Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2175(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0094/2009

Testi mressqa :

A6-0094/2009

Dibattiti :

PV 23/03/2009 - 21
CRE 23/03/2009 - 21

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2009 - 4.5
CRE 26/03/2009 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0191

Testi adottati
PDF 339kWORD 108k
Il-Ħamis, 26 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa
P6_TA(2009)0191A6-0094/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa (2008/2175(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta" Diċembru 2008, bl-isem "Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa" (COM(2008)0821),

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-20 ta" Ottubru 2007 ntitolata "Id-differenza bejn il-prezzijiet tal-produtturi u l-prezzijiet li jħallas il-konsumatur",

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tat-28 ta" Novembru 2006, bl-isem "Il-Kompetittività tal-Industrija Ewropea tal-Ikel. Evalwazzjoni ekonomika u legali",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta" Mejju 2008, bl-isem "Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel - Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE" (COM(2008)0321),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu bil-miktub tad-19 ta' Frar 2008, dwar l-investigazzjoni u r-rimedju għall-abbuż tal-poter mis-supermarkits il-kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta' April 2005intitolata "Is-settur kbir tal-bejgħ - tendenzi u impatti fuq il-bdiewa u l-konsumaturi"(2),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 1997 intitolata "Restrizzjonijiet Vertikali fil-politika tal-Kompetizzjoni tal-KE" (COM(1996)0721),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007, dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew(3),

–   wara li kkunsidra l-"kontroll tas-saħħa" li għaddej bħalissa tal-Politika Agrikola Komuni (PAK),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0094/2009),

A.   billi l-Unjoni Ewropea u d-dinja dan l-aħħar għaddew minn volatilità għolja tal-prezzijiet tal-ikel, kultant b'żidiet sinifikanti fil-prezz u b'effetti ambigwi fuq is-settur tal-agrikoltura, b'uħud jaqilgħu miż-żieda fil-prezzijiet, filwaqt li oħrajn - l-aktar l-irziezet għat-trobbija tal-bhejjem u l-kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel - daħlu fi spejjeż ħafna akbar,

B.   billi kien hemm ukoll żieda konsiderevoli fl-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola, b'konsegwenza taż-żieda tal-prezzijiet ta" materjali bħall-fertilizzanti u prodotti fitosanitarji, u billi minkejja l-fatt li attwalment il-prezzijiet mis-sors waqgħu b'mod drastiku, din it-tendenza mhux qed tmur id f'id ma" tnaqqis, ekwivalenti u matul l-istess perjodu, fl-ispejjeż tal-produzzjoni,

C.   billi t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, li mhux qed ikunu akkumpanjat minn tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, qiegħed joħloq sitwazzjoni finanzjarja mhux sostenibbli għall-bdiewa, li ħafna minnhom qegħdin jieqfu jipproduċu minħabba n-nuqqas ta" profitti,

D.   billi sar magħruf li fl-Istati Membri varji, il-produtturi l-kbar stabbilixxew prezzijiet differenti ħafna għall-istess prodotti,

E.   billi kienu identifikati differenzi kbar fil-prezzijiet madwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-firxa bejn il-prezzijiet għall-konsumaturi u dawk tal-produtturi, li f'ċerti każijiet ma jistgħux jiġu spjegati f'termini tal-ispejjeż involuti fl-ipproċessar, fid-distribuzzjoni u fil-bejgħ tal-prodotti,

F.   billi l-katina tal-provvista għandha tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha fl-analiżi tal-prezzijiet u tal-evoluzzjoni tagħhom; billi s-settur tal-ikel huwa frammentat u l-katina tal-provvista hija kumplessa ħafna, magħmula minn ħafna intermedjarji,

G.   billi matul dawn l-aħħar snin, uħud mill-intrapriżi tal-ipproċessar ewlenin żiedu s-sehem tas-suq tagħhom,

H.   billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm tibdil sinifikanti fl-istruttura tal-kompetizzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel u żidiet fil-livell ta' konċentrazzjoni fost il-produtturi tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut,

I.   billi hemm provi minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha li juru li s-supermarkits il-kbar qegħdin jużaw il-poter ta" akkwist tagħhom biex ibaxxu l-prezzijiet li jitħallsu lill-fornituri għal livelli insostenibbli u biex jimponu fuqhom kundizzjonijiet inġusti; billi l-bejjiegħa l-kbar madwar l-Unjoni Ewropea fi żmien qasir qegħdin isiru "l-għassiesa" tas-settur u qegħdin jikkontrollaw l-aċċess li għandhom il-bdiewa u fornituri oħra għall-konsumaturi tal-UE,

J.   billi l-prezzijiet tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea bħala medja jlaħħqu sa ħames darbiet aktar mill-prezz nett tal-prodott meta joħroġ mill-farms; billi ħamsin sena ilu l-bdiewa fl-Unjoni Ewropea kienu jieħdu bejn wieħed u ieħor nofs il-prezz bl-imnut għall-ikel filwaqt li llum dak il-proporzjon – flimkien ma" żieda sinifikanti fil-livell ta" pproċessar tal-ikel - niżel b'mod drammatiku,

