Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2548(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0134/2009

Testi mressqa :

B6-0134/2009

Dibattiti :

PV 11/03/2009 - 3
CRE 11/03/2009 - 3

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2009 - 5.21
CRE 11/03/2009 - 5.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0121

Testi adottati
PDF 110kWORD 70k
L-Erbgħa, 11 ta' Marzu 2009 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima
P6_TA(2009)0121B6-0134/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2009 dwar Strateġija tal-UE favur ftehim komprensiv dwar il-bidla fil-klima f'Kopenħagen u l-finanzjament xieraq tal-politika dwar il-bidla fil-klima

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 175 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-pakkett dwar il-klima u l-enerġija adottat mill-Parlament fis-17 ta' Diċembru 2008, b'mod partikolari l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tas-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra tal-Komunità(1) u dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet b'effett serra sabiex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta" serra sal-2020(2) ,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008 u l-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar "L-2050: il-Ġejjieni jibda llum - Rakkomandazzjonijiet għal politika integrata futura tal-UE dwar il-bidla fil-Klima"(3) ,

–   wara li kkunsidra l-14-il Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) (COP14) u r-Raba' Konferenza tal-Partijiet li serviet ta' laqgħa tal-partijiet tal-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 4), li saru bejn l-1 u t-12 ta' Diċembru 2008 f'Poznań (Il-Polonja),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009, bl-isem "Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen" (COM(2009)0039),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008, bl-isem "Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku" (COM(2008)0800),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta" Novembru 2007, bl-isem "Pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija ta" l-enerġija (SET-Plan) - Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju' (COM(2007)0723),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi n-negozjati dwar ftehima internazzjonali komprensiva dwar il-bidla fil-klima konsistenti mal-objettiv li jiġu limitati ż-żidiet fit-temperaturi globali għal inqas minn 2ºC mistennija li jkunu konklużi f'Kopenħagen f'Diċembru 2009,

B.   billi studji reċenti juru li hemm il-potenzjal sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gass b'effett serra b'40% sal-2030 u dan bi spiża ta' anqas minn punt perċentwali tal-PDG globali, filwaqt li enerġija mir-riħ, enerġija solari u enerġija oħra sostenibbli li tiġġedded jistgħu jipprovdu kważi terz tal-bżonnijiet globali tal-enerġija; billi effiċenzja fl-użu tal- enerġija tista' tnaqqas l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra b'aktar minn kwart u d-deforestazzjoni tkun tista' kważi titrażżan,

C.   billi numru li qed jikber ta' xjentisti qed jirrikonoxxu li biex tiġi evitata bidla perikoluża fil-klima se tkun meħtieġa stabilizzazzjoni tal-livell ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera għal livel ekwivalenti għal 350 ppmv CO2, livell inqas b'mod sinifikanti minn dak li kien preċedentament irrakkomandat,

D.   billi l-Unjoni Ewropea se tilħaq qbil dwar il-pożizzjoni tagħha għan-negozjati waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009,

E.   billi l-UE ħabirket biex ikollha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-tisħin globali u tappoġġja b'mod sħiħ il-proċess ta' negozjati tal-UNFCCC,

F.   billi reċentament l-UE adottat l-pakkett dwar il-klima u l-enerġija imsemmi hawn fuq li jikkonsisti f'miżuri leġiżlattivi biex sal-2020 jiġi implimentat tnaqqis unilaterali ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra meta mqabbel mal-livelli tal-1990, bl-impenn li dan jiżdied għal tnaqqis ta' 30% jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali ambizzjuż biżżejjed f'Kopenħagen,

G.   billi l-emissjonijiet qed jiżdiedu b'mod mgħaġġel fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, li ma jistgħux inaqqsuhom mingħajr appoġġ tekniku u finanzjarju sinifikanti,

H.   billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma responsabbli għal 20% tal-emissjonijiet globali ta" diossidu tal-karbonju (CO2) u joħolqu wkoll theddida kbira fil-kuntest tal-bidla fil-klima minħabba li jipperikolaw il-funzjoni importanti tal-foresti fl-assorbiment tal-karbonju; billi d-deforestazzjoni sseħħ bir-rata allarmanti ta" 13-il miljun ettaru kull sena, il-parti l-kbira fir-reġjuni tropikali u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

I.   billi l-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet tal-UE (EU ETS) tista' tkun mudell għall-iżvilupp tal-iskambju tal-emissjonijiet f'pajjiżi u reġjuni oħra żviluppati,

J.   billi nofs l-isforzi ta" mitigazzjoni jistgħu jintlaħqu permezz ta" miżuri li ma jswewx ħafna flus u vantaġġużi għal kulħadd, jiġifieri billi titjieb l-effiċjenza tal-enerġija,

