Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2534(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0155/2009

Testi mressqa :

B7-0155/2009

Dibattiti :

PV 24/11/2009 - 9
CRE 24/11/2009 - 9

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2009 - 7.6
CRE 25/11/2009 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0090

Testi adottati
PDF 594kWORD 281k
L-Erbgħa, 25 ta' Novembru 2009 - Strasburgu
Programm multi-annwali 2010 - 2014 dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma
P7_TA(2009)0090B7-0155/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu li jittrattaw żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ("l-AFSJ") u l-qafas legali l-ġdid tagħha għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u t-tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona, il-Protokoll Nru 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU) kif imdaħħal mit-Trattat ta' Lisbona, dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ("l-ECHR"), u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"), li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 Ġunju 2009 intitolata "Żona ta" libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini" (COM (2009)0262), li tispjega l-prijoritajiet tagħha fl-AFSJ għall-2010-2014, flimkien mal-valutazzjoni tagħha tal-Programm tal-Aja u Pjan ta' Azzjoni (COM (2009)0263) u t-tabella ta' implimentazzjoni assoċjata (SEC (2009)0765), kif ukoll il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-parlamenti nazzjonali, mis-soċjetà ċivili u mill-aġenziji u l-entitajiet,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' dokument tal-Presidenza tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2009 intitolat 'Il-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz taċ-ċittadin' (14449/09),

–   wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern kif ukoll il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali skont l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Amsterdam, l-AFSJ kien objettiv essenzjali tal-Unjoni Ewropea; billi huwa essenzjali li wieħed jirritorna għall-ispirtu oriġinali tal-Programm ta' Tampere, li jħaddan aspetti tal-liġi kriminali u ċivili, u li jiffoka fuq l-istat ta' dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

B.   billi l-globalizzazzjoni ma taffettwax biss lis-settur finanzjarju iżda qed taffettwa dejjem aktar lill-AFSJ; billi teħtieġ approċċ politiku aktar olistiku flimkien ma' miżuri sabiex ikunu ttrattati l-kwistjonijiet urġenti tal-migrazzjoni u l-ażil, u tirrikjedi b'mod partikolari skambji u koperazzjoni aktar mill-qrib bejn dawk involuti fil-politiki tal-ġustizzja u l-intern, l-iżvilupp, il-kummerċ internazzjonali u l-affarijiet soċjali,

C.   billi t-Trattat ta" Lisbona, li ġie approvat dan l-aħħar b'votazzjoni parlamentari jew bi proċedura ta' referendum, se jagħti sura ġdida lill-bażijiet, l-objettivi u l-metodi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-politiki relatati mal-AFSJ,

D.   billi d-drittijiet u r-rwol istituzzjonali mogħti għall-ewwel darba lill-parlamenti nazzjonali mit-Trattat ta" Lisbona se jkollu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp u l-funzjonament tal-AFSJ b'mod partikolari, mhux l-inqas għaliex se jipprovdi garanzija akbar ta" rispett lejn il-prinċipju ta" sussidjarjetà,

E.   billi, f'ħafna oqsma tal-politika tal-ġustizzja u l-intern, soluzzjonijiet nazzjonali m'għadhomx xierqa u għaldaqstant jeħtieġ li jinħolqu reazzjonijiet Ewropej għall-isfidi internazzjonali tal-migrazzjoni, is-sigurtà u t-teknoloġija, inkluża t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,

F.   billi t-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni tal-UE hija waħda mill-ikbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea,

G.   billi ċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fl-Unjoni permezz tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri huma rappreżentati fil-Kunsill mill-gvernijiet rispettivi tagħhom, li huma stess huma responsabbli demokratikament lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom; billi, konsegwentement, il-parlamentarizzazzjoni meħtieġa tal-Unjoni Ewropea trid tiddependi, min-naħa l-waħda, fuq it-twessigħ tas-setgħat tal-Parlament Ewropew vis-à-vis it-teħid ta' deċiżjonijiet kollu tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, fuq kontroll akbar tal-gvernijiet nazzjonali mill-parlamenti rispettivi tagħhom,

H.   billi miżuri konġunti jridu jinżammu fil-qasam ta' kompetenza tal-Komunità, u billi strateġiji Ewropej għandhom ikunu adottati biss meta x'aktarx li jirnexxu aktar minn azzjonijiet nazzjonali,

I.   billi d-drittijiet u d-drittijiet ta' protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment il-protezzjoni tad-data, jridu jitħarsu u billi l-politika tal-ġustizzja komuni u tal-intern trid tibqa' soġġetta għas-superviżjoni parlamentari,

J.   billi t-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv għandu jkollha l-akbar importanza u ċ-ċittadini u l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jsegwu u jimmoniterjaw id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mal-AFSJ,

K.   billi l-adeżjoni tal-Unjoni għall-ECHR u l-libertajiet fundamentali, prevista mit-Trattat ta' Lisbona, mhux se taffettwa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni bbażata fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u se tikkostitwixxi element prezzjuż ta' protezzjoni supplimentari, filwaqt li jżomm f'moħħu li għandha tiġi stabbilita distinzjoni ċara tal-kompetenzi bejn il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja,

L.   billi jeħtieġ, fl-interess tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-frodi u l-korruzzjoni b'mod qawwi u propizju, kif ukoll tal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija, li l-Europol u l-Eurojust ikunu involuti b'mod aktar sistematiku fl-investigazzjonijiet, li jinħoloq uffiċċju ta' Prosekutur Ewropew, u li jinkisbu riżultati effettivi u li jitkejlu, u billi ċ-ċittadini tal-UE jridu li l-UE jkollha rwol akbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

M.   billi fil-qasam tal-ġustizzja ċivili l-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin iridu jirriflettu l-bżonnijiet espressi minn ċittadini individwali u n-negozju,

N.   billi r-rikonoxximent reċiproku, bħala l-pedament tal-AFSJ, jirrikjedi fiduċja reċiproka fis-sistemi ġuridiċi ta' pajjiżi oħra, u billi dawk il-valuri jistgħu jkunu żgurati biss permezz ta' għarfien u fehim reċiproċi, biex b'hekk tinħoloq kultura ġudizzjarja Ewropea,

O.   billi l-qasam ġudizzjarju Ewropew għandu jkun mibni fuq kultura ġudizzjarja Ewropea fost il-prattikanti, il-ġudikatura u l-prosekuturi li ma jkunx biss ibbażat fuq il-liġi Komunitarja imma żviluppat permezz ta' għarfien u fehim reċiproċi tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, reviżjoni bl-għeruq u x-xniexel tal-kurrikula tal-università, skambji, żjarat ta' studju u taħriġ komuni bl-appoġġ attiv tan-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea,

P.   billi l-fiduċja reċiproka tiddependi wkoll minn evalwazzjoni kontinwa tal-effikaċja u r-riżultati tad-diversi sistemi nazzjonali, imwettqa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew; billi f'dan ir-rigward trid issir referenza għall-ħidma ta' siwi kbir tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja fil-Kunsill tal-Ewropa,

Q.   billi n-netwerks Ewropej fid-diversi setturi tas-sistema ġudizzjarja (in-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju, in-Netwerk Ewropew ta' Kunsilli għall-Ġudikatura, in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Supremi tal-Unjoni Ewropea, in-netwerk Ewroġustizzja tal-Prosekuturi Ġenerali Ewropej, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u netwerks ta' prattikanti) irid ikollhom rwol attiv fit-twettiq ulterjuri ta' kultura ġudizzjarja Ewropea, u wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 1991 dwar it-twaqqif ta' Akkademja tal-Liġi Ewropea(1), il-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' Settembru 2002 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni li twaqqaf netwerk Ewropew għat-taħriġ ġudizzjarju(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ir-rwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea(3) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta' żona ta' ġustizzja kriminali Ewropea(4),

R.   billi l-kriminalità ċibernetika kienet qed tiżdied b'mod sinifikanti fis-snin li għaddew, u wasslet għal sfidi ġudizzjarji aktar kumplessi u tefgħet piż fuq il-kapaċitajiet tal-qrati; billi, abbażi ta' dawn l-iżviluppi, jeħtieġ li jkun eżaminat it-twaqqif ta' Qorti Ewropea għal Kwistjonijiet Ċibernetiċi li tispeċjalizza fi kwistjonijiet marbuta mal-kriminalità ċibernetika,

Lejn AFSJ prevista mit-Trattat ta' Lisbona

1.  Jinnota li l-programm pluriennali ġdid fl-AFSJ aktarx jiġi adottat u implimentat taħt il-qafas legali l-ġdid definit mit-Trattat ta' Lisbona, b'tali mod li diġà jinkorpora l-innovazzjonijiet kollha li hemm fih, skond liema:

   il-koperazzjoni ta' Schengen, li tħaddan fiha l-libertà ta' moviment ta' persuni fl-UE, ikkonfermata bħala l-qalba tal-AFSJ u ż-żona ta' Schengen għandha titkabbar iżjed;
   il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali ta' kull persuna u l-bini ta' Ewropa tad-drittijiet, tal-ġustizzja, tas-solidarjetà u tad-diversità, huma n-nukleu ta' valuri li ma jinqasamx tal-politiki Ewropej;dawn qegħdin fuq nett fl-aġenda Ewropea,, u l-istituzzjonijiet tal-UE jiġu msejħa biex jirrispettaw il-prinċipju tad- drittijiet ugwali għall-persuni kollha;
   il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet se jissaħħaħ bl-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kollu taħt is-superviżjoni ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja;
   salvagwardji addizzjonali se jiżguraw rispett kbir tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità fl-AFSJ billi jiżguraw li għadd ta' parlamenti nazzjonali jista" jagħti bidu għal "proċedura ta' twissija" kif ukoll billi jikkonferixxi fuq Stat Membru wieħed id-dritt li jagħmel użu minn "brejk ta' emerġenza" meta jqis li abbozz ta' strument legali fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali jista' jaffettwa elementi essenzjali tal-ordni nazzjonali interna tiegħu; l-użu tal-"brejk ta' emerġenza" normalment iwassal għal koperazzjoni msaħħa bejn grupp ewlieni ta' Stati li jixtiequ jintegraw il-politiki tagħhom;

2.  Josserva li l-azzjoni tal-UE ssir aktar kredibbli billi tkun imsejsa fuq qafas legali ġdid jew imsawwar mill-ġdid, inklużi dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta' minoranzi nazzjonali, dispożizzjonijiet ġodda għall-prevenzjoni ta' kull forma ta' inugwaljanza, speċjalment bejn l-irġiel u n-nisa (Artikolu 8 TFUE) jew kull forma ta' diskriminazzjoni (Artikolu 10 TFUE), dispożizzjonijiet li jippromwovu t-trasparenza fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE (Artikolu 15 TFUE), dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tad-data personali mill-abbużi ta' entitajiet pubbliċi jew privati (Artikolu 16 TFUE), dwar il-protezzjoni konsulari u diplomatika (Artikolu 23 TFUE), dwar politiki komuni fl-oqsma tal-ażil u l-immigrazzjoni (Artikolu 77 et seq. TFUE), dwar it-titjib tal-integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi (Artikolu 79(4) TFUE), u dwar it-titjib tal-amministrazzjoni tajba (Artikolu 298 TFUE);

3.  Jenfasizza l-importanza tal-estensjoni mingħajr restrizzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm għat-teħid ta" deċiżjonijiet preliminari dwar kwalunkwe kwistjoni relattiva għall-AFSJ u kemm biex tippermetti lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur(5);

4.  Jiġbed l-attenzjoni li l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u l-impriżi fl-AFSJ kollha tal-Ewropa jsir iktar ikkumplikat u anqas trasparenti bl-eżistenza ta' derogi nazzjonali, u li għaldaqstant, fl-interess tal-ekwità, il-koerenza u s-sempliċità, dawn għandhom ikunu evitati kull meta jkun possibbli;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni mit-Trattat ta' Lisbona tal-proċedura ta' kodeċiżjoni bħala proċedura leġiżlattiva ordinarja fl-oqsma tal-AFSJ fejn ma kinitx ġiet applikata sal-lum, biex b'hekk ikun żgurat li d-diversi aspetti tal-politika Ewropea tal-ġustizzja u l-intern, u diversi miżuri li jittieħdu skont din il-politika, jaqgħu taħt superviżjoni parlamentari; iqis li l-involviment tal-Parlament Ewropew fir-ratifika tal-ftehimiet internazzjonali mhuwiex ħlief il-kompletament neċessarju għall-kompetenzi li se jingħatawlha fil-livell intern, partikolarment fil-kwistjonijiet koperti mit-tielet pilastru attwali;

