwimiet reġjonali mhux solvuti fil-pajjiżi ġirien tal-UE;
   isfidi dwar il-kontinent Afrikan
   il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima;
   il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali;
   il-proġetti biex jissaħħu l-kapaċitajiet ċivili u militari;
   l-importanza tal-ispazju għas-sigurtà komuni tagħhna;
   is-sigurtà marittima;

25.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill favur l-idea li l- UE għandha tkun fil-fatt kapaċi, fost l-oħrajn, fis-snin li ġejjin u fil-qafas tal-livell stabbilit ta "ambizzjoni, li tibgħat 60 000 ruħ f"60 ġurnata għal operazzjoni importanti, fil-medda ta" l-operazzjonijiet previsti mill-għan ewlieni għall-2010 u mil l-għan ċivili ewlieni għall-2010, li jiġu ppjanati u jitmexxew f'daqqa:

   żewġ operazzjonijiet importanti ta' stabbilizzazzjoni u ta' rikostruzzjoni, b'komponent ċivili adegwat, appoġġat minn massimu ta' 10 000 persuna matul talanqas sentejn;
   żewġ operazzjonijiet ta' rispons rapidu ta' tul ta' żmien limitat bl-użu, fost l-oħrajn, tal-Battlegroups tal-UE;
   operazzjoni ta' evakwazzjoni b'urġenza ta' ċittadini Ewropej (f'inqas minn għaxart ijiem) b'kont meħud tal-irwol prinċipali ta' kull Stat Membru fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu u bl-użu tal-kunċett ta' Stat gwida konsulari;
   missjoni ta' sorveljanza / interdizzjoni marittima jew bl-ajru;
   operazzjoni ċivili-militari ta' assistenza umanitarja li ddum sa 90 jum;
   madwar tużżana missjonijiet ċivili tal-PESD (fosthom missjonijiet tal-pulizija, tal-istat ta" dritt, tal-amminisrazzjoni ċivili, ta" protezzjoni ċivili, ta" riforma u osservanza tas-settur tas-sigurtà) taħt diversi forom, li joperaw, fost l-oħrajn, f'sitwazzjoni ta" reazzjoni rapida, li jinkludu missjoni prinċipali (possibilment sa 3 000 espert), li tista" ddum diversi snin;

26.  Jiddeplora, madankollu, il-mod xejn ċar kif inhuma ppreżentati l-konklużjonijiet dwar l-ESS u l-PESD (f'erba" dokumenti minflok f'wieħed); jiddispjaċih għall-għażla ta" kliem użat, li spiss kien vag u ma jispjegax strateġija reali; jikkritika l-fatt li l-Kunsill ma aċċettax it-talba tal-Parlament għal White Paper u għalhekk mhux probabbli li jingħata bidu għal dibattitu pubbliku wiesa" u produttiv;

27.  Jiddeplora wkoll il-fatt li talbiet fir-rapporti ta" qabel tal-Parlament dwar l-ESS u l-PESD ma kenux ikkunsidrati mill-Kunsill, l-aktar:

   id-definizzjoni ta" interessi komuni ta" sigurtà Ewropej,
   id-definizzjoni ta" kriterji għat-tnidija tal-missjonijiet tal-PESD,
   proposti għal sħubija ġdida UE-NATO,
   li tiġi ttrattata l-kwistjoni ta" "caveats" nazzjonali;

28.  Jissuġġerixxi li l-ESS għandha tiġi riveduta kull ħames snin fil-bidu ta" kull perjodu leġiżlattiv ġdid tal-UE;

29.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta" progress relattiv mill-2003 fit-tisħiħ tal-koperazzjoni tal-UE fid-difiża; għaldaqstant jappella għal darb'oħra biex titfassal White Paper dwar is-sigurtà u d-difiża Ewropea bħala għodda biex jinbeda dibattitu pubbliku wiesa" u biex jiżgura li l-ESS tiġi implimentata b'mod effiċjenti;

