Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2675(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0185/2009

Testi mressqa :

B7-0185/2009

Dibattiti :

PV 25/11/2009 - 12
CRE 25/11/2009 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2009 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0097

Testi adottati
PDF 320kWORD 87k
Il-Ħamis, 26 ta' Novembru 2009 - Strasburgu
L-istrateġija dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija
P7_TA(2009)0097B7-0185/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2009 dwar id-dokument ta" strateġija tal-Kummissjoni 2009 dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2009-2010" (COM(2009)0533), u r-Rapporti dwar il-Progress tal-Pajjiżi 2009 li jinsabu magħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta" Marzu 2006 dwar id-dokument(1) tal-2005 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir, tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006-2007(2), u tal-10 ta' Lulju 2008 dwar id-dokument ta' strateġija tal-2007 tal-Kummissjoni(3),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 t'Ottubru 2009 bl-isem "Il-Kosovo(4) – Twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu" (COM(2009)0534),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi, fuq il-bażi tal-Artikolu 49 tat-Trattat UE, "[kull] Stat Ewropew ... jista" japplika biex isir membru tal-Unjoni",

B.   billi l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea, kif affermat mill-ġdid mill-Kunsill Ewropew ta" Tessaloniki tad-19-20 ta" Ġunju 2003, il-Kunsill Ewropew ta" Brussell tal-15-16 ta" Ġunju 2006 u l-laqgħat għolja sussegwenti; billi l-impenji kollha eżistenti magħmulin favur il-pajjiżi Ewropej tax-Xlokk għandhom jiġu onorati,

C.   billi t-Turkija ilha pajjiż kandidat sa mill-1999, il-Kroazja sa mill-2004, u Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sa mill-2005; billi l-Albanija, il-Montenegro u l-Islanda applikaw sabiex jissieħbu fl-Unjoni, u l-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tevalwa l-applikazzjonijiet tal-Montenegro u tal-Islanda; billi ġew iffirmati Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Bosnja-Ħerzegovina u mas-Serbja; u billi l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi ftehimiet ta" liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-viżi għall-Kosovo fuq medda ta' żmien medja,

D.   billi kull tkabbir li sar s'issa kien bla dubju suċċess kemm għall-UE u kif ukoll għall-Istati Membri li ngħaqdu magħha u kkontribwixxa għall-istabilità, l-iżvilupp u l-prosperità fl-Ewropa kollha kemm hi, huwa essenzjali li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat li kull tkabbir ġejjieni jkun suċċess ukoll,

E.   billi l-Istrateġija tat-tkabbir hija ħafna aktar minn metodoloġija ta' negozjar, li tirrifletti t-twemmin ewlieni li l-UE hija komunità ta" valuri komuni, u li hija marbuta b'mod kumpless mad-dibattitu dwar l-objettivi u l-effikaċja tal-UE, il-futur tagħha u l-irwol tagħha fost il-pajjiżi ġirien u fid-dinja,

F.   billi għadd ta' kandidati u kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE għad għandhom kwistjonijiet mhux riżolti mal-ġirien tagħhom; billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjoni ta' ġirien tajba jibqgħu il-fatturi ewlenin fil-proċess ta' integrazzjoni,

1.  Jibqa' impenjat ħafna favur il-politika ta" tkabbir, li kienet waħda mill-aktar politiki ta" suċċess fost il-politiki kollha tal-UE u li minnha bbenefikaw kemm l-Istati Membri eżistenti kif ukoll dawk ġodda; ifakkar li t-tkabbir preċedenti ta kontribut għal tkabbir bla preċedent taż-żona ta' paċi, sigurtà u prosperità fl-Ewropa, u jerġa' jafferma l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tibqa' għaddejja bil-proċess tat-tkabbir;

2.  Jemmen li jistgħu jinstiltu lezzjonijiet mit-tkabbir ta' qabel u li modi oħra biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess ta" tkabbir iridu jkunu bbażati fuq l-esperjenzi pożittivi li ttieħdu s'issa; ifakkar ukoll, kif indikat f'riżoluzzjonijiet preċedenti, il-ħtieġa li jingħata lok għal konsolidazzjoni istituzzjonali, finanzjarja u politika adegwata tul il-proċess tat-tkabbir;