K.   billi, minkejja li l-finanzjament tal-PAK tul is-snin ikkontribwixxa biex jiġu żgurati prezzijiet baxxi għall-konsumaturi, wieħed josserva li l-dawn għadhom għoljin jew mhux qed jonqsu minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet fis-settur agrikolu,

L.   billi strateġikament huwa mixtieq livell għoli ta" awtosuffiċjenza tal-UE; billi f'dan ir-rigward għandhom isiru sforzi biex tintlaħaq pożizzjoni b'saħħitha għall-produtturi primarji tal-UE bħala dawk li biex jipprovdulna l-ikel,

M.   billi l-iżbilanċ fis-saħħa tan-negozjar bejn il-produtturi agrikoli u l-kumplament tal-katina tal-provvista rriżulta fi pressjoni qawwija kostanti fuq il-marġnijiet tal-produttur fis-settur agrikolu,

1.  Iqis li, f'konformità mat-Trattat tal-KE, huwa fl-interess pubbliku tal-UE li jinżamm livell xieraq tal-prezzijiet tal-produtturi u tal-konsumatur u li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta, b'mod speċjali fir-rigward tal-prodotti strateġiċi bħal dawk agrikoli u tal-ikel;

2.  Jemmen li jekk il-kompetizzjoni tipprovdi lill-konsumaturi b'ikel bi prezzijiet kompetittivi, jeħtieġ li l-bdiewa jiġu pprovduti bi dħul stabbli permezz ta" prezzijiet li jkopru l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom u remunerazzjoni ġusta għal xogħolhom, dan kollu anki sabiex tiġi garantita s-sigurtà ta" provvista ta' ikel ta' kwalità tajba;

3.  Iqis li hemm sensiela wiesgħa ta' fatturi li tinfluwenza l-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-prezzijiet u d-differenza bejn il-prezzijiet tal-produtturi u tal-konsumaturi; u jsemmi dawn il-fatturi, l-imġiba fis-swieq tal-operaturi fil-katina tal-provvista, inklużi l-produtturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut, il-sehem tal-ispejjeż li m'għandhomx x'jaqsmu mal-agrikoltura (bħall-enerġija u x-xogħol), l-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji, il-fatt li l-prodotti jiddeterjoraw, il-livell tal-ipproċessar, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-immaniġġjar tal-prodotti jew il-preferenzi tax-xiri tal-konsumaturi;

4.  Iqis li fost il-fatturi li jinfluwenzaw l-aktar il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tal-prezzijiet u d-differenza bejn il-prezzijiet tal-konsumaturi u tal-produtturi, il-konċentrazzjoni li qiegħda tikber tul il-katina tal-provvista tal-ikel kollha, il-livell ta' pproċessar u ż-żidiet fil-prezzijiet b'rabta ma" fatturi ta" spejjeż esterni oħra, kif ukoll l-ispekulazzjoni bil-prodotti agrikoli għandhom irwol determinanti; għaldaqstant, jikkonferma mill-ġdid l-importanza tal-istrumenti tar-regolamentazzjoni tas-suq, li fil-kuntest attwali huma meħtieġa iktar minn qatt qabel;

5.  Jaqbel mal-Kummissjoni li t-tendenzi tal-provvista u d-domanda kif ukoll in-nuqqasijiet tal-operat fil-katina tal-provvista tal-ikel għandhom irwol sinifikanti fiż-żieda tal-prezzijiet tal-ikel; madankollu, jenfasizza li l-ispekulazzjonijiet fis-swieq finanzjarji wkoll kellhom irwol sinifikanti u ħolqu tgħawwiġ fil-mekkaniżmu tal-kalkolu tal-prezzijiet;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibli tniedi investigazzjoni f'għamla ta" studju dwar id-distribuzzjoni tal-marġnijiet tal-qligħ fil-katina tal-produzzjoni u f'dik tad-distribuzzjoni, kif stipulat fil-baġit 2009, fuq il-bażi ta" proposta li kienet saret aktar kmieni mill-Kumitat tiegħu għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali matul il-proċedura baġitarja; iqis dan bħala l-ewwel pass lejn żieda fit-trasparenza ta" din il-katina;

7.  Jiddeplora t-tneħħija kontinwa tal-miżuri ta" intervenzjoni tal-UE fis-suq agrikolu, minħabba li din qiegħda tikkontribwixxi b'mod deċiżiv għall-volatilità qawwija tal-prezzijiet; jemmen li jinħtieġ li jiddaħħlu miżuri ġodda ta" mmaniġġjar tas-suq biex tiġi garantita stabilità ikbar għad-dħul tal-produtturi u biex jiġu offruti prezzijiet aċċettabbli lill-konsumaturi;