30.  Jiddispjaċih li, minkejja tħejjija kbira iżda b'riżultat ta" momentum li ntilef minħabba l-impass dwar it-Trattat ta" Liżbona, ir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà – ma wasslitx għal orjentament strateġiku ġdid iżda sempliċement għal rapport li jfisser il-prijoritajiet politiċi ġurnata b'ġurnata kif iseħħu; jinnota li l-firxa ta" theddidiet kibret u issa tinkludi, fost l-oħrajn, is-sigurtà tal-internet u l-piraterija; jilqa" l-aspetti innovattivi tar-reviżjoni, bħalma huwa l-fokus tagħha fuq il-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija (inkluż, fil-qasam nukleari, appoġġ għal ċiklu multilaterali ta" fjuwil nukleari u trattat multilaterali li jipprojbixxi l-produzzjoni ta" materjal fissili għall-armi nukleari) u t-Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi kif ukoll trattati oħra dwar id-diżarmament bħall-Konvenzjoni l-ġdida ta" Oslo dwar il-Munizzjon tat-Tip "Cluster';

31.  Iqis inaċċettabbli li kien hemm biss dibattitu parlamentari limitat u ma kien hemm l-ebda dibattitu pubbliku qabel ma ġie adottat ir-rapport li ppropona r-reviżjoni tal-ESS;

Ir-Relazzjonijiet mar-Russja

32.  Iqis li l-eskalazzjoni vjolenti tal-kunflitti sa ftit ilu ffriżati fl-Ossezja t'Isfel u l-Abkażja, u ir-rikonoxximent suċċessiv mir-Russja tal-indipendenza ta" dawk il-provinċji, tenfasizza l-ħtieġa urġenti li jsiru investimenti f'soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għal kunflitti bħal dawn fil-pajjiżi ġirien tagħna; itenni l-fehma tiegħu li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-kunflitti fil-Kawkasu u l-kundanna qawwija tiegħu għal dawk kollha li użaw il-vjolenza matul il-kunflitt; jenfasizza li, sabiex ikun hemm aktar żvilupp tas-sħubija strateġika tal-Ewropa mar-Russja, jeħtieġ li dan jinkludi djalogu bi skop dwar is-sigurtà, ibbażat fuq l-impenn iddikjarat taż-żewġ partijiet lejn il-valuri komuni tagħhom, ir-rispett għal-liġi internazzjonali u għall-integrità territorjali, u l-impenn lejn l-obbligi tal-Karta ta" Ħelsinki, u lejn l-ilħuq ta" dawn l-obbligi;

33.  Jenfasizza li d-dimensjoni ta" sigurtà tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u l-irwol tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni u tal-PESD ma jistax jittieħdu iżolati mill-arkitettura usa" tas-sigurtà Ewropea, li tinkludi n-NATO, l-OSCE u ftehimiet internazzjonali bħat-Trattat Kontra l-Missili Ballistiċi (ABM) u t-Trattat dwar l-Armi Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE); iqis li l-iżviluppi rilevanti f'din l-istruttura usa" tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati bid-djalogu kemm mar-Russja kif ukoll mal-Istati Uniti, u jitlob lill-Kunsill biex jieħu attitudni miftuħa u kostruttiva lejn taħdidiet possibbli bejn l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja u stati membri tal-OSCE li mhumiex membri tal-UE, bil-għan li jiġġedded il-kunsens transatlantiku dwar is-sigurtà, filwaqt li jittieħed bħala bażi l-Att Finali ta" Ħelsinki;

34.  Jilqa" l-azzjoni konġunta tal-UE biex tkun ta" medjatur bejn ir-Russja u l-Ġeorġja meta ġiet iffaċjata bl-isfida li pprovdiet il-gwerra fil-Ġeorġja; jissuġġerixxi, li l-Unjoni Ewropea bl-intervent ta" malajr u bl-unità tagħha, li wasslu biex jiġi ffirmat ftehim ta" waqfien mill-ġlied u biex intbagħtet malajr missjoni ta" monitoraġġ taħt l-PESD, uriet il-kapaċità tagħha li timmaniġġja l-kriżijiet u li tieħu azzjoni konġunta; ifaħħar lill-Presidenza riċenti Franċiża tal-UE għall-irwol pożittiv tagħha fiż-żamma" ta" approċċ komuni Ewropew;

35.  Jilqa" d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta" Diċembru 2008 li jistabbilixxi kummissjoni indipendenti mmexxijja mill- UE biex teżamina l-kawżi tal-kunflitt tal-Ġeorġja;

36.  Jinnota t-tħassib muri mill-Istati Baltiċi u jieħu nota tal-konferma ċara min-NATO u mill-istati membri tagħha dwar il-validità kontinwa tal-impenji tagħhom skont l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