3.  Jenfasizza li l-prinċipji msemmija fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 dwar "kunsens imġedded dwar it-tkabbir", b'mod partikulari l-ħila tal-Unjoni Ewropea li tiffunzjona b'mod effettiv u li tiżviluppa, iridu jibqgħu elementi indispensabbli tal-politika tat-tkabbir tal-UE;

4.  Jerġa' jafferma li huwa imperattiv li jittieħed impenn sod għall-konformità sħiħa u rigoruża mal-kriterji kollha stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fil-21 u t-22 ta' Ġunju 1993 mill-pajjiżi kandidati kif ukoll mill-Unjoni Ewropea, anke għall-kapaċità ta' integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex janalizzaw u jżidu l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jenfasizza li l-istat tad-dritt hu prinċipju ewlieni tal-iżvilupp demokratiku, ekonomiku u soċjali, u huwa wieħed mill-kundizzjonijiet ewlenin tal-adeżjoni fl-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi magħmula fir-reġjun għall-implimentazzjoni ta' riformi rispettivi iżda jinnota li xi pajjiżi għadhom qed jiffaċċjaw sfidi kbar, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-libertà tal-espressjoni hija waħda mill-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u josserva bi tħassib li f'xi pajjiżi din għadha mhix qed tiġi rispettata għalkollox; jikkunsidra li hi prijorità għall-Balkani tal-Punent u għat-Turkija li jiżguraw li l-media tkun ħielsa mill-indħil politiku u li jiggarantixxu l-indipendenza tal-korpi regulatorji; jistieden lill-pajjiżi konċernati biex jistabbilixxu oqsfa legali xierqa u jiżguraw li l-liġi tiġi rispettata;

8.  Jagħmel enfasi li l-kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (ICTY) hija kundizzjoni fundamentali biex il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jagħmlu progress fit-triq lejn sħubija fl-Unjoni, imma jindika li - u dan hu daqstant importanti - ir-rimedji għar-reati tal-gwerra għandhom jidhru f'għajnejn is-soċjetà ta" dawk il-pajjiżi bħala pass vitali biex issir ġustizzja mal-vittmi u tkun iffaċilitata r-rikonċiljazzjoni reġjonali;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet ta' ġirien tajba bħala prerekwiżit għall-istabilità u l-kooperazzjoni reġjonali u għal proċess ta' tkabbir mingħajr ebda xkiel; jistieden lill-pajjiżi kollha kkonċernati jagħmlu kull sforz possibbli biex jirriżolvu kull tilwima mal-ġirien tagħhom fl-istadji bikrija tal-proċess ta' tkabbir; jenfasizza, madankollu, li tali tilwim bilaterali għandu jiġi riżolt mill-partijiet konċernati; jissuġġerixxi li jekk il-partijiet ikkonċernati jonqsu milli jirrisolvu tali tilwim, l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel l-isforzi kollha biex issib soluzzjoni; jindika li filwaqt li tilwim tali m'għandux, fih innifsu, jkun ta' ostakolu għall-progress lejn l-adeżjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tevita li ttaqqal lilha nnifisha b'dan it-tilwim bilaterali pendenti u għandha tagħmel kull ma tista' biex jiġi riżolt qabel l-adeżjoni;

10.  Jinnota bi tħassib il-problemi ekonomiċi li għandu r-reġjun tal-Balkani tal-Punent b'riżultat tal-kriżi finanzjarja; jilqa" d-disponibilità tal-Kummissjoni li tagħti għajnuna finanzjarja straordinarja, bħall-assistenza makro-ekonomika u l-appoġġ baġitarju dirett; jisħaq li s-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli minħabba l-livelli għolja ta" faqar u qgħad li hemm f'xi wħud mill-pajjiżi kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi nfushom jagħmlu kull sforz possibbli għalbiex jimmitigaw l-effetti tal-kriżi, l-aktar fuq dawk il-membri tas-soċjetà li huma l-iżjed vulnerabbli;