6.  Iqis li l-prinċipju ta" solidarjetà bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, jieħu sinifikat partikolari fl-AFSJ u għandu jiġi ttrasformat f'solidarjetà attiva, obbligatorja, b'mod partikolari fil-każ ta" kontroll tal-fruntieri, l-immigrazzjoni, il-protezzjoni ċivili u l-klawsola ta" solidarjetà;

7.  Jenfasizza li l-UE għandha għeruqha mħawla fil-prinċipju tal-libertà; jirrimarka li bħala appoġġ għal dik il-libertà, is-sigurtà għandha tiġi segwita permezz tal-istat tad-dritt u tkun soġġetta għall-obbligi tad-drittijiet fundamentali; jistqarr li l-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertà għandu jiġi kkunsidrat minn din il-perspettiva;

Programm pluriennali aktar koerenti, trasparenti u demokratiku

8.  Iqis li l-Programm ta' Stokkolma għandu b'mod partikolari:

   jindirizza l-problemi tal-migrazzjoni b'solidarjetà;
   jilħaq bilanċ aħjar bejn is-sigurtà taċ-ċittadini (eż. protezzjoni tal-fruntieri esterni, prosekuzzjoni ta' kriminalità transkonfinali) u l-protezzjoni tad-drittijiet individwali tagħhom;
   jipprovdi liċ-ċittadini b'aċċess xieraq għall-ġustizzja; u
   isib tarf tal-problemi prattiċi li ċ-ċittadini jiffaċċjaw fl-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet suġġetti għal ordinamenti ġuridiċi differenti;

9.  Iqis li, fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm, objettiv ta' prijorità għandu jkun li jassigura, fi spirtu ta' koperazzjoni leali, li ċ-ċittadini jibbenefikaw minn protezzjoni indaqs tad-drittijiet fundamentali tagħhom kull fejn dawn ikunu, kemm jekk jiffaċċjaw il-poter pubbliku eżerċitat mill-Unjoni, inkluż mill-aġenziji u l-entitajiet oħra kif ukoll mill-Istati Membri, u li ħadd ma għandu jsofri żvantaġġi fl-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali tiegħu mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni skont it-tradizzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt komuni għall-Istati Membri;

Koperazzjoni interparlamentari

10.  Jirrimarka li fil-qafas legali u istituzzjonali ġdid maħluq mit-Trattat ta' Lisbona aktar azzjoni fl-AFSJ tista" tiġi żviluppata biss billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili jiġu assoċjati b'mod xieraq, bil-ħsieb li jinbena dibattitu miftuħ u kontinwu;

11.  Jitlob għal proċess ta" leġiżlazzjoni aktar trasparenti fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, u jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li se jippermetti l-usa' applikazzjoni tad-dritt tal-aċċess għal dokumenti u informazzjoni fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment f'każijiet fejn proposta tista' taffettwa d-drittijiet tal-individwu u taċ-ċittadin, irrispettivament jekk l-inizjattiva tiġix sottomessa mill-Kummissjoni jew minn grupp ta' Stati Membri;

12.  Iħabbar – fl-interess tal-illeġiżlar trasparenti f'livell internazzjonali fejn il-Kummissjoni ggwadanjat kompetenza Komunitarja filwaqt li l-Parlament tħalla biss bid-dritt tal-kunsens, kif jidher b'mod partikulari mill-iżviluppi b'rabta mal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata – li impenja ruħu li jsegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata; jimpenja ruħu li jappoġġja l-ħolqien ta' Forum Parlamentari, miftuħ għal Membri tal-PE u għal membri tal-parlamenti nazzjonali li jkunu interessati, bil-għan li jipprovdi mezz sabiex id-deputati jkunu mgħarrfa dwar l-iżviluppi fil-Konferenza u dwar il-ħidmiet u l-kisbiet tagħha u li jippermetti li jsir dibattitu f'forum pubbliku dwar id-diversi kwistjonijiet;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien permezz tat-Trattat ta' Lisbona ta' qafas għall-evalwazzjoni tal-politiki AFSJ u jitlob li titwaqqaf sistema ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni konkreta, speċjalment fil-qasam tal-ġustizzja, li tiffoka fuq il-kwalità, l-effiċjenza u l-ekwità tal-istrumenti legali eżistenti, tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li tinvolvi mill-qrib il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; għalhekk:

   · jinnota li attwalment hemm bosta sistemi ta' evalwazzjoni fl-AFSJ u li dawn jeħtieġ jiġu kkonsolidati f'qafas wieħed u koerenti, li jkopri l-aspetti kollha mill-evalwazzjonijiet ex-ante sal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni,
   · iqis li l-evalwazzjonijiet imwettqa minn entitajiet differenti tal-UE għandhom ikunu kkoordinati aħjar,
   · jitlob għall-ħolqien ta' sistema ta' evalwazzjoni ġenerali li tagħti lill-Parlament u lill-parlamenti nazzjonali aċċess għall-informazzjoni relatata mal-politiki (Artikolu 70 TFUE) u l-attivitajiet tal-kumitat għas-sigurtà interna (Artikolu 71 TFUE) kif ukoll tal-EUROPOL (Artikolu 88 TFUE) u tal-Eurojust (Artikolu 85 TFUE), flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (Frontex), l-Uffiċju Ewropew għas-Sostenn tal-Ażil (EASO) u s-sistema ta' Schengen; iqis li f'dan il-qafas, il-Parlament għandu jingħata d-dritt li jressaq opinjoni vinkolanti dwar il-ħatra tad-Diretturi tal-Aġenziji (ladarba l-Parlament huwa wkoll l-Awtorità tal-Baġit);
   · iqis ukoll li, sabiex tkun ikkuntestwalizzata l-koperazzjoni tal-Parlament mal-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-AFSJ, ta' min joħloq forum permanenti ta' rappreżentanti fuq livell politiku (tnejn minn kull Kamra + żewġ sostituti) li jiltaqa' darbtejn fis-sena u jaqsam spazju ta' xogħol komuni fejn l-informazzjoni kollha li tittratta l-AFSJ, anke dik ta' natura ristretta, tista' tkun ikkomunikata b'mod immedjat); iqis ukoll li r-rappreżentanti tal-Parlamenti nazzjonali għandhom jitħallew jattendu l-proċedimenti tal-Parlament fil-livell ta' kumitat kif ukoll id-dibattitu annwali tal-Parlament dwar il-progress tal-AFSJ;

14.  Iqis li għandha tingħata prijorità lit-tnaqqis tad-distakk wiesa' bejn ir-regoli u l-politiki approvati fil-livell Ewropew u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali;

15.  Jitlob li evalwazzjoni perjodika tar-riżultati miksuba fi ħdan il-programm pluriennali tkun is-suġġett ta' dibattitu annwali fil-Parlament Ewropew, li għandu jinvolvi s-soċjetà ċivili u jiffoka fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE u li għandu jkun ibbażat fuq rapporti mill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) kif ukoll fuq evalwazzjonijiet u studji minn esperti indipendenti, input mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament;

Ewropa tad-drittijiet

16.  Iqis li l-protezzjoni effettiva u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali jiffurmaw il-bażi tad-demokrazija fl-Ewropa u huma prerekwiżiti għall-konsolidazzjoni tal-AFSJ; għalhekk jemmen bis-sħiħ li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ir-responsabilità li jipproponu b'mod attiv miżuri li jippromwovu d-drittijiet fundamentali;

17.  Ifakkar ukoll li l-Unjoni qed taderixxi għall-ECHR, u li, konsegwentement, in-negozjati bil-ħsieb ta' adeżjoni tal-Unjoni mal-ECHR għandhom jibdew immedjatament;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa aktar il-ftehima interistituzzjonali fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona u l-konsegwenzi tar-rabta bejn l-ECHR, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istituzzjonijiet tal-UE;

19.  Jitlob proposta ċara u komprensiva dwar id-drittijiet li għandhom ikunu żgurati lill-konvenuti sabiex ikun aċċertat li huma jkollhom ġuri ġust, u jirrifjuta l-approċċ inkrimentali li qed jiġi adottat bħalissa;

20.  Ifakkar li, mat-Trattat ta' Lisbona, il-Karta se ssir vinkolanti b'parità mat-Trattati u kompletament applikabbli għall-miżuri kollha meħuda fil-qasam tal-AFSJ, u li l-konformità se tiġi kkontrollata mill-Qorti tal-Ġustizzja; jiddeplora, madankollu, l-introduzzjoni tal-protokoll li jillimita l-effett tal-Karta fuq il-liġi domestika ta' żewġ Stati Membri u jtenni t-tħassib tiegħu dwar l-inugwaljanza li dan jista' jipproduċi fost in-nies;

21.  Jitlob li jkun hemm reviżjoni bir-reqqa u imparzjali tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-effettività tal-miżuri eżistenti fil-qasam tal-libertà u l-ġustizzja, inkluż l-impatt tagħhom fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri u l-prinċipji tal-UE u tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jitlob għal evalwazzjoni tal-impatt fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE għal kull politika, programm u proposta leġiżlattiva ġdida, u li din l-evalwazzjoni għandha tiddikjara b'mod ċar liema drittijiet fundamentali jistgħu jiġu effettwati u liema miżuri huma maħsuba biex jissalvagwardjawhom skont il-prinċipji ta' proporzjonalità u neċessità; iqis li l-FRAgħandha tiġi kkonsultata matul iċ-ċiklu politiku tal-proposti leġiżlattivi li għandhom implikazzjonijiet għad-dritttijiet fundamentali u tal-bniedem; u jitlob lill-Kummissjoni biex toħroġ risposta formali għal kull wieħed mir-rapporti tal-FRA, li tkun tinkludi lista ta' azzjonijiet proposti li jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma mill-FRA;

22.  Jitlob li l-promozzjoni tal-valuri tal-UE, li jinkludu r-razzjonalizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, titnaqqax b'mod permanenti bħala għan fundamentali tal-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, u tad-dimensjoni esterna kollha tal-AFSJ, b'mod speċjali fid-dawl tal-għodod il-ġodda pprovduti għal dan il-għan mit-Trattat ta' Liżbona; jirrikonoxxi l-importanza ta' politika interna xierqa u konsistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex tinkiseb u tinżamm il-kredibilità esterna meħtieġa;

23.  Iqis il-piena kapitali bħala kastig krudil, inuman u degradanti, u jħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha sabiex jaħdmu kemm jifilħu għall-abolizzjoni tagħha fil-pajjiżi kollha tad-dinja;

24.  Jitlob li d-dimensjoni esterna tal-politiki tal-AFSJ tirrispetta, tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jħeġġeġ biex il-koperazzjoni internazzjonali tkun ibbażata fuq dawn il-valuri, biex it-tortura ma tkunx ittollerata, biex il-konsenji straordinarji jiġu definittivament abbandunati u biex issir inkjesta xierqa dwar dawn il-prattiki sabiex jiġi żgurat li ma jkomplux isiru fil-ġejjieni;

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni

25.  Jitlob li tittieħed azzjoni bis-sħiħ biex iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jiġu infurmati dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom, inklużi kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza maħsuba għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għal gruppi vulnerabbli, inizjattivi edukattivi mhux formali u l-integrazzjoni tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u tal-ugwaljanza fil-kurrikuli tal-edukazzjoni formali, kif ukoll sabiex l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri attivi fl-AFSJ isiru aktar konxji mill-importanza kruċjali tad-drittijiet fundamentali, u biex jiġu identifikati modi ta' kif jinstab rimedju, fil-livell nazzjonali jew dak Ewropew, f'każijiet fejn dawn id-drittijiet jiġu miksura;

26.  Jisħaq li l-intolleranza li kulma jmur qiegħda tikber fl-UE jeħtieġ li tiġi ttrattata mhux biss bl-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28. Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(6), imma wkoll b'aktar leġiżlazzjoni f'livell Ewropew dwar ir-reati tal-mibegħda;

