Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Testi adottati
WORD 49k
L-Erbgħa, 5 ta' Mejju 2010 - Brussell Verżjoni finali
Projbizzjoni fuq it-teknoloġiji ta“ estrazzjoni mill-minjieri bl-użu taċ-ċjanur
P7_TA(2010)0145B7-0238, 0239, 0240 u 0241/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta“ Mejju 2010 dwar projbizzjoni ġenerali tal-użu ta” teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur fl-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-prinċipju tal-prekawzjoni kif stipulat fid-Dikjarazzjoni ta“ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ta” Rio de Janeiro f'Ġunju 1992,

–   wara li kkunsidra l-għanijiet ambjentali tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta“ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (”Direttiva Qafas dwar l-Ilma“),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta“ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta” skart mill-industriji ta“ estrazzjoni, li tipprovdi għall-użu taċ-ċjanur, filwaqt li fl-istess ħin tistipula l-livelli massimi permissibbli ta” ċjanur,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta“ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (Seveso II) dwar il-kontroll fuq il-perikoli ta” inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, li tiddikjara li […] ċertu ħżin u attivitajiet ta“ proċessar fit-tħaffir fil-minjieri […] għandhom potenzjal li jikkawżaw konsegwenzi serji ħafna,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta“ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali, skont liema direttiva l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-operaturi li ma jġorrux il-piż tal-ispejjeż għad-danni ambjentali jekk ikun hemm provi li ċerti kundizzjonijiet ikun ġew sodisfati,

–   wara li kkunsidra l-programm ta“ 18-il xahar tal-Presidenza Spanjola, Belġjana u Ungeriża, u l-prijoritajiet tagħhom rigward il-politika dwar l-ilma u l-bijodiversità,

–   wara li kkunsidra l-miżuri meħuda mir-Repubblika Ċeka dwar il-projbizzjoni ġenerali ta“ teknoloġiji taċ-ċjanur, permezz tal-emenda tal-Att tat-Tħaffir Nru 44/1988 fis-sena 2000, l-emenda għall-Att Ungeriż dwar it-Tħaffir Nru 48/1993 tal-2009, li tintroduċi projbizzjoni ta” teknoloġiji tat-tħaffir ibbażati fuq l-użu taċ-ċjanur fit-territorju tal-Ungerija, u d-digriet Ġermaniż mgħoddi fl-2002 li jipprojbixxi t-tħaffir bl-użu taċ-ċjanur,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta“ Proċedura tiegħu,

A.   billi n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2010 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità, filwaqt lis-stiednet lid-dinja biex tieħu azzjoni ħalli tħares id-diversità tal-ħajja fid-dinja,

B.   billi ċ-ċjanur huwa sustanza kimika tossika ħafna użata fl-industrija tat-tħaffir għad-deheb, sustanza li tikkwalifika bħala kontaminant prinċipali skont l-Anness VII tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u li jista“ jkollha impatt diżastruż u irriversibbli fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent u għalhekk fuq il-bijodiversità,

C.   billi fil-Pożizzjoni Konġunta tagħhom dwar it-tħaffir sostenibbli maħruġa fl-14-il Laqgħa tagħhom fil-25 ta“ Mejju 2007 fi Praga (Repubblika Ċeka), il-Ministri tal-Ambjent tal-Pajjiżi Visegrad (ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja), esprimew it-tħassib tagħhom dwar it-teknoloġiji perikolużi użati u ppjanati għal attivitajiet ta” tħaffir f'siti differenti fir-reġjun, li jinvolvu perikli ambjentali konsiderevoli b'konsegwenzi potenzjali transkonfinali,

D.   billi fil-qafas tal-Konvenzjoni ta“ Sofia dwar il-Kooperazzjoni għall-Ħarsien u l-Użu Sostenibbli tax-Xmara Danubju, il-Partijiet qablu li, minbarra l-istatus tiegħu ta” sustanza perikoluża prijoritarja skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, iċ-ċjanur huwa klassifikat ukoll bħala sustanza perikoluża rilevanti,

E.   billi f'dawn l-aħħar 25 sena fid-dinja kollha kien hemm aktar minn 30 inċident kbir li jinvolvu t-tixrid taċ-ċjanur, li l-agħar wieħed minnhom seħħ 10 snin ilu, meta iktar minn 100 000 metru kubu ta“ ilma mniġġes biċ-ċjanur ħarġu minn ġibjun ta” minjiera tad-deheb għal ġos-sistema tax-Xmajjar Tisza-Danubju u kkawżaw l-ikbar diżastru ekoloġiku fl-istorja tal-Ewropa Ċentrali ta“ dak iż-żmien, u billi ma hemm ebda garanzija reali li inċidenti bħal dawn mhux se jerġgħu jseħħu, b'mod speċjali meta nqisu li inċidenza ta” kundizzjonijiet tat-temp estremi qegħda kulma jmur tiżdied, fosthom każijiet ta“ preċipitazzjoni qalila u frekwenti, kif proġettat mir-Raba” Rapport ta“ Valutazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima,

F.   billi diversi Stati Membri tal-UE għadhom qed jikkunsdiraw proġetti ġodda ta“ minjieri tad-deheb miftuħa u fuq skala kbira li jużaw teknoloġiji taċ-ċjanur f'żoni b'densità għolja ta” popolazzjoni, proġetti li jippreżentaw theddid potenzjali ulterjuri għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent,

