Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2739(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0391/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2010 - 12.3

Testi adottati :

P7_TA(2010)0246

Testi adottati
PDF 217kWORD 50k
Il-Ħamis, 17 ta' Ġunju 2010 - Strasburgu
Eżekuzzjonijiet fil-Libja
P7_TA(2010)0246RC-B7-0391/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar rapporti annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, partikolarment dak tal-2008, u l-ħtieġa ta' moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt għadha tiġi applikata,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 u 63/168 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jsejħu għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (dwar ir-rapport tat-Tielet Kumitat (A/62/439/Add.2)),

–  wara li kkunsidra l-linji ta' gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt tas-16 ta' Ġunju 1998, u l-verżjoni riveduta u aġġornata tal-2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mir-4 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, li sar f'Ġinevra bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2010, li ssejjaħ għall-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil u l-Konvenzjoni ta' Ginevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati,

–  wara li kkunsidra d-djalogu informali li qed iseħħ bejn l-UE u l-Libja bil-ħsieb li jissaħħu r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni attwali bejn l-UE u l-Libja dwar il-migrazzjonijiet (żewġ proġetti implimentati taħt il-programm Aeneas u u l-istrument tal-Migrazzjoni u l-Ażil) u HIV-AIDS (Pjan ta' Azzjoni għal Benghazi),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tinsab fil-qofol tal-valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-Parlament Ewropew huwa impenjat bil-qawwa favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u qed jaħdem biex tintlaħaq aċċettazzjoni universali ta' dan il-prinċipju,

B.  billi l-Gvern Libjan irreżista l-passi lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; f'Diċembru 2007 u 2008, il-Libja kien fost il-minoranza ta' stati li vvotaw kontra r-riżoluzzjonijiet ta' suċċess tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li sejħu għal moratorju dinji dwar l-eżekuzzjonijiet,

C.  billi l-Libja reċentement ġiet eletta għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jimplika responsabbiltà akbar fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

D.  billi Cerene, gazzetta assoċjata mill-qrib ma' Saif al-Islam al-Gaddafi, iben il-mexxej Libjan Muammar al-Gaddafi, irrappurtat li fit-30 ta' Mejju 18-il persuna, inklużi ċittadini taċ-Ċad, l-Eġittu u n-Niġerja, kienu ġustizzjati fi Tripli u f'Benghazi wara li nstabu ħatja ta' qtil premeditat; billi l-identitajiet tagħhom ma ġewx magħmula pubbliċi mill-awtoritajiet Libjani,

E.  billi hemm il-biża li sentenzi tal-mewt jingħataw fit-tmiem ta' proċeduri li jonqsu milli jikkonformaw ma' standards internazzjonali ta' smigħ ġust,

F.  billi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għalih il-Libja hija parti, u b'mod partikolari l-artikolu 6.2 tiegħu, jobbliga lill-Istat Partijiet li ma abolixxewx il-piena tal-mewt li japplikawha “biss għall-aktar reati serji”,

G.  billi l-qrati Libjan qed ikomplu jimponu s-sentenza tal-mewt, l-aktar għal reati marbuta mal-qtil u mad-droga, għalkemm dawn jistgħu jiġu imposti wkoll għal firxa wiesgħa ta' reati oħra, inkluż l-eżerċizzju paċifika tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni,

H.  billi m'hemm l-ebda statistika uffiċjali disponibbli dwar in-numru ta' nies ikkundannati għall-mewt u ġustizzjati fil-Libja kull sena; billi skont sorsi varji, hemm aktar minn 200 persuna, inklużi ċittadini barranin, li bħalissa qed jistennew il-mewt fil-Libja,

I.  billi ċittadini barranin spiss ma jingħatawx aċċess għar-rappreżentanti konsulari tagħhom u lanqas għajnuna rigward l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni matul il-proċeduri legali,

J.  billi l-artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull tneħħija, espulsjoni jew estradizzjoni lejn Stat fejn hemm riskju serju li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għal tortura jew kastigi jew trattamenti inumani jew degradanti oħra,

K.  billi, mit-tneħħija tas-sanzjonijiet internazzjonali fuq il-Libja fl-2003, l-Unjoni Ewropea żviluppat politika ta' impenn gradwali mal-Libja, u fi tmiem l-2007 bdiet il-proċess tan-negozjar ta' ftehim ta' qafas,

L.  billi l-UE tinsab fi djalogu informali mal-Libja u sensiela ta' konsultazzjonijiet bil-għan li jiġi ffirmat ftehim ta' qafas, inkluż dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; billi n-negozjati li għaddejjin kienu kkaratterizzati sal-lum b'mill-inqas seba' rawnds ta' negozjati bejn iż-żewġ partijiet li ma rriżultaw fl-ebda progress sostanzjali jew impenji ċari min-naħa tal-Libja lejn ir-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem,