11.  Jissottolinea l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent bħala fatturimportanti fil-proċess ta" tkabbir u fl-istess waqt bħala element vitali għall-proċess ta" rikonċiljazzjoni, filwaqt li ttejjeb il-kuntatt bejn il-popli; barra minn hekk, ifakkar il-benefiċċji ta" tali kooperazzjoni f'termini ta" volum akbar ta' kummerċ, sigurtà tal-enerġija, imtejjeb permezz tad-diversifikazzjoni tal-fornituri, tas-sorsi u tar-rotot tal-provvista tal-enerġija, il-politiki ambjentali u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar; għal dan il-għan, jinnota b'sodisfazzjon ix-xogħol tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali; jitlob li jkun hemm aktar rieda politika u koordinazzjoni aħjar għall-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra t-traffikar, partikolarment rigward il-protezzjoni tal-vittmi; jisħaq li l-kooperazzjoni politika u ekonomika reġjonali trid tinkludi l-atturi politiċi kollha kif ukoll is-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa, u m'għandhiex tkun imxekkla mill-problemi politiċi bilaterali; f'dan ir-rigward, jistieden lill-partijiet kollha konċeranti sabiex ifittxu soluzzjonijiet pragmatiċi bl-għan li jiżguraw l-inklużività tal-kooperazzjoni reġjonali, bla ħsara għall-pożizzjonijiet differenti dwar l-istatus tal-Kosovo;

12.  Jistieden lill-pajjiżi kollha konċernati sabiex jagħmlu sforz ikbar fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sessi, il-promozzjoni tal-aċċess għal rimedji legali f'każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi u sabiex tkompli tiżdied il-parteċipazzjoni politika tan-nisa;

13.  Jikkunsidra li hu kruċjali li tiġi mħeġġa żieda fil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs) fil-livell ċentrali kif ukoll dak lokali kif ukoll sabiex jitjieb l-appoġġ u l-finanzjament għall-NGOs, biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ippjanar u fl-użu tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili tal-Istrument tal-Pre-adeżjoni, u sabiex jitjieb id-djalogu soċjali fis-suq tax-xogħol;

14.  Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun biex jagħmlu sforzi akbar ħalli jtejbu s-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi, b'mod partikolari r-Roma; jenfasizza li r-Roma sikwit isofru minn diskriminazzjoni, u li, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fis-suq tax-xogħol u fis-sistemi tal-edukazzjoni mainstream għandha tiżdied bil-kbir; f'dan ir-rigward, jieħu nota tal-ftehimiet ta" riammissjoni bilateri konklużi mill-pajjiżi Balkani tal-Punent mal-Istati Membri, u jistieden lill-pajjiżi kkonċernati sabiex iżidu l-isforzi tagħhom biex jinħolqu l-kundizzjonijiet soċjali xierqa, l-infrastruttura u l-aċċess għal servizzi pubbliċi sabiex jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali tar-Roma u tkun iffaċilitata r-riintegrazzjoni tar-Roma wara r-ritorn tagħhom; jistieden lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u lill-Istati Membri sabiex isegwu mill-qrib ir-riintegrazzjoni tar-Roma repatrijati u sabiex jirrappurtaw lura lill-Kummissjoni fuq bażi annwali dwar dak li jkun inkiseb sabiex tiġi faċilitata l-evalwazzjoni tal-politiki tar-riintegrazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

15.  Jenfasizza l-importanza vitali tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-ex-RepubbliċiJugoslavi tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja laħqu l-kriterji għal-liberalizzazzjoni tal-viżi. Is-sistema fejn iċ-ċittadini tagħhom mhux se jkollhom bżonn viża hi mistennija tibda taħdem mid-19 ta' Diċembru 2009; jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-Albanija u tal-Bosnja-Ħerzegovina biex iħaffu l-proċess għall-ilħuq tal-kundizzjonijiet tal-pjan direzzjonali dwar is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża, u jħeġġiġhom jimxu 'l quddiem bil-preparamenti sabiex jilħqu l-kriterji kollha relevanti sabiex is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi tkun tista' tapplika minn Lulju 2010; jikkunsidra li, bl-għan li jmexxi 'l quddiem l-implimnetazzjoni tal-aġenda ta' Thessaloniki u bħala parti mill-approċċ reġjonali tagħha, il-Kummissjoni, fil-limiti tal-kompetenza tagħha u fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 1244 tal-10 ta' Ġunju 1999 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha mill-aktar fis possibbli tibda d-djalogu dwar il-viżi mal-Kosovo bil-għan li tistabbilixxi pjan direzzjonali għall-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi simili għal dawk stabbiliti mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

