Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2006(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0275/2009

Testi mressqa :

A6-0275/2009

Dibattiti :

PV 04/05/2009 - 20
CRE 04/05/2009 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/05/2009 - 5.13
CRE 05/05/2009 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0346

Testi adottati
PDF 382kWORD 68k
It-Tlieta, 5 ta' Mejju 2009 - Strasburgu
L-estimi tal-Parlament Ewropew għall-2010
P6_TA(2009)0346A6-0275/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2009 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2010 (2009/2006(BUD))

Il-Parlament Ewropew,,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 – it-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX(3),

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2010,

–   wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fil-21 ta' April 2009 skont l-Artikoli 22(6) u 73(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 73(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 73 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0275/2009),

A.   billi proċess pilota li fih koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, u l-koperazzjoni reċiproka bikrija dwar il-punti kollha b'implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti, inbeda s-sena l-oħra u nżamm għall-proċedura kollha tal-2010,

B.   billi l-prerogattivi tal-plenarja biex jiġu adottati l-estimi u l-baġit finali għandhom jinżammu għal kollox skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mar-Regoli ta' Proċedura,

C.   billi saru żewġ laqgħat ta" prekonċiljazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fil-25 ta' Marzu 2009 u fis-16 ta" April 2009, li matulhom ġew diskussi numru ta' kwistjonijiet ewlenin bejn iż-żewġ delegazzjonijiet,

1.  Ifakkar li d-direzzjoni ġenerali għall-baġit 2010 u l-isfidi li għandu jkollha reazzjoni għalihom kienu spjegati fir-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-10 ta" Marzu 2009 dwar il-linji gwida baġitarji; jenfasizza b'mod partikolari li l-aħjar aċċess u aċċess ugwali għal faċilitajiet lingwistiċi għal membri u azzjonijiet relatati mal-irwol leġiżlattiv imsaħħaħ tal-Parlament se jikkostitwixxu l-elementi fundamentali tal-baġit 2010;

Qafas Ġenerali

2.  Jinnota li l-livell globali tal-baġit 2010, kif ġie ssuġġerit mill-Bureau, se jibqa' taħt is-sehem volontarju tradizzjonali ta' 20% tal-intestatura 5 (nefqa amministrattiva) tal-qafas finanzjarju pluriennali; jinnota li r-rata taż-żieda suġġerita hija 3.98% u li l-livell globali li jirriżulta se jkun marġinalment ogħla mil-livell tal-2009 li kien 19.67% tal-approprjazzjonijiet taħt din l-intestatura;

3.  Jiddeċiedi li f'dan l-istadju, il-livell globali tal-baġit huwa ta' EUR 1 590 012 726, li jirrappreżenta rata ta' żieda ta' 3.92%, sabiex jitħalla marġni ta' manuvra akbar għall-parlament il-ġdid fil-ħarifa kif ukoll sabiex jitfaddal kemm jista' jkun; jiddeċiedi li jżomm ir-riżerva ta" kontinġenza fl-istess livell bħal dak tal-2009 (EUR 10 miljuni);

4.  Huwa tal-opinjoni, minħabba n-natura pluriennali tal-maġġoranza tal-punti tan-nefqa u tal-proġetti ewlenin mibdija fl-istituzzjoni, li jeħtieġ li jkun ikkunsidrat ippjanar aħjar fuq terminu ta" żmien medju għall-baġit tiegħu u li l-baġit isir iktar trasparenti; jikkunsidra li huwa importanti ħafna li l-proposta sħiħa tal-baġit, jew għall-anqas il-biċċa l-kbira tagħha, tkun preżentata fl-istadju tal-estimi fir-rebbiegħa u jikkunsidra li l-użu tal-hekk msejħa "ittri ta" emenda" (amending letters) fil-ħarifa, ikun limitat għal avvenimenti verament mhux previsti u/jew għal aġġornamenti tekniċi;

5.  Jenfasizza li koperazzjoni f'waqtha bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits biex flimkien jikkjarifikaw il-konsegwenzi baġitarji ta" deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, għandha tkun parti fundamentali dwar kif għandhom ikun trattati l-kwistjonijiet ewlenin kollha, filwaqt li jinżammu l-prerogattivi formali ta" kull korp;