27.   iqis li d-diversità ssaħħaħ l-Unjoni u li l-Unjoni għandha tkun ambjent sikur fejn id-differenzi u s-sensittivitajiet nazzjonali huma rispettati u fejn l-aktar vulnerabbli, bħar-Roma, ikunu protetti; għalhekk jinsisti li prijorità tal-Programm ta' Stokkolma għandha tkun li żżid attivament il-livell ta' kuxjenza dwar leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar, id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, orjentazzjoni sesswali, età, diżabilità, affiljazzjoni reliġjuża jew twemmin reliġjuż kulur, dixxendenza, nazzjonalità jew oriġini etnika, razziżmu, anti-Semitiżmu, ksenofobija u omofobija kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal u l-minoranzi; iqis li l-użu sħiħ tal-istrumenti eżistenti u l-miżuri li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa għandhom isiru b'determinazzjoni u jiġu applikati; jistieden għalhekk, lill-Presidenza Spanjola u l-Presidenzi li jsegwu biex iwettqu progress matul il-mandat tagħhhom, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ordni Ewropea ta' protezzjoni sabiex jiġi żgurat li l-vittmi ta' dawn il-krimini jgawdu l-istess livell ta' protezzjoni fl-Istati Membri kollha;

28.  Ifakkar li, mill-perspettiva ta' ċittadin ordinarju, waħda mill-akbar theddidiet għas-sigurtà interna hija l-esklużjoni soċjali; jirrimarka li l-qgħad u problemi oħra finanzjarji, bħalma hu d-dejn eżaġerat, aggravat minħabba l-kriżi finanzjarja globali, iżidu r-riskju ta' esklużjoni u li l-minoranzi etniċi huma estensivament vulnerabbli, għax huma wkoll jiffaċċjaw ir-riskju li jispiċċaw vittmi ta' diskriminazzjoni u ta' krimini b'motivazzjoni razzista;

29.  Jitlob għall-ġbir u l-kumpilazzjoni mill-FRA ta' statistika affidabbli u komparabbli dwar ir-raġunijiet kollha għad-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni kontra minoranzi nazzjonali, u għat-trattament ugwali ta' dawn ir-raġunijiet differenti, inkluża d-dejta komparativa dwar il-vjolenza kontra n-nisa fl-UE, u l-pubblikazzjoni tagħha f'forma li tista" tinftiehem malajr, u jaqbel mal-idea tat-Tliet Presidenzi tal-Kunsill (Spanjola, Belġjana u Ungeriża) li għandha ssir reviżjoni possibbli tal-mandat tal-FRA kemm jista' jkun malajr u li din ir-reviżjoni toffri opportunità biex tikber il-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u l-ambitu għall-kunsiderazzjoni tal-estensjoni possibbli tal-mandat tal-FRA, li attwalment jirrikjedih li jeżamina s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea;

30.  Jerġa' jafferma li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex ir-Roma jiġu integrati bis-sħiħ fis-soċjetà billi jmexxu 'l quddiem l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema skolastika u fis-suq tax-xogħol u billi jiġġieldu l-vjolenza li tista' ssir fuqhom;

31.  Jenfasizza li filwaqt li l-liġi u min ifassal il-politiki fl-UE adottaw ġabra estensiva ta' liġijiet għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni multipla li jġarrbu n-nisa li jappartjenu għal xi minoranza, speċjalment in-nisa Roma, jidher li ma sar ebda progress sinifikanti; għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrevedu l-implimentazzjoni tal-politiki kollha marbuta mal-fenomenu tad-diskriminazzjoni multipla;

32.  Iqis li huwa essenzjali li l-UE tippreżenta direttiva u pjan ta' azzjoni Ewropew dwar il-vjolenza kontra n-nisa, bil-għan li jiżguraw il-prevenzjoni tal-vjolenza, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prosekuzzjoni ta' min iwettaq il-vjolenza; iqis li jeħtieġ li l-UE tistabbilixxi mekkaniżmi sabiex ikun żgurat li l-politiki kollha mfassla biex jevitaw u jikkumbattu t-traffikar tal-persuni jinkorporaw id-dimensjoni tal-ġeneru u l-analiżi ta" dan it-traffikar;

Drittijiet akbtar b'saħħithom marbuta maċ-ċittadinanza fl-Unjoni

33.  Jirrimarka li, bl-introduzzjoni tal-'inizjattiva taċ-ċittadini' fit-Trattat ta' Lisbona, iċ-ċittadini se jkollhom rwol dirett fl-eżerċitar tal-poter sovran tal-Unjoni billi jkunu, għall-ewwel darba, direttament involuti fit-tnedija ta' proposti leġiżlattivi Ewropej; jitlob bil-qawwa li dan l-istrument ġdid jiġi implimentat b'mod li verament jinkoraġġixxi lin-nies jużawh u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis kif jixraq l-inizjattivi kollha li jissodisfaw il-kriterji legali;

34.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni fit-Trattat ta' Lisbona għal inizjattiva taċ-ċittadini u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis kif jixraq ir-rwol tal-Parlament u d-dritt eżistenti ta' petizzjoni meta tippreżenta proposta għall-modalitajiet prattiċi għall-implimentazzjoni tagħha;

35.  Għandu l-intenzjoni jagħti bidu għal proposta ġdida għal riforma fondamentali tal-liġi li tirregola l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew; itenni l-pożizzjoni tiegħu li, sabiex jinkoraġġixxi liċ-ċittadini Ewropej jieħdu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej fil-post tar-residenza tagħhom li mhumiex ċittadini tiegħu, il-Kunsill, taħt arranġamenti li għandu jistabbilixxi, għandu jaġixxi biex jiffaċilita d-dritt tal-vot u d-dritt li joħroġ bħala kandidat;

36.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza fl-Unjoni, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta" moviment liberu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, u b'hekk ikunu jistgħu jivvjaġġaw, jaħdmu, jistudjaw, jirtiraw, jipparteċipaw fil-ħajja politika u demokratika kif ukoll ikollhom ħajja familjari mingħajr restrizzjoni f'kull parti tal-Unjoni, filwaqt li jiġu żgurat li jżommu d-dritt għall-benefiċċji soċjali kollha irrispettivament ta' fejn jgħixu; iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE ikunu jistgħu faċilment jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali;

37.  Jistieden lill-Istati Membri, mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-liġi tal-familja, sabiex jassiguraw il-libertà tal-moviment liċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom, inkluż ir-reġistrazzjoni ta' sħubijiet u ta" żwiġijiet, skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta" l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta" l-Istati Membri(7), filwaqt li jevitaw kull tip ta" diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi inkluż l-orjentazzjoni sesswali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw modi li bihom jista' jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE billi jgħinu lill-ċittadini tal-UE li jagħżlu li jagħmlu użu minn dan id-dritt biex jintegraw u jipparteċipaw fil-pajjiż ospitanti li jagħżlu li jemigraw lejh fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

39.  Iqis li l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet għandu jkun iggarantit lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u li ċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu kapaċi jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet speċifiċi tagħhom, anke barra l-Unjoni; għalhekk jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni u tal-koperazzjoni tal-protezzjoni konsulari;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod ġust u konsistenti l-obbligu tagħhom li jiżguraw protezzjoni konsulari u diplomatika għaċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-implimentazzjoni ta' ftehim dwar l-ammont minimu ta' assistenza konsulari offruta liċ-ċittadini tal-UE barra t-territorju tal-Unjoni;

41.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtu prijorità lit-titjib tat-trasparenza u l-aċċess għal dokumenti, għaliex dawn huma essenzjali sabiex tintlaħaq UE orjentata lejn iċ-ċittadini;

42.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-referenza li saret fil-Programm ta' Stokkolma għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kunsill biex fil-Programm ta' Stokkolma jinkludi taqsima speċifika dwar il-miżuri xierqa meħtieġa sabiex jagħtu s-setgħa lin-nisa biex jipparteċipaw fil-kampanji elettorali u fil-ħajja politika b'mod ġenerali, bl-għan li jitnaqqas id-defiċit demokratiku li għadu jeżisti minħabba l-preżenza limitata tan-nisa fl-elezzjonijiet muniċipali, nazzjonali u Ewropej;

Il-migrazzjoni

43.  Iqis li kwalunkwe approċċ komprensiv lejn l-immigrazzjoni għandu qabel xejn iqis il-mottivi ('push factors)' li jwasslu lin-nies biex iħallu pajjiżhom, u li dan jeħtieġ pjanijiet ċari għall-iżvilupp u l-investiment fil-pajjiżi tal-oriġini u ta' tranżitu, b'mod partikulari permezz tat-tħaffif tat-trasferimenti ta' flus mill-migranti lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom jew permezz tad-dħul fis-seħħ ta' politiki kummerċjali u agrikoli li jmexxu 'l quddiem l-opportunitajiet ekonomiċi, kif ukoll permezz tal-iżvilupp tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp kontinwu ta' fondi adegwati u ta' Programmi Reġjonali ta' Protezzjoni, li jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (il-UNHCR) u l-pajjiżi terzi involuti;

45.  Iħeġġeġ biex il-politiki Komunitarji dwar l-integrazzjoni, l-immigrazzjoni u l-asil ikunu mibnija fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u fuq ECHR, sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem għal ċittadini ta' pajjiżi terzi u r-rispett sħiħ tal-prinċipju tan-non-refoulement; jirrimarka li l-politiki dwar l-imigrazzjoni u l-asil għandhom jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet tal-iżjed gruppi vulnerabbli, bħar-refuġjati u dawk li qed ifittxu l-asil, u b'mod partikulari tat-tfal u tat-tfal li ma jkunux akkumpanjati; jitlob li jiġi stabbilit qafas legali konsistenti u komprensiv li jħaffef il-migrazzjoni legali;

46.  Iħeġġeġ it-tfassil ta' politika dwar l-immigrazzjoni iżjed b'saħħitha li tkun konnessa mill-qrib ma' politiki Komunitarji oħrajn, b'mod speċjali mal-politika dwar l-impjiegi, sabiex tagħmel l-immigrazzjoni legali alternattiva għall-immigrazzjoni illegali u biex tkabbar kemm jista' jkun l-effett pożittiv kemm għall-Istati Membri u kemm għall-benessri tal-immigranti nfushom;

47.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi kkonsolidat l-approċċ globali tal-UE lejn il-migrazzjoni b'tali mod li joffri l-possibilità ta' modi ġodda ta' involviment fi djalogu u koperazzjoni politika ma' pajjiżi terzi, sabiex jittejbu l-flussi migratorji, jiġu evitati traġedji umanitarji;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb kompatibilità qawwija bejn il-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-politiki għall-iżvilupp, u biex isaħħaħ id-djalogu mal-pajjżi tal-oriġini u mal-pajjiżi ta' tranżitu, bil-ħsieb li tiġi evitata l-problema tal-migrazzjoni illegali; f'dan ir-rigward jisħaq li t-teħid ta' azzjoni konġunta effettiva kontra l-migrazzjoni illegali għandha tpoġġi lill-Istati Membri f'qagħda aħjar biex ifasslu dispożizzjonijiet dwar il-migrazzjoni legali;

L-ażil

49.  Jitlob li jsir żvilupp ulterjuri fis-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil sabiex titwaqqaf "Ewropa tal-Ażil" kif inhu previst fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil; iqis li proċedura komuni għandha tiżgura konsistenza ikbar u kwalità aħjar fid-deċiżjonijiet dwar l-ażil meħuda mill-Istati Membri, sabiex tingħalaq il-lakuna tal-protezzjoni fl-Ewropa;

50.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex iħarsu d-definizzjoni legali ta' refuġjat kif imnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istatus tar-Refuġjati;

51.  Iqis li, filwaqt li s-solidarjetà għandha tibqa' fil-qalba ta' politika komuni għall-immigrazzjoni u l-ażil, din għandha tinkludi wkoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri li jkunu konformi mal-obbligi internazzjonali rigward il-protezzjoni tar-refuġjati u ta' dawk li jfittxu l-ażil, u għalhekk għandha tiżgura li l-ebda Stat Membru ma jonqos milli jagħmel dan;