8.  Jemmen li, fil-qafas tal-PAK, jinħtieġu miżuri għall-ġestjoni tas-suq biex tiġi pprovduta stabilità fis-settur agrikolu u fis-suq agroalimentari, u sabiex tinżamm produzzjoni agrikola tal-UE sostenibbli bi prezzijiet raġonevoli, filwaqt li jiġi evitat l-effett ta" "ċaqlembuta" kemm fil-prezzijiet tal-bejgħ kif ukoll fil-fatturi ta" produzzjoni;

9.  Jemmen li minkejja li l-paragun li qiegħda tagħmel il-Kummissjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika f'termini ta" produttività huwa wieħed xieraq, dan ma jistax iservi bħala l-bażi assoluta għal-kejl ideali tal-produttività fis-settur tal-ikel (b'mod partikulari fil-qasam agrikolu u dak tal-ipproċessar) tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-industrija agrikola u tal-ikel fl-Unjoni Ewropea hija differenti ħafna minn dik tal-Istati Uniti tal-Amerika f'termini ta" prodotti kif ukoll fir-rigward tas-setturi koperti u l-kundizzjonijiet u l-liġijiet li jirregolawha;

10.  Huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-kompettività u tal-qawwa innovattiva tas-settur agrikolu primarju għandu jiġi aġevolat, għaliex iwassal għal aktar possibiltajiet ta" diversifikazzjoni fl-operat tal-produtturi primarji u titnaqqas id-dipendenza fuq parteċipanti oħrajn fil-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni;

11.  Jemmen li l-konċentrazzjoni tal-provvista tal-produzzjoni agrikola permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-koperattivi jew permezz ta" korpi oħrajn simili, tippermetti li l-bilanċ tal-poter fil-katina tal-ikel jiċċaqlaq, billi tiżdied is-saħħa tan-negozjar tal-bdiewa, filwaqt li jingħata valur miżjud ikbar lill-prodotti tagħhom u l-linji tal-kummerċjalizzazzjoni jkunu iktar qrib tal-konsumaturi;

Imperfezzjonijiet fis-suq tal-ikel

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li poter tas-suq kbir huwa ta' vantaġġ fis-settur agroalimentari, minħabba n-nuqqas ta' elastiċità tal-prezzijiet tal-provvisti agrikoli fuq naħa waħda u d-domanda tal-konsumatur min-naħa l-oħra;

13.  Huwa mħasseb bil-prattiki tal-kummerċjalizzazzjoni, bħall-bejgħ ta' prodotti bi prezzijiet orħos minn kemm jiswew, sabiex tiġi ġġenerata żieda fiż-żjarat tal-konsumaturi fis-supermarkits; jappoġġja l-projbizzjoni tal-bejgħ tal-ikel bi prezzijiet orħos minn kemm jiswa, kif ukoll lill-Istati Membri li diġà daħħlu miżuri bħal dawn; jixtieq jara lill-UE tieħu aktar azzjonijiet kontra miżuri dwar prezzijiet li jkunu daqstant aggressivi, kif ukoll kontra kwalunkwe prattika oħra li tmur kontra l-kompetittività bħall-abbinar tal-prodotti jew kwalunwe abbuż ieħor tad-dominanza tas-suq;

14.  Jemmen li prezzijiet aktar baxxi mill-ispejjeż, billi fihom innifishom mhumiex sostenibbli għall-ebda intrapriża, jistgħu jiġu pprattikati biss mill-intrapriżi l-kbar (b'diversifikazzjoni) għal żmien qasir u bil-għan li jkeċċu mis-suq lill-kompetitturi tagħhom; jemmen li fit-tul tali prattika ma tagħmilx ġid la lill-konsumatur u lanqas lis-suq inġenerali;

15.  Huwa mħasseb ukoll b'każijiet oħra fejn in-negozju jagħmel użu mill-poter tas-suq tiegħu; inklużi l-perjodi eċċessivi għall-iskadenza tal-pagament, spejjeż biex prodotti jiġu stokkjati, biex jidhru fuq l-ixkafef, theddid li jitneħħew mill-istokk, skontijiet b'lura fuq prodotti diġà mibjugħa, kontribuzzjonijiet mhux ġustifikati għal spejjeż ta' promozzjoni min-naħa tal-bejjiegħ jew l-insistenza għal provvista esklużiva;

16.  Jenfasizza li, f'xi Stati Membri, kemm in-naħa tax-xiri kif ukoll dik tal-bejgħ tas-suq għandhom ix-xejra li jkunu kkonċentrati bl-istess mod, u b'hekk jikber il-periklu tal-effett distorsiv fis-suq;