K.   billi l-irkant fl-iskambju tal-emissjonijiet għandu l-potenzjal li fil-ġejjieni jiġġenera ammont konsiderevoli ta' dħul li jkun jista' jintuża biex jiġu ffinanzjati miżuri ta' mitigazzjoni u adattament fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw,

L.   billi l-iffaċilitar ta" finanzjament għal proġetti ta" kwalità għolja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fir-rigward tal-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju (SMEs), jiddependi fuq fluss komprensiv, trasparenti u kontinwu ta" informazzjoni fir-rigward tad-disponibilità tal-fondi u tal-mezzi biex wieħed japplika għalihom; billi din għandha tkun responsabilità tal-komunità internazzjoni, filwaqt li l-UE jkollha rwol ewlieni u tagħti eżempju tajjeb,

M.   billi, skont stimi riċenti, l-investimenti ġodda meħtieġa għat-tnaqqis globali tal-emisjonijiet jammontaw għal EUR 175,000 miljun sal-2020, li minnhom iktar minn nofshom għandhom jiġu investiti f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw,

N.   billi l-Kummissjoni stmat li biex id-deforestazzjoni tonqos bin-nofs sal-2020 se tiswa bejn 15 u 25 elf miljun euro kull sena sa dik is-sena u sabiex id-deforestazzjoni tieqaf għal kollox se jkunu meħtieġa ammonti saħansitra ikbar,

O.   billi studji varji minn organizzazzjonijiet internazzjonali stmaw li l-ispiża ta' adattament għall-bidla fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw titla' għal għexur ta" biljuni ta" euro kull sena,

1.  Jenfasizza li l-UE għandha żżomm irwol ta' tmexxija fil-politika internazzjonali dwar il-klima; jenfasizza l-importanza li l-UE titkellem b'vuċi waħda sabiex iżżomm il-kredibilità f'dan l-irwol;

2.  Jitlob li l-UE taħdem b'mod attiv biex tintlaħaq ftehima f'Kopenħagen li tqis l-aktar rapporti xjentifiċi riċenti dwar il-bidla fil-klima, timpenja lill-partijiet biex jilħqu livelli ta' stabilizzazzjoni u miri relatati mat-temperaturi li jkollhom probabilità qawwija li jevitaw bidla perikoluża fil-klima, u tippermetti reviżjonijiet regolari biex jiġi żgurat li l-miri ikunu f'konformità mal-aktar xjenza riċenti; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-qasam,

3.  Ifakkart li sabiex tiġi llimitata l-medja taż-żieda fit-temperatura globali għal mhux iktar minn 2ºC iżjed mil-livelli pre-industrijali, jeħtieġ mhux biss li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'mod sinifikanti, iżda wkoll li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-objettiv;

4.  Jinnota li t-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għal livelli li huma inqas minn dawk tas-soltu se jkun strumentali biex tiġi llimitata l-medja taż-żieda fit-temperatura globali għal inqas sew minn 2ºC u dan jirrikjedi appoġġ wiesa" mill-pajjiżi industrijalizzati;

5.  Jenfasizza li, sabiex tkun tista" sseħħ l-azzjoni ta" mitigazzjoni neċessarja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hemm bżonn ta" riżorsi finanzjarji ferm ikbar;

6.  Jenfasizza r-responsabilità tal-pajjiżi industrijalizzati biex jipprovdu appoġġ tekniku u finanzjarju suffiċjenti, sostenibbli u prevedibbli lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jagħtuhom inċentiv biex jimpenjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra, jadattaw għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u jnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti, kif ukoll biex iżidu l-bini ta" kapaċità tagħhom sabiex jikkonformaw mal-obbligi skont il-ftehima internazzjonali futura dwar il-bidla fil-klima; jenfasizza li l-maġġoranza ta" dawn il-fondi għandhom ikunu ġodda u addizzjonali għall-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA);

7.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tal-4 ta' Frar 2009 u b'mod partikolari f'dawk il-partijiet iddedikati lid-dimensjoni internazzjonali u lill-kwistjonijiet tal-finanzjament u dawk baġitarji; inkluża l-importanza li, għall-Unjoni Ewropea u pajjiżi industrializzati oħra, titwaqqaf mira ta' tnaqqis fuq medda twila ta' żmien ta' mill-anqas 80% sal-2050 meta mqabbla mal-1990;

8.  Barra minn hekk ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li uħud mill-prinċipji adottati fil-pakkett tal-klima u l-enerġija jiġu użati bħala mudell għall-ftehim internazzjonali, b'mod partikulari l-pjan lineari li jorbot l-impenji tal-pajjiżi industrijalizzati, id-differenzi fuq il-bażi ta' emissjonijiet ivverifikati, u r-reġim ta' konformità imsaħħaħ b'fattur tat-tnaqqis annwali;