6.  Jilqa" b'sodisfazzjon it-titwil tal-proġett pilota dwar il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits għat-tieni sena, u jfakkar li l-prinċipji tal-fiduċja u tat-trasparenza huma essenzjali; iwissi dwar kwalunkwe tendenza li biha tali koperazzjoni ssir sempliċiment formalità iżjed milli djalogu ġenwin, u li biha jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali qabel iż-żmien; jinsisti li l-ispirtu tal-koperazzjoni reċiproka għandu jinżamm u jittejjeb għall-ġejjieni filwaqt li jiġu rrispettati l-prerogattivi ta" kull korp; itenni li l-konsultazzjoni minn qabel dwar kwistjonijiet ta" impatt finanzjarju sinifikanti hija wieħed mill-aspetti kruċjali tal-proġett pilota;

7.  Jikkunsidra li l-livell ta" riżorsi finanzjarji meħtieġa għal kwisjonijiet ewlenin, inkluż il-proporzjon bejn riżorsi interni u esterni meħtieġa għal servizzi ewlenin u proġetti, huwa element ewlieni li jeħtieġ li jkun meqjus b'attenzjoni mill-perspettiva baġitarja; iħeġġeġ lill-entitajiet eżekuttivi tiegħu biex iżommu dan f'moħħhom u jieħdu azzjoni skont kif inhu xieraq bil-għan li dawn jaslu għal konklużjonijiet effiċjenti fin-nefqa, li jevitaw sforzi doppji u li jkunu bbażati fuq analiżi minn qabel tal-elementi tal-politika;

Kwistjonijiet Speċifiċi
Karigi u Ristrutturazzjoni

8.  Jinnota sew, fil-kuntest ta" żidiet konsiderevoli diġà mogħtija għall-2009, il-proposti għar-ristrutturazzjoni ta" servizzi u bidliet għall-Pjan ta" Stabbiliment kif imressaq mill-Bureau; jenfasizza x-xewqa tiegħu biex tkun ikkunsidrata l-kwistjoni tar-riżorsi baġitarji relatati meta tkun ingħatat stampa kompleta tat-talbiet kollha li jkunu saru, anke dawk għal gruppi, u jenfasizza li se jkun disponibbli li jikkunsidra b'attenzjoni l-pakkett f'dak iż-żmien, filwaqt li jqis il-ħtieġa li jitjieb l-irwol leġiżlattiv imsaħħaħ tal-Parlament; għalhekk iddeċieda li ma jawtorizzax il-ħolqien ta" 30 kariga ġdida f'dan l-istadju; jinnota li l-livell ta" użu mill-ġdid tal-karigi suġġeriti huwa baxx ħafna u jinkoraġġixxi li jsiru aktar sforzi dwar din il-kwistjoni;

9.  F'dan il-kuntest, jinnota li waqt il-laqgħa tiegħu tal-1 ta" April 2009, il-Bureau approva b'mod unanimu l-pjan tar-ristrutturazzjoni għad-DĠ INLO fir-rigward tal-manutenzjoni u l-immaniġġjar tal-bini tal-Parlament u tal-ħolqien ta" servizzi ċentrali speċjalizzati biex tittejjeb il-kwalità tal-kontroll tal-baġit u tal-proċeduri tal-appalt pubbliku; jenfasizza li d-deċiżjonijiet finali rigward il-livell xieraq ta' riżorsi, għad-DĠ INLO kif ukoll għal servizzi oħra, huma parti mill-ewwel qari tal-baġit fil-ħarifa skont il-proċeduri tas-soltu; jenfasizza li l-għażla fundamentali li għandha ssir, minn perspettiva baġitarja, hija relatata mal-livell ta" ħila esperta fil-proprjetà li l-Parlament jeħtieġ ikollu internament sabiex jiżgura li x-xogħol ta" manutenzjoni fdat f'idejn fornituri esterni ikun iddefinit sewwa u li l-ħidma tagħhom tkun ikkontrollata b'mod adegwat; f'dan il-kuntest, jinnota li r-rapport estern wieħed imsemmi jittratta l-aktar dwar il-bini tas-sigurtà, iżda wkoll dwar kwistjonijiet ta' manutenzjoni u ta" mmaniġġjar u kif jistgħu jittejbu;