17.  Jisħaq fuq il-fatt li, fid-dawl tar-riforma tal-CAP u, b'mod partikulari, tas-separazzjoni (decoupling), id-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar x'għandhom jipproduċu se tkun influwenzata iktar mis-sinjali li jiġu mis-suq u li m'għandhomx jixxekklu minn livell għoli wisq ta" konċentrazzjoni fin-negozju bl-imnut; jemmen li ż-żieda fl-importazzjoni tal-ikel fl-UE x'aktarx li tnaqqas il-prezzijiet tal-farms;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bejjiegħa jistgħu japprofittaw mit-tikketti, bħal dawk ta' "kummerċ ġust" sabiex iżidu l-marġni tal-qligħ; għalhekk, bil-għan li dawn il-prattiki jiġu limitati u l-użu ta" dawn it-tikketti jkun ikkontrollat, jitlob strateġija biex jiġi appoġġjat u żviluppat il-kummerċ ġust madwar l-Unjoni Ewropea;

19.  Jirrikonoxxi li, għal perjodu qasir, l-effetti tal-konċentrazzjoni tas-suq fid-diversi livelli tal-katina tal-provvista tal-ikel jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel, iżda għal żmien medju u fit-tul għandha tingħata attenzjoni biex ma ssirx ħsara lill-kompetizzjoni libera li minħabba fiha produtturi żgħar jitkeċċew "il barra mis-suq u biex ma tiġix limitata l-għażla tal-konumaturi;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna SMEs fis-settur tal-ikel huma vulnerabbli ferm, b'mod speċjali, jekk jiddependu ħafna fuq operatur kbir wieħed; jinnota li operaturi kbar fil-katina tal-provvista tal-ikel sikwit iħaddmu kompetizzjoni abbużiva fil-prezzijiet bejn bosta fornituri u, biex jibqgħu fin-negozju, kumpaniji żgħar ikollhom jaqtgħu l-ispejjeż u l-marġni tal-qligħ, li tfisser pagamenti mnaqqsa lill-bdiewa, tnaqqis fl-aċċess għas-suq u fil-mezzi tad-distribuzzjoni għall-SMEs, anqas impjegati u prodotti ta' kwalità inferjuri għall-konsumaturi;

21.  Huwa mħasseb bil-livell ta' spekulazzjoni li kulma jmur qiegħed jikber fuq l-ikel fis-swieq finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda investigazzjoni fuq din il-kwistjoni; jistenna l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agrikola tal-Ikel, u jinkoraġġixxi lil dan il-Grupp biex jipproponi miżuri effikaċi sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fis-suq;

22.  Għandu r-riżervi tiegħu fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ispekulazzjoni fis-swieq finanzjarji ma kellhiex rwol importanti fil-proċess tal- iffissar tal-prezzijiet; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni jkollha tieħu inizjattivi biex issaħħaħ il-monitoraġġ fis-swieq għall-komoditajiet agrikoli futuri;

23.  Jemmen li fil-preżent il-Kummissjoni tillimita ruħha għal interpretazzjoni preġudikata tad-dejta disponibbli, billi ma ttikkunsidrax l-effetti possibbli tal-investimenti minn spekulaturi f'kuntratti futuri, bħalma huma fost oħrajn:

   iż-żieda fil-prezzijiet għax-xerrejja finali (produtturi u konsumaturi) bħala konsegwenza tal-ħolqien ta" aspettattivi foloz fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet,
   il-ħolqien ta" diżinċentivi u inċertezzi addizzjonali għall-intrapriżi tal-produzzjoni ġodda jew żgħar li jiddependu mill-prodotti agrikoli, li joħolqu ostakli għd-dħul u jxekklu l-proċess ta" tisħiħ tal-kompetizzjoni f'ċerti swieq,
   ir-ridistribuzzjoni żleali (soċjali u ġeografika) taż-żejjed mill-bejgħ ta" prodotti agrikoli għad-detriment tal-bdiewa/produtturi u favur l-intermedjarji u l-ispekulaturi;

24.  Jisħaq fuq il-fatt li, għall-kuntrarju tal-istima tal-Kummissjoni, hemm ħtieġa aktar urġenti biex jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet regolatorji ġodda għas-swieq futuri, minħabba li hemm indikazzjonijiet li juru li l-fenomenu ta" spekulazzjoni diġà qed joħloq problemi fl-ipprezzar tal-ikel bażiku u għalhekk anki għas-swieq u għall-intrapriżi tal-produtturi bbażati fuqhom;

25.  Iqis li l-Kummissjoni, f'dawn l-aħħar ħames snin, tejbet is-superviżjoni tagħha fuq il-kartelli, kemm permezz tal-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni aħjar dwar il-kompetizzjoni kif ukoll permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iqis li miżuri bħall-applikazzjonijiet tal-klemenza, il-proċedura tal-ftehim għal soluzzjoni u l-IT tal-forensika kellhom sehem importanti f'dan kollu; madankollu jqis li għad fadal bosta titjib x'jista' jsir fir-rigward tal-kontenut tagħhom u l-implimentazzjoni tagħhom min-naħa tal-Istati Membri;