9.  Jenfasizza li fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, l-objettiv tal-UE għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima jista" jiġi kkombinat ma" opportunitajiet ekonomiċi ġodda ewlenin biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda, biex jinħolqu impjiegi u biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija; jenfasizza li l-ftehima f'Kopenħagen tista" tipprovdi l-istimulu neċessarju għal dan il-"Green Deal" il-ġdid li jagħti impetus lit-tkabbir ekonomiku, jippromwovi t-teknoloġiji favur l-ambjent u jiżgura impjiegi ġodda fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

10.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jimmira għal ftehima internazzjonali mal-pajjiżi industrijalizzati biex jinkiseb tnaqqis kollettiv tal-gassijiet b'effett ta" serra fil-parti l-għolja tal-firxa ta" bejn 25 u 40 % kif irrakkomandata mir-Raba" Rapport ta" Evalwazzjoni tal-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC 4AR) u sabiex dan it-tnaqqis ikun domestiku;

11.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas preċiżjoni fir-rigward tal-livell tar-responsabilità finanzjarja tal-UE fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tat-28 ta" Jannar 2009; jistieden lill-Kunsill Ewropew, meta jkun ser jadotta l-mandat għan-negozjati għall-Konferenza ta' Kopenħagen, biex jidħol għal impenji tanġibbli rigward il-finanzjament, li jkunu konsistenti mal-isforzi globali meħtieġa biex il-medja taż-żieda fil-klima tiġi limitata għal iqas sew minn 2ºC, meta jadotta mandat għan-negozjati għall-konferenza ta' Kopenħagen;

12.  Jemmen li dawn l-impenji dwar l-iffinanzjar għandhom jinkludu, kif stipulat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008, impenn min-naħa tal-Istati Membri li jużaw parti kbira mid-dħul mill-irkant, iġġenerat mill-EU ETS, biex jiffinanzjaw azzjonijiet biex tiġi mmitigata l-bidla fil-klima u jkun hemm adattament għaliha f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw li jkunu rratifikaw il-ftehima internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, iżda jenfasizza li minħabba li inqas minn 50% tal-emissjonijiet tal-UE huma koperti mill-iskema tal-emissjonijiet jeħtieġ li jiġu inklużi setturi oħrajn tal-ekonomija fl-Istati Membri, fir-rigward tal-isforz biex jiġu ffinanzjati dawn l-azzjonijiet importanti;

13.  Jinsisti li dawn l-impenji għandhom jipprovdu finanzjament prevedibbli għal mekkaniżmi mwaqqfa fil-kuntest tal-UNFCCC li huma addizzjonali għall-ODA u indipendenti mill-proċeduri baġitarji annwali fl-Istati Membri;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żewġ alternattivi għall-iffinanzjar innovattiv deskritti fil-komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009, sakemm dawn jiġu mfassla b'mod li jiggarantixxu livelli ta' ffinanzjar prevedibbli biżżejjed; barra minn hekk jaqbel mas-suġġeriment li dan ikun magħqud mal-iffinanzjar minn irkant għat-trasport tal-avjazzjoni u dak marittimu skont is-sistemi ta' limiti u ta' skambju;

15.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-idea tal-Kummissjoni li parti mill-finanzi għandha tingħata fil-forma ta" self minħabbi li ċerti attivitajiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni favorevoli għal kulħadd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

16.  Jenfasizza li miri li jorbtu jippermettu lill-investituri jevalwaw aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet assoċjati mal-bidla fil-klima u jinvolvu lill-investituri fi proġetti li jilħqu miri kemm ta' mitigazzjoni kif ukoll ta' adattament; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun hemm ċarezza rigward l-irwol tal-kapital privat fl-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri;

17.  Madankollu, jqis li hu importanti ħafna li jiġi adottat pjan ta' azzjoni komprensiv dwar il-finanzjament futur tal-politika dwar il-klima, li jkun ikopri l-oqsma u s-sorsi kollha rilevanti tal-finanzjament; iqis il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tat-28 ta" Jannar 2009, bħala punt ta' tluq tajjeb għal din il-ħidma, iżda jenfasizza li trid tissaħħaħ b'miżuri definiti b'mod ċar; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'urġenza pjan ta' azzjoni bħal dan bi tħejjija għan-negozjati ta' Kopenħagen;

18.  Jemmen li parti kbira mill-kontribuzzjoni kollettiva għall-isforzi ta" mitigazzjoni u l-bżonnijiet ta' adattament tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għandha tkun dedikata għal proġetti li jirsistu biex iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u għal proġetti ta" riforestazzjoni u afforestazzjoni f'dawnil-pajjiżi;

