Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2576(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0256/2009

Testi mressqa :

B6-0256/2009

Dibattiti :

PV 22/04/2009 - 5
CRE 22/04/2009 - 5

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2009 - 7.19
CRE 24/04/2009 - 7.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0327

Testi adottati
PDF 213kWORD 48k
Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009 - Strasburgu
L-istabbiliment ta' faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri
P6_TA(2009)0327B6-0256/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar l-istabbiliment ta' faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2009 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (COM(2009)0169),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(1), u l-pożizzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Settembru 2001 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(2),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008(3) dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-istess ġurnata dwar l-istabbiliment ta' faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 100 u 119 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Kunsill diġà rdoppja l-limitu massimu tal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju għal EUR 25 000 000 000 minn ammont oriġinali ta' EUR 12 000 000 000 abbażi tal-Artikoli 119 u 308 tat-Trattat permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1360/2008 tat-2 ta' Diċembru 2008(5) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002,

B.   billi, flimkien ma' arranġamenti ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, il-Komunità tat self ta' EUR 6 500 000 000 lill-Ungerija u ta' EUR 3 100  000 000 lil-Latvja, u billi EUR 2 200 000 000 oħra huma allokati għal-Latvja minn xi Stati Membri individwali,

C.   billi l-Komunità ddeċidiet li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju lir-Rumanija ta' EUR 5 000 000 000 fid-dawl tal-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja dinjija fuq is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fir-Rumanija,

D.   billi approċċ każ każ għall-għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-Istati Membri huwa preferibbli, sabiex titqies l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni ta" kull Stat Membru,

E.   billi l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija attwali għandu jiġi kkunsidrat,

F.   billi jeħtieġ li s-solidarjetà mal-Istati Membri li m'ilhomx li saru membri tal-Unjoni Ewropea titħaddem b'mod sħiħ,

G.   billi tinħtieġ politika li tindirizza l-problemi speċifiċi ta' dawk l-ekonomiji tal-Istati Membri meta titqies il-kriżi finanzjarja dinjija u r-reċessjoni li qed tinfirex fl-Unjoni Ewropea,

1.  Iqis li s-sitwazzjoni attwali hija prova ulterjuri tar-rilevanza tal-euro fir-rigward tal-ħarsien tal-Istati Membri fiz-zona tal-euro u jistieden lill-Istati Membri l-oħra biex jingħaqdu fiż-żona tal-euro malli jissodisfaw il-kriterji ta' Maastricht;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex twieġeb it-talbiet preċedenti tal-Parlament biex issir analiżi tal-effetti tal-imġiba tal-banek li neħħew l-assi tagħhom mill-Istati Membri li saru membri riċentement;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkomunika, mill-aktar fis possibbli, ir-riżultat ta' dak l-istudju lill-Kumitat tagħha għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji;

4.  Jirrikonoxxi li, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija attwali, il-limitu massimu għall-ammont ta' self li jkun għadu ma tħallasx li jingħata lill-Istati Membri kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 332/2002 għandu jiżdied b'mod sinifikanti, filwaqt li jitqies kif xieraq ukoll il-kalendarju tal-Parlament; jisħaq li tali żieda ttejjeb ukoll il-ħila tal-Komunità li twieġeb b'mod aktar flessibbli għal talbiet oħra għall-għajnuna finanzjarja għal żmien medju;

5.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ftehimiet volontarji bejn il-banek u l-Istati Membri li dan l-aħħar saru membi tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħhom dawk il-banek jieqfu milli jaqtgħu l-linji tal-kreditu (pereżempju, fir-rigward tar-Rumanija u l-Ftehima ta" Vjenna), u jinkuraġġixxi inizjattivi oħra bħal dawn;

6.  Jinnota li din iż-żieda sinifikanti fil-limitu massimu ta' self tippermetti li jkun immassimizzat il-potenzjal ta' self tal-Kummissjoni fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji; jinnota, barra minn hekk, li m'hemm l-ebda bażi legali speċifika għall-Komunità biex toħroġ bonds fis-suq dinji, iżda li l-Kummissjoni qiegħda tagħmel xogħol preparatorju bil-ħsieb li tippermetti lil żewġ Stati Membri jew iżjed joħorġu b'mod konġunt bonds iddenominati bl-euro;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga, mal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif tista" tingħeleb il-kriżi tal-kreditu fl-ekonomija reali bl-għajnuna ta" strumenti finanzjarji ġodda u innovattivi; jirrimarka li varjetà ta" strumenti finanzjarji tista' tintuża biex tkun żgurata l-flessibilità tal-faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri;

8.  Jinnota li t-tgħollija tal-limitu massimu tas-self ma jkollha ebda impatt baġitarju għaliex il-Kummissjoni takkwista s-self fis-swieq finanzjarji u l-Istati Membri benefiċjarji jkollhom iħallsuh lura; jenfasizza li l-uniku impatt baġitarju possibbli miż-żieda tal-limitu massimu tas-self iseħħ f'każ li Stat Membru ma jħallasx id-dejn;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-irwol attribwit mill-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq lill-Qorti tal-Awdituri, f'każ ta' bżonn;

10.  Jemmen li l-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti tal-għajnuna finanzjarja għandhom ikunu konformi mal-objettivi Komunitarji fir-rigward tal-kwalità tal-infiq pubbliku, it-tkabbir sostenibbli u s-sistemi tas-sigurtà soċjali, ir-rata massima tal-impjieg, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-effiċjenza fl-enerġija, u għandhom iħeġġu l-promozzjoni ta' dawn l-objettivi;

11.  Ifakkar li l-Artikolu 100 tat-Trattat japplika għall-Istati Membri kollha u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal regolament li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni; ifakkar li l-Artikolu 103 tat-Trattat jistipula li l-Istati Membri 'm'għandhomx ikunu responsabbli mill-impenji jew jassumu l-impenji tal-gvernijiet ċentrali, tal-awtoritajiet pubbliċi reġjonali, lokali jew oħrajn, ta' korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika, jew ta' impriżi pubbliċi ta' Stat Membru ieħor, bla ħsara għall-garanziji finanzjarji reċiproċi tat-twettiq konġunt ta' proġett speċifiku', u li 'jekk ikun meħtieġ, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 252, jista' jispeċifika definizzjonijiet għall-applikazjzoni tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 101 u f'dan l-Artikolu';

12.  Jitlob li l-Parlament ikun infurmat dwar il-memoranda ta' ftehim li ġew konklużi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri konċernati, li jistipulaw il-kundizzjonijiet tas-self;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika f'livell Komunitarju waqt sitwazzjonijiet ta' kriżi ekonomika, u biex twaqqaf grupp ta' esperti mal-Parlament, u biex tħejji qafas u linji gwida għall-memoranda ta' fehim konklużi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri konċernati, li jistipulaw il-kundizzjonijiet tas-self;

14.  Ifakkar li l-Parlament talab, fil-pożizzjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2001 u tal-20 ta' Novembru 2008, li l-Kunsill jeżamina, kull sentejn, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, wara li jikkonsulta lill-Parlament u wara li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkun ressaq l-opinjoni tiegħu, jekk il-faċilità stabbilita għadhiex tissodisfa l-ħtiġijiet li wasslu għall-ħolqien tagħha; jistaqsi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jekk tfasslux rapporti bħal dawn mindu ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 332/2002;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Eurogrupp u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.
(2) ĠU C 72E, 21.3.2002, p. 312.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0560.
(4) Testi adottati, P6_TA(2008)0562.
(5) ĠU L 352, 31.12.2008, p. 11.

Avviż legali - Politika tal-privatezza