26.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni għad-Dikjarazzjoni msemmija hawn fuq adottata mill-Parlament dwar l-investigazzjoni u r-rimedju għall-abbuż mill-pożizzjoni dominanti min-naħa ta" supermarkits kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talbiet inklużi fiha; jitlob, f'dan ir-rigward, investigazzjoni dwar il-konċentrazzjoni tas-suq u l-ħolqien ta" kartelli fis-settur tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll miżuri ta" penali għal ksur tar-regoli;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza, fir-rapporti annwali tagħha, id-distakk bejn il-prezzijiet tal-produttur u dawk tal-konsumatur, id-differenzi bejn il-prezzijiet fl-Istati Membri u d-differenzi fil-prezz bejn il-prodotti agrikoli varji;

28.  Iqis li l-intrapriżi li jaħdmu fuq skala kbira jiġġeneraw vantaġġi ekonomiċi ċari u magħrufa (marbuta mal-kobor) li jnaqqsu l-ispejjeż u b'hekk anki l-prezzijiet; jisħaq fuq il-fatt li madankollu l-politika favur it-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel għandha tħeġġeġ il-ħolqien ta" skemi funzjonali għall-isfruttar ta" dawn il-vantaġġi mis-settur agrikolu (pereżempju, clusters, netwerks u organizzazzjonijiet intraprofessjonali) bl-għan li jiġu ffaċċjati l-pressjonijiet fuq il-marġnijiet tal-qligħ min-naħa tal-intrapriżi ta" wara l-katina;

29.  Jesprimi tħassib qawwi minħabba l-fatt li fl-istħarriġ tal-Kummissjoni dwar il-prattiki ewlenin li jikkawżaw problemi ta" kompetizzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel, l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-Prezzijiet tal-Ikel fl- Ewropa ma tinkludix l-abbuż minn pożizzjoni dominanti li jiġi osservat fil-fażi tal-bejgħ bl-imnut u anki f'dik tal-bejgħ bl-ingrossa; iqis li l-prattiki antikompetittivi li jinħaddmu mill-intrapriżi b'sehem kbir fis-suq, bħall- ftehimiet esklużivi ta" provvista, ix-xiri abbinat eċċ., ixekklu b'mod serju l-kompetizzjoni funzjonali fil-katina tal-provvista tal-ikel;

L-irwol tal-Unjoni Ewropea
Ir-reazzjoni għall-iżbilanċi tas-suq

30.  Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq Sistema Ewropea effiċjenti ta' monitoraġġ tas-suq, li tkun tista' tirreġistra x-xejriet tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs tul il-katina tal-provvista kollha kemm hi; jemmen li din is-sistema għandha tiżgura t-trasparenza u tippermetti t-tqabbil transkonfinali ta" prodotti simili; iqis li din is-sistema għandha tiġi stabbilita bil-koperazzjoni mill-qrib mal-Eurostat u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika kif ukoll għandha taħdem man-netwerk taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej (ECC); jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-prinċipju li l-ispejjeż u l-piżijiet addizzjonali għandhom jinżammu f'limiti raġonevoli;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf qafas legali Komunitarju li jinkludi, fost miżuri oħra, ir-reviżjoni fil-fond tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali(4), u li jiffavorixxi relazzjonijiet bilanċjati bejn id-diversi aġenti tal-katina tal-ikel, filwaqt li tiġi evitata kull prattika abbużiva u bil-promozzjoni tat-tqassim iktar ġust tal-marġni kummerċjali;

32.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE biex jinvestigaw u jevalwaw il-prezzijiet għall-konsumatur fl-Unjoni Ewropea kollha sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni qegħdin ikunu osservati u tiġi determinata r-responsabiltà tad-diversi operaturi li jiffurmaw il-katina tal-valur; jenfasizza l-fatt li ċ-ċaqliq "l isfel fil-prezzijiet għandu jiġi trażmess lill-konsumaturi mingħajr dewmien, waqt li l-produtturi għandhom jibbenefikaw miż-żidiet aktar malajr;

33.  Jistqarr li tista' tinkiseb trasparenza akbar fl-istruttura tal-prezz permezz tal-ħolqien ta' bażi tad-data għall-UE kollha li tkun aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini, u li tinkludi prezzijiet ta' referenza għal prodotti u provvisti kif ukoll informazzjoni dwar spejjeż tal-enerġija, remunerazzjonijiet, krejja, ħlasijiet u taxxi fl-Unjoni Ewropea kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal pjanijiet għal sistema elettronika bħal din, li tkun ibbażata fuq mudelli nazzjonali eżistenti, bħall-observatoires des prix Franċiżi; iqis ukoll li jkun neċessarju li jinħoloq osservatorju internazzjonali, bil-koperazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), tal-prezzijiet ta' prodotti, input u ikel agrikoli sabiex din id-data tkun tista' tiġi mmonitorjata fil-livell internazzjonali;

34.   jistieden lil dawk kollha involuti fil-katina tal-produzzjoni u dik tad- distribuzzjoni biex flimkien ifasslu l-aħjar prattiki jew għamla ta" "tabelli tal-progress" bl-għan li tiġi promossa t-trasparenza tal-prezzijiet fil-qasam tal-prodotti agrikoli;