10.  Jikkunsidra li huwa essenzjali li l-pjan ta" strateġija tal-bini fuq perjodu ta" żmien minn medju sa twil ikun preżentat fi żmien biżżejjed qabel l-ewwel qari fil-ħarifa sabiex ikun possibbli li jittieħdu d-deċiżjonijiet baġitarji; għalhekk, jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tas-Segretarju Ġenerali li jippreżenta abbozz lil-Bureau mill-aktar fis possibbli fil-leġiżlatura l-ġdida; jaqbel mal-Bureau li titnaqqas ir-riżerva għall-bini f'din il-fażi tal-proċedura baġitarja għal EUR 18 500 000 sakemm jiġi introdott livell xieraq ta' approprijazzjonijiet, malli l-istrateġija f'dan il-qasam tiġi definita b'mod aktar ċar;

11.  Jagħti importanza lill-politika dwar is-sigurtà l-ġdida li għandha tkun żviluppata u l-objettivi li għandhom ikunu segwiti f'dan is-settur, naturalment b'kunsiderazzjoni għall-karattru speċifiku ta" parlament u l-bżonn għal trasparenza flimkien mas-sigurtà; jikkunsidra li, bħala funzjoni ta" dawk il-bżonnijiet strateġiċi u operattivi, ir-riżorsi baġitarji korrispondenti jistgħu jitqiesu matul il-proċedura 2010; jilqa" b'sodisfazzjon l-istqarrija tal-Bureau dwar l-aħjar użu ta" riżorsi u, b'mod partikolari, l-indikazzjonijiet tiegħu dwar bilanċ effettiv fin-nefqa bejn l-istaff intern u l-aġenti esterni; huwa mħasseb madanakollu, li l-implikazzjonijiet operattivi u finanzjarji fuq perjodu ta" żmien medju sa twil biex jinħoloq Direttorat ġdid, b'erba" diviżjonijiet sħaħ, mhumiex stipulati b'mod ċar;

12.  Jistenna bil-ħerqa li jirċievi, fl-istess ħin, pjan dwar l-iffrankar tal-ispejjeż diġà mfassal mid-DĠ għall-Presidenza, kif mitlub fl-2008 u jkompli jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi tan-nefqa għal-linji baġitarji operattivi relatati mas-sigurtà u t-tagħmir relatat mas-sigurtà;

13.  Jilqa b'sodisfazzjon il-proposti għar-riorganizzazzjoni tas-servizzi tiegħu tal-immaniġġjar tar-riżorsi umani u huwa kuntent li l-objettivi ta' iktar koerenza, iktar ċarezza tal-missjoni u l-ħolqien ta' sinerġiji għandhom ikunu prinċipji ta' gwida; jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li dan għandu jinkiseb permezz tar-riżorsi eżistenti, anke permezz tal-użu mill-ġdid intern ta' karigi, iżda fl-istess ħin, jixtieq li jkollu assigurazzjonijiet ulterjuri rigward l-implikazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien minn medju sa twil;

Multilingwiżmu

14.  Itenni x-xewqa tiegħu li l-aċċess ugwali għall-faċilitajiet lingwistiċi għall-membri jkun element essenzjali tal-baġit 2010; huwa sodisfatt li sar sforz min-naħa tal-Amministrazzjoni biex tintlaqa' din ix-xewqa iżda jikkunsidra li dan ovvjament jeħtieġ li jkun ikkombinat mal-aħjar użu possibbli tar-riżorsi;