52.  Ifakkar li l-ażil hu dritt li għandu jkun garantit lill-persuni kollha li jaħarbu mill-konflitti u l-vjolenza; jikkundanna r-refoulement u t-tkeċċijiet kollettivi lejn pajjiżi fejn id-drittijiet tal-bniedem mhumiex rispettati jew pajjiżi li ma ffirmawx il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istatus tar-Refuġjati;

53.  Iħeġġeġ in-negozjati fuq proposti leġiżlattivi pendenti u futuri dwar strumenti Ewropej tal-ażil biex jinkiseb titjib fl-istandards u biex jiġu ttrattati l-lakuni li hemm fil-qafas legali eżistenti;

54.  Jitlob, apparti dan, li jkun hemm solidarjetà bejn l-Istati Membri fuq naħa, u dawk li qed ifittxu l-ażil u refuġjati oħrajn fuq l-oħra;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv u juru l-impenn sħiħ tagħhom favur mekkaniżmi ta' solidarjetà bħall-proġett pilota għar-riallokazzjoni interna tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali maħsuba mill-Kummissjoni, kif ukoll favur inizjattivi oħra li jwasslu għat-twaqqif ta' solidarjetà fit-tul bejn l-Istati Membri u l-promozzjoni ta' programmi ta' protezzjoni reġjonali; huwa tal-opinjoni, f'dan is-sens, li għandha tiġi adottata sistema trasparenti ta' evalwazzjoni tal-kapaċitajiet relattivi tal-lqugħ tal-Istati Membri u f'dan ir-rigward ir-rwol tal-EASO għandu jkun kjarifikat iżjed; abbażi ta' dan, jitlob għal dibattitu miftuħ dwar għażliet varji disponibbli bil-għan li jiġu stabbiliti mekkaniżmi tassattivi li jipprovdu solidarjetà effettiva, b'mod partikolari permezz ta' riallokazzjoni interna;

56.  F'dan ir-rigward jitlob għall-formalizzazzjoni f'waqtha tal-prinċipju tas-solidarjetà u tal-qsim ġust tar-responsabilità kif previst fl-Artikolu 80 tat-Trattat TFEU, li għandha tinvolvi sistema ta' "solidarjetà obbligatorja u irrevokabbli" flimkien ma' aktar koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u pajjiżi ġirien, biex tgħin fl-iżvilupp tas-sistemi tagħhom ta' protezzjoni u ażil b'mod li jiġu rispettatti d-drittijiet tal-bniedem u n-normi internazzjonali dwar il-protezzjoni, tiffissa aspettattivi realistiċi u li ma jxekkilx jew jipprova jissostitwixxi l-aċċess għall-protezzjoni fl-UE;

57.  Jemmen li approċċ ta' sħubija mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li jkollhom rwol attiv fl-immaniġġjar tal-flussi migratorji, biex tiġi mwaqqfa l-immigrazzjoni illegali billi l-migranti potenzjali jiġu infurmati dwar ir-riskji involuti u biex jitwaqqfu kampanji ta' informazzjoni effettivi dwar il-possibilitajiet tad-dħul u/jew xogħol legali fl-Istati Membri tal-UE;

58.  Jenfasizza li l-ftehimiet kollha ma' pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, bħat-Turkija u l-Libja, għandhom jinkludu kapitoli dwar il-koperazzjoni relatata mal-immigrazzjoni; iqisu l-qagħda tal-Istati Membri l-aktar esposti għall-flussi migratorji u jagħmlu enfasi fuq il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni rregolari u t-traffikar tal-bnedmin billi jiffaċilitaw il-ħidma ta' FRONTEX;

59.  Jitlob li jkun hemm aktar koperazzjoni għat-tisħiħ ta' miżuri biex jiżguraw ritorn effettiv u rapidu ta' migranti residenti illegalment li m'humiex fil-bżonn ta' protezzjoni, filwaqt li tingħata prijorità lir-ritorn volontarju;

60.  Jitlob għall-adozzjoni ta' miżuri li jindirizzaw l-ostakoli għall-eżerċizzju tad-dritt ta' riunifikazzjoni tal-familja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment fl-Istati Membri;

61.  Jenfasizza l-importanza li l-migranti jingħataw aċċess għall-ġustizzja, għall-akkomodazzjoni, għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa bi qbil ma', inter alia, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-membri tal-familji tagħhom;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti prattiċi għal azzjoni effettiva kontra l-abbuż tal-proċeduri tal-asil;

63.  Jinnota li migrazzjoni ċirkolari għandha tiġi promossa, iżda jfakkar li dan l-approċċ ma għandux iwassal għal dumping tal-pagi u dumping soċjali u ma għandux jinjora l-bżonn ta' miżuri ta' integrazzjoni;

Il-fruntieri u l-viżi

64.  Jitlob għall-adozzjoni ta' pjan komprensiv li jistabbilixxi l-għanijiet ġenerali u l-istruttura tal-istrateġija integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri, biex ġenwinament tiġi implimentata politika komuni dwar l-ażil, l-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni, skont l-Artikolu 67(2) tat-TFEU;

65.  Jitlob għal approċċ strateġiku fil-qasam tal-politika tal-għoti tal-viżi sabiex tinżamm il-koerenza tal-azzjonijiet, tar-regolamenti interni u tal-impenji esterni, inkluża s-salvagwarda tat-trattament ugwali tal-Istati Membri minn pajjiżi terzi;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tasal għall-konklużjonijiet xierqa mill-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-viżi u r-riammissjoni kif ukoll mill-ftehimiet bilaterali diġà fis-seħħ dwar it-traffiku fil-fruntieri lokali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġirien tal-Lvant tagħha fil-kuntest tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża fil-Balkani tal-Punent, biex tinħoloq ġabra ta' kriterji ta' referenza fuq il-bażi ta' kull każ individwali sabiex ikunu evalwati u mtejba l-ftehimiet eżistenti dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u sabiex naħdmu għall-ivvjaġġar mingħajr viża bil-għan li jiżdiedu l-kuntatti bejn il-persuni;

67.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni li, biex twettaq b'mod aktar effettiv il-prinċipju ta' reċiproċità ma' pajjiżi terzi u b'hekk tiżgura trattament ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-UE f'dan ir-rigward, toħloq mill-ġdid l-istrateġija tagħha billi tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, bħas-sanzjonijiet, u li torbot din il-kwistjoni man-negozjati tagħha mal-pajjiżi terzi kkonċernati;

68.  Jikkunsidra li l-FRONTEX, bħala strument essenzjali fl-istrateġija globali tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni, għandha tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; jitlob li jkun hemm aktar skrutinju Parlamentari tal-attivitajiet tagħha u jappoġġja r-reviżjoni tal-mandat tagħha – inkluż qafas ċar għall-operazzjonijiet ta' ritorn li jilħqu l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u t-twaqqif ta' uffiċċji reġjonali u speċjalizzati - sabiex jissaħħaħ ir-rwol tagħha;

69.  Ifakkar fil-ħtieġa assoluta li l-FRONTEX ikun jista' jistrieħ fuq id-disponibilità tar-riżorsi li tpoġġew għad-dispożizzjoni tiegħu mill-Istati Membri, kemm għall-koordinazzjoni tiegħu tal-operazzjonijiet konġunti individwali kif ukoll għall-missjonijiet permanenti tiegħu;

70.  Jistieden lill-Istati Membri kollha kkonċernati biex isolvu problemi prattiċi u/jew legali li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-użu tar-riżorsi tal-Istati Membri rispettivi involuti f'operazzjonijiet konġunti;

71.  Ifakkar fil-ħtieġa assoluta li s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (SIS II) u s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Viża (VIS) ikunu jistgħu jibdew l-operazzjonijiet tagħhom kemm jista' jkun malajr; iqis li s-SIS II għandha ġġib titjib kunsiderevoli u funzjonalitajiet ġodda, bħall-introduzzjoni tad-data biometrika u l-interkonnessjoni tal-allarmi, u li dan it-titjib għandu jagħti kontribut għal kontroll aħjar fuq il-fruntieri esterni u jsaħħaħ is-sigurtà;

72.  Jinsisti li strumenti ġodda tal-ġestjoni tal-fruntieri jew sistemi ta' ħżin ta' data fuq skala kbira m'għandhomx jiġu mnedija sakemm l-għodda eżistenti jkunu kompletament operattivi, sikuri u affidabbli, u jitlob għal evalwazzjoni bir-reqqa tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' strumenti ġodda relatati ma' kwistjonijiet bħad-dħul/il-ħruġ, il-programm ta' vjaġġatur irreġistrat, il-Rekord tal-Isem tal-Passiġġier (PNR) u s-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel għall-ivvjaġġar;

Il-protezzjoni tat-tfal

73.  Jisħaq fuq l-importanza tat-Trattat ta' Lisbona, li jagħti saħħa vinkolanti lill-Karta, li l-Artikolu 24 tagħha jirregola b'mod speċifiku d-drittijiet tat-tfal u jistipula, inter alia, li "[fi] l-azzjonijiet kollha marbuta mat-tfal, kemm jekk meħuda minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikun kunsiderazzjoni ewlenija';

74.  Iqis li huwa essenzjali li l-miżuri kollha tal-UE f'dan il-qasam jirrispettaw u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u rikonoxxuti fil-Karta, u jitlob għal azzjoni mtejba min-naħa tal-UE dwar il-protezzjoni tat-tfal fl-AFSJ kollha;

75.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw u jimplimentaw id-drittijiet tat-tfal kif inhuma mnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

76.  Iħeġġeġ lill-UE biex tittratta b'mod iżjed qawwi kwalunkwe abbuż li jsir fuq it-tfal, bħall-vjolenza, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u r-razziżmu, il-prostituzzjoni u t-traffikar, u biex tistimula sforz ikkoordinat biex tipproteġihom u tiddefendi d-drittijiet tagħhom, billi tuża l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal bħala gwida għall-azzjoni tal-UE u billi tużaha bħala bażi biex temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti;

77.  Iqis li hemm l-urġenza li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-protezzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati jew separati, fid-dawl tar-riskji partikolari li huma esposti għalihom;

78.  Jenfasizza l-importanza li jitqiesu d-drittijiet tat-tfal u li tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal f'sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli fil-kuntest tal-politika tal-immigrazzjoni; iqis li trid tiġi żviluppata strateġija Ewropea ambizzjuża f'dan il-qasam;

79.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-politiki tal-UE dwar l-ażil, il-migrazzjoni u t-traffikar f'dan il-qasam jittrattaw lit-tfal migranti l-ewwel u qabel kollox bħala tfal, biex jiġi żgurat li dawn jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom bħala tfal mingħajrdiskriminazzjoni speċjalment id-dritt tal-għaqda mill-ġdid tal-familja; għalhekk jinsisti li kwalunkwe pjan ta' azzjoni tal-UE dwar minuri b'oriġini ta' pajjiż terz li ma jkunux akkumpanjati jrid jiżgura li:

   (a) it-tfal kollha mhux akkumpanjati jirċievu protezzjoni u assistenza speċjali waqt li jkunu fl-UE;
   (b) l-UE tidentifka azzjonijiet li jappoġġjaw lill-Istati Membri fis-sejbien ta' soluzzjoni sikura, konkreta u dejjiema għal kull tifel/tifla, fl-aħjar interessi tagħhom;
   (c) fejn ir-ritorn lejn pajjiż terz ikun fl-aħjar interess tat-tifel/tifla, jiġi stabbilit proċess xieraq ta' ritorn u reintegrazzjoni b'koperazzjoni mal-pajjiż ta' ritorn; u
   (d) l-UE tikkopera ma' pajjiżi terzi biex tevita li sseħħ migrazzjoni mhux sikura u li tipprovdi opportunitajiet lit-tfal fil-pajjiżi kkonċernati;

80.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-minorenni, kemm jekk akkumpanjati jew le, sabiex ikun żgurat li dawn ma jinżammu fl-ebda forma ta' detenzjoni;