16.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha fir-reġjun sabiex mill-aktar fis possibbli jadottaw jew b'mod effettiv jimplimentaw liġijiet dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, b'mod partikulari fid-dawl tal-fatt li ħafna każijiet ta' theddid, attakki, intimidazzjoni jew diskriminazzjoni ta' persuni lesbjani, ommosesswali, bisesswali jew transesswali jibqgħu ma jiġux rappurtati u proċessati;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet internazzjonali u Kosovari sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu għall-għeluq immedjat tal-kampijiet tal-persuni spostati internament Çesmin Llugë/Česmin Lug, Osterode u Leposaviq/Leposavić li huma mniġġsa biċ-ċomb, u li jinsabu f'żoni tossiċi ħafna fejn hemm miġbur il-materjal ta' fdal tal-minjiera taċ-ċomb ta' Trepça, u sabiex jiżguraw l-iktar d-drittijiet tal-bniedem bażiċi tal-familji li jgħixu hemm billi jeħduhom f'postijiet sikuri b'kundizzjonijiet sanitarji diċenti;

18.  Huwa tal-fehma li, sabiex jinżamm l-appoġġ taċ-ċittadini tal-UE għal aktar tkabbir u l-impenn taċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati li jkomplu bir-riformi, huwa kruċjali li jingħatalhom tagħrif ċar u komprensiv dwar il-benefiċċji u l-implikazzjonijiet ta' din il-politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu sforz sabiex jinkiseb dan il-għan; iqis li huwa ugwalment essenzjali li t-tħassib u l-mistoqsijiet taċ-ċittadini jiġu mismugħa u indirizzati;

19.  Ifaħħar lill-Kroazja għall-progress kontinwu tagħha fl-issodisfar tal-kriterji tad-dħul fl-Unjoni kif ukoll fit-twettiq tal-obbligi tas-sħubija; jilqa" b'sodisfazzjon il-ftehim bilaterali dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwima dwar il-fruntiera mas-Slovenja, li tat l-ispinta biex jinfetħu kapitli oħra fil-proċess għall-adeżjoni; jikkunsidra li n-negozjati ta' adeżjoni jistgħu jiġu konklużi sa nofs is-sena 2010, sakemm il-Kroazja żżid l-isforzi tagħha u tissodisfa l-kriterji u l-punti ta' referenza kollha meħtieġa, inkluża kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY;

20.  Jifraħ lil Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-progress li kisbet sa mill-aħħar rapport dwar il-progress "il hawn, u b'mod partikolari matul dawn l-aħħar ftit xhur; jinnota b'sodisfazzjon li dan il-progress ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, li rrakkomandat il-ftuħ tan-negozjati għall-adeżjoni ma" dan il-pajjiż; jistieden lill-Kunsill sabiex jaġixxi skont r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fil-laqgħa għolja li għandu jsir f'Diċembru 2009; jistenna li n-negozjati jibdew fil-ġejjieni qarib bit-tama li jinstabu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għal kwistjonijiet pendenti ma' pajjiżi ġirien, inkluża l-kwistjoni tal-isem tal-pajjiż bejn Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja; jistieden lill-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom għal dan il-għan; ifakkar l-importanza tar-relazzjonijiet tal-ġirien tajba u jħeġġeġ lil dik li kienet ex-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja tkun sensittiva fir-rigward ta' kwistjonijiet li jeffettwaw lill-ġirien tagħha; jinnota l-istabbiliment riċenti ta' relazzjonijiet diplomatiċi mal-Kosovo, kif ukoll il-konklużjoni tal-ftehim dwar id-demarkazzjoni fiżika tal-fruntiera, bħala kontribuzzjoni vitali għall-istabilità tar-reġjun;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-ex-Repubbliki Yugoslavi tal-Maċedonja jissoktaw bl-isforzi tagħhom fil-proċess ta" riforma, b'mod partikolari fl-oqsma tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tar-riforma ġudizzjarja, il-politika ta" kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet tan-nisa u r-relazzjonijiet interetniċi, inkluż li jiggarantixxu d-drittijiet ta' persuni ta' kull oriġini etnika u li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja u fl-amministrazzjoni pubblika;

