Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2581(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0248/2009

Dibattiti :

PV 24/04/2009 - 5.3
CRE 24/04/2009 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2009 - 7.3
CRE 24/04/2009 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0311

Testi adottati
PDF 203kWORD 38k
Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni umanitarja tal-persuni residenti fil-Kamp Ashraf
P6_TA(2009)0311RC-B6-0248/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar is-sitwazzjoni umanitarja tal-persuni residenti fil-Kamp Ashraf

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u, b'mod partikolari, l-Artikolu 27 tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żminijiet ta' Gwerra,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll għalih tal-1967,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima tal-Istatus tal-Forzi bejn il-gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Iraq, iffirmata f'Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati Iraqin(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-eżekuzzjonijiet fl-Iran(2), li tinkludi referenzi għar-residenti tal-Kamp Ashraf rigward l-istatus legali tagħhom bħala persuni protetti skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Kamp Ashraf, fit-Tramuntana tal-Iraq, twaqqaf fis-snin tmenin għall-membri tal-grupp tal-oppożizzjoni Iranjan magħruf bħala l-Organizzazzjoni tal-Mujahedin tal-Poplu tal-Iran (il-PMOI),

B.   billi fl-2003, il-forzi Amerikani fl-Iraq ħadu l-armi minn idejn ir-residenti tal-Kamp Ashraf u tawhom il-ħarsien, wara li dawk ir-residenti ngħataw it-titolu ta' "persuni protetti" skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,

C.   billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, f'ittra tal-15 ta' Ottubru 2008, ħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex iħares lir-residenti tal-Kamp Ashraf mid-deportazzjoni forzata, mit-tkeċċija jew mir-ripatrijazzjoni bi ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement, u biex ma jkomplix jieħu azzjonijiet li jistgħu iqegħdulhom ħajjithom jew is-sigurtà tagħhom fil-periklu,

D.   billi wara l-konklużjoni tal-Ftehima dwar l-Istatus tal-Forzi bejn l-Istati Uniti u l-Iraq, il-kontroll tal-Kamp Ashraf ġie trasferit lill-forzi tas-sigurtà tal-Iraq mill-1 ta' Jannar 2009,

E.   billi, skont stqarrijiet li dan l-aħħar ġew irrappurtati li saru mill-Konsulent Iraqi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, l-awtoritajiet bi ħsiebhom li gradwalment jagħmlu l-preżenza tar-residenti fil-Kamp Ashraf "intollerabbli" u billi, skont dawn ir-rapporti, huwa semma wkoll li setgħu jitkeċċew, jiġu estraditi u/jew jiġu spustati bil-forza fl-Iraq,

1.  Iħeġġeġ lill-Prim Ministru tal-Iraq biex jiżgura li ma tittieħed l-ebda azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iraqin li tikser id-drittijiet tal-bniedem tar-residenti tal-Kamp Ashraf u biex jiċċara l-intenzjonijiet tal-gvern Iraqi dwarhom; jistieden lill-awtoritajiet Iraqin biex iħarsu l-ħajja u l-integrità fiżika u morali tar-residenti tal-Kamp Ashraf u biex jittrattawhom b'konformità mal-obbligi skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, b'mod partikolari billi ma jispustawhomx bil-forza, ma jiddeportawhomx, ma jkeċċuhomx jew ma jerġgħux jibagħtuhom lura lejn pajjiżhom, bi ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement;

2.  Rigward ix-xewqat individwali tal-persuni li jgħixu fil-Kamp Ashraf dwar il-ġejjieni tagħhom, iqis li dawk li dawn il-persuni, flimkien ma' ċittadini Iranjani oħrajn li bħalissa qegħdin joqogħdu fl-Iraq li telqu mill-Iran għal raġunijiet politiċi, jistgħu jkunu fil-periklu ta' ksur serju kontra d-drittijiet tal-bniedem li kieku kellhom jintbagħtu kontra qalbhom fl-Iran, u jinsisti li ħadd m'għandu jintbagħat lura, la b'mod dirett u lanqas permezz ta' pajjiż terz, f'sitwazzjoni fejn isib ruħu fil-periklu ta' tortura jew ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jistieden lill-gvern tal-Iraq biex itemm l-imblokk tiegħu tal-kamp, biex josserva l-istatus legali tar-residenti tal-Kamp Ashraf bħala persuni protetti skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, u biex ma jkomplix jieħu azzjonijiet li jqegħdulhom ħajjithom jew is-sigurtà tagħhom fil-periklu, bħall-aċċess sħiħ għall-ikel, l-ilma, il-kura u l-provvisti mediċi, il-fjuwil, il-membri tal-familja u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali;

4.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien mal-gvernijiet tal-Iraq u tal-Istati Uniti, mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, jaħdmu biex jinstab status legali sodisfaċenti fit-tul għar-residenti tal-Kamp Ashraf;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq.

(1) ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 609.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0412.

Avviż legali - Politika tal-privatezza