81.  Jirrimarka li t-tfal li joriġinaw minn pajjiżi terzi jistgħu jsibu ruħhom partikolarment vulnerabbli għal sitwazzjonijiet abbużivi ta' xogħol, speċjalment f'pajjiżi fejn dawn ma jiġux provduti b'mezzi adegwati ta' assistenza u protezzjoni minħabba l-istejtus tagħhom ta' persuni mhux iddokumentati; jinsisti li l-politiki tal-UE fl-oqsma tax-xogħol, l-ażil, il-migrazzjoni u t-traffikar tal-persuni jridu jirrikonoxxu u jindirizzaw dawn ir-realtajiet;

Il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà

82.  Jinnota l-importanza dejjem tikber tal-Internet, u jirrimarka li n-natura globali u miftuħa tal-internet titlob li jkun hemm standards globali għall-protezzjoni tad-data, għas-sigurtà u għal-libertà tal-kelma; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-inizjattiva li jwaqqfu pjattaforma globali għall-iżvilupp ta' dawn l-istandards; iqis li huwa tabilħaqq importanti ħafna li jiġu limitati, definiti u regolati b'mod strett il-każi li fihom kumpanija privata tal-internet tista' tintalab tikxef data mill-awtoritajiet governattivi, u li jkun aċċertat li l-użu ta' dik id-data mill-awtoritajiet governattivi jkun soġġett għall-iżjed standards stretti tal-protezzjoni tad-data;

83.  Jinsisti dwar il-garanzija li d-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali fil-protezzjoni tad-data u d-dritt għall-privatezza jkunu rrispettati fil-politiki kollha tal-Unjoni;

84.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-protezzjoni tad-data u tal-privatezza personali tiġi integrata fid-dawl tat-teknoloġiji li qed jiżviluppaw u l-ħolqien ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira;

85.  Iqis li l-approċċ tal-privatezza permezz tat-tfasssil (privacy by design) għandha tkun karatteristika essenzjali ta' kwalunkwe żvilupp li jista' jipperikola s-sigurtà tal-informazzjoni personali relatata mal-individwi u l-fiduċja tal-pubbliku f'dawk li jżommu t-tagħrif dwarhom;

86.  Jirrimarka li l-prinċipju tad-disponibilità jista' jippermetti l-iskambju ta' data personali li ma tkunx inġabret b'mod leġittimu u legali u li dan għandu jkun sostnut minn regoli komuni; jesprimi dubji dwar il-faċilitazzjoni ta' attivitajiet operazzjonali li ma jinkludux definizzjoni u standards komuni Ewropea rigward investigazzjonijiet sigrieti, sorveljanza taċ-ċittadini, eċċ.;

87.  Jemmen li, qabel tiġi maħsuba azzjoni tal-UE f'dan il-qasam, għandhom jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità u n-neċessità tal-limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali; iqis, barra minn dan, li l-konsegwenzi ta' kwalunkwe proposta għandhom ikunu analizzati bir-reqqa qabel ma tittieħed deċiżjoni;

88.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-prattika dejjem tinfirex tal-profili, ibbażata fuq l-użu ta' tekniki tat-tiftix tad-data u fuq ġbir ġeneralizzat ta' data ta' ċittadini innoċenti, għal finijiet ta' prevenzjoni u sorveljanza; ifakkar fl-importanza tal-fatt li l-azzjonijiet tal-infurzar tal-liġi għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, mill-prinċipju tas-suppożizzjoni tal-innoċenza għad-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data;

89.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal standards internazzjonali għall-protezzjoni tad-data; jenfasizza li l-ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data ma' pajjiżi terzi għandhom isiru bi trasparenza sħiħa u bl-iskrutinju demokratiku tal-Parlament, u li l-livell Ewropew tal-istandards tal-protezzjoni tad-data fil-pajjiż terz għandhom ikunu prerekwiżit minimu biex ikun jista' jsir l-iskambju tad-data;

90.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta dwar il-ħolqien ta' skema komprensiva tal-protezzjoni tad-data fl-UE u ma' pajjiżi terzi; jitlob li ssir evalwazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha (dik relatata mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, mal-koperazzjoni tal-pulizija u tal-ġudikatura, mal-immigrazzjoni, mal-ftehimiet transatlantiċi) fil-qasam tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data;

91.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi li saret fuq l-importanza tat-teknoloġija fil-Programm ta' Stokkolma fil-kuntest tal-protezzjoni effettiva tad-data personali u tal-privatezza;

92.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex turi d-determinazzjoni tagħha li, fil-politiki kollha tagħha, tqis il-ħtiġijiet speċjali tan-nies vulnerabbli;

93.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm limiti iżjed ċari u rigorużi fuq l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u fuq l-użu ta' reġistri komuni tal-UE; huwa tal-fehma li, jekk dan ma jsirx, l-akkumulazzjoni ta' reġistri kbar fuq il-livell tal-UE tista' thedded l-integrità personali, u r-reġistri jistgħu jsiru ineffettivi filwaqt li jista' jikber ir-riskju ta' kxif ta' informazzjoni u ta' korruzzjoni;

94.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-fiduċja fil-ħila ta' xulxin li jsaħħu s-sigurtà; iqis li l-fiduċja reċiproka tiddependi wkoll fuq evalwazzjoni kontinwa effiċjenti u rigoruża tal-effikaċja u tar-riżultati tal-azzjonijiet ta' diversi Stati Membri;

Ġustizzja ċivili u kummerċjali għall-familji, iċ-ċittadini u n-negozju
Aċċess akbar għall-ġustizzja ċivili għaċ-ċittadini u n-negozji

95.  Iqis li l-prijoritajiet fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, l-ewwel u qabel kollox, għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet espressi minn ċittadini individwali u l-impriżi filwaqt li kontinwament jiġi ssimplifikat il-makkinarju tal-ġustizzja u jinħolqu proċeduri aktar ċari u aċċessibbli sabiex ikun garantit l-infurzar kif suppost tad-drittijiet fundamentali u tal-ħarsien tal-konsumatur; għal dan il-għan, filwaqt li jfaħħar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta dwar testmenti u suċċessjonijiet u Green Paper dwar sistemi ta" proprjetà matrimonjali b'konnessjoni ma" separazzjoni u divorzju, jappella għal:

   aktar sforzi favur il-promozzjoni ta" soluzzjoni alternattiva ta" tilwimiet, bil-mira li jittejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja; l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta" rimedju kollettiv fil-livell ta" Komunità sabiex iċ-ċittadini u l-impriżi jingħatalhom aċċess akbar għall-ġustizzja, waqt li jkun rikonoxxut li dawn m'għandhomx iwasslu għal frammentazzjoni mhux meħtieġa fil-liġi proċedurali nazzjonali;
   proposti għal sistema Ewropea sempliċi u awtonoma għas-sekwestru ta' kontijiet bankarji u l-iffriżar temporanju ta' depożiti bankarji, , l-abolizzjoni tar-rekwiżiti għal-legalizzazzjoni tad-dokumenti, dispożizzjonijiet biex jimtlew il-lakuni fir-Regolament Ruma II(8), rigward drittijiet tal-personalità u d-diffamazzjoni, soluzzjoni definittiva għall-problema ta' ftehimiet bilaterali li jittrattaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi, jekk ikun meħtieġ permezz ta' Protokoll għat-trattat ta' adeżjoni li jmissu jkun konkluż; għandha titqies ukoll proposta għal strument internazzjonali li jippermetti verifika bir-reqqa ta' kull sentenza minn pajjiżi terzi qabel ma dawn ikunu rrikonoxxuti u nfurzati minn Stat Membru; u d-dispożizzjonijiet biex timtela l-lakuna enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, proposta dwar il-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli, u proposta għal regolament, għall-adozzjoni jekk ikun meħtieġ permezz ta' rikors għall-koperazzjoni msaħħa, fuq il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali u r-responsabilità tal-ġenituri, ibbażata fuq l-aħjar interessi tat-tfal u n-non-diskriminazzjoni bejn is-sħab;
   konsiderazzjoni dettaljata li għandha tingħata lil forma ta' miżura provviżorja Komunitarja addizzjonali għal dawk li jistgħu jingħataw mill-qrati nazzjonali, lill-approċċi legali nazzjonali diverġenti għaż-żamma tat-titolu u mekkaniżmi oħra simili, lir-rikonoxximent ta" adozzjonijiet internazzjonali, u lill-kwistjoni kollha tar-rikonoxximent reċiproku ta' dokumenti nazzjonali tal-istatus ċivili;
   Kodiċi Komunitarju tal-Kunflitti li jiġbor fi strument wieħed ir-regolamenti kollha adottati f'dan il-qasam mill-leġiżlatur tal-Komunità sal-2013 biex jitfakkar il-45 anniversarju tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li l-konklużjoni tagħha kienet pass fundamentali fil-liġi internazzjonali privata;
   l-applikazzjoni prattika tal-ammont kbir ta' leġiżlazzjoni innovattiva adottata s'issa fil-qasam tal-proċedura ċivili Ewropea, li għandha tiġi studjata bil-ħsieb li tiġi ssimplifikata fejn ikun possibbli u tiġi kkodifikata fi strument wieħed li jiġbor flimkien il-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha adottata f'dan il-qasam;

96.  Jinsisti li l-abolizzjoni tal-exequatur fir-kuntest tar-Regolament Brussell I(9) m'għandhiex issir bl-għaġla u għandha tkun akkumpanjata mis-salvagwardji xierqa;

97.  Ikun ħerqan li jeżamina proposti għat-tfassil tat-28 skema fakultattiva għall-kwistjonijiet ta' liġi ċivili b'aspetti transkonfinali fl-oqsma li jaffettwaw il-liġi tal-familja, id-drittijiet tal-individwi u l-liġi tal-proprjetà;

98.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa iżjed il-preżenza internazzjonali tal-UE fil-qasam legali permezz ta' soluzzjonijiet globali u strumenti multilaterali; jemmen li l-koperazzjoni mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Konferenza ta' the Hague dwar il-Liġi Internazzjonali Privata u l-Kunsill tal-Ewropa, hija ta' importanza partikulari; jemmen ukoll li l-UE għandha tinkuraġġixxi u tappoġġja l-adeżjoni ta' pajjiżi terzi, b'mod speċjali dawk ġirien tal-UE, mal-ftehimiet ġuridiċi internazzjonali, u jemmen li din hija ta' importanza kruċjali b'mod speċjali fil-qasam tal-liġi tal-familja u tal-protezzjoni tat-tfal;

Il-kisba tal-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku permezz ta" liġi kontrattwali Ewropea

99.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-ħidma tagħha dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea fuq il-bażi tal-Abbozz ta" Qafas Komuni ta' Referenza (DCFR) akkademiku, kif ukoll xogħlijiet akkademiċi fil-qasam tal-liġi Ewropea tal-kuntratti, biex tinvolvi lill-Parlament bis-sħiħ fil-proċess miftuħ u demokratiku li għandu jwassal għall-adozzjoni ta' Qafas Komuni ta' Referenza (CFR) politiku; jenfasizza li s-CFR politiku għandu jwassal għal strument fakultattiv u direttament applikabbli li jippermetti lill-partijiet ta' kuntratt, inter alia kumpaniji u konsumaturi, biex b'mod ħieles jagħżlu l-liġi kuntrattwali Ewropea bħala l-liġi li tirregola t-tranżazzjoni tagħhom;

100.  Itenni li l-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni l-Abbozz ta' Qafas Komuni ta' Referenza fl-akbar numru possibbli ta' lingwi rilevanti flimkien ma' xogħlijiet xjentifiċi oħra sabiex tiżgura li dawn ikunu aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha u li dan għandu jintuża mil-lum bħala għodda legali mhux vinkolanti għal-leġiżlaturi Ewropej u nazzjonali; jinsisti li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DCFR minn issa għandhom ikunu kkunsidrati b'mod sistematiku u ddettaljat fil-proposti kollha li se jitressqu mill-Kummissjoni u fl-evalwazzjonijiet ta' impatt li jaffettwaw il-liġi kuntrattwali;

101.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq l-idea li kellha dan l-aħħar li tipproponi kuntratti standard għall-użu volontarju fis-setturi speċifiċi fuq il-bażi tas-CFR;