22.  Jifraħ dwar il-progress li għamlet it-Turkija bħala pajjiż kandidat lejn l-issodisfar tal-kriterji politiċi ta' Kopenħagen; iħeġġeġ lill-Gvern Tork u lill-partiti parlamentari kollha fit-Turkija sabiex jilħqu kunsens dwar il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi essenzjali; jilqa' b'sodisfazzjon l-approvazzjoni mill-gvern tal-istrateġija tar-riforma tal-ġudikatura u jindika l-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni tagħha b'ħeffa għall-funzjonament tal-Istat Tork u tas-soċjetà Torka; hu mħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà tal-istampa, b'mod partikolari wara l-multa bla preċedent li ġiet imposta fuq grupp tal-media; jinnota b'sodisfazzjon id-dibattitu pubbliku dejjem aktar miftuħ fit-Turkija dwar temi li qabel kienu tabù; jiddispjaċih dwar il-progress limitat li sar fil-qasam tal-libertà tar-reliġjon, u jħeġġeġ lill-gvern sabiex jistabbilixxi qafas legali konformi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali li tippermetti lill-komunitajiet reliġjużi kollha li mhumiex Musulmani u lill-Komunità Alevi li jiffunzjonaw mingħajr xkiel żejjed; jiddeplora l-fatt li għadhom mhux qed jiġu sodisfati l-impenji li jirriżultaw mill-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija u jħeġġeġ lit-Turkija sabiex tkompli bl-implimentazzjoni sħiħa u non-diskriminatorja tiegħu; jistieden lill-Gvern Tork kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati kollha, sabiex jagħtu kontribut attiv għas-sejba ta' soluzzjoni komprensiva għall-kwistjoni ta' Ċipru, ibbażata fuq ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE; jilqa" b'sodisfazzjon l-isforzi għal riżoluzzjoni tal-kwistjoni Kurda, fil-kuntest tal-proġett "Ftuħ għad-Demokrazija", iħeġġeġ lill-Gvern Tork sabiex jieħu miżuri konkreti biex jindirizza s-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta" oriġini Kurda u jitlob lill-forzi politiċi kollha sabiex japoġġjaw lil dan il-proċess; ifaħħar l-isforzi diplomatiċi li saru għalbiex ikunu nnormalizzati r-relazzjonijiet mal-Armenja u jħeġġeġ lill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka u lill-Parlament tal-Armenja biex jirratifikaw il-protokolli relevanti; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar mit-Turkija tal-Ftehim Intergovernattiv dwar il-pajplajn tal-gass Nabucco, li l-implimentazzjoni tagħha tibqa' waħda mill-ogħla prijoritajiet tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE, u jitlob li jinfetaħ il-kapitolu tal-enerġija fin-negozjati ta' adeżjoni; jinnota li reġgħu bdew in-negozjati dwar ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, u jħeġġeġ lit-Turkija biex timplimenta bis-sħiħ, sadanittant, il-ftehimiet bilaterali eżistenti ta' riammissjoni mal-Istati Membri; jistieden lill-Gvern Tork jikkoordina l-politika barranija tiegħu mal-UE, b'mod partikolari fejn jidħol l-Iran; jesprimi dispjaċir, madanakollu, li l-kooperazzjoni strateġika NATO-UE li testendi lil hinn mill-arranġamenti tal-"Berlin Plus" għadha qiegħda tiġi ostakolata mill-oġġezzjonijiet tat-Turkija, u dan għandu konsegwenzi negattivi għall-ħarsien tal-persunal tal-UE li jkun fl-azzjoni, u jħeġġeġ lit-Turkija sabiex twarrab dawn l-oġġezzjonijiet kemm jista' jkun malajr;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon il-progress li għamlet is-Serbja, u b'mod partikolari fl-implimentazzjoni unilaterali tal-Ftehim Interim; huwa tal-fehma li tali implimentazzjoni unilaterali, imwettqa fl-isfond tal-kriżi finanzjarja, turi l-impenn tal-pajjiż biex jimxi "l quddiem fit-triq li twassal għal sħubija fl-Unjoni; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kunsill jiddeċiedi dwar ir-ratifika tal-Ftehim Interim mingħajr dewmien; jitlob lis-Serbja sabiex tikkoopera b'mod sħiħ mal-ICTY; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, ir-rapport ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2009 lill-Prosekutur Ewlieni tal-ICTY li jgħid li s-Serbja għamlet progress addizzjonali fil-kooperazzjoni tagħha mal-ICTY; jagħti importanza lill-fatt li l-prosekuzzjonijiet qed ikomplu fil-Kamra tar-Reati tal-Gwerra tal-Qorti Distrettwali ta' Belgrad; jilqa" b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-protokoll tal-pulizija mill-awtoritajiet Serbi mal-Missjoni tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt (EULEX KOSOVO) u jistieden lis-Serbja tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni tagħha mal-EULEX KOSOVO, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-operazzjonijiet tal-EULEX KOSOVO fil-Kosovo ta" Fuq; jiddispjaċih dwar it-talba indirizzata mill-awtoritajiet Serbi lis-Serbi Kosovari għal bojkott tal-elezzjonijiet lokali tal-15 ta' Novembru 2009 u jħeġġiġhom jadottaw approċċ kostruttiv immirat sabiex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva tal-komunità Serba Kosovara fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo;