19.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif (CDM) tal-Protokoll ta" Kyoto bħala mod possibbli biex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jieħdu sehem fis-suq tal-karbonju. jenfasizza li l-użu ta' kumpensi biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-pajjiżi industrijalizzati ma jistax ikun parti mir-responsabilità tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw biex jiġu mmitigati l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra fi ftehima internazzjonali dwar il-bidla fil-klima; għaldaqstant jinsisti li kriterji stretti ta' kwalità tal-proġetti għandhom ikunu parti minn mekkaniżmi futuri ta' kumpensi biex jiġi evitat li l-pajjiżi industrijalizzati jieħdu l-alternattivi ta' tnaqqis li ma jiswewx ħafna flus mill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u biex jiggarantixxu standard għoli ta" dawn il-proġetti, bi tnaqqis affidabbli, verifikabbli u reali fl-emissjonijiet li jipprovdu wkoll għal żvilupp sostenibbli f'dawn il-pajjiżi;

20.  Iqis li l-kontribuzzjoni kollettiva tal-UE għall-isforzi ta' mitigazzjoni u l-bżonnijiet ta' adattament tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw m'għandhiex tkun anqas minn EUR 30,000 miljun fis-sena sal-2020, ċifra li tista" tiżdied mal-għarfien ġdid dwar il-gravità tal-bidla fil-klima u l-iskala tal-ispejjeż tagħha;

21.  Jenfasiżża li l-flussi finanzjarji kbar għall-isforzi ta" mitigazzjoni u l-bżonnijiet ta' adattament tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw huma biss parti mis-soluzzjoni; jinsisti li l-fondi għandhom jintnefqu b'mod sostenibbli, filwaqt li tiġi evitata l-burokrazija, b'mod partikulari għall-SMEs, u l-korruzzjoni; jenfasizza li l-finanzjament irid ikun prevedibbli, ikkoordinat u trasparenti, u jibni l-kapaċità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali, filwaqt li tingħata prijorità lill-persuni li jaffaċċjaw problemi bil-bidla fil-klima u mhux biss il-gvernijiet; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza ta" informazzjoni kontinwa u aċċessibbli dwar il-finanzjament disponibbli; jistieden lill-Kunsill u lill-Presidenza Svediża li jmiss biex jippromwovu b'mod attiv dawn il-prinċipji waqt in-negozjati UNFCCC COP15 f'Kopenħagen f'Diċembru 2009;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tabbanduna r-reżistenza preċedenti tagħha biex tiġi inkluża l-foresterija fl-iskemi ta" skambju ta" emissjonijiet; jemmen li se jkun meħtieġ finanzjament ibbażat fuq is-suq kif ukoll finanzjament li ma jkunx ibbażat fuq is-suq sabiex jiġu ffinanzjati l-mekkaniżmi futuri għat-"Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni" (REDD) skont ftehima post-2012. F'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikunu minn ta" quddiem fl-iżvilupp ta" swieq tal-karbonju pilota għar-REDD; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jelaboraw dwar kif il-fondi għall-forestrija li ma jkunux ibbażati fuq is-suq u dawk ibbażati fuq is-suq jistgħu jikkomplementaw lil xulxin;

23.  Jemmen li bit-tmexxija tal-UE fl-għoti ta' appoġġ tekniku u finanzjarju lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, iċ-ċansijiet li jkun hemm suċċess fin-negozjati ta' Kopenħagen se jitjiebu b'mod konsiderevoli; jemmen li t-tmexxija tal-UE hija meħtieġa fil-qasam tal-finanzi billi jingħataw ċifri konkreti għan-negozjati fi stadju bikri kemm biex jiġi mmobilizzat biżżejjed appoġġ pubbliku domestiku, biex jiġu mħeġġa pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadottaw miri ta" tnaqqis vinkolanti u biex jiġu mħeġġa pajjiżi membri oħra tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) biex jikkontribwixxu b'mod simili;

24.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-UE b'mod ġenerali tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettiv ta' Kyoto iżda jinnota li ċerti Stati Membri huma "l bogħod mill-objettiv ta" Kyoto tagħhom, u li dan jista" jdgħajjef il-kredibilità tal-UE fil-proċess ta" Kopenħagen; għalhekk, jinsisti li dawk l-Istati Membri li għadhom ma qabdux it-triq biex jilħqu l-objettiv ta' Kyoto għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-KunsillEwropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC b'talba lil dan tal-aħħar biex jgħaddieha lill-partijiet kontraenti kollha li mhumiex Stati Membri tal-UE.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2008)0610.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0611.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0042.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Diċembru 2009Avviż legali