35.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jipprovdu riċerka u analiżi dettaljati fit-trażmissjoni tal-prezzijiet u l-marġnijiet li japplikaw bejn il-prezz li joħroġ mill-farms u dak finali għall-konsumatur kif ukoll analiżi tal-qagħda u tal-għadd ta" supermarkits u tal-ammont tal-prodotti li jbigħu kif ukoll tal-ispejjeż speċifiċi li jonfqu fuq il-loġistika u l-enerġija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw jekk il-kriterji biex tad-determinazzjoni ta" pożizzjoni dominanti f'suq għadhomx adegwati meta wieħed iqis l-iżviluppi fis-suq bl-imnut; jitlob biex tinħatar task force tal-Kummissjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel, li taħdem flimkien mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali;

36.  Josserva li waħda mill-kawżi tad-differenzi tal-prezzijiet fil-bidu u fl-aħħar huwa l-iżbilanċ fil-katina tal-ikel u li minkejja dan, l-Unjoni Ewropea m'għandhiex biżżejjed miżuri għall-promozzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi permezz ta" koperattivi jew organizzazzjonijiet oħra biex jippromwovu l-konċentrazzjoni tal-provvista; jitlob lill-Kummissjoni biex twaqqaf miżuri, kemm fi ħdan il-PAK kif ukoll f'politiki oħra tal-UE, għall-promozzjoni tal-organizzazzjonijiet imsemmija, li tissarraf f'aktar organizzazzjoni tas-suq u f'żieda tal-poter negozjattiv tal-produtturi fil-konfront tal-bqija tal-ħoloq tal-katina tal-ikel;

37.  Jipproponi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, li għandhom rwol wiesa' fil-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward il-monitoraġġ tal-kompetizzjoni fil-fażijiet kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel, isaħħu l-koperazzjoni taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fir-rigward tal-monitoraġġ tal-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kummerċ, sabiex ikun iggarantit li s-suq intern jaħdem kif suppost;

38.  Iqis li, peress li l-bejgħ bl-imnut jiġi influwenzat fuq kollox minn fatturi legali, ekonomiċi, politiċi u kulturali nazzjonali, ikun xieraq li fil-qafas tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN) isiru aktar skambju ta" informazzjoni u, fejn ikun xieraq, investigazzjoni koordinata bejn l-Istati Membri fuq prattiki antikompetittivi minn intrapriżi li joperaw f'livell Inter-UE;

39.  Jitlob li fil-qafas tal-Istrateġija ta" Liżbona jiġu appoġġjati l-pjani nazzjonali favur it-tnaqqis jew it-tneħħija ta" interventi regolatorji mhux ġustifikati fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li jillimitaw il-kompetizzjoni u l-funzjonalità tal-katina tal-provvista tal-ikel għad-detriment tal-konsumaturi;

40.  Iqis li wieħed għandu jibbenifika, f'livell kemm nazzjonali u kemm tal-UE, mill-programm tal-applikazzjoni tal-klemenza, sabiex l-awtoritajiet risponsabbli għal-Kompetizzjoni jkunu jistgħu jsiru jafu b" aktar prattiki antikompetittivi fil-katina tal-provvista tal-ikel;

41.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li barra r-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji jeżistu ħafna politiki oħrajn f'livell Ewropew li jirregolaw in-negozju bl-imnut u li fost oħrajn jinkludu l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suq intern u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-konsumatur; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-politiki kollha għandhom ikunu konsistenti ma" xulxin u jiġu kkoordinati b'mod ċentrali fil-livell tal-UE, bl-għan li jintlaħqu l-aħjar riżultati possibbli fir-rigward tal-prezzijiet għall-konsumaturi;

42.  Jenfasizza l-fatt li r-reazzjonijiet għall-kriżi tal-ikel attwali għandhom isiru wkoll fil-livell internazzjonali; jitlob għall-ħolqien ta' netwerk internazzjonali madwar l-FAO biex ikun iggarantit li jkun hemm ħażniet tal-ikel biżżejjed fid-dinja kollha;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehima mal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WTO) li tħalli spazju suffiċjenti lis-settur agrikolu biex ikun jista" jikkompeti mal-pajjiżi terzi; iqis li l-inklużjoni ta" tħassib mhux kummerċjali hawnhekk hija ta" importanza kritika sabiex jinżammu u jitħarsu l-istandards ta" produzzjoni tal-UE;

44.  Jitlob biex jitwaqqfu ħażniet u riżervi ta" kriżi fil-livell Komunitarju, b'mod simili għall-prodotti tal-żejt;

45.  Jitlob l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi għal kontra l-ispekulazzjoni osservata fis-swieq finanzjarji fil-prodotti agrikoli u l-istrumenti finanzjarji bbażati fuq dawn il-prodotti; jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina liema miżuri jistgħu jittieħdu li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-instabiltà tal-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti agrikoli;