Leġiżlazzjoni aħjar fil-qasam tal-ġustizzja

102.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili tkun tal-ogħla kwalità possibbli u bbażata fuq studji tal-impatt li saru kif imiss, sabiex iċ-ċittadini u l-impriżi jkunu pprovduti bi strumenti effettivi; jiddeplora l-fatt li fl-imgħoddi ma sarux studji xierqa tal-impatt f'dan il-qasam; jinnota li riċentement sar titjib u jimpenja ruħu li wieħed mill-istudji tal-impatt tal-Kummissjoni jkun suġġett għal analiżi kritika fil-perjodu li ġej;

103.  Jemmen bis-sħiħ li, sabiex jiġi garantit livell minimu ta' skrutinju indipendenti fit-tfassil tal-evalwazzjonijiet tal-impatt, għandu jitwaqqaf bord indipendenti ta' esperti biex jimmonitorja, permezz ta' verifiki fuq il-post, il-kwalità tal-opinjonijiet mogħtija mill-Bord ta' Evalwazzjoni tal-Impatt, u li rappreżentanti tal-partijiet interessati għandhom ukoll jitħallew jgħinu fit-twettiq tagħhom;

104.  Iqis li l-koperazzjoni legali hija l-mezz kif jitqarrbu mhux biss il-proċeduri ċivili iżda wkoll dawk kriminali tal-Istati Membri differenti; iqis għaldaqstant li l-approssimazzjoni tad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini bejn l-Istati Membri għandha tkun promossa b'mod ugwali fi proċedimenti ċivili u kriminali;

Il-bini ta" kultura ġudizzjarja Ewropea

105.  Jappella għall-ħolqien ta" kultura ġudizzjarja Ewropea li tiġbor fiha l-aspetti kollha tal-liġi; għal dan il-għan, jinnota li:

   in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u l-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi u n-Netwerk Ewropew tal-Eurojustice tal-Prosekuturi Ġenerali Ewropej, l-uffiċjali tal-qorti u l-prattikanti legali għandhom ammont enormi x'joffru billi jikkordinaw u jippromwovu taħriġ professjonali għall-ġudikatura u fehim reċiproku tas-sistemi legali ta' Stati Membri oħra u li jagħmluha aktar faċli biex jiġu riżolti tilwimiet u problemi transkonfinali, u l-attivitajiet tagħhom għandhom ikunu ffaċilitati u jirċievu biżżejjed fondi; dan għandu jwassal għal pjan kompletament iffinanzjat għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew imfassal b'konnessjoni man-netwerks ġudizzjarji msemmija hawn fuq u li jevita li jirrepeti duplikazzjoni tal-programmi u l-istrutturi u li jwassal għall-ħolqien ta' Akkademja Ġudizzjarja Ewropea magħmula min-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea;
   għandu jkun hemm politiki attivi mfassla biex jitrawwem għarfien reċiproku u fehim tal-liġi barranija u sabiex tinkiseb ċertezza legali akbar u titrawwem il-fiduċja reċiproka essenzjali għar-rikonoxximent reċiproku; dawn il-politiki għandhom jipprovdu għal skambji ta' esperjenzi, skambji, żjarat u informazzjoni u korsijiet għall-prattikanti u għall-ġudikatura, kif ukoll il-koordinazzjoni ta' sistemi nazzjonali eżistenti għat-taħriġ legali madwar l-UE u d-dispożizzjoni għal korsijiet ta' familjarizzazzjoni fil-liġi nazzjonali għall-prattikanti legali u l-imħallfin;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tippromwovi l-ħolqien minn universitajiet, istituti speċjalizzati oħra ta' edukazzjoni ogħla u l-organizzazzjonijiet professjonali kompetenti ta' sistema komuni ta' punti / krediti ta" taħriġ ghall-imħallfin u l-prattikanti legali; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq netwerk ta' korpi ta' taħriġ legali madwar l-Unjoni akkreditati biex jipprovdu korsijiet ta' familjarizzazzjoni fil-liġi nazzjonali, il-liġi komparattiva u dik Ewropea għall-prattikanti u l-imħallfin fuq bażi stabbli u kontinwa;

Ġustizzja Elettronika: faċilità għaċ-ċittadini, il-prattikanti u l-ġudikatura

107.  Jappella għal sforz akbar biex issir promozzjoni u żvilupp tal-ġustizzja elettronika fil-livell Komunitarju, fl-interessi tal-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozju, u jikkunsidra li:

   l-Istati Membri li jikkoperaw fuq proġetti bilaterali għandhom jiżguraw li x-xogħol tagħhom ikun imfassal b'mod li jkun trasferibbli għal-livell Komunitarju, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn;
   il-korp eżistenti tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-liġi ċivili, b'mod partikolari fil-liġi proċedurali, għandu jsir aktar kompatibbli mal-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, speċjalment rigward l-ordni ta' ħlas Ewropew u l-proċedura għal talbiet żgħar, ir-Regolament dwar ix-Xhieda Ċivili(10) u s-soluzzjoni alternattiva ta" kwistjonijiet, u għandha tittieħed azzjoni fl-oqsma ta" atti elettroniċi u t-trasparenza tal-assi tad-debituri; l-għan għandu jkun dak ta' proċeduri ċivili iktar sempliċi, orħos u iktar rapidi f'kawżi transkonfinali;
   għodod elettroniċi bħas-Sistema Ewropea ta" Informazzjoni dwar Rekords Kriminali (ECRIS) u s-Sistema ta" Informazzjoni ta" Schengen għandhom jiġu żviluppati aktar;

108.  Iqis li l-e-Ġustizzja għandha tissimplifika l-aċċess taċ-ċittadini għall-assistenza legali, tqassar il-proċeduri ġudizzjarji u ttejjeb l-effiċjenza tal-proċess ġudizzjarju, u għaldaqstant jappella sabiex il-portal futur tal-e-Ġustizzja jkun fih aċċess għall-bażijiet tad-data legali, rimedji elettroniċi ġudizzjarji u mhux, sistemi intelliġenti mfassla biex jgħinu liċ-ċittadini jsibu kif għandhom jittrattaw problemi legali u reġistri komprensivi u direttorji tal-professjonisti legali u gwidi sempliċi għas-sistema legali ta' kull Stat Membru;

109.  Iqis li l-portal għandu jkun ukoll imfassal għall-użu bħala għodda mill-imħallfin, l-uffiċjali tal-qorti, uffiċjali tal-Ministeri nazzjonali tal-Ġustizzja u avukati prattikanti, li kollha kemm huma jkunu intitolati għall-aċċess sikur għall-parti rilevanti tal-portal; jitlob li din il-parti tal-portal tkun tippermetti komunikazzjoni sikura, vidjokonferenzi u skambju ta' dokumenti bejn il-qrati u bejn il-qrati u l-partijiet għall-proċedimenti (żmaterjalizzazzjoni tal-proċedimenti), sabiex titħalla ssir il-verifika ta' firem elettroniċi u jkun hemm dispożizzjoni għal sistemi ta' verifika xierqa, u li toffri mezz ta' skambju ta' informazzjoni;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni futura kollha fil-qasam tal-liġi ċivili tkun imfassla b'tali mod li tista' tintuża fl-applikazzjonijiet fuq l-internet li jeħtieġu li jimtela ammont minimu ta' test liberu; jistieden azzjoni biex ikun żgurat li, fejn meħtieġ, ikun hemm għajnuna onlajn fil-lingwi uffiċjali kollha u jkunu disponibbli servizzi ta' traduzzjoni elettronika onlajn; bl-istess mod, fejn hemm il-ħtieġa tal-provvediment tan-notifika ta' dokumenti, għandha ssir dispożizzjoni biex jiġi żgurat li d-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati u l-komunikazzjonijiet magħmula permezz tal-posta elettronika u l-firem pprovduti elettronikament u, fejn ikun hemm bżonn ta' xhieda orali, l-użu ta' vidjokonferenzi għandu jiġi inkoraġġit; iqis, barra minn hekk, li l-proposti futuri kollha għandhom jinkludu dikjarazzjoni mmotivata mill-Kummissjoni li twettqet verifika ta' kemm hi faċli li tintuża s-sistema tal-e-Ġustizzja;

111.  Jappella sabiex l-ECRIS tagħti post prominenti lil preċedenti ta' vjolenza abbażi tas-sess;

Prijoritajiet tal-ġustizzja kriminali

112.  Jitlob għall-ħolqien ta" żona ta" ġustizzja kriminali tal-UE bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, u l-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistemi nazzjonali tal-liġi kriminali, li għandha tiġi żviluppata permezz ta":

   · strument legali ambizzjuż dwar is-salvagwardji proċedurali fi proċeduri kriminali, bbażat fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza, li tagħti effett sħiħ lid-drittijiet tad-difiża,
   · qafas legali sod li jiżgura l-prinċipju bażiku ta' ne bis in idem u li jiffaċilita t-trasferiment ta' proċedimenti kriminali bejn l-Istati Membri u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta' ġurisdizzjoni, b'livell għoli ta' garanziji u drittijiet tad-difiża, u li jiżgura aċċess effettiv għal dawn id-drittijiet u għall-mekkaniżmi legali ta" rimedju,
   · qafas legali komprensiv li joffri lill-vittmi tal-kriminalità, b'mod partikolari l-vittmi tat-terroriżmu, tal-kriminalità organizzata, tat-traffikar ta" persuni u l-vjolenza abbażi tas-sess, l-akbar protezzjoni possibbli, inkluż kumpens adegwat, li għandu jingħata fil-livell tal-Istat Membru,
   · qafas legali komuni li joffri l-akbar protezzjoni lix-xhieda,
   · standards minimi għall-kundizzjonijiet fil-ħabs u kundizzjonijiet ta" detenzjoni u sett komuni ta' drittijiet tal-priġunieri fl-UE, inklużi regoli xierqa għall-kumpens għall-persuni detenuti jew ikkundannati inġustament, imsaħħa mill-konklużjoni ta' ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi dwar ir-ritorn ta' ċittadini kkundannati tagħhom, l-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta" rikonoxximent reċiproku ta" sentenzi f'materji kriminali li jimponu pieni ta" kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea(11), u l-provvediment ta' biżżejjed finanzjament mill-UE kemm għall-kostruzzjoni, fil-kuntest tal-pjanijiet tas-sigurtà reġjonali, ta' faċilitajiet ta' detenzjoni ġodda fl-Istati Membri affettwati mill-iffullar fil-ħabsijiet u kemm għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' risistemazzjoni soċjali;
   · l-adozzjoni ta' strument leġiżlattiv Ewropew li jippermetti li l-profitti u l-assi ta' organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali jiġu kkonfiskati u użati mill-ġdid għal skopijiet soċjali,
   · strument legali komprensiv dwar it-teħid u l-ammissibilità ta" evidenza fi proċedimenti kriminali,
   · miżuri li jiżguraw għajnuna legali permezz ta' allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti, u
   · miżuri għall-ġlieda kontra l-vjolenza, partikolarment il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;

113.  Jenfasizza li x-xogħol dwar l-immigrazzjoni illegali għandu jqis l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u bl-ebda mod m'għandu jitħalla jippenalizza lill-vittmi tal-kriminalità partikolarment vulnerabbli, speċjalment in-nisa u tfal, jew li jipperikola d-drittijiet tagħhom;

114.  Jenfasizza li waħda minn kull erba' nisa fl-Ewropa kienet jew hija suġġetta għall-vjolenza maskili; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tikkonsolida l-bażi ġuridika fi ħdan l-istruttura attwali tal-UE sabiex ikun żgurat li l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa jkunu ttrattati permezz ta' definizzjoni wiesgħa u bbażata fuq il-ġeneru tal-vjolenza fuq in-nisa; jitlob li, abbażi ta' din il-bażi legali, jitressqu direttiva u Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li jiżguraw il-prevenzjoni tal-vjolenza, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prosekuzzjoni ta' min iwettaq ir-reat; jistieden lill-Istati Membri sabiex iqisu b'mod xieraq iċ-ċirkustanzi speċjali tal-immigranti nisa, l-aktar tal-bniet u n-nisa żgħażagħ li huma integrati sew fl-UE (ħafna drabi b'ċittadinanza doppja), u li, f'relazzjonijiet familjari jew intimi, huma vittmi ta" ħtif, qfil illegali, vjolenza fiżika u abbuż psikoloġiku minħabba raġunijiet ta" reliġjon, kultura jew tradizzjoni, u sabiex jiżguraw li jiġu adottati miżuri li jagħtu aċċess effettiv għall-mekkaniżmi ta" għajnuna u ta" protezzjoni;

