Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0105/2010

Dibattiti :

PV 11/02/2010 - 10.3
CRE 11/02/2010 - 10.3

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2010 - 11.3
CRE 11/02/2010 - 11.3

Testi adottati :

P7_TA(2010)0033

Testi adottati
PDF 216kWORD 53k
Il-Ħamis, 11 ta' Frar 2010 - Strasburgu
Il-Burma
P7_TA(2010)0033RC-B7-0105/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta“ Frar 2010 dwar il-Burma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burma/Mjanmar tad-27 ta“ April 2009 u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew – Dikjarazzjoni dwar il-Burma/Mjanmar tad-19 ta“ Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea tal-11 ta“ Ġunju 2009 dwar iċ-ċivili Karen li qegħdin jaħarbu mill-Burma/Mjanmar,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-23 ta“ Frar 2009 li sejħet għal djalogu globali inklussiv bejn l-awtoritajiet u l-forzi demokratiċi fil-Burma/Mjanmar,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 64/238 tat-23 ta“ Diċembru 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea tal-14 ta“ Mejju 2009 dwar l-arrest ta” Daw Aung San Suu Kyi,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-ASEAN tal-11 ta“ Awwissu 2009 dwar il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma/Mjanmar,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta“ Proċedura tiegħu,

A.   billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Mjanmar kompliet tmur għall-agħar, ir-ripressjoni politika żdiedet aktar u l-libertajiet fundamentali tal-poplu tal-Burma qegħdin jinkisru b'mod sistematiku,

B.   billi l-militar baqa“ jwettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil extra-ġudizzjarju, xogħol furzat u vjolenza sesswali, kontra l-popolazzjonijiet ċivili f'żoni ta” kunflitti etniċi,

C.   billi r-reġim tal-Burma qed ikompli r-reklutaġġ furzat mifrux u sistematiku ta“ tfal suldati,

D.   billi skont ir-rapporti, fil-Burma hemm madwar 2 177 priġunier politiku, inkluż 14-il ġurnalista, u billi aktar minn 230 reliġjuż Buddista li ħadu sehem fil-protesti tal-2007 għadhom fil-ħabs,

E.   billi fil-ħarifa tal-2010 il-Burma/Mjanmar hu mistenni jżomm l-ewwel elezzjonijiet parlamentari tiegħu fl-aħħar għoxrin sena,

F.   billi l-elezzjonijiet se jkunu bbażati fuq kostituzzjoni mfassla mill-armata, li jeżistu dubji serji dwar il-leġittimità tagħha; billi din il-kostituzzjoni l-ġdida tipprevedi l-elezzjonijiet fl-2010 biex tiġġustifika ħamsin sena ta“ reġim militari u tagħti 25% tas-siġġijiet parlamentari lill-militar,

G.   billi l-Kostituzzjoni l-ġdida tipprojbixxi lil Aung San Suu Kyi, Mexxejja tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) u Rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, minn kariga pubblika; billi xi partiti tal-oppożizzjoni u gruppi etniċi ta“ minoranza ddikjaraw li se jibbojkottjaw l-elezzjonijiet, filwaqt li l-NLD mhijiex lesta taċċetta r-riżultat jekk qabel ma jkunx hemm djalogu għal reviżjoni kostituzzjonali,

H.   billi fit-28 ta“ Jannar 2010 Ngwe Soe Lin ingħata sentenza ta” 13-il sena ħabs talli ħadem għall-aġenzija tal-aħbarijiet barranija, id-Democratic Voice of Burma, filwaqt li fit-30 ta“ Diċembru 2009 Hla Hla Win ingħata sentenza ta” 27 sena ħabs għal akkużi simili,

I.   billi r-ripressjoni kontinwa fuq l-oppożizzjoni politika mhuwiex ħlief attentat mill-ġunta tal-Burma biex tistabbilixxi kontroll akbar fuq il-midja qabel l-elezzjonijiet nazzjonali ppjanati għal aktar tard din is-sena,

J.   billi fil-11 ta“ Awwissu 2009, Daw Aung San Suu Kyi ngħatat sentenza ta” 3 snin ħabs, li aktar tard inbidlet mill-awtoritajiet tal-Burma fi 18-il xahar ta“ arrest domiċiljarju; billi l-avukati tagħha appellaw kontra s-sentenza quddiem il-Qorti Suprema tal-Burma; billi l-proċess u l-verdett mhux ġustifikat kontra Daw Aung San Suu Kyi ġie kkundannat bil-qawwi mill-komunità internazzjonali,