24.  Jirrikonoxxi li l-Bosnja-Ħerzegovina għamlet xi progress fil-qasam tas-sigurtà u tal-immaniġġjar tal-fruntieri; madankollu, jesprimi n-nuqqas ta" sodisfazzjon tiegħu dwar il-progress limitat miksub mill-Bosnja-Ħerzegovina bħala pajjiżi kandidat potenzjali fit-triq li twassal għal sħubija fl-Unjoni; jinnota bi tħassib dejjem akbar il-klima politika instabbli u n-nuqqas ta" viżjoni komuni għaż-żewġ entitajiet, u jikkundanna l-użu ta" lingwaġġ xewwiexi, li jista" jimmina l-kisbiet fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni interetnika u l-funzjonament tal-istrutturi tal-Istat; iħeġġeġ lill-Kunsill jissokta bl-isforzi tiegħu, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex jissokta d-djalogu mal-mexxejja politiċi fil-Bosnja-Ħerzegovina biex dak il-pajjiż u l-popli tiegħu jkunu megħjunin jibqgħu fit-triq li twassal għall-integrazzjoni Ewropea; jenfasizza li hu importanti li jinħoloq qafas kostituzzjonali aktar sostenibbli li jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż jiffunzjonaw b'mod aktar effettiv; konsegwentement jinnota l-aktar sforzi diplomatiċi konġunti riċenti mill-Presidenza tal-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u jirrakkomanda aktar negozjati li jikkunsidraw arranġamenti preċedenti bejn il-politiċi fil-Bosnja-Ħerzegovina; ifakkar il-ħtieġa li l-parlamentari u s-soċjetà ċivili jiġu involuti aktar mill-qrib sabiex isostnu pajjiż vijabbli;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Kosovo(5), anke li tesplora l-possibilità li l-Kosovo jipparteċipa fi programmi Komunitarji; jistenna li l-proċess ta' diċentralizzazzjoni jiġi konkluż qabel l-aħħar tas-sena sabiex jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi tal-Pjan Ahtisaari, filwaqt li tkun żgurata rappreżentazzjoni politika għar-residenti kollha tal-Kosovo u b'mod partikolari l-minoranza Serba; jistieden lill-awtoritajiet Kosovari sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu u jiggarantixxu r-rispett lejn id-drittijiet tal-minoranzi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-elezzjonijiet lokali tal-15 ta' Novembru 2009 b'mod ġenerali saru b'mod paċifiku u mingħajr wisq skossi, u jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni Ċentrali tal-Elezzjonijiet li ħejjiet għalihom; jilqa' b'sodisfazzjon, barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tajba bla preċedent tas-Serbi Kosovari, u jikkunsidra bħala indikazzjoni inkoraġġanti li l-komunità Serba Kosovara hija lesta tassumi r-responsabilitajiet tagħha fl-istituzzjonijiet Kosovari; jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-EULEX kisbet kapaċità operattiva sħiħa li se tippermettilha twettaq il-mandat tagħha ta' promozzjoni tal-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà fit-trasparenza u fir-responsabilizzazzjoni fil-Kosovo kollu u twitti t-triq għall-integrazzjoni tal-Kosovo fl-Unjoni, jekk hija tilħaq il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti meħtieġa;