115.  Jinsisti li l-kwistjoni rigward is-sessi titqies fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-politika kontra t-traffikar tal-persuni;

Strateġija ta" sigurtà koerenti u b'diversi livelli: Ewropa li tipproteġi ċ-ċittadini tagħha ("Il-ġlieda kontra l-kriminalità filwaqt li jkunu ggarantiti d-drittijiet taċ-ċittadini")

116.  Jikkritika n-nuqqas ta' pjan ġenerali komprensiv li jistipula l-objettivi u l-arkitettura ġenerali tal-istrateġija tas-sigurtà u tal-ġestjoni tal-fruntieri, u jikkritika n-nuqqas ta' dettalji li juru kif il-programmi u l-iskemi relatati kollha (kemm dawk diġà fis-seħħ, kif ukoll dawk li għadhom qed jitħejjew u dawk li qegħdin fl-istadju tal-iżvilupp tal-politika) mistennija jaħdmu flimkien u kif jistgħu jittejbu r-rabtiet ta' bejniethom; huwa tal-fehma li, meta tqis l-arkitettura tal-istrateġija tas-sigurtà u tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE, il-Kummissjoni qabel xejn għandha tanaliżża l-effettività tal-leġiżlazzjoni eżistenti, sabiex issawwar l-aqwa sinerġiji bejniethom;

117.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li azzjoni tal-UE fil-ġejjieni f'dan il-qasam tirrispetta bis-sħiħ l-importanza primarja tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali u toħloq bilanċ tajjeb bejn is-sigurtà u l-libertà, u li dan l-objettiv jiġi monitorjat u razzjonalizzat b'mod adegwat; jemmen bis-sħiħ fil-primat tal-istat tad-dritt, fl-iskrutinju ġudizzjarju effettiv, fir-rimedji effettivi indipendenti u fir-responsabilità;

118.  Huwa impenjat, fi ħdan il-qafas istituzzjonali l-ġdid definit mit-Trattat ta' Lisbona, li jaħdem flimkien mal-Kummissjoni u mal-Kunsill sabiex jiffokaw fuq il-promozzjoni tal-libertà taċ-ċittadini tal-UE filwaqt li jiżviluppaw il-qafas legali tal-UE fi kwistjonijiet kriminali; iqis, tabilħaqq, li l-ħtieġa li ċ-ċittadini jitħarsu mit-terroriżmu u l-kriminalità organizzata għandha tkun appoġġjata minn għodod leġiżlattivi u operazzjonali effettivi, filwaqt li titqies id-dimensjoni globali ta' dawn il-fenomeni, u tiġi elaborata f'leġiżlazzjoni ċara li tagħti liċ-ċittadini tal-UE l-possibilità li jgawdu mid-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jikkontestaw regoli sproporzjonati u vagi u l-implimentazzjoni ħażina tar-regoli;

119.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw sa liema punt jista' jinħoloq qafas legali tal-UE fi kwistjonijiet kriminali;

120.  Jistieden lill-UE biex tirrikonoxxi d-dinjità, il-kuraġġ u t-tbatija tal-vittmi indiretti tat-terroriżmu u jenfasizza li l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu u sussegwentement li jingħataw kumpens ekonomiku għandhom ikunu prijorità; jagħraf il-vulnerabilità mill-akbar tan-nisa bħala vittmi indiretti tat-terroriżmu;

121.  Jitlob li jiġi adottat qafas komprensiv li joffri lill-vitmi ħarsien u kumpens xierqa, speċifikament permezz tal-adozzjoni ta' abbozz ta' deċiżjoni ta' qafas li temenda l-istrumenti eżistenti dwar il-protezzjoni tal-vittmi; iqis li hija ta' importanza fundamentali li jiġi żviluppat approċċ konġunt b'rispons konsistenti u msaħħaħ għall-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-vittmi kollha, li jiżgura li l-vittmi jkunu ttrattati ta' vittmi u mhux ta' kriminali;

122.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-appoġġ għall-vittmi ta" reati, inklużi nisa suġġetti għal vjolenza u fastidju sesswali, bħala kwistjoni prijoritarja għall-Presidenza Svediża; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex fil-Programm ta" Stokkolma jdaħħal strateġija Ewropea komprensiva bil-għan li teradika l-vjolenza fuq in-nisa, li tinkludi miżuri ta' prevenzjoni (bħat-trawwim tal-kuxjenza dwar il-vjolenza maskili fuq in-nisa), politiki dwar il-protezzjoni tal-vittmi inkluża taqsima speċifika dwar id-drittijiet tal-vittmi ta" reati, u t-tisħiħ tal-appoġġ għall-vittmi ta" reati, l-aktar għall-bniet u t-tfajliet li dejjem aktar qed jisfaw vittmi ta" reati sinifikanti, u miżuri konkreti biex min iwettaq reat jittella' l-qorti; jistieden lill-Presidenza Spanjola biex, matul il-mandat tagħha, timplimenta bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni stipulat fil-Programm ta' Stokkolma kif ukoll biex tagħti rapport lill-Parlament kull xahar dwar il-progress li jkun sar;

123.  Iqis li l-għan ta' Ewropa sikura hu wieħed leġittimu u jaqbel li huwa importanti li kontinwament tiġi żviluppata u msaħħa l-politika komuni tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, l-immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-persuni u l-isfruttament sesswali;

124.  Jappella għall-iżvilupp ta' strateġija trans-Ewropea komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li tgħaqqad l-isforzi u r-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-aġenziji speċjalizzati tal-UE u n-netwerks ta' skambju ta' informazzjoni; jenfasizza f'dan il-punt li l-kriminalità ekonomika organizzata, bħall-kuntrabandu tat-tabakk, tirriżulta f'telf fid-dħul li jkompli jżid mas-sitwazzjoni diġà gravi tal-finanzi pubbliċi ta' bosta Stati Membri tal-UE u jitlob għall-adozzjoni urġenti ta' miżuri preventivi effettivi;

125.  Jemmen li aktar azzjoni kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu għandha tkun orjentata aktar lejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u għandha tipprovdi protezzjoni adegwata tax-xhieda, inċentivi għal dawk li jikkoperaw fl-iżmantellar ta' netwerks terroristiċi, u politiki ta' prevenzjoni u integrazzjoni li jindirizzaw partikolarment individwi li jappartjenu għall-kategoriji ta' riskju kbir bi prijorità fiċ-ċirkustanzi kollha għall-miżuri etiċi ta' prevenzjoni fuq livell ekonomiku u soċjali u miżuri ta' kumpens u riparazzjoni għall-vittmi tat-terroriżmu;

126.  Iqis li huwa partikolarment importanti li l-UE tagħmel sforz serju biex tiffaċċja t-traffikar tal-persuni, li huwa problema li qiegħda dejjem tikber, li t-traffikar irid jiġi miġġieled kemm barra u kemm ġewwa l-UE u li għandha ssir analiżi fuq bażi ta' sess tal-proposti kollha għall-miżuri; iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw b'mod partikolari d-domanda għal servizzi mill-vittmi tat-traffikar tal-persuni billi jintroduċi penali, miżuri edukattivi u kampanji biex titqajjem kuxjenza; iqis li, peress li t-traffikar tal-persuni għal skopijiet sesswali jikkostitwixxi l-parti l-kbira ta' dan ir-reat f'termini assoluti (79% skont id-data tan-NU), ir-relazzjoni bejn id-domanda għax-xiri ta' dawn is-servizzi u t-traffikar tal-persuni għandha tkun ċara u rikonoxxuta u li, jekk id-domanda għax-xiri ta' servizzi sesswali tkun ikkontrollata, it-traffikar tal-persuni wkoll jitnaqqas;

127.  Jitlob li jkunu promossi t-trasparenza u l-integrità u li ssir ġlieda iktar b'saħħitha kontra l-korruzzjoni bbażata fuq pjan orjentat lejn l-objettivi u fuq evalwazzjoni perjodika tal-miżuri kontra l-korruzzjoni meħuda mill-Istati Membri, b'mod partikolari l-infurzar ta' strumenti li ġew żviluppati mill-UE nnifisha, b'attenzjoni speċjali fuq il-korruzzjoni transkonfinali; jitlob ukoll l-iżvilupp ta' politika komprensiva kontra l-korruzzjoni u għar-reviżjoni perjodika tal-infurzar tagħha;

128.  Jitlob l-appoġġ attiv għall-monitoraġġ tal-korruzzjoni u tal-integrità mis-soċjetà ċivili, kif ukoll tal-impenn taċ-ċittadini kontra l-korruzzjoni, mhux biss billi l-konsultazzjonijiet dwar il-politika jinfetħu biex jinkluduhom u jkunu stabbiliti mezzi diretti ta' komunikazzjoni, iżda wkoll billi jkunu allokati riżorsi u programmi biex ikun żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jużaw l-ispazji pprovduti lilhom faċilment;

129.  Jefasizza ż-żieda fis-serq ta" identità u jħeġġeġ sabiex tinħoloq strateġija komprensiva tal-UE li tiġġieled il-kriminalità fuq l-internet f'dan il-qasam, li tkun żviluppata b'koperazzjoni ma' fornituri tas-servizzi tal-internet u organizzazzjonijiet tal-utenti, kif ukoll il-ħolqien ta' desk tal-UE li toffri għajnuna għall-vittmi tas-serq tal-identità u l-frodi tal-identità;

130.  Jitlob kjarifika tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-qafas legali applikabbli għall-ispazju ċibernetiku sabiex jippromwovi l-investigazzjonijiet transkonfinali u l-ftehimiet ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-operaturi, b'mod partikolari għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal fuq l-internet;

131.  Jappella għal politiki aktar effettivi u aktar orjentati lejn ir-riżultati biex tkun implimentata aktar il-koperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, billi l-Europol u l-Eurojust ikunu assoċjati aktar sistematikament fl-investigazzjonijiet, b'mod partikolari f'każijiet ta' kriminalità organizzata, frodi, korruzzjoni u reati serji oħra li jipperikolaw b'mod gravi s-sigurtà taċ-ċittadini u l-interessi finanzjarji tal-UE;

132.  Jappella għall-pubblikazzjoni annwali ta' rapport komprensiv dwar il-kriminalità fl-UE, rapporti konsolidati relatati ma' oqsma speċifiċi bħall-evalwazzjoni tat-theddida tal-kriminalità organizzata u r-rapport annwali tal-Eurojust, u jenfasizza l-ħtieġa ta" approċċ interdixxiplinari u strateġija komprensiva għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u tar-reati transkonfinali, bħat-traffikar tal-persuni u l-kriminalità fuq l-internet, u għall-ġlieda kontrihom;

133.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw mill-qrib sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u l-lezzjonijiet li tgħallmu fil-qasam tal-politiki kontra r-radikalizzazzjoni; iqis f'dan ir-rigward li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma f'pożizzjoni ideali sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-polarizzazzjoni u għalhekk jitlob għall-involviment tagħhom fit-tfassil ta' strateġiji kontra t-terroriżmu;

134.  Jappella għall-inkoraġġiment tal-koperazzjoni bejn il-pulizija tal-Istati Membri permezz tal-promozzjoni ta' għarfien u fiduċja reċiproċi, tat-taħriġ komuni u l-ħolqien ta' timijiet konġunti għall-koperazzjoni tal-pulizija u programm ta' skambju tal-istudenti f'koperazzjoni mal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija;

135.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti jsibu rimedju għas-sitwazzjoni legali li rriżultat mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet rispettivi rigward it-tqegħid ta' individwi u organizzazzjonijet fuq il-listi s-suwed tat-terroriżmu (blacklisting), b'mod partikolari l-każ Kadi(12), u waqt li jagħmlu dan, iqisu bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali ta' dawk ikkonċernati, inkluż id-dritt għal proċess xieraq u għal rimedju;

136.  Jappella għal titjib fl-ECRIS, sabiex isir possibbli li jkun evitat li wieħed iwettaq l-istess reat fi Stati Membri differenti, b'mod partikolari rigward l-offiżi kontra t-tfal;