K.   billi f'Mejju 2009, l-attakki mill-armata tal-Burma u mill-Armata Demokratika Buddista tal-Karen (DKBA) wasslu għaċ-ċaqliq ta“ eluf ta” ċivili u sfurzaw lil madwar 5 000 refuġjat jaħrab lejn it-Tajlandja; billi hemm riskju serju li kif ir-refuġjati Karen imorru lura dawn jiġu sottomessi għal vjolazzjonijiet ħorox tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż xogħol furzat u stupru mis-suldati tal-Armata tal-Burma,

L.   billi hu stmat li hemm madwar nofs miljun refuġjat intern fil-Burma tal-Lvant u 140 000 refuġjat jinsabu f'disa“ kampijiet tul il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Burma kif ukoll ”il fuq minn 200 000 Rohingya qed jgħixu f'kampijiet tar-refuġjati jew jinsabu mifruxa max-xlokk tal-Bangladexx; billi miljuni ta“ migranti, refuġjati u dawk li qed ifittxu l-ażil mill-Burma qegħdin jgħixu fit-Tajlandja, l-Indja, il-Bangladexx u l-Malasja u xi kultant huma vittmi tat-traffikar,

M.   billi mit-2 ta“ Jannar 2010 bdiet ripressjoni mingħajr preċedent mill-aġenziji għall-infurzar tal-liġi tal-Bangladexx kontra r-refuġjati Rohingya mhux reġistrati li kienu nġabru barra żewġ kampijiet uffiċjali tar-refuġjati fid-Distrett Bazar tal-Cox; billi minn dak iż-żmien ġew arrestati aktar minn 500 Rohingya; u wħud minn dawk arrestati ntbagħtu lura lil hinn mill-fruntiera tal-Burma, filwaqt li oħrajn ġew akkużati skont il-leġislazzjoni tal-immigrazzjoni u ntbagħtu l-ħabs,

N.   billi aktar minn 5 000 Rohingya li ssetiljaw minn jeddhom fil-Bangladexx digà ħarbu minn djarhom u nġabru fil-kamp temporanju ta“ Kutupalong f'Ukhia biex ifittxu s-sigurtà; billi issa l-popolazzjoni tal-kamp żdiedet għal madwar 30 000 persuna, li ma jirċevux għajnuna f'ikel u bħalissa huma mċaħħda minn aċċess għall-għajxien, għaliex jekk iħallu l-kamp biex ifittxu x-xogħol jirriskjaw li jiġu arrestati,

1.  Jikkundanna bil-qawwi l-vjolazzjonijiet sistematiċi u li għadhom għaddejjin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet demokratiċi bażiċi tan-nies tal-Burma/Mjanmar;

2.  Jesprimi tħassib serju dwar il-proċess, il-kundanna u l-għoti tas-sentenza reċenti ta“ Daw Aung San Suu Kyi u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tagħha; jitlob li tingħata d-dritt li toħroġ għall-elezzjonijiet li jmiss;

3.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Gvern tal-Burma/Mjanmar li jżomm l-elezzjonijiet u jinsisti li skont il-kundizzjonijiet attwali dawn ma jistgħux jitqiesu ħielsa u demokratiċi; jikkritika b'mod partikolari l-projbizzjoni ta“ Aung San Suu Kyi milli toħroġ bħala kandidat;

4.  Jitlob lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex minnufih jibda djalogu ġenwin mal-NLD, ma“ kull partit tal-oppożizzjoni ieħor u mal-gruppi etniċi; jilqa” f'dan il-kuntest l-isforzi ta“ medjazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tar-Rapporteur Speċjali tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burma/Mjanmar;

5.  Iħeġġeġ bil-qawwi lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar sabiex mingħajr dewmien jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura proċess elettorali ħieles, ġust, trasparenti u inklussiv, skont standards internazzjonali, inkluż it-tnedija tal-liġijiet elettorali meħtieġa u li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-votanti kollha u tal-gruppi politiċi kollha fil-proċess elettorali u li jaċċetta l-preżenza ta“ osservaturi internazzjonali;

6.  Jikkundanna l-akkużi arbitrarji wara l-arresti tal-oppożituri politiċi jew dissidenti tar-reġim tal-Burma, b'mod partikolari r-ripressjoni u l-intimidazzjoni kontinwa tar-reliġjużi Buddisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma sabiex jieqfu milli jkomplu b'arresti ta“ motivazzjoni politika, biex jeħilsu kull priġunier ta” kuxjenza, inklużi r-reliġjużi, bla dewmien u mingħajr kundizzjonijiet u bl-għoti mill-ġdid tad-drittijiet politiċi tagħhom;