15.  Jistieden lill-Bureau u lill-Kumitat għall-Bagits biex jindirizzaw b'urġenza lill-grupp ta" ħidma interistituzzjonali dwar il-multilingwiżmu sabiex jippreparaw proposta (livell tekniku) biex jiżguraw li l-koperazzjoni interistituzzjonali f'dan il-qasam, speċjalment rigward l-użu ta" kapaċità libera, tittejjeb; huwa diżappuntat, pereżempju, li s-sistema stabbilita għal qsim aħjar tat-traduzzjoni bejn l-istituzzjonijiet, kważi ma tintuża xejn; jistenna li jkun hemm proposta dwar fejn jeżistu possibilitajiet ta" titjib qabel l-ewwel qari; juri wkoll interess qawwi f'għodod tekniċi ġodda għas-servizzi ta" traduzzjoni tiegħu u jistaqsi għal iżjed informazzjoni dwar l-iżvilupp tagħhom u dwar il-konsegwenzi finanzjarji relatati matul l-2010, inkluż l-istudju tal-għodda ta' traduzzjoni Euramis; f'dan l-istudju, jilqa" b'sodisfazzjon l-evalwazzjoni dwar jekk din l-għodda tistax twassal għal koperazzjoni interistituzzjonali mtejba fil-qasam tat-traduzzjoni, kif ukoll għal kisbiet ta" effiċjenza u ffrankar tal-ispejjeż li jistgħu jnaqqsu d-dipendenza fuq is-servizzi tat-traduzzjoni esterni;

16.  Jitlob lis-Segretarju/Ġenerali biex jipprovdi analiżi tan-nefqa mqabbla mal-benefiċċji rigward it-traduzzjoni meta jkun hemm l-iktar xogħol, anke meta x-xogħol jinħadem esternament mill-freelance, kif ukoll analiżi tal-possibilità li jiġu applikati metodi ta" xogħol alternattivi;

17.  Jitlob aġġornament dwar kif tali qsim tar-riżorsi jista" jkun applikat fl-oqsma kollha li fihom l-istituzzjonijiet għandhom kapaċitajiet mhux użati temporanjament, bla ma titnaqqas l-indipendenza tal-istituzzjonijiet u l-kapaċitajiet operattivi (interpretazzjoni, kiri tal-postijiet, servizzi tal-ikkupjar, eċċ.);

Leġiżlazzjoni

18.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-proposta tal-Bureau tkompli mal-prijorità ewlenija tas-sena l-oħra, speċjalment il-ħidma leġiżlattiva, iżda huwa tal-opinjoni li l-karigi ssuġġeriti għandhom ikunu analizzati iktar u kif ingħad iktar 'il fuq, għandu jkun ikkunsidrat il-pakkett kollu; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li punti marbutin mal-leġiżlazzjoni u b'mod partikolari mal-kodeċiżjoni, kienu benefiċjarji ewlenin tat-tisħiħ baġitarju li sar għall-2009;

Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT)

19.  Ifakkar li ntalbet kjarifika fis-settur tal-Informatika u jistenna pjan ċar għal strateġija globali ICT għall-Parlament, li hija kruċjali sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli; jemmen bis-sħiħ li pjan bħal dan għandu jkun koerenti u jikseb bilanċ bejn iċ-'ċentralizzazzjoni' neċessarja u ekonomiji ta' skala li diġà huma impliċiti fil-ħolqien ta' DĠ ġdid u separat għal dan il-qasam, kif ukoll il-bżonnijiet li tinżamm flessibilità meħtieġa fil-livell ta' Direttorati Ġenerali oħra; jixtieq li l-Bureau jiċċekkja li ma jkunx hemm koinċidenzi u nfiq doppju; jistieden lill-Bureau biex jiżgura li s-sigurtà ICT u l-bżonnijiet tal-gruppi politiċi jkunu parti integrali minn pjan bħal dan;

20.  Jinnota wkoll il-proposta għall-fażi finali ta" pjan ta" tliet snin biex terġa" tintalab ħila esperta f'dan il-qasam, li tnaqqas id-dipendenza fuq konsultazzjonijiet esterni u l-proposta għal żieda fil-karigi; itenni l-opinjoni tiegħu li żidiet konsiderevoli fil-persunal għandhom iwasslu biex ikunu ffrankati l-ispejjeż tal-konsulenti u jistenna bil-ħerqa reviżjoni kull tliet snin ta' dawk l-ispejjeż, flimkien maż-żidiet tal-persunal approvati u/jew suġġeriti;