46.  Jitlob għal miżuri ta' appoġġ għall-koperazzjoni bejn il-produtturi agrikoli żgħar sabiex ikunu jistgħu jikkompetu ma' produtturi, proċessuri u bejjiegħa akbar minnhom; iqis li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jeħtiġilhom jiggarantixxu l-eżistenza ta' forom differenti ta' kummerċ u jevitaw il-liberalizzazzjoni totali tas-suq tal-ikel, li twassal għal konċentrazzjoni akbar; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi Green Paper dwar it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, kunċetti effiċjenti b'rabta mal-katina kollha kemm hi u l-kwistjoni tas-saħħa tas-suq tal-bejjiegħa l-kbar;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-monitoraġġ tal-importazzjoni ta" prodotti tal-ikel, b'mod partikulari fir-rigward tal-osservazzjoni tal-istandards iġjeniċi u ambjentali tal-UE, sabiex il-konsumaturi tal-UE ma jiġux esposti għal riskji akbar minħabba l-prodotti importati;

48.  Iqis li jeħtieġ titħeġġeġ konċentrazzjoni ikbar tal-provvista agrikola permezz tal-appoġġ tad-diversi ftehimiet ġuridiċi assoċjativi, bl-għan li jinkiseb bilanċ mill-ġdid bejn l-influwenzi fil-katina tal-ikel, jingħata valur miżjud lill-produzzjoni tal-bdiewa, u jiżdied il-poter negozjattiv fil-konfront tal-bqija tal-aġenti kummerċjali;

49.  Jitlob li jerġa" jiddaħħal Servizz ta' Konsultazzjoni Ewropew għall-Produtturi tal-Ikel li jagħti pariri lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi dwar it-tqassim tal-prodotti, is-suq tal-bejgħ bl-imnut u l-opportunitajiet għall-produzzjoni ta' prodotti speċifiċi;

50.  Jitlob għall-ħolqien ta' linja tat-telefon diretta għall-konsumaturi u l-produtturi agrikoli, biex ikunu jistgħu jirrappurtaw każijiet ta' abbuż u biex ikunu jistgħu jieħdu tagħrif dwar it-tqabbil ta' prodotti u prezzijiet fl-Unjoni Ewropea kollha; iqis li din għandha tiġi stabbilita u għandha taħdem maċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej (ECCs) nazzjonali;

51.  Jilqa' b'sodisafzzjon id-dħul tat-Tabella tas-Suq għall-Konsumatur bħala għodda biex isir monitoraġġ aħjar tas-suq intern u biex jingħata aktar tagħrif lill-konsumatur;

52.  Huwa mħasseb dwar l-influwenza tal-intermedjarji fil-prezz aħħari għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi analiżi dwar il-katina tal-provvista sabiex isir magħruf aħjar ir-rwol ta" kull operatur fi ħdan il-katina fil-proċess għall-kalkolu tal-prezzijiet;

Biex il-produttur joqrob lejn il-konsumatur

53.  Jitlob l-introduzzjoni ta' politiki li jħeġġu l-kuntatt aktar wiesa' u dirett bejn il-produtturi u l-konsumaturi, bħall-Programm għat-Tqassim tal-Frott fl-Iskejjel li ġie adottat reċentement, minħabba li dan jista' jagħti lill-produtturi sehem aktar rilevanti fis-suq, filwaqt li l-konsumaturi jkollhom għażla ta' prodotti aħjar u aktar wiesgħa; fost dawn il-politiki ta" min isemmi pereżempju l-ħolqien u l-promozzjoni ta" possibiltajiet għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti mill-produtturi stess;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni li tiffaċilita l-għaqda u l-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, bħall-koperattivi, sabiex jiġu evitati l-piżijiet burokratiċi u żvantaġġi oħra, bl-għan li tiżdied id-dimensjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jadattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet tal-provvista li jeħtieġ is-suq globalizzat;

55.  Iqis li huwa ta" importanza kbira, biex tiġi inkoraġġita l-fiduċja fis-sistema, li jingħata tagħrif aktar wiesa" u aħjar għall-konsumaturi u għandhom isiru l-isforzi kollha biex il-konsumatur jiġi edukat, mgħarraf tajjeb u fornut b'informazzjoni newtrali;

56.  Jitlob li fit-tagħrif għall-konsumatur issir enfasi speċjali fuq l-isforzi li twettqu mill-produtturi tal-UE biex jitħarsu r-regoli tal-Komunità fil-qasam ambjentali, tas-sigurtà tal-ikel u tal-benessri tal-annimali;

57.  Jisħaq dwar il-fatt li l-politika tal-ħarsien tal-konsumatur tinkludi mhix biss il-prezzijiet, imma wkoll il-garanzija ta" varjetà u kwalità tal-ikel; għal din ir-raġuni jipproponi investigazzjoni mill-Kummissjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari ħolqa tal-bejgħ, jippreżenta fenomeni ta" tnaqqis fil-kwalità u l-varjetà tal-prodotti;

