Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2733(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0104/2009

Dibattiti :

PV 22/10/2009 - 12.2
CRE 22/10/2009 - 12.2

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2009 - 13.2

Testi adottati :

P7_TA(2009)0060

Testi adottati
PDF 210kWORD 51k
Il-Ħamis, 22 ta' Ottubru 2009 - Strasburgu
L-Iran
P7_TA(2009)0060RC-B7-0104/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-Iran

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikulari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Presidenza tal-UE, ir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-G8, il-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin tad-dimostrazzjonijiet matul l-inkwiet postelettorali fl-Iran f'Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-23 ta" Settembru 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2009 li fiha tenna l-impenn tal-Parlament għall-abolizzjoni fid-dinja kolha tal-piena tal-mewt u li tiddenunzja b'mod speċifiku l-piena kapitali għal reati mwettqa minn minorenni u l-eżekuzzjonijiet imminenti fl-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tal-13 ta' Ottubru 2009 dwar l-eżekuzzjoni ta' Behnoud Shojaee fl-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tal-20 ta' Settembru 2009 li tikkundanna t-tiċħid ripetut mill-President Iranjan Mahmoud Ahmadinejad tal-Olokawst u tad-dritt tal-istat tal-Iżrael li jeżisti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-18 ta' Ottubru 2009 li tikkundanna l-attakk suwiċida fil-provinċja ta' Sistan-Baluchestan fl-Iran, attakk li qatel tal-anqas 42 ruħ,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta" Diċembru 2007 u 63/168 tat-18 ta" Diċembru 2008 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

–   wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), it-Trattat Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li r-Reppublika Iżlamika tal-Iran hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi s-sitwazzjoni ġenerali rigward id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran baqgħet sejra għall-agħar, aktar u aktar wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2009,

B.   billi l-Iran huwa l-pajjiż bl-akbar għadd ta' eżekuzzjonijiet wara ċ-Ċina, u dan l-għadd żdied erba' darbiet mindu l-President Mahmoud Ahmedinejad ħa l-poter fl-2005, u billi l-Iran jispikka bħala l-uniku pajjiż fid-dinja li għadu joqtol lil minorenni li jkunu wettqu reat; billi tal-anqas 140 tifel qed jistennew li jingħataw il-piena tal-mewt fl-Iran, skont rapporti minn avukati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

C.   billi fil-11 ta' Ottubru 2009 Behnoud Shojaee ġie mgħallaq minkejja talbiet qawwija nazzjonali u internazzjonali biex ma jinqatilx, u huwa t-tielet minorenni li nqatel fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran mill-bidu tal-2009 wara Delara Darabi u Molla Gol Hassan, u billi l-minorenni Safar Angooti u Abbas Hosseini qed jiffaċċjaw ir-riskju imminenti ta' eżekuzzjoni,

D.   billi t-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri, in-nuqqas ta' rqad, il-priġunerija f'ċelel waħidhom, id-detenzjoni klandestina, l-applikazzjoni ta' kastigi krudili, inumani u degradanti u l-impunità tal-aġenti tal-istat għadhom jintużaw ferm,

E.   billi żdiedet ir-ripressjoni vjolenti tal-oppożizzjoni politika, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, il-bloggisti, l-għalliema, l-intellettwali, l-akkademiċi, l-omosesswali, in-nisa, l-istudenti, it-trejdunjonisti u l-membri ta' minoranzi reliġjużi, etniċi u lingwistiċi,

F.   billi seba' mexxejja tal-fidi Baha'i għadhom il-ħabs, u qed jinżammu biss abbażi tat-twemmin reliġjuż tagħhom,

G.   billi fl-4 ta' Awwissu 2009 l-President Mahmoud Ahmadinejad irċieva approvazzjoni formali għat-tieni leġiżlatura, wara li kien iddikjarat ir-rebbieħ tal-elezzjonijiet tat-12 ta' Ġunju 2009, filwaqt li r-rivali elettorali tiegħu Mir-Hossein Mousavi u Mehdi Karrubi, kif ukoll diversi osservaturi, akkużaw lill-awtoritajiet b'falsifikazzjoni fuq skala kbira tar-riżultati elettorali,

H.   billi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin għexieren ta' eluf ta' dimostranti ħarġu fit-toroq; billi madwar 150 ruħ mietu u aktar minn elf dimostrant kienu arrestati,

I.   billi għadhom għaddejjin ġurijiet tal-massa għal madwar 140 partitarju tal-oppożizzjoni, inklużi riformisti prominenti, u attivisti akkużati b'reati li jvarjaw mill-irvelli għall-ispjunaġġ, u għat-tentattiv li jwaqqgħu l-gvern,

J.   billi erba' individwi ngħataw sentenza ta' mewt b'rabta mal-protesti minkejja li ilhom il-ħabs minn April, ħafna żmien qabel ma saret id-dimostrazzjoni postelettorali,

K.   billi skont rapporti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bosta ġurnalisti, fotografi u bloggisti telqu mill-Iran jew qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż, eluf tilfu xogħolhom, diversi gazzetti ngħalqu mill-awtoritajiet fil-ġimgħat riċenti, u hemm rapporti li 19-il ġurnalist u ħames bloggisti għadhom miżmuma mill-awtoritajiet Iranjani,

1.  Jesprimi dubji serji dwar l-eżattezza tar-riżultati elettorali li wasslu għall-konferma tal-President Mahmoud Ahmadinejad għat-tieni leġiżlatura, minkejja indikazzjonijiet qawwija ta' frodi elettorali fuq skala kbira, u jikkunsidra li l-kredibilità tal-President Iranjan iddgħajfet ferm;