37.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li n-NATO ddeċidiet li l-kanali tal-komunikazzjoni eżistenti terġa" tużahom u li l-Kunsill NATO-Russja għandu jiġi attivat mill-ġdid;

38.  Iqis li kemm l-UE u n-NATO għandhom jadottaw djalogu onest u realistiku mar-Russja li jkopri kwistjonijiet bħas-sigurtà reġjonali, l-enerġija, id-difiża bil-missili, in-non-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-limitazzjoni tal-forzi armati u l-politika għall-ispazju;

39.  Iqis importanti t-tisħiħ tad-djalogu multilaterali dwar kwistjonijiet ta' sigurtà fil-qafas tal-Kunsill tas-Sħubija Ewro-Atlantika;

40.  Jirrimarka li r-Russja, minħabba l-pożizzjoni ġeopolitika, il-qawwa militari u l-importanza politika tagħha, kif ukoll il-prosperità fejn tidħol l-enerġija u l-potenzjal ekonomiku tagħha, hija ta" importanza strateġika għall-Ewropa;

Il-bini tal-kapaċitajiet tal-Ewropa

41.  Jenfasizza li l-UE jrid ikollha l-mezzi biex timplimenta l-politiki tagħha u li, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet diplomatiċi tagħha, hija għalhekk għandu jkollha kapaċitajiet ċivili kif ukoll militari, biex issaħħaħ il-politika Ewropea għas-sigurtà u d-difiża u tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha fid-dinja;

42.  Jirrimarka li, sa mill-ħolqien tal-politika Ewropea dwar is-sigurtà u d-difiża, twettqu 22 missjoni fi ħdan il-qafas ta" din il-politika, li minnhom 16 kienu missjonijiet ċivili; Jenfasizza l-importanza tal-komponenti ċivili tal-PESD; jilqa" f'dan il-kuntest it-twaqqif ta" Kapaċità Ċivili ta" Ppjanar u Kondotta (CPCC) fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimmultiplikaw l-isforzi tagħhom sabiex jagħmlu disponibbli staff kwalifikat għall-missjonijiet ċivili tal-PESD; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li jintlaħaq l-objettiv primarju ċivili għall-2010;

43.  Jenfasizza wkoll li - għalkemm qiegħda ssir l-akbar enfasi dwar id-dimensjoni militari tal-PESD- il-progress fl-oqsma tal-kapaċitajiet ċivili u tal-prevenzjoni tal-kunflitti miexi bil-mod wisq u li f'dan il-qasam, hemm bżonn li b'urġenza l-Kunsill u l-Kummissjoni t-tnejn jipproponu dinamiki ġodda;

44.  Jappella għal aktar żvilupp tal-Isħubija għall-Bini tal-Paċi f'Korpi Ċivili tal-Paċi Ewropej;

45.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha tiżviluppa iktar l-kapaċitajiet tagħha msejsa fuq l-objettivi ċivili u militari tagħha; jirrimarka li hija għandha tistinka biex ikollha forza ta" 60,000 suldat dejjem disponibbli; jafferma mill-ġdid il-proposta tiegħu li l-Eurocorps għandhom ikunu l-qofol ta" din il-forza, li jekk ikun meħtieġ tiġi msaħħa permezz ta" kapaċitajiet addizzjonali tal-baħar u tal-ajru; jilqa" l-ftehim milħuq bejn il-Ġermanja u Franza dwar iż-żamma tal-brigata Ġermaniża-Franċiża f'lokalitajiet konġunti; barra minn hekk iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel dejjem disponibbli numru adegwat ta" uffiċjali tal-pulizija, imħallfin u prosekuturi; iqisha ħaġa konfuża li l-kunċett tal-Battlegroup tal-UE u x-xenarji speċifiċi għal missjonijiet potenzjali ma jidhrux li qed iwasslu sabiex il-Battlegroups jintużaw fl-operazzjonijiet esterni tal-UE;