26.  Tirrikonoxxi l-progress tal-Montenegro sa mill-aħħar rapport ta' progress; jnnota li l-pajjiż applika għal sħubija fl-Unjoni u li l-Kunsill ħa d-deċiżjoni li jistieden lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro; ifaħħar lill-Montenegro dwar il-kisbiet tiegħu b'mod speċjali dwar il-mod korrett ta' kif saru l-elezzjonijiet riċenti u l-prestazzjoni ekonomika solida tiegħu minkejja l-kriżi ekonomika dinjija, u jħeġġeġ lill-pajjiż sabiex ikompli bl-isforzi tiegħu fit-triq lejn ir-riforma;

27.  Jirrikonoxxi l-progress li għamlet l-Albanija sa mill-aħħar rapport ta' progress, u b'mod partikulari fil-proċess tal-ħruġ tal-karti tal-identità u t-titjib fil-qafas legali u amministrattiv tal-proċess elettorali, kif deher mill-aħħar elezzjonijiet nazzjonali; iħeġġeġ lill-oppożizzjoni biex tieqaf tibbojkottja l-parlament, u jitlobha twettaq id-dover tagħha li tirrappreżenta l-votanti tagħha fil-parlament; jistieden lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex isibu bażi komuni għal segwitu fl-aħħar elezzjonijiet fil-parlament; jnnota li l-Albanija applikat għal sħubija fl-Unjoni u li l-Kunsill ħa d-deċiżjoni li jistieden lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta' dan il-pajjiż; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Albaniżi biex ikomplu bl-isforzi tagħhom fit-triq ta' riforma favur il-progress ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini, biex il-pajjiż ikun jista' jimxi 'l quddiem fi triqtu lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija u jistenna li l-Kummissjoni dalwaqt se tħejji opinjoni u rakkomandazzjoni dwar dik l-applikazzjoni u li, fid-dawl tat-tradizzjoni demokratika stabbilita ta' dan il-pajjiż u l-livell għoli ta' allinjament mal-acquis communautaire, l-Islanda se tingħata status ta' kandidat fil-ġejjieni qarib; madankollu tikkunsidra li l-imġiba tal-Islanda fil-passat fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea għandu jkun element essenzjali tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiftaħ uffiċċju b'delegazzjoni f'Reykjavik fl-ewwel nofs tas-sena 2010;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżviluppaw mudell funzjonali u koerenti għad-delegazzjonijiet ġodda tal-UE fil-qasam tat-tkabbir, filwaqt li tinżamm l-unità tal-azzjoni tal-UE wara t-twaqqif tas-Servizz ta' Azzjoni Esterna Ewropew (EEAS), b'mod speċjali jekk il-kompetenza għall-politika tat-tkabbir tibqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-EEAS;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi konċernati.

(1) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 402.
(2) ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 480.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0363.
(4)* Skont UNSCR 1244/1999
(5) 22 Stat membru tal-UE irrikonoxxew lill-Kosovo filwaqt li ħamsa ma rrikonoxxewhx.

Avviż legali - Politika tal-privatezza