2.  Irodd ħajr lill-kuraġġ ta' dawk l-irġiel u n-nisa Iranjani kollha li qed jiddefendu l-libertajiet bażiċi u l-prinċipji demokratiċi tagħhom u li qed jesprimu x-xewqa tagħhom li jgħixu f'soċjetà ħielsa mir-ripressjoni u l-intimidazzjoni; irodd ħajr speċjali lin-nisa Iranjani li kellhom sehem kruċjali fid-dimostrazzjonijiet postelettorali f'Ġunju, u b'mod partikulari lil Neda Agha Soltan, li saret is-simbolu tar-ripressjoni vjolenti, kif ukoll lil Shadi Sadr, l-attivista favur id-drittijiet tal-bniedem, li kienet arrestatat fil-15 ta' Lulju 2009 talli tkellmet pubblikament dwar il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-ħabsijiet li twettqu fuq il-priġunieri wara l-elezzjonijiet presidenzjali miġġielda tal-Iran;

3.  Jikkundanna l-użu fuq skala kbira u eċċessiv tal-forza, l-arresti arbitrarji u mid-dehra anke t-tortura fir-ripressjoni tal-protesti dwar l-elezzjonijiet presidenzjali miġġielda tal-Iran; jistieden lill-Gvern Iranjan biex jirrispetta d-drittijiet fundamentali politiċi u ċivili u b'mod partikulari d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u jitlob b'insistenza li d-dimostranti paċifiċi kollha u kull min kien arrestat fil-kuntest usa' tal-inkwiet riċenti - kemm jekk kienu studenti, akkademiċi, persuni li ħadu sehem f'kampanji, ġurnalisti jew attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem - jinħelsu bla kundizzjonijiet;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtu aċċess lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar għall-priġunieri kollha bla eċċezzjoni, u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jimmoniterjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta" tortura u trattament jew kastig krudil, inuman u degradanti, u biex isostnu l-proċess xieraq tal-liġi u jtemmu l-impunità għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jikkundanna l-attakk suwiċida li seħħ fil-provinċja ta' Sistan-Baluchestan fis-17 ta' Ottubru 2009, li fih mietu jew weġġgħu għexieren ta' nies; huwa preokkupat li dan l-attakk suwiċida jista' jkun marbut mar-ripressjoni ta' minoranzi etniċi u reliġjużi f'din il-provinċja; jirrifjuta l-fatt li t-terroriżmu jintuża bħala mezz sabiex jinstab tarf tat-tilwim politiku;

7.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Iranjani biex jonoraw l-obbligu tal-gvern li jirrispetta l-minoranzi reliġjużi u jeħles minnufih lill-mexxejja tal-fidi Baha'i Fariba Kamalabadi, Jamaloddin Khanjani, Afif Naeimi, Saeid Rasaie, Mahvash Sabet, Behrouz Tavakkoli u Vahid Tizfahm;

8.  Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Iranjani biex jabolixxu għalkollox il-piena tal-mewt u, sadattant, biex jistabbilixxu moratorju fuq l-esekuzzjonijiet, kif mitlub mir-riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

9.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, partikolarment dawk imponuti jew imwettqa fuq minorenni, u jipprotesta bil-qawwa kontra l-eżekuzzjoni ta' Behnoud Shojaee fl-Iran fil-11 ta' Ottubru 2009; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali rikonoxxuti internazzjonalment fir-rigward tal-minorenni, bħall-ICCPR u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u. b'mod partikolari, biex ma joqtlux lil Safar Angooti u lil Abbas Hosseini;

10.  Jirrakkomanda li jintbagħat Rappreżentant Speċjali mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jimmoniterja s-sitwazzjoni tad-detenuti politiċi u biex jiżgura li l-awtoritajiet Iranjani jaderixxu mal-istandards ta' proċedura internazzjonali u mal-obbligi legali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jiddeplora r-restrizzjoni sistematika tal-libertà tal-informazzjoni permezz tal-imblukkar tal-websajts, filwaqt li ma jitħallewx isegwu dimostrazzjoniiet mhux awtorizzati, u bl-implimentazzjoni ta' restrizzjonijiet ġodda li jirrikjedu li l-ġurnalisti jingħataw permess qabel ma jirrappurataw dwar xi fatti;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu l-prosekuzzjoni ta' ġurnalisti li jaħdmu għall-midja internazzjoanli, u jitlob, b'mod partikulari, il-ħelsien immedjat ta' Fariba Pajooh, ġurnalista żagħżugħa Iranjana-Kanadiża u bloggista magħrufa sew, li kienet arrestata f'darha f'Tehran fl-24 ta' Awwissu 2009;

13.  Jikkundanna l-fatt li l-attivist favur id-drittijiet tal-bniedem Abdolfattah Soltani, fit-2 ta' Ottubru 2009, ma tħalliex jivvjaġġa minn Tehran għal Nuremberg, fil-Ġermanja sabiex jirċievi il-Premju tal-belt għad-Drittijiet tal-Bniedem;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi delegazzjoni tal-UE f'Tehran sabiex tippromwovi u ssaħħaħ id-djalogu mal-awtoritajiet u mas-soċjetà ċivili fl-Iran, u biex tintensifika l-koperazzjoni, b'mod partikulari fir-rigward tal-għajnuna lir-rifuġjati u tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Republika Iżlamika tal-Iran.

Avviż legali - Politika tal-privatezza