M.  billi l-ostaklu ewlieni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libja huwa n-nuqqas ta' progress fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-demokrazija, notevolment in-nuqqas tar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, kif ukoll il-politika esterna aggressiva tar-reġim Libjan, mhux l-inqas lejn Stati Ewropej; billi l-Libja ma għandha l-ebda sistema nazzjonali ta' ażil li tkopri l-eżami u r-reġistrazzjoni tar-refuġjati u l-għoti tal-istatus tal-ażil, iż-żjarat fil-faċilitajiet tad-detenzjoni u l-provvista ta' assistenza medika u umanitarji, ħidma li twettqet mill-UNCHR,

N.  billi skont l-UNHCR 9,000 refuġjat - l-aktar Palestinjani, Iraqini, Sudaniżi u Somali - ġew irreġistrati fil-Libja, filwaqt li 3,700 persuna qed jitolbu l-ażil, l-aktar mill-Eritrea; billi r-refuġjati kontinwament għandhom ir-riskju li jiġu ddeportati lejn l-istati ta' oriġini u ta' tranżitu, mingħajr ma jiġu rrispettati l-kriterji tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, fattur li jpoġġihom fir-riskju tal-persekuzzjoni u tal-mewt; billi ġew irrapportati każijiet ta' trattament ħażin, tortura u qtil fiċ-ċentri ta' detenzjoni għar-refuġjati, kif ukoll l-abbandun tar-refuġjati fil-fruntieri mwarrba bejn il-Libja u pajjiżi Afrikani oħra,

O.  billi fit-8 ta' Ġunju 2010 l-awtoritajiet Libjani ordnaw l-għeluq tal-uffiċċju tal-UNHCR, li kellu staff ta' 26 u kien ilu fi Tripli mill-1991, minħabba li r-rappreżentant tiegħu kien allegatament “wettaq attivitajiet illegali”,

P.  billi l-Libja, bħal pajjiżi oħra li ffirmaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni, ġiet allokata Programm Indikattiv Nazzjonali ta' EUR 60 miljun għall-perjodu 2011-2013 biex tkun tista' toffri aktar għajnuna għall-kura tas-saħħa u tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali,

1.  Itenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan fit-tul kontra l-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f'kull ċirkostanza; Ifakkar fl-impenn qawwi tal-UE li taħdem favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja u għal darb'oħra jenfasizza li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem u għall-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni tat-18-il persuna fit-30 ta' Mejju 2010 u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu u s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-mejta;

3.  Jitlob lil-Libja tiżvela l-ismijiet tat-18-il persuna ġustizzjata, inklużi dawk ta' ċittadini barranin;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Libjani sabiex jiżguraw li dawk li ġew miżmuma b'rabta mal-ġrajjiet imsemmija hawn fuq jingħatalhom trattament uman waqt li jkunu miżmuma, u tingħathalhom il-garanzija ta' smigħ ġust skont il-liġi internazzjonali, inkluż l-aċċess għal avukat li jagħżlu huma, u r-rispett tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libjani biex jagħmlu progress lejn moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar l-għeluq tal-uffiċċju tal-UNHCR fil-Libja;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Libjani biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Rifuġjati mingħajr dewmien u biex jippermettu u jiffaċilitaw it-tmexxija tal-attivitajiet tal-UNHCR fil-Libja, inkluż it-twaqqif ta' sistema ta' ażil nazzjonali;

8.  Jistieden lill-Istati Membri li jiddeportaw il-migranti lejn il-Libja, b'kooperazzjoni mal-Frontex (l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea) biex iwaqqfu immedjatament dawn il-prattiki fejn ikun hemm riskju serju li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, tortura jew trattament jew kastig inuman jew degradanti ieħor;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jaġixxu skont it-termini tal-Artikoli 265 u l-artikolu 218(10) TFUE li jipprovdu li “l-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat immedjatament u għal kollox fl-istadji kollha tal-proċedura” dwar in-negozjati mal-Libja; itenni t-talba tiegħu biex jiġi infurmat b'mod sħiħ dwar il-mandat ta' negozjar tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

10.  Jafferma li kull koperazzjoni jew ftehim bejn l-UE u l-Libja għandha tkun kondizzjonali fuq il-ratifika u l-implimentazzjoni mil-Libja tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Refuġjati u ta' konvenzjonijiet u protokolli ewlenin oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li qed issir riforma tal-kodiċi penali minn kumitat presedut mill-ex-President tal-Qorti Suprema Dr Abdulraham Abu Tuta, u jittama li dalwaqt se jkun kapaċi jippreżenta rapport; jistieden lill-awtoritajiet Libjani biex iniedu dibattitu nazzjonali ħieles u demokratiku dwar il-piena tal-mewt bil-ħsieb li jingħaqdu mal-bidla dinjija favur l-abolizzjoni tagħha;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien taċ-ċittadin Svizzeru Max Goeldi;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-UNHCR, lill-UNGA, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lill-awtoritajiet Libjani.

Avviż legali - Politika tal-privatezza