137.  B'mod partikolari jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda diskussjonijiet u konsultazzjonijiet minn kmieni mal-partijiet interessati, inkluża s-soċjetà ċivili, dwar l-aspetti kollha relatati mal-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew għall-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 86 tat-TFEU;

138.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta" strateġija ta' sigurtà Ewropea komprensiva, ibbażata fuq pjanijiet ta' sigurtà tal-Istati Membri, prinċipju ta' solidarjetà iktar b'saħħtu u evalwazzjoni oġġettiva tal-valur miżjud tal-aġenziji tal-UE, tan-netwerks u tal-iskambji tal-informazzjoni; bi ħsiebu jsegwi mill-qrib, flimkien mal-parlamenti nazzjonali, l-attivitajiet kollha mwettqa mill-Kunsill fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna tal-UE;

139.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw strateġiji ta' sigurtà li jkunu applikabbli għall-aspetti interni u esterni tal-kriminalità u t-terroriżmu organizzati fuq livell internazzjonali; jinsisti li l-UE għandha tadatta approċċ iżjed integrat għall-Politika tas-Sigurtà u tad-Difiża Ewropea u għall-ġustizzja u l-affarijiet interni;

140.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw u jirrivedu l-liġijiet u l-politiki internazzjonali, Ewropej u nazzjonali attwali dwar id-droga u biex jippromwovu politiki ta' tnaqqis tal-ħsara, prevenzjoni u rkupru b'mod partikolari fid-dawl tal-konferenzi dwar dawn il-kwistjonijiet li saru fil-livell tan-NU;

Entitajiet u aġenziji operattivi u għodod tekniċi

141.  Jagħti importanza kbira lit-tisħiħ tal-Eurojust u l-Europol u impenja ruħu li jieħu sehem bis-sħiħ flimkien ma" parlamenti nazzjonali sabiex jiddefinixxi, jevalwa u jikkontrolla l-attività tagħhom, b'mod partikolari bl-għan li jiġu esplorati l-possibbiltajiet li jsir progress biex jinħoloq uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

142.  Jistqarr li l-isforzi fil-ġlieda kontra r-reati finanzjarji u ekonomiċi għandhom jitkomplew u jkunu msaħħa; jistqarr li, f'dan il-kuntest, hu partikolarment importanti li jkun protett l-euro, bħala simbolu tal-Unjoni, jistqarr li l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-konsolidament u t-tisħiħ tal-Programm Pericles għandhom ikunu fost l-għanijiet prinċipali tal-UE;

143.  Jappella għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta" Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta" data personali proċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali(13), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(14) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta" individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta" data personali u dwar il-moviment liberu ta" dik id-data(15);

144.  Jitlob għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u fil-fond bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-aġenziji Ewropej u timijiet operattivi konġunti permezz ta' netwerks speċjalizzati (bħas- SIS II, il-VIS, is-Sistema ta' Informazzjoni Doganali, il-Eurodac – is-sistema għat-tqabbil ta' marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin –u n-netwerks ġudizzjarji) u għal kooperazzjoni speċifika bejn is-servizzi ta" intelliġenza u tal-pulizija fil-livell nazzjonali u Ewropew fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; iqis li għandha tkun garantita koperazzjoni aktar effettiva bejn il-pulizija Ewropea, fost il-pajjiżi terzi kollha u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bis-salvagwardji xierqa li jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni ta' data personali;

145.  Jikkundanna n-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tas- SIS II u tal-VIS, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li t-tħejjijiet fuq il-livelli rispettivi tagħhom ikunu rrinfurzati sabiex jiġi evitat li jkun hemm iżjed dewmien;

146.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati arranġamenti amministrattivi effiċjenti, sostenibbli u sikuri għal sistemi Ewropej tal-IT importanti bħas-SIS II, il-VIS u l-Eurodac, u b'hekk jiġi żgurat li r-regoli kollha applikabbli għal sistemi bħal dawn, fir-rigward tal-iskop u d-drittijiet ta' aċċess kif ukoll tad-dispożizzjonijiet ta' sigurtà u ta' ħarsien tad-data, ikunu implimentati bis-sħiħ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li huwa essenzjali għall-UE li jkollha sett ta' regoli uniformi u komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data personali;

147.  Ifakkar li f'ċerti oqsma, il-ħolqien ta' aġenziji, pereżempju, l-FRA, l-Eurojust, l-Europol, il-Frontex u l-EASO, kien utli ħafna għat-twaqqif ta' AFSJ; iqis li, minħabba li x-Schengen hija l-qalba tal-AFSJ, huwa fundamentali u vitali li tinħoloq aġenzija Ewropea għall-ġestjoni ta' sistemi ta' informazzjoni sostanzjali dwar dan il-qasam, jiġifieri s-SIS II, il-VIS u l-Eurodac, għaliex din hija l-aktar soluzzjoni affidabbli;

148.  Jiddeplora l-fatt li t-Trattat ta" Lisbona se jidħol fis-seħħ mingħajr ma l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu ħejjew b'mod adegwat il-miżuri meħtieġa għal 'bidu ġdid" fil-qasam tal-AFSJ; jindika li, kuntrarjament għal dak li sar fil-qasam ESDP, l-aktar dwr is-Servizz għall-Azzjoni Esterna, ma sar l-ebda xogħol ta" tħejjija bil-għan li jiġu implimentati l-bażijiet legali dwar it-trasparenza (Artikolu 15 TFEU), il-protezzjoni tad-dejta (Artikolu 16 TFEU) u n-non-diskriminazzjoni (Artikolu 18 TFEU), u li l-eżitu ta" din is-sitwazzjoni għandu mnejn ikun żmien twil ta" inċertezza legali li taffettwa lill-AFSJ b'mod partikolari; jitlob lill-Kummissjoni, in vista ta" dan kollu u b'riferiment għall-Artikolu 265 tat-TFUE, tippreżenta dan li ġej skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja qabel l-1 ta" Settembru 2010:

   proposta għal qafas leġiżlattiv li jiddelinea l-involviment tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-valutazzjoni tal-politiki AFSJ u tal-aġenziji involuti f'livell Ewropew (inklużi l-awtoritajiet Schengen, l-Europol, l-Eurojust, il-Frontex u l-EASO);
   mandat rivedut l-FRA, li jkun ikopri, fost ħwejjeġ oħrajn, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwestjonijiet kriminali;
   proposta leġiżlattiva li timplimenta l-Artikolu 16 tat-TFEU u l-Artikolu 39 tat-TUE, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tad-dejta fejn jidħlu kwestjonijiet ta' sigurtà, u, fl-istess waqt, li twessa" l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta mill-istituzzjonijiet tal-UE;
   qafas legal revedut għall-Europol u l-Eurojust biex jinġiebu in linja mal-qafas legali l-ġdid tal-UE;

Kwistjonijiet urġenti

149.  Jitlob lill-Kummisjoni biex tipproponi immedjatament il-konsolidazzjoni tal-1,200 miżura differenti adottati fl-AFSJ mill-1993 sabiex tiddaħħal il-koerenza f'dan il-qasam tal-politika, waqt li jittieħed kont tal-missjonijiet u r-rwoli ġodda tal-Unjoni, kif ukoll tal-qafas legali ġdid li joffri t-Trattat ta' Lisbona, li għandu jibda bl-oqsma kkunsidrati bħala prijoritarji bi qbil mal-Parlament Ewropew; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament se jevalwa l-impenji tagħha dwar dan matul is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji li se jsiru dalwaqt; jitlob lill-Kummissjoni għalhekk li tiddikjara b'mod ċar, fuq bażi każ każ, liema proposti beħsiebha tikkodifika jew tipproponi mill-ġdid, u jirriżerva l-jedd li jagħmel użu sħiħ mis-setgħa tiegħu li jemenda l-leġiżlazzjoni; iqis li l-qafas legali ġdid tal-AFSJ għandu jingħata prijorità fuq il-ħtieġa għall-kontinwità jew konsolidament tal-leġiżlazzjoni li tfasslet f'qafas kostituzzjonali differenti ħafna;

150.  Jisħaq li, b'mod partikolari għall-proposti leġiżlattivi marbutin mal-AFSJ, il-proċess ta" kif jittieħdu d-deċiżjonijiet għandu, mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Lisbona, ikun trasparenti u jimxi mar-regoli dwar:

   il-perijodu ta" tmien ġimgħat li matulu l-parlamenti nazzjonali jistgħu jivverifikaw l-ottemperanza mal-kriterju tas-sussidjarjetà,
   l-opt-ins/opt-outs speċifiċi mogħtijin lil xi pajjiżi (ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka),
   il-poter delegat ġdid (Artikolu 290 TFEU) u l-miżuri ta" implimentazzjoni li hemm disposti fl-Artikolu 291 TFEU, li bħalissa ma għandhom l-ebda bażi legali;
  

Huwa tal-fehma li, fil-każijiet fejn proċedura leġiżlattiva ngħatat bidu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Nizza fejn hija prevista konsultazzjoni sempliċi tal-Parlament, kif inhu l-każ f'bosta oqsma tal-AFSJ, u fejn l-opinjoni tal-Parlament ingħatat, il-proċedura leġiżlattiva għandha terġa' tibda skont it-Trattat ta' Lisbona fl-ewwel qari sabiex il-Parlament jingħata l-opportunità jesprimi l-opinjonijiet tiegħu konxju tal-prerogattivi tiegħu;

151.  Jisħaq li, kuntrarjament għal ma ntqal fl-abbozz tal-Programm ta' Stokkolma tal-Presidenza, meta id-drittijiet fundamentaliikunu nvoluti, hija l-politika esterna tal-UE li għandha tottempera ruħha mal-qafas legali intern tal-UE u mhux bil-kontra; jitlob li jkun infurmat minnufih dwar in-negozjati ppjanati jew pendenti dwar ftehimiet internazzjonali li jolqtu l-AFSJ, b'mod partikolari dawk imsejsin fuq l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat tal-UE kurrenti; iqis li għandha tingħata prijorità speċjali lill-formulazzjoni, qabel is-samit li ġej bejn l-UE u l-Istati Uniti, ta" strateġija komuni koerenti għar-relazzjonijiet futuri mal-Istati Uniti b'rabta mal-AFSJ, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mas-segwenti ftehimiet pendenti:

   dak li għamlet il-Komunità s'issa fil-qasam tal-ftehima għat-tneħħija tal-viża ESTA,
   il-ftehima dwar ir-reġistri UE-Stati Uniti għall-ismijiet ta" passiġġieri,
   il-ftehima UE-Stati Uniti dwar l-aċċess għad-dejta finanzjarja (SWIFT) b'referenza debita riferiment għall-ftehimiet tal-UE-Stati Uniti dwar l-assistenza legali reċiproka u l-estradizzjoni,
   il-qafas UE-Stati Uniti għall-protezzjoni tad-dejta skambjata għal finijiet ta" sigurtà;

152.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissimplifika l-programmi finanzjarji stabbiliti biex jappoġġjaw il-ħolqien tal-AFSJ, u tagħmilhom aktar aċċessibbli; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa għal solidarjetà finanzjarja fit-tħejjija ta' perspettivi finanzjarji ġodda;

153.  Jirriżerva d-dritt li jerġa' jressaq proposti speċifiċi meta jiġi kkonsultat dwar il-programm ta" azzjoni leġiżlattiva;

154.  Jappella għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u l-evalwazzjoni tal-programm ta' Stokkolma sal-bidu tal-2012;

o
o   o

155.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU C 267, 14.10.1991, p. 33.
(2) ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 99.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2008)0352.
(4) Testi Adottati P6_TA(2009)0386.
(5) Suġġett għall-Artikolu 10 tal-Protokoll 36 dwar dispożizzjonijiet transitorji u l-Artikolu 276 TFEU.
(6) ĠU L 328, 6.12.2008, p.55.
(7) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(8) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II), (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40)
(9) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta" Diċembru 2000 dwar il-kompetenza, l-għarfien, u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).
(10) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta" Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p.1).
(11) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27.
(12) Kawżi konġunti C-402/05 P u C-415/05 P, Kadi and Al Barakaat International Foundation v il-Kunsill u l-Kummissjoni [2008] ECR I-6351.
(13) ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.
(14) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
(15) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

Avviż legali - Politika tal-privatezza