21.  Jinnota sew il-Pjan ta" Governanza tal-IT adottat mill-Bureau u jenfasizza l-importanza li jorbot mal-iżgurar li l-prijoritajiet jiġu identifikati b'mod ċar u ġust sabiex ir-riżorsi finanzjarji limitati jintużaw bl-aħjar mod possibbli għall-Parlament kollu kemm hu; f'dan ir-rigward, jitlob kjarifika dwar kif taħdem ir-relazzjoni "fornitur-klijent" fil-qasam tal-ICT u sa liema punt il-"klijenti" jistgħu jispeċifikaw liema proġetti jixtiequ li jitwettqu, dwar kif wieħed jasal għall-iffinanzjar għat-twettiq ta" dawk il-proġetti kif ukoll dwar sa liema punt u taħt liema ċirkustanzi d-DĠ ITEC jista" jirrifjuta jew jipposponi proġetti minħabba limitazzjonijiet ta" riżorsi jew minħabba raġunijiet oħra u, finalment, dwar kif qed jiġi żgurat li dawn jiġu integrati fl-istrateġija ġenerali;

Proġetti Pluriennali

22.  Itenni l-opinjoni tiegħu li ħafna inizjattivi u proġetti importanti f'dan il-qasam tal-informazzjoni u l-analiżi għall-benefiċċju tal-membri u tal-istaff, bħas-servizz analitiku ġdid tal-librerija, l-Unitajiet tal-Politiki ta" kumitati flimkien ma" firxa wiesgħa ta" sorsi/sistemi ta" informazzjoni disponibbli, jikkostitwixxu żviluppi ewlenin fix-xogħol tiegħu kif ukoll iżidu l-livelli ta" approprjazzjonijiet; jemmen, għalhekk, li stocktaking baġitarju u funzjonali, sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-użu tajjeb tar-riżorsi globali jista" jkun biss ta" benefiċċju u, f'dan ir-rigward, ifakkar id-deċiżjoni preċedenti tiegħu dwar preżentazzjoni dwar din il-kwistjoni; jilqa" b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-amministrazzjoni biex tkun implimentata Sistema tal-Immaniġġjar tal-Għerf;

23.  Jinnota l-fatt li l-proġett Web-TV huwa inkluż f'livelli diġà previsti fil-proposti tal-Bureau; jilqa" b'sodisfazzjon, madanakollu informazzjoni ulterjuri dwar 'il-qligħ' minn dan l-investiment, speċjalment fir-rigward tal-istatistika u l-prospettivi futuri; japprezza wkoll xi indikazzjoni dwar jekk il-Web-TV naqqasx jew hux se jnaqqas il-bżonn għal tipi oħra ta" informazzjoni b'mod stampat;

24.  Jinnota l-proposta tal-Bureau biex idaħħal approprjazzjoniiet speċifiċi għal studji esperti dwar Dar tal-Istorja Ewropea; jistenna deskrizzjoni ċara tal-ispejjeż previsti għall-proġett kollu kemm hu, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, sa mhux aktar tard mill-istadju tal-abbozz ta' estimi preliminari għall-proċedura baġitarja 2011;

25.  Jixtieq li jħalli liċ-Ċentru tal-Viżitaturi l-possibilità li jkompli bil-ħidma tiegħu u biex jiftaħ kemm jista" jkun malajr, f'kull każ mhux iktar tard mill-bidu tal-2010; għalhekk jistenna bil-ħerqa d-deċiżjoni finali dwar il-kunċett tal-immaniġġjar, sabiex ikunu ssodisfati l-objettivi msemmija u, iktar importanti, li d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet tar-relazzjoni bejn in-nefqa u l-benefiċċji rigward il-possibilitajiet eżistenti; jenfasizza li, pereżempju, soluzzjoni bbażata fuq xogħol li jinħadem esternament (outsourcing) għandu jkollha impatti limitati ħafna, jekk ikollha, fuq il-pjan ta" stabbiliment intern u viċiversa;

Kunsiderazzjonijiet finali

26.  Jenfasizza li għandu jkun hemm kunsiderazzjoni iktar dettaljata tal-punti tal-baġit individwali qabel l-ewwel qari tal-baġit fil-ħarifa; għalhekk se jeżamina u se jieħu d-deċiżjonijiet baġitarji finali dak iż-żmien;

27.  Filwaqt li jinkorpora dak imsemmi hawn fuq, jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja u jfakkar li l-adozzjoni tal-abbozz tal-baġit se ssir fl-ewwel qari f'Ottubru 2009, skont il-proċedura tal-votazzjoni stipulata mit-Trattat;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(2) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0096.

Avviż legali - Politika tal-privatezza