G.   billi skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jilħqu u jmantnu “status tajjeb” għar-riżorsi tal-ilma u li jevitaw li dawn jiġu mniġġsa b'sustanzi perikolużi; billi, madankollu, li l-istatus tajjeb jista“ jiddependi wkoll mill-kwalità tal-ilma f'baċin ta” xmara f'pajjiżi ġara li jużaw teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur,

H.   billi l-effetti transkonfinali tal-inċidenti li jinvolvu ċ-ċjanur, b'mod partikulari rigward il-kontaminazzjoni ta“ baċini tax-xmajjar kbar u l-provvista tal-ilma tal-pjan, jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ tal-UE għat-theddida ambjentali serja li joħloq it-tħaffir biċ-ċjanur,

I.   billi hemm nuqqas ta“ regoli prudenzjali u garanziji finanzjarji xierqa, u billi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-tħaffir biċ-ċjanur tiddependi wkoll fuq il-ħiliet tal-poteri eżekuttivi ta” kull Stat Membru, u għalhekk hija biss kwistjoni ta“ żmien sakemm in-negliġenża tal-bniedem twassal għal inċident,

J.   billi d-Direttiva dwar l-Iskart mill-Industriji tal-Estrazzjoni għadha ma ġietx implimentata għal kollox f'xi Stati Membri,

K.   billi t-tħaffir biċ-ċjanur joħloq ftit impjiegi, u dan għal perjodu ta“ bejn 8 u 16-il sena biss, filwaqt li jġorr miegħu ir-riskju ta” danni ekoloġiċi transkonfinali enormi li normalment ma jingħatax kumpens għalihom mill-kumpaniji operattivi responsabbli, li normalment jisparixxu jew ifallu, iżda mill-istat, jiġifieri ċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi,

L.   billi l-kumpaniji operattivi m'għandhomx assigurazzjoni għal żmien twil li tkun tkopri l-ispejjeż imġarrba f'każ ta“ inċident jew ħsara fil-ġejjieni,

M.   billi tunnellata ta“ metall ta” grad baxx trid tiġi estratta sabiex jipproduċu żewġ grammi deheb, u għaldaqstant jitħallew ammonti enormi ta“ skart tat-tħaffir fis-siti, filwaqt li bejn 25 u 50% tad-deheb fl-aħħar mill-aħħar jibqa” fil-borġ tal-iskart; billi, barra minn hekk, il-proġetti tat-tħaffir biċ-ċjanur fuq skala kbira jużaw diversi miljuni ta“ kilogrammi ta” ċjanur tas-sodju kull sena, li t-trasport u l-ħżin tagħhom joffru l-potenzjal għal konsegwenzi katastrofiċi f'każ li tinqala“ problema,

N.   billi alternattivi għat-tħaffir biċ-ċjanur li jistgħu jieħdu post it-teknoloġiji msejsa fuq iċ-ċjanur fil-fatt jeżistu,

O.   billi qed jiġu organizzati protesti pubbliċi qawwija kontra l-proġetti ta“ tħaffir biċ-ċjanur li għaddejjin bħalissa fl-Ewropa, protesti li jinvolvu mhux biss liċ-ċittadini individwali, il-komunitajiet lokali u l-NGOs, iżda wkoll lil organizzazzjonijiet tal-istat, gvernijiet u politiċi,

1.  Iqis li l-konformità mal-għanijiet tal-UE skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, jiġifieri l-kisba ta“ status kimiku tajjeb għar-riżorsi tal-ilma u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tad-diversità bijoloġika, tista” tinkiseb biss jekk ma titħalliex tintuża it-teknoloġija taċ-ċjanur fit-tħaffir;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi projbizzjoni sħiħa tal-użu tat-teknoloġiji taċ-ċjanur fit-tħaffir fl-Unjoni Ewropea qabel tmiem l-2011, minħabba li dan huwa l-uniku mod sikur kif inħarsu r-riżorsi tal-ilma u l-ekosistemi tagħna kontra t-tniġġis biċ-ċjanur mill-attivitajiet tat-tħaffir, u biex fl-istess ħin twettaq valutazzjoni tal-impatt normali;

3.  Jinnota l-inizjattivi rilevanti fi ħdan is-sistemi tal-UE u tan-NU u jħeġġeġ b'qawwa l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta“ alternattivi ta” tħaffir iktar sikuri, partikolarment dawk mingħajr iċ-ċjanur;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jappoġġawx il-proġetti ta“ tħaffir li jinvolvu t-teknoloġija li tuża ċ-ċjanur fl-UE, b'mod dirett jew indirett, sakemm tkun applikabbli projbizzjoni ġenerali, u biex ma jappoġġawx proġetti bħal dawk f'pajjiżi terzi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ ir-rikonverżjoni industrijali taż-żoni fejn kien ipprojbit it-tħaffir biċ-ċjanur, permezz ta“ appoġġ finanzjarju xieraq għall-industriji ħodor alternattivi, l-enerġija li tiġġedded u t-turiżmu;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi emenda għal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-immaniġġar ta“ skart mill-industriji ta” estrazzjoni biex tkun tirrikjedi li kull kumpanija operattiva għandu jkollha assigurazzjoni biex tħallas għad-danni u biex tkopri l-ispejjeż kollha ta“ rimedju sabiex jerġa” jiġi stabbilit mill-ġdid l-istatus ekoloġiku u kimiku oriġinal f'każ ta“ inċident jew ħsara;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Frar 2011Avviż legali