46.  Jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE flimkien jonfqu iktar minn EUR 200 000 000 000 fis-sena fuq id-difiża, li jikkorispondu għal iktar minn nofs l-ispiża għad-difiża tal-Istati Uniti; għadu tassew imħasseb dwar in-nuqqas ta" effiċjenza u koordinazzjoni li hemm meta jintużaw dawn il-fondi; Għaldaqstant iħeġġeġ sabiex isiru sforzi akbar biex titneħħa kull duplikazzjoni bla ħtieġa bejn l-Istati Membri, l-aktar permezz ta" l-ispeċjalizzazzjoni, tal-pooling u l-qsim tal-kapaċitajiet eżistenti, u l-iżvilupp konġunt ta" oħrajn ġodda; ifaħħar l-Aġenżija Ewropea għad-Difiża (EDA) għax-xogħol eċċellenti li wettqet sa issa u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tal-EDA;

47.  Jenfasizza, li b'rabta mal-operazzjoni tal-forzi armati, mal-kontroll tal-fruntiera, mal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u mal-immaniġġjar tad-diżastri, il-ħtieġa tal-kapaċitajiet minn aspett teknoloġiku huma simili ħafna jew anke l-istess; jenfasizza, li dan joffri possibiltajiet ġodda biex jiġu sfruttati s-sinerġiji u tittejjeb l-interoperabilità bejn il-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà;

48.  Jitlob b'insistenza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq kapaċitajiet komuni, li jistgħu jintużaw kemm għal għanijiet ta" difiża u kemm għal dawk ta" sigurtà; f'dan ir-rigward, iqis ta" importanza kruċjali l-intelliġenza bbażata fuq is-satelliti, it-tagħmir ta" sorveljanza u twissija, l-inġenji tal-ajru bla pilota, il-ħelikopters u tagħmir tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll it-trasport bl-ajru u bil-baħar; jitlob li jkun hemm standard tekniku komuni għal telekomunikazzjonijiet protetti u mezzi għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika;

49.  Jilqa" d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tat-Tmexxija tal-EDA fl-10 ta" Novembru 2008 dwar it-twaqqif ta" Flotta Ewropea għat-Trasport bl-Ajru u jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta" Intenzjoni dwar il-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva, iffirmata mill-Ministri għad-Difiża ta" tnax-il Istat Membru;

50.  Iqis meħtieġ li s-sistemi Galileo u GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) jitħallew jintużaw għal għanijiet tas-sigurtà u tad-difiża;

51.  Japprova l-iżvilupp dinamiku untlerjuri tal-koperazzjoni bejn il-forzi armati nazzjonali sabiex ikunu sinkronizzati dejjem aktar; jipproponi li dan il-proċess u l-forzi armati jingħataw l-isem "SAFE" - Synchronized Armed Forces Europe;

52.  Iqis li s-SAFE jipprovdi biżżejjed lok ta" manuvrar lill-Istati Membri newtrali tal-UE kif ukoll lil dawk marbuta minn alleanzi militari, għal dawk li llum diġà jikkoperaw mill-qrib bejniethom u għal dawk li baqgħu lura milli jagħmlu dan; jipproponi li jkun hemm mudell opt-in għall-organizzazzjoni ta" SAFE, ibbażat fuq sinkronizzazzjoni volontarja aktar qawwija;

53.  Fil-qafas tas-SAFE japprova l-idea ta" statut Ewropew għas-suldati li jirregola l-livell ta" taħriġ, d-duttrina tal-missjoni, il-libertà tal-azzjoni fil-missjoni, kwistjonijiet relatati mad-dmirijiet u d-drittijiet, kif ukoll l-livell ta" kwalità tat-tagħmir, tal-kura medika u tal-arranġamenti tas-sigurtà soċjali f'każ ta" mewt, korriment jew invalidità;

54.  Japprova, fir-rigward tas-SAFE, il-prinċipju ta" diviżjoni tax-xogħol madwar l-Ewropa kollha fil-kapaċitajiet militari;

55.  Huwa favur koperazzjoni Ewropea aktar mill-qrib fl-oqsma tat-taħriġ, tal-manutenzjoni u tal-loġistika bħala ħtieġa kruċjali biex tiżdied l-effiċjenza fin-nefqa fuq id-difiża;

Il-Ħtieġa għal Strutturi Ġodda

56.  Huwa tal-fehma li l-abbiltà tal-UE li taġixxi b'mod indipendenti fil-qasam tal-politika barranija u dik tas-sigurtà għandha tittejjeb permezz tat-tisħiħ, immirat lejn l-ilħuq tal-għanijiet, tal-kapaċitajiet tagħha fl-oqsma tal-analiżi, tal-ippjanar, tat-tmexxija u tal-intelliġenza; f'dan il-kuntest, jilqa" b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jaħdem lejn it-twaqqif ta" struttura integrata tal-ippjanar strateġiku li tkun ċivili u militari għall-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-PESD;