58.  Jinnota l-valur miżjud tal-ħwienet lokali li jbigħu bl-imnut, li jagħtu kontribut importanti sabiex jonqos id-distakk bejn il-produtturi u l-konsumaturi, u wkoll biex titjieb l-kwalità tal-ħajja fiz-zoni rurali bil-ħolqien ta" opportunitajiet ta" xogħol u t-tisħiħ tar-rabtiet soċjali eżistenti;

59.  Iqis li għandha ssir promozzjoni mifruxa dwar l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u l-internet; jenfasizza li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jintużaw biex jagħtu aktar tagħrif dwar il-post, il-prezz u l-karatteristiċi tal-varjetatjiet ta' prodotti differenti; jemmen li dan jista' jgħin id-domanda ta' swieq aktar speċifiċi u joffri għażla akbar lill-konsumatur; hu favur l-użu tal-fondi għall-iżvilupp rurali tal-UE, tal-kompetittività u ta' koeżjoni biex il-produttur ikollu aċċess eħfef għas-suq permezz tat-teknoloġija moderna u l-internet;

60.  Jitlob biex jitwaqqfu miżuri li jagħtu aktar impetu lill-kunċett ta' "ikel lokali", b'mod partikulari miżuri li jħeġġu l-bejgħ u joffru tagħrif lill-konsumaturi fuq il-karatteristiċi partikulari ta" dawk il-prodotti u l-effetti pożittivi relatati kemm fuq is-saħħa u kemm f'livell ekonomiku, kif ukoll għal appoġġ għas-swieq u l-metodi tal-kummerċjalizzazzjoni tradizzjonali, li permezz tagħhom il-produtturi jiltaqgħu direttament mal-konsumaturi;

61.  Jitlob li l-oqsma bijoloġiċi jkunu appoġġjati aktar mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri; barra minn hekk, jitlob li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prodotti ta" kwalità bi prezzijiet raġonevoli, u dan, permezz ta" politika ta" inċentivi finanzjarji ambizzjuża mmirata għal din it-tip ta" produzzjoni agrikola;

62.  Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-produtturi permezz tal-format tradizzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew bid-dħul ta" forom ġodda ta" koperazzjoni fl-operat tas-swieq ta" bdiewa;

63.  Jitlob aktar promozzjoni biex toħroġ id-differenza fil-prodotti agrikoli bħala kunċett ta' kummerċjalizzazzjoni, li jħalli l-wisa' għal prezzijiet differenti, skont il-kwalità;

64.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-saħħa tan-negozjar tal-produtturi tal-ikel għad-detriment tal-bejjiegħa bl-imnut, bħala riżultat tal-marka (brand-name) qawwija jew id-diversifikazzjoni tal-prodott, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa, kisbet tifsira sproporzjonatament negattiva meta mqabbla ma" fatturi wisq aktar importanti, bħal pereżempju n-nuqqas ta" kompetizzjoni jew il-prattiki oligopolistiċi/monopolistiċi; huwa tal-fehma li l-ħolqien ta" marka b'saħħitha jew id-diversifikazzjoni, u huma prattiki aċċettabbli, bl-eċċezzjoni tal-abbuż tal-pożizzjoni li tista" tirriżilta minnhom u li tikkostitwixxi prattika inġusta;

65.  Jitlob it-tisħiħ u r-razzjonalizzazzjoni tal-politiki tal-UE dwar il-ħarsien tal-indikazzjonijiet tal-oriġini u tar-reġjuni ġeografiċi kif ukoll ta' ċertifikazzjonijiet oħra, li joħorġu d-differenza bejn il-prodotti agrikoli; f'dan ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon id-dibattitu mniedi bil-ħruġ tal-Green Paper fil-15 ta' Ottubru 2008 dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli: l-istandards tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalita'(COM(2008)0641);

66.  Iqis neċessarju li l-possibilità ta' tikketta speċjali fuq il-prodotti agrikoli tal-UE tiġi studjata aktar fil-fond, fuq il-bażi ta' mudelli eżistenti; iqis li din it-tikketta għandha tiggarantixxi li qegħdin ikunu osservati l-istandards tal-UE tal-produzzjoni, bħal pereżempju fir-rigward tat-trattament ġust tal-parteċipanti fis-swieq matul il-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni kollha kemm hi; iqis ukoll li tali tiketta tħeġġeġ lill-konsumaturi biex jikkunsmaw aktar prodotti tal-UE u b'hekk jissaħħu l-produtturi tal-UE;

67.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-ispejjeż li jerfgħu l-produtturi biex jissodisfaw ir-regoli Komunitarji dwar it- transkonformità kif ukoll biex tara kemm dawn ivarjaw bejn l-Istati Membri, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu lidawn ir-regoli huma aktar stretti minn dawk applikabbli għall-prodotti importati;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0054.
(2) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44.
(3) ĠU C 263E, 16.10.2008, p. 621.
(4) ĠU L 200, 8.8.2000, p. 35.

Avviż legali - Politika tal-privatezza