7.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet tal-libertà tal-assemblea, ta“ assoċjazzjoni, ta” moviment u ta“ espressjoni fil-Burma/Mjanmar; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar sabiex ineħħu dawn ir-restrizzjonijiet, inklużi dawk imposti fuq il-medja ħielsa u indipendenti;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diskriminazzjoni kontinwa, il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza, it-tkomplija tat-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat, iċ-ċaqliq u r-ripressjonijiet differenti li qegħdin ibatu bosta minoritajiet etniċi u reliġjużi u jitlob lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar sabiex jieħu azzjoni immedjata biex itejjeb is-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom;

9.  Jesprimi tħassib serju għat-tkomplija ta“ prattiċi bħad-detenzjoni arbitrarja, għejbien furzat, stupru u forom oħra ta” vjolenza sesswali, tortura u trattament krudil, inuman u degradanti u jitlob bis-saħħa lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar sabiex jiżgura investigazzjoni sħiħa, trasparenti, effettiva, imparzjali u indipendenti tar-rapporti kollha ta“ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja sabiex tintemm l-impunità għal dawn id-delitti;

10.  Jitlob bil-qawwa lill-ġunta militari tal-Burma sabiex twaqqaf minnufih ir-reklutaġġ kontinwu u l-użu tat-tfal suldati, sabiex tintensifika l-miżuri għall-garanzija tal-ħarsien tat-tfal mill-kunflitt armat u biex tkompli l-kollaborazzjoni tagħha mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitt Armat;

11.  Jikkundanna bil-qawwa l-kampanji ta“ tindif etniku diretti mill-Gvern tal-Burma/Mjanmar kontra l-minoranzi, inkluż dawk li qegħdin ifittxu refuġju fil-pajjiżi ġirien;

12.  Jitlob lill-gvern tar-Renju tat-Tajlandja biex ikompli jipprovdi kenn u protezzjoni lir-refuġjati Karen li qegħdin jaħarbu mill-abbużi fil-Burma/Mjanmar u sabiex ikompli jaħdem flimkien mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), il-Konsorzju tal-Fruntiera tat-Tajlandja u l-Burma (TBBC) u l-komunità internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni alternattiva li tiżgura s-sigurtà tat-3 000 refuġjat Karen;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex fid-dawl tal-kunflitt għaddej fuq il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Burma, tkompli tappoġġja l-għajnuna għar-refuġjati mill-Uffiċċju Umanitarju tal-KE (ECHO) f'dik iż-żona fl-2010;

14.  Jilqa“ l-fatt li l-Gvern tal-Bangladexx ser iħalli missjoni ta” tiftix tal-fatti mid-delegazzjoni tal-Ażja tan-Nofsinhar tiegħu teżamina s-sitwazzjoni tal-populazzjoni Rohingya fid-Distretti ta“ Cox's Bazat u Bandarban il-ġimgħa d-dieħla, u jitlob lill-Gvern tal-Bangladexx sabiex jirrikonoxxi li r-Rohingya mhux reġistrati huma nies apolidi li qegħdin ifittxu l-ażil li ħarbu mill-persekuzzjoni fil-Burma/Mjanmar u għandhom bżonn ta” protezzjoni internazzjonali u sabiex jagħtihom protezzjoni xierqa, aċċess għall-għajxien u servizzi bażiċi oħra;

15.  Iħeġġeġ lill-Gvernijiet taċ-Ċina, l-Indja u r-Russja sabiex jużaw is-saħħa ekonomika u politika tagħhom mal-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar sabiex iwasslu għal titjib sostanzjali fil-pajjiż u biex iwaqqfu l-provvista ta“ armamenti u ta” riżorsi strateġiċi oħra lir-reġim tal-Burma;

16.  Jitlob lill-Kunsill sabiex ikompli b'miżuri restrittivi mmirati lejn ir-reġim tal-Burma sakemm ikun hemm progress tanġibbli ta“ demokratizzazzjoni; fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jivvaluta l-effettività ta'dawn il-miżuri restrittivi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli u Viċi-President tal-Kummissjoni Catherine Ashton, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma, lill-Kunsill ta“ Paċi u ta” Żvilupp tal-Istat tal-Burma, lill-gvernijiet tal-ASEAN u lill-istati membri tal-ASEM, lill-gvernijiet tal-Bangladexx u tar-Russja, lis-Segretarjat tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-ASEAN dwar il-Mjanmar, lil Daw Aung San Suu Kyi, lin-NLD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burma/Mjanmar.

Avviż legali - Politika tal-privatezza