57.  Bl-istess mod jilqa" b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jwaqqaf grupp informali ta" livell għoli UE-NATO li x-xogħol tiegħu jkun it-tisħiħ tal-koperazzjoni b'mod prammatiku bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

58.  Jappella sabiex jitwaqqaf Kwartier Operazzjonali tal-UE li jkun awtonomu u permanenti bil-kapaċità li jwettaq ippjanar strateġiku u jmexxi operazzjonijiet u missjonijiet tal-PESD;

59.  Jappoġġja l-idea li jinħoloq Kunsill tal-Ministri għad-Difiża, biex tingħata koerenza ikbar lill-politiki nazzjonali tad-difiża u b'hekk jissaħħu l-kontributi nazzjonali rispettivi għall-politika Ewropea tas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza l-għan li jkun hemm skrutinju parlamentari sħiħ tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PESD, ukoll mill-Parlament Ewropew;

60.  Jappoġġja bil-qawwa t-tisħiħ ta" suq Ewropew tad-difiża u s-sigurtà permezz tal-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-akkwist pubbliku u t-trasferimenti fi ħdan il-Komunità, u jirrakkomanda li jkun hemm iktar inizjattivi biex jintlaħaq dan il-għan, l-aktar fl-oqsma tas-sigurtà tal-provvista u s-sigurtà tal-informazzjoni;

61.  Jilqa", f'dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP tat-8 ta" Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta" teknoloġija u tagħmir militari(8), li tbiddel il-Kodiċi tal-Kondotta dwar l-Esportazzjoni tal-Armi fi strument li jorbot legalment; barra minn hekk, jilqa" l-fatt li l-Istati Membri tal-UE tħallew liberi li b'mod individwali jimplimentaw miżuri aktar rigorużi;

62.  Ifakkar li għandhom jiġu pprovduti sistemi komuni ta" armi permezz ta" industrija b'saħħitha għad-Difiża Ewropea li tkun kapaċi tissodisfa l-bżonnijiet attwali u tal-ġejjieni tal-Forza Armata Ewropea u li tagħmel possibbli li l-Ewropa ssir awtosuffiċjenti u indipendenti;

63.  Jitlob li jkun hemm żieda fil-mezzi tal-Komunità għar-riċerka dwar is-sigurtà u l-ħolqien ta" programmi ta" riċerka konġunti li jinvolvu l-Kummissjoni u l-EDA;

Il-Ħtieġa ta" Spirtu ġdid

64.  Iqis li huwa partikolarment importanti li jissaħħaħ il-kulleġġ Ewropew għas-sigurtà u d-difiża u li jiġi ttrasformat fi struttura permanenti, li tkabbar aktar l-iżvilupp ta" kultura speċifikament Ewropea ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tiffinanzja l-attivitajiet ta" taħriġ fil-livell tal-UE fil-qasam tal-immaniġġjar civili tal-kriżijiet "il hinn mill-2009;

65.  Jappella biex ikun hemm iktar inizjattivi konnessi mat-taħriġ komuni u standards komuni għall-persunal li jrid jitqiegħed u jaħdem flimkien f'operazzjonijiet ċivili u militari, aktar interazzjoni bejn il-forzi armati u l-persunal ċivili tal-Istati Membri tal-UE, koordinazzjoni ta" taħriġ relatat mal-kriżijiet, programmi ta" skambju fi ħdan il-forzi armati fl-Ewropa, kif ukoll fil-ftuħ tal-armati għal ċittadini ta" Stati Membri oħra tal-UE;

66.  Jappoġġja bil-qawwa programmi Ewropej li kellhom suċċess bħall-Eurofighter, li se jservi bħala l-pedament tal-kapaċità tal-avjazzjoni militari ta" ħames forzi tal-ajru Ewropej fl-għexieren ta" snin li ġejjin; għal din ir-raġuni jqis li l-Istati Membri tal-UE għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw inizjattivi bħal dawn;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana u ta' l-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) S407/08.
(2) S113/08.
(3) ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.
(4) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 580.
(5) ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 334.
(6) Test adottati, P6_TA(2008)0255.
(7) Test adottati, P6_TA(2008)0365.
(8) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

Avviż legali